Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016JC0052

    KOMUNIKAZZJONI KONĠUNTA LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Sħubija mġedda mal-pajjiżi tal-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku

    JOIN/2016/052 final

    Strasburgu, 22.11.2016

    JOIN(2016) 52 final

    KOMUNIKAZZJONI KONĠUNTA LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    Sħubija mġedda mal-pajjiżi tal-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku

    {SWD(2016) 380 final}
    {SWD(2016) 381 final}


    Contents

    1. Introduzzjoni    

    2. L-interessi strateġiċi tal-UE    

    3. Sħubija politika mibnija fuq prijoritajiet speċifiċi    

    3.1 Il-prijoritajiet tal-UE rigward il-pajjiżi sħab    

    3.1.1 Il-promozzjoni ta’ soċjetajiet paċifiċi u demokratiċi, ta’ governanza tajba, tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet tal-bniedem għal kulħadd

    3.1.2 Il-promozzjoni ta’ tkabbir sostenibbli inklużiv u ta’ impjiegi diċenti għal kulħadd

    3.1.3 It-tibdil tal-migrazzjoni u tal-mobilità f’opportunitajiet u l-indirizzar tal-isfidi flimkien

    3.1.4 L-iżgurar tal-iżvilupp u tad-dinjità tal-bniedem

    3.1.5 Il-ħarsien tal-ambjent u l-indirizzar tat-tibdil fil-klima

    3.1.6 Alleanza fuq sfidi komuni

    3.2. Il-prijoritajiet tal-UE mfasslin għar-reġjuni    

    3.2.1 L-Afrika

    3.2.2 Il-Karibew

    3.2.3 Il-Paċifiku

    4. Sħubija aktar immirata u flessibbli    

    4.1 It-tagħlimiet meħuda    

    4.2 Sħubija flessibbli mibnija fuq approċċ reġjonali b’saħħtu    

    4.2.1 L-għażliet

    4.2.2 L-għażla proposta

    4.2.3 Interazzjoni lil hinn mill-pajjiżi AKP

    4.3 Sħubija fuq diversi livelli ma’ diversi partijiet ikkonċernati bi prinċipji ewlenin għall-kooperazzjoni    

    4.3.1 Il-prinċipji fundamentali għall-kooperazzjoni

    4.3.2 Il-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-komplimentarjetà

    4.3.3 L-atturi

    4.4 Sħubija li tikseb riżultati aħjar    

    4.4.1 Sħubija ddiversifikata

    4.4.2 Mezzi ta’ implimentazzjoni

    4.5 Sħubija appoġġjata mill-kompożizzjoni istituzzjonali t-tajba    

    4.6 Sħubija sostnuta minn qafas legali    

    4.7 Il-passi li jmiss    

     

    1. Introduzzjoni

    Il-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku minn naħa u, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha min-naħa l-oħra, iffirmat f’Cotonou f’Ġunju tas-sena 2000 1 se jiskadi fi Frar tal-2020. In-negozjati bejn il-partijiet sabiex jeżaminaw id-dispożizzjonijiet li jirregolaw ir-relazzjonijiet iridu jibdew mhux aktar tard minn Awwissu tal-2018 2 . L-iskadenza tal-Ftehim ta’ Sħubija, imsejjaħ il-Ftehim ta’ Sħubija ta’ Cotonou (Cotonou Partnership Agreement - CPA), li jkopri aktar minn 100 pajjiż b’popolazzjoni totali ta’ madwar 1,5 biljun persuna, isservi ta’ opportunità strateġika sabiex tiġġedded ir-relazzjoni tal-UE mas-sħab tagħha fl-Afrika, fil-Karibew u fil-Paċifiku, filwaqt li jitqies il-kuntest globali differenti u billi s-sħubija tiġi ffokata fuq interessi, objettivi u responsabbiltajiet konġunti komuni.

    Din il-Komunikazzjoni tippreżenta l-ideat u l-pedamenti proposti għal sħubija politika mal-pajjiżi AKP. Tibni fuq l-Aġenda 2030 tan-NU 3 miftiehma f’livell internazzjonali, li tipprovdi sett universali ta’ objettivi komuni, u fuq l-Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta’ Sigurtà tal-UE, 4 li tipprovdi gwida strateġika dwar l-interessi esterni u l-ambizzjonijiet tal-UE. Il-Komunikazzjoni hija koerenti wkoll mal-proposta tal-Kummissjoni li jiġi rivedut il-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp 5 .

    L-UE tinvolvi lis-sħab tagħha, pajjiżi li jaħsbuha bħalha, u lil raggruppamenti reġjonali sabiex flimkien jilħqu għanijiet komuni. Il-Kummissjoni Ewropea u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà huma ħerqana sabiex jinvestu fi sħubijiet imsejsin fuq il-prinċipju ta’ koresponsabbiltà sabiex dawn ikunu sħubijiet veri. Dan jeħtieġ li l-pajjiżi sħab jinvolvu ruħhom b’mod pożittiv u b’ambizzjonijiet simili.

    Ir-relazzjoni dejjiema mal-pajjiżi AKP tipprovdi punt tat-tluq tajjeb għall-bini ta’ sħubija politika mġedda. Is-sħab fuq iż-żewġ naħat ikollhom jagħmlu bidliet sinifikanti sabiex jadattaw ir-relazzjoni futura tagħhom għad-dinja tal-lum u sabiex iwaqqfu alleanza b’saħħitha li twettaq il-prijoritajiet ewlenin. Fid-dawl tal-prijoritajiet, il-kuntest mibdul, u t-tagħlimiet miksubin mill-implimentazzjoni tas-CPA, sempliċi tiġdid tas-CPA ma jkunx biżżejjed sabiex jintlaħqu l-prijoritajiet. Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli jqisu li ser ikun hemm bżonn li jsir trasferiment importanti tat-teħid ta’ deċiżjonijiet u fl-implimentazzjoni lejn il-livelli reġjonali. Barra minn hekk, ir-relazzjonijiet futuri għandhom jgħaqqdu l-pajjiżi AKP u r-reġjuni tal-viċinat, li mhumiex parti mis-CPA attwali, iżda li għandhom rwol importanti relatat mal-kisba tal-objettivi tal-UE.

    Matul it-tħejjija tal-proċess li jwassal għad-definizzjoni tar-relazzjonijiet UE-AKP wara l-2020, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli nedew proċess ta’ riflessjoni fl-2015 permezz ta’ konsultazzjoni pubblika 6 . Barra minn hekk, saru diskussjonijiet mal-partijiet ikkonċernati ewlenin u f’Lulju tal-2016 ġiet ippubblikata evalwazzjoni li vvalutat l-ewwel 15-il sena tal-implimentazzjoni tas-CPA 7 . Bħala parti mill-Valutazzjoni tal-Impatt 8 li takkumpanja lil din il-Komunikazzjoni, ġew eżaminati għażliet differenti għar-relazzjonijiet futuri. Din il-ħidma fformat il-bażi għal din il-Komunikazzjoni.

    2. L-interessi strateġiċi tal-UE

    Il-kuntest globali nbidel b’mod sinifikanti mindu beda l-Ftehim ta’ Sħubija ta’ Cotonou fl-2000, li kompla fuq il-legat tal-Konvenzjoni ta’ Lomé li tmur lura għall-1975. L-iskadenza tas-CPA hija opportunità biex din is-sħubija tiġi adattata għall-iskopijiet tagħha fid-dawl tal-isfidi tal-lum f’dinja li nbidlet. L-ewwel nett, l-Istrateġija Globali tal-UE għall-Politika Estera u ta’ Sigurtà wittiet it-triq għal azzjoni aktar b’saħħitha tal-UE fid-dinja. Il-qafas tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDG) tal-Aġenda 2030 u l-Aġenda ta’ Azzjoni ta’ Addis Ababa (AAAA) 9 nedew aġenda universali ferm aktar ambizzjuża u universali għal riforma.

    Dan jiġi fi żmien ikkaratterizzat minn sitwazzjonijiet persistenti ta’ fraġilità u vulnerabbiltà, il-progress irregolari fil-pajjiżi u bejn il-pajjiżi, u l-effetti negattivi li qegħdin jikbru malajr tat-tibdil fil-klima u tad-degradazzjoni ambjentali, li qegħdin jimminaw l-istabbiltà soċjali u ekonomika f’diversi bnadi tad-dinja. B’mod partikolari, għadd kbir ta’ Stati AKP jaffaċċjaw problemi sinifikanti relatati ma’ kunflitti, faqar, qgħad u nuqqas ta’ xogħol diċenti, inugwaljanzi dejjem akbar, abbużi tad-drittijiet tal-bniedem, korruzzjoni, impatti negattivi tat-tibdil fil-klima, pressjonijiet fuq ir-riżorsi naturali limitati u degradazzjoni tal-ekosistemi, kif ukoll integrazzjoni inkonsistenti fl-ekonomija globali. Il-konċentrazzjoni ta’ faqar estrem u kroniku fi stati fraġli għadha realtà. Fl-għeruq tal-emerġenzi umanitarji gravi li qegħdin jheddu r-reżiljenza ta’ pajjiżi u soċjetajiet sħaħ hemm kriżijiet strutturali u rikorrenti. Barra minn hekk, it-tkabbir tal-popolazzjoni qiegħed jisboq it-tkabbir ekonomiku f’ħafna pajjiżi sħab. Dan kollu jxekkel it-tkabbir u l-ħolqien tax-xogħol sostenibbli u inklużivi meħtieġa biex jiġu offruti perspettiva pożittiva u opportunitajiet ġenwini fil-ħajja, speċjalment għaż-żgħażagħ u għall-aktar persuni vulnerabbli.

    Dan l-ambjent diffiċli huwa art għammiela għall-estremiżmu, għat-terroriżmu u għal forom oħrajn ta’ kriminalità organizzata, inkluż it-traffikar ta’ bnedmin, ta’ drogi u ta’ armi kif ukoll iċ-ċiberkriminalità. Dawn ix-xejriet għandhom riperkussjonijiet negattivi fuq is-sigurtà u fuq il-prosperità ekonomika tal-UE u ċ-ċittadini tagħha. Huwa wkoll waħda mill-għeruq tal-migrazzjoni irregolari u ċ-ċaqliq sfurzat tal-popolazzjoni. Hemm qafas ċar stabbilit permezz tal-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni 10 , id-Dikjarazzjoni u l-Pjan ta’ Azzjoni tal-Belt Valletta ta’ Novembru 2015 11 , kif ukoll permezz tal-Komunikazzjoni dwar it-twaqqif ta’ Qafas ta’ Sħubija ġdid ma’ pajjiżi terzi 12 skont l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni.

    L-evalwazzjoni tas-CPA turi li kkontribwixxa b’mod sinifikanti għall-qerda tal-faqar u għat-titjib u għall-aċċess aħjar u aktar ekwitabbli għas-servizzi bażiċi. Madankollu, is-sitwazzjoni hija mħallta fir-rigward tar-rispett tal-elementi essenzjali ( id-drittijiet tal-bniedem, il-prinċipji demokratiċi u l-istat tad-dritt) mis-sħab AKP. Barra minn hekk, ma saret l-ebda tweġiba konvinċenti u komuni għal sfidi kritiċi bħall-migrazzjoni u l-mobilità.

    Fl-istess ħin, kien hemm tkabbir ekonomiku sinifikanti f’ħafna pajjiżi AKP. Konnettività, interdipendenza, u avvanzi xjentifiċi u teknoloġiċi dejjem akbar u kummerċ intensifikat fetħu possibbiltajiet ġodda għal prosperità globali akbar. Dejjem aktar ekonomiji AKP saru joffru firxa dejjem akbar ta’ opportunitajiet f’termini ta’ redditi fuq l-investiment, anki għal kumpaniji Ewropej. L-evalwazzjoni tas-CPA turi li ppermetta li jsir progress fl-integrazzjoni tal-pajjiżi sħab fl-ekonomija dinjija. Kien hemm żieda fil-flussi tal-kummerċ lejn u minn pajjiżi AKP kif ukoll is-sħubija dejjem akbar tagħhom fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) u r-rwol dejjem akbar tagħhom fin-negozjati kummerċjali internazzjonali. Il-konklużjoni u l-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika kienu stadji importanti. Madankollu, is-sitwazzjoni attwali mhijiex sodisfaċenti f’dak li għandu x’jaqsam maż-żieda tad-diversifikazzjoni ekonomika, iktar valur miżjud u t-tnaqqis tad-dipendenza fuq firxa limitata ta’ prodotti, kif ukoll mar-ridistribuzzjoni tal-benefiċċji li wasslu għal dejjem aktar inugwaljanzi.

    Realtà ġdida oħra li feġġet hija relatata maż-żieda fid-dinamiċi reġjonali u fl-importanza tal-organizzazzjonijiet reġjonali, u fil-każ tal-Afrika, organizzazzjoni kontinentali, l-Unjoni Afrikana. L-evalwazzjoni tas-CPA turi li ma rnexxilux jindirizza dawn l-evoluzzjonijiet importanti, li għandhom ikunu riflessi fi kwalunkwe teħid ta’ deċiżjoni dwar sħubija u twaqqif ta’ istituzzjoni fil-ġejjieni.

