Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016PC0285

    Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar servizzi ta' konsenja tal-pakketti transfruntiera

    COM/2016/0285 final - 2016/0149 (COD)

    Brussell, 25.5.2016

    COM(2016) 285 final

    2016/0149(COD)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    dwar servizzi ta' konsenja tal-pakketti transfruntiera

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    {SWD(2016) 166 final}
    {SWD(2016) 167 final}


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

    1.1.Sfond

    Il-konsumaturi u l-bejjiegħa online tal-UE mhumiex japprofittaw b'mod sħiħ mis-suq uniku. Fl-2014, 15 % biss tal-konsumaturi xtraw online minn pajjiż ieħor tal-UE, għalkemm 44 % għamlu dan it-tip ta' xiri minn pajjiżhom stess; aktar minn tliet kwarti (84 %) tal-bejgħ online fl-2014 seħħ fil-pajjiż fejn kienet tinstab il-kumpanija bejjiegħa.  1  Studju tal-Parlament Ewropew jistima li l-kontribut potenzjali għall-PDG Ewropew jekk jinkiseb Suq Uniku Diġitali li jaħdem b'mod sħiħ jista' jkun qrib l-EUR 415-il biljun 2 . Il-benefiċċji mill-kummerċ elettroniku transfruntier huma stmati għal 0.27 % tal-PDG 3 . Iċ-ċittadini u n-negozji wkoll igawdu direttament mill-kummerċ elettroniku transfruntier, hekk kif jagħtihom varjetà wiesgħa ta' oġġetti u servizzi u prezzijiet orħos minħabba ż-żieda fil-kompetizzjoni fil-prezzijiet.

    Hemm bosta raġunijiet għaliex in-nies ma jbigħux fi Stati Membri oħra jew jixtru mingħandhom. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Strateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa” 4 tistabbilixxi firxa ta’ miżuri biex jittejjeb l-aċċess tal-konsumaturi u n-negozji għal prodotti u servizzi online madwar l-Ewropa. Dawn il-miżuri għandhom jinkludu: l-indirizzar tal-ġeodiskriminazzjoni mhux ġustifikata u għamliet oħra ta' diskriminazzjoni bbażata fuq ir-residenza jew in-nazzjonalità 5 ; l-issuktar fl-armonizzazzjoni tar-regoli kuntrattwali tal-konsumatur għall-bejgħ online u bejgħ ieħor b'distanza ta' oġġetti u l-provvista ta' kontenut diġitali; kif ukoll reviżjoni tar-Regolament dwar il-Kooperazzjoni għall-Protezzjoni tal-Konsumatur.

    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2012 dwar il-kummerċ elettroniku 6 identifikat it-titjib fiżiku tal-konsenja ta’ oġġetti ordnati online bħala waħda mill-elementi ewlenin għat-tkabbir tal-kummerċ elettroniku. Sussegwentement, il-Pjan Direzzjonali tal-2013 dwar il-Pakketti 7 stabbilixxa azzjonijiet biex jinkisbu tliet settijiet ta' għanijiet: (i) li tiżdied it-trasparenza u l-informazzjoni għall-dawk kollha involuti fil-katina ta' valur tal-kummerċ online, (ii) li tittejjeb id-disponibbiltà, il-kwalità u l-affordabbiltà tas-soluzzjonijiet ta' twassil u (iii) li tittejjeb il-ġestjoni tal-ilmenti u l-mekkaniżmi ta' rimedju għall-konsumaturi. Kien hemm xi titjib rigward (i) il-kwalità tas-servizz, inkluż inizjattiva ta’ interoperabbiltà minn fornituri tas-servizz universali u r-raba’ talba ta’ standardizzazzjoni għal CEN/TC331 8 u (ii) fl-għoti ta’ tagħrif għall-konsumaturi bl-iżvilupp ta’ Marki ta’ Fiduċja Ewropej għal xiri online. 9 Madankollu, huma meħtieġa miżuri kumplimentari fl-oqsma tat-trasparenza tal-prezzijiet u tas-sorveljanza regolatorja msaħħa billi l-prezzijiet għal ċerti servizzi transfruntiera għadhom għoljin u mhux l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali kollha għandhom il-kapaċità jiġbru d-dejta meħtieġa biex jimmonitorjaw l-evoluzzjoni tas-swieq tal-pakketti 10 minħabba d-differenzi fil-kompetenzi tagħhom u fid-definizzjoni tas-servizzi tal-pakketti. Meta ġie stabbilit il-qafas regolatorju Ewropew attwali għas-servizzi postali, jiġifieri d-Direttiva 97/67/KE, primarjament kien iffukat fuq l-ittri postali, u l-biċċa l-kbira tas-servizzi ta’ konsenja tal-pakketti kienu barra mill-ambitu tas-servizz universali 11 , filwaqt li llum il-ġurnata l-ittri jammonta għal anqas min-nofs id-dħul tas-settur postali Ewropew 12 .

    Il-konsumaturi u n-negozji ż-żgħar jirrapportaw li l-problemi rigward il-konsenja tal-pakketti, b’mod partikolari prezzijiet għoljin, iżommuhom milli jbigħu jew jixtru aktar minn Stati Membri oħra 13 . Ir-riċerka turi li l-prezzijiet transfruntiera pubbliċi imposti minn fornituri tas-servizz universali ħafna drabi huma minn tlieta sa ħames darbiet ogħla mill-ekwivalenti domestiċi 14 u li dawn id-differenzi ma jistgħu jiġu spjegati bi spejjeż tax-xogħol jew spejjeż oħra fil-pajjiż tad-destinazzjoni. Il-prezzijiet minn Stati Membri ta' oriġini li fid-deher huma simili b'distanzi komparabbli xi kultant ivarjaw b'mod sinifikanti mingħajr l-ebda fattur ta' spiża ovvju spjegatorju.

    Hemm diversi raġunijiet għall-prezzijiet għolja tal-konsenja transfruntiera tal-pakketti. L-ewwel nett, is-suq tal-konsenja transfruntiera tal-pakketti huwa karatterizzat minn ostakli relattivament kbar għad-dħul fis-suq (pereżempju spejjeż mitlufa). Dawn jistgħu jillimitaw id-dħul kompetittiv ġeografikament wiesgħa hekk kif l-operaturi iġorru spejjeż fissi għoljin meta jiġu biex jiżviluppaw netwerks ta' konsenja kbar (u servizzi regolari jew permanenti). Fejn hemm kompetizzjoni, din tiffoka fuq spedituri ta' volum kbir bħal bejjiegħa online kbar, li jistgħu jinnegozjaw il-preżżijiet ma’ operaturi tal-konsenji abbażi ta' skontijiet individwali. Bejjiegħa żgħar u konsumaturi individwali (li ħafna drabi ma jibagħtux volumi kbar biżżejjed biex jikkwalifikaw għal roħs negozjat individwalment 15 ) iħallsu prezzijiet pubbliċi ogħla sew 16 għall-konsenja transfruntiera tal-pakketti u huma moqdija minn inqas operaturi, speċjalment f'żoni remoti 17 , fejn saħansitra huwa possibbli li l-fornitur tas-servizz universali biss jagħmel konsenji mingħajr ħlas supplimentari 18 .

    It-tieni nett, sorveljanza ineffettiva, inkonsistenti jew ineżistenti toħloq ostakli għas-suq uniku. L-oqfsa legali nazzjonali diverġenti u d-differenzi fil-mod kif id-Direttiva 97/67/KE ġiet implimentata mill-Istati Membri rriżultaw f’għadd kbir ta’ awtoritajiet regolatorji nazzjonali li għandhom mandat limitat biex jissorveljaw is-suq tal-konsenja transfruntiera tal-pakketti. Għaldaqstant dawn ma għandhomx l-informazzjoni meħtieġa biex jiġu identifikati nuqqasijiet possibbli tas-suq jew tħassib regolatorju. Il-frammentazzjoni fix-xenarju regolatorju postali wkoll joħloq kumplessità għall-fornituri tas-servizzi tal-konsenja transfruntiera tal-pakketti.

    It-tielet nett, hemm nuqqas konsistenti ta’ informazzjoni dwar is-suq tal-konsenja tal-pakketti, inklużi servizzi ta' konsenja, fornituri u prezzijiet disponibbli. Ħafna negozji u individwi jafu bi ftit operaturi biss li huma jkunu jistgħu jinqdew bihom u ħafna drabi jispiċċaw jinqdew bil-fornitur tas-servizz universali. Dan jagħmilha aktar diffiċli għal operaturi ġodda li jiksbu sehem mis-suq tagħhom u jnaqqas il-pressjoni kompetittiva fuq operaturi eżistenti, u dan iwassal għal inqas inċentivi biex itejbu l-kwalità tas-servizz u għal prezzijiet ogħla. Biex jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ informazzjoni l-Kummissjoni qed tuża l-fondi ta' COSME 19 biex tappoġġa l-iżvilupp ta’ pjattaforma tal-informazzjoni dwar servizzi ta’ konsenja. Dan se jgħin biex il-bejjiegħa online jkunu infurmati aħjar dwar alternattivi ta’ konsenja possibbli u biex jagħmlu għażliet aħjar. Il-pjattaforma hija mistennija wkoll li tiżviluppa f’terminu medju mezz li jippermetti lil min jibgħat spedizzjonijiet iżgħar li jikkonsolida il-vjeġġi tagħhom, li jista' jagħmilhom eliġibbli għal prezzijiet aktar baxxi. Is-sit web dedikat tal-Kummissjoni li għandu jiġi stabbilit skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament se jkollu rabta speċifika għal din il-pjattaforma.

    Fl-aħħar nett, xi bejjiegħa online iżommu lill-klijenti tagħhom aktar għat-twassil milli jħallsu huma stess 20 . Jidher li dawn iż-żidiet huma ogħla meta jsiru konsenji lejn pajjiżi oħra jew lejn reġjuni remoti jew periferali f'pajjiż, pereżempju gżejjer. Filwaqt li xi operaturi tal-konsenja ma jżommux prezz ogħla għal konsenja f'żoni aktar remoti, dan mhux il-każ għal kulħadd: il-biċċa l-kbira tal-fornituri tas-servizz universali għandhom tariffa uniformi fit-territorju nazzjonali tagħhom kollu 21 .

    1.2.Għanijiet

    L-għan ġenerali ta’ dan ir-Regolament huwa li jkun indirizzati kwistjonijiet speċifiċi b'rabta mas-servizzi tal-konsenja transfruntiera tal-pakketti; għaldaqstant huwa kumplimentari għall-attivitajiet relatati mal-industrija, attivitajiet regolatorji u ta’ standardizzazzjoni msemmija hawn fuq. Barra minn jekk, jibni fuq u jikkumplimenta r-regoli dwar servizzi transfruntiera tal-konsenja tal-pakketti previsti mid-Direttiva 97/67/KE 22 kif emendata bid-Direttiva 2002/39/KE 23 u d-Direttiva 2008/6/KE 24 (minn hawn 'il quddiem "id-Direttiva 97/67/KE").

