Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016PC0591

    Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jistabbilixxi l-Korp tar-Regolaturi Ewropej għall-Komunikazzjoni Elettronika

    COM/2016/0591 final - 2016/0286 (COD)

    Brussell, 14.9.2016

    COM(2016) 591 final

    2016/0286(COD)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    li jistabbilixxi l-Korp tar-Regolaturi Ewropej għall-Komunikazzjoni Elettronika

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    {SWD(2016) 303}
    {SWD(2016) 304}


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Ir-raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha

    Fil-Komunikazzjoni tagħha ta’ Mejju 2015 imsejħa Strateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa 1 (“l-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali”), il-Kummissjoni ħasbet biex tippreżenta proposti fl-2016 għal riforma ambizzjuża tal-qafas regolatorju tal-komunikazzjoni elettronika. Fost l-oħrajn, din ir-riforma għandha l-għan li tiżgura qafas istituzzjonali regolatorju aktar effettiv ħalli r-regoli dwar it-telekomunikazzjoni jkunu jaqdu l-iskop tagħhom bħala parti mill-ħidma biex jinħolqu l-kundizzjonijiet it-tajba għas-Suq Uniku Diġitali. Dawn jinkludu l-introduzzjoni ta’ netwerks tal-konnettività b’kapaċità kbira ħafna, ġestjoni aktar koordinata tal-ispettru tar-radju għan-netwerks bla fili u t-tiswir ta’ kundizzjonijiet ekwi għan-netwerks diġitali avvanzati u s-servizzi innovattivi. Il-Komunikazzjoni tagħraf li billi l-ambjent tas-suq u l-ambjent teknoloġiku qed kulma jmur jinbidlu, jeħtieġ li jissaħħaħ il-qafas istituzzjonali billi jissaħħaħ ir-rwol tal-Korp tar-Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjoni Elettronika (il-“BEREC”).

    Fir-Riżoluzzjoni tiegħu msejħa “Lejn Att dwar is-Suq Uniku Diġitali” 2 , il-Parlament Ewropew stieden lill-Kummissjoni biex is-Suq Uniku Diġitali tintegrah aktar billi tiżgura li fis-seħħ ikun hemm qafas istituzzjonali aktar effiċjenti. Biex dan iseħħ iridu jissaħħu r-rwol, il-kapaċità u s-setgħat deċiżjonali tal-BEREC ħalli: (i) ikun jista’ jrawwem implimentazzjoni konsistenti tal-qafas regolatorju tal-komunikazzjoni elettronika, (ii) tkun tista’ ssir sorveljanza effikaċi tal-BEREC fejn jidħol l-iżvilupp tas-suq uniku, u (iii) ikun jista’ jgħin biex jissolva t-tilwim transfruntier. F’dan ir-rigward, il-Parlament Ewropew enfasizza wkoll il-ħtieġa li jitjiebu r-riżorsi finanzjarji u umani u li tkompli tissaħħaħ l-istruttura ta’ governanza tal-BEREC.

    Din il-proposta għandha tinqara flimkien mal-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew tal-Komunikazzjoni Elettronika (“id-Direttiva”). Dik il-proposta tafda kompiti addizzjonali f’idejn il-BEREC li jgħinu biex jiżguraw li l-qafas regolatorju jiġi implimentat b’mod konsistenti. B’hekk jitrawwem l-iżvilupp tas-suq tal-komunikazzjoni elettronika madwar l-Unjoni kollha. Barra minn hekk, il-BEREC jikkontribwixxi wkoll għall-promozzjoni tal-aċċess u tal-adozzjoni ta’ konnettività tad-dejta b’kapaċità kbira ħafna, għall-promozzjoni tal-kompetizzjoni fil-forniment ta’ netwerks u servizzi tal-komunikazzjoni elettronika kif ukoll għall-promozzjoni tal-interessi taċ-ċittadini tal-Unjoni. Din il-proposta għandha l-għan li ssaħħaħ ir-rwol istituzzjonali tal-BEREC u li ttejjeb l-istruttura ta’ governanza tiegħu billi tagħmlu aġenzija biex dan ikun adattat għall-finijiet li jwettaq il-kompiti futuri tiegħu.

    Minn mindu ħadu r-responsabbiltajiet tagħhom fl-2010 u bdew jiffunzjonaw għalkollox fl-2011, il-BEREC u l-Uffiċċju tal-BEREC (“l-Uffiċċju tal-BEREC”) taw kontribut pożittiv għall-implimentazzjoni konsistenti tal-qafas regolatorju. Dawn ipprovdew ukoll għarfien espert tekniku utli lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali (l-“NRAs”) u lill-istituzzjonijiet tal-UE. Dan l-aħħar ir-Regolament (UE) 2015/2120 stabbilixxa kompiti addizzjonali għall-BEREC. Dawn humali joħroġ linji gwida dwar it-twettiq tal-obbligi tal-NRAs b’rabta mal-aċċess għall-internet miftuħ, u li joħroġ opinjonijiet dwar abbozzi ta’ atti ta’ implimentazzjoni li trid tadotta l-Kummissjoni fejn jidħlu r-roaming fl-Unjoni kollha u ċerti obbligi tar-rappurtar. Il-proposta għal Direttiva mehmuża ma’ din il-proposta tagħti aktar kompiti ġodda lill-BEREC, fosthom li jaqdi rwol akbar fil-mekkaniżmu ta’ konsultazzjoni għal rimedji regolatorji tas-swieq, li jipprovdi linji gwida għall-NRAs fuq l-istħarriġiet ġeografiċi, li jsawwar approċċi komuni biex tintlaħaq id-domanda tal-utenti finali transnazzjonali, li jagħti opinjonijiet fuq l-abbozzi tal-miżuri nazzjonali dwar l-assenjamenti tad-drittijiet tal-użu tal-ispettru tar-radju (“l-evalwazzjoni bejn il-pari” tal-ispettru tar-radju), u li jistabbilixxi reġistru fuq l-użu estraterritorjali tan-numri u l-arranġamenti transfruntieri, u reġistru ieħor fuq il-fornituri tan-netwerks u tas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika.

    Ir-rwol tal-BEREC u tal-Uffiċċju tal-BEREC issaħħaħ ġmielu, l-aktar fejn jidħlu l-kwistjonijiet transfruntieri (bħas-servizzi bejn magna u oħra (M2M) jew id-domanda transnazzjonali għall-utenti kummerċjali), filwaqt li dawn kisbu esperjenza biex jiżguraw implimentazzjoni konsistenti tal-qafas regolatorju. Jidher xieraq u meħtieġ li din l-esperjenza sservi ta’ pedament billi l-BEREC u l-Uffiċċju tal-BEREC flimkien isiru aġenzija sħiħa attrezzata għalkollox. L-aġenzija l-ġdida se jkollha mandat usa’ u għandha tissokta l-ħidma tal-BEREC u tibqa’ tiġbor l-għarfien espert tal-NRAs. Billi l-identità tal-isem tal-BEREC diġà hi stabbilita sew u rridu nsejsu fuqha, u billi bidla fl-isem iġġib magħha ċerti spejjeż li mhumiex insinifikanti, l-aġenzija l-ġdida għandha tibqa’ tissejjaħ il-BEREC.

    Jekk insaħħu r-rwol tal-BEREC fil-qasam tal-komunikazzjoni elettronika u nimmiraw li nallinjaw l-istruttura u l-governanza, it-tħaddim, il-programmazzjoni u l-kontabbiltà tiegħu mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar l-aġenziji deċentralizzati tad-19 ta’ Lulju 2012 (“l-Approċċ Komuni”) 3 , inkunu qed niżguraw li l-proposta tappoġġa l-prijoritajiet tal-Unjoni.

    Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti tal-politika fil-qasam ta’ politika

    L-għanijiet ċari tal-BEREC jagħmlu din il-proposta tassew sinerġetika mal-inizjattivi l-oħra inklużi fl-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali. Dan għaliex is-servizzi tal-konnettività pprovduti min-netwerks tal-komunikazzjoni elettronika huma l-bażi tad-distribuzzjoni tal-prodotti u tas-servizzi diġitali.

    Il-proposta tikkumplimenta r-regolamentazzjoni eżistenti speċifika għas-settur. Il-kompiti tal-ispettru tar-radju li huma proposti għall-BEREC jikkunsidraw l-istrumenti eżistenti f’dan il-qasam, b’mod partikolari d-Deċiżjoni 676/2002/KE dwar l-Ispettru tar-Radju, id-Deċiżjoni 2002/622/KE dwar il-Grupp għall-Politika dwar l-Ispettru tar-Radju, u d-Deċiżjoni 243/2012/UE li tistabbilixxi programm pluriennali tal-politika tal-ispettru tar-radju (RSPP).

    Barra minn hekk, fir-Regolament BEREC din tinkludi wkoll il-kompiti assenjati lill-BEREC fir-Regolament (UE) Nru 2015/2120 li ġie adottat dan l-aħħar u li jistabbilixxi regoli biex jiġi żgurat internet miftuħ u biex jitneħħew il-ħlasijiet addizzjonali tar-roaming.

    Sa tmiem l-2016, il-Kummissjoni mistennija tippreżenta proposta għal reviżjoni tad-Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika 4 . Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-proposta attwali għal Regolament jaf ikollu jiġi aġġustat minħabba l-eżitu tal-proposta għal reviżjoni futura.

    Din il-proposta għandha l-għan li tagħti lill-BEREC struttura ta’ governanza xierqa u effiċjenti u l-mandat u l-għodod li jeħtieġ biex jiżgura implimentazzjoni konsistenti tal-qafas regolatorju. F’dan ir-rigward, din tikkumplimenta lil strumenti legali u ta’ politika tal-komunikazzjoni elettronika oħrajn.

    Il-BEREC jista’ jwettaq il-kompiti tiegħu b’koperazzjoni ma’ korpi, aġenziji, uffiċċji u gruppi konsultattivi oħra tal-Unjoni, skont il-bżonn, b’mod partikolari mal-Grupp għall-Politika dwar l-Ispettru tar-Radju, mal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta, ma-Grupp tar-Regolaturi Ewropej għas-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva u mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni; kif ukoll ma’ kumitati eżistenti (bħall-Kumitat tal-Komunikazzjoni u l-Kumitat tal-Ispettru tar-Radju).

    Konsistenza ma’ politiki oħrajn tal-Unjoni

    L-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali hi waħda mill-għaxar (10) prijoritajiet tal-Kummissjoni l-ġdida stabbiliti fl-2014. Din il-proposta hija wkoll konformi ma’ prijoritajiet ewlenin oħrajn tal-Kummissjoni, b’mod partikolari ma’ inizjattivi oħrajn li lis-suq intern jagħmluh aktar profond u aktar ġust u li jistimulaw l-investiment, joħolqu l-impjiegi u jrawmu t-tkabbir sostenibbli.

    Uħud mill-kompiti tal-BEREC jibnu fuq il-leġiżlazzjoni eżistenti tal-Unjoni f’diversi oqsma u jikkumplimentawha. Wieħed minn dawn il-kompiti hu li l-BEREC jagħti opinjonijiet dwar l-abbozzi ta’ miżuri nazzjonali relatati mal-proċeduri tas-suq intern għar-regolamentazzjoni tas-swieq. Dawn jibqgħu jissejsu fuq il-prinċipji tal-liġi tal-kompetizzjoni. Kompitu ieħor hu li dan jipprovdi linji gwida dwar l-istħarriġiet ġeografiċi fuq l-introduzzjoni tan-netwerks. Dawn jipprovdu wkoll informazzjoni utli għall-finijiet tal-għajnuna mill-Istat, filwaqt li jsaħħu l-koerenza bejn iż-żewġ politiki.

    Barra minn hekk, il-proposta għandha l-għan li l-BEREC isir aġenzija deċentralizzata tal-Unjoni u tallinjah mal-prinċipji tal-Approċċ Komuni.

    Konsistenza mal-obbligi tal-liġi internazzjonali

    Jekk ikun meħtieġ fit-twettiq tal-kompiti tiegħu, il-BEREC jista’ jikkopera mal-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiżi terzi u/jew mal-organizzazzjonijiet internazzjonali. Din il-koperazzjoni għandha tistrieħ fuq arranġamenti tal-ħidma li għandhom jirrispettaw ir-relazzjonijiet internazzjonali tal-Unjoni u ma għandhiex toħloq obbligi legali għall-Unjoni u għall-Istati Membri tagħha.

    2.IL-BAŻI ĠURIDIKA, IS-SUSSIDJARJETÀ U L-PROPORZJONALITÀ

    Il-bażi ġuridika

    Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 114 tat-Trattat għax għandha x’taqsam mal-iżvilupp u mat-tħaddim tas-suq intern għall-komunikazzjoni elettronika.

    Is-sussidjarjetà (għal kompetenza mhux esklussiva)

    L-Unjoni jeħtieġ taġixxi biex tindirizza l-inkonsistenzi fl-applikazzjoni tal-qafas attwali u n-nuqqasijiet fl-istruttura istituzzjonali eżistenti kif ukoll l-inkonsistenzi fit-tqassim tar-responsabbiltajiet bejn l-Istati Membri, l-NRAs u l-Kummissjoni. L-istruttura regolatorja attwali fl-Unjoni ma taħtix waħedha għall-frammentazzjoni tas-suq. Iżda tul l-aħħar ftit snin ħareġ ċar li n-nuqqas ta’ konsistenza fir-regolamentazzjoni tas-settur tat-telekomunikazzjoni ġej, tal-inqas parzjalment, minħabba l-istruttura istituzzjonali attwali u l-mod kif id-diversi atturi istituzzjonali (l-aktar l-NRAs, il-BEREC u l-Kummissjoni) jinteraġġixxu bejniethom u jistgħu jinfluwenzaw l-eżitu regolatorju. Jekk il-BEREC jissaħħulu s-setgħat fil-qasam tar-regolamentazzjoni tas-swieq ex-ante, se tiżdied iċ-ċertezza legali u jkun hemm iktar konsistenza regolatorja.

    L-iżviluppi teknoloġiċi u tas-suq ifissru wkoll li jeżistu għadd ta’ aspetti transfruntieri li jeħtieġu konsistenza regolatorja fost l-Istati Membri kollha. Dawn l-aspetti jistgħu jiġu indirizzati aħjar b’korp tal-Unjoni milli mill-Istati Membri individwali. Dan huwa partikolarment minnu għal servizzi bħall-M2M. Dawn is-servizzi għandhom jiġu pprovduti b’tali mod li jkunu jistgħu jaqsmu l-fruntieri nazzjonali mingħajr intoppi. L-ostakli nazzjonali għall-forniment tas-servizzi kummerċjali tal-komunikazzjoni transfruntiera għadhom jeżistu. Din hija opportunità kbira mitlufa għall-funzjonament u l-iżvilupp tas-suq intern.

    Hu fl-interess komuni u kondiviż li tkun żgurata implimentazzjoni armonizzata, konsistenti u effiċjenti tal-qafas regolatorju bl-appoġġ tal-BEREC. Għalhekk l-Istati Membri ma jistgħux jilħqu biżżejjed l-għanijiet ta’ din il-proposta. Dawn jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni. Għalhekk l-Unjoni tista’ tadotta miżuri skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

    Il-proporzjonalità

    Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità, b’mod partikolari fejn jidħlu l-għanijiet u l-kompiti tal-BEREC. Din għandha l-għan li tiżgura implimentazzjoni konsistenti tal-qafas regolatorju, u b’hekk tikkontribwixxi għall-iżvilupp tas-suq tal-komunikazzjoni elettronika fl-Unjoni kollha, għall-promozzjoni tal-aċċess għal konnettività tad-dejta fissa u mobbli b’kapaċità kbira ħafna u l-adozzjoni tagħha, għall-promozzjoni tal-kompetizzjoni fil-forniment tan-netwerks u tas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika u għall-promozzjoni tal-interessi taċ-ċittadini tal-Unjoni. Il-BEREC għandu jassisti lill-Kummissjoni u lill-NRAs; jipprovdi linji gwida biex jiżgura l-konsistenza fost il-miżuri tal-NRAs; jagħti opinjonijiet permezz ta’ proċeduri effiċjenti tas-suq intern dwar l-abbozzi tal-miżuri nazzjonali; iżomm reġistri fuq il-fornituri tan-netwerks u tas-servizzi u fuq in-numri b’użu estraterritorjali; jadotta deċiżjonijiet vinkolanti dwar żewġ kwistjonijiet transfruntieri: l-identifikazzjoni tas-swieq transnazzjonali u mudell għall-kuntratti fil-qosor. Il-BEREC ikollu setgħat kważi vinkolanti fejn jidħlu l-proċeduri tas-suq intern għall-abbozzi tal-miżuri nazzjonali dwar ir-regolamentazzjoni tas-swieq (l-hekk imsejħa sistema “double-lock”) u l-istabbiliment ta’ rata massima unika ta’ terminazzjoni għall-Unjoni.

    L-aġenzija l-ġdida għandha tissokta l-ħidma tal-BEREC u tibqa’ tiġbor l-għarfien espert tal-NRAs, li se jibqgħu fil-qalba tal-ħidma tal-aġenzija u li huma membri tal-Bord Maniġerjali tagħha. L-NRAs se jibqgħu jagħmlu ħafna mix-xogħol marbut mal-implimentazzjoni tal-qafas regolatorju.

    B’mod partikolari fejn tidħol ir-regolamentazzjoni tal-aċċess, l-NRAs se jibqa’ jkollhom il-kompetenza jiżguraw li l-fallimenti tas-suq jiġu indirizzati b’rimedji xierqa u li r-regolamentazzjoni tgħin biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ politika komuni. Ir-regoli proposti jipprovdu lir-regolaturi b’għodod addizzjonali biex jindirizzaw l-isfidi tal-konnettività ta’ żmienna, iżda l-mod kif għandhom jintużaw jiddependi fuq iċ-ċirkostanzi nazzjonali, li huma r-regolaturi nazzjonali li għandhom jivvalutawhom. Ir-raġuni għal tisħiħ immirat tas-sorveljanza regolatorja, l-aktar billi l-BEREC jingħata rwol akbar f’ dan il-proċess tas-sorveljanza, hija n-nuqqas evidenti ta’ konsistenza fl-applikazzjoni tar-regoli attwali, meta l-konsistenza hi kruċjali biex is-suq intern jaħdem sew

    Anki l-ġestjoni tal-ispettru tar-radju tibqa’ l-kompetenza tal-Istati Membri. Ir-regoli proposti jipprovdu qafas ġenerali għal ġestjoni koerenti tal-ispettru tar-radju madwar l-Unjoni, u l-Istati Membri jistgħu japplikaw ir-regoli filwaqt li jikkunsidraw iċ-ċirkustanzi nazzjonali. Minħabba l-implikazzjonijiet transfruntiera kbar tal-ġestjoni tal-ispettru tar-radju u l-impatt usa’ tagħha fuq il-konnettività fis-suq intern, fil-livell tal-Unjoni hemm bżonn ta’ ċerti proċeduri ta’ koordinazzjoni.

    Bħala Regolament, l-istrument propost se japplika direttament fl-Unjoni. Għaldaqstant il-piż finanzjarju u amministrattiv fuq l-Unjoni, fuq il-gvernijiet nazzjonali u fuq l-operaturi ekonomiċi se jkun minimizzat u proporzjonat mal-għan tal-proposta. Dan itejjeb il-proporzjonalità tas-sitwazzjoni attwali fejn aġenzija tal-Unjoni ġiet stabbilita primarjament biex tappoġġa lill-BEREC. Dan jiżgura li l-aġenzija l-ġdida tipprovdi aktar valur miżjud u tkun allinjata mal-prijoritajiet ta’ politika tal-Unjoni, b’mod partikolari mal-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali.

    Fid-dawl tal-għanijiet tiegħu u b’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

    L-għażla tal-istrument

    Huwa biss Regolament b’applikazzjoni diretta li jista’ jipprevedi li titwaqqaf aġenzija deċentralizzata tal-Unjoni u li jiġu stabbiliti l-kompiti u l-għanijiet tagħha, ħalli jingħata l-grad meħtieġ ta’ effiċjenza u ta’ uniformità li hemm bżonn biex jiġi implimentat il-qafas regolatorju.

    Biex twaqqfu l-BEREC u l-Uffiċċju tiegħu ntuża l-istess strument legali (ir-Regolament (KE) Nru 1211/2009). Dan ir-Regolament għandu l-għan li jemenda u li jestendi d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1211/2009. Billi jridu jsiru emendi sostanzjali fih, dak l-att għandu jinbidel u jitħassar fl-interess taċ-ċarezza.

    3.IR-RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX-POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET KONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

    Evalwazzjonijiet ex-post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

    Il-Kummissjoni għamlet evalwazzjoni ex-post (“ir-REFIT”) biex tivvaluta l-effettività, l-effiċjenza, ir-rilevanza, il-koerenza u l-valur miżjud tal-UE tar-Regolament BEREC u ta’ partijiet oħra tal-qafas regolatorju. Din ħarġet fid-dieher l-oqsma li għandhom potenzjal jiġu ssimplifikati, mingħajr ma jixxekklu l-għanijiet tagħhom. Bejn l-2012 u l-2013 kienet saret evalwazzjoni preċedenti tal-BEREC u tal-Uffiċċju tiegħu 5 b’konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 1211/2009. Ir-riżultati tagħha ġew inkorporati fl-evalwazzjoni ex-post.

    B’mod ġenerali, id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal mehmuż mal-proposta li jivvaluta l-idoneità regolatorja tar-regoli attwali jasal għall-konklużjoni li l-qafas regolatorju tal-komunikazzjoni elettronika, fil-wisa’ rnexxielu jilħaq l-għan ġenerali tiegħu li jiżgura settur kompetittiv li jipprovdi benefiċċji sinifikanti għall-utenti finali. L-għanijiet speċifiċi ewlenin tiegħu — li jippromwovi l-kompetizzjoni, li jiżviluppa s-suq intern u li jseddaq l-interess tal-utenti finali — jibqgħu rilevanti. Iżda jidher li hemm bżonn isir rieżami tal-qafas regolatorju, inkluż tar-Regolament BEREC, biex tiġi indirizzata l-ħtieġa dejjem akbar għal konnettività akbar tas-Suq Uniku Diġitali u biex jiġu ssimplifikati d-dispożizzjonijiet filwaqt li jitqiesu l-iżviluppi teknoloġiċi u tas-suq.

    Is-sejbiet, skont il-kriterji speċifiċi tal-evalwazzjoni, jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.

    Ir-rilevanza — Fejn jidħlu r-rwol u l-funzjonament ta’ atturi istituzzjonali importanti oħra, il-BEREC għandu jsegwi l-għanijiet tal-qafas u dan b’konformità mad-dispożizzjonijiet fis-seħħ. B’mod partikolari, dan għandu jiżgura implimentazzjoni konsistenti tal-qafas regolatorju biex jikkontribwixxi għall-iżvilupp u għat-tħaddim aħjar tas-suq intern. B’dan il-għan u bil-mandat usa’ tiegħu, il-BEREC qed tiżdiedlu r-rilevanza, anke jekk fil-konsultazzjoni pubblika ma kienx hemm qbil fuq kif din iż-żieda tista’ tiġi riflessa f’termini regolatorji.

    L-effettività — Fil-konsultazzjoni pubblika dwar ir-rieżami tas-settur tat-telekomunikazzjoni ħarġu bosta fehmiet varji dwar l-effettività tar-rwol tal-BEREC li jappoġġa eżiti konsistenti. Uħud mill-partijiet konċernati jqisu l-parir tekniku indipendenti tal-BEREC u r-rwol tiegħu fil-proċess tar-rieżami tas-swieq b’mod pożittiv. Oħrajn jidhrilhom li l-istruttura tiegħu bħala grupp ta’ NRAs mingħajr personalità ġuridika timmina l-inċentivi tal-BEREC biex jitħabat biex jikseb l-għanijiet tas-suq intern u mhux dawk individwali jew kollettivi tal-membri nazzjonali tiegħu. Dawk li wieġbu qalu li l-BEREC jeħtieġ ikun aktar proattiv fuq suġġetti ewlenin. Qalu wkoll li minħabba l-istruttura istituzzjonali attwali tiegħu, il-BEREC ta’ spiss jagħżel aktar flessibilità jew l-inqas fattur komuni minflok ma jadotta approċċ armonizzat għas-suq uniku.

    Fejn jidħlu l-kompiti attwali tiegħu u fid-dawl tal-Opinjoni dwar ir-Rieżami tal-Qafas Regolatorju tal-UE għall-Komunikazzjoni Elettronika 6 , il-BEREC identifika xi oqsma li fihom jista’ jaqdi rwol akbar. Ngħidu aħna, kamp ta’ applikazzjoni usa’ għall-Opinjonijiet tal-BEREC, b’konformità mal-Artikolu 7 u 7a, il-kwistjonijiet ta’ natura transfruntiera (bħar-roaming internazzjonali), valutazzjoni komparattiva tal-kwalità tas-servizzi tal-aċċess għall-internet fil-livell tal-Unjoni, u l-iżvilupp ta’ linji gwida tekniċi.

    Fejn jidħol l-allinjament tal-għanijiet tal-Uffiċċju tal-BEREC bħala aġenzija tal-Unjoni mal-prijoritajiet attwali tal-Unjoni, l-evalwazzjoni tikkonkludi li, bl-appoġġ tal-BEREC, il-funzjonijiet attwali tal-Uffiċċju tal-BEREC fl-aħħar mill-aħħar għandhom jikkontribwixxu għall-iżvilupp tas-suq uniku u għall-implimentazzjoni konsistenti tar-regoli. Madankollu s-sitwazzjoni hija unika, fis-sens li l-aġenzija twaqqfet biex esklussivament twettaq funzjoni ta’ għajnuna għal korp regolatorju ieħor stabbilit bil-liġi tal-Unjoni. Dan jippreżenta ċerti sfidi għax għalkemm għandu funzjonijiet relattivament limitati, l-Uffiċċju tal-BEREC għandu jsegwi l-istess sett ta’ regoli dettaljati li japplikaw għall-aġenziji deċentralizzati kollha tal-Unjoni (regoli finanzjarji, tal-persunal/ta’ implimentazzjoni, tal-akkwist pubbliku, tar-rappurtar, eċċ.).

    L-effiċjenza — Ma setgħux jiġu kkalkulati eżatt l-ispejjeż iżda l-evalwazzjoni wriet li l-benefiċċji tal-qafas — għal ħafna mill-operaturi, għall-utenti finali u għas-soċjetà kollha kemm hi — jisbqu bil-bosta l-ispejjeż tal-implimentazzjoni tiegħu.

