Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016PC0370

    Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 98/41/KE dwar ir-reġistrazzjoni ta' persuni li jbaħħru abbord vapuri tal-passiġġieri li joperaw lejn jew minn portijiet tal-Istati Membri tal-Komunità u li temenda d-Direttiva 2010/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-formalitajiet ta' rappurtar għal bastimenti li jaslu fi u/jew jitilqu minn portijiet tal-Istati Membri

    COM/2016/0370 final - 2016/0171 (COD)

    Brussell, 6.6.2016

    COM(2016) 370 final

    2016/0171(COD)

    Proposta għal

    DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 98/41/KE dwar ir-reġistrazzjoni ta' persuni li jbaħħru abbord vapuri tal-passiġġieri li joperaw lejn jew minn portijiet tal-Istati Membri tal-Komunità u li temenda d-Direttiva 2010/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-formalitajiet ta' rappurtar għal bastimenti li jaslu fi u/jew jitilqu minn portijiet tal-Istati Membri

    {SWD(2016) 189 final}
    {SWD(2016) 190 final}


    MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

    1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

    1.1Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

    Fl-ispirtu tal-aġenda tal-Kummissjoni għal REFIT u għal Regolamentazzjoni Aħjar u bħala segwitu immedjat għall-kontroll tal-idoneità fuq il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-sikurezza tal-vapuri tal-passiġġieri 1 , il-Kummissjoni qed tressaq sett ta' proposti biex tikseb il-potenzjal identifikat ta' simplifikazzjoni.

    L-objettivi ta' din ir-reviżjoni huma li jissimplifikaw il-qafas regolatorju eżistenti tal-UE dwar is-sikurezza tal-vapuri tal-passiġġieri, sabiex (i) jinżammu r-regoli tal-UE fejn meħtieġ u b'mod proporzjonat; (ii) tiġi żgurata l-implimentazzjoni korretta tagħhom; u (iii) tiġi eliminata d-duplikazzjoni potenzjali tal-obbligi u l-inkonsistenzi bejn biċċiet relatati ta' leġiżlazzjoni. L-objettiv globali huwa li tipprovdi qafas legali ċar, sempliċi u aġġornat li jkun aktar faċli biex jiġi implimentat, immonitorjat u infurzat, biex b'hekk jiżdied il-livell globali ta' sikurezza.

    Id-Direttiva tal-Kunsill 98/41/KE 2 tipprovdi għall-għadd u għar-reġistrazzjoni tal-passiġġieri u tal-ekwipaġġ abbord vapuri tal-passiġġieri li joperaw lejn u minn portijiet tal-UE. Għandha l-għan li tiżgura li s-sikurezza tal-passiġġieri ma tiġix kompromessa billi jinqabeż in-numru massimu awtorizzat ta' persuni abbord u li t-tiftix u s-salvataġġ wara kwalunkwe inċident ikun jista' jiġi trattat b'mod effettiv.

    Id-Direttiva 98/41/KE kienet l-ewwel biċċa leġiżlazzjoni tal-UE li tittratta l-informazzjoni dwar persuni abbord. Madankollu, mill-1998 daħlu fis-seħħ biċċiet oħra tad-dritt tal-UE u konvenzjonijiet internazzjonali li jittrattaw kwistjonijiet relatati u ġew żviluppati sistemi u soluzzjonijiet teknoloġiċi ġodda. Dan irriżulta f'dispożizzjonijiet legali dejjem iżjed kumplessi u li joħolqu duplikazzjoni li jittrattaw l-għadd, ir-reġistrazzjoni u r-rapportar ta' persuni abbord.

    Minkejja li operazzjoni effettiva ta' tiftix u salvataġġ teħtieġ aċċess immedjat għal dejta preċiża fir-rigward tal-persuni abbord, fil-prattika deher li dan mhux dejjem kien il-każ. Skont ir-rekwiżiti attwali, din l-informazzjoni trid tinħażen fis-sistema tal-kumpanija u tkun – f'kull waqt – disponibbli minnufih għat-trażmissjoni lill-awtorità kompetenti responsabbli għat-tiftix u s-salvataġġ. Dan ir-rekwiżit, li jmur lura għall-1998, jinjora l-iżvilupp ta' sistemi bħal SafeSeaNet 3 u n-National Single Window 4 u jirrikjedi li l-awtorità nazzjonali kompetenti tikkuntattja lill-kumpanija tat-trasport marittimu f'każ ta' emerġenza. Barra minn hekk, id-dejta rreġistrata mhux dejjem tinkludi informazzjoni dwar in-nazzjonalità (jiġifieri minbarra l-isem, l-età u s-sess), u b'hekk ikun aktar diffiċli li l-vittmi u l-qraba tagħhom jingħataw l-għajnuna.

    Bħala riżultat, l-operaturi li diġà jittrażmettu dejta bħal din lin-National Single Window huma esposti għal sistema ta' rapportar doppju. Dan ġie indikat minn dawk l-Istati Membri li fil-prattika diġà jagħmlu użu mid-Direttiva 2002/59/KE biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont id-Direttiva 98/41/KE. Barra minn hekk, l-esperjenza tal-implimentazzjoni żvelat numru ta' definizzjonijiet ambigwi u rekwiżiti kemxejn kumplessi, li minħabba fihom xi wħud mid-dispożizzjonijiet saru diffiċli biex jiġu mmonitorjati u infurzati.

    Għalhekk, qed jiġi propost li r-rekwiżiti eżistenti jiġu aġġornati, iċċarati u ssimplifikati għall-għadd u għar-reġistrazzjoni tal-passiġġieri u tal-ekwipaġġ abbord vapuri tal-passiġġieri filwaqt li jitjieb il-livell ta' sikurezza li jipprovdu. Dan jikkonforma għalkollox mal-programm ta' REFIT tal-Kummissjoni u għandu l-għan li jisfrutta l-potenzjal tad-diġitalizzazzjoni tar-reġistrazzjoni, tat-trażmissjoni, tal-aċċess u tal-protezzjoni tad-dejta.

    Il-proposta temenda d-definizzjonijiet u r-rekwiżiti korrispondenti tad-Direttiva 98/41/KE.

    1.2Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta' politika

    Il-proposta hija konsistenti għalkollox mal-proposti ta' simplifikazzjoni li jemendaw id-Direttivi 2009/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 5 u d-Direttiva l-ġdida li tissostitwixxi d-Direttiva tal-Kunsill 1999/35/KE 6 . Il-proposta hija konformi għalkollox mar-rakkomandazzjonijiet dwar il-kontroll tal-idoneità u l-White Paper tal-2011 dwar il-futur tat-trasport 7 li rrikonoxxew il-ħtieġa li il-qafas leġiżlattiv attwali tal-UE dwar is-sikurezza tal-vapuri tal-passiġġieri jiġi mmodernizzat.

    1.3Konsistenza ma' politiki oħra tal-Unjoni

    Il-proposta twettaq l-aġenda tal-Kummissjoni għal Regolamentazzjoni Aħjar billi tiżgura li l-leġiżlazzjoni eżistenti tkun sempliċi u ċara, ma toħloqx piż bla bżonn u żżomm il-pass mal-iżviluppi politiċi, soċjetali u teknoloġiċi li qed jevolvu. Twettaq ukoll l-għanijiet tal-Istrateġija tat-Trasport Marittimu tal-2018 8 billi tiżgura servizzi bil-laneċ ta' kwalità fit-trasport tal-passiġġieri regolari intra-UE.

    2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

    2.1Bażi legali

    Billi l-proposta tissostitwixxi d-Direttiva attwali, il-bażi legali tibqa' l-Artikolu 100(2) tat-TFUE (ex Artikolu 80(2) tat-TKE), li jipprovdi għal miżuri fil-qasam tat-trasport bil-baħar.

    2.2Sussidjarjetà

    Fuq talba tal-Istati Membri 9 , il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-sikurezza tal-vapuri tal-passiġġieri ġiet immudellata u mfassla l-aktar fuq ir-rekwiżiti internazzjonali u b'reazzjoni għal numru ta' inċidenti kbar. Minkejja li r-rekwiżiti li jikkonċernaw l-informazzjoni dwar il-passiġġieri ġew adottati fuq livell internazzjonali, dan ma kienx il-każ għall-vapuri tal-passiġġieri li joperaw fuq vjaġġi domestiċi.

