Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016PC0171

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1601 tat-22 ta' Settembru 2015 li tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u l-Greċja

    COM/2016/0171 final - 2016/089 (NLE)

    Brussell, 21.3.2016

    COM(2016) 171 final

    2016/0089(NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1601 tat-22 ta' Settembru 2015 li tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u l-Greċja


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

    1.1. L-Artikolu 78(3) tat-Trattat u l-iskemi attwali ta’ rilokazzjoni temporanja

    Bħala parti mill-politika komuni dwar l-ażil, l-Artikolu 78(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE (TFUE) jipprovdi bażi ġuridika speċifika għat-trattament ta' sitwazzjonijiet ta’ emerġenza. Abbażi ta’ proposta mill-Kummissjoni Ewropea, dan jippermetti lill-Kunsill, wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, jadotta miżuri proviżorji għall-benefiċċju tal-Istat(i) Membru(i) li jaffaċċja(w) sitwazzjoni ta’ emerġenza kkaratterizzata minn dħul f’daqqa ta’ persuni nazzjonali ta’ pajjiż terz fi Stat Membru wieħed jew aktar. Il-miżuri proviżorji previsti fl-Artikolu 78(3) TFUE huma ta’ natura eċċezzjonali. Dawn jistgħu jissejħu inkawża biss meta jintlaħaq ċertu livell ta' urġenza u ta' severità minħabba l-problemi li jinħolqu fis-sistema(i) tal-ażil tal-Istat(i) Membru(i) minħabba dħul f’daqqa ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

    Abbażi tal-Artikolu 78(3) TFUE, il-Kunsill adotta żewġ Deċiżjonijiet li jistabbilixxu miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u tal-Greċja. Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1523 1 , 40 000 applikant għall-protezzjoni internazzjonali għandhom jiġu rilokati mill-Italja u mill-Greċja lejn l-Istati Membri l-oħra. Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1601 2 , 120 000 applikant għall-protezzjoni internazzjonali għandhom jiġu rilokati mill-Italja u mill-Greċja u minn Stati Membri oħra jekk ikunu qegħdin jaffaċċjaw sitwazzjoni ta’ emerġenza.

    Skont l-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1601, mis-26 ta' Settembru 2016, 54 000 minn 120 000 applikant għandhom jiġu rilokati mill-Italja u mill-Greċja, lejn it-territorju ta' Stati Membri oħra sakemm, skont l-Artikolu 4(3), il-Kummissjoni ma tkunx għamlet proposta sa dik id-data biex tallokahom lejn Stat(i) Membru(i) benefiċjarji oħra li qegħdin jaffaċċjaw sitwazzjoni ta' emerġenza kkaraterizzata minn dħul f'daqqa ta' persuni.

    Skont l-Artikolu 1(2) il-Kummissjoni għandha tagħmel rieżami kostanti tas-sitwazzjoni rigward dħul massiv f'daqqa ta' ċittadini ta' pajjiż terz fi Stati Membri u tippreżenta, kif ikun adegwat, proposti biex temenda d-Deċiżjoni 2015/1601 sabiex tieħu kont tal-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni fuq il-post u tal-impatt tagħha fuq il-mekkanimżu ta' rikolazzjoni, kif ukoll tal-pressjoni li qed tevolvi fuq l-Istati Membri, partikolarment l-Istati Membri l-aktar esposti.

    Is-sitwazzjoni tibqa' kritika. Skont id-dejta tal-Frontex, tul l-ewwel xhur tal-2016, medja ta' 2 000 sa 3 000 persuna daħlu l-Greċja mit-Turkija b'mod irregolari fuq bażi ta' kuljum. Ir-restrizzjonijiet imposti fil-fruntiera bejn il-Greċja u l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja 3 poġġew strapazz addizzjonali fuq il-Greċja u żiedu r-riskju li jiġu żviluppati rotot migratorji ġodda li jgħaddu minn Stati Membri tal-UE ladarba l-kundizzjonijiet tat-temp jitjiebu. Dawn ir-rotot migratorji ġodda x'aktarx jaffettwaw l-Istati Membri l-aktar esposti.

    Il-Kummissjoni adottat l-Ewwel Rapport dwar ir-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni fis-16 ta' Marzu, skont l-obbligu taħt l-Artikolu 12 taż-żewġ Deċiżjonijiet tal-Kunsill 4 . Il-Komunikazzjoni tiġbor fil-qasir l-isfidi li ġew identifikati u l-lezzjonijiet meħuda f'dawn l-ewwel xhur ta' implimentazzjoni tal-iskemi ta' rilokazzjoni u risistemazzjoni u tipproponi rakkomandazzjonijiet u azzjonijiet fi żmien qasir sabiex tittejjeb ir-rata ta' implimentazzjoni.