    F’ħafna aspetti, l-Uffiċċju tal-BEREC mhux konformi mal-prinċipji tal-Approċċ Komuni. Il-kompiti limitati u d-daqs tal-Uffiċċju, meta mqabblin ma’ dawk ta’ aġenziji oħra tal-Unjoni, għandhom implikazzjonijiet negattivi biex jattiraw u jżommu lill-persunal u għall-aspetti organizzattivi. L-istruttura attwali b’żewġ livelli twassal ukoll għal ineffiċjenzi. Għalkemm hu diffiċli li dawn l-ineffiċjenzi jingħaddu, l-istruttura b’żewġ livelli tikkumplika l-affarijiet u toħloq piż amministrattiv; ngħidu aħna, jridu jiġu adottati żewġ rapporti annwali separati u żewġ programmi ta’ ħidma — wieħed mill-Bord tar-Regolaturi tal-BEREC u wieħed mill-Kumitat Maniġerjali tal-Uffiċċju.

    L-evalwazzjoni identifikat għadd ta’ kwistjonijiet li jistgħu jiġu ssimplifikati u razzjonalizzati (id-delega tas-setgħat tal-awtorità tal-ħatra, mandati itwal jew li jistgħu jiġu estiżi għall-President, ir-regoli tal-votazzjoni b’maġġoranza, ir-riżorsi adegwati, is-simplifikazzjoni tal-Kumitat tat-Tmexxija u perjodi tal-konsultazzoni itwal jew proċessi tal-konsultazzjoni b’żewġ stadji għall-kwistjonijiet ewlenin tal-politika).

    Il-valur miżjud tal-UE — Il-valur miżjud tal-UE bit-twaqqif tal-BEREC, b’mod partikolari fejn jidħlu l-pariri tiegħu lill-istituzzjonijiet tal-UE, hu marbut mal-funzjonament tas-suq intern tal-komunikazzjoni elettronika. B’mod ġenerali dan jintlaqa’ b’mod pożittiv iżda xi drabi l-effettività tal-BEREC hi dibattibbli. Jekk ikun aktar effettiv, jiżdied il-valur miżjud tiegħu. Il-valur miżjud tal-Uffiċċju bħala aġenzija tal-Unjoni li tappoġġa lill-BEREC hu aspett ieħor rilevanti.

    Il-koerenza — B’mod ġenerali, l-istrumenti varji li jikkostitwixxu l-qafas regolatorju kkumplimentaw lil xulxin. Madankollu, l-evalwazzjoni identifikat għadd limitat ta’ inkonsistenzi interni, bħalma huma n-nuqqas ta’ qbil bejn il-kompiti tal-NRAs indipendenti u l-kompiti tal-BEREC. Dan jiġri għax kultant il-BEREC hu mistenni jagħti opinjonijiet fil-livell Ewropew f’oqsma fejn mhux kull NRA li hija membru fih hija kompetenti fil-livell nazzjonali. L-evalwazzjoni wriet ukoll li xi kultant, il-koordinazzjoni bejn il-BEREC u l-Kummissjoni kienet diffiċli. Dan ġara fejn jidħlu l-għoti u l-kisba tal-informazzjoni mingħand il-BEREC u l-Uffiċċju fuq ir-rati ta’ terminazzjoni u fuq ir-roaming. Hemm lok għal titjib, ħalli kull organizzazzjoni tkun tista’ twettaq il-kompiti tagħha b’mod effiċjenti.

    Konsultazzjonijiet mal-partijiet konċernati

    Fil-11 ta’ Settembru 2015 bdiet konsultazzjoni pubblika miftuħa ta’ 12-il ġimgħa biex jinġabar kontribut għall-proċess ta’ evalwazzjoni biex jiġu vvalutati r-regoli attwali u biex jinkisbu fehmiet fuq l-adattamenti possibbli tal-qafas fid-dawl tal-iżviluppi teknoloġiċi u tas-suq. Din kopriet evalwazzjoni ġenerali tal-qafas attwali u evalwazzjoni dettaljata u rieżami tal-partijiet speċifiċi tal-qafas. Dawn huma:

    ir-regolamentazzjoni tal-aċċess għan-netwerk,

    il-ġestjoni tal-ispettru tar-radju u l-konnettività mingħajr fili,

    ir-regolamentazzjoni speċifika għas-settur tas-servizzi tal-komunikazzjoni,

    ir-regoli tas-servizz universali,

    l-istruttura istituzzjonali u l-governanza.

    Il-konsultazzjoni kienet wiesgħa u profonda, b’kontribut estensiv mingħand il-konsumaturi, il-fornituri tan-netwerks u tas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika, l-assoċjazzjonijiet tal-operaturi nazzjonali u tal-UE, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, ix-xandara, il-fornituri tat-teknoloġija, tal-internet u tas-servizzi online, in-negozji li jiddependu mill-konnettività u atturi tal-ekonomija diġitali usa’, l-awtoritajiet nazzjonali fil-livelli kollha, ir-regolaturi nazzjonali u partijiet konċernati oħra. Taw il-kontribut tagħhom ukoll dawk il-partijiet konċernati affettwati mill-politika, dawk li jridu jimplimentawha u dawk b’interess dikjarat fil-politika. B’kollox il-konsultazzjoni rċeviet 244 tweġiba online mingħand partijiet konċernati mill-Istati Membri kollha u minn barra l-Unjoni. F’nofs triq, fil-11 ta’ Novembru 2015 sar smigħ pubbliku.

    Minbarra l-konsultazzjoni pubblika, il-BEREC stess ikkontribwixxa għall-evalwazzjoni u għall-proċess ta’ rieżami u ppubblika l-opinjoni tiegħu f’Diċembru 2015 7 . Anki l-Grupp għall-Politika dwar l-Ispettru tar-Radju ta l-opinjoni tiegħu fuq l-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali u fuq ir-Rieżami tal-Qafas 8 .

    Mill-proċess tal-konsultazzjoni ħarġu dawn ix-xejriet.

    Waħda mill-kundizzjonijiet li titqies li hija meħtieġa għas-Suq Uniku Diġitali hija konnettività tajba. Ħafna minn dawk li wieġbu enfasizzaw il-ħtieġa għal miżuri ta’ politika u għal aġġustamenti possibbli fl-għodod attwali regolatorji u tal-politika sabiex dawn jappoġġaw l-introduzzjoni ta’ infrastruttura li taħseb għall-bżonnijiet tal-ġejjieni.

    Uħud minn dawk li wieġbu qalu li l-qafas regolatorju attwali mhux siewi wisq għas-suq intern. Hemm perċezzjoni ġenerali li l-qafas regolatorju jeħtieġ li jiġi aġġustat għad-dinamika tas-suq attwali. Madankollu, ħafna minn dawk li wieġbu għarfu li l-liberalizzazzjoni tas-swieq tat-telekomunikazzjoni tejbet is-sitwazzjoni, b’mod partikolari mil-lat ta’ benefiċċji għall-utent finali u kompetizzjoni f’ħafna mis-swieq nazzjonali.

    Fir-rigward tal-ispettru tar-radju, dawk li wieġbu rrikonoxxew l-importanza tal-konnettività bla fili u tal-broadband bla fili. B’mod ġenerali, l-industrija, li taqbel ma’ approċċ aktar koordinat, tixtieq aktar ċertezza għall-investimenti u għall-possibbiltajiet li jiġu żviluppati modi ġodda ta’ komunikazzjoni bla fili u mobbli, inkluż il-5G, mal-Unjoni kollha.

    Filwaqt li b’mod ġenerali qed jingħaraf ir-rwol kontinwu tal-NRAs u tal-awtoritajiet tal-ġestjoni tal-ispettru tar-radju, kważi nofs dawk li wieġbu enfasizzaw li l-istruttura istituzzjonali fil-livell tal-Unjoni għandha tiġi aġġustata biex tiżgura aktar ċertezza legali u aktar kontabbiltà. Dawn qablu ma’ dan it-tibdil:

    qasma aktar ċara tas-setgħat bejn l-istituzzjonijiet differenti (biex ma jkunx hemm duplikazzjoni),

    il-fatt li jiġi żgurat li l-istituzzjonijiet ikunu responsabbli politikament u legalment għad-deċiżjonijiet tagħhom,

    livell għoli ta’ trasparenza fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet (involviment akbar tal-partijiet konċernati).

    Bħala parti mill-proċess tal-evalwazzjoni, il-Kummissjoni kkummissjonat ukoll għadd ta’ studji. Dawn kienu jinkludu sessjonijiet ta’ ħidma biex il-partijiet konċernati jkunu jistgħu jikkummentaw u jipprovdu rispons fuq l-evalwazzjoni li kienet għaddejja.

    Fis-6 ta’ April 2016 saret sessjoni ta’ ħidma pubblika biex jiġu vvalidati s-sejbiet provviżorji ta’ studju li għamlu WIK, IDATE u Deloitte dwar reġimi regolatorji, b’mod partikolari tal-aċċess, għall-mudelli tal-investimenti fin-netwerks fl-Ewropa (“Regulatory, in particular access, regimes for network investments models in Europe”) (SMART 2015/0002).

    Fit-2 ta’ Mejju 2016 saret sessjoni ta’ ħidma pubblika biex jiġu vvalidati s-sejbiet provviżorji ta’ studju li għamlu WIK, CRIDS u Cullen dwar kwistjonijiet sostantivi għal rieżami fl-oqsma tad-dħul fis-suq, tal-ġestjoni tar-riżorsi skarsi u kwistjonijiet ġenerali tal-utenti finali (“Substantive issues for review in the areas of market entry, management of scarce resources and general end-user issues”) (SMART 2015/0003).

    Il-ġbir u l-użu tal-għarfien espert

    Il-Kummissjoni bbażat fuq dan il-parir espert estern:

    - Rakkomandazzjonijiet tal-politika mingħand istituzzjonijiet oħra tal-UE, b’mod partikolari l-Parlament Ewropew 9  u l-Kunsill Ewropew 10 .

    - Tliet studji ta’ rieżami.

    “Support for the preparation of the impact assessment accompanying the review of the regulatory framework for e-communications” (Appoġġ għat-tħejjija tal-valutazzjoni tal-impatt mehmuża mar-rieżami tal-qafas regolatorju tal-komunikazzjoni elettronika) (SMART 2015/0005).

    “Regulatory, in particular access, regimes for network investment models in Europe” (Reġimi regolatorji, b’mod partikolari tal-aċċess, għall-mudelli tal-investimenti fin-netwerks fl-Ewropa) (SMART 2015/0002).

    “Substantive issues for review in the areas of market entry, management of scarce resources and general consumer issues” (Kwistjonijiet sostantivi għal rieżami fl-oqsma tad-dħul fis-suq, tal-ġestjoni tar-riżorsi skarsi u kwistjonijiet ġenerali tal-konsumaturi) (SMART 2015/0003).

    - Barra minn hekk, għall-process tar-rieżami taw il-kontribut tagħhom bosta studji oħrajn. Dawn l-istudji tniżżlu fit-Taqsima 6.1.4 tal-Valutazzjoni tal-Impatt.

    - Grupp ta’ esperti ta’ livell għoli bħala parti mill-istudju SMART 2015/0005 11 .

    Il-valutazzjoni tal-impatt

    Is-sommarju eżekuttiv tal-Valutazzjoni tal-Impatt u l-opinjoni pożittiva tal-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju jinsabu fis-sit web tal-Kummissjoni 12 .

    Ġew eżaminati l-alternattivi ta’ governanza li ġejjin. L-alternattiva preferuta hija l-Alternattiva 3, għalkemm l-allinjament tal-istruttura tal-BEREC mal-Approċċ Komuni jitqies ukoll fl-Alternattiva 2 13 .

    L-Alternattiva 1 — L-ebda bidla: ix-xenarju bażi

    Din l-alternattiva tistrieħ fuq id-dispożizzjonijiet attwali. Bħalissa l-kompetenzi tal-NRAs mhumiex armonizzati kif xieraq u dan qed iħalli impatt. Dan għaliex il-leġiżlatur ta rwol lill-BEREC f’oqsma fejn il-kompetenza fil-livell nazzjonali mhix armonizzata għall-membri tiegħu, bħal pereżempju r-riżoluzzjoni tat-tilwim transfruntier.

    L-Alternattiva 2 — Rwol konsultattiv akbar u kompetenzi msaħħa

    Din l-alternattiva tipprevedi xi aġġustamenti fir-regoli attwali abbażi tal-esperjenza bl-implimentazzjoni tal-qafas fl-aħħar snin u tal-eżerċizzju tar-REFIT, b’mod partikolari t-tisħiħ tar-rwol tal-NRAs indipendenti billi jiġi stabbilit sett minimu ta’ kompetenzi għal dawk l-NRAs madwar l-Unjoni.

    Fil-livell tal-Unjoni, ir-rwol konsultattiv tal-BEREC għandu jiġi estiż fl-oqsma ta’ kompetenza tal-NRAs indipendenti ħalli l-kompiti tiegħu jiġu allinjati mal-kompiti tal-NRAs. Iżda biex isir aktar effiċjenti u jipprovdi ġestjoni aktar stabbli, l-istruttura ta’ governanza tal-BEREC għandha tiġi adattata biex titqarreb lejn l-Approċċ Komuni. Dan ifisser li l-funzjonijiet regolatorji iwettaqhom korp b’personalità ġuridika fl-awspiċi tal-BEREC.

    Se jitwaqqaf Bord tat-Tmexxija ġdid biex jissorvelja l-orjentazzjonijiet ġenerali tal-attivitajiet tal-aġenzija, u dan jieħu post il-Bord tar-Regolaturi u l-Kumitat Maniġerjali li hemm dal-ħin. Hi prevista struttura ta’ governanza aktar stabbli billi jinħatar President (minn fost il-membri tal-Bord Maniġerjali) għal mandat itwal (jiġifieri għal aktar minn sena, li huwa t-tul ta’ żmien tal-mandat attwali). Id-Direttur Eżekuttiv se jkollu aktar setgħat mill-Maniġer Amministrattiv attwali tal-Uffiċċju u se jintgħażel minn fost lista ta’ kandidati proposti mill-Kummissjoni wara proċedura miftuħa tal-għażla kif previst bl-Approċċ Komuni u f’aġenziji oħrajn.

    L-Alternattiva 3 — Rwol konsultattiv b’ċerti setgħat prenormattivi, proċess aħjar ta’ rieżami tas-suq u ta’ assenjament tad-dritt tal-użu tal-ispettru tar-radju

    Din l-alternattiva tinkludi bosta aspetti tal-Alternattiva 2, b’mod partikolari s-sett minimu ta’ kompetenzi armonizzati (fosthom kompetenza li jiġu definiti l-aspetti regolatorji u l-aspetti li jiffurmaw is-suq fejn jidħlu l-assenjamenti tad-drittijiet tal-użu tal-ispettru tar-radju għan-netwerks u għas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika) u l-allinjament tal-kompiti tal-NRAs mal-kompiti tal-BEREC, kif ukoll l-allinjament sostanzjali tal-istruttura ta’ governanza tal-BEREC mal-Approċċ Komuni.

    Il-BEREC se jingħata ċerti kompiti oħrajn, bħalma huma s-setgħat li jadotta deċiżjonijiet vinkolanti dwar l-identifikazzjoni tas-swieq transnazzjonali u mudell għall-kuntratti fil-qosor; setgħat kważi vinkolanti fejn jidħlu l-proċeduri tas-suq intern għall-abbozzi tal-miżuri nazzjonali dwar ir-regolamentazzjoni tas-swieq (l-hekk imsejħa sistema “double-lock”, spjegata f’iktar dettall hawn taħt) u l-istabbiliment ta’ rata massima unika ta’ terminazzjoni għall-Unjoni; u l-ħruġ ta’ linji gwida f’għadd ta’ oqsma: l-istħarriġiet ġeografiċi, l-approċċi komuni biex tintlaħaq id-domanda transnazzjonali, il-kriterji minimi għall-offerti ta’ referenza, il-kriterji komuni għall-ġestjoni tar-riżorsi tan-numerazzjoni, il-parametri tal-kwalità tas-servizz, il-metodi tal-kejl applikabbli u d-dettalji tekniċi tal-mudell tal-ispejjeż li għandhom japplikaw l-NRAs meta jiġu biex jistabbilixxu r-rati massimi simetriċi ta’ terminazzjoni. Dan se jingħata wkoll is-setgħa li jitlob l-informazzjoni direttament mingħand l-operaturi.

    Il-BEREC se jkun responsabbli wkoll biex iwaqqaf reġistru tal-użu estraterritorjali tan-numri u tal-arranġamenti transfruntiera u reġistru ieħor tal-fornituri tan-netwerks u tas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika. Barra minn hekk, dan se jassisti wkoll lill-Kummissjoni u lill-NRAs fil-qasam tal-istandardizzazzjoni billi jgħinhom jidentifikaw it-theddid għall-konnettività minn tarf sa tarf jew għall-aċċess effettiv għas-servizzi ta’ emerġenza. Dan jista’ jsir billi jimponi l-istandards eżistenti u billi jwaqqaf standards ġodda.

    Biex titjieb is-sitwazzjoni attwali, fejn il-Kummissjoni u l-BEREC għandhom biss setgħat mhux vinkolanti fir-rigward tar-rimedji, qed tiġi proposta l-hekk imsejħa sistema “double-lock”. F’sistema bħal din, jekk il-BEREC u l-Kummissjoni jaqblu fuq il-pożizzjoni tagħhom fejn jidħol l-abbozz tar-rimedji li tipproponi xi NRA, il-Kummissjoni tkun tista’ titlob lill-NRA biex temenda jew tirtira l-abbozz tal-miżura u, jekk ikun hemm bżonn, biex terġa’ tinnotifika l-analiżi tas-suq. Se tiddaħħal sistema ta’ “evalwazzjoni bejn il-pari” fil-BEREC bħala mekkaniżmu ġdid ta’ koordinazzjoni ħalli jitjiebu l-effiċjenza u l-koerenza fost l-Istati Membri rigward l-aspetti regolatorji tas-swieq fejn jidħlu l-assenjamenti tad-drittijiet tal-użu tal-ispettru tar-radju.

    L-Alternattiva 4 — Regolatur tal-UE b’ċerti setgħat ta’ implimentazzjoni/ta’ eżekuzzjoni

    Din l-alternattiva tħares lejn il-fatt li jitwaqqaf regolatur tal-UE bħala aġenzija msaħħa li jkollha r-riżorsi meħtieġa biex takkomoda trasferiment tas-setgħat ta’ implimentazzjoni, inkluż is-setgħat tas-superviżjoni u tal-infurzar. Din tista’ taġixxi b’setgħat vinkolanti fl-oqsma fejn ikun hemm bżonn tiġi żgurata implimentazzjoni uniformi tar-regoli tal-UE. Wieħed minn dawn l-oqsma hu servizzi ġodda pan-UE jew dinjin, li bħalissa għadhom fil-biċċa l-kbira tagħhom mhux regolati jew soġġetti għal oqfsa regolatorji mhux ċari (l-M2M, l-OTT, u oqsma oħra b’importanza kbira għall-Unjoni, bħar-roaming jew is-swieq transnazzjonali).

    Fejn jidħol l-ispettru tar-radju se jkun hemm mekkaniżmu għal evalwazzjoni preliminari bejn il-pari li jinvolvi lir-regolatur tal-UE, aktarx b’veto tal-Kummissjoni. Ir-regolatur tal-UE jkun jista’ jikkoordina wkoll proċeduri vinkolanti pan-Ewropej tal-assenjament għal baned speċifiċi. Fl-aħħar nett, l-aġenzija se tistituzzjonalizza wkoll servizz tajjeb ta’ medjazzjoni bejn l-uffiċċji għall-interferenza transfruntiera u għall-kwistjonijiet regolatorji.

    L-idoneità regolatorja u s-simplifikazzjoni

    Il-miżuri ta’ politika proposti bl-alternattiva preferuta huma konformi mal-aġenda tar-REFIT għax għandhom l-għan li jissimplifikaw u jnaqqsu l-piż amministrattiv b’konformità mas-sejbiet tal-evalwazzjoni tal-potenzjal tar-REFIT tar-rieżami. Uħud mill-bidliet proposti fil-governanza u f’oqsma oħra tal-politika għandhom l-għan li jiċċaraw ir-regoli; li l-partijiet ikunu jistgħu jsibuha faċli biex jifhmu d-drittijiet u l-obbligi tagħhom; u li jkunu evitati r-regolamentazzjoni żejda u l-piżijiet amministrattivi.

    Bil-ħsieb li jkun hemm struttura istituzzjonali aktar effiċjenti u ssimplifikata u biex titqies l-evalwazzjoni REFIT, il-proposta fiha għadd ta’ bidliet biex il-BEREC ikun jista’ jiġi konformi mal-Approċċ Komuni u mal-istruttura ta’ aġenziji oħrajn tal-Unjoni. Il-proposta biex il-BEREC isir aġenzija deċentralizzata tal-Unjoni għandha tiġġenera ċertu livell ta’ kisbiet fl-effiċjenza u sinerġiji, sabiex tibbilanċja parzjalment il-ħtieġa għal riżorsi addizzjonali biex jiġu ssodisfati l-kompiti l-ġodda fdati f’idejn il-BEREC.

    - Aġenzija deċentralizzata tal-Unjoni se titwaqqaf bi struttura xierqa u bil-governanza, bil-mandat u bis-setgħat xierqa. Dan se jsaħħaħ ir-responsabbiltà legali u politika għax issa d-deċiżjonijiet kollha (regolatorji, amministrattivi, finanzjarji, eċċ.) se jiġu adottati fl-awspiċi ta’ aġenzija tal-Unjoni b’personalità ġuridika.

    - L-istruttura tal-governanza se tiġi ssimplifikata b’Bord Maniġerjali wieħed li jieħu post iż-żewġ strutturi ta’ ġestjoni attwali (il-Bord tar-Regolaturi għad-deċiżjonijiet regolatorji u l-Kumitat Maniġerjali għad-deċiżjonijiet amministrattivi u finanzjarji). Dan se jnaqqas il-piż amministrattiv billi jtemm id-duplikazzjoni attwali fl-aġendi, fil-programmi ta’ ħidma, fir-rapporti annwali, fir-reġistri tad-dokumenti, fil-ħatriet tal-membri, eċċ.

    - Se jinħatar Direttur Eżekuttiv biex imexxi l-aġenzija, li se jkun ir-rappreżentant legali tal-BEREC u se jkun responsabbli għat-twettiq tal-kompiti assenjati lill-aġenzija. B’mod partikolari, dan se jingħata “setgħat tal-awtorità tal-ħatra”. B’hekk il-ġestjoni tal-persunal tal-aġenzija se ssir aktar effiċjenti (bir-Regolament BEREC attwali, dawn is-setgħat huma mogħtija lill-Viċi President li għandu mandat ta’ sena u ma jistgħux jiġu delegati jew sottodelegati).

    - Il-President tal-Bord Maniġerjali (u d-Direttur Eżekuttiv se jkollhom mandat itwal (ta’ erba’ snin li jistgħu jiġġeddu, waqt li bħalissa huwa ta’ sena, għall-President u ta’ ħames snin li jistgħu jiġġeddu, waqt li bħalissa huwa ta’ tliet snin li jistgħu jiġġeddu, għad-Direttur) biex ikunu żgurati l-kontinwità u l-istabbiltà meħtieġa.

    Bħala konklużjoni, il-BEREC se jitgħammar aħjar biex jgħin lill-Kummissjoni u lill-NRAs, u se jkun hemm kisbiet fl-effiċjenza li joħorġu mill-oqsma enfasizzati hawn fuq. Din il-proposta tikkontribwixxi għal sistema effiċjenti tal-Unjoni ta’ awtoritajiet regolatorji fis-Suq Uniku Diġitali u għandha tipprovdi l-appoġġ meħtieġ għal implimentazzjoni effiċjenti tal-qafas rivedut tas-settur tat-telekomunikazzjoni.

    Id-drittijiet fundamentali

    Il-proposta tqis għalkollox ukoll id-drittijiet u l-prinċipji fundamentali rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. B’mod partikolari, il-miżuri proposti, fosthom l-istabbiliment tal-BEREC, għandhom l-għan li tiżdied il-konnettività b’sett modernizzat ta’ regoli għall-protezzjoni tal-utent finali. Dan, min-naħa tiegħu, se jiżgura aċċess nondiskriminatorju għal kull kontenut u servizz, fosthom is-servizzi pubbliċi. Dan se jgħin ukoll biex jippromwovi l-libertà tal-espressjoni u tan-negozju u bih l-Istati Membri se jkunu jistgħu jikkonformaw mal-Karta b’ħafna inqas spejjeż fil-ġejjieni.

    4.L-IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

    Il-BEREC, li se jitwaqqaf abbażi tal-BEREC u tal-Uffiċċju tal-BEREC eżistenti, qed jingħata bosta kompiti li għandhom l-għan li jiżguraw implimentazzjoni konsistenti tal-qafas regolatorju, u b’hekk jikkontribwixxu għall-iżvilupp tas-suq tal-komunikazzjoni elettronika fl-Unjoni kollha, il-promozzjoni tal-aċċess għal konnettività tad-dejta b’kapaċità kbira ħafna min-naħa taċ-ċittadini u tan-negozji kollha tal-Unjoni u tal-adozzjoni tagħha min-naħa tagħhom, il-promozzjoni tal-kompetizzjoni fil-forniment tan-netwerks u tas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika u l-promozzjoni tal-interessi taċ-ċittadini tal-Unjoni.

    B’kollox, ir-riżorsi finanzjarji meħtieġa biex il-BEREC iwettaq il-missjoni tiegħu jilħqu l-EUR 14.135 miljun għall-perjodu mill-2019 sal-2020 14 . Minbarra l-kontribuzzjoni tal-Unjoni, il-BEREC jista’ jiġbor ħlas għall-pubblikazzjonijiet u għal servizzi oħra provduti, kontribuzzjonijiet mingħand il-pajjiżi terzi jew mingħand l-awtoritajiet regolatorji tal-komunikazzjoni elettronika tal-pajjiżi terzi li jipparteċipaw fil-ħidma tiegħu u kontribuzzjonijiet volontarji mingħand l-Istati Membri u l-NRAs 15 .

    Fil-futur, l-aġenzija l-ġdida mistennija tkompli bil-ftehimiet attwali dwar is-servizzi mal-Kummissjoni (l-uffiċjal tal-kontabbiltà u l-użu ta’ ċerti applikazzjonijiet u għodod) u ma’ aġenziji oħra tal-Unjoni (b’mod partikolari mal-ENISA fejn jidħlu l-ħżin tad-dejta ta’ riżerva lil hinn mis-sit u l-koordinatur tal-kontroll intern), u dawn jistgħu anki jiġu estiżi aktar għal oqsma ġodda biex jiżdiedu iktar kisbiet fl-effiċjenza u sinerġiji.

