Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016PC0142

    Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dik il-ħtieġa (il-Georgia)

    COM/2016/0142 final - 2016/075 (COD)

    Brussell, 9.3.2016

    COM(2016) 142 final

    2016/0075(COD)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dik il-ħtieġa

    (il-Georgia)


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Ir-raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha

    Id-Djalogu ta' Liberalizzazzjoni tal-Viża UE-Georgia ġie varat f'Ġunju 2012. Fi Frar 2013, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat pjan ta’ azzjoni dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża (PALV) lill-Gvern tal-Georgia. Il-Kummissjoni kkommettiet ruħha li tipproponi vjaġġar mingħajr viża għal soġġorni qosra fl-Unjoni Ewropea għal ċittadini tal-Georgia li jkollhom passaporti bijometriċi, hekk kif il-punti referenzjarji kollha stipulati fil-PALV jintlaħqu mill-Gvern tal-Georgia.

    Minn qabel il-bidu tad-Djalogu ta' Liberalizzazzjoni tal-Viża, l-UE u l-Georgia kienu kkonkludew b'mod parallel Ftehim ta' Faċilitazzjoni tal-Viża u Ftehim ta' Riammissjoni, li daħlu fis-seħħ fl-1 ta' Marzu 2011. L-implimentazzjoni sħiħa u effettiva tagħhom kienu kundizzjoni bażika għat-tnedija u l-kontinwazzjoni tad-djalogu tal-viża.

    Il-PALV huwa mibni fuq erba’ "blokok": sigurtà tad-dokumenti, inklużi l-bijometriċi (blokka I), migrazzjoni u ġestjoni integrata tal-fruntieri, inkluż l-ażil (blokka II), ordni u sigurtà pubblika (blokka III), u relazzjonijiet esterni u drittijiet fundamentali (blokka IV). Il-PALV jistipula sensiela ta’ punti referenzjarji preċiżi għal kull wieħed minn dawn l-erba’ “blokok” ta’ kwistjonijiet teknikament rilevanti, bil-għan li jiġi adottat qafas leġiżlattiv, politiku u istituzzjonali (fażi 1) u li tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva u sostenibbli tiegħu (fażi 2).

    Sa mit-tnedija tad-Djalogu dwar il-Liberalizzazzjoni tal-Viża bejn l-UE u l-Georgia, il-Kummissjoni rrapportat lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar il-progress li għamlet il-Georgia biex tissodisfa l-punti referenzjarji identifikati fl-erba' blokok tal-ewwel u tat-tieni fażi tal-PALV. Il-progress ġie vvalutat abbażi ta' evalwazzjonijiet fuq il-post minn esperti minn Stati Membri madwar l-UE u informazzjoni dettaljata li pprovdiet il-Georgia.

    Fil-15 ta’ Novembru 2013 il-Kummissjoni adottat l-ewwel rapport ta’ progress tagħha 1 dwar l-implimentazzjoni tal-PALV mill-Georgia u għamlet bosta rakkomandazzjonijiet għat-tlestija tal-ewwel fażi (aspett leġiżlattiv u ppjanar).

    It-tieni rapport ta' progress tal-Kummissjoni 2 tad-29 ta' Ottubru 2014 ikkonkluda li l-Georgia laħqet il-punti referenzjarji tal-ewwel fażi tal-PALV u kien lesta biex tiġi vvalutata fuq il-punti referenzjarji tat-tieni fażi. Fil-konklużjoni tiegħu tas-17 ta' Novembru 2014, il-Kunsill qabel mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni. Ir-rapport kien akkumpanjat minn valutazzjoni tal-impatti potenzjali migratorji u ta' sigurtà mil-liberalizzazzjoni futura tal-viża għaċ-ċittadini tal-Georgia li jivvjaġġaw lejn l-UE.

    Fit-8 ta' Mejju 2015, Il-Kummissjoni adottat it-tielet rapport ta' progress 3 dwar l-implimentazzjoni tal-PALV mill-Georgia. Ir-rapport ikkonferma li l-Georgia kienet fil-biċċa l-kbira konformi mal-punti referenzjarji kollha stipulati fl-erba' blokok tal-PALV u identifika azzjonijiet li, jekk jittieħdu, jiżguraw li l-Georgia tilħaq il-punti referenzjarji kollha għat-tieni fażi tal-PALV.

