Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016JC0042

    Proposta Konġunta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta’ Djalogu Politiku u ta’ Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika ta’ Kuba, min-naħa l-oħra

    JOIN/2016/042 final - 2016/0297 (NLE)

    Brussell, 21.9.2016

    JOIN(2016) 42 final

    2016/0297(NLE)

    Proposta Konġunta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta’ Djalogu Politiku u ta’ Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika ta’ Kuba, min-naħa l-oħra


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Fl-10 ta’ Frar 2014, il-Kunsill adotta deċiżjoni li tawtorizza lill-Kummissjoni Ewropea u lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà jiftħu n-negozjati u jinnegozjaw Ftehim ta’ Djalogu Politiku u ta’ Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika ta’ Kuba, min-naħa l-oħra (il-“Ftehim” jew il-“FDPK”).

    In-negozjati bdew fid-29 ta’ April 2014 u ġew konklużi, wara seba’ sessjonijiet, f’Marzu 2016. Il-Ftehim ġie inizjalat fil-11 ta’ Marzu 2016 f’Havana, fil-preżenza tar-Rappreżentant Għoli u l-Kummissarju għall-Kooperazzjoni Internazzjonali u l-Iżvilupp.

    Il-Kunsill inżamm infurmat f'kull stadju tan-negozjati. Huwa ġie kkonsultat fil-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Amerika Latina u l-Karibew (COLAC) u fil-Kumitat tal-Politika Kummerċjali. L-Istati Membri pprovdew kummenti qabel l-inizjalar tal-Ftehim.

    Il-Parlament Ewropew ġie infurmat ukoll matul in-negozjati.

    Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli qiesu li l-objettivi stabbiliti mill-Kunsill fid-direttivi ta' negozjati tiegħu ġew issodisfati u li l-abbozz tal-Ftehim jista' jiġi ppreżentat għall-iffirmar.

    Din il-proposta tirrigwarda l-għodda legali għall-iffirmar tal-Ftehim.

    2.IL-FTEHIM

    Ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u Kuba huma rregolati mill-Pożizzjoni Komuni tal-UE 96/697/PESK tat-2 ta’ Diċembru 1996. Il-FDPK huwa l-ewwel ftehim bilaterali bejn l-UE u Kuba. Dan se joħloq qafas stabbli għal relazzjonijiet bejn l-UE u Kuba, li jħassar id-djalogu ad hoc u l-kooperazzjoni frammentata li kkaratterizzawhom sal-lum. Dan se jservi bħala qafas u pjattaforma għal kooperazzjoni eqreb u djalogu f’firxa wiesgħa ta’ oqsma ta’ politika.

    Il-Ftehim għandu l-għan li jikkonsolida u jsaħħaħ ir-rabtiet bejn il-Partijiet fl-oqsma ta’ djalogu politiku, kooperazzjoni u kummerċ, abbażi tar-rispett reċiproku, ir-reċiproċità, l-interess komuni u rispett għas-sovranità tagħhom. Ir-relazzjoni se tkun immirata lejn l-appoġġ tal-immodernizzar tal-ekonomija u s-soċjetà Kubana, il-kooperazzjoni bilaterali u fil-fora internazzjonali bl-għan li jissaħħu d-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija, il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u l-kisba tal-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli. Il-Ftehim jinkludi l-elementi essenzjali standard tal-UE, il-klawżola dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-klawżola dwar in-nonproliferazzjoni, li l-ksur tagħhom jista’ jwassal għas-sospensjoni tal-Ftehim.

    Il-Ftehim essenzjalment jibni fuq struttura bi tliet pilastri:

    djalogu politiku (Parti II): id-dispożizzjonijiet rilevanti jkopru firxa ta’ oqsma ta’ politika speċifiċi, inklużi d-drittijiet tal-bniedem, l-armi ħfief u ta’ kalibru żgħir, id-diżarm u n-nonproliferazzjoni tal-armi tal-qerda tal-massa, it-terroriżmu, ir-reati serji ta’ tħassib internazzjonali (il-kwistjonijiet koperti jinkludu l-Qorti Kriminali Internazzjonali), il-miżuri unilaterali koerċittivi (jiġifieri l-embargo tal-Istati Uniti), il-ġlieda kontra l-produzzjoni, it-traffikar u l-konsum tad-drogi illeċiti, il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni razzjali, il-ksenofobija u l-intolleranza relatata, u l-iżvilupp sostenibbli;

    kooperazzjoni u djalogu dwar il-politika settorjali (Parti III): dawn id-dispożizzjonijiet ikopru firxa wiesgħa ta’ oqsma għall-kooperazzjoni futura, inklużi kwistjonijiet politiki u legali (il-governanza u d-drittijiet tal-bniedem, il-ġustizzja, is-sigurtà taċ-ċittadini u l-migrazzjoni), soċjali, ambjentali u ekonomiċi u ta’ żvilupp, inkluż fil-livell subnazzjonali. Tingħata attenzjoni partikolari għall-integrazzjoni u kooperazzjoni reġjonali (il-Karibew u l-Amerika Latina); u

    kummerċ u kooperazzjoni kummerċjali (Parti IV): din il-parti tikkodifika l-bażi konvenzjonali (relatata mad-WTO) għall-kummerċ bejn l-UE u Kuba. Barra minn hekk, tinkludi dispożizzjonijiet dwar il-faċilitazzjoni tal-kummerċ u l-kooperazzjoni f’oqsma bħal ostakli tekniċi għall-kummerċ u l-istandards, bl-għan li jittejbu l-prospetti għal relazzjonijiet ekonomiċi aktar profondi. Dan jinkludi klawżola li tipprevedi l-iżvilupp futur ta’ qafas aktar b’saħħtu għall-investiment.

    Parti V (Dispożizzjonijiet Istituzzjonali u Finali) tistabbilixxi qafas istituzzjonali magħmul minn Kunsill Konġunt u Kumitat Konġunt. Din tinkludi wkoll dispożizzjoni dwar l-issodisfar tal-obbligi li fiha miżuri li għandhom jittieħdu u l-proċedura li għandha tiġi segwita fil-każ li waħda mill-Partijiet tonqos milli twettaq l-obbligi tagħha skont il-Ftehim.

    Il-Ftehim huwa konkluż għal perjodu illimitat u jista' jiġi mitmum b'avviż ta' sitt xhur.

    Jenħtieġ li l-Ftehim iħassar il-Pożizzjoni Komuni 96/697/PESK. B’mod parallel ma’ din il-proposta konġunta, ir-Rappreżentant Għoli jippreżenta proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tirrevoka l-Pożizzjoni Komuni 96/697/PESK, bil-ħsieb li l-Kunsill jadotta ż-żewġ miżuri fl-istess ħin.

    3.    BAŻI ĠURIDIKA GĦAD-DEĊIŻJONI PROPOSTA

    3.1.    Bażi ġuridika sostantiva

    Il-Qorti ddeċidiet 1 li miżura li ssegwi simultanjament għadd ta’ objettivi, jew li għandha diversi komponenti, li huma marbutin flimkien b’mod inseparabbli mingħajr ma wieħed ikun inċidentali għall-ieħor, u li għaldaqstant diversi dispożizzjonijiet tat-Trattat japplikaw għalihom, iridu jkunu bbażati, b’mod eċċezzjonali, fuq id-diversi bażijiet ġuridiċi korrispondenti, sakemm il-proċeduri stabbiliti għal kull bażi ġuridika ma jkunux inkompatibbli ma' xulxin.

    Il-Ftehim isegwi l-objettivi u għandu komponenti fl-oqsma tal-politika estera u ta' sigurtà komuni (PESK), il-politika kummerċjali komuni u l-kooperazzjoni tal-iżvilupp. Dawn l-aspetti tal-Ftehim huma marbuta b'mod inseparabbli mingħajr ma' wieħed ikun inċidentali għall-ieħor.

    Għalaqstant, jenħtieġ li l-bażi ġuridika tad-Deċiżjoni proposta tinkludi l-Artikoli 37 tat-TUE, 207 tat-TFUE u 209 tat-TFUE.

    3.2.    Bażi ġuridika proċedurali

    L-Artikolu 218(5) tat-TFUE jipprevedi l-adozzjoni ta' deċiżjoni li tawtorizza l-iffirmar ta' ftehim. It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(8) tat-TFUE jipprevedi li l-Kunsill għandu jaġixxi b'mod unanimu jekk il-ftehim ikopri qafas li għalih li tkun unanimu huwa meħtieġ għall-adozzjoni ta' att tal-Unjoni. Il-FDPK huwa qasam li fih l-anonimità hija meħtieġa għall-adozzjoni ta' att tal-Unjoni.

    3.3.    Konklużjoni

    Għaldaqstant, jenħtieġ li l-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta tkun l-Artikoli 37 tat-TUE, 207 tat-TFUE u 209 tat-TFUE moqrija flimkien mal-Artikoli 218(5) tat-TFUE u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(8) tat-TFUE. Ma huma meħtieġa l-ebda dispożizzjonijiet addizzjonali bħala bażi ġuridika 2 .

    4.    ĦTIEĠA TAD-DEĊIŻJONI PROPOSTA

    L-Artikolu 216 tat-TFUE jipprevedi li l-Unjoni tista' tikkonkludi ftehim ma' pajjiż ieħor jew aktar meta t-Trattati jipprevedu dan jew meta dan ikun meħtieġ sabiex jinkiseb, fil-qafas tal-politiki tal-Unjoni, wieħed mill-objettivi stabbiliti mit-Trattati, jew inkella tkun prevista f'att tal-Unjoni legalment vinkolanti jew inkella x'aktarx tolqot regoli komuni jew li tbiddel il-kamp tal-applikazzjoni tagħhom.

    It-Trattati jipprevedu l-konklużjoni tal-ftehimiet bħal dan il-FDPK (ara l-Artikoli 37 tat-TUE, 207 tat-TFUE u 209 tat-TFUE). Barra minn hekk, il-konklużjoni tal-FDPK hija meħtieġa għall-għan li jinkisbu, fil-qafas tal-politiki tal-Unjoni, l-għanijiet imsemmija fit-Trattati, inkluż fil-qasam tad-djalogu politiku, it-tisħiħ tad-drittijiet tal-bniedem, in-nonproliferazzjoni tal-armi ta' qerda massiva, il-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, il-kummerċ, il-migrazzjoni, l-ambjent, l-enerġija, it-tibdil fil-klima, it-trasport, l-impjiegi u l-affarijiet soċjali, l-edukazzjoni u l-agrikoltura.

    Il-Ftehim irid jiġi ffirmat qabel ma jista' jiġi konkluż f’isem l-Unjoni.

    2016/0297 (NLE)

    Proposta Konġunta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta’ Djalogu Politiku u ta’ Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika ta’ Kuba, min-naħa l-oħra

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 207 u 209, flimkien mal-Artikolu 218(5) u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 218(8), tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

    Billi:

    (1)Fl-10 ta' Frar 2014, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni li tiftaħ in-negozjati mar-Repubblika ta' Kuba għal Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni.

    (2)In-negozjati għall-Ftehim kienu ta' suċċess u ġew inizjalati fil-11 ta' Marzu 2016.

    (3)L-Artikolu 86 tal-Ftehim jipprevedi l-applikazzjoni proviżorja tiegħu qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu.

    (4) Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Ftehim jiġi ffirmat f'isem l-Unjoni u jiġi applikat fuq bażi proviżorja, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f'data aktar tard,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    1.L-iffirmar tal-Ftehim ta’ Djalogu Politiku u ta’ Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika ta’ Kuba, min-naħa l-oħra, huwa b'dan awtorizzat f'isem l-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni tal-Ftehim imsemmi.

    2.It-test tal-Ftehim li għandu jiġi ffirmat huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandu jistabbilixxi l-istrument ta' setgħat sħaħ biex jiffirma l-Ftehim, soġġett għall-konklużjoni tiegħu, għall-persuna/persuni indikati min-negozjaturi tal-Ftehim.

    Artikolu 3

    1.Skont l-Artikolu 86 tal-Ftehim u soġġett għan-notifiki preveduti fih, il-Ftehim għandu jiġi applikat b'mod proviżorju fl-intier tiegħu bejn l-Unjoni u r-Repubblika ta' Kuba, sakemm dan jidħol fis-seħħ.