    Minbarra l-għadd ta’ membri tal-persunal eżistenti, il-BEREC għandu jikkalkula 11-il aġent kuntrattwali u seba’ (7) esperti nazzjonali sekondati biex b’kollox ikollu 44 membru tal-persunal sa tmiem il-perjodu tal-2019 sal-2020 16 . Skont il-valutazzjoni tal-impatt, u mingħajr preġudizzju għall-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss, b’kollox il-persunal addizzjonali li jeħtieġ il-BEREC biex iwettaq il-kompiti l-ġodda tiegħu bil-mandat estiż hu stmat li hu ta’ 34 FTE, u bħala ċifra ġenerali tal-persunal fi tmiem il-perjodu ta’ implimentazzjoni tal-2019 sal-2022 hemm previsti 60 FTE.

    5.ELEMENTI OĦRAJN

    Il-pjanijiet ta’ implimentazzjoni u l-arranġamenti għall-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar

    B’konformità mal-Approċċ Komuni, il-proposta attwali tipprevedi li l-Kummissjoni twettaq evalwazzjoni fi żmien ħames snin minn meta jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament, u mbagħad kull ħames snin wara dan, biex, b’konformità mal-linji gwida tal-Kummissjoni, tivvaluta l-prestazzjoni tal-BEREC fejn jidħlu l-għanijiet tiegħu u l-mandat, il-kompiti u l-postijiet tiegħu. B’mod partikolari, l-evalwazzjoni għandha tindirizza l-ħtieġa possibbli li jinbidel il-mandat tal-BEREC u l-implikazzjonijiet finanzjarji ta’ bidla bħal din. Jekk il-Kummissjoni jkun jidhrilha li ma għadux ġustifikat li l-BEREC jissokta fir-rigward tal-għanijiet, tal-mandat u tal-kompiti assenjati lilu, din tista’ tipproponi li dan ir-Regolament jiġi emendat jew jitħassar skont dan. Il-Kummissjoni għandha tgħaddi r-rapport fuq is-sejbiet tal-evalwazzjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Bord Maniġerjali. Is-sejbiet tal-evalwazzjoni jridu jiġu ppubblikati.

    Il-BEREC għandu joħroġ ukoll rapporti annwali tal-attività li fihom jevalwa r-riżultati tal-attivitajiet tiegħu matul is-sena. Ir-rapporti annwali tal-attività għandhom jintbagħtu lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u għandhom jiġu ppubblikati.

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tkompli tiżgura li jsir monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-qafas regolatorju abbażi ta’ dan li ġej.

    Ir-Rapport tal-Progress Diġitali Ewropew

    Ir-Rapport tal-Progress Diġitali Ewropew (l-EDPR), li jkopri 28 Stat Membru, jipprovdi dejta komprensiva u analiżi tal-iżviluppi tas-swieq, tal-iżviluppi regolatorji u tal-iżviluppi marbutin mal-konsumaturi fl-ekonomija diġitali. Dan jgħaqqad ir-rapporti u l-evidenza kollha ppubblikata għat-Tabella ta’ Valutazzjoni Diġitali 17 mar-Rapport tal-Implimentazzjoni tat-Telekomunikazzjoni, u jżid xi rapporti tal-pajjiżi. B’dan il-mod, dan jibbaża fuq evidenza minn dawn li ġejjin:

    It-Tabella ta’ Valutazzjoni Diġitali. Din tkejjel il-progress tal-ekonomija diġitali Ewropea. Din tistrieħ fuq id-dejta li jipprovdu l-NRAs, l-Eurostat u sorsi rilevanti oħra u tinkludi dejta fuq is-sitwazzjoni ġenerali fejn jidħlu l-aspetti kollha tal-Indiċi tas-Soċjetà tal-Ekonomija Diġitali fl-Istati Membri tal-UE 18 . Bl-indikaturi inklużi fir-rapport ikun jista’ jsir paragun tal-progress bejn il-pajjiżi Ewropej kif ukoll maż-żmien.

    Ir-rapporti tat-telekomunikazzjoni dwar ir-regolamentazzjoni u s-swieq Ewropej tal-komunikazzjoni elettronika. Dawn jipprovdu dejta komprensiva u analiżi tal-iżviluppi tas-swieq, tal-iżviluppi regolatorji u tal-iżviluppi marbutin mal-konsumaturi fis-settur.

    Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-Direttivi)

    Mhux applikabbli

    Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

    Ir-Regolament (KE) Nru 1211/2009 stabbilixxa l-Korp tar-Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjoni Elettronika (il-BEREC) u l-Uffiċċju u l-kompiti ta’ kull wieħed minnhom. Din il-proposta twessa’ l-mandat attwali tal-BEREC u tbiddlu f’aġenzija sħiħa u attrezzata għalkollox mgħammra bl-għodod meħtieġa u bir-riżorsi adegwati biex jilħaq l-għanijiet tiegħu u jwettaq il-kompiti tiegħu.

    (1) L-istabbiliment, il-kamp ta’ applikazzjoni u l-għanijiet:

    Il-Kapitolu I “Għanijiet u kompiti”

    L-Artikolu 1 jistabbilixxi l-BEREC u jipprevedi l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament, id-definizzjonijiet u l-għanijiet tal-BEREC, li għandhom jimmiraw li jiksbu l-istess għanijiet bħall-NRAs.

    L-Artikolu 2 jelenka l-kompiti tal-BEREC. Dan iżid li l-BEREC jista’ jikkopera mal-korpi, mal-aġenziji, mal-uffiċċji u mal-gruppi konsultattivi tal-Unjoni, mal-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiżi terzi u/jew mal-organizzazzjonijiet internazzjonali jekk ikun meħtieġ, u li dan għandu jikkonsulta lill-partijiet konċernati skont il-każ.

    Il-Kapitolu II “Struttura amministrattiva u maniġerjali”

    L-Artikolu 3 għandu x’jaqsam mal-istruttura amministrattiva u maniġerjali tal-BEREC, li hija magħmula minn Bord Maniġerjali, minn Direttur Eżekuttiv, minn Gruppi ta’ Ħidma u minn Bord tal-Appell.

    L-Artikoli 4 sa 5 jistipulaw li l-Bord Maniġerjali għandu jkun magħmul mill-kap, jew minn membru tal-korp kolleġġjali, minn kull NRA, u minn żewġ rappreżentanti tal-Kummissjoni, ilkoll bi dritt tal-vot. Dawn jistabbilixxu wkoll il-funzjonijiet tiegħu. B’mod partikolari, il-Bord Maniġerjali għandu jiddelega s-setgħat rilevanti tal-awtorità tal-ħatra lid-Direttur Eżekuttiv. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun awtorizzat jissottodelega dawk is-setgħat, u jiddefinixxi l-kundizzjonijiet li jissospendu dawn id-delegi tas-setgħat.

    L-Artikolu 6 jistipula li l-Bord Maniġerjali jeleġġi President u Viċi President minn fost il-membri tiegħu, b’maġġoranza ta’ żewġ terzi u għal mandat ta’ erba’ snin li jista’ jiġġedded darba.

    L-Artikoli 7 sa 8 jistabbilixxu l-għadd minimu ta’ laqgħat ordinarji fis-sena tal-Bord Maniġerjali (tnejn) u r-regoli tal-votazzjoni tiegħu (maġġoranza awtomatikament).

    L-Artikolu 9 jistabbilixxi r-responsabbiltajiet tad-Direttur Eżekuttiv, li għandu jmexxi l-aġenzija u jkun ir-rappreżentant legali tagħha. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jagħti rendikont lill-Bord Maniġerjali u għandu jibgħat rapport lill-Parlament Ewropew u jaf jiġi mistieden jibgħat rapport ukoll lill-Kunsill dwar il-qadi ta’ dmirijietu.

    L-Artikolu 10 jistipula li l-Bord Maniġerjali jista’ jwaqqaf gruppi ta’ ħidma kif meħtieġ, li jkunu kkoordinati u mmexxija minn membru tal-persunal tal-BEREC. Biex jitwaqqfu ċerti gruppi ta’ ħidma, għandhom jitħejjew listi ta’ esperti kwalifikati minn qabel.

    L-Artikoli 11 sa 14 jistabbilixxu l-Bord tal-Appell u jistabbilixxu l-kompożizzjoni u l-ħatra tal-membri tiegħu, li għandhom ikunu indipendenti u ma jistgħux iwettqu kompiti oħra fil-BEREC. Kull persuna fiżika jew ġuridika, inkluż l-NRAs, tista’ tappella kontra deċiżjoni vinkolanti maħruġa mill-BEREC. Dawn l-appelli ma għandux ikollhom effett sospensiv, iżda l-Bord tal-Appell jista’ jissospendi l-applikazzjoni tad-deċiżjoni.

    Il-Kapitolu III “Programmazzjoni annwali u pluriennali”

    L-Artikolu 15 jistabbilixxi l-proċedura għall-adozzjoni tad-dokument ta’ programmazzjoni annwali u pluriennali. Dan għandu jinkludi l-istrateġija għar-relazzjonijiet mal-korpi, mal-aġenziji, mal-uffiċċji u mal-gruppi konsultattivi tal-Unjoni, mal-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiżi terzi u/jew mal-organizzazzjonijiet internazzjonali.

    L-Artikoli 16 sa 17 jipprevedu l-istabbiliment tal-baġit tal-BEREC u l-istruttura tiegħu mil-lat ta’ dħul u nfiq.

    L-Artikoli 18 sa 20 jistipulaw li d-Direttur Eżekuttiv hu responsabbli għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-BEREC u jistabbilixxu l-proċedura għall-preżentazzjoni tal-kontijiet u tal-kwittanza. Il-Bord Maniġerjali għandu jadotta r-regoli finanzjarji applikabbli għall-BEREC.

    Il-Kapitolu IV “Persunal”

    L-Artikolu 21 jiddikjara li għall-persunal tal-BEREC għandhom japplikaw ir-Regolamenti tal-Persunal u l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra u r-regoli ta’ implimentazzjoni adottati biex jagħtuhom effett.

    L-Artikolu 22 jistabbilixxi l-proċedura biex il-Bord Maniġerjali jaħtar lid-Direttur Eżekuttiv minn lista ta’ kandidati proposti mill-Kummissjoni, għal mandat ta’ ħames snin li jista’ jiġġedded, kif ukoll għall-estensjoni jew għall-waqfien tal-mandat tiegħu.

    L-Artikolu 23 jiddikjara li l-BEREC jista’ juża s-servizzi ta’ esperti nazzjonali sekondati jew ta’ persunal ieħor li ma jkunx impjegat mal-BEREC, u li għalihom ma jkunux japplikaw ir-Regolamenti tal-Persunal u l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra.

    Il-Kapitolu V “Dispożizzjonijiet ġenerali”

    L-Artikoli 24 sa 25 jistipulaw li l-BEREC għandu jkollu personalità ġuridika u jkun korp tal-Unjoni. Il-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea għandu japplika għall-BEREC u għall-persunal tiegħu.

    L-Artikolu 26 jiddikjara li, meta jkun meħtieġ, il-BEREC jista’ jikkopera mal-korpi, mal-aġenziji, mal-uffiċċji u mal-gruppi konsultattivi kompetenti tal-Unjoni; mal-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiżi terzi u/jew mal-organizzazzjonijiet internazzjonali. Din il-koperazzjoni għandha tissejjes fuq arranġamenti ta’ ħidma li l-Kummissjoni tkun approvathom minn qabel. B’konformità mal-Approċċ Komuni, il-Kummissjoni u l-aġenzija għandhom jikkonkludu arranġament ta’ ħidma xieraq biex jiżguraw li l-BEREC jaħdem skont il-mandat tiegħu u skont il-qafas istituzzjonali eżistenti. Dan l-Artikolu jistipula wkoll li l-BEREC hu miftuħ għall-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet regolatorji tal-pajjiżi terzi li huma kompetenti fil-komunikazzjoni elettronika u li jkunu għamlu ftehimiet mal-Unjoni għal dak l-iskop.

    L-Artikolu 27 jiddikjara li għad-dokumenti li jżomm il-BEREC japplika r-Regolament (KE) Nru 1049/2001, filwaqt li l-ipproċessar tad-dejta personali mill-BEREC se jkun soġġett għar-Regolament (KE) Nru 45/2001. Dan jiddikjara wkoll li l-BEREC jista’ jkun involut f’attivitajiet tal-komunikazzjoni bl-inizjattiva tiegħu stess fl-oqsma ta’ kompetenza tiegħu.

    L-Artikolu 28 jirreferi għar-regoli tal-kunfidenzjalità li għandu jsegwi l-BEREC.

    L-Artikolu 29 jirreferi għar-regoli tas-sigurtà li jipproteġu l-informazzjoni klassifikata u l-informazzjoni sensittiva mhux klassifikata li għandu jadotta l-BEREC.

    L-Artikolu 30 jistipula li l-Kummissjoni u l-NRAs għandhom jagħtu l-informazzjoni lill-BEREC (u viċiversa). Dan jistipula wkoll li, bħala l-aħħar rimedju, il-BEREC jista’ jitlob xi informazzjoni neċessarja mingħand l-awtoritajiet u l-impriżi l-oħra.

    L-Artikolu 31 jistipula l-ħtieġa li l-membri tal-Bord Maniġerjali, id-Direttur Eżekuttiv, l-esperti nazzjonali sekondati u l-persunal l-ieħor li mhux impjegat mal-BEREC jiddikjaraw l-impenn tagħhom u l-assenza jew il-preżenza ta’ kull interess dirett jew indirett li jista’ jitqies li jippreġudika l-indipendenza tagħhom; u li dawn, flimkien mal-esperti esterni li jieħdu sehem fil-gruppi ta’ ħidma, jiddikjaraw kull interess li jista’ jitqies li jippreġudika l-indipendenza tagħhom fejn jidħlu l-punti li jkun hemm fl-aġenda.

    L-Artikolu 32 jistipula li l-BEREC jaderixxi mal-Ftehim Interistituzzjonali tal-25 ta’ Mejju 1999 dwar l-investigazzjonijiet interni mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (l-OLAF) u jadotta d-dispożizzjonijiet xierqa applikabbli għall-impjegati kollha tiegħu.

    L-Artikolu 33 jinkludi dispożizzjonijiet dwar ir-responsabbiltà kuntrattwali tal-BEREC.

    L-Artikolu 34 jistipula li l-attivitajiet tal-BEREC huma soġġetti għall-inkjesti tal-Ombudsman Ewropew skont l-Artikolu 228 tat-Trattat.

    L-Artikolu 35 jistipula li r-Regolament Nru 1/58 japplika għall-BEREC u li s-servizzi tat-traduzzjoni meħtieġa għall-funzjonament tal-BEREC jipprovidhom iċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi tal-UE.

    L-Artikolu 36 jirreferi għall-proċedura biex jiġu stabbiliti r-regoli ta’ proċedura tal-Bord tal-Appell, li għalihom il-Kummissjoni tingħata setgħat tal-implimentazzjoni.

    Il-Kapitolu VI “Dispożizzjonijiet tranżitorji u finali”

    L-Artikolu 37 jistipula l-ħtieġa li bejn il-BEREC u l-Istat Membru ospitanti jiġi konkluż Ftehim dwar il-Kwartieri Ġenerali. L-Istat Membru ospitanti tal-BEREC għandu jipprovdi l-kundizzjonijiet meħtieġa biex jiżgura li l-BEREC jaħdem bla intoppi u b’mod effiċjenti, inkluż is-servizzi ta’ skola multilingwi u orjentata lejn l-Ewropa u l-konnessjonijiet xierqa tat-trasport.

    L-Artikolu 38 jistipula li l-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni fi żmien ħames snin minn meta jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament, u mbagħad kull ħames snin wara dan, biex, b’konformità mal-linji gwida tal-Kummissjoni, tivvaluta l-prestazzjoni tal-BEREC fejn jidħlu l-għanijiet tiegħu u l-mandat, il-kompiti u l-postijiet tiegħu. Il-Kummissjoni għandha tgħaddi r-rapport fuq is-sejbiet tal-evalwazzjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Bord Maniġerjali, u dawn is-sejbiet għandhom jiġu ppubblikati.

    L-Artikolu 39 jistipula li l-BEREC jieħu post l-Uffiċċju stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 1211/2009 fejn jidħlu s-sjieda, il-ftehimiet, l-obbligi legali, il-kuntratti tal-impjiegi, u l-impenji u r-responsabbiltajiet finanzjarji kollha. Dan l-Artikolu jistabbilixxi wkoll dispożizzjonijiet tranżitorji dwar id-Direttur Amministrattiv li jaġixxi bħala Direttur Eżekuttiv interim, il-kuntratt tad-Direttur Amministrattiv, il-kompożizzjoni tal-Bord Maniġerjali u l-proċedura tal-kwittanza.

    L-Artikolu 40 jiddikjara li r-Regolament (KE) Nru 1211/2009 tħassar u li r-referenzi għalih u għall-Uffiċċju tal-BEREC għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għall-BEREC.

    L-Artikolu 41 jinkludi l-klawżola standard dwar id-dħul fis-seħħ tar-Regolament u jipprevedi l-applikazzjoni differita ta’ xi wħud mid-dispożizzjonijiet tiegħu.

    2016/0286 (COD)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    li jistabbilixxi l-Korp tar-Regolaturi Ewropej għall-Komunikazzjoni Elettronika

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 19 ,

    Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni 20 ,

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

    Billi:

    (1)Id-Direttiva [...] tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 21 (“id-Direttiva”), li tistabbilixxi għadd ta’ kompiti għall-Korp tar-Regolatori Ewropej għall-Komunikazzjoni Elettronika (“il-BEREC”), u d-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 22 għandhom l-għan li joħolqu suq intern għall-komunikazzjoni elettronika fl-Unjoni filwaqt li jiżguraw livell għoli ta’ investiment, ta’ innovazzjoni u ta’ protezzjoni tal-konsumaturi permezz ta’ tisħiħ fil-kompetizzjoni.

    (2)Fejn jidħol ir-roaming mal-Unjoni kollha, ir-Regolament (KE) Nru 531/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 23 jikkumplimenta u jappoġġa r-regoli previsti mill-qafas regolatorju tal-komunikazzjoni elettronika u jistabbilixxi ċerti kompiti għall-BEREC.

    (3)Ir-Regolament (UE) 2015/2120 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 24 jistabbilixxi regoli komuni biex jiġi ssalvagwardjat it-trattament indaqs u nondiskriminatorju tat-traffiku fil-forniment tas-servizzi tal-aċċess għall-internet u tad-drittijiet relatati tal-utenti finali, u joħloq mekkaniżmu ġdid ta’ prezzijiet bl-imnut għas-servizzi regolati tar-roaming mal-Unjoni kollha. Dan ir-Regolament jistabbilixxi kompiti addizzjonali għall-BEREC, b’mod partikolari l-ħruġ ta’ linji gwida fuq l-implimentazzjoni tal-obbligi tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali (“l-NRAs”) relatati mal-aċċess għall-internet miftuħ kif ukoll ir-rappurtar u l-konsultazzjoni dwar l-abbozzi ta’ atti ta’ implimentazzjoni li trid tadotta l-Kummissjoni b’rabta mar-roaming fl-Unjoni kollha.

    (4)Il-BEREC u l-Uffiċċju (“l-Uffiċċju tal-BEREC”) ġew stabbiliti bir-Regolament (KE) Nru 1211/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 25 . Il-BEREC ħa post il-Grupp ta’ Regolaturi Ewropej (l-“ERG”) 26 u kellu l-ħsieb li jikkontribwixxi għall-iżvilupp u għal funzjonament aħjar tas-suq intern għan-netwerks u għas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika billi jimmira li jiżgura implimentazzjoni konsistenti tal-qafas regolatorju tal-komunikazzjoni elettronika. L-Uffiċċju tal-BEREC ġie stabbilit bħala korp Komunitarju b’personalità ġuridika biex iwettaq il-kompiti msemmija fir-Regolament (KE) Nru 1211/2009, b’mod partikolari l-forniment ta’ servizzi ta’ appoġġ professjonali u amministrattiv lill-BEREC.

    (5)Fil-Komunikazzjoni tagħha tas-6 ta’ Mejju 2015 imsejħa “Strateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa” 27 , il-Kummissjoni pprevediet li fl-2016 kienet se tippreżenta proposti għal riforma ambizzjuża tal-qafas regolatorju tal-komunikazzjoni elettronika li, fost l-oħrajn, tkun tiffoka fuq qafas istituzzjonali regolatorju aktar effettiv ħalli r-regoli tat-telekomunikazzjoni jkunu jaqdu l-iskop tagħhom bħala parti mill-ħidma biex jinħolqu l-kundizzjonijiet it-tajba għas-Suq Uniku Diġitali. Dawn jinkludu l-introduzzjoni ta’ netwerks tal-konnettività b’kapaċità kbira ħafna, ġestjoni aktar koordinata tal-ispettru tar-radju għan-netwerks bla fili u t-tiswir ta’ kundizzjonijiet ekwi għan-netwerks diġitali avvanzati u s-servizzi innovattivi. Il-Komunikazzjoni tagħraf li billi l-ambjent tas-suq u l-ambjent teknoloġiku qed kulma jmur jinbidlu, hemm bżonn li jissaħħaħ il-qafas istituzzjonali billi jissaħħaħ ir-rwol tal-BEREC.

    (6)Fir-Riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta’ Jannar 2016 imsejħa “Lejn Att dwar is-Suq Uniku Diġitali”, il-Parlament Ewropew stieden lill-Kummissjoni biex tintegra aktar is-Suq Uniku Diġitali billi tiżgura li jkun hemm fis-seħħ qafas istituzzjonali aktar effiċjenti. Biex dan iseħħ iridu jissaħħu r-rwol, il-kapaċità u s-setgħat deċiżjonali tal-BEREC ħalli jkun jista’ jrawwem implimentazzjoni konsistenti tal-qafas regolatorju tal-komunikazzjoni elettronika, tkun tista’ ssir sorveljanza effikaċi tal-BEREC fejn jidħol l-iżvilupp tas-suq uniku, u jkun jista’ jgħin biex jissolva t-tilwim transfruntier. F’dan ir-rigward, il-Parlament Ewropew enfasizza wkoll il-ħtieġa li jitjiebu r-riżorsi finanzjarji u umani u li tkompli tissaħħaħ l-istruttura ta’ governanza tal-BEREC.

    (7)Il-BEREC u l-Uffiċċju tal-BEREC taw kontribut pożittiv għal implimentazzjoni konsistenti tal-qafas regolatorju tal-komunikazzjoni elettronika. Madankollu għad hemm differenzi sinifikanti bejn l-Istati Membri fejn tidħol il-prassi regolatorja. Barra minn hekk, l-istruttura ta’ governanza tal-BEREC u tal-Uffiċċju tal-BEREC mhix effiċjenti u toħloq piż amministrattiv bla bżonn. Biex ikunu żgurati l-kisbiet fl-effiċjenza u s-sinerġiji u biex jingħata kontribut addizzjonali għall-iżvilupp tas-suq intern tal-komunikazzjoni elettronika fl-Unjoni kollha kif ukoll għall-promozzjoni tal-aċċess għal konnettività tad-dejta b’kapaċità kbira ħafna u tal-adozzjoni tagħha, għall-promozzjoni tal-kompetizzjoni fil-forniment tan-netwerks, tas-servizzi u tal-faċilitajiet assoċjati tal-komunikazzjoni elettronika u għall-promozzjoni tal-interessi taċ-ċittadini tal-Unjoni, dan ir-Regolament għandu l-għan li jsaħħaħ ir-rwol tal-BEREC u li jtejjeb l-istruttura ta’ governanza tiegħu billi jistabbilixxi l-BEREC bħala aġenzija deċentralizzata tal-Unjoni. Dan jaqbel ukoll mal-ħtieġa li jiġi rifless ir-rwol imsaħħaħ ferm tal-BEREC skont ir-Regolament (KE) Nru 531/2012 li jistabbilixxi l-kompiti tal-BEREC rigward ir-roaming fl-Unjoni kollha, skont ir-Regolament (UE) 2015/2120 li jistabbilixxi l-kompiti tal-BEREC rigward l-aċċess għall-internet miftuħ u r-roaming fl-Unjoni kollha, u skont id-Direttiva li tistabbilixxi għadd sinifikanti ta’ kompiti ġodda għall-BEREC fosthom li joħroġ deċiżjonijiet u linji gwida dwar diversi suġġetti, li jibgħat rapporti dwar kwistjonijiet tekniċi, li jżomm reġistri u li jagħti opinjonijiet dwar il-proċeduri tas-suq intern għall-abbozzi tal-miżuri nazzjonali dwar ir-regolamentazzjoni tas-swieq kif ukoll dwar l-assenjamenti tad-drittijiet tal-użu tal-ispettru tar-radju.

    (8)Il-qafas regolatorju tal-komunikazzjoni elettronika jeħtieġ jiġi applikat b’mod konsistenti fl-Istati Membri kollha ħalli jirnexxi l-iżvilupp ta’ suq intern tal-komunikazzjoni elettronika fl-Unjoni kollha u ħalli jiġu promossi l-aċċess għal konnettività tad-dejta b’kapaċità kbira ħafna u l-adozzjoni tagħha, il-kompetizzjoni fil-forniment tan-netwerks, tas-servizzi u tal-faċilitajiet assoċjati tal-komunikazzjoni elettronika u l-interessi taċ-ċittadini tal-Unjoni. Fid-dawl tal-iżviluppi teknoloġiċi u tas-suq, li ħafna drabi jinvolvu dimensjoni transfruntiera akbar, u minħabba l-esperjenza li nkisbet s’issa fl-iżgurar ta’ implimentazzjoni konsistenti fil-qasam tal-komunikazzjoni elettronika, hu meħtieġ li wieħed jibni fuq il-ħidma tal-BEREC u tal-Uffiċċju tal-BEREC u jkompli jiżviluppahom f’aġenzija sħiħa u attrezzata għalkollox.

    (9)L-aġenzija għandha tiġi regolata u titħaddem b’konformità mal-prinċipji tad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni Ewropea tad-19 ta’ Lulju 2012 dwar l-aġenziji deċentralizzati (“l-Approċċ Komuni”) 28 . Minħabba l-identità viżiva stabbilita tal-BEREC u l-ispejjeż relatati ma’ bidla f’ismu, l-aġenzija l-ġdida se jibqa’ jisimha l-BEREC.

