Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016JC0054

Proposta Konġunta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta' Sħubija dwar ir-Relazzjonijiet u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u New Zealand, min-naħa l-oħra

JOIN/2016/054 final - 2016/0366 (NLE)

Brussell, 28.11.2016

JOIN(2016) 54 final

2016/0366(NLE)

Proposta Konġunta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta' Sħubija dwar ir-Relazzjonijiet u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u New Zealand, min-naħa l-oħra


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.    KUNTEST TAL-PROPOSTA

Din il-proposta konġunta tikkonċerna il-konklużjoni tal-Ftehim ta' Sħubija dwar ir-Relazzjonijiet u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa u New Zealand, min-naħa l-oħra ("il-Ftehim").

Fil-25 ta' Ġunju 2012, il-Kunsill adotta deċiżjoni 1 li tawtorizza lill-Kummissjoni Ewropea u lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà biex jinnegozjaw Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u New Zealand, min-naħa l-oħra. In-negozjati bdew f’Lulju 2012 u ġew konklużi b’suċċess fit-30 ta’ Lulju 2014. Il-Ftehim ġie iffirmat fil-5 ta' Ottubru 2016. Sakemm jidħol fis-seħħ, ċerti partijiet mill-Ftehim, kif deċiżi reċiprokament mill-UE u New Zealand, qed jiġu applikati b'mod proviżorju b'konformità mal-Artikolu 58 tal-Ftehim.

Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u s-servizzi tal-Kummissjoni kienu involuti fil-proċess ta’ negozjati. L-Istati Membri ġew ikkonsultati matul il-proċess ta’ negozjati f’laqgħat tal-Gruppi ta’ Ħidma rilevanti tal-Kunsill. Il-Parlament Ewropew inżamm infurmat regolarment matul in-negozjati.

Ir-Rappreżentant l-Għoli u l-Kummissjoni jqisu li l-għanijiet stipulati mill-Kunsill fid-direttivi tiegħu dwar in-negozjati tal-Ftehim intlaħqu, u li l-abbozz tal-Ftehim jista' jitressaq għall-iffirmar u għall-konklużjoni. Din il-proposta konġunta tikkonċerna l-istrument legali li jikkonkludi l-Ftehim f’isem l-UE.

Il-Ftehim se jikkontribwixxi b'mod sinifikanti għat-titjib tas-sħubija bejn l-UE u New Zealand, sħubija li hija bbażata fuq valuri u prinċipji kondiviżi, inklużi r-rispett għall-prinċipji demokratiċi, id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-bniedem, l-istat tad-dritt, u l-paċi u s-sigurtà internazzjonali. Il-Ftehim huwa msejjes fuq ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji demokratiċi, u għad-dritt internazzjonali u l-prinċipji stabbiliti fil-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, li huma l-bażi għall-kooperazzjoni bejn il-Partijiet.

2.BAŻI ĠURIDIKA u aspetti ġuridiċi oħra

2.1    L-għan u l-kontenut tal-ftehim

L-għan ta’ dan il-Ftehim huwa "li jistabbilixxi sħubija msaħħa bejn il-Partijiet u li japprofondixxi u jsaħħaħ il-kooperazzjoni fir-rigward ta' kwistjonijiet ta' interess reċiproku, li jirrefletti valuri kondiviżi u prinċipji komuni, inkluż permezz tal-intensifikazzjoni tad-djalogu f'livell għoli." (Artikolu 1 tal-Ftehim).

Il-kontenut tal-Ftehim ikopri tliet pilastri:

   il-kooperazzjoni politika dwar kwistjonijiet ta' politika barranija u sigurtà ta' interess komuni, inklużi l-armi ta' qerda massiva (AQM), armi ħfief u ta' kalibru żgħir (SALW), il-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-promozzjoni tal-paċi u s-sigurtà internazzjonali u l-kooperazzjoni f'fora internazzjonali. Il-Ftehim jinkludi klawsoli politiċi vinkolanti bbażati fuq il-valuri kondiviżi. Dawn il-klawsoli huma konformi mal-klawsoli standard li jinsabu fi ftehimiet simili ffirmati mill-UE.

   il-kooperazzjoni fuq kwistjonijiet ekonomiċi u kummerċjali, inkluża l-faċilitazzjoni tal-kummerċ u l-flussi ta' investiment, u kwistjonijiet ekonomiċi u kummerċjali settorjali, bħall-kwistjonijiet agrikoli, sanitarji u fitosanitarji, l-ostakli tekniċi għall-kummerċ, l-akkwist pubbliku mill-gvern u l-proprjetà intellettwali;

   il-kooperazzjoni settorjali, inkluż fl-oqsma tar-riċerka u l-innovazzjoni, l-edukazzjoni u l-kultura, il-migrazzjoni, il-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u ċ-ċiberkriminalità u l-kooperazzjoni ġudizzjarja.

2.2    Il-bażi ġuridika għad-deċiżjoni proposta

L-għażla tal-bażi ġuridika għall-konklużjoni ta' ftehim trid tkun imsejsa fuq fatturi oġġettivi li jistgħu jkunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju, li jinkludu l-għan u l-kontenut tal-miżura.

Rigward miżura li fl-istess ħin issegwi għadd ta' għanijiet, jew li għandha bosta taqsimiet, li huma marbuta b'mod inseparabbli mingħajr ma' waħda tkun inċidentali għall-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fejn bosta dispożizzjonijiet tat-Trattat huma għalhekk applikabbli, tali miżura għandha tiġi bbażata, b'mod eċċezzjonali, fuq id-diversi bażijiet ġuridiċi korrispondenti, sakemm il-proċeduri stabbiliti għal kull bażi legali ma jkunux kompatibbli ma' xulxin 2 .

Il-Ftehim isegwi l-għanijiet u għandu komponenti fl-oqsma tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni, il-Politika Kummerċjali Komuni u l-kooperazzjoni tal-iżvilupp. Dawn l-aspetti tal-Ftehim huma marbuta b'mod inseparabbli mingħajr ma' wieħed ikun inċidentali għall-ieħor.

L-Artikolu 218(6)(a)(iii) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi li, meta ftehim li jistabbilixxi qafas istituzzjonali speċifiku permezz tal-organizzazzjoni ta’ proċeduri ta’ kooperazzjoni, il-Kunsill irid jadotta deċiżjoni li tikkonkludi l-ftehim wara li jkun kiseb il-kunsens tal-Parlament Ewropew. Barra minn hekk, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(8) tat-TFUE jipprevedi li l-Kunsill irid jaġixxi b'mod unanimu meta l-ftehim ikopri qasam li għalih hija meħtieġa l-unanimità għall-adozzjoni ta' att tal-Unjoni.

Il-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni hija qasam li għalih hija meħtieġa l-unanimità għall-adozzjoni tal-att tal-Unjoni. Bl-istess mod, il-Ftehim jistabbilixxi qafas istituzzjonali billi jorganizza proċeduri ta’ kooperazzjoni bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u New Zealand, min-naħa l-oħra.

Fid-dawl t'hawn fuq, jenħtieġ li għalhekk, il-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta tkun l-Artikolu 37 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), l-Artikolu 207 tat-TFUE u l-Artikolu 212(1) tat-TFUE moqrija flimkien mal-Artikolu 218(6)(a) tat-TFUE u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(8) tat-TFUE. Ma huma meħtieġa l-ebda dispożizzjonijiet addizzjonali bħala bażi ġuridika 3 .

2.3. Il-ħtieġa tad-deċiżjoni proposta

L-Artikolu 216 tat-TFUE jipprevedi li l-Unjoni tista' tikkonkludi ftehim ma' pajjiż terz wieħed jew aktar meta t-Trattati jipprevedu dan jew meta l-konklużjoni ta' ftehim tkun meħtieġa sabiex jinkiseb, fil-qafas tal-politiki tal-Unjoni, wieħed mill-għanijiet stabbiliti mit-Trattati, jew tkun prevista f'att tal-Unjoni legalment vinkolanti jew x'aktarx tolqot regoli komuni jew li tbiddel il-kamp tal-applikazzjoni tagħhom.

It-Trattati jipprevedu għall-konklużjoni ta' ftehimiet bħall-Ftehim, jiġifieri fl-Artikoli 37 tat-TUE, 207 tat-TFUE u 212(1) tat-TFUE.

2.4.    Aspetti ġuridiċi oħra

Il-Ftehim jistabbilixxi Kumitat Konġunt, li l-objettiv tiegħu huwa li jimmonitorja l-iżvilupp tar-relazzjoni bilaterali bejn il-Partijiet.

Il-Ftehim jinkludi wkoll mekkaniżmu ta’ sospensjoni. F’każijiet ta’ ksur partikolarment serju u sostanzjali tal-elementi essenzjali tal-Ftehim, il-Ftehim jista’ jiġi sospiż jew mitmum, u miżuri xierqa oħra li jaffettwaw ftehimiet oħrajn jistgħu jittieħdu skont id-drittijiet u l-obbligi tal-Partijiet taħt ftehimiet bħal dawn.

Ladarba jidħol fis-seħħ, il-Ftehim se joħloq qafas ġenerali koerenti u legalment vinkolanti għar-relazzjonijet tal-UE ma' New Zealand.

2016/0366 (NLE)

Proposta Konġunta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta' Sħubija dwar ir-Relazzjonijiet u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u New Zealand, min-naħa l-oħra

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Artikolu 207 u l-Artikolu 212(1) flimkien mal-Artikolu 218(6)(a) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(8) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta konġunta tal-Kummissjoni Ewropea u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)F’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2016/1970/UE, il-Ftehim ta' Sħubija dwar ir-Relazzjonijiet u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u New Zealand, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”), ġie ffirmat fil-5 ta' Ottubru 2016, u applikat fuq bażi provviżorja skont l-Artikolu 58 tal-Ftehim, sakemm jiġi konkluż f’data aktar tard.

(2)L-għan ta’ dan il-Ftehim huwa li jsaħħaħ il-kooperazzjoni f’firxa wiesgħa ta’ oqsma ta’ politika li jinkludu d-drittijiet tal-bniedem, in-nonproliferazzjoni tal-armi tal-qerda tal-massa u l-ġlieda kontra t-terroriżmu; il-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet ekonomiċi u kummerċjali, is-saħħa, l-ambjent, it-tibdil fil-klima, l-enerġija, l-edukazzjoni, il-kultura, ix-xogħol, il-ġestjoni tad-diżastri, is-sajd u l-affarijiet marittimi, it-trasport, il-kooperazzjoni legali, il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar tat-terroriżmu, il-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni.

(3)Jenħtieġ li l-Ftehim jiġi approvat f'isem l-Unjoni.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ftehim ta' Sħubija dwar ir-Relazzjonijiet u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u New Zealand, min-naħa l-oħra, huwa b'dan approvat f'isem l-Unjoni.

It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà għandu jippresjedi l-Kumitat Konġunt previst fl-Artikolu 53 tal-Ftehim.

L-Unjoni jew, skont kif ikun il-każ, l-Unjoni u l-Istati Membri, għandhom ikunu rrappreżentati fil-Kumitat Konġunt skont is-suġġett.