    Fis-7 ta' Marzu, il-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern tal-UE qablu dwar serje ta' prinċipji bħala bażi għal ftehim mat-Turkija, bl-impenn "li jirrisistemaw, għal kull Sirjan ammess mill-ġdid mit-Turkija mill-gżejjer Griegi, Sirjan ieħor mit-Turkija lejn l-Istati Membri tal-UE, fi ħdan il-qafas tal-impenji eżistenti".

    L-implimentazzjoni ta' diversi skemi biex jippermettu r-risistemazzjoni, l-ammissjoni umanitarja jew forom oħra ta' ammissjoni legali tista' tħaffef il-pressjoni migratorja fuq l-Istati Membri l-aktar esposti, u l-Greċja b'mod partikolari, billi tissostitwixxi flussi migratorji perikolużi u irregolari lejn l-UE ta' ċittadini/persuni Sirjani spostati mill-kunflitt fis-Sirja b'mezzi sikuri u ġuridiċi.

    F'dan il-kuntest, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-passi operazzjonali li jmiss fil-kooperazzjoni UE-Turkija fil-qasam tal-migrazzjoni 5 talbet it-teħid ta' passi meħtieġa biex jiġu ttrasferiti xi wħud mill-impenji skont id-deċiżjonijiet ta' rilokazzjoni eżistenti, speċjalment l-54 000 post kollu jew parti minnhom attwalment mhux allokati lill-hekk imsejħa skema 1:1. Ir-risistemazzjoni jew mezzi ġuridiċi oħra għall-ammissjoni ta' persuni bi bżonn ċar ta' protezzjoni internazzjonali jistgħu jitqiesu ekwivalenti għar-rilokazzjoni, peress li huma kollha espressjonijiet konkreti ta' solidarjetà ma' Stati Membri oħra jew pajjiżi terzi li jesperjenzaw dħul tal-massa ta' migranti.

    1.2. Strumenti oħra ta' solidarjetà

    Barra mill-obbligi skont l-iskema ta' rilokazzjoni u bil-għan li tiġi indirizzata l-kriżi migratorja globali b'mod komprensiv u li tintwera solidarjetà ma' pajjiżi terzi affettwati bl-istess mod, il-Kummissjoni tirrakkomanda skema ta' rilokazzjoni tal-UE għal 20 000 persuna fil-bżonn ta' protezzjoni internazzjonali. Wara r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' Ġunju 2015 dwar skema ta' risistemazzjoni Ewropea 6 , 27 Stat Membru 7 flimkien mal-Istati Assoċjati ta' Dublin fl-20 ta' Lulju 2015 8 qablu li jirrisistemaw permezz ta' skemi multilaterali u nazzjonali 22 504 persuna spostata minn barra l-UE li huma fi bżonn ċar ta' protezzjoni internazzjonali. L-Istati ta' risistematizzazzjoni qablu li jieħdu kont ta' reġjuni prijoritarji għar-risistemazzjoni, li jinkludu l-Afrika ta' Fuq, il-Lvant Nofsani u l-Qarn tal-Afrika. Il-postijiet ta’ risistemazzjoni ġew imqassma bejn l-Istati Membri u l-Istati Assoċjati ta’ Dublin skont l-impenji stabbiliti fl-Anness għall-Konklużjonijiet.

    Fil-15 ta' Diċembru 2015, il-Kummissjoni adottat Rakkomandazzjoni għal Skema Volontarja ta' Ammissjoni Umanitarja mat-Turkija, li tipproponi li l-Istati parteċipanti jistgħu jammettu persuni spostati mill-kunflitt fis-Sirja li huma fil-bżonn ta' protezzjoni umanitarja u li ġew irreġistrati mill-awtoritajiet Torok qabel id-29 ta' Novembru 2015. Tali skema se tkun miżura ta' akkumpanjament għall-impenji reċiproċi li jinsabu fil-Pjan ta' Azzjoni Konġunta bejn l-UE u t-Turkija tad-29 ta' Novembru 2015.