    (10)Il-BEREC, bħala korp tekniku b’għarfien espert dwar il-komunikazzjoni elettronika u magħmul minn rappreżentanti tal-NRAs u tal-Kummissjoni, hu fl-aħjar pożizzjoni biex jiġi fdat b’kompiti bħal pereżempju li jiddeċiedi fuq ċerti kwistjonijiet b’dimensjoni transfruntiera, li jikkontribwixxi għal proċeduri effiċjenti tas-suq intern għall-abbozzi tal-miżuri nazzjonali (kemm rigward ir-regolamentazzjoni tas-swieq kif ukoll rigward l-assenjamenti tad-drittijiet tal-użu tal-ispettru tar-radju), li jipprovdi l-linji gwida meħtieġa għall-NRAs biex ikunu żgurati kriterji komuni u approċċ regolatorju konsistenti, u li jżomm ċerti reġistri fil-livell tal-Unjoni. Dan hu mingħajr preġudizzju għall-kompiti stabbiliti għall-NRAs, li huma l-eqreb tas-swieq tal-komunikazzjoni elettronika u tal-kundizzjonijiet lokali tagħhom. Biex twettaq il-kompiti tagħha, l-aġenzija se tkun teħtieġ riżorsi finanzjarji u umani adegwati u se tkompli tiġbor l-għarfien espert tal-NRAs.

    (11)Mingħajr preġudizzju għar-rwol tagħhom, jekk ikun meħtieġ, il-BEREC għandu jitħalla jikkopera ma’ korpi, aġenziji, uffiċċji u gruppi konsultattivi oħra tal-Unjoni, b’mod partikolari mal-Grupp għall-Politika dwar l-Ispettru tar-Radju 29 , mal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta 30 , mal-Grupp tar-Regolaturi Ewropej għas-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva 31 u mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni 32 ; kif ukoll ma’ kumitati eżistenti (bħall-Kumitat tal-Komunikazzjoni u l-Kumitat tal-Ispettru tar-Radju). Dan għandu jitħalla jikkopera mal-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiżi terzi, b’mod partikolari mal-awtoritajiet regolatorji kompetenti fil-qasam tal-komunikazzjoni elettronika u/jew ma’ gruppi ta’ dawn l-awtoritajiet, kif ukoll mal-organizzazzjonijiet internazzjonali, meta dan ikun meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tiegħu.

    (12)Meta mqabbla mas-sitwazzjoni fil-passat, meta kellek Bord tar-Regolaturi u Kumitat Maniġerjali li kienu jmexxu b’mod parallel, il-fatt li jkun hemm bord uniku li jagħti orjentazzjonijiet ġenerali għall-attivitajiet tal-BEREC u li jiddeċiedi fuq kwistjonijiet regolatorji u operattivi u fuq kwistjonijiet ta’ ġestjoni amministrattiva u baġitarja għandu jgħin biex jitjiebu l-effiċjenza, il-koerenza u l-prestazzjoni tal-aġenzija. Għal dan il-għan, il-Bord Maniġerjali għandu jwettaq il-funzjonijiet rilevanti, u minbarra ż-żewġ rappreżentanti tal-Kummissjoni, dan għandu jkun jikkonsisti mill-Kap jew minn membru ieħor tal-korp kolleġġjali ta’ kull NRA, li huma protetti bir-rekwiżiti ta’ ċaħda.

    (13)Fil-passat is-setgħat tal-awtorità tal-ħatra kien jeżerċitahom il-Viċi President tal-Kumitat Maniġerjali tal-Uffiċċju tal-BEREC. Il-Bord Maniġerjali tal-aġenzija l-ġdida għandu jiddelega s-setgħat rilevanti tal-awtorità tal-ħatra lid-Direttur Eżekuttiv, li għandu jkun awtorizzat jissottodelega dawn is-setgħat. Dan jikkontribwixxi għal ġestjoni effiċjenti tal-persunal tal-BEREC u jiżgura li l-Kumitat Maniġerjali, il-President u l-Viċi President ikunu jistgħu jikkonċentraw fuq xogħolhom.

    (14)Fil-passat, il-mandat tal-President u tal-Viċi Presidenti tal-Bord tar-Regolaturi kien ta’ sena. Minħabba l-kompiti addizzjonali assenjati lill-BEREC u l-ħtieġa li tkun żgurata programmazzjoni annwali u pluriennali tal-attivitajiet tiegħu, hu kruċjali li jkun żgurat li l-President u l-Viċi President ikollhom mandat stabbli u fit-tul.

    (15)Mill-anqas, il-Bord Maniġerjali għandu jiltaqa’ darbtejn fis-sena għal sessjoni ordinarja. Mill-esperjenza tal-imgħoddi u billi żdied ir-rwol tal-BEREC, il-Bord Maniġerjali jaf ikun jeħtieġ jiltaqa’ aktar drabi.

    (16)Id-Direttur Eżekuttiv, li se jkun ir-rappreżentant legali tal-BEREC, jaqdi rwol kruċjali għall-funzjonament adegwat tal-aġenzija l-ġdida u għall-implimentazzjoni tal-kompiti assenjati lilha. Il-Bord Maniġerjali għandu jaħtru minn lista mfassla mill-Kummissjoni wara proċedura tal-għażla miftuħa u trasparenti sabiex tkun żgurata evalwazzjoni bir-reqqa tal-kandidati u livell għoli ta’ indipendenza. Barra minn hekk, fl-imgħoddi, il-mandat tad-Direttur Amministrattiv tal-Uffiċċju tal-BEREC kien ta’ tliet snin. Jeħtieġ li d-Direttur Eżekuttiv ikollu mandat twil biżżejjed biex ikunu żgurati l-istabbiltà u t-twassil ta’ strateġija fit-tul għall-aġenzija.

    (17)Mill-esperjenza jidher li ħafna mill-kompiti tal-BEREC jitwettqu aħjar bi gruppi ta’ ħidma, u għalhekk il-Bord Maniġerjali għandu jkun responsabbli biex iwaqqaf gruppi ta’ ħidma u biex jaħtar il-membri tagħhom. Biex ikun żgurat approċċ bilanċjat, il-gruppi ta’ ħidma għandhom jiġu kkoordinati u mmexxija minn membri tal-persunal tal-BEREC. Il-listi ta’ esperti kwalifikati għandhom jitħejjew minn qabel biex ikun żgurat li ċerti gruppi ta’ ħidma jitwaqqfu malajr, b’mod partikolari dawk relatati mal-proċeduri tas-suq intern għall-abbozzi tal-miżuri nazzjonali dwar ir-regolamentazzjoni tas-swieq u dwar l-assenjamenti tad-drittijiet tal-użu tal-ispettru tar-radju, minħabba l-limiti taż-żmien ta’ dawk il-proċeduri.

    (18)Billi l-BEREC hu kompetenti biex jieħu deċiżjonijiet b’effett vinkolanti, jeħtieġ ikun żgurat li kull persuna naturali jew ġurifika soġġetta għal deċiżjoni tal-BEREC jew ikkonċernata minnha, jkollha d-dritt tappella quddiem il-Bord tal-Appell, li hu parti mill-aġenzija iżda li huwa indipendenti mill-istruttura amministrattiva u regolatorja tagħha. Billi d-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Appell huma maħsuba biex jipproduċu effetti legali għal partijiet terzi, jista’ jitressaq rikors għal stħarriġ tal-legalità tagħhom quddiem il-Qorti Ġenerali. Biex ikunu żgurati kundizzjonijiet uniformi fejn jidħlu r-regoli ta’ proċedura tal-Bord tal-Appell, is-setgħat ta’ implimentazzjoni għandhom jingħataw lill-Kummissjoni. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 33 .

    (19)Għall-BEREC għandu japplika r-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 34 .

    (20)Biex tkun żgurata l-awtonomija tal-BEREC, dan għandu jkollu l-baġit tiegħu li essenzjalment ħafna minnu jkun ġej minn kontribuzzjoni tal-Unjoni. Il-finanzjament tal-BEREC għandu jkun soġġett għal ftehim mill-awtorità baġitarja kif stabbilit fil-punt 31 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar id-dixxiplina baġitarja, dwar il-koperazzjoni f’materji baġitarji u dwar il-ġestjoni finanzjarja soda 35 .

    (21)Il-BEREC għandu jkun indipendenti fejn jidħlu materji operattivi u tekniċi u għandu jkollu awtonomija legali, amministrattiva u finanzjarja. Għal dak il-għan, jeħtieġ u jixraq li l-BEREC ikun korp tal-Unjoni b’personalità ġuridika u li jeżerċita s-setgħat mogħtija lilu.

    (22)Bħala aġenzija deċentralizzata tal-Unjoni, il-BEREC għandu jopera skont il-mandat tiegħu u skont il-qafas istituzzjonali eżistenti. Dan ma għandux jitqies li jirrappreżenta xi pożizzjoni tal-Unjoni quddiem xi udjenza barranija jew li jorbot lill-Unjoni b’obbligi legali.

    (23)Biex tkompli titwessa’ l-implimentazzjoni konsistenti tad-dispożizzjonijiet tal-qafas regolatorju tal-komunikazzjoni elettronika fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-BEREC, l-aġenzija l-ġdida għandha tkun miftuħa għall-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet regolatorji tal-pajjiżi terzi li huma kompetenti fil-qasam tal-komunikazzjoni elettronika u li għamlu ftehimiet mal-Unjoni għal dak l-iskop, b’mod partikolari dawk mill-Istati tal-EFTA taż-ŻEE u mill-pajjiżi kandidati.

    (24)Il-BEREC għandu jitħalla jwettaq attivitajiet ta’ komunikazzjoni fil-qasam ta’ kompetenza tiegħu, li ma għandhomx ikunu ta’ detriment għall-kompiti ewlenin tiegħu u li għandhom isiru skont il-pjanijiet rilevanti tal-komunikazzjoni u tat-tixrid adottati mill-Bord Maniġerjali. Il-kontenut u l-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-komunikazzjoni tal-BEREC għandhom ikunu koerenti, rilevanti u kkoordinati mal-istrateġiji u mal-attivitajiet tal-Kummissjoni u tal-istituzzjonijiet l-oħra ħalli titqies l-identità viżiva usa’ tal-Unjoni.

    (25)Biex iwettaq il-kompiti tiegħu b’mod effettiv, il-BEREC għandu jkollu d-dritt jitlob l-informazzjoni kollha meħtieġa mingħand il-Kummissjoni, mingħand l-NRAs u, bħala l-aħħar rimedju, mingħand awtoritajiet u impriżi oħrajn. It-talbiet għall-informazzjoni għandhom ikunu proporzjonati u ma għandhomx jimponu xi piż żejjed fuq id-destinatarji. L-NRAs, li huma l-eqreb tas-swieq tal-komunikazzjoni elettronika, għandhom jikkoperaw mal-BEREC u jgħaddulu informazzjoni preċiża u fil-ħin biex jiżguraw li dan ikun jista’ jwettaq il-mandat tiegħu. Barra minn hekk, il-BEREC għandu jaqsam l-informazzjoni meħtieġa mal-Kummissjoni u mal-NRAs bil-prinċipju tal-koperazzjoni leali.

    (26)Billi l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri l-ħtieġa li tkun żgurata implimentazzjoni konsistenti tal-qafas regolatorju tal-komunikazzjoni elettronika fil-kamp ta’ applikazzjoni definit, b’mod partikolari b’rabta mal-aspetti transfruntiera u permezz ta’ proċeduri effiċjenti tas-suq intern għall-abbozzi tal-miżuri nazzjonali, ma jistgħux jintlaħqu biżżejjed fil-livell tal-Istati Membri, u għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni, jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri b’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. B’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit fl-istess Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

    (27)Dan ir-Regolament għandu l-għan li jemenda u li jwessa’ d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1211/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Billi l-emendi li jridu jsiru għandhom natura sostanzjali, dak l-att għandu jinbidel u jitħassar fl-interess taċ-ċarezza. Ir-referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jitqiesu bħala referenzi għal dan ir-Regolament.

    (28)L-Uffiċċju tal-BEREC, li ġie stabbilit bħala korp Komunitarju b’personalità ġuridika skont ir-Regolament (KE) Nru 1211/2009, qed jinbidel bil-BEREC fejn jidħlu s-sjieda, il-ftehimiet, l-obbligi legali, il-kuntratti tal-impjiegi, u l-impenji u r-responsabbiltajiet finanzjarji kollha. Il-BEREC għandu jingaġġa l-persunal tal-Uffiċċju tal-BEREC li d-drittijiet u l-obbligi tiegħu ma għandhomx jintlaqtu,

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    Il-Kapitolu I

    Għanijiet u kompiti

    Artikolu 1

    L-istabbiliment u l-għanijiet

    1. B’dan qed jiġi stabbilit il-Korp tar-Regolaturi Ewropej għall-Komunikazzjoni Elettronika (“il-BEREC”).

    2. Il-BEREC għandu jaġixxi fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva [...], tad-Direttiva 2002/58/KE, tar-Regolament (KE) Nru 531/2012, tar-Regolament (UE) 2015/2120 u tad-Deċiżjoni 243/2012/UE 36 (il-Programm tal-Politika tal-Ispettru tar-Radju).

    Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjonijiet stabbiliti f’dawk id-Direttivi u r-Regolamenti u f’dik id-Deċiżjoni.

    3. Il-BEREC għandu jsegwi l-istess għanijiet bħal dawk tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali (“l-NRAs”) imsemmija fl-Artikolu 3 tad-Direttiva. B’mod partikolari, il-BEREC għandu jiżgura implimentazzjoni konsistenti tal-qafas regolatorju tal-komunikazzjoni elettronika fil-kamp ta’ applikazzjoni msemmi fil-paragrafu 2 u b’hekk jikkontribwixxi għall-iżvilupp tas-suq intern. Barra minn hekk, dan għandu jippromwovi l-aċċess għal konnettività tad-dejta b’kapaċità kbira ħafna, u l-adozzjoni tagħha; il-kompetizzjoni fil-forniment tan-netwerks, tas-servizzi u tal-faċilitajiet assoċjati tal-komunikazzjoni elettronika; u l-interessi taċ-ċittadini tal-Unjoni.

    Artikolu 2

    Il-kompiti

    1. Il-kompiti tal-BEREC għandhom ikunu li:

    (a)jassisti, jagħti pariri u jikkopera mal-Kummissjoni u mal-NRAs, meta jintalab jew bl-inizjattiva tiegħu stess, fuq kull materja teknika fil-mandat tiegħu, u li jgħin u jagħti pariri lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, meta jintalab jagħmel dan;

    (b)joħroġ deċiżjonijiet:

    fuq l-identifikazzjoni tas-swieq transnazzjonali b’konformità mal-Artikolu 63 tad-Direttiva;

    fuq mudell għall-kuntratti fil-qosor, b’konformità mal-Artikolu 95 tad-Direttiva;

    (c)jiżviluppa mudell ekonomiku biex jgħin lill-Kummissjoni tiddetermina r-rati massimi ta’ terminazzjoni fl-Unjoni b’konformità mal-Artikolu 73 tad-Direttiva;

    (d)jagħti opinjonijiet kif imsemmi fid-Direttiva u fir-Regolament (UE) Nru 531/2012, b’mod partikolari:

    fuq ir-riżoluzzjoni tat-tilwim transfruntier b’konformità mal-Artikolu 27 tad-Direttiva;

    fuq l-abbozzi tal-miżuri nazzjonali relatati mal-proċeduri tas-suq intern għar-regolamentazzjoni tas-swieq b’konformità mal-Artikoli 32, 33 u 66 tad-Direttiva;

    fuq l-abbozzi tal-miżuri nazzjonali relatati mal-proċeduri tas-suq intern għall-evalwazzjoni bejn il-pari tal-ispettru tar-radju b’konformità mal-Artikolu 35 tad-Direttiva;

    fuq l-abbozzi tad-deċiżjonijiet u tar-rakkomandazzjonijiet dwar l-armonizzazzjoni b’konformità mal-Artikolu 38 tad-Direttiva;

    (e)joħroġ linji gwida kif imsemmi fid-Direttiva, fir-Regolament (KE) Nru 531/2012 u fir-Regolament (UE) 2015/2120:

    fuq l-implimentazzjoni tal-obbligi tal-NRAs fejn jidħlu l-istħarriġiet ġeografiċi b’konformità mal-Artikolu 22 tad-Direttiva;

    fuq approċċi komuni biex jiġi identifikat il-punt tat-terminazzjoni tan-netwerk f’topoloġiji differenti tan-netwerk b’konformità mal-Artikolu 59 tad-Direttiva;

    fuq approċċi komuni biex tintlaħaq id-domanda tal-utenti finali transnazzjonali b’konformità mal-Artikolu 64 tad-Direttiva;

    fuq il-kriterji minimi għal offerta ta’ referenza b’konformità mal-Artikolu 67 tad-Direttiva;

    fuq id-dettalji tekniċi tal-mudell tal-ispejjeż li għandhom japplikaw l-NRAs meta jiġu biex jistabbilixxu r-rati massimi simetriċi ta’ terminazzjoni b’konformità mal-Artikolu 73 tad-Direttiva;

    fuq kriterji komuni għall-valutazzjoni tal-kapaċità tal-ġestjoni tar-riżorsi tan-numerazzjoni u tar-riskju ta’ eżawriment tar-riżorsi tan-numerazzjoni b’konformità mal-Artikolu 87 tad-Direttiva;

    fuq il-parametri rilevanti tal-kwalità tas-servizz u l-metodi tal-kejl applikabbli b’konformità mal-Artikolu 97 tad-Direttiva;

    fuq l-implimentazzjoni tal-obbligi tal-NRAs fejn jidħol l-aċċess għall-internet miftuħ b’konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2015/2120;

    fuq l-aċċess għar-roaming bl-ingrossa b’konformità mal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 531/2012.

    2. Il-kompiti tal-BEREC huma wkoll li:

    (a)jissorvelja u jikkoordina l-azzjoni tal-NRAs biex japplikaw ir-Regolament (UE) Nru 531/2012, b’mod partikolari fejn jidħol il-forniment ta’ servizzi regolati tar-roaming għall-konsumaturi bi prezzijiet domestiċi fl-interess tal-utenti finali;

    (b)jirrapporta fuq kwistjonijiet tekniċi fil-kompetenza tiegħu, b’mod partikolari:

    fuq l-applikazzjoni prattika tal-opinjonijiet u tal-linji gwida msemmija fl-Artikolu 2(1)(d) u 2(1)(e);

    fuq il-livell tal-interoperabbiltà bejn is-servizzi tal-komunikazzjoni interpersonali, it-theddid għall-aċċess effettiv għas-servizzi ta’ emerġenza jew għall-konnettività minn tarf sa tarf bejn l-utenti finali b’konformità mal-Artikolu 59 tad-Direttiva;

    fuq l-iżvilupp tat-tariffi bl-imnut u bl-ingrossa għas-servizzi tar-roaming u fuq it-trasparenza u l-komparabbiltà tat-tariffi b’konformità mal-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 531/2012;

    fuq is-sejbiet tar-rapporti annwali li l-NRAs għandhom jipprovdu b’konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2015/2120, bil-pubblikazzjoni ta’ rapport annwali ta’ sinteżi;

    (c)jagħti rakkomandazzjonijiet u jippreżenta l-aqwa prattiki għall-NRAs biex iħeġġeġ implimentazzjoni konsistenti f’kull materja teknika fil-mandat tiegħu;

    (d)iżomm reġistru ta’:

    l-impriżi li jipprovdu netwerks u servizzi tal-komunikazzjoni elettronika b’konformità mal-Artikolu 12 tad-Direttiva. Barra minn hekk, il-BEREC għandu joħroġ dikjarazzjonijiet standardizzati fuq in-notifiki mill-impriżi b’konformità mal-Artikolu 14 tad-Direttiva;

    in-numri bi dritt ta’ użu ekstraterritorjali b’konformità mal-Artikolu 87 tad-Direttiva;

    (e)iwettaq kompiti oħrajn li jeżiġu minnu l-atti legali tal-Unjoni, b’mod partikolari d-Direttiva, ir-Regolament (KE) Nru 531/2012 u r-Regolament (UE) 2015/2120.

    3. Mingħajr preġudizzju għall-konformità mal-liġi rilevanti tal-Unjoni, l-NRAs għandhom jikkonformaw ma’ kull deċiżjoni u jqisu bis-sħiħ l-opinjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet, il-linji gwida u l-aqwa prattiki li jadotta l-BEREC biex jiżgura implimentazzjoni konsistenti tal-qafas regolatorju tal-komunikazzjoni elettronika fil-kamp ta’ applikazzjoni msemmi fl-Artikolu 1(2).

    4. Sa kemm ikun meħtieġ biex jilħaq l-għanijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament u biex iwettaq il-kompiti tiegħu, il-BEREC jista’ jikkopera mal-korpi, mal-aġenziji, mal-uffiċċji u mal-gruppi konsultattivi kompetenti tal-Unjoni, mal-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiżi terzi u/jew mal-organizzazzjonijiet internazzjonali, b’konformità mal-Artikolu 26.

    Il-Kapitolu II

    L-organizzazzjoni

    Artikolu 3

    L-istruttura amministrattiva u maniġerjali

    1. L-istruttura amministrattiva u maniġerjali tas-BEREC għandha tinkludi:

    Bord Maniġerjali li għandu jeżerċita l-funzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5;

    Direttur Eżekuttiv li għandu jeżerċita r-responsabbiltajiet stabbiliti fl-Artikolu 9;

    Gruppi ta’ Ħidma;

    Bord tal-Appell.

    It-Taqsima 1

    Il-Bord Maniġerjali

    Artikolu 4

    Il-kompożizzjoni tal-Bord Maniġerjali

    1. Il-Bord Maniġerjali għandu jkun magħmul minn rappreżentant wieħed minn kull Stat Membru u minn żewġ rappreżentanti mill-Kummissjoni, ilkoll bid-dritt tal-vot. Kull NRA għandha tkun responsabbli biex taħtar ir-rappreżentant rispettiv tagħha minn fost il-Kap jew il-membri tal-korp kolleġġjali tagħha.

    Fil-każ ta’ Stati Membri li għandhom aktar minn NRA waħda li hija responsabbli skont id-Direttiva, dawk l-awtoritajiet għandhom jiftiehmu fuq rappreżentant komuni u għandha tkun żgurata l-koordinazzjoni meħtieġa bejn l-NRAs.

    2. Kull membru tal-Bord Maniġerjali għandu jkollu sostitut. Is-sostitut għandu jirrappreżenta lill-membru meta dan ikun assenti. Kull NRA għandha tkun responsabbli biex taħtar sostitut minn fost il-Kapijiet, il-membri tal-korp kolleġġjali u l-persunal tagħha.

    3. Il-membri tal-Bord Maniġerjali u s-sostituti tagħhom għandhom jinħatru fid-dawl tal-għarfien tagħhom fil-qasam tal-komunikazzjoni elettronika, filwaqt li jitqiesu l-ħiliet maniġerjali, amministrattivi u baġitarji tagħhom. Kull parti rrappreżentata fil-Bord Maniġerjali għandha tagħmel ħilitha biex tillimita d-dawrien tar-rappreżentanti tagħha, ħalli tkun żgurata l-kontinwità tal-ħidma tal-bord. Il-partijiet kollha għandhom jimmiraw li jiksbu rappreżentanza bilanċjata bejn l-irġiel u n-nisa fil-Bord Maniġerjali.

    4. Il-mandat tal-membri u tas-sostituti tagħhom għandu jkun erba’ snin. Dan il-mandat għandu jkun jista’ jiġi estiż.

    Artikolu 5

    Il-funzjonijiet tal-Bord Maniġerjali

    1. Il-Bord Maniġerjali għandu:

    (a)jagħti l-orjentazzjoni ġenerali għall-attivitajiet tal-BEREC u kull sena jadotta d-dokument uniku tal-programmazzjoni tal-BEREC b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri bid-dritt tal-vot, filwaqt li jqis l-opinjoni tal-Kummissjoni u b’konformità mal-Artikolu 15;

    (b)jadotta l-baġit annwali tal-BEREC b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri tiegħu bid-dritt tal-vot u jeżerċita funzjonijiet oħrajn fir-rigward tal-baġit tal-BEREC b’konformità mal-Kapitolu III;

    (c)jadotta r-rapport konsolidat tal-attività annwali dwar l-attivitajiet tal-BEREC u jagħmel valutazzjoni tiegħu, u sal-1 ta’ Lulju ta’ kull sena jibgħathom it-tnejn (ir-rapport u l-valutazzjoni) lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri. Ir-rapport konsolidat tal-attività annwali għandu jiġi ppubblikat;

    (d)jadotta r-regoli finanzjarji applikabbli għall-BEREC b’konformità mal-Artikolu 20;

    (e)jadotta strateġija għal kontra l-frodi, li tkun proporzjonata mar-riskji tal-frodi, filwaqt li jqis l-ispejjeż u l-benefiċċji tal-miżuri li jridu jiġu implimentati;

    (f)jiżgura segwitu xieraq għas-sejbiet u għar-rakkomandazzjonijiet li joħorġu mir-rapporti interni u esterni tal-awditjar u mill-evalwazzjonijiet, kif ukoll mill-investigazzjonijiet tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (l-OLAF);

    (g)jadotta regoli għall-prevenzjoni u għall-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess kif imsemmi fl-Artikolu 31, kif ukoll fir-rigward tal-membri tal-Bord tal-Appell;

    (h)abbażi ta’ analiżi tal-ħtiġijiet, jadotta l-pjanijiet tal-komunikazzjoni u tat-tixrid imsemmija fl-Artikolu 27 u jaġġornahom regolarment;

    (i)jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu;

    (j)fir-rigward tal-persunal tal-BEREC, b’konformità mal-paragrafu 2, jeżerċita s-setgħat mogħtija lilu mir-Regolamenti tal-Persunal dwar l-Awtorità tal-Ħatra u mill-Kundizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra fuq l-Awtorità bis-Setgħa biex Tikkonkludi Kuntratti tal-Impjieg 37 (“is-setgħat tal-awtorità tal-ħatra”);

    (k)jadotta regoli ta’ implimentazzjoni biex jiġu applikati r-Regolamenti tal-Persunal u l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra b’konformità mal-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal;

    (l)jawtorizza l-konklużjoni ta’ arranġamenti ta’ ħidma mal-korpi, mal-aġenziji, mal-uffiċċji u mal-gruppi konsultattivi kompetenti tal-Unjoni, mal-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiżi terzi u/jew mal-organizzazzjonijiet internazzjonali b’konformità mal-Artikolu 26;

    (m)jaħtar lid-Direttur Eżekuttiv u, meta jkun xieraq, jestendi jew iwaqqaf il-mandat tiegħu b’konformità mal-Artikolu 22;

    (n)jaħtar Uffiċjal tal-Kontabbiltà, soġġett għar-Regolamenti tal-Persunal u għall-Kundizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra, li għandu jkun indipendenti għalkollox fil-qadi ta’ dmirijietu; Il-BEREC jista’ jaħtar Uffiċjal tal-Kontabbiltà tal-Kummissjoni bħala l-Uffiċjal tal-Kontabbiltà tiegħu;

    (o)jaħtar lill-membri tal-Bord(ijiet) tal-Appell;

    (p)jieħu kull deċiżjoni dwar l-istabbiliment tal-istrutturi interni tal-BEREC, u meta jkun meħtieġ, dwar il-modifika tagħhom, filwaqt li jqis il-ħtiġijiet tal-attività tal-BEREC kif ukoll il-ġestjoni baġitarja soda.