    Fir-raba’ u l-aħħar rapport ta’ progress 4 , li ġie adottat fit-18 ta’ Diċembru 2015, il-Kummissjoni qieset li l-Georgia għamlet il-progress meħtieġ u wettqet ir-riformi meħtieġa kollha biex tiżgura l-kisba effettiva u sostenibbli tal-punti referenzjali li fadal. Abbażi ta' din il-valutazzjoni, u sforz l-eżitu tal-monitoraġġ u rapportar kontinwi li kien hemm mit-tnedija tad-Djalogu tal-Liberalizzazzjoni tal-Viża UE-Georgia, il-Kummissjoni kkonfermat li l-Georgia laħqet il-punti referenzjarji kollha stipulati għal kull waħda mill-erba' blokok tat-tieni fażi tal-PALV u li fil-bidu tal-2016 se tippreżenta proposta leġiżlattiva sabiex temenda r-Regolament (KE) Nru 539/2001, li tittrasferixxi l-Georgia għal-lista ta' pajjiżi mingħajr viża (Anness II).

    Minbarra r-rapportar dwar il-PALV, il-Kummissjoni kompliet tissorvelja l-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta' Faċilitazzjoni tal-Viża u ta' Riammissjoni, b’mod partikolari permezz tal-Kumitati Konġunti stabbiliti skont dawn il-ftehimiet. Sa llum l-aħħar laqgħa taż-żewġ kumitati kienet fi Brussell fit-13 ta' Ottubru 2015. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni nnotat li l-implimentazzjoni taż-żewġ ftehimiet kienet globalment sodisfaċenti ħafna.

    Il-konsistenza ma’ dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam tal-politika u politiki oħra tal-Unjoni

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 5 jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dik il-ħtieġa. Ir-Regolament (KE) Nru 539/2001 huwa applikat mill-Istati Membri kollha, bl-eċċezzjoni tal-Irlanda u tar-Renju Unit – u wkoll mill-Iżlanda, mill-Liechtenstein, min-Norveġja u mill-Iżvizzera. Dan ir-Regolament huwa parti mill-politika komuni tal-viża tal-UE għal soġġorni qosra ta' 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta' 180 jum.

    Bħalissa l-Georgia hija elenkata fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 539/2001, jiġifieri fost dawk il-pajjiżi li ċ-ċittadini tagħhom huma meħtieġa li jkollhom viża meta jivvjaġġaw lejn it-territorju tal-Istati Membri tal-UE.

    Ir-Regolament (KE) Nru 539/2001 kien emendat l-aħħar mir-Regolament (UE) Nru 259/2014 6 meta l-Moldova ġiet trasferita għal-lista ta' mingħajr viża wara li implimentat b'suċċess il-PALV tagħha; u mir-Regolament (UE) Nru 509/2014 7 meta ħames pajjiżi tal-Karibew 8 u ħdax-il pajjiż tal-Paċifiku 9 , kif ukoll il-Kolumbja, il-Perù u l-Emirati Għarab Magħquda ġew eżentati mill-ħtieġa tal-viża – soġġetti għall-konklużjoni tal-ftehimiet ta' eżenzjoni mill-viża bejn l-UE u l-pajjiżi terzi rispettivi – wara rieżami perjodiku tal-listi tal-viża.

    Il-kriterji li għandhom jitqiesu meta jkunu qed jiġu ddeterminati – abbażi ta' valutazzjoni każ b'każ – il-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom huma soġġetti, jew eżenti, mill-ħtieġa tal-viża huma stipulati fl-Artikolu -1 tar-Regolament (KE) Nru 539/2001 (kif introdott mir-Regolament (UE) Nru 509/2014). Jinkludu "l-immigrazzjoni irregolari, il-politika pubblika u s-sigurtà, il-benefiċċji ekonomiċi, partikolarment f’termini ta’ turiżmu u ta’ kummerċ barrani u r-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni mal-pajjiżi terzi rilevanti, inklużi, partikolarment, konsiderazzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, kif ukoll l-implikazzjonijiet ta’ koerenza u reċiproċità reġjonali" 10 . Għandha tingħata attenzjoni partikolari lis-sigurtà ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġin mill-pajjiżi terzi kkonċernati.

    M’hemm l-ebda raġuni għala tiġi kkundizzjonata l-implimentazzjoni tal-eżenzjoni tal-viża għal ċittadini tal-Georgia dwar il-konklużjoni ta’ ftehim ta’ eżenzjoni mill-viża mal-UE, peress li l-Georgia diġà eżentat liċ-ċittadini kollha tal-UE mir-rekwiżit tal-viża għal soġġorni ta’ 90 jum (fi żmien perjodu ta’ 180 jum). Jekk din id-deċiżjoni tiġi rrevokata jew jekk is-sistema ta' vjaġġar mingħajr viża tiġi abbużata, il-mekkaniżmi eżistenti ta’ reċiproċità u sospensjoni tar-Regolament (KE) Nru 539/2001 għandhom ikunu rimedji suffiċjenti.

