IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 10.8.2016
COM(2016) 506 final
2013/0297(COD)
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW
skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
dwar
il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta’ Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 91/2003 dwar l-istatistika tat-trasport bil-ferrovija, fir-rigward tal-ġbir ta’ dejta dwar merkanzija, passiġġieri u aċċidenti
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
2013/0297 (COD)
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW
skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
dwar
il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta’ Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 91/2003 dwar l-istatistika tat-trasport bil-ferrovija, fir-rigward tal-ġbir ta’ dejta dwar merkanzija, passiġġieri u aċċidenti
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
1.Kuntest
Data li fiha ntbagħtet il-proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill
COM(2013) 611– 2013/297(COD)
|
It-30 ta’ Awissu 2013
|
Data tal-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew:
|
MHUX APPLIKABBLI
|
Data tal-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, fl-ewwel qari:
|
Il-11 ta’ Marzu 2014
|
Data li fiha ntbagħtet il-proposta emendata:
|
MHUX APPLIKABBLI
|
Data tal-adozzjoni tal-pożizzjoni tal-Kunsill:
|
It-18 ta’ Lulju 2016
|
2.Għan tal-proposta tal-Kummissjoni
L-għan tal-proposta tal-Kummissjoni huwa li timmodifika r-Regolament (KE) Nru 91/2003 sabiex taġġorna, tissimplifika u tottimizza l-qafas legali eżistenti għall-istatistika Ewropea dwar it-trasport ferrovjarju u li tallinjah mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), fir-rigward tas-setgħat delegati u ta’ implimentazzjoni kkonċernati.
Ir-Regolament propost għandu jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati bl-għan li tadatta d-definizzjonijiet u l-limiti għar-rappurtar, temenda l-kontenut tal-annessi, u tispeċifika l-informazzjoni li trid tiġi pprovduta.
Għandu wkoll jagħti setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni bil-ħsieb li jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi fir-rigward tal-ispeċifikazzjoni tal-informazzjoni li trid tiġi pprovduta għall-produzzjoni tar-rapporti dwar il-kwalità u l-komparabbiltà tar-riżultati, skont il-proċedura ta’ eżaminazzjoni stabbilita fl-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
3.Kummenti dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill
3.1Kummenti ġenerali
Il-pożizzjoni tal-Kunsill tirrifletti, minn naħa, il-ftehim milħuq bejn il-Kunsill, il-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu tal-Parlament Ewropew u l-Kummisjsoni fid-diskussjonijiet tripartitiċi tal-24 ta’ Mejju 2016 u, min-naħa l-oħra, il-Ftehim Interistituzzjonali l-ġdid dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta’ April 2016.
Il-kwistjoni prinċipali li kienet qed timblokka l-fajl kienet li jintlaħaq ftehim mal-Parlament Ewropew dwar il-formalizzazzjoni tal-qsim tad-dejta bejn l-Eurostat, l-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea (ERA) u d-Direttorat Ġenerali għall-Mobbiltà u t-Trasport (DĠ MOVE) permezz ta’ Memoranda ta’ Qbil (MtQ) bilaterali.
Eventwalment intlaħaq kunsens bl-iffirmar taż-żewġ MtQ, wieħed bejn l-Eurostat u d-DĠ MOVE u wieħed bejn l-Eurostat u l-ERA. Dawn taw lill-Parlament Ewropew il-garanzija li d-dejta mitluba se tiġi pproċessata u ssir disponibbli.
It-test ma jinkludi l-ebda referenza espliċita għal MtQ, iżda premessa tirreferi għal “ftehimiet ta’ kooperazzjoni adatti fuq l-attivitajiet ta’ statistika”.
Fit-18 ta’ Lulju 2016, il-Kunsill adotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari .
Għall-Kummissjoni, il-pożizzjoni tal-Kunsill hija aċċettabbli.
3.2Kummenti dwar l-emendi li ġew adottati mill-Parlament Ewropew
3.2.1.L-emendi tal-Parlament Ewropew li huma inklużi kompletament, parzjalment jew fil-prinċipju fil-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari
Fil-11 ta’ Marzu 2014, il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni leġiżlattiva li tipproponi 23 emenda. Il-Kummissjoni rrifjutat il-maġġoranza tagħhom, inklużi t-talbiet għal varjabbli addizzjonali. B’mod partikolari, il-Parlament Ewropew kien tal-opinjoni li l-ġbir tad-dejta għandu jiġi estiż ulterjorament sabiex jinkludi dejta dwar l-infrastruttura ferrovjarja, u li għandu jkun hemm aktar fatturi varjabbli ta’ kejl fl-istatistika dwar it-trasport tal-passiġġieri, b’mod partikolari fir-rigward tal-konnessjonijiet transfruntiera li għandhom ikunu fil-qalba tal-politika tat-trasport tal-UE.
3.2.2.L-emendi tal-Parlament Ewropew li mhumiex inklużi fil-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari
L-emendi ewlenin għandhom x’jaqsmu ma’ żieda espliċita ta’ fatturi varjabbli ġodda li ma kinux inklużi fil-pożizzjoni tal-Kunsill.
3.3Dispożizzjonijiet modifikati mill-Kunsill u l-pożizzjoni tal-Kummissjoni
Il-premessa l-ġdida (3a) tittratta l-kwistjoni ta’ aktar ġbir ta’ dejta bl-għan li jiġi evitat xogħol doppju u jsir l-aħjar użu tal-informazzjoni eżistenti. Hija tispeċifika wkoll li “ftehimiet ta’ kooperazzjoni adatti fuq l-attivitajiet ta’ statistika għandhom jiġu stabbiliti bejn is-servizzi tal-Kummissjoni u entitajiet rilevanti, inkluż fil-livell internazzjonali”.
L-Artikolu 3(2) jirreferi biss għas-setgħa mogħtija lill-Kummissjoni biex tadotta atti delegati sabiex tadatta d-definizzjonijiet tekniċi eżistenti u tintroduċi definizzjonijiet tekniċi ġodda. Dan jispeċifika li, meta teżerċita din is-setgħa, il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-atti delegati tagħha ma jimponux piż amministrattiv addizzjonali sinifikanti fuq l-Istati Membri u fuq dawk li jwieġbu. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tiġġustifika b’mod dovut l-azzjonijiet previsti f’atti delegati, bl-użu, fejn xieraq, tal-analiżi tal-kosteffettività tagħhom, inklużi evalwazzjonijiet tal-piż fuq dawk li jwieġbu u tal-ispejjeż tal-produzzjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 14(3)(c) tar-Regolament (KE) Nru 223/2009.
Għalkemm il-Kummissjoni jiddispjaċiha dwar in-natura ristretta tas-setgħa mogħtija meta mqabbla mal-proposta oriġinali, tista’ madankollu tikkunsidra d-dispożizzjoni attwali bħala aċċettabbli fi spirtu li jintlaħaq ftehim.
Ġew introdotti żewġ bidliet oħra:
Żdied paragrafu ġdid fl-Artikolu 7 dwar miżuri ta’ implimentazzjoni li għandhom jiġu adottati li jistabbilixxu l-arranġamenti għat-tixrid tar-riżultati.
L-Artikolu 9 dwar ir-rappurtar jipprevedi li l-Kummissjoni tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 91/2003 sal-31 ta’ Diċembru 2020, u minn hemm ’il quddiem kull erba’ snin minflok rappurtar ta’ darba biss kif speċifikat fir-Regolament attwali.
Il-premessa standard u l-Artikolu 10 dwar l-eżerċizzju tad-delega ta’ setgħa huma konformi mal-Ftehim Interistituzzjonali ġdid dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.
Il-Kummissjoni tappoġġa dan t’hawn fuq.
4.Konklużjoni
Il-Kummissjoni tappoġġa l-kompromess milħuq minħabba li huwa qrib ħafna l-proposta oriġinali tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, din id-Direttiva ma toħloq l-ebda piż addizzjonali fuq il-fornituri tad-dejta u għalhekk hija konformi mal-għan li tissimplifika l-qafas legali eżistenti għall-istatistika Ewropea dwar it-trasport ferrovjarju. F’dak li jirrigwarda l-allinjament tar-Regolament (KE) Nru 91/2003 mat-TFUE, minkejja xi limitazzjonijiet, il-kompromess jipprevedi bilanċ tajjeb bejn atti delegati u atti ta’ implimentazzjoni. It-test huwa eżempju ta’ applikazzjoni b’suċċess tal-Ftehim Interistituzzjonali ġdid dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.