EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016PC0687

Proposta għal DIRETTIVA TAL-KUNSILL li temenda d-Direttiva (UE) 2016/1164 fir-rigward ta’ diskrepanzi ibridi ma’ pajjiżi terzi

COM/2016/0687 final - 2016/0339 (CNS)

Strasburgu, 25.10.2016

COM(2016) 687 final

2016/0339(CNS)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva (UE) 2016/1164 fir-rigward ta’ diskrepanzi ibridi ma’ pajjiżi terzi

{SWD(2016) 345 final}


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

L-arranġamenti ta’ diskrepanzi ibridi jisfruttaw id-differenzi fit-trattament tat-taxxa ta’ entità jew ta' strument taħt il-liġijiet ta’ żewġ ġurisdizzjonijiet tat-taxxa jew aktar biex tinkiseb nontassazzjoni doppja. Dawn it-tipi ta’ arranġamenti huma mifruxin sew u jirriżultaw f’erożjoni sostanzjali tal-bażijiet taxxabbli tal-kontribwenti korporattivi fl-UE. Għalhekk, jeħtieġ li jiġu stabbiliti regoli kontra dan it-tip ta’ erożjoni tal-bażi tat-taxxa.

Ir-regoli ta’ diskrepanza ibrida fid-Direttiva tal-Kunsill li tistabbilixxi regoli kontra prattiki ta’ evitar tat-taxxa li jaffettwaw direttament il-funzjonament tas-suq intern 1 (minn hawn ’il quddiem imsejħa: id-Direttiva Kontra l-Evitar tat-Taxxa) jindirizzaw l-aktar forom mifruxa ta’ diskrepanzi ibridi, iżda dawk biss li jinsabu fl-UE. L-Artikolu 9 tad-Direttiva Kontra l-Evitar tat-Taxxa jimmira d-diskrepanzi ibridi li jirriżultaw minn differenzi fil-karatterizzazzjoni legali ta’ entità jew strument finanzjarju bejn kontribwent fi Stat Membru u impriża assoċjata fi Stat Membru ieħor jew minn arranġament strutturat bejn partijiet fl-Istati Membri.

Madankollu, il-kontribwenti fl-UE involuti fi strutturi transfruntiera li jinvolvu pajjiżi terzi jieħdu wkoll vantaġġ minn diskrepanzi ibridi biex inaqqsu l-obbligazzjonijiet ta’ taxxa globali tagħhom fl-UE. Għalhekk, huwa rikonoxxut sew li d-diskrepanzi ibridi li jinvolvu pajjiżi terzi għandhom jiġu indirizzati wkoll.

Barra minn hekk, hemm tipi oħrajn ta’ diskrepanzi, bħad-diskrepanzi ibridi ta’ stabbiliment permanenti, it-trasferimenti ibridi, l-hekk imsejħa diskrepanzi importati u d-diskrepanzi ta’ residenza doppja, li mhumiex indirizzati fl-Artikolu 9 tad-Direttiva Kontra l-Evitar tat-Taxxa.

Bħala parti mill-proposta ta’ kompromess finali għad-Direttiva Kontra l-Evitar tat-Taxxa li kienet miftiehma fl-20 ta’ Ġunju 2016, il-Kunsill ECOFIN ħareġ dikjarazzjoni dwar id-diskrepanzi ibridi. F'din id-dikjarazzjoni, il-Kunsill ECOFIN jitlob lill-Kummissjoni “biex tippreżenta proposta sa Ottubru 2016 dwar diskrepanzi ibridi li jinvolvu pajjiżi terzi sabiex tipprevedi regoli konsistenti mar-regoli rakkomandati mir-rapport tal-OECD dwar il-BEPS dwar l-Azzjoni 2 u mhux effettivi inqas minnhom, bil-ħsieb li jintlaħaq qbil sal-aħħar tal-2016.”

Din id-Direttiva tistabbilixxi r-regoli kontra d-diskrepanzi ibridi li jinvolvu pajjiżi terzi. Barra minn hekk, din id-Direttiva tindirizza d-diskrepanzi ibridi li jinvolvu stabbilimenti permanenti, kemm fid-dimensjoni intra-UE tagħhom kif ukoll f’dik ta’ pajjiż terz, it-trasferimenti ibridi, id-diskrepanzi importati u d-diskrepanzi ta’ residenza doppja.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Din id-Direttiva hija mfassla fuq ir-rakkomandazzjonijiet tar-rapport Erożjoni tal-Bażi u Trasferiment tal-Profitt (BEPS) tal-OECD dwar il-Punt ta’ Azzjoni 2 “In-Newtralizzar tal-Effetti tal-Arranġamenti tad-Diskrepanzi Ibridi”. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri ntrabtu li jimplimentaw dawk ir-rakkomandazzjonijiet. Ir-rapport tal-OECD dwar il-BEPS jipprevedi qafas komprensiv dwar id-diskrepanzi ibridi u jkopri d-diskrepanzi ta’ entitajiet ibridi, id-diskrepanzi fi strumenti finanzjarji ibridi, it-trasferimenti ibridi, id-diskrepanzi importati u d-diskrepanzi ta’ residenza doppja. Barra minn hekk, fit-22 ta’ Awwissu 2016 l-OECD ippubblikat Abbozz ta’ Diskussjoni Pubblika dwar id-Diskrepanzi li jimplikaw Fergħa, li jkopri d-diskrepanzi ibridi ta’ stabbiliment permanenti. Mod koerenti u koordinat għat-traspożizzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-OECD fil-livell tal-UE għandu jevita d-distorsjonijiet possibbli, l-ostakli tat-taxxa għan-negozji, il-lakuni ġodda jew id-diskrepanzi fis-suq intern.

Din id-Direttiva hija parti minn pakkett li jinkludi wkoll it-tnedija mill-ġdid tal-Proposta għal Bażi Komuni Konsolidata għat-Taxxa Korporattiva (BKKTK) u proposta dwar Bażi Komuni għat-Taxxa Korporattiva (BKTK). Ir-regoli dwar id-diskrepanzi ibridi fil-BKKTK u l-BKTK huma konsistenti mar-regoli f’din id-Direttiva.

Il-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta dwar it-Tassazzjoni tal-Intrapriżi qabel fuq gwida biex jiġu indirizzati diversi tipi ta’ diskrepanzi ibridi. Madankollu, peress li l-Istati Membri ma jistgħux ikunu marbuta legalment minn gwida, xorta jeħtieġ li jiġu adottati regoli vinkolanti biex ikun żgurat li l-Istati Membri jindirizzaw b’mod effettiv dawn id-diskrepanzi.

Din id-Direttiva temenda d-Direttiva Kontra l-Evitar tat-Taxxa. Hija tistabbilixxi regoli legalment vinkolanti li jippermettu lill-Istati Membri jindirizzaw b’mod effettiv l-arranġamenti ta’ diskrepanzi ibridi li mhumiex indirizzati fid-Direttiva Kontra l-Evitar tat-Taxxa.

It-test jistabbilixxi regoli bbażati fuq il-prinċipji u jħalli d-dettalji tal-implimentazzjoni tagħhom f’idejn l-Istati Membri, bil-fehim li jinsabu f’pożizzjoni aħjar biex isawru l-elementi preċiżi tar-regoli bl-aktar mod adattat għas-sistemi tat-taxxa korporattiva tagħhom. Din id-Direttiva għandha l-istess kamp ta' applikazzjoni personali bħad-Direttiva Kontra l-Evitar tat-Taxxa u għalhekk timmira li tilħaq lill-kontribwenti kollha li huma soġġetti għal taxxa korporattiva fi Stat Membru.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-leġiżlazzjoni dwar it-taxxa diretta taqa’ fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 115 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE (TFUE). Il-klawżola tistipula li l-miżuri legali tal-approssimazzjoni skont dak l-artikolu għandhom jingħataw il-forma legali ta’ Direttiva.

Sussidjarjetà (għal kompetenza mhux esklussiva)

Din il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. In-natura tas-suġġett teħtieġ inizjattiva komuni fis-suq intern.