    2.Id-data li minnha l-Ftehim għandu japplika b'mod proviżorju għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell,

       Għall-Kunsill

       Il-President

    (1) Il-Kawża C-490/10 Il-Parlament vs Il-Kunsill.
    (2) ara l-Kawża C-377/12, Il-Kummissjoni vs. Il-Kunsill
    Top

    Brussell, 21.9.2016

    JOIN(2016) 42 final

    ANNESS

    tal-

    Proposta Konġunta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni tal-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropa u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika ta' Kuba, min-naħa l-oħra


    Il-Kunsill tal-

    Unjoni Ewropea

    Brussell,

    (OR. mt)

     

    SN 2217/16

    ATTI LEĠIŻLATTIVI U STRUMENTI OĦRA

    Suġġett:

    Ftehim ta’ Djalogu Politiku u ta’ Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u r-Repubblika ta’ Kuba, min-naħa l-oħra

    FTEHIM TA’ DJALOGU POLITIKU U TA’ KOOPERAZZJONI

    BEJN L-UNJONI EWROPEA

    U L-ISTATI MEMBRI TAGĦHA, MIN-NAĦA WAĦDA,

    U R-REPUBBLIKA TA’ KUBA, MIN-NAĦA L-OĦRA



    IR-RENJU TAL-BELĠJU

    IR-REPUBBLIKA TAL-BULGARIJA,

    IR-REPUBBLIKA ĊEKA,

    IR-RENJU TAD-DANIMARKA,

    IR-REPUBBLIKA FEDERALI TAL-ĠERMANJA,

    IR-REPUBBLIKA TAL-ESTONJA,

    L-IRLANDA,

    IR-REPUBBLIKA ELLENIKA,

    IR-RENJU TA’ SPANJA,

    IR-REPUBBLIKA FRANĊIŻA,

    IR-REPUBBLIKA TAL-KROAZJA,

    IR-REPUBBLIKA TALJANA,

    IR-REPUBBLIKA TA’ ĊIPRU,

    IR-REPUBBLIKA TAL-LATVJA,



    IR-REPUBBLIKA TAL-LITWANJA,

    IL-GRAN DUKAT TAL-LUSSEMBURGU,

    L-UNGERIJA,

    IR-REPUBBLIKA TA’ MALTA,

    IR-RENJU TAN-NETHERLANDS,

    IR-REPUBBLIKA TAL-AWSTRIJA,

    IR-REPUBBLIKA TAL-POLONJA,

    IR-REPUBBLIKA PORTUGIŻA,

    IR-RUMANIJA,

    IR-REPUBBLIKA TAS-SLOVENJA,

    IR-REPUBBLIKA SLOVAKKA,

    IR-REPUBBLIKA TAL-FINLANDJA,

    IR-RENJU TAL-IŻVEZJA,

    IR-RENJU UNIT TAL-GRAN BRITTANJA U L-IRLANDA TA’ FUQ,



    Partijiet Kontraenti għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, minn hawn ’il quddiem l-“Istati Membri tal-Unjoni Ewropea”, u

    L-UNJONI EWROPEA,

       minn naħa waħda, u

    IR-REPUBBLIKA TA’ KUBA, minn hawn ’il quddiem “Kuba”,

       min-naħa l-oħra

    FILWAQT LI KKUNSIDRAW ix-xewqa tal-Partijiet li jikkonsolidaw u japprofondixxu r-rabtiet tagħhom permezz tat-tisħiħ tad-djalogu politiku, tal-kooperazzjoni, tar-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali tagħhom, fi spirtu ta’ rispett reċiproku u ugwaljanza;

    FILWAQT LI JENFASIZZAW l-importanza li huma jagħtu lit-tisħiħ tad-djalogu politiku dwar kwistjonijiet bilaterali u internazzjonali;

    FILWAQT LI JENFASIZZAW ir-rieda tagħhom li jikkooperaw f’fora internazzjonali dwar kwistjonijiet ta’ interess reċiproku;

    FIWAQT LI JŻOMMU F'MOĦĦHOM l-impenn tagħhom sabiex tkompli tiġi promossa s-sħubija strateġika stabbilita bejn l-Unjoni Ewropea u l-Amerika Latina u l-Karibew u l-Istrateġija ta’ Sħubija Konġunta UE-Karibew u filwaqt li jqisu l-benefiċċji reċiproċi ta’ kooperazzjoni u integrazzjoni reġjonali;



    FILWAQT LI JAFFERMAW MILL-ĠDID ir-rispett għas-sovranità, għall-integrità territorjali u għall-indipendenza politika tar-Repubblika ta’ Kuba;

    FILWAQT LI JAFFERMAW MILL-ĠDID l-impenn tagħhom lejn it-tisħiħ ta’ multilateraliżmu effettiv u r-rwol tan-Nazzjonijiet Uniti kif ukoll għall-prinċipji u għall-għanijiet kollha stabbiliti fil-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti;

    FILWAQT LI JAFFERMAW MILL-ĠDID ir-rispett tagħhom lejn id-drittijiet universali tal-bniedem kif stabbilit fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u fi strumenti internazzjonali rilevanti oħrajn dwar id-drittijiet tal-bniedem;

    FILWAQT LI JFAKKRU l-impenn tagħhom lejn il-prinċipji rikonoxxuti tad-demokrazija, tal-governanza tajba u tal-istat tad-dritt;

    FILWAQT LI JAFFERMAW MILL-ĠDID l-impenn tagħhom lejn il-promozzjoni tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali u r-riżoluzzjoni paċifika tat-tilwim, f’konformità mal-prinċipji tal-ġustizzja u tad-dritt internazzjonali;

    FILWAQT LI JQISU l-impenn tagħhom lejn l-obbligi internazzjonali fil-qasam tad-diżarm u n-nonproliferazzjoni ta’ armi ta’ qerda tal-massa u l-mezzi ta’ kunsinna tagħhom u għal kooperazzjoni f’dak il-qasam;

    FILWAQT LI JQISU l-impenn tagħhom lejn il-ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu u l-akkumulazzjoni ta’ armi ħfief u ta’ kalibru żgħir, f’konformità sħiħa mal-obbligi tagħhom taħt strumenti internazzjonali, u għal kooperazzjoni f’dak il-qasam;



    FILWAQT LI JIKKONFERMAW l-impenn tagħhom lejn il-ġlieda u l-eliminazzjoni ta’ kull forma ta’ diskriminazzjoni, inkluża diskriminazzjoni fuq bażi ta’ razza, kulur jew oriġini etnika, reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali;

    FILWAQT LI JENFASIZZAW l-impenn tagħhom lejn żvilupp inklużiv u sostenibbli u lejn ħidma konġunta sabiex jinkisbu l-objettivi tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli;

    FILWAQT LI JIRRIKONOXXU l-istatus ta’ Kuba bħala pajjiż gżira li qiegħed jiżviluppa u filwaqt li jqisu l-livelli rispettivi ta’ żvilupp tal-Partijiet;

    FILWAQT LI JIRRIKONOXXU l-importanza tal-iżvilupp ta’ kooperazzjoni għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw għat-tkabbir sostnut tagħhom, għall-iżvilupp sostenibbli tagħhom u għall-kisba sħiħa tal-għanijiet ta’ żvilupp miftiehma fuq livell internazzjonali;

    ABBAŻI tal-prinċipju ta’ responsabbiltajiet kondiviżi u konvinti mill-importanza tal-prevenzjoni tal-produzzjoni, tat-traffikar u tal-użu ta’ drogi illeċiti;

    FILWAQT LI JFAKKRU l-impenn tagħhom lejn il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-ħasil tal-flus, il-kriminalità organizzata u t-traffikar tal-bnedmin u l-iffaċilitar tal-immigrazzjoni illegali;

    FILWAQT LI JIRRIKONOXXU l-ħtieġa għal kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-promozzjoni tal-ġustizzja, tas-sigurtà taċ-ċittadini, u tal-migrazzjoni;



    KONXJI mill-ħtieġa li jippromwovu l-objettivi ta’ dan il-Ftehim permezz ta’ djalogu u ta’ kooperazzjoni li jinvolvu lill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, inklużi, fejn xieraq, il-gvernijiet reġjonali u lokali, is-soċjetà ċivili u s-settur privat;

    FILWAQT LI JFAKKRU l-impenji internazzjonali tagħhom relatati mal-iżvilupp soċjali, inkluż fl-oqsma tal-edukazzjoni, tad-drittijiet marbuta mas-saħħa u x-xogħol, kif ukoll dawk relatati mal-ambjent;

    FILWAQT LI JAFFERMAW MILL-ĠDID id-dritt sovran tal-Istati fuq ir-riżorsi naturali tagħhom u r-responsabbiltà tagħhom biex iħarsu l-ambjent skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, il-prinċipji tad-dritt internazzjonali u d-Dikjarazzjoni tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iżvilupp Sostenibbli;

    FILWAQT LI JAFFERMAW MILL-ĠDID l-importanza li l-Partijiet jagħtu lill-prinċipji u lir-regoli li jirregolaw il-kummerċ internazzjonali, b’mod partikolari dawk li jinsabu fil-Ftehim li Jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ tal-15 ta’ April 1994 u l-ftehimiet multilaterali annessi miegħu, u l-ħtieġa li dawn jiġu applikati b’mod trasparenti u mhux diskriminatorju;

    FILWAQT LI JTENNU l-oppożizzjoni tagħhom għal miżuri unilaterali koerċittivi b’effett extraterritorjali, li jmorru kontra d-dritt internazzjonali u l-prinċipji tal-kummerċ ħieles, u filwaqt li huma impenjati sabiex jippromwovu t-tneħħija tagħhom;



    FILWAQT LI JINNOTAW li, fil-każ li l-Partijiet jiddeċiedu, fil-qafas ta’ dan il-Ftehim, li jidħlu fi ftehimiet speċifiċi fil-qasam tal-libertà, tas-sigurtà u tal-ġustizzja konklużi mill-Unjoni skont it-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-dispożizzjonijiet ta’ dawn il-ftehimiet futuri ma jkunux jorbtu lir-Renju Unit u/jew lill-Irlanda sakemm l-Unjoni Ewropea, fl-istess ħin mar-Renju Unit u/jew mal-Irlanda fir-rigward tar-relazzjonijiet bilaterali preċedenti rispettivi tagħhom, tgħarraf lil Kuba li r-Renju Unit u/jew l-Irlanda tkun/ikunu marbuta b’dawn il-ftehimiet bħala parti mill-Unjoni skont il-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda fir-rigward tal-qasam tal-libertà, tas-sigurtà u tal-ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Bl-istess mod, kwalunkwe miżura interna sussegwenti tal-Unjoni Ewropea li tiġi addottata skont it-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea sabiex jiġi implimentat dan il-Ftehim ma tkunx torbot lir-Renju Unit u/jew lill-Irlanda ħlief jekk ikunu nnotifikaw ix-xewqa tagħhom li jieħdu sehem jew jaċċettaw tali miżuri bi qbil mal-Protokoll Nru 21. Jinnotaw ukoll li tali ftehimiet futuri jew tali miżuri interni sussegwenti tal-Unjoni Ewropea għandhom jaqgħu taħt il-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mal-imsemmija Trattati,

    QABLU KIF ĠEJ:



    PARTI I

    DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

    ARTIKOLU 1

    Prinċipji

    1.    Il-Partijiet jikkonfermaw l-impenn tagħhom lejn sistema multilaterali qawwija u effettiva u r-rispett sħiħ u l-konformità mad-dritt internazzjonali u l-għanijiet u l-prinċipji stabbiliti fil-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti ( il-“Karta tan-NU”).

    2.    Bl-istess mod, iqisu li aspett fundamentali ta’ dan il-Ftehim huwa l-impenn tagħhom lejn il-bażijiet stabbiliti għal relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u Kuba, li huma ffokati fuq l-ugwaljanza, ir-reċiproċità u r-rispett reċiproku.

    3.    Il-Partijiet jaqblu li l-azzjonijiet kollha taħt dan il-Ftehim għandhom jiġu implimentati skont il-prinċipji kostituzzjonali, l-oqfsa legali, il-leġiżlazzjoni, in-normi u r-regolamenti rispettivi tagħhom, kif ukoll skont l-istrumenti internazzjonali applikabbli li għalihom huma partijiet.

    4.    Il-Partijiet jikkonfermaw l-impenn tagħhom lejn il-promozzjoni ta’ żvilupp sostenibbli, li huwa prinċipju gwida fl-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim.



    5.    Ir-rispett u l-promozzjoni tal-prinċipji demokratiċi, ir-rispett għad-drittijiet u għal-libertajiet fundamentali kollha tal-bniedem kif stabbiliti fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u fl-istrumenti internazzjonali ewlenin dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-protokolli addizzjonali tagħhom li huma applikabbli għall-Partijiet, u r-rispett għall-istat tad-dritt jikkostitwixxu element essenzjali ta’ dan il-Ftehim.

    6.    Fil-qafas tal-kooperazzjoni tagħhom, il-Partijiet jirrikonoxxu li l-popli kollha għandhom id-dritt li jiddeterminaw b’mod ħieles is-sistema politika tagħhom u jsegwu liberament l-iżvilupp ekonomiku, soċjali u kulturali tagħhom.

