Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016PC0407

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar emenda għall-Anness XIX (Protezzjoni tal-konsumatur) tal-Ftehim ŻEE (Sistema ta’ Soluzzjoni Alternattiva tat-Tilwim)

COM/2016/0407 final - 2016/0189 (NLE)

Brussell, 22.6.2016

COM(2016) 407 final

2016/0189(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea,
fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar emenda għall-Anness XIX
(Protezzjoni tal-konsumatur) tal-Ftehim ŻEE
(Sistema ta’ Soluzzjoni Alternattiva tat-Tilwim)


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

L-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE (anness mal-proposta tad-Deċiżjoni tal-Kunsill) għandu l-għan li jemenda l-Anness XIX (Protezzjoni tal-konsumatur) tal-Ftehim ŻEE sabiex jippermetti lill-Istati tal-EFTA taż-ŻEE (in-Norveġja, l-Iżlanda u l-Liechtenstein) jipparteċipaw fis-sistema Ewropea għal soluzzjoni onlajn tat-tilwim.

Dan għandu jinkiseb permezz tal-inkorporazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 524/2013 dwar soluzzjoni onlajn għat-tilwim, għat-tilwim tal-konsumaturi 1 (minn issa ‘l quddiem “ir-Regolament tal-ODR”), ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 2015/1051 2 u d-Direttiva 2013/11/UE dwar soluzzjoni alternattiva għat-tilwim tal-konsumaturi 3 (minn issa ‘l quddiem “id-Direttiva tal-ADR”) fil-Ftehim taż-ŻEE.

Konsistenza ma’ dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam ta’ politika

L-abbozz anness tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt jestendi l-politika tal-UE diġà eżistenti għall-Istati tal-EFTA taż-ŻEE.

Konsistenza ma' politiki oħrajn tal-Unjoni

L-estensjoni tal-acquis tal-UE fl-Istati EFTA taż-ŻEE, permezz tal-inkorporazzjoni tiegħu fil-Ftehim ŻEE titwettaq f’konformità mal-objettivi u l-prinċipji ta’ dan il-Ftehim li jimmira lejn l-istabbiliment ta’ Żona Ekonomika Ewropea dinamika u omoġenja, ibbażata fuq regoli komuni u kundizzjonijiet ugwali ta’ kompetizzjoni.

Dawn l-isforzi jkopru l-politiki kollha fil-qasam tal-moviment liberu ta’ oġġetti, persuni, servizzi u kapital, kif ukoll politika ta’ appoġġ u orizzontali speċifikati fil-Ftehim ŻEE.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-leġiżlazzjoni li għandha tiġi inkorporata fil-Ftehim ŻEE hija bbażata fuq l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

L-Artikolu 1(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 4 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim taż-ŻEE jipprevedi li l-Kunsill jistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni għal Deċiżjonijiet bħal dawn, fuq proposta mill-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni tissottometti, f'kooperazzjoni mal-SEAE, l-Abbozz ta' Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE għall-adozzjoni mill-Kunsill bħala l-pożizzjoni tal-Unjoni. Il-Kummissjoni tittama li tkun fil-qagħda li tippreżentaha fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE kemm jista’ ikun malajr.

Sussidjaretà (għal kompetenza mhux esklussiva)

Il-proposta hija konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà għar-raġuni li ġejja.  

L-objettiv ta’ din il-proposta, jiġifieri li tiġi żgurata l-omoġeneità tas-Suq Intern ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jista' għalhekk, minħabba l-effetti, jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni.

Il-proċess ta’ inkorporazzjoni tal-acquis tal-UE fil-Ftehim ŻEE jitwettaq f’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 tat-28 ta’ Novembru 1994 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea li jikkonferma l-approċċ li ttieħed.

Proporzjonalità

F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, il-proposta ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħaq l-objettiv tagħha — sabiex tiġi żgurata l-omoġeneità tas-Suq Intern.

Għażla tal-istrument

F'konformità mal-Artikolu 98 tal-Ftehim ŻEE, l-istrument magħżul huwa d-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE. Il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE għandu jiżgura l-implimentazzjoni u l-operat effettivi tal-Ftehim ŻEE. Għal dan il-għan għandu jieħu deċiżjonijiet fil-każijiet previsti f'dan il-Ftehim.