B’kunsiderazzjoni tal-fatt li objettiv ewlieni ta’ din id-Direttiva huwa li tittejjeb ir-reżiljenza tas-suq intern kontra r-riskji ta’ evitar tat-taxxa li jirriżultaw mill-manipulazzjoni ta’ diskrepanzi ibridi, huwa ċar li dan ma jistax jintlaħaq b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri li jaġixxu individwalment, b’mod mhux koordinat. Diskrepanza fit-tassazzjoni hija r-riżultat tal-interazzjoni ta’ mill-inqas żewġ sistemi tat-taxxa, u dan jimplika li f'din id-diskrepanza hemm dimensjoni transfruntiera inerenti. Peress li s-sistemi tat-taxxa korporattiva nazzjonali huma differenti, azzjoni indipendenti mill-Istati Membri sempliċement tirreplika l-frammentazzjoni eżistenti tas-suq intern fit-tassazzjoni diretta u tippermetti li jkomplu jippersistu d-diskrepanzi. L-effetti tad-diskrepanzi jistgħu jiġu indirizzati biss b'miżuri ta’ rimedju fil-livell tal-Unjoni. Barra minn hekk, peress li d-diskrepanzi ibridi jfixklu l-funzjonament tas-suq intern, l-applikazzjoni ta’ prinċipji komuni għas-soluzzjoni tagħhom ittejjeb il-koerenza tas-suq intern.

Għaldaqstant, qafas komprensiv ta’ regoli kontra l-arranġamenti ta’ diskrepanzi ibridi fil-livell tal-UE jżid il-valur meta mqabbel ma’ x’jista’ jinkiseb b'għadd kbir ta’ regoli nazzjonali. Inizjattiva tal-UE timminimizza r-riskju ta’ lakuni persistenti jew ta’ tassazzjoni doppja, liema riskju jista’ jinvolvi tlaqqit ta’ regoli nazzjonali li jindirizzaw id-diskrepanzi ibridi.

Għaldaqstant, dan l-approċċ huwa konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea.

Proporzjonalità

Il-miżuri ppjanati ma jmorrux lil hinn milli jkun żgurat il-livell meħtieġ ta’ protezzjoni għas-suq intern. Skont il-prinċipju ta' proporzjonalità, ir-regoli proposti ma jmorrux lil hinn minn dak meħtieġ biex jintlaħaq l-objettiv tagħhom. Għaldaqstant id-Direttiva ma tippreskrivix armonizzazzjoni sħiħa iżda biss il-protezzjoni li hija meħtieġa għas-salvagwardja tas-sistemi għat-taxxa korporattiva tal-Istati Membri. Dawn huma limitati għar-rettifika ta’ sitwazzjonijiet ta’ tnaqqis doppju, tnaqqis fi stat wieħed mingħajr inklużjoni fil-bażi għat-taxxa tal-istat l-ieħor jew nontassazzjoni tal-introjtu fi stat wieħed mingħajr inklużjoni ta’ dak l-introjtu fl-istat l-ieħor. B’hekk, id-Direttiva tiżgura l-livell essenzjali ta’ koordinazzjoni fi ħdan l-Unjoni bil-għan li jkunu materjalizzati l-miri tagħha. Ir-regoli ma jfixklux l-oqfsa nazzjonali li jikkwalifikaw l-entitajiet jew il-pagamenti mil-lat legali. Id-Direttiva timmira biss li tikseb l-essenzjali bil-għan li ttaffi l-effetti tat-taxxa dannuża ta’ diskrepanzi ibridi fis-suq intern. F’dan id-dawl, il-proposta ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi tagħha u għaldaqstant hija konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

Għażla tal-istrument

Il-proposta hija għal Direttiva, li hija l-uniku strument disponibbli skont il-bażi legali tal-Artikolu 115 TFUE.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX-POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri huma membri tal-OECD u bejn l-2013 u l-2015 ħadu sehem f’diskussjonijiet twal u dettaljati dwar l-Azzjonijiet kontra l-BEPS, inkluż il-punt ta’ Azzjoni 2 dwar in-newtralizzar tal-arranġamenti tad-diskrepanzi ibridi. L-OECD organizzat konsultazzjonijiet pubbliċi estensivi mal-partijiet ikkonċernati dwar kull waħda mill-Azzjonijiet kontra l-BEPS.

L-elementi ta’ din il-proposta għal Direttiva ġew diskussi mad-delegazzjonijiet tal-Istati Membri fil-laqgħa tal-Grupp ta’ Ħidma IV tas-26 ta’ Lulju 2016. Barra minn hekk, l-elementi ta’ din il-proposta għal Direttiva ġew ippreżentati f’termini wesgħin u diskussi mar-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tan-negozju u ma' dawk nongovernattivi fil-laqgħa tal-Pjattaforma għall-Governanza Tajba fil-Qasam tat-Taxxa li saret fis-16 ta’ Settembru 2016.

Ġbir u użu tal-kompetenzi

Elementi ta’ din id-Direttiva huma bbażati fuq ir-Rapport tal-OECD dwar in-Newtralizzar tal-Effetti tal-Arranġamenti tad-Diskrepanzi Ibridi li kien parti mill-Proġett OECD/G20 BEPS.

Valutazzjoni tal-Impatt

Bħala parti mill-pakkett tal-BEPS, f'Novembru 2015 l-OECD ippubblikat ir-rapport dwar il-Punt ta’ azzjoni 2. Il-membri tal-OECD/G20 huma marbuta mal-eżiti tal-Proġett tal-BEPS u mal-implimentazzjoni konsistenti tiegħu. Bosta Stati Membri, fil-kapaċità tagħhom ta’ Membri tal-OECD, impenjaw ruħhom li jittrasponu r-riżultat tal-proġett tal-BEPS fil-liġijiet nazzjonali tagħhom, u li jagħmlu dan malajr. Fir-rigward tal-eżiti l-oħrajn tal-Proġett tal-BEPS, huwa kritiku li jsir progress rapidu fil-koordinazzjoni tal-implimentazzjoni fl-UE ta’ regoli dwar id-diskrepanzi ibridi li jinvolvu pajjiżi terzi. Jeħtieġ li jiġi evitat li l-funzjonament tas-suq intern ikun kompromess jew minn miżuri unilaterali adottati minn xi Stati Membri (kemm jekk membri tal-OECD kif ukoll jekk le) li jaġixxu waħedhom, jew min-nuqqas ta’ azzjoni minn Stati Membri oħra.

Biex tingħata analiżi kwalitattiva, din id-Direttiva hija akkumpanjata b'Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal (SWD) separat li jagħti ħarsa ġenerali tas-sejbiet eżistenti dwar l-arranġamenti tad-diskrepanzi ibridi abbażi ta’ studji reċenti mill-OECD u mill-Kummissjoni Ewropea. Dan id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal jenfasizza l-aktar mekkaniżmi komuni identifikati li huma marbuta mal-arranġamenti ta’ diskrepanza ibrida. Barra minn hekk, dan jindirizza l-objettivi u l-karatteristiċi ta’ din id-Direttiva.

Għaldaqstant, ma twettqet l-ebda valutazzjoni tal-impatt għal din il-proposta għar-raġunijiet li ġejjin: hemm rabta qawwija mal-ħidma tal-OECD dwar il-BEPS; id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal jipprovdi analiżi sinifikanti tas-sejbiet eżistenti; u l-partijiet ikkonċernati kienu involuti f’konsultazzjonijiet dwar l-elementi tekniċi tar-regoli proposti fi stadju preċedenti. F'dan il-kuntest ta' min jinnota li ma twettqet l-ebda valutazzjoni tal-impatt dwar id-Direttiva Kontra l-Evitar tat-Taxxa li hija emendata b'din il-proposta. Barra minn hekk, attwalment teżisti domanda urġenti fil-forma ta' Dikjarazzjoni tal-Kunsill li takkumpanja d-Direttiva Kontra l-Evitar tat-Taxxa, ifformulata mill-Istati Membri biex sa Ottubru 2016 titressaq Direttiva dwar din il-kwistjoni.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Din il-proposta għal Direttiva ma għandha l-ebda implikazzjoni baġitarja għall-UE.