    Finalment, il-pajjiżi sħab għandhom rwol dejjem aktar kritiku fl-indirizzar tal-isfidi globali, li kif timplika d-definizzjoni tagħhom ma jistgħux jiġu indirizzati mill-UE waħedha. F’dan ir-rigward, it-tibdil fil-klima jibqa’ waħda mill-aktar theddidiet urġenti għall-kisba tal-iżvilupp sostenibbli fl-UE u fid-dinja. It-tfaċċar ta’ qawwiet ġodda, li mhux dejjem jippromwovu l-istess valuri u aġendi, huwa argument ieħor għaliex għandhom jiżdiedu l-isforzi sabiex jinkiseb kunsens mas-sħab tal-UE fuq kwistjonijiet ewlenin ta’ tħassib globali u sabiex flimkien immexxu aġenda pożittiva ’l quddiem. Għaldaqstant djalogu u kooperazzjoni msaħħin mal-pajjiżi AKP huma fundamentali jekk l-UE għandha l-għan li tinfluwenza u trawwem ordni multilaterali fuq il-bażi tar-regoli. Madankollu, l-evalwazzjoni turi li s-sħubija ma laħqitx dawn l-objettivi biżżejjed. F’dak li għandu x’jaqsam mar-riżultati, kien hemm nuqqas ta’ rispons u ta’ kooperazzjoni reali bejn is-sħab f’dibattiti internazzjonali importanti.

    Dawn l-isfidi u l-opportunitajiet huma tant importanti fit-terminu medju li jeħtieġu azzjoni deċiżiva urġenti mas-sħab.

    Huwa fl-interess tal-UE li tfittex sħubija politika ġdida ffokata fuq il-bini ta’ stati u soċjetajiet paċifiċi, stabbli, regolati sew, prosperużi u reżiljenti qrib il-fruntieri tagħha u lil hinn minnhom. Soċjetà li tħaddan id-demokrazija, il-fiduċja fl-istituzzjonijiet u l-iżvilupp sostenibbli hija l-bażi għal stat reżiljenti.

    Huwa wkoll fl-interess tal-UE li tfittex sħubija politika ġdida li tilħaq l-objettiv ta’ ordni multilaterali fuq il-bażi tar-regoli li jindirizza l-isfidi globali. In-negozjati li rnexxew dwar il-Ftehim ta’ Pariġi dwar il-Klima 13 wrew li l-bini ta’ alleanzi strateġiċi bħal dawn iħalli effett pożittiv fuq l-eżiti f’negozjati internazzjonali.

    Sabiex iġġib riżultati marbutin ma' dawn l-interessi tal-UE, l-istrateġija ta’ rispons tal-UE għandha tiffoka fuq il-prijoritajiet speċifiċi li ġejjin li jiddependu minn xulxin u li jsaħħu lil xulxin:

    Prijoritajiet speċifiċi

    1

    Il-promozzjoni ta’ soċjetajiet paċifiċi u demokratiċi, ta’ governanza tajba, tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet tal-bniedem għal kulħadd

    2

    It-tkattir ta’ tkabbir sostenibbli inklużiv u ta’ xogħol diċenti għal kulħadd

    3

    It-tibdil tal-mobilità u tal-migrazzjoni f’opportunitajiet u l-indirizzar tal-isfidi flimkien

    4

    Il-promozzjoni tal-iżvilupp u tad-dinjità tal-bniedem

    5

    Il-ħarsien tal-ambjent u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima

    6

    Il-ħidma konġunta fl-arena globali fuq oqsma ta’ interessi komuni

    Il-pedamenti ewlenin għal sħubija futura huma mniżżlin hawn taħt.

    3. Sħubija politika mibnija fuq prijoritajiet speċifiċi

    L-ewwel element importanti għal sħubija politika ġdida għandu jkun l-istabbiliment ta’ objettivi, ta’ valuri, ta’ prinċipji u ta’ impenji maqbulin b’mod multilaterali. Imbagħad, dawn iridu jitfasslu għar-reġjuni differenti, sabiex ikunu jirriflettu l-ispeċifiċitajiet tagħhom. Il-possibbiltà li jintlaħqu partijiet interessati oħrajn lil hinn mill-pajjiżi AKP għandha tiġi esplorata b’mod attiv (ara t-taqsima 4.2.3).

    3.1 Il-prijoritajiet tal-UE rigward il-pajjiżi sħab

    3.1.1 Il-promozzjoni ta’ soċjetajiet paċifiċi u demokratiċi, ta’ governanza tajba, tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet tal-bniedem għal kulħadd

    Is-sħubija futura jinġtieġ li tkun ibbażata fuq impenn b’saħħtu kondiviż għall-promozzjoni u għar-rispett tal-prinċipji demokratiċi, tal-istat tad-dritt, tad-drittijiet universali tal-bniedem u tad-drittijiet fundamentali għal kulħadd; ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem u għall-prinċipji tal-ugwaljanza u tas-solidarjetà; u l-governanza t-tajba. B’mod partikolari, l-attenzjoni għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, għall-aktar nies vulnerabbli u għall-perspettiva taż-żgħażagħ għandha tkompli tispira aktar sforzi reċiproċi favur il-governanza demokratika u d-drittijiet umani għal kulħadd. F’diversi pajjiżi sħab, dawn l-elementi diġà huma sodi jew qegħdin jinbtu. Madankollu, il-progress għadu lura sabiex l-isforzi ta’ żvilupp sostenibbli jibdew jagħmlu effett.

    L-UE tippromwovi ordni globali fuq il-bażi tar-regoli sabiex tipprovdi beni pubbliċi globali u tikkontribwixxi għal dinja paċifika u sostenibbli, bil-multilateraliżmu bħala l-prinċipju ewlieni tagħha u n-Nazzjonijiet Uniti (NU) fil-qalba tagħha. Għaldaqstant, is-sħubija għandha tkun ibbażata fuq ir-rispett sħiħ tal-prinċipji tal-Karta tan-NU u tad-dritt internazzjonali, u għandu jkollha rwol attiv fi ħdan dan il-qafas.

    Is-sħubija għandha tippromwovi l-paċi, l-istabbiltà u s-sigurtà, inklużi s-sigurtà umana u r-reżiljenza, bħala kundizzjonijiet abilitanti kritiċi għall-iżvilupp sostenibbli u għall-prosperità. Ma jistax ikun hemm żvilupp sostenibbli mingħajr il-paċi u s-sigurtà, u mingħajr l-iżvilupp u l-qerda tal-faqar mhux se jkun hemm paċi sostenibbli. Il-ġlieda kontra d-destabilizzazzjoni u l-għeruq tagħha hija importanti wkoll għas-sigurtà u l-prosperità tal-UE stess. Is-sigurtà interna tiddependi mill-paċi lil hinn mill-fruntieri tal-UE. F’dan ir-rigward, is-sħubija futura għandha tirrifletti l-ħtieġa ta’ approċċ komprensiv għall-kunflitt u għall-kriżijiet, inklużi l-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni, filwaqt li tindirizza wkoll il-kapaċitajiet militari kif ukoll ċivili (u l-interazzjoni tagħhom). Għandha tqis id-diversi dimensjonijiet u l-azzjoni fl-istadji kollha taċ-ċiklu tal-kunflitt, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-organizzazzjonijiet kontinentali u reġjonali, kif ukoll man-NU.

    Is-sħubija għandha tiffoka fuq l-eżekuzzjoni tal-istat tad-dritt. Dan huwa valur fundamentali, bażi neċessarja għall-iżvilupp sostenibbli, komponent ewlieni fil-prevenzjoni ta’ kunflitti, u pedament għall-kooperazzjoni b’suċċess f’oqsma oħrajn ta’ interess għall-UE. Sabiex ikun hemm riżultati marbutin ma’ dan il-valur, irid jittieħed impenn ċar b’mod partikolari għall-promozzjoni ta’ ġustizzja effettiva u indipendenti għaċ-ċittadini u għan-negozji. L-indirizzar tal-impunità għall-aktar reati serji ta’ tħassib internazzjonali, inkluż bir-rikonoxximent tal-komplimentarjetà tar-rwoli bejn il-ġurisdizzjonijiet kriminali nazzjonali u l-Qorti Kriminali Internazzjonali fil-kisba tal-ġustizzja u tar-rikonċiljazzjoni, huwa meħtieġ ukoll. Il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata hija essenzjali wkoll għall-effettività tal-istituzzjonijiet demokratiċi, għal ambjent kummerċjali mexxej u għall-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali, inklużi r-riżorsi minerali.

    Is-sħubija għandha tippermetti t-twettiq ta’ azzjoni konġunta fl-indirizzar ta’ theddidiet għas-sigurtà li dejjem qegħdin isiru aktar globali u li qed jaffettwaw kemm lill-Ewropa kif ukoll lill-pajjiżi sħab, b’mod partikolari t-terroriżmu u l-estremiżmu kif ukoll il-forom kollha ta’ kriminalità organizzata u t-traffikar illeċitu, inkluż tal-bniedem, tal-organiżmi selvaġġi, tad-drogi u ta’ materjali perikolużi. Għandha tkopri wkoll il-promozzjoni taċ-ċibersigurtà, il-protezzjoni ta’ infrastruttura kritika, kif ukoll is-sigurtà marittima u tal-avjazzjoni ċivili. Is-sħubija għandha ssaħħaħ ukoll l-impenn konġunt għall-ġlieda kontra l-proliferazzjoni ta’ armi ta’ qerda massiva, inkluż il-kontroll ta’ oġġetti b’użu doppju, u għall-ġlieda kontra l-manifattura, it-trasferiment, iċ-ċirkolazzjoni, l-akkumulazzjoni eċċessiva u t-tixrid mhux ikkontrollat illeċiti ta’ armi żgħar u ta’ armi ħfief.

    Is-sħubija għandha trawwem azzjoni effettiva f’kull livell (lokali, nazzjonali, reġjonali, kontinentali u internazzjonali) u għandha tiżgura involviment sistematiku mal-partijiet ikkonċernati kollha fuq ir-rispett tal-prinċipji u tal-impenji magħmulin. Is-sħubija l-ġdida għandha tibni fuq l-esperjenza miksuba bid-djalogu politiku bħala proċess sod u flessibbli għall-involviment kontinwu, komprensiv u wiesa’ fil-livelli kollha fuq il-kwistjonijiet kollha ta’ interess. Għandha żżomm ir-rikors għal djalogu politiku intensifikat u tinkludi proċedura ta’ konsultazzjoni dwar kwistjonijiet sensittivi relatati mar-rispett għal prinċipji demokratiċi, għall-istat tad-dritt, għad-drittijiet tal-bniedem għal kulħadd u għall-governanza tajba, bil-possibbiltà ta’ sospensjoni parzjali jew sħiħa tar-relazzjonijiet bħala miżura tal-aħħar rikors. Is-sħubija l-ġdida għandha tiffaċilita l-involviment akbar ta’ sett wiesa’ ta’ atturi mhux statali, inklużi s-soċjetà ċivili u s-settur privat.

    3.1.2 Il-promozzjoni ta’ tkabbir sostenibbli inklużiv u ta’ impjiegi diċenti għal kulħadd

    It-tkabbir ekonomiku kien impressjonanti f’ħafna pajjiżi sħab tul l-aħħar deċennju. It-tkabbir spiss kien veloċi, iżda minn bażi baxxa, u d-diversifikazzjoni u s-sofistikazzjoni ekonomiċi spiss huma dgħajfin f’ħafna mill-pajjiżi. Ħafna mill-ekonomiji għadhom vulnerabbli ħafna għal xokkijiet ekonomiċi u naturali u ma jipprovdux għall-ħolqien tax-xogħol neċessarju. Barra minn hekk, għadhom mhumiex qed jimxu biżżejjed lejn it-triq tat-tkabbir sostenibbli inklużiv, b’mod partikolari fil-qasam tal-konsum u tal-produzzjoni sostenibbli u tal-effiċjenza fir-riżorsi. L-integrazzjoni tal-pajjiżi AKP fl-ekonomija globali permezz ta’ aktar kummerċ u ta’ rabtiet ġodda fil-ktajjen tal-valur globali ma laħqitx il-livell mistenni. Kif jirriflettu l-SDGs, il-ħolqien ta’ tkabbir sostenibbli inklużiv u ta’ impjiegi diċenti huwa kritiku għall-istabbiltà u għall-prosperità għas-sħab. Huwa importanti wkoll għall-forniment ta’ effetti mifruxin pożittivi lejn l-UE. Għaldaqstant, is-sħubija għandha tiffoka b’mod partikolari fuq il-muturi ewlenin tat-tkabbir sostenibbli inklużiv.

    Il-promozzjoni ta’ stabbiltà makroekonomika, inkluża stabbiltà tas-sistema finanzjarja, għadha prerekwiżit għat-tkabbir sostenibbli inklużiv. Dan huwa partikolarment rilevanti fil-kuntest ta' dinja ekonomika u finanzjarja dejjem aktar interkonnessa, b’bosta ekonomiji emerġenti u swieq finanzjarji relatati. Defiċits fiskali u tal-kont kurrenti insostenibbli, fluttwar eċċessiv fir-rati tal-kambju u inflazzjoni jew volatilità għolja fl-attività ekonomika jagħmluha diffiċli għall-investituri biex jippjanaw u jantiċipaw l-opportunitajiet ekonomiċi. Kuntest bħal dan ixekkel l-implimentazzjoni ta’ politiki koerenti u ta’ ġestjoni effettiva tal-baġit mill-gvern.

    Il-promozzjoni ta’ ġestjoni soda tal-finanzi pubbliċi u ta’ kontroll effiċjenti fuq l-użu tal-finanzi pubbliċi hija kritika f’dan ir-rigward. Din tinkludi l-promozzjoni ta’ sistemi tat-taxxa effettivi, effiċjenti, ġusti u trasparenti u l-ġlieda kontra l-frodi u l-flussi finanzjarji illeċiti. Ġestjoni soda tal-finanzi pubbliċi hija element importanti ta’ governanza tajba u bażi importanti għal settur pubbliku effettiv u reżiljenti. Din għandha twassal biex id-dħul domestiku jiġi kkonvertit b’mod effiċjenti u effettiv f’oġġetti u servizzi pubbliċi.