    ARTIKOLU 2

    Objettivi

    Il-Partijiet jaqblu li l-objettivi ta’ dan il-Ftehim huma li:

    (a)    jiġu konsolidati u msaħħa r-relazzjonijiet eżistenti bejn il-Partijiet fl-oqsma ta’ djalogu politiku, il-kooperazzjoni u l-kummerċ abbażi ta’ rispett reċiproku, reċiproċità, interess komuni u r-rispett għas-sovranità tal-Partijiet;

    (b)    jakkumpanja l-proċess tal-aġġornament tal-ekonomija u tas-soċjetà f’Kuba billi jipprovdi qafas komprensiv għad-djalogu u għall-kooperazzjoni;



    (c)    jidħlu fi djalogu orjentat lejn ir-riżultati abbażi tad-dritt internazzjonali sabiex tissaħħaħ il-kooperazzjoni bilaterali u impenn reċiproku f’fora internazzjonali, b’mod partikolari n-Nazzjonijiet Uniti, bil-għan li jissaħħu d-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija, jinkiseb żvilupp sostenibbli u tintemm id-diskriminazzjoni fl-aspetti kollha tagħha;

    (d)    jiġu appoġġjati sforzi biex jinkisbu l-għanijiet tal-qafas Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli;

    (e)    jiġu promossi r-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali f’konformità mar-regoli u l-prinċipji li jirregolaw il-kummerċ internazzjonali kif stabbilit fil-Ftehimiet tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO);

    (f)    tissaħħaħ il-kooperazzjoni reġjonali fir-reġjuni tal-Karibew u tal-Amerika Latina bil-għan li jiġu żviluppati, fejn possibbli, tweġibiet reġjonali għall-isfidi reġjonali u globali u l-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli tar-reġjun;

    (g)    jiġi promoss fehim permezz ta’ kuntatt, djalogu u kooperazzjoni bejn is-soċjetajiet ta’ Kuba u tal-pajjiżi tal-UE, fuq kull livell.


    PARTI II

    DJALOGU POLITIKU

    ARTIKOLU 3

    Objettivi

    Il-Partijiet jaqblu li jidħlu fi djalogu politiku. L-objettivi ta’ dak id-djalogu għadhom ikunu li:

    (a)    jissaħħu r-relazzjonijiet politiċi u jiġu promossi l-iskambji u l-fehim reċiproku dwar kwistjonijiet ta’ interess u ta’ tħassib komuni;

    (b)    jippermetti skambju wiesa’ ta’ opinjonijiet u ta’ informazzjoni bejn il-Partijiet dwar il-pożizzjonijiet fil-fora internazzjonali u tiġi promossa fiduċja reċiproka filwaqt li jiġu ddefiniti u msaħħa approċċi komuni, kull meta jkun possibbli;

    (c)    in-Nazzjonijiet Uniti tissaħħaħ bħala l-qalba tas-sistema multilaterali, fid-dawl tal-Karta tan-NU u d-dritt internazzjonali, sabiex tkun tista’ tindirizza l-isfidi globali b’mod effettiv;

    (d)    tiġi promossa aktar is-sħubija strateġika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità ta’ Stati tal-Amerika Latina u tal-Karibew (CELAC).


    ARTIKOLU 4

    Oqsma u modalitajiet

    1.    Il-Partijiet jaqblu li d-djalogu politiku għandu jseħħ f’perjodi regolari fil-livell ta’ uffiċjali ta’ livell għoli u politiku u jkopri l-aspetti kollha ta’ interess reċiproku fuq livell reġjonali jew dak internazzjonali. Il-kwistjonijiet li għandhom jiġu indirizzati fid-djalogu politiku għandhom jiġu miftiehma minn qabel mill-Partijiet.

    2.    Id-djalogu politiku bejn il-Partijiet għandu jservi biex jiġu ċċarati l-interessi u l-pożizzjonijiet taż-żewġ Partijiet u tiġi stabbilita bażi komuni għal inizjattivi ta’ kooperazzjoni bilaterali jew azzjoni multilaterali fl-oqsma stabbiliti f’dan il-Ftehim u f’oħrajn li jistgħu jiġu miżjuda bi ftehim bejn il-Partijiet.

    3.    Il-Partijiet għandhom jistabbilixxu djalogi ddedikati dwar l-oqsma meħtieġa, kif maqbul b’mod reċiproku.

    ARTIKOLU 5

    Drittijiet tal-bniedem

    Fi ħdan il-qafas tad-djalogu politiku ġenerali, il-Partijiet jaqblu li jistabbilixxu djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem, bil-għan li tittejjeb il-kooperazzjoni prattika bejn il-Partijiet kemm fuq livell multilaterali kif ukoll fuq dak bilaterali. L-aġenda għal kull sessjoni ta’ djalogu għandha tiġi miftiehma bejn il-partijiet, tirrifletti l-interessi rispettivi tagħhom u tipprova tindirizza b’mod ibbilanċjat id-drittijiet ċivili u politiċi u d-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali.


    ARTIKOLU 6

    Kummerċ illeċitu ta’ armi ħfief u ta’ kalibru żgħir u ta’ armi konvenzjonali oħra

    1.    Il-Partijiet jirrikonoxxu li l-manifattura, it-trasferiment u ċ-ċirkolazzjoni illeċita ta’ armi ħfief u ta’ kalibru żgħir, inkluż il-munizzjon, u l-akkumulazzjoni eċċessiva, il-ġestjoni ħażina, il-ħażniet mhux adegwatament protetti u t-tixrid bla kontroll tagħhom ikomplu joħolqu theddida serja għall-paċi u għas-sigurtà internazzjonali.

    2.    Il-Partijiet jaqblu li josservaw u jimplimentaw bis-sħiħ l-obbligi u l-impenji tagħhom f’dan il-qasam skont ftehimiet internazzjonali applikabbli u r-riżoluzzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti kif ukoll strumenti internazzjonali oħrajn li jużaw il-qafas rikonoxxut tal-Programm ta’ Azzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-prevenzjoni, għall-ġlieda kontra u għall-qerda tal-kummerċ illeċitu tal-armi ħfief u ta’ kalibru żgħir fl-aspetti kollha tiegħu.

    3.    Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid id-dritt inerenti għall-awtodifiża skont l-Artikolu 51 tal-Karta tan-NU u jkomplu jaffermaw mill-ġdid id-dritt ta’ kull Stat li jimmanifattura, jimporta u jżomm armi ħfief u ta’ kalibru żgħir għad-difiża u għas-sigurtà nazzjonali kif ukoll għall-kapaċità tagħhom li jipparteċipaw f’operazzjonijiet għaż-żamma tal-paċi skont il-Karta tan-NU u abbażi tad-deċiżjoni ta’ kull Parti.



    4.    Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza ta’ sistemi ta’ kontroll intern għat-trasferiment ta’ armi konvenzjonali f’konformità mal-istrumenti internazzjonali kif stabbilit fil-paragrafu 2. Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza tal-applikazzjoni ta’ dawn il-kontrolli b’mod responsabbli, bħala kontribut għall-paċi internazzjonali u reġjonali, għas-sigurtà u għall-istabilità, għat-tnaqqis tat-tbatija umana u għall-prevenzjoni tat-traffikar illeċitu ta’ armi konvenzjonali jew l-iżvijar tagħhom lejn riċevituri mhux awtorizzati.

    5.    Il-Partijiet jaqblu wkoll li jikkooperaw fuq livell bilaterali, reġjonali u internazzjonali u tiġi żgurata koordinazzjoni, kumplementarjetà u sinerġija fl-isforzi tagħhom sabiex jiġi żgurat li jkun hemm liġijiet, regolamenti u proċeduri xierqa biex jiġi eżerċitat kontroll effettiv tal-produzzjoni, tal-esportazzjonijiet, tal-importazzjonijiet, tat-trasferimenti jew tar-ritrasferimenti ta’ armi ħfief u ta’ kalibru żgħir u ta’ armi konvenzjonali oħra u li jipprevjenu, jikkumbattu u jeqirdu l-kummerċ illeċitu ta’ armi, u b’hekk jikkontribwixxu għall-preżervazzjoni tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali. Jaqblu li jistabbilixxu djalogu politiku regolari li għandu jakkumpanja u jikkonsolida dan l-impenn, waqt li jitqiesu n-natura, il-kamp ta’ applikazzjoni u d-daqs tal-kummerċ illeċitu f’armi illeċiti għal kull Parti.

    ARTIKOLU 7

    Diżarm u nonproliferazzjoni ta’ armi ta’ qerda tal-massa

    1.    Il-Partijiet, filwaqt li jirriaffermaw l-impenn tagħhom lejn id-diżarm ġenerali u sħiħ, iqisu li l-proliferazzjoni ta’ armi nukleari, kimiċi u bijoloġiċi, u tal-mezzi ta’ kunsinna tagħhom, kemm lil atturi tal-Istat u lil atturi mhux tal-Istat, tirrappreżenta waħda mit-theddidiet l-aktar serji għall-paċi, għall-istabbiltà u għas-sigurtà internazzjonali.



    2.    Il-Partijiet jinnotaw il-Proklamazzjoni tal-Amerika Latina u tal-Karibew bħala żona ta’ paċi, li tinkludi l-impenn tal-Istati ta’ dak ir-reġjun li jippromwovu d-diżarm nukleari, kif ukoll l-istatus tal-Amerika Latina u tal-Karibew bħala żona ħielsa mill-armi nukleari .

    3.    Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw u jikkontribwixxu għall-isforzi internazzjonali dwar id-diżarm, in-nonproliferazzjoni ta’ armi ta’ qerda tal-massa fl-aspetti kollha tagħha, u l-mezzi ta’ kunsinna tagħhom u l-kontrolli nazzjonali tal-esportazzjoni tal-armi, permezz ta’ konformità sħiħa u l-implimentazzjoni nazzjonali tal-obbligi eżistenti tagħhom taħt trattati u ftehimiet internazzjonali dwar id-diżarm u n-nonproliferazzjoni u ma’ obbligi internazzjonali oħra li huma applikabbli għall-Partijiet u mal-prinċipji u n-normi tad-dritt internazzjonali.

    4.    Il-Partijiet jaqblu li din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi element importanti ta’ dan il-Ftehim.

    5.    Barra minn hekk il-Partijiet jaqblu li jiskambjaw opinjonijiet u li jikkooperaw bil-għan li jittieħdu passi biex possibbilment jiffirmaw, jirratifikaw jew jaderixxu, kif xieraq, ma’ strumenti internazzjonali rilevanti u biex jimplimentaw u jikkonformaw bis-sħiħ mal-istrumenti li għalihom huma partijiet.

    6.    Il-Partijiet jaqblu li jistabbilixxu djalogu regolari bil-għan li jakkumpanja l-kooperazzjoni tagħhom f’dan il-qasam.


    ARTIKOLU 8

    Il-ġlieda kontra t-terroriżmu f’kull forma u manifestazzjoni

    1.    Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid l-importanza tal-prevenzjoni u tal-ġlieda kontra t-terroriżmu fil-forom u l-manifestazzjonijiet kollha tiegħu u jaqblu li jikkooperaw fl-iskambji ta’ esperjenzi u ta’ informazzjoni b’rispett sħiħ lejn il-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, l-istat tad-dritt u d-dritt internazzjonali, fosthom id-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-liġi umanitarja, b’kont meħud tal-Istrateġija Globali tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) Kontra t-Terroriżmu li tinsab fir-Riżoluzzjoni 60/288 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tat-8 ta’ Settembru 2006 u r-reviżjonijiet perjodiċi tagħha.

    2.    Il-Partijiet għandhom jagħmlu dan b’mod partikolari:

    (a)    fil-qafas tal-implimentazzjoni tar-riżoluzzjonijiet rilevanti tan-NU u r-ratifika u l-implimentazzjoni tal-istrumenti legali universali kontra t-terroriżmu u l-istrumenti legali oħra rilevanti għall-Partijiet;

    (b)    billi jikkooperaw fl-iskambju ta’ informazzjoni dwar gruppi terroristiċi u n-netwerks li jappoġġjawhom, skont id-dritt internazzjonali u l-liġi domestika;

    (c)    billi jikkooperaw fl-iskambju ta’ opinjonijiet dwar il-mezzi, il-metodi u l-aħjar prattiki għall-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-inċitament ta’ atti terroristiċi, inkluż f’oqsma tekniċi u t-taħriġ u fir-rigward tal-prevenzjoni tat-terroriżmu;



    (d)    billi jikkooperaw sabiex irawmu l-kunsens internazzjonali dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-finanzjament tat-terroriżmu u l-qafas normattiv tiegħu u billi jaħdmu lejn ftehim dwar il-Konvenzjoni Komprensiva dwar it-Terroriżmu Internazzjonali mill-aktar fis possibbli sabiex tikkumplimenta l-istrumenti eżistenti tan-NU u internazzjonali applikabbli oħra kontra t-terroriżmu li għalihom huma partijiet;

    (e)    billi jippromwovu l-kooperazzjoni fost l-Istati Membri tan-NU bil-għan li tiġi implimentata b’mod effettiv l-Istrateġija Globali tan-NU Kontra t-Terroriżmu kollha kemm hi permezz tal-mezzi kollha xierqa.