Artikolu 3

Il-President tal-Kunsill għandu jaħtar il-persuna/i li jkollha s-setgħa, li tipproċedi, f'isem l-Unjoni, għan-notifika prevista fl-Artikolu 58(1) tal-Ftehim, sabiex tesprimi l-kunsens tal-Unjoni li tkun marbuta bil-Ftehim.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 10812/12 u d-Deċiżjoni tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, li ltaqgħu mal-Kunsill 10814/12
(2) (Kawża C-490/10 il-Parlament v il-Kunsill, ECLI: UE:C:2012:525, paragrafu 46)
(3) (il-Kawża C-377/12, Il-Kummissjoni v Il-Kunsill ECLI:EU:C:2014:1903)
Top

Brussell, 28.11.2016

JOIN(2016) 54 final

ANNESS

għal

Proposta Konġunta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta' Sħubija dwar ir-Relazzjonijiet u l-Kooperazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u n-New Zeland, min-naħa l-oħra


Ftehim ta' sħubija

dwar ir-Relazzjonijiet u l-Kooperazzjoni

bejn l-Unjoni Ewropea

U L-ISTATI MEMBRI TAGĦHA, MINN NAĦA WAĦDA,

U New Zealand, MIN-NAĦA L-OĦRA

L-Unjoni Ewropea, minn hawn 'il quddiem imsejħa "l-Unjoni",

u

IR-RENJU TAL-BELĠJU,

IR-REPUBBLIKA TAL-BULGARIJA,

IR-REPUBBLIKA ĊEKA,

IR-RENJU TAD-DANIMARKA,

IR-REPUBBLIKA FEDERALI TAL-ĠERMANJA,

IR-REPUBBLIKA TAL-ESTONJA,

L-IRLANDA,

IR-REPUBBLIKA ELLENIKA,

IR-RENJU TA' SPANJA,

IR-REPUBBLIKA FRANĊIŻA,

IR-REPUBBLIKA TAL-KROAZJA,

IR-REPUBBLIKA TALJANA,


IR-REPUBBLIKA TA' ĊIPRU,

IR-REPUBBLIKA TAL-LATVJA,

IR-REPUBBLIKA TAL-LITWANJA,

IL-GRAN DUKAT TAL-LUSSEMBURGU,

L-UNGERIJA,

IR-REPUBBLIKA TA' MALTA,

IR-RENJU TAN-NETHERLANDS,

IR-REPUBBLIKA TAL-AWSTRIJA,

IR-REPUBBLIKA TAL-POLONJA,

IR-REPUBBLIKA PORTUGIŻA,

IR-RUMANIJA,

IR-REPUBBLIKA TAS-SLOVENJA,

IR-REPUBBLIKA SLOVAKKA,


IR-REPUBBLIKA TAL-FINLANDJA,

IR-RENJU TAL-IŻVEZJA,

IR-RENJU UNIT TAL-GRAN BRITTANJA U L-IRLANDA TA' FUQ,

l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, minn hawn 'il quddiem imsejħa "l-Istati Membri",

   minn naħa waħda, u

NEW ZEALAND,

   min-naħa l-oħra,

minn hawn 'il quddiem imsejħa "il-Partijiet",


FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW il-valuri komuni tagħhom u r-rabtiet stretti storiċi, politiċi, ekonomiċi u kulturali tagħhom,

FILWAQT LI JILQGĦU l-progress li sar fl-iżvilupp tar-relazzjoni reċiprokament benefika tagħhom sa mill-adozzjoni tad-Dikjarazzjoni Konġunta dwar ir-Relazzjonijiet u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u New Zealand fil-21 ta' Settembru 2007,

FILWAQT LI JAFFERMAW MILL-ĠDID l-impenn tagħhom lejn l-għanijiet u l-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti ("il-Karta tan-NU") u għat-tisħiħ tar-rwol tan-Nazzjonijiet Uniti ("NU"),

FILWAQT LI JAFFERMAW MILL-ĠDID l-impenn tagħhom lejn il-prinċipji demokratiċi u d-drittijiet tal-bniedem, kif stipulati fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u strumenti internazzjonali rilevanti oħrajn dwar id-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll mal-prinċipji tal-istat tad-dritt u l-governanza tajba,

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU l-impenn partikolari tal-Gvern ta' New Zealand lejn il-prinċipji tat-Trattat ta' Waitangi,

FILWAQT LI JENFASIZZAW in-natura komprensiva tar-relazzjoni tagħhom u l-importanza li jingħata qafas koerenti biex jiġi promoss l-iżvilupp ta' din ir-relazzjoni,

FILWAQT LI JESPRIMU r-rieda komuni tagħhom biex jelevaw ir-relazzjonijiet tagħhom lejn sħubija msaħħa,

FILWAQT LI JIKKONFERMAW ix-xewqa tagħhom li jintensifikaw u jiżviluppaw id-djalogu politiku u l-kooperazzjoni tagħhom,

DETERMINATI li jikkonsolidaw, japprofondixxu u jiddiversifikaw il-kooperazzjoni f'oqsma ta' interess reċiproku, fil-livelli bilaterali, reġjonali u globali u għall-benefiċċju reċiproku tagħhom,



FILWAQT LI JIRRIKONOXXU l-ħtieġa għal kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà,

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU x-xewqa tagħhom li jippromwovu l-iżvilupp sostenibbli fid-dimensjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali tiegħu;

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU WKOLL l-interess komuni tagħhom fil-promozzjoni ta' fehim reċiproku u rabtiet b'saħħithom bejn in-nies, inkluż permezz tat-turiżmu, arranġamenti reċiproċi li jippermettu liż-żgħażagħ iżuru pajjiżi oħra u jaħdmu jew jistudjaw, u żjarat qosra oħra,

FILWAQT LI JAFFERMAW MILL-ĠDID l-impenn qawwi tagħhom biex jippromwovu t-tkabbir ekonomiku, il-governanza ekonomika globali, l-istabbiltà finanzjarja u multilateraliżmu effettiv,

FILWAQT LI JAFFERMAW MILL-ĠDID l-impenn tagħhom li jikkooperaw fil-promozzjoni tal-paċi u s-sigurtà internazzjonali,

FILWAQT LI JIBNU fuq il-ftehimiet konklużi bejn l-Unjoni u New Zealand, b'mod partikolari b'rabta mal-ġestjoni tal-kriżijiet, ix-xjenza u t-teknoloġija, is-servizzi tal-ajru, il-proċeduri ta' valutazzjoni tal-konformità u l-miżuri sanitarji,


FILWAQT LI JINNUTAW li fil-każ li l-Partijiet jiddeċiedu, fil-qafas ta' dan il-Ftehim, li jidħlu fi ftehimiet speċifiċi fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja li kellhom jiġu konklużi mill-Unjoni skont Titolu V tal-Parti Tlieta tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-dispożizzjonijiet ta' tali ftehimiet futuri ma jorbtux lir-Renju Unit u/jew l-Irlanda sakemm l-Unjoni, fl-istess ħin mar-Renju Unit u/jew l-Irlanda fir-rigward tar-relazzjonijiet bilaterali preċedenti tagħhom, ma tinnotifikax lil New Zealand li r-Renju Unit u/jew l-Irlanda intrabat/intrabtu minn tali ftehimiet bħala parti mill-Unjoni b'konformità mal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. B'mod simili, kull miżura sussegwenti interna tal-Unjoni li jkollha tiġi adottata skont l-imsemmi Titolu V biex jiġi implimentat dan il-Ftehim, ma torbotx lir-Renju Unit u/jew lill-Irlanda sakemm dawn ma jkunux innotifikaw ix-xewqa tagħhom li jieħdu sehem jew li jaċċettaw tali miżuri b'konformità mal-Protokoll Nru 21. Filwaqt li jinnutaw ukoll li tali ftehimiet futuri jew tali miżuri interni sussegwenti tal-UE jkunu jaqgħu taħt il-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka annessa ma' dawk it-Trattati,

FTIEHMU KIF ĠEJ:


TITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

ARTIKOLU 1

Għan tal-Ftehim

L-għan ta' dan il-Ftehim huwa li tiġi stabbilita sħubija msaħħa bejn il-Partijiet u li tiġi approfondita u msaħħa l-kooperazzjoni fir-rigward ta' kwistjonijiet ta' interess reċiproku, li jirrefletti valuri kondiviżi u prinċipji komuni, inkluż permezz tal-intensifikazzjoni ta' djalogu f'livell għoli.

ARTIKOLU 2

Bażi għall-kooperazzjoni

1.    Il-Partijiet jaffirmaw mill-ġdid l-impenn tagħhom lejn il-prinċipji demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, u l-istat tad-dritt u l-governanza tajba.

Ir-rispett għall-prinċipji demokratiċi u d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali kif stipulat fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u strumenti internazzjonali rilevanti oħrajn dwar id-drittijiet tal-bniedem, u għall-prinċipju tal-istat tad-dritt, jirfed il-politiki domestiċi u internazzjonali tal-Partijiet u jikkostitwixxi element essenzjali ta' dan il-Ftehim.


2.    Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom lejn il-Karta tan-NU u lejn il-valuri kondiviżi espressi fiha.

3.    Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom favur il-promozzjoni tal-iżvilupp u t-tkabbir sostenibbli fid-dimensjonijiet kollha tagħhom, li jikkontribwixxu għall-kisba ta' għanijiet ta' żvilupp maqbula internazzjonalment u li jikkooperaw biex jindirizzaw sfidi ambjentali globali, inkluż it-tibdil fil-klima.

4.    Il-Partijiet jenfasizzaw l-impenn komuni tagħhom favur in-natura komprensiva tar-relazzjoni bilaterali tagħhom u li jwessgħu u japprofondixxu din ir-relazzjoni inkluż permezz tal-konklużjoni ta' ftehimiet jew arranġamenti speċifiċi.

5.    L-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipji tad-djalogu, ir-rispett reċiproku, is-sħubija ugwali, il-kunsens u r-rispett għad-dritt internazzjonali.

ARTIKOLU 3

Djalogu

1.    Il-Partijiet jaqblu li jsaħħu d-djalogu regolari tagħhom fl-oqsma kollha koperti b'dan il-Ftehim bil-ħsieb li jilħqu l-għan tiegħu.

2.    Id-djalogu bejn il-Partijiet għandu jseħħ permezz ta' kuntatti, skambji u konsultazzjonijiet fi kwalunkwe livell, b'mod partikolari fil-forom li ġejjin:

(a)    laqgħat fil-livell tal-mexxejja, li għandhom isiru regolarment, kull meta l-Partijiet iqisuh neċessarju;


(b)    konsultazzjonijiet u żjarat f'livell ministerjali, li għandhom isiru f'tali okkażjonijiet u postijiet kif determinat mill-Partijiet;

(c)    konsultazzjonijiet fil-livell ta' ministri tal-affarijiet barranin, li għandhom isiru regolarment, meta possibli kull sena;

(d)    laqgħat fil-livell ta' uffiċjali għolja għall-konsultazzjonijiet rigward kwistjonijiet ta' interess reċiproku jew ta' laqgħat ta' informazzjoni u kooperazzjoni dwar żviluppi domestiċi jew internazzjonali maġġuri;

(e)    djalogi settorjali dwar kwistjonijiet ta' interess komuni; u

(f)    skambji ta' delegazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Parlament ta' New Zealand.

ARTIKOLU 4

Kooperazzjoni f'organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali

Il-Partijiet jimpenjaw ruħhom li jikkooperaw billi jiskambjaw fehmiet dwar kwistjonijiet ta' politika li huma ta' interess reċiproku, u, fejn xieraq, li jiskambjaw informazzjoni dwar il-pożizzjonijiet f'fora u f'organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali.


TITOLU II

DJALOGU POLITIKU U KOOPERAZZJONI
DWAR POLITIKA ESTERA U KWISTJONIJIET TA' SIGURTÀ

ARTIKOLU 5

Djalogu politiku

Il-Partijiet jaqblu li jsaħħu d-djalogu politiku regolari tagħhom fil-livelli kollha, speċjalment bil-għan li jiddiskutu kwistjonijiet ta' interess komuni koperti b'dan it-Titolu u li jsaħħu l-approċċ komuni tagħhom għal kwistjonijiet internazzjonali. Il-Partijiet jaqblu li għall-finijiet ta' dan it-Titolu t-terminu "djalogu politiku" għandu jfisser skambji u konsultazzjonijiet, kemm formali jew informali, fi kwalunkwe livell tal-gvern.

ARTIKOLU 6

Impenn favur il-prinċipji demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt

Fl-interess tal-avvanz tal-impenn komuni tal-Partijiet favur il-prinċipji demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, il-Partijiet jaqblu li:

(a)    jippromwovu l-prinċipji fundamentali rigward il-valuri demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, inkluż f'fora multilaterali; u


(b)    fejn xieraq, jikkollaboraw u jikkoordinaw fir-rigward tal-avvanz prattiku tal-prinċipji demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, inkluż f'pajjiżi terzi.

ARTIKOLU 7

Ġestjoni tal-kriżijiet

Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom li jippromwovu l-paċi u s-sigurtà internazzjonali inkluż, fost l-oħrajn, permezz tal-Ftehim bejn New Zealand u l-Unjoni Ewropea li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni ta' New Zealand f'operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea għall-ġestjoni tal-kriżijiet, iffirmat fi Brussell fit-18 ta' April 2012.