    Is-sħubija l-ġdida għandha tippromwovi wkoll rwol aktar b’saħħtu għas-settur privat billi toħloq tkabbir sostenibbli inklużiv u l-impjiegi. Dan jeħtieġ azzjoni aktar b'saħħitha għat-titjib tal-qafas tal-politika u regolatorju, kif ukoll tal-klima kummerċjali. Għandha tinxteħet attenzjoni partikolari fuq il-klima tal-investimenti u l-indirizzar tal-bżonn ta’ aktar investiment.

    Il-promozzjoni ta’ swieq tax-xogħol li jaħdmu kif suppost għandha tingħata prominenza fis-sħubija l-ġdida. Dawn huma meħtieġa biex jiġu żgurati impjiegi diċenti għall-ħaddiema, inkluż permezz tat-tranżizzjoni mill-ekonomija informali għal waħda formali u billi jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol, is-saħħa u s-sikurezza fuq ix-xogħol, u l-aċċess għall-protezzjoni soċjali.

    Għandha tinxteħet attenzjoni partikolari fuq is-settur tal-ikel agrikolu sostenibbli u responsabbli għall-ambjent. F’pajjiżi sħab, dan is-settur għadu mutur fundamentali għall-iżvilupp sostenibbli u b’mod partikolari għas-sigurtà tal-ikel, għall-ħolqien tax-xogħol, u għall-qerda tal-faqar, filwaqt li huwa f’riskju partikolari minħabba t-tibdil fil-klima.

    Dan l-approċċ sostenibbli japplika wkoll għall-prattiki tas-sajd u tal-akkwakultura. Il-governanza tal-oċeani globali aħjar hija essenzjali biex tingħata spinta lit-tkabbir sostenibbli inklużiv tal-attivitajiet marittimi, filwaqt li jiġu żgurati oċeani b’saħħithom, nodfa u sikuri. F’dan ir-rigward, is-sħubija għandha taġixxi sabiex issawwar il-governanza internazzjonali tal-oċeani fin-NU, kif ukoll f’fora multilaterali rilevanti oħrajn. Il-ġlieda komuni kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat għandha tissaħħaħ.

    L-iżvilupp tal-infrastruttura, inklużi netwerks tat-trasport u tal-enerġija sostenibbli, huwa mutur importanti għal tkabbir sostenibbli inklużiv, b’mod partikolari għal dik l-infrastruttura neċessarja għat-tisħiħ tal-integrazzjoni ekonomika reġjonali, għall-aċċess tas-suq dinji, għall-inklużjoni ta’ żoni kritikament iżolati u għall-iffaċilitar tal-mobilità f’żoni urbani densi. Għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-iżvilupp u t-tixrid ta’ teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, billi tiġi pprovduta konnettività affordabbli u aċċess usa’ għall-applikazzjonijiet diġitali għal kulħadd, u l-promozzjoni tax-xjenza u tat-teknoloġija u tar-riċerka u tal-innovazzjoni, li huma kritiċi wkoll għall-investiment ekonomiku u għall-iżvilupp aċċelerat.

    Is-sħubija għandha taħdem favur il-forniment ta’ aċċess universali għal servizzi tal-enerġija nadifa, moderna, affordabbli, sigura u affidabbli. Għandhom jiġu promossi soluzzjonijiet għall-konservazzjoni tal-enerġija, għall-effiċjenza u għall-enerġija rinnovabbli, anki fid-dawl tal-impatt fuq l-isfidi globali relatati mal-klima.

    Fil-missjoni tagħha għal tkabbir sostenibbli inklużiv u għall-ħolqien tax-xogħol, is-sħubija għandha tippromwovi l-kummerċ, li jista’ jkun mutur qawwi għall-iżvilupp ekonomiku, u jikkontribwixxi wkoll għall-integrazzjoni u għall-istabbiltà politika. Il-kummerċ jipprovdi opportunitajiet għan-negozji tal-UE u tal-pajjiżi sħab sabiex jespandu s-swieq tagħhom u sabiex in-nies jaċċessaw l-aħjar prodotti bi prezzijiet kompetittivi.

    Ir-relazzjonijiet kummerċjali futuri mal-pajjiżi sħab għandhom jitmexxew skont ir-regoli multilaterali. Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika (EPAs) kompatibbli mad-WTO, bl-istituzzjonijiet konġunti tagħhom u l-impenji vinkolanti u evoluzzjonarji tagħhom, għandhom ikomplu jkunu strumenti ewlenin għall-kummerċ AKP-UE. L-EPAs eżistenti jistgħu jitwessgħu sabiex jinkludu aktar pajjiżi fi ħdan ir-reġjuni tal-EPAs u jiġu approfonditi sabiex jinkludu oqsma aktar sostantivi, bil-qbil bejn il-partijiet.

    Il-globalizzazzjoni, il-feġġa ta’ ktajjen tal-valur globali, u l-importanza dejjem akbar ta’ kwistjonijiet ta’ wara l-fruntiera jeħtieġu li l-oqsma kollha tal-kummerċ u tal-oqsma kollha relatati mal-kummerċ jiġu indirizzati b’mod olistiku. Għalhekk, is-sħubija l-ġdida għandha ssaħħaħ il-kooperazzjoni u d-djalogu bejn il-partijiet fil-kummerċ f’servizzi u f’oqsma oħrajn relatati mal-kummerċ, bħall-eliminazzjoni ta’ ostakoli nontariffarji, l-armonizzazzjoni regolatorja, l-investiment, il-politika dwar il-kompetizzjoni, id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u d-drittijiet tax-xogħol.

    Filwaqt li kull EPA jinvolvi l-istituzzjonijiet tiegħu stess biex jeżaminaw l-implimentazzjoni u li jiddiskutu kwistjonijiet relatati mal-kummerċ, djalogu dwar kwistjonijiet marbutin mal-kummerċ u l-kooperazzjoni bejn l-UE u l-pajjiżi sħab inġenerali għandhom ikomplu jindirizzaw kwistjonijiet ta’ interess komuni, b’mod partikolari fid-dawl tal-kooperazzjoni fi ħdan id-WTO. Id-djalogu politiku dwar il-kummerċ għandu jkompli f’livell nazzjonali wkoll, fejn xieraq.

    3.1.3 It-tibdil tal-migrazzjoni u tal-mobilità f’opportunitajiet u l-indirizzar tal-isfidi flimkien

    Il-migrazzjoni u l-mobilità jistgħu jġibu benefiċċji importanti għall-UE u għall-pajjiżi sħab, jekk ikunu ġestiti kif xieraq. Is-CPA kien nieqes minn risponsività rapida biżżejjed u azzjoni deċiżiva fuq din l-isfida importanti. L-obbligu ta’ riammissjoni ta’ ċittadini f’sitwazzjoni irregolari fit-territorju tal-parti l-oħra għadu fil-parti l-kbira mhux implimentat.

    Fil-ġejjieni, is-sħubija għandha ssaħħaħ id-djalogu u l-kooperazzjoni bejn il-partijiet, u tindirizza l-aspetti kollha tal-migrazzjoni ggwidata mill-prinċipji ta’ solidarjetà, ta’ sħubija, ta’ responsabbiltà konġunta u reċiproka b’rispett għad-drittijiet tal-bniedem. Għandha tibni fuq il-prinċipji u l-impenji maqbula tal-Artikolu 13 tas-CPA, twessagħhom sabiex jirriflettu l-ambitu sħiħ tal-iżviluppi tal-migrazzjoni u tal-politika tal-UE dwar il-migrazzjoni, u tiżviluppa l-kooperazzjoni operazzjonali, b’mod partikolari rigward il-mekkaniżmi ta’ infurzar tal-prinċipji maqbulin. Għandha tintegra żviluppi importanti fil-politiki bħall-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni u l-Qafas ta’ Sħubija relatat li għandhom l-għan li jgħinu fit-tweġib għall-kriżijiet permezz ta’ riżultati immedjati u li jitkejlu, iżda tibni wkoll il-pedamenti għal kooperazzjoni msaħħa mal-pajjiżi ta’ oriġini, ta’ tranżitu u ta’ destinazzjoni b’politika dwar il-migrazzjoni u l-mobilità ġestita sew fil-qalba tagħha. Għandha tqis ukoll id-Dikjarazzjoni tas-Summit u l-Pjan ta’ Azzjoni tal-Belt Valletta. Il-pajjiżi sħab ser ikunu appoġġjati fl-isforzi tagħhom sabiex jiżviluppaw politiki effettivi dwar il-migrazzjoni u l-ażil. Hemm bżonn li jiġi indirizzat l-għeruq li jikkawża l-migrazzjoni irregolari u ċ-ċaqliq sfurzat billi jiġu applikati politiki sostnuti, fit-terminu qasir, medju u fit-tul, u li jintużaw aħjar il-proċessi eżistenti. Is-sħubija għandha tikkonċerna wkoll il-protezzjoni tar-refuġjati u tal-applikanti għall-ażil, b’attenzjoni partikolari mogħtija lil gruppi vulnerabbli. Din għandha ġġib ’il quddiem ir-reżiljenza tal-persuni spostati b’mod furzat għal żmien twil u l-inklużjoni tagħhom fil-ħajja ekonomika u soċjali tal-pajjiżi ospitanti.

    L-UE għandha tfittex impenji speċifiċi mal-pajjiżi sħab sabiex tipprevjeni u tindirizza l-migrazzjoni irregolari b’mod aktar effiċjenti, inklużi l-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar ta’ bnedmin, il-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali u n-netwerks kriminali relatati u żżid l-għarfien dwar ir-riskji tal-migrazzjoni irregolari. Filwaqt li nkomplu nibnu fuq il-prinċipji u l-impenji tal-Artikolu 13 tas-CPA, hemm bżonn li jintlaħaq qbil fuq il-mekkaniżmi li jtejbu l-kooperazzjoni fir-ritorn u fir-riammissjoni u l-implimentazzjoni operazzjonali ta’ obbligi internazzjonali għar-riammissjoni taċ-ċittadini proprji b’ebda dritt legali li jibqgħu fl-UE.

    Fl-istess ħin, hemm bżonn li jiġu sfruttati l-opportunitajiet relatati mal-migrazzjoni, bħar-riammissjonijiet jew iċ-“ċirkolazzjoni tal-imħuħ”, li jistgħu jipprovdu kontribuzzjoni pożittiva importanti għat-tkabbir sostenibbli inklużiv u għall-iżvilupp fl-UE u fil-pajjiżi sħab. Għaldaqstant, l-UE hija impenjata li tisfrutta dawn l-opportunitajiet permezz ta’ migrazzjoni u mobbiltà legali mtejba, speċjalment għal skopijiet edukattivi, xjentifiċi, kulturali, professjonali u ta’ taħriġ, li jista’ jkollhom effett pożittiv kemm fuq l-ekonomiji kif ukoll fuq is-soċjetajiet.

    3.1.4 L-iżgurar tal-iżvilupp u tad-dinjità tal-bniedem

    Is-sħubija għandha taħdem favur it-tisħiħ tal-prosperità tan-nies tagħha billi tilħaq l-SDGs. L-UE għandha tfittex involviment politiku b’saħħtu mal-pajjiżi sħab sabiex jintlaħqu l-ħtiġijiet ta’ kulħadd, b’mod partikolari fost l-ifqar u l-aktar vulnerabbli, sabiex jiġi żgurat li kull bniedem jista’ jilħaq il-potenzjal tiegħu fid-dinjità u fl-ugwaljanza u f’ambjent b’saħħtu. Għandha tappoġġa r-riformi għall-qerda tal-faqar, għall-indirizzar tal-inugwaljanzi, għall-prevenzjoni tal-vulnerabbiltajiet u għall-iżgurar ta’ aċċess indaqs għal xogħol diċenti u għal servizzi soċjali, b’mod partikolari edukazzjoni u saħħa ta’ kwalità, u protezzjoni soċjali. Azzjonijiet favur il-qerda tal-faqar għandhom jiffokaw fuq l-ifqar u l-aktar pajjiżi vulnerabbli inklużi l-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati (LDCs) u pajjiżi fraġli u affettwati minn kunflitti, fejn id-diffikultajiet huma mistennijin jippersistu u li jkomplu jitgħarrqu minħabba fatturi demografiċi, u fejn għad hemm il-ħtieġa ta’ enfasi aktar b’saħħtu fuq l-iżvilupp uman. Is-sħubija għandha tikkontribwixxi għat-tisħiħ tar-reżiljenza u tindirizza l-vulnerabbiltà kronika billi ttejjeb is-sinerġiji bejn l-assistenza li ssalva l-ħajjiet u ħtiġijiet għall-iżvilupp fit-tul.

    L-UE għandha tinsisti fuq impenn konġunt għall-protezzjoni, għall-promozzjoni, u għall-kisba ta’ ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u għall-emanċipazzjoni tan-nisa u tat-tfajliet b’mod sħiħ. L-UE trid tara wkoll rikonoxximent konġunt tal-kontribuzzjoni importanti tan-nisa u tat-tfajliet għall-paċi u għall-bini tal-istati, għat-tkabbir ekonomiku, għall-iżvilupp teknoloġiku, għat-tnaqqis tal-faqar, għas-saħħa u għall-benessri, u għall-kultura u għall-iżvilupp tal-bniedem. L-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel hija importanti għall-iżvilupp sostenibbli, kif inhu enfasizzat fl-Aġenda 2030.

