EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016PC0113

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (UE, EURATOM) Nru 883/2013, fir-rigward tas-segretarjat tal-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF)

COM/2016/0113 final - 2016/064 (COD)

Brussell, 4.3.2016

COM(2016) 113 final

2016/0064(COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE, EURATOM) Nru 883/2013, fir-rigward tas-segretarjat tal-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF)


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Ir-raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha

Il-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi kien stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 1073/99 tal-25 ta’ Mejju 1999 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) 1 . L-Artikolu 15(1) tar-Regolament il-ġdid tal-OLAF 883/2013 tal- 11 ta’ Settembru 2013 2 jiddikjara li x-xogħol tiegħu għandu jkun li “jimmonitorja regolarment l-implimentazzjoni mill-Uffiċċju tal-funzjoni investigattiva tiegħu, sabiex tissaħħaħ l-indipendenza tal-Uffiċċju fit-twettiq tajjeb tal-kompetenzi mogħtija lilu permezz ta’ dan ir-Regolament” u, b’mod partikolari, li “jimmonitorja l-iżviluppi dwar l-applikazzjoni ta’ garanziji proċedurali u t-tul tal-investigazzjonijiet fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta mid-Direttur Ġenerali ..".

Fix-xogħol tiegħu, il-Kumitat ta’ Sorveljanza huwa appoġġjat minn Segretarjat. Bħalissa, dan is-segretarjat huwa pprovdut mill-OLAF, skont l- Artikolu 15(8) tar-Regolament OLAF li jiddikjara li s-segretarjat tal-Kumitat ta’ Sorveljanza “għandu jiġi pprovdut mill-Uffiċċju, f’konsultazzjoni mill-qrib mal-Kumitat ta’ Sorveljanza”. L-Artikolu 18 tar-Regolament iqiegħed l-approprjazzjonijiet baġitarji għall-Kumitat ta’ Sorveljanza u għas-segretarjat tiegħu fi ħdan il-linja tal-baġit tal-Uffiċċju u jipprovdi li l-pjan ta’ stabbiliment tal-Uffiċċju jinkludi dak tal-Kumitat ta’ Sorveljanza u tas-segretarjat tiegħu.

Madankollu, dan l-aħħar ġie espress xi tħassib dwar kunflitti ta’ interess possibbli u saret sejħa għal indipendenza legali msaħħa dwar il-ġestjoni tal-baġit tal-Kumitat u s-segretarjat. Għalhekk, fir-Rapporti ta’ Attività Annwali tiegħu tal-2013 u l- 2014 3 , il-Kumitat ta’ Sorveljanza enfasizza l-importanza tal-funzjonament indipendenti u effikaċi tiegħu li jeħtieġ segretarjat indipendenti u b’persunal adegwat. Huwa saħaq li l-eżerċizzju ta’ setgħat tal-Awtorità tal-Ħatra mid-Direttur Ġenerali tal-OLAF, inkluż deċiżjonijiet dwar il-promozzjonijiet u trasferimenti, potenzjalment jistgħu jwasslu għal kunflitti ta’ interess. Huwa talab li l-baġit tiegħu u dak tas-segretarjat tiegħu jiġu speċifikati f’linja separata tal-baġit tal-OLAF.

Il-Parlament Ewropew talab bosta drabi lill-Kummissjoni biex tieħu miżuri biex issaħħaħ il-funzjonament indipendenti tas-Segretarjat tal-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-OLAF, fosthom fir-rapport tiegħu dwar il-proċedura ta’ kwittanza għall-2013 4 u fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar ir-rapport annwali tal-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-OLAF tal-2014 5 .

Din il-kwistjoni ġiet indirizzata wkoll fl-Iskambju ta’ Fehmiet mal-istituzzjonijiet stabbilit bl-Artikolu 16 tar-Regolament OLAF. Matul l-iskambju li sar fit-28 ta’ Settembru 2015, rappreżentanti mill-Parlament Ewropew reġgħu enfasizzaw il-ħtieġa li jissaħħaħ il-funzjonament indipendenti tas-Segretarjat tal-Kumitat ta’ Sorveljanza.