    L-għanijiet speċifiċi tal-inizjattiva huma li:

    1) is-swieq jibdew jaħdmu b’mod aktar effettiv billi a) is-sorveljanza regolatorja tas-swieq tal-pakketti ssir aktar effettiva u konsistenti u b) titħeġġeġ il-kompetizzjoni kif ukoll

    2) tiżdied it-trasparenza tat-tariffi sabiex a) jitnaqqsu d-differenzi fit-tariffi inġustifikabbli u b) jitbaxxew it-tariffi mħallsa minn individwi u negozji żgħar, speċjalment f’żoni remoti.

    Dawn l-għanijiet speċifiċi jappoġġaw bis-sħiħ l-għanijiet tas-Suq Uniku Diġitali usa’ ta’ żieda fil-kummerċ elettroniku transfruntier u l-inklużjoni diġitali.

    1.3.Il-kuntest politiku

    It-titjib fl-aċċess online għall-oġġetti u s-servizzi diġitali huwa wieħed mit-tliet pilastri tal-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali, waħda mill-għaxar prijoritajiet tal-Kummissjoni Juncker. Fl-Istrateġija għas-Suq Uniku Diġitali l-Kummissjoni impenjat ruħha li tniedi miżuri biex ittejjeb it-trasparenza fil-prezzijiet u s-sorveljanza regolatorja tal-konsenja transfruntiera tal-pakketti fl-ewwel nofs tal-2016.

    Fil-laqgħa tiegħu tal-25 u s-26 ta’ Ġunju 2015, il-Kunsill Ewropew appoġġja l-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali u kkonferma li għandha tintuża biex jiġi promoss it-tkabbir inklużiv f’kull reġjun tal-UE.

    Il-ministri għat-telekomunikazzjoni ddiskutew l-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali f’laqgħa tal-Kunsill tat-Trasport, it-Telekomunikazzjonijiet u l-Enerġija fil-11 u t-12 ta’ Ġunju 2015. Huma laqgħu l-għanijiet saħqu fuq l-importanza ta’ ekonomija diġitalizzata li tippromovi l-impjiegi u t-tkabbir u ssaħħaħ il-kompetittività tal-UE. Kienet enfasizzata l-ħtieġa li l-prezzar tal-konsenja tal-pakketti ssir aktar trasparenti madwar l-UE.

    Fil-Komunikazzjoni tiegħu ‘Lejn Att dwar is-Suq Uniku Diġitali’, 25 il-Parlament Ewropew enfasizza li s-servizzi ta’ konsenja aċċessibbli, affordabbli, effiċjenti u ta’ ta’ kwalità għolja huma prerekwiżit essenzjali biex jirnexxi l-kummerċ elettroniku transfruntier. Wera appoġġ ukoll għal miżuri biex itejjeb it-trasparenza tal-prezzijiet u s-sorveljanza regolatorja mmirata lejn il-funzjonament bla xkiel tas-swieq tal-konsenja transfruntiera ta’ pakketti.

    2.IR-RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

    2.1.Il-Fehmiet tal-Partijiet Interessati

    Il-Kummissjoni organizzat konsultazzjoni pubblika dwar il-konsenja transfruntiera tal-pakketti bejn Mejju u Awwissu tal-2015 u rċeviet 361 tweġiba. Il-problemi ewlenin tal-konsenja li rrappurtaw il-konsumaturi kienu l-inċertezza jew in-nuqqas ta’ għażla tad-data u l-ħin tal-konsenja, segwit mill-prezzijiet. Aktar minn żewġ terzi tal-konsumaturi li kkunsidraw li jixtru online, iżda li mbagħad bidlu ħsibijiethom minħabba tħassib b'rabta mal-konsenja, għamlu dan minħabba l-prezz għoli tal-konsenja. Kumpaniji iżgħar kienu partikolarment inqas sodisfatti bil-prezzijiet tas-servizz ta' konsenja. L-Operaturi Postali Nazzjonali kkunsidraw l-interoperabbiltà tas-sistema bħala l-element ewlieni li jista' jtejjeb is-servizzi ta’ konsenja, filwaqt li bosta operaturi oħra tal-konsenji stqarrew li ż-żieda fil-kompetizzjoni tista’ twassal għal progress 26 . It-tweġibiet għall-konsultazzjoni kienu konformi ma’ għadd ta’ sejbiet tal-istħarriġ 27 .

    F’sessjoni ta’ ħidma organizzata sabiex tfakkar it-18-il xahar mill-pubblikazzjoni tal-Pjan Direzzjonali dwar il-Pakketti tal-2013, il-bejjiegħa online spjegaw li filwaqt li huma ħassew li s-servizzi ta' konsenja disponibbli tjiebu, kien fadal aktar xi jsir. It-tariffi għoljin tal-konsenji u r-ritorni transfruntiera ġew enfasizzati bħala tħassib partikolari, flimkien mal-interoperabbiltà baxxa u n-nuqqas ta' faċilità tal-użu (u l-bdil bejniethom) ta' operaturi tal-konsenja differenti. Fil-laqgħa ta’ Ġunju 2015 tal-Kumitat tad-Direttiva Postali ġew irrapportati l-approċċi differenti meħuda mill-Awtoritajiet Regolatorji Nazzjonali lejn is-suq tal-konsenja tal-pakketti u ġew laqgħat preċedenti tal-Kumitat tad-Direttiva Postali intużaw ukoll biex ikun diskuss is-suq tal-konsenja tal-pakketti transfruntier wara l-adozzjoni tal-Green Paper tal-2012.

    2.2.Għarfien espert

    Konsultazzjoni tal-FTI 28 sabet evidenza dwar fornituri tas-servizz universali għandhom setgħa fis-suq tal-pakketti transfruntiera għal spedituri żgħar u mhux ta' spiss. Copenhagen Economics 29 stabbiliet li l-prezzijiet għall-konsenja transfruntiera ħafna drabi kienu minn tlieta sa ħames darbiet ogħla mill-ekwivalenti domestiċi tagħhom. L-Univeristà ta' St Louis ikkonkludiet li l-prezzijiet ippubblikat tal-fornituri tas-servizz universali (imħallsa minn individwi u negozji żgħar) kienu kważi ħames darbiet ogħla mill-ekwivalenti domestiċi tagħhom u li l-ispejjeż tax-xogħol jew spejjeż oħra fil-pajjiż tad-destinazzjoni ma jidhirx li statistikament influwenzaw id-differenzjal fil-prezz transfruntier 30 .

    Il-Grupp tar-Regolaturi Ewropej għas-Servizzi tal-Posta (ERGP) eżamina għadd ta’ kwistjonijiet b'rabta mal-konsenji transfruntiera tal-pakketti inklużi s-sistemi legali, 31 in-natura tas-suq u l-funzjonament tal-kompetizzjoni 32 u l-analiżi tas-suq 33 . Fl-2015, inħoloq grupp ta’ ħidma konġunt flimkien mal-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) biex iqisu jekk l-għarfien regolatorju fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika jistax ikun trasferit għas-settur tal-pakketti 34 . Studju mill-Università ta’ Antwerp irrimarka dwar in-nuqqas ta’ dejta dwar is-suq tal-pakketti tal-UE 35 .

    2.3.Valutazzjoni tal-impatt tar-Regolament propost

    F'konformità mal-politika tagħha ta’ "Regolamentazzjoni Aħjar", is-servizzi tal-Kummissjoni għamlu valutazzjoni tal-impatt tal-alternattivi ta' politika.

    Ħames gruppi ta’ alternattivi ta’ politika ġew eżaminati. Miżuri addizzjonali li jwasslu għall-konsolidazzjoni tal-volumi tal-pakkett minn bejjiegħa żgħar ġew miċħuda minħabba li l-pjattaforma tal-informazzjoni appoġġati mill-finanzjament ta' COSME mistennija li tiżviluppaw din il-kapaċità għall-bejjiegħa iżgħar. Ir-regolazzjoni tal-prezzijiet ġiet miċħuda bħala alternattiva peress li tista’ twassal għal distorzjoni tal-kompetizzjoni f’ambjent tas-suq kumpless, b’mod partikolari minħabba n-nuqqas ta’ għarfien regolatorju u tas-suq tas-settur. Barra minn hekk, hemm differenzi sinifikanti bejn is-setturi tat-telekomunikazzjoni u tal-pakketti, pereżempju fl-istrutturi tal-ispejjeż, kif ikkonfermat mir-rapport konġunt ta' ERGP/BEREC. Kienet imwarrba wkoll il-possibbiltà li jinżamm ix-xenarju ta’ referenza peress li l-azzjoni s’issa ma rriżultatx f’titjib tal-affordabilità jew tas-sorveljanza regolatorja ta’ servizzi transfruntiera tal-pakketti.

    Inżammu żewġ gruppi ta’ għażliet li jiffukaw fuq it-trasparenza tal-prezzijiet u s-sorveljanza regolatorja. Kienet imwarrba l-għażla li l-prezzijiet li l-operaturi postali jinnegozjaw individwalment ma’ bejjiegħa elettroniċi ikbar ikunu aktar trasparenti 36 għaliex spedituri akbar jistgħu jibbenefikaw minn tariffi mraħħsa u nnegozjati. Twarrab ukoll rekwiżit għall-bejjiegħa elettroniċi li jippubblikaw il-prezzijiet li jħallsu lill-operaturi tal-konsenja. Twarrbet ukoll l-għażla li jkun rikjest mill-operaturi kollha l-obbligu li jinnotifikaw lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali bi kwalunkwe tibdil fil-prezzijiet bil-quddiem minħabba piżijiet amministrattivi u d-deterrent possibbli għall-investiment u l-innovazzjoni.

    Il-valutazzjoni tal-impatt irrakkomandat pakkett ta’ miżuri biex tittejjeb it-trasparenza ta’ tariffi ta’ fornituri tas-servizz universali u ssaħħaħ is-sorveljanza regolatorja tal-fornituri tal-konsenja tal-pakketti kollha, li jikkumplimenta l-ħidma usa' għat-titjib tal-kwalità u l-aċċessibilità ta’ servizzi transfruntiera 37 .

    L-alternattivi preferuti ma jkollhom l-ebda impatt soċjali negattiv dirett jew indirett. Indirettament, aktar kummerċ elettroniku b'riżultat ta' affordabbiltà mtejba tal-prezzijiet tal-konsenja transfruntiera tħalli impatt pożittiv fuq it-tkabbir u l-impjiegi u l-benesseri tal-konsumatur, partikolarment għal utenti vulnerabbli f'żoni periferiċi.