    Iż-żgħażagħ huma l-mutur għall-benessri soċjali, ekonomiku u ambjentali futur tal-komunitajiet tagħhom. Il-kontribuzzjoni tagħhom hija essenzjali għall-isfruttar bis-sħiħ tal-opportuniatjiet offerti mill-progress xjentifiku u teknoloġiku (eż. ir-rivoluzzjoni diġitali) u għat-tisħiħ tal-istituzzjonijiet demokratiċi u tal-valuri maż-żmien. L-aċċess għal edukazzjoni ta’ kwalità għolja u effettiva u għall-iżvilupp tal-ħiliet ser ikun kruċjali għall-impjegabbiltà, għall-iżvilupp tas-soċjetajiet u għar-reżiljenza.

    Barra minn hekk, is-sħubija għandha tieħu impenn komuni għat-trawwim ta’ djalogu interkulturali, għall-protezzjoni tad-diversità kulturali, u għall-iżvilupp ta’ industriji kulturali u kreattivi. Il-kultura hija għodda b’saħħitha għall-bini ta’ pontijiet bejn il-persuni, speċjalment iż-żgħażagħ, u sabiex jissaħħaħ il-fehim reċiproku. Hija mezz importanti wkoll għall-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni vjolenti u mutur għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali.

    3.1.5 Il-ħarsien tal-ambjent u l-indirizzar tat-tibdil fil-klima

    L-iżvilupp sostenibbli u l-benessri tal-bniedem jiddependu minn ekosistemi b’saħħithom u ambjent li jaħdem kif suppost. It-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali jheddu li jherru l-progress ekonomiku, iqiegħdu l-paċi u l-istabbiltà f’riskju u jikkaġunaw migrazzjoni fuq skala kbira.

    Għaldaqstant, is-sħubija għandha tiffoka fuq l-ilħiq tal-SDGs rilevanti (eż. enerġija nadifa, bliet u komunitajiet sostenibbli u konsum u produzzjoni responsabbli) u l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-tibdil fil-klima. Għandha tiddikjara impenn favur politiki li jgħinu reżiljenza batuta għall-klima, u tintensifika t-trasformazzjoni lejn ekonomiji ekoloġiċi u blu inklużivi, b’mod partikolari permezz tal-adozzjoni ta’ prattiki ta’ konsum u ta’ produzzjoni sostenibbli minn settur privat responsabbli. Għandu jkun fiha impenji sodi dwar il-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali inklużi l-foresti, il-ħajja selvaġġa u r-riżorsi minerali, u l-konservazzjoni, il-valwazzjoni u l-użu sostenibbli tal-ekosistemi u tal-bijodiversità, inklużi l-oċeani, u l-implimentazzjoni ta’ politiki ta’ mitigazzjoni u adattament. Huma meħtieġa drittijiet ta’ aċċess siguri u ġust ukoll sabiex tinkiseb amministrazzjoni tajba tar-riżorsi naturali. Preparatezza aħjar, inqas esponiment għall-vulnerabbiltà, u l-ħila li jkun hemm irkupru mid-diżastri huma essenzjali biex jiġi evitat it-telfien ta’ ħajjiet u tal-għajxien.

    L-Aġenda 2030 teħtieġ sforzi urġenti minn kulħadd fuq il-beni pubbliċi globali, inklużi l-ekonomiji b’livell baxx ta’ emissjonijiet u b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju. Is-sħubija l-ġdida għandha tirrifletti l-impenn sod tas-sħab u tal-organizzazzjonijiet reġjonali tagħhom sabiex jimplimentaw politiki effiċjenti tal-enerġija sostenibbli li jissodisfaw l-objettivi ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gass serra. Il-produzzjoni tal-enerġija għandha rabta diretta mal-isfida ta’ tibdil fil-klima u mal-iżvilupp sostenibbli. Il-partijiet għandhom interessi vitali li jittrasformaw dan is-settur, li jeliminaw b’mod gradwali l-użu ta’ karburanti fossili filwaqt li jkomplu jimmobilizzaw ir-riżorsi rinnovabbli indiġeni u jtejbu l-effiċjenza enerġetika fil-pajjiżi sħab, sabiex jagħmlu qabża lejn servizzi tal-enerġija sostenibbli u moderna u sabiex iwaqqfu t-tendenza ta’ tkabbir li jinkiseb b’żieda fil-konsum tal-enerġija. Barra minn hekk, il-kooperazzjoni f’dan is-settur għandha tippromwovi standards tas-sikurezza nukleari għoljin. Sabiex tgħin biex dan iseħħ, l-UE għandha tkompli taħdem ma’ pajjiżi sħab sabiex trawwem ambjent regolatorju abilitanti u riformi settorjali. Is-sħubija għandha tipprovdi approċċ aktar strateġiku u mfassal għall-investiment fl-enerġija sostenibbli, bi rwol importanti għall-investimenti privati u għat-teknoloġiji moderni, sabiex tissaħħaħ it-trasformazzjoni tax-xejriet ta’ produzzjoni u ta’ konsum tal-enerġija f'diversi pajjiżi.

    Is-sostenibbiltà titlob ukoll li s-sħab jieħdu impenn sabiex jindirizzaw l-isfidi tal-ħajja urbana, fejn l-impatt ta’ bidla kbira fil-popolazzjoni jeżiġi bidla sinifikanti lejn bliet intelliġenti u sostenibbli lil hinn mit-tfassil tal-politika urbana tradizzjonali.

    3.1.6 Alleanza fuq sfidi komuni

    Is-sħubija għandha tippermetti lill-UE u lis-sħab tagħha jingħaqdu b’mod aktar effettiv sabiex imexxu aġenda komuni f’fora globali u multilaterali. Il-potenzjal f’dan ir-rigward bilkemm ġie sfruttat u għandhom jinkisbu riżultati ferm aktar konkreti. Il-kooperazzjoni fl-arena internazzjonali għandha tkun qasam fejn sħubija ġdida tista’ tipprovdi valur miżjud sostanzjali.

    Il-bażi għal azzjoni aktar b’saħħitha hija impenn imġedded għall-promozzjoni ta’ multilateraliżmu effettiv ibbażat fuq ir-regoli, bin-NU fil-qalba tiegħu. Is-sħubija għandha ssostni l-governanza globali billi tfittex li tirriforma, timplimenta u tiżviluppa istituzzjonijiet , ftehimiet u normi multilaterali. Impenn bħal dan għall-governanza globali jrid isarraf f’aktar djalogu u kooperazzjoni effettiva fil-fora internazzjonali (inklużi l-KSNU, l-AĠNU, il-UNHRC, il-UNFCCC) 14 , kif ukoll fid-determinazzjoni għar-riforma tan-NU, inkluż il-Kunsill tas-Sigurtà.

    Filwaqt li tibni fuq l-esperjenza tal-proċess ta’ koalizzjoni b’ambizzjoni kbira li witta t-triq matul is-COP 21 15 għall-Ftehim ta’ Pariġi tal-2015 dwar il-klima 16 , is-sħubija trid tidentifika b’mod attiv suġġetti fejn l-UE u l-pajjiżi sħab għandhom interessi kbar komuni bejniethom u tista’ tmexxi ’l quddiem l-azzjoni globali. Dan għandu jsarraf f'azzjoni konġunta f’mumenti ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet. Għandu jiġi definit proċess sabiex jiġu identifikati fuq bażi regolari fl-ogħla livell politiku l-interessi komuni, b’tali mod li jingħata biżżejjed żmien għat-tħejjija u għal azzjoni kkoordinata u għall-ivvutar fil-formats u fl-oqfsa internazzjonali rilevanti. L-oqsma li għandhom jiġu kkunsidrati jinkludu, fost l-oħrajn: it-tibdil fil-klima, l-iżvilupp sostenibbli, l-ekonomija blu u ħadra, il-protezzjoni tal-bijodiversità, l-ekonomija diġitali globali, il-ġlieda kontra flussi finanzjarji illeċiti, u l-funzjonament xieraq tas-swieq tal-komoditajiet. Is-sħubija għandha tfittex ukoll li tmexxi ’l quddiem l-interessi komuni fid-WTO. Hemm ukoll lok għal kooperazzjoni aktar mill-qrib fl-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali.

    Sabiex jissaħħu tali alleanzi strateġiċi fl-arena internazzjonali, għandu jiġi promoss l-ilħiq għal pajjiżi mhux tal-AKP fl-Afrika ta’ Fuq, fost LDCs u Stati Gżejjer Żgħar li Qed Jiżviluppaw (SIDS).

    3.2. Il-prijoritajiet tal-UE mfasslin għar-reġjuni

    Il-prijoritajiet tas-sħubija għandhom jiġu mfittxija kullimkien. Fl-istess ħin, sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni effettiva, is-sħubija għandha tieħu f’kunsiderazzjoni kif xieraq l-ispeċifiċitajiet reġjonali u l-oqfsa ta’ żvilupp tas-sħab stess u l-prijoritajiet differenti tal-aġenda komuni tal-UE mas-sħab fl-Afrika, fil-Karibew u fil-Paċifiku. Għal kull wieħed mir-reġjuni, il-prijoritajiet jistgħu jitfasslu skont iċ-ċirkustanzi u jiġu rfinati billi jiġu speċifikati l-objettivi u l-azzjonijiet relatati li huma previsti.

    3.2.1 L-Afrika

    L-Afrika hija kontinent b’opportunitajiet immensi. Sal-2050, kważi 25 % tal-popolazzjoni dinjija se tkun qed tgħix hemm. Tospita wħud mill-aktar ekonomiji li qegħdin jikbru malajr fid-dinja, kif ukoll riżorsi naturali u agrikoli estensivi. Għandha potenzjal enormi għall-kummerċ, għall-innovazzjoni u għall-investimenti, u dan huwa wkoll dak li qed jaspira għalih il-kontinent. F’ħafna mill-pajjiżi Afrikani, l-UE hija l-ewwel sieħeb fil-politika, fl-għajnuna, fil-kummerċ u fl-investiment. Tul l-aħħar snin, l-UE u l-Afrika bnew sħubija aktar fonda u politika msejsa fuq valuri u interessi kondiviżi. Numru dejjem akbar ta’ gvernijiet u organizzazzjonijiet reġjonali Afrikani qegħdin jieħdu rwol ta’ tmexxija biex jiġu indirizzati l-isfidi politiċi, tas-sigurtà u ekonomiċi fi ħdan il-fruntieri tagħhom u lil hinn minnhom. L-Unjoni Afrikana u l-Aġenda 2063 tagħha 17 jipprovdu għal momentum aspirazzjonali ambizzjuż.

    Il-potenzjal tal-Afrika se jiddependi fuq l-isforzi tal-pajjiżi Afrikani relatati mal-governanza, mad-drittijiet tal-bniedem, mal-prevenzjoni u t-riżoluzzjoni tal-kunflitti u mat-tkabbir sostenibbli inklużiv u l-ħolqien tax-xogħol. Diversi pajjiżi għadhom neqsin mill-ħila li jirriformaw u jirkupraw minn kriżijiet. Fi kliem ieħor, huma neqsin mir-reżiljenza u jbatu minn dgħufija. Il-faqar, il-qgħad u l-inugwaljanza għadhom għoljin u l-pass tat-tnaqqis għadu batut. It-tkabbir fil-popolazzjoni jżid sfida enormi għal dan kollu. Barra minn hekk, ħafna pajjiżi għadhom jissieltu f’kunflitti twal, filwaqt li l-isfidi għas-sigurtà transnazzjonali jheddu l-istabbiltà reġjonali u l-iżvilupp ekonomiku. Id-degradazzjoni ambjentali u l-impatti tat-tibdil fil-klima jheddu wkoll li jxejnu l-progress ekonomiku u jxekklu l-paċi u l-istabbiltà. Dan kollu jwassal għal iktar emerġenzi umanitarji, flussi ta’ ċaqliq sfurzat u migrazzjoni irregolari, fir-reġjuni stess u lejn l-Ewropa. 

    It-tisħiħ tal-opportunitajiet u l-indirizzar tal-isfidi huma importanti għas-sigurtà u għall-prosperità tal-Afrika u tal-UE. Għaldaqstant, fid-dawl tal-prijoritajiet tal-UE u l-impenji u l-aġenda ta’ riforma tal-Afrika stess, kif ukoll fuq is-sisien stabbiliti fl-Istrateġija Konġunta UE-Afrika (JAES) 18 , l-objettivi li ġejjin għandhom ikunu fil-qalba ta’ sħubija mġedda mal-pajjiżi Afrikani.

    a. Paċi u sigurtà, stabbiltà, demokrazija, stat tad-dritt, governanza tajba u drittijiet tal-bniedem

    L-investiment fil-paċi, fl-istabbiltà u fl-iżvilupp fl-Afrika ma jibbenefikax biss lis-sħab tagħna iżda huwa wkoll investiment fis-sigurtà u fil-prosperità tal-UE stess. Il-kunflitt u l-fraġilità għadhom xkiel enormi għall-iżvilupp tal-Afrika. F’dan ir-rigward, wieħed irid jilħaq ukoll lil pajjiżi mhux AKP fuq kwistjonijiet importanti bħall-istabbilizzazzjoni, is-sigurtà u l-bini ta’ reżiljenza.

    Objettivi speċifiċi

    -Il-promozzjoni ta’ approċċ integrat għall-prevenzjoni u għar-riżoluzzjoni ta’ kunflitti, il-bini tal-paċi u s-sigurtà umana f’livelli nazzjonali, reġjonali u kontinentali, b’dejjem aktar sjieda, responsabbiltà, solidarjetà u kapaċitajiet Afrikani.

    -It-tisħiħ tas-sigurtà, inkluża s-sigurtà marittima, tal-kooperazzjoni, u r-riformi settorjali fis-sigurtà, permezz ta’ sħubijiet approfonditi dwar is-sigurtà fil-livell tal-pajjiżi, reġjonali u kontinentali u f’kooperazzjoni mill-qrib man-NU. L-operazzjonalizzazzjoni tal-Arkitettura Afrikana għall-Paċi u s-Sigurtà (APSA) 19 hija objettiv importanti li għandu jinkiseb.