    Il-proposta tiżgura l-applikazzjoni komuni u koerenti tar-rekwiżiti tar-reġistrazzjoni stabbiliti mid-Direttiva 98/41/KE għall-vapuri kollha li joperaw lejn u minn portijiet tal-UE, li ma setgħux jinkisbu b'azzjoni unilaterali fil-livell tal-Istati Membri. Dan jiżgura li d-Direttiva 98/41/KE iżżomm il-pass mal-iżviluppi legali u teknoloġiċi u għalhekk tkompli ssaħħaħ is-sikurezza u tiffaċilita l-operazzjoni tat-tiftix u salvataġġ jekk jiġri inċident.

    Il-proposta tiggarantixxi wkoll li jkompli jkun hemm kompetizzjoni fuq l-istess livell fl-ilmijiet tal-UE għall-operaturi kollha irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom jew mill-bandiera li jtajru l-vapuri u l-bċejjeċ tal-baħar tagħhom u mingħajr distinzjoni bejn vjaġġi internazzjonali u domestiċi. Fl-istess ħin, il-proposta tiċċara l-kundizzjonijiet għad-deroga mir-rekwiżiti tad-Direttiva 98/41/KE fejn il-kundizzjonijiet operattivi lokali jistgħu jeħtieġu hekk.

    2.3Proporzjonalità

    Fid-dawl tal-aħħar żviluppi teknoloġiċi u legali, il-proposta biex jitneħħew ir-rekwiżiti skaduti, jitneħħew id-duplikazzjonijiet u jiġu ċċarati r-rekwiżiti ambigwi hija meqjusa bħala l-unika għażla proporzjonata u koerenti. Din tiżgura li l-livell attwali għoli ta' sikurezza jinżamm u jittejjeb aktar bl-użu ta' mezzi ta' trażmissjoni tad-dejta elettronika.

    B'mod aktar speċifiku, ir-rekwiżit biex tiġi rreġistrata l-informazzjoni dwar il-persuni abbord f'sistema elettronika eżistenti (li f'każ ta' emerġenza tippermetti li d-dejta tiġi aċċessata immedjatament mill-awtorità kompetenti) huwa meqjus li jippreżenta qabża 'l quddiem meta pparagunat mal-livell attwali ta' sikurezza, mingħajr ma jiġġenera spejjeż sinifikanti għall-operaturi jew għall-amministrazzjonijiet nazzjonali.

    F'dan il-kuntest, ir-rekwiżit biex jiġu approvati sistemi ta' reġistrazzjoni tal-passiġġieri wera li jiġġenera xogħol sinifikanti għal xi amministrazzjonijiet nazzjonali. Dan ix-xogħol, u l-ispejjeż korrispondenti, ġew evalwati b'mod ċar bħala eċċessivi, l-aktar minħabba l-ambitu limitat tiegħu, minħabba d-duplikazzjoni parzjali tiegħu mal-kodiċi ISM u minħabba d-diffikultà biex tiġi vverifikata l-approvazzjoni fin-nuqqas ta' kwalunkwe ċertifikat. Ir-rekwiżit għal sistemi ta' reġistrazzjoni tal-passiġġieri tal-kumpaniji għandu jitneħħa u l-fokus jiġi orjentat fuq il-prestazzjoni tar-reġistrazzjoni, jiġifieri fuq il-preċiżjoni u l-puntwalità tar-reġistrazzjoni tad-dejta f'sistemi elettroniċi eżistenti.

    Kif uriet l-esperjenza wkoll, huwa ta' importanza kbira li jkun hemm disponibbli mill-istadju l-aktar bikri ta' fażi ta' wara l-inċident mhux biss in-numru u l-lista ta' persuni abbord imma wkoll in-nazzjonalità tagħhom. Għalhekk qed jiġi propost li din l-informazzjoni tiġi rreġistrata fuq il-bażi ta' awtodikjarazzjoni tal-passiġġieri, kif inhu attwalment il-każ għal informazzjoni oħra. Dan jiżgura li dawk l-operaturi li attwalment mhumiex jirreġistraw din l-informazzjoni jiffaċċjaw spiża marġinali jew xejn minħabba dan id-dħul tad-dejta addizzjonali.

    2.4L-għażla tal-istrument

    Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, id-Direttiva tibqa' meqjusa bħala l-aktar forma xierqa biex jinkisbu l-objettivi identifikati. Din tistabbilixxi prinċipji komuni u livell armonizzat ta' sikurezza, tiżgura l-infurzar tar-regoli, imma tħalli l-għażla tal-proċeduri prattiċi u tekniċi li jiġu applikati f'idejn kull Stat Membru. Permezz ta' dan, tħalli r-responsabbiltà f'idejn kull Stat Membru biex jiddeċiedi dwar l-għodod ta' implimentazzjoni li jixirqu l-aħjar għas-sistema interna tiegħu.

    F'dan ir-rigward, l-aktar soluzzjoni legali adegwata nstabet li hija proposta li temenda d-Direttiva 98/41/KE. L-għażla alternattiva li tiġi proposta Direttiva ġdida ġiet imwarrba fuq il-bażi tan-numru limitat ta' tibdil identifikabbli b'mod ċar għad-Direttiva attwali.

    3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

    3.1L-evalwazzjonijiet ex-post/il-kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

    Il-verifika tal-idoneità wriet li l-objettivi prinċipali tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-sikurezza tal-vapuri tal-passiġġieri relatati mas-sikurezza tal-passiġġieri u mas-suq intern qed jiġu ssodisfati b'mod ġenerali u jibqgħu rilevanti ħafna. Il-qafas legali tal-UE dwar is-sikurezza tal-vapuri tal-passiġġieri rriżulta f'livell komuni ta' sikurezza għall-vapuri tal-passiġġieri fl-UE u kundizzjonijiet ekwi bejn l-operaturi kif ukoll żieda fit-trasferiment ta' vapuri bejn l-Istati Membri. Il-kontroll tal-idoneità wera wkoll li hemm skop għal aktar tisħiħ fil-livell tas-sikurezza kif ukoll fl-effiċjenza u l-proporzjonalità ta' xi wħud mir-rekwiżiti regolatorji. Saru rakkomandazzjonijiet f'numru ta' oqsma biex jiġu ssimplifikati, iċċarati u mħassra numru ta' rekwiżiti ambigwi, skaduti jew idduplikati:

    (a)Eliminazzjoni tar-rapportar doppju tar-rekwiżiti tal-passiġġieri u allinjament tar-rekwiżiti eżistenti ta' rapportar għall-operaturi kollha billi jipprovdu għal:

    Reġistrazzjoni tal-informazzjoni dwar numru ta' persuni abbord f'sistema elettronika eżistenti li f'każ ta' emerġenza jew inċident tippermetti t-trażmissjoni immedjata tad-dejta lill-awtorità kompetenti minflok fis-sistema tal-kumpanija, qabel it-tluq u qabel il-wasla f'kwalunkwe port ta' żjara tal-UE.

    Reġistrazzjoni – għal kull vjaġġ ta' aktar minn 20 mil nawtiku – tal-informazzjoni meħtieġa dwar l-ekwipaġġ u l-passiġġieri fl-istess sistema bħal hawn fuq minflok fis-sistema tal-kumpanija, qabel it-tluq u qabel il-wasla f'kwalunkwe port ta' żjara tal-UE. Jiġu ċċarati d-definizzjonijiet tar-rekwiżiti ta' reġistrazzjoni tal-passiġġieri fid-Direttiva 98/41/KE, bħat-tul tal-vjaġġ.

    (b)Tiġi evitata d-duplikazzjoni u tintalab – għal kull vjaġġ ta' aktar minn 20 mil nawtiku – in-nazzjonalità tal-passiġġieri biex tiġi rreġistrata u trażmessa lill-awtorità kompetenti, bl-użu tal-istess mezzi u kriterji bħal dawk fis-seħħ għar-reġistrazzjoni u t-trażmissjoni tad-dejta diġà mitluba dwar l-isem, l-età, eċċ.

