Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016PC0022

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-UE fil-Kunsill Ġenerali tad-WTO dwar it-talba tal-Ġordan għal eżenzjoni tad-WTO marbuta mal-perjodu tranżitorju għall-eliminazzjoni tal-programm ta’ sussidju tal-esportazzjoni tiegħu

COM/2016/022 final - 2016/015 (NLE)

Brussell, 26.1.2016

COM(2016) 22 final

2016/0015(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-UE fil-Kunsill Ġenerali tad-WTO dwar it-talba tal-Ġordan għal eżenzjoni tad-WTO marbuta mal-perjodu tranżitorju għall-eliminazzjoni tal-programm ta’ sussidju tal-esportazzjoni tiegħu


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

L-objettiv ta’ din il-proposta huwa li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) dwar it-talba tal-Ġordan għal eżenzjoni tad-WTO biex jiġi estiż sal-31 ta’ Diċembru 2018 il-perjodu tranżitorju skont l-Artikolu 27.2 (b) tal-Ftehim dwar is-Sussidji u l-Miżuri Kumpensatorji (il-Ftehim SCM) għall-eliminazzjoni tal-Programm ta’ Sussidju tal-Esportazzjoni tal-Ġordan. F’Lulju 2007 il-Kunsill Ġenerali diġà estenda l-perjodu ta’ eliminazzjoni gradwali għal din il-miżura sal-31 ta’ Diċembru 2015. Il-Ġordan introduċa t-talba tiegħu għal eżenzjoni abbażi tal-Artikolu IX. 3 tal-Ftehim tad-WTO. 

It-talba għal eżenzjoni tkun it-tielet estensjoni tal-perjodu tranżitorju sabiex titneħħa gradwalment l-iskema ta’ sussidju. L-ewwel estensjoni ingħatat fl-2001 li estendiet il-perjodu ta' eliminazzjoni tranżizzjonali sa tmiem l-2007. Din ġiet estiża għat-tieni darba f’Lulju 2007 meta l-Ġordan, fost l-oħrajn ngħata estensjoni oħra għall-eliminazzjoni ta’ skemi ta’ sussidji tal-esportazzjoni sal-31 ta’ Diċembru 2015. Filwaqt li din id-deċiżjoni qalet li l-ebda talba għal estensjonijiet ulterjuri ma setgħet issir, f’dak iż-żmien ma setgħux jiġu previsti ċ-ċirkostanzi preżenti fir-reġjun.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni (TFUE) jistipula li meta jkun meħtieġ li tittieħed deċiżjoni li jkollha effett legali f’korp stabbilit bi ftehim internazzjonali, il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni jew mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, għandu jadotta deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni. L-għoti ta’ eżenzjoni li tippermetti lill-Ġordan biex jestendi l-perjodu tranżitorju għall-eliminazzjoni tal-Programm ta’ Sussidju tal-Esportazzjoni sal-31 ta' Diċembru 2008 taqa’ taħt din id-dispożizzjoni billi d-deċiżjoni hija meħuda f’korp imwaqqaf minn ftehim internazzjonali (il-Kunsill Ġenerali jew Konferenza Ministerjali tad-WTO ) li jaffettwa d-drittijiet u l-obbligi tal-Unjoni Ewropea.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Mhux applikabbli

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Mhux applikabbli

5.ELEMENTI OĦRA

Il-Kummissjoni se tkun awtorizzata biex tieħu pożizzjoni f’isem l-UE biex tappoġġja t-talba tal-Ġordan għal eżenzjoni tad-WTO biex jiġi estiż il-perjodu tranżitorju għall-eliminazzjoni tal-Programm ta’ Sussidju tal-Esportazzjoni tal-Ġordan sal-31 ta’ Diċembru 2018, sa fejn meħtieġ biex jippermetti lill-Ġordan biex jipprovdi eżenzjoni parzjali jew totali mit-taxxa fuq l-introjtu ta’ profitti ġġenerati minn ċerti esportazzjonijiet mill-1 ta’ Jannar 2016 sal-31 ta’ Diċembru 2018. Din l-estensjoni se tagħti biżżejjed ħin lill-Ġordan sabiex ifassal u jimplimenta programm ta' sussidji kompletament ġdid, konsistenti mad-WTO favur l-impriżi żgħar u ta’ daqs medju.

Sal-31 ta’ Diċembru 2018, il-Ġordan se jkompli jipprovdi benefiċċji skont il-programm għall-benefiċjarji tal-SMEs eżistenti filwaqt li jkun qed jipprova jindirizza d-diffikultajiet ekonomiċi, finanzjarji u politiċi u l-isfidi li jinħolqu mill-volatilità reġjonali li għaddejja, l-influss ta’ refuġjati, l-impatt li għadu għaddej tal-kriżi finanzjarja globali kif ukoll il-kriżi fiż-Żona tal-Euro. Il-Ġordan huwa tal-fehma wkoll li estensjoni tappoġġja l-industrija tiegħu fid-dawl ta’ instabilità sinifikanti fir-reġjun li affettwat b’mod negattiv l-aċċess tiegħu għas-swieq tradizzjonali fil-pajjiżi ġirien kif ukoll ir-rotot ta’ tranżitu għas-swieq internazzjonali. Il-Ġordan, fit-talba tiegħu, jinnota wkoll li l-miżuri ta’ riforma meħudin mill-Gvern u l-proġetti ta’ infrastruttura, inkluż l-iżvilupp ta’ provvisti tal-gass alternattivi huma biss mistennija li jibdew jipproduċu effetti pożittivi fuq is-sitwazzjoni kompetittiva tal-Ġordan fis-settur privat, l-aktar kmieni possibbli, mill-2018 ’il quddiem.