    2. B’konformità mal-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal, il-Bord Maniġerjali għandu jadotta deċiżjoni bbażata fuq l-Artikolu 2(1) tar-Regolamenti tal-Persunal u fuq l-Artikolu 6 tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra, li biha jiddelega s-setgħat rilevanti tal-awtorità tal-ħatra lid-Direttur Eżekuttiv u li fiha jiddefinixxi l-kundizzjonijiet li bihom tkun tista’ tiġi sospiża din id-delega tas-setgħat. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun awtorizzat jissottodelega dawk is-setgħat.

    Meta ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali jeħtieġu dan, il-Bord Maniġerjali b’deċiżjoni jista’ jissospendi temporanjament id-delega tas-setgħat tal-awtorità tal-ħatra lid-Direttur Eżekuttiv u dawk is-setgħat sottodelegati minnu u jeżerċitahom hu stess jew jiddelegahom lil wieħed mill-membri tiegħu jew lil membru tal-persunal ieħor li mhux id-Direttur Eżekuttiv.

    Artikolu 6

    Il-President u l-Viċi President tal-Bord Maniġerjali

    1. Il-Bord Maniġerjali għandu jeleġġi President u Viċi President minn fost il-membri bid-dritt tal-vot li jirrappreżentaw lill-Istati Membri. Il-President u l-Viċi President għandhom jiġu eletti b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri tal-Bord Maniġerjali bid-dritt tal-vot.

    2. B’mod awtomatiku, il-Viċi President għandu jieħu post il-President meta dan ma jkunx jista’ jaqdi dmirijietu.

    3. Il-mandat tal-President u tal-Viċi President għandu jkun erba’ snin, ħlief għall-ewwel mandat tal-Viċi President elett wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, li għandu jkun ta’ sentejn. Il-mandat tagħhom jista’ jiġġedded darba.

    Artikolu 7

    Il-laqgħat tal-Bord Maniġerjali

    1. Il-laqgħat tal-Bord Maniġerjali għandu jsejjaħhom il-President.

    2. Id-Direttur Eżekuttiv tal-BEREC għandu jieħu sehem fid-deliberazzjonijiet, mingħajr id-dritt tal-vot.

    3. Mill-anqas, il-Bord Maniġerjali għandu jiltaqa’ darbtejn fis-sena għal sessjoni ordinarja. Barra minn hekk, dan għandu jiltaqa’ bl-inizjattiva tal-President, meta titolbu l-Kummissjoni jew meta jintalab jagħmel hekk mill-inqas minn terz mill-membri tiegħu.

    4. Il-Bord Maniġerjali jista’ jistieden lil kull persuna b’opinjoni li tista’ tkun ta’ interess biex tattendi l-laqgħat tiegħu bħala osservatur.

    5. Waqt il-laqgħat, skont ir-regoli ta’ proċedura tiegħu, il-membri u s-sostituti tal-Bord Maniġerjali jistgħu jiġu assistiti minn konsulenti jew esperti.

    6. Il-BEREC għandu jipprovdi s-segretarjat għall-Bord Maniġerjali.

    Artikolu 8

    Ir-regoli tal-votazzjoni tal-Bord Maniġerjali

    1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 5(1)(a) u (b) u 22(8), il-Bord Maniġerjali għandu jieħu d-deċiżjonijiet b’maġġoranza tal-membri bid-dritt tal-vot.

    2. Kull membru bid-dritt tal-vot għandu jkollu vot wieħed. Meta membru bid-dritt tal-vot ikun assenti, is-sostitut tiegħu għandu jkun intitolat jeżerċita d-dritt tal-vot tiegħu.

    3. Il-President ma għandux jieħu sehem fil-votazzjoni.

    4. Id-Direttur Eżekuttiv ma għandux jieħu sehem fil-votazzjoni.

    5. Ir-regoli ta’ proċedura tal-Bord Maniġerjali għandhom jistabbilixxu l-arranġamenti tal-votazzjoni aktar fid-dettall, b’mod partikolari ċ-ċirkostanzi meta membru jkun jista’ jaġixxi f’isem membru ieħor.

    It-Taqsima 2

    Id-Direttur Eżekuttiv

    Artikolu 9

    Ir-responsabbiltajiet tad-Direttur Eżekuttiv

    1. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jimmaniġġja l-BEREC. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jagħti rendikont ta’ għemilu lill-Bord Maniġerjali.

    2. Mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Kummissjoni u tal-Bord Maniġerjali, id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun indipendenti fil-qadi ta’ dmirijietu u la għandu jfittex u lanqas jieħu struzzjonijiet mingħand xi gvern, istituzzjoni, persuna jew korp ieħor.

    3. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jibgħat rapport lill-Parlament Ewropew dwar il-qadi ta’ dmirijietu meta jintalab jagħmel dan. Il-Kunsill jista’ jistieden lid-Direttur Eżekuttiv jibgħatlu rapport dwar il-qadi ta’ dmirijietu.

    4. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun ir-rappreżentant legali tal-BEREC.

    5. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-kompiti tal-BEREC. B’mod partikolari, id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun responsabbli biex:

    (a)iwettaq l-amministrazzjoni ta’ kuljum tal-BEREC;

    (b)jimplimenta d-deċiżjonijiet adottati mill-Bord Maniġerjali;

    (c)iħejji d-dokument uniku tal-programmazzjoni u jippreżentah lill-Bord Maniġerjali;

    (d)jimplimenta d-dokument uniku tal-programmazzjoni u jibgħat rapport lill-Bord Maniġerjali fuq l-implimentazzjoni tiegħu;

    (e)iħejji r-rapport konsolidat annwali tal-attivitajiet tal-BEREC u jippreżentah lill-Bord Maniġerjali għall-valutazzjoni u l-adozzjoni;

    (f)iħejji pjan ta’ azzjoni li jsegwi l-konklużjonijiet tar-rapporti interni jew esterni tal-awditjar u tal-evalwazzjonijiet, kif ukoll tal-investigazzjonijiet tal-OLAF, u jibgħat rapport fuq il-progress dwarhom darbtejn fis-sena lill-Kummissjoni u b’mod regolari lill-Bord Maniġerjali;

    (g)iħares l-interessi finanzjarji tal-Unjoni billi japplika miżuri preventivi kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kull attività illegali oħra, billi jwettaq kontrolli effettivi u, jekk jinstabu xi irregolaritajiet, billi jirkupra l-ammonti li jkunu tħallsu bi żball u, meta jkun xieraq, billi jimponi miżuri amministrattivi li jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi, inkluż penali finanzjarji;

    (h)iħejji strateġija għal kontra l-frodi għall-BEREC u jippreżentaha lill-Bord Maniġerjali għall-approvazzjoni;

    (i)iħejji l-abbozzi tar-regoli finanzjarji applikabbli għall-BEREC;

    (j)iħejji l-abbozz tad-dikjarazzjoni tal-istimi tad-dħul u tan-nefqa tal-BEREC u jimplimenta l-baġit tiegħu.

    6. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun responsabbli wkoll biex jiddeċiedi jekk, għall-fini li jitwettqu l-kompiti tal-BEREC b’mod effiċjenti u effettiv, ikunx meħtieġ li wieħed jew aktar mill-persunal tiegħu jintbagħat f’xi Stat Membru wieħed jew aktar. Id-deċiżjoni li jiġi stabbilit uffiċċju lokali teħtieġ il-kunsens bil-quddiem tal-Kummissjoni, tal-Bord Maniġerjali u tal-Istati Membri kkonċernati. Din id-deċiżjoni għandha tispeċifika l-kamp ta’ applikazzjoni tal-attivitajiet li jridu jitwettqu f’dak l-uffiċċju lokali b’mod li jkunu evitati l-ispejjeż żejda u d-duplikazzjoni tal-funzjonijiet amministrattivi tal-BEREC.

    It-Taqsima 3

    Il-gruppi ta’ ħidma

    Artikolu 10

    Il-funzjonament tal-gruppi ta’ ħidma

    1. Meta jkun ġustifikat u, b’mod partikulari, biex jimplimenta l-programm ta’ ħidma tal-BEREC, il-Bord Maniġerjali jista’ jwaqqaf il-gruppi ta’ ħidma meħtieġa.

    2. Il-Bord Maniġerjali għandu jaħtar lill-membri tal-gruppi ta’ ħidma, li jitsgħu jinkludu esperti mill-NRAs, mill-Kummissjoni, mill-persunal tal-BEREC u mill-NRAs tal-pajjiżi terzi li jkunu qed jieħdu sehem fil-ħidma tal-BEREC.

    Fil-każ tal-gruppi ta’ ħidma li jitwaqqfu biex iwettqu l-kompiti msemmija fit-tielet inċiż tal-Artikolu 2(1)(d), il-membri tagħhom għandhom jinħatru mil-listi ta’ esperti kwalifikati pprovduti mill-NRAs, mill-Kummissjoni u mid-Direttur Eżekuttiv.

    Fil-każ tal-gruppi ta’ ħidma li jitwaqqfu biex iwettqu l-kompiti msemmija fit-tieni inċiż tal-Artikolu 2(1)(d), il-membri tagħhom għandhom jinħatru esklussivament mil-listi ta’ esperti kwalifikati pprovduti mill-NRAs u mid-Direttur Eżekuttiv.

    Jekk ikun meħtieġ skont il-każ, il-Bord Maniġerjali jista’ jistieden lil esperti individwali magħrufa għall-kompetenza tagħhom fil-qasam rilevanti biex jieħdu sehem fil-gruppi ta’ ħidma.

    3. Il-gruppi ta’ ħidma għandu jikkoordinahom u jmexxihom wieħed mill-membri tal-persunal tal-BEREC, li għandu jinħatar skont ir-regoli ta’ proċedura interni.

    4. Il-Bord Maniġerjali għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura interni li jistipulaw l-arranġamenti prattiċi għall-funzjonament tal-gruppi ta’ ħidma.

    5. Il-BEREC għandu jipprovdi appoġġ lill-gruppi ta’ ħidma.

    It-Taqsima 4

    Il-Bord tal-Appell

    Artikolu 11

    L-istabbiliment u l-kompożizzjoni tal-Bord tal-Appell

    1. Il-BEREC għandu jistabbilixxi Bord tal-Appell wieħed.

    2. Il-Bord tal-Appell għandu jkun magħmul minn President u minn żewġ membri oħra. Kull membru tal-Bord Maniġerjali għandu jkollu sostitut. Is-sostitut għandu jirrappreżenta lill-membru meta dan ikun assenti.

    3. Il-Bord Maniġerjali għandu jaħtar lill-President, lill-membri l-oħra u lis-sostituti tagħhom minn lista ta’ kandidati kwalifikati stabbilita mill-Kummissjoni.

    4. Meta l-Bord tal-Appell jidhirlu li n-natura tal-appell tkun titlob dan, jista’ jitlob lill-Bord Maniġerjali jaħtar żewġ membri addizzjonali u s-sostituti tagħhom mil-lista msemmija fil-paragrafu 3.

    5. Bi proposta tal-BEREC, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi r-regoli ta’ proċedura tal-Bord tal-Appell, wara li tkun ikkonsultat lill-Bord Maniġerjali u b’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 36(2).

    Artikolu 12

    Il-membri tal-Bord tal-Appell

    1. Il-mandat tal-membri u tas-sostituti tal-Bord tal-Appell għandu jkun erba’ snin. Il-Bord Maniġerjali jista’ jġedded il-mandat tagħhom għal perjodu ta’ erba’ snin oħra bi proposta tal-Kummissjoni.

    2. Il-membri tal-Bord tal-Appell għandhom ikunu indipendenti u ma għandhomx iwettqu kompiti oħra fil-BEREC. Waqt it-teħid tad-deċiżjonijiet tagħhom, dawn la għandhom ifittxu u lanqas ma għandhom jieħdu struzzjonijiet mingħand xi gvern jew xi korp ieħor.

    3. Il-membri tal-Bord tal-Appell ma għandhomx jitneħħew mill-kariga tagħhom jew mil-lista tal-kandidati kwalifikati waqt il-mandat tagħhom, diment li ma jkunx hemm raġuni serja għat-tneħħija; din id-deċiżjoni għandu jeħodha l-Bord Maniġerjali bi proposta tal-Kummissjoni.

    Artikolu 13

    Esklużjoni u oġġezzjoni

    1. Il-membri tal-Bord tal-Appell ma għandhomx jieħdu sehem fil-proċedimenti tal-appell jekk ikollhom xi interess personali fihom, jekk qabel kienu involuti bħala rappreżentanti ta’ waħda mill-partijiet fil-proċedimenti, jew jekk kienu ħadu sehem fl-adozzjoni tad-deċiżjoni li dwarha jkun tressaq l-appell.

    2. Jekk, minħabba xi waħda mir-raġunijiet elenkati fil-paragrafu 1 jew minħabba xi raġuni oħra, membru tal-Bord tal-Appell jidhirlu li ma għandux jieħu sehem fil-proċedimenti tal-appell, dan għandu jinforma lill-Bord tal-Appell kif xieraq.

    3. Kull parti fil-proċedimenti tal-appell tista’ toġġezzjona għal xi membru tal-Bord tal-Appell minħabba xi raġuni msemmija fil-paragrafu 1, jew jekk ikun hemm suspett li l-membru ma jkunx imparzjali. Kull oġġezzjoni bħal din ma għandhiex tkun ammissibbli jekk, filwaqt li tkun konxja mir-raġuni għall-oġġezzjoni, il-parti fil-proċedimenti tal-appell tkun għamlet pass proċedurali. L-ebda oġġezzjoni ma tista’ tkun ibbażata fuq in-nazzjonalità tal-membri.

    4. Il-Bord tal-Appell għandu jiddeċiedi fuq l-azzjoni li trid tittieħed fil-każijiet speċifikati fil-paragrafi 2 u 3 mingħajr il-parteċipazzjoni tal-membru kkonċernat. Għall-finijiet li tittieħed dik id-deċiżjoni, is-sostitut tal-membru kkonċernat għandu jeħodlu postu fil-Bord tal-Appell.

    Artikolu 14

    Id-deċiżjonijiet soġġetti għal appell

    1. Jista’ jitressaq appell quddiem il-Bord tal-Appell kontra d-deċiżjonijiet meħuda mill-BEREC b’konformità mal-Artikoli 2(1)(b).

    Kull persuna fiżika jew ġuridika, inklużi l-NRAs, tista’ tappella kontra deċiżjoni msemmija f’dan il-paragrafu li tkun indirizzata lil dik il-persuna, jew kontra deċiżjoni li, għalkemm ikollha l-forma ta’ deċiżjoni indirizzata lil persuna oħra, tkun tirrigwarda direttament u individwalment lil dik il-persuna.

    2. Appell imressaq skont il-paragrafu 1 ma għandux ikollu effett sospensiv. Iżda l-Bord tal-Appell jista’ jissospendi l-applikazzjoni tad-deċiżjoni li kontriha jkun tressaq l-appell.

    Il-Kapitolu III

    L-ISTABBILIMENT U L-ISTRUTTURA TAL-BAĠIT

    It-Taqsima 1

    ID-DOKUMENT UNIKU TAL-PROGRAMMAZZJONI

    Artikolu 15

    Il-programmazzjoni annwali u pluriennali

    1. Kull sena, id-Direttur Eżekuttiv għandu jħejji abbozz tad-dokument tal-programmazzjoni li jkun fih il-programmazzjoni annwali u pluriennali (“id-dokument uniku tal-programmazzjoni”) b’konformità mal-Artikolu 32 tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 u filwaqt li jqis il-linji gwida stabbiliti mill-Kummissjoni 38 .

    Sal-31 ta’ Jannar, il-Bord Maniġerjali għandu jadotta l-abbozz tad-dokument uniku tal-programmazzjoni u jibagħtu lill-Kummissjoni biex din tagħti l-opinjoni tagħha dwaru. Barra minn hekk, l-abbozz tad-dokument uniku tal-programmazzjoni għandu jintbagħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    Sussegwentement, il-Bord Maniġerjali għandu jadotta d-dokument uniku tal-programmazzjoni, filwaqt li jqis l-opinjoni tal-Kummissjoni dwaru. Dan għandu jibagħtu lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, u għandu jibagħtilhom ukoll kull verżjoni aġġornata aktar tard ta’ dak id-dokument.

    Id-dokument uniku tal-programmazzjoni għandu jsir definittiv wara l-adozzjoni finali tal-baġit ġenerali u, jekk ikun meħtieġ, għandu jiġi aġġustat skont dan.

    2. Il-programm ta’ ħidma annwali għandu jinkludi l-għanijiet fid-dettall u r-riżultati mistennija, inkluż l-indikaturi tal-prestazzjoni. Dan għandu jinkludi wkoll deskrizzjoni tal-azzjonijiet li għandhom jiġu ffinanzjati u indikazzjoni tar-riżorsi finanzjarji u umani allokati għal kull azzjoni, b’konformità mal-prinċipji tal-ibbaġitjar u tal-ġestjoni bbażati fuq l-attività. Il-programm ta’ ħidma annwali għandu jkun koerenti mal-programm ta’ ħidma pluriennali msemmi fil-paragrafu 4. Dan għandu jindika b’mod ċar il-kompiti li jkunu żdiedu, inbidlu jew tħassru meta mqabbel mas-sena finanzjarja ta’ qabel.

    3. Meta l-BEREC jingħatalu xi kompitu ġdid, il-Bord Maniġerjali għandu jemenda l-programm ta’ ħidma annwali adottat.

    Kull emenda sostanzjali fil-programm ta’ ħidma annwali għandha tiġi adottata bl-istess proċedura bħal dik użata biex jiġi adottat l-ewwel programm ta’ ħidma annwali. Il-Bord Maniġerjali jista’ jiddelega s-setgħa lid-Direttur Eżekuttiv biex jagħmel emendi mhux sostanzjali fil-programm ta’ ħidma annwali.

    4. Il-programm ta’ ħidma pluriennali għandu jistabbilixxi l-programmazzjoni strateġika ġenerali, inkluż l-għanijiet, ir-riżultati mistennija u l-indikaturi tal-prestazzjoni. Dan għandu jistabbilixxi wkoll il-programmazzjoni tar-riżorsi, inkluż il-baġit pluriennali u l-persunal.

    Il-programmazzjoni tar-riżorsi għandha tiġi aġġornata kull sena. Il-programmazzjoni strateġika għandha tiġi aġġornata meta jkun xieraq, u b’mod partikolari biex jiġi indirizzat l-eżitu tal-evalwazzjoni msemmija fl-Artikolu 38.

    5. Il-programmazzjoni annwali u/jew pluriennali għandha tinkludi l-istrateġija għar-relazzjonijiet mal-korpi, mal-aġenziji, mal-uffiċċji u mal-gruppi konsultattivi kompetenti tal-Unjoni; mal-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiżi terzi u/jew mal-organizzazzjonijiet internazzjonali kif imsemmi fl-Artikolu 26, l-azzjonijiet marbuta ma’ din l-istrateġija u l-ispeċifikazzjoni tar-riżorsi assoċjati.

    Artikolu 16

    L-istabbiliment tal-baġit

    1. Kull sena, id-Direttur Eżekuttiv għandu jfassal abbozz provviżorju tal-istimi tad-dħul u tan-nefqa tal-BEREC għas-sena finanzjarja ta’ wara, inkluż il-pjan tal-istabbiliment, u jibagħtu lill-Bord Maniġerjali.

    2. Abbażi ta’ dak l-abbozz provviżorju, il-Bord Maniġerjali għandu jadotta abbozz tal-istimi tad-dħul u tan-nefqa tal-BEREC għas-sena finanzjarja ta’ wara.

    3. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jibgħat l-abbozz tal-istimi tad-dħul u tan-nefqa tal-BEREC lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Jannar ta’ kull sena. L-informazzjoni li jkun hemm fl-abbozz tal-istimi tad-dħul u tan-nefqa tal-BEREC u fl-abbozz tad-dokument uniku tal-programmazzjoni msemmi fl-Artikolu 15(1) għandha tkun koerenti.

    4. Il-Kummissjoni għandha tibgħat l-abbozz tal-istimi lill-awtorità baġitarja flimkien mal-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni.

    5. Abbażi tal-abbozz tal-istimi, fl-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni l-Kummissjoni għandha ddaħħal l-istimi li tqis li huma meħtieġa għall-pjan tal-istabbiliment u l-ammont tal-kontribuzzjoni li għandha tingħata mill-baġit ġenerali, u din għandha tressaqhom quddiem l-awtorità baġitarja b’konformità mal-Artikoli 313 u 314 tat-Trattat.

    6. L-awtorità baġitarja għandha tawtorizza l-approprjazzjonijiet għall-kontribuzzjoni lill-BEREC.

    7. L-awtorità baġitarja għandha tadotta l-pjan tal-istabbiliment tal-BEREC.

    8. Il-baġit tal-BEREC għandu jadottah il-Bord Maniġerjali. Dan għandu jsir finali wara l-adozzjoni finali tal-baġit ġenerali tal-Unjoni. Meta jkun meħtieġ, dan għandu jiġi aġġustat kif xieraq.

    9. Għall-proġetti tal-bini li x’aktarx ikollhom implikazzjonijiet sinifikanti għall-baġit tal-BEREC, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013.

    It-Taqsima 2

    L-IMPLIMENTAZZJONI, IL-PREŻENTAZZJONI U L-KONTROLL TAL-BAĠIT

    Artikolu 17

    L-istruttura tal-baġit

    1. L-istimi tad-dħul u tal-infiq kollu tal-BEREC għandhom jitħejjew għal kull sena finanzjarja, li tikkorrispondi għas-sena kalendarja, u għandhom jidhru fil-baġit tal-BEREC.

    2. Il-baġit tal-BEREC għandu jkun bilanċjat f’termini tad-dħul u tal-infiq.

    3. Mingħajr preġudizzju għal riżorsi oħrajn, id-dħul tal-BEREC għandu jinkludi:

    (a)kontribuzzjoni tal-Unjoni;

    (b)kull kontribuzzjoni finanzjarja volontarja mingħand l-Istati Membri jew l-NRAs;

    (c)il-ħlas għal pubblikazzjonijiet u għal servizzi oħra pprovduti mill-BEREC;

    (d)kull kontribuzzjoni mingħand il-pajjiżi terzi jew l-awtoritajiet regolatorji kompetenti fil-qasam tal-komunikazzjoni elettronika tal-pajjiżi terzi li jkunu qed jieħdu sehem fil-ħidma tal-BEREC, kif previst fl-Artikolu 26.

    4. L-infiq tal-BEREC għandu jinkludi r-remunerazzjoni tal-persunal, l-ispejjeż amministrattivi u tal-infrastruttura u n-nefqa operazzjonali.

    Artikolu 18

    L-implimentazzjoni tal-baġit

    1. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jimplimenta l-baġit tal-BEREC.

    2. Kull sena, lill-awtorità baġitarja, id-Direttur Eżekuttiv għandu jibagħtilha kull informazzjoni rilevanti għas-sejbiet tal-proċeduri tal-evalwazzjoni.

    Artikolu 19

    Il-preżentazzjoni tal-kontijiet u tal-kwittanza

    1. Sal-1 ta’ Marzu tas-sena finanzjarja ta’ wara, l-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-BEREC għandu jibgħat il-kontijiet provviżorji lill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri.

    2. Sal-31 ta’ Marzu tas-sena finanzjarja ta’ wara, il-BEREC għandu jibgħat ir-rapport dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Qorti tal-Awdituri.

    3. Malli jirċievi l-osservazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet provviżorji tal-BEREC, l-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-BEREC għandu jfassal il-kontijiet finali tal-BEREC fir-responsabbiltà tiegħu. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jippreżenta l-kontijiet finali lill-Bord Maniġerjali għall-opinjoni tiegħu.

    4. Il-Bord Maniġerjali għandu jagħti l-opinjoni tiegħu dwar il-kontijiet finali tal-BEREC.

    5. Sal-1 ta’ Lulju tas-sena finanzjarja ta’ wara, id-Direttur Eżekuttiv għandu jibgħat il-kontijiet finali lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, flimkien mal-opinjoni tal-Bord Maniġerjali.

    6. Il-BEREC għandu jippubblika l-kontijiet finali f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea sal-15 ta’ Novembru tas-sena ta’ wara.

    7. Sat-30 ta’ Settembru, id-Direttur Eżekuttiv għandu jibgħat tweġiba lill-Qorti tal-Awdituri fuq l-osservazzjonijiet tagħha. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jibgħat ukoll din it-tweġiba lill-Bord Maniġerjali.

    8. Meta jitolbu jagħmel dan il-Parlament Ewropew, id-Direttur Eżekuttiv għandu jippreżentalu kull informazzjoni meħtieġa għall-applikazzjoni bla intoppi tal-proċedura ta’ kwittanza għas-sena finanzjarja inkwistjoni, b’konformità mal-Artikolu 165(3) tar-Regolament Finanzjarju 39 .

    9. Meta l-Kunsill jirrakkomanda dan b’maġġoranza kwalifikata, qabel il-15 ta’ Mejju tas-sena N+2, il-Parlament Ewropew għandu jagħti kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv b’rabta mal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena N.

    Artikolu 20

    Ir-regoli finanzjarji

    Ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-BEREC għandu jadottahom il-Bord Maniġerjali wara li jikkonsulta lill-Kummissjoni. Dawn ma għandhomx jitbiegħdu mir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013, ħlief meta dan id-distakk ikun meħtieġ b’mod speċifiku għat-tħaddim tal-BEREC u meta l-Kummissjoni tkun tat il-kunsens tagħha bil-quddiem għal dan.

    Il-Kapitolu IV

    Il-persunal

    Artikolu 21

    Dispożizzjoni ġenerali

    Għall-persunal tal-BEREC għandhom japplikaw ir-Regolamenti tal-Persunal u l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra u r-regoli adottati bi ftehim bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni biex dawk ir-Regolamenti tal-Persunal u l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra jidħlu fis-seħħ.

    Artikolu 22

    Il-ħatra tad-Direttur Eżekuttiv

    1. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jiġi ingaġġat bħala aġent temporanju tal-BEREC b’konformità mal-Artikolu 2(a) tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra.

    2. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jaħtru l-Bord Maniġerjali minn lista ta’ kandidati li tipproponi l-Kummissjoni, wara proċedura tal-għażla miftuħa u trasparenti.