3.IR-RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Ġbir u użu tal-kompetenzi

Fil-qafas tal-preparazzjoni tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni, twettqu diversi studji mill-Kummissjoni dwar is-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim tal-konsumaturi u indirizzaw kwistjonijiet marbuta mal-għodda għas-soluzzjoni onlajn tat-tilwim.

Valutazzjoni tal-impatt

Fil-qafas tat-tħejjija tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni, il-Kummissjoni wettqet valutazzjoni tal-impatt dettaljata, filwaqt li analizzat medda ta’ għażliet ta’ politiki kemm għall-“Kopertura alternattiva, informazzjoni u kwalità ta' soluzzjoni tat-tilwim” kif ukoll għal “Soluzzjoni onlajn tat-tilwim għal tranżazzjonijiet transfruntiera ta’ kummerċ elettroniku”.

Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE mehmuża għandha l-għan li testendi s-sistema attwali għall-Istati tal-EFTA taż-ŻEE.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

L-inkorporazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni fil-Ftehim taż-ŻEE għandha implikazzjonijiet baġitarji minuri. Madankollu, dawn l-ispejjeż huma diġà koperti mill-approprjazzjonijiet diġà previsti taħt l-ipprogrammar finanzjarju tal-“Programm tal-konsumatur” (Linja baġitarja 33.04.01) li jieħdu sehem fih l-Iżlanda u n-Norveġja. L-ebda approprjazzjonijiet addizzjonali ma huma previsti.

5.ELEMENTI OĦRAJN

Pjanijiet ta' implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar

Il-proposta tipprevedi li l-Kummissjoni u l-Iżlanda għandhom jagħmlu ħilithom sabiex itejbu l-funzjonijiet ta’ traduzzjoni pprovduti mill-pjattaforma għal Soluzzjoni Onlajn ta' Tilwim (minn hawn’ il quddiem “Pjattaforma ODR”) fir-rigward tal-lingwa Iżlandiża biex tkun żgurata l-kwalità komparabbli tal-funzjonijiet kollha għal dak offrut għal-lingwi l-oħra u għandhom regolarment jinformaw lill-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar il-progress tagħhom.

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Il-pjattaforma tal-ODR għandha tkun aċċessibbli bil-lingwi kollha msemmija fl-Artikolu 129(1) tal-Ftehim ŻEE, li jinkludi n-Norveġiż u l-Iżlandiż.

B’deroga mill-Artikolu 5(4)(e) tar-Regolament tal-ODR, il-funzjonijiet ta’ traduzzjoni tal-pjattaforma tal-ODR minn u għal-lingwa Iżlandiża inizjalment għandhom ikunu disponibbli biss fir-rigward tar-riżultat tal-proċedura ta’ soluzzjoni alternattiva tat-tilwim (ADR) trażmessa minn entità tal-ADR.

Modalitajiet tranżizzjonali speċifiċi jeħtieġ li jiġu stabbiliti għall-iskambji l-oħra fuq il-pjattaforma tal-ODR sakemm il-kwalità tat-traduzzjonijiet tal-għodda ta’ traduzzjoni awtomatizzata użati mill-pjattaforma tal-ODR tkun komparabbli ma’ dik ta’ lingwi oħrajn.

L-Iżlanda għandha tiżgura li dawk li jużaw il-pjattaforma tal-ODR jkunu jistgħu jakkwistaw it-traduzzjoni tal-informazzjoni oħra kollha minn u għal-lingwa Iżlandiża permezz ta’ punt ta’ kuntatt tal-ODR, fejn dik l-informazzjoni hija meħtieġa għas-soluzzjoni tat-tilwim u li tiġi skambjata permezz tal-pjattaforma tal-ODR f’lingwa oħra. Informazzjoni dwar dawn il-modalitajiet fir-rigward tal-lingwa tal-Iżlanda għandha tiġi pprovduta fuq is-sit elettroniku tal-pjattaforma tal-ODR.

