EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016PC0761

Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li temenda d-Direttiva 2012/27/UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija

COM/2016/0761 final - 2016/0376 (COD)

Brussell, 30.11.2016

COM(2016) 761 final

2016/0376(COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 2012/27/UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

{SWD(2016) 399 final}
{SWD(2016) 401 final}
{SWD(2016) 402 final}
{SWD(2016) 403 final}
{SWD(2016) 404 final}
{SWD(2016) 405 final}
{SWD(2016) 406 final}


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

   Ir-raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha

Il-prinċipju li l-"effiċjenza enerġetika tiġi l-ewwel" huwa element ewlieni tal-Unjoni tal-Enerġija - din il-proposta tpoġġih fil-prattika. L-orħos enerġija, l-iktar enerġija nadifa, l-iktar enerġija sigura hija l-enerġija li ma tintużax. Jenħtieġ li l-effiċjenza fl-enerġija titqies bħala sors tal-enerġija għaliha waħidha. Dan huwa wieħed mill-iktar modi kosteffettivi biex tiġi appoġġata t-tranżizzjoni għal ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju u biex jinħolqu t-tkabbir, l-impjiegi u l-opportunitajiet ta’ investiment.a

Il-qafas legali tal-Unjoni Ewropea nbena madwar mira ta’ effiċjenza fl-enerġija ta’ 20 % għall-2020 – issa dan irid isir mill-ġdid b’perspettiva għall-2030, b’segwitu għall-qbil fl-2014 tal-Kunsill Ewropew dwar mira ta’ mill-inqas 27 % għall-2030, li għandha tiġi riveduta sal-2020 bil-ħsieb ta’ mira ta’ 30 % u wara r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew li ssejjaħ għal mira vinkolanti ta’ 40 %.

Din il-proposta tistabbilixxi mira vinkolanti ta’ 30 % effiċjenza fl-enerġija għall-2030 fil-livell tal-UE. Hekk l-Istati Membri u l-investituri jingħataw perspettiva fit-tul biex jippjanaw il-politiki u l-investimenti tagħhom u biex jadattaw l-istrateġiji tagħhom għall-effiċjenza fl-enerġija. Appoġġata minn politiki ddedikati fil-livell tal-UE, dak nazzjonali u dak reġjonali, din il-mira se ġġib diversi benefiċċji sostanzjali għall-Ewropa. Mira bħal din tirrappreżenta tnaqqis fil-konsum tal-enerġija finali ta’ 17 % meta mqabbel mal-2005. Se żżid it-tkabbir ekonomiku, u twassal għal żieda fil-PDG ta’ madwar 0,4 % (EUR 70 biljun). Aktar effiċjenza fl-enerġija se tgħin biex il-kumpaniji Ewropej itejbu l-kompetittività tagħhom billi jżommu l-ispejjeż tagħhom baxxi, filwaqt li l-prezzijiet tal-elettriku għall-unitajiet domestiċi u għall-industrija mistennija li jonqsu fuq medja minn 161 għal 157 €/MWh. Se toħloq impjiegi u opportunitajiet għan-negozji lokali, bi stima ta’ 400 000 xogħol addizzjonali fis-setturi kollha sal-2030, spċejalment fis-settur tal-kostruzzjoni, fosthom biż-żieda tad-domanda għal xogħol manwali tas-sengħa. Il-bini waħdu huwa l-akbar konsumatur tal-enerġija fl-Ewropa, u jikkonsma 40 % tal-enerġija finali, għalhekk mira ta’ 30 % effiċjenza fl-enerġija għandha potenzjal kbir fis-settur. Fl-aħħar nett, l-ispejjeż tal-kontroll tat-tniġġis u l-ispejjeż tal-ħsara lis-saħħa għandhom jitnaqqsu b’bejn EUR 4.5 – 8.3 biljun u s-sigurtà tal-enerġija se titjieb ħafna, bi tnaqqis ta’ 12 % fl-importazzjonijiet tal-gass fl-2030.

Skont id-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija, l-Istati Membri jridu jiżguraw li l-fornituri u d-distributuri tal-enerġija jżidu l-iffrankar tal-enerġija tagħhom b’1.5 % fis-sena. Dan huwa element ewlieni tal-qafas tal-effiċjenza fl-enerġija tal-UE, implimentat bi skemi ta’ obbligu ddedikati u miżuri alternattivi. Dan deher li għandu effett b’saħħtu “li jiġbed” biex jixpruna l-iffrankar tal-enerġija fl-użu finali, jattira l-investiment privat fl-effiċjenza fl-enerġija u jappoġġa d-dħul ta’ atturi ġodda fis-suq. Joħloq azzjoni politika għall-effiċjenza fl-enerġija filwaqt li jżid ir-rata tar-rinnovazzjoni tal-bini u l-użu ta’ apparat domestiku u tekniki effiċjenti fl-enerġija. Huwa politika ewlenija li wara l-2020 u lil hinn minn dik id-data, tiżblokka l-investimenti privati meħtieġa u l-opportunitajiet ta’ negozju għall-kumpaniji tal-UE, b’mod speċjali għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju.

Għalhekk il-proposta testendi l-obbligu tal-iffrankar tal-enerġija lil hinn mill-2020 filwaqt li żżomm ir-rata ta’ 1.5 % u l-possibbiltà li tuża kemm l-iskemi tal-obbligu tal-iffrankar tal-enerġija u kemm miżuri alternattivi. Hekk l-Istati Membri jżommu bis-sħiħ il-flessibbiltà li diġà għandhom f’kif jimplimentaw l-obbligu tal-iffrankar, f’konformità mal-politika tal-ambjent u mal-kundizzjonijiet tas-suq tagħhom. Din id-dispożizzjoni hija ċentrali biex jinkisbu l-objettivi tal-Unjoni għall-enerġija u għall-klima, għax madwar nofs l-iffrankar addizzjonali li jenħtieġ biex tintlaħaq il-mira ta’ 30 % ta’ effiċjenza fl-enerġija fl-2030 huwa mistenni li jasal mill-estensjoni lil hinn mill-2020.

Sabiex tagħti setgħa akbar lill-konsumaturi bħala atturi ewlenin fis-suq tal-enerġija, il-Kummissjoni tipproponi li ttejjeb id-dispożizzjoni tal-informazzjoni dwar il-konsum tagħhom tat-tisħin u tat-tkessiħ u li ssaħħaħ id-drittijiet tagħhom b’relazzjoni mal-arloġġi u mal-kontijiet tal-enerġija termali, b’mod partikolari għan-nies li jgħixu f’bini b’aktar minn appartament wieħed. Sabiex titjieb il-frekwenza tal-informazzjoni, jiġi introdott obbligu biex l-arloġġi tat-tisħin ikunu jistgħu jinqraw mill-bogħod.

Il-proposta ssaħħaħ l-aspetti soċjali tal-effiċjenza fl-enerġija billi tirrikjedi li l-faqar enerġetiku jrid jiġi kkunsidrat fit-tfassil tal-iskemi dwar l-obbligi tal-effiċjenza fl-enerġija u fit-tfassil ta’ miżuri alternattivi. It-tnaqqis fil-kontijiet tal-enerġija se jkun ta’ benefiċċju partikolari anki għall-iktar konsumaturi vulnerabbli.

F’din il-proposta qed jiġu inklużi biss dawk l-artikoli tad-Direttiva li jenħtieġ li jiġu aġġornati għall-perjodu ta’ żmien sal-2030, u d-dispożizzjonijiet dwar is-sistemi tal-arloġġi u tal-kontjiet. Minbarra l-emendi tekniċi tal-koeffiċjent awtomatiku fl-Anness IV u tad-delega fl-Artikolu 22, l-artikoli l-oħra tad-Direttiva ma jintmessux.

   Konsistenza mad-dispożizzjonijiet tal-politika eżistenti

L-effiċjenza fl-enerġija u l-prinċipju li l-"effiċjenza enerġetika tiġi l-ewwel' jinsabu fil-qalba tal-Istrateġija tal-Unjoni tal-Enerġija. Il-proposta torganizza aħjar u tissimplifika d-dispożizzjonijiet eżistenti u żżid il-koerenza ma’ elementi oħrajn tal-pakkett dwar l-Enerġija Nadifa għall-Ewropej Kollha, jiġifieri r-regolament il-ġdid dwar il-Governanza, id-disinn il-ġdid tas-suq tal-elettriku u l-aġġornament tal-leġiżlazzjoni dwar l-enerġija rinnovabbli.

Se tippermetti wkoll li d-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija tikseb il-potenzjal sħiħ tagħha billi żżid ir-rinnovazzjoni effiċjenti fl-enerġija tal-bini. Il-fornituri u d-distributuri tal-Enerġija ta’ spiss jilħqu l-obbligu tagħhom ta’ ffrankar ta’ 1.5 % bl-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ effiċjenza fl-enerġija fid-djar tal-konsumaturi individwali tagħhom. Id-dokument ta’ ħidma tal-persunal mehmuż jagħti eżempji ta’ prattika tajba fl-effiċjenza fl-enerġija madwar l-Unjoni 1 .

Il-miri tal-effiċjenza fl-enerġija huma marbuta ma’ miri tal-klima u b’mod partikolari d-Deċiżjoni dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi (ESD) 2 li tistabbilixxi miri għat-tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ gass serra (GHG) għall-Istati Membri. Il-politiki dwar l-effiċjenza fl-enerġija jżidu b’mod sinifikanti l-użu tat-teknoloġiji għall-iffrankar tal-enerġija fil-bini, fl-industrija u fit-trasport. Il-miżuri tal-effiċjenza fl-enerġija huma mod kosteffettiv kif l-Istati Membri jiġu megħjuna jilħqu l-miri tal-Iskema għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS) 3 u tal-ESD, hekk kif l-Artikolu 7 tad-Direttiva jirrikjedi lill-Istati Membri jiksbu ffrankar tal-enerġija reali u għalhekk jinkoraġġixxi miżuri tal-effiċjenza fl-enerġija fil-prattika.

L-emendi proposti tad-dispożizzjonijiet dwar is-sistemi tal-arloġġi u tal-kontjiet se jżidu l-koerenza mal-leġiżlazzjoni tas-suq intern tal-enerġija dwar l-elettriku u se jikkontribwixxu għal inizjattivi oħrajn tal-Unjoni tal-Enerġija: l-Istrateġija dwar it-Tisħin u t-Tkessiħ 4 u l-Patt Ġdid għall-Konusmaturi tal-Enerġija.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

   Bażi ġuridika

Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 194(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li huwa l-bażi ġuridika għall-miżuri dwar l-enerġija. Huwa wkoll il-bażi ġuridika tad-Direttiva 2012/27/UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija, li qed tiġi emendata b’din il-proposta. Billi t-Trattat fih bażi ġuridika speċifika għall-enerġija, huwa xieraq li jintuża.

   Sussidjarjetà

L-istrumenti dwar l-effiċjenza fl-enerġija adottati fil-livell tal-UE jirriflettu l-importanza dejjem tikber tal-enerġija bħala sfida politika u ekonomika u l-interrelazzjoni mill-qrib tagħha mal-oqsma tal-politika tas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, it-tibdil fil-klima, is-sostenibbiltà, is-suq intern, u l-iżvilupp ekonomiku. Minħabba l-fallimenti regolatorji u tas-suq, ammonti kbar ta’ investimenti kosteffettivi fl-effiċjenza fl-enerġija mhux se jseħħu, u dan se jwassal għal livell ta’ konsum tal-enerġija fl-2030 li mhuwiex konformi mal-Ftehim tal-Kunsill Ewropew ta' Ottubru 2014. Sal-lum, l-għanijiet tal-effiċjenza fl-enerġija ma setgħux jintlaħqu biżżejjed mill-Istati Membri weħidhom, u għalhekk tenħtieġ l-azzjoni fil-livell tal-Unjoni biex tiffaċilita u tappoġġa l-użu ta’ attivitajiet fuq livell nazzjonali. Il-prinċipju tas-sussidjarjetà huwa rrispettat għaliex l-Istati Membri se jżommu l-istess flessibbiltà bħal-lum f’termini tal-għażla tat-taħlita tal-politika tagħhom u tal-approċċ tagħhom biex jiksbu l-iffrankar meħtieġ sal-2030, inkluż kif l-iffrankar se jinqasam fuq fażijiet.

   Proporzjonalità

Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, l-emendi proposti ma jmorrux lil hinn milli hemm bżonn biex jilħqu l-objettivi stabbiliti. L-emendi proposti tal-qafas leġiżlattiv attwali se jadattawh għal perjodu ta’ żmien sal-2030 u se jtejbu ċ-ċarezza u l-prattiċità tiegħu. L-għażla preferuta vvalutata għall-Artikolu 7 ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi (ir-rekwiżit tal-iffrankar sal-2030). Il-valutazzjoni tal-impatt tistabbilixxi għal xiex huwa xieraq li tinżamm l-istess rata ta’ 1.5 % fis-sena anke għall-perjodu l-ġdid (2021-2030).

L-iskop tal-elementi proposti fl-għażliet huwa limitat għal dawk l-aspetti li jeħtieġu azzjoni mill-Unjoni (l-istabbiliment tar-rekwiżit tal-iffrankar u l-implimentazzjoni tal-qafas li jiżgura li dan l-iffrankar jinkiseb b’mod kredibbli).

