Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016PC0507

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta' Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1365/2006 dwar statistika ta’ trasport ta’ merkanzija minn passaġġi fuq l-ilma interni rigward l-għoti ta’ setgħat delegati u ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni għall-adozzjoni ta’ ċerti miżuri

COM/2016/0507 final - 2013/0226 (COD)

Brussell, 10.8.2016

COM(2016) 507 final

2013/0226(COD)

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW

skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

dwar

il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta' Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1365/2006 dwar statistika ta’ trasport ta’ merkanzija minn passaġġi fuq l-ilma interni rigward l-għoti ta’ setgħat delegati u ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni għall-adozzjoni ta’ ċerti miżuri

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)


2013/0226 (COD)

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW

skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea


dwar

il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta' Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1365/2006 dwar statistika ta’ trasport ta’ merkanzija minn passaġġi fuq l-ilma interni rigward l-għoti ta’ setgħat delegati u ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni għall-adozzjoni ta’ ċerti miżuri

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

1.Kuntest

Id-data ta’ meta ntbagħtet il-proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill

COM(2013) 484 – 2013/0226 (COD)

it-28 ta’ Ġunju 2013

Id-data tal-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew:

Mhix disponibbli

Id-data tal-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, fl-ewwel qari:

il-11 ta' Marzu 2014

Id-data ta’ meta ntbagħtet il-proposta emendata:

Mhix disponibbli

Id-data tal-adozzjoni tal-pożizzjoni tal-Kunsill:

it-18 ta' Lulju 2016

2.L-għan tal-proposta tal-Kummissjoni

L-uniku għan tal-proposta tal-Kummissjoni huwa li r-Regolament (KE) Nru 1365/2006 1 jiġi allinjat mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) safejn għandu x’jaqsam mas-setgħat delegati u ta' implimentazzjoni.

Ir-Regolament propost jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta l-atti delegati biex: i) jiġi addattat il-livell limitu tal-kopertura statistika tat-trasport fil-passaġġi tal-ilma interni, jiġu addattati d-definizzjonijiet eżistenti u jiġu adottati definizzjonijiet addizzjonali, u ii) jiġi addattat l-ambitu tal-ġbir tad-dejta u tal-kontenut tal-Annessi.

Jagħti wkoll is-setgħat ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni biex jiżgura kundizzjonijiet uniformi li fihom tkun tista: i) tistabbilixxi regoli standard dwar l-arranġamenti biex l-Istati Membri jippreżentaw id-dejta lill-Kummissjoni (lill-Eurostat) u fosthom l-istandards għall-iskambju tad-dejta u għad-disseminazzjoni tar-riżultati mill-Kummissjoni (l-Eurostat), u ii) tiżviluppa u tippubblika r-rekwiżiti u l-kriterji metodoloġiċi li jkunu maħsuba biex jiżguraw il-kwalità tad-dejta li tiġi prodotta, bi qbil mal-proċedura ta’ eżaminazzjoni stabbilita fl-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 2 .

3.Kummenti dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill

3.1Kummenti ġenerali

Minn naħa, il-pożizzjoni tal-Kunsill tirrifletti l-ftehim li ntlaħaq bejn il-Kunsill, il-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu tal-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni fit-taħdidiet tripartitiċi u, min-naħa l-oħra, tirrifletti l-Ftehim Interistituzzjonali l-ġdid dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta’ April 2016 3 .

Fit-18 ta’ Lulju 2016, il-Kunsill adotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari.

Għall-Kummissjoni, il-pożizzjoni tal-Kunsill hija aċċettabbli.

3.2Kummenti dwar l-emendi li ġew adottati mill-Parlament Ewropew

3.2.1.L-emendi tal-Parlament Ewropew inklużi għalkollox, parzjalment jew fil-prinċipju fil-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari

Il-kwistjoni ewlenija li ġiet indirizzata fit-taħdidiet interistituzzjonali kienet l-introduzzjoni ta’ studji pilota u n-natura tagħhom. Dawn l-istudji kienu ġew proposti bħala kompromess b’reazzjoni għat-talba tal-Parlament Ewropew li fir-Regolament jiġu inklużi varjabbli addizzjonali dwar it-trasport tal-passiġġieri bil-passaġġi fuq l-ilma interni.

L-Artikolu 4a il-ġdid jistipula li l-Kummissjoni se tniedi studji pilota volontarji li jridu jitwettqu mill-Istati Membri, li jipprovdu l-informazzjoni dwar id-disponibbiltà tad-dejta statistika dwar it-trasport tal-passiġġieri bil-passaġġi fuq l-ilma interni u bis-servizzi transfruntiera tal-passaġġi fuq l-ilma interni. Il-Kummissjoni (l-Eurostat) se taħdem mal-Istati Membri biex tiddetermina l-metodoloġija statistika xierqa. Barra minn hekk, fejn ikun xieraq, il-baġit ġenerali se jikkontribwixxi għall-finanzjament ta’ dawn l-istudji pilota filwaqt li jitqies il-valur miżjud għall-Unjoni. Għaldaqstant, l-Artikolu l-ġdid huwa aċċettabbli għall-Kummissjoni.

Il-kontenut tal-emenda 10 (il-paragrafi l-ġodda 3a u 3b tal-Artikolu 7) dwar ir-regoli għall-kriterji tal-kwalità, huwa aċċettabbli għall-Kummissjoni, billi dawn jaqblu mar-Regolament (KE) Nru 223/2009 4 . Jipprevedi wkoll l-adozzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-modalitajiet , tal-istruttura, tal-frekwenza u tal-elementi ta’ komparabbiltà tar-rapporti tal-kwalità permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni.

L-emenda 11 (l-Artikolu 8) teħtieġ li l-Kummissjoni tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill kull ħames snin, u mhux kull tliet snin, kif ġie propost mill-Parlament Ewropew.

3.2.2.L-emendi tal-Parlament Ewropew li ma kinux inklużi fil-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari

L-emendi ewlenin marbuta maż-żieda espliċita ta’ varjabbli ġodda ma kinux inklużi fil-pożizzjoni tal-Kunsill.

3.3Dispożizzjonijiet immodifikati mill-pożizzjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni

L-Artikoli 2(5), 3 u 4(4) huma marbuta mad-delega ta' setgħat. L-għotja tas-setgħa lill-Kummissjoni nżammet, iżda b'limitazzjonijiet speċifiċi. Il-Kummissjoni se tingħata s-setgħa li tadotta l-atti delegati biss biex: i) iddaħħal żidiet fil-livell limitu; ii) taddatta d-definizzjonijiet eżistenti jew tadotta definizzjonijiet ġodda li jirriflettu t-tibdiliet fid-definizzjonijiet li jintużaw f’livell internazzjonali, u iii) taddatta l-Annessi biex jirriflettu t-tibdiliet fil-kodiċijiet u fin-nomenklatura fil-livell internazzjonali jew fil-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni Ewropea.

Il-pożizzjoni tal-Kunsill tispeċifika wkoll li meta teżerċita din is-setgħa, il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-atti delegati ma jimponux piż addizzjonali sinifikanti fuq l-Istati Membri u fuq dawk li jipprovdu t-tweġibiet. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tiġġustifika l-miżuri previsti fl-atti delegati, bl-użu, fejn rilevanti, tal-analiżi tal-kosteffettività tagħhom, inklużi evalwazzjonijiet tal-piż fuq dawk li jipprovdu t-tweġibiet u tal-ispejjeż tal-produzzjoni, kif imsemmi fil-punt (c) tal-Artikolu 14(3) tar-Regolament (KE) Nru 223/2009.

Il-premessa standard u l-Artikolu 9 dwar l-eżerċitar tad-delega ta' setgħat jaqblu mal-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

Il-Kummissjoni taqbel ma’ dan ta’ hawn fuq.

4.Konklużjoni

Il-Kummissjoni tappoġġa l-kompromess li ntlaħaq billi jikkonforma mal-isforzi tal-Kummissjoni biex tallinja l-leġiżlazzjoni ta’ qabel it-Trattat ta’ Lisbona. Minkejja xi limitazzjonijiet, dan jipprovdi bilanċ tajjeb bejn l-atti delegati u l-atti ta' implimentazzjoni. Barra minn hekk, l-istudji pilota jagħtu tweġiba addattata għat-talba oriġinali tal-Parlament Ewropew. It-test huwa eżempju tal-applikazzjoni b’suċċess tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

(1) Ir-Regolament (KE) Nru 1365/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Settembru 2006 dwar l-istatistika ta’ trasport ta’ merkanzija minn passaġġi fuq l-ilma interni (ĠU L 264, 25.9.2006, p. 1).
(2) Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).
(3) ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.
(4) Ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2009 dwar l-Istatistika Ewropea (ĠU L 87, 31.3.2009, p. 164).
Top