ARTIKOLU 8

Ġlieda kontra l-proliferazzjoni tal-armi ta' qerda massiva

1.    Il-Partijiet jikkunsidraw li l-proliferazzjoni tal-armi ta' qerda massiva ("AQM") u s-sistemi ta' kunsinna tagħhom, kemm għand atturi statali kif ukoll mhux statali, tirrappreżenta waħda mill-akbar theddidiet serji għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali. Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom biex fuq livell nazzjonali jikkonformaw mal-obbligi eżistenti tagħhom taħt trattati u ftehimiet internazzjonali ta' diżarmament u ta' nonproliferazzjoni u ma' obbligi internazzjonali oħrajn rilevanti, u jimplimentawhom kompletament. Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw u jikkontribwixxu fil-ġlieda kontra l-proliferazzjoni tal-AQM u s-sistemi ta' kunsinna tagħhom. Il-Partijiet jaqblu li din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi element essenzjali ta' dan il-Ftehim.


2.    Barra minn hekk, il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw u jikkontribwixxu fil-prevenzjoni tal-proliferazzjoni tal-AQM u s-sistemi ta' kunsinna tagħhom billi:

(a)    jieħdu passi, kif opportun, biex jiffirmaw, jirratifikaw, jew jaderixxu għal, u jimplimentaw kompletament kull strument internazzjonali rilevanti ieħor;

(b)    iżommu sistema effettiva ta' kontrolli fuq l-esportazzjonijiet nazzjonali, li tikkontrolla l-esportazzjoni kif ukoll it-tranżitu tal-prodotti relatati mal-AQM, inkluż il-kontroll tal-użu aħħari tal-AQM fuq it-teknoloġiji b'użu doppju, u li tinkludi sanzjonijiet effettivi għall-ksur tal-kontrolli fuq l-esportazzjoni.

3.    Il-Partijiet jaqblu li jistabbilixxu djalogu politiku regolari fuq dawn il-kwistjonijiet.

ARTIKOLU 9

Armi ħfief u ta' kalibru żgħir

1.    Il-Partijiet jirrikonoxxu li l-manifattura, it-trasferiment u ċ-ċirkolazzjoni illegali ta' armi ħfief u ta' kalibru żgħir (SALW), inkluż il-munizzjon tagħhom, u l-akkumulazzjoni eċċessiva tagħhom, il-ġestjoni ħażina, il-ħażniet li mhumiex adegwatament siguri, u t-tixrid mhux ikkontrollat tagħhom, ikomplu joħolqu theddida serja għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali.


2.    Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom li josservaw u jimplimentaw kompletament l-obbligi rispettivi tagħhom sabiex jindirizzaw il-kummerċ illegali ta' SALW, inkluż il-munizzjon tagħhom, skont ftehimiet internazzjonali eżistenti u riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU ("KSNU"), kif ukoll l-impenji tagħhom fil-qafas ta' strumenti internazzjonali oħrajn applikabbli f'dan il-qasam, bħall-Programm ta' Azzjoni tan-NU għall-Prevenzjoni, il-Ġlieda u l-Qerda tal-Kummerċ Illegali ta' Armi Ħfief u ta' Kalibru Żgħir fl-Aspetti Kollha Tiegħu.

3.    Il-Partijiet jimpenjaw ruħhom li jikkooperaw u jiżguraw il-koordinazzjoni u l-komplementarjetà fl-isforzi tagħhom biex jindirizzaw il-kummerċ illegali ta' SALW, inkluż il-munizzjon tagħhom, fil-livelli globali, reġjonali, sottoreġjonali u nazzjonali u jaqblu li jistabbilixxu djalogu politiku regolari dwar dawn il-kwistjonijiet.

ARTIKOLU 10

Qorti Kriminali Internazzjonali

1.    Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid li l-aktar reati serji ta' tħassib għall-komunità internazzjonali b'mod ġenerali ma jistgħux ma jiġux puniti u li l-prosekuzzjoni tagħhom għandha tiġi żgurata permezz ta' miżuri fil-livell domestiku jew internazzjonali, inkluż permezz tal-Qorti Kriminali Internazzjonali.

2.    Bil-promozzjoni tat-tisħiħ tal-paċi u tal-ġustizzja internazzjonali, il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid id-determinazzjoni tagħhom biex:

(a)    jieħdu passi biex jimplimentaw l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali ("L-Istatut ta' Ruma) u, kif xieraq, l-istrumenti relatati;


(b)    jaqsmu l-esperjenza ma' sħab reġjonali dwar l-adozzjoni tal-aġġustamenti legali meħtieġa sabiex jippermettu r-ratifika u l-implimentazzjoni tal-Istatut ta' Ruma; u

(c)    jikkooperaw biex imexxu 'l quddiem l-għan tal-universalità u l-integrità tal-Istatut ta' Ruma.

ARTIKOLU 11

Kooperazzjoni fil-ġlieda kontra t-terroriżmu

1.    Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid l-importanza tal-ġlieda kontra t-terroriżmu b'rispett sħiħ lejn l-istat tad-dritt, id-dritt internazzjonali, b'mod partikolari l-Karta tan-NU u r-riżoluzzjonijiet tal-KSNU rilevanti, il-liġi dwar id-drittijiet tal-bniedem, il-liġi dwar ir-refuġjati u l-liġi umanitarja internazzjonali.

2.    F'dan il-qafas u, filwaqt li jittieħed kont tal-Istrateġija Globali tan-NU kontra t-Terroriżmu, li tinsab fir-Riżoluzzjoni 60/288 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tat-8 ta' Settembru 2006, il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw fil-prevenzjoni u t-trażżin tat-terroriżmu, b'mod partikolari, kif ġej:

(a)    fil-qafas tal-implimentazzjoni sħiħa tar-Riżoluzzjonijiet tal-KSNU 1267, 1373 u 1540 u ta' riżoluzzjonijiet tan-NU u ta' strumenti internazzjonali applikabbli oħra;

(b)    bl-iskambju ta' informazzjoni dwar gruppi terroristiċi u n-netwerks tagħhom li jappoġġawhom f'konformità mal-liġijiet internazzjonali u nazzjonali applikabbli;


(c)    bl-iskambju ta' fehmiet dwar:

(i)    mezzi u metodi użati sabiex jiġi miġġieled it-terroriżmu, inkluż f'oqsma tekniċi u taħriġ;

(ii)    il-prevenzjoni tat-terroriżmu; u

(iii)    l-aħjar prattika fir-rigward tal-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem fil-ġlieda kontra t-terroriżmu;

(d)    billi jikkooperaw sabiex japprofondixxu l-kunsens internazzjonali dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-qafas normattiv tiegħu u billi jaħdmu lejn ftehim dwar il-Konvenzjoni Komprensiva dwar it-Terroriżmu Internazzjonali mill-aktar fis possibbli sabiex jikkomplimenta l-istrumenti eżistenti tan-NU kontra t-terroriżmu; u

(e)    billi jippromwovu l-kooperazzjoni fost l-Istati Membri tan-NU biex jimplimentaw b'mod effettiv l-Istrateġija Globali Kontra t-Terroriżmu tan-NU bil-mezzi kollha xierqa.

3.    Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom favur l-istandards internazzjonali stabbiliti mit-Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja ('FATF') biex jiġi miġġieled il-finanzjament tat-terroriżmu.

4.    Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom li jaħdmu flimkien sabiex jipprovdu assistenza għall-bini ta' kapaċità kontra t-terroriżmu lil stati oħrajn li jeħtieġu riżorsi u għarfien espert biex jimpedixxu u jirrispondu għal attivitajiet terroristiċi, inkluż fil-kuntest tal-Forum Globali Kontra t-Terroriżmu (GCTF).


TITOLU III

KOOPERAZZJONI DWAR L-IŻVILUPP GLOBALI U L-GĦAJNUNA UMANITARJA

ARTIKOLU 12

Żvilupp

1.    Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom li jappoġġaw l-iżvilupp sostenibbli f'pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp sabiex inaqqsu l-faqar u jikkontribwixxu għal dinja iktar sigura, ekwa u għanja.

2.    Il-Partijiet jirrikonoxxu l-valur li jaħdmu flimkien biex jiżguraw li l-attivitajiet ta' żvilupp ikollhom impatt, medda u influenza ikbar, inkluż fil-Paċifiku.

3.    Għal dan l-għan, il-Partijiet jaqblu li:

(a)    jiskambjaw fehmiet u, fejn xieraq, jikkoordinaw pożizzjonijiet dwar kwistjonijiet ta' żvilupp f'fora reġjonali u internazzjonali sabiex jippromwovu t-tkabbir inklussiv u sostenibbli għall-iżvilupp uman; u

(b)    jiskambjaw informazzjoni dwar il-programmi ta' żvilupp rispettivi tagħhom u, fejn xieraq, jikkoordinaw l-involviment fil-pajjiż biex iżidu l-impatt tagħhom fuq l-iżvilupp sostenibbli u l-qerda tal-faqar.


ARTIKOLU 13

Għajnuna Umanitarja

Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid l-impenn komuni tagħhom favur l-għajnuna umanitarja u għandhom jagħmlu ħilithom biex joffru risponsi koordinati kif opportun.

TITOLU IV

KOOPERAZZJONI DWAR KWISTJONIJIET EKONOMIĊI U KUMMERĊJALI

ARTIKOLU 14

Djalogu dwar kwistjonijiet ekonomiċi, kummerċjali u ta' investiment

1.    Il-Partijiet huma impenjati favur id-djalogu u l-kooperazzjoni f'oqsma relatati mal-ekonomija, il-kummerċ u l-investiment sabiex jiffaċilitaw il-kummerċ bilaterali u l-flussi tal-investiment. Fl-istess waqt, filwaqt li jirrikonoxxu l-importanza li dan isir permezz ta' sistema kummerċjali multilaterali bbażata fuq ir-regoli, il-Partijiet jaffermaw l-impenn tagħhom li jaħdmu flimkien fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (‘WTO') sabiex jiksbu iktar liberalizzazzjoni tal-kummerċ.

2.    Il-Partijiet jaqblu li jippromwovu l-iskambju ta' informazzjoni u l-kondiviżjoni ta' esperjenzi dwar il-politiki u x-xejriet makroekonomiċi rispettivi tagħhom, inkluż l-iskambju ta' informazzjoni dwar il-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi fil-kuntest tal-kooperazzjoni ekonomika u integrazzjoni reġjonali.



3.    Il-Partijiet għandhom ifittxu li jkollhom djalogu sostantiv immirat li jippromwovi l-kummerċ tal-merkanzija, inklużi prodotti bażiċi agrikoli u oħrajn, ta' materja prima,ta' prodotti manifatturati u ta' prodotti b'valur miżjud għoli. Il-Partijiet jirrikonoxxu li approċċ trasparenti msejjes fuq is-suq huwa l-aħjar mod li bih jinħoloq ambjent li jiffavorixxi l-investiment fil-produzzjoni u l-kummerċ ta' tali prodotti u biex jiġu promossi l-allokazzjoni u l-użu effiċjenti tagħhom.

4.    Il-Partijiet għandhom ifittxu li jkollhom djalogu sostantiv immirat li jippromwovi l-kummerċ bilaterali fis-servizzi u li jiġu skambjati l-informazzjoni u l-esperjenzi dwar l-ambjenti superviżorji rispettivi tagħhom. Il-Partijiet jaqblu wkoll li jsaħħu l-kooperazzjoni bil-ħsieb li jtejbu l-kontabbiltà, l-awditjar, is-sistemi superviżorji u regolatorji fis-settur bankarju, fis-settur tal-assigurazzjoni u f'partijiet oħra tas-settur finanzjarju.

5.    Il-Partijiet għandhom jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta' ambjent attraenti u stabbli għall-investiment reċiproku permezz ta' djalogu mmirat lejn it-tisħiħ tal-fehim reċiproku u tal-kooperazzjoni fi kwistjonijiet marbuta mal-investiment, l-esplorazzjoni ta' mekkaniżmi biex jiffaċilitaw il-flussi tal-investiment, u t-trawwim ta' regoli stabbli, trasparenti u miftuħa għall-investituri.