L-emendi ta’ simplifikazzjoni u kjarifika se jagħmluha aktar faċli għall-Istati Membri biex jimplimentaw id-dispożizzjonijiet u jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-iffrankar tal-enerġija.

L-emendi tal-Artikoli 9-11 aktarx li mhu se jkollhom l-ebda effett kbir fuq kif l-Istati Membri diġà jittrattaw l-obbligi relatati mas-sistemi tal-arloġġi u tal-kontijiet għall-konsumaturi tal-enerġija u ġew stabbiliti skadenzi xierqa għall-obbligi relatati ma’ apparati li jinqraw mill-bogħod.

   Għażla tal-istrument

Billi din il-proposta temenda Direttiva eżistenti, l-istrument xieraq huwa Direttiva li temenda.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

   Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Il-konsultazzjoni pubblika tnediet fl-4 ta’ Novembru 2015 biex tirċievi feedback u input mill-partijiet ikkonċernati. F’konformità ma’ prattika tajba, l-istħarriġ aċċetta risposti għal aktar minn 12-il ġimgħa.

L-istħarriġ online rċieva 332 risposta, u l-indirizz funzjonali tal-posta elettronika rċieva 69 dokument addizzjonali, b’mod komplementarju jew minflok ir-risposti bbażati fuq l-istħarriġ. Ħafna mill-kontributi tressqu mill-assoċjazzjonijiet tal-industrija (140), kumpaniji privati (47) u NGOs (33). Total ta’ 19-il awtorità pubblika ċentrali ressqu kontributi, inkluż 18 mill-UE u min-Norveġja. Mit-18-il awtorità pubblika ċentrali mill-UE, 3 talbu biex jibqgħu anonimi. Il-15 li jifdal kienu mill-Awstrija, mill-Belġju, mill-Kroazja, mir-Repubblika Ċeka, mid-Danimarka, mill-Estonja, mill-Finlandja, minn Franza, mill-Ungerija, mil-Latvja, mil-Litwanja, min-Netherlands, mis-Slovakkja, mill-Iżvezja u mir-Renju Unit.

Konsultazzjoni aktar immirata mal-Istati Membri twettqet permezz tal-laqgħa tal-Kumitat għad-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija tat-2 ta’ Frar 2016 u l-laqgħa tal-Azzjoni Miftiehma tas-17-18 ta’ Marzu 2016.

Inġabar aktar input mill-partijiet ikkonċernati permezz ta' gruppi ta' ħidma tematiċi, b'mod partikolari fuq il-monitoraġġ u l-verifika (3 ta' Frar 2016) u dwar il-kummerċ tal-iffrankar tal-enerġija skont l-Artikolu 7 (29 ta' Frar 2016).

Fl-14 ta' Marzu 2016, sar avveniment iddedikat għall-partijiet ikkonċernati li jiffoka fuq l-għażliet tal-politika u d-diskussjoni ddaħħlet fil-proċess tal-valutazzjoni tal-impatt (ara l-konklużjonijiet hawn taħt). Dan l-avveniment għall-partijiet ikkonċernati, b’282 parteċipant mill-industrija Ewropea, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-Istati Membri, sar ukoll biex tiġi diskussa l-mira tal-2030. Il-maġġoranza tal-partijiet ikkonċernati, li esprimew l-opinjoni tagħhom, appoġġjaw il-mira ta’ 40 % sal-2030, imma ma waslux għal opinjoni definittiva dwar jekk il-mira għandhiex tkun vinkolanti.

   Il-ġbir u l-użu tal-għarfien espert

L-istudji li ġejjin ġew ikkummissjonati minn kuntratturi esterni:

Rapport Finali li jevalwa l-implimentazzjoni tal-Artikolu 7 tal-EED, Ricardo-AEA/ CE Delft.

Abbozz ta’ Rapport Finali dwar il-valutazzjoni tal-ispejjeż u l-benefiċċji tal-EEOSs, RAP.

Analiżi pprovduta dwar il-valutazzjoni tal-impatt tal-Artikolu 7, EED, Ricardo AEA/CE Delft (fil-qafas tat-tielet studju ta’ segwitu dwar l-Artikolu 7).

“Analiżi ta’ prattiki tajba u żvilupp ta’ linji gwida għal allokazzjoni preċiża u ġusta tal-ispejjeż għall-konsum individwali tat-tisħin, it-tkessiħ u l-ilma sħun domestiku f’bini b’aktar minn appartament wieħed u b’diversi użi biex jappoġġjaw l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Artikoli 9-11 tad-Direttiva 2012/27/UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija” minn Empirica.

Għall-emendi tal-Artikoli 1 u 3, intuża l-mudell tas-sistema tal-enerġija, PRIMES tal-Università Nazzjonali Teknika ta’ Ateni (NTUA). Barra minn hekk, għall-immudellar u l-analiżi makroekonomiċi, intuża l-għarfien espert minn NTUA, Cambridge Econometrics u Ernest and Young.

   Valutazzjoni tal-impatt

L-għażliet li ġejjin ġew kkunsidrati:

Għal-livell tal-mira, ġie vvalutat tnaqqis tal-enerġija primarja meta mqabbel mal-linja bażi tal-2007 ta’ 27, 30, 33, 35 u 40 %. Għall-formulazzjoni tal-mira, ġew analizzati konsum ta’ enerġija primarja u/jew finali, iffrankar jew mira tal-intensità enerġetika. Rigward in-natura tal-mira, l-għażliet li ġejjin ġew ivvalutati:

Għażla 1: miri indikattivi tal-UE u nazzjonali;

Għażla 2: mira vinkolanti tal-UE;

Għażla 3: miri vinkolanti tal-Istati Membri.

Għall-Artikolu 7:

Għażla 1: l-ebda azzjoni fil-livell tal-UE – tkompli bil-gwida dwar il-qafas regolatorju u l-infurzar sal-2020;

Għażla 2: l-estenzjoni tal-Artikolu 7 għall-2030;

Għażla 3: l-estensjoni tal-Artikolu 7 għall-2030, simplifikazzjoni u aġġornament;

Għażla 4: l-Artikolu 7 jiġi estiż għall-2030, tiżdied ir-rata tal-iffrankar.

Għall-Artikoli 9-11:

Għażla 1: implimentazzjoni msaħħa u aktar gwida (għażla mhux leġiżlattiva);

Għażla 2: kjarifika u aġġornament, inkluż konsolidazzjoni ta' ċertu dispożizzjonijiet li jżidu l-koerenza mal-leġiżlazzjoni tas-suq intern tal-enerġija.

L-għażliet kollha huma vvalutati fil-Valutazzjoni tal-Impatt u mqabbla fil-konfront tax-xenarju tal-linja bażi u fil-konfront ta’ xulxin. Il-valutazzjoni wriet li livell ogħla minn 27 % ta’ effiċjenza fl-enerġija fl-2030 se jġib benefiċċji ogħla fir-rigward tal-impjiegi u t-tkabbir ekonomiku, is-sigurtà tal-provvista, it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra, is-saħħa u l-ambjent. Abbażi ta’ din l-analiżi multidimensjonali ttieħdet deċiżjoni politika ta’ mira vinkolanti ta’ 30 % għall-effiċjenza fl-enerġija. Bħala riżultat tal-analiżi, l-għażla 3 għall-Artikolu 7 u l-għażla 2 għall-Artikoli 9-11 huma l-għażliet preferuti għaliex dawn huma l-aktar effettivi u effiċjenti biex jintlaħqu l-objettivi mixtieqa u huma konsistenti ma’ oqsma oħra tal-politika tal-enerġija tal-UE.

L-estensjoni tal-Artikolu 7 għall-2030 taħt l-għażla preferuta se tgħin biex jitnaqqas il-konsum tal-enerġija u l-emissjonijiet tas-CO2 u se twassal ukoll għal titjib fil-kwalità tal-arja.

F’termini tal-impatti soċjali, l-għażla preferuta se jkollha effett pożittiv fuq l-impjiegi: analiżi ta’ aktar minn 20 studju kkonkludiet li għal kull EUR 1.2 miljun li jintefqu fuq l-effiċjenza fl-enerġija madwar 23 impjieg huma direttament appoġġjati mill-industrija tal-effiċjenza fl-enerġija. Jekk dan il-proporzjon jiġi applikat għall-infiq totali mill-kumpaniji tal-enerġija pereżempju fl-Awstrija, fid-Danimarka, fi Franza, fl-Italja, u fir-Renju Unit, u jekk nassumu fattur ta’ ingranaġġ ta’ 2, dan jissuġġerixxi li sa 100 000 impjieg huma appoġġjati mill-iskemi tal-obbligi tal-effiċjenza fl-enerġija f’dawk il-pajjiżi. Huwa mistenni wkoll impatt pożittiv għal dawk “foqra fl-enerġija”: studju tal-2013 għall-Bank Ewropew tal-Investiment sab li t-tnaqqis fil-kontijiet tal-fjuwil permezz ta’ miżuri tal-effiċjenza fl-enerġija jista’ jimmitiga l-faqar enerġetiku u jgħin biex jindirizza l-kwistjonijiet assoċjati mal-inugwaljanza u mal-esklużjoni soċjali.

   Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Il-proposta ma teżentax lill-mikrointrapriżi imma d-Direttiva fiha dispożizzjonijiet speċifiċi għall-intrapriżi żgħar u medji (SMEs), li mhumiex suġġetti għall-obbligu li jkollhom awditjar tal-enerġija kull erba’ snin. L-Istati Membri huma meħtieġa jiżviluppaw programmi biex jinkoraġġixxu lill-SMEs iwettqu l-awditi tal-enerġija, u jistgħu jistabbilixxu skemi ta’ appoġġ biex ikopru l-ispejjeż ta’ dawn l-awditi tal-enerġija.

L-obbligu tal-iffrankar tal-enerġija fl-Artikolu 7 tad-Direttiva spiss jinqaleb fil-prattika f’ħafna miżuri tal-iffrankar tal-enerġija fuq skala żgħira, b’mod partikolari relatati mar-rinnovazzjoni tal-bini. L-SMEs, pereżempju ditti żgħar tal-kostruzzjoni, jibbenefikaw minn dawn l-opportunitajiet tan-negozju, u l-estensjoni tal-Artikolu 7 lil hinn mil-limitu attwali tiegħu sal-2020 għall-2030 se jippermetti li jitkompla l-effett pożittiv. L-espansjoni tal-ikkuntrattar għall-prestazzjoni tal-enerġija wasslet biex il-fornituri tal-enerġija jużaw kumpaniji ta’ servizz ta’ enerġija (ESCOs), li spiss huma SMEs.

Fl-2016 il-Kummissjoni wettqet kontroll tal-idoneità fuq l-industrija tal-kostruzzjoni fl-oqsma tal-politika tas-suq intern u tal-effiċjenza fl-enerġija li sabet li, b’mod globali, il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija kellha effett pożittiv fuq is-settur tal-kostruzzjoni, li wassal għal żieda fl-opportunitajiet kummerċjali marbuta mar-rinnovazzjoni effiċjenti fl-enerġija tal-bini.

L-emendi proposti tas-sistemi tal-arloġġi u tal-kontijiet għall-konsumaturi tal-enerġija se jiċċaraw u jaġġornaw id-dispożizzjonijiet attwali biex iqisu l-iżvilupp u l-benefiċċji ta’ apparati li jkejlu mill-bogħod il-konsum termali u jżidu l-informazzjoni dwar l-użu proprju tal-enerġija kif ukoll il-frekwenza tagħha.

L-emendi proposti tad-Direttiva se jissimplifikaw u jiċċaraw l-implimentazzjoni għall-Istati Membri, u se jimminimizzaw, kemm jista’ jkun possibbli, it-trikkib fuq leġiżlazzjoni u politiki oħra dwar l-enerġija.

4.L-IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Din il-proposta temenda Direttiva eżistenti dwar l-effiċjenza fl-enerġija, u għalkemm ir-rekwiżiti huma estiżi fiż-żmien, dan mhux mistenni li jwassal għal wisq konsegwenzi addizzjonali baġitarji jew ta’ spejjeż amministrattivi għall-awtoritajiet pubbliċi fl-Istati Membri għaliex diġà għandhom miżuri u strutturi fis-seħħ. F’ħafna mill-każijiet, l-ispejjeż assoċjati ma’ miżuri taħt l-iskemi tal-obbligi tal-effiċjenza fl-enerġija jgħaddu lill-klijenti aħħarin, imma dawn jibbenefikaw minn kontijiet tal-enerġija mnaqqsa minħabba konsum tal-enerġija mnaqqas.

Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni għall-baġit tal-UE.

