Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016PC0206

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta' Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tal-moviment liberu taċ-ċittadini permezz tas-simplifikazzjoni tar-rekwiżiti għall-preżentazzjoni ta’ ċerti dokumenti pubbliċi fl-Unjoni Ewropea u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012

    COM/2016/0206 final - 2013/0119 (COD)

    Brussell, 8.4.2016

    COM(2016) 206 final

    2013/0119(COD)

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW

    skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

    dwar

    il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta' Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tal-moviment liberu taċ-ċittadini permezz tas-simplifikazzjoni tar-rekwiżiti għall-preżentazzjoni ta’ ċerti dokumenti pubbliċi fl-Unjoni Ewropea u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012


    2013/0119 (COD)

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW

    skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea


    dwar

    il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta' Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tal-moviment liberu taċ-ċittadini permezz tas-simplifikazzjoni tar-rekwiżiti għall-preżentazzjoni ta’ ċerti dokumenti pubbliċi fl-Unjoni Ewropea u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012

    1.Sfond

    Id-data meta l-proposta ġiet trażmessa lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2013) 228 finali – 2013/0119 (COD) 1 )

    24.04.2013

    Id-data tal-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (INT/700 - CES4005-2013):

    11.07.2013

    Id-data tal-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, l-ewwel qari:

    04.02.2014

    Id-data tal-adozzjoni tal-pożizzjoni tal-Kunsill:

    11.03.2016

    2.L-għan tal-proposta tal-Kummissjoni

    L-għan tal-proposta dwar dokumenti pubbliċi huwa li tnaqqas il-burokrazija u l-kost għaċ-ċittadini u n-negozji meta jkollhom bżonn jippreżentaw lill-awtoritajiet ta’ Stat Membru b'dokument pubbliku maħruġ mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru ieħor. Il-proposta ma tapplikax għal dokumenti pubbliċi maħruġa mill-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi (anki jekk tali dokumenti jkunu diġà ġew aċċettati bħala awtentiċi mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru).

    Skont il-proposta, id-dokumenti pubbliċi dwar ċerti kwistjonijiet (pereżempju, twelid, żwieġ jew rappreżentanza ta’ kumpanija) maħruġa fi Stat Membru għandhom jiġu aċċettati bħala awtentiċi fi Stat Membru ieħor mingħajr il-ħtieġa li tali dokumenti jkollhom fuqhom it-timbru ta’ awtentikazzjoni (il-postilla). Il-proposta tneħħi wkoll l-obbligu li fil-każijiet kollha jiġu pprovduti kopji ċċertifikati u traduzzjonijiet iċċertifikati ta’ dokumenti pubbliċi maħruġa fi Stat Membru ieħor. Il-proposta ssaħħaħ il-ġlieda kontra l-frodi billi tintroduċi sistema ta’ kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri bbażata fuq is-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (IMI - Internal Market Information) li se tippermetti li l-Istati Membri jikkomunikaw ma’ xulxin f’każ ta’ dubju dwar l-awtentiċità ta’ dokument pubbliku. Il-proposta ddaħħal formoli awtonomi standard multilingwi tal-Unjoni għall-użu transfruntier bl-għan li jiġu evitati rekwiżiti ta’ traduzzjoni. Il-proposta ma tittrattax ir-rikonoxximent fi Stat Membru tal-kontenut ta’ dokument pubbliku maħruġ fi Stat Membru ieħor.

    3.Kummenti dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill

    Il-pożizzjoni tal-Kunsill tendorsja b’mod ġenerali l-objettiv prinċipali tal-proposta tal-Kummissjoni, jiġifieri li tnaqqas il-burokrazija u l-kost għaċ-ċittadini u b’hekk tissimplifika ċ-ċirkolazzjoni ta’ ċerti dokumenti pubbliċi. Madankollu, il-Kunsill introduċa ċerti bidliet fil-proposta tal-Kummissjoni.