    (c)Jiġu ċċarati d-definizzjonijiet tar-rekwiżiti ta' reġistrazzjoni tal-passiġġieri fid-Direttiva 98/41/KE, bħat-tul tal-vjaġġ.

    (d)Eliminazzjoni mid-Direttiva 98/41/KE tar-rekwiżit għall-approvazzjoni tas-sistemi ta' reġistrazzjoni tal-passiġġieri.

    (e)Simplifikazzjoni tal-mekkaniżmu tar-rapportar ta' eżenzjonijiet/ekwivalenzi skont id-Direttiva 2009/45/KE u d-Direttiva 98/41/KE.

    3.2Il-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati

    Minħabba n-natura teknika tal-proposti previsti, intgħażlet il-konsultazzjoni mmirata bħala l-għodda l-aktar adegwata. L-esperti nazzjonali ġew ikkonsultati fil-qafas tal-Grupp ta' Esperti dwar is-Sikurezza tal-Vapuri tal-Passiġġieri. Ġiet organizzata sessjoni ta' ħidma li għaliha kienu mistiedna jipparteċipaw l-Istati Membri kif ukoll l-industrija u l-assoċjazzjonijiet tal-passiġġieri. Il-miżuri previsti ġew ippreżentati f'diversi okkażjonijiet. Barra minn hekk, il-pjan direzzjonali ppubblikat fuq is-sit web Europa 10 ippermetta lill-partijiet ikkonċernati kollha jipprovdu l-feedback permezz ta' formola ta' tweġiba online.

    Is-sommarju tal-konsultazzjoni kif ukoll il-feedback dettaljat imqajjem matul il-proċess tal-konsultazzjoni jinsabu fid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal li jakkompanja l-proposta. Il-miżuri ta' simplifikazzjoni previsti ġew appoġġati mill-maġġoranza l-kbira tal-esperti nazzjonali, minkejja li saru numru ta' kummenti fir-rigward tal-kliem eżatt ta' xi wħud mill-proposti. Is-suġġerimenti kollha ġew għalhekk riveduti bir-reqqa u l-proposti emendati kif xieraq. Barra minn hekk, xi esperti qajmu mistoqsijiet li jikkonċernaw l-aspetti prattiċi u tekniċi tal-implimentazzjoni, li ġew indirizzati fid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal li jakkompanja l-proposta u jinsabu inkorporati fil-Pjan ta' Implimentazzjoni.

    Il-partijiet ikkonċernati mill-industrija insistew li l-prinċipji ewlenin tal-qafas legali attwali baqgħu l-istess (jiġifieri fir-rigward tal-awtodikjarazzjoni tad-dejta tal-passiġġieri) filwaqt li l-assoċjazzjoni tal-passiġġieri talbet għal titjib fil-livell tas-sikurezza u wissiet kontra d-dilwizzjoni tiegħu. Il-proposta għalhekk tiżgura li l-livell eżistenti ta' sikurezza jinżamm u, sa fejn possibbli fil-qafas tas-simplifikazzjoni, jiżdied (eż. billi jiġu sfruttati s-sistemi elettroniċi eżistenti u jiġi ċċarat kif il-livell limitu ta' 20 mil nawtiku għandu jiġi kkalkulat).

    3.3Il-ġbir u l-użu tal-għarfien espert

    Din ir-reviżjoni tibni primarjament fuq id-dejta miġbura matul il-proċess tal-kontroll tal-idoneità kif irrapportat fid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni "Naġġustaw id-direzzjoni: Verifika tal-Idoneità tal-Leġiżlazzjoni dwar is-Sikurezza tal-Vapuri tal-Passiġġieri fl-UE", adottat fis-16 ta' Ottubru 2015 11 .

    Minbarra d-dejta u l-konsultazzjoni mwettqa fil-qafas tal-kontroll tal-idoneità, it-tħejjija ta' din il-proposta ta' simplifikazzjoni ħtieġet il-kontribut ta' esperti tekniċi u legali rigward il-formolazzjoni konkreta ta' definizzjonijiet tekniċi u abbozzar legali ċar. Dan l-għarfien espert inġabar internament, f'kooperazzjoni mal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima u l-Grupp ta' Esperti dwar is-Sikurezza tal-Vapuri tal-Passiġġieri. Dan jinsab irrapportat fid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal li jakkompanja l-proposta.

    3.4Valutazzjoni tal-impatt

    Il-proposta hija segwitu immedjat għall-kontroll tal-idoneità li identifika l-kwistjonijiet għas-simplifikazzjoni fid-dettall u vvaluta l-potenzjal għas-simplifikazzjoni. Kif enfasizzat fil-pjan direzzjonali, il-miżuri previsti jew mhumiex mistennija jiġġeneraw impatti sinifikanti (jiġifieri lil hinn minn dawk li ma jistgħux jitkejlu bħaċ-ċarezza, iċ-ċertezza jew is-sempliċità ġuridika) jew ma ġewx identifikati soluzzjonijiet materjalment differenti. F'konformità mal-Linji Gwida tal-Kummissjoni għal Regolamentazzjoni Aħjar, ma twettqitx valutazzjoni tal-impatt sħiħa.

    Madankollu, il-proposta ta' simplifikazzjoni hija akkompanjata minn Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kumissjoni li jfakkar ir-rakkomandazzjonijiet tal-kontroll tal-idoneità u jispjega r-razzjonal tas-soluzzjonijiet proposti mill-perspettiva teknika kif ukoll legali. Dan jinkludi sommarju u feedback dwar il-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati mwettqa bħala appoġġ għal din l-inizjattiva. Il-pjan ta' implimentazzjoni jinsab mehmuż ukoll.

    3.5Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

    L-objettiv prinċipali ta' din il-proposta huwa li jiġi żgurat li l-leġiżlazzjoni eżistenti hija adatta għall-iskop. L-użu tal-mezzi disponibbli ta' komunikazzjoni elettronika għandu jippermetti l-kisba tal-objettivi ta' politika b'mod aktar effettiv u effiċjenti. Il-potenzjal għal simplifikazzjoni primarjament jikkonsisti fit-tneħħija ta' duplikazzjoni fl-obbligi tar-rapportar, ta' rekwiżiti sproporzjonati u ta' impatti li ma jistgħux jitkejlu bħaċ-ċarezza, iċ-ċertezza u s-sempliċità ġuridika.

    Ir-rekwiżiti tar-rapportar doppju għall-operaturi li diġà jittrażmettu dejta dwar il-passiġġieri u l-ekwipaġġ lin-National Single Window jipprovdu piż addizzjonali u bla bżonn għall-industrija. Reġim eħfef huwa previst għal dawk l-operaturi (fil-prinċipju iżgħar) li għadhom ma jużawx is-sistemi msemmija hawn fuq. Dawn il-kumpaniji joperaw prinċipalment fuq vjaġġi domestiċi qosra ħafna (jiġifieri jirreġistraw informazzjoni biss dwar in-numru ta' persuni abbord) u m'għandhomx sistemi tal-kompjuter jew konnessjoni tal-internet.

    Biex tiġi nnewtralizzata kwalunkwe żieda possibbli fl-ispejjeż għal dawk l-operaturi, qed jiġi previst li huma jkollhom l-għażla li jittrażmettu n-numru ta' persuni abbord permezz tas-Sistema ta' Informazzjoni Awtomatika, sistema ta' xandir marittimu bbażata fuq it-trażmissjoni ta' sinjali tar-radju ta' frekwenza għolja ħafna. Dan jippermetti liċ-ċentru lokali tat-tiftix u s-salvataġġ biex faċilment jikseb in-numru ta' persuni abbord, fi kwalunkwe ħin, irrispettivament mid-disponibbiltà ta' persuna ta' kuntatt.

    L-Istati Membri ma jkollhomx għalfejn japprovaw is-sistemi ta' reġistrazzjoni tal-passiġġieri tal-kumpaniji, minkejja li jibqgħu responsabbli biex jiżguraw li l-informazzjoni tinġabar u tiġi rreġistrata b'mod elettroniku b'mod preċiż u f'waqtu.