5.ELEMENTI OĦRA

   Il-pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

Din il-proposta ma tagħmel l-ebda bidla fl-obbligi tar-rapportar attwali tal-Istati Membri. Il-proposta leġiżlattiva dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija se tiżgura li se tiġi implimentata sistema trasparenti u affidabbli ta’ ppjanar, rapportar u monitoraġġ, ibbażata fuq pjanijiet nazzjonali integrati dwar l-enerġija u l-klima u rapporti dwar il-progress mill-Istati Membri, li b’mod regolari jivvalutaw l-implimentazzjoni ta’ pjanijiet nazzjonali. Dan għandu jħaffef il-piż amministrattiv fuq l-Istati Membri, imma xorta se jippermetti lill-Kummissjoni timmonitorja l-progress tal-Istati Membri lejn il-miri tagħhom tal-effiċjenza fl-enerġija u l-mira globali tal-UE. L-indikaturi ta’ suċċess f’konformità mal-għażla preferuta meta l-proposta tiġi adottata se jkunu:

traspożizzjoni u implimentazzjoni korretti tat-tibdil għad-Direttiva;

iżjed progress lejn il-miri nazzjonali u tal-UE dwar l-effiċjenza u l-enerġija;

aktar informazzjoni disponibbli għall-konsumaturi dwar il-konsum tal-enerġija termali tagħhom;

anqas piż amministrattiv fuq l-Istati Membri u rapportar aħjar dwar il-miżuri u l-iffrankar mill-Istati Membri.

Waħda mill-emendi proposti tad-Direttiva żżid rekwiżit għall-Kummissjoni biex twettaq rieżami ġenerali tad-Direttiva sat-28 ta’ Frar 2024. In-Noti ta’ Gwida eżistenti dwar l-Artikolu 7 5 u l-Artikoli 9-11 6 se jiġu aġġornati biex jirriflettu t-tibdil li sar minn din il-proposta.

   Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

L-Artikolu 1 u l-Artikolu 3 tad-Direttiva huma emendati biex tiżdied il-mira vinkolanti ta’ 30 % tal-Unjoni għall-2030 dwar l-effiċjenza fl-enerġija.

Ma hemm l-ebda mira vinkolanti għall-Istati Membri, iżda l-kontribuzzjonijiet indikattivi nazzjonali tagħhom dwar l-effiċjenza fl-enerġija għall-2030 se jkunu notifikati fil-Pjanijiet Integrati Nazzjonali dwar l-Enerġija u l-Klima. Il-Kummissjoni se tivvaluta l-kontribuzzjonijiet indikattivi nazzjonali tal-effiċjenza fl-enerġija għall-2030 u se tistabbilixxi l-proċess dwar kif ikun żgurat li l-kontribuzzjonijiet jilħqu l-mira tal-2030 tal-Unjoni dwar l-effiċjenza fl-enerġija fil-proposta leġiżlattiva dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija. Il-Kummissjoni tevalwa wkoll il-progress tal-effiċjenza fl-enerġija lejn il-mira tal-2030 u tipproponi miżuri addizjonali jekk l-Unjoni ma tkunx fit-triq ittajba biex tikseb il-mira tal-2030. F’dan il-kuntest, il-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-progress kollettiv li sar fl-implimentazzjoni tal-Pjanijiet Nazzjonali Integrati dwar l-Enerġija u l-Klima se tkun ta’ importanza ewlenija. Id-dispożizzjoni għal evalwazzjonijiet regolari mill-Kummissjoni dwar il-progress tal-Istati Membri u tal-Unjoni sħiħa lejn il-miri tal-2030 hija speċifikata wkoll fil-proposta leġiżlattiva tal-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija.

L-Artikolu 4, li jirrikjedi lill-Istati Membri jistabbilixxu strateġiji fit-tul għall-mobilizzazzjoni tal-investiment fir-rinnovazzjoni tal-istokk tal-bini nazzjonali tagħhom, se jitneħħa minn din id-Direttiva u jiżdied mad-Direttiva dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija fejn huwa aktar adattat minħabba l-finanzjament intelliġenti għall-inizjattiva tal-bini, il-pjanijiet fit-tul għal bini b’użu ta’ enerġija qrib iż-żero u l-għan tad-dekarbonizzazzjoni tal-bini.

L-Artikolu 7 huwa emendat biex jestendi l-perjodu obbligatorju lil hinn mill-2020 sal-2030 u biex jagħmilha ċara li l-Istati Membri jistgħu jiksbu l-iffrankar tal-enerġija meħtieġ permezz ta’ skema tal-obbligi tal-effiċjenza fl-enerġija, miżuri alternattivi, jew kombinazzjoni taż-żewġ approċċi. L-Istati Membri se jkunu jistgħu jikkunsidraw sa ċertu punt l-installazzjoni ta’ teknoloġiji ġodda tal-enerġija rinnovabbli fuq jew fil-bini. L-Anness V huwa emendat ukoll, biex jissimplifika kif irid jiġi kkalkulat l-iffrankar tal-enerġija, u biex jiċċara liema ffrankar huwa eliġibbli għall-finijiet tal-Artikolu 7. Dan huwa rilevanti b'mod partikolari fir-rigward tal-iffrankar tal-enerġija li jirriżulta minn miżuri li jimmiraw ir-rinnovazzjoni tal-bini li issa jistgħu jiġi ddikjarat bis-sħiħ.

Il-kalkolu tal-ammont ta’ ffrankar meħtieġ għall-perjodu mill-2021 sal-2030 se jkompli jkun ibbażat fuq bejgħ ta’ enerġija annwali lill-klijenti aħħarin fuq medja tat-tliet snin ta’ qabel il-bidu tal-perjodu obbligatorju. L-Istati Membri diġà jistgħu jinkludu rekwiżiti soċjali mmirati lejn l-unitajiet domestiċi affettwati mill-faqar enerġetiku fl-iskemi tal-obbligi tal-effiċjenza fl-enerġija tagħhom. L-Artikolu 7 emendat isaħħaħ din id-dispożizzjoni u jirrikjedi li l-Istati Membri jikkunsidraw il-faqar enerġetiku meta jiddisinjaw miżuri alternattivi. Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġja l-aċċessibilità ta’ miżuri tal-effiċjenza fl-enerġija għall-konsumaturi foqra fl-enerġija permezz tal-iskambju tal-aħjar prattika.

L-Artikolu 9 dwar is-sistemi tal-arloġġi u l-Artikolu 10 dwar is-sistemi tal-kontijiet huma emendati biex ikunu applikabbli biss għall-gass filwaqt li jiġu kkomplementati b’dispożizzjonijiet ġodda, simili u ċari applikabbli biss għat-tisħin, għat-tkessiħ u għall-misħun domestiku li jiġu fornuti minn sorsi ċentrali.

Distinzjoni bejn il-klijenti aħħarin u l-konsumaturi aħħarin qed tiġi introdotta biex tiċċara l-applikabbiltà tar-regoli f’bini b’aktar minn appartament wieħed u b’diversi użi b’sottoarloġġi. L-għoti ta' feedback ċar u f'waqtu lill-konsumaturi dwar il-konsum proprju tal-enerġija tagħhom jista' jgħin biex jitnaqqsu l-kontijiet tal-enerġija, iżda l-feedback jaħdem l-aħjar meta jingħata b'mod regolari; għalhekk l-apparat li jkejjel l-enerġija termali matul iż-żmien għandu jkun jinqara mill-bogħod biex jiżgura li l-konsumaturi jkunu jistgħu jingħataw informazzjoni dwar il-konsum b’mod kosteffettiv fuq bażi frekwenti, finalment kull xahar. Bħala benefiċċju addizjonali, il-qari mill-bogħod jelimina l-bżonn li l-konsumaturi jkunu d-dar u jagħtu aċċess lill-qarrej tal-arloġġi. L-Anness VII huwa emendat ukoll biex jiżgura l-koerenza mal-Artikoli 9 sa 11.

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15(5) u 15(8) tad-Direttiva dwar it-trasformazzjoni, it-trażmissjoni u d-distribuzzjoni tal-enerġija se jitħassru biex jiġu inklużi dispożizzjonijiet ekwivalenti ġodda fil-proposti leġiżlattivi magħmula skont l-Inizjattiva tad-Disinn tas-Suq. Fil-każ tal-Artikolu 15(8), dan għandu jsir b’tali mod li jiżgura li d-dmirijiet stipulati għall-Istati Membri minn dawn ir-rekwiżiti jinżammu bis-sħiħ.

L-Artikolu 23 dwar is-setgħat delegati huwa emendat biex iħassar il-limitu taż-żmien attwali fuq id-delega, jissostitwixxih bil-perjodu standard ta’ ħames snin stabbilit fil-fehim komuni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-atti delegati.

L-Artikolu 24 se jiġi emendat mill-proposta leġiżlattiva dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija.

Tiżdied klawżola ta’ reviżjoni ġenerali għad-Direttiva, li skontha l-Kummissjoni trid tevalwa d-Direttiva u tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sat-28 ta’ Frar 2024, u kull ġames snin minn dik id-data 'l quddiem.

Il-fattur awtomatiku tal-enerġija primarja (PEF) fl-Anness IV huwa emendat biex iqis l-avvanzi teknoloġiċi. Dan jista’ jiġi emendat permezz ta’ att delegat, imma huwa meqjus aktar xieraq li tintuża din il-proposta legali biex jintlaħaq l-istess għan.

2016/0376 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 2012/27/UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 194(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 7 ,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni 8 ,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)Il-moderazzjoni tad-domanda għall-enerġija hija waħda mill-ħames dimensjonijiet tal-Istrateġija tal-Unjoni tal-Enerġija adottata fil-25 ta’ Frar 2015. It-titjib fl-effiċjenza fl-enerġija se jkun ta’ benefiċċju għall-ambjent, inaqqas l-emissjonijiet tal-gass serra, itejjeb is-sigurtà tal-enerġija bit-tnaqqis tad-dipendenza mill-importazzjonijiet tal-enerġija minn barra l-Unjoni, jaqta’ l-ispiża tal-enerġija għall-unitajiet domestiċi u għall-kumpaniji, jgħin biex itaffi l-faqar enerġetiku u jwassal għal żieda fl-impjiegi u fl-attività ekonomika fl-ekonomija kollha. Dan huwa konformi mal-impenni tal-Unjoni magħmula fil-qafas tal-Unjoni tal-Enerġija u fl-aġenda tal-klima globali stabbilita fil-Ftehim ta' Pariġi ta' Diċembru 2015 mill-Partijiet għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima.

(2)Id-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 9 hija element għall-progress lejn l-Unjoni tal-Enerġija li taħtha l-effiċjenza fl-enerġija tenħtieġ li tiġi ttrattata bħala sors tal-enerġija fiha nnifisha. Għandu jitqies il-prinċipju li l-"effiċjenza enerġetika tiġi l-ewwel" meta jiġi stabbilit regoli ġodda għan-naħa tal-provvista u għal oqsma ta' politika oħra. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-effiċjenza fl-enerġija u r-rispons tan-naħa tad-domanda jkunu jistgħu jikkompetu fuq termini ekwi mal-kapaċità tal-ġenerazzjoni. Jenħtieġ li l-effiċjenza fl-enerġija tiġi kkunsidrata fl-ippjanar ta' sistemi tal-enerġija rilevanti jew kull meta jittieħdu deċiżjonijiet dwar il-finanzjamenti. Irid isir titjib effiċjenti fl-enerġija kull meta dan ikun iżjed kosteffettiv minn soluzzjonijiet mil-lat tal-provvista li jkunu ekwivalenti. Dan għandu jgħin biex jiġu sfruttati d-diversi benefiċċji tal-effiċjenza fl-enerġija għas-soċjetà tal-Ewropa, b'mod partikolari għaċ-ċittadini u għan-negozji.

(3)Il-Kunsill Ewropew ta’ Ottubru 2014 stabbilixxa mira ta' 27 % ta’ effiċjenza fl-enerġija għall-2030, li għandha tiġi riveduta sal-2020 “b’kont meħud tal-livell tal-Unjoni ta’ 30 %”. F’Diċembru 2015, il-Parlament Ewropew stieden lill-Kummissjoni biex tivvaluta wkoll il-vijabbiltà ta’ mira ta’ 40 % għall-effiċjenza fl-enerġija għall-istess perjodu ta’ żmien. Għalhekk huwa xieraq li d-Direttiva tiġi riveduta u konsegwentement emendata biex tiġi adattata għall-perspettiva tal-2030.

(4)Ma hemm l-ebda mira vinkolanti fil-livell nazzjonali fil-perspettiva tal-2030. Il-ħtieġa tal-Unjoni li tilħaq il-miri tagħha tal-effiċjenza fl-enerġija fil-livell tal-UE, espressi f’konsum tal-enerġija primarja u finali, fl-2020 u fl-2030 tenħtieġ li tiġi stabbilita b’mod ċar fil-forma ta’ mira vinkolanti ta’ 30 %. Din il-kjarifika fil-livell tal-Unjoni ma għandhiex tirristrinġi lill-Istati Membri għaliex il-libertà tagħhom tinżamm biex ikunu jistgħu jistabbilixxu l-kontribut nazzjonali tagħhom abbażi tal-konsum tal-enerġija primarja jew finali, jew tal-iffrankar tal-enerġija primarja jew finali, jew tal-intensità tal-enerġija. Jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu l-kontribuzzjonijiet indikattivi nazzjonali tagħhom tal-effiċjenza fl-enerġija nazzjonali filwaqt li jqisu li l-konsum tal-enerġija tal-Unjoni għall-2030 ma jridx ikun aktar minn 1 321 Mtoe ta’ enerġija primarja u mhux aktar minn 987 Mtoe ta’ enerġija finali. Dan ifisser li l-konsum ta’ enerġija primarja għandu jitnaqqas bi 23 % u li l-konsum ta’ enerġija finali għandu jitnaqqas bi 17 % fl-Unjoni meta mqabbel mal-livelli tal-2005. Evalwazzjoni regolari tal-progress;ejn il-kisba tal-mira tal-Unjoni għall-2030 hija neċessarja u hija stipulata fil-proposta leġiżlattiva dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija.