    Fir-rigward tal-oqsma koperti mir-Regolament, it-test tal-Kunsill ikopri dokumenti pubbliċi għall-benefiċċju taċ-ċittadini, b’mod partikolari dokumenti tal-istatus ċivili, iżda jeskludi dokumenti relatati man-negozju. Madankollu, skont id-diskussjonijiet tat-trilogu, it-test tal-Kunsill ikopri d-dokumenti tal-istat ċivili f’numru estiż ta’ oqsma. Dan jinkludi wkoll klawsola ta' rieżami li tirreferi għal ċerti dokumenti pubbliċi dwar in-negozji kif ukoll iċ-ċittadini u tipprovdi li se jsir rieżami sabiex iqis l-inklużjoni ta’ dawn l-oqsma addizzjonali fir-Regolament f’data qabel dik tar-rieżami ġenerali tar-Regolament.

    Fit-test tal-Kunsill, il-formoli awtonomi standard multilingwi saru għajnuna għat-traduzzjoni li għandhom jiġu mehmuża mad-dokument pubbliku. Madankollu, skont id-diskussjonijiet tat-trilogu, it-test tal-Kunsill jintroduċi seba’ formoli addizzjonali biex jiġu evitati rekwiżiti ta’ traduzzjoni f’oqsma addizzjonali.

    It-test tal-Kunsill jippermetti li l-Istati Membri riċeventi jitolbu traduzzjonijiet ċertifikati ta’ dokumenti pubbliċi f’lingwi oħra barra dawk espressament aċċettati minn kull Stat Membru. Madankollu, skont id-diskussjonijiet tat-trilogu, it-test tal-Kunsill jiċċara li, meta dokument pubbliku huwa akkumpanjat minn formola standard multilingwi, traduzzjoni tad-dokument tista’ tkun mitluba biss f’każijiet eċċezzjonali.

    It-test tal-Kunsill jinnota li, għalkemm awtorità ta’ Stat Membru ma tistax titlob postilla ta’ dokument pubbliku maħruġ minn awtorità ta’ Stat Membru ieħor, iċ-ċittadini jkunu jistgħu jkomplu jitolbu postilla. Madankollu, skont id-diskussjonijiet tat-trilogu, it-test tal-Kunsill jinkludi l-obbligu fuq l-Istati Membri u l-Kummissjoni li jinfurmaw liċ-ċittadini dwar il-kontenut tar-Regolament kemm f’kuntatti individwali u wkoll permezz ta’ portali ta’ informazzjoni bbażata fuq l-internet.

    Minkejja l-bidliet introdotti mill-Kunsill, il-prinċipji ewlenin tal-proposta tal-Kummissjoni, jiġifieri t-tneħħija tar-rekwiżit tal-postilla, is-simplifikazzjoni tal-formalitajiet dwar traduzzjonijiet u kopji ċċertifikati u l-użu tal-IMI bħala sistema ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati Membri għall-ġlieda kontra l-frodi, jiġu ppreservati. Wara l-bidliet introdotti fil-proposta kif maqbula mill-koleġiżlaturi f’diskussjonijiet tat-trilogu, it-titolu tar-Regolament propost ġie aġġustat.

    Wara d-diskussjonijiet informali tat-trilogu li saru fil-15 ta’ Lulju 2015, is-17 ta’ Settembru 2015, it-28 ta’ Settembru 2015, is-6 ta’ Ottubru 2015 u t-13 ta’ Ottubru 2015, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew laħqu qbil politiku proviżorju dwar it-test.

    Dan il-ftehim politiku ġie kkonfermat mill-Kunsill fit-3 ta' Diċembru 2015, u fil-11 ta' Marzu 2016, il-Kunsill adotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari.

    4.Konklużjoni

    Billi l-emendi kollha li ddaħħlu fil-proposta tal-Kummissjoni kienu diskussi waqt id-diskussjonijiet informali tat-trilogu, il-Kummissjoni tista' taċċetta l-emendi li adotta l-Kunsill fil-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari.

    (1) Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tal-moviment liberu taċ-ċittadini u n-negozji permezz tas-simplifikazzjoni tal-aċċettazzjoni ta’ ċerti dokumenti pubbliċi fl-Unjoni Ewropea u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012
    Top