    ARTIKOLU 9

    Reati serji ta’ tħassib internazzjonali

    1.    Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid li l-aktar reati serji ta’ tħassib għall-komunità internazzjonali inġenerali għandhom jiġu kkastigati u l-prosekuzzjoni tagħhom għandha tiġi żgurata permezz ta’ miżuri jew fil-livell intern jew dak internazzjonali, kif xieraq, inkluża l-Qorti Kriminali Internazzjonali.

    2.    Il-Partijiet itennu l-importanza ta’ kooperazzjoni mal-qrati u mat-tribunali korrispondenti skont il-liġijiet rispettivi u l-obbligi internazzjonali applikabbli tal-Partijiet.

    3.    Il-Partijiet jaqblu li l-għanijiet u l-prinċipji tal-Karta tan-NU u d-dritt internazzjonali huma essenzjali għal ġurisdizzjoni kriminali internazzjonali effettiva u ġusta, li tkun tikkumplimenta s-sistemi nazzjonali tal-ġustizzja.



    4.    Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw bil-għan li jissaħħaħ il-qafas legali bil-mira li jiġu evitati u kkastigati l-aktar reati serji ta’ tħassib għall-komunità internazzjonali permezz ta’, fost affarijiet oħrajn, l-iskambju ta’ esperjenzi u l-bini ta’ kapaċità f’oqsma maqbula b’mod reċiproku.

    ARTIKOLU 10

    Miżuri koerċittivi unilaterali

    1.    Il-Partijiet għandhom jiskambjaw opinjonijiet dwar miżuri koerċittivi ta’ natura unilaterali b’effett extraterritorjali, li jmorru kontra d-dritt internazzjonali u r-regoli ġeneralment aċċettati dwar il-kummerċ internazzjonali, li jaffettwawhom it-tnejn u li jintużaw bħala mezz ta’ pressjoni politika u ekonomika kontra l-Istati u jaffettwaw is-sovranità ta’ Stati oħra.

    2.    Il-Partijiet għandhom isegwu djalogu regolari dwar l-applikazzjoni ta’ dawn il-miżuri u l-prevenzjoni u l-mitigazzjoni tal-effetti tagħhom.


    ARTIKOLU 11

    Il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-iffaċilitar ta’ immigrazzjoni illegali

    1.    Bil-għan li jiġu identifikati l-oqsma u jiġu determinati l-approċċi għal azzjoni konġunta, il-Partijiet għandhom jiskambjaw opinjonijiet dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-iffaċilitar ta’ immigrazzjoni illegali u t-traffikar tal-bnedmin fil-forom kollha tiegħu u biex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-vittmi skont il-Karta tan-NU u strumenti internazzjonali rilevanti, b’mod partikolari l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali, il-Protokoll għall-Prevenzjoni, Soppressjoni u Punizzjoni tat-traffikar tal-bnedmin, speċjalment ta’ Nisa u Tfal, u l-Protokoll kontra t-Traffikar tal-Immigranti bl-Art, bil-Baħar u bl-Ajru, kif ukoll il-Pjan ta’ Azzjoni Globali tan-Nazzjonijiet Uniti għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-bniedem adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fir-Riżoluzzjoni 64/293 tagħha.

    2.    Il-Partijiet għandhom, b’mod partikolari, jiffokaw fuq:

    (a)    il-promozzjoni ta’ liġijiet u ta’ politiki li huma konsistenti mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali, il-Protokoll għall-Prevenzjoni, it-Trażżin u l-Ikkastigar tat-traffikar tal-bnedmin, speċjalment ta’ Nisa u Tfal, u l-Protokoll kontra t-Traffikar tal-Immigranti bl-Art, bil-Baħar u bl-Ajru.

    (b)    l-aħjar prattiki u attivitajiet maħsuba biex jgħinu fl-identifikazzjoni, fl-arrest u fil-prosekuzzjoni ta’ netwerks kriminali involuti fl-iffaċilitar ta’ immigrazzjoni illegali u t-traffikar tal-bnedmin u biex jiġu appoġġjati l-vittmi ta’ dawn ir-reati.


    ARTIKOLU 12

    Il-ġlieda kontra l-produzzjoni, it-traffikar u l-konsum ta’ drogi illeċiti

    1.    Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid l-importanza tal-iskambju ta’ fehmiet u l-aħjar prattiki bil-għan li jiġu identifikati l-oqsma u jiġu definiti l-approċċi għal azzjoni konġunta għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-produzzjoni, it-traffikar u l-konsum ta’ sustanzi illeċiti fil-varjanti kollha tagħhom, inklużi sustanzi psikoattivi ġodda, skont il-Karta tan-NU u strumenti internazzjonali rilevanti, b’mod partikolari t-tliet konvenzjonijiet ewlenin tan-NU dwar il-kontroll tad-drogi tal-1961, tal-1971 u tal-1988, id-Dikjarazzjoni Politika u d-Dikjarazzjoni Speċjali dwar il-linji gwida biex titnaqqas id-domanda għad-droga, approvati mis-Sessjoni Speċjali tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drogi f’Ġunju 1998 u d-Dikjarazzjoni Politika u l-Pjan ta’ Azzjoni adottati fit-52 sessjoni tal-Kummissjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drogi Narkotiċi f’Marzu 2009.

    2.    Il-Partijiet għandhom ifittxu wkoll li jikkooperaw ma’ pajjiżi oħra fit-tnaqqis tal-produzzjoni u tat-traffikar ta’ sustanzi illeċiti, f’konformità sħiħa mad-dritt internazzjonali, is-sovranità tal-Istati u l-prinċipju ta’ responsabbiltà komuni u kondiviża.

    ARTIKOLU 13

    Il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni razzjali, il-ksenofobija u l-intolleranza relatata

    1.    Il-Partijiet jimpenjaw ruħhom li jipparteċipaw fil-ġlieda globali kontra r-razziżmu, id-diskriminazzjoni razzjali, il-ksenofobija u l-intolleranza relatata, inkluż permezz tar-ratifika u l-implimentazzjoni universali tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Eliminazzjoni tal-forom kollha ta’ Diskriminazzjoni Razzjali.



    2.    F’dan il-kuntest, għandhom jiskambjaw l-aħjar prattiki dwar l-istrateġiji u l-politiki biex jippromwovu l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni razzjali, il-ksenofobija u l-intolleranza relatata, b’mod partikolari dwar l-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni u l-Programm ta’ Azzjoni ta’ Durban, fit-territorji tal-Partijiet kif ukoll fuq livell globali.

    3.    Għandhom jiskambjaw ukoll opinjonijiet dwar il-modi l-aktar effiċjenti biex jiġi implimentat id-Deċennju Internazzjonali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-Nisel Afrikan, 2015 sal-2024.

    4.    Għandhom iqisu l-possibbiltà li jieħdu azzjonijiet dwar il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni razzjali fil-qafas tan-Nazzjonijiet Uniti u f’fora oħra.

    ARTIKOLU 14

    Żvilupp sostenibbli

    1.    Il-Partijiet jilqgħu l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli (SDGs) tagħha adottati mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u jwiegħdu li jaħdmu biex dawn jintlaħqu kemm nazzjonalment kif ukoll internazzjonalment.

    2.    Jaqblu dwar l-importanza li jinqered il-faqar fil-forom kollha tiegħu u jinkiseb żvilupp sostenibbli fid-dimensjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali tiegħu b’mod bilanċjat u integrat. Għal dak il-għan, jaffermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom lejn l-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, skont il-kapaċitajiet u ċ-ċirkostanzi rispettivi tagħhom.



    3.    Il-Partijiet jirrikonoxxu li s-17 il-SDG kollha tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli jeħtieġ li jiġu implimentati sabiex jinkiseb b’suċċess żvilupp sostenibbli. Jaqblu li jiskambjaw opinjonijiet dwar l-aħjar modi biex jaħdmu flimkien sabiex jinkisbu l-SDGs permezz ta’, fost affarijiet oħrajn,:

    (a)    il-promozzjoni tal-qerda tal-faqar, tal-ġuħ, tal-illitteriżmu u tal-problemi ta’ saħħa, u l-iżgurar ta’ tkabbir ekonomiku sostnut, inklussiv u sostenibbli għal kulħadd;

    (b)    tingħata l-prijorità dovuta lir-riżoluzzjoni konġunta tal-problemi ambjentali kollha, inkluż it-tibdil fil-klima, u l-promozzjoni tal-ġestjoni u l-użu sostenibbli tal-ilma, tal-ibħra u tal-ekosistemi terrestri;

    (c)    ħidma konġunta għall-emanċipazzjoni tan-nisa, it-tnaqqis tal-inugwaljanzi bejn u fi ħdan il-pajjiżi, l-iffaċilitar tal-aċċess għall-ġustizzja għal kulħadd u l-ħolqien ta’ istituzzjonijiet responsabbli, effikaċi u inklużivi fuq kull livell.

    4.    Il-Partijiet jaqblu li jistabbilixxu djalogu dedikat dwar l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli sabiex jiġu identifikati modi biex titjieb il-kooperazzjoni prattika bejniethom fi ħdan il-qafas ġenerali tad-djalogu politiku. L-aġenda għal kull sessjoni ta’ djalogu għandha tiġi miftiehma bejn il-Partijiet.

    5.    Il-Partijiet jimpenjaw ruħhom li jsaħħu s-sħubija globali għall-iżvilupp, jippromwovu l-koerenza politika fuq kull livell u jiżviluppaw approċċ innovattiv u komprensiv għall-immobilizzar u l-użu effettiv tar-riżorsi pubbliċi, privati, interni u internazzjonali kollha disponibbli kif stabbilit fil-Programm ta’ Azzjoni ta’ Addis Ababa dwar il-finanzjament għall-iżvilupp.



    6.    Il-Partijiet jirrikonoxxu l-ħtieġa tas-segwitu u r-reviżjoni regolari tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u tal-Programm ta’ Azzjoni ta’ Addis Ababa dwar il-finanzjament għall-iżvilupp fuq livell globali taħt il-Forum Politiku ta’ Livell Għoli tan-NU dwar l-Iżvilupp Sostenibbli, fosthom dwar il-mezzi ta’ implimentazzjoni, kif ukoll fil-livelli nazzjonali u reġjonali, kif xieraq.

    7.    Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid il-ħtieġa li l-pajjiżi żviluppati kollha jipprovdu 0,7 % tad-dħul nazzjonali gross tagħhom għal għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp, u li l-ekonomiji emerġenti u l-pajjiżi bi dħul medju superjuri jistabbilixxu miri biex tiżdied il-provvista ta’ finanzjament pubbliku internazzjonali tagħhom.


    PARTI III

    KOOPERAZZJONI U DJALOGU DWAR IL-POLITIKA SETTORJALI

    TITOLU 1

    DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

    ARTIKOLU 15

    Objettivi

    1.    L-objettiv ġenerali tal-kooperazzjoni u d-djalogu dwar il-politika settorjali taħt il-kappa ta’ dan il-Ftehim huwa li jissaħħu r-relazzjonijiet bilaterali bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Kuba billi jiġu faċilitati r-riżorsi, il-mekkaniżmi, l-għodod u l-proċeduri.

    2.    Il-Partijiet jaqblu li:

    (a)    jimplimentaw azzjonijiet ta’ kooperazzjoni li jikkumplimentaw l-isforzi ta’ Kuba fl-iżvilupp ekonomiku u soċjali sostenibbli tagħha, f’dawk l-oqsma identifikati bħala prijorità u stabbiliti fit-Titoli I sa VI ta’ din il-Parti;



    (b)    jippromwovu żvilupp sostenibbli inklużiv billi jissaħħaħ l-appoġġ reċiproku bejn it-tkabbir ekonomiku, il-ħolqien ta’ impjiegi, il-koeżjoni u l-protezzjoni soċjali, u l-ħarsien tal-ambjent;

    (c)    jikkontribwixxu sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli permezz ta’ azzjonijiet effettivi ta’ kooperazzjoni;

    (d)    jippromwovu fiduċja reċiproka permezz ta’ skambji regolari ta’ opinjonijiet u l-identifikazzjoni ta’ oqsma ta’ kollaborazzjoni dwar kwistjonijiet globali ta’ interess għaż-żewġ Partijiet.

    ARTIKOLU 16

    Prinċipji

    1.    Il-kooperazzjoni għandha ssostni u tikkumplimenta l-isforzi tal-Partijiet fl-implimentazzjoni tal-prijoritajiet stabbiliti mill-politiki u mill-istrateġiji ta’ żvilupp tagħhom stess.