(5)L-obbligu fuql-Istati Membri li jistabbilixxu strateġiji fit-tul għall-mobilizzazzjoni tal-investiment fir-rinnovazzjoni tal-istokk tal-bini nazzjonali tagħhom u jinnotifikawhom lill-Kummissjoni jenħtieġ li jitneħħa mid-Direttiva 2012/27/UE u jiżdied mad-Direttiva 2010/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 10 fejn jaqbel mal-pjanijiet fit-tul għal bini b’użu ta’ enerġija qrib iż-żero u d-dekarbonizzazzjoni tal-bini.

(6)Fid-dawl tal-qafas tal-klima u l-enerġija għall-2030 l-obbligu tal-iffrankar tal-enerġija għandu jiġi estiż lil hinn mill-2020. L-estensjoni tal-perjodu ta’ impenn lil hinn mill-2020 jaf joħloq aktar stabbiltà għall-investituri u b’hekk jinkoraġġixxi l-investimenti fit-tul u miżuri ta’ effiċjenza fl-enerġija fit-tul, bħar-rinnovazzjoni tal-bini.

(7)L-Istati Membri huma mitluba li jilħqu r-rekwiżit kumulattiv għall-iffrankar fl-użu finali għall-perjodu kollu tal-obbligu, ekwivalenti għal iffrankar “ġdid” ta’ 1.5 % tal-bejgħ tal-enerġija annwali. Dan ir-rekwiżit jista’ jiġi ssodisfat minn miżuri ġodda ta’ politika li huma adottati matul il-perjodu l-ġdid tal-obbligu mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2030 jew minn azzjonijiet individwali ġodda b’riżultat ta’ miżuri ta’ politika adottati matul jew qabel il-perjodu preċedenti, imma li fir-rigward tagħhom l-azzjonijiet individwali li jiskattaw l-iffrankar tal-enerġija huma fil-fatt introdotti matul il-perjodu l-ġdid.

(8)Il-miżuri fit-tul tal-effiċjenza fl-enerġija se jkomplu jipprovdu l-iffrankar tal-enerġija wara l-2020 imma sabiex jikkontribwixxu għall-mira li jmiss tal-effiċjenza fl-enerġija tal-Unjoni għall-2030, dawk il-miżuri għandhom iwasslu għal iffrankar ġdid wara l-2020. Min-naħa l-oħra, l-iffrankar tal-enerġija miksub wara l-31 ta’ Diċembru 2020 ma jistax jgħodd lejn l-ammont ta’ ffrankar kumulattiv meħtieġ għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-31 ta’ Diċembru 2020.

(9)L-iffrankar ġdid għandu jkun addizjonali għal dak li jsir is-soltu, biex l-iffrankar li xorta waħda kien isir ma jkunx jista' jiġi ddikjarat. Sabiex jiġi kkalkulat l-impatt tal-miżuri introdotti, jista' jingħadd biss l-iffrankar nett, imkejjel bħala l-bidla fil-konsum tal-enerġija li tista' tiġi attribwita direttament għall-miżura tal-effiċjenza fl-enerġija inkwistjoni. Sabiex jiġi kkalkulat l-iffrankar nett, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu xenarju bażi ta’ kif is-sitwazzjoni tevolvi fin-nuqqas tal-politika inkwistjoni. L-intervent tal-politika jenħtieġ li jiġi evalwat kontra din il-linja bażi ddefinita. L-Istati Membri għandhom iqisu li interventi oħra ta’ politika jistgħu jitwettqu fl-istess perjodu ta’ żmien li wkoll jista’ jkollhom impatt fuq l-iffrankar tal-enerġija, sabiex mhux it-tibdil kollu osservat sa mill-introduzzjoni tal-politika li qed tiġi evalwata jista’ jiġi attribwit għal dik il-miżura ta’ politika biss. L-azzjonijiet tal-parti obbligata, parteċipanti jew inkarigata għandhom jikkontriwbixxu realment għall-kisba tal-iffrankar iddikjarat biex ikun issodisfat ir-rekwiżit tal-materjalità.

(10)L-iffrankar tal-enerġija li jirriżulta mill-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni ma jistax jiġi ddikjarat diment li l-miżura inkwistjoni ma tmurx lil hinn mill-minimu rikjest mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni inkwistjoni, kemm bl-istabbiliment ta' rekwiżiti iktar ambizzjui tal-effiċjenza fl-enerġija fil-livell nazzjonali u kemm biż-żieda fl-adozzjoni tal-miżura. Filwaqt li jkun rikonoxxut il-fatt li r-rinnovazzjoni tal-bini hija element essenzjali fuq perjodu fit-tul biex jiżdied l-iffrankar fl-enerġija, jenħtieġ li jkun iċċarat li l-iffrankar kollu tal-enerġija li jirriżulta minn miżuri li jippromwovu r-rinnovazzjoni ta' bini eżistenti jista' jiġi ddikjarat jekk dan ikun addizzjonali għall-iżvilupp li kien isir fin-nuqqas tal-miżura ta' politika u jekk l-Istat Membru juri li l-parti obbligata, parteċipanti jew inkarigata ikkontribwiet realment fil-kisba tal-iffrankar iddikjarat mill-miżura inkwistjoni.

(11)Skont l-Istrateġija tal-Unjoni tal-Enerġija u l-prinċipji ta’ regolamentazzjoni aħjar, ir-regoli tal-monitoraġġ u l-verifika jenħtieġu li jingħataw prominenza akbar, inkluż ir-rekwiżit li jiġi ċċekkjat kampjun statistikament rappreżentattiv tal-miżuri. Ir-referenzi għal “proporzjon statistikament sinifikanti u kampjun rappreżentattiv” għandhom jinftiehmu li jirrikjedu l-istabbiliment ta’ subsett tal-popolazzjoni tal-istatistika (ta’ miżuri ta’ ffrankar tal-enerġija) b’tali mod li jirriflettu b’mod preċiż il-popolazzjoni kollha inkwistjoni (il-miżuri kollha ta’ ffrankar tal-enerġija), u b’hekk jippermettu li joħorġu konklużjonijiet raġonevoli rigward il-fiduċja fit-totalità tal-miżuri.

(12)It-titjib fl-effiċjenza fl-enerġija tal-bini għandu jkun ta’ benefiċċju b’mod partikolari għall-konsumaturi affettwati mill-faqar enerġetiku. L-Istati Membri diġà jistgħu jitolbu lill-partijiet obbligati jinkludu għanijiet soċjali fil-miżuri tal-iffrankar tal-enerġija, fir-rigward tal-faqar enerġetiku, u issa din il-possibbiltà għandha tiġi estiża għal miżuri alternattivi u ttrasformata f’obbligu filwaqt li titħalla l-flessibbiltà sħiħa għall-Istati Membri fir-rigward tad-daqs, l-ambitu u l-kontenut ta’ dawn il-miżuri. F’konformità mal-Artikolu 9 tat-Trattat, , il-politiki tal-Unjoni dwar l-effiċjenza fl-enerġija għandhom ikunu inklussivi u għalhekk jiżguraw ukoll l-aċċessibbiltà tal-miżuri tal-effiċjenza fl-enerġija għall-konsumaturi f’faqar enerġetiku.

(13)L-enerġija ġġenerata fuq jew fil-bini minn teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli tnaqqas l-enerġija fossili fornuta. It-tnaqqis fil-konsum tal-enerġija u l-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli fis-settur tal-bini huma miżuri importanti biex inaqqsu d-dipendenza fuq l-enerġija tal-Unjoni u l-emissjonijiet tal-gass serra, b’mod speċjali fid-dawl tal-objettivi ambizzjużi dwar il-klima u l-enerġija stabbiliti għall-2030 kif ukoll l-impenn globali li ttieħed fil-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (COP21) li saret f’Pariġi f’Diċembru 2015. L-Istati Membri għandhom għalhekk ikunu kapaċi jqisu ċertu ammont ta’ enerġija rinnovabbli ġġenerata fuq jew fil-bini għall-użu proprju sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti tagħhom għall-iffrankar tal-enerġija. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jitħallew jużaw il-metodoloġiji stabbiliti skont id-Direttiva 2010/31/UE.

(14)Bħala parti mill-miżuri stabbiliti fil-Patt Ġdid għall-Konsumaturi tal-Enerġija tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, fil-kuntest tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Istrateġija dwar it-Tisħin u t-Tkessiħ, id-drittijiet minimi tal-konsumaturi għal informazzjoni ċara u fil-ħin dwar il-konsum tal-enerġija tagħhom jeħtieġ li jissaħħu. Għalhekk jenħtieġ li l-Artikoli 9 sa 11 u l-Anness VII tad-Direttiva 2012/27/UE jiġu emendati biex jistipulaw feedback frekwenti u mtejjeb dwar il-konsum tal-enerġija. Għandu jiġi ċċarat ukoll li d-drittijiet li għandhom x’jaqsmu mal-kontijiet u mal-informazzjoni tal-kontijiet japplikaw għall-konsumaturi tat-tisħin, tat-tkessiħ jew tal-misħun fornut minn sors ċentrali anki meta ma jkollhomx relazzjoni kuntrattwali individwali diretta ma’ fornitur tal-enerġija. Għalhekk, għall-finijiet ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, it-terminu “utent aħħari” għandu jkopri l-klijenti aħħarin li jixtru t-tisħin/it-tkessiħ/il-misħun għall-użu proprju tagħhom kif ukoll l-okkupanti tal-unitajiet individwali ta’ bini b’aktar minn appartament wieħed jew b’diversi użi fejn dawn l-unitajiet huma fornuti minn sors ċentrali. It-terminu “sottoarloġġi” għandu jirreferi għall-kejl tal-konsum f’unitajiet individwali ta’ tali bini. Sal-1 ta’ Jannar 2020 arloġġi tas-sħana u allokaturi tal-ispiża tat-tisħin installati ġodda għandhom ikunu jinqraw mill-bogħod biex jiżguraw l-għoti kosteffikaċi u frekwenti tal-informazzjoni dwar il-konsum. L-Artikolu 9a il-ġdid huwa maħsub biex japplika biss għat-tisħin, għat-tkessiħ u għall-misħun fornut minn sors ċentrali.

(15)Ċerti dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2012/27/UE dwar it-trasformazzjoni, it-trażmissjoni u d-distribuzzjoni tal-enerġija jenħtieġ li jitħassru. Ir-reviżjoni tal-acquis fil-qasam tal-enerġija tista’ tirriżulta fl-obbligi tal-Istati Membri taħt l-atti differenti relatati mal-enerġija jiġu strutturati b’mod differenti. Dan ir-ristrutturar ma għandux jaffettwa l-obbligu tal-Istati Membri li jikkonformaw mar-rekwiżiti sostantivi tad-Direttiva 2012/27/UE li jistgħu jiġu introdotti mill-ġdid, kompletament jew parzjalment, f’atti oħra.

(16)Sabiex jirrifletti l-progress teknoloġiku u s-sehem dejjem jikber tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli fis-settur tal-ġenerazzjoni tal-elettriku, il-koeffiċjent awtomatiku għall-iffrankar f’kWh ta’ elettriku għandu jiġi rivedut sabiex jirrifletti t-tibdil fil-fattur tal-enerġija primarja (PEF) għall-elettriku. Il-kalkoli tal-PEF għall-elettriku huma bbażati fuq valuri medji annwali. Il-Metodu tal-kontabilità tal-kontenut tal-enerġija fiżika huwa użat għall-ġenerazzjoni tal-elettriku u tas-sħana nukleari u l-Metodu tal-effiċjenza tal-konverżjoni teknika huwa użat għall-ġenerazzjoni tal-elettriku u tas-sħana minn karburanti fossili u bijomassa. Għall-enerġija rinnovabbli mhux kombustibbli, il-metodu huwa l-ekwivalenti dirett ibbażat fuq l-approċċ tal-Enerġija primarja totali. Biex jiġi kkalkulat is-sehem tal-enerġija primarja għall-elettriku f’CHP, jiġi applikat il-metodu stabbilit fl-Anness II tad-Direttiva 2012/27/UE. Il-pożizzjoni medja tas-suq hija użata pjuttost milli waħda marġinali. L-effiċjenzi tal-konverżjoni huma preżunti li huma 100 % għal rinnovabbli mhux kombustibbli, 10 % għal impjanti ġeotermiċi u 33 % għal impjanti tal-enerġija nukleari. L-effiċjenza totali għall-koġenerazzjoni hija kkalkulata fuq il-bażi tal-aktar dejta riċenti mill-Eurostat. Fir-rigward tal-konfini tas-sistema l-PEF huwa 1 għas-sorsi kollha tal-enerġija. Il-kalkoli huma bbażati fuq l-aktar verżjoni riċenti tax-Xenarju ta’ Referenza PRIMES. Il-valur tal-PEF huwa bbażat fuq il-projezzjoni għall-2020. L-analiżi tkopri l-Istati Membri tal-UE u n-Norveġja. Is-sett tad-data għan-Norveġja huwa bbażat fuq id-data tal-ENTSO-E.