    2. ELEMENTI ĠURIDIĊI TAL-PROPOSTA

    2.1. Sommarju tal-azzjoni proposta

    L-emenda attwali tikkonsisti fl-għadd tal-isforzi magħmula mill-Istati Membri billi tammetti s-Sirjani li jinsabu fit-Turkija permezz ta' risistemazzjoni, ammissjoni umanitarja jew forom oħra ta' ammissjoni legali lejn in-numru ta' applikanti għal protezzjoni internazzjonali biex jiġu rilokati lejn it-territorju tagħhom taħt id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2015/1601. Fir-rigward tal-54 000 applikant imsemmi fl-Artikolu 4(1)(c) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2015/1601, din l-emenda tippermetti lill-Istati Membri jnaqqsu min-numru allokat ta' applikanti rilokati n-numru ta' Sirjani preżenti fit-Turkija li ġew ammessi fit-territorju tagħhom permezz ta' risistematizzazzjoni, ammissjoni umanitarja jew forom oħra ta' ammissjoni legali skont skemi nazzjonali jew multilaterali lil hinn mill-iskema ta' risistematizzazzjoni stabbilita fil-laqgħa tal-Konklużjonijiet tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri fi ħdan il-Kunsill fl-20 ta' Lulju 2015. Japplika l-Artikolu 10 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1601, li jfisser li l-Istati Membri li jużaw din il-faċilità se jirċievu l-ammont ta' EUR 6 500.

    2.2. Bażi ġuridika

    Il-bażi ġuridika għad-Deċiżjoni proposta tal-Kunsill hija l-Artikolu 78(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

    2.3. Sussidjarjetà

    It-Titolu V tat-TFUE dwar l-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja jagħti ċerti setgħat f'dawn il-kwistjonijiet lill-Unjoni Ewropea. Dawn is-setgħat iridu jitħaddmu f’konformità mal-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, jiġifieri jekk u sa fejn l-objettivi tal-azzjoni proposta ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jistgħu, għalhekk, minħabba l-iskala jew l-effetti tal-azzjoni proposta, jintlaħqu aħjar mill-Unjoni Ewropea.

    F’dan il-qasam, l-Unjoni Ewropea eżerċitat dawn is-setgħat billi adottat id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1601. L-azzjoni attwali tikkonsisti f'li tippermetti l-Istati Membri jissodisfaw parzjalment l-obbligi tagħhom skont dik id-Deċiżjoni billi jipparteċipaw fi sforzi oħra ta' solidarjetà.

    2.4. Proporzjonalità

    Minħabba l-urġenza u l-gravità tas-sitwazzjoni maħluqa mill-kriżi tar-refuġjati attwali, il-miżuri previsti f'din il-proposta ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan li s-sitwazzjoni tiġi indirizzata b’mod effettiv.

    2.5. L-impatt fuq id-drittijiet fundamentali

    Id-drittijiet fundamentali kif previsti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE (“il-Karta”) tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni (UE) 2015/1601 mhumiex affettwati.

    2.6 Ġeometrija varjabbli

    Skont id-dispożizzjonijiet tal-Protokoll (Nru. 21), l-Irlanda u r-Renju Unit mhumiex qed jipparteċipaw f'din il-proposta, minbarra jekk jagħżlu li jagħmlu parti minnha fi żmien tliet xhur wara l-proposta jew wara l-adozzjoni.

    Minkejja l-fatt li l-Irlanda għażlet li tagħmel parti mid-Deċiżjoni 2015/1601, il-frażi preċedenti tapplika wkoll għall-Irlanda skont l-Artikolu 4a tal-Protokoll 21.

    Fid-dawl tal-fatt li r-Renju Unit għadu ma għażilx li jagħmel parti mid-Deċiżjoni (UE) 2015/1601, jeħtieġ li huwa jagħżel li jagħmel parti minnha jekk biħsiebu jaderixxi mal-miżura inkwistjoni, peress li mhuwiex possibbli li jagħżel li jagħmel parti minn emenda ta' miżura mingħajr ma jkun marbut bil-miżura nnifisha.

    3.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

    Din il-proposta ma tinvolvix spejjeż addizzjonali għall-baġit tal-UE.

    2016/0089 (NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1601 tat-22 ta' Settembru 2015 li tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u l-Greċja

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 78(3) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew 9 ,

    Billi:

    (1)Abbażi tal-Artikolu 78(3) TFUE, il-Kunsill adotta żewġ Deċiżjonijiet li jistabbilixxu miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u tal-Greċja. Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1523 10 , 40 000 applikant għall-protezzjoni internazzjonali għandhom jiġu rilokati mill-Italja u mill-Greċja lejn l-Istati Membri l-oħra. Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1601 11 , 120 000 applikant għall-protezzjoni internazzjonali għandhom jiġu rilokati mill-Italja u mill-Greċja lil Stati Membri oħra.

