EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016PC0548

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar is-soġġettar tas-sustanza psikoattiva ġdida metil-2- [[1- (ċikloħeksilmetil)-1H-indol-3-karbonil]amino]-3,3-dimetilbutanoat (MDMB-CHMICA) għal miżuri ta' kontroll

COM/2016/0548 final - 2016/0262 (NLE)

Brussell, 31.8.2016

COM(2016) 548 final

2016/0262(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar is-soġġettar tas-sustanza psikoattiva ġdida metil-2- [[1- (ċikloħeksilmetil)-1H-indol-3-karbonil]amino]-3,3-dimetilbutanoat (MDMB-CHMICA) għal miżuri ta' kontroll


MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

1.IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/387/ĠAI dwar l-iskambju ta' informazzjoni, il-valutazzjoni tar-riskju u l-kontroll fuq sustanzi psikoattivi ġodda 1 tipprovdi għal proċedura ta' tliet passi li tista' twassal biex sustanza psikoattiva ġdida tiġi sottoposta għal miżuri ta' kontroll fl-Unjoni.

Fil-15 ta' April 2016 ġie ppubblikat rapport konġunt taċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (EMCDDA) u l-Europol, imħejji f'konformità mal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/387/ĠAI. Fis-26 ta' Mejju 2016, wara t-talba li saret mill-Kummissjoni u 13-il Stat Membru u skont l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill imsemmija hawn fuq, il-Kunsill talab li ssir valutazzjoni tar-riskji kkawżati mill-użu, il-manifattura u t-traffikar tas-sustanza psikoattiva ġdida MDMB-CHMICA, l-involviment tal-kriminalità organizzata u l-konsegwenzi possibbli tal-miżuri ta' kontroll introdotti dwar din is-sustanza.

Ir-riskji tal-MDMB-CHMICA ġew ivvalutati mill-Kumitat Xjentifiku tal-EMCDDA, f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(2), (3) u (4) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill. Il-President tal-Kumitat Xjentifiku ppreżenta r-rapport dwar il-valutazzjoni tar-riskji lill-Kummissjoni u lill-Kunsill fit-28 ta' Lulju 2016. Ir-riżultati ewlenin tal-valutazzjoni tar-riskju huma dawn li ġejjin:

MDMB-CHMICA hija kklassifikata bħala agonist sintetiku tar-riċettur kannabinojdi, grupp kimikament divers ta' sustanzi msejjaħ ukoll kannabinojdi sintetiċi. Is-sustanza ilha disponibbli fis-suq tad-drogi fl-Unjoni Ewropea mill-inqas minn Diċembru 2014 u nstabet fi 23 Stat Membru.

Il-qawwa kbira tal-MDMB-CHMICA u l-varjabilità kbira tal-ammonti tal-kompost fi "stimulanti legali" jikkostitwixxu riskju kbir ta' tossiċità akuta. Tmien Stati Membri rrappurtaw total ta' 28 mewt u 25 intossikazzjoni akuta assoċjati mal-MDMB-CHMICA.

Skont l-Artikolu 8(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/387/ĠAI, fi żmien sitt ġimgħat mid-data li fiha tirċievi r-rapport dwar il-valutazzjoni tar-riskji, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Kunsill jew inizjattiva biex is-sustanzi psikoattivi l-ġodda jiġu soġġetti għal miżuri ta' kontroll madwar l-Unjoni, jew rapport li jispjega l-opinjonijiet tagħha għaliex din l-inizjattiva ma titqiesx meħtieġa. Skont is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta' April 2015 fil-Kawżi Konġunti C-317/13 u C-679/13 il-Parlament Ewropew għandu jiġi kkonsultat qabel ma jiġi adottat att ibbażat fuq l-Artikolu 8(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/387/ĠAI.

Abbażi tas-sejbiet tar-rapport tal-valutazzjoni tar-riskju, il-Kummissjoni tqis li hemm raġunijiet biex is-sustanza tiġi soġġetta għal miżuri ta' kontroll madwar l-Unjoni. Skont ir-rapport dwar il-valutazzjoni tar-riskji, it-tossiċità akuta tal-MDMB-CHMICA hija tali li tista' tikkawża danni kbar għas-saħħa tal-individwi. Diversi rapporti indikaw ukoll il-possibbiltà għal vjolenza u aggressjoni bħala konsegwenza tal-użu tagħha.

2.L-GĦAN TAL-PROPOSTA

L-għan ta' din il-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill huwa li l-Istati Membri jintalbu jissoġġettaw l-MDMB-CHMICA għal miżuri ta' kontroll u pieni kriminali kif stipulat mil-leġiżlazzjoni tagħhom bis-saħħa tal-obbligi tagħhom skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar is-Sustanzi Psikotropiċi tal-1971.