6.    Il-Partijiet għandhom iżommu lil xulxin infurmati rigward l-iżvilupp tal-kummerċ bilaterali u internazzjonali, aspetti relatati mal-investiment u l-kummerċ ta' politiki oħrajn, inklużi l-approċċi tal-politiki tagħhom lejn il-ftehimiet ta' kummerċ ħieles ("FTAs") u l-aġendi u kwistjonijiet regolatorji relatati mal-FTA rispettivi, b'impatt potenzjali fuq il-kummerċ u l-investiment bilaterali.

7.    Tali djalogu u kooperazzjoni dwar il-kummerċ u l-investiment se jiġu segwiti permezz ta', fost l-oħrajn:

(a)    djalogu annwali rigward il-politika kummerċjali fil-livell ta' uffiċjali għolja, ikkumplementat minn laqgħat ministerjali dwar il-kummerċ, meta jiddeċiedu l-Partijiet;



(b)    djalogu annwali dwar il-kummerċ agrikolu; u

(c)    skambji settorjali oħra, meta jiddeċiedu l-Partijiet.

8.    Il-Partijiet jimpenjaw ruħhom li jikkooperaw sabiex jiżguraw il-kondizzjonijiet għal iżjed kummerċ u investiment bejniethom, u l-promozzjoni tagħhom, inkluż permezz tan-negozjar ta' ftehimiet ġodda, fejn fattibli.

ARTIKOLU 15

Kwistjonijiet sanitarji u fitosanitarji

1.    Il-Partijiet jaqblu li jsaħħu l-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet sanitarji u fitosanitarji ("SPS") fil-qafas tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Applikazzjoni ta' Miżuri Sanitarji u Fitosanitarji u l-Kummissjoni tal-Codex Alimentarius, l-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali ("OIE") u l-organizzazzjonijiet rilevanti internazzjonali u reġjonali li jaħdmu fil-qafas tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Protezzjoni tal-Pjanti ("IPPC"). Din il-kooperazzjoni għandu jkollha l-għan li ttejjeb il-fehim reċiproku tal-miżuri SPS tal-Parti l-oħra u biex tiffaċilita l-kummerċ bejn il-Partijiet, u tista' tinkludi:

(a)    il-kondiviżjoni ta' informazzjoni;

(b)    l-applikazzjoni ta' rekwiżiti tal-importazzjoni għat-territorju sħiħ tal-Parti l-oħra;



(c)    it-twettiq ta' verifika tas-sistemi ta' spezzjoni u ċertifikazzjoni kollha jew parti minnhom tal-awtoritajiet tal-Parti l-oħra, b'konformità mal-istandards rilevanti internazzjonali tal-Codex Alimentarius, l-OIE u l-IPPC dwar il-valutazzjoni ta' tali sistemi; u

(d)    ir-rikonoxximent ta' żoni ħielsa mill-pesti u l-mard, u żoni bi prevalenza baxxa ta' pesti jew mard.

2.    Għal dak il-għan, il-Partijiet jimpenjaw ruħhom li jagħmlu użu sħiħ mill-istrumenti eżistenti, bħall-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u New Zealand dwar miżuri sanitarji applikabbli għall-kummerċ f'annimali ħajjin u prodotti tal-annimali, iffirmat fi Brussell fis-17 ta' Diċembru 1996, u li jikkooperaw f'forum bilaterali adattat dwar kwistjonijiet SPS oħrajn mhux koperti minn dak il-Ftehim.

ARTIKOLU 16

Trattament xieraq tal-annimali

Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid ukoll l-importanza li jżommu l-fehim reċiproku u l-kooperazzjoni tagħhom dwar kwistjonijiet ta' trattament xieraq tal-annimali, u se jkomplu jaqsmu l-informazzjoni u jikkooperaw fil-Forum tal-Kummissjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni dwar it-Trattament Xieraq tal-Annimali u l-awtoritajiet kompetenti ta' New Zealand u li jaħdmu mill-qrib flimkien fl-OIE fuq dawn il-kwistjonijiet.



ARTIKOLU 17

Ostakoli tekniċi għall-kummerċ

1.    Il-Partijiet għandhom il-fehma komuni li kompattibbiltà ikbar tal-istandards, ir-regolamenti tekniċi u l-proċeduri ta' valutazzjoni tal-konformità hija element ewlieni fl-iffaċilitar tal-kummerċ tal-merkanzija.

2.    Il-Partijiet jirrikonoxxu l-interess reċiproku tagħhom li jitnaqqsu l-ostakoli tekniċi għall-kummerċ, u għal dan il-għan jaqblu li jikkooperaw fil-qafas tal-Ftehim dwar l-Ostakoli Tekniċi għall-Kummerċ tad-WTO u permezz tal-Ftehim dwar għarfien reċiproku b'relazzjoni mal-istima ta' konformità bejn il-Komunità Ewropea u New Zealand, iffirmat f'Wellington fil-25 ta' Ġunju 1998.

ARTIKOLU 18

Politika dwar il-kompetizzjoni

Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom li jippromwovu l-kompetizzjoni fl-attivitajiet ekonomiċi permezz tal-liġijiet u r-regolamenti dwar il-kompetizzjoni rispettivi tagħhom. Il-Partijiet jaqblu li jaqsmu informazzjoni dwar il-politika tal-kompetizzjoni u kwistjonijiet relatati u li jsaħħu l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tagħhom.



ARTIKOLU 19

Akkwist mill-gvern

1.    Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom favur oqfsa tal-akkwist mill-gvern miftuħa u trasparenti li, konsistenti mal-obbligi internazzjonali tagħhom, jippromwovu valur tajjeb għall-flus, swieq kompetittivi, u prattiki ta' xiri nondiskriminatorji u b'hekk jissaħħaħ il-kummerċ bejn il-Partijiet.

2.    Il-Partijiet jaqblu li jkomplu jsaħħu l-konsultazzjoni, il-kooperazzjoni u l-iskambji ta' esperjenza u l-aħjar prattiki tagħhom fil-qasam tal-akkwist mill-gvern fir-rigward ta' kwistjonijiet ta' interess reċiproku, inkluż dwar l-oqfsa regolatorji rispettivi tagħhom.

3.    Il-Partijiet jaqblu li jesploraw modi biex ikomplu jippromwovu l-aċċess għas-swieq ta' xulxin f'dak li jirrigwarda l-akkwist mill-gvern u jiskambjaw fehmiet dwar miżuri u prattiki li jistgħu jaffetwaw b'mod ħażin il-kummerċ tal-akkwist bejniethom.

ARTIKOLU 20

Materja prima

1.    Il-Partijiet se jsaħħu l-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet relatati mal-materja prima permezz tad-djalogu bilaterali jew f'kuntesti plurilaterali rilevanti jew istituzzjonijiet internazzjonali, fuq talba ta' Parti minnhom. B'mod partikolari, din il-kooperazzjoni għandha timmira lejn it-tneħħija tal-ostakoli għall-kummerċ fil-materja prima, it-tisħiħ ta' qafas globali bbażat fuq ir-regoli għall-kummerċ tal-materja prima u l-promozzojni tat-trasparenza fis-swieq globali għall-materja prima.



2.    Suġġetti għall-kooperazzjoni jistgħu jinkludu, fost l-oħrajn:

(a)    kwistjonijiet ta' provvista u domanda, kwistjonijiet bilaterali dwar il-kummerċ u l-investiment, kif ukoll kwistjonijiet ta' interess li jinbtu mill-kummerċ internazzjonali;

(b)    ostakoli tariffarji u nontariffarji għall-materji primi, servizzi relatati u investimenti;

(c)    l-oqfsa regolatorji rispettivi tal-partijiet; u

(d)    l-aħjar prattiki fil-qasam tal-iżvilupp sostenibbli tal-industrija tal-minjieri, inkluża l-politika dwar il-minerali, l-ippjanar tal-użu tal-art u proċeduri ta' awtorizzazzjoni.

ARTIKOLU 21

Proprjetà intellettwali

1.    Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid l-importanza tad-drittijiet u l-obbligi tagħhom fir-rigward tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, inklużi d-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati, trademarks, indikazzjonijiet ġeografiċi, disinji u privattivi, u l-infurzar tagħhom, f'konformità mal-ogħla standards internazzjonali li l-Partijiet josservaw.

2.    Il-Partijiet jaqblu li jiskambjaw l-informazzjoni u jikkondividu l-esperjenzi dwar kwistjonijiet tal-proprjetà intellettwali inklużi:

(a)    il-prattika, il-promozzjoni, it-tixrid, is-simplifikazzjoni, il-ġestjoni, l-armonizzazzjoni, il-protezzjoni u l-implimentazzjoni effettiva tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali;



(b)    il-prevenzjoni ta' ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali;

(c)    il-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni u l-piraterija, permezz tal-forom xierqa ta' kooperazzjoni; u

(d)    il-funzjonament ta' korpi responsabbli mill-protezzjoni u l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

3.    Il-Partijiet jaqblu li jiskambjaw l-informazzjoni u jippromwovu d-djalogu dwar il-protezzjoni tar-riżorsi ġenetiċi, l-għarfien tradizzjonali u l-folklor.

ARTIKOLU 22

Dwana

1.    Il-Partijiet għandhom itejbu l-kooperazzjoni fir-rigward ta' kwistjonijiet doganali, inkluża l-faċilitazzjoni tal-kummerċ, bil-ħsieb ta' aktar simplifikazzjoni u armonizzazzjoni ta' proċeduri doganali u l-promozzjoni tal-azzjoni konġunta fil-kuntest ta' inizjattivi internazzjonali rilevanti.

2.    Mingħajr preġudizzju għal forom oħra ta' kooperazzjoni previsti f'dan il-Ftehim, il-Partijiet għandhom jikkunsidraw il-possibbiltà li jikkonkludu strumenti dwar il-kooperazzjoni doganali u l-assistenza amministrattiva reċiproka fi kwistjonijiet doganali.


ARTIKOLU 23

Kooperazzjoni fi kwistjonijiet ta' tassazzjoni

1.    Bil-ħsieb li jissaħħu u jiġu żviluppati l-attivitajiet ekonomiċi b'kunsiderazzjoni għall-ħtieġa li jiġi żviluppat qafas regolatorju xieraq, il-Partijiet jirrikonoxxu u jimpenjaw ruħhom li fil-qasam tat-taxxi jimplimentaw il-prinċipji tal-governanza tajba, jiġifieri t-trasparenza, l-iskambju ta' informazzjoni u l-kompetizzjoni ġusta fit-taxxi.

2.    Għal dan il-għan, b'mod konformi mal-kompetenzi rispettivi tagħhom, il-Partijiet se jaħdmu biex itejbu l-kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam tat-taxxa, biex jiffaċilitaw il-ġbir tad-dħul leġittimu mit-taxxa, u jiżviluppaw miżuri għall-implimentazzjoni effettiva tal-prinċipji ta' governanza tajba msemmija fil-paragrafu 1.

ARTIKOLU 24

Trasparenza

Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza tat-trasparenza u tal-proċess ġust fl-amministrazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti tagħhom marbuta mal-kummerċ, u għal dan l-għan il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid l-impenji tagħhom kif stipulati fil-Ftehimiet tad-WTO, inkluż l-Artikolu X tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ tal-1994 u l-Artikolu III tal-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi.


ARTIKOLU 25

Kummerċ u żvilupp sostenibbli

1.    Il-Partijiet jirrikonoxxu l-kontribut lejn l-għan ta' żvilupp sostenibbli li jista' jsir permezz tal-promozzjoni ta' politiki ta' sostenn reċiproku dwar il-kummerċ, l-ambjent u x-xogħol, u jaffermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom li jippromwovu l-kummerċ u l-investiment globali u bilaterali b'tali mod li jikkontribwixxu lejn dan l-għan.

2.    Il-Partijiet jirrikonoxxu d-dritt ta' kull Parti li tistabbilixxi l-livelli proprji tagħha ta' protezzjoni domestika tal-ambjent u tax-xogħol, u li tadotta jew timmodifika l-liġijiet u l-politiki rilevanti tagħha, b'mod konsistenti mal-impenn tagħhom favur standards u ftehimiet rikonoxxuti internazzjonalment.

3.    Il-Partijiet jirrikonoxxu li mhuwiex xieraq li l-kummerċ jew l-investiment jiġu inkoraġġuti billi jitnaqqsu jew jiġi offrut li jitnaqqsu l-livelli ta' protezzjoni mogħtija fil-liġijiet domestiċi ambjentali u tax-xogħol. Il-Partijiet jirrikonoxxu wkoll li mhuwiex xieraq li liġijiet, politiki u prattiki ambjentali jew tax-xogħol jintużaw għall-finijiet tal-protezzjoniżmu kummerċjali.