    2.    Il-kooperazzjoni għandha tkun ir-riżultat ta’ djalogu bejn il-Partijiet.

    3.    L-attivitajiet ta’ kooperazzjoni għandhom jiġu stabbiliti fuq livell kemm bilaterali kif ukoll reġjonali u jikkumplimentaw lil xulxin sabiex jiġu appoġġjati l-objettivi stabbiliti f’dan il-Ftehim.

    4.    Il-Partijiet għandhom jippromwovu l-parteċipazzjoni tal-atturi kollha rilevanti fil-politiki ta’ żvilupp tagħhom u fil-kooperazzjoni tagħhom, kif previst fil-Ftehim attwali.



    5.    Il-Partijiet għandhom isaħħu l-effettività tal-kooperazzjoni tagħhom billi joperaw fi ħdan oqfsa miftiehma b’mod reċiproku, filwaqt li jqisu l-impenji internazzjonali miftiehma b’mod multilaterali. Għandhom jippromwovu l-armonizzazzjoni, l-allinjament u l-koordinazzjoni bejn id-donaturi u t-twettiq ta’ obbligi reċiproki marbuta mal-kisba ta’ attivitajiet ta’ kooperazzjoni.

    6.    Il-Partijiet jaqblu li jqisu l-livelli differenti ta’ żvilupp tagħhom fid-disinn tal-attivitajiet ta’ kooperazzjoni.

    7.    Il-Partijiet jaqblu li jiżguraw il-ġestjoni trasparenti u responsabbli tar-riżorsi finanzjarji magħmula disponibbli għall-azzjonijiet miftiehma.

    8.    Il-Partijiet jaqblu li l-kooperazzjoni skont dan il-Ftehim għandha tkun skont il-proċeduri rispettivi tagħhom stabbiliti għal dak il-għan.

    9.    Il-kooperazzjoni għandha tkun immirata lejn il-kisba ta’ żvilupp sostenibbli u l-multiplikazzjoni tal-kapaċitajiet nazzjonali, reġjonali u lokali sabiex tinkiseb sostenibbiltà fit-tul.

    10.    Il-kooperazzjoni għandha tqis il-kwistjonijiet trasversali kollha.


    ARTIKOLU 17

    Djalogu dwar il-politika settorjali

    1.    Il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex iwettqu djalogu dwar il-politika settorjali f’oqsma ta’ interess reċiproku. Dan id-djalogu jista’ jinkludi:

    (a)    skambji ta’ informazzjoni dwar il-formulazzjoni tal-politika u l-ippjanar fis-setturi kkonċernati;

    (b)    skambji ta’ opinjonijiet dwar l-armonizzazzjoni tal-qafas legali tal-Partijiet mar-regoli u mal-istandards internazzjonali, u l-implimentazzjoni ta’ dawn ir-regoli u l-istandards;

    (c)    il-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki dwar il-formulazzjoni tal-politika settorjali, il-koordinazzjoni u l-ġestjoni tal-politika jew dwar l-isfidi speċifiċi għas-settur.

    2.    Il-Partijiet għandhom l-għan li jsaħħu d-djalogu dwar il-politika settorjali tagħhom permezz ta’ miżuri konkreti ta’ kooperazzjoni, fejn xieraq.


    ARTIKOLU 18

    Modalitajiet u proċeduri ta’ kooperazzjoni

    1.    Il-Partijiet jaqblu li jiżviluppaw il-kooperazzjoni tagħhom skont il-modalitajiet u l-proċeduri li ġejjin:

    (a)    assistenza teknika u finanzjarja, djalogu u skambji ta’ fehmiet u ta’ informazzjoni bħala mezz ta’ kontribuzzjoni għall-implimentazzjoni tal-objettivi ta’ dan il-Ftehim;

    (b)    l-iżvilupp tal-kooperazzjoni bilaterali tagħhom abbażi tal-prijoritajiet miftiehma li jsaħħu u jikkumplimentaw l-istrateġiji u l-politiki ta’ żvilupp ta’ Kuba;

    (c)    il-promozzjoni tal-parteċipazzjoni ta’ Kuba fil-programmi ta’ kooperazzjoni reġjonali tal-UE;

    (d)    il-promozzjoni tal-parteċipazzjoni ta’ Kuba fil-programmi ta’ kooperazzjoni tematiċi tal-UE;

    (e)    il-promozzjoni tal-parteċipazzjoni ta’ Kuba bħala sieħba assoċjata fi programmi ta’ qafas tal-Unjoni Ewropea;

    (f)    il-promozzjoni ta’ kooperazzjoni f’oqsma ta’ interess komuni bejn il-Partijiet u ma’ pajjiżi terzi;

    (g)    il-promozzjoni ta’ modalitajiet u ta’ strumenti innovattivi ta’ kooperazzjoni u ta’ finanzjament sabiex titjieb l-effettività tal-kooperazzjoni;



    (h)    l-esplorazzjoni ulterjuri ta’ possibiltajiet prattiċi għal kooperazzjoni fl-interess reċiproku tagħhom;

    2.    L-Unjoni Ewropea għandha tinforma lil Kuba dwar mekkaniżmi u strumenti ġodda li għalihom Kuba tista’ tkun eliġibbli.

    3.    L-assistenza umanitarja tal-UE ser tiġi pprovduta abbażi ta’ ħtiġijiet identifikati b’mod konġunt u f’konformità mal-prinċipji umanitarji, malli jinqalgħu xi diżastri naturali jew diżastri oħrajn.

    4.    Il-Partijiet għandhom iwaqqfu b’mod konġunt proċeduri ta’ ħidma risponsivi sabiex tiġi garantita l-effiċjenza u l-effettività tal-kooperazzjoni. Dawn il-proċeduri ta’ ħidma jistgħu jinkludu, fejn xieraq, l-istabbiliment ta’ kumitat ta’ koordinazzjoni li għandu jiltaqa’ regolarment sabiex jippjana, jikkordina u jsegwi sistematikament l-azzjonijiet kollha ta’ kooperazzjoni u l-attivitajiet ta’ informazzjoni u ta’ komunikazzjoni għal sensibilizzazzjoni dwar l-appoġġ tal-Unjoni Ewropea għall-azzjonijiet.

    5.    Kuba, permezz tal-entitajiet kompetenti delegati tagħha, għandha:

    (a)    twettaq il-proċeduri kollha ta’ importazzjoni, mingħajr ħlas ta’ tariffi u dazji doganali, għall-prodotti u għall-inputs relatati mal-azzjonijiet ta’ kooperazzjoni;

    (b)    timmaniġġja, flimkien mal-awtoritajiet tas-saħħa u tal-agrikoltura, il-kontrolli sanitarji, veterinarji u fitosanitarji, fejn meħtieġ; u



    (c)    tiffinalizza l-proċeduri kollha dwar il-migrazzjoni għall-persunal li jkun qed jivvjaġġa lejn Kuba għall-ħtiġijiet ta’ azzjonijiet maqbula ta’ kooperazzjoni, kif ukoll il-proċeduri li jirrigwardaw awtorizzazzjonijiet oħra għal permessi ta’ xogħol u ta’ residenza temporanji għall-persunal espatrijat li jkun qed jaħdem b’mod temporanju f’Kuba.

    ARTIKOLU 19

    Atturi ta’ kooperazzjoni

    Il-Partijiet jaqblu li l-kooperazzjoni ser tiġi implimentata skont il-proċeduri rilevanti tagħhom minn diversi atturi fi ħdan is-soċjetà, fosthom:

    (a)    istituzzjonijiet tal-Gvern Kuban jew korpi pubbliċi maħtura minn dawk l-istituzzjonijiet;

    (b)    awtoritajiet lokali f’livelli differenti;

    (c)    organizzazzjonijiet internazzjonali u l-aġenziji tagħhom;

    (d)    l-aġenziji ta’ żvilupp tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea; u

    (e)    is-soċjetà ċivili, fosthom assoċjazzjonijiet xjentifiċi, tekniċi, kulturali, artistiċi, sportivi, ta’ ħbiberija u ta’ solidarjetà, organizzazzjonijiet soċjali, trade unions u koperattivi.



    ARTIKOLU 20

    Setturi ta’ kooperazzjoni

    1.    Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw primarjament fis-setturi stabbiliti fit-Titoli I sa VI ta’ din il-Parti.

    2.    Il-Partijiet jaqblu li l-azzjonijiet ta’ kooperazzjoni li ser jiġu identifikati għandhom jinkludu s-segwenti bħala vetturi orizzontali u strateġiċi għall-iżvilupp:

    (a)    l-iżvilupp sostenibbli,

    (b)    id-drittijiet tal-bniedem u governanza tajba,

    (c)    is-sostenibilità ambjentali,

    (d)    il-prevenzjoni tad-diżastri,

    (e)    il-perspettiva ta’ ugwaljanza bejn is-sessi,

    (f)    il-persuni f’sitwazzjoni ta’ vulnerabbiltà,

    (g)    il-bini ta’ kapaċitajiet nazzjonali, u

    (h)    il-ġestjoni tal-għarfien.


    ARTIKOLU 21

    Riżorsi għall-kooperazzjoni u għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Partijiet

    1.    Il-Partijiet jaqblu li jagħmlu disponibbli r-riżorsi xierqa, inklużi mezzi finanzjarji, safejn jippermettu r-riżorsi u r-regolamenti rispettivi tagħhom, sabiex jiġu sodisfatti l-objettivi ta’ kooperazzjoni stabbiliti f’dan il-Ftehim.

    2.    Il-Partijiet għandhom jagħmlu użu mill-assistenza finanzjarja skont il-prinċipji ta’ ġestjoni finanzjarja soda u jikkooperaw fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tagħhom. Il-Partijiet għandhom jieħdu miżuri effettivi għall-prevenzjoni u għall-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra, fost affarijiet oħrajn permezz ta’ assistenza amministrattiva reċiproka u assistenza legali reċiproka fl-oqsma koperti mill-Ftehim attwali. Kwalunkwe ftehim jew strument ta’ finanzjament ieħor li jiġi konkluż bejn il-Partijiet għandu jipprovdi għal klawsoli speċifiċi ta’ kooperazzjoni finanzjarja li jkopru azzjonijiet koordinati ta’ kontroll bħal kontrolli fuq il-post, spezzjonijiet u miżuri kontra l-frodi, li jinkludu, fost affarijiet oħrajn, dawk immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi u mill-Awditur Ġenerali tar-Repubblika ta’ Kuba.


    TITOLU II

    DEMOKRAZIJA, DRITTIJIET TAL-BNIEDEM U GOVERNANZA TAJBA

    ARTIKOLU 22

    Demokrazija u drittijiet tal-bniedem

    1.    Konxji li l-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet fundamentali tal-bniedem huma l-ewwel responsabbiltà tal-gvernijiet, waqt li jitqies is-sinifikat ta’ partikolaritajiet nazzjonali u reġjonali u ta’ diversi sfondi storiċi, kulturali u reliġjużi, u filwaqt li jirrikonoxxu li huwa d-dmir tagħhom li jipproteġu d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali kollha tal-bniedem irrispettivament mis-sistemi politiċi, ekonomiċi u kulturali tagħhom, il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw fil-qasam tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem.

    2.    Il-Partijiet jirrikonoxxu li d-demokrazija hija bbażata fuq ir-rieda tal-poplu espressa b’mod liberu biex jiddetermina s-sistemi politiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali tiegħu u l-parteċipazzjoni tiegħu fl-aspetti kollha tal-ħajja.

    3.    Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw biex tissaħħaħ id-demokrazija u l-kapaċità tagħhom li jimplimentaw il-prinċipji u l-prattiki tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tal-minoranzi.



    4.    Il-kooperazzjoni tista’ tinkludi, fost affarijiet oħrajn, attivitajiet, miftiehma b’mod reċiproku bejn il-Partijiet, bil-għan li:

    (a)    tiġi rispettata u tinżamm id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet ċivili, politiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali għal kulħadd;

    (b)    jiġu indirizzati d-drittijiet tal-bniedem globalment, b’mod ġust u ekwu, fuq bażi ugwali u bl-istess enfasi, billi jiġi rikonoxxut li d-drittijiet tal-bniedem huma universali, indiviżibbli, interdipendenti u interrelatati;

    (c)    jiġu implimentati b’mod effettiv l-istrumenti internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-protokolli fakultattivi applikabbli għal kull Parti, kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet li joħorġu mill-korpi dwar id-drittijiet tal-bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti u aċċettati mill-Partijiet;

    (d)    il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem jiġu integrati fil-politiki interni u fil-pjanijiet ta’ żvilupp;

    (e)    is-sensibilizzazzjoni u l-promozzjoni ta’ edukazzjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-paċi;

    (f)    jissaħħu l-istituzzjonijiet demokratiċi u dawk relatati mad-drittjiet tal-bniedem, kif ukoll l-oqfsa legali u istituzzjonali għall-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem;

    (g)    jiġu żviluppati inizjattivi konġunti ta’ interess reċiproku fil-qafas ta’ fora multilaterali rilevanti.