    2.IL-BAŻI ĠURIDIKA, IS-SUSSIDJARJETÀ U L-PROPORZJONALITÀ

    Il-bażi legali

    Peress li l-proposta se temenda l-politika komuni dwar il-viża tal-UE, il-bażi ġuridika għal din il-proposta hija l-punt (a) tal-Artikolu 77(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Ir-regolament propost jikkostitwixxi żvilupp tal-acquis ta’ Schengen.

    Sussidjarjetà

    Billi r-Regolament (KE) Nru 539/2001 huwa att legali tal-Unjoni, jista’ biss jiġi emendat permezz ta’ att legali ekwivalenti. L-Istati Membri ma jistgħux jaġixxu individwalment.

    Proporzjonalità

    Ara aktar’ il fuq – ebda għażla oħra biex jintlaħaq l-objettiv tal-politika mhi disponibbli.

    L-għażla tal-istrument

    Ara aktar ’il fuq.

    3.IR-RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET KONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

    Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

    mhux applikabbli

    Il-konsultazzjonijiet mal-partijiet konċernati

    Kien hemm diskussjonijiet regolari mal-Istati Membri fil-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar l-Ewropa tal-Lvant u l-Asja Ċentrali (COEST) u diversi preżentazzjonijiet tal-proċess tal-liberalizzazzjoni tal-viża lill-Parlament Ewropew.

    Il-ġbir u l-użu tal-għarfien espert

    Il-Kummissjoni ġabret dejta komprensiva dwar l-implimentazzjoni mill-Georgia tal-punti referenzjarji tal-PALV kollha. Ir-rapport ta' progress aħħari tagħha dwar il-Georgia kien akkumpanjat minn dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni 11 , kif kien il-każ għaż-żewġ rapporti preċedenti, li pprovda informazzjoni ġenerali iktar dettaljata dwar l-iżviluppi f'kull punt referenzjarju.

    Valutazzjoni tal-impatt

    Fl-anness mad-dokument ta' ħidma tal-persunal, il-Kummissjoni pprovdiet analiżi fattwali aġġornata u informazzjoni bbażata fuq l-istatistika dwar l-impatti migratorji u ta' sigurtà possibbli tal-liberalizzazzjoni tal-viża għaċ-ċittadini tal-Georgia li jkunu qed jivvjaġġaw lejn l-UE, abbażi tal-informazzjoni mogħtija mill-aġenziji u l-partijiet ikkonċernati tal-UE. Mhemmx bżonn ta' valutazzjoni tal-impatt oħra.

    L-idoneità regolatorja u s-simplifikazzjoni

    mhux applikabbli

    Drittijiet fondamentali

    Il-proposta ma għandhiex konsegwenzi negattivi għall-ħarsien tad-drittijiet fundamentali.

    4.L-IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

    mhux applikabbli

    5.ASPETTI OĦRA

    Il-pjanijiet għall-implimentazzjoni u l-arranġamenti ta’ monitoraġġ, ta’ evalwazzjoni u ta’ rappurtar

    L-emenda tar-Regolament se tkun applikabbli direttament mid-dħul fis-seħħ tagħha u se tiġi implimentata immedjatament mill-Istati Membri. Ebda pjan ta’ implimentazzjoni mhuwa neċessarju.

    Il-Kummissjoni se tkompli timmonitorizza attivament l-implimentazzjoni kontinwa tal-Georgia tal-punti referenzjarji kollha skont l-erba' blokok tal-PALV permezz tal-istrutturi u d-djalogi ta' assoċjazzjoni eżistenti u, jekk ikun meħtieġ, permezz ta' mekkaniżmi ta' segwitu ad hoc.

    Id-dokumenti ta’ spjega (għad-direttivi)

    mhux applikabbli

    Spjegazzjoni dettaljata tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

    Ir-Regolament (KE) Nru 539/2001 se jiġi emendat, sabiex il-Georgia tiġi trasferita mill-Anness I (lista ta’ pajjiżi fejn il-viża hija meħtieġa) għall-Anness II (lista ta’ pajjiżi mingħajr viża). Nota f'qiegħ il-paġna se tkun miżjuda li l-eżenzjoni tal-viża ser tkun limitata għad-detenturi ta’ passaporti bijometriċi maħruġa f’konformità mal-istandards tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili (ICAO).”.