5.ELEMENTI OĦRAJN

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Ir-rakkomandazzjonijiet fir-rapport tal-OECD dwar in-newtralizzar tal-arranġamenti tad-diskrepanza ibrida (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ: ir-rapport tal-OECD) jieħdu l-forma ta’ regoli li jinnewtralizzaw l-effett ta’ diskrepanza ibrida billi jiżguraw li pagament ikun soġġett għat-taxxa mill-inqas darba. Ir-regoli tad-diskrepanza ibrida fid-Direttiva Kontra l-Evitar tat-Taxxa huma bbażati fuq l-approċċ tal-OECD fis-sens li jinnewtralizzaw l-effett ta’ diskrepanza ibrida. Din il-proposta hija bbażata fuq l-istess approċċ. Bħad-Direttiva Kontra l-Evitar tat-Taxxa, din il-proposta tapplika għall-kontribwenti kollha li huma soġġetti għal taxxa korporattiva fi Stat Membru. L-għan huwa li jinqabdu l-arranġamenti ta’ diskrepanza ibrida fejn mill-inqas waħda mill-partijiet involuta hija kontribwent korporattiv fi Stat Membru.

Din id-Direttiva mhix maħsuba biex taffettwa l-karatteristiċi ġenerali tas-sistema tat-taxxa ta’ ġurisdizzjoni iżda tillimita ruħha biss għad-diskrepanzi li jirriżultaw mir-regoli tat-taxxa kunfliġġenti bejn żewġ ġurisdizzjonijiet jew aktar. Għaldaqstant, din id-Direttiva ma tindirizzax sitwazzjonijiet fejn tħallset ftit taxxa jew fejn ma tħallset l-ebda taxxa minħabba rata tat-taxxa baxxa jew sistema tat-taxxa ta’ ġurisdizzjoni.

Ir-regoli ta’ diskrepanza ibrida huma applikabbli biss f'każ ta’ diskrepanza bejn kontribwent u impriża assoċjata jew f'każ ta’ arranġament strutturat bejn il-partijiet involuti. Id-definizzjoni ta’ impriża assoċjata għall-finijiet tar-regoli ta’ diskrepanza ibrida hija bbażata fuq id-definizzjoni tal-hekk imsejjaħ “grupp ta’ kontroll” li għalih japplikaw ir-rakkomandazzjonijiet tar-rapport tal-OECD.

Għal raġunijiet ta’ ċertezza legali għandu jiġi sottolinjat li din id-Direttiva tirreferi għal tnaqqis mill-bażi taxxabbli jew għal inklużjoni fil-bażi taxxabbli ta’ intrapriża.

Diskrepanzi ta' entità ibrida

It-terminu “entità” jirreferi għal kwalunkwe tip ta’ organizzazzjoni legali li fiha jista’ jsir negozju. Entità tista’ tkun trasparenti jew mhux trasparenti għal finijiet ta’ taxxa. Jekk entità hija trasparenti għal finijiet ta’ taxxa, pereżempju fil-każ ta’ sħubija, l-entità nnifisha mhix soġġetta għal taxxa, iżda s-sehem proporzjonali tal-elementi tal-introjtu, tal-qligħ u tal-ispiża derivati u mġarrba mis-sħubija huwa allokat għas-sħab bħala introjtu taxxabbli. Min-naħa l-oħra, entità mhux trasparenti, bħal pereżempju kumpanija, hija soġġetta għal taxxa fuq l-introjtu tagħha. Stabbiliment permanenti jista’ jkun parti minn entità iżda ma jitqiesx bħala entità separata fih innifsu.

Diskrepanza ta' entità ibrida tirriżulta jekk entità tiġi trattata bħala trasparenti għal finijiet ta’ taxxa minn ġurisdizzjoni waħda u bħala mhux trasparenti minn ġurisdizzjoni oħra. Dan jista’ jwassal għal tnaqqis doppju tal-istess pagament, spiża jew telf jew għal tnaqqis mill-pagament mingħajr inklużjoni korrispondenti ta’ dak il-pagament.

Diskrepanza ta’ entità ibrida li twassal għal tnaqqis doppju

Tnaqqis doppju jfisser li l-istess pagament jista’ jitnaqqas mill-bażi taxxabbli f’aktar minn ġurisdizzjoni waħda. Jekk entità hija trattata bħala mhux trasparenti għal finijiet ta’ taxxa fil-ġurisdizzjoni fejn kienet oriġinarjament iffurmata jew maħluqa, il-pagament, l-ispejjeż jew it-telf tal-entità jistgħu jitnaqqsu mill-bażi taxxabbli tal-entità. Jekk l-istess entità hija trattata bħala trasparenti fil-ġurisdizzjoni tad-detentur tal-interess ta’ ekwità fl-entità, dawk il-pagamenti, l-ispejjeż jew it-telf jistgħu jitnaqqsu mill-bażi taxxabbli tad-detentur tal-interess ta’ ekwità f’dik il-ġurisdizzjoni ukoll, li jwassal għal tnaqqis doppju fis-sens tal-Artikolu 2, il-paragrafu 9, is-subparagrafu a.

Madankollu, l-introjtu tal-entità ibrida jista’ jkun inkluż ukoll bħala introjtu taxxabbli f’aktar minn ġurisdizzjoni waħda. Biex tqis din 'l hekk imsejħa inklużjoni doppja ta’ introjtu, il-proposta timmira li tinnewtralizza t-tnaqqis doppju sal-punt biss li l-istess pagament, spiża jew telf imnaqqsin f’żewġ ġurisdizzjonijiet jaqbżu l-ammont ta’ introjtu li jista’ jiġi attribwit lill-istess entità ibrida u li huwa inkluż fiż-żewġ ġurisdizzjonijiet.

Abbażi tad-Direttiva Kontra l-Evitar tat-Taxxa fil-każ fejn diskrepanza ta’ entità ibrida bejn żewġ Stati Membri twassal għal tnaqqis doppju, it-tnaqqis għandu jingħata biss fl-Istat Membru fejn tali pagament għandu s-sors tiegħu.

Fil-każ ta’ diskrepanza ta’ entità ibrida bejn Stat Membru u pajjiż terz, abbażi tal-Artikolu 9, il-paragrafu 1, it-tieni subparagrafu, l-Istat Membru kkonċernat għandu jiċħad it-tnaqqis tal-pagament, l-ispiża jew it-telf irrispettivament minn jekk il-pagament għandux is-sors tiegħu fl-Istat Membru jew fil-pajjiż terz, diment li l-pajjiż terz mhux diġà għamel dan.

Diskrepanza ta’ entità ibrida li twassal għal tnaqqis mingħajr inklużjoni

Tnaqqis mingħajr inklużjoni jfisser tnaqqis ta’ pagament mill-bażi taxxabbli f’ġurisdizzjoni waħda mingħajr inklużjoni korrispondenti ta’ dak il-pagament fil-bażi taxxabbli ta’ kontribwent f’ġurisdizzjoni oħra.

Pereżempju: jekk entità hija trattata bħala mhux trasparenti fil-ġurisdizzjoni li fiha hija ffurmata jew maħluqa, din tista’ tnaqqas mill-bażi taxxabbli tagħha pagamenti mħallsa lid-detentur tal-interess ta’ ekwità f’dik l-entità. Jekk madankollu l-entità hija trattata bħala trasparenti mill-ġurisdizzjoni fejn huwa residenti d-detentur tal-interess ta’ ekwità, il-pagamenti ma jiġux rikonoxxuti u għalhekk ma jiġux inklużi fl-introjtu taxxabbli tad-detentur tal-interess ta’ ekwità, u dan iwassal għal tnaqqis mingħajr inklużjoni fis-sens tal-Artikolu 2, il-paragrafu 9, is-subparagrafu b.

L-inklużjoni doppja tal-introjtu għandha titqies ukoll fin-newtralizzar ta’ eżitu ta’ tnaqqis mingħajr inklużjoni.

Abbażi tad-Direttiva Kontra l-Evitar tat-Taxxa, f'każ li diskrepanza ta’ entità ibrida bejn żewġ Stati Membri twassal għal tnaqqis mingħajr inklużjoni, l-Istat Membru tal-pagatur għandu jiċħad it-tnaqqis tal-pagament.

 

Jew: jekk entità hija trattata bħala trasparenti għal finijiet ta’ taxxa fil-ġurisdizzjoni li fiha kienet oriġinarjament iffurmata jew maħluqa, pagament lil dik l-entità ma jiġix intaxxat f'dik il-ġurisdizzjoni. Jekk madankollu, id-detentur tal-interess ta’ ekwità f’dik l-entità huwa residenti f’ġurisdizzjoni oħra u dik il-ġurisdizzjoni l-oħra tittratta l-entità bħala mhux trasparenti 2 , il-pagament lanqas ma jiġi intaxxat f’dik il-ġurisdizzjoni l-oħra. Jekk wieħed jassumi li l-pagament kien tnaqqas mill-bażi taxxabbli mill-pagatur, din tista’ tkun ukoll sitwazzjoni ta’ tnaqqis mingħajr inklużjoni fis-sens tal-Artikolu 2, il-paragrafu 9, is-subparagrafu b.