    3.6Drittijiet fundamentali

    Il-proposta ma żżidx kategoriji addizzjonali jew tibdel il-kategoriji tad-dejta personali li għandhom jinġabru u jiġu rreġistrati skont ir-rekwiżiti eżistenti tad-Direttiva 98/41/KE. L-uniku eċċezzjoni f'dan ir-rigward hija l-informazzjoni dwar in-nazzjonalità tal-persuni abbord li għar-raġunijiet spjegati hawn fuq qed jiġi propost li tiżdied mal-informazzjoni diġà rreġistrata (jiġifieri l-ismijiet tal-familja tal-persuni abbord, l-ewwel ismijiet jew l-inizjali tagħhom, is-sess tagħhom, indikazzjoni tal-kategorija tal-età li għaliha tappartjeni kull persuna, jew l-età, jew is-sena tat-twelid, u fuq l-għażla tal-passiġġier, l-informazzjoni dwar il-ħtieġa ta' kura jew għajnuna speċjali f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza).

    Minkejja dan, id-Direttiva 98/41/KE jeħtieġ li tiġi mmodernizzata f'korrispondenza mal-iżviluppi legali fil-qasam tal-protezzjoni tad-dejta personali, b'mod partikolari r-Regolament (UE) Nru XXX/2016 12 . F'dan ir-rigward, minkejja li l-kategoriji tad-dejta, l-għan u r-riċevituri huma identifikati b'mod ċar, il-perjodu għaż-żamma tad-dejta mhux. Id-Direttiva 98/41/KE tirrikjedi li l-kumpanija m'għandhiex iżżomm id-dejta personali aktar milli meħtieġ għall-finijiet ta' din id-Direttiva, imma ma tindikax kemm għandu jkun twil dan il-perjodu. L-esperjenza tal-implimentazzjoni wriet li l-perjodu għaż-żamma tad-dejta b'mod importanti jvarja bejn l-Istati Membri – li jvarja minn sigħat, għal ġimgħat u xhur wara li jkun intemm il-vjaġġ (b'suċċess). Għalhekk qed jiġi propost li l-perjodu taż-żamma jiġi stabbilit f'din id-Direttiva (mingħajr preġudizzju għal rekwiżiti legali oħra fejn din id-dejta tinġabar għal għanijiet differenti b'perjodu ta' żamma differenti).

    Barra minn hekk, minkejja li d-Direttiva tistipula li s-sistemi tar-reġistrazzjoni tal-kumpaniji għandhom jiġu protetti kontra l-qerda jew it-telfien inċidentali jew illegali u kontra t-tibdil, żvelar jew aċċess mhux awtorizzat, ma tirreferix għad-dritt tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta personali u ma tinkludix garanziji rigward l-aċċessibbiltà tad-dejta personali. F'dan ir-rigward, il-proposta hija meqjusa li tipprovdi għal titjib ewlieni fil-protezzjoni tad-dejta personali.

    Barra minn hekk, il-proposta tissostitwixxi r-rekwiżit għall-ħżin tad-dejta personali mill-kumpanija bir-rekwiżit għat-trażmissjoni ta' din id-dejta f'sistema elettronika eżistenti ddisinjata għal dan il-għan (u li titħassar id-dejta personali meta tintemm it-trażmissjoni). It-trażmissjoni proposta lin-National Single Window taħseb għar-rekwiżiti ta' kunfidenzjalità (kif definiti fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2010/65/UE) u tikkonforma mad-dritt tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta personali. Tipprovdi b'mod indaqs għall-aċċessibbiltà ristretta għal din id-dejta li għandha tingħata lill-awtoritajiet nazzjonali rilevanti fuq talba (il-mekkaniżmu ta' skambju fil-każ ta' emerġenza jew wara inċident ikun is-sistema SafeSeaNet kif definit fid-Direttiva 2002/59/KE). Bl-istess mod bħan-National Single Window, is-SafeSeaNet hija mmexxija mid-dritt tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta personali u tipprovdi għal sigurtà ddefinita b'mod ċar u drittijiet ta' aċċess.

    L-awtoritajiet nazzjonali rilevanti li lilhom għandu jingħata l-aċċess għall-finijiet ta' din id-Direttiva huma l-awtoritajiet għat-tiftix u s-salvataġġ innominati mill-Istati Membri. Fuq talba, fil-każ ta' emerġenza jew wara inċident, l-awtoritajiet għat-tiftix u s-salvataġġ għandu jkollhom aċċess immedjat għall-informazzjoni rrapportata skont id-Direttiva 98/41/KE.

    4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

    Il-proposta ma għandhiex implikazzjonijiet għall-baġit tal-Unjoni.

    5.ELEMENTI OĦRA

    5.1Il-pjanijiet għall-implimentazzjoni u l-arranġamenti ta' monitoraġġ, ta' evalwazzjoni u ta' rapportar

    Il-proposta hija akkompanjata minn pjan ta' implimentazzjoni li jelenka l-azzjonijiet meħtieġa biex jiġu implimentati l-miżuri ta' simplifikazzjoni u jidentifika l-isfidi prinċipali tal-implimentazzjoni tekniċi, legali u marbuta maż-żmien.

    Ġew identifikati arranġamenti adegwati għall-monitoraġġ u r-rapportar, mingħajr ma nħolqu obbligi ta' rapportar u piżijiet amministrattivi ġodda. L-informazzjoni ewlenija dwar il-flotta, l-inċidenti u l-konformità se tinġabar bl-għajnuna tal-EMSA, il-Grupp ta' Esperti dwar is-Sikurezza tal-Vapuri tal-Passiġġieri u fuq il-bażi tal-bażi ta' dejta tal-Pjattaforma Ewropea tal-Informazzjoni dwar id-Diżgrazzji tal-Baħar (EMCIP). Billi ċ-ċiklu sħiħ taż-żjarat ta' implimentazzjoni previsti tal-EMSA huwa stmat li se jdum 5 snin, iċ-ċiklu ta' evalwazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-sikurezza tal-vapuri tal-passiġġieri għandu jiġi stabbilit f'intervalli ta' seba' snin.

    5.2Id-dokumenti ta' spjegazzjoni

    Id-dokumenti ta' spjegazzjoni mhumiex meħtieġa għaliex il-miżuri ta' simplifikazzjoni mhumiex ta' natura sostanzjali jew kumplessa.

    5.3Spjegazzjoni dettaljata tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

    Definizzjonijiet u l-kamp ta' applikazzjoni

    L-Artikolu 2 jiġi emendat biex jallinja kemm jista' jkun id-definizzjonijiet mal-proposta li temenda d-Direttiva 2009/45/KE u mal-proposta għal Direttiva ġdida li tissostitwixxi d-Direttiva 1999/35/KE u biex jallinja r-responsabbiltà tar-reġistratur tal-passiġġieri mal-proposta biex jitneħħa r-rekwiżit għall-informazzjoni meħtieġa minn din id-Direttiva biex tinżamm mill-kumpanija.

    L-Artikolu 3 jiġi emendat biex jiċċara l-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva u biex iġibu konformi mad-definizzjoni ta' żoni ta' port kif definiti skont il-proposta li temenda d-Direttiva 2009/45/KE.

    Informazzjoni dwar persuni abbord

    L-Artikolu 4 jiġi emendat biex jissostitwixxi r-rekwiżit li tinħażen l-informazzjoni dwar in-numru ta' persuni abbord fil-kumpanija billi tiġi rreġistrata fin-National Single Window jew trażmessa permezz tas-Sistema ta' Identifikazzjoni Awtomatika.

    L-Artikolu 5 jiġi emendat biex jintroduċi l-informazzjoni dwar in-nazzjonalità tal-persuni abbord u biex jissostitwixxi r-rekwiżit li jinħażnu l-listi ta' passiġġieri u l-ekwipaġġ mill-kumpanija billi jiġu rreġistrati fin-National Single Window. Il-lista tal-entrati tad-dejta meħtieġa qed tiġi ssimplifikata, iċċarata u allinjata kemm jista' jkun mar-rekwiżiti ta' rapportar fin-National Single Window.

    L-Artikolu 6 jiġi emendat biex jallinja r-referenza mal-mezzi proposti għat-trażmissjoni tad-dejta u biex jiċċara r-responsabbiltajiet tal-Istati Membri fir-rigward tal-vapuri tal-passiġġieri li jtajru l-bandiera ta' pajjiż terz.