    Mhuma mistennija l-ebda impatti ambjentali. Indirettament, l-effiċjenza tas-suq imtejba b'riżultat ta' trasparenza fil-prezzijiet miżjuda tista' tibbilanċja impatti ambjentali negattivi possibbli (pereżempju aktar emissjonijiet mill-vetturi) b'impatti pożittivi (pereżempju l-pooling tal-merkanzija). Mhuwa mistenni l-ebda impatt negattiv fuq id-drittijiet fundamentali.

    3.ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

    3.1.Bażi legali

    Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, billi hija marbuta mas-suq intern tas-servizzi tal-konsenja tal-pakketti u l-funzjonament tiegħu.

    3.2.Sussidjarjetà

    Il-qafas regolatorju attwali (id-Direttiva 97/67/KE) ma ġiex implimentat b’mod li jagħti servizzi transfruntiera ta’ pakketti affordabbli madwar l-Unjoni Ewropea lil hinn tas-servizz postali universali 38 . Il-konsenja transfruntiera fin-natura tagħha tinvolvi s-servizzi ta' konsenja f’iktar minn Stat Membru wieħed u għalhekk ma tistax tiġi sorveljata minn awtoritajiet regolatorji nazzjonali li jaġixxu indipendentement minn xulxin u mingħajr informazzjoni dwar l-ispiża tal-konsenja fi Stati Membri oħrajn, bħal pereżempju rati terminali li l-operatur fl-Istat Membru tad-destinazzjoni jimponi fuq operatur fl-Istat Membru ta’ oriġini. Huma meħtieġa miżuri fil-livell tal-UE biex jiġu indirizzati l-kawżi sottostanti tal-problema. L-Awtoritajiet Regolatorji Nazzjonali għandhom ikunu responsabbli biex jivvalutaw jekk servizzi transfruntiera humiex affordabbli, fid-dawl tal-kundizzjonijiet tas-suq fl-Istat Membru rilevanti.

    Barra minn hekk, id-diverġenzi fir-regoli nazzjonali li jirregolaw is-sorveljanza regolatorja tal-operaturi tal-pakketti, filwaqt li fihom infushom mhumiex inkompatibbli mad-Direttiva 97/67/KE, joħolqu inċertezza legali u ostakli għas-suq uniku fis-servizzi postali. Huma meħtieġa miżuri fil-livell tal-Unjoni sabiex jistabbilixxu rekwiżiti minimi ta’ sorveljanza regolatorja tal-operaturi postali kollha fl-Unjoni, u għalhekk biex tiġi evitata l-frammentazzjoni regolatorja 39 . Il-prinċipju tas-sussidjarjetà huwa rispettat għax l-intervent tal-Unjoni huwa neċessarju biex jitneħħew ostakli speċifikati għas-suq intern.

    3.3.Proporzjonalità

    L-azzjoni tal-Unjoni propost minn dan ir-Regolament hija limitat għal dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu l-għanijiet identifikati. L-awtoregolazzjoni mill-operaturi tas-servizzi tal-konsenja tal-pakketti ma wasslitx għal bidliet fis-sorveljanza regolatorja, it-trasparenza tat-tariffi u titjib tanġibbli fl-affordabbiltà tas-servizzi tal-konsenja transfruntiera tal-pakketti għal spedituri żgħar.

    Il-miżuri biex titjieb it-trasparenza tat-tariffi huma proporzjonati peress li huma limitati u primarjament jimmiraw is-segmenti tas-suq fejn ikun hemm evidenza ta’ għażla limitata, li, flimkien mal-karatteristiċi strutturali fis-swieq tal-konsenja transfruntiera tal-pakketti (pereżempju spejjeż mitlufa għoljin; ekonomiji ta’ skala), jirriżultaw fi prezzijiet għoljin għas-servizzi transfruntieragħal spedituri ta’ volumi żgħar. Il-prezzijiet negozjati individwalment kummerċjalment użati prinċipalment minn bejjiegħa online ikbar (u offruti wkoll minn operaturi li ma jkunux fornituri ta’ servizz universali) huma barra mill-kamp ta' applikazzjoni tal-miżura ta' trasparenza fil-prezzijiet, għalkemm il-kontrolli tal-kompetizzjoni ex-post se tibqa' tkopri l-operaturi kollha u s-segmenti kollha tas-suq. Il-pakketti li huma fil-kamp ta' applikazzjoni tal-obbligu tas-servizz universali, li jirrikjedi li t-tariffi jkunu affordabbli, kost-orjentati, trasparenti u nondiskriminatorji, ivarjaw bejn l-Istati Membri u għalhekk dawn is-servizzi ma jistgħux jiġu mqabbla direttament madwar l-Unjoni u l-infurzar tad-Direttiva 97/67/KE ma tiksibx l-eżitu mixtieq.

    Intrapriżi żgħar u mikro (operaturi tal-konsenja b’inqas minn 50 impjegat) li huma stabbiliti biss fi Stat Membru wieħed, għandhom ikunu eżentati minn dan bl-għan li jitnaqqas il-piż amministrattiv minn fuq l-intrapriżi ż-żgħar li ma joperawx b’mod transfruntier. Għal dawk li huma fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżura, dan ir-Regolament se jġib titjib fiċ-ċertezza dwar l-obbligi legali u tiġi evitata l-frammentazzjoni madwar l-Unjoni.

    3.4.L-għażla tal-istrument

    Il-Kummissjoni tipproponi Regolament billi dan jiżgura t-tneħħija tal-ostakli għas-suq intern għax jikkumplimenta l-qafas regolatorju eżistenti għas-servizzi postali. B’mod partikolari dan jinkludi obbligi speċifiċi, applikabbli direttament għall-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u għall-fornituri ta’ servizzi ta’ konsenja tal-pakketti; jinkludi wkoll mekkaniżmu fuq livell Ewropew biex tkun stabbilita t-trasparenza u vvalutata l-affordabbiltà tat-tariffi tal-konsenja transfruntiera tal-pakketti. Barra minn hekk, Regolament jippermetti azzjoni malajr u jċekken il-piż amministrattiv b'rabta mat-traspożizzjoin għall-Istati Membri, filwaqt li jevita kwalunkwe frammentazzjoni regolatorja ulterjuri li tista' tirriżulta minn strumenti legali oħra (bħal Direttiva).

    3.5.L-istruttura tal-proposta u d-drittijiet u l-obbligi ewlenin

    Suġġett, kamp ta' applikazzjoni u definizzjonijiet (l-Artikoli 1 u 2)

    L-Artikoli 1 u 2 fihom id-dispożizzjonijiet ġenerali dwar is-suġġett u l-kamp ta’ applikazzjoni fosthom definizzjonijiet rilevanti. Id-definizzjonijiet jikkumplimentaw dawk li jinsabu fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 97/67/KE f’dak li għandu x’jaqsam mal-pakketti; huma għalkollox konsistenti ma’ dawk stabbiliti fid-Direttiva. Kif imniżżel fid-dispożizzjonijiet rilevanti adottati mill-UPU r-rati terminali ta' terminu ntużaw sabiex ikopru kemm ħlasijiet terminali (li huma applikabbli għal oġġetti postali tal-ittri 40 ) u rati tal-art għal oġġetti li jkunu qed jaslu (li japplikaw għall-pakketti 41 ). Skont il-prattika rilevanti tal-fornituri tas-servizz tal-pakketti u l-Istati Membri, il-pakketti kkunsidrati għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament huma dawk b’piż massimu ta’ 31.5 kg. Għalhekk, dan ir-Regolament mhux ser japplika għal-loġistika; mhux se japplika wkoll għat-trasport biss, jiġifieri meta dan ma jsirx flimkien mal-ġbir, l-issortjar jew id-distribuzzjoni 42 . Wkoll kompletament konformi mad-dispożizzjonijiet korrispondenti tad-Direttiva 97/67/KE, b’mod partikolari l-Artikolu 2, il-paragrafi 1 u 1a 43 , ma hemm l-ebda rekwiżit li l-attivitajiet kollha taħt l-Artikolu 2(2) lit a u b huma mwettqa b’mod kumulattiv.

    Għoti ta’ informazzjoni (Artikolu 3)

    Din id-dispożizzjoni tikkjarifika li l-għoti ta’ tagħrif lill-awtoritajiet nazzjonali regolatorji tapplika għall-fornituri tas-servizzi ta’ konsenja tal-pakketti kollha lil hinn mil-livell limitu ta’ 50 impjegat u dawk li huma stabbiliti f’aktar minn Stat Membru wieħed. Id-dipsożizzjoni tobbliga lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali li jimmonitorjaw is-suq u jiġbru sett limitat ta’ dejta statistika. Huma biss l-operaturi l-kbar flimkien ma’ dawk stabbiliti f’aktar minn Stat Membru wieħed u li b’hekk jipprovdu servizzi transfruntiera li jiġu inklużi sabiex jiġi żgurat li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali ikolhom id-dejta ta’ qofol dwar il-firxa ta’ pakketti li jintużaw għall-kummerċ online. Din id-dispożizzjoni tobbliga lill-fornituri ta' konsenja tal-pakketti kollha b’aktar minn 50 impjegat li kull sena jissottometu sett limitat ta’ informazzjoni. L-għan huwa li jinġabru u jiġu ċċarati l-kompetenzi regolatorji li bħalissa huma frammentati u li jsir progress fuq l-aħjar prassi eżistenti. Barra minn hekk, dawn l-obbligi aktar konsistenti huma wkoll fl-interess tal-fornituri tas-servizz ta' konsenja tal-pakketti pan-Ewropej, li bħalissa huma soġġetti għal talbiet ta' informazzjoni li jvarjaw minn Stat Membru għall-ieħor. Minkejja li rekwiżiti bażiċi ta’ informazzjoni huma definiti fl-Artikolu 3, il-forma fiha nfisha tkun addattata permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni. F’dan ir-rigward, għandu jingħata parir tekniku mill-ERGP, filwaqt li jkun f'idejn il-Kummissjoni li tistabbilixxi l-forma.