F'każ ta’ diskrepanza ta’ entità ibrida li tirriżulta fi tnaqqis mingħajr inklużjoni bejn Stat Membru u pajjiż terz, l-ewwel għandu jiġi stabbilit liema hi l-ġurisdizzjoni tal-pagatur. Jekk il-ġurisdizzjoni tal-pagatur hija Stat Membru, dak l-Istat Membru għandu jiċħad it-tnaqqis tal-pagament mill-bażi taxxabbli sal-punt tad-diskrepanza abbażi tal-Artikolu 9, il-paragrafu 2(i). Jekk il-ġurisdizzjoni tal-pagatur hija pajjiż terz, l-Istat Membru kkonċernat għandu jipprevedi regola li titlob lill-kontribwent jinkludi l-pagament fil-bażi taxxabbli sal-punt tad-diskrepanza abbażi tal-Artikolu 9, il-paragrafu 2(ii).

Flimkien mal-eżempju preċedenti, diskrepanza ta’ entità ibrida li tirriżulta fi tnaqqis mingħajr inklużjoni fis-sens tal-Artikolu 2, il-paragrafu 9, is-subparagrafu b, tista’ wkoll isseħħ f'każ li l-entità ibrida la tinsab fl-Istat Membru u lanqas fil-ġurisdizzjoni tal-impriża assoċjata.

Diskrepanzi ta’ strumenti finanzjarji ibridi

Diskrepanza ta’ strument finanzjarju ibridu sseħħ jekk it-trattament tat-taxxa ta’ strument finanzjarju huwa differenti bejn żewġ ġurisdizzjonijiet. F'każ ta’ diskrepanza ta’ strument finanzjarju ibridu jista’ jkun hemm tnaqqis ta’ pagament mill-bażi taxxabbli tal-pagatur iżda ma jkun hemm l-ebda inklużjoni ta’ dak il-pagament fil-bażi taxxabbli tar-riċevitur, u dan iwassal għal tnaqqis mingħajr inklużjoni fis-sens tal-Artikolu 2, il-paragrafu 9, is-subparagrafu b.

Abbażi tad-Direttiva Kontra l-Evitar tat-Taxxa fil-każ ta’ diskrepanza ta’ strument finanzjarju ibridu bejn żewġ Stati Membri li twassal għal tnaqqis mingħajr inklużjoni, l-Istat Membru tal-pagatur għandu jiċħad it-tnaqqis tal-pagament.

Diskrepanza ta’ strument finanzjarju ibridu bejn Stat Membru u pajjiż terz għandha tkun indirizzata skont il-ġurisdizzjoni tal-pagatur. Jekk il-ġurisdizzjoni tal-pagatur hija Stat Membru, dak l-Istat Membru għandu jiċħad it-tnaqqis tal-pagament mill-bażi taxxabbli sal-punt tad-diskrepanza abbażi tal-Artikolu 9, il-paragrafu 2(i). Jekk il-ġurisdizzjoni tal-pagatur hija pajjiż terz, l-Istat Membru kkonċernat għandu jitlob li l-pagament ikun inkluż fil-bażi taxxabbli sal-punt tad-diskrepanza abbażi tal-Artikolu 9, il-paragrafu 2(ii).

Trasferimenti ibridi

Trasferiment ibridu huwa arranġament għat-trasferiment ta’ strument finanzjarju fejn il-liġijiet ta’ żewġ ġurisdizzjonijiet ma jaqblux fuq jekk it-trasferent jew iċ-ċessjonarju għandux is-sjieda tal-pagamenti fuq l-assi sottostanti. Ir-regoli dwar trasferimenti ibridi rrakkomandati fir-rapport tal-OECD huma partikolarment immirati lejn transazzjonijiet ta’ bejgħ u riakkwist (repo) u ta’ self ta’ titoli. It-trasferimenti ibridi huma tipikament imfassla f’ċentri finanzjarji u jirriżultaw minn strutturi kumplessi. L-objettiv mhumiex li jfixkel dawn l-istrutturi bħala tali iżda biex jiġu indirizzati biss il-konsegwenzi tat-taxxa fejn dawn l-istrutturi huma mmirati li jibbenefikaw minn sitwazzjoni ta’ diskrepanza.

Trasferiment ibridu jista’ jwassal għal tnaqqis mingħajr inklużjoni fis-sens tal-Artikolu 2, il-paragrafu 9, l-aħħar subparagrafu (i), jekk ġurisdizzjoni waħda tittratta pagament relatat mar-redditu sottostanti fuq l-istrument trasferit bħala spiża li tista’ titnaqqas, filwaqt li l-ġurisdizzjoni l-oħra tittratta l-istess ammont bħala redditu (eżentat mit-taxxa) fuq l-assi sottostanti. Ir-redditu sottostanti huwa l-introjtu relatat mal-istrument trasferit u derivat minnu. F’dak il-każ, l-Artikolu 9, il-paragrafu 2, għandu japplika għal dan il-pagament. Dawn ir-regoli ta’ diskrepanza ibrida ma għandhomx japplikaw jekk ir-redditu sottostanti fuq l-istrument trasferit huwa inkluż fl-introjtu taxxabbli ta’ waħda mill-partijiet involuta peress li f’dak il-każ jitħallew fl-istess pożizzjoni ta’ taxxa daqslikieku t-transazzjoni ma saritx.

Trasferiment ibridu jista’ wkoll jisfrutta d-differenzi bejn Stat Membru u pajjiż terz fl-attribuzzjoni tal-introjtu minn ass finanzjarju bl-effett li l-istess pagament jiġi trattat bħala derivat simultanjament minn kontribwenti differenti residenti f’ġurisdizzjonijiet differenti. F’dawk il-każijiet iż-żewġ kontribwenti jistgħu jitolbu krediti tat-taxxa minn ras il-għajn fuq il-pagament kif deskritt fl-Artikolu 2, il-paragrafu 9, l-aħħar subparagrafu (ii). Abbażi tal-Artikolu 9, il-paragrafu 6, dan għandu jiġi indirizzat billi jiġi limitat l-ammont tal-kreditu fi proporzjoni mal-introjtu nett tal-kontribwent taħt l-arranġament.

Diskrepanzi ta’ stabbiliment permanenti ibridu

Diskrepanza ta’ stabbiliment permanent ibridu bejn żewġ ġurisdizzjonijiet isseħħ meta l-attivitajiet kummerċjali f’ġurisdizzjoni huma trattati daqslikieku qed isiru permezz ta’ stabbiliment permanenti minn ġurisdizzjoni waħda, filwaqt li dawk l-attivitajiet mhumiex trattati daqslikieku qed isiru permezz ta’ stabbiliment permanenti minn ġurisdizzjoni oħra.

Diskrepanza ta’ stabbiliment permanenti ibridu li twassal għal nontassazzjoni mingħajr inklużjoni

Diskrepanza ta’ stabbiliment permanenti ibridu tista’ twassal għal nontassazzjoni mingħajr inklużjoni meta kontribwent iwettaq attivitajiet kummerċjali f’ġurisdizzjoni oħra u din il-ġurisdizzjoni ma tittrattax dawn l-attivitajiet daqslikieku qed jitwettqu permezz ta’ stabbiliment permanenti filwaqt li l-ġurisdizzjoni fejn huwa residenti l-kontribwent tittratta dawn l-attivitajiet daqslikieku qed jitwettqu permezz ta’ stabbiliment permanenti fil-ġurisdizzjoni l-oħra. B’riżultat ta' dan, il-profitti minn dawn l-attivitajiet kummerċjali mhumiex intaxxati fejn jitwettqu filwaqt li l-ġurisdizzjoni fejn hu residenti l-kontribwent tipprevedi eżenzjoni ta’ dawk il-profitti, li twassal għal nontassazzjoni mingħajr inklużjoni fis-sens tal-Artikolu 2, il-paragrafu 9, is-subparagrafu c.