    Kumpaniji

    L-Artikolu 8 jiġi emendat biex jirrifletti r-rwol il-ġdid tar-reġistratur tal-passiġġieri (jiġifieri li d-dejta ma tinħażinx imma tiġi trażmessa) u biex jitneħħa r-rekwiżit li tiġi stabbilita sistema tar-reġistrazzjoni tal-passiġġieri tal-kumpanija. Qed jiġi emendat ukoll biex jirrifletti d-dritt tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta personali u jispeċifika li d-dejta personali għandha tinqered mill-kumpanija wara li tkun ġiet trażmessa lis-single window (mingħajr preġudizzju għal obbligi oħra ta' rapportar).

    Eżenzjonijiet

    L-Artikolu 9 jiġi emendat biex titneħħa r-referenza skaduta għall-eżenzjoni għal servizzi regolari li jaqsmu l-Istrett ta' Messina. Fid-dawl tal-introduzzjoni tat-trażmissjoni elettronika tad-dejta u minħabba l-flessibbiltà proposta fit-trażmissjoni tan-numru ta' persuni abbord, l-Artikolu 9 jiġi emendat biex titneħħa l-possibbiltà li operaturi jiġu eżentati milli jittrażmettu n-numru ta' persuni abbord lill-awtoritajiet kompetenti.

    L-Artikolu 9 jiġi emendat ukoll biex jiżgura li l-kriterji għall-eżenzjoni jirriflettu l-prossimità tal-faċilitajiet tat-tiftix u s-salvataġġ li m'għadhomx iżjed inklużi fid-definizzjoni l-ġdida taż-żoni tal-baħar protetti. Finalment, l-Artikolu 9 qed jiġi emendat biex jissimplifika n-notifika tal-eżenzjonijiet permezz ta' bażi ta' dejta li għandu jiġi stabbilit u miżmum għal dan il-għan u biex jallinja l-proċeduri għall-oġġezzjoni għall-eżenzjonijiet f'din id-Direttiva u mad-Direttiva 2009/45/KE.

    L-Istati Membri

    L-Artikolu 10 jiġi emendat biex jallinja r-responsabbiltà tal-Istati Membri mal-mezzi proposti għat-trażmissjoni tad-dejta u biex jirrifletti d-dritt tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta personali billi jispeċifika l-kundizzjonijiet għall-ipproċessar tad-dejta mill-Istati Membri, id-drittijiet ta' aċċess u l-perjodi ta' żamma tad-dejta.

    Dispożizzjonijiet anċillari

    L-Artikolu 11 jiġi emendat biex jitneħħew ir-rekwiżiti fuq is-sistemi ta' reġistrazzjoni tal-kumpaniji li jsiru superfluwi minħabba l-proposta. Il-paragrafu 1 korrispondenti tal-Artikolu 12 jitneħħa wkoll.

    Proċedura ta' Kumitat u proċedura ta' emenda

    L-Artikoli 12 u 13 ġew konformi mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. L-Artikolu 12a żdied għall-istess raġuni (eżerċizzju tas-setgħa tad-delega).

    Dispożizzjonijiet ta' evalwazzjoni

    L-Artikolu 14a żdied biex jispeċifika d-dispożizzjonijiet dwar l-evalwazzjoni.

    Emenda għall-Anness għad-Direttiva 2010/65/UE

    Il-proposta tinkludi emenda anċillari għall-Anness għad-Direttiva 2010/65/UE, il-parti A, iddeterminata mit-tibdil li rriżulta fid-Direttiva 98/41/KE.

    2016/0171 (COD)

    Proposta għal

    DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 98/41/KE dwar ir-reġistrazzjoni ta' persuni li jbaħħru abbord vapuri tal-passiġġieri li joperaw lejn jew minn portijiet tal-Istati Membri tal-Komunità u li temenda d-Direttiva 2010/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-formalitajiet ta' rappurtar għal bastimenti li jaslu fi u/jew jitilqu minn portijiet tal-Istati Membri

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 100(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 13 ,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni 14 ,

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

    Billi:

    (1)L-informazzjoni preċiża u f'waqtha dwar in-numru ta' persuni abbord vapur jew dwar l-identità tagħhom hija essenzjali għat-tħejjija u l-effikaċja tal-operazzjonijiet ta' tiftix u salvataġġ. Fil-każ ta' inċident fuq il-baħar, il-kooperazzjoni sħiħa u kompleta bejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-Istat jew Stati involuti, l-operatur tal-vapur u l-aġenti tagħhom tista' tikkontribwixxi b'mod sinifikanti għall-effikaċja tal-operazzjonijiet mill-awtoritajiet kompetenti. Ċerti aspetti ta' dik il-kooperazzjoni huma regolati mid-Direttiva tal-Kunsill 98/41/KE 15 .

    (2)Fid-dawl tar-riżultati tal-kontroll tal-idoneità tal-Programm dwar l-Idoneità tar-Regolamentazzjoni (REFIT) 16 u l-esperjenza tal-implimentazzjoni li wriet li l-informazzjoni dwar persuni abbord mhix dejjem disponibbli faċilment għall-awtoritajiet kompetenti, ir-rekwiżiti attwali tad-Direttiva 98/41/KE għandhom isiru konformi mar-rekwiżiti tar-rapportar tad-dejta b'mod elettroniku, biex isiru aktar effiċjenti u anqas ta' piż. Id-diġitalizzazzjoni tippermetti wkoll l-aċċellerazzjoni tal-użu tal-informazzjoni li tikkonċerna numru sinifikanti ta' passiġġieri fil-każ ta' emerġenza jew wara inċident.

    (3)Matul dawn l-aħħar 17-il sena, sar progress teknoloġiku ewlieni fil-mezzi ta' komunikazzjoni u ħażna tad-dejta tal-movimenti tal-vapuri li jippermetti l-użu ta' sistemi ta' identifikazzjoni awtomatiċi (AIS) abbord vapuri għal monitoraġġ aħjar tal-vapuri. Bħala riżultat, l-ispejjeż relatati tat-tagħmir biex jitwettqu dawn il-funzjonijiet tnaqqsu b'mod sinifikanti. Numru ta' sistemi obbligatorji ta' rapportar ta' bastimenti ġew stabbiliti matul il-kosta tal-Ewropa, skont ir-regoli rilevanti adottati mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO). Id-dritt tal-Unjoni u l-liġi nazzjonali jiżguraw li l-vapuri jikkonformaw mar-rekwiżiti tar-rapportar fis-seħħ taħt dawk is-sistemi.

    (4)Il-ġbir, it-trażmissjoni u l-kondiviżjoni tad-dejta relatata mal-vapuri ġew permessi, issimplifikati u armonizzati min-National Single Window imsemmi fid-Direttiva 2010/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 17 u s-SafeSeaNet imsemmi fid-Direttiva 2002/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 18 . L-informazzjoni dwar il-persuni abbord meħtieġa mid-Direttiva 98/41/KE għandha għalhekk tiġi rreġistrata fin-National Single Window li fil-każ ta' emerġenza jew inċident tippermetti li d-dejta tkun disponibbli faċilment għall-awtorità kompetenti.

    (5)Bl-għan li tiġi żgurata l-konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, operaturi iżgħar li għadhom ma jużawx in-National Single Window u li joperaw l-aktar fuq vjaġġi domestiċi qosra ħafna taħt l-20 mil nawtiku (jiġifieri għandhom l-obbligu li jirreġistraw in-numru ta' persuni abbord biss), għandu jkollhom l-għażla fir-rigward tal-mezzi biex jagħmlu dan in-numru disponibbli permezz tan-National Single Window jew l-AIS.

    (6)Biex titnaqqas l-ansjetà tal-qraba fil-każ ta' inċident u dewmien bla bżonn fl-għajnuna konsulari u servizzi oħra, id-dejta kkomunikata għandha tinkludi informazzjoni dwar in-nazzjonalità tal-persuni abbord. Il-lista tal-entrati tad-dejta meħtieġa għal vjaġġi ta' aktar minn 20 mil nawtiku għandha tiġi ssimplifikata, iċċarata u allinjata kemm jista' jkun mar-rekwiżiti ta' rapportar fin-National Single Window.