    It-trasparenza tat-tariffi u tar-rati terminali (l-Artikolu 4 u l-Anness)

    L-Artikolu 4(1) fih obbligu mmirat għall-fornituri tas-servizz universali biss li kull sena jissottomettu (sa mhux aktar tard mill-31 ta' Jannar) lill-awtorità regolatorja nazzjonali l-lista pubblika ta' tariffi applikabbli fl-1 ta' Jannar ta' kull sena kalendarja għal sett speċifiku ta' servizzi li jinsabu fl-Anness. Il-15-il oġġett postali provduti minn fornituri tas-servizz universali li jinsabu fl-Anness huma l-aktar rilevanti u użati għall-konsumaturi individwali u negozji żgħar. Fornituri oħrajn tas-servizzi ta’ konsenja tal-pakketti mhumiex fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni mmirata, anki minħabba li fil-prinċipju jiffukaw fuq segmenti differenti tas-suq (jiġifieri servizzi bejn in-negozji u bejjiegħa online akbar). Filwaqt li mhux l-elementi kollha li jinsabu fil-punti (a) sa (o) tal-Anness jistgħu jingħataw mill-fornituri ta’ servizzi universali kollha, il-lista fiha l-aktar elementi rilevanti mhux express li jintużaw fil-kummerċ online nazzjonali u transfruntier u li fil-prinċipju huma disponibbli għaċ-ċittadini kollha tal-Unjoni, indipendentement minn fejn ikunu jinstabu. Din id-dispożizzjoni ta’ informazzjoni regolari dwar it-tariffi lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tipprovdi sett ta’ data indisputibbli (a) għall-pubblikazzjoni fuq sit apposta ospitat mill-Kummissjoni u (b) għall-valutazzjoni tagħhom tal-affordabbiltà skont l-Artikolu 5.

    Dan l-obbligu huwa limitat għal lista pubblika ta’ tariffi u għalhekk ma jinkludix tariffi mnaqqsa jew tariffi nnegozjati individwalment (li huma soġġetti għal kunsiderazzjonijiet kummerċjali). Il-Kummissjoni għandha tippubblika t-tariffi sat-30 ta’ April ta’ kull sena kalendarja f'sezzjoni apposta fuq is-sit tal-Kummissjoni EUROPA . Dan is-sit ma għandux natura kummerċjali u mhux intenzjonat primarjament li jkun fih dejta minn fornituri oħra, inklużi fornituri tas-servizi ta' konsenja express. Madankollu, il-fornituri tas-servizz ta' konsenja għajr għall-fornituri tas-servizz universali jistgħu wkoll, b’mod volontarju, jinkludu t-tariffi għas-servizzi ta' konsenja tagħhom imniżżla fis-sit, sakemm dawk is-servizzi ta' konsenja inkwistjoni jkunu komparabbli u soġġetti għall-konsenja fid-dar jew il-fond ta' min iżomm l-indirizz, u sakemm jintlaħqu kriterji applikabbli oħra (ara l-Premessa 14).

    Barra minn hekk, skont l-Artikolu 4(3) u (4) il-fornituri tas-servizz universali għandhom jissottomettu lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali — u mbagħad lill-Kummissjoni — kull sena r-rati terminali tagħhom (jiġifieri l-pagamenti mill-fornitur tas-servizz universali ta' oriġini lill-fornitur tas-servizz universali tad-destinazzjoni għall-ispejjeż tat-trasport, l-issortjar u t-tqassim ta' oġġetto transfruntiera fl-Istat Membru tad-destinazzjoni). Billi din id-dejta hija ta’ natura kummerċjalment sensittiva mhux se tkun ippubblikata u se tikkostitwixxi kontribut għat-tariffi ġenerali biss. Madankollu, huwa essenzjali li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u l-Kummissjoni jkollhom aċċess għar-rati terminali u għarfien dwarhom billi jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa għall-valutazzjoni tal-affordabbiltà skont l-Artikolu 5. Kemm il-provvista tat-tariffi kif ukoll ir-rati terminali jikkostitwixxu piż amministrattiv limitat ħafna għall-fornituri ta’ servizz universali.

    Il-valutazzjoni tal-affordabbiltà tat-tarrifi (l-Artikolu 5)

    L-Artikolu 5(1) għandu jobbliga lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali li jivvalutaw l-affordabbiltà tat-tariffi tal-fornituri tas-servizz universali miksuba skont l-Artikolu 4(1) abbażi ta' elementi oġġettivi. L-iktar elementi kontributorji komuni u importanti għal din il-valutazzjoni huma s-suġġett ta' lista mhux eżawrjenti fil-punti (a) sa (c). Dawn jinkludu kriterji komuni bħat-tariffi domestiċi tal-fornituri tas-servizz universali jew l-oriġini jew id-destinazzjoni jew il-livell ta’ rati terminali. Dawn jistgħu jiġu kkumplimentati minn kriterji oħra ta’ rilevanza partikolari sabiex jispjegaw it-tariffi inkwistjoni, bħalma huma spejjeż speċifiċi ta’ trasport jew ġestjoni jew volumi bilaterali bejn fornituri ta’ servizz tal-konsenja. Jekk l-awtorità regolatorja nazzjonali tikkonkludi li t-tariffi tal-konsenja tal-pakketti transfruntiera mhumiex affordabbli, din għandha titlob lill-fornitur tas-servizz ta' konsenja tal-pakketti in kwistjoni għal aktar tagħrif u/jew ġustifikazzjoni. Id-dati ta’ skadenza stabbiliti huma operattivi u huma intiżi sabiex jevitaw id-dewmien fl-għoti ta’ informazzjoni jew ta’ ġustifikazzjoni (il-paragrafi 1, 3 u 4). F'konformità mal-Artikolu 5(4), il-valutazzjoni flimkien mal-ġustifikazzjoni, jekk applikabbli, għandhom jiġu kkomunikati mhux biss lill-Kummissjoni, iżda anki lil awtoritajiet nazzjonali regolatorji oħra. Barra minn hekk, il-valutazzjoni għandha tiġi kkomunikata wkoll lill-awtoritajiet rilevanti inkarigati bl-implimentazzjoni tal-liġi tal-kompetizzjoni, li huma ugwalment marbuta bl-obbligu tal-kunfidenzjalità. Din it-trasparenza mtejba għandha toħloq pressjoni sinifikanti biex ikunu modifikati dawk it-tariffi li huma sostanzjalment ogħla u li jistgħu jitqiesu bħala mhux affordabbli jew saħansitra projbittivi. Għandha tkun żgurata t-trasparenza madwar l-Unjoni permezz tal-Artikolu 5(4) li jipprevedi l-pubblikazzjoni mill-Kummissjoni fuq l-istess sit dedikat ta’ verżjoni mhux kunfidenzjali tal-valutazzjonijiet u l-ġustifikazzjonijiet, li għandhom jingħatawlha mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali rilevanti. Din il-pubblikazzjoni tippermetti lill-partijiet interessati kollha, inklużi l-awtoritajiet fdati bl-implimentazzjoni tal-liġi tal-konsumatur, li jkun infurmati b’mod regolari dwar din il-kwistjoni.

    Il-prinċipji regolatorji tal-affordabbiltà, l-orjentazzjoni lejn il-kost, it-trasparenza u n-nondiskriminazzjoni stabbilti fl-Artikolu 12 tad-Direttiva 97/67/KE japplikaw biss għal pakketti (u ittri) li huma fil-kamp ta' applikazzjonital-obbligu tas-servizz universali. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jiżguraw li t-tariffi tas-servizzi universali jkunu konformi ma’ dawn il-prinċipji. Madankollu, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jiffokaw aktar fuq is-swieq domestiċi milli fuq dawk transfruntiera, inkluż meta tkun żgurata l-affordabbiltà ta’ servizzi fis-servizz universali. Għaldaqstant dan l-artikolu se jestendi b'mod espliċitu s-sorveljanza regolatorja tar-regolaturi nazzjonali għal sett ta’ servizzi transfruntiera fornuti mill-fornitur tas-servizzi universali, li fil-biċċa l-kbira tagħhom huma simili iżda mhux ekwivalenti għall-obbligu ta’ servizz universali fl-Istati Membri kollha.

    Trasparenza u aċċess transfruntier mhux diskriminatorju (l-Artikolu 6)

    L-Artikolu 6 huwa essenzjalment kodifikazzjoni tal-prinċipji li ġew analizzati fl-hekk imsejħa deċiżjonijiet REIMS (b'rabta mal-ftehimiet multilaterali transfruntiera dwar somom terminali li l-fornituri tas-servizz universali stabbilew għall-ittri/il-pakketti) 44 , u huwa mnebbaħ mill-elementi proċedurali stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament 531/2012 45 b'rabta mal-aċċess sħiħ għar-roaming. Dan għandu jipprovdi ċertezza legali għall-fornituri tas-servizz universali – li huma d-destinatarji ta’ din id-dispożizzjoni – u fornituri oħra tas-servizzi ta’ konsenja li jistgħu jaċċessaw is-servizzi transfruntiera. Din id-dispożizzjoni ma tindirizzax kwistjonijiet ġenerali ta’ aċċess downstream, li huma soġġetti għal regoli nazzjonali possibbli u l-ħames inċiż tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 97/67/KE. Barra minn hekk, ma jkoprix kwistjonijiet speċifiċi ta’ aċċess għal ċerti elementi tal-infrastruttura skont l-Artikolu 11a tad-Direttiva 97/67/KE. Huwa neċessarju għal raġunijiet ta’ sigurtà legali u biex jiġu applikati l-prinċipji tan-nondiskriminazzjoni u t-trasparenza li operaturi postali alternattivi li jikkompetu bejniethom jingħataw l-istess aċċess għar-rati terminali applikabbli għall-partijiet (jiġifieri l-fornituri tas-servizz universali) tal-ftehimiet tar-rati terminali multilaterali. Soġġett għal evalwazzjoni każ b’każ, jista’ jkun ġustifikat li r-rati terminali li jitħallsu minn operaturi postali terzi, f’xi każijiet, jeċċedu dawk li jitħallsu minn fornituri tas-servizz universali. Dan jista’ jkun il-każ fejn il-partijiet ikunu jistgħu juru li l-kost tat-twaqqif, it-tħaddim u l-amministrazzjoni ta’ dan il-ftehim, il-kost żejjed imġarrab bl-aċċettazzjoni u l-ġestjoni ta’ oġġetti minn operaturi postali mhux magħżula u spejjeż oħra simili mhumiex koperti minn rati terminali mħallsa mill-operatur ta’ oriġini. Il-punt fejn jingħata l-aċċess fil-prinċipju huwa l-uffiċċju tad-dħul ta’ skambju determinat mill-fornitur tas-servizz universali. Huwa wkoll importanti li l-aċċess transfruntier għandu jinkludi l-elementi tan-netwerk assoċjati relatati kollha, minkejja d-differenza għall-aċċess downstream b'mod ġenerali, inkluż b’mod partikolari l-elementi tas-software u l-informazzjoni (paragrafi 2 u 3) - peress li dawn jikkostitwixxu parti integrali mill-ftehimiet li bħalissa għaddejja bħal Interconnect u kwalunkwe ftehim futur potenzjali simili.

    Penali (Artikolu 7)

    Din hija dispożizzjoni standard li għandha l-għan li tagħti lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali b’pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi għal ksur tal-liġi tal-UE.