    (2) Skont l-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni (UE) 2015/1601 mis-26 ta' Settembru 2016, 54 000 applikant għandhom jiġu rilokati mill-Italja u mill-Greċja, lejn it-territorju ta' Stati Membri oħra sakemm sa dik id-data, skont l-Artikolu 4(3), il-Kummissjoni ma tkunx għamlet proposta biex tallokahom lil Stati Membri benefiċjarji oħra li qegħdin jaffaċċjaw sitwazzjoni ta' emerġenza kkaraterizzata minn dħul f'daqqa ta' persuni.

    (3) L-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni (UE) 2015/1601 jipprovdi li l-Kummissjoni għandha żżomm is-sitwazzjoni rigward dħul massiv ta' migranti fl-Istati Membri taħt rieżami kostanti. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta, kif xieraq, proposti biex din id-Deċiżjoni tiġi emendata sabiex jittieħed kont tal-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni fil-post u tal-impatt tagħha fuq il-mekkaniżmu ta' rilokazzjoni, kif ukoll tal-evoluzzjoni tal-pressjoni fuq l-Istati Membri, b'mod partikolari l-Istati Membri l-aktar esposti.

    (4)Fis-7 ta' Marzu, il-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern tal-UE qablu li jaħdmu abbażi ta' sensiela ta' prinċipji għal ftehim mat-Turkija, inkluż li jirrisistemaw, għal kull Sirjan riammess fit-Turkija mill-gżejjer Griegi, Sirjan ieħor mit-Turkija fl-Istati Membri, fi ħdan il-qafas tal-impenji eżistenti. Dawn il-prinċipji komplew jiġu żviluppati fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-passi operazzjonali li jmiss fil-kooperazzjoni bejn l-UE u t-Turkija fil-qasam tal-migrazzjoni 12 li talbet li jittieħdu l-passi meħtieġa biex xi wħud mill-impenji meħuda fl-ambitu tad-deċiżjonijiet ta' rikolazzjoni eżistenti jiġu ttrasferiti lejn l-iskema 1:1, speċjalment il-54 000 post kollu jew parti minnhom li attwalment mhumiex allokati.

    (5) Huwa mistenni li r-risistemazzjoni, l-ammissjoni umanitarja, jew forom oħra ta' ammissjoni legali mit-Turkija skont skemi nazzjonali u multilaterali jtaffu l-pressjoni migratorja fuq l-Istati Membri li huma benefiċjarji tar-rilokazzjoni skont id-Deċiżjoni (UE) 2015/1601 billi jipprovdu mezz legali u sikur biex wieħed jidħol fl-Unjoni u billi jiskoraġġixxu d-dħul irregolari. Għalhekk, l-isforzi ta' solidarjetà tal-Istati Membri li jikkonsistu fl-ammissjoni fit-territorju tagħhom ċittadini Sirjani li jinsabu fit-Turkija li għandhom bżonn ċar ta' protezzjoni internazzjonali għandhom jitqiesu fir-rigward tal-54 000 applikant għal protezzjoni internazzjonali msemmija hawn fuq. In-numru ta' persuni li jiġu ammessi minn Stat Membru b'dan il-mod mit-Turkija għandu jitnaqqas min-numru ta' persuni li għandhom jiġu rilokati fl-Istat Membru skont id-Deċiżjoni 2015/1601 fir-rigward ta' tali 54 000 applikant.

    (6)Il-mekkaniżmi għall-ammissjoni jistgħu jinkludu r-risistematizzazzjoni, l-ammissjoni umanitarja jew mezzi legali oħra għall-ammissjoni ta' persuni bi bżonn ċar ta' protezzjoni internazzjonali, bħal programmi ta' viża umanitarja, trasferiment umanitarju, programmi ta' riunifikazzjoni tal-familja, proġetti ta' sponserxipp privat, programmi ta' mobbiltà tax-xogħol, skemi ta' mobbiltà tax-xogħol u oħrajn.