(17)Sabiex jiġi żgurat li l-Annessi tad-Direttiva u l-valuri ta’ referenza armonizzati għall-effiċjenza msemmija fl-Artikolu 14(10) ikunu jistgħu jiġu aġġornati, jenħtieġ li d-delega tas-setgħat mogħtija tiġi estiża lill-Kummissjoni. .

(18)Sabiex tkun tista’ tiġi evalwata l-effettività tad-Direttiva 2012/27/UE, għandu jiġi introdott rekwiżit għal rieżami ġenerali tad-Direttiva u għal rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sat-28 ta’ Frar 2024.

(19)F’konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta’ Settembru 2011 tal-Istati Membri u l-Kummissjoni fuq dokumenti ta’ spjegazzjoni 11 , l-Istati Membri ntrabtu li jakkumpanjaw, f’każijiet iġġustifikati, in-notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom b’dokument wieħed jew aktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta’ direttiva u l-partijiet korrispondenti ta’ strumenti ta’ traspożizzjoni nazzjonali. Fir-rigward ta’ din id-Direttiva, il-leġiżlatur iqis li t-trażmissjoni ta’ tali dokumenti hija ġustifikata.

(20)Id-Direttiva 2012/27/UE għalhekk tenħtieġ li tiġi emendata kif xieraq,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 2012/27/UE hija emendata kif ġej:

(1)Fl-Artikolu 1 il-paragrafu 1 jinbidel b’dan li ġej:

“1. Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas komuni ta' miżuri li jippromwovu l-effiċjenza fl-enerġija fl-Unjoni sabiex ikun żgurat li jintlaħqu l-miri ewlenin tal-Unjoni għall-effiċjenza fl-enerġija ta' 20 % għall-2020 u l-miri vinkolanti ewlenin tagħha ta' 30 % għall-2030 u sabiex titwitta t-triq għal iktar titjib fl-effiċjenza fl-enerġija lil hinn minn dawk id-dati. Din tistabbilixxi regoli mfassla sabiex ineħħu l-ostakli fis-suq tal-enerġija u sabiex jegħlbu n-nuqqasijiet tas-swieq li jimpedixxu l-effiċjenza fil-provvista u fl-użu tal-enerġija, u tipprevedi l-istabbiliment ta’ miri u kontributi nazzjonali indikattivi għall-effiċjenza fl-enerġija għall-2020 u għall-2030.”;

(2)L-Artikolu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 3
Miri għall-effiċjenza fl-enerġija

1. Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi mira indikattiva nazzjonali għall-2020 għall-effiċjenza fl-enerġija, abbażi tal-konsum tal-enerġija primarja jew tal-enerġija finali, l-iffrankar tal-enerġija primarja jew tal-enerġija finali, jew l-intensità tal-enerġija. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawk il-miri lill-Kummissjoni f'konformità mal-Artikolu 24(1) u mal-Parti 1 tal-Anness XIV. Meta jagħmlu dan, huma għandhom jesprimu wkoll dawk il-miri f'termini ta' livell assolut ta' konsum primarju tal-enerġija u konsum finali tal-enerġija fl-2020 u għandhom jispjegaw kif, u abbażi ta' liema data, dan ġie kkalkulat.

Meta jistabbilixxu dawk il-miri, l-Istati Membri għandhom jieħdu kont:

(a)li l-konsum tal-Unjoni għall-2020 ma jridx ikun aktar minn 1 483 Mtoe ta’ enerġija primarja u mhux aktar minn 1 086 Mtoe ta’ enerġija finali;

(b)tal-miżuri previsti f’din id-Direttiva;

(c)tal-miżuri adottati biex jintlaħqu l-miri nazzjonali tal-iffrankar tal-enerġija adottati skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2006/32/KE; kif ukoll

(d)ta’ miżuri oħrajn biex tiġi promossa l-effiċjenza fl-enerġija fl-Istati Membri u fil-livell tal-Unjoni.

Meta jistabbilixxu dawk il-miri, l-Istati Membri jistgħu jqisu wkoll iċ-ċirkostanzi nazzjonali li jaffettwaw il-konsum tal-enerġija primarja, bħal:

(a)il-potenzjal li fadal biex tiġi ffrankata l-enerġija b’mod kosteffettiv;

(b)l-evoluzzjoni u l-previżjoni tal-PDG;

(c)il-bidliet fl-importazzjoni u l-esportazzjoni tal-enerġija;

(d)l-iżvilupp tas-sorsi kollha ta’ enerġiji rinnovabbli, l-enerġija nukleari, il-ġbir u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju; kif ukoll

(e)azzjoni bikrija.

2. Sat-30 ta’ Ġunju 2014, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-progress miksub u jekk hux probabbli li l-Unjoni tikseb il-konsum tal-enerġija ta’ mhux aktar minn 1 483 Mtoe ta’ enerġija primarja u mhux aktar minn 1 086 Mtoe ta’ enerġija finali fl-2020.

3. Fit-twettiq tar-rieżami msemmi fil-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha:

(a)tgħodd il-miri nazzjonali indikattivi għall-effiċjenza fl-enerġija rrapurtati mill-Istati Membri;

(b)tivvaluta jekk it-total ta' dawk il-miri jistax jiġi kkundirat gwida affidabbli dwar jekk l-Unjoni bis-sħiħ hijiex fit-triq it-tajba, filwaqt li titqies l-evoluzzjoni tal-ewwel rapport annwali skont l-Artikolu 24(1), u l-evalwazzjoni tal-Pjanijiet ta' Azzjoni Nazzjonali dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija f'konformità mal-Artikolu 24(2);

(c)tqis l-analiżi komplementari li tirriżulta minn:

(i)valutazzjoni tal-progress fil-konsum tal-enerġija assolut, u fil-konsum tal-enerġija skont l-attività ekonomika fil-livell tal-Unjoni, inkluż il-progress fl-effiċjenza tal-provvista tal-enerġija fl-Istati Membri li bbażaw il-miri indikattivi tagħhom fuq il-konsum tal-enerġija finali jew l-iffrankar tal-enerġija finali, inkluż il-progress bis-saħħa tal-konformità ta’ dawn l-Istati Membri mal-Kapitolu III ta’ din id-Direttiva;

(ii)ir-riżultati mill-eżerċizzji ta' mmudellar relatati max-xejriet futuri fil-konsum tal-enerġija fil-livell tal-Unjoni.

(d) tqabbel ir-riżultati skont il-punti (a) sa (c) mal-kwantità tal-konsum tal-enerġija li tkun meħtieġa biex tinkiseb konsum tal-enerġija ta’ mhux aktar minn 1 483 Mtoe ta’ enerġija primarja u mhux aktar minn 1 086 Mtoe ta’ enerġija finali fl-2020.

4. Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi l-kontribuzzjonijiet indikattivi nazzjonali tal-effiċjenza fl-enerġija lejn il-mira tal-Unjoni għall-2030 imsemmija fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 1 f’konformità mal-Artikoli [4] u [6] tar-Regolament (UE) XX/20XX [il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija]. Meta jistabbilixxu dawk il-kontribuzzjonijiet, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw li l-konsum tal-enerġija tal-Unjoni għall-2030 ma jridx ikun aktar minn 1 321 Mtoe ta’ enerġija primarja u mhux aktar minn 987 Mtoe ta’ enerġija finali. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dwar dawk il-kontribuzzjonijiet lill-Kummissjoni bħala parti mill-pjanijiet nazzjonali integrati dwar l-enerġija u l-klima f’konformita mal-proċedura skont l-Artikoli [3] u [7] sa [11] tar-Regolament (UE) XX/20XX [il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija].”;

(3)    l-Artikolu 7 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 7
Obbligu tal-iffrankar tal-enerġija

1.    L-Istati Membri għandhom jiksbu ffrankar tal-enerġija kumulattiv fl-użu finali tal-anqas ekwivalenti għal:

(a)iffrankar ġdid kull sena mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-31 ta’ Diċembru 2020 ta’ 1.5 % tal-bejgħ annwali tal-enerġija lill-klijenti aħħarin skont il-volum, fuq medja tal-aktar perjodu ta’ tliet snin riċenti qabel l-1 ta’ Jannar 2013;

(b)iffrankar ġdid kull sena mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2030 ta’ 1.5 % tal-bejgħ annwali tal-enerġija lill-klijenti aħħarin skont il-volum, fuq medja tal-aktar perjodu ta’ tliet snin riċenti qabel l-1 ta’ Jannar 2019.

L-Istati Membri għandhom ikomplu jiksbu ffrankar annwali ġdid ta’ 1.5 % għal perjodi ta’ għaxar snin wara l-2030, sakemm l-analiżijiet mill-Kummissjoni sal-2027 u kull 10 snin warajhom jikkonkludu li dan mhux meħtieġ biex jintlaħqu l-miri fit-tul tal-Unjoni dwar l-enerġija u l-klima għall-2050.

Għall-finijiet tal-punt (b), u mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 2 u 3, l-Istati Membri jistgħu jgħoddu biss dak l-iffrankar tal-enerġija li jirriżulta minn miżuri ġodda ta’ politika introdotti wara l-31 ta’ Diċembru 2020 jew miżuri ta’ politika introdotti matul il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-31 ta’ Diċembru 2020 sakemm jista’ jintwera li dawk il-miżuri jirriżultaw f’azzjonijiet individwali li jittieħdu wara l-31 ta’ Diċembru 2020 u jagħtu l-iffrankar.

Il-bejgħ tal-enerġija, skont il-volum, użata fit-trasport jista’ jiġi parzjalment jew kompletament eskluż minn dawn il-kalkoli.

L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif il-kwantità kkalkulata tal-iffrankar il-ġdid għandha titqassam f’fażijiet fuq kull perjodu msemmija fil-punt(a) u (b) sakemm l-iffrankar kumulattiv totali meħtieġ ikun intleħaq sal-aħħar ta’ kull perjodu.

2.    Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3, kull Stat Membru jista’:

(a)jwettaq il-kalkolu metieġ fil-punt (a) tal-paragrafu 1 billi juża valuri ta' 1 % fl-2014 u fl-2015; 1.25 % fl-2016 u fl-2017; u 1.5 % fl-2018, fl-2019 u fl-2020;

(b)jeskludi mill-kalkolu parti mill-bejgħ jew il-bejgħ kollu, skont il-volum, tal-enerġija użata f’attivitajiet industrijali elenkati fl-Anness I għad-Direttiva 2003/87/KE;

(c)jippermetti li l-iffrankar tal-enerġija miksub fis-setturi tat-trasformazzjoni, id-distribuzzjoni u t-trażmissjoni tal-enerġija, inkluża infrastruttura effiċjenti ta’ tisħin u tkessiħ distrettwali, b’riżultat tal-implimentazzjoni tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 14(4), il-punt (b) tal-Artikolu 14(5) u l-Artikolu 15(1) sa (6) u (9) li għandhom jingħaddu mal-ammont ta’ ffrankar tal-enerġija meħtieġ skont il-paragrafu 1;

(d)jgħodd l-iffrankar tal-enerġija li jirriżulta minn azzjonijiet individwali li għadhom kemm ġew implimentati mill-31 ta’ Diċembru 2008 li jkun għad għandu impatt fl-2020 u li jista’ jitkejjel u jiġi vverifikat, mal-ammont ta’ ffrankar tal-enerġija msemmi fil-paragrafu 1; kif ukoll

(e)jeskludi mill-kalkolu tar-rekwiżit tal-iffrankar tal-enerġija msemmi fil-paragrafu 1 l-ammont verifikabbli tal-enerġija ġġenerata fuq jew fil-bini għal użu proprju b’riżultat ta’ miżuri ta’ politika li jippromwocu tal-installazzjoni ta’ teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli.

3.    L-għażliet kollha magħżula skont il-paragrafu 2 meħuda flimkien iridu jammontaw għal mhux aktar minn 25 % tal-ammont ta’ ffrankar tal-enerġija msemmi fil-paragrafu 1. L-Istati Membri għandhom japplikaw u jikkalkolaw l-effett tal-għażliet magħżula għall-perjodi msemmija fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1 separatament:

(a)għall-kalkolu tal-ammont ta’ ffrankar tal-enerġija meħtieġ għall-perjodu msemmi fil-punt (a) tal-paragrafu 1 l-Istati Membri jistgħu jagħmlu użu mill-punti (a), (b), (c), u (d) tal-paragrafu 2;

(b)għall-kalkolu tal-ammont ta’ ffrankar tal-enerġija meħtieġ għall-perjodu msemmi fil-punt (b) tal-paragrafu 1 l-Istati Membri jistgħu jagħmlu użu mill-punti (b), (c), (d) u (e) tal-paragrafu 2, sakemm l-azzjonijiet individwali fis-sens tal-punt (d) ikomplu jkollhom impatt verifikabbli u li jista’ jitkejjel wara l-31 ta’ Diċembru 2020.