F'każ ta’ diskrepanza ta’ stabbiliment permanenti ibridu bejn aktar minn Stat Membru wieħed li tirriżulta f’nontassazzjoni mingħajr inklużjoni, l-Istat Membru fejn huwa residenti l-kontribwent għandu jinkludi (u mhux jeżenta) l-introjtu attribwit għal dak l-istabbiliment permanenti abbażi tal-Artikolu 9, il-paragrafu 3, l-ewwel subparagrafu. F'każ ta’ stabbiliment permanenti ibridu li jinsab f'pajjiż terz, l-Istat Membru kkonċernat fejn huwa residenti l-kontribwent għandu jinkludi wkoll (u mhux jeżenta) l-intorjtu attribwit għal dak l-istabbiliment permanenti abbażi tal-Artikolu 9, il-paragrafu 3, it-tieni subparagrafu.

Diskrepanza ta’ stabbiliment permanenti ibridu li jwassal għal tnaqqis doppju

Diskrepanza ta’ stabbiliment permanenti ibridu tista’ twassal għal tnaqqis doppju fis-sens tal-Artikolu 2, il-paragrafu 9, is-subparagrafu a, jekk pagament, spiża jew telf jistgħu jitnaqqsu mill-bażi taxxabbli kemm fil-ġurisdizzjoni fejn hu residenti l-kontribwent kif ukoll fil-ġurisdizzjoni tal-istabbiliment permanenti ibridu fejn il-pagament, l-ispiża jew it-telf jistgħu jitnaqqsu.

Ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 9(1), japplikaw ukoll għal diskrepanza ta’ stabbiliment permanenti ibridu li twassal għal tnaqqis doppju.

Diskrepanza ta’ stabbiliment permanenti ibridu li twassal għal nontassazzjoni mingħajr inklużjoni

Diskrepanza ta’ stabbiliment permanenti ibridu tista’ twassal għal tnaqqis mingħajr inklużjoni fis-sens tal-Artikolu 2, il-paragrafu 9, is-subparagrafu b, jekk pagament magħmul mill-istabbiliment permanenti lill-uffiċċju prinċipali tiegħu jitnaqqas mill-bażi taxxabbli fil-ġurisdizzjoni fejn jinsab l-istabbiliment permanenti ibridu iżda mhux inkluż fil-bażi taxxabbli fil-ġurisdizzjoni fejn il-kontribwent huwa residenti minħabba li din l-aħħar ġurisdizzjoni ma tirrikonoxxix l-istabbiliment permanenti.

Ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 9(2), japplikaw ukoll għal diskrepanza ta’ stabbiliment permanenti ibridu li twassal għal tnaqqis mingħajr inklużjoni.

Diskrepanzi importati

Diskrepanzi importati jirriżultaw minn arranġamenti li jinvolvu membri ta’ grupp, jew arranġamenti strutturati in ġenerali, li jċaqilqu l-effett ta’ diskrepanza ibrida bejn partijiet f’pajjiżi terzi lejn il-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru bl-użu ta’ strument mhux ibridu. Diskrepanza hija importata fi Stat Membru jekk pagament li jista’ jitnaqqas taħt strument mhux ibridu jintuża għall-finanzjament ta’ spiża taħt arranġament strutturat li jinvolvi diskrepanza ibrida bejn pajjiżi terzi. Dan jimplika fluss ta’ introjtu barra mill-UE li eventwalment ma jiġix intaxxat. Għaldaqstant, huwa propost li jiġu inklużi regoli li ma jħallux it-tnaqqis ta’ pagament jekk l-introjtu minn tali pagament ikun ikkumpensat, direttament jew indirettament, bi tnaqqis li jirriżulta taħt arranġament ta’ diskrepanza ibrida u li jwassal għal tnaqqis doppju (Artikolu 9, paragrafu 4) jew għal tnaqqis mingħajr inklużjoni (Artikolu 9, paragrafu 5) bejn pajjiżi terzi. L-objettiv ewlieni tar-regoli ta’ diskrepanza importata huwa li tinżamm l-integrità tar-regoli ta’ diskrepanza ibrida l-oħrajn billi jitneħħa kwalunkwe inċentiv għal gruppi multinazzjonali li jidħlu f’arranġamenti ta’ diskrepanza ibridi. Għandu jiġi nnutat li r-regoli ta’ diskrepanza importata ma japplikaw għall-ebda pagament li jsir lil benefiċjarju korporattiv fi Stat Membru peress li l-Istati Membri suppost kellhom jimplimentaw ir-regoli ta’ diskrepanza ibrida ta’ din il-proposta.

Diskrepanza importata tista’ tinvolvi l-importazzjoni ta’ tnaqqis doppju:

Diskrepanza importanti tista’ tinvolvi wkoll l-importazzjoni ta’ tnaqqis mingħajr inklużjoni:

Diskrepanzi ta’ residenza doppja

Diskrepanza ta’ residenza doppja tista’ tirriżulta f’eżitu ta’ tnaqqis doppju jekk pagament magħmul minn kontribwent ta’ residenza doppja jitnaqqas taħt il-liġijiet taż-żewġ ġurisdizzjonijiet fejn il-kontribwent huwa residenti. Għaldaqstant, fl-Artikolu 9a qed jiġi propost li f’każ ta’ diskrepanza ta’ residenza doppja bejn Stat Membru u pajjiż terz, l-Istat Membru għandu jiċħad it-tnaqqis ta’ pagament, iżda biss sal-punt li dan il-pagament ikun ikkumpensat b’ammont li mhux trattat bħala introjtu taħt il-liġijiet tal-ġurisdizzjoni l-oħra (jiġifieri b'introjtuli mhuwiex “introjtu ta’ inklużjoni doppja”).

2016/0339 (CNS)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva (UE) 2016/1164 fir-rigward ta’ diskrepanzi ibridi ma’ pajjiżi terzi

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 115 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew 3 ,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 4 ,

Filwaqt li jaġixxi f'konformità ma' proċedura leġiżlattiva speċjali,

Billi:

(1)Huwa imperattiv li terġa' tinkiseb il-fiduċja fil-ġustizzja tas-sistemi tat-taxxa u li l-gvernijiet jitħallew jeżerċitaw b’mod effettiv is-sovranità tat-taxxa tagħhom. Għaldaqstant, l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) ħarġet rakkomandazzjonijiet ta’ azzjoni konkreta fil-kuntest tal-inizjattiva kontra l-Erożjoni tal-Bażi u t-Trasferiment tal-Profitt (BEPS).

(2)Ir-rapporti finali dwar il-15 il-Punt ta’ Azzjoni tal-OECD kontra l-BEPS ġew ippubblikati fil-5 ta’ Ottubru 2015. Dan il-kontribut intlaqa' tajjeb mill-Kunsill fil-konklużjonijiet tiegħu tat-8 ta’ Diċembru 2015. Il-konklużjonijiet tal-Kunsill enfasizzaw il-ħtieġa li jinstabu soluzzjonijiet fil-livell tal-Unjoni li jkunu komuni iżda fl-istess ħin flessibbli, u li jkunu konsistenti mal-konklużjonijiet tal-OECD dwar il-BEPS.

(3)Bi tweġiba għall-ħtieġa ta' tassazzjoni aktar ġusta b’mod partikolari b’segwitu għall-konklużjonijiet tal-OECD dwar il-BEPS, il-Kummissjoni ppreżentat il-Pakkett Kontra l-Evitar tat-Taxxa tagħha fit-28 ta’ Jannar 2016. Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2016/1164 5 dwar regoli kontra l-evitar tat-taxxa ġiet adottata fil-qafas ta’ dak il-pakkett.

(4)Id-Direttiva (UE) 2016/1164 tipprevedi qafas biex jiġu indirizzati l-arranġamenti ta’ diskrepanzi ibridi.

(5)Jeħtieġ li jiġu stabbiliti regoli li jinnewtralizzaw id-diskrepanzi ibridi b’mod komprensiv. B’kunsiderazzjoni tal-fatt li d-Direttiva (UE) 2016/1164 tkopri biss arranġamenti ta’ diskrepanzi ibridi li jirriżultaw fl-interazzjoni bejn is-sistemi għat-taxxa korporattiva tal-Istati Membri, fl-20 ta' Ġunju 2016 il-Kunsill ECOFIN ħareġ dikjarazzjoni fejn jitlob lill-Kummissjoni biex sa Ottubru 2016 tressaq proposta dwar id-diskrepanzi ibridi li jinvolvu pajjiżi terzi biex ikunu previsti regoli konsistenti mar-regoli rakkomandati mir-rapport tal-OECD dwar il-BEPS dwar l-Azzjoni 2 u mhux inqas effettivi minnhom,bil-għan li jintlaħaq ftehim sa tmiem l-2016.

