Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016PC0373

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fir-rigward ta’ ċerti deċiżjonijiet li għandhom jiġu adottati fil-qafas tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ (IOC)

    COM/2016/0373 final - 2016/0174 (NLE)

    Brussell, 7.6.2016

    COM(2016) 373 final

    2016/0174(NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fir-rigward ta’ ċerti deċiżjonijiet li għandhom jiġu adottati fil-qafas tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ (IOC)


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Il-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ (IOC) huwa organizzazzjoni intergovernattiva xjentifika u teknika attiva fis-settur taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-mejda. L-għanijiet tal-IOC huma (i) li tinkiseb uniformità fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u internazzjonali fir-rigward tal-karatteristiċi fiżikokimiċi u organolettiċi taż-żjut taż-żebbuġa, taż-żjut mir-residwi taż-żebbuġ u taż-żebbuġ tal-mejda sabiex jiġi evitat kwalunkwe ostaklu għall-kummerċ (ii) li jitwettqu attivitajiet fil-qasam tal-ittestjar fiżikokimiku u organolettiku sabiex jiżdied l-għarfien dwar il-karatteristiċi tal-kompożizzjoni u tal-kwalità tal-prodotti taż-żebbuġ, bl-għan li jiġu kkonsolidati l-istandards internazzjonali, u (iii) li jissaħħaħ ir-rwol tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ bħala forum ta’ eċċellenza għall-komunità xjentifika internazzjonali fil-qasam taż-żebbuġ u taż-żejt taż-żebbuġa.

    Attwalment l-IOC huwa magħmul minn 16-il membru, fosthom l-Unjoni Ewropea.

    Fil-livell tal-UE, skont ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli (ir-Regolament dwar l-OKS, ĠU L 347, p. 671), ċerti deċiżjonijiet adottati u ppubblikati mill-IOC jaffettwaw id-dritt tal-UE.

    2.ELEMENTI LEGALI

    Abbażi ta' diskussjonijiet li saru fil-gruppi ta’ esperti li ltaqgħu biex jippreparaw il-laqgħa tal-Kunsill tal-IOC, jista’ jkun mistenni li l-ħames Deċiżjonijiet li ġejjin, li jipproduċu effett legali fl-acquis tal-UE, se jkunu fuq l-aġenda tal-laqgħa li jmiss tal-Kunsill tal-IOC li se ssir fil-15 ta' Lulju 2016 biex jiġu adottati:

    L-abbozz ta’ Deċiżjoni li jimmodifika l-istandard kummerċjali applikabbli għaż-żjut taż-żebbuġa u għaż-żjut mir-residwi taż-żebbuġ (COI/T.15/Rev...): modifika tal-limitu tal-esteri etiliċi.

    L-abbozz ta’ Deċiżjoni li jimmodifika l-istandard kummerċjali applikabbli għaż-żjut taż-żebbuġa u għaż-żjut mir-residwi taż-żebbuġ (COI/T.15/Rev...): modifika tal-limiti tal-aċidu ettadekanojku, l-aċidu ettadeċenojku u l-aċidu ejkosenojku.

    L-abbozz ta’ Deċiżjoni li jimmodifika l-istandard kummerċjali applikabbli għaż-żjut taż-żebbuġa u għaż-żjut mir-residwi taż-żebbuġ (COI/T.15/Rev...): modifika tal-limitu tal-koeffiċjent ta’ estinzjoni speċifiku b'medda ta' frekwenza ta' 270 (k270).

    L-abbozz ta’ Deċiżjoni li jimmodifika l-istandard kummerċjali applikabbli għaż-żjut taż-żebbuġa u għaż-żjut mir-residwi taż-żebbuġ (COI/T.15/Rev...): notifika uffiċjali tal-metodi tal-ISO adottati bil-għan li jinkisbu l-armonizzazzjoni u l-inklużjoni sħiħa ta’ referenza għall-metodu l-ġdid tal-valur tal-perossidu.

    L-abbozz ta’ Deċiżjoni li jadotta l-metodu l-ġdid ta’ analiżi għad-determinazzjoni tal-valur tal-perossidu (COI/T.20/Doc. No…).