    ARTIKOLU 23

    Governanza tajba

    1.    Il-Partijiet jaqblu li l-kooperazzjoni fil-qasam tal-governanza tajba għandha tkun ibbażata fuq ir-rispett strett lejn il-prinċipji tal-Karta tan-NU u d-dritt internazzjonali.

    2.    Dawn l-attivitajiet ta’ kooperazzjoni jistgħu jinkludu, fost affarijiet oħrajn, attivitajiet, miftiehma b’mod reċiproku mill-Partijiet, bil-għan li:

    (a)    jiġi rispettat l-istat tad-dritt;

    (b)    jiġu promossi istituzzjonijiet trasparenti, responsabbli, effiċjenti, stabbli u demokratiċi;

    (c)    jiġu skambjati esperjenzi u l-bini ta’ kapaċità fir-rigward ta’ kwistjonijiet legali u l-kapaċità ġudizzjarja;

    (d)    tiġi skambjata informazzjoni dwar sistemi legali u leġiżlazzjoni;

    (e)    jiġu promossi skambji tal-aħjar prattiki dwar il-governanza tajba, l-akkontabilità u l-ġestjoni trasparenti fuq kull livell;

    (f)    jaħdmu flimkien għal proċessi politiċi aktar inklussivi li jippermettu parteċipazzjoni ġenwina miċ-ċittadini kollha.


    ARTIKOLU 24

    Tisħiħ tal-istituzzjonijiet u tal-istat tad-dritt

    Il-Partijiet għandhom jagħtu importanza partikolari lill-konsolidazzjoni tal-istat tad-dritt, inkluż l-aċċess għall-ġustizzja u għal proċess ġust, kif ukoll lit-tisħiħ tal-istituzzjonijiet fuq kull livell fl-oqsma relatati mal-infurzar u l-amministrazzjoni tal-ġustizzja.

    ARTIKOLU 25

    Modernizzar tal-amministrazzjoni pubblika

    Il-Partijiet jaqblu, bil-għan li tiġi mmodernizzata l-amministrazzjoni pubblika tagħhom, li jikkooperaw biex, fost affarijiet oħrajn:

    (a)    titjieb l-effiċjenza organizzazzjonali;

    (b)    tiżdied l-effettività tal-istituzzjonijiet fit-twettiq tas-servizzi;

    (c)    titjieb il-ġestjoni trasparenti tar-riżorsi pubbliċi u r-responsabbiltà;

    (d)    jiġu skambjati esperjenzi fir-rigward tat-titjib tal-qafas legali u istituzzjonali;

    (e)    jinbnew kapaċitajiet għal, fost affarijiet oħrajn, it-tfassil tal-politika, l-implimentazzjoni u l-valutazzjoni fir-rigward tal-livell tas-servizz pubbliku, is-servizzi tal-gvern diġitali u l-miżuri kontra l-korruzzjoni;



    (f)    jiġu skambjati opinjonijiet u l-aħjar prattiki dwar il-ġestjoni finanzjarja pubblika;

    (g)    jissaħħu l-proċessi ta’ deċentralizzazzjoni skont l-istrateġiji nazzjonali ekonomiċi u ta’ żvilupp soċjali tagħhom.

    ARTIKOLU 26

    Il-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni ta’ kunflitti

    1.    Il-Partijiet jaqblu li jiskambjaw l-esperjenzi u l-aħjar prattiki relatati mal-prevenzjoni u mar-riżoluzzjoni ta’ kunflitti abbażi ta’ fehim komuni biex jiġu indirizzati l-kawżi primarji tal-kunflitti.

    2.    Il-kooperazzjoni fil-qasam tal-prevenzjoni u tar-riżoluzzjoni ta’ kunflitti għandha tkun immirata lejn it-tisħiħ tal-kapaċitajiet biex jiġu solvuti l-kunflitti u tista’ tinkludi, fost affarijiet oħrajn, appoġġ għal proċessi ta’ medjazzjoni, ta’ negozjar u ta’ rikonċiljazzjoni u sforzi usa’ insostenn tal-bini tal-kunfidenza u tal-paċi fil-livelli reġjonali u internazzjonali.



    TITOLU III

    IL-PROMOZZJONI TAL-ĠUSTIZZJA, TAS-SIGURTÀ TAĊ-ĊITTADINI U TAL-MIGRAZZJONI

    ARTIKOLU 27

    Il-protezzjoni ta’ data personali

    1.    Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni ta’ data personali skont l-istandards miftiehma b’mod multilaterali u skont strumenti u prattiki legali internazzjonali oħra.

    2.    Il-kooperazzjoni fir-rigward tal-protezzjoni tad-data personali tista’ tinkludi, fost affarijiet oħrajn, il-bini ta’ kapaċità, l-assistenza teknika u l-iskambju ta’ informazzjoni, kif maqbul b’mod reċiproku bejn iż-żewġ Partijiet.


    ARTIKOLU 28

    Drogi illeċiti

    1.    Il-Partijiet għandhom jikkooperaw sabiex jiġi żgurat approċċ komprensiv, integrat u bbilanċjat għall-prevenzjoni u għall-indirizzar tal-problema globali tad-droga permezz ta’ azzjoni effettiva u koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti, b’mod partikolari fl-oqsma tas-saħħa, tal-edukazzjoni, tal-infurzar tal-liġi, tad-dwana, tal-affarijiet soċjali, tal-ġustizzja u tal-affarijiet interni bl-għan li tiġi eliminata jew tiġi minimizzata l-produzzjoni u t-tnaqqis fil-provvista, fit-traffikar, fid-domanda u fil-pussess f’konformità ma’ leġiżlazzjoni interna dwar id-drogi illeċiti u b’kunsiderazzjoni xierqa għad-drittijiet tal-bniedem. Din il-kooperazzjoni għandha tkun immirata wkoll lejn il-mitigazzjoni tal-effetti ta’ drogi illeċiti, l-għoti ta’ għajnuna lill-vittmi permezz tal-provvista ta’ trattament mhux diskriminatorju u inklussiv, l-indirizzar tal-produzzjoni u tal-użu ta’ sustanzi psikoattivi ġodda u għal prevenzjoni aktar effettiva tad-devjazzjoni ta’ prekursuri tad-drogi użati għall-manifattura illeċita ta’ drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi.

    2.    Il-Partijiet għandhom jaqblu dwar il-mezzi ta’ kooperazzjoni sabiex jinkisbu dawn l-objettivi. L-azzjonijiet għandhom ikunu bbażati fuq prinċipji miftiehma b’mod komuni skont il-konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti, partikolarment it-tliet konvenzjonijiet ewlenin tan-NU dwar il-kontroll tad-drogi tal-1961, tal-1971 u tal-1988, id-Dikjarazzjoni Politika u d-Dikjarazzjoni Speċjali dwar il-linji gwida biex titnaqqas id-domanda għad-drogi, approvati mis-Sessjoni Speċjali tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drogi f’Ġunju 1998 u d-Dikjarazzjoni Politika u l-Pjan ta’ Azzjoni adottati fis-Segment ta’ Livell Għoli tat-52 sessjoni tal-Kummissjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drogi Narkotiċi f’April 2016.



    3.    Mingħajr preġudizzju għal mekkaniżmi oħra ta’ kooperazzjoni, il-Partijiet jaqblu li, fuq livell interreġjonali, għal dan l-iskop għandu jintuża l-Mekkaniżmu ta’ Koordinazzjoni u ta’ Kooperazzjoni dwar id-Drogi bejn l-Unjoni Ewropea u l-Amerika Latina u l-Karibew, u jaqblu li jikkooperaw bil-għan li tissaħħaħ l-effettività tiegħu.

    4.    Il-Partijiet jaqblu wkoll li jikkooperaw kontra t-traffikar tad-drogi relatat mal-kriminalità, permezz ta’ koordinazzjoni akbar ma’ korpi u awtoritajiet internazzjonali rilevanti, inkluż, fil-qasam tal-pulizija u tal-kooperazzjoni ġudizzjarja.

    5.    Il-Partijiet ser jiskambjaw esperjenzi f’oqsma bħall-politika, l-iżvilupp leġiżlattiv u istituzzjonali, it-taħriġ tal-persunal, ir-riċerka relatata mad-droga, il-prevenzjoni, it-trattament, ir-riabilitazzjoni u r-riintegrazzjoni soċjali tal-persuni li jieħdu d-drogi, bil-għan li jiġu minimizzati l-konsegwenzi negattivi fuq is-saħħa pubblika u soċjali mill-abbuż tad-droga.

    ARTIKOLU 29

    Il-ħasil tal-flus

    1.    Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-użu tas-sistemi finanzjarji, tal-istituzzjonijiet u tan-negozji u tal-professjonijiet mhux finanzjarji magħżula tagħhom għall-ħasil tar-rikavat minn attivitajiet kriminali bħalma huma t-traffikar ta’ drogi illeċiti u l-korruzzjoni u għall-finanzjament tat-terroriżmu.



    2.    Iż-żewġ Partijiet jaqblu li jiskambjaw l-aħjar prattiki, l-għarfien espert, l-inizjattivi ta’ bini ta’ kapaċità, u t-taħriġ kif miftiehem b’mod reċiproku, dwar l-għajnuna teknika u amministrattiva bil-għan li jiġu żviluppati u implimentati regolamenti u l-iffunzjonar effettiv ta’ mekkaniżmi fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.

    3.    Il-kooperazzjoni għandha tiffoka fuq:

    (a)    l-iskambji ta’ informazzjoni relevanti fi ħdan l-oqfsa leġiżlattivi rispettivi tal-Partijiet;

    (b)    l-adozzjoni u l-implimentazzjoni effettiva ta’ standards xierqa għall-ġlieda kontra l-ħasil ta’ flus u l-finanzjament tat-terroriżmu li jkunu ekwivalenti għal dawk adottati mill-korpi internazzjonali rilevanti attivi f’dan il-qasam, bħalma huma, fejn xieraq, it-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja u l-Grupp ta’ Azzjoni Finanzjarja għall-Amerika Latina.

    ARTIKOLU 30

    Kriminalità organizzata

    1.    Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw fil-prevenzjoni u fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, inkluża l-kriminalità organizzata transnazzjonali, u l-kriminalità finanzjarja. Għal dak il-għan, għandhom jippromwovu u jiskambjaw l-aħjar prattiki u jimplimentaw standards u strumenti internazzjonali relevanti miftehma, bħall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali u l-Protokolli supplimentari tagħha u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Korruzzjoni.



    2.    Il-Partijiet jaqblu wkoll li jikkooperaw fir-rigward tat-titjib tas-sigurtà taċ-ċittadini, b’mod partikolari permezz ta’ appoġġ għall-politiki u għall-istrateġiji ta’ sigurtà. Din il-kooperazzjoni għandha tikkontribwixxi għall-prevenzjoni tal-kriminalità u tista’ tinkludi attivitajiet bħal proġetti ta’ kooperazzjoni reġjonali bejn il-pulizija u l-awtoritajiet ġudizzjarji, programmi ta’ taħriġ u skambji tal-aħjar prattiki għat-tfassil ta’ profili kriminali. Għandha tinkludi wkoll, fost affarijiet oħrajn, skambji ta’ opinjonijiet dwar oqfsa leġiżlattivi kif ukoll assistenza amministrattiva u teknika bil-għan li jissaħħu l-kapaċitajiet istituzzjonali u operattivi tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u l-iskambju ta’ informazzjoni u miżuri biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni relatata ma’ investigazzjonijiet.

    ARTIKOLU 31

    Il-ġlieda kontra l-korruzzjoni

    1.    Il-Partijiet għandhom jikkooperaw bil-għan li jiġu implimentati u promossi l-istandards u l-istrumenti internazzjonali rilevanti, bħall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Korruzzjoni.

    2.    Il-Partijiet għandhom b’mod partikolari jikkooperaw fir-rigward ta’:

    (a)    titjib fl-effettività organizzazzjonali u l-garanzija ta’ ġestjoni trasparenti tar-riżorsi pubbliċi u l-akkontabilità, bil-parteċipazzjoni tal-istituzzjonijiet rispettivi stabbiliti għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni;

    (b)    l-iskambju tal-aħjar prattiki biex jissaħħu l-istituzzjonijiet rilevanti, inklużi l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u l-ġudikatura;



    (c)    il-prevenzjoni tal-korruzzjoni u tat-tixħim fi tranżazzjonijiet internazzjonali;

    (d)    il-valutazzjoni tal-implimentazzjoni ta’ politiki dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u dak internazzjonali fil-qafas tal-mekkaniżmu ta’ reviżjoni għall-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Korruzzjoni;

    (e)    it-tħeġġiġ ta’ azzjonijiet li jippromwovu kultura ta’ trasparenza, legalità u tibdil fl-attitudnijiet tan-nies lejn prattiki korrotti;

    (f)    l-iffaċilitar ta’ miżuri biex jiġu identifikati u irkuprati l-assi, il-promozzjoni tal-aħjar prattiki u l-bini ta’ kapaċità.