(6)B’kunsiderazzjoni tal-fatt li[, fost l-oħrajn, huwa ddikjarat fil-Premessa (13) tad-Direttiva (UE) 2016/1164 li] huwa kritiku li ssir ħidma ulterjuri dwar diskrepanzi ibridi oħra bħal dawk li jinvolvu stabbilimenti permanenti, huwa essenzjali li d-diskrepanzi ta’ stabbilimenti permanenti jiġu indirizzati f’dik id-Direttiva wkoll.

(7)Biex ikun previst qafas komprensiv b'mod konsistenti mar-rapport tal-OECD dwar il-BEPS dwar arranġamenti ta’ diskrepanzi ibridi, huwa essenzjali li d-Direttiva (UE) 2016/1164 tkun tinkludi wkoll regoli dwar trasferimenti ibridi, diskrepanzi importati u diskrepanzi ta’ residenza doppja, sabiex il-kontribwenti ma jitħallewx jisfruttaw il-lakuni li fadal.

(8)Peress li d-Direttiva (UE) 2016/1164 tinkludi regoli dwar diskrepanzi ibridi bejn l-Istati Membri, huwa l-każ f'dik id-Direttiva jiġu inklużi regoli dwar diskrepanzi ibridi ma’ pajjiżi terzi. B’konsegwenza ta' dan, dawk ir-regoli għandhom japplikaw għall-kontribwenti kollha li huma soġġetti għal taxxa korporattiva fi Stat Membru inklużi stabbilimenti permanenti ta’ entitajiet residenti f’pajjiżi terzi. Jeħtieġ li jiġu koperti l-arranġamenti ta’ diskrepanzi ibridi kollha fejn mill-inqas waħda mill-partijiet involuta hija kontribwent korporattiv fi Stat Membru.

(9)Ir-regoli dwar id-diskrepanzi ibridi għandhom jindirizzaw sitwazzjonijiet ta’ diskrepanza li jirriżultaw mir-regoli tat-taxxa kunfliġġenti ta’ żewġ ġurisdizzjonijiet (jew aktar). Madankollu, dawk ir-regoli ma għandhomx jaffettwaw il-karatteristiċi ġenerali tas-sistema tat-taxxa ta’ ġurisdizzjoni.

(10)Sabiex tkun żgurata l-proporzjonalità jeħtieġ li jkunu indirizzati biss il-każijiet fejn hemm riskju sostanzjali ta’ evitar ta’ taxxa bl-użu ta’ diskrepanzi ibridi. Għaldaqstant, huwa xieraq li jkunu koperti l-arranġamenti ta’ diskrepanzi ibridi bejn il-kontribwent u l-impriżi assoċjati tiegħu u d-diskrepanzi ibridi li jirriżultaw minn arranġament strutturat li jinvolvi lil kontribwent.

(11)Biex tkun prevista definizzjoni suffiċjentement komprensiva ta’ “impriża assoċjata” għall-finijiet tar-regoli dwar id-diskrepanzi ibridi, dik id-definizzjoni għandha tinkludi wkoll entità li hija parti mill-istess grupp konsolidat għall-finijiet ta’ kontabbiltà, impriża li fiha l-kontribwent għandu influwenza sinifikanti fil-ġestjoni u bil-maqlub, impriża li għandha influwenza sinifikanti fil-ġestjoni tal-kontribwent.

(12)Diskrepanzi li huma partikolarment relatati mal-ibridità tal-entitajiet għandhom jiġu indirizzati biss meta waħda mill-impriżi assoċjati għandha - bħala minimu - kontroll effettiv fuq l-impriża assoċjata l-oħra. B’konsegwenza, f’dawk il-każijiet, għandu jintalab li impriża assoċjata tkun fil-pussess tal-kontribwent jew ta’ impriża assoċjata oħra, jew għandha l-pussess tagħhom, b'parteċipazzjoni f’termini ta’ drittijiet tal-vot, pussess ta’ kapital jew dritt għall-profitti riċevuti ta’ 50 fil-mija jew aktar.

(13)Jeħtieġ li jiġu indirizzati sitwazzjonijiet ta’ diskrepanza attribwibbli għal differenzi fil-karatterizzazzjoni legali ta’ entità jew ta' strument finanzjarju. Jeħtieġ ukoll li jiġi ċċarat li l-karatterizzazzjoni legali hija relatata mal-kwalifika ta’ entità jew ta' strument finanzjarju għall-finijiet ta’ liġi tat-taxxa. Karatterizzazzjoni legali għandha tinkludi wkoll kwalifika ta’ entità skont ir-regolamenti li jippermettu l-libertà tal-għażla a’ klassifikazzjoni ta’ entità magħrufa wkoll bħala "check-the-box rules" (regoli ta' mmarkar tal-kaxex).

(14)Il-ġurisdizzjonijiet jużaw perjodi ta’ kontabilità tat-taxxa differenti u għandhom regoli differenti biex jirrikonoxxu meta daħlu jew ħarġu elementi ta’ introjtu jew spiża. Jeħtieġ għalhekk li jiġi ċċarat li dawn id-differenzi fl-għażla tal-ħin ma għandhomx jiġu trattati daqslilkieku jagħtu lok għal diskrepanzi fl-eżiti tat-taxxa. Madankollu, jeħtieġ li jiġi pprovdut li jekk pagament mhuwiex rikonoxxut fl-istess perjodu tat-taxxa jew f’sovrappożizzjoni ta' perjodu tat-taxxa kif inhu rikonoxxut fl-Istat Membru tal-kontribwent, li fil-prinċipju jwassal għal tnaqqis mingħajr inklużjoni, il-kontribwent għandu jiżgura li l-pagament ikun rikonoxxut f’perjodu ta’ żmien raġonevoli fil-ġurisdizzjoni l-oħra.

(15)Peress li d-diskrepanzi ta’ entità ibrida li jinvolvu pajjiżi terzi jistgħu jwasslu għal tnaqqis doppju jew għal tnaqqis mingħajr inklużjoni, jeħtieġ li jiġu stabbiliti regoli li permezz tagħhom l-Istat Membru kkonċernat jew jiċħad it-tnaqqis ta’ pagament, spiża jew telf jew jirrikjedi li l-kontribwent jinkludi l-pagament fid-dħul taxxabbli tiegħu, skont ma jkun il-każ.

(16)Għaldaqstant, b’kunsiderazzjoni tal-fatt li d-diskrepanzi ta’ strument finanzjarju ibridu li jinvolvu pajjiżi terzi jistgħu jwasslu wkoll għal tnaqqis mingħajr inklużjoni, jeħtieġ li jiġu stabbiliti regoli li permezz tagħhom l-Istat Membru konċernat jew jiċħad it-tnaqqis tal-pagament jew jirrikjedi li l-kontribwent jinkludi l-pagament fid-dħul taxxabbli tiegħu skont l-istat tal-pagatur.

(17)Trasferimenti ibridi jistgħu jwasslu għal differenza fit-trattament tat-taxxa jekk, bħala riżultat ta’ trasferiment ta’ strument finanzjarju taħt arranġament strutturat, ir-redditu sottostanti fuq dak l-istrument huwa trattat bħala derivat simultanjament minn aktar minn waħda mill-partijiet għall-arranġament. Ir-redditu sottostanti huwa l-intorjtu relatat mal-istrument trasferit u d-derivat minnu. Din id-differenza fit-trattament tat-taxxa tista’ twassal għal tnaqqis mingħajr inklużjoni jew għal kreditu tat-taxxa f’żewġ ġurisdizzjonijiet differenti għall-istess taxxa miżmuma fis-sors. Diskrepanzi bħal dawn għandhom għalhekk jiġu eliminati. Fil-każ ta’ tnaqqis mingħajr inklużjoni għandhom japplikaw l-istess regoli bħal dawk għan-newtralizzar ta’ strument finanzjarju ibridu jew diskrepanza ta’ entità ibrida li jwasslu għal tnaqqis mingħajr inklużjoni. Fil-każ ta’ kreditu tat-tassazzjoni doppju, l-Istat Membru kkonċernat għandu jillimita l-benefiċċju tal-kreditu tat-taxxa fi proporzjon mal-introjtu taxxabbli nett fir-rigward tar-redditu sottostanti.