    (7)L-impenji li l-Istati Membri ħadu bħala parti mill-iskema ta' risistemazzjoni, li kien hemm qbil dwarhom fil-laqgħa tal-Konklużjonijiet tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri fi ħdan il-Kunsill tal-20 ta' Lulju 2015 m'għandhomx jiġu affettwati minn din id-Deċiżjoni u m'għandhomx jgħoddu biex jiġu ssodisfati l-obbligi skont id-Deċiżjoni 2015/1601. Għalhekk, Stat Membru li jagħżel li jissodisfa l-obbligi skont id-Deċiżjoni (UE) 2015/1601 permezz tal-ammissjoni ta' Sirjani preżenti fit-Turkija bl-iskema ta' risistematizzazzjoni ma jistax jgħodd dan l-isforz bħala wieħed li jikkostitwixxi parti mill-impenn tiegħu skont l-iskema ta' risistemazzjoni tal-20 ta' Lulju 2015.

    (8) Sabiex jiġi żgurat il-monitoraġġ tas-sitwazzjoni, l-Istati Membri għandhom jirrapportaw fuq bażi ta' kull xahar lill-Kummissjoni dwar is-Sirjani preżenti fit-Turkija  li ġew ammessi fit-territorju tagħhom skont l-alternattiva prevista f'din l-emenda li tispeċifika taħt liema skema, nazzjonali jew multilaterali, il-persuna ġiet ammessa u l-forma ta' ammissjoni legali.

    (9)Peress li l-objettivi ta' din id-Deċiżjoni ma jistgħux jintlaħqu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni, jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà, kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TEU). Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stipulat f'dan l-Artikolu, din id-Deċiżjoni ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkisbu dawn l-objettivi.

    (10)Din id-Deċiżjoni tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

    (11)Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-TUE u mat-TFUE, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta' dak il-Protokoll, ir-Renju Unit mhux qed jieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhuwiex marbut biha jew soġġett għall-applikazzjoni tagħha.

    (12)Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-TUE u mat-TFUE, u mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 4 u 4a ta' dak il-Protokoll, l-Irlanda mhijiex qiegħda tieħu parti fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

    (13)F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-TUE u t-TFUE, id-Danimarka mhijiex qiegħda tieħu parti fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

    (14)Fid-dawl tal-urġenza tas-sitwazzjoni, din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni (UE) 2015/1601, iddaħħal il-paragrafu 3a li ġej:

         "3a. Fir-rigward tar-rilokazzjoni ta' applikanti msemmija fil-punt (c) tal-paragrafu 1, l-ammissjoni tal-Istati Membri fit-territorju tagħha ta' ċittadini Sirjani preżenti fit-Turkija skont skemi ta' ammissjoni nazzjonali jew multilaterali għal persuni bi bżonn ċar ta' protezzjoni internazzjonali, li huma differenti mill-iskema ta' risistemazzjoni li kienet is-suġġett tal-laqgħa tal-Konklużjonijiet tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri fi ħdan il-Kunsill tal-20 ta' Lulju 2015, twassal għal tnaqqis rispettiv tal-obbligu tal-Istat Membru rispettiv.

    L-Artikolu 10 japplika mutatis mutandis għal kull ammissjoni legali li twassal għal tnaqqis tal-obbligu ta' rilokazzjoni.

    L-Istati Membri jirrapportaw kull xahar lill-Kummissjoni dwar in-numru ta' persuni legalment ammessi għall-finijiet ta' dan il-paragrafu, fejn jiġi indikat it-tip ta' skema li taħtha saret l-ammissjoni u l-forma ta' ammissjoni legali użata."

    Artikolu 2
    Dħul fis-seħħ

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell,

       Għall-Kunsill

       Il-President

    (1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1523 tal-14 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u tal-Greċja, ĠU L 239, 15.9.2015, p. 146.
    (2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1601 tat-22 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u l-Greċja, ĠU L 248, 24.9.2015, p. 80.
    (3) Skont l-UNHCR jekk il-flussi jkomplu, aktar minn 100 000 migrant jistgħu jinqabdu fil-Greċja f'temp ta' xahar.
    (4) COM(2016) 165 finali.
    (5) COM(2016) 166 finali.
    (6) C(2015) 3560 finali.
    (7) L-Ungerija ma tipparteċipax.
    (8) 11130/15; "Konklużjonijiet tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri li jiltaqgħu fi ħdan il-Kunsill dwar ir-risistematizzazzjoni permezz ta' skemi multilaterali u nazzjonali ta' 20 000 persuna fi bżonn ċar ta' protezzjoni internazzjonali".
    (9) ĠU C , , p. .
    (10) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1523 tal-14 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u tal-Greċja, ĠU L 239, 15.9.2015, p. 146.
    (11)

       Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1601 tat-22 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u l-Greċja, ĠU L 248, 24.9.2015, p. 80.

    (12) COM(2016) 166 finali.
    Top