4.    L-iffrankar tal-enerġija miksub wara l-31 ta’ Diċembru 2020 ma jistax jgħodd lejn l-ammont ta’ ffrankar kumulattiv meħtieġ għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-31 ta’ Diċembru 2020.

5.    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-iffrankar li jirriżulta minn miżuri ta’ politika msemmija fl-Artikoli 7a u 7b u l-Artikolu 20(6) jiġi kkalkulat skont l-Anness V.

6.    L-Istati Membri għandhom jiksbu l-ammont meħtieġ ta’ ffrankar skont il-paragrafu 1 billi jistabbilixxu skema tal-obbligi tal-effiċjenza fl-enerġija msemmija fl-Artikolu 7a jew billi jadottaw miżuri alternattivi msemmija fl-Artikolu 7b. L-Istati Membri jistgħu jikkombinaw skema tal-obbligi tal-effiċjenza fl-enerġija ma’ miżuri ta’ politika alternattivi.

7.    L-Istati Membri għandhom juru li meta jkun hemm trikkib fl-impatt ta’ miżuri ta’ politika jew azzjonijiet individwali, ma jsirx għadd doppju ta’ ffrankar tal-enerġija.”;

(4)Jiddaħħlu l-Artikoli 7a u 7b li ġejjin:

“Artikolu 7a
L-iskemi tal-obbligi tal-effiċjenza fl-enerġija

1.    Meta l-Istati Membri jiddeċiedu li jissodisfaw l-obbligi tagħhom biex jiksbu l-ammont ta’ ffrankar meħtieġ skont l-Artikolu 7 (1) permezz ta’ skema tal-obbligi tal-effiċjenza fl-enerġija huma għandhom jiżguraw li l-partijiet obbligati msemmija fil-paragrafu 2 li joperaw fit-territorju ta’ kull Stat Membru jiksbu, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7(2), ir-rekwiżit tal-iffrankar tal-enerġija kumulattiva fl-użu finali stabbilita fl-Artikolu 7(1).

2.    L-Istati Membri għandhom jinnominaw, abbażi ta’ kriterji oġġettivi u nondiskriminatorji, partijiet obbligati fost id-distributuri tal-enerġija u/jew kumpaniji li jbigħu l-enerġija fil-livell tal-konsum li joperaw fit-territorju tiegħu u dawn jistgħu jinkludu distributuri tal-karburant għat-trasport jew bejjiegħa fil-livell tal-konsum tal-karburant għat-trasport li joperaw fit-territorju tiegħu. L-ammont ta’ ffrankar tal-enerġija meħtieġ biex jiġi ssodisfat l-obbligu għandu jinkiseb mill-partijiet obbligati fost il-klijenti aħħarin, nominati mill-Istat Membru, indipendentement mill-kalkolu magħmul fl-Artikolu 7(1), jew, jekk l-Istati Membri jiddeċiedu hekk, permezz ta’ ffrankar iċċertifikat li jkun ġej minn partijiet oħra kif deskritt fil-punt (b) tal-paragrafu 5.

3.    L-Istati Membri għandhom jesprimu l-ammont ta’ ffrankar tal-enerġija meħtieġ minn kull parti obbligata f’termini ta’ konsum tal-enerġija finali jew primarja. Il-metodu magħżul biex jiġi espress l-ammont ta’ ffrankar tal-enerġija meħtieġ għandu jintuża wkoll biex jiġi kkalkulat l-iffrankar iddikjarat mill-partijiet obbligati. Għandhom japplikaw il-fatturi ta’ konverżjoni stabbiliti fl-Anness IV.

4.    L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sistema ta’ kejl, kontroll u verifika fejn jitwettaq l-awditjar iddokumentat fuq proporzjon statistikament sinifikanti u kampjun rappreżentattiv tal-miżuri għal titjib tal-effiċjenza fl-enerġija stabbiliti mill-partijiet obbligati. Dan il-kejl, kontroll u verifika għandhom jitwettqu indipendentament mill-partijiet obbligati.

5.    Fl-iskema tal-obbligi tal-effiċjenza fl-enerġija, l-Istati Membri:

(a)għandhom jinkludu rekwiżiti b’għan soċjali fl-obbligi ta’ ffrankar li jimponu huma, inkluż billi jeżiġu li proporzjon tal-miżuri tal-effiċjenza fl-enerġija jiġi implimentat bħala prijorità f’unitajiet domestiċi affettwati mill-faqar enerġetiku u fl-akkomodazzjoni soċjali;

(b)jistgħu jħallu lill-partijiet obbligati jgħoddu mal-obbligu tagħhom l-iffrankar tal-enerġija ċċertifikat miksub minn fornituri ta’ servizzi ta’ enerġija jew partijiet terzi oħrajn inkluż meta partijiet obbligati jippromwovu miżuri permezz ta’ korpi oħrajn approvati mill-Istat jew permezz ta’ awtoritajiet pubbliċi li jistgħu jkunu jinvolvu jew ma jinvolvux sħubijiet formali u jistgħu jkunu kkombinati ma’ sorsi oħra ta’ finanzjament. Fejn l-Istati Membri jippermettu dan, huma għandhom jiżguraw li jkun stabbilit proċess ta’ approvazzjoni li jkun ċar, trasparenti u miftuħ għall-atturi kollha tas-suq, u jkollu l-għan li jimminimizza l-ispejjeż taċ-ċertifikazzjoni;

(c)jistgħu jħallu l-partijiet obbligati jgħoddu l-iffrankar miksub f’sena partikolari bħallikieku nkiseb fi kwalunkwe waħda mill-erba’ snin preċedenti jew mit-tliet snin sussegwenti sakemm dan ma jmurx lil hinn mit-tmiem tal-perjodi obbligatorji stabbiliti fl-Artikolu 7(1).

6.    Darba fis-sena, l-Istati Membri għandhom jippubblikaw l-iffrankar tal-enerġija miksub minn kull parti obbligata, jew kull sottokategorija ta’ parti obbligata, u b’kollox taħt l-iskema.

Artikolu 7b
Miżuri ta’ politika alternattivi

1.    Meta l-Istati Membri jiddeċiedu li jissodisfaw l-obbligi tagħhom biex jiksbu l-iffrankar skont l-Artikolu 7(1) permezz ta’ miżuri ta’ politika alternattivi huma għandhom jiżguraw li l-iffrankar tal-enerġija meħtieġ skont l-Artikolu 7(1) jinkiseb fost il-klijenti aħħarin.

2.    Fit-tfassil tal-miżuri ta’ politika alternattivi biex jinkiseb l-iffrankar tal-enerġija, l-Istati Membri għandhom iqisu l-effett fuq l-unitajiet domestiċi affettwati mill-faqar enerġetiku.

3.    Għall-miżuri kollha għajr dawk li jirrelataw ma’ miżuri ta’ tassazzjoni, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sistemi ta’ kejl, kontroll u verifika fejn jitwettaq l-awditjar iddokumentat fuq proporzjon statistikament sinifikanti u kampjun rappreżentattiv tal-miżuri għal titjib tal-effiċjenza fl-enerġija stabbiliti mill-partijiet parteċipanti jew inkarigati. Dan il-kejl, kontroll u verifika għandhom jitwettqu indipendentament mill-partijiet parteċipanti u inkarigati.”;

(5)l-Artikolu 9 huwa emendat kif ġej:

(a)it-titolu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-arloġġi għall-gass”;

(b)fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu jinbidel b’dan li ġej:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, sa fejn huwa teknikament possibbli, raġonevoli mil-lat finanzjarju u proporzjonat fir-rigward tal-iffrankar potenzjali tal-enerġija, il-klijenti aħħarin tal-gass naturali jingħataw arloġġi individwali bi prezz kompettitiv li jirriflettu b'mod preċiż il-konsum proprju ta' enerġija tal-klijent aħħari u li jagħtu informazzjoni dwar il-ħin reali tal-użu.”;

(c) il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:

(i)il-frażi introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

“Meta, u sa fejn, l-Istati Membri jimplimentaw sistemi ta' arloġġi intelliġenti u jintroduċu arloġġi intelliġenti għall-gass naturali f’konformità mad-Direttiva 2009/73/KE.”;

(ii)il-punti (c) u (d) jitħassru;

(d)il-paragrafu 3 jitħassar;

(6) għandu jiddaħħal l-Artikolu 9a li ġej:

“Artikolu 9 a
Arloġġi, sottoarloġġi u allokazzjoni tal-ispiża għat-tisħin u t-tkessiħ u għall-misħun domestiku

1.    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-klijenti aħħarin tat-tisħin u tat-tkessiħ distrettwali u tal-misħun domestiku jingħataw arloġġi bi prezz kompetittiv li jirriflettu b’mod preċiż il-konsum finali reali ta’ enerġija mill-klijent.

Fejn it-tisħin u t-tkessiħ jew il-misħun ikunu pprovduti lil bini minn sors ċentrali li jaqdi għadd ta’ bini jew minn netwerk ta’ tisħin u tkessiħ distrettwali, għandu dejjem jiġi installat arloġġ tas-sħana jew tal-misħun fejn isir l-iskambju tas-sħana jew fil-punt ta’ konsenja.

2.    F’binjiet b’aktar minn appartament wieħed u b’diversi użi b’sors ċentrali ta’ tisħin jew tkessiħ jew fornuti minn sistemi ta’ tisħin u tkessiħ distrettwali, għandhom jiġu installati arloġġi individwali biex ikejlu l-konsum tat-tisħin jew tat-tkessiħ jew tal-misħun għal kull unità tal-bini.

Fejn l-użu ta’ arloġġi individwali ma jkunx teknikament fattibbli jew fejn ma jkunx kosteffiċjenti li jitkejlu t-tisħin u t-tkessiħ f’kull unità ta’ bini, għandhom jintużaw allokaturi individwali tal-ispiża tat-tisħin biex jitkejjel il-konsum tat-tisħin f’kull radjatur dment li l-Istat Membru inkwistjoni ma jurix li l-installazzjoni ta’ tali allokaturi tal-ispiża tat-tisħin ma tkunx kosteffiċjenti. F’dawk il-każijiet, jistgħu jiġu kkunsidrati metodi kosteffiċjenti alternattivi ta’ kejl tal-konsum tas-sħana. Il-kundizzjonijiet tan-nuqqas ta' fattibbiltà teknika u tan-nuqqas ta; kosteffettività għandhom jiġu stabbiliti b’mod ċar u ppubblikati minn kull Stat Membru.

F’bini ġdid tat-tip imsemmi fl-ewwel subparagrafu jew meta bini bħal dan jiġi rinnovat drastikament, kif stabbilit fid-Direttiva 2010/31/UE, għandhom dejjem jingħataw arloġġi individwali.

3.    Fejn binjiet b’aktar minn appartament wieħed u b’diversi użi huma moqdija minn tisħin jew tkessiħ distrettwali, jew fejn is-sistemi komuni tagħhom ta’ tisħin jew tkessiħ għal tali bini jkunu prevalenti, l-Istati Membri għandhom jintroduċu regoli trasparenti dwar l-allokazzjoni tal-ispiża tat-tisħin, it-tkessiħ u l-konsum tal-misħun f’tali bini biex tiġi żgurata t-trasparenza u l-preċiżjoni tal-kontijiet tal-konsum individwali inkluż:

(a)misħun għall-ħtiġijiet domestiċi;

(b)sħana mormija mill-installazzjoni tal-bini u għall-iskop tat-tisħin taż-żoni komuni (fejn it-taraġ u l-kurituri jkunu mgħammra b’radjaturi);

(c)għall-iskop tat-tisħin jew it-tkessiħ ta’ appartamenti.

4.    Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, mill-1 ta’ Jannar 2020 l-arloġġi u l-allokaturi tal-ispiża installati għandhom ikunu apparati li jinqraw mill-bogħod.

L-arloġġi u l-allokaturi tal-ispiża li diġà ġew installati imma li ma jinqrawx mill-bogħod għandhom jiġu pprovduti b’din il-kapaċità jew jiġu ssostitwiti b’apparati li jinqraw mill-bogħod sal-1 ta’ Jannar 2027, ħlief fejn l-Istat Membru inkwistjoni juri li dan mhuwiex kosteffiċjenti.”;

(7)l-Artikolu 10 huwa emendat kif ġej:

(a)it-titolu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Informazzjoni dwar il-kontijiet għall-gass”

(b) il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1. Meta l-klijenti aħħarin ma jkollhomx l-arloġġi intelliġenti kif imsemmi fid-Direttiva 2009/73/KE, l-Istati Membri għandhom jiżguraw, sal-31 ta' Diċembru 2014, li l-informazzjoni dwar il-kontijiet tkun preċiża u bbażata fuq il-konsum proprju, f’konformità mal-punt 1.1 tal-Anness VII, għall-gass, fejn dan ikun teknikament possibbli u ekonomikament iġġustifikat.”;

(c)fil-paragrafu 2, l-ewwel subparagrafu jinbidel b’dan li ġej: ”

“L-arloġġi installati skont id-Direttiva 2009/73/KE għandhom jippermettu informazzjoni preċiża dwar kontijiet ibbażata fuq il-konsum proprju. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-klijenti aħħarin ikollhom il-possibbiltà ta' aċċess faċli għal informazzjoni komplementari dwar il-konsum storiku li jippermetti awtoverifiki dettaljati.”;

(8) jiddaħħal l-Artikolu 10 a li ġej:

“Artikolu 10 a
Informazzjoni dwar il-kontijiet u l-konsum għat-tisħin u t-tkessiħ u għall-misħun domestiku

1.    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni dwar il-kontijiet u l-konsum hija preċiża u bbażata fuq il-konsum reali, skont il-punti 1 u 2 tal-Anness VII għall-utenti aħħarin kollha fejn hemm installati l-arloġġi jew l-allokaturi tal-ispiża.