    2016/0075 (COD)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dik il-ħtieġa

    (il-Georgia)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-punt (a) tal-Artikolu 77(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

    Billi:

    (1)Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 12 jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati minn dik il-ħtieġa. Il-kompożizzjoni tal-listi ta’ pajjiżi terzi fl-Annessi I u II għandha tkun, u għandha tibqa’, konsistenti mal-kriterji stipulati fih. Ir-referenzi għal pajjiżi terzi li fir-rigward tagħhom inbidlet is-sitwazzjoni fir-rigward ta’ dawk il-kriterji, għandhom ikunu trasferiti minn anness għall-ieħor, kif xieraq.

    (2)Huwa meqjus li l-Georgia laħqet il-punti referenzjarji kollha stipulati fil-Pjan ta' Azzjoni għal-Liberalizzazzjoni tal-Viża ppreżentat lill-Gvern tal-Georgia fi Frar 2013, u għaldaqstant tissodisfa l-kriterji relevanti sabiex iċ-ċittadini tagħha jkunu eżenti mill-ħtieġa għall-viża meta jivvjaġġaw fit-territorji ta'
    l-Istati Membri tal-UE.

    (3)Għaldaqstant il-Georgia għandha tiġi trasferita mill-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 539/2001 għall-Anness II tiegħu. Din l-eżenzjoni tal-viża għandha tapplika biss għad-detenturi ta’ passaporti bijometriċi maħruġa f’konformità mal-istandards tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili (ICAO).”.

    (4)Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fihom ir-Renju Unit ma jipparteċipax, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE 13 . Għaldaqstant ir-Renju Unit mhuwiex qiegħed jieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhuwiex marbut bih jew soġġett għall-applikazzjoni tiegħu.

    (5)Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fihom l-Irlanda ma tipparteċipax, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE 14 . Għaldaqstant l-Irlanda mhix qegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.

    (6)Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen skont it-tifsira tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen, li jaqgħu fl-ambitu msemmi fil-punt B tal-Artikolu 1, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE 15 .

    (7)Fir-rigward tal-Iżvizzera, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fis-sens tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen li jaqgħu fl-ambitu msemmi fil-punt B tal-Artikolu 1, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE li jinqraw flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE 16 .

    (8)Fir-rigward ta’ Liechtenstein, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fit-tifsira tal-Protokoll ffirmat bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein għall-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen, li jaqa’ fil-qasam imsemmi fil-punt B tal-Artikolu 1, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE li jinqraw flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE 17 .

       ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (KE) Nru 539/2001 huwa emendat kif ġej:

    (a)fl-Anness I, Parti 1 ("STATI"), ir-referenza għall-Georgia titħassar.

    (b)fl-Anness II, Parti 1 ("STATI"), tiddaħħal ir-referenza li ġejja:

    "il-Georgia"*

    ______________

    *    L-eżenzjoni tal-viża hija limitata għad-detenturi ta’ passaporti bijometriċi maħruġa f’konformità mal-istandards tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili (ICAO).

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u għandu japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.

    Magħmul fi Brussell,

    Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

    Il-President    Il-President

    (1) COM(2013) 808 finali
    (2) COM(2014) 681 finali
    (3) COM(2015) 199 finali
    (4) COM(2015) 684 finali
    (5) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 tal-15 ta' Marzu 2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżenti minn dik il-ħtieġa, ĠU L 81, 21.03.2001, p. 1.
    (6) Ir-Regolament (UE) Nru 259/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati minn dik il-ħtieġa, ĠU L 105, 8.4.2014, p. 9
    (7) Ir-Regolament (UE) Nru 509/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati minn dik il-ħtieġa, ĠU L 149, 20.5.2014, p. 67
    (8) Dominica, Grenada, Saint Lucia, Saint Vincent u l-Grenadini, Trinidad u Tobago.
    (9) Kiribati, il-Gżejjer Marshall, il-Mikroneżja, Nauru, Palau, Samoa, il-Gżejjer Solomon, Timor Leste, Tonga, Tuvalu, Vanuatu.
    (10) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 tal-15 ta' Marzu 2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dik il-ħtieġa;
    (11) SWD(2015) 299 finali
    (12) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 tal-15 ta' Marzu 2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dik il-ħtieġa, ĠU L 81, 21.03.2001, p. 1.
    (13) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta' Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Britannja u l-Irlanda ta' Fuq biex jieħu sehem f'xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen, ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43
    (14) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen, ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20
    (15) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta' Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen, ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31
    (16) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE tat-28 ta' Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f'isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen, ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1
    (17) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE tas-7 ta’ Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, relatat mal-abolizzjoni tal-verifiki mal-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni, ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19
    Top