4.    Il-Partijiet għandhom jiskambjaw l-informazzjoni u jaqsmu flimkien l-esperjenza dwar l-azzjonijiet tagħhom biex jippromwovu l-koerenza u l-appoġġ reċiproku bejn l-objettivi kummerċjali, soċjali u ambjentali, inkluż f'oqsma bħalma huma r-responsabbiltà soċjali korporattiva, il-prodotti u s-servizzi ambjentali, il-prodotti u t-teknoloġiji li ma jagħmlux ħsara lill-klima u skemi li jassiguraw is-sostenibbiltà, kif ukoll dwar l-aspetti l-oħrajn stipulati fit-Titolu VIII, u għandhom isaħħu d-djalogu u l-kooperazzjoni fir-rigward ta' kwistjonijiet ta' żvilupp sostenibbli li jistgħu jinqalgħu fil-kuntest tar-relazzjonijiet kummerċjali.


ARTIKOLU 26

Djalogu mas-soċjetà ċivili

Il-Partijiet għandhom jinkoraġġixxu d-djalogu bejn l-organizzazzjonijiet governattivi u nongovernattivi, bħalma huma t-trade unions, l-impjegaturi, l-assoċjazzjonijiet tan-negozju, il-kmamar tal-kummerċ u l-industrija, bil-ħsieb li jippromwovu l-kummerċ u l-investiment f'oqsma ta' interess reċiproku.

ARTIKOLU 27

Kooperazzjoni kummerċjali

Il-Partijiet għandhom jinkoraġġixxu rabtiet aktar b'saħħithom bejn in-negozji u jsaħħu r-rabtiet bejn il-gvern u n-negozju permezz ta' attivitajiet li jinvolvu l-kummerċ, inkluż fil-kuntest tal-Laqgħa bejn l-Asja u l-Ewropa ("ASEM").

B'mod partikolari, din il-kooperazzjoni għandu jkollha l-għan li ttejjeb il-kompetittività tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju.


ARTIKOLU 28

Turiżmu

Filwaqt li jirrikonoxxu l-valur tat-turiżmu fl-approfondiment tal-fehim u l-apprezzament reċiproku bejn il-popli tal-Unjoni u ta' New Zealand, u l-benefiċċji ekonomiċi li jirriżultaw minn żieda fit-turiżmu, il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw bil-għan li jiżdied it-turiżmu fiż-żewġ direzzjonijiet bejn l-Unjoni u New Zealand.

TITOLU V

KOOPERAZZJONI DWAR IL-ĠUSTIZZJA, IL-LIBERTÀ U S-SIGURTA

ARTIKOLU 29

Kooperazzjoni legali

1.    Il-Partijiet jaqblu li jiżviluppaw kooperazzjoni fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali b'mod partikolari fir-rigward tan-negozjati, ir-ratifika u l-implimentazzjoni ta' konvenzjonijiet multilaterali dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji ċivili u, b'mod partikolari, il-Konvenzjonijiet tal-Konferenza tal-Aja dwar id-Dritt Internazzjonali Privat fil-qasam tal-kooperazzjoni legali internazzjonali u l-litigazzjoni, kif ukoll il-protezzjoni tat-tfal.


2.    Fir-rigward tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali, il-Partijiet għandhom ikomplu jinvolvu ruħhom fi kwistjonijiet ta' assistenza legali reċiproka, f'konformità mal-istrumenti internazzjonali rilevanti.

Dan jista' jinkludi, fejn xieraq, l-adeżjoni ma', u l-implimentazzjoni ta,' strumenti rilevanti tan-NU. Jista' jinkludi wkoll, fejn xieraq, appoġġ għal strumenti rilevanti tal-Kunsill tal-Ewropa u kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet rilevanti ta' New Zealand u l-Eurojust.

ARTIKOLU 30

Kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi

Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw fost l-awtoritajiet, l-aġenziji u s-servizzi tal-infurzar tal-liġi u li jikkontribwixxu sabiex ifixklu u jiżmantellaw il-kriminalità transnazzjonali u theddidiet terroristiċi komuni għall-Partijiet. Il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet, l-aġenziji u s-servizzi tal-infurzar tal-liġi tista' tieħu l-forma ta' assistenza reċiproka fl-investigazzjonijiet, il-kondiviżjoni ta' tekniki investigattivi, edukazzjoni u taħriġ konġunti għall-persunal tal-infurzar tal-liġi, u kwalunkwe tip ieħor ta' attività u għajnuna konġunti kif jista' jiġi determinat reċiprokament mill-Partijiet.


ARTIKOLU 31

Ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni

1.    Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom li jikkooperaw dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, ekonomika u finanzjarja transnazzjonali, il-korruzzjoni, l-iffalsifikar u t-tranżazzjonijiet illegali, permezz ta' konformità sħiħa mal-obbligi internazzjonali reċiproki tagħhom eżistenti f'dan il-qasam, inklużi dawk dwar il-kooperazzjoni effettiva fl-irkupru ta' assi jew fondi li ġejjin minn atti ta' korruzzjoni.

2.    Il-Partijiet għandhom jippromwovu l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tan-NU Kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali, adottata fil-15 ta' Novembru 2000.

3.    Il-Partijiet għandhom jippromwovu wkoll l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Korruzzjoni, adottata fil-31 ta' Ottubru 2002, filwaqt li jqisu l-prinċipji tat-trasparenza u l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili.

ARTIKOLU 32

Ġlieda kontra d-drogi illeċiti

1.    Fil-kuntest tas-setgħat u l-kompetenzi rispettivi tagħhom, il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex jiżguraw approċċ bilanċjat u integrat fir-rigward ta' kwistjonijiet ta' droga.


2.    Il-Partijiet għandhom jikkooperaw bil-ħsieb li jiżmantellaw in-netwerks kriminali transnazzjonali involuti fit-traffikar tad-droga permezz ta', fost l-oħrajn, l-iskambju ta' informazzjoni, it-taħriġ jew il-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki, inklużi tekniki investigattivi speċjali. Għandu jsir sforz partikolari biex tiġi miġġielda l-infiltrazzjoni tal-ekonomija leċita mill-kriminali.

ARTIKOLU 33

Ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità

1.    Il-Partijiet għandhom isaħħu l-kooperazzjoni biex jimpedixxu u jiġġieldu r-reati ta' teknoloġija għolja, ċibernetiċi u elettroniċi u d-distribuzzjoni ta' kontenut illegali, inkluż kontenut terroristiku u materjal ta' abbuż sesswali tat-tfal, permezz tal-internet, billi jiskambjaw l-informazzjoni u l-esperjenzi prattiċi b'konformità mal-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom u l-obbligi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem.

2.    Il-Partijiet għandhom jiskambjaw informazzjoni fl-oqsma tal-edukazzjoni u t-taħriġ tal-investigaturi taċ-ċiberkriminalità, l-investigazzjoni taċ-ċiberkriminalità, u x-xjenza forensika diġitali.

ARTIKOLU 34

Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu

1.    Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid il-ħtieġa li jikkooperaw sabiex jipprevjenu li s-sistemi finanzjarji tagħhom jintużaw biex isir il-ħasil tar-rikavat mill-attivitajiet kriminali kollha, inkluż it-traffikar tad-droga u l-korruzzjoni, u sabiex jiġġieldu kontra l-finanzjament tat-terroriżmu. Din il-kooperazzjoni testendi għall-irkupru ta' assi jew fondi li jkunu ġejjin minn attivitajiet kriminali.


2.    Il-Partijiet għandhom jiskambjaw informazzjoni rilevanti fil-qafas tal-leġislazzjoni rispettiva tagħhom, u jimplimentaw miżuri adatti biex jiġġieldu l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, b'konformità ma' standards adottati minn korpi internazzjonali rilevanti attivi f'dan il-qasam, bħalma hi l-FATF.

ARTIKOLU 35

Migrazzjoni u ażil

1.    Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom li jikkooperaw u jiskambjaw fehmiet fl-oqsma tal-migrazzjoni, inklużi l-immigrazzjoni irregolari, it-traffikar tal-bnedmin, l-ażil, l-integrazzjoni, il-mobilità tax-xogħol u l-iżvilupp, il-viżi, is-sigurtà tad-dokumenti, il-bijometrika u l-ġestjoni tal-fruntieri.

2.    Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw sabiex jipprevjenu u jikkontrollaw il-migrazzjoni irregolari. Għal dan il-għan:

(a)    New Zealand għandha tieħu lura kull wieħed miċ-ċittadini tagħha li jkunu jinsabu irregolarment fit-territorju ta' Stat Membru, fuq talba ta' dan tal-aħħar u mingħajr formalitajiet ulterjuri; u

(b)    kull Stat Membru għandu jieħu lura kull wieħed miċ-ċittadini tiegħu li jinsab irregolarment fit-territorju ta' New Zealand, fuq talba ta' din tal-aħħar u mingħajr formalitajiet ulterjuri.

Konsistenti mal-obbligi internazzjonali tagħhom, inkluż skont il-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, iffirmata fis-7 ta' Diċembru 1944, l-Istati Membri u New Zealand għandhom jipprovdu liċ-ċittadini tagħhom b'dokumenti xierqa ta' identità għal skopijiet bħal dawn.


3.    Il-Partijiet, fuq talba ta' kwalunkwe waħda mill-Partijiet, se jesploraw il-possibiltà li jikkonkludu ftehim bejn New Zealand u l-Unjoni dwar ir-riammissjoni skont l-Artikolu 52(1) ta' dan il-Ftehim. Dan il-ftehim se jinkludi l-konsiderazzjoni ta' arranġamenti xierqa għal ċittadini ta' pajjiżi terzi u persuni apolidi.

ARTIKOLU 36

Protezzjoni konsulari

1.    New Zealand taqbel li l-awtoritajiet diplomatiċi u konsulari ta' kwalunkwe Stat Membru rappreżentat jistgħu jeżerċitaw il-protezzjoni konsulari fi New Zealand f'isem Stati Membri oħra li ma jkollhomx rappreżentazzjoni permanenti aċċessibbli fi New Zealand.

2.    L-Unjoni u l-Istati Membri jaqblu li l-awtoritajiet diplomatiċi u konsulari ta' New Zealand jistgħu jeżerċitaw protezzjoni konsulari f'isem pajjiż terz u li pajjiżi terzi jistgħu jeżerċitaw protezzjoni konsulari f'isem New Zealand fl-Unjoni f'postijiet fejn New Zealand jew il-pajjiż terz ikkonċernat ma jkollhomx rappreżentazzjoni permanenti aċċessibbli.

3.    Il-paragrafi 1 u 2 huma maħsuba biex ineħħu kull rekwiżit għal notifika jew kunsens li b'mod ieħor ikunu jistgħu japplikaw.

4.    Il-Partijiet jaqblu li jiffaċilitaw djalogu dwar affarijiet konsulari bejn l-awtoritajiet kompetenti rispettivi tagħhom.


ARTIKOLU 37

Protezzjoni tad-data personali

1.    Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw bil-ħsieb li javvanzaw ir-relazzjoni tagħhom wara d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-protezzjoni adegwata tad-data personali minn New Zealand, u li jiżguraw livell għoli ta' protezzjoni tad-data personali, f'konformità ma' strumenti u standards internazzjonali rilevanti, inklużi l-Linji Gwida dwar il-Protezzjoni tal-Privatezza u l-Fluss Bejn il-Fruntieri ta' Informazzjoni Personali tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku ("OECD").

2.    Din il-kooperazzjoni tista' tinkludi, fost l-oħrajn, l-iskambju ta' informazzjoni u għarfien espert. Din tista' wkoll tinkludi l-kooperazzjoni bejn kontrapartijiet regolatorji f'korpi bħall-Grupp ta' Ħidma tal-OECD dwar is-Sigurtà u l-Privatezza fl-Ekonomija Diġitali u n-Netwerk Globali ta' Infurzar tal-Privatezza.