    ARTIKOLU 32

    Kummerċ illeċitu ta’ armi ħfief u ta’ kalibru żgħir

    1.    Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw fir-rigward tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu ta’ armi ħfief u ta’ kalibru żgħir, inklużi l-partijiet, il-komponenti u l-munizzjon tagħhom, fl-implimentazzjoni tal-qafas rikonoxxut tal-Programm ta’ Azzjoni tan-NU għall-prevenzjoni, il-ġlieda kontra u l-qerda tal-kummerċ illeċitu tal-armi ħfief u ta’ kalibru żgħir fl-aspetti kollha tiegħu. F’dan il-kuntest, jaqblu li jikkooperaw sabiex jiġu skambjati l-esperjenzi u t-taħriġ fost l-awtoritajiet kompetenti, inklużi l-awtoritajiet doganali, il-pulizija u l-kontroll.



    2.    Kif iddikjarat fil-Programm ta’ Azzjoni tan-NU msemmi fil-paragrafu 1, f’dan il-kuntest il-Partijiet, fost affarijiet oħrajn, jaffermaw mill-ġdid id-dritt inerenti għall-awtodifiża individwali jew kollettiva skont l-Artikolu 51 tal-Karta tan-NU kif ukoll id-dritt ta’ kull Stat li jimmanifattura, jimporta u jżomm armi ħfief u ta’ kalibru żgħir għad-difiża u għas-sigurtà nazzjonali propja, kif ukoll għall-kapaċità tiegħu li jipparteċipa f’operazzjonijiet għaż-żamma tal-paċi skont il-Karta tan-NU u abbażi tad-deċiżjoni ta’ kull Parti.

    ARTIKOLU 33

    Ġlieda kontra t-terroriżmu

    1.    Il-Partijiet sejrin jikkooperaw fir-rigward tal-ġlieda kontra t-terroriżmu fl-implimentazzjoni tal-qafas u tal-istandards miftiehma fl-Artikolu 8.

    2.    Il-Partijiet għandhom jikkooperaw ukoll biex jiġi żgurat li kull persuna li tipparteċipa fil-finanzjament, fl-ippjanar, fit-tħejjija jew fit-twettiq ta’ atti terroristiċi jew insostenn ta’ atti terroristiċi, titressaq quddiem il-ġustizzja. Il-Partijiet jaqblu li l-ġlieda kontra t-terroriżmu għandha ssir f’konformità mar-riżoluzzjonijiet rilevanti tan-Nazzjonijiet Uniti filwaqt li tiġi rispettata s-sovranità tal-Partijiet, id-dritt għal smigħ xieraq, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali.

    3.    Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw fir-rigward tal-prevenzjoni u tat-trażżin ta’ atti terroristiċi permezz ta’ kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja.



    4.    Il-Partijiet, impenjati lejn l-Istrateġija Globali tan-Nazzjonijiet Uniti Kontra t-Terroriżmu, għandhom jippromwovu l-implimentazzjoni bbilanċjata tagħha u jaqblu li jwettqu l-azzjonijiet imsemmija fiha, fejn xieraq, bl-aktar mod effettiv biex tintemm it-theddida tat-terroriżmu.

    5.    Il-Partijiet jaqblu wkoll li jikkooperaw fi ħdan il-qafas tan-Nazzjonijiet Uniti biex jiġi finalizzat l-abbozz ta’ ftehim dwar il-konvenzjoni komprensiva kontra t-terroriżmu internazzjonali.

    ARTIKOLU 34

    Il-migrazzjoni, it-traffikar tal-bnedmin u l-iffaċilitar ta’ immigrazzjoni illegali

    1.    Il-kooperazzjoni għandha titmexxa ’l quddiem fid-dawl ta’ konsultazzjonijiet bejn il-Partijiet dwar il-ħtiġijiet u l-pożizzjonijiet tagħhom u għandha tiġi implimentata skont l-oqfsa leġiżlattivi tal-Partijiet. B’mod partikolari għandha tiffoka fuq:

    (a)    il-kawżi ewlenin tal-migrazzjoni;

    (b)    l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ leġiżlazzjoni u prattiki nazzjonali fir-rigward tal-protezzjoni internazzjonali, skont il-prinċipji u n-normi tad-dritt internazzjonali, inkluż il-prinċipju ta’ protezzjoni internazzjonali f’dawk il-każijiet fejn din tapplika;

    (c)    ir-regoli tal-ammissjoni u d-drittijiet u l-istatus ta’ persuni ammessi, it-trattament ġust u l-integrazzjoni tar-residenti legali fis-soċjetà, l-edukazzjoni u t-taħriġ tal-migranti legali u l-miżuri kontra r-razziżmu u l-ksenofobija u d-dispożizzjonijiet applikabbli kollha dwar id-drittijiet tal-bniedem tal-migranti;



    (d)    il-valutazzjoni ta’ mekkaniżmi u ta’ politiki sabiex jiġi faċilitat it-trasferiment ta’ rimessi;

    (e)    l-iskambji ta’ opinjonijiet u tal-aħjar prattiki u diskussjoni dwar kwistjonijiet ta’ interess komuni relatati mal-migrazzjoni ċirkolari u mal-prevenzjoni tal-eżodu tal-imħuħ;

    (f)    l-iskambju ta’ esperjenzi u tal-aħjar prattiki, kooperazzjoni teknika, teknoloġika, operazzjonali u ġudizzjarja, kif xieraq u miftiehma b’mod reċiproku, dwar kwistjonijiet relatati mat-traffikar tal-bnedmin u l-iffaċilitar tal-immigrazzjoni illegali, inkluża l-ġlieda kontra n-netwerks u l-organizzazzjonijiet kriminali ta’ traffikanti u kuntrabandisti tal-bnedmin u l-provvista ta’ protezzjoni, assistenza u appoġġ lill-vittmi ta’ dawn ir-reati;

    (g)    ir-ritorn, taħt kundizzjonijiet umani, siguri u dinjitużi, ta’ persuni li jkunu qed jirrisjedu illegalment fit-territorju tal-Parti l-oħra, b’rispett sħiħ lejn id-drittijiet tal-bniedem, inkluża l-promozzjoni tar-ritorn volontarju tagħhom u r-riammissjoni ta’ dawn il-persuni skont il-paragrafu 2;

    (h)    miżuri ta’ appoġġ immirati lejn ir-riintegrazzjoni sostenibbli tal-persuni rimpatrijati.

    2.    Fi ħdan il-qafas tal-kooperazzjoni għall-prevenzjoni u għall-kontroll tal-immigrazzjoni illegali u mingħajr preġudizzju għall-ħtieġa ta’ protezzjoni tal-vittmi tat-traffikar tal-persuni, il-Partijiet jaqblu wkoll li:

    (a)    jidentifikaw liċ-ċittadini allegati tagħhom u jaċċettaw lura ċ-ċittadini tagħhom li jkunu preżenti b’mod illegali fit-territorju ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew f’Kuba fil-perjodu ta’ żmien u skont in-normi u l-proċeduri stabbiliti mil-leġiżlazzjoni applikabbli dwar il-migrazzjoni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u Kuba, fuq talba u mingħajr dewmien żejjed u formalitajiet ulterjuri ladarba tkun ġiet stabbilita n-nazzjonalità;



    (b)    jipprovdu liċ-ċittadini tagħhom li jkunu ser jiġu riammessi b’dokumenti xierqa ta’ identità għal dak l-iskop.

    3.    Il-Partijiet jaqblu li jinnegozjaw, fuq talba u kemm jista’ jkun malajr, ftehim li jirregola l-obbligi speċifiċi għall-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u għal Kuba dwar kwistjonijiet ta’ migrazzjoni, inkluża r-riammissjoni.

    ARTIKOLU 35

    Protezzjoni konsulari

    Kuba taqbel li l-awtoritajiet diplomatiċi u konsulari ta’ kwalunkwe Stat Membru rappreżentat tal-Unjoni Ewropea għandhom jipprovdu protezzjoni lil kull ċittadin ta’ Stat Membru ieħor li effettivament ma jkollu l-ebda rappreżentanza permanenti u jipprovdulu protezzjoni konsulari, taħt l-istess kundizzjonijiet bħal fil-każ ta’ ċittadini ta’ dak l-Istat Membru tal-Unjoni Ewropea.

    ARTIKOLU 36

    Soċjetà ċivili

    Il-Partijiet jirrikonoxxu l-kontribuzzjoni potenzjali tas-soċjetà ċivili, inkluża l-akkademja, il-gruppi ta’ riflessjoni u l-midja, għat-twettiq tal-objettivi ta’ dan il-Ftehim. Jaqblu li jippromwovu azzjonijiet li jappoġġjaw parteċipazzjoni akbar tas-soċjetà ċivili fit-tfassil u fl-implimentazzjoni ta’ attivitajiet rilevanti ta’ żvilupp u ta’ kooperazzjoni settorjali, inkluż permezz tal-bini ta’ kapaċità.


    TITOLU IV

    ŻVILUPP SOĊJALI U KOEŻJONI SOĊJALI

    ARTIKOLU 37

    Żvilupp soċjali u koeżjoni soċjali

    1.    Il-Partijiet, filwaqt li jirrikonoxxu li l-iżvilupp soċjali għandu jipprogressa b’mod parallel mal-iżvilupp ekonomiku, jaqblu li jikkooperaw fit-tisħiħ tal-koeżjoni soċjali permezz tat-tnaqqis tal-faqar, tal-inġustizzja, tal-inugwaljanza u tal-esklużjoni soċjali, b’mod partikolari bil-għan li jitwettqu l-objettivi tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u tal-objettiv miftiehem internazzjonalment dwar il-promozzjoni ta’ xogħol deċenti għal kulħadd. Sabiex jintlaħqu dawk l-objettivi, il-Partijiet għandhom jimmobilizzaw riżorsi finanzjarji sinifikanti, kemm mill-kooperazzjoni u minn riżorsi interni.

    2.    Għal dak il-għan, il-Partijiet għandhom jikkooperaw sabiex jippromwovu u jiskambjaw l-aħjar prattiki fir-rigward ta’:

    (a)    politiki ekonomiċi b’viżjoni soċjali orjentata lejn soċjetà iżjed inklussiva bi tqassim aħjar tad-dħul sabiex jitnaqqsu l-inugwaljanza u l-inġustizzja;

    (b)    politiki kummerċjali u ta’ investiment, filwaqt li titqies ir-rabta bejn il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli, il-kummerċ ġust, l-iżvilupp ta’ intrapriżi rurali u urbani kemm tal-Istat u mhux tal-Istat u l-organizzazzjonijiet rappreżentanti tagħhom u r-responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji;



    (c)    politiki fiskali ġusti u sodi, li jippermettu ridistribuzzjoni aħjar tal-ġid u jiġu żgurati livelli adegwati ta’ nfiq soċjali;

    (d)    nefqa soċjali pubblika effiċjenti marbuta ma’ objettivi soċjali identifikati b’mod ċar, li timxi lejn approċċ orjentat lejn ir-riżultati;

    (e)    it-titjib u l-konsolidazzjoni ta’ politiki soċjali effettivi u aċċess ekwu għas-servizzi soċjali għal kulħadd f’diversi setturi, bħall-edukazzjoni, is-saħħa, in-nutrizzjoni, il-miżuri sanitarji, l-akkomodazzjoni, il-ġustizzja u s-sigurtà soċjali;

    (f)    politiki dwar l-impjiegi diretti lejn xogħol deċenti għal kulħadd f’konformità ma’ standards internazzjonali u nazzjonali tax-xogħol u l-ħolqien ta’ opportunitajiet ekonomiċi b’fokus partikolari fuq l-aktar gruppi fqar u vulnerabbli u l-aktar reġjuni żvantaġġati;

    (g)    skemi aktar inklużivi u komprensivi ta’ ħarsien soċjali fir-rigward ta’, fost affarijiet oħrajn, il-pensjonijiet, is-saħħa, l-inċidenti u l-qgħad, abbażi tal-prinċipju ta’ solidarjetà u l-prinċipju ta’ nuqqas ta’ diskriminazzjoni;

    (h)    strateġiji u politiki għall-ġlieda kontra l-ksenofobija u d-diskriminazzjoni abbażi ta’, fost affarijiet oħrajn, is-sess, ir-razza, it-twemmin, l-etniċità jew diżabilità;

    (i)    politiki u programmi speċifiċi ddedikati għaż-żgħażagħ sabiex tiġi promossa l-integrazzjoni sħiħa tagħhom fil-ħajja ekonomika, politika u soċjali.