Fit-18 ta’ Diċembru 2015, il-Kummissjoni adottat emenda għad-Deċiżjoni tagħha 1999/352 6 sabiex tmexxi r-responsabbiltà għall-implimentazzjoni tal-approprjazzjonijiet baġitarji għall-Membri mid-Direttur Ġenerali tal-OLAF għall-Kummissjoni. Il-Kummissjoni sussegwentement iddelegat din ir-responsabbiltà lid-Direttur tal-Uffiċċju tal-Ħlasijiet tagħha (PMO). Din id-Deċiżjoni tapplika mill-1 ta’ Jannar 2016.

L-għan ta’ din id-Deċiżjoni huwa li tiġi evitata l-impressjoni li l-Membri tal-Kumitat ta’ Sorveljanza jistgħu ma jkunux f’pożizzjoni li jiżguraw il-mandat tagħhom b’mod xieraq. Din id-Deċiżjoni ma tistax, madankollu, tikseb separazzjoni legali sħiħa tas-Segretarjat u l-baġit tal-Kumitat mill-Uffiċċju. Sabiex jinfirdu l-amministrazzjoni tas-Segretarjat tal-Kumitat mill- amministrazzjoni tal-Uffiċċju u biex tiġi evitata kwalunkwe impressjoni li l-OLAF jista’ jfixkel il-funzjonament tal-appoġġ lill-Membri tal-Kumitat, huwa neċessarju li jiġi mmodifikat ir-Regolament 883/2013 biex jipprevedi li s-segretarjat tal-Kumitat ta’ Sorveljanza jiġu provdut direttament mill-Kummissjoni. Din il-modifika ma taffettwax l-indipendenza u l-funzjonament tal-Kumitat ta’ Sorveljanza u tas-Segretarjat tiegħu, li ser ikomplu jibbenefikaw mill-istess drittijiet u jkunu suġġetti għall-istess obbligi bħal qabel. B’mod partikolari, l-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Dejta tal-OLAF (DPO) se jkompli jkopri l-ipproċessar ta’ dejta mis-segretarjat u l-persunal tas-segretarjat ser ikompli jkun soġġett għall-istess regoli ta’ kunfidenzjalità. L-Artikolu 19 tar-Regolament 883/2013 jipprevedi li l-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport ta’ evalwazzjoni dwar l-applikazzjoni tar-Regolament mhux aktar tard mit-2 ta’ Ottubru 2017, li għandu wkoll jiddikjara jekk ir-Regolament jeħtieġx jiġi emendat. Minħabba l-importanza ta’ funzjonament xieraq tal-Kumitat ta’ Sorveljanza u l-ħtieġa li tiġi evitata l-impressjoni li dan il-funzjonament jista’ jiġi mxekkel mill-qafas istituzzjonali tiegħu jidher importanti li jiġi adottat ir-Regolament dwar dan il-punt — u strettament dwar dan il-punt — mill-aktar fis possibbli, u fi kwalunkwe każ qabel isseħħ l-evalwazzjoni globali ta’ dan ir-Regolament.

Ladarba r-Regolament rivedut jidħol fis-seħħ, emenda teknika oħra ser ikollha ssir għad-Deċiżjoni tal-OLAF sabiex din tiġi formalment f’konformità mal-qafas legali l-ġdid.

Il-konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti ta’ politika fil-qasam ta’ politika

Ir-Regolament propost jemenda r-Regolament 883/2013 li diġà jipprevedi l-indipendenza tal-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-OLAF. B’mod partikolari l-paragrafi 2, 3 u 7 tal-Artikolu 15 jiggarantixxu l-indipendenza tal-Kumitat billi jipprovdu għal proċedura ta’ ħatra interistituzzjonali speċjali u kundizzjonijiet speċifiċi għall-eżerċizzju tal-mandati tal-membri. Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015)2418 kompliet tiddefinixxi dan il-qafas billi trasferiet il-ġestjoni tal-approprjazzjonijiet baġitarji għall-Kumitat ta’ Sorveljanza mill-OLAF lill-Kummissjoni (PMO).