TITOLU VI

KOOPERAZZJONI FL-OQSMA TAR-RIĊERKA,
L-INNOVAZZJONI U S-SOĊJETÀ TAL-INFORMAZZJONI

ARTIKOLU 38

Riċerka u innovazzjoni

1.    Il-Partijiet jaqblu li jsaħħu l-kooperazzjoni tagħhom fl-oqsma tar-riċerka u l-innovazzjoni.


2.    Il-Partijiet għandhom jinkoraġġixxu, jiżviluppaw u jiffaċilitaw attivitajiet ta' kooperazzjoni fl-oqsma tar-riċerka u l-innovazzjoni għal skopijiet paċifiċi, b'appoġġ jew komplimentari għall-Ftehim dwar kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern ta' New Zealand, iffirmat fi Brussell fis-16 ta' Lulju 2008.

ARTIKOLU 39

Soċjetà tal-informazzjoni

1.    Billi jirrikonoxxu li t-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni huma elementi ewlenin tal-ħajja moderna u ta' importanza vitali għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali, il-Partijiet jaqblu li jiskambjaw il-fehmiet tagħhom dwar il-linji ta' politika rispettivi tagħhom f'dan il-qasam.

2.    Il-kooperazzjoni f'dan il-qasam tista' tiffoka, fost l-oħrajn, fuq:

(a)    l-iskambju ta' fehmiet dwar aspetti differenti tas-soċjetà tal-informazzjoni, b'mod partikolari l-varar ta' broadband b'veloċità għolja, politiki u regolamentazzjoni tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, inkluż is-servizz universali, il-liċenzjar u l-awtorizzazzjonijiet ġenerali, il-protezzjoni tal-privatezza u d-data personali, il-gvern elettroniku u l-gvern miftuħ, is-sigurtà tal-internet u l-indipendenza u l-effiċjenza tal-awtoritajiet regolatorji;

(b)    l-interkonnessjoni u l-interoperabbiltà tan-netwerks ta' riċerka u infrastrutturi u servizzi tad-data tal-kompjuters u x-xjenza, inkluż f'kuntest reġjonali;



(c)    l-istandardizzazzjoni, iċ-ċertifikazzjoni u t-tixrid ta' teknoloġiji ġodda tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni;

(d)    aspetti ta' sigurtà, fiduċja u privatezza ta' teknoloġiji u servizzi tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni, inkluż il-promozzjoni tas-sikurezza online, il-ġlieda kontra l-użu ħażin tat-teknoloġija tal-informatika u kull forma ta' mezzi elettroniċi, u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni; u

(e)    l-iskambju ta' fehmiet dwar miżuri biex jindirizzaw il-kwistjoni tal-ispejjeż tar-roaming internazzjonali bil-mobiles.

TITOLU VII

KOOPERAZZJONI FIL-QASAM TAL-EDUKAZZJONI, IL-KULTURA

U L-KUNTATTI POPLU MA' POPLU

ARTIKOLU 40

Edukazzjoni u taħriġ

1.    Il-Partijiet jirrikonoxxu l-kontribut kruċjali li jagħtu l-edukazzjoni u t-taħriġ lill-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità u t-tkabbir sostenibbli għall-ekonomiji bbażati fuq l-għarfien, b'mod partikolari permezz tal-iżvilupp ta' ċittadini li ma jkunux biss imħejjija għal parteċipazzjoni infurmata u effettiva fil-ħajja demokratika, iżda li jkollhom ukoll il-kapaċità li jsolvu problemi u jieħdu l-opportunitajiet li jirriżultaw mid-dinja globalment konnessa tas-seklu 21. Konsegwentement, il-Partijiet jagħrfu li għandhom interess komuni li jikkooperaw fl-oqsma tal-edukazzjoni u t-taħriġ.


2.    B'mod konformi mal-interessi reċiproċi tagħhom u l-miri tal-politiki tagħhom dwar l-edukazzjoni, il-Partijiet jimpenjaw ruħhom li jappoġġaw flimkien attivitajiet adatti ta' kooperazzjoni fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ. Din il-kooperazzjoni se tikkonċerna s-setturi kollha tal-edukazzjoni u tista' tinkludi:

(a)    kooperazzjoni dwar il-mobilità tat-tagħlim ta' individwi permezz tal-promozzjoni u l-faċilitazzjoni tal-iskambju ta' studenti, riċerkaturi, persunal akkademiku u amministrattiv ta' istituzzjonijiet tal-edukazzjoni terzjarja u għalliema;

(b)    proġetti ta' kooperazzjoni konġunti bejn istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ fl-Unjoni u New Zealand bil-ħsieb li jiġi promoss l-iżvilupp tal-kurrikulu, programmi tal-istudju u lawrji konġunti u l-mobilità tal-persunal u l-istudenti.

(c)    il-kooperazzjoni, rabtiet u sħubijiet istituzzjonali bil-għan li jissaħħaħ l-element edukattiv fit-trijanglu tal-għarfien u biex jiġi promoss l-iskambju ta' esperjenza u kompetenzi; u

(d)    l-appoġġ għar-riforma tal-politiki permezz ta' studji, konferenzi, seminars, gruppi ta' ħidma, eżerċizzji ta' parametri referenzjarji u l-iskambju ta' informazzjoni u prattika tajba, b'mod partikolari fid-dawl tal-proċessi ta' Bolonja u ta' Kopenħagen u l-għodda u prinċipji li jżidu t-trasparenza u l-innovazzjoni fl-edukazzjoni.

ARTIKOLU 41

Kooperazzjoni kulturali, awdjoviżiva u tal-midja

1.    Il-Partijiet jaqblu li jippromwovu kooperazzjoni eqreb fis-setturi kulturali u kreattivi, sabiex jitjieb, fost l-oħrajn, il-fehim reċiproku u l-għarfien tal-kulturi rispettivi tagħhom.



2.    Il-Partijiet għandhom jaħdmu biex jieħdu miżuri xierqa sabiex jippromwovu skambji kulturali u jwettqu inizjattivi konġunti f'diversi oqsma kulturali filwaqt li jużaw l-istrumenti u l-oqfsa ta' kooperazzjoni disponibbli.

3.    Il-Partijiet għandhom jaħdmu biex jippromwovu l-mobilità ta' professjonisti tal-kultura, ta' xogħlijiet tal-arti u oġġetti kulturali oħra bejn New Zealand u l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha.

4.    Il-Partijiet jaqblu li jesploraw, permezz tad-djalogu dwar il-politiki, firxa ta' modi li bihom l-oġġetti kulturali miżmuma barra mill-pajjiż ta' oriġini tagħhom ikunu jistgħu jsiru aċċessibbli għall-komunitajiet fejn oriġinaw l-oġġetti.

5.    Il-Partijiet għandhom jinkoraġġixxu d-djalogu interkulturali bejn organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kif ukoll bejn individwi miż-żewġ Partijiet.

6.    Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw, b'mod partikolari permezz tad-djalogu ta' politika, f'fora internazzjonali rilevanti, b'mod partikolari l-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, Xjenza u Kultura (UNESCO), bil-għan li jsegwu objettivi komuni u jippromwovu d-diversità kulturali, inkluż permezz tal-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali.

7.    Il-Partijiet għandhom jinkoraġġixxu, jappoġġaw u jiffaċilitaw l-iskambji, il-kooperazzjoni u d-djalogu bejn l-istituzzjonijiet u l-professjonisti fis-setturi awdjoviżivi u tal-midja.



ARTIKOLU 42

Kuntatti poplu ma' poplu

Filwaqt li jirrikonoxxu l-valur tal-kuntatti poplu ma' poplu u l-kontribuzzjoni tagħhom lejn it-titjib tal-fehim bejn l-Unioni u New Zealand, il-Partijiet jaqblu li jinkoraġġixxu, irawmu u jfanndu tali kuntatti kif xieraq. Tali kuntatti jistgħu jinkludu skambji ta' uffiċjali u apprendistati għall-perijodu qasir għal studenti postgradwatorji.

TITOLU VIII

KOOPERAZZJONI FIL-QASAM TAL-IŻVILUPP SOSTENIBBLI, L-ENERĠIJA U T-TRASPORT

ARTIKOLU 43

Ambjent u riżorsi naturali

1.    Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw dwar kwistjonijiet ambjentali, inkluża l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali. L-għan ta' din il-kooperazzjoni huwa l-promozzjoni tal-ħarsien ambjentali u l-integrazzjoni ta' konsiderazzjonijiet ambjentali fis-setturi rilevanti tal-kooperazzjoni, inkluż f'kuntest internazzjonali u reġjonali.



2.    Il-Partijiet jaqblu li kooperazzjoni tista' titwettaq permezz ta' mezzi bħad-djalogu, workshops, seminars, konferenzi, programmi u proġetti kollaborattivi, il-kondiviżjoni ta' informazzjoni bħall-aħjar prattiki, u skambji ta' esperti, inkluż fuq livell bilaterali jew multilaterali. Is-suġġetti u l-objettivi għall-kooperazzjoni għandhom jiġu identifikati b'mod konġunt fuq talba ta' kwalunkwe waħda mill-Partijiet.

ARTIKOLU 44

Titjib, protezzjoni u regolamentazzjoni tas-saħħa

1.    Il-Partijiet jaqblu li jtejbu l-kooperazzjoni fil-qasam tas-saħħa, inkluż fil-kuntest tal-globalizzazzjoni u t-tibdil demografiku. Għandhom isiru sforzi sabiex jiġu promossi l-kooperazzjoni u l-iskambji ta' informazzjoni u esperjenzi dwar:

(a)    il-protezzjoni tas-saħħa;

(b)    is-sorveljanza ta' mard li jittieħed (bħalma huma l-influwenza u t-tifqigħat ta' mard akut) u attivitajiet oħra li jaqgħu fl-ambitu tar-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa (2005), inkluż azzjonijiet ta' tħejjija kontra theddid kbir transfruntier, b'mod partikolari għall-ippjanar ta' tħejjija u l-valutazzjoni tar-riskju;

(c)    il-kooperazzjoni dwar l-istandards, u l-valutazzjoni tal-konformità għall-ġestjoni tar-regolamentazzjoni u r-riskju minn prodotti (inklużi l-farmaċewtiċi u t-tagħmir mediku);



(d)    kwistjonijiet relatati mal-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta' Qafas dwar il-Kontroll fuq it-Tabakk tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa ("WHO"); u

(e)    kwistjonijiet relatati mal-implimentazzjoni tal-Kodiċi ta' Prattika Globali tal-WHO dwar ir-Reklutaġġ Internazzjonali tal-Persunal fil-Qasam tas-Saħħa.

2.    Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid l-impenji tagħhom li jirrispettaw, jippromwovu u jimplimentaw b'mod effettiv, kif xieraq, prattiki u standards tas-saħħa rikonoxxuti internazzjonalment.

3.    Il-forom ta' kooperazzjoni jistgħu jinkludu, fost l-oħrajn, programmi u proġetti speċifiċi, kif sar qbil fuqhom reċiprokament, kif ukoll djalogu, kooperazzjoni u inizjattivi dwar suġġetti ta' interess komuni fuq livell bilaterali jew multilaterali.

ARTIKOLU 45

Tibdil fil-klima

1.    Il-Partijiet jirrikonoxxu li t-tibdil fil-klima huwa preokkupazzjoni globali u urġenti li teħtieġ azzjoni kollettiva konsistenti mal-għan ġenerali li ż-żieda fit-temperatura medja globali tinżamm taħt żewġ gradi Celsius ogħla mil-livelli preindustrijali. Fl-ambitu tal-kompetenzi rispettivi tagħhom u mingħajr preġudizzju għal diskussjonijiet f'fora oħrajn, il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw f'oqsma ta' interess konġunt, inkluż, iżda mhux limitat għal:

(a)    it-tranżizzjoni lejn ekonomiji b'emissjonijiet baxxi ta' gassijiet serra permezz ta' strateġiji u azzjonijiet ta' mitigazzjoni adatti għas-sitwazzjoni nazzjonali, inklużi strateġiji ta' tkabbir ekoloġiku;



(b)    it-tfassil, l-implimentazzjoni u l-użu ta' mekkaniżmi bbażati fuq is-suq, u b'mod partikolari ta' skemi ta' kummerċ ta' emissjonijiet tal-karbonju;

(c)    strumenti ta' finanzjament tas-settur pubbliku u dak privat għal azzjoni favur il-klima;

(d)    ir-riċerka, l-iżvilupp, u t-tqegħid fl-użu ta' teknoloġija b'emissjonijiet baxxi ta' gass serra; u

(e)    il-monitoraġġ ta' gassijiet serra u l-analiżi tal-effetti tagħhom, inkluż l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' strateġiji ta' adattament kif xieraq.