    Id-deċiżjonijiet imsemmija hawn fuq ġew diskussi b’mod estensiv bejn esperti xjentifiċi u tekniċi fis-settur taż-żejt taż-żebbuġa. Dawn jikkontribwixxu għall-armonizzazzjoni internazzjonali tal-istandard taż-żejt taż-żebbuġa u se jistabbilixxu qafas li se jiżgura kompetizzjoni ġusta fil-kummerċ fis-settur taż-żejt taż-żebbuġa. Għalhekk, dawn għandhom jiġu appoġġati.

    Bħal fil-passat, jista’ jkun mistenni li l-aġenda tal-laqgħa tal-Kunsill tal-IOC se tibqa’ tevolvi u li mal-aġenda se jiżdiedu aktar Deċiżjonijiet li se jaffettwaw l-acquis. Sabiex tkun żgurata l-effiċjenza tal-ħidma tal-Kunsill tal-IOC u fl-istess ħin jiġu rispettati r-regoli tat-Trattati, fi żmien debitu l-Kummissjoni se tissupplimenta u/jew temenda din il-proposta biex il-Kunsill ikun jista' jadotta l-pożizzjoni li għandha tittieħed ukoll għal dawn id-Deċiżjonijiet.

    2016/0174 (NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fir-rigward ta’ ċerti deċiżjonijiet li għandhom jiġu adottati fil-qafas tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ (IOC)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 207(3), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)Il-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ (IOC) huwa organizzazzjoni intergovernattiva xjentifika u teknika attiva fis-settur taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-mejda.

    (2)L-Unjoni, bħala membru tal-IOC, tista’ tipproponi emendi għall-abbozz ta' deċiżjonijiet tal-IOC u tesprimi l-pożizzjoni formali tagħha dwarhom skont ir-regoli tal-proċedura u tal-votazzjoni ta’ dik l-organizzazzjoni.

    (3)Matul il-laqgħa li jmiss tal-Kunsill tal-Membri tiegħu fil-15 ta’ Lulju 2016, l-IOC se jeżamina u possibbilment jadotta ħames abbozzi ta’ deċiżjonijiet li se jaffettwaw id-dritt tal-Unjoni.

    (4)B’mod partikolari, l-ewwel, it-tieni, it-tielet u r-raba’ abbozz ta' deċiżjonijiet jimmodifikaw l-istandard kummerċjali applikabbli għaż-żjut taż-żebbuġa u għaż-żjut mir-residwi taż-żebbuġ (COI/T.15/Rev...): dawn jikkonċernaw il-modifika tal-limitu tal-esteri etiliċi, il-modifika tal-limiti tal-aċidu ettadekanojku, l-aċidu ettadeċenojku u l-aċidu ejkosenojku, il-modifika tal-limitu tal-koeffiċjent ta’ estinzjoni speċifiku b'medda ta' frekwenza ta' 270 (k270) u n-notifika uffiċjali tal-metodi tal-ISO adottati bil-għan li jinkisbu l-armonizzazzjoni u l-inklużjoni sħiħa ta’ referenza għall-metodu l-ġdid tal-valur tal-perossidu, rispettivament.

    (5)Il-ħames abbozz ta’ deċiżjoni jadotta l-metodu l-ġdid ta’ analiżi għad-determinazzjoni tal-valur tal-perossidu (COI/T.20/Doc. No...).

    (6)Dawk l-abbozzi ta’ deċiżjonijiet jimplikaw li jista' jkun hemm il-ħtieġa li jsiru emendi għar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2568/91 1 .

    (7)Dawk l-abbozzi ta' deċiżjonijiet ġew diskussi b’mod estensiv bejn l-esperti xjentifiċi u tekniċi fis-settur taż-żejt taż-żebbuġa. Dawn jikkontribwixxu għall-armonizzazzjoni internazzjonali tal-istandard taż-żejt taż-żebbuġa u se jistabbilixxu qafas li se jiżgura kompetizzjoni ġusta fil-kummerċ ta' prodotti fis-settur taż-żejt taż-żebbuġa. Għalhekk, dawn għandhom jiġu appoġġati.