Skont il-Ġordan, l-estensjoni tal-perjodu tranżitorju għall-eliminazzjoni gradwali tal-iskema ta’ sussidju sal-31 ta’ Diċembru 2018 ma għandhiex tkun ta’ preġudizzju għall-interessi ta’ Membri oħra li ma jibbenefikawx minn dan it-trattament. Il-Ġordan indika wkoll li ma jipprevedi ebda talba għal estensjonijiet lil hinn minn dik id-data.

L-UE tirrikonoxxi l-isfidi ekonomiċi kkawżati mill-ambjent politiku reġjonali unika u straordinarju li l-Ġordan qed ikompli jiffaċċja, bħal pereżempju l-influss sinifikanti ta’ refuġjati minn pajjiżi ġirien u l-piżijiet finanzjarji assoċjati, l-interruzzjoni tal-kummerċ ma’ sħab reġjonali bħalma huma l-Iraq u s-Sirja u l-ispejjeż addizzjonali li jirriżultaw mill-interruzzjoni tal-provvista tal-enerġija tradizzjonali mill-Eġittu u ta' rotot ta’ tranżitu fuq it-toroq mis-Sirja lejn it-Turkija.

Għall-UE, il-kontinwazzjoni tal-programm ta’ sussidju tal-esportazzjoni x’aktarx li ma jkollha l-ebda impatt ekonomiku sinifikanti. Is-sehem mill-kummerċ dinji tal-Ġordan huwa żgħir ħafna (0.04 % fl-2013). Il-bilanċ tal-kummerċ bilaterali bejn l-UE u l-Ġordan huwa l-aktar favur l-UE bl-esportazzjonijiet ta’ oġġetti mill-UE lejn il-Ġordan jammontaw għal 92 % tat-total tal-kummerċ bilaterali ta' EUR 4.0 biljun f’merkanzija fl-2014. Fl-istess ħin il-prodotti tal-Ġordan mhumiex f’kompetizzjoni sinifikanti mal-esportazzjonijiet tal-UE fis-swieq ta’ pajjiżi terzi.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-UE tista' tissieħeb mal-kunsens li qed jinħoloq favur it-talba għal eżenzjoni fil-Kunsill Ġenerali tad-WTO.

2016/0015 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-UE fil-Kunsill Ġenerali tad-WTO dwar it-talba tal-Ġordan għal eżenzjoni tad-WTO marbuta mal-perjodu tranżitorju għall-eliminazzjoni tal-programm ta’ sussidju tal-esportazzjoni tiegħu

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4) flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea, 

Billi:

(1)Il-paragrafi 3 u 4 tal-Artikolu IX tal-Ftehim ta' Marrakesh li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ ("il-Ftehim tad-WTO") jistabbilixxu l-proċeduri għall-għoti ta' eżenzjonijiet rigward il-Ftehimiet Multilaterali dwar il-Kummerċ fl-Anness 1A jew 1B jew 1C tal-Ftehim WTO u l-annessi tagħhom.

(2)Fis-27 ta’ Lulju 2007 il-Ġordan ingħata estensjoni, li tkompliet sal-31 ta’ Diċembru 2013 b’perjodu ta’ eliminazzjoni gradwali li jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2015, skont il-proċeduri għall-kontinwazzjoni ta’ estensjonijiet skont l-Artikolu 27.4 tal-Ftehim dwar is-SCM, tal-perjodu tranżitorju skont l-Artikolu 27.2(b) tal-Ftehim dwar is-SCM għal ċerti pajjiżi li qed jiżviluppaw, għall-eliminazzjoni ta’ programm ta’ sussidju tal-esportazzjoni tiegħu li jieħu l-forma ta’ eżenzjoni parzjali jew totali mit-taxxa tal-introjtu ta’ profitti ġġenerati minn ċerti esportazzjonijiet.

(3)Skont il-paragrafu 3 tal-Artikolu IX tal-Ftehim tad-WTO, il-Ġordan ressaq talba għal eżenzjoni mill-obbligu tiegħu ta’ eliminazzjoni gradwali stabbilit fl-Artikolu 27.4 tal-Ftehim dwar is-SCM sal-31 ta’ Diċembru 2018.

(4)L-għoti ta’ din l-eżenzjoni ma taffettwax b'mod negattiv l-ekonomija jew l-interessi tal-kummerċ tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li tappoġġja lill-Ġordan fl-isforzi tiegħu biex jiġu indirizzati l-isfidi ekonomiċi li qed jiffaċċja minħabba s-sitwazzjoni politika diffiċli u instabbli fir-reġjun tiegħu.

(5)Għaldaqstant, huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni fil-Kunsill Ġenerali tad-WTO biex tkun appoġġjata t-talba għal eżenzjoni mill-Ġordan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ għandha tkun li tappoġġja t-talba għal eżenzjoni tal-Ġordan dwar l-estensjoni tal-perjodu tranżitorju għall-eliminazzjoni tal-programm ta’ sussidju tal-esportazzjoni tiegħu sal-31 ta’ Diċembru 2018 skont it-termini tat-talba għal eżenzjoni.

Din il-pożizzjoni tiġi espressa mill-Kummissjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha. 

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

Top