    (7)Titqies id-disponibbiltà ta' mezzi elettroniċi għar-reġistrazzjoni tad-dejta u l-fatt li d-dejta personali għandha f'kwalunkwe każ tinġabar qabel it-tluq tal-vapur, id-dewmien ta' 30 minuta attwalment previst mid-Direttiva 98/41/KE għandu jitqies bħala massimu u użat f'każijiet eċċezzjonali biss.

    (8)Biex tiżdied iċ-ċarezza ġuridika u l-konsistenza ma' leġiżlazzjoni tal-Unjoni relatata u d-Direttiva 2009/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 19 b'mod partikolari, numru ta' referenzi skaduti, ambigwi u li joħolqu konfużjoni għandhom jiġu aġġornati jew imħassra. Il-kunċett ta' vapur tal-passiġġieri "mibni biex jaqsam l-ibħra" għandu jiġi sostitwit b'"vapur tal-passiġġieri" u l-kunċett ta' "żona tal-baħar protetta" għandu jiġi sostitwit b'żoni tal-baħar iddefiniti b'mod ċar, elenkati mill-Istati Membri skont id-Direttiva 2009/45/KE. Id-definizzjoni ta' "reġistratur tal-passiġġieri" għandha tiġi emendata biex tirrifletti d-dmirijiet il-ġodda li ma jinkludux aktar iż-żamma tal-informazzjoni. Ir-rekwiżiti korrispondenti għas-sistemi ta' reġistrazzjoni tal-passiġġieri tal-kumpaniji għandhom jitħassru.

    (9)L-Istati Membri għandhom jibqgħu responsabbli biex jiżguraw il-konformità mar-rekwiżiti tar-reġistrazzjoni tad-dejta skont id-Direttiva 98/41/KE, jiġifieri fir-rigward tar-reġistrazzjoni preċiża u f'waqtha tad-dejta. F'dan ir-rigward, il-verifika għandha titwettaq b'mod simili għall-kontrolli għal għarrieda attwalment previsti għas-sistemi tar-reġistrazzjoni tal-kumpaniji.

    (10)Sa fejn il-miżuri jinvolvu l-ipproċessar ta' dejta personali, dawk għandhom jitwettqu skont id-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni ta' dejta personali 20 . B'mod partikolari, id-dejta personali miġbura għall-finijiet tad-Direttiva 98/41/KE m'għandhiex tiġi pproċessata u użata għal kwalunkwe skop ieħor u m'għandhiex tinżamm aktar milli meħtieġ għall-finijiet tad-Direttiva 98/41/KE kif speċifikat fiha.

    (11)Fid-dawl tal-prinċipju tal-proporzjonalità u billi huwa fl-aħjar interess tal-passiġġer li tingħata informazzjoni ġenwina l-mezzi attwali tal-ġbir tad-dejta personali fuq il-bażi ta' awtodikjarazzjoni tal-passiġġieri hija biżżejjed għall-finijiet tad-Direttiva 98/41/KE. Fl-istess ħin, il-mezzi elettroniċi tar-reġistrazzjoni u l-verifika tad-dejta għandhom jiżguraw li informazzjoni unika tiġi rreġistrata għal kull persuna abbord.

    (12)Biex tiżdied it-trasparenza u tiġi ffaċilitata n-notifika mill-Istati Membri ta' eżenzjonijiet u talbiet għal derogi, il-bażi ta' dejta għandu jiġi stabbilit u miżmum għal dan il-għan mill-Kummissjoni. Għandu jinkludi l-miżuri notifikati fil-forma ta' abbozz u adottata tagħhom.

    (13)Fid-dawl tat-tibdil li ġab miegħu t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, is-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni biex timplimenta d-Direttiva 98/41/EC għandhom jiġu aġġornati b'mod korrispondenti. L-atti implimentattivi għandhom jiġu adottati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 21 .

    (14)Sabiex jitqiesu l-iżviluppi fil-livell internazzjonali u biex tiżdied it-trasparenza, is-setgħa li jiġu adottati atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi delegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-esklużjoni ta' emendi għall-istrumenti internazzjonali mill-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva jekk meħtieġ u l-istabbiliment ta' kundizzjonijiet ta' aċċess għall-bażi ta' dejta miżmuma mill-Kummissjoni biex tospita n-notifiki mill-Istati Membri ta' eżenzjonijiet u talbiet għal derogi. Huwa ta' importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma ta' tħejjija tagħha, inkluż fil-livell espert, u li dawk il-konsultazzjonijiet jitwettqu skont il-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta' April 2016. Biex tkun żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija tal-atti delegati, b'mod partikolari, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess waqt bħall-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom sistematikament aċċess għal-laqgħat tal-gruppi ta' esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija tal-atti delegati.

    (15)Fid-dawl taċ-ċiklu sħiħ ta' monitoraġġ taż-żjarat tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-implimentazzjoni tad-Direttiva 98/41/KE mhux aktar tard minn [seba' snin wara d-data msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1)] u tirrapporta dwarha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. L-Istati Membri għandhom jikkooperaw mal-Kummissjoni biex jiġbru l-informazzjoni kollha meħtieġa għal din l-evalwazzjoni.

    (16)Biex jiġi rifless it-tibdil li rriżulta fid-Direttiva 98/41/KE, l-informazzjoni dwar il-persuni abbord għandha tiġi inkluża fil-lista ta' formalitajiet ta' rappurtar imsemmija fil-Parti A tal-Anness għad-Direttiva 2010/65/UE.

    (17)Id-Direttivi 98/41/KE u 2010/65/UE għandhom, għalhekk, jiġu emendati skont dan,

    ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1
    Emendi għad-Direttiva 98/41/KE

    Id-Direttiva 98/41/KE hija emendata kif ġej:

    (1)L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

    (a)it-tieni inċiż jinbidel b'dan li ġej:

    "– "vapur tal-passiġġieri" għandha tfisser vapur jew biċċa tal-baħar ta' veloċità għolja li jġorr aktar minn 12-il passiġġier,";

    (b)is-sitt inċiż jinbidel b'dan li ġej:

    "– "reġistratur tal-passiġġieri" għandu jfisser il-persuna responsabbli nnominata mill-kumpanija sabiex tissodisfa l-obbligi tal-Kodiċi ISM jew persuna nnominata minn kumpanija bħala responsabbli għat-trażmissjoni tal-informazzjoni dwar persuni li jkunu imbarkaw fuq vapur tal-passiġġieri tal-kumpanija,";

    (c)id-disa' inċiż jinbidel b'dan li ġej:

    "– "żona tal-baħar protetta" għandha tfisser żona tal-baħar li fiha jistgħu joperaw il-vapuri ta' Klassi D, elenkata skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2009/45/KE,";

    (d)fl-għaxar inċiż, il-frażi tal-bidu tinbidel b'dan li ġej:

    "– "servizz regolari" għandu jfisser serje ta' vjaġġi ta' vapuri operati biex jaqdu traffiku bejn l-istess żewġ portijiet jew iżjed, jew serje ta' vjaġġi minn u lejn l-istess port mingħajr waqfiet intermedjarji, jew:";

    (e)il-ħdax-il subparagrafu jinbidel b'dan li ġej:

    "– "pajjiż terz" għandu jfisser kull pajjiż li mhuwiex Stat Membru,";

    (f)jiiġi miżjud it-tnax-il inċiż li ġej:

    "– "żona ta' port" għandha tfisser żona ddefinita fil-punt (r) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/45/KE,";

    (g)jiġi miżjud it-tlettax-il inċiż li ġej:

    "– "jott/biċċa tal-baħar tad-divertiment" għandha tfisser vapur li ma jġorrx merkanzija u mhux aktar minn 12-il passiġġier mhux involuti fil-kummerċ, irrispettivament mill-mezz tal-propulsjoni.";

    (2)L-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

    (a)l-ewwel inċiż jinbidel b'dan li ġej:

    "– bastimenti tal-gwerra u vapuri tat-truppi,";

    (b)it-tieni inċiż jinbidel b'dan li ġej:

    "– jottijiet u biċċiet tal-baħar tad-divertiment,";

    (c)jiġi miżjud it-tielet inċiż li ġej:

    "– vapuri tal-passiġġieri esklussivament involuti f'żoni tal-port.";

    (3)fl-Artikolu 4, il-paragrafu 2 jinbidel b'dan li ġej:

    "2. Qabel ma l-vapur tal-passiġġieri jitlaq, il-kaptan tal-vapur tal-passiġġieri għandu jiġi mgħarraf bin-numru ta' persuni abbord u dan in-numru għandu jiġi rreġistrat fis-single window stabbilita skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2010/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill* inkella jsir disponibbli għall-awtorità nnominata permezz ta' Sistema ta' Identifikazzjoni Awtomatika.