Dan l-obbligu jista’, ħlief fil-każ ta’ konsum b’sottoarloġġi skont l-Artikolu 9a(2), jiġi ssodisfat minn sistema ta’ qari regolari tal-konsum proprju mill-klijent aħħari li permezz tiegħu huma jikkomunikaw il-qari mill-arloġġ tagħhom lill-fornitur tal-enerġija. Biss f’każijiet meta l-klijent aħħari ma jkunx ipprovda qari mill-arloġġ għal perjodu partikolari ta’ kontijiet, il-kontijiet għandhom ikunu bbażati fuq konsum stmat jew rata fissa.

2.    L-Istati Membri:

(a)għandhom jirrikjedu li, jekk l-informazzjoni dwar il-kontijiet tal-enerġija u l-konsum storiku tal-utenti aħħarin tkun disponibbli, din issir disponibbli, għal fornitur ta’ servizz ta’ enerġija magħżul minn utent aħħari;

(b)għandhom jiżguraw li l-klijenti aħħarin jkun offrut l-għażla ta’ informazzjoni dwar il-kontijiet u kontijiet elettroniċi u li jirċievi, fuq talba, spjegazzjoni ċara u li tiftiehem ta’ kif il-kont tiegħu nħadem, speċjalment fejn il-kontijiet ma jkunux ibbażati fuq il-konsum reali;

(c)għandom jiżguraw li informazzjoni xierqa tingħata mal-kont ibbażat fuq il-konsum reali lill-utentiaħħarin kollha skont il-punt 3 tal-Anness VII;

(d)jistgħu jipprovdu li, fuq talba tal-klijent aħħari, l-għoti ta’ informazzjoni dwar il-kontijiet ma jkollhiex titqies li tikkostitwixxi talba għall-ħlas. F’dawn il-każijiet, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jiġu offruti arranġamenti flessibbli għall-ħlas reali.”;

(9)l-Artikolu 11 huwa emendat kif ġej:

(a)it-titolu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Spiża tal-aċċess għal informazzjoni dwar arloġġi u kontijiet għall-gass”;

(b)il-paragrafu 2 jitħassar;

(10)għandu jiddaħħal l-Artikolu 11 a li ġej:

“Artikolu 11 a
Spiża tal-aċċess għal informazzjoni dwar arloġġi u kontijiet għat-tisħin u t-tkessiħ

1.    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-klijenti aħħarin jirċievu l-kontijiet u l-informazzjoni kollha dwar il-kontijiet għal konsum tal-enerġija mingħajr ħlas u li l-klijenti aħħarin ukoll ikollhom aċċess għad-data dwar il-konsum tagħhom b’mod adegwat u mingħajr ħlas.

2.    Minkejja l-paragrafu 1, id-distribuzzjoni tal-ispejjeż tal-informazzjoni dwar il-kontijiet għall-konsum individwali tat-tisħin, it-tkessiħ u l-misħun f’bini b’aktar minn appartament wieħed skont l-Artikolu 9a(2) għandha ssir mingħajr profitt. L-ispejjeż li jirriżultaw mill-assenjament ta’ dan il-kompitu lil parti terza, bħal fornitur ta’ servizz jew il-fornitur lokali tal-enerġija, li jkopri l-kejl, l-allokazzjoni u l-kontabbiltà għall-konsum individwali reali f’tali bini, jistgħu jingħaddu lill-utenti aħħarin, sa fejn tali spejjeż ikunu raġonevoli.”;

(11)l-Artikolu 15 huwa emendat kif ġej:

(a) il-paragrafu (5) huwa emendat kif ġej:

(i)l-ewwel u t-tieni subparagrafi jitħassru;

(ii)it-tielet subparagrafu jinbidel b’dan li ġej:

“L-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni u l-operaturi tas-sistema ta' distribuzzjoni għandhom ikunu konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness XII.”;

(b)il-paragrafu 8 jitħassar;

(12)Fl-Artikolu 23 il-paragrafu 2 jinbidel b’dan li ġej:

“2. Is-setgħa li tadotta atti delegati msemmija fl-Artikolu 22 għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ ħames snin mill-4 ta’ Diċembru 2017. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport dwar id-delega tas-setgħa mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel tmiem il-perjodu ta’ ħames snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża b’mod taċitu għal perjodi ta’ tul identiku, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jopponux din l-estensjoni sa mhux aktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.”;

(13)fl-Artikolu 24, jiżdied il-paragrafu 12 li ġej:

“12. Il-Kummissjoni għandha tevalwa din id-Direttiva sa mhux aktar tard mit-28 ta’ Frar 2024, u kull ħames snin minn dik id-data 'l quddiem, u għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Dak ir-rapport għandu jkun akkumpanjat, jekk ikun xieraq, minn proposti għal aktar miżuri.”;

(14)l-Annessi huma emendati skont l-Anness ta' din id-Direttiva.

Artikolu 2

1.L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard minn XXXX [Please insert the date 12 months following the date of entry into force]. Dawn għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati mit-tali referenza waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir it-tali referenza.

2.L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jaddottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1) SWD (2016) 404
(2) Deċiżjoni Nru 406/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar l-isforz tal-Istati Membri biex inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom tal-gassijiet serra biex jonoraw l-impenji tal-Komunità għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra sal-2020, http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=uriserv:OJ.L_.2009.140.01.0136.01.MLT
(3) Il-Kunsill Ewropew qabel dwar il-mira tal-EU ETS ta’ -43 % tnaqqis fl-emissjonijiet meta mqabbel mal-2005 u mira li ma taqax taħt l-ETS (li tinkludi l-ESD u l-LULUCF) għall-2030 ta’ -30 % taħt il-livelli tal-2005, b’din tal-aħħar għandha tiġi implimentata b’miri vinkolanti nazzjonali.
(4) COM(2016) 51 final, 16.2.2016
(5) SWD (2013) 451 final, http://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/PDF/?uri=CELEX:52013SC0451&from=EN  
(6) SWD(2013) 48 final http://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/PDF/?uri=CELEX:52013SC0448&from=EN
(7) ĠU C , , p. .
(8) ĠU C , , p. .
(9) Id-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-effiċjenza fl-enerġija, li temenda d-Direttivi 2009/125/KE u 2010/30/UE u li tħassar id-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE (ĠU L 315, 14.11.2012, p. 1).
(10) Direttiva 2010/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 2010 dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija (ĠU L 153, 18.6.2010, p. 13.
(11) ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.
Top

Brussell, 30.11.2016

COM(2016) 761 final

ANNESS

tal-

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 2012/27/UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija

{SWD(2016) 399 final}
{SWD(2016) 401 final}
{SWD(2016) 402 final}
{SWD(2016) 403 final}
{SWD(2016) 404 final}
{SWD(2016) 405 final}
{SWD(2016) 406 final}


ANNESS

1.L-Annessi IV u V huma emendati kif ġej:

(a)fl-Anness IV, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 3 qed tinbidel b’dan li ġej: "(3) Applikabbli meta l-iffrankar tal-enerġija jiġi kkalkulat f'termini ta' enerġija primarja fejn jintuża approċċ minn isfel għal fuq ibbażat fuq il-konsum tal-enerġija finali. Għall-iffrankar f'kWh tal-elettriku, l-Istati Membri jistgħu japplikaw koeffiċjent awtomatiku ta' 2,0. L-Istati Membri jistgħu japplikaw koeffiċjent differenti bil-kundizzjoni li jkunu jistgħu jiġġustifikawh.";

(b)l-Anness V qed jinbidel b'dan li ġej:

"Anness V

Metodi u prinċipji komuni biex jiġi kkalkulat l-impatt tal-iskemi tal-obbligi tal-effiċjenza fl-enerġija jew ta’ miżuri oħrajn ta' politika skont l-Artikoli 7(1) u (2), l-Artikoli 7a u 7b u l-Artikolu 20(6):

1.Il-metodi biex jiġi kkalkulat l-iffrankar tal-enerġija minbarra dawk li jirriżultaw minn miżuri ta’ tassazzjoni għall-finijiet tal-Artikoli 7(1) u (2), tal-Artikoli 7a u 7b u tal-Artikolu 20(6).

Il-partijiet obbligati, parteċipanti jew fdati jew l-awtoritajiet pubbliċi implimentattivi jistgħu jużaw wieħed mill-metodi li ġejjin jew aktar biex jikkalkulaw l-iffrankar tal-enerġija:

(a)iffrankar stmat, b'referenza għar-riżultati ta' titjib preċedenti fl-enerġija mmonitorjat b'mod indipendenti f'installazzjonijiet simili. L-approċċ ġeneriku jissejjaħ ex-ante;

(b)iffrankar imkejjel bl-arloġġi, fejn l-iffrankar mill-installazzjoni ta' miżura, jew ta’ pakkett ta' miżuri, jiġi ddeterminat permezz tar-reġistrazzjoni tat-tnaqqis proprju fl-użu tal-enerġija, filwaqt li jitqiesu fatturi bħall-addizzjonalità, l-okkupazzjoni tal-bini, il-livelli ta' produzzjoni u t-temp, li jistgħu jaffettwaw il-konsum. L-approċċ ġeneriku jissejjaħ ex-post.

(c)iffrankar skalat, fejn jintużaw stimi tal-inġinerija tal-iffrankar. Dan l-approċċ jista' jintuża biss fejn l-istabbiliment ta' data mkejla robusta għal stallazzjoni speċifika jkun diffiċli jew sproporzjonatament għali, pereżempju s-sostituzzjoni ta' kompressur jew mutur tal-elettriku b'rata ta' kWh differenti minn dak li għalih tkejlet l-informazzjoni indipendenti dwar l-iffrankar, jew fejn dawk l-istimi jsiru fuq il-bażi ta' metodoloġiji u punti ta' riferiment nazzjonali stabbiliti minn esperti kwalifikati jew akkreditati li huma indipendenti mill-partijiet obbligati, parteċipanti jew fdati involuti;

(d)iffrankar mistħarreġ, fejn tiġi ddeterminata r-reazzjoni tal-konsumaturi għall-parir, għall-kampanji ta' informazzjoni, għall-iskemi ta' tikkettar jew ta’ ċertifikazzjoni, jew għall-arloġġi intelliġenti. Dan l-approċċ jista' jintuża biss għal iffrankar li jirriżulta minn tibdil fl-imġiba tal-konsumatur. Ma jistax jintuża għal iffrankar li jirriżulta mill-installazzjoni ta' miżuri fiżiċi.

2.Fid-determinazzjoni tal-iffrankar tal-enerġija għal miżura ta' effiċjenza fl-enerġija għall-finijiet tal-Artikoli 7(1) u (2), tal-Artikoli 7a u 7b u tal-Artikolu 20(6) għandhom japplikaw il-prinċipji li ġejjin:

(a)irid jintwera li l-iffrankar huwa addizzjonali għal dak li kien se jkun hemm fi kwalunkwe każ mingħajr l-attività tal-partijiet obbligati, parteċipanti jew fdati u/jew tal-awtoritajiet tal-implimentazzjoni. Sabiex jiġi ddeterminat liema ffrankar jista' jitqies bħala addizzjonali, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu xenarju bażi li jiddeskrivi kif il-konsum tal-enerġija se jevolvi fin-nuqqas tal-miżura ta’ politika inkwistjoni. Ix-xenarju bażi għandu jirrifletti tal-anqas l-elementi li ġejjin: ix-xejriet tal-konsum tal-enerġija, it-tibdil fl-imġiba tal-konsumaturi, il-progress teknoloġiku u t-tibdil ikkawżat minn miżuri oħra implimentati fil-livell nazzjonali u fil-livell tal-UE;

(b)l-iffrankar li jirriżulta mill-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni obbligatorja tal-Unjoni huwa kkunsidrat bħala ffrankar li kien se jsir fi kwalunkwe każ mingħajr l-attività tal-partijiet obbligati, tal-partijiet parteċipanti jew tal-partijiet fdati u/jew tal-awtoritajiet tal-implimentazzjoni, u b’hekk ma jistax jintalab taħt il-paragrafu 1 tal-Artikolu 7, ħlief għall-iffrankar relatat mar-rinnovazzjoni ta’ bini eżistenti diment li jiġi żgurat il-kriterju tal-materjalità msemmi fil-parti 3(h);

(c)jista' jingħata kreditu biss għall iffrankar li jaqbeż il-livelli li ġejjin:

(i)l-istandards tal-Unjoni għall-prestazzjoni dwar l-emissjonijiet għal karozzi ġodda tal-passiġġieri u għal vetturi kummerċjali ħfief ġodda wara l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 443/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 1 u tar-Regolament (UE) Nru 510/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2 ;