    -Il-promozzjoni tad-demokrazija u l-impenn għar-rispett tal-prinċipji demokratiċi, tal-kostitutzzjoni u taċ-ċiklu u tar-riżultati tal-elezzjonijiet. F’dan ir-rigward, se jkun importanti li jkun hemm involviment kontinwu mal-Arkitettura tal-Governanza Afrikana 20 u li din tiġi appoġġjata, u li jingħata appoġġ lill-iżvilupp istituzzjonali demokratiku f’livell lokali, nazzjonali u reġjonali, b’mod partikolari bl-applikazzjoni tal-Karta Afrikana dwar id-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza 21 . Barra minn hekk, għandu jkun hemm enfasi akbar fuq l-iffaċilitar, il-preservazzjoni u t-twessigħ tal-ispazju għal involviment tas-soċjetà ċivili fl-attivitajiet ta’ sostenn u fit-tiswir tal-politiki, kif ukoll fuq l-appoġġjar ta’ djalogu msaħħaħ mal-awtoritajiet lokali.

    -Il-promozzjoni tal-istat tad-dritt u tal-governanza tajba, inkluża l-ġustizzja effettiva u indipendenti għaċ-ċittadini u għan-negozji. Il-ġestjoni soda tal-finanzi pubbliċi għadha element importanti tal-governanza tajba u bażi ewlenija għall-istabbiltà makroekonomika u għal settur pubbliku reżiljenti.

    -Il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż bl-appoġġjar tal-ħidma tal-istituzzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem rilevanti miż-żewġ kontinenti, tal-istituzzjonijiet nazzjonali rilevanti (eż. parlamenti nazzjonali) kif ukoll tas-soċjetà ċivili u tal-awtoritajiet lokali, u bit-tmexxija ’l quddiem ta’ djalogu ma’ dawn kollha.

    -Il-promozzjoni u l-protezzjoni ta’ prinċipji umanitarji u d-Dritt Umanitarju Internazzjonali.

    -Il-promozzjoni tal-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u tranżnazzjonali, it-terroriżmu u r-radikalizzazzjoni, u t-traffikar illeċitu tal-bnedmin, tal-organiżmi selvaġġi, tad-drogi u ta’ materjali perikolużi u l-liġijiet finanzjarji illeċiti relatati.

    b. Opportunitajiet ekonomiċi reċiproċi għall-iżvilupp sostenibbli

    It-trawwim ta’ tkabbir sostenibbli inklużiv se jippermetti lill-Afrika tisfrutta l-evoluzzjoni demografika tagħha u ssarrafha f’opportunità, b’riperkussjonijiet pożittivi għall-UE.

    Objettivi speċifiċi

    -Il-promozzjoni ta’ opportunitajiet tax-xogħol diċenti, b’mod partikolari għaż-żgħażagħ u għan-nisa.

    -L-iżgurar ta’ ambjent abilitanti għall-kummerċ u għall-investiment responsabbli, għall-iżvilupp tas-settur privat, b’attenzjoni partikolari għas-settur tal-ikel agrikolu li fuqu tiddependi l-maġġornaza tal-Afrikani għall-għajxien tagħha.

    -Il-promozzjoni tal-implimentazzjoni effettiva tal-Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika (FSE) fl-Afrika, sabiex l-atturi ekonomiċi jisfruttaw il-benefiċċji kollha li joffru l-ftehimiet.

    -Isir progress: fl-integrazzjoni reġjonali Afrikana, f’livell kontinentali u reġjonali, b’konformità mal-Aġenda 2063 tal-Afrika 22 u mal-objettivi stabbiliti mid-diversi reġjuni, b’enfasi partikolari fuq l-iffaċilitar tal-kummerċ, il-modernizzazzjoni doganali u l-armonizzazzjoni tal-istandards; fil-koerenza regolatorja; u f’infrastruttura sostenibbli u effiċjenti li tiffaċilita l-interoperabilità, l-investiment esoġenu u l-aċċess għal swieq reġjonali u globali.

    -It-tisħiħ tal-opportunitajiet ġodda ta’ investiment, inklużi investimenti ta’ kwalità għolja li ser jingranaw riżorsi addizzjonali minn swieq kapitali, u l-promozzjoni ta’ sħubijiet bejn atturi privati fiż-żewġ kontinenti u l-użu ta’ inizjattivi bħall-Forum tan-Negozju UE-Afrika bħala bażi.

    -Il-promozzjoni tal-ekonomija ħadra u blu u ta’ mudelli ekoloġiċi għat-trawwim tat-tkabbir sostenibbli inklużiv u din tiġi diżakkoppjata mid-degradazzjoni ambjentali, b’mod partikolari billi jiġu promossi mudelli sostenibbli ta’ konsum u ta’ produzzjoni.

    -Fid-dawl tal-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi, l-iżgurar ta’ aċċess universali għal enerġija affordabbli, affidabbli u moderna li tippermetti t-tkabbir sostenibbli inklużiv.

    c. Il-ġestjoni tal-migrazzjoni u tal-mobilità

    Sabiex jiġu sfruttati l-benefiċċji u jiġu ġestiti l-isfidi tal-migrazzjoni, huwa meħtieġ approċċ aktar ikkoordinat, sistematiku u strutturat, li jissodisfa l-interessi tal-UE u tal-Afrika. Għandu jiġi ristabbilit l-ordni fil-flussi migratorji filwaqt li tiġi ffaċilitata l-mobilità abbażi ta’ approċċ għall-migrazzjoni imsejjes fuq id-drittijiet immaniġjat tajjeb, konformi mal-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni u l-qafas ta’ sħubija l-ġdid tagħha ma’ pajjiżi terzi, id-Dikjarazzjoni tal-2014 dwar il-Migrazzjoni u l-Mobilità bejn l-UE u l-Afrika, u d-Dikjarazzjoni tas-Summit u l-pjan ta’ azzjoni tal-Belt Valletta. 

    Objettivi speċifiċi

    -Il-promozzjoni tat-tnissil u l-implimentazzjoni ta’ politiki dwar il-migrazzjoni, permezz tal-promozzjoni ta’ mezzi regolari u billi jiġu indirizzati l-flussi ta’ migrazzjoni irregolari, inklużi r-ripatrijazzjoni u r-riammissjoni.

    -Tiġi organizzata aħjar il-mobilità intrareġjonali u interreġjonali tal-forza tax-xogħol, l-iffaċilitar ta’ djalogu u ta’ kooperazzjoni istituzzjonali tul ir-rotot migratorji, u l-iffaċilitar taċ-“ċirkolazzjoni tal-imħuħ” permezz tar-rikonoxximent tal-ħiliet u tal-kwalifiki, djalogu dwar il-viżi, u l-promozzjoni tal-mobilità ta’ studenti, ta’ riċerkaturi u ta’ akkademiċi. It-tnaqqis tal-ispiża tar-rimessi u t-tisħiħ tar-rwol u tal-involviment tad-dijaspora.

    -L-indirizzar tal-migrazzjoni irregolari billi jiddaħħlu fis-seħħ miżuri ta’ prevenzjoni adegwati, inkluża l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali permezz ta’ ġestjoni integrata tal-fruntieri u l-promozzjoni ta’ alternattivi għall-migrazzjoni irregolari.

    -L-indirizzar b’mod aktar effettiv u effiċjenti tal-isfidi relatati mar-ritorn, ir-riammissjoni u r-riintegrazzjoni. Iridu jittieħdu impenji b'saħħithom fuq iż-żewġ naħat b’kooperazzjoni operazzjonali. B’mod partikolari, f'dak li għandu x’jaqsam mar-riammissjoni, il-provvedimenti eżistenti tal-Artikolu 13 tal-Ftehim ta' Cotonou hemm bżonn li jissaħħu u li jsiru eżegwibbli.

    -L-indirizzar taċ-ċaqliq sfurzat u l-promozzjoni ta’ protezzjoni internazzjonali fuq il-bażi tal-prinċipju ta’ tqassim tar-responsabbiltà, billi jiġu megħjuna l-preservazzjoni u t-tisħiħ tal-kapital uman ta’ dawk imġiegħla jaħarbu minn djarhom, tiġi megħjuna l-protezzjoni tagħhom u, finalment, jiġu pprovduti benefiċċji għall-iżvilupp lill-persuni spustati u lil dawk li jilqgħuhom. Dan huwa validu kemm għal popolazzjonijiet li jaħarbu minn pajjiżhom kif ukoll għal persuni spustati internament.

    d. L-iżvilupp tal-bniedem

    Il-faqar, l-iżvilupp batut tal-ħiliet, u l-inugwaljanza għadhom sfidi kbar, li qed jitjiebu biss bil-mod. It-tkabbir qawwi fil-popolazzjoni fl-Afrika jkompli jżid ma’ din l-isfida.

    Objettivi speċifiċi

    -L-emanċipazzjoni tan-nisa, taż-żgħażagħ u tal-gruppi vulnerabbli, billi jiġu promossi l-aċċess ugwali għal edukazzjoni u għal taħriġ vokazzjonali ta’ kwalità, il-protezzjoni soċjali, is-saħħa inkluża l-kura tas-saħħa riproduttiva u r-rappreżentazzjoni fil-proċessi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet politiċi u ekonomiċi għan-nisa u għat-tfajliet u ambjent abilitanti sabiex iż-żgħażagħ jilħqu l-potenzjal tagħhom, igawdu d-drittijiet tal-bniedem tagħhom u jinvolvu rwieħhom bħala atturi responsabbli.

    -L-indirizzar tal-inugwaljanzi soċjali u ekonomiċi permezz ta’ politiki fiskali, tal-pagi, u ta’ protezzjoni soċjali, inkluża l-garanzija tal-aċċess għal servizzi soċjali essenzjali ta’ kwalità għal kulħadd u l-promozzjoni ta’ livell minimu ta’ dħul definit f’livell nazzjonali. Għandha tinxteħet enfasi fuq l-iżgurar tas-sigurtà tal-ikel, permezz ta’ aktar investiment fl-infrastruttura rurali, fir-riċerka agrikola, fl-iżvilupp teknoloġiku u fl-innovazzjoni soċjali.

    -Il-promozzjoni tal-iżvilupp tal-għarfien billi tiġi pprovduta edukazzjoni ta’ kwalità, inklużi edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali u żvilupp tal-ħiliet b’konformità ma’ dak li jeħtieġ is-suq tax-xogħol, u l-promozzjoni attiva tal-ekonomija u tas-soċjetà diġitali, tax-xjenza u tat-teknoloġija, tar-riċerka u tal-innovazzjoni, sabiex itejbu b’mod sinifikanti l-ħajjiet tan-nies u l-impjegabbiltà tal-forza tax-xogħol lokali b’mod sostenibbli kemm f’ċentri urbani kif ukoll f’żoni rurali.

    -Tiġi indirizzata l-vulnerabbiltà għal xokkijiet makroekonomiċi u oħrajn, bħal theddid għas-saħħa u tfaqqigħ ta’ mard, it-tisħiħ tas-sistemi tas-saħħa biex ikun hemm kopertura tas-servizzi tas-saħħa u kura ta’ kwalità universali; u jiġi prevjenut u mnaqqas il-piż tal-mard, ta’ nutrizzjoni dgħajfa, ta’ skarsezza tal-ikel, tad-diżastri naturali u t-tibdil fil-klima.

    -Iż-żieda tal-aċċess għal ilma tajjeb għax-xorb u għas-sanità u l-promozzjoni tad-disponibbiltà u l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tal-ilma u l-prevenzjoni tal-firxa ta’ mard li jittieħed. L-avvanz fil-konservazzjoni, fir-restawr u fl-użu sostenibbli ta’ ekosistemi u ta’ riżorsi naturali u l-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura.

    -Il-kisba ta’ bliet u insedjamenti umani inklużivi, sikuri, reżiljenti u sostenibbli.

    3.2.2 Il-Karibew

    L-UE u l-Karibew jaqsmu storja twila, kultura u bażi wiesgħa ta’ valuri komuni. Permezz tar-reġjuni ultraperiferiċi tagħha, u l-pajjiżi u t-territorji u extra-Ewropej (OCTs) assoċjati, l-UE tagħmel fiżikament parti mill-Karibew ukoll. Il-pajjiżi tal-Karibew jaqsmu għadd ta’ objettivi politiċi tal-UE u jaffaċċjaw numru ta’ sfidi li l-UE għandha interess li tindirizzahom (bħat-tibdil fil-klima, il-kriminalità u sfidi oħrajn għas-sigurtà, il-preservazzjoni tal-ambjent), li wħud minnhom joffru opportunitajiet ta’ aċċess għas-suq (eż. l-enerġija sostenibbli).

    Fid-dawl tal-prijoritajiet tal-UE u tal-kuntest speċifiku, kif ukoll billi tintuża l-bażi stabbilita fis-sħubija strateġika bejn l-UE u l-Karibew, l-objettivi li ġejjin għandhom ikunu fil-qalba ta’ sħubija mġedda mal-pajjiżi tal-Karibew.

    a. Il-paċi u sigurtà tal-bnedmin, id-demokrazija, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba u d-drittijiet tal-bniedem

    Il-Karibew huwa reġjun stabbli fejn ħafna mill-pajjiżi jħaddnu demokraziji li jaħdmu sew, għad li l-governanza tajba u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem mhumiex kollha fl-istess livell. Il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-prattiki demokratiċi huma importanti għall-istabbiltà u għall-prosperità tar-reġjun. Huma importanti wkoll fid-dawl tan-numru ta’ pajjiżi u territorji extra-Ewropej assoċjati u tar-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE. Il-Karibew jinsab ġeografikament fir-rotot tat-traffikar tad-drogi lejn l-Amerika ta’ Fuq u l-Ewropa. Il-ġlieda kontra l-kriminalità transnazzjonali u l-finanzjament tat-terroriżmu, kontra l-evitar tat-taxxi u l-prattiki ta’ ħasil tal-flus u l-ħtieġa għal aktar trasparenza finanzjarja, huma sfidi importanti għaż-żewġ reġjuni.