Il-Kummissjoni u l-Iżlanda għandhom jagħmlu ħilithom sabiex itejbu funzjonijiet ta’ traduzzjoni pprovduti mill-pjattaforma tal-ODR fir-rigward tal-lingwa tal-Iżlanda biex tkun żgurata l-kwalità komparabbli tal-funzjonijiet kollha għal dak offrut għal-lingwi l-oħra u għandhom regolarment jinformaw lill-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar il-progress tagħhom. Meta l-funzjonijiet tat-traduzzjoni jiżguraw il-kwalità komparabbli fir-rigward tal-lingwa Islandiża meta mqabbla ma' dik offruta għal-lingwi l-oħra, il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE għandu mingħajr telf ta’ żmien jieħu deċiżjoni li ttemm il-modalitajiet tranżizzjonali mehmuża mad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

2016/0189 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea,
fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar emenda għall-Anness XIX

(Protezzjoni tal-konsumatur) tal-Ftehim ŻEE

(Sistema ta’ Soluzzjoni Alternattiva tat-Tilwim)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 114 flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 tat-28 ta' Novembru 1994 5 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 1(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea ("il-Ftehim ŻEE") daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 1994.

(2)Skont l-Artikolu 98 tal-Ftehim ŻEE, il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jista’ jiddeċiedi li jemenda, inter alia, l-Anness XIX (Protezzjoni tal-konsumatur) tal-Ftehim ŻEE.

(3)Ir-Regolament (KE) Nru 524/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 6 għandu jiġi inkorporat fil-Ftehim ŻEE.

(4)Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 2015/1051 7 għandu jiġi inkorporat fil-Ftehim ŻEE.

(5)Id-Direttiva 2013/11/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 8 għandha tiġi inkorporata fil-Ftehim ŻEE.

(6)L-Anness XIX (Protezzjoni tal-konsumatur) tal-Ftehim ŻEE għandu għalhekk jiġi emendat kif meħtieġ.

(7)Il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE għandha għalhekk tkun ibbażata fuq l-abbozz ta' Deċiżjoni mehmuż,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni, fi ħdan il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar l-emenda proposta tal-Anness XIX (Protezzjoni tal-konsumatur) għall-Ftehim ŻEE għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1) Ir-Regolament (UE) Nru 524/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar is-soluzzjoni onlajn għal tilwim mal-konsumaturi u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2009/22/KE (ĠU L 165, 18.6.2013, p. 1).
(2) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1051 tal-1 ta' Lulju 2015 dwar il-modalitajiet għall-eżerċitar tal-funzjonijiet tal-pjattaforma għas-soluzzjoni onlajn għat-tilwim, dwar il-modalitajiet tal-formola elettronika għall-ilmenti u dwar il-modalitajiet ta' kooperazzjoni bejn il-punti ta' kuntatt previsti fir-Regolament (UE) Nru 524/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-soluzzjoni onlajn għal tilwim mal-konsumaturi (ĠU L 171, 2.7.2015, p. 1).
(3) Id-Direttiva 2013/11/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar is-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim, għat-tilwim tal-konsumaturi u li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2009/22/KE (ĠU L 165, 18.6.2013, p. 63).
(4) ĠU L 305, 30.11.1994, p. 6-8.
(5) ĠU L 305, 30.11.1994, p. 6-8.
(6) Ir-Regolament (UE) Nru 524/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar is-soluzzjoni onlajn għal tilwim mal-konsumaturi u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2009/22/KE (ĠU L 165, 18.6.2013, p. 1).
(7) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1051 tal-1 ta' Lulju 2015 dwar il-modalitajiet għall-eżerċitar tal-funzjonijiet tal-pjattaforma għas-soluzzjoni onlajn għat-tilwim, dwar il-modalitajiet tal-formola elettronika għall-ilmenti u dwar il-modalitajiet ta' kooperazzjoni bejn il-punti ta' kuntatt previsti fir-Regolament (UE) Nru 524/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-soluzzjoni onlajn għal tilwim mal-konsumaturi (ĠU L 171, 2.7.2015, p. 1).
(8) Id-Direttiva 2013/11/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar is-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim, għat-tilwim tal-konsumaturi u li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2009/22/KE (ĠU L 165, 18.6.2013, p. 63).
Top

Brussell, 22.6.2016

COM(2016) 407 final

ANNESS

tal-

proposta għal

Deċiżjoni tal-Kunsill

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea,
fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar emenda fl-Anness XIX
(Protezzjoni tal-Konsumatur) tal-Ftehim ŻEE

(Sistema Alternattiva tar-Riżoluzzjoni tat-Tilwim)


DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE
Nru


ta'



li temenda l-Anness XIX (Protezzjoni tal-konsumatur) tal-Ftehim ŻEE

IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”), u b’mod partikolari l-Artikolu 98 tiegħu,

Billi:

(1)Ir-Regolament (UE) Nru 524/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar is-soluzzjoni online għal tilwim mal-konsumaturi u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2009/22/KE 1 irid jiġi inkorporat fil-Ftehim ŻEE

(2)Huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti modalitajiet tranżizzjonali speċifiċi sakemm issir l-implimentazzjoni sħiħa tal-funzjoni tat-traduzzjoni tal-pjattaforma tal-ODR imsemmija fl-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 524/2013 fir-rigward tal-lingwa tal-Iżlanda.