(ii)ir-rekwiżiti tal-Unjoni relatati mat-tneħħija mis-suq ta' ċerti prodotti relatati mal-enerġija wara l-implimentazzjoni ta' miżuri ta' implimentazzjoni skont id-Direttiva 2009/125/KE;

(d)il-politiki li jimmiraw li jinkoraġġixxu effiċjenza ogħla fl-enerġija tal-prodotti, tat-tagħmir, tal-bini u tal-elementi tal-bini, tal-proċessi jew tas-swieq huma permessi;

(e)għall-politiki li jaċċelleraw l-adozzjoni ta’ prodotti u vetturi aktar effiċjenti, jista’ jintalab kreditu sħiħ sakemm jintwera li l-adozzjoni sseħħ qabel l-iskadenza tal-ħajja medja mistennija tal-prodott jew tal-vettura, jew qabel ma l-prodott jew il-vettura normalment jiġu sostitwiti, u sakemm l-iffrankar jintalab biss għall-perjodu sa ma tiskadi l-ħajja medja mistennija tal-prodott jew tal-vettura li jridu jiġu sostitwiti;

(f)fil-promozzjoni tat-teħid ta’ miżuri ta’ effiċjenza fl-enerġija, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jinżammu l-istandards ta’ kwalità għall-prodotti, għas-servizzi u għall-installazzjoni ta’ miżuri, jew li dawn jiġu introdotti fejn ma jeżistux;

(g)biex iqisu l-varjazzjonijiet klimatiċi bejn ir-reġjuni, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jaġġustaw l-iffrankar għal valur standard jew li jagħtu ffrankar tal-enerġija differenti skont il-varjazzjonijiet fit-temperatura bejn ir-reġjuni;

(h)il-kalkolu tal-iffrankar tal-enerġija għandu jqis it-tul ta' ħajja tal-miżuri. Dan jista' jsir billi jingħadd l-iffrankar li għalih se twassal kull azzjoni individwali bejn id-data tal-implimentazzjoni tagħha u l-31 ta' Diċembru 2020 jew il-31 ta' Diċembru 2030 kif xieraq. Inkella, l-Istati Membri jistgħu jadottaw metodu ieħor li huwa stmat li jikseb tal-inqas l-istess kwantità totali ta' ffrankar. Meta jużaw metodi oħrajn, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ammont totali ta' ffrankar tal-enerġija kkalkulat bl-użu ta' dawn il-metodi l-oħra ma jaqbiżx l-ammont ta' ffrankar tal-enerġija li kien jirriżulta mill-kalkolu tagħhom meta jingħadd l-iffrankar li kull azzjoni individwali kienet tikseb bejn id-data ta' implimentazzjoni tagħha u l-31 ta' Diċembru 2020 jew il-31 ta' Diċembru 2030 kif xieraq. L-Istati Membri għandhom jiddeskrivu fid-dettall fil-pjanijiet Nazzjonali Integrati għall-Enerġija u għall-Klima tagħhom skont il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija liema metodi oħrajn użaw u liema dispożizzjonijiet saru biex jiġi żgurat li huma jilħqu dan ir-rekwiżit vinkolanti għall-kalkolu.

3.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-rekwiżiti li ġejjin għall-miżuri ta’ politika li ttieħdu skont l-Artikolu 7b u l-Artikolu 20(6) jintlaħqu:

(a)il-miżuri ta’ politika u l-azzjonijiet individwali jipproduċu ffrankar fl-użu aħħari tal-enerġija li jista’ jiġi vverifikat;

(b)ir-responsabbiltà ta' kull parti parteċipanti, ta' kull parti fdata jew ta' kull awtorità pubblika tal-implimentazzjoni, skont liema tkun rilevanti, trid tiġi ddefinita b'mod ċar;

(c)l-iffrankar tal-enerġija li jinkiseb jew li għandu jinkiseb jiġi ddeterminat b'mod trasparenti;

(d)l-ammont ta' ffrankar tal-enerġija meħtieġ jew li għandu jinkiseb mill-miżura ta' politika jiġi espress fil-konsum finali jew primarju tal-enerġija, bl-użu tal-fatturi ta' konverżjoni mogħtija fl-Anness IV;

(e)għandu jingħata rapport annwali dwar l-iffrankar tal-enerġija miksub mill-partijiet fdati, mill-partijiet parteċipanti u mill-awtoritajiet tal-implimentazzjoni u dan għandu jkun disponibbli pubblikament flimkien ma’ data dwar ix-xejra annwali ta’ ffrankar tal-enerġija;

(f)għandu jkun hemm monitoraġġ tar-riżultati u għandhom jittieħdu miżuri xierqa jekk il-progress ma jkunx sodisfaċenti;

(g)l-iffrankar minn azzjoni individwali ma jistax jintalab minn iktar minn parti waħda;

(h)għandu jintwera li l-attivitajiet tal-parti parteċipanti, tal-parti fdata jew tal-awtorità pubblika tal-implimentazzjoni kkawżaw il-kisba tal-iffrankar mitlub.

Għall-miżuri ta' politika meħuda skont il-punt (e) tal-Artikolu 7(2), l-Istati Membri jistgħu jużaw il-metodoloġija tal-kalkolu stabbilita fid-Direttiva 2010/31/UE sakemm din tkun konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 7 ta' din id-Direttiva u ma' dan l-Anness.

4.Fid-determinazzjoni tal-iffrankar tal-enerġija minn miżuri ta’ politika relatati mat-tassazzjoni introdotti skont l-Artikolu 7b, għandhom japplikaw il-prinċipji li ġejjin:

(a)għandu jingħata kreditu biss għall-iffrankar tal-enerġija minn miżuri ta’ tassazzjoni li jaqbżu l-livelli minimi ta’ tassazzjoni applikabbli għall-fjuwils kif meħtieġ fid-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE 3 jew fid-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE 4 ;

(b)il-flessibbiltà tal-prezz għall-kalkolu tal-impatt tal-miżuri tat-tassazzjoni (fuq l-enerġija) għandha tirrappreżenta r-rispons tad-domanda għall-enerġija għall-bidliet fil-prezzijiet, u għandha tiġi stmata abbażi ta’ sorsi ta’ data uffiċjali reċenti u rappreżentattivi;

(c)l-iffrankar tal-enerġija minn strumenti ta' politika tat-tassazzjoni li jakkumpanjawhom, inkluż inċentivi fiskali jew pagament għal fond, għandu jitqies separatament.

5.Notifika tal-metodoloġija

F'konformità mal-proposta leġiżlattiva futura dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar il-metodoloġija dettaljata proposta tagħhom għat-tħaddim tal-iskemi tal-obbligi tal-effiċjenza fl-enerġija u tal-miżuri alternattivi msemmija fl-Artikoli 7a u 7b u fl-Artikolu 20(6). Minbarra fil-każ tat-taxxi, notifika bħal din għandha tinkludi dettalji ta':

(a)il-livell tar-rekwiżit tal-iffrankar tal-enerġija jew l-iffrankar mistenni li għandu jinkiseb fuq il-perjodu sħiħ mill-1 ta' Jannar 2021 sal-31 ta' Diċembru 2030;

(b)il-partijiet obbligati, parteċipanti jew fdati, jew l-awtoritajiet pubbliċi tal-implimentazzjoni;

(c)is-setturi fil-mira;

(d)il-miżuri ta’ politika u l-azzjonijiet individwali previsti mill-miżura ta’ politika, inkluż l-ammont kumulattiv totali mistenni tal-iffrankar għal kull miżura;

(e)it-tul tal-perjodu obbligatorju tal-iskema tal-obbligi tal-effiċjenza fl-enerġija;

(f)l-azzjonijiet previsti mill-miżura ta’ politika;

(g)il-metodoloġija tal-kalkolu, inkluż kif ġew iddeterminati l-addizzjonalità u l-kawżalità u liema metodoloġiji u punti ta' riferiment qed jintużaw għall-iffrankar stmat u għall-iffrankar skalat;

(h)it-tul ta’ ħajja tal-miżuri u kif dan jiġi kkalkulat jew fuq xiex inhu bbażat;

(i)l-approċċ meħud biex jiġu indirizzati l-varjazzjonijiet klimatiċi fl-Istat Membru;

(j)is-sistemi tal-monitoraġġ u tal-verifika għall-miżuri meħudin skont l-Artikoli 7a u 7b u kif tiġi żgurata l-indipendenza tagħhom mill-partijiet obbligati, parteċipanti jew fdati;

(k)fil-każ tat-taxxi, in-notifika għandha tinkludi dettalji ta':

(i)is-setturi u t-taqsima ta' min iħallas it-taxxa fil-mira;

(ii)l-awtorità pubblika tal-implimentazzjoni;

(iii)l-iffrankar li mistenni jinkiseb;

(iv)it-tul ta’ żmien tal-miżura tat-tassazzjoni; u

(v)il-metodoloġija tal-kalkolu, inkluż liema flessibbiltà tal-prezz qed tintuża u kif din ġiet stabbilita.”.

2.L-Anness VII huwa emendat kif ġej:

(a)it-titlu qed jinbidel b’dan li ġej:

"Rekwiżiti minimi għall-kontijiet u informazzjoni fil-kontijiet ibbażata fuq il-konsum proprju tal-gass";

(b)qed jiddaħħal l-Anness VIIa li ġej:

"Anness VIIa

Rekwiżiti minimi għall-kontijiet u informazzjoni fil-kontijiet ibbażata fuq il-konsum proprju tat-tisħin, tat-tkessiħ u tal-misħun

1.Kontijiet ibbażati fuq il-konsum proprju

Sabiex l-utenti aħħarin jkunu jistgħu jirregolaw il-konsum tagħhom tal-enerġija, il-kontijiet għandhom isiru abbażi tal-konsum proprju tal-inqas darba fis-sena.

2.Frekwenza minima tal-kontijiet jew tal-informazzjoni dwar il-konsum

Minn [Please insert here ….the entry into force], fejn ikunu ġew installati arloġġi li jinqraw mill-bogħod jew allokaturi tal-ispiża, il-kontijiet jew l-informazzjoni dwar il-konsum ibbażata fuq il-konsum proprju għandhom ikunu disponibbli tal-inqas kull tliet xhur fuq talba jew fejn il-konsumaturi finali jkunu għażlu li jirċievu kont elettroniku, jew inkella darbtejn fis-sena.

Mill-1 ta’ Jannar 2022, fejn ikunu ġew installati arloġġi li jinqraw mill-bogħod jew allokaturi tal-ispiża, il-kontijiet jew l-informazzjoni dwar il-konsum għandhom ikunu disponibbli tal-inqas kull xahar. It-tisħin u t-tkessiħ jistgħu jkunu eżentati minn dan ir-rekwiżit barra l-istaġun tat-tisħin jew tat-tkessiħ.

3.Informazzjoni minima inkluża fil-kont ibbażata fuq il-konsum proprju

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni li ġejja tkun disponibbli għall-utenti aħħarin f'termini ċari u li jinftiehmu fil-kontijiet tagħhom jew li din tkun mehmuża magħhom:

(a)il-prezzijiet effettivi kurrenti u l-konsum proprju tal-enerġija;

(b)informazzjoni dwar it-taħlita tal-fjuwils użata, inkluż għall-utenti aħħarin fornuti b’tisħin jew bi tkessiħ distrettwali;

(c)il-paraguni tal-konsum kurrenti tal-enerġija tal-utenti aħħarin mal-konsum għall-istess perjodu fis-sena preċedenti f'forma grafika, bil-korrezzjonijiet tal-klima għat-tisħin u għat-tkessiħ;

(d)l-informazzjoni ta' kuntatt għall-organizzazzjonijiet tal-klijenti aħħarin, għall-aġenziji tal-enerġija jew għal korpi simili, inklużi l-indirizzi tas-siti elettroniċi minn fejn tista' tinkiseb informazzjoni dwar il-miżuri disponibbli għal titjib tal-effiċjenza fl-enerġija, il-profili komparattivi tal-utenti aħħarin u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi oġġettivi għal tagħmir li juża l-enerġija.

Barra minn dan, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-paraguni ma' utent aħħari medju normalizzat jew skont parametri ta' referenza fl-istess kategorija tal-utenti jsiru disponibbli għall-utenti aħħarin f'termini ċari u li jinftiehmu fil-kontijiet tagħhom jew fid-dokumenti mehmużin magħhom.".

(1) Ir-Regolament (KE) Nru 443/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 li jistabbilixxi standards ta’ rendiment għall-emissjonijiet minn karozzi ġodda tal-passiġġieri bħala parti mill-approċċ integrat tal-Komunità biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ CO2 minn vetturi ħfief (ĠU L 140, 5.6.2009, p. 1).
(2) Ir-Regolament (UE) Nru 510/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2011 li jistabbilixxi standards ta’ rendiment fir-rigward tal-emissjonijiet tal-vetturi kummerċjali ħfief ġodda bħala parti mill-approċċ integrat tal-Unjoni biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 minn vetturi ħfief (ĠU L 145, 31.5.2011, p. 1).
(3) Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta' Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51).
(4) Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1).
Top