    Objettivi speċifiċi

    -Il-konsolidazzjoni tal-funzjonament tal-istituzzjonijiet demokratiċi u t-tisħiħ tal-istat tad-dritt, l-aċċess għal ġustizzja effettiva u indipendenti, u s-sigurtà tal-bniedem. Dan hemm bżonn li jiġi kkumplementat permezz ta’ approċċ preventiv li jiffoka fuq l-indirizzar tal-għeruq inklużi l-faqar, l-esklużjoni soċjali, id-diskriminazzjoni u l-impunità.

    -It-titjib tal-protezzjoni u tal-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem għal kulħadd. L-enfasi għandha tkun fuq il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u d-drittijiet indiġeni, fuq il-ġlieda kontra l-vjolenza domestika, l-abbuż tat-tfal u l-pieni korporali, it-traffikar tal-bnedmin u d-diskriminazzjoni kontra l-minoranzi, fuq it-titjib tal-kundizzjonijiet tal-ħabsijiet u tal-imġiba tal-pulizija, kif ukoll fuq l-indirizzar tal-kwistjoni tal-piena tal-mewt.

    -Il-promozzjoni ta’ governanza ekonomika tajba inklużi l-ġestjoni soda tal-finanzi pubbliċi, it-trasparenza u r-responsabbiltà. Dan jinkludi t-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-ħasil tal-flus, u l-flussi finanzjarji illeċiti u r-rifuġji fiskali.

    b. L-integrazzjoni reġjonali, it-tkabbir sostenibbli inklużiv, il-kummerċ u l-ħolqien tax-xogħol

    Il-pajjiżi kollha, ħlief il-Haiti, għamlu tranżizzjoni lejn status ta’ dħul medju sa għoli. Minkejja dan, l-ekonomiji huma ġeneralment ikkaratterizzati minn swieq domestiċi ristretti, livelli għoljin ta’ djun, u bażi produttiva mhux diversifikata, li jillimitaw ir-reżiljenza tagħhom għal xokkijiet esterni.

    Objettivi speċifiċi

    -It-twettiq ta’ aktar progress fl-integrazzjoni reġjonali u f’inizjattivi u f’politiki ta’ kooperazzjoni, inkluż l-iżvilupp ta’ netwerks infrastrutturali u tal-interkonnettività sabiex jiġu ffaċilitati l-kummerċ u l-mobilità intrareġjonali u internazzjonali.

    -Il-prijoritizzazzjoni tal-ħolqien tax-xogħol u l-isfruttar ta’ investimenti mis-settur privat billi jinħoloq ambjent kummerċjali favorevoli, jissaħħu l-integrazzjoni reġjonali u l-kompetittività internazzjonali, jiġu promossi r-responsabbiltà soċjali korporattiva u l-aħjar prattiki kummerċjali, inkluża d-diġitalizzazzjoni, u jiġi appoġġjat l-iżvilupp ta’ intrapriżi żgħar u medji (SMEs), inkluż fl-ekonomija soċjali u solidali.

    -Il-promozzjoni tal-implimentazzjoni effettiva tal-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika UE-CARIFORUM, sabiex l-atturi ekonomiċi jkunu jistgħu jisfruttaw il-benefiċċji sħaħ offruti mill-ftehim.

    -It-tisħiħ ta’ inizjattivi reġjonali u nofsinhar-nofsinhar usa’ mal-Amerika Latina u mar-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE u l-pajjiżi u territorji extra-Ewropej assoċjati sabiex jiġu ffaċilitati l-kooperazzjoni u l-kummerċ emisferiċi eqreb.

    d. L-iżvilupp tal-bniedem

    L-indikaturi tal-iżvilupp tal-bniedem tjiebu f’ħafna mill-pajjiżi tal-Karibew matul l-aħħar deċennji. Minkejja dawn l-iżviluppi pożittivi, għadhom jippersistu l-faqar u l-faqar estrem fil-pajjiżi tal-Karibew, speċjalment fil-Haiti. Dan huwa marbut ma’ inugwaljanzi soċjali u ekonomiċi estremi.

    Objettivi speċifiċi

    -It-twettiq ta’ sforzi fil-livelli kollha fid-dawl tal-qerda tal-faqar, l-indirizzar tal-inugwaljanzi u l-promozzjoni ta’ xogħol diċenti għal kulħadd.

    -Il-promozzjoni tal-aċċess għal kulħadd għal servizzi tas-saħħa u soċjali ta’ kwalità, inklużi kopertura tas-saħħa universali, tisħiħ tal-kooperazzjoni fil-qasam tal-edukazzjoni, tat-tagħlim tul il-ħajja, il-forza tax-xogħol u tat-taħriġ bil-għan li jiġu żviluppati ħiliet adegwati għas-suq tax-xogħol u jiġi evitat l-eżodu ta’ mħuħ.

    -It-titjib tas-sigurtà tal-ikel u tan-nutrizzjoni u l-promozzjoni ta’ agrikoltura u agroindustrija sostenibbli b’valur miżjud, b’enfasi fuq bdiewa b’azjendi żgħar, bħala mod kif jiġu ddiversifikati l-ekonomiji tal-Karibew u jiġi evitat milli l-produtturi żgħar jitilfu l-għajxien tagħhom.

    c. It-tibdil fil-klima u l-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali

    Il-pajjiżi tal-Karibew ilkoll huma SIDS ikkaratterizzati minn territorji kostali baxxi, ferm esposti għal diżastri naturali inklużi terremoti, uragani, u l-impatt tat-tibdil fil-klima, inklużi livelli tal-baħar li jogħlew ikkaġunati mit-tibdil fil-klima. Peress li huma ferm vulnerabbli għall-effetti tat-tibdil fil-klima u fl-istess ħin għandhom bażi ekonomika dejqa, ma għandhomx ir-reżiljenza sabiex ikampaw bl-impatti dejjem akbar tad-diżastri naturali, tad-degradazzjoni tal-bijodiversità, jew tal-iskarsezza tal-ilma. Il-gżejjer tal-Karibew huma wkoll ferm dipendenti fuq il-karburanti fossili importati filwaqt li għandhom riżorsi naturali abbundanti u opportunitajiet sabiex jiżviluppaw sorsi tal-enerġija rinnovabbli.

    Objettivi speċifiċi

    -L-iffaċilitar tad-djalogu u tal-approċċi komuni sabiex jissaħħew ir-reżiljenza u l-kapaċità tar-reġjun tal-Karibew biex jimmitiga u jadatta għall-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima u mid-diżastri u t-theddida imposta minn dawn, inkluż fil-qasam tat-tnaqqis tar-riskju ta’ diżastri.

    -Fid-dawl tal-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi, it-tisħiħ tal-iżvilupp tal-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli u ta’ miżuri tal-effiċjenza enerġetika permezz tat-trasferiment tal-aħjar prattiki u tal-promozzjoni ta’ opportunitajiet ta’ investiment f’infrastruttura u f’teknoloġiji tal-enerġija nadifa.

    -L-appoġġ tal-implimentazzjoni tal-politiki li jikkontribwixxu għall-ħolqien ta’ ekonomija ħadra u blu u t-tħeġġiġ ta’ xejriet sostenibbli ta’ produzzjoni u ta’ konsum.

    -Il-protezzjoni u r-restawr tal-bijodiversità tal-art u marina u tal-ekosistemi kostali għall-preservazzjoni tal-bijodiversità, kif ukoll l-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali tagħha, inkluż permezz ta’ soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura u permezz ta’ servizzi tal-ekosistemi.

    -It-tisħiħ tal-kooperazzjoni fil-qasam tal-ġestjoni tar-riżorsi tal-ilma, inkluż il-forniment ta’ aċċess għal ilma sikur, għal sanità u ż-żieda tal-effiċjenza tal-użu tal-ilma; it-titjib tas-sistemi ta’ mmaniġġjar, tar-riċiklaġġ u tal-użu mill-ġdid tal-iskart.

    3.2.3 Il-Paċifiku

    L-UE u l-Paċifiku jaqsmu storja twila, rabtiet attwali b’saħħithom, u bażi wiesgħa ta’ valuri komuni. Apparti dawn ir-rabtiet bilaterali, in-numru kbir ta’ nazzjonijiet gżejjer u t-territorji marittimi enormi tagħhom jagħmlu l-Paċifiku attur importanti għall-UE fl-indirizzar tal-isfidi globali. Il-pajjiżi u t-territorji tal-Paċifiku jaqsmu xi sfidi kbar, speċjalment fir-rigward tal-vulnerabbiltà tagħhom għal diżastri naturali u għat-tibdil fil-klima, kif ukoll xi objettivi għall-iżvilupp ġenerali marbutin mad-daqs żgħir u mal-iżolament ġeografiku tagħhom.

    Fil-Paċifiku jgħixu madwar 500 000 ċittadin tal-UE (madwar 5 % tal-popolazzjoni totali tal-Paċifiku). Minbarra li tappoġġja l-OCTs madwar id-dinja, l-UE tappoġġja l-integrazzjoni tal-OCTs fi ħdan ir-reġjun tal-Paċifiku, bil-għan li timmassimizza l-kontribuzzjoni potenzjali tagħhom għall-iżvilupp sostenibbli tar-reġjun u sabiex jibbenefikaw ukoll mill-integrazzjoni reġjonali. F’Settembru tal-2016, New Caledonia u l-Polineżja Franċiża ġew ammessi bħala membri fil-Forum tal-Gżejjer tal-Paċifiku, il-korp politiku reġjonali ewlieni għall-Paċifiku.

    Fid-dawl tal-prijoritajiet tal-UE u tal-kuntest speċifiku, u fuq il-bażi stabbilita fl-istrateġija tal-UE għal sħubija msaħħa mal-Paċifiku, l-objettivi ta’ hawn taħt għandhom ikunu fil-qalba ta’ sħubija mġedda mal-pajjiżi tal-Paċifiku. Minbarra dawn l-objettivi speċifiċi, is-sħubija mġedda bejn l-UE u l-Paċifiku għandha tirrikonoxxi u tappoġġja l-isforzi tal-pajjiżi tal-Paċifiku rigward l-integrazzjoni reġjonali, mhux biss fi ħdan ir-reġjun tal-Paċifiku stess iżda anki – fejn din tkun fil-mira ta’ pajjiżi individwali – fir-reġjun tal-Asja-Paċifiku, b’mod partikolari mal-ASEAN minbarra li tgħin lill-pajjiżi tal-Paċifiku jindirizzaw sfidi relatati mas-sigurtà li jistgħu jqumu tul id-deċennji li ġejjin.

    a. Governanza tajba, drittijiet tal-bniedem u l-ġeneri

    Minkejja l-progress sostanzjali li sar tul l-aħħar deċennji, għad hemm dgħufijiet f’termini ta’ governanza tajba fil-livell nazzjonali u reġjonali u l-ħtieġa li jsir aktar progress fil-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u fl-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, qegħdin iżommu lura l-iżvilupp tar-reġjuni.

    Objettivi speċifiċi

    -L-iżgurar tar-ratifika u tal-implimentazzjoni tal-konvenzjonijiet ċentrali tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem, filwaqt li jitfakkar li l-implimentazzjoni limitata tal-konvenzjonijiet rilevanti spiss tkun dovuta għan-nuqqas ta’ strutturi amministrattivi adegwati aktar milli minħabba nuqqas ta’ rieda politika.

    -Il-promozzjoni tal-protezzjoni effettiva tad-drittijiet tal-bniedem, b’enfasi fuq il-ġlieda kontra l-vjolenza sessista u l-promozzjoni tad-drittijiet tat-tfal, permezz ta’ attivitajiet ta’ sostenn u ta’ interventi edukazzjonali.

    -Il-promozzjoni ta’ governanza tajba inkluża l-ġestjoni soda tal-finanzi pubbliċi, it-trasparenza u r-responsabbiltà, filwaqt li jiġu indirizzati wkoll l-isfidi emerġenti bħar-rifuġji fiskali u l-ħasil tal-flus. Il-kontribuzzjoni għall-konsolidazzjoni ulterjuri tal-istat tad-dritt u tal-aċċess għal ġustizzja effettiva u indipendenti.

    -It-tisħiħ tar-rwol tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, speċjalment fil-promozzjoni ta’ valuri fundamentali u fit-titjib tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel.

    -It-tisħiħ tal-implimentazzjoni tal-politiki u tad-djalogu dwar il-politika b’riżultati f’livell lokali, nazzjonali u reġjonali.

    b. Tkabbir sostenibbli inklużiv

    Ir-reġjun tal-Paċifiku huwa magħmul żoni ekonomiċi esklussivi kbar, b’riżorsi marittimi vasti. Madwar terz mis-sajd totali għat-tonn isir fil-Paċifiku. Filwaqt li hija attur modest fis-sajd għat-tonn fil-Paċifiku, l-UE għadha l-akbar konsumatur ta’ prodotti tas-sajd fid-dinja. L-UE hija suq tal-esportazzjoni importanti ħafna, speċjalment għal prodotti tas-sajd tal-Paċifiku. Għal dawn ir-raġunijiet, l-UE għandha interess sabiex tmexxi ’l quddiem il-ġlieda internazzjonali kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat fir-reġjun, sabiex jinżammu stokkijiet ta’ ħut popolati għall-ġenerazzjonijiet futuri.