2.    Iż-żewġ Partijiet jaqblu li jikkooperaw aktar dwar l-iżviluppi internazzjonali f'dan il-qasam u, b'mod partikolari, dwar il-progress lejn l-adozzjoni ta' ftehim internazzjonali ġdid għal wara l-2020 skont il-Konvenzjoni ta' Qafas tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima kif ukoll fuq inizjattivi ta' kooperazzjoni komplementari li jgħinu biex jiġi indirizzat id-distakk fir-rigward tal-mitigazzjoni qabel l-2020.

ARTIKOLU 46

Ġestjoni tar-riskju ta' diżastri u protezzjoni ċivili

Il-Partijiet jirrikonoxxu l-ħtieġa li jimmaniġġaw ir-riskji għal diżastri naturali u kkawżati mill-bniedem domestiċi u globali. Il-Partijiet jaffermaw l-impenn komuni tagħhom li jtejbu l-miżuri ta' prevenzjoni, mitigazzjoni, tħejjija, rispons u ta' rkupru sabiex tiżdied ir-reżiljenza tas-soċjetajiet u l-infrastrutturi tagħhom, u li jikkooperaw kif xieraq, fuq il-livell politiku bilaterali u multilaterali biex itejbu r-riżultati tal-ġestjoni tar-riskju tad-diżastri globali.


ARTIKOLU 47

Enerġija

Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza tas-settur tal-enerġija, u r-rwol ta' suq tal-enerġija li jaħdem tajjeb. Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza tal-enerġija għall-żvilupp sostenibbli, it-tkabbir ekonomiku u l-kontribut tagħha għall-kisba ta' għanijiet ta' żvilupp miftiehma internazzjonalment, kif ukoll l-importanza tal-kooperazzjoni sabiex jiġu indirizzati sfidi ambjentali globali, b'mod partikolari t-tibdil fil-klima. Il-Partijiet għandhom ifittxu, fl-ambitu tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, li jtejbu l-kooperazzjoni f'dan il-qasam bil-ħsieb li:

(a)    jiżviluppaw politiki biex iżidu s-sigurtà tal-enerġija;

(b)    jippromwovu l-kummerċ u l-investiment globali tal-enerġija;

(c)    itejbu l-kompetittività;

(d)    itejbu l-funzjonament tas-swieq globali tal-enerġija;

(e)    jiskambjaw l-informazzjoni u l-esperjenzi ta' politiki permezz ta' fora multilaterali eżistenti tal-enerġija;

(f)    jippromwovu l-użu ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli kif ukoll l-iżvilupp u l-adozzjoni ta' teknoloġiji tal-enerġija ndaf, diversi u sostenibbli, inklużi teknoloġiji b'enerġija rinnovabbli u teknoloġiji b'emissjonijiet baxxi tal-enerġija;

(g)    jiksbu użu razzjonali tal-enerġija b'kontribuzzjonijiet kemm ta' min iforni kif ukoll ta' min jagħmel id-domanda, billi jippromwovu l-effiċjenza tal-enerġija fil-produzzjoni, it-trasport, id-distribuzzjoni u l-użu finali tal-enerġija;



(h)    jimplimentaw l-impenji internazzjonali rispettivi tagħhom biex jirrazzjonalizzaw u fuq it-terminu medju gradwalment inaqqsu s-sussidji ineffiċjenti għall-karburanti fossili li jinkoraġġixxu l-konsum ħali; u

(i)    jikkondividu l-aħjar prattiki fl-esplorazzjoni u l-produzzjoni tal-enerġija.

ARTIKOLU 48

Trasport

1.    Il-Partijiet għandhom jikkooperaw fl-oqsma rilevanti kollha tal-politika dwar it-trasport, inkluża l-politika integrata dwar it-trasport, bil-ħsieb tat-titjib tal-moviment tal-merkanzija u l-passiġġieri, il-promozzjoni tas-sigurtà u s-sikurezza fit-trasport bil-baħar u tal-avjazzjoni, il-promozzjoni tal-ħarsien tal-ambjent u ż-żieda fl-effiċjenza tas-sistemi tat-trasport tagħhom.

2.    Il-kooperazzjoni u d-djalogu bejn il-Partijiet f'dan il-qasam irid ikollhom l-għan li jippromwovu:

(a)    l-iskambju ta' informazzjoni dwar il-politiki u l-prattiki rispettivi tagħhom;

(b)    it-tisħiħ tar-relazzjonijiet tal-avjazzjoni bejn l-Unjoni u New Zealand bil-ħsieb li:

(i)    jiġu mtejba l-aċċess għas-suq, l-opportunitajiet ta' investiment u l-liberalizzazzjoni tas-sjieda tal-linji tal-ajru, u l-klawsoli tal-kontroll fi ftehimiet tas-servizzi tal-ajru b'konformità mal-politiki domestiċi;



(ii)    titwessa' u titfannad il-kooperazzjoni regolatorja fis-sikurezza u s-sigurtà tal-avjazzjoni, u r-regolamentazzjoni ekonomika tal-industrija tat-trasport bl-ajru; u

(iii)    jiġu appoġġati l-konverġenza regolatorja u t-tneħħija tal-ostakoli biex isir in-negozju, kif ukoll il-kooperazzjoni fil-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru;

(c)    l-għanijiet ta' aċċess bla xkiel għas-swieq u l-kummerċ marittimi internazzjonali bbażati fuq il-kompetizzjoni ġusta fuq bażi kummerċjali; u

(d)    l-għarfien reċiproku tal-liċenzji tas-sewqan għal vetturi bil-mutur fuq l-art.

ARTIKOLU 49

Agrikoltura, żvilupp rurali u forestrija

1.    Il-Partijiet jaqblu li jinkoraġġixxu l-kooperazzjoni u d-djalogu fl-agrikoltura, l-iżvilupp rurali u l-forestrija.

2.    Oqsma li fihom jistgħu jiġu kkunsidrati l-attivitajiet jinkludu, iżda mhumiex limitati għal, il-politika agrikola, il-politika ta' żvilupp rurali, l-istruttura ta' setturi ta' attivitajiet fl-art, u indikazzjonijiet ġeografiċi.

3.    Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw, fil-livell nazzjonali u dak internazzjonali, fuq il-ġestjoni sostenibbli tal-foresti u politiki u regolamenti relatati, inklużi miżuri biex jiġi miġġieled il-qtugħ illegali tas-siġar u l-kummerċ relatat, kif ukoll il-promozzjoni tal-governanza tajba tal-foresti.



ARTIKOLU 50

Sajd u affarijiet marittimi

1.    Il-Partijiet għandhom isaħħu d-djalogu u l-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet ta' interess komuni fl-oqsma tas-sajd u l-affarijiet marittimi. Il-Partijiet għandhom jimmiraw li jippromwovu l-konservazzjoni u l-ġestjoni sostenibbili fit-tul tar-riżorsi tal-baħar ħajjin, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat ("is-sajd IUU") u l-implimentazzjoni ta' approċċ għall-ġestjoni bbażat fuq l-ekosistema.

2.    Il-Partijiet jistgħu jikkooperaw u jagħmlu skambju ta' informazzjoni rigward il-konservazzjoni tar-riżorsi ħajjin tal-baħar permezz tal-organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd ("RFMOs") u fora multilaterali (in-NU, l-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti). B'mod partikolari, il-Partijiet għandhom jikkollaboraw sabiex:

(a)    jiżguraw, permezz ta' ġestjoni effettiva min-naħa tal-Kummissjoni għas-Sajd fil-Punent tal-Paċifiku u l-Paċifiku Ċentrali, u abbażi tal-aqwa xjenza disponibbli, il-konservazzjoni fit-tul u l-użu sostenibbli ta' stokkijiet ta' ħut li jpassi ħafna tul il-firxa tagħhom fl-Oċean Paċifiku tal-punent u ċentrali , inkluż billi jagħtu rikonoxximent sħiħ, skont il-Konvenzjonijiet rilevanti tan-NU u strumenti internazzjonali oħra, lir-rekwiżiti speċjali ta' Stati Gżejjer Żgħar u Territorji li qed Jiżviluppaw, u jiżguraw proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet trasparenti;

(b)    jiżguraw il-konservazzjoni u l-użu razzjonali ta' riżorsi ħajjin tal-baħar taħt il-kompetenza tal-Kummissjoni għall-Konservazzjoni tar-Riżorsi Marittimi Ħajjin tal-Antartiku, inklużi sforzi biex jiġu miġġielda l-attivitajiet IUU fiż-żona li fiha l-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni tar-Riżorsi Ħajjin Marittimi tal-Antartiku tapplika;



(c)    jiżguraw l-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta' miżuri effettivi ta' konservazzjoni u ġestjoni għall-istokkijiet taħt il-kompetenza ta' RFMO għan-Nofsinhar tal-Paċifiku; u

(d)    jiffaċilitaw l-adeżjoni għal RFMOs li tagħhom Parti waħda tkun Membru u l-oħra Parti aderenti.

3.    Il-Partijiet għandhom jikkooperaw sabiex jippromwovu approċċ integrat lejn l-affarijiet marittimi fil-livell internazzjonali.

4.    Il-Partijiet għandhom ikollhom djalogu regolari biennali fil-livell ta' uffiċjali għolja, sabiex isaħħu d-djalogu u l-kooperazzjoni, kif ukoll biex jiskambjaw l-informazzjoni u l-esperjenzi fuq il-politika tas-sajd u l-affarijiet marittimi.

ARTIKOLU 51

Impjiegi u affarijiet soċjali

1.    Il-Partijiet jaqblu li jtejbu l-kooperazzjoni fil-qasam tal-impjiegi u l-affarijiet soċjali, inkluż fil-kuntest tad-dimensjoni soċjali tal-globalizzazzjoni u t-tibdil demografiku. Għandhom isiru sforzi sabiex jiġu promossi l-kooperazzjoni u l-iskambji ta' informazzjoni u ta' esperjenza rigward l-impjiegi u kwistjonijiet tax-xogħol. L-oqsma ta' kooperazzjoni jistgħu jinkludu politiki dwar l-impjiegi, il-liġi tax-xogħol, kwistjonijiet relatati mas-sessi, in-nondiskriminazzjoni fl-impjieg, l-inklużjoni soċjali, il-politiki tas-sigurtà soċjali u l-protezzjoni soċjali, ir-relazzjonijiet industrijali, id-djalogu soċjali, l-iżvilupp tal-ħiliet tul il-ħajja, impjieg taż-żgħażagħ, is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol, il-responsabbiltà soċjali korporattiva u x-xogħol deċenti.



2.    Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid il-ħtieġa li jappoġġaw proċess ta' globalizzazzjoni li jkun ta' benefiċċju għal kulħadd u li jippromwovu x-xogħol produttiv u għal kulħadd u x-xogħol diċenti bħala element prinċipali tal-iżvilupp sostenibbli u t-tnaqqis tal-faqar. F'dan il-kuntest, il-Partijiet ifakkru d-Dikjarazzjoni dwar il-Ġustizzja Soċjali għal Globalizzazzjoni Ġusta tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol ("ILO").

3.    Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom li jirrispettaw, jippromwovu u jwettqu prinċipji u drittijiet internazzjonalment rikonoxxuti tax-xogħol, kif stipulat b'mod partikolari fid-Dikjarazzjoni tal-ILO dwar il-Prinċipji u d-Drittijiet Fundamentali fuq ix-Xogħol.

4.    Il-forom ta' kooperazzjoni jistgħu jinkludu, fost l-oħrajn, programmi u proġetti speċifiċi, kif determinati reċiprokament, kif ukoll djalogu, kooperazzjoni u inizjattivi dwar suġġetti ta' interess komuni fuq livell bilaterali jew multilaterali.