2016/0262 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar is-soġġettar tas-sustanza psikoattiva ġdida metil-2- [[1- (ċikloħeksilmetil)-1H-indol-3-karbonil]amino]-3,3-dimetilbutanoat (MDMB-CHMICA) għal miżuri ta' kontroll

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/387/ĠAI tal-10 ta' Mejju 2005 dwar l-iskambju ta' informazzjoni, il-valutazzjoni tar-riskju u l-kontroll fuq sustanzi psikoattivi ġodda 2 , u b'mod partikolari l-Artikolu 8(3) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew 3 ,

Filwaqt li jaġixxi f'konformità ma' proċedura leġiżlattiva speċjali,

Billi:

(1)Tfassal rapport dwar il-valutazzjoni tar-riskji dwar is-sustanza psikoattiva ġdida MDMB-CHMICA b'mod konformi mal-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI minn sessjoni speċjali tal-Kumitat Xjentifiku estiż taċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (EMCDDA), u sussegwentement dan intbagħat lill-Kummissjoni u lill-Kunsill fit-28 ta' Lulju 2016.

(2)MDMB-CHMICA hija kklassifikata bħala agonist sintetiku tar-riċettur kannabinojdi, grupp kimikament divers ta' sustanzi msejjaħ ukoll kannabinojdi sintetiċi. Agonisti sintetiċi tar-riċettur kannabinojdi huma funzjonalment simili għal
Δ
9-tetraħidrokannabinol (THC), il-prinċipju psikoattiv ewlieni tal-kannabis. L-agonisti tar-riċettur kannabinojdi kkontrollati skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1971 dwar Sustanzi Psikotropiċi huma: il-prinċipju attiv ewlieni tal-kannabis, delta-9-tetraħidrokannabinol (Δ9-THC) u żewġ kannabinojdi sintetiċi, naftalen-1-yl(1-pentil-1H-indol-3-yl)metanon (JWH-018) u 1-(5-flworopentil)-1H-indol-3-yl]-(naftalen-1-yl)-metanon (AM-2201).

(3)Il-qawwa kbira tal-MDMB-CHMICA u l-varjabilità kbira tal-ammonti tal-kompost fi "stimulanti legali" jikkostitwixxu riskju kbir ta' tossiċità akuta.

(4)MDMB-CHMICA ilha disponibbli fis-suq tad-drogi fl-Unjoni mill-inqas minn Diċembru 2014 u nstabet fi 23 Stat Membru. Hija mibjugħa bħala "stimulant legali" b'marka kummerċjali f’headshops, kif ukoll fuq l-internet bħala sostitut "legali" għall-kannabis. L-informazzjoni disponibbli tissuġġerixxi li t-trabijiet fil-massa tal-MDMB-CHMICA huma prodotti minn kumpaniji kimiċi bbażati fiċ-Ċina. Dawn jiġu importati fl-Unjoni fejn jew jiġu pproċessati jew jiġu ppakkjati f'taħlitiet tat-tipjip kummerċjali jew mibjugħa bħala trab. Ma hemm l-ebda informazzjoni li tindika li hemm produzzjoni ta' MDMB-CHMICA fl-Unjoni.

(5)MDMB-CHMICA hija tipikament amministrata permezz tat-tipjip ta' taħlita erbali li jew tiġi minn "stimulant legali" kummerċjali lest għall-użu, jew, f'każijiet aktar rari, titħejja mill-utent stess. Fil-prodotti kummerċjali, ġeneralment mhuwiex iddikjarat jekk il-prodott ikunx fih MDMB-CHMICA jew xi agonisti sintetiċi tar-riċettur kannabinojdi oħra. Għalhekk, bosta individwi esposti għal MDMB-CHMICA jistgħu ma jkunux konxji li huma qegħdin jużaw is-sustanza. Barra minn hekk, dawn il-konsumaturi jistgħu ma jkunux konxji mid-doża li qed jużaw. Il-proċess tal-manifattura jista' wkoll iwassal għal distribuzzjoni żbilanċjata tas-sustanza fil-materjal tal-pjanti bir-riżultat li xi prodotti jkun fihom reġjuni fejn il-kannabinojd ikun ikkonċentrat ħafna, u dan iżid ir-riskju ta' tossiċità akuta u ta' tifqigħat ta' avvelenament tal-massa.

(6)Id-dejta disponibbli tindika li l-MDMB-CHMICA tintuża minn utenti tal-kannabis, "psikonawti" u minn dawk li huma regolarment soġġetti għal proċeduri ta' testijiet tad-droga, inklużi dawk fil-ħabs.