2.IL-BAŻI ĠURIDIKA, IS-SUSSIDJARJETÀ U L-PROPORZJONALITÀ

Bażi legali

Il-proposta hija bbażata fuq l-Art. 325 tat-TFUE dwar il-ġlieda kontra l-frodi, li jipprovdi wkoll il-bażi legali għar-Regolament 883/2013.

Is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità

Din il-proposta m’għandha l-ebda impatt fuq il-poteri u r-responsabbiltajiet tal-Istati Membri għall-ġlieda kontra l-frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-UE. Din tikkonċerna biss il-ġestjoni tal-Kumitat ta' Sorveljanza tal-OLAF, li r-regoli tiegħu bħalissa huma stipulati f’Regolament tal-UE. Barra minn hekk, l-azzjoni msemmija hawn fuq hija limitata għal dak li hu meħtieġ biex jinkisbu l-objettivi proposti, li huma konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

L-għażla tal-istrument

Ir-Regolament 883/2013 jeħtieġ li jiġi emendat permezz tal-istess tip ta’ strument, jiġifieri Regolament.

3.L-IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Ir-Regolament propost mhux se jkun jeħtieġ riżorsi umani jew amministrattivi ġodda u mhux se jkollu impatt finanzjarju. Huwa ser jittrasferixxi biss il-ġestjoni tal-approprjazzjonijiet baġitarji dwar is-segretarjat tal-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-OLAF fi ħdan il-Kummissjoni.

4.ELEMENTI OĦRA

Spjegazzjoni dettaljata tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Taħt ir-regolament ġdid propost, is-segretarjat tal-Kumitat ta’ Sorveljanza għandu jiġu pprovdut mill-Kummissjoni, u mhux aktar mill-OLAF (Artikolu 15(8)).

L-approprjazzjonijiet baġitarji għas-Segretarjat tal-Kumitat ta’ Sorveljanza se jiġu mċaqilqa mil-linja baġitarja u l-pjan ta’ stabbiliment tal-OLAF għal dik tal-Kummissjoni (Artikolu 18).

Fl-aħħar nett, il-proposta temenda l-formulazzjoni tal-paragrafi 4 u 5 tal-Artikolu 10 sabiex il-kompetenza tal-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Dejta tal-OLAF (UPD) tkompli tkopri l-ipproċessar ta’ dejta mis-segretarjat. Barra minn hekk, il-persunal tas-segretarjat ser ikompli jkun suġġett għall-istess regoli ta’ konfidenzjalità bħal qabel.



2016/0064 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE, EURATOM) Nru 883/2013, fir-rigward tas-segretarjat tal-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 325 tiegħu,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b'mod partikulari l-Artikolu 106a tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Qorti tal-Awdituri,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)Il-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (‘L-Uffiċċju’) għandu l-kompitu li jimmonitorja regolarment l-implimentazzjoni mill-Uffiċċju tal-funzjoni investigattiva tiegħu, sabiex tissaħħaħ l-indipendenza tal-Uffiċċju.

(2)Il-qafas għall-implimentazzjoni tal-approprjazzjonijiet baġitarji relatati mal-Membri tal-Kumitat ta’ Sorveljanza għandu jiġi stabbilit b’tali mod li jevita kwalunkwe ħjiel ta’ interferenza possibbli tal-Uffiċċju fil-qadi ta’ dmirijiethom. Ir-Regolament (KE, EURATOM) Nru 883/2013 għandu jiġi adattat sabiex jippermetti tali qafas. Is-Segretarjat tal-Kumitat ta’ Sorveljanza għandu jiġi provdut direttament mill-Kummissjoni, b’mod indipendenti mill-Uffiċċju. Il-Kummissjoni għandha toqgħod lura milli tindaħal fil-funzjonijiet tal-Kumitat ta’ Sorveljanza.