    Madankollu, ir-riżorsi oċeaniċi mhumiex limitati għall-prodotti tas-sajd. Hemm opportunitajiet kbar fl-iżvilupp ta’ ekonija blu u ħadra sostenibbli. L-UE għandha interess li l-governanza oċeanika titjieb biex jiġi żgurat l-użu sostenibbli tar-riżorsi oċeaniċi 23 .

    Barra minn hekk, partijiet oħrajn mis-settur privat, bħat-turiżmu, għandhom jiġu żviluppati sabiex jipprovdu tkabbir sostenibbli inklużiv u opportunitajiet tax-xogħol.

    Objettivi speċifiċi

    -L-iżgurar tal-implimentazzjoni effettiva tal-Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika ma’ pajjiżi fir-reġjuni li japplikawhom.

    -It-tisħiħ tal-iżvilupp tas-settur privat, b’mod partikolari l-SMEs u t-titjib tal-kundizzjonijiet għall-investiment.

    -It-tisħiħ tal-inizjattivi reġjonali, nazzjonali u lokali li jippromwovu s-sajd sostenibbli u l-implimentazzjoni u r-rispett tal-Konvenzjoni tan-NU tal-Liġi tal-Baħar 24 , u l-ftehimiet li jimplimentawha, u ta’ konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti oħrajn. L-iżvilupp u l-promozzjoni ta’ governanza tal-oċeani u t-trawwim ta’ inizjattivi tal-ekonomija blu u ħadra bħall-isfruttament sikur tal-estrazzjoni minn qiegħ il-baħar bl-involviment tal-partijiet ikkonċernati kollha.

    -Il-promozzjoni ta’ opportunitajiet tax-xogħol diċenti, b’mod partikolari għaż-żgħażagħ u għan-nisa.

    c. It-tibdil fil-klima u l-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali

    It-tibdil fil-klima huwa ta’ tħassib ċentrali kemm għall-UE kif ukoll għall-pajjiżi u t-territorji sħab tal-Paċifiku.

    Objettivi speċifiċi

    -It-titjib tat-tħejjija għal diżastri naturali u għall-irkupru minnhom, bħal ċikluni tropikali, sabiex tinbena r-reżiljenza kontra dawn l-okkorrenzi.

    -Fid-dawl tal-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi, it-tisħiħ tal-iżvilupp tal-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli u tal-miżuri tal-effiċjenza enerġetika permezz tat-trasferiment tal-aħjar prattiki, inkluż fil-qasam tat-trasport marittimu, u l-promozzjoni tal-opportunitajiet ta’ investiment f’infrastruttura u f’teknoloġiji tal-enerġija nadifa.

    -L-appoġġ tal-implimentazzjoni ta’ politiki li jikkontribwixxu għall-ħolqien ta’ ekonomija ħadra (eż. permezz ta’ żvilupp rurali sostenibbli u agrikoltura u forestrija reżiljenti għat-tibdil fil-klima) u t-tħeġġiġ ta’ xejriet sostenibbli ta’ produzzjoni u ta’ konsum.

    -It-tisħiħ tal-ħarsien tal-ambjent u tal-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali, inkluż fl-immaniġġjar tal-iskart u fl-ilma, fis-sanità u fis-saħħa.

    -Il-protezzjoni u r-restawr tal-bijodiversità tal-art u marina u tal-ekosistemi kostali għall-preservazzjoni tal-bijodiversità kif ukoll l-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali u tas-servizzi tal-ekosistema tagħha.

    4. Sħubija aktar immirata u flessibbli

    Sabiex tissodisfa l-interessi strateġiċi tagħha, l-UE trid tiddefinixxi kif tista’ tkompli ttejjeb il-mod li bih għandhom jiġu organizzati u rregolati r-relazzjonijiet mas-sħab tagħha fl-Afrika, fil-Karibew u fil-Paċifiku. Dan l-element importanti għal sħubija politika jmiss diversi aspetti, li ser ikunu jeħtieġu konsultazzjonijiet estensivi mal-pajjiżi sħab ukoll. Jikkonċerna l-format tar-relazzjonijiet, l-atturi li jridu jkunu involuti u l-prinċipji li fuqhom għandha tiġi bbażata l-kooperazzjoni, il-mekkaniżmi meħtieġa għal riżultati aħjar, kif ukoll il-kompożizzjoni istituzzjonali xierqa u l-appoġġ legali b'appoġġ tal-implimentazzjoni tas-sħubija. F’dan ir-rigward, hemm tagħlimiet importanti meħuda mis-CPA li jridu jiġu kkunsidrati.

    4.1 It-tagħlimiet meħuda

    L-evalwazzjoni tas-CPA 25 tissottolinja għadd ta’ vantaġġi u ta’ żvantaġġi. L-evalwazzjoni tindika l-progress fil-qerda tal-faqar u fl-iżvilupp tal-bniedem fil-pajjiżi AKP, fiż-żieda tal-flussi tal-kummerċ, fit-tisħiħ tal-paċi u tas-sigurtà u fit-tisħiħ tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem. Madankollu, għad hemm bżonn li jsiru sforzi importanti, speċjalment peress li wħud minn dawn il-kisbiet huma mheddin mill-feġġa ta’ sorsi ġodda ta’ instabbiltà (eż. żieda demografika qawwija, gvernijiet awtoritarji u terroriżmu, u tibdil fil-klima).

    Id-djalogu politiku (Artikolu 8 tas-CPA) u konsultazzjonijiet/miżuri xierqa (Artikolu 96 tas-CPA) wrew li huma għodod siewja, minkejja li fadal xi potenzjal li għadu ma ntmessx. Inkisbu riżultati mħalltin f’oqsma differenti, inklużi: id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija, il-governanza tajba u l-istat tad-dritt (Artikolu 9), il-migrazzjoni (Artikolu 13) u l-involviment tal-atturi statali u mhux statali (Artikolu 6).

    Barra minn hekk, l-evalwazzjoni tindika l-fatt li s-CPA ma rnexxilux jaqbad biżżejjed l-intensifikazzjoni tad-dinamiċi reġjonali u l-eteroġeneità dejjem akbar tal-pajjiżi sħab bħal, pereżempju, bejn dawk l-aktar fil-bżonn (LDCs, pajjiżi fraġli), kif ukoll dawk ta’ pajjiżi aktar avvanzati (Pajjiżi bi Dħul Medju , eċċ.). L-organizzazzjonijiet reġjonali u kontinentali stabbiliti mill-pajjiżi sħab qegħdin ifeġġu b’mod gradwali bħala atturi reġjonali li jkopru mandati politiċi kif ukoll relatati mas-sigurtà kif ukoll mandati tal-kummerċ u l-iżvilupp.

    L-evalwazzjoni tissottolinja wkoll li l-kompożizzjoni istituzzjonali attwali u l-funzjonament tagħha, kif ukoll ċerti proċessi operazzjonali, juru ineffiċjenzi sinifikanti.

    Finalment, il-kooperazzjoni bejn l-UE u s-sħab tagħha f’fora multilaterali bilkemm intużat. Ġiet introdotta biss fir-reviżjoni tal-2010 tas-CPA u ġabet magħha eżiti pożittivi bħan-negozjati tal-Ftehim ta’ Pariġi dwar il-klima, iżda spiss, is-sħubija ma rnexxilhiex tuża s-saħħa kollha tagħha sabiex tinfluwenza l-eżitu. Il-progress f’dan il-qasam se jeħtieġ li l-pajjiżi sħab kollha juru l-impenn tagħhom għall-objettivi li jkunu stabbilew għalihom stess matul is-Summit ta’ Port Moresby tal-AKP 26 . Jitlob ukoll li l-UE tfittex modi kif toħloq flessibbiltà għall-bini ta’ alleanzi li jinkludu lil Stati AKP u dawk mhux AKP, bħal LDCs jew SIDS.

    4.2 Sħubija flessibbli mibnija fuq approċċ reġjonali b’saħħtu

    Sabiex tinħoloq relazzjoni mibnija fuq prijoritajiet komuni li jqisu l-kuntest evolut u t-tagħlimiet meħuda, ġew analizzati u vvalutati diversi għażliet għall-format tal-ġejjieni f’valutazzjoni tal-impatt 27 (ara l-Anness I).

    4.2.1 L-għażliet

    L-għażliet ivarjaw mit-tħallija tas-CPA jiskadi bla ma jinbidel, sat-tibdil tal-Ftehim attwali ma’ wieħed ġdid iżda b’tibdil limitat. Din tal-aħħar ovvjament ma tindirizzax id-dgħufijiet serja fil-Ftehim eżistenti. L-għażla msemmija qabel jista’ jkun tinvolvi aktar kostijiet milli benefiċċji, peress li tkun qed tabbanduna l-acquis pożittiv ta’ sħubija li ilha għaddejja 40 sena u ddgħajjef ir-rwol tal-UE fil-livell globali. Li jkun hemm sħubija mal-pajjiżi Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku mhijiex xi ħaġa li hemm dubji dwarha. Madankollu, uħud mill-partijiet ikkonċernati jmaqdru l-approċċ, il-kontenut u l-format attwali tagħha.

    Ġew ivvalutati tliet għażliet f’aktar dettall:

    (1) Sħubija sostanzjalment riveduta mal-pajjiżi sħab. Din l-għażla tkun tirrifletti l-iżviluppi mindu seħħet it-tieni reviżjoni tas-CPA fl-2010, iżda ma tkunx tipprovdi l-koerenza tal-politika meħtieġa mal-istrateġiji reġjonali aktar riċenti u ma tkunx tirrifletti b’mod adegwat l-importanza li qiegħda tikber tal-livell kontinentali (Unjoni Afrikana), reġjonali u subreġjonali;

    (2) Reġjonalizzazzjoni sħiħa tar-relazzjonijiet mal-pajjiżi sħab, permezz ta’ tliet sħubijiet reġjonali separati (mal-Afrika, mal-Karibew u mal-Paċifiku). Din l-għażla tkun tirrifletti d-dimensjoni kontinentali u reġjonali iżda ma tkunx qed tirrispondi għar-rieda tal-pajjiżi sħab li jkollhom sħubija mġedda mal-UE u tagħmilha inqas evidenti li jinbnew alleanzi f’fora globali (bħall-UNFCCC jew id-WTO);

    (3) It-tielet alternattiva tieħu l-forma ta’ ftehim wieħed mal-pajjiżi sħab, li jikkonsisti fi tliet sħubijiet reġjonali distinti mal-Afrika, mal-Karibew u mal-Paċifiku, bi ftuħ għal involviment eqreb ta’ pajjiżi oħrajn, taħt umbrella komuni. Din l-umbrella tkun tiddefinixxi l-valuri, il-prinċipji, l-elementi essenzjali u l-interessi komuni li jkunu l-bażi tal-kooperazzjoni bejn il-partijiet, filwaqt li tibni fuq l-acquis sinifikanti tas-CPA. Tkun tinkludi wkoll mekkaniżmi speċifiċi għall-kooperazzjoni fl-aġenda globali. It-tliet sħubijiet reġjonali jibnu fuq dawk eżistenti u jintegrawhom (eż. l-Istrateġija Konġunta UE-Afrika) u jistabbilixxu l-prijoritajiet u l-azzjonijiet iffokati fuq l-ispeċifiċitajiet tal-aġenda tas-sħubija ma’ kull wieħed mit-tliet reġjuni. Dan ser jippermetti lill-UE u lill-pajjiżi sħab jistabbilixxu inizjattivi fl-aktar livell xieraq.

    4.2.2 L-għażla proposta

    It-tielet għażla tagħmilha possibbli li l-kwistjonijiet jiġu indirizzati aħjar fil-livell it-tajjeb u fil-kuntest it-tajjeb, fuq il-bażi tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-komplimentarjetà, filwaqt li tagħraf li ħafna mill-isfidi globali tal-lum relatati mas-sostenibbiltà jeħtieġu azzjoni li tgħaqqad ir-reġjuni individwali flimkien. Din tirrispetta l-fatt li l-parti l-kbira tal-involviment tal-UE diġà jinsab f’livell nazzjonali, segwit minn dak reġjonali u fit-tielet post biss f’livell tal-AKP. Filwaqt li l-interessi fl-Afrika, fil-Karibew u fil-Paċifiku jinvolvu diversi kwistjonijiet, li jkunu jibbenefikaw minn involviment konġunt, hemm ukoll interessi speċifiċi biex jiġu żviluppati fuq bażi differenzjata. L-Unjoni Afrikana, iżda anki l-organizzazzjonijiet reġjonali bħall-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika tal-Punent, il-Komunità għall-Iżvilupp tan-Nofsinhar tal-Afrika jew il-Komunità tal-Afrika tal-Lvant huma atturi rilevanti, bħalma huma organizzazzjonijiet reġjonali oħrajn bħall-CARICOM/CARIFORUM fil-Karibew.

    Fl-istess ħin, is-sħubija umbrella tkun tevita l-kost ta’ ċaħda ta’ kwalunkwe sħubija mal-pajjiżi sħab bħala grupp u tista’ tippreserva l-acquis ta’ Cotonou, b’mod partikolari f’dak li għandu x’jaqsam mal-elementi essenzjali u r-rabta mal-Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika. Dawn huma identiċi għat-tliet reġjuni, u b’hekk jipprovdu ekonomiji ta’ skala sinifikanti għan-negozjar u għall-ġestjoni b’mod konġunt ta’ dawn l-aspetti minflok milli b’mod separat ma’ raggruppamenti jew ma’ pajjiżi differenti. Tippermetti għall-iżvilupp tal-kooperazzjoni fil-livell internazzjonali fuq sfidi globali komuni ewlenin wkoll. Il-piż tal-alleanza jista’ tkun sostanzjali kif jirrifletti r-rwol moqdi fil-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi.