    Klawżola ta’ reviżjoni (l-Artikolu 8):

    L-Artikolu 8 jinkludi obbligu ta' reviżjoni regolari għall-Kummissjoni. Din ir-reviżjoni b’mod partikolari tinkludi mhux biss il-kwistjonijiet relatati direttament mar-Regolament (lit. a-c) iżda tinkludi wkoll miżuri oħra li jtejbu d-disponibilità, l-aċċessibilità, l-affordabilità tal-konsenja transfruntiera tal-pakketti li ttieħdu fil-kuntest tal-Pjan Direzzjonali dwar il-Pakketti għall-2013 (inklużi inizjattivi industrijali, l-istandardizzazzjoni, eċċ.) u li jikkumplimentaw dan ir-Regolament.

    4.IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

    Ir-Regolament propost ma għandu l-ebda implikazzjoni għall-baġit tal-Unjoni.

    2016/0149 (COD)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    dwar servizzi ta' konsenja tal-pakketti transfruntiera

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 46 ,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni 47  

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

    Billi:

    (1)It-tariffi applikabbli għal spedituri b'volumi baxxi ta’ pakketti u oġġetti postali oħra transfruntiera, partikolarment intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju u individwi, għadhom relattivament għoljin. Dan iħalli impatt dirett u negattiv fuq l-utenti li jfittxu servizzi tal-konsenja tal-pakketti transfruntiera, speċjalment fil-kuntest tal-kummerċ elettroniku.

    (2)Hemm differenzi fundamentali bejn l-Istati Membri f’dak li jirrigwarda l-kompetenzi konferiti lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali fir-rigward tal-monitoraġġ tas-suq u s-superviżjoni regolatorja tal-fornituri tal-konsenja tal-pakketti. Dan ġie kkonfermat minn rapport konġunt 48 imħejji mill-Grupp Ewropew tar-Regolaturi tas-Servizzi Postali u l-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi, li kkonkludew li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jeħtieġu setgħat regolatorji xierqa biex jintervjenu u li dawn is-setgħat ma jidhirx li huma preżenti fl-Istati Membri kollha. Dawk id-differenzi jwasslu għal piżijiet amministrattivi u spejjeż ta’ konformità addizzjonali għall-fornituri tas-servizz tal-konsenja tal-pakketti li joperaw b'mod transfruntier. Dawn id-differenzi għalhekk jikkostitwixxu ostakolu għall-provvista tranfruntiera ta’ servizzi ta’ konsenja tal-pakketti u għalhekk iħallu effett dirett fuq il-funzjonament tas-suq intern.

    (3)Is-suq għas-servizzi tal-konsenja tal-pakketti transfruntiera hija diversa u kumplessa, b’fornituri differenti li joffru servizzi u prezzijiet differenti skont il-piż, id-daqs u l-format tal-oġġetti mibgħuta kif ukoll id-destinazzjoni, elementi ta’ valur miżjud, bħal soluzzjonijiet ta’ traċċabilità, u l-għadd ta’ oġġetti mibgħuta. Dik id-diversità tagħmel is-servizzi ta’ konsenja tal-pakketti diffiċli biex titqabbel bejn fornituri differenti, kemm f’termini ta’ kwalità kif ukoll ta’ prezz. Barra minn hekk, spedituri ta' volum baxx, bħal impriżi żgħar u ta’ daqs medju u individwi sikwit ma jkunux konxji tal-eżistenza ta’ diversi servizzi ta’ konsenja ta’ pakketti offruti.

    (4)Sabiex itejjbu l-affordabbiltà tas-servizzi tal-konsenja tal-pakketti transfruntiera, speċjalment għall-utenti f’żoni remoti jew b’popolazzjoni baxxa, huwa meħtieġ li tittejjeb it-trasparenza ta’ listi pubbliċi ta’ tariffi għal sett limitat ta’ servizzi tal-konsenja tal-pakketti transfruntiera offruti mill-fornituri tas-servizz universali, li huma użati l-aktar minn impriżi żgħar u ta’ daqs medju u l-individwi. It-trasparenza tal-listi pubbliċi hija meħtieġa wkoll biex tkun indirizzata l-kwistjoni ta’ tariffi għolja ta’ servizzi transfruntiera u biex jitnaqqsu, meta applikabbli, differenzi mhux ġustifikati fit-tariffi bejn servizzi ta' konsenja nazzjonali u transfruntiera.

    (5)Fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri hemm diversi fornituri li jipprovdu servizzi ta’ konsenja tal-pakketti domestiċi, filwaqt li huma biss ftit dawk il-fornituri li jipprovdu wkoll servizzi tal-konsenja tal-pakketti transfruntiera. F’dan il-kuntest, huwa essenzjali li jiġi żgurat, biex tkun imħarsa u promossa l-kompetizzjoni effettiva u biex jiġu protetti l-utenti, l-aċċess trasparenti u mhux diskriminatorju għas-servizzi u l-infrastruttura meħtieġa għall-provvista tas-servizzi tal-konsenja tal-pakketti transfruntiera.

    (6)Bħalissa, is-servizzi postali huma regolati bid-Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 49 . Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli komuni li jirregolaw il-forniment ta’ servizzi postali u s-servizz postali universali fl-Unjoni. Id-Direttiva tiffoka primarjament, iżda mhux esklussivament, fuq servizzi universali nazzjonali u ma tindirizzax is-superviżjoni regolatorja tal-fornituri tas-servizzi tal-konsenja tal-pakketti, it-trasparenza tat-tariffi u r-rati terminali għal ċerti servizzi tal-konsenja tal-pakketti transfruntiera, il-valutazzjoni tal-affordabilità tat-tariffi għal ċerti servizzi tal-konsenja tal-pakketti transfruntiera u l-aċċess trasparenti u mhux diskriminatorju għal ċerti servizzi tal-konsenja tal-pakketti u/jew infrastruttura transfruntiera. Għalhekk dan ir-Regolament għandu jikkumplimenta, sa fejn huma konċernati s-servizzi tal-konsenja tal-pakketti transfruntiera, ir-regoli stabbiliti fid-Direttiva 97/67/KE.

    (7)Stima ta' 80 % tal-oġġetti postali b'indirizz iġġenerati mill-kummerċ elettroniku llum il-ġurnata jiżnu anqas minn żewġ kilogrammi, u ħafna drabi jiġu proċessati mal-posta tal-ittri. Huwa importanti li dawk l-oġġetti postali jkunu soġġetti għal dan ir-Regolament, b’mod partikolari għar-rekwiżiti dwar it-trasparenza tat-tariffi u l-valutazzjoni tal-affordabbiltà tagħhom.

    (8)Għalhekk, huwa importanti li tingħata definizzjoni ċara ta’ servizzi ta’ konsenja tal-pakketti u li jiġi speċifikat liema oġġetti postali huma koperti minn din id-definizzjoni. Dan jikkonċerna b’mod partikolari oġġetti postali, għajr għal oġġetti ta’ korrispondenza, li minħabba l-piż tagħhom normalment jintużaw biex jintbagħtu prodotti u merkanzjia. Dan ir-Regolament għandu għaldaqstant ikopri, skont prattika konsistenti, oġġetti postali li jiżnu sa 31.5 kg , peress li oġġetti itqal ma jistgħu jiġu ġestiti minn individwu medju waħdu mingħajr għajnuniet mekkaniċi. F’konformità mal-prattika attwali u d-Direttiva 97/67/KE, kull stadju fil-katina postali, jiġifieri l-ġbir, l-issortjar u l-konsenja għandhom ikunu kkunsidrati bħala servizzi ta’ konsenja tal-pakketti. It-trasport waħdu li ma jsirx flimkien ma’ wieħed minn dawk l-istadji għandu jaqa' barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ servizzi ta’ konsenja tal-pakketti peress li f’dan il-każ jista' jiġi preżunt li din l-attività hija parti mis-settur tat-trasport.

    (9)Ir-rati terminali huma bbażati fuq ftehimiet multilaterali u bilaterali bejn il-fornituri tas-servizz universali u jiżguraw li l-fornitur tas-servizz universali tad-destinazzjoni jitħallas tal-ispejjeż tas-servizz mogħti lill-fornitur tas-servizz universali ta' oriġini. Ir-rati terminali għandhom jiġu definiti b’tali mod li jinkludu kemm il-ħlasijiet terminali, kif definit fil-punt 15 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 97/67/KE li huma applikati għal oġġetti postali tal-ittri u r-rati tal-art tal-posta li tkun qed tasal applikati għall-pakketti.

    (10)Huwa meħtieġ li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jkollhom għarfien u informazzjoni għal skopijiet ta’ statistika dwar il-fornituri tas-servizzi tal-konsenja tal-pakketti attivi fis-suq. Madankollu, sabiex jiġi limitat il-piż amministrattiv għal fornituri tas-servizzi ta’ konsenja ta’ pakketti żgħar li huma attivi biss fis-suq nazzjonali jew reġjonali, għandu jkun applikat livell limitu, ibbażat fuq l-għadd ta’ persuni li jaħdmu għall-fornitur tas-servizz u involuti fl-għoti ta’ servizzi ta’ konsenja tal-pakketti.

    (11)Il-post li fih il-fornitur tas-servizz huwa stabbilit għandu jkun iddeterminat f’konformità mal-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fejn fornitur għandu diversi postijiet ta’ stabbilment, huwa importanti li jkun determinat il-post ta’ stabbiliment li minnu s-servizz effettiv ikkonċernat huwa pprovdut.

    (12)Meta tingħata informazzjoni lill-awtorità regolatorja nazzjonali, għandu jitqies li l-fornituri tas-servizzi ta’ konsenja tal-pakketti jista' jkun li diġà jkunu taw ċerta informazzjoni lill-istess awtorità regolatorja nazzjonali. Is-servizzi ta’ konsenja tal-pakketti huma importanti għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju u għall-individwi u għandhom ikunu jistgħu jqabblu faċilment bejn fornituri differenti. Għalhekk, is-servizzi li għalihom għandhom jingħataw it-tariffi minn fornituri ta’ servizz universali għandhom jiġu definiti b’mod ċar. Dawk it-tariffi għandhom ikunu ppubblikati mill-Kummissjoni fuq sit tal-internet dedikat u għandhom, flimkien mal-provvista regolari kunfidenzjali tar-rati terminali sottostanti, jikkostitwixxu l-bażi għall-awtoritajiet nazzjonali regolatorji biex jivvalutaw l-affordabbiltà tat-tariffi għas-servizzi tal-konsenja tal-pakketti transfruntiera. Il-fornituri tas-servizz ta' konsenja tal-pakketti għajr għal fornituri ta’ servizz universali jistgħu jipprovdu b’mod volontarju, f’forma paragunabbli, lill-awtorità regolatorja nazzjonali tagħhom skont it-tariffi għall-istess oġġetti sakemm dawk l-oġġetti jitwasslu d-dar jew fil-post tad-destinatarju.