(3)Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1051 tal-1 ta' Lulju 2015 dwar il-modalitajiet għall-eżerċitar tal-funzjonijiet tal-pjattaforma għas-soluzzjoni online għat-tilwim, dwar il-modalitajiet tal-formola elettronika għall-ilmenti u dwar il-modalitajiet ta' kooperazzjoni bejn il-punti ta' kuntatt previsti fir-Regolament (UE) Nru 524/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-soluzzjoni online għal tilwim mal-konsumaturi 2 irid jiġi inkorporat fil-Ftehim ŻEE.

(4)Id-Direttiva 2013/11/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar is-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim, għat-tilwim tal-konsumaturi u li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2009/22/KE 3 trid tiġi inkorporata fil-Ftehim ŻEE.

(5)Għalhekk, l-Anness XIX tal-Ftehim ŻEE għandu jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness XIX tal-Ftehim ŻEE għandu jiġi emendat kif ġej:

1.Dan li ġej jiżdied mal-punt 7d (id-Direttiva 2009/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill):

‘, emendat permezz ta’:

- 32013 R 0524: Ir-Regolament (UE) Nru 524/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 (ĠU L 165, 18.6.2013, p. 1).

-32013 L 0011: Id-Direttiva 2013/11/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 (ĠU L 165, 18.6.2013, p. 63).'

2.L-inċiżi li ġejjin jiżdiedu fil-punt 7f (ir-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill):

-32013 R 0524: Ir-Regolament (UE) Nru 524/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 (ĠU L 165, 18.6.2013, p. 1).

-32013 L 0011: Id-Direttiva 2013/11/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 (ĠU L 165, 18.6.2013, p. 63)."

3.Dan li ġej jiddaħħal wara l-punt 7i (id-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill):

‘7j.32013 R 0524: Ir-Regolament (UE) Nru 524/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar is-soluzzjoni onlajn għal tilwim mal-konsumaturi u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2009/22/KE (ĠU L 165, 18.6.2013, p. 1).

Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament għandhom, għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, jinqraw bl-adattamenti li ġejjin:

(a)Fir-rigward tal-Istati tal-EFTA, il-pjattaforma tal-ODR msemmija fl-Artikolu 5 tar-Regolament għandha tkun aċċessibbli fi żmien 40 jum tax-xogħol mid-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru.../... ta’... [din id-Deċiżjoni].

(b)Il-pjattaforma tal-ODR għandha tkun aċċessibbli bil-lingwi kollha msemmija fl-Artikolu 129(1) tal-Ftehim ŻEE.

(c)B’deroga mill-Artikolu 5(4)(e) tar-Regolament, il-funzjonijiet ta' traduzzjoni tal-pjattaforma tal-ODR għalll-lingwa Iżlandiża u minnha inizjalment għandhom ikunu disponibbli biss fir-rigward tar-riżultat ta’ proċedura tal-ADR mibgħuta minn entità tal-ADR. L-Iżlanda għandha tiżgura li dawk li jużaw il-pjattaforma tal-ODR jkunu jistgħu jakkwistaw it-traduzzjoni tal-informazzjoni oħra kollha minn u għal-lingwa Iżlandiża permezz ta’ punt ta’ kuntatt tal-ODR, fejn dik l-informazzjoni hija meħtieġa għas-soluzzjoni tat-tilwim u li tiġi skambjata permezz tal-pjattaforma tal-ODR f’lingwa oħra. Informazzjoni dwar dawn il-modalitajiet fir-rigward tal-lingwa tal-Iżlanda għandha tiġi pprovduta fuq is-sit elettroniku tal-pjattaforma tal-ODR.