    _____________

    * Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2010/65/UE tal-20 ta' Ottubru 2010 dwar il-formalitajiet ta' rappurtar għal bastimenti li jaslu fi u/jew jitilqu minn portijiet tal-Istati Membri u li tħassar id-Direttiva 2002/6/KE (ĠU L 283, 29.10.2010, p. 1).";

    (4)L-Artikolu 5 jinbidel b'dan li ġej:

    "Artikolu 5

    1. L-informazzjoni li ġejja għandha tkun irreġistrata f'dak li jirrigwarda kull vapur tal-passiġġieri li jitlaq minn port li jinsab fi Stat Membru biex jagħmel vjaġġ fejn id-distanza mbaħħra mill-punt tat-tluq sal-port ta' żjara li jmiss taqbeż l-20 mil:

    l-ismijiet tal-familja (kunjomijiet) tal-persuni abbord,

    l-ewwel ismijiet tagħhom,

    is-sess tagħhom,

    in-nazzjonalità tagħhom,

    is-sena tat-twelid tagħhom,

    fuq l-għażla tal-passiġġier, l-informazzjoni dwar il-ħtieġa ta' kura jew għajnuna speċjali f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza.

    2. Din l-informazzjoni għandha tinġabar qabel it-tluq u għandha tkun irreġistrata fis-single window stabbilita skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2010/65/UE mat-tluq tal-vapur tal-passiġġieri imma fl-ebda każ mhux aktar tard minn tletin minuta wara t-tluq tiegħu.

    3. Id-dejta personali miġbura għall-finijiet ta' din id-Direttiva m'għandhiex tiġi pproċessata u użata għal xi skop ieħor.";

    (5)fl-Artikolu 6, il-paragrafu 2 jinbidel b'dan li ġej:

    "2. Kull Stat Membru għandu, f'dak li jirrigwarda kull vapur tal-passiġġieri li jtajjar il-bandiera ta' pajjiż terz u li jitlaq minn port li jinsab 'il barra mill-Unjoni u li jkun destinat lejn port li jinsab f'dak l-Istat Membru, jeħtieġ li l-kumpanija biex tassigura li l-informazzjoni speċifikata fl-Artikoli 4(1) u 5(1) tingħata kif sabbilit fl-Artikoli 4(2) u 5(2).

    (6)L-Artikolu 8 jinbidel b'dan li ġej:

    "Artikolu 8

    Kull kumpanija li tassumi r-responsabbiltà għall-operazzjoni ta' vapur tal-passiġġieri għandha, meta meħtieġ permezz tal-Artikoli 4 u 5 ta' din id-Direttiva, taħtar reġistratur tal-passiġġieri responsabbli għar-reġistrazzjoni tal-informazzjoni msemmija f'dawk id-dispożizzjonijiet fis-single window stabbilita skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2010/65/UE jew biex jagħmilha disponibbli permezz ta' Sistema ta' Identifikazzjoni Awtomatika.

    L-informazzjoni personali miġbura skont l-Artikolu 5 m'għandhiex tinżamm mill-kumpanija għal aktar żmien milli huwa meħtieġ għall-għanijiet ta' din id-Direttiva jiġifieri sal-mument li d-dejta tiġi rreġistrata fis-single window stabbilita skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2010/65/UE. Mingħajr preġudizzju għal obbligi oħra ta' rapportar, meta l-informazzjoni ma tkunx meħtieġa aktar għal dan il-għan, din għandha tinqered.

    Kull kumpanija għandha tassigura li l-informazzjoni li tikkonċerna passiġġieri li jkunu ddikjaraw ħtieġa għal kura jew assistenza speċjali f'sitwazzjonijeit ta' emerġenza tkun irreġistrata kif suppost u kkomunikata lejn il-kaptan qabel ma jsalpa l-vapur tal-passiġġieri.";

    (7)L-Artikolu 9 huwa emendat kif ġej:

    (a)il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:

    – il-punti (a) u (b) jitħassru;

    – il-punt (c) jinbidel b'dan li ġej:

    "(c) Stat membru jista' jeżenta vapuri tal-passiġġieri li jbaħħru, esklussivament f'żoni tal-baħar protetti, li fihom tiġi żgurata l-prossimità tal-faċilitajiet tat-tiftix u s-salvataġġ, bejn żewġ portijiet, jew minn u lejn l-istess port, mingħajr waqfiet intermedjarji, mill-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 5.";

    (b)fil-paragrafu 3, il-punti (a) u (b) għandhom jinbidlu b'dan li ġej:

    "(a) l-Istat Membru għandu mingħajr dewmien jinnotifika lill-Kummissjoni dwar id-deċiżjoni tiegħu li jagħti eżenzjoni mill-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 5 u għandu jagħti r-raġunijiet sostantivi għal dawn il-finijiet. Din in-notifika għandha titwettaq permezz ta' bażi ta' dejta stabbilita u miżmuma mill-Kummissjoni għal dan il-għan. Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta l-atti delegati skont l-Artikolu 12a rigward il-kundizzjonijiet ta' aċċess għal din il-bażi ta' dejta.

    (b) jekk fi żmien sitt xhur minn din in-notifika l-Kumissjoni tikkunsidra li dik id-deċiżjoni ma tkunx iġġustifikata jew jista' jkollha effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni, hija tista', permezz ta' att ta' implimentazzjoni, tesiġi li l-Istat Membru jemenda jew jirtira d-deċiżjoni tiegħu. Dawk l-atti implimentattivi għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 13(2)."; 

    (c)fil-paragrafu 4, it-tielet subparagrafu jinbidel b'dan li ġej:

    "It-talba għandha tiġi sottomessa lill-Kummissjoni permezz ta' bażi ta' dejta msemmija fil-paragrafu 3. Jekk fi żmien sitt xhur minn din it-talba l-Kumissjoni tikkunsidra li deroga ma tkunx iġġustifikata jew jista' jkollha effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni, hija tista', permezz ta' att ta' implimentazzjoni, tesiġi li l-Istat Membru jemenda jew ma jadottax d-deċiżjoni proposta. Dawk l-atti implimentattivi għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 13(2).";

    (8)L-Artikolu 10 jinbidel b'dan li ġej:

    "Artikolu 10

    L-Istati Membri għandhom jivverifikaw il-preċiżjoni u l-puntwalità tar-reġistrazzjoni tad-dejta meħtieġa minn din id-Direttiva.

    Kull Stat Membru għandu jinnomina l-awtorità li se jkollha aċċess għall-informazzjoni meħtieġa skont din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fil-każ ta' emerġenza jew wara inċident, din l-awtorità nnominata jkollha aċċess immedjat għall-informazzjoni meħtieġa skont din id-Direttiva.

    Id-dejta personali miġbura skont l-Artikolu 5 m'għandhiex tinżamm mill-Istati Membri aktar milli meħtieġ għall-finijiet ta' din id-Direttiva, jiġifieri:

    (a)sal-mument li l-vjaġġ tal-vapur inkwistjoni jintemm b'mod sikur; jew

    (b)fil-każ ta' emerġenza jew wara inċident, sakemm ikunu intemmu l-investigazzjoni jew il-proċedimenti ġudizzjarji possibbli.

    Mingħajr preġudizzju għal obbligi oħra ta' rapportar, meta l-informazzjoni ma tkunx meħtieġa aktar għal dawn l-għanijiet, din għandha tinqered.";

    (9)L-Artikolu 11 jinbidel b'dan li ġej:

    "Artikolu 11

    1.    Għall-finijiet ta' din id-Direttiva d-dejta meħtieġa għandha tinġabar u tiġi rreġistrata b'tali mod li ebda dewmien żejjed ma jkun ikkawżat għal passiġġieri li jimbarkaw jew jiżbarkaw minn fuq il-vapur.