    (13)Minħabba d-daqs u l-qisien żgħar tagħhom, ċerti oġġetti postali ma għandhomx ikunu soġġetti għall-obbligi stabbiliti fir-rigward tat-trasparenza tat-tariffi. L-oġġetti postali soġġetti għal dawk l-obbligi għandhom għalhekk ikollhom wisa’ minima ta’ 20 mm.

    (14)Meta l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jivvalutaw fuq bażi annwali l-affordabbiltà tat-tariffi, għandhom jibbażaw irwieħhom fuq kriterji oġġettivi, bħat-tariffi domestiċi tal-fornituri ta’ servizz universali ta' oriġini u l-fornituri tas-servizz universali tad-destinazzjoni u l-livell ta’ rati terminali. Dawk il-kriterji komuni jistgħu jiġu kkumplimentati bi kriterji oħra ta’ rilevanza partikolari biex jispjegaw it-tariffi inkwistjoni, bħalma huma spejjeż speċifiċi ta’ trasport jew ġestjoni u l-volumi bilaterali bejn il-fornituri tas-servizz ta' konsenja tal-pakketti transfruntiera differenti.

    (15)Tariffi uniformi għall-konsenji transfruntiera għal żewġ Stati Membri jew aktar jistgħu jkunu importanti fl-interess tal-ħarsien tal-koeżjoni reġjonali u soċjali. F’dan il-kuntest għandu jiġi kkunsidrat li l-kummerċ online joffri opportunitajiet ġodda biex żoni b’popolazzjoni baxxa jipparteċipaw fil-ħajja ekonomika. Għalhekk jenħtieġ li kwalunkwe tariffa uniformi titqies b'mod sħiħ meta tkun qed tiġi kkunsidrata l-affordabbiltà tas-servizzi tal-konsenja tal-pakketti.

    (16)Differenzi sinifikanti bejn it-tariffi domestiċi u dawk transfruntiera għal servizzi ta’ konsenja tal-pakketti għandhom ikunu ġustifikati bi kriterji oġġettivi, bħal spejjeż addizzjonali għat-trasport u marġni ta’ profitt raġonevoli. Fornituri ta’ servizz universali li jagħtu servizzi ta’ konsenja tal-pakketti għandhom jiġu rikjesti li jiġġustifikaw mingħajr dewmien.

    (17)Sabiex tiġi żgurata t-trasparenza madwar l-Unjoni, l-analiżi ta’ awtorità regolatorja nazzjonali għandha tiġi sottomessa lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tal-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni. Il-kunfidenzjalità trid tkun żgurata mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni tista’ wkoll titlob lill-Grupp ta’ Regolaturi Ewropej għas-Servizzi Postali biex jipprovdu analiżi mifruxa mal-Unjoni abbażi tal-kontribuzzjonijiet nazzjonali.

    (18)Fornituri ta’ servizz universali li jipprovdu servizzi ta’ konsenja tal-pakketti jistgħu jikkonkludu ftehimiet bilaterali u multilaterali dwar ir-rati terminali u jistgħu jistabbilixxu programmi oħra biex iħaffu l-interkonnettività tan-netwerks ta’ konsenja tagħhom. Għal raġunijiet ta’ nondiskriminazzjoni, fornituri tas-servizzi tal-konsenja tal-pakketti li jikkompetu bejniethom għandhom jingħataw l-istess aċċess għar-rati terminali applikabbli bejn il-partijiet fi ftehimiet multilaterali. Jista' jkun ġustifikat li rati terminali pagabbli minn fornituri ta’ servizzi ta’ konsenja tal-pakketti terzi, f’xi każijiet, ikunu aktar minn dawk pagabbli minn fornituri tas-servizz universali li huma partijiet għal ftehimiet bħal dawn. Dan jista’ jkun il-każ fejn il-partijiet għal ftehim multilaterali dwar ir-rati terminali jistgħu juru li l-kost biex jitwaqqaf, jitħaddem u jkun amministrat il-ftehim, il-kost żejjed imġarrab bl-aċċettazzjoni u l-ġestjoni ta’ oġġetti minn fornituri ta’ servizzi tal-konsenja tal-pakketti mhux magħżula u spejjeż oħra bħal dawn mhumiex koperti mir-rati terminali imposti fuq fornitur ta’ servizzi terzi fl-Istat Membru ta’ oriġini.

    (19)Fil-prattika u għal raġunijiet operattivi, il-mument li fih għandu jingħata aċċess huwa l- uffiċċju tad-dħul ta’ skambju, li huwa uffiċċju jew faċilità determinati minn fornituri tas-servizz universali fl-Istat Membru tad-destinazzjoni għall-għoti ta’ oġġetti postali domestiċi għajr għall-oġġetti ta’ korrispondenza.

    (20)L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom ikunu jistgħu jieħdu azzjoni effettiva biex jissorveljaw u jassiguraw il-konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u f’dak ir-rigward jimponu penali finanzjarji jew amministrattivi effettivi fil-każ ta’ ksur tagħhom.

    (21)Peress li s-swieq għas-servizzi ta’ konsenja tal-pakketti qed jinbidlu b’ħeffa, il-Kummissjoni għandha tivvaluta mill-ġdid l-effiċjenza u l-effettività ta’ dan ir-Regolament u tissottometti rapport regolari lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Dan ir-rapport għandu jkun akkumpanjat, fejn xieraq, bi proposti għal reviżjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    (22)Sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tal-obbligu li l-fornituri ta’ konsenja tal-pakketti jissottometu informazzjoni lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, għandhom jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi formula għat-tressiq ta’ informazzjoni bħal din. Dawn is-setgħat għandhom jiġu  eżerċitati f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 50 .

    (23)Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u għandu jiġi implimentat f'konformità ma' dawn id-drittijiet u l-prinċipji.

    (24)Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 51 u r-Regolament (UE) Nru 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 52 japplikaw għall-ipproċessar ta’ data personali fil-qafas ta’ dan ir-Regolament.

    (25)Peress li l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jistabbilixxi l-prinċipji regolatorji u r-regoli meħtieġa biex tittejjeb is-sorveljanza regolatorja, biex tittejjeb it-trasparenza tal-prezzijiet u biex ikunu stabbiliti ċerti prinċipji fir-rigward tas-servizzi tal-konsenja tal-pakketti transfruntiera li għandhom jappoġġaw il-kompetizzjoni, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti tagħhom, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lilhinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħaq dak l-għan.

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    KAPITOLU I

    Is-suġġett u d-definizzjonijiet

    Artikolu 1
    Suġġett

    Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli speċifiċi, flimkien mar-regoli stabbiliti fid-Direttiva 97/67/KE, fir-rigward ta’:

    (a)is-sorveljanza regolatorja relatata ma’ servizzi ta’ konsenja ta’ pakketti;

    (b)it-trasparenza tat-tariffi u rati terminali għal ċerti servizzi tal-konsenja tal-pakketti transfruntiera u l-valutazzjoni tal-affordabbiltà ta’ ċerti tariffi transfruntiera;

    (c)l-aċċess trasparenti u mhux diskriminatorju għal ċerti servizzi u/jew infrastruttura tal-konsenja tal-pakketti transfruntiera.

    Artikolu 2
    Definizzjonijiet

    1.Għall-fini ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 97/67/KE.

    2.Addizzjonalment għad-definizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (a)“servizzi ta’ konsenja tal-pakketti” tfisser servizzi li jinvolvu il-ġbir, l-issortjar, it-trasport jew it-tqassim ta’ oġġetti postali oħra għajr għall-oġġetti ta’ korrispondenza; it-trasport waħdu ma għandux jitqies bħala servizz ta’ konsenja tal-pakketti; il-konsenja ta’ oġġetti bħal dawn li jaqbżu l-31.5 kg ma għandhiex titqies bħala servizz ta’ konsneja tal-pakketti;

    (b)“fornitur tas-servizzi ta’ konsenja tal-pakketti” tfisser impriża li tipprovdi servizz wieħed jew aktar ta’ konsenja tal-pakketti;

    (c)“rati terminali” tfisser pagamenti mill-fornitur tas-servizz oriġinali ta' oriġini lill-fornitur tas-servizz universali tad-destinazzjoni għall-ispejjeż tas-servizzi ta' konsenja tal-pakketti transfruntiera fl-Istat Membru ta' destinazzjoni.

    KAPITOLU II

    Is-sorveljanza regolatorja

    Artikolu 3
    L-għoti tal-informazzjoni

    1.Il-fornituri kollha tas-servizzi ta' konsenja tal-pakketti għandhom jissottomettu l-informazzjoni li ġejja lill-awtorità regolatorja nazzjonali tal-Istat Membru fejn huma stabbiliti:

    (a)l-isem tal-fornitur, l-istatus u l-forma ġuridika tiegħu, in-numru tar-reġistrazzjoni f’reġistru kummerċjali jew f’reġistru simili, in-numru tal-VAT, l-indirizz tal-istabbiliment u persuna ta’ kuntatt;

    (b)in-natura tas-servizzi offruti mill-fornitur;

    (c)il-kundizzjonijiet ġenerali ta’ bejgħ tal-fornituri, inkluża deskrizzjoni dettaljata tal-proċedura ta' ilment.

    2.F’każ ta’ kwalunkwe bidla li tikkonċerna l-informazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu, il-fornituri tas-servizzi ta' konsenja tal-pakketti għandu jinforma lill-awtorità regolatorja nazzjonali dwar dan it-tibdil fi żmien 30 jum.

    3.Sal-31 ta’ Marzu ta’ kull sena kalendarja, il-fornituri kollha tas-servizzi tal-konsenja tal-pakketti għandhom jissottomettu din l-informazzjoni li ġejja lill-awtorità regolatorja nazzjonali tal-Istat Membru fejn huma stabbiliti:

    (a)il-fatturat annwali f’servizzi ta’ konsenja tal-pakketti għas-sena kalendarja preċedenti fl-Istat Membru fejn huwa stabbilit il-fornitur, maqsum f’servizzi ta’ konsenja tal-pakketti b'rabta ma’ oġġetti postali transfruntiera nazzjonali, li kunu qed jaslu u li jkunu qed jiġu mibgħuta;

    (b)l-għadd ta’ persuni li jaħdmu għall-fornitur u li huma involuti fl-għoti ta’ servizzi ta’ konsenja tal-pakketti fl-Istat Membru li fih huwa stabbilit il-fornitur huwa stabbilit fis-sena kalendarja preċedenti

    (c)l-għadd ta’ oġġetti postali domestiċi oħra għajr għal oġġetti ta’ korrispondenza u li ma jaqbżux il-31.5 kg ġestiti fl-Istat Membru li fih ikun stabbilit il-fornitur fis-sena kalendarja preċedenti, maqsuma f’oġġetti postali transfruntiera nazzjonali, li kunu qed jaslu u li jkunu qed jiġu mibgħuta.