    3.    Il-Partijiet jaqblu li jħeġġu l-iskambju ta’ informazzjoni u ta’ esperjenzi dwar aspetti ta’ żvilupp soċjali jew ta’ koeżjoni ta’ pjanijiet jew ta’ programmi interni.

    ARTIKOLU 38

    Impjiegi u protezzjoni soċjali

    1.    Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw fir-rigward tal-promozzjoni tal-impjiegi u tal-protezzjoni soċjali permezz ta’ azzjonijiet u programmi, b’mod partikolari, bil-għan li:

    (a)    jiġi żgurat xogħol deċenti għal kulħadd;

    (b)    jinħolqu swieq tax-xogħol aktar inklużivi u li jiffunzjonaw sew;

    (c)    tiġi estiża l-kopertura tal-protezzjoni soċjali;

    (d)    jiġi promoss id-djalogu soċjali;

    (e)    jiġi żgurat ir-rispett lejn l-istandards fundamentali tax-xogħol identifikati fil-Konvenzjonijiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol;

    (f)    jiġu indirizzati kwistjonijiet relatati mal-ekonomija informali;

    (g)    tingħata attenzjoni speċjali lill-gruppi żvantaġġati u lill-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni;



    (h)    tiġi żviluppata l-kwalità tar-riżorsi umani permezz tat-titjib tal-edukazzjoni u t-taħriġ, inkluż it-taħriġ vokazzjonali effettiv;

    (i)    jitjiebu l-kundizzjonijiet tas-saħħa u tas-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, b’mod partikolari billi jissaħħu l-ispettorati tax-xogħol u jingħata appoġġ għat-titjib fir-rigward tas-saħħa u s-sigurtà;

    (j)    jiġu xprunati l-ħolqien tal-impjiegi u tal-intraprenditorija permezz tat-tisħiħ tal-qafas istituzzjonali meħtieġ għall-ħolqien ta’ intrapriżi u l-iffaċilitar tal-aċċess għall-kreditu.

    ARTIKOLU 39

    Edukazzjoni

    1.    Il-Partijiet jaqblu li jaqsmu l-esperjenzi u l-aħjar prattiki fir-rigward tal-iżvilupp kontinwu tal-edukazzjoni fuq kull livell.

    2.    Il-Partijiet jaqblu li l-kooperazzjoni għandha tappoġġa l-iżvilupp tar-riżorsi umani fuq kull livell ta’ edukazzjoni, b’mod partikolari fil-livell ta’ edukazzjoni ogħla, inklużi l-ħtiġijiet speċjali. Il-Partijiet għandhom jippromwovu l-iskambju ta’ studenti, ta’ riċerkaturi u ta’ akkademiċi permezz ta’ programmi eżistenti u t-tisħiħ tal-iżvilupp tal-kapaċità sabiex jiġu modernizzati s-sistemi ta’ edukazzjoni ogħla tagħhom.


    ARTIKOLU 40

    Saħħa pubblika

    1.    Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw f’oqsma ta’ interess komuni li jirrigwardaw is-settur tas-saħħa, b’mod partikolari r-riċerka xjentifika, il-ġestjoni tas-sistemi tas-saħħa, in-nutrizzjoni, il-prodotti farmaċewtiċi, il-mediċina preventiva u s-saħħa sesswali u riproduttiva, fosthom il-prevenzjoni u l-kontroll ta’ mard li jittieħed bħall-HIV/AIDS, mard li ma jitteħidx bħall-kanċer u l-mard tal-qalb, u theddid ewlieni ieħor għas-saħħa, bħad-dengue, iċ-chikungunya and z-zica. Il-Partijiet jaqblu wkoll li jikkooperaw fil-promozzjoni tal-implimentazzjoni ta’ ftehimiet internazzjonali dwar is-saħħa li għalihom huma parti.

    2.    Il-Partijiet jaqblu li jagħtu attenzjoni speċjali lil azzjonijiet u lil programmi reġjonali implimentati fil-qasam tas-saħħa pubblika.

    ARTIKOLU 41

    Protezzjoni tal-konsumatur

    Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw dwar kwistjonijiet ta’ protezzjoni tal-konsumatur bil-għan li jiġu protetti s-saħħa tal-bniedem u l-interessi tal-konsumaturi.


    ARTIKOLU 42

    Kultura u patrimonju

    1.    Il-Partijiet għandhom jimpenjaw ruħhom li jippromwovu l-kooperazzjoni fil-qasam tal-kultura, inkluż il-patrimonju kulturali, b’rispett dovut għad-diversità tagħhom. F’konformità mal-leġiżlazzjoni rispettiva tagħhom, din il-kooperazzjoni għandha ttejjeb il-fehim reċiproku u d-djalogu interkulturali u trawwem skambji kulturali bbilanċjati u l-kuntatt ma’ atturi rilevanti, inklużi organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili taż-żewġ Partijiet.

    2.    Il-Partijiet għandhom jippromwovu kooperazzjoni fl-oqsma tal-arti, tal-letteratura u tal-mużika, inkluż permezz tal-iskambju ta’ esperjenzi.

    3.    Il-kooperazzjoni bejn il-Partijiet għandha sseħħ skont id-dispożizzjonijiet interni rilevanti dwar id-drittijiet tal-awtur u dispożizzjonijiet oħra li jirrigwardaw kwistjonijiet kulturali, kif ukoll skont ftehimiet internazzjonali li għalihom huma partijiet.

    4.    Il-Partijiet jaqblu li jippromwovu l-kooperazzjoni fir-rigward tar-restawr u tal-ġestjoni sostenibbli tal-patrimonju. Il-kooperazzjoni għandha tinkludi, fost affarijiet oħrajn, il-ħarsien u l-promozzjoni tal-patrimonju naturali u kulturali tanġibbli u intanġibbli, inkluża l-prevenzjoni u l-azzjoni kontra t-traffikar illeċitu ta’ patrimonju kulturali, skont l-istrumenti internazzjonali relevanti.

    5.    Il-Partijiet jaqblu li jippromwovu l-kooperazzjoni fis-setturi awdjoviżivi u tal-midja, inkluż ir-radju u l-istampa, permezz ta’ inizjattivi konġunti fit-taħriġ kif ukoll attivitajiet ta’ żvilupp, ta’ produzzjoni u ta’ distribuzzjoni awdjoviżivi, inklużi fl-oqsma tal-edukazzjoni u tal-kultura.



    6.    Il-Partijiet għandhom jinkoraġġixxu l-koordinazzjoni fil-kuntest tal-UNESCO, bil-għan li tiġi promossa d-diversità kulturali, fost affarijiet oħrajn permezz ta’ konsultazzjonijiet dwar ir-ratifika u l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali. Il-kooperazzjoni għandha tinkludi wkoll il-promozzjoni tad-diversità kulturali.

    ARTIKOLU 43

    Persuni f’sitwazzjoni ta’ vulnerabbiltà

    1.    Il-Partijiet jaqblu li l-kooperazzjoni għall-benefiċċju ta’ persuni vulnerabbli għandha tagħti prijorità lil miżuri, inklużi l-politiki u l-proġetti innovattivi, li jinvolvu persuni f’sitwazzjoni ta’ vulnerabbiltà. L-għan tagħha għandu jkun il-promozzjoni tal-iżvilupp tal-bniedem, titjib fil-kundizzjonijiet tal-għajxien u l-promozzjoni tal-integrazzjoni sħiħa tagħhom fis-soċjetà.

    2.    Il-kooperazzjoni għandha tinkludi l-iskambju ta’ esperjenzi dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, il-promozzjoni u l-implimentazzjoni ta’ politiki biex jiġu ggarantiti opportunitajiet ugwali għal persuni li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ vulnerabbiltà, il-ħolqien ta’ opportunitajiet ekonomiċi u l-promozzjoni ta’ politiki soċjali speċifiċi mmirati lejn l-iżvilupp tal-kapaċitajiet tal-bniedem permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ, l-aċċess għal servizzi soċjali bażiċi, xbieki ta’ sikurezza soċjali u ġustizzja, b’enfasi partikolari fuq, fost affarijiet oħrajn, il-persuni b’diżabilità u l-familji tagħhom, it-tfal u l-anzjani.


    ARTIKOLU 44

    Perspettiva ta’ ugwaljanza bejn is-sessi

    1.    Il-Partijiet jaqblu li l-kooperazzjoni għandha tgħin sabiex jissaħħu l-politiki, il-programmi u l-mekkaniżmi li l-għan tagħhom huwa li tiġi żgurata, titjieb u tiġi estiża l-parteċipazzjoni ugwali u l-opportunitajiet għall-irġiel u għan-nisa fil-ħajja politika, ekonomika, soċjali u kulturali, b’mod partikolari bil-għan tal-implimentazzjoni effettiva tal-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta’ Kull Forma ta’ Diskriminazzjoni kontra n-Nisa u d-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta’ Azzjoni ta’ Beijing. Fejn xieraq, għandha tittieħed azzjoni affermattiva li tappoġġa lin-nisa.

    2.    Il-kooperazzjoni għandha tippromwovi l-integrazzjoni tal-perspettiva tas-sessi fl-oqsma kollha rilevanti ta’ kooperazzjoni, fosthom il-politika pubblika, l-istrateġiji u l-azzjonijiet ta’ żvilupp kif ukoll indikaturi sabiex jitkejjel l-impatt tagħhom.

    3.    Il-kooperazzjoni għandha tgħin ukoll sabiex jiġi faċilitat aċċess indaqs mill-irġiel u min-nisa għas-servizzi u għar-riżorsi kollha li jippermettulhom li jeżerċitaw bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali tagħhom, bħal dawk fir-rigward tal-edukazzjoni, is-saħħa, it-taħriġ vokazzjonali, l-opportunitajiet ta’ impjieg, it-teħid ta’ deċiżjonijiet politiċi, l-istrutturi ta’ governanza u l-impriżi privati.

    4.    Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-programmi mmirati lejn il-prevenzjoni u l-indirizzar ta’ kull forma ta’ vjolenza kontra n-nisa.


    ARTIKOLU 45

    Iż-Żgħażagħ

    1.    Il-kooperazzjoni bejn il-Partijiet għandha tappoġġa l-politiki rispettivi rilevanti kollha relatati maż-żgħażagħ. Għandha tinkludi appoġġ għat-taħriġ u għall-impjiegi, politiki dwar il-familja u l-edukazzjoni, kif ukoll il-ħolqien ta’ opportunitajiet ta’ xogħol għaż-żgħażagħ u t-trawwim tal-iskambju ta’ esperjenzi dwar programmi għall-prevenzjoni tad-delinkwenza tal-minorenni u l-inseriment mill-ġdid fil-ħajja ekonomika u soċjali.

    2.    Il-Partijiet jaqblu li jippromwovu l-parteċipazzjoni attiva taż-żgħażagħ fis-soċjetà, inkluż fit-tfassil ta’ politiki li jikkontribwixxu għall-iżvilupp taż-żagħżagħ u li jkollhom impatt fuq ħajjithom.

    3.    Iż-żewġ naħat jaqblu li jippromwovu l-implimentazzjoni ta’ programmi biex titrawwem il-kooperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, inklużi programmi ta’ skambju.

    ARTIKOLU 46

    L-iżvilupp tal-komunità lokali

    1.    Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw fil-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli tal-komunità lokali, permezz ta’ azzjonijiet integrati li jagħtu spinta lill-inizjattivi tad-diversi atturi lokali li jippromwovu żvilupp ekonomiku u t-trawwim tal-assorbiment ta’ riżorsi eżistenti fil-livell tal-komunità lokali.



    2.    Il-kooperazzjoni tista’ tappoġġa azzjonijiet bħalma huma:

    (a)    inizjattivi lokali skont il-pjanijiet strateġiċi territorjali rispettivi;

    (b)    it-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta’ ġestjoni ekonomika ta’ entitajiet produttivi u ta’ fornituri tas-servizzi lokali.

    TITOLU V

    L-AMBJENT, IL-ĠESTJONI TAR-RISKJU TA’ DIŻASTRI U T-TIBDIL FIL-KLIMA

    ARTIKOLU 47

    Kooperazzjoni dwar l-ambjent u t-tibdil fil-klima

    1.    Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw sabiex tiġi protetta u titjieb il-kwalità tal-ambjent fuq livell lokali, reġjonali u globali bil-għan li jinkiseb żvilupp sostenibbli.

    2.    Il-Partijiet, konxji mill-impatt ta’ dan il-Ftehim, għandhom jagħtu l-attenzjoni xierqa lir-relazzjoni bejn l-iżvilupp u l-ambjent. Il-Partijiet għandhom jaħdmu biex jagħmlu użu mill-opportunitajiet ta’ investiment offruti minn teknoloġiji nodfa.



    3.    Il-kooperazzjoni għandha tiffaċilita wkoll il-progress f’konferenzi internazzjonali rilevanti u tippromwovi l-implimentazzjoni effettiva ta’ ftehimiet multilaterali u l-prinċipji maