IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 23.6.2016
COM(2016) 413 final
2016/0192(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-konklużjoni ta' Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tan-Norveġja dwar aċċess reċiproku għas-sajd fi Skagerrak għal bastimenti li jtajru l-bandiera tad-Danimarka, tan-Norveġja u tal-Isvezja
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Ir-raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha
Fid-19 ta' Diċembru 1966 ġie ffirmat Ftehim dwar aċċess reċiproku għas-sajd fi Skagerrak u Kattegat bejn id-Danimarka, in-Norveġja u l-Isvezja, li daħal fis-seħħ fis-7 ta' Awwissu 1967. Dan il-ftehim, flimkien mal-ftehim dwar is-sajd bilaterali tal-1980 bejn l-Unjoni Ewropea u n-Norveġja, ippermetta aċċess reċiproku bejn dawk it-tliet pajjiżi biex jistadu sa 4 mili nawtiċi mil-linji bażi rispettivi tagħhom fi Skagerrak u Kattegat, li huma l-ilmijiet bejn il-Baħar tat-Tramuntana u l-Baħar Baltiku. Barra minn hekk, il-Ftehim stabbilixxa li, għall-finijiet ta' dan is-sajd, iż-żona inkwistjoni kienet meqjusa li tikkostitwixxi ibħra miftuħa. Għalhekk il-Ftehim irregola r-relazzjoni bejn l-Istati tal-bandiera, min-naħa waħda, u l-Istati Kostali rispettivi, min-naħa l-oħra.
Il-Ftehim tal-1966 kien Ftehim sempliċi, li qies il-ġeografija partikolari taż-żona ta' Skagerrak u Kattegat fir-rigward tas-sajd u rrikonoxxa li kien hemm raġunjiet prattiċi biex jippermetti għal reġim sempliċi ta' aċċess għal dik li hija essenzjalment żona żgħira ħafna ta' ibħra. Għal dik ir-raġuni, il-Ftehim tal-1966 kien jikkonsisti minn tliet Artikoli biss, fejn l-ewwel wieħed kien jiddefinixxi ż-żona konċernata, u t-tieni wieħed kien jiddefinixxi d-drittijiet ta' aċċess u x-xewqa li jiġu armonizzati r-regolamenti tekniċi.
Permezz tal-adeżjoni tad-Danimarka u l-Isvezja fl-UE fl-1973 u l-1995 rispettivament, il-Kummissjoni refgħet ir-responsabbiltà tal-ġestjoni ta' dan il-Ftehim f'isem dawk iż-żewġ Stati Membri. Saru konsultazzjonijiet dwar l-arranġamenti li jirriżultaw minn dan il-Ftehim b'mod parallell mal-konsultazzjonijiet li saru taħt il-ftehim tas-sajd bilaterali tal-1980.
Il-Ftehim tal-1966 baqa' fis-seħħ għal perjodu inizjali ta' 35 sena sal-2002 u sussegwentament ġie estiż għal żewġ perjodi ta' ħames snin sal-2012. Il-Ftehim seta' jintemm permezz tal-għoti ta' avviż ta' tliet snin minn Parti waħda jew l-oħra qabel id-data ta' skadenza ta' kull perjodu ta' ħames snin.
Minħabba iktar żviluppi riċenti fil-liġi internazzjonali tas-sajd u, b'mod partikolari, permezz tal-introduzzjoni tal-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Liġi tal-Baħar tal-1982 u l-Ftehim tal-Istokkijiet tal-Ħut tan-NU tal-1995, in-Norveġja kkunsidrat li l-Ftehim eżistenti ma kienx konformi mad-dispożizzjonijiet attwali tal-Liġi tal-Baħar. In-Norveġja kienet ikkonċernata b'mod partikolari fir-rigward tad-dispożizzjonijiet dwar il-kontroll. Barra minn hekk, ikkunsidrat li l-Ftehim ma kienx f'armonija mal-prinċipji tal-ġurisdizzjoni normali tal-Istati Kostali skont il-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Liġi tal-Baħar u ma kienx jikkorrispondi mal-konservazzjoni u l-prinċipji amministrattivi moderni.
Fid-29 ta' Lulju 2009, il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Norveġiż informa b'mod formali lill-awtoritajiet Daniżi, il-Gvern Depożitarju tal-Ftehim, li huma xtaqu jtemmu l-Ftehim permezz ta' denunzja formali f'konformità mal-Artikolu 3(3) tal-Ftehim. Konsegwentament, il-Ftehim tal-1966 skada fis-7 ta' Awwissu 2012.