(3)Fejn l-Uffiċċju jaħtar Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Dejta skont l- Artikolu 10(4) tar-Regolament 883/2013, dak l-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Dejta għandu jkompli jkun kompetenti għall-ipproċessar ta’ dejta mis-segretarjat tal-Kumitat ta’ Sorveljanza.

(4)L-obbligi ta’ kunfidenzjalità tal-persunal tas-segretarjat tal-Kumitat ta’ Sorveljanza għandhom jibqgħu japplikaw.

(5) Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta ġie kkonsultat skont l-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 u ta l-opinjoni tiegħu fil-.....,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 883/2013 hu emendat kif ġej:

(1)L-Artikolu 10 huwa emendat kif ġej:

(a)fil-paragrafu 4, jiżdied is-sottoparagrafu li ġej:

“L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Dejta għandu jkun kompetenti għall-ipproċessar tad-dejta mill-Uffiċċju u s-segretarjat tal-Kumitat ta’ Sorveljanza.”

(b)fil-paragrafu 5, it-tieni subparagrafu jinbidel b’dan li ġej:

F’konformità mar-Regolamenti tal-Persunal, il-persunal tal-Uffiċċju u l-persunal tas-segretarjat tal-Kumitat ta’ Sorveljanza għandu jevita kwalunkwe żvelar mhux awtorizzat ta’ informazzjoni li tasal waqt l-eżerċitar tal-funzjonijiet tiegħu, sakemm dik l-informazzjoni ma tkunx diġà saret pubblika jew tkun aċċessibbli għall-pubbliku, u għandu jkompli jkun marbut b’dak l-obbligu wara li jitlaq mis-servizz.

(2)Fl-Artikolu 15(8), l-aħħar sentenza hija sostitwita b'dan li ġej:

Is-segretarjat tiegħu għandu jiġi pprovdut mill-Kummissjoni, indipendentement mill-Uffiċċju u f’konsultazzjoni mill-qrib mal-Kumitat ta’ Sorveljanza. Il-Kummissjoni għandha toqgħod lura milli tindaħal fil-funzjonijiet tal-Kumitat ta’ Sorveljanza."

(3)L-Artikolu 18 jinbidel b’dan li ġej:

"Artikolu 18

Finanzjament

L-approprjazzjonijiet totali tal-Uffiċċju għandhom jiddaħħlu f’linja baġitarja speċifika fis-sezzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea relatata mal-Kummissjoni u għandhom jiġu stabbiliti fid-dettall f’Anness ta’ din is-sezzjoni. L-approprjazzjonijiet għall-Kumitat ta’ Sorveljanza u s-segretarjat tiegħu għandhom jiddaħħlu fis-sezzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea relatata mal-Kummissjoni.

Il-pjan ta’ stabbiliment tal-Uffiċċju għandu jkun anness mal-pjan ta’ stabbiliment tal-Kummissjoni. Il-pjan ta’ stabbiliment tal-Kummissjoni għandu jinkludi s-segretarjat tal-Kumitat ta’ Sorveljanza.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ [fl-ewwel jum tax-xahar wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2017.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1) ĠU L 136, 31.5.1999, p. 1.
(2) Ir-Regolament (UE, EURATOM) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p.1)
(3) http://ec.europa.eu/anti_fraud/documents/reports-sup_comm/2013/scar_2013_supcom_en.pdf ; http://ec.europa.eu/anti_fraud/documents/reports-sup_comm/2015/scar_2014_supcom_en.pdf.
(4) Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' April 2015 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013, Taqsima III – Il-Kummissjoni u Aġenziji Eżekuttivi 2014/2075(DEC)), http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?type=TA&language=EN&reference=P8-TA-2015-0118.
(5) Riżoluzzjoni tal-10 ta’ Ġunju 2015 dwar ir-rapport annwali tal-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-OLAF tal-2014, http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?pubRef=-//EP//TEXT+TA+P8-TA-2015-0226+0+DOC+XML+V0//EN.
(6) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015)2418 li temenda d-Deċiżjoni 1999/352/KE, KEFA, Euratom li tistabbilixxi l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF), ĠU L333/148 tad-19 ta’ Diċembru 2015, p 148).
Top