(18)Diskrepanzi ibridi ta’ stabbiliment permanenti jseħħu meta l-attivitajiet kummerċjali f’ġurisdizzjoni huma trattati daqslikieku qed isiru permezz ta’ stabbiliment permanenti minn ġurisdizzjoni waħda, filwaqt li dawk l-attivitajiet mhumiex trattati bħala li qed isiru permezz ta’ stabbiliment permanenti minn ġurisdizzjoni oħra. Dawk id-diskrepanzi jistgħu jwasslu għal nontassazzjoni mingħajr inklużjoni, tnaqqis doppju jew tnaqqis mingħajr inklużjoni, u għandhom għalhekk jiġu eliminati. F'każ ta’ nontassazzjoni mingħajr inklużjoni, l-Istat Membru fejn il-kontribwent huwa residenti għandu jinkludi l-introjtu li huwa attribwit għall-istabbiliment permanenti ibridu. F'każ ta’ tnaqqis doppju jew tnaqqis mingħajr inklużjoni għandhom japplikaw l-istess regoli bħal dawk għan-newtralizzar ta’ diskrepanza ta’ entità ibrida li jwassal għal tnaqqis doppju jew għal tnaqqis mingħajr inklużjoni rispettivament.

(19)Diskrepanzi importati jċaqilqu l-effett ta’ diskrepanza ibrida bejn partijiet f’pajjiżi terzi lejn il-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru bl-użu ta’ strument mhux ibridu u b'hekk tiddgħajjef l-effettività tar-regoli li jinnewtralizzaw diskrepanzi ibridi. Pagament li jista’ jitnaqqas fi Stat Membru jista’ jintuża għall-finanzjament ta’ spiża taħt arranġament strutturat li jinvolvi diskrepanza ibrida bejn pajjiżi terzi. Biex jiġu indirizzati dawn id-diskrepanzi importati, jeħtieġ li jiġu inklużi regoli li ma jħallux it-tnaqqis ta’ pagament jekk l-introjtukorrispondneti minn dak il-pagament ikun kumpensat, direttament jew indirettament, bi tnaqqis li jirriżulta taħt arranġament ta’ diskrepanza ibrida li jagħti lok għal tnaqqis doppju jew għal tnaqqis mingħajr inklużjoni bejn pajjiżi terzi.

(20)Diskrepanza ta’ residenza doppja tista’ twassal għal tnaqqis doppju jekk pagament magħmul minn kontribwent ta’ residenza doppja jitnaqqas taħt il-liġijiet taż-żewġ ġurisdizzjonijiet fejn il-kontribwent huwa residenti. Biex tiġi indirizzata diskrepanza ta’ residenza doppja bejn Stat Membru u pajjiż terz, l-Istat Membru għandu jiċħad it-tnaqqis ta’ pagament sal-punt li dan il-pagament huwa kkumpensat b’ammont li mhux trattat bħala introjtu taħt il-liġijiet tal-ġurisdizzjoni l-oħra.

(21)L-objettiv ta’ din id-Direttiva huwa li tittejjeb ir-reżiljenza tas-suq intern globali kontra l-arranġamenti ta’ diskrepanzi ibridi. Dan ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri li jaġixxu individwalment, peress li s-sistemi għat-taxxa korporattiva nazzjonali huma differenti u azzjoni indipendenti mill-Istati Membri sempliċiment tirreplika biss il-frammentazzjoni eżistenti tas-suq intern fit-tassazzjoni diretta. B’hekk din tkun tippermetti li jippersistu l-ineffiċjenzi u d-distorsjonijiet fl-interazzjoni ta’ miżuri nazzjonali distinti. Għalhekk, dan jirriżulta f’nuqqas ta’ koordinazzjoni. Dak l-objettiv jista’ minflok jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, minħabba n-natura transfruntiera tal-arranġamenti ta’ diskrepanzi ibridi u l-ħtieġa li jiġu adottati soluzzjonijiet li jiffunzjonaw għas-suq intern globali. Għalhekk l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħaq dak l-objettiv. Bl-istabbiliment tal-livell meħtieġ ta’ protezzjoni għas-suq intern, din id-Direttiva timmira biss li tikseb il-livell essenzjali ta’ koordinazzjoni fi ħdan l-Unjoni li huwa meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi tagħha.

(22)Għaldaqstant, id-Direttiva (UE) 2016/1164 għandha tiġi emendata skont dan.

(23)Il-Kummissjoni għandha tevalwa l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva erba’ snin wara d-dħul fis-seħħ tagħha u tirrapporta lill-Kunsill dwarha. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-informazzjoni kollha meħtieġa għal din l-evalwazzjoni,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva (UE) 2016/1164 hija emendata kif ġej:

(1) L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a) fil-punt (4), it-tielet subparagrafu, huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Għall-finijiet tal-Artikolu 9 impriża assoċjata tfisser ukoll entità li hija parti mill-istess grupp konsolidat għal finijiet ta’ kontabbiltà finanzjarja bħall-kontribwent, impriża li fiha l-kontribwent għandu influwenza sinifikattiva fil-ġestjoni jew impriża li għandha influwenza sinifikanti fil-ġestjoni tal-kontribwent. Fejn id-diskrepanza tinvolvi entità ibrida, id-definizzjoni ta’ impriża assoċjata hija modifikata biex ir-rekwiżit ta’ 25 fil-mija jiġi sostitwit b’rekwiżit ta’ 50 fil-mija”;

(b) il-punt (9) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(9)“diskrepanza ibrida” tfisser sitwazzjoni bejn kontribwent u impriża assoċjata jew arranġament strutturat bejn partijiet f’ġurisdizzjonijiet tat-taxxa differenti fejn kwalunkwe wieħed mill-eżiti li ġejjin huwa attribwibbli għal differenzi fil-karatterizzazzjoni legali ta’ strument jew entità finanzjarji, jew fit-trattament ta’ preżenza kummerċjali bħala stabbiliment permanenti:

(a)tnaqqis tal-istess pagament, spejjeż jew telf mill-bażi taxxabbli jseħħ kemm fil-ġurisdizzjoni li fiha l-pagament għandu s-sors tiegħu, fejn isiru l-ispejjeż jew iseħħ it-telf u fil-ġurisdizzjoni l-oħra (“tnaqqis doppju”);

(b)tnaqqis ta’ pagament mill-bażi taxxabbli fil-ġurisdizzjoni fejn il-pagament għandu s-sors tiegħu mingħajr inklużjoni korrispondenti għal finijiet ta’ taxxa tal-istess pagament fil-ġurisdizzjoni l-oħra (“tnaqqis mingħajr inklużjoni”);

(c)f'każ ta’ differenzi fit-trattament ta’ preżenza kummerċjali bħala stabbiliment permanenti, nontassazzjoni ta’ introjtu li għandu s-sors tiegħu f’ġurisdizzjoni mingħajr inklużjoni korrispondenti għal finijiet ta’ taxxa tal-istess introjtu fil-ġurisdizzjoni l-oħra (“nontassazzjoni mingħajr inklużjoni”).

Diskrepanza ibrida tirriżulta biss sal-punt li l-istess pagament imnaqqas, l-ispiża li saret jew it-telf imġarrab f’żewġ ġurisdizzjonijiet jaqbżu l-ammont ta’ introjtu li huwa inkluż fiż-żewġ ġurisdizzjonijiet u li jista’ jiġi attribwit għall-istess sors.