(7)Filwaqt li ma hemm l-ebda informazzjoni speċifika dwar l-effetti possibbli tal-MDMB-CHIMICA fuq l-ambjent soċjali dirett jew fuq is-soċjetà kollha kemm hi, bosta rapporti indikaw il-possibbiltà ta' vjolenza u aggressjoni bħala konsegwenza tal-użu tagħha. Barra minn hekk, is-sejbien ta' MDMB-CHIMICA f'każijiet ta' suspett ta' sewqan taħt l-influwenza indikaw potenzjal ta' riskju akbar għas-sigurtà pubblika.

(8)Tmien Stati Membri rrappurtaw total ta' 28 mewt u 25 intossikazzjoni akuta assoċjati mal-MDMB-CHMICA. Kieku l-MDMB-CHMICA kellha ssir aktar disponibbli u tibda tintuża aktar, l-implikazzjonijiet għas-saħħa individwali u pubblika jistgħu jkunu sinifikanti.

(9)Hemm ftit informazzjoni li tissuġġerixxi l-involviment potenzjali tal-kriminalità organizzata fil-manifattura, fid-distribuzzjoni, fit-traffikar u fil-forniment tal-MDMB-CHMICA fl-Unjoni.

(10)L-MDMB-CHMICA mhijiex elenkata għall-kontroll skont il-Konvenzjoni Unika tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1961 dwar id-Drogi Narkotiċi jew skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1971 dwar Sustanzi Psikotropiċi. Madankollu, hija elenkata fost is-sustanzi kkunsidrati għar-rieżami fit-38 Kumitat tal-Esperti tal-WHO dwar id-Dipendenza mid-Droga (ECDD) li jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar Drogi Narkotiċi fuq il-miżuri ta' kontroll li huwa jqis xierqa.

(11)Il-MDMB-CHIMICA ma għandha l-ebda użu mediku tal-bniedem jew veterinarju stabbilit jew rikonoxxut. Minbarra l-użu tagħha f'materjali ta' referenza analitiċi u fir-riċerka xjentifika li tinvestiga l-kimika, il-farmakoloġija u t-tossikoloġija tagħha bħala riżultat tal-feġġ tagħha fis-suq tad-droga, ma hemm l-ebda indikazzjoni li qed tintuża għal skopijiet oħra.

(12)Ir-rapport dwar il-valutazzjoni tar-riskji juri li hemm evidenza xjentifika limitata disponibbli fuq il-MDMB-CHMICA u jindika li tkun meħtieġa aktar riċerka. Madankollu, l-evidenza u l-informazzjoni disponibbli dwar ir-riskji għas-saħħa u soċjali li toħloq is-sustanza jipprovdu bażi suffiċjenti biex MDMB-CHMICA tiġi sottoposta għal miżuri ta' kontroll madwar l-Unjoni.

(13)Billi 10 Stati Membri jikkontrollaw l-MDMB-CHMICA fil-leġiżlazzjoni nazzjonali b'mod konformi mal-obbligi tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1971 dwar Sustanzi Psikotropiċi u billi ħames Stati Membri jużaw miżuri leġiżlattivi oħrajn biex jikkontrollawha, li din is-sustanza tkun sottoposta għal miżuri ta' kontroll fl-Unjoni kollha jista' jgħin biex jiġi evitat il-feġġ ta' ostakli fl-infurzar tal-liġi u l-kooperazzjoni ġudizzjarja transfruntieri, u jgħin fil-protezzjoni mir-riskji li d-disponibbiltà u l-użu tagħha jistgħu joħolqu.

(14)Ir-Renju Unit mhuwiex marbut bid-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI u għalhekk mhux qed jieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni li timplimenta d-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI u mhuwiex marbut biha jew suġġett għall-applikazzjoni tagħha

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Is-sustanza psikoattiva ġdida metil 2-[[1-(ċikloħeksilmetil)-1H-indol-3-karbonil]amino]-3,3-dimetilbutanoat (MDMB-CHMICA) għandha tkun soġġetta għal miżuri ta' kontroll madwar l-Unjoni.

Artikolu 2

Mill-aktar fis possibbli, iżda mhux aktar tard minn [sena mid-data li fiha tiġi ppubblikata din id-Deċiżjoni], l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa, skont il-liġi nazzjonali tagħhom, biex is-sustanza psikoattiva l-ġdida msemmija fl-Artikolu 1 tkun soġġetta għal miżuri ta' kontroll u pieni kriminali, kif previst fil-leġiżlazzjoni tagħhom b'mod konformi mal-obbligi tagħhom skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1971 dwar is-Sustanzi Psikotropiċi.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika f'konformità mat-Trattati.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1) ĠU L 127, 20.5.2005, p. 32.
(2) ĠU L 127, 20.5.2005, p. 32.
(3) ĠU C , , p. .
Top