    Għall-fini li jiġi konkluż il-kuntratt mad-Direttur Eżekuttiv, il-BEREC għandu jirrappreżentah il-President tal-Bord Maniġerjali.

    Qabel il-ħatra, il-kandidat magħżul mill-Bord Maniġerjali jista’ jintalab jagħmel dikjarazzjoni quddiem il-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew u jwieġeb il-mistoqsijiet tal-membri tiegħu.

    3. Il-mandat tad-Direttur Eżekuttiv għandu jkun ħames snin. Sa tmiem dak il-perjodu, il-Kummissjoni għandha twettaq valutazzjoni li tqis l-evalwazzjoni tal-prestazzjoni tad-Direttur Eżekuttiv u l-kompiti u l-isfidi futuri tal-BEREC.

    4. Filwaqt li jaġixxi fuq proposta tal-Kummissjoni li tqis il-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 3, il-Bord Maniġerjali jista’ jestendi l-mandat tad-Direttur Eżekuttiv darba, għal mhux aktar minn ħames snin.

    5. Jekk ikun beħsiebu jestendi l-mandat tad-Direttur Eżekuttiv, il-Bord Maniġerjali għandu jinforma lill-Parlament Ewropew b’dan. Fi żmien xahar qabel kull estensjoni bħal din, id-Direttur Eżekuttiv jista’ jintalab jagħmel dikjarazzjoni quddiem il-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew u jwieġeb il-mistoqsijiet tal-membri tiegħu.

    6. Direttur Eżekuttiv li l-mandat tiegħu jkun ġie estiż ma jistax jieħu sehem fi proċedura oħra tal-għażla għall-istess kariga fi tmiem il-perjodu ġenerali.

    7. Id-Direttur Eżekuttiv jista’ jitneħħa mill-kariga biss b’deċiżjoni tal-Bord Maniġerali li jaġixxi fuq proposta tal-Kummissjoni.

    8. Il-Bord Maniġerjali għandu jieħu d-deċiżjonijiet dwar il-ħatra, l-estensjoni tal-mandat jew it-tneħħija mill-kariga tad-Direttur Eżekuttiv b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri tiegħu bid-dritt tal-vot.

    Artikolu 23

    L-esperti nazzjonali sekondati u persunal ieħor

    1. Il-BEREC jista’ juża s-servizzi ta’ esperti nazzjonali sekondati jew ta’ persunal ieħor li ma jkunx impjegat mal-BEREC. Ir-Regolamenti tal-Persunal u l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra ma għandhomx japplikaw għal dan il-persunal.

    2. Il-Bord Maniġerjali għandu jadotta deċiżjoni li tistipula r-regoli dwar is-sekondar tal-esperti nazzjonali mal-BEREC.

    Il-Kapitolu V

    DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

    Artikolu 24

    L-istatus ġuridiku

    1. Il-BEREC għandu jkun korp tal-Unjoni. Dan għandu jkollu personalità ġuridika.

    2. F’kull Stat Membru, il-BEREC għandu jkollu l-aktar kapaċità ġuridika estensiva li tingħata lill-persuni ġuridiċi bil-liġijiet ta’ dak l-Istat Membru. B’mod partikolari, dan jista’ jikseb u jiddisponi minn proprjetà mobbli u immobbli u jkun parti fi proċedimenti legali.

    3. Il-BEREC għandu jiġi rrappreżentat mid-Direttur Eżekuttiv tiegħu.

    4. Il-BEREC għandu jkollu r-responsabbiltà unika għall-kompiti u s-setgħat assenjati lilu.

    Artikolu 25

    Privileġġi u immunitajiet

    Il-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea għandu japplika għall-BEREC u għall-persunal tiegħu.

    Artikolu 26

    Il-koperazzjoni mal-korpi tal-Unjoni, mal-pajjiżi terzi u mal-organizzazzjonijiet internazzjonali

    1. Sa fejn ikun meħtieġ biex il-BEREC jilħaq l-għanijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament u jwettaq il-kompiti tiegħu, u mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tal-Istati Membri u tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, dan jista’ jikkopera mal-korpi, mal-aġenziji, mal-uffiċċji u mal-gruppi konsultattivi kompetenti tal-Unjoni, mal-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiżi terzi u/jew mal-organizzazzjonijiet internazzjonali.

    Għal dan il-għan u soġġett għall-approvazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni, il-BEREC jista’ jistabbilixxi arranġamenti tal-ħidma. Dawk l-arranġamenti ma għandhomx joħolqu obbligi ġuridiċi għall-Unjoni u għall-Istati Membri tagħha.

    2. Il-BEREC għandu jkun miftuħ għall-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet regolatorji tal-pajjiżi terzi li huma kompetenti fil-qasam tal-komunikazzjoni elettronika u li jkunu għamlu ftehimiet mal-Unjoni għal dak l-iskop.

    Skont id-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dawn il-ftehimiet, għandhom jiġu żviluppati arranġamenti li jispeċifikaw, b’mod partikolari, in-natura, il-kemm u l-mod kif dawn l-awtoritajiet regolatorji tal-pajjiżi terzi kkonċernati se jieħdu sehem fil-ħidma tal-BEREC, inkluż id-dispożizzjonijiet dwar il-parteċipazzjoni fl-inizjattivi meħuda mill-BEREC, il-kontribuzzjonijiet finanzjarji u l-persunal. Fi kwalunkwe każ, fejn jidħlu l-materji marbutin mal-persunal, dawk l-arranġamenti għandhom ikunu konformi mar-Regolamenti tal-Persunal.

    3. Bħala parti mid-dokument uniku tal-programmazzjoni, il-Bord Maniġerjali għandu jadotta strateġija għar-relazzjonijiet mal-korpi, mal-aġenziji, mal-uffiċċji u mal-gruppi konsultattivi kompetenti tal-Unjoni, mal-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiżi terzi u/jew mal-organizzazzjonijiet internazzjonali fejn jidħlu materji ta’ kompetenza tal-BEREC. Il-Kummissjoni u l-aġenzija għandhom jikkonkludu arranġament tal-ħidma xieraq biex jiżguraw li l-BEREC jaħdem skont il-mandat tiegħu u skont il-qafas istituzzjonali eżistenti.

    Artikolu 27

    Trasparenza u komunikazzjoni

    1. Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 40 għandu japplika għad-dokumenti miżmuma mill-BEREC. Fi żmien sitt xhur mid-data tal-ewwel laqgħa tiegħu, il-Bord Maniġerjali għandu jadotta r-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001.

    2. L-ipproċessar tad-dejta personali mill-BEREC għandu jkun soġġett għar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 41 . Fi żmien sitt xhur mid-data tal-ewwel laqgħa tiegħu, il-Bord Maniġerali għandu jistabbilixxi miżuri għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 mill-BEREC, inkluż dawk li għandhom x’jaqsmu mal-ħatra ta’ Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Dejta tal-BEREC. Dawn il-miżuri għandhom jiġu stabbiliti wara konsultazzjoni mal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta.

    3. Il-BEREC jista’ jkun involut f’attivitajiet tal-komunikazzjoni bl-inizjattiva tiegħu stess fl-oqsma ta’ kompetenza tiegħu. L-allokazzjoni tar-riżorsi għall-attivitajiet tal-komunikazzjoni ma għandhiex tkun ta’ detriment għall-eżerċizzju effettiv tal-kompiti msemmija fl-Artikolu 2(1) u 2(2) ta’ dan ir-Regolament. L-attivitajiet tal-komunikazzjoni għandhom jitwettqu b’konformità mal-pjanijiet rilevanti tal-komunikazzjoni u tat-tixrid adottati mill-Bord Maniġerjali.

    Artikolu 28

    Il-kunfidenzjalità

    1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 27(1), il-BEREC ma għandux jiżvela l-informazzjoni li jipproċessa jew li jirċievi lil partijiet terzi meta tkun saret talba motivata għal trattament kunfidenzjali ta’ dik l-informazzjoni kollha jew ta’ xi parti minnha.

    2. Il-membri tal-Bord Maniġerjali, id-Direttur Eżekuttiv, il-membri tal-Bord tal-Appell, l-esperti nazzjonali sekondati, il-persunal l-ieħor li mhux impjegat mal-BEREC u l-esperti li jieħdu sehem fil-gruppi ta’ ħidma għandhom ikunu konformi mar-rekwiżiti tal-kunfidenzjalità skont l-Artikolu 339 tat-Trattat, anki wara li jintemmu dmirijiethom.

    3. Il-Bord Maniġerjali għandu jistabbilixxi l-arranġamenti prattiċi għall-implimentazzjoni tar-regoli tal-kunfidenzjalità msemmija fil-paragrafi 1 u 2.

    Artikolu 29

    Ir-regoli tas-sigurtà dwar il-protezzjoni tal-informazzjoni klassifikata u tal-informazzjoni sensittiva mhux klassifikata

    Il-BEREC għandu jadotta r-regoli tas-sigurtà tiegħu stess li jkunu ekwivalenti għar-regoli tas-sigurtà tal-Kummissjoni biex titħares l-Informazzjoni Klassifikata tal-Unjoni Ewropea (“EUCI”) u l-informazzjoni sensittiva mhux klassifikata, fost l-oħrajn id-dispożizzjonijiet għall-iskambju, għall-ipproċessar u għall-ħżin ta’ informazzjoni bħal din kif stabbilit fid-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 42 u (UE, Euratom) 2015/444 43 . Inkella l-BEREC jista’ jadotta deċiżjoni li japplika r-regoli tal-Kummissjoni fuq bażi mutatis mutandis.

    Artikolu 30

    L-iskambju tal-informazzjoni

    1. Meta l-BEREC jagħmel talba debitament ġustifikata, il-Kummissjoni u l-NRAs għandhom jipprovdulu l-informazzjoni kollha meħtieġa, fil-ħin u b’mod preċiż, biex iwettaq il-kompiti tiegħu, bil-kundizzjoni li dawn ikollhom aċċess legali għall-informazzjoni rilevanti u li t-talba għall-informazzjoni tkun meħtieġa b’rabta man-natura tal-kompitu inkwistjoni.

    Barra minn hekk, il-BEREC jista’ jitlob li l-informazzjoni tal-NRAs tingħata f’intervalli rikorrenti u b’formati speċifikati. Meta dan ikun possibbli, dawn it-talbiet għandhom isiru b’formati komuni tar-rappurtar.

    2. Meta l-Kummissjoni jew xi NRA tagħmel talba debitament ġustifikata, il-BEREC għandu jipprovdi, fil-ħin u b’mod preċiż, kull informazzjoni meħtieġa biex il-Kummissjoni jew l-NRA tkun tista’ twettaq il-kompiti tagħha, abbażi tal-prinċipju tal-koperazzjoni sinċiera.

    3. Qabel ma ssir it-talba għall-informazzjoni b’konformità ma’ dan l-Artikolu u biex tkun evitata d-duplikazzjoni tal-obbligi tar-rappurtar, il-BEREC għandu jqis l-informazzjoni rilevanti eżistenti disponibbli pubblikament.

    4. Meta l-informazzjoni ma tkunx disponibbli jew l-NRAs ma jkunux għamluha disponibbli fil-ħin jew meta talba diretta tal-BEREC tkun aktar effiċjenti u inqas ta’ piż, il-BEREC jista’ jindirizza talba debitament ġustifikata u motivata lil awtorità oħra jew direttament lill-impriżi rilevanti li jkunu qed jipprovdu netwerks, servizzi u faċilitajiet assoċjati tal-komunikazzjoni elettronika.

    Il-BEREC għandu jinforma lill-NRAs rilevanti bit-talbiet b’konformità ma’ dan il-paragrafu.

    Meta jitlobhom il-BEREC, l-NRAs għandhom jgħinuh jiġbor l-informazzjoni.

    Artikolu 31

    Id-dikjarazzjoni ta’ interess

    1. Il-membri tal-Bord Maniġerjali, id-Direttur Eżekuttiv, l-esperti nazzjonali sekondati u l-persunal l-ieħor li mhux impjegat mal-BEREC ilkoll għandhom jiddikjaraw l-impenn tagħhom u l-assenza jew il-preżenza ta’ kull interess dirett jew indirett li jista’ jitqies li jippreġudika l-indipendenza tagħhom.

    Id-dikjarazzjonijiet għandhom ikunu preċiżi u sħaħ, għandhom isiru bil-miktub u għandhom jiġu aġġornati kull meta jkun meħtieġ. Id-dikjarazzjonijiet tal-interessi li jagħmlu l-membri tal-Bord Maniġerjali u d-Direttur Eżekuttiv għandhom jiġu ppubblikati.

    2. Il-membri tal-Bord Maniġerjali, id-Direttur Eżekuttiv, l-esperti nazzjonali sekondati, il-persunal l-ieħor li mhux impjegat mal-BEREC u l-esperti li jieħdu sehem fil-gruppi ta’ ħidma, sa mhux aktar tard minn qabel ma tibda kull laqgħa, ilkoll għandhom jiddikjaraw, b’mod preċiż u sħiħ, kull interess li jista’ jitqies li jippreġudika l-indipendenza tagħhom fejn jidħlu l-punti li jkun hemm fl-aġenda, u għandhom jastjenu milli jieħdu sehem fid-diskussjoni dwar dawn il-punti u milli jivvotaw dwarhom.

    3. Il-Bord Maniġerjali għandu jistabbilixxi r-regoli għall-prevenzjoni u għall-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess u, b’mod partikolari, għall-arranġamenti prattiċi għad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2.

    Artikolu 32

    Il-ġlieda kontra l-frodi

    1. Biex jiffaċilita l-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u attivitajiet illeċiti oħra skont ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 44 , fi żmien sitt xhur minn meta jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament, il-BEREC għandu jaderixxi mal-Ftehim Interistituzzjonali tal-25 ta’ Mejju 1999 dwar l-investigazzjonijiet interni mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (l-OLAF) u jadotta d-dispożizzjonijiet ix-xierqa applikabbli għall-impjegati kollha tiegħu permezz tal-mudell stabbilit fl-Anness ta’ dak il-Ftehim.

    2. Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri għandu jkollha s-setgħa tagħmel awditi, abbażi tad-dokumenti u ta’ żjarat fuq il-post, ta’ kull benefiċjarju tal-għotja, kuntrattur u sottokuntrattur li jkunu rċevew fondi tal-Unjoni mingħand il-BEREC.

    3. L-OLAF jista’ jwettaq investigazzjonijiet, inklużi verifiki u spezzjonijiet fuq il-post, bil-ħsieb li jistabbilixxi jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew xi attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni b’rabta ma’ xi għotja jew kuntratt iffinanzjat mill-BEREC, b’konformità mad-dispożizzjonijiet u mal-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 u fir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 45 .

    4. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 1, 2 u 3, il-ftehimiet ta’ koperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiżi terzi u mal-organizzazzjonijiet internazzjonali, il-kuntratti, il-ftehimiet tal-għotja u d-deċiżjonijiet tal-għotja tal-BEREC għandu jkun fihom dispożizzjonijiet li espliċitament jagħtu s-setgħa lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri u lill-OLAF biex iwettqu dawn l-awditi u l-investigazzjonijiet, skont il-kompetenzi rispettivi tagħhom.

    Artikolu 33

    Ir-responsabbiltà

    1. Ir-responsabbiltà kuntrattwali tal-BEREC tirregolaha l-liġi applikabbli għall-kuntratt inkwistjoni.

    2. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandu jkollha l-ġuriżdizzjoni biex tagħti sentenza skont xi klawżola ta’ arbitraġġ li jkun hemm f’kuntratt konkluż mill-BEREC.

    3. Fil-każ ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali, skont il-prinċipji ġenerali komuni għal-liġijiet tal-Istati Membri, il-BEREC għandu jagħmel tajjeb għal kull dannu li jikkaġunaw id-dipartimenti tiegħu jew il-persunal tiegħu waqt il-qadi ta’ dmirijiethom.

    4. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandu jkollha l-ġuriżdizzjoni fit-tilwim fuq il-kumpens għad-danni kif imsemmi fil-paragrafu 3.

    5. Ir-responsabbiltà personali tal-persunal tal-BEREC lejn il-BEREC għandhom jirregolawha d-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal jew fil-Kundizzjonijiet tal-Impjieg li japplikaw għalihom.

    Artikolu 34

    Inkjesti amministrattivi

    L-attivitajiet tal-BEREC għandhom ikunu soġġetti għall-inkjesti tal-Ombudsman Ewropew b’konformità mal-Artikolu 228 tat-Trattat.

    Artikolu 35

    L-arranġamenti lingwistiċi

    1. Għall-BEREC għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament Nru 1/58 46 .

    2. Is-servizzi tat-traduzzjoni meħtieġa għall-funzjonament tal-BEREC għandu jipprovdihom iċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 36

    Il-kumitat

    1. Il-Kummissjoni għandu jkollha l-assistenza ta’ kumitat (“il-Kumitat tal-Komunikazzjoni”). Dan il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    2. Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    3. Meta l-opinjoni tal-kumitat tkun trid tinkiseb bi proċedura bil-miktub, dik il-proċedura tista’ tinġieb fi tmiemha mingħajr ebda riżultat meta, fil-limitu taż-żmien stipulat għall-għoti tal-opinjoni, il-president tal-kumitat jiddeċiedi li għandu jsir hekk.

    Il-Kapitolu VI

    DISPOŻIZZJONIJIET TRANŻITORJI U FINALI

    Artikolu 37

    Il-Ftehim dwar il-Kwartieri Ġenerali u l-kundizzjonijiet tal-operat

    1. L-arranġamenti meħtieġa b’rabta mal-akkomodazzjoni li trid tiġi pprovduta għall-BEREC fl-Istat Membru ospitanti u mal-faċilitajiet li dak l-Istat Membru jrid iqegħedlu għad-dispożizzjoni tiegħu, flimkien mar-regoli speċifiċi applikabbli fl-Istat Membru ospitanti għad-Direttur Eżekuttiv, għall-membri tal-Bord Maniġerjali, għall-persunal tal-BEREC u għall-membri tal-familji tagħhom għandhom jiġu stabbiliti fi Ftehim dwar il-Kwartieri Ġenerali bejn il-BEREC u l-Istat Membru fejn tkun tinsab is-sede tiegħu, li jiġi konkluż wara li tinkiseb l-approvazzjoni tal-Bord Maniġerjali u sa mhux iżjed tard minn sentejn minn meta jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament.

    2. L-Istat Membru ospitanti tal-BEREC għandu jipprovdi l-kundizzjonijiet meħtieġa biex jiżgura li l-BEREC jaħdem bla intoppi u b’mod effiċjenti, inkluż is-servizzi ta’ skola multilingwi u orjentata lejn l-Ewropa u l-konnessjonijiet xierqa tat-trasport.

    Artikolu 38

    Evalwazzjoni

    1. Sa mhux aktar tard minn ħames snin minn meta jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament, u mbagħad kull ħames snin wara dan, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni b’konformità mal-linji gwida tagħha biex tivvaluta l-prestazzjoni tal-BEREC fejn jidħlu l-għanijiet tiegħu u l-mandat, il-kompiti u l-postijiet tiegħu. B’mod partikolari, l-evalwazzjoni għandha tindirizza l-ħtieġa possibbli li jinbidel il-mandat tal-BEREC u l-implikazzjonijiet finanzjarji ta’ bidla bħal din.

    2. Meta l-Kummissjoni jkun jidhrilha li ma għadux ġustifikat li l-BEREC jissokta fir-rigward tal-għanijiet, tal-mandat u tal-kompiti assenjati lilu, din tista’ tipproponi li dan ir-Regolament jiġi emendat jew jitħassar skont dan.

    3. Il-Kummissjoni għandha tibgħat rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Bord Maniġerjali dwar is-sejbiet tal-evalwazzjoni. Is-sejbiet tal-evalwazzjoni għandhom jiġu ppubblikati.

    Artikolu 39

    Is-suċċessjoni tal-Uffiċċju stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 1211/2009

    1. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, il-BEREC għandu jieħu post l-Uffiċċju li kien ġie stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 1211/2009 (“l-Uffiċċju tal-BEREC”) fejn jidħlu s-sjieda, il-ftehimiet, l-obbligi legali, il-kuntratti tal-impjiegi, u l-impenji u r-responsabbiltajiet finanzjarji kollha.

    B’mod partikolari, dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa d-drittijiet u l-obbligi tal-persunal tal-Uffiċċju stabbiliti skont ir-Regolament (KE) Nru 1211/2009. Il-kuntratti ta’ dan il-persunal jistgħu jiġġeddu skont dan ir-Regolament b’konformità mar-Regolamenti tal-Persunal u mal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg u b’konformità mal-limitazzjonijiet baġitarji tal-BEREC.

    2. B’effett minn [please enter the date of entry into force of this regulation] u sakemm id-Direttur Eżekuttiv jibda jaqdi dmirijietu wara li jinħatar mill-Bord Maniġerjali b’konformità mal-Artikolu 22, id-Direttur Amministrattiv maħtur abbażi tar-Regolament (KE) Nru 1211/2009 għandu jaġixxi bħala d-Direttur Eżekuttiv interim bil-funzjonijiet previsti f’dan ir-Regolament għall-perjodu li jifdal tal-mandat tiegħu. Il-kundizzjonijiet l-oħra tal-kuntratt tad-Direttur Amministrattiv għandhom jibqgħu l-istess.

    Bħala Direttur Eżekuttiv interim, dan għandu jeżerċita s-setgħat tal-awtorità tal-ħatra. Dan jista’ jawtorizza l-pagamenti kollha koperti mill-approprjazzjonijiet imdaħħla fil-baġit tal-BEREC wara l-approvazzjoni tal-Bord Maniġerjali u jista’ jikkonkludi kuntratti, inkluż kuntratti tal-persunal, wara l-adozzjoni tal-pjan tal-istabbiliment tal-BEREC.

    3. Il-kuntratt tal-impjieg tad-Direttur Amministrattiv maħtur abbażi tar-Regolament (KE) Nru 1211/2009 għandu jintemm fi tmiem il-mandat tiegħu jew dakinhar li d-Direttur Eżekuttiv jibda jaqdi dmirijietu wara li jinħatar mill-Bord Maniġerjali b’konformità mal-Artikolu 22, skont liema minnhom tiġi l-ewwel.

    Direttur Amministrattiv maħtur abbażi tar-Regolament (KE) Nru 1211/2009 li l-mandat tiegħu jkun ġie estiż għandu jastjeni milli jipparteċipa fil-proċedura tal-għażla għad-Direttur Eżekuttiv imsemmi fl-Artikolu 22.

    4. Il-Bord Maniġerjali msemmi fl-Artikolu 4 għandu jkun magħmul mill-membri tal-Kumitat Maniġerjali msemmija fl-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1211/2009, sakemm jinħatru rappreżentanti ġodda.

    5. Il-proċedura ta’ kwittanza fir-rigward tal-baġit approvat abbażi tal-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 1211/2009 għandha ssir skont ir-regoli stabbiliti bir-Regolament (KE) Nru 1211/2009.

    Artikolu 40

    Revoka

    Ir-Regolament (KE) Nru 1211/2009 qed jitħassar.

    Ir-referenzi għar-Regolament (KE) Nru 1211/2009 u għall-Uffiċċju tal-BEREC għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għall-BEREC.

    Artikolu 41

    Id-dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan għandu japplika minn [...].

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell,

    Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

    Il-President    Il-President

    DIKJARAZZJONI FINANZJARJA LEĠIŻLATTIVA

    1.IL-QAFAS TAL-PROPOSTA/TAL-INIZJATTIVA

    1.1.It-titolu tal-proposta/tal-inizjattiva

    1.2.L-oqsma ta’ politika kkonċernati fl-istruttura tal-ABM/ABB

    1.3.In-natura tal-proposta/tal-inizjattiva

    1.4.L-għanijiet

    1.5.Ir-raġunijiet għall-proposta/għall-inizjattiva

    1.6.It-tul ta’ żmien u l-impatt finanzjarju

    1.7.Il-metodi ta’ ġestjoni previsti

    2.IL-MIŻURI TA’ ĠESTJONI

    2.1.Ir-regoli tal-monitoraġġ u tar-rappurtar

    2.2.Is-sistema ta’ ġestjoni u ta’ kontroll

    2.3.Il-miżuri għall-prevenzjoni tal-frodi u tal-irregolaritajiet

    3.STIMA TAL-IMPATT FINANZJARJU TAL-PROPOSTA/TAL-INIZJATTIVA

    3.1.L-intestaturi tal-qafas finanzjarju pluriennali u l-linji baġitarji tan-nefqa affettwati

    3.2.L-impatt stmat fuq in-nefqa

    3.2.1.Sommarju tal-impatt stmat fuq in-nefqa

    3.2.2.L-impatt stmat fuq l-approprjazzjonijiet operazzjonali

    3.2.3.L-impatt stmat fuq l-approprjazzjonijiet ta’ natura amministrattiva

    3.2.4.Il-kompatibbiltà mal-qafas finanzjarju pluriennali attwali

    3.2.5.Il-kontribuzzjonijiet mingħand partijiet terzi

    3.3.L-impatt stmat fuq id-dħul

    DIKJARAZZJONI FINANZJARJA LEĠIŻLATTIVA

    1.IL-QAFAS TAL-PROPOSTA/TAL-INIZJATTIVA

    1.1.It-titlu tal-proposta/tal-inizjattiva

    Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Korp tar-Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjoni Elettronika (il-BEREC) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1211/2009

    1.2.L-oqsma ta’ politika kkonċernati fl-istruttura tal-ABM/ABB 47

    Il-qasam ta’ politika: In-Netwerks tal-Komunikazzjoni, il-Kontenut u t-Teknoloġija

    L-attività: Qafas Regolatorju għall-Aġenda Diġitali għall-Ewropa

    1.3.In-natura tal-proposta/tal-inizjattiva

    Il-proposta/l-inizjattiva hi marbuta ma’ azzjoni ġdida

    Il-proposta/l-inizjattiva hi marbuta ma’ azzjoni ġdida li ssegwi proġett pilota/azzjoni preparatorja 48

    ◻ Il-proposta/l-inizjattiva hi marbuta mal-estensjoni ta’ azzjoni eżistenti

    ☑ Il-proposta/l-inizjattiva hi marbuta ma’ azzjoni diretta mill-ġdid lejn azzjoni ġdida

    1.4.L-għanijiet

    1.4.1.L-għanijiet strateġiċi pluriennali tal-Kummissjoni fil-mira tal-proposta/tal-inizjattiva

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament propost jikkumplimentaw ir-reviżjoni tal-qafas regolatorju eżistenti tal-komunikazzjoni elettronika bħala wieħed mis-sisien tal-istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali imnedija f’Mejju 2015 49 .