    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, il-format il-ġdid propost jippermetti li jinżammu l-elementi siewja kollha tas-CPA attwali, iżda ferm aktar importanti dan jipprovdi l-kundizzjonijiet it-tajbin għall-UE sabiex tilħaq l-objettivi l-ġodda tagħha.

    4.2.3 Interazzjoni lil hinn mill-pajjiżi AKP

    L-għażla umbrella tippermetti wkoll l-aħjar mod kif jiġu involuti pajjiżi interessati lil hinn mill-AKP sabiex tiġi żgurata koerenza, speċjalment fir-rigward tad-dimensjoni pan-Afrikana (eż. bejn is-Sħubija UE-AKP u l-Istrateġija Konġunta UE-Afrika). Dan huwa importanti, peress li jippermetti lill-UE tallinja, fejn hemm bżonn, l-ambitu ġeografiku għall-involviment f’objettivi speċifiċi għal grupp speċifiku ta’ pajjiżi u se żżid il-kapital diplomatiku għall-UE għal ħidma aktar strateġiku favur l-interessi tagħha. F’dan ir-rigward, l-involviment tal-pajjiżi mhux AKP fl-Afrika ta’ Fuq, il-ftit membri mhux tal-AKP tal-grupp ta’ LDCs u tal-grupp ta’ SIDS huwa partikolarment importanti. Il-pajjiżi mhux AKP rilevanti għandhom ikunu involuti iktar mill-qrib, filwaqt li fl-istess ħin tiġi żgurata l-koerenza mal-oqfsa tal-politika eżistenti (eż. il-Politika Ewropea dwar il-Viċinat) u l-ftehimiet ta’ assoċjazzjoni diġà eżistenti.

    4.3 Sħubija fuq diversi livelli ma’ diversi partijiet ikkonċernati bi prinċipji ewlenin għall-kooperazzjoni

    Is-sħubija għandha tkun imsejsa fuq sensiela ta’ prinċipji. Għandha titwettaq permezz ta’ sistema fuq diversi livelli ta’ governanza li tippermetti li jittieħdu azzjonijiet fl-aktar livell xieraq, b’konformità mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-komplimentarjetà, kif ukoll id-differenzazzjoni u r-reġjonalizzazzjoni. Is-sħubija għandha tibni wkoll fuq approċċ b’diversi partijiet ikkonċernati, li jmur lil hinn minn gvernijiet li ma jistgħux ilaħħqu mal-isfidi waħedhom.

    4.3.1 Il-prinċipji fundamentali għall-kooperazzjoni

    Is-sħubija l-ġdida għandha tkun mirfuda mill-prinċipji fundamentali li ġejjin:

    -id-djalogu;

    -ir-responsabbiltà reċiproka;

    -il-parteċipazzjoni wiesgħa ta’ atturi statali u mhux statali;

    -is-sjieda.

    4.3.2 Il-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-komplimentarjetà

    Is-sħubija għandha tirrifletti u tintegra d-dinamika reġjonali madwar l-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku. Għandha tagħmel dan billi tiżgura li l-impenn politiku u t-teħid ta’ deċiżjonijiet iseħħu fl-aktar livell rilevanti ta’ responsabbiltà, kemm jekk nazzjonali, reġjonali, kontinentali jew inkella madwar l-AKP.

    4.3.3 L-atturi

    Kif indikat fil-konsultazzjoni pubblika u fl-evalwazzjoni, id-dimensjoni ta’ diversi partijiet ikkonċernati tas-sħubija hija rikonoxxuta iżda jistħoqqilha tissaħħaħ. Għandha tilħaq lil firxa ta’ atturi, kemm dawk statali kif ukoll mhux statali. Sħubija ġdida għandha ssaħħaħ ir-rwoli rispettivi tagħhom. Dawn jinkludu:

    -Atturi statali: gvernijiet nazzjonali, parlamenti u awtoritajiet reġjonali u lokali;

    -Organizzazzjonijiet reġjonali (inkluża l-Unjoni Afrikana);

    -Pajjiżi mhux AKP, u

    -Atturi mhux statali, inklużi sħab mis-soċjetà ċivili, ekonomiċi u soċjali u s-settur privat.

    4.4 Sħubija li tikseb riżultati aħjar

    Is-sħubija trid tiddefinixxi mezzi u għodod xierqa li jippermettu li jinkisbu l-aktar riżultati effiċjenti fuq il-prijoritajiet stabbiliti. Dan irid ikun allinjat għalkollox mal-Aġenda ta’ Azzjoni ta’ Addis Ababa, li hija parti mill-Aġenda 2030, mat-tiswir ta’ Kunsens Ewropew ġdid għall-Iżvilupp, mal-Ftehim ta’ Pariġi dwar il-Klima, u mar-rakkomandazzjonijiet li jirriżultaw mill-evalwazzjoni tas-CPA.

    4.4.1 Sħubija ddiversifikata

    Is-sħubija għandha tapplika metodi ta’ implimentazzjoni differenzjati b’konformità mal-Aġenda 2030, mal-Aġenda ta’ Azzjoni ta’ Addis Ababa, mal-Istrateġija Globali tal-UE u mal-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp 28 .

    4.4.2 Mezzi ta’ implimentazzjoni

    L-Aġenda ta’ Azzjoni ta’ Addis Ababa tistabbilixxi paradigma ġdida u tipprovdi qafas għall-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 permezz ta’ mezzi finanzjarji u mhux finanzjarji. Din għandha tkun fil-qalba tas-sħubija. L-aġenda tinkludi l-azzjoni domestika, l-oqfsa ta’ politika abilitanti u r-rwol ta’ settur privat vibranti, ilkoll mirfudin minn ambjent internazzjonali li jagħti appoġġ.

    Il-pajjiżi sħab għandhom jikkonċentraw l-isforzi fuq l-indirizzar tad-diskrepanzi eżistenti fil-finanzi pubbliċi domestiċi, inkluża l-mobilizzazzjoni mtejba tar-riżorsi domestiċi; nefqa pubblika aktar effettiva u effiċjenti; u mmaniġġjar tad-dejn. Għandhom jiġu promossi sistemi tat-taxxa u oqfsa tan-nefqa pubblika ġusti, trasparenti u effettivi. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-indirizzar tal-evitar tat-taxxa, lill-evażjoni tat-taxxa u lill-flussi finanzjarji illeċiti.

    L-UE għandha tkun ferm favur modalitajiet u għodod ikkombinati li marru tajjeb ħafna, filwaqt li żżomm livell għoli ta’ flessibbiltà sabiex tkun tista’ tadatta għal aktar titjib. Dan għandu jimxi mal-prinċipji tal-effettività tal-iżvilupp (fosthom is-sjieda, it-trasparenza, ir-responsabbiltà reċiproka u l-fokus fuq ir-riżultati) u għandu jkun appoġġjat iktar mill-implimentazzjoni ta’ koerenza tal-politiki għall-iżvilupp (PCD).

    4.5 Sħubija appoġġjata mill-kompożizzjoni istituzzjonali t-tajba

    Il-kompożizzjoni istituzzjonali għandha tirrifletti n-natura politika tas-sħubija, il-prijoritajiet stabbiliti, il-format magħżul, il-modi ta’ kooperazzjoni u l-atturi differenti involuti. Għandha tippermetti li jittieħdu deċiżjonijiet u azzjonijiet malajr u b’mod effettiv. Is-sistema attwali bbażata fuq istituzzjonijiet konġunti wriet li hija siewja sabiex jinqasmu esperjenzi iżda llum għadda żmienha peress li saret tinvolvi wisq xogħol kumpless. Għadu kmieni wisq biex tiġi definita l-kompożizzjoni istituzzjonali f’dan l-istadju, iżda jista’ jiġi propost għadd ta’ prinċipji li jiddefinixxu d-disinn tagħha.

    Bħala sħubija politika bbażata fuq responsabbiltajiet reċiproċi u appoġġjata minn regoli, għandha tiġi implimentata permezz ta’ arkitettura istituzzjonali mqassma fuq diversi saffi u flessibbli li tippromwovi u tiffaċilita d-djalogu fuq kwistjonijiet ta’ tħassib komuni. Għandha tuża l-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-komplimentarjetà sabiex tiddefinixxi l-involviment ta’ atturi istituzzjonali u mhux istituzzjonali rilevanti f’livelli differenti.

    Id-djalogu u l-kooperazzjoni fil-livelli kollha għandhom jiffokaw fuq il-format li jkun jissodisfa bl-aħjar mod l-objettivi u l-interessi speċifiċi, b’dawk il-pajjiżi u l-organizzazzjonijiet reġjonali jew l-oqfsa kooperattivi li jmorru l-aħjar f’qasam partikolari.

    4.6 Sħubija sostnuta minn qafas legali

    L-istatus legali tas-sħubija futura għandu rwol importanti għall-implimentazzjoni tagħha, kif ikkonfermat mill-analiżi li saret fil-Valutazzjoni tal-Impatt annessa ma’ din il-Komunikazzjoni. Għaldaqstant, huwa fl-interess politiku tal-UE li tikkonferma l-impenn dejjiemi tagħha billi tankra s-sħubija l-ġdida fi ftehim legalment vinkolanti. Fl-istess ħin, is-sħubija l-ġdida għandha tibqa’ flessibbli u aġli sabiex tadatta għall-progress tagħha stess u għall-ambjent li jinsab f’evoluzzjoni kontinwa. Dan huwa partikolarment rilevanti għall-pilastri reġjonali. Dawn huma l-prinċipji bażiċi li fuqhom għandu jkun imsejjes u rfinat l-istatus ġuridiku ta’ sħubija futura meta jkunu magħrufin għalkollox il-prijoritajiet finali u l-karatteristiċi ewlenin tas-sħubija.

    4.7 Il-passi li jmiss

    Il-Komunikazzjoni se tkun il-bażi għad-diskussjonijiet mal-Kunsill u l-Parlament, kif ukoll partijiet ikkonċernati usa’ fosthom sħab mill-AKP, bil-ħsieb li titħejja rakkomandazzjoni b’direttivi ta' negozjati.

    (1)

    2007/483/KE ĠU L 317, 15.12.2000

    (2)

    L-Artikolu 95.4 tas-CPA

    (3)

    Nittrasformaw id-dinja tagħna: l-aġenda 2030 għall-iżvilupp sostenibbli, tan-Nazzjonijiet Uniti A/RES/70/1

    (4)

    Shared Vision, Common Action: A Stronger Europe. A Global Strategy for the European Union’s Foreign and Security Policy, 28 ta’ Ġunju 2016 http://europa.eu/globalstrategy/en/shared-vision-common-action-stronger-europe

    (5)

    Proposal for a new European Consensus on Development, Communication (C(2016) 740 final)

    (6)

    Id-Dokument Konġunt ta’ Diskussjoni JOIN(2015) 33 u l-eżiti tiegħu huma disponibbli fuq:

    http://ec.europa.eu/europeaid/public-consultation-eu-acp-new-partnership_en

    (7)

    L-Evalwazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija ta’ Cotonou SWD(2016) 250 hija disponibbli fuq:

    https://ec.europa.eu/europeaid/policies/european-development-policy/acp-eu-partnership-after-2020_en

    (8)

    Dokument ta’ Ħidma Konġunt tal-Persunal tal-Valutazzjoni tal-Impatt JOIN(2016)380

    (9)

    http://www.un.org/esa/ffd/wp-content/uploads/2015/08/AAAA_Outcome.pdf

    (10)

    COM(2015) 240 final, disponibbli fuq: http://ec.europa.eu/dgs/home-affairs/what-we-do/policies/european-agenda-migration/index_en.htm

    (11)

    Disponibbli fuq: http://www.consilium.europa.eu/en/press/press-releases/2015/11/12-valletta-final-docs/

    (12)

    COM(2016) 385 final, disponibbli fuq: http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?qid=1481797622696&uri=CELEX:52016DC0385

    (13)

    Il-ftehim ta’ Pariġi skont il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima FCCC/CP/2015/L.9/rev.1

    (14)

    Il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, Il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima

    (15)

      http://www.cop21paris.org/about/cop21  

    (16)

      http://unfccc.int/paris_agreement/items/9485.php  

    (17)

    Agenda 2063 The future we want for Africa – agenda2063.au.int

    (18)

    The Africa-EU Strategic Partnership - A Joint Africa EU Strategy – www.africa-eu-partnership.org/sites/default/files/documents/eas2007_joint_strategy_en.pdf

    (19)

    www.peaceau.org/en/page/104-african-peace-and-security-architecture-apsa

    (20)

    Aga-platform.org

    (21)

    Au.int/en/treaties/African-charter-de;ocracy-elections-and-governance

    (22)

      http://agenda2063.au.int/  

    (23)

     Komunikazzjoni Konġunta dwar Il-governanza internazzjonali tal-oċeani: aġenda għall-futur tal-oċeani tagħna - http://ec.europa.eu/maritimeaffairs/sites/maritimeaffairs/files/join-2016-49_mt.pdf

    (24)

    Il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Dritt Marittimu, 10 ta’ Diċembru 1982, disponibbli fuq: http://www.un.org/depts/los/convention_agreements/convention_overview_convention.htm

    (25)

    Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal Konġunt: Evaluation of the Cotonou Partnership Agreement (SWD(2016) 250 final)

    (26)

      http://www.acp.int/content/declaration-8th-summit-acp-heads-state-and-government-acp-group-states  

    (27)

    Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal Konġunt: Impact Assessment on future relations with ACP countries after 2020 (SWD(2016) xxx).

    (28)

    Placeholder for Consensus Communication xxxx

    Top