Diskrepanza ibrida tinkludi wkoll it-trasferiment ta’ strument finanzjarju taħt arranġament strutturat li jinvolvi lil kontribwent fejn ir-redditu sottostanti fuq l-istrument finanzjarju trasferit huwa trattat għal finijiet ta’ taxxa bħala derivat simultanjament minn aktar minn waħda mill-partijiet għall-arranġament, li huma residenti għal finijiet ta’ taxxa f’ġurisdizzjonijiet differenti, li jwassal għal kwalunkwe wieħed mill-eżiti li ġejjin:

(a)tnaqqis ta’ pagament relatat mar-redditu sottostanti mingħajr inklużjoni korrispondenti għal finijiet ta’ taxxa ta’ tali pagament, ħlief jekk ir-redditu sottostanti huwa inkluż fl-introjtu taxxabbli ta’ waħda mill-partijiet involuti;

(b)ħelsien mit-taxxa minn ras il-għajn fuq pagament derivat mill-istrument finanzjarju trasferit lil aktar minn waħda mill-partijiet involuti.”;

(c) jiżdiedu l-punti (10) u (11) li ġejjin:

“(10)“grupp konsolidat għal finijiet ta’ kontabbiltà finanzjarja” tfisser grupp li jikkonsisti fl-entitajiet kollha li huma kompletament inklużi f’rapporti finanzjarji kkonsolidati mfassla skont l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju jew is-sistema nazzjonali ta’ rappurtar finanzjarju ta’ Stat Membru;

(11)“arranġament strutturat” tfisser arranġament li jinvolvi diskrepanza ibrida fejn id-diskrepanza hija pprezzata fit-termini tal-arranġament jew arranġament li tfassal biex jipproduċi eżitu ta’ diskrepanza ibrida, ħlief jekk il-kontribwent jew impriża assoċjata ma setax ikun raġonevolment mistenni minnhom li jkunu konxji tad-diskrepanza ibrida u ma kkondividewx fil-valur tal-benefiċċju tat-taxxa li jirriżulta mid-diskrepanza ibrida.”;

(2) L-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:

(a) fil-punt (a) tal-paragrafu 5, il-punt (ii) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(ii) l-assi u l-obbligazzjonijiet kollha huma vvalutati bl-istess metodu bħal fir-rapporti finanzjarji konsolidati mfassla skont l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju jew is-sistema nazzjonali ta’ rappurtar finanzjarju ta’ Stat Membru;”;

(b) il-paragrafu (8) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“8.Għall-finijiet tal-paragrafi 1 sa 7, il-kontribwent jista’ jingħata d-dritt li juża rapporti finanzjarji konsolidati mħejjija taħt standards tal-kontabbiltà oħrajn minbarra l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju jew is-sistema nazzjonali ta’ rappurtar finanzjarju ta’ Stat Membru.”;

(3) L-Artikolu 9 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 9
Diskrepanzi ibridi

1.Sal-punt li diskrepanza ibrida bejn Stati Membri tirriżulta fi tnaqqis doppju tal-istess pagament, spiża jew telf, it-tnaqqis għandu jingħata biss fl-Istat Membru fejn tali pagament għandu s-sors tiegħu, fejn isiru l-ispejjeż jew fejn jiġi mġarrab it-telf.

Sal-punt li diskrepanza ibrida li tinvolvi pajjiż terz tirriżulta fi tnaqqis doppju tal-istess pagament, spiża jew telf, l-Istat Membru kkonċernat għandu jiċħad it-tnaqqis ta’ tali pagament, spiża jew telf, ħlief jekk il-pajjiż terz mhux diġà għamel dan.

2.Sal-punt li diskrepanza ibrida bejn Stati Membri tirriżulta fi tnaqqis mingħajr inklużjoni, l-Istat Membru tal-pagatur għandu jiċħad it-tnaqqis ta’ tali pagament.

Sal-punt li diskrepanza ibrida li tinvolvi pajjiż terz tirriżulta fi tnaqqis mingħajr inklużjoni:

(i)jekk il-pagament għandu s-sors tiegħu fi Stat Membru, dak l-Istat Membru għandu jiċħad it-tnaqqis, jew

(ii)jekk il-pagament għandu s-sors tiegħu f’pajjiż terz, l-Istat Membru kkonċernat għandu jitlob lill-kontribwent jinkludi tali pagament fil-bażi taxxabbli, ħlief jekk il-pajjiż terz ma ċaħadx diġà it-tnaqqis jew talab li l-pagament ikun inkluż.

3.Sal-punt li diskrepanza ibrida bejn Stati Membri li tinvolvi stabbiliment permanenti tirriżulta f’nontassazzjoni mingħajr inklużjoni, l-Istat Membru li fih il-kontribwent huwa residenti għal finijiet ta’ taxxa għandu jitlob lill-kontribwent jinkludi fil-bażi taxxabbli l-introjtu attribwit lill-istabbiliment permanenti.

Sal-punt li diskrepanza ibrida li tinvolvi stabbiliment permanenti li jkun jinsab f’pajjiż terz tirriżulta f’nontassazzjoni mingħajr inklużjoni, l-Istat Membru kkonċernat għandu jitlob lill-kontribwent jinkludi fil-bażi taxxabbli l-introjtu attribwit lill-istabbiliment permanenti fil-pajjjiż terz.

4.Sal-punt li pagament minn kontribwent lil impriża assoċjata f’pajjiż terz huwa kumpensat direttament jew indirettament b’pagament, spiża jew telf li minħabba d-diskrepanza ibrida jistgħu jitnaqqsu f’żewġ ġurisdizzjonijiet differenti barra l-Unjoni, l-Istat Membru tal-kontribwent għandu jiċħad it-tnaqqis tal-pagament mill-kontribwent lil impriża assoċjata f’pajjiż terz mill-bażi taxxabbli, ħlief jekk wieħed mill-pajjiżi terzi involuti ma jkunx diġà ċaħad it-tnaqqis tal-pagament, spiża jew telf li jkunu jistgħu jitnaqqsu f’żewġ ġurisdizzjonijiet differenti.

5.Sal-punt li l-inklużjoni korrispondenti ta’ pagament li jista’ jitnaqqas minn kontribwent lil impriża assoċjata f’pajjiż terz hija kumpensata direttament jew indirettament b’pagament li minħabba diskrepanza ibrida ma jkunx inkluż mill-benefiċjarju fil-bażi taxxabbli tiegħu, l-Istat Membru tal-kontribwent għandu jiċħad it-tnaqqis tal-pagament mill-kontribwent lil impriża assoċjata f’pajjiż terz mill-bażi taxxabbli, ħlief jekk wieħed mill-pajjiżi terzi involuti ma ċaħadx diġà t-tnaqqis tal-pagament mhux inkluż.

6.Sal-punt li diskrepanza ibrida tirriżulta f’ħelsien mit-taxxa minn ras il-għajn fuq pagament derivat minn strument finanzjarju trasferit lil aktar minn waħda mill-partijiet involuti, l-Istat Membru tal-kontribwent għandu jillimita l-benefiċċju ta’ tali ħelsien fi proporzjon mad-dħul taxxabbli nett fir-rigward ta’ tali pagament.

7.Għall-finijiet tal-paragrafi 1 sa 6, “pagatur” tfisser l-entità jew l-istabbiliment permanenti fejn il-pagament għandu s-sors tiegħu, fejn isiru l-ispejjeż jew fejn jiġi mġarrab it-telf.”;

(4) fil-Kapitolu II, jiżdied l-Artikolu 9a li ġej:

“Artikolu 9a
Diskrepanzi tar-residenza tat-taxxa

Sal-punt li pagament, spiża jew telf ta’ kontribwent li huwa residenti għal finijiet ta’ taxxa kemm fi Stat Membru kif ukoll f’pajjiż terz, skont il-liġijiet ta’ dak l-Istat Membru u ta' dak il-pajjiż terz, jistgħu jitnaqqsu mill-bażi taxxabbli fiż-żewġ ġurisdizzjonijiet u li dak il-pagament, l-ispejjeż jew it-telf jistgħu jiġu kumpensati fl-Istat Membru tal-kontribwent b'introjtu taxxabbli li mhux inkluż fil-pajjiż terz, l-Istat Membru tal-kontribwent għandu jiċħad it-tnaqqis tal-pagament, l-ispiża jew it-telf, ħlief jekk il-pajjiż terz mhux diġà għamel dan.”.

Artikolu 2

1.L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2018, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa għal konformità ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet.

Huma għandhom japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Jannar 2019.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn tali referenza fil-mument tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir tali referenza.

2.L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1) Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) Nru 2016/1164, ĠU L 193/1.
(2) Entità li hija trattata bħala trasparenti fil-ġurisdizzjoni li fiha kienet oriġinarjament iffurmata jew maħluqa u bħala mhux trasparenti minn ġurisdizzjoni oħra hija msejħa entità ibrida bil-maqlub.
(3) ĠU C , , p. .
(4) ĠU C , , p. .
(5) Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2016/1164 tat-12 ta’ Lulju 2016 li tistabbilixxi regoli kontra l-prattiki ta' evitar tat-taxxa li jaffettwaw direttament il-funzjonament tas-suq intern (ĠU L 193, 19.7.2016, p. 1).
Top