IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 9.11.2016
COM(2016) 709 final
2016/0355(COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1286/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar dokumenti bl-informazzjoni ewlenija għal prodotti aggregati ta' investiment għall-konsumaturi bbażati fuq l-assigurazzjoni (PRIIPs)
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
Raġunijiet għall-proposta
Ir-Regolament (UE) Nru 1286/2014 ġie adottat fis-26 ta’ Novembru 2014 bl-għan li jżid il-ħarsien tal-investituri fil-livell tal-konsumatur li jinvestu fil-prodotti aggregati ta' investiment għall-konsumaturi bbażati fuq l-assigurazzjoni (PRIIPs). Dan għandu wkoll l-għan li jġib lura l-fiduċja tal-konsumatur fl-industrija tas-servizzi finanzjarji wara l-kriżi finanzjarja.
Sabiex jilħaq dawn l-objettivi, ir-Regolament (UE) Nru 1286/2014 jirrikjedi li l-manifatturi tal-PRIIPs ikunu konformi ma’ sett uniformi ta’ rekwiżiti ta' divulgazzjoni dwar il-prodott u li l-investituri fil-livell ta’ konsumatur jirċievu d-dokument bit-tagħrif ewlieni (KID) dwar il-PRIIPs offruti. L-informazzjoni divulgata għandha tippermetti lill-investituri fil-livell tal-konsumaturi jifhmu aħjar in-natura ekonomika u r-riskji ta’ prodott partikolari u biex tippermetti li jsir paragun bejn offerti differenti. Barra minn hekk, iż-żieda fit-trasparenza u l-armonizzazzjoni se tkun ta’ benefiċċju wkoll lis-suq intern għas-servizzi finanzjarji billi toħloq kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni fost il-prodotti u l-kanali ta’ distribuzzjoni differenti.
Ir-Regolament (UE) Nru 1286/2014 jistabbilixxi l-forma u l-kontenut tal-KID. Sabiex bosta karatteristiċi tal-KID jiġu standardizzati iktar, u biex jieħdu kont tad-differenzi importanti li hemm bejn tipi differenti ta’ PRIIPs, l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (“ASE”: l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol, l-Awtorità Bankarja Ewropea u l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) għandhom il-kompitu li jħejju standards tekniċi regolatorji (RTS) li jispeċifikaw il-preżentazzjoni u l-kontenut tal-KID, il-format standardizzat tal-KID, il-metodoloġija li tirfed il-preżentazzjoni tar-riskju u l-gwadanji u l-kalkolu tal-kostijiet, kif ukoll il-kundizzjonijiet u l-frekwenza minima għar-rieżami tal-informazzjoni li tinsab fil-KID u l-kundizzjonijiet dwar l-issodisfar tar-rekwiżit li l-KID jingħata lill-investituri fil-livell tal-konsumatur.
Fis-6 ta’ April 2016, l-ASE ippreżentaw flimkien l-RTS abbozzati dwar il-KID għall-PRIIPs lill-Kummissjoni. L-RTS abbozzati ġew approvati mill-Kummissjoni fit-30 ta’ Ġunju 2016 bl-adozzjoni tar-Regolament Delegat dwar il-KID.
Tul il-perjodu ta’ skrutinju, il-Kunsill ma qajjem l-ebda oġġezzjoni kontra r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni. Madankollu, fl-14 ta’ Settembru 2016, il-Parlament Ewropew irrifjutah. Il-Parlament Ewropew talab lill-Kummissjoni tirrieżamina d-dispożizzjonijiet marbutin mal-PRIIPs b’bosta opzjonijiet, xenarji ta’ prestazzjoni u avviżi li prodott jista’ jkun diffiċli biex tifhmu. Barra minn hekk, il-Parlament Ewropew u maġġoranza kbira tal-Istati Membri talbu lill-Kummissjoni tiddefferixxi d-data ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1286/2014, bl-argument li n-nuqqas ta’ standards tekniċi jxekkel l-applikazzjoni tajba tar-Regolament.
Ir-Regolament (UE) Nru 1286/2014 huwa direttament applikabbli mill-31 ta’ Diċembru 2016 u ma jorbotx il-preżentazzjoni ta’ KID mal-adozzjoni tal-att delegat. Filwaqt li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament jistgħu jiġu applikati mill-manifatturi tal-PRIIPs u infurzati mill-awtoritajiet kompetenti mingħajr l-adozzjoni tar-Regolament Delegat, huwa mixtieq li jkun hemm kemm jista' jkun ċarezza dwar l-istandards tekniċi li jispeċifikaw il-kontenut ta' ċerti regoli.
Minħabba ċ-ċirkostanzi ta' eċċezzjoni li wasslu għal dewmien fl-adozzjoni tar-Regolament Delegat, il-Kummissjoni tipproponi li d-data tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1286/2014 tiġi differita bi 12-il xahar sabiex titnaqqas l-inċertezza tad-dritt u l-manifatturi tal-PRIIPs ikollhom iktar żmien iħejju għall-applikazzjoni tar-regoli l-ġodda.
Tul tad-diferiment
Diferiment ta' tnax-il xahar għandu jagħti biżżejjed żmien lill-awtoritajiet kompetenti u lill-manifatturi tal-PRIIPs biex ikunu jistgħu jiġu konformi mar-regoli l-ġodda.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
Bażi ġuridika
Din il-Proposta, bħar-Regolament (UE) Nru 1286/2014, li l-Proposta għandha l-għan li temenda, hija bbażata fuq l-Artikolu 114 tat-TFUE.
Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
Skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà, l-azzjoni tal-UE tista’ tittieħed biss jekk l-għanijiet previsti ma jkunux jistgħux jintlaħqu mill-Istati Membri waħedhom. Hemm bżonn ta' intervent mill-Unjoni biex jitneħħew l-ostakli għal suq intern għas-servizzi u l-prodotti finanzjarji, li jdaħħal approċċ uniformi għad-divulgazzjonijiet marbutin mal-PRIIPs. F’dan ir-rigward, il-leġiżlazzjoni li qed tiġi emendata, tiġi adottata f’konformità sħiħa mal-prinċipju tas-sussidjarjetà u kwalunkwe emenda li ssirilha jeħtieġ li ssir permezz ta’ proposta tal-Kummissjoni.
Proporzjonalità
Din l-azzjoni tal-Unjoni hija meħtieġa biex jinkiseb l-għan tal-applikazzjoni effettiva tar-regoli tal-PRIIPs mill-awtoritajiet kompetenti u mill-manifatturi tal-PRIIPs. Din il-proposta għaldaqstant se tiżgura li l-għanijiet li jridu jiġu milħuqa permezz tar-Regolament (UE) Nru 1286/2014 jinkisbu fis-suq intern kollu, filwaqt li jiġi żgurat livell għoli ta' trasparenza tas-suq u protezzjoni tal-investituri fil-livell ta' konsumatur.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
Din il-proposta mhijiex akkumpanjata b'valutazzjoni tal-impatt separata, minħabba li diġà saret valutazzjoni tal-impatt għar-Regolament (UE) Nru 1286/2014. Din il-proposta ma tibdilx is-sustanza tar-Regolament u ma toħloqx obbligi ġodda għall-operaturi fis-suq fil-kamp ta' applikazzjoni tagħha. Il-proposta tikkonċerna biss estensjoni tad-data tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1286/2014 bi 12-il xahar sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza tad-dritt għall-industrija u li jkun hemm biżżejjed ħin għall-industrija u l-awtoritajiet kompetenti biex iħejju għar-regoli l-ġodda.
4.IMPLIKAZZJONIJIET GĦALL-BAĠIT
Il-proposta ma għandhiex impatt baġitarju għall-Kummissjoni Ewropea.
2016/0355 (COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1286/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar dokumenti bl-informazzjoni ewlenija għal prodotti aggregati ta' investiment għall-konsumaturi bbażati fuq l-assigurazzjoni (PRIIPs)
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,
Billi:
(1)Ir-Regolament (UE) Nru 1286/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill introduċa sensiela ta' miżuri bil-għan li jsaħħu l-ħarsien tal-investituri u li jibnu mill-ġdid il-fiduċja tal-konsumatur fl-industrija tas-servizzi finanzjarji billi tiżdied it-trasparenza fis-suq tal-investiment fil-livell ta' konsumatur. Dan jitlob lill-manifatturi ta' prodotti aggregati ta' investiment għall-konsumaturi bbażati fuq l-assigurazzjoni (PRIIPs) jipproduċu Dokument bl-Informazzjoni Ewlenija (KID).
(2)Ir-Regolament (UE) Nru 1286/2014 jagħti s-setgħa lill-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej iħejju standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw l-elementi tal-KID.
(3)Fit-30 ta' Ġunju 2016, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament Delegat, li jispeċifika l-preżentazzjoni u l-kontenut tal-KID, il-format standardizzat tal-KID, il-metodoloġija li tirfed il-preżentazzjoni tar-riskju u l-gwadanji u l-kalkolu tal-kostijiet, kif ukoll il-kundizzjonijiet u l-frekwenza minima għar-rieżami tal-informazzjoni li tinsab fil-KID u l-kundizzjonijiet dwar l-issodisfar tar-rekwiżit li l-KID jingħata lill-investituri fil-livell tal-konsumatur.
(4)Il-Parlament Ewropew oġġezzjona għar-Regolament Delegat adottat mill-Kummissjoni fit-30 ta' Ġunju 2016 u, flimkien mal-maġġoranza l-kbira tal-Istati membri, talab li d-data ta' applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1286/2014 tiġi differita.
(5)Diferiment ta' tnax-il xahar se jagħti biżżejjed żmien lil dawk ikkonċernati biex iżommu mar-rekwiżiti l-ġodda. Fid-dawl ta' dawn iċ-ċirkostanzi ta' eċċezzjoni, huwa xieraq u ġġustifikat li r-Regolament (UE) Nru 1286/2014 jiġi emendat skont dan.
(6)Minħabba l-perjodu ta' żmien qasir ħafna li fadal qabel li d-dispożizzjonijiet stipulati fir-Regolament (UE) Nru 1286/2014 jiġu applikati, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ mingħajr dewmien.
(7)Konsegwentement, f'dan il-każ huwa wkoll iġġustifikat li tiġi applikata l-eċċezzjoni għal każijiet urġenti prevista fl-Artikolu 4 tal-Protokoll (Nru 1) dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea.
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Fir-Regolament (UE) Nru 1286/2014, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 34 jinbidel b'dan li ġej:
"Huwa japplika mill-1 ta' Jannar 2018."
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Parlament Ewropew
Għall-Kunsill
Il-President
Il-President
Martin Schultz