    Din ir-reviżjoni għandha l-għan li tirrevedi l-qafas regolatorju attwali, bil-ħsieb li taġġornah u tadattah għall-iżvilupp teknoloġiku u tas-suq, filwaqt li tiżgura grad ogħla ta’ konverġenza tar-regolamenti nazzjonali u tal-Unjoni u implimentazzjoni konsistenti tar-regoli tal-Unjoni, kif ukoll aċċess wiesa’ għal konnettività tad-dejta b’kapaċità kbira ħafna u l-adozzjoni tagħha.

    Il-qafas regolatorju kien effettiv biex iwassal settur kompetittiv b’mod ġenerali u benefiċċji sinifikanti għall-utenti finali, iżda r-riżultati fejn jidħlu l-kisba tal-għan tas-suq uniku huma pjuttost modesti. Il-konsistenza regolatorja inkisbet biss sa ċertu punt, u dan affettwa l-operazzjonijiet tal-fornituri transfruntieri u naqqas il-prevedibbiltà għal kull operatur u għal kull investitur.

    Il-miżuri proposti għandhom l-għan li jrawmu l-iżvilupp ta’ suq intern veru tal-komunikazzjoni elettronika fl-Unjoni, l-aktar b’koordinazzjoni aħjar tar-rimedji regolatorji u bil-konsistenza fir-regolamentazzjoni u fid-disinn tal-prodotti tal-aċċess li huma meħtieġa biex jappoġġaw suq tat-telekomunikazzjoni pan-Ewropew reali, li jkun partikolarment rilevanti għall-utenti finali kummerċjali. Ġew previsti wkoll xi miżuri biex jistimulaw il-kompetizzjoni b’rabta mal-investiment f’konnettività tad-dejta b’kapaċità kbira ħafna madwar l-Unjoni u biex tkun żgurata introduzzjoni tan-netwerks li tilħaq iż-żoni ġeografiċi kollha biex jingħelbu l-qasmiet diġitali. Barra minn hekk se tiġi indirizzata l-ekwità fil-kundizzjonijiet bejn l-operaturi tradizzjonali tat-telekomunikazzjoni u s-servizzi tal-komunikazzjoni bbażati fuq l-internet, u ġew previsti għadd ta’ dispożizzjonijiet ġodda biex jipproteġu lill-utenti finali minn ċerti riskji speċifiċi għall-komunikazzjoni u biex jitneħħew ir-regoli dwar il-protezzjoni tal-konsumatur li huma żejda jew duplikati.

    Hemm bżonn struttura istituzzjonali adegwata u effiċjenti biex ikun żgurat li l-qafas regolatorju ġenerali tat-telekomunikazzjoni jkollu eżitu pożittiv u koerenti, u dan hu tassew importanti għas-Suq Uniku Diġitali. Il-kompetenzi tal-NRAs se jissaħħu u jiġu armonizzati u ċerti kompiti se jiġu indirizzati aħjar fil-livell Ewropew. L-istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali wriet li l-ambjent teknoloġiku u tas-suq li kulma jmur qed jinbidel qed jitlob li jitjieb il-qafas istituzzjonali u li se jkun hemm bżonn ukoll li jissaħħaħ ir-rwol tal-BEREC.

    Il-BEREC se jaqdi rwol importanti u msaħħaħ biex jiżgura implimentazzjoni effettiva tal-pakkett leġiżlattiv propost b’għadd ta’ kompiti addizzjonali, fosthom xi “kompiti prenormattivi” u setgħat vinkolanti, bl-għoti ta’ linji gwida u rapporti u biż-żamma tar-reġistri.

    Il-BEREC se jsir aġenzija sħiħa u attrezzata għalkollox, u għalhekk se jkun qed jaqdi rwol ewlieni biex jintlaħaq l-għan li fl-Unjoni jinħoloq suq intern tat-telekomunikazzjoni. Se tikber is-sejħa lill-BEREC biex jikkontribwixxi għat-tfassil tal-orjentazzjonijiet tekniċi u politiċi. Għaldaqstant, il-miżuri proposti qed isaħħu l-istruttura tal-BEREC, fosthom billi jagħtuh personalità ġuridika u aktar stabbiltà għall-ġestjoni strateġika tiegħu. Il-BEREC se jingħata wkoll is-setgħa li jitlob l-informazzjoni direttament mingħand l-operaturi.

    1.4.2.L-għanijiet speċifiċi u l-attivitajiet tal-ABM/ABB ikkonċernati

    Għan speċifiku Nru

    Il-BEREC qed jikkontribwixxi biex jitjieb il-funzjonament tas-suq intern, għall-benefiċċju tal-konsumaturi u tal-industrija. Il-miżura proposta, li tallinja b’mod sinifikanti l-aġenzija l-ġdida mal-Approċċ Komuni 50 , issaħħaħ l-istruttura tal-BEREC u tagħmlu s-sies ta’ sistema effiċjenti tal-Unjoni tal-awtoritajiet regolatorji. Barra minn hekk, lill-BEREC din tagħtih rwol ta’ koordinazzjoni fl-oqsma kollha ta’ kompetenza tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, u b’hekk issaħħaħlu r-rwol tiegħu fis-suq intern u tiżgura implimentazzjoni effiċjenti u segwitu b’rabta mar-riżultati varji tiegħu.

    L-attivitajiet tal-ABM/ABB ikkonċernati

    Il-qafas regolatorju tal-komunikazzjoni elettronika.

    1.4.3.Ir-riżultati u l-impatt mistennija

    Speċifika l-effetti li l-proposta/l-inizjattiva għandu jkollha fuq il-benefiċjarji/il-gruppi fil-mira.

    L-inizjattiva mistennija tħalli dawn l-impatti:

    L-għan hu li l-BEREC isir aġenzija sħiħa u attrezzata għalkollox (b’konformità mal-Approċċ Komuni) li tkun kapaċi tikkontribwixxi għal funzjonament aħjar tas-suq intern għan-netwerks u għas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika, inkluż b’mod partikolari għall-iżvilupp ta’ servizzi transfruntieri tal-komunikazzjoni elettronika, u li tkun kapaċi twettaq il-kompiti assenjati lilha b’mod effettiv.

    Għal aktar dettalji ara l-Valutazzjoni tal-Impatt mehmuża.

    1.4.4.L-indikaturi tar-riżultati u tal-impatt

    Speċifika l-indikaturi għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-proposta/tal-inizjattiva.

    L-indikaturi tal-monitoraġġ għal kull għan huma:

    - kemm-il darba l-BEREC jassisti lill-Kummissjoni, meta jintalab jagħmel dan jew bl-inizjattiva tiegħu stess;

    - kemm-il darba l-BEREC jassisti lill-NRAs, meta jintalab jagħmel dan jew bl-inizjattiva tiegħu stess;

    - kemm-il deċiżjoni vinkolanti jadotta l-BEREC fl-oqsma rilevanti;

    - kemm-il opinjoni joħroġ il-BEREC, b’mod partikolari fir-rigward tal-proċeduri tas-suq intern għar-regolamentazzjoni tas-swieq u għall-evalwazzjoni bejn il-pari tal-ispettru tar-radju;

    - kemm-il linja gwida joħroġ il-BEREC fl-oqsma rilevanti;

    - kemm-il rapport joħroġ il-BEREC fl-oqsma rilevanti;

    - kemm-il rakkomandazzjoni u l-aqwa prattika joħroġ il-BEREC indirizzati lill-NRAs;

    - kemm-il attività ssir mas-sħab u mal-partijiet konċernati.

    1.5.Ir-raġunijiet għall-proposta/għall-inizjattiva

    1.5.1.Ir-rekwiżiti li jridu jiġu ssodisfati fi żmien qasir jew fit-tul

    Mingħajr preġudizzju għall-ispeċifiċitajiet tas-settur, il-BEREC għandu jiġi allinjat mal-Approċċ Komuni. Biex jintlaħaq l-għan ġenerali tal-iżvilupp ta’ prattika regolatorja konsistenti madwar l-Unjoni, il-kompiti tiegħu jeħtieġ li jinkludu l-oqsma kollha li jaffettwaw is-suq intern bħal, pereżempju, l-aspetti tal-proċeduri tal-assenjament tal-ispettru tar-radju jew tal-awtorizzazzjoni ġenerali li jiffurmaw is-swieq; u jeħtieġ li jkunu jirriflettu l-kompiti assenjati lill-awtoritajiet nazzjonali regolatorji għax mil-lum ’il quddiem dawn se jkunu armonizzati. Il-kapaċità amministrattiva tiegħu jeħtieġ li tiżdied biex tkun taqbel mal-ambizzjoni tal-kompiti l-ġodda assenjati lilu.

    1.5.2.Il-valur miżjud tal-involviment tal-UE

    Il-BEREC jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ prattika regolatorja konsistenti u għall-implimentazzjoni konsistenti tal-qafas regolatorju tal-komunikazzjoni elettronika. Madankollu l-istruttura istituzzjonali attwali tal-BEREC ta’ spiss qed twasslu jagħżel aktar flessibbiltà jew l-inqas fattur komuni minflok ma jiffoka fuq approċċ armonizzat għas-suq intern. Il-miżuri l-ġodda se jżidu s-sejħiet lill-BEREC biex jikkontribwixxi għat-tfassil tal-orjentazzjonijiet tekniċi u politiċi. Fis-snin li ġejjin, il-BEREC se jkollu rwol kruċjali biex isaħħaħ is-Suq Uniku Diġitali; għalhekk il-miżura proposta qed timmira li ssaħħaħ l-istruttura tiegħu, li ttejjeb il-kompetenza u l-kapaċità regolatorja tiegħu u li tiżgura l-kontinwità tal-azzjoni tiegħu. Iżda ħidmet il-BEREC se tkompli tibqa’ tissejjes fuq l-għarfien espert tar-rappreżentanti tal-NRAs fid-diversi gruppi ta’ ħidma u l-Kapijiet tal-NRAs se jibqgħu jieħdu d-deċiżjonijiet fil-livell tal-Bord. Li l-BEREC jissejjes ġmielu fuq l-NRAs hu meħtieġ minħabba n-natura teknika tad-deċiżjonijiet li se jintalab jagħmel u minħabba l-limitazzjonijiet fir-riżorsi li għandhom l-aġenziji bħalissa.

    1.5.3.Tagħlimiet minn esperjenzi simili fl-imgħoddi

    Bħalissa l-BEREC hu magħmul mill-Uffiċċju tal-BEREC, li hu korp b’personalità ġuridika u li huwa l-iżgħar aġenzija tal-Unjoni, u mill-Bord tar-Regolaturi tal-BEREC, li ma għandux personalità ġuridika iżda li jadotta opinjonijiet fil-qasam ta’ kompetenza tiegħu. L-istruttura tiegħu għandha l-limitazzjonijiet tagħha.

    Din la evitat l-ambigwità fl-implimentazzjoni tar-regoli tal-Unjoni u lanqas ma rnexxielha tegħleb il-piż amministrattiv li jġarrbu l-aġenziji minkejja d-daqs tagħhom. Minflok, din ħolqot piż amministrattiv bla bżonn (għax, pereżempju, idduplikat il-proċessi tal-programmazzjoni u tar-rappurtar għall-BEREC u għall-Uffiċċju tal-BEREC u tat setgħat tal-awtorità tal-ħatra lill-Viċi President tal-Kumitat Maniġerjali mingħajr il-possibbiltà li dan jiddelegahom lid-Direttur Amministrattiv jew li dawn ikomplu jiġu ssottodelegati iktar). Barra minn hekk, b’din l-istruttura, il-kapaċità regolatorja meħtieġa biex il-BEREC jilħaq l-għanijiet tiegħu ġiet żviluppata biss b’mod parzjali.

    Jekk il-BEREC u l-Uffiċċju tal-BEREC jitwaħħdu, min-naħa jixxejnu l-ineffiċjenzi msemmija hawn fuq, u min-naħa l-oħra l-aġenzija l-ġdida tingħata riżorsi addizzjonali biex taħdem.

    1.5.4.Il-kompatibbiltà u s-sinerġija possibbli ma’ strumenti xierqa oħrajn

    Il-proposta hi parti mir-rieżami tal-qafas regolatorju tal-komunikazzjoni elettronika, u din tikkontribwixxi għal wieħed mill-pilastri tal-istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali mnedija f’Mejju 2015 u hi konsistenti: hi wieħed mill-komponenti ewlenin ta’ pakkett li huwa l-bażi tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li għandu l-għan jippromwovi l-kompetizzjoni, is-suq intern u l-interessi tal-utenti finali kif ukoll il-kisba ta’ aċċess wiesa’ għal konnettività tad-dejta b’kapaċità kbira ħafna, u l-adozzjoni ta’ din il-konnettività. Din hi konsistenti mal-politika tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni u dwar is-suq uniku.

    Fil-kuntest tal-proposta, ġew analizzati l-kisbiet fl-effiċjenza u s-sinerġiji ma’ aġenziji eżistenti oħrajn tal-Unjoni, iżda dawn ingħataw il-ġenb (ara l-Valutazzjoni tal-Impatt għal aktar tagħrif dwar dan).

    1.6.It-tul ta’ żmien u l-impatt finanzjarju

    ◻ Proposta/inizjattiva b’tul ta’ żmien limitat

       Il-proposta/l-inizjattiva tkun fis-seħħ minn [JJ/XX]SSSS sa [JJ/XX]SSSS

       L-impatt finanzjarju se jkun minn SSSS sa SSSS

    ☑ Proposta/inizjattiva b’tul ta’ żmien mhux limitat

    Implimentazzjoni b’perjodu tal-bidu mill-2019 sal-2022 51

    Segwita minn tħaddim b’ritmu kostanti.

    1.7.Il-metodi ta’ ġestjoni previsti 52

    Ġestjoni diretta min-naħa tal-Kummissjoni

    ◻ mid-dipartimenti tagħha, inkluż mill-persunal tagħha fid-delegazzjonijiet tal-Unjoni;

       mill-aġenziji eżekuttivi

    Ġestjoni konġunta mal-Istati Membri

    Ġestjoni indiretta billi l-kompiti tal-implimentazzjoni baġitarja jiġu fdati f’idejn:

    ◻ pajjiżi terzi jew il-korpi li jaħtru huma;

    ◻ organizzazzjonijiet internazzjonali u l-aġenziji tagħhom (li jridu jiġu speċifikati);

    ◻ il-BEI u l-Fond Ewropew tal-Investiment;

    ☑ il-korpi msemmija fl-Artikoli 208 u 209 tar-Regolament Finanzjarju;

    ◻ korpi tal-liġi pubblika;

    ◻ korpi rregolati mil-liġi privata b’missjoni ta’ servizz pubbliku safejn dawn jipprovdu garanziji finanzjarji adegwati;

    ◻ korpi rregolati mil-liġi privata ta’ Stat Membru li jkunu fdati bl-implimentazzjoni ta’ sħubija pubblika privata u li jipprovdu garanziji finanzjarji adegwati;

    ◻ persuni fdati bl-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet speċifiċi fil-PESK skont it-Titolu V tat-TUE, u identifikati fl-att bażiku rilevanti.

    Kummenti

    2.IL-MIŻURI TA’ ĠESTJONI

    2.1.Ir-regoli tal-monitoraġġ u tar-rappurtar

    Speċifika l-frekwenza u l-kundizzjonijiet.

    Sistema tal-monitoraġġ

    B’konformità mar-Regolament fundatur (KE) Nru 1211/2009, il-Kummissjoni hi obbligata tippubblika rapport dwar l-esperjenza miksuba mill-ħidma tal-BEREC u tal-Uffiċċju tal-BEREC fi żmien tliet snin minn meta dawn jibdew joperaw fir-realtà.

    53 Filwaqt li jsegwi l-għanijiet ġenerali tal-BEREC, u r-rwoli u l-kompiti sussegwenti tal-BEREC u tal-Uffiċċju tal-BEREC, ir-rapport ta’ evalwazzjoni tal-2012 kien jiffoka fuq kemm il-BEREC kien effiċjenti, mill-esperjenza s’issa, fil-qadi tar-rwol tiegħu fejn jidħol l-għan li jikkontribwixxi għall-iżvilupp tas-suq intern tal-komunikazzjoni elettronika. L-ambitu tal-evalwazzjoni kien li tipprovdi valutazzjoni tal-prattiki tax-xogħol, tal-organizzazzjoni u tal-mandat tal-BEREC u tal-Uffiċċju tal-BEREC, u jekk ikun xieraq li tirrakkomanda titjib fihom. L-evalwazzjoni ġiet finalizzata f’Diċembru 2012 u ġiet ippubblikata. L-istudju tal-evalwazzjoni ntbagħat ukoll lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, u l-Parlament Ewropew ħareġ Riżoluzzjoni bl-opinjoni tiegħu dwaru. 

    54 55 56 Dan l-aħħar, fil-kuntest tar-rieżami, il-Kummissjoni kkummissjonat tliet studji dwar kwistjonijiet sostantivi għal rieżami fl-oqsma tad-dħul fis-suq, tal-ġestjoni tar-riżorsi skarsi u kwistjonijiet ġenerali tal-utenti finali (“Substantive issues for review in the areas of market entry, management of scarce resources and general end-users issue); fuq ir-reġimi regolatorji, b’mod partikolari tal-aċċess, għall-mudelli tal-investimenti fin-netwerks fl-Ewropa Regulatory, in particular access, regimes for network investment models in Europe); u fuq il-valutazzjoni tal-impatt għar-rieżami tal-qafas tal-komunikazzjoni elettronika (“Impact Assessment for the Review of the Framework for electronic communications). L-aħħar żewġ studji vvalutaw ukoll l-istruttura tal-BEREC u l-mod kif dan wettaq il-kompiti ewlenin tiegħu s’issa.

    Minn żmien għal żmien, l-aġenzija l-ġdida se tiġi riveduta u evalwata. Fi żmien ħames snin minn meta jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament, u mbagħad kull ħames snin wara dan, il-Kummissjoni se twettaq evalwazzjoni b’konformità mal-linji gwida tagħha biex tivvaluta l-prestazzjoni tal-BEREC fejn jidħlu l-għanijiet tiegħu u l-mandat, il-kompiti u l-postijiet tiegħu. B’mod partikolari, l-evalwazzjoni se tindirizza l-ħtieġa possibbli li jinbidel il-mandat tal-BEREC u l-implikazzjonijiet finanzjarji ta’ bidla bħal din. Il-Kummissjoni għandha tgħaddi r-rapport fuq is-sejbiet tal-evalwazzjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Bord Maniġerjali. Is-sejbiet tal-evalwazzjoni jridu jiġu ppubblikati.

    2.2.Is-sistema ta’ ġestjoni u ta’ kontroll

    2.2.1.Ir-riskji identifikati

    Ir-riskji identifikati huma limitati: aġenzija tal-Unjoni diġà teżisti iżda din se tinbidel u tiġi allinjata mal-Approċċ Komuni u se tingħata kompetenzi u kompiti ġodda. Għaldaqstant il-proposta se ssaħħaħ il-funzjoni organizzattiva tagħha u twassal għal kisbiet fl-effiċjenza. Iż-żieda fil-kompetenzi u fil-kompiti operazzjonali ma tfissirx riskju reali, sakemm jiġu previsti riżorsi adegwati. L-għadd sinifikanti ta’ kompetenzi konsultattivi ġodda għandhom x’jaqsmu mal-oqsma ta’ kompetenza tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, li fuqhom il-BEREC jista’ jkompli jibni permezz tal-istruttura kollaborattiva tiegħu, filwaqt li l-kompetenzi fit-teħid tad-deċiżjonijiet u l-kompetenzi prenormattivi għandhom x’jaqsmu ma’ oqsma li l-BEREC diġà għandu esperjenza konsultattiva fihom, għalkemm l-iskala ta’ dawn il-kompiti se tiżdied.

    Barra minn hekk, il-mudell propost tal-istruttura, tal-governanza u tat-tħaddim tal-aġenzija, skont l-Approċċ Komuni, se jiżgura li jkun hemm biżżejjed kontroll fis-seħħ biex ikun żgurat li l-BEREC jaħdem biex jilħaq l-għanijiet tiegħu. Ir-riskji operazzjonali u finanzjarji tal-bidliet proposti jidher li huma limitati.

    2.2.2.Il-metodi ta’ kontroll previsti

    Ara l-punt 2.1 u l-punt 2.2 t’hawn fuq.

    Il-kontijiet tal-aġenzija se jinbagħtu lill-Qorti tal-Awdituri għall-approvazzjoni tagħha u huma soġġetti għall-proċedura ta’ kwittanza u huwa previst li jsirulhom l-awditi.

    Barra minn hekk, l-attivitajiet tal-aġenzija huma soġġetti għas-sorveljanza tal-Ombudsman b’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 228 tat-Trattat.

    2.3.Il-miżuri għall-prevenzjoni tal-frodi u tal-irregolaritajiet

    Speċifika l-miżuri eżistenti jew previsti għall-prevenzjoni u għall-protezzjoni.

    Il-miżuri tal-BEREC għall-prevenzjoni u għall-protezzjoni se jkunu japplikaw b’mod speċifiku għall-affarijiet li ġejjin:

    - Il-ħlasijiet għal kull servizz jew studju mitlub se jiġu vverifikati mill-persunal tal-aġenzija qabel ma jsiru, filwaqt li jitqiesu kull obbligu kuntrattwali, kull prinċipju ekonomiku u kull prattika finanzjarja u amministrattiva tajba. Kull ftehim u kull kuntratt konkluż bejn l-aġenzija u l-benefiċjarji tal-ħlasijiet se jkun fihom dispożizzjonijiet kontra l-frodi (is-superviżjoni, ir-rekwiżiti tar-rappurtar, eċċ.).

    - Għall-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u attivitajiet illegali oħrajn għandhom japplikaw, mingħajr ebda restrizzjoni, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF).

    - Fi żmien sitt xhur minn meta jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament, il-BEREC għandu jaderixxi mal-Ftehim Interistituzzjonali tal-25 ta’ Mejju 1999 bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej dwar l-investigazzjonijiet interni mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (l-OLAF) u għandu joħroġ mingħajr dewmien id-dispożizzjonijiet ix-xierqa applikabbli għall-impjegati kollha tiegħu.



    3.STIMA TAL-IMPATT FINANZJARJU TAL-PROPOSTA/TAL-INIZJATTIVA

    3.1.L-intestaturi tal-qafas finanzjarju pluriennali u l-linji baġitarji tan-nefqa affettwati

    Il-linji baġitarji eżistenti

    Skont l-intestaturi tal-qafas finanzjarju pluriennali u l-linji baġitarji.

    Intestatura tal-qafas finanzjarju pluriennali

    Linja baġitarja

    Tip ta’
    nefqa

    Kontribuzzjoni

    Numru/Deskrizzjoni

    Diff./Mhux diff.
    ( 57 )

    mingħand pajjiżi tal-EFTA 58

    mingħand pajjiżi kandidati 59

    mingħand pajjiżi terzi

    skont it-tifsira tal-Artikolu 18(1)(aa) tar-Regolament Finanzjarju

    1.a Kompetittività għat-tkabbir u għall-impjiegi

    09 02 04  Il-Korp tar-Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjoni Elettronika (il-BEREC) — Uffiċċju — Sussidju

    Diff.

    IVA

    LE

    LE

    LE

    5. Nefqa amministrattiva

    09 01 01 Nefqa marbuta mal-persunal b’impjieg attiv fil-qasam ta’ politika tan-Netwerks tal-Komunikazzjoni, tal-Kontenut u tat-Teknoloġija

    09 01 02 Nefqa marbuta mal-persunal estern b’impjieg attiv fil-qasam ta’ politika tan-Netwerks tal-Komunikazzjoni, tal-Kontenut u tat-Teknoloġija

    09 01 02 11 Infiq ieħor fuq il-ġestjoni

    Mhux diff.

    Mhux diff.

    Mhux diff.

    LE

    LE

    LE

    LE

    LE

    LE

    LE

    LE

    LE

    LE

    LE

    LE

    3.2.L-impatt stmat fuq in-nefqa

    3.2.1.Sommarju tal-impatt stmat fuq in-nefqa (f’EUR miljun)

    EUR miljun (sa tliet punti deċimali)

    Intestatura tal-qafas finanzjarju
    pluriennali:

    1a

    Kompetittività għat-tkabbir u għall-impjiegi

    Il-BEREC

     

     

    Xenarju bażi

    Sena

    Sena

    TOTAL

    2019-2020

     

     

    2017 60

    2019

    2020

     

     

    Nefqa tal-persunal (it-Titolu 1) 

    Impenji

    -1

    2.302

    3.410

    4.064

    7.474

    Pagamenti

    -2

    2.302

    3.410

    4.064

    7.474

    Nefqa tal-infrastruttura u nefqa operatorja (it-Titolu 2)

    Impenji

    (1a)

    0.359

    0.444

    0.579

    1.023

    Pagamenti

    (2a)

    0.359

    0.444

    0.579

    1.023

    Nefqa operazzjonali (it-Titolu 3)

    Impenji

    (1b)

    1.585

    2.054

    2.812

    4.866

    Pagamenti

    (2b)

    1.585

    2.054

    2.812

    4.866

    TOTAL tal-approprazzjonijiet

    Impenji

    =1+1a+1b

    4.246

    5.908

    7.455

    13.363

    għall-BEREC

    Pagamenti

    =2+2a+2b

    4.246

    5.908

    7.455

    13.363 61



    Intestatura tal-qafas finanzjarju
    pluriennali:

    5

    “Nefqa amministrattiva”

    EUR miljun (sa tliet punti deċimali)

    Xenarju bażi
    2017
    62

    3

    Sena
    2019

    3

    Sena
    2020

    3

    TOTAL

    2019-2020 63

    Id-DĠ CNECT

    • Riżorsi umani

    0.356

    0.356

    0.356

    0.712

    • Nefqa amministrattiva oħra

    0.030

    0.030

    0.030

    0.060

    TOTAL għad-DĠ CNECT

    0.386

    0.386

    0.386

    0.772

    TOTAL tal-approprazzjonijiet
    li jidħlu fl-INTESTATURA 5

    tal-qafas finanzjarju pluriennali

    (Impenji totali = Pagamenti totali)

    0.386

    0.386

    0.386

    0.772

    Xenarju bażi
    2017
    64

    Sena
    2019

    Sena
    2020

    TOTAL

    2019-2020

    TOTAL tal-approprazzjonijiet
    li jidħlu fl-INTESTATURI 1 sa 5

    tal-qafas finanzjarju pluriennali

    Impenji

    4.632

    6.294

    7.841

    14.135

    Pagamenti

    4.632

    6.294

    7.841

    14.135

       

    3.2.2.L-impatt stmat fuq l-approprjazzjonijiet tal-BEREC

       Il-proposta/l-inizjattiva ma teħtieġx l-użu ta’ approprjazzjonijiet operazzjonali

       Il-proposta/l-inizjattiva teħtieġ l-użu ta’ approprjazzjonijiet operazzjonali, kif spjegat hawn taħt:

    Approprjazzjonijiet ta’ impenn f’EUR miljun (sa tliet punti deċimali)

    Indika l-għanijiet u r-riżultati 65

    Sena
    2019

    Sena
    2020

    TOTAL

    2019-2020

    Attivitajiet speċifiċi

    Kompiti prenormattivi u setgħat vinkolanti

    0.226

    0.309

    0.535

    Gwida regolatorja

    0.698

    0.956

    1.654

    Analiżi tas-suq

    0.103

    0.141

    0.244

    Evalwazzjoni bejn il-pari tal-ispettru tar-radju

    0.041

    0.056

    0.097

    Il-funzjonijiet marbuta mar-reġistri

    0.021

    0.028

    0.049

    Attivitajiet orizzontali

    Attivitajiet tal-Bord Maniġerjali

    0.308

    0.422

    0.730

    Assistenza u l-għoti ta’ pariri lill-Kummissjoni u lil istituzzjonijiet oħra tal-UE

    0.410

    0.563

    0.973

    Appoġġ u assistenza lill-NRAs

    0.041

    0.056

    0.097

    Koperazzjoni internazzjonali

    0.144

    0.197

    0.341

    L-għoti ta’ taħriġ professjonali/regolatorju lill-NRAs

    0.062

    0.084

    0.146

    SPIŻA TOTALI

    2.054

    2.812

    4.866

    Il-BEREC se jkollu rwol importanti u msaħħaħ x’jaqdi biex jiżgura implimentazzjoni effettiva tal-pakkett leġiżlattiv propost b’għadd ta’ kompiti addizzjonali. Dawn il-kompiti għandhom natura teknika u se jiffokaw fuq oqsma b’dimensjoni transfruntiera jew fejn il-gwida tal-BEREC tista’ tgħin lill-NRAs jiżguraw implimentazzjoni konsistenti tal-qafas regolatorju tal-komunikazzjoni elettronika.