    4.Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, tistabbilixxi formula għas-sottomissjoni tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 9.

    5.L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu jimponu rekwiżiti ta’ informazzjoni addizzjonali ma' dawk imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 fejn ikunu meħtieġa biex tkun żgurata l-konformità ma’ dan ir-Regolament.

    6.Fornitur tas-servizzi ta’ konsenja tal-pakketti li jimpjega anqas minn 50 persuna ma għandux ikun soġġett għall-obbligi tal-paragrafi 1 u 2, sakemm il-fornitur ma jkunx stabbilit f’aktar minn Stat Membru wieħed.

    Artikolu 4
    It-trasparenza tat-tariffi u r-rati terminali

    1.Fornituri tas-servizz universali li jipprovdu servizzi ta’ konsenja tal-pakketti għandhom jipprovdu lill-awtorità regolatorja nazzjonali tal-Istat Membru fejn huma stabbiliti b’lista pubblika ta’ tariffi applikabbli fl-1 ta’ Jannar ta’ kull sena kalendarja għall-konsenja ta’ oġġetti postali li jaqgħu fil-kategoriji elenkati fl-Anness. Dak it-tagħrif għandu jingħata sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Jannar ta’ kull sena.

    2.L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom, bla dewmien u sa mhux aktar tard mit-28 ta’ Frar ta’ kull sena kalendarja, jissottometu l-listi pubbliċi tat-tariffi pubbliċi miksuba skont il-paragrafu 1 lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tippubblikahom fuq is-sit web apposta sa mhux aktar tard mit-30 ta’ April ta’ kull sena kalendarja.

    3.Fornituri ta’ servizz universali li jipprovdu servizzi ta’ konsenja tal-pakketti għandhom jipprovdi lill-awtorità regolatorja nazzjonali bir-rati terminali applikabbli fl-1 ta’ Jannar ta’ kull sena kalendarja għal oġġetti postali li joriġinaw minn Stati Membri oħra. Dak it-tagħrif għandu jingħata sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Jannar ta’ kull sena.

    4.L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jissottometu r-rati terminali miksuba f'konformità mal-paragrafu 3 lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tal-Istat Membru ta' oriġini sa mhux aktar tard mit-28 ta' Frar ta’ kull sena.

    Artikolu 5
    Il-valutazzjoni tal-affordabbiltà tat-tariffi

    1.L-awtorità regolatorja nazzjonali għandha tivvaluta l-affordabbiltà tat-tariffi transfruntiera inklużi fil-listi pubbliċi ta’ tariffi miksuba skont l-Artikolu 4(1) fi żmien 3 xhur mill-wasla ta’ dik l-informazzjoni. F’dik il-valutazzjoni, għandhom jitqiesu b’mod partikolari l-elementi li ġejjin:

    (a)it-tariffi domestiċi tas-servizzi ta’ konsenja tal-pakketti komparabbli fl-Istat Membru ta’ oriġini u fl-Istat Membru tad-destinazzjoni;

    (b)ir-rati terminali miksuba f'konformità mal-Artikolu 4(3);

    (c)kwalunkwe applikazzjoni ta’ tariffa uniformi lil żewġ Stati Membri jew aktar.

    2.Fejn l-awtorità regolatorja nazzjonali tikkonkludi li t-tariffi transfruntiera msemmija fil-paragrafu 1 mhumiex affordabbli, għandha titlob iktar informazzjoni u/jew ġustifikazzjoni meħtieġa b'rabta mal-livell ta’ dawk it-tariffi mill-fornitur tas-servizz universali.

    3.Il-fornitur tas-servizz universali għandu jipprovdi lill-awtorità regolatorja nazzjonali bl-informazzjoni u/jew ġustifikazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 fi żmien 15-il jum xogħol minn meta tasal it-talba.

    4.L-awtorità regolatorja nazzjonali għandha tippreżenta l-valutazzjoni tagħha, inkluża kwalunkwe informazzjoni u/jew ġustifikazzjoni mogħtija skont il-paragrafu 3, lill-Kummissjoni, lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tal-Istati Membri l-oħra u l-awtoritajiet nazzjonali fi ħdan l-Istat Membru tal-awtorità regolatorja nazzjonali li tkun qed tissottometi fdata bl-implimentazzjoni tal-liġi dwar il-kompetizzjoni. Verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ dik il-valutazzjoni għandha tingħata wkoll lill-Kummissjoni. Dak it-tagħrif għandu jingħata sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Jannar ta’ kull sena kalendarja.

    5.Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-verżjoni mhux kunfidenzjali tal-valutazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali f'konformità mal-paragrafu 4 fuq is-sit apposta sa mhux aktar tard mit-30 ta’ April ta’ kull sena kalendarja.

    Artikolu 6
    L-aċċess transfruntier trasparenti u mhux diskriminatorju

    1.Kull fejn il-fornituri tas-servizz universali li jipprovdu servizzi ta’ konsenja tal-pakketti jikkonkludu ftehimiet multilaterali dwar rati terminali għandhom jissodisfaw it-talbiet raġonevoli kollha għall-aċċess għall-elementi kollha tan-netwerk u l-faċilitajiet assoċjati miegħu kif ukoll servizzi rilevanti u sistemi tal-informazzjoni, meħtieġa għall-forniment ta' servizzi transfruntiera ta' konsenja tal-pakketti.

    2.Il-punt li fih għandu jingħata aċċess għandu jkun l-uffiċċju tad-dħul ta’ skambju fl-Istat Membru tad-destinazzjoni

    3.Il-fornituri tas-servizz universali msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jippubblikaw offerta ta’ referenza. L-offerta ta’ referenza għandha tinkludi t-termini u l-kundizzjonijiet assoċjati rilevanti kollha, inklużi l-prezzijiet.

    4.L-offerta ta’ referenza għandha tinkludi l-komponenti kollha meħtieġa għall-aċċess kif imsemmi fil-paragrafu 1, inkluża kwalunkwe kundizzjoni li tillimita l-aċċess għal u/jew l-użu ta' servizzi fejn kundizzjonijiet bħal dawn huma permessi mill-Istati Membri f’konformità mal-liġi tal-Unjoni.

    5.Qabel ma tiġi ppubblikata l-offerta ta’ referenza, din għandha tkun approvata mill-awtorità regolatorja nazzjonali. L-awtorità regolatorja nazzjonali tista’, fejn ikun meħtieġ, timponi bidliet fl-offerta ta’ referenza biex jingħata effett lill-obbligi stabbiliti f’dan ir-Regolament.

    6.Il-fornituri tas-servizz universali msemmija fil-paragrafu 1 għandhom, meta mitluba, u abbażi ta’ offerta ta’ referenza, jagħmlu offerta individwali disponibbli għal fornitur tas-servizz ta' konsenja tal-pakketti li jitlob aċċess fit-tifsira ta' dak il-paragrafu sa mhux aktar tard minn xahar wara li tasal it-talba. Fornituri tas-servizz universali li jirċievu talba għall-aċċess u l-fornituri li jitolbu l-aċċess għandhom jinnegozjaw in bona fede.

    7.Meta ma jintlaħaqx ftehim fuq il-bażi tal-offerta individwali msemmija fil-paragrafu 6, il-fornitur tas-servizzi ta' konsenja tal-pakketti li jitlob aċċess jista’ jissottometti l-offerta individwali magħmula mill-fornitur tas-servizz universali lill-awtorità regolatorja nazzjonali. Jekk meħtieġ, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jibdlu l-offerta ta’ referenza biex jingaħta effett lill-obbligi stabbiliti f'dan l-Artikolu.

    8.L-aċċess għandu jiġi żgurat operazzjonalment f'perjodu raġonevoli ta’ żmien li ma jaqbiżx it-tliet xhur mill-konklużjoni tal-kuntratt.

    Kapitolu III

    L-implimentazzjoni, ir-reviżjoni u d-dħul fis-seħħ

    Artikolu 7
    Penali

    L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament, u għandhom jieħdu kull miżura meħtieġa biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-penali previsti jridu jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

    L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b'dawk id-dispożizzjonijiet sa XX u għandhom jinnotifikawha mingħajr dewmien dwar kull emenda sussegwenti li taffettwahom.

    Artikolu 8
    Reviżjoni

    Qabel XX/XX/2019, u minn hemm ’il quddiem kull erba’ snin, il-Kummissjoni għandha tissottometi lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali rapport ta’ evalwazzjoni dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, akkumpanjat, fejn xieraq, bi proposta għar-reviżjoni tagħha.

    Il-Kummissjoni għandha tal-anqas tevalwa dan li ġej:

    (a)jekk l-affordabbiltà tas-servizzi transfruntiera tal-konsenja tal-pakketti tjiebitx, inkluż għal utenti f’żoni remoti jew b’popolazzjoni baxxa;

    (b)sa liem punt l-aċċess trasparenti u mhux diskriminatorju sħiħ transfruntier kif imsemmi fl-Artikolu 6 ingħata minn fornituri tas-servizz universali li jipprovdu servizz ta' konsenja tal-pakketti;

    (c)sa liem punt l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali kellhom diffikultajiet biex japplikaw dan ir-Regolament;

    (d)progress dwar inizjattivi oħra għall-ikkompletar tas-suq uniku għal servizzi ta’ konsenja tal-pakketti.