Il-Kummissjoni u l-Iżlanda għandhom jagħmlu ħilithom sabiex itejbu l-funzjonijiet tat-traduzzjoni pprovduti mill-pjattaforma tal-ODR fir-rigward tal-lingwa tal-Iżlanda biex tkun żgurata kwalità komparabbli tal-funzjonijiet kollha għal dawk offruti għal-lingwi l-oħra u għandhom regolarment jinformaw lill-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar il-progress tagħhom. Meta l-funzjonijiet tat-traduzzjoni jiżguraw kwalità komparabbli fir-rigward tal-lingwa Iżlandiża għal dik offruta għal-lingwi l-oħra, il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE għandu mingħajr telf ta’ żmien jieħdu deċiżjoni li ttemm il-miżuri stipulati f’dan il-punt.

7ja.32015 R 1051: Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1051 tal-1 ta' Lulju 2015 dwar il-modalitajiet għall-eżerċitar tal-funzjonijiet tal-pjattaforma għas-soluzzjoni onlajn għat-tilwim, dwar il-modalitajiet tal-formola elettronika għall-ilmenti u dwar il-modalitajiet ta' kooperazzjoni bejn il-punti ta' kuntatt previsti fir-Regolament (UE) Nru 524/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-soluzzjoni onlajn għal tilwim mal-konsumaturi (ĠU L 171, 2.7.2015, p. 1).

7k.32013 L 0011: Id-Direttiva 2013/11/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar is-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim, għat-tilwim tal-konsumaturi u li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2009/22/KE (ĠU L 165, 18.6.2013, p. 63).

Għall-finijiet ta' dan il-Ftehim, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva jinqraw bl-adattamenti li ġejjin:

(a)Referenzi għal atti oħrajn fid-Direttiva għandhom ikunu kkonsidrati relevanti sal-punt u b'mod illi dawk l-atti jkunu inkorporati fil-Ftehim.

(b)Fir-rigward tal-Istati tal-EFTA, l-Artikolu 11(2) għandu jaqra kif ġej:

“2.    Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, ir-“residenza abitwali” għandha tiġi ddeterminata f'konformità ma' dan li ġej:

(a)Ir-residenza abitwali ta’ kumpanniji u korpi oħra, b'personalità ġuridika jew mingħajrha, għandha tkun il-post tal-amministrazzjoni ċentrali;

Ir-residenza abitwali ta' persuna fiżika li taġixxi fil-kors tal-eżerċizzju tal-attività professjonali tagħha għandha tkun il-post prinċipali tal-attività tagħha.

(b)Meta l-kuntratt jiġi konkluż fil-kors tal-operazzjonijiet ta' fergħa, aġenzija jew kwalunkwe stabbiliment ieħor, jew jekk, skont il-kuntratt, il-prestazzjoni tkun ir-responsabbiltà ta' tali fergħa, aġenzija jew stabbiliment, il-post fejn il-fergħa, l-aġenzija jew kwalunkwe stabbiliment ieħor ikunu jinsabu għandu jitqies bħala l-post ta' residenza abitwali;

(c)Għall-finijiet tad-determinazzjoni tar-residenza abitwali, iż-żmien rilevanti għandu jkun iż-żmien meta jiġi konkluż il-kuntratt."

(c)Fl-Artikolu 18(2) għandu jiżdied dan li ġej:

“Il-Kummissjoni għandha tinkludi f'dik il-lista l-awtoritajiet kompetenti u l-punti ta’ kuntatt uniċi magħżula mill-Istati tal-EFTA.”

(d)Fl-Artikolu 20(4) għandu jiddaħħal dan li ġej wara l-kliem “notifikati lill-Kummissjoni.”:

“Il-Kummissjoni għandha tinkludi f’dik il-lista l-entitajiet tal-ADR stabbiliti fl-Istati tal-EFTA u elenkati skont il-paragrafu 2.”'

Artikolu 2

It-testi tar-Regolament (UE) Nru 524/2013 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 2015/1051 u d-Direttiva 2013/11/UE bil-lingwa Iżlandiża u dik Norveġiża, li għandhom jiġu ppubblikati fis-Suppliment taż-ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, għandhom ikunu awtentiċi.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fi […], dment li jkunu saru n-notifiki kollha skont l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim ŻEE*.

4Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fit-Taqsima taż-ŻEE u fis-Suppliment taż-ŻEE ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

   Il-President
   
   
   
   Is-Segretarji
   tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE
   

(1) ĠU L 165, 18.6.2013, p. 1.
(2) ĠU L 171, 2.7.2015, p. 1.
(3) ĠU L 165, 18.6.2013, p. 63.
(4) [Mhumiex indikati rekwiżiti kostituzzjonali.] [Huma indikati rekwiżiti kostituzzjonali.]
Top