Sussegwentament, in-Norveġja daħlet f'negozjati formali mal-Kummissjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, bil-għan li tistabbilixxi Ftehim ta' sostituzzjoni dwar aċċess reċiproku għas-sajd fiż-żona ta' Skagerrak u Kattegat. Dan il-Ftehim il-ġdid ġie inizjalat fl-24 ta’ Ottubru 2013, u ffirmat fil-15 ta’ Jannar 2015. Huwa konformi mal-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Liġi tal-Baħar kif ukoll id-dispożizzjonijiet sussegwenti relatati fi ftehimiet oħrajn.
Il-Ftehim il-ġdid iżomm l-aċċess esklussiv mogħti lill-bastimenti mid-Danimarka, in-Norveġja u l-Isvezja għall-ilmijiet ta' xulxin il-barra minn 4 mili nawtiċi mil-linji bażi. Jiżgura aċċess reċiproku kontinwat għaż-żewġ Stati Membri u n-Norveġja għall-ilmijiet rispettivi tagħhom tal-Partijiet l-oħrajn fiż-żona ta' Skagerrak, filwaqt li fl-istess ħin, jiżgura l-konservazzjoni tajba u l-miżuri amministrattivi għas-sajd fiż-żona. Barra minn hekk, jipprevedi miżuri ta' kontroll f'armonija mal-prinċipji tal-ġurisdizzjoni normali tal-Istati Kostali, kif inhu diġà l-każ għas-sajd fil-Baħar tat-Tramuntana.
•Il-konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika
Sabiex ikun hemm garanzija tal-kontinwazzjoni ta' aċċess mill-bastimenti tal-UE għall-attivitajiet tas-sajd, il-Ftehim, sakemm jidħol fis-seħħ, ġie applikat b'mod provviżorju sa sentejn mid-data tal-firma tiegħu.
•Il-konsistenza ma' politiki oħra tal-Unjoni
Il-miżuri proposti tfasslu skont l-għanijiet u r-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd u huma konsistenti mal-politika tal-Unjoni dwar l-iżvilupp sostenibbli.
2.IL-BAŻI ĠURIDIKA, IS-SUSSIDJARJETÀ U L-PROPORZJONALITÀ
•Il-bażi ġuridika
L-Artikolu 43(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, flimkien mal-Artikolu 218(6)(a) tiegħu.
•Is-sussidjarjetà (għal kompetenza mhux esklużiva)
Il-proposta taqa’ fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 3(1)(d) tat-Trattat. Għalhekk, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.
•Il-proporzjonalità
L-azzjoni tal-Unjoni hija meħtieġa għall-ġestjoni ta’ stokkijiet transżonali li jinstadu b’mod konġuntminn bastimenti tal-Unjoni u Norveġiżi.
•L-għażla tal-istrument
3.IR-RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•L-evalwazzjonijiet ex-post/il-kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
•Il-konsultazzjoni mal-partijiet konċernati
L-Istati Membri kkonċernati ġew ikkonsultati matul il-konsultazzjonijiet man-Norveġja.
•Il-ġbir u l-użu tal-għarfien espert
•Il-valutazzjoni tal-impatt
•L-idoneità regolatorja u s-simplifikazzjoni
•Id-drittijiet fundamentali
4.L-IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
2016/0192 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-konklużjoni ta' Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tan-Norveġja dwar aċċess reċiproku għas-sajd fi Skagerrak għal bastimenti li jtajru l-bandiera tad-Danimarka, tan-Norveġja u tal-Isvezja
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43(2), flimkien mal-Artikolu 218(6)(a) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew.
Billi:
(1)L-Unjoni nnegozjat mar-Renju tan-Norveġja Ftehim dwar aċċess reċiproku għas-sajd fi Skagerrak u Kattegat.
(2)Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tan-Norveġja dwar aċċess reċiproku għas-sajd fi Skagerrak u Kattegat ġie ffirmat fil-15 ta’ Jannar 2015, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/505/UE tat-23 ta' Lulju 2014 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tan-Norveġja dwar aċċess reċiproku għas-sajd fi Skagerrak għal bastimenti li jtajru l-bandiera tad-Danimarka, tan-Norveġja u tal-Isvezja ().
(3)Il-Ftehim għandu jiġi approvat f'isem l-Unjoni.
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tan-Norveġja dwar aċċess reċiproku għas-sajd fi Skagerrak għal bastimenti li jtajru l-bandiera tad-Danimarka, tan-Norveġja u tal-Isvezja huwa b'dan konkluż f'isem l-Unjoni.
It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni bħala l-Anness 1.
Artikolu 2
Il-President tal-Kunsill għandu jinnomina l-persuna/i awtorizzata/i biex tagħmel/jagħmlu, f’isem l-Unjoni, in-notifiki previsti fl-Artikolu 7 tal-Ftehim(), sabiex ikun espress il-kunsens tal-Unjoni li tkun marbuta bil-Ftehim.
Artikolu 3
Din id-deċiżjoni tidħol fis-seħħ dakinhar tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President