    Artikolu 9
    Proċedura ta' kumitat

    1.Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita mill-Kumitat tad-Direttiva Postali mwaqqaf bl-Artikolu 21 tad-Direttiva 97/67/KE. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fit-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    2.Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    Artikolu 10
    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell,

    Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

    Il-President    Il-President

    (1) Flash Eurobarometer 413
    (2) Servizzi ta’ Riċerka tal-Parlament Ewropew, Mapping the cost of Non-Europe, 2014-19, (2015).
    (3) SWD(2015) 100 final.
    (4) COM(2015) 192 final. http://ec.europa.eu/priorities/digital-single-market/docs/dsm-communication_en.pdf 
    (5) 83.5 % tal-konsumaturi li wieġbu għall-konsultazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-ġeodiskriminazzjoni jħossu li l-ġeodiskriminazzjoni mhix ġustifikata meta t-twassil transfruntier ikun aċċessibli faċilment u l-konsumatur ikun lest li jħallas kwalunkwe kost addizzjonali biex jitwassallu l-prodott ( https://ec.europa.eu/digital-agenda ).
    (6) COM(2011) 942 final.
    (7) COM(2013) 886 final.
    (8) It-talba ta' standardizzazzjoni hija prevista fil-Programm ta’ Ħidma Annwali tal-Unjoni għall-Istandardizzazzjoni Ewropea għall-2015 - COM (2014) 500 final, 30.7.2014; bħalissa qed tiġi adottata.
    (9) Ara http://www.emota.eu/#!publications/c1351 and http://www.ecommerce-europe.eu/trustmark 
    (10) BEREC-ERGP Price Transparency and regulatory oversight of cross-border parcels delivery, taking into account possible regulatory insights form the electronic communications sector, 2015.
    (11) Barra minn hekk, is-servizzi tal-pakketti tradizzjonalment ma kinux soġġetti għal żona riżervata bħalma kien il-każ għal servizzi ta’ ittri bil-posta.
    (12) Sa l-2007, il-posta tal-ittri kienet tgħodd għal aktar min-nofs (52 %) id-dħul tas-settur postali Ewropew. Fl-2011, il-qasam tal-pakketti u t-twassil express kien jgħodd għal aktar min-nofs (52 %). WIK, Main developments in the postal sector, (2013).
    (13) European Commission, Consumer survey identifying the main cross-border obstacles to the DSM and where they matter most, 2015. Ewrobarometru Speċjali 398 ta’ Ottubru tal-2013, li kkonkluda li kważi 40 % tal-konsumaturi jindikaw li problemi bil-konsenja żommhom lura milli jixtru online.
    (14) University St Louis (2015) Econometric study on cross-border prices.
    (15) Iktar minn nofs il-bejjiegħa li wieġbu għall-konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni tal-2015 dwar il-konsenja transkonfinali tal-pakketti, li l-biċċa l-kbira minnhom kienu SMEs, iddikjaraw li ma ngħatawx roħs.
    (16) Studju mill-Università ta' St Louis sab li l-prezzijiet pubbliċi transfruntiera imposti minn fornituri tas-servizz universali ħafna drabi huma minn tlieta sa ħames darbiet ogħla mill-ekwivalent domestiku. Filwaqt li xi kultant jista' jkun hemm roħs fuq dawn il-prezzijiet pubbliċi, jekk il-kundizzjonijiet rilevanti jkunu sodisfatti, xorta waħda jkunu relattivament ogħla mill-prezzijiet għal tariffi nnegozjati individwalment.
    (17) FTI (2011) Intra-Community cross-border parcel delivery ikkonkluda li s-suq tal-konsenja tal-pakketti huwa maqsum f'żewġ saffi, speċjalment f'żoni b'densità tal-popolazzjoni baxxa, hekk kif dawk li jagħmlu spedizzjonijiet żgħar u mhux spissi ħafna drabi ma jkollhom l-ebda għażla għajr għall-operaturi tal-posta nazzjonali u li jħallsu prezzijiet ogħla, filwaqt li s-suq għal spedituri kbar instab li huwa kompetittiv.
    (18) Pereżempju, id-DHL iżomm EUR 20.00 (jew EUR 0.30/kg jekk ogħla) għal konsenja u ġbir minn żoni remoti tal-Finlandja. Il--UPS iżomm 30 % biex jibgħat minn Amsterdam għal Den Burg (fil-gżira ta' Texel) milli minn Rotterdam għal Amsterdam. Il-biċċa l-kbira tal-fornituri tas-servizz universali jimponu tariffa uniformi, jiġifieri l-istess prezz, fit-territorju nazzjonali kollu.
    (19) http://ec.europa.eu/growth/smes/cosme/  
    (20) Ara, pereżempju, Copenhagen Economics (2016) Principles of e-commerce delivery prices.
    (21) Fost l-eċċezzjonijiet hemm La Poste (ta' Franza), li għandu tariffa “outre mer” u Correos (ta' Spanja) li għandu l-istess tariffi għall-peniżola u l-gżejjer Baleariċi u tariffi differenti għall-Gżejjer Kanarji, Ceuta, Melilla u Andorra.
    (22) Id-Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 1997 dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità u t-titjib fil-kwalità tas-servizz (ĠU L 015, tal-21 ta' Jannar 1998, p. 14-25).
    (23) Id-Direttiva 2002/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Ġunju 2002 li temenda d-Direttiva 97/67/KE fir-rigward tal-ftuħ ulterjuri għal kompetizzjoni tas-servizzi postali Komunitarji (ĠU L 176, 5.7.2002, p. 21-25).
    (24) Id-Direttiva 2008/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2008 li temenda d-Direttiva 97/67/KE dwar it-tlestija kompleta tas-suq intern tas-servizzi postali Komunitarji (ĠU L 52, 27.2.2008, p. 3-20).
    (25) 2015/2147 (INI).
    (26) Aktar informazzjoni dwar il-konsultazzjoni tinstab hawnhekk: http://ec.europa.eu/growth/tools-databases/newsroom/cf/itemdetail.cfm?item_id=8169 
    (27) Ara per eżempju Flash Eurobarometer 413 u l-Istudju tal-Konsumatur tas-Suq Uniku Diġitali.
    (28) FTI Consulting (2011).
    (29) Copenhagen Economics (2013) E-commerce and delivery.
    (30) University St Louis (2015).
    (31) ERGP (15) 28.
    (32) ERGP (14) 26.
    (33) ERGP (13) 37.
    (34) ERGP PL (15) 32.
    (35) University of Antwerp (2015) Cross-border parcel logistics.
    (36) Din l-għażla kienet rifjutata wkoll minħabba li tkun tirrikjedi l-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva li ċċaħħad lill-proċess kompetittiv mill-effettività tiegħu.
    (37) Id-dokumenti tal-valutazzjoni tal-impatt huma disponibbli minn http://ec.europa.eu/smart-regulation/impact/ia_carried_out/cia_2016_en.htm  
    (38) Anke għal servizzi tal-konsenja tal-pakketti transfruntiera li huma parti mis-servizz universali ġie espress tħassib li dawn is-servizzi mhumiex affordabbli fis-sens tal-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar is-Servizzi Postali.
    (39) Pereżempju l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali li jieħdu approċċi differenti li jimponu piżijiet ikbar fuq il-fornituri tas-servizzi tal-konsenja tal-pakketti li jkun jeħtiġilhom li jikkonformaw ma’ talbiet għal dejta differenti ħafna f’kull Stat Membru fejn huma joperaw.
    (40) L-Artikolu 29 tal-Konvenzjoni tal-UPU.
    (41) L-Artikoli 35 u 36 tal-Konvenzjoni tal-UPU.
    (42) Ara l-Premessa 17 tad-Direttiva 2008/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2008 li temenda d-Direttiva 97/67/KE, ĠU L 52, ta' l-27.2.2009, p. 5.
    (43) Ara l-Opinjoni tal-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-kawża C-148/10 DHL International NV, qabel Express Line NV, EU:C:2011:351, f'para. 59.
    (44) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Ottubru 2003, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 tat-Trattat KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Kawża COMP/C/38.170 — REIMS II notifika mill-ġdid (notifikata bid-dokument numru C(2003) 3892), ĠU 56/76 tal-24.2.2004.
    (45) ĠU L 172/10 of 30.06.2012.
    (46) ĠU C , , p. .
    (47) ĠU C , , p. .
    (48) BoR (15) 214/ERGP PL (15) 32.
    (49) Id-Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 1997 dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità u t-titjib fil-kwalità tas-servizz (ĠU L 1, 21.1.1998, p. 14 - 25).
    (50) Regolament (UE) Nru   182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13 - 18).
    (51) Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU L 119, 4.5.2016 p. 0089 – 0131).
    (52)

       Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1 - 88).

    Top

    Brussell, 25.5.2016

    COM(2016) 285 final

    ANNESS

    tar-

    Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    dwar servizzi ta' konsenja tal-pakketti transfruntiera

    {SWD(2016) 166 final}
    {SWD(2016) 167 final}


    ANNESS

    Oġġetti postali li għalihom trid tiġi nnotifikata l-lista pubblika ta’ tariffi nazzjonali u transkonfinali kollha u lill-Istati Membri l-oħra lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali:

    (a)ittra standard ta' 500 g (domestika u intra Unjoni);

    (b)ittra standard ta' 1 kg (domestika u intra Unjoni);

    (c)ittra standard ta' 2 kg (domestika u intra Unjoni);

    (d)ittra reġistrata ta' 500 g (domestika u intra Unjoni);

    (e)ittra reġistrata ta' 1 kg (domestika u intra Unjoni);

    (f)ittra reġistrata ta' 2 kg (domestika u intra Unjoni);

    (g)ittra b'lokazzjoni u traċċar ta' 500 g (domestika u intra Unjoni);

    (h)ittra b'lokazzjoni u traċċar ta' 1 kg (domestika u intra Unjoni);

    (i)ittra b'lokazzjoni u traċċar ta' 2 kg (domestika u intra Unjoni);

    (j)pakkett standard b'lokazzjoni u traċċar ta' 1 kg (domestika u intra Unjoni);

    (k)pakkett standard b'lokazzjoni u traċċar ta' 2 kg (domestika u intra Unjoni);

    (l)pakkett standard b'lokazzjoni u traċċar ta' 5 kg (domestika u intra Unjoni);

    (m)pakkett b'lokazzjoni u traċċar ta' 1 kg (domestika u intra Unjoni);

    (n)pakkett b'lokazzjoni u traċċar ta' 2 kg (domestika u intra Unjoni);

    (o)pakkett b'lokazzjoni u traċċar ta' 5 kg (domestika u intra Unjoni).

    L-oġġetti postali, kif definit hawn fuq, għandu jissodisfa l-kriterji li ġejjin:

    (a)Il-limiti tad-daqs tal-oġġetti postali a-i (prodotti tal-posta tal-ittri) għandhom isegwu din ir-regola:    
    It-tul, il-wisa’ u l-fond ikkombinati: 900 m
    m, l-akbar dimensjoni ma tistax teċċedi s-600 mm l-iżgħar dimensjoni ma tistax teċċeddi l-20 mm;

    (b)Il-pakketti (oġġetti j-o) ma għandhomx ikunu iżgħar mid-daqs preskritt għall-ittri (a-i)

    (*) It-tariffi li jikkorrispondu mal-oġġetti postali ma għandhomx jinkludu kwalunkwe skont speċjali abbażi tal-volumi jew kwalunkwe trattament speċjali ieħor.

    (**) Il-valur tat-tariffi għandu jingħata lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali mingħajr il-VAT.

    (***) Il-fornituri li joffru aktar minn prodott wieħed li jissodisfaw il-kriterji ta’ hawn fuq għandhom jirrapportaw l-orħos prezz.

    (****) It-tariffi ta’ hawn fuq għandhom jikkorrispondu għal oġġetti kkonsenjati fid-dar jew postijiet fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni.

    Top