TITOLU IX

QAFAS ISTITUZZJONALI

ARTIKOLU 52

Ftehimiet jew arranġamenti oħrajn

1.    Il-Partijiet jistgħu jikkumplementaw dan il-Ftehim billi jikkonkludu ftehimiet jew arranġamenti speċifiċi fi kwalunkwe qasam ta' kooperazzjoni li jaqa' fl-ambitu tiegħu. Tali ftehimiet u arranġamenti speċifiċi konklużi wara l-iffirmar ta' dan il-Ftehim għandhom ikunu parti integrali mir-relazzjonijiet bilaterali globali regolati minn dan il-Ftehim u għandhom jiffurmaw parti minn qafas istituzzjonali komuni. Il-ftehimiet u l-arranġamenti eżistenti bejn il-Partijiet ma jiffurmawx parti mill-qafas istituzzjonali komuni.



2.    Xejn f'dan il-Ftehim ma għandu jaffettwa jew jippreġudika l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta' ftehimiet oħrajn bejn il-Partijiet, inklużi dawk imsemmija fil-paragrafu 1. B'mod partikolari, id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim bl-ebda mod ma għandhom jissostitwixxu jew jaffettwaw id-dispożizzjonijiet għas-soluzzjoni jew it-tmiem tat-tilwim ta' ftehimiet oħra bejn il-Partijiet.

ARTIKOLU 53

Kumitat Konġunt

1.    Il-Partijiet b'dan jistabbilixxu Kumitat Konġunt li jikkonsisti minn rappreżentanti tal-Partijiet.

2.    Il-konsultazzjonijiet għandhom isiru fil-Kumitat Konġunt sabiex tiġi faċilitata l-implimentazzjoni u biex jitmexxew 'il quddiem l-għanijiet ġenerali ta' dan il-Ftehim, kif ukoll biex tinżamm koerenza ġenerali fir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u New Zealand.

3.    Il-funzjonijiet tal-Kumitat Konġunt għandhom ikunu li:

(a)    jippromwovi l-implimentazzjoni effettiva ta' dan il-Ftehim;

(b)    jimmonitorja l-iżvilupp tar-relazzjoni komprensiva bejn il-Partijiet;

(c)    jitlob, skont il-bżonn, informazzjoni minn kumitati jew korpi oħrajn stabbiliti taħt ftehimiet speċifiċi oħrajn bejn il-Partijiet li jagħmlu parti mill-qafas istituzzjonali komuni skont l-Artikolu 52(1), u jikkunsidra kwalunkwe rapport imressaq minnhom;



(d)    jiskambja fehmiet u jagħmel suġġerimenti dwar kull kwistjoni ta' interess komuni, inklużi azzjonijiet futuri u r-riżorsi disponibbli sabiex jitwettqu;

(e)    jistabbilixxi prijoritajiet b'rabta mal-għan ta' dan il-Ftehim;

(f)    ifittex metodi adatti biex jiġu evitati l-problemi li jistgħu jinħolqu fl-oqsma koperti minn dan il-Ftehim;

(g)    jagħmel ħiltu biex isolvi kwalunkwe tilwima li tinqala' fl-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni ta' dan il-Ftehim;

(h)    jeżamina l-informazzjoni ppreżentata minn Parti skont l-Artikolu 54; u

(i)    jagħmel rakkomandazzjonijiet u jadotta deċiżjonijiet, fejn xieraq, biex jagħti effett lil aspetti speċifiċi ta' dan il-Ftehim.

4.    Il-Kumitat Konġunt għandu jopera b'kunsens. Huwa għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu. Huwa jista' jistabbilixxi sottokumitati u gruppi ta' ħidma biex jittrattaw kwistjonijiet speċifiċi.

5.    Il-Kumitat Konġunt għandu, normalment, jiltaqa' darba fis-sena fl-Unjoni u New Zealand alternattivament, sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor bejn iż-żewġ Partijiet. Għandhom isiru laqgħat speċjali tal-Kumitat Konġunt meta jintalbu minn xi waħda mill-Partijiet. Il-Kumitat Konġunt għandu jkun kopresedut miż-żewġ naħat. Normalment huwa għandu jiltaqa' fil-livell ta' uffiċjali anzjani.



ARTIKOLU 54

Modalitajiet għall-implimentazzjoni u soluzzjoni tat-tilwim

1.    Il-Partijiet għandhom jieħdu kwalunkwe miżura ġenerali jew speċifika li hija meħtieġa sabiex ikunu ssodisfati l-obbligi tagħhom taħt dan il-Ftehim.

2.    Mingħajr preġudizzju għall-proċedura deskritta fil-paragrafi 3 sa 8 ta' dan l-Artikolu, kwalunkwe tilwima relatata mal-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim għandha tiġi riżolta biss permezz ta' konsultazzjonijiet bejn il-Partijiet fil-Kumitat Konġunt. Il-Partijiet għandhom jippreżentaw l-informazzjoni rilevanti meħtieġa għal eżami bir-reqqa ta' din il-kwistjoni lill-Kumitat Konġunt, bl-intenzjoni li tiġi riżolta t-tilwima.

3.    Filwaqt li jaffermaw mill-ġdid l-impenn qawwi u kondiviż tagħhom favur id-drittijiet tal-bniedem u n-nonproliferazzjoni, il-Partijiet jaqblu li jekk kwalunkwe waħda mill-Partijiet tqis li l-Parti l-oħra tkun wettqet ksur partikolarment serju u sostanzjali ta' kwalunkwe obbligu deskritt fl-Artikoli 2(1) u 8(1) bħala elementi essenzjali, li jhedded il-paċi u s-sigurtà internazzjonali b'tali mod li jeħtieġ reazzjoni immedjata, din minnufih għandha tinnotifika lill-Parti l-oħra dwar dan il-fatt u l-miżura(i) xierqa li jkollha l-intenzjoni li tieħu skont dan il-Ftehim. Il-parti notifikanti għandha tavża lill-Kumitat Konġunt dwar il-ħtieġa li jorganizza konsultazzjonijiet urġenti dwar il-kwistjoni.

4.    Barra minn hekk, ksur partikolarment serju u sostanzjali tal-elementi essenzjali jista' jservi bħala bażi għal miżuri adatti fil-qafas istituzzjonali komuni kif imsemmi fl-Artikolu 52(1).



5.    Il-Kumitat Konġunt għandu jkun forum għal djalogu, u l-Partijiet għandhom jagħmlu l-almu tagħhom sabiex isibu soluzzjoni amikevoli fil-każ improbabbli li tinqala' sitwazzjoni kif deskritt fil-paragrafu 3. Jekk il-Kumitat Konġunt ma jkunx jista' jilħaq soluzzjoni reċiprokament aċċettabbli fi żmien 15-il jum mill-bidu tal-konsultazzjonijiet, u mhux aktar tard minn 30 jum mid-data tan-notifika deskritta fil-paragrafu 3, il-kwistjoni għandha tiġi riferuta għal konsultazzjonijiet fil-livell ministerjali, li għandhom jinżammu għal perjodu ieħor ta' mhux aktar minn 15-il jum.

6.    Jekk l-ebda soluzzjoni reċiprokament aċċettabli ma tkun instabet fi żmien 15-il jum mill-bidu tal-konsultazzjonijiet fuq livell ministerjali, u mhux aktar tard minn 45 jum mid-data tan-notifika, il-Parti li tagħmel in-notifika tista' tiddeċiedi li tieħu l-miżuri xierqa notifikati skont il-paragrafu 3. Fl-Unjoni, id-deċiżjoni ta' sospensjoni tkun teħtieġ unanimità. Fi New Zealand, id-deċiżjoni ta' sospensjoni tittieħed mill-Gvern ta' New Zealand f'konformità mal-liġijiet u r-regolamenti tiegħu.

7.    Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, "miżuri xierqa" tfisser is-sospensjoni parzjali, is-sospensjoni sħiħa jew it-terminazzjoni ta' dan il-Ftehim jew, skont kif ikun il-każ, ta' ftehim speċifiku ieħor li jagħmel parti mill-qafas istituzzjonali komuni, kif imsemmi fl-Artikolu 52(1), skont id-dispożizzjonijiet rilevanti ta' tali ftehim. Miżuri xierqa meħuda minn Parti biex tissospendi dan il-Ftehim parzjalment, għandhom japplikaw biss għad-dispożizzjonijiet li jaqgħu taħt it-Titoli I sa VIII. Fl-għażla tal-miżuri xierqa, trid tingħata prijorità lil dawk li jfixklu l-inqas ir-relazzjonijiet bejn il-Partijiet. Dawn il-miżuri, li huma suġġetti għall-Artikolu 52(2), għandhom ikunu proporzjonati għall-ksur tal-obbligi taħt dan il-Ftehim, u għandhom ikunu f'konformità mad-dritt internazzjonali.



8.    Il-Partijiet għandhom jeżaminaw b'mod kostanti l-iżvilupp tas-sitwazzjoni li wasslet għal azzjoni taħt dan l-Artikolu. Il-Parti li tieħu l-miżuri xierqa għandha tirtirahom hekk kif ikun ġustifikat, u fi kwalunkwe każ hekk kif iċ-ċirkostanzi li jkunu wasslu għall-applikazzjoni tagħhom ma jibqgħux jeżistu.

TITOLU Х

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

ARTIKOLU 55

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan il-Ftehim, it-terminu "il-Partijiet" ifisser l-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha, jew l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, skont il-kompetenzi rispettivi tagħhom, minn naħa waħda, u New Zealand, min-naħa l-oħra.

ARTIKOLU 56

Żvelar ta' informazzjoni

1.    Xejn f'dan il-Ftehim ma għandu jikkawża preġudizzju għal-liġijiet u r-regolamenti nazzjonali jew għall-atti tal-Unjoni dwar l-aċċess pubbliku għal dokumenti uffiċjali.



2.    Xejn f'dan il-Ftehim ma għandu jiġi interpretat li jitlob lil xi Parti li tipprovdi informazzjoni li l-iżvelar tagħha hija tqis li jmur kontra l-interessi tas-sigurtà essenzjali tagħha.

ARTIKOLU 57

Emendar

Dan il-Ftehim jista' jiġi emendat permezz ta' ftehim bil-miktub bejn il-Partijiet. Tali emendi għandhom jidħlu fis-seħħ fid-data jew dati kif miftiehem mill-Partijiet.

ARTIKOLU 58

Dħul fis-seħħ, durata u notifika

1.    Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fit-tletin jum wara d-data li fiha l-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin dwar it-tlestija tal-proċeduri legali rispettivi tagħhom neċessarji għal dak il-għan.

2.    Minkejja l-paragrafu 1, New Zealand u l-Unjoni jistgħu japplikaw dispożizzjonijiet determinati reċiprokament ta' dan il-Ftehim sakemm jidħol fis-seħħ. Tali applikazzjoni proviżorja għandha tibda fit-tletin jum wara d-data li fiha kemm New Zealand kif ukoll l-Unjoni jkunu nnotifikaw lil xulxin dwar it-tlestija tal-proċeduri interni rispettivi tagħhom neċessarji għal tali applikazzjoni proviżorja.



3.    Dan il-Ftehim għandu jkun validu għal żmien indefinit. Kwalunkwe Parti tista' tinnotifika lill-Parti l-oħra bil-miktub dwar l-intenzjoni tagħha li tittermina dan il-Ftehim. It-terminazzjoni għandha tidħol fis-seħħ sitt xhur wara d-data tan-notifika.

4.    In-notifiki magħmula skont dan l-Artikolu għandhom isiru lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u lill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Kummerċ ta' New Zealand.

ARTIKOLU 59

Applikazzjoni territorjali

Dan il-Ftehim għandu japplika, minn naħa waħda, għat-territorji li fihom japplikaw it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u skont il-kundizzjonijiet stipulati f'dawk it-Trattati, u, min-naħa l-oħra, għat-territorju ta' New Zealand, iżda ma għandux jinkludi lil Tokelau.



ARTIKOLU 60

Testi awtentiċi

Dan il-Ftehim huwa magħmul b'żewġ kopji fil-lingwa Bulgara, Ċeka, Daniża, Estonjana, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ingliża, Kroata, Latvjana, Litwanjana, Maltija, Netherlandiża, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka, Slovena, Spanjola, Taljana, Ungeriża u Żvediża, b'kull test ugwalment awtentiku. F'każ ta' xi diverġenza bejn it-testi ta' dan il-Ftehim, il-Partijiet għandhom jirreferu l-kwistjoni lill-Kumitat Konġunt.

Top