    2.    Multipliċità ta' ġbir ta' dejta dwar l-istess rotot jew dwar rotot simili għandha tkun evitata.";

    (10)L-Artikolu 12 jinbidel b'dan li ġej:

    "Artikolu 12

    Il-Kummissjoni għandha s-setgħa tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 12a, temenda din id-Direttiva sabiex teskludi mill-kamp ta' applikazzjoni tagħha kwalunkwe emenda għall-istrumenti internazzjonali msemmija fl-Artikolu 2 biss jekk, fuq il-bażi ta' evalwazzjoni mill-Kummissjoni, ikun hemm riskju ċar li l-emenda internazzjonali se tbaxxi l-istandard tas-sikurezza marittima, stabbilit mil-leġiżlazzjoni marittima tal-Unjoni, jew ikun inkompatibbli ma' dan tal-aħħar.";

    (11)jiżdied l-Artikolu 12a li ġej:

    "Artikolu 12a

    1.    Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti ddelegati msemmija fl-Artikoli 9 u 12 hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

    2.    Is-setgħa biex jiġu adottati l-atti ddelegati msemmija fl-Artikolu 9 u 12 għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta' żmien indeterminat minn [id-data tad-dħul fis-seħħ].

    3.    Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikoli 9 u 12 tista' tiġi revokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta' revoka ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fiha. M'għandhiex taffettwa l-validità ta' kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

    4.    Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-esperti nnominati minn kull Stat Membru f'konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta' April 2016.

    5.    Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    6.    Att delegat li jiġi adottat skont l-Artikoli 9 u 12 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma ssir l-ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu informaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jkun estiż b'xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

    7.    Att iddelegat li jeskludi mill-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva kwalunkwe emenda għall-istrumenti internazzjonali skont l-Artikolu 12 għandu jiġi adottat tal-inqas tliet xhur qabel l-iskadenza tal-perjodu stabbilit internazzjonalment għall-aċċettazzjoni taċita tal-emenda kkonċernata jew id-data prevista għad-dħul fis-seħħ ta' din l-emenda. Fil-perjodu ta' qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan l-att iddelegat, l-Istati Membri għandhom joqogħdu lura minn kwalunkwe inizjattiva maħsuba biex tintegra l-emenda f'leġiżlazzjoni nazzjonali jew biex tapplika l-emenda għall-istrument internazzjonali kkonċernat.";

    (12)L-Artikolu 13 huwa emendat kif ġej:

    (a)il-paragrafu 2 jinbidel b'dan li ġej:

    "2. Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill*.

    ____________

    * Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).";

    (b)il-paragrafu 3 jitħassar;

    (13)jiżdied l-Artikolu 14a li ġej:

    "Artikolu 14a

    Il-Kummissjoni għandha tevalwa l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva u tissottometti r-riżultati tal-evalwazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill mhux aktar tard minn [seba' snin wara d-data msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1)].".

    Artikolu 2
    Emendi għall-Anness tad-Direttiva 2010/65/UE

    Fil-Parti A tal-Anness tad-Direttiva 2010/65/UE, għandu jiżdied il-punt 7 li ġej:

    "7.    Informazzjoni dwar persuni abbord

    L-Artikoli 4(2) u 5(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 98/41/KE tat-18 ta' Ġunju 1998 dwar ir-reġistrazzjoni ta' persuni li jbaħħru abbord vapuri tal-passiġġieri li joperaw lejn jew minn portijiet tal-Istati Membri tal-Komunità (ĠU L 188, 2.7.1998, p. 35).".

    Artikolu 3
    It-traspożizzjoni

    1.L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux aktar tard minn [12-il xahar wara d-dħul fis-seħħ], il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi ma' din id-Direttiva. Huma għandhom minnufih jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta' dawn id-dispożizzjonijiet.

    Għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet minn [12-il xahar wara d-dħul fis-seħħ].

    Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b'din ir-referenza waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir din ir-referenza.

    2.L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jaddottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

    Artikolu 4
    Id-dħul fis-seħħ

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 5
    Id-destinatarji

    Din id-Direttiva hi indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell,

    Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

    Il-President    Il-President

    (1) Ir-riżultati tagħhom ġew irrapportati lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fis-16 ta' Ottubru 2015 (COM(2015)508).
    (2) Id-Direttiva tal-Kunsill 98/41/KE tat-18 ta' Ġunju 1998 dwar ir-reġistrazzjoni ta' persuni li jbaħħru abbord vapuri tal-passiġġieri li joperaw lejn jew minn portijiet tal-Istati Membri tal-Komunità (ĠU L 188, 2.7.1998, p. 35).
    (3) Id-Direttiva 2002/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ġunju 2002 li tistabbilixxi sistema għall-monitoraġġ u l-informazzjoni dwar it-traffiku tal-bastimenti fil-Komunità u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/75/KEE (ĠU L 208, 5.8.2002, p. 10).
    (4) Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2010/65/UE tal-20 ta' Ottubru 2010 dwar il-formalitajiet ta' rappurtar għal bastimenti li jaslu fi u/jew jitilqu minn portijiet tal-Istati Membri u li tħassar id-Direttiva 2002/6/KE (ĠU L 283, 29.10.2010, p. 1).
    (5) Id-Direttiva 2009/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Mejju 2009 dwar regoli u standards ta' sigurtà għal vapuri tal-passiġġieri (ĠU L 163, 25.6.2009, p. 1).
    (6) Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/35/KE tad-29 ta' April 1999 dwar sistema ta' stħarriġ obbligatorju għall-operazzjoni bla perikolu ta' laneċ ro-ro regolari u servizzi tal-bċejjeċ tal-baħar tal-passiġġieri ta' veloċità għolja (ĠU L 138, 1.6.1999, p. 1).
    (7) White Paper "Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti" (COM/2011/0144).
    (8) Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni - L-Iskopijiet strateġiċi u rakkomandazzjonijiet għall-politika tat-trasport marittimu tal-UE sal-2018 (COM/2009/0008).
    (9) Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Diċembru 1994 dwar is-sikurezza tal-laneċ ro-ro tal-passiġġieri, (94/C 379/05), ĠU Nru C379 tal-31.12.94, p. 8.
    (10) http://ec.europa.eu/smart-regulation/roadmaps/index_mt.htm.
    (11) DĦP(2015)197.
    (12) Ir-referenza għandha tiżdied wara l-adozzjoni.
    (13) ĠU C , , p. .
    (14) ĠU C , , p. .
    (15) Id-Direttiva tal-Kunsill 98/41/KE tat-18 ta' Ġunju 1998 dwar ir-reġistrazzjoni ta' persuni li jbaħħru abbord vapuri tal-passiġġieri li joperaw lejn jew minn portijiet tal-Istati Membri tal-Komunità (ĠU L 188, 2.7.1998, p. 35).
    (16) COM(2015)508.
    (17) Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2010/65/UE tal-20 ta' Ottubru 2010 dwar il-formalitajiet ta' rappurtar għal bastimenti li jaslu fi u/jew jitilqu minn portijiet tal-Istati Membri u li tħassar id-Direttiva 2002/6/KE (ĠU L 283, 29.10.2010, p. 1).
    (18) Id-Direttiva 2002/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ġunju 2002 li tistabbilixxi sistema għall-monitoraġġ u l-informazzjoni dwar it-traffiku tal-bastimenti fil-Komunità u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/75/KEE (ĠU L 208, 5.8.2002, p. 10).
    (19) Id-Direttiva 2009/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Mejju 2009 dwar regoli u standards ta' sigurtà għal vapuri tal-passiġġieri (ĠU L 163, 25.6.2009, p. 1).
    (20) B'mod partikolari r-Regolament (UE) Nru XXX/2016 ta' XXX (in-numru u d-data għandhom jiżdiedu wara l-adozzjoni formali) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-dejta (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Dejta) (ir-referenza għall-ĠU għandha tiżdied wara l-adozzjoni formali) u r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).
    (21) Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).
    Top