    (8)Sabiex ikun hemm il-flessibbiltà meħtieġa matul in-negozjati ta' qabel il-laqgħa tal-Kunsill tal-Membri tal-IOC, l-Unjoni għandha tiġi awtorizzata biex taqbel mal-bidliet f'dawk id-deċiżjonijiet sakemm dawn il-bidliet ma jbiddlux is-sustanza tagħhom,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-laqgħa tal-Kunsill tal-Membri tal-IOC fil-15 ta’ Lulju 2016 għandha tkun konformi mal-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    1.Meta l-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1 x'aktarx li tiġi affettwata mill-informazzjoni xjentifika jew teknika ġdida ppreżentata qabel jew waqt il-laqgħa tal-Kunsill tal-Membri tal-IOC, l-Unjoni għandha titlob li l-adozzjoni fil-laqgħa tal-Kunsill tal-Membri tal-IOC tiġi posposta sakemm il-pożizzjoni tal-Unjoni tiġi stabbilita abbażi ta' dik l-informazzjoni l-ġdida.

    2.Tibdiliet minuri fl-abbozz tad-Deċiżjoni jistgħu jiġu miftiehma mir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kunsill tal-Membri tal-IOC mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell,

       Għall-Kunsill

       Il-President

    (1) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2568/91 tal-11 ta' Lulju 1991 dwar il-karatteristiċi taż-żejt taż-żebbuġa u l-fdal taż-żejt taż-żebbuġa u dwar il-metodi ta' analiżi rilevanti (ĠU L 248, 5.9.1991, p. 1).
    Top

    Brussell, 7.6.2016

    COM(2016) 373 final

    ANNESS

    għal

    Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill

    li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fir-rigward ta’ ċerti deċiżjonijiet li għandhom jiġu adottati fil-qafas tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ (IOC)


    ANNESS

    L-Unjoni Ewropea għandha tappoġġa, soġġett għal kwalunkwe rieżami futur abbażi ta' żviluppi ġodda, l-abbozz ta’ deċiżjonijiet li ġej dwar l-istandardizzazzjoni tal-karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u organolettiċi taż-żjut taż-żebbuġa u taż-żjut mir-residwi taż-żebbuġa u l-armonizzazzjoni tal-metodi tal-analiżi:

    DEĊIŻJONI li tirrevedi l-istandard kummerċjali applikabbli għaż-żjut taż-żebbuġa u għaż-żjut mir-residwi taż-żebbuġ (COI/T.15/Rev…): modifika tal-limitu tal-esteri etiliċi.

    DEĊIŻJONI li tirrevedi l-istandard kummerċjali applikabbli għaż-żjut taż-żebbuġa u għaż-żjut mir-residwi taż-żebbuġ (COI/T.15/Rev…): modifika tal-limiti tal-aċidu ettadekanojku, tal-aċidu ettadeċenojku u tal-aċidu ejkosenojku.

    DEĊIŻJONI li tirrevedi l-istandard kummerċjali applikabbli għaż-żjut taż-żebbuġa u għaż-żjut mir-residwi taż-żebbuġ (COI/T.15/Rev…): modifika tal-limitu tal-koeffiċjent ta’ estinzjoni speċifiku b'medda ta' frekwenza ta' 270 (k270).

    DEĊIŻJONI li tirrevedi l-istandard kummerċjali applikabbli għaż-żjut taż-żebbuġa u għaż-żjut mir-residwi taż-żebbuġ (COI/T.15/Rev…): notifika uffiċjali tal-metodi tal-ISO adottati bil-għan li jinkisbu l-armonizzazzjoni u l-inklużjoni sħiħa ta’ referenza għall-metodu l-ġdid tal-valur tal-perossidu.

    DEĊIŻJONI li tadotta l-metodu l-ġdid ta’ analiżi għad-determinazzjoni tal-valur tal-perossidu (COI/T.20/Doc. No…).

    Top