    B’mod partikolari, il-BEREC se jkollu xi “kompiti prenormattivi” (l-aktar b’rabta mal-kalkolu tar-rati ta’ terminazzjoni massimi), kif ukoll ċerti setgħat vinkolanti għax se joħroġ deċiżjonijiet fuq l-identifikazzjoni tas-swieq transnazzjonali u fuq mudell għall-kuntratti fil-qosor (dawn il-kompiti l-ġodda huma inklużi taħt “Kompiti prenormattivi u setgħat vinkolanti” fit-tabella ta’ hawn fuq).

    Dan se joħroġ ukoll linji gwida dwar l-implimentazzjoni tal-obbligi tal-NRAs fejn jidħlu l-istħarriġiet ġeografiċi tal-infrastruttura/tal-investiment, kif ukoll dwar approċċi komuni biex tintlaħaq id-domanda tal-utenti finali transnazzjonali. Dan se jadotta wkoll linji gwida dwar il-kriterji minimi għal offerta ta’ referenza, dwar il-mudelli tal-ispejjeż biex jiġu stabbiliti r-rati ta’ terminazzjoni, dwar ir-rekwiżiti tal-ġestjoni tan-numerazzjoni, u dwar il-kwalità rilevanti tal-parametri tas-servizz u l-metodi tal-kejl applikabbli. Barra minn hekk, il-BEREC għandu jirrapporta dwar it-theddid possibbli għall-konnettività minn tarf sa tarf bejn l-utenti finali jew it-theddid għall-aċċess effettiv għas-servizzi ta’ emerġenza, fil-kuntest li jidentifika l-ħtieġa għall-istandards (dawn il-kompiti l-ġodda huma inklużi taħt “Gwida regolatorja”).

    Qed ikompli jissaħħaħ ir-rwol tal-BEREC b’rabta mal-proċeduri tas-suq intern għar-regolamentazzjoni tas-swieq. Issa l-opinjoni tal-BEREC se jibda jkollha rwol awtorevoli meta l-Kummissjoni tiddeċiedi jekk l-NRA ikkonċernata għandhiex tirtira l-abbozz tal-miżura regolatorja jew le. Qed jiġi propost li d-deċiżjoni li titlob lil NRA tirtira l-miżuri notifikati, il-Kummissjoni se tkun tista’ teħodha biss meta l-BEREC ikun jaqbel mad-dubji serji li hija jkollha dwarhom (dawn il-kompiti l-ġodda huma inklużi taħt “Analiżi tas-suq”).

    Il-BEREC se jkun responsabbli wkoll mill-proċess il-ġdid ta’ evalwazzjoni bejn il-pari b’rabta mal-proċess ta’ assenjament tad-dritt tal-użu tal-ispettru tar-radju. Dan għandu x’jaqsam primarjament mar-rieżami tal-miżuri nazzjonali meta jkunu qed jiġu assenjati d-drittijiet tal-użu tal-ispettru tar-radju li jistgħu jaffettwaw il-funzjonament tas-swieq bla fili jew inkella li jistgħu jolqtu sew l-istima tar-riżorsi tal-ispettru tar-radju. Il-BEREC se joħroġ opinjonijiet (mhux vinkolanti) dwar dawn l-abbozzi tal-miżuri li jkunu msejsa fuq valutazzjoni teknika u ekonomika (dawn il-kompiti l-ġodda huma inklużi taħt “Evalwazzjoni bejn il-pari dwar l-ispettru tar-radju”).

    Il-BEREC se jkun fdat ukoll bir-responsabbiltà li jżomm reġistru tal-impriżi li jipprovdu netwerks u servizzi tal-komunikazzjoni elettronika u reġistru tan-numri b’użu estraterritorjali (dawn il-kompiti l-ġodda huma inklużi taħt “Il-funzjonijiet marbuta mar-reġistri”).

    Barra minn hekk, uħud mill-kompiti assenjati lill-BEREC mir-Regolament (KE) Nru 531/2012 (ir-Regolament tar-Roaming) u mir-Regolament (UE) 2015/2120 (ir-Regolament tat-TSM) (jiġifieri l-ħruġ ta’ linji gwida dwar in-newtralità tal-internet, l-għoti ta’ kontribut għall-abbozzi tal-atti ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-roaming, eċċ.), issa se jitwettqu taħt il-kappa tal-aġenzija l-ġdida u se jkunu jeħtieġu ċerti riżorsi addizzjonali 66 (ara “Gwida regolatorja” u “Assistenza u konsulenza lill-Kummissjoni u lil istituzzjonijiet oħra tal-UE”).

    Billi titwaqqaf aġenzija sħiħa u attrezzata għalkollox, sa ċertu punt uħud mill-attivitajiet orizzontali li bħalissa qed iwettaqhom primarjament il-persunal tal-NRAs, se jiġu internalizzati mill-aġenzija l-ġdida (pereżempju, it-tħejjija tal-programm ta’ ħidma tal-BEREC, inkluż l-attivitajiet regolatorji, li bħalissa qed jagħmilha l-persunal tal-NRA tal-President li jkun imiss, it-tħejjija tal-arranġamenti ta’ ħidma għall-koperazzjoni mal-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi, eċċ.).

    Il-kompiti tal-BEREC żdiedu ġmielhom u għalhekk hemm bżonn jiġu allokati riżorsi addizzjonali għalih (inkluż iktar impjegati) biex ikun żgurat li dan jiffunzjona b’mod adegwat u li dan iwettaq il-kompiti tiegħu.

    3.2.3.L-impatt stmat fuq ir-riżorsi umani tal-BEREC

    3.2.3.1.Sommarju

       Il-proposta/l-inizjattiva ma teħtieġx l-użu ta’ approprjazzjonijiet ta’ natura amministrattiva

       Il-proposta/l-inizjattiva teħtieġ l-użu ta’ approprjazzjonijiet ta’ natura amministrattiva, kif deskritt hawn taħt:

    Stima li trid tingħata f’unitajiet ekwivalenti għall-fulltime

    Riżorsi umani

    Xenarju bażi
    2017 67

    Sena
    2019

    Sena
    2020

    Xenarju bażi

    26

    26

    26

    Emendi

    0

    9

    18

    Xenarju bażi mibdul

    26

    35

    44

    Postijiet tal-istabbiliment f’għadd ta’ persuni (AD/AST)

    14

    14

    14

    Persunal estern (FTE)

    12

    21

    30

    Li minnhom aġenti kuntrattwali

    8

    13

    19

    Li minnhom Esperti Nazzjonali Sekondati 

    4

    8

    11

    Persunal totali

    26

    35

    44 68

    Nefqa tal-persunal 69  

    Xenarju bażi
    2017

    Sena
    2019

    Sena
    2020

    Pożizzjonijiet fil-pjan

    tal-istabbiliment (f’għadd ta’ persuni)

    -

    1.876

    1.876

    Persunal estern (FTE)

    - Li minnhom aġenti

    kuntrattwali

    -

    0.910

    1.330

    - Li minnhom Esperti Nazzjonali Sekondati

    -

    0.624

    0.858

    Persunal totali

    2.302

    3.410

    4.064

    Il-persunal addizzjonali li l-BEREC jeħtieġ fl-2020 b’rabta mal-kompiti l-ġodda tiegħu bil-mandat estiż 70  

    (dettall skont il-kompitu)

    Persunal totali

    (FTE)

    Kompiti ġodda

    4

    Kompiti prenormattivi u setgħat vinkolanti

    5

    Gwida regolatorja

    2

    Analiżi tas-suq

    1

    Evalwazzjoni bejn il-pari dwar l-ispettru tar-radju

    1

    Il-funzjonijiet marbuta mar-reġistri

    1

    Koperazzjoni internazzjonali

    2

    Assistenza u konsulenza lill-Kummissjoni u lil istituzzjonijiet oħra tal-UE

    2

    Appoġġ amministrattiv u ta’ ġestjoni

    18

    3.2.3.2.Stima tar-rekwiżiti tar-riżorsi umani għad-DĠ prinċipali

       Il-proposta/l-inizjattiva ma teħtieġx l-użu ta’ riżorsi umani.

       Il-proposta/l-inizjattiva teħtieġ l-użu ta’ riżorsi umani, kif spjegat hawn taħt:

    Stima li trid tingħata f’ammonti sħaħ (jew l-iżjed sa ċifra waħda wara l-punt deċimali)

    Sena
    2019

    Sena
    2020

    Pożizzjonijiet fil-pjan tal-istabbiliment (uffiċjali u persunal temporanju)

    XX 01 01 01 (il-Kwartieri ġenerali u l-Uffiċċji tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni)

    3

    3

    Persunal estern (f’unità ekwivalenti għall-fulltime: FTE) 71

    XX 01 02 01 (AC, SNE u INT mill-“pakkett globali”)

    TOTAL

    3

    3

    XX hu l-qasam ta’ politika jew it-titolu tal-baġit ikkonċernat.

    Ir-riżorsi umani meħtieġa se jintlaħqu mill-persunal tad-DĠ li diġà huwa assenjat għall-ġestjoni tal-azzjoni u/jew li diġà ngħata kariga band’oħra fid-DĠ, flimkien, jekk ikun meħtieġ, ma’ kull allokazzjoni addizzjonali li tista’ tingħata lid-DĠ ta’ ġestjoni skont il-proċedura annwali ta’ allokazzjoni u fid-dawl tal-limitazzjonijiet baġitarji.

    Deskrizzjoni tal-kompiti li jridu jitwettqu:

    Uffiċjali u persunal temporanju

    Jirrappreżentaw lill-Kummissjoni fil-Bord Maniġerjali tal-BEREC. Ifasslu l-opinjoni tal-Kummissjoni dwar id-dokument uniku tal-programmazzjoni tal-BEREC u jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tiegħu. Jissorveljaw it-tħejjija tal-baġit tal-BEREC u jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tiegħu. Jassistu lill-BEREC biex jiżviluppa l-attivitajiet tiegħu skont il-politiki tal-Unjoni, fosthom billi jieħdu sehem fil-laqgħat tal-Gruppi ta’ Ħidma.

    Persunal estern

    3.2.4.Il-kompatibbiltà mal-qafas finanzjarju pluriennali attwali

       Il-proposta/l-inizjattiva hi kompatibbli mal-qafas finanzjarju pluriennali attwali.

       Il-proposta/l-inizjattiva se teħtieġ programmazzjoni mill-ġdid tal-intestatura rilevanti fil-qafas finanzjarju pluriennali.

    Spjega xi programmazzjoni mill-ġdid hija meħtieġa billi tispeċifika l-linji baġitarji kkonċernati u l-ammonti korrispondenti.

       Il-proposta/l-inizjattiva teħtieġ applikazzjoni tal-istrument ta’ flessibbiltà jew reviżjoni tal-qafas finanzjarju pluriennali 72 .

    Spjega dak li hemm bżonn u speċifika l-intestaturi u l-linji baġitarji kkonċernati u l-ammonti korrispondenti.

    3.2.5.Il-kontribuzzjonijiet mingħand partijiet terzi

       Il-proposta/l-inizjattiva ma tipprevedi l-ebda kofinanzjament mingħand il-partijiet terzi.

    ⌧ Il-proposta/l-inizjattiva tipprevedi l-kofinanzjament stmat hawn taħt:

    Approprjazzjonijiet f’EUR miljun (sa tliet punti deċimali)

    Sena
    2019

    Sena
    2020

    L-EFTA 

    p.m 73 .

    p.m.

    Kontribuzzjonijiet oħrajn (mingħand l-Istati Membri, l-NRAs, eċċ.)

    p.m.

    p.m.

    TOTAL tal-approprjazzjonijiet kofinanzjati

    p.m.

    p.m.

    3.3.L-impatt stmat fuq id-dħul

       Il-proposta/l-inizjattiva ma għandha l-ebda impatt finanzjarju fuq id-dħul.

       Il-proposta/l-inizjattiva għandha l-impatt finanzjarju li ġej:

       fuq ir-riżorsi proprji

       fuq id-dħul mixxellanju

    (1) COM(2015) 192 final.
    (2) Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta’ Jannar 2016 dwar Lejn Att dwar is-Suq Uniku Diġitali (TA(2016)0009).
    (3) Id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar l-aġenziji deċentralizzati tad-19 ta’ Lulju 2012.
    (4) Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-dejta personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37).
    (5) Din l-evalwazzjoni saret b’konformità mar-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 15 tar-Regolament BEREC: “Study on the evaluation of BEREC and the BEREC Office” (Studju dwar l-evalwazzjoni tal-BEREC u l-Uffiċċju tal-BEREC) mill-PwC datat Settembru 2012, Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni datat April 2013 (SWD(2013) 152 final), u warajhom Rapport tal-Parlament Ewropew datat Novembru 2013 (2013/2053(INI), A7- 0378/2013). L-eżitu ta’ din l-evalwazzjoni għandu jiġi interpretat b’kawtela għax xi kompiti tal-BEREC ma kinux saru dak iż-żmien. L-evalwazzjoni ma vvalutatx l-allinjament possibbli tal-Uffiċċju tal-BEREC mal-Approċċ Komuni dwar l-aġenziji deċentralizzati.
    (6) L-Opinjoni tal-Bord tar-Regolaturi BoR(15) 206 tal-10 ta’ Diċembru 2015.
    (7) http://berec.europa.eu/eng/document_register/subject_matter/berec/opinions/5577-berec-opinion-on-the-review-of-the-eu-electronic-communications-regulatory-framework .
    (8) http://rspg-spectrum.eu/wp-content/uploads/2013/05/RSPG 16-001-DSM_opinion.pdf .
    (9) Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta’ Jannar 2016 dwar Lejn Att dwar is-Suq Uniku Diġitali ( 2015/2147(INI) ).
    (10) Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-28 ta’ Ġunju 2016 (EUCO 26/16).
    (11) L-Anness 13 tal-Valutazzjoni tal-Impatt jippreżenta l-profili tal-esperti u rapport tad-diskussjoni.
    (12) http://ec.europa.eu/smart-regulation/impact/ia_carried_out/cia_2016_en.htm
    (13) Ġiet analizzata l-possibbiltà li jiġu esplorati kisbiet fl-effiċjenza u sinerġiji ma’ aġenziji oħra eżistenti tal-Unjoni, l-aktar mal-Aġenzija tal-UE dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni. Madankollu, minħabba diversi raġunijiet (nuqqas ta’ kontinwità fil-mandati, żieda fil-mandati mill-2007, natura distinta tal-kompiti, parteċipazzjoni differenti fil-livell tal-Bord, eċċ.), l-eventwali fużjoni bejn iż-żewġ aġenziji ngħatat il-ġenb.
    (14) Id-Dikjarazzjoni Finanzjarja Leġiżlattiva tindika ċ-ċifri skont il-Qafas Finanzjarju Pluriennali attwali li jintemm fl-2020. Il-qafas tal-proposti tal-Kummissjoni għall-perjodu ta’ wara l-2020 se jivvaluta jekk hemmx bżonn jiżdied il-persunal tal-BEREC.
    (15) L-alternattiva li l-BEREC jiġi ffinanzjat (għalkollox jew parzjalment) bil-miżati ngħatat il-ġenb minħabba n-natura tal-funzjonijiet tal-aġenzija, li prinċipalment għandha karattru konsultattiv għall-NRAs u għall-istituzzjonijiet tal-UE bil-għan li tiżgura aktar konsistenza fir-regolamentazzjoni tat-telekomunikazzjoni fl-Unjoni kollha, minflok ma tindirizza lill-parteċipanti fis-suq direttament.
    (16) Id-Dikjarazzjoni Finanzjarja Leġiżlattiva tindika ċ-ċifri skont il-Qafas Finanzjarju Pluriennali attwali li jintemm fl-2020. Il-fażi tal-implimentazzjoni għall-aġenzija l-ġdida mistennija tintemm fl-2022.
    (17) Ir-rapporti jinsabu hawn: https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/digital-scoreboard
    (18) Għal aktar tagħrif ara: https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/download-scoreboard-reports
    (19) ĠU C [].
    (20) ĠU C,[].
    (21) Id-Direttiva [] tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ [] li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew tal-Komunikazzjoni Elettronika (ĠU L []).
    (22) Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-dejta personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37).
    (23) Ir-Regolament (UE) Nru 531/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2012 dwar roaming fuq netwerks pubbliċi ta’ komunikazzjoni mobbli fi ħdan l-Unjoni (ĠU L 172, 30.6.2012, p. 10).
    (24) Ir-Regolament (UE) 2015/2120 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi miżuri dwar aċċess għal internet miftuħ u li jemenda d-Direttiva 2002/22/KE dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (ĠU L 310, 26.11.2015, p. 1.)
    (25) Ir-Regolament (KE) Nru 1211/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi l-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) u l-Uffiċċju (ĠU L 337, 18.12.2009, p. 1).
    (26) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/627/KE tat-29 ta’ Lulju 2002 li tistabbilixxi l-Grupp ta’ Regolaturi Ewropej għan-Netwerks u Servizzi ta’ Komunikazzjonijiet Elettroniċi (ĠU L 200, 30.7.2002, p. 38).
    (27) COM(2015) 192 final.
    (28) Id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Lulju 2012 dwar l-aġenziji deċentralizzati.
    (29) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/622/KE li tistabbilixxi Grupp għal Politika dwar l-Ispettru tar-Radju (ĠU L 198, 27.7.2002, p. 49).
    (30) Stabbilit bir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali dejta, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).
    (31) Id-Direttiva [...].
    (32) Ir-Regolament (UE) Nru 526/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar l-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (ENISA) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 460/2004 (ĠU L 165, 18.6.2013, p. 41).
    (33) Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).
    (34) Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta’ Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta’ qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42).
    (35) Il-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar koperazzjoni f’materji ta’ baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1).
    (36) Id-Deċiżjoni Nru 243/2012/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2012 li tistabbilixxi programm pluriennali tal-politika tal-ispettru tar-radju (ĠU L 81, 21.3.2012, p. 7).
    (37) Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 tad-29 ta’ Frar 1968 li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali u l-Kundizzjonijiet ta’ Impjieg ta’ Uffiċjali Oħra tal-Komunitajiet Ewropej u li jistabbilixxi miżuri temporanji applikabbli għall-Uffiċjali tal-Kummissjoni (ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1).
    (38) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-linji gwida għad-dokument tal-programmazzjoni tal-aġenziji deċentralizzati u l-mudell għar-Rapport Konsolidat tal-Attività Annwali għall-aġenziji deċentralizzati (C(2014) 9641).
    (39)

       Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012).

    (40) Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).
    (41) Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dik id-dejta (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).
    (42) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 tat-13 ta’ Marzu 2015 dwar is-Sigurtà fil-Kummissjoni (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 41).
    (43) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/444 tat-13 ta’ Marzu 2015 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 53).
    (44)

       Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).

    (45) Ir-Regolament tal-Kunsill (EURATOM, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta’ Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).
    (46) Ir-Regolament Nru 1 li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU L 17, 6.10.1958, p. 385).
    (47) ABM: Ġestjoni bbażata fuq l-attività — ABB: Ibbaġitjar ibbażat fuq l-attività.
    (48) Kif imsemmi fl-Artikolu 54(2)(a) jew (b) tar-Regolament Finanzjarju.
    (49) Il-Komunikazzjoni tas-6 ta’ Mejju 2015 imsejħa “Strateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa” (COM(2015) 192 final).
    (50) Ara: http://europa.eu/agencies/documents/joint_statement_and_common_approach_2012_en.pdf
    (51) L-implimentazzjoni se tibda fl-2019 u se tkompli sal-2022 bil-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss.
    (52) Id-dettalji fuq il-metodi ta’ ġestjoni u r-referenzi għar-Regolament Finanzjarju jinsabu fis-sit web tal-baġit (BudgWeb) li ġej: http://www.cc.cec/budg/man/budgmanag/budgmanag_en.html
    (53) http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?type=TA&reference=P7- TA-2013-0536&language=EN
    (54)

       SMART 2015/0003.

    (55) SMART 2015/002.
    (56) SMART 2015/005.
    (57) Diff. = Approprjazzjonijiet differenzjati / Mhux diff. = Approprjazzjonijiet mhux differenzjati.
    (58) L-EFTA: l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles.
    (59) Il-pajjiżi kandidati u, meta jkun applikabbli, il-pajjiżi kandidati potenzjali tal-Balkani tal-Punent.
    (60) Ix-xenarju bażi tal-2017 hu pprovdut biss għal raġunijiet ta’ tqabbil u jirrifletti ċ-ċifri mogħtija fl-Abbozz tal-Baġit għall-2017 (għall-Uffiċċju tal-BEREC). EUR 220 000 minn dan l-ammont hu dħul assenjat.
    (61) Il-valutazzjoni tal-impatt analizzat l-effiċjenzi u l-iffrankar potenzjali għall-Istati Membri, b’mod partikolari f’dak li għandu x’jaqsam mat-tisħiħ tas-setgħat mogħtija lill-aġenzija, kif ukoll għall-Kummissjoni. Fil-futur, l-aġenzija l-ġdida mistennija tkompli bil-ftehimiet attwali dwar is-servizzi mal-Kummissjoni (l-uffiċjal tal-kontabbiltà u l-użu ta’ ċerti applikazzjonijiet u għodod) u ma’ aġenziji oħra tal-Unjoni (mal-ENISA fejn jidħlu l-ħżin tad-dejta ta’ riżerva lil hinn mis-sit u l-koordinatur tal-kontroll intern), u dawn jistgħu anki jiġu estiżi aktar għal oqsma ġodda.
    (62) Ix-xenarju bażi tal-2017 hu pprovdut biss għal raġunijiet ta’ tqabbil.
    (63) Se jinżamm il-livell attwali tar-riżorsi tad-DĠ CNECT. Iżda hu mistenni li l-BEREC se jkollu bżonn inqas appoġġ mingħand id-DĠ prinċipali tiegħu mil-lat ta’ kompiti amministrattivi u ta’ konformità mar-regoli tal-UE għall-aġenziji deċentralizzati, u se jkollu bżonn aktar appoġġ fl-oqsma operazzjonali l-ġodda u għax se tiżdied il-parteċipazzjoni fil-livell tal-Bord Maniġerjali (żewġ rappreżentanti minflok wieħed).
    (64) Ix-xenarju bażi tal-2017 hu provdut biss għal raġunijiet ta’ tqabbil.
    (65) Din it-tabella turi biss in-nefqa operazzjonali skont it-Titolu 3.
    (66) Fl-imgħoddi, meta l-BEREC kien jingħata kompiti ġodda, ir-riżorsi tal-Uffiċċju tal-BEREC (l-aġenzija tal-Unjoni li tipprovdi appoġġ lill-Bord tar-Regolaturi) ma kinux jinbidlu.
    (67) Ix-xenarju bażi tal-2017 hu provdut biss għal raġunijiet ta’ tqabbil.
    (68) Kif indikat fil-punt 1.6, l-implimentazzjoni se tibda fl-2019 u se tkompli sal-2022 bil-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss. Minħabba l-limitazzjonijiet fir-riżorsi li hemm bħalissa, ir-riżorsi umani propost għall-2019 sal-2022 huma aġenti kuntrattwali (CAs) u esperti nazzjonali sekondati (SNEs). Skont il-valutazzjoni tal-impatt, b’kollox il-persunal li jeħtieġ il-BEREC biex iwettaq il-kompiti l-ġodda tiegħu bil-mandat estiż hu stmat li hu 60 FTE fi tmiem il-perjodu ta’ implimentazzjoni tal-2019 sal-2022.
    (69) Ix-xenarju bażi tal-2017 hu provdut biss għal raġunijiet ta’ tqabbil. Il-kalkolu tan-nefqa tal-persunal għall-2019 u għall-2020 hu bbażat fuq l-ispejjeż medji tal-persunal b’habillage (Ares(2015)5703479 tad-9 ta’ Diċembru 2015), li jispjega parti miż-żieda fin-nefqa mill-2017 sal-2019.
    (70) Skont il-valutazzjoni tal-impatt, u mingħajr preġudizzju għall-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss, b’kollox il-persunal addizzjonali li jeħtieġ il-BEREC biex iwettaq il-kompiti l-ġodda tiegħu bil-mandat estiż hu stmat li hu 34 FTE, u bħala ċifra ġenerali tal-persunal fi tmiem il-perjodu ta’ implimentazzjoni tal-2019 sal-2022 hemm previsti 60 FTE.
    (71) AC = Aġent Kuntrattwali; AL = Aġent Lokali; SNE = Espert Nazzjonali Sekondat; INT = Persunal tal-Aġenzija; JED = Esperti Żgħażagħ fid-Delegazzjonijiet. .
    (72) Ara l-punti 19 u 24 tal-Ftehim Interistituzzjonali.
    (73) L-ammont eżatt għas-snin sussegwenti se jkun magħruf meta jiġi ffissat il-fattur ta’ proporzjonalità tal-EFTA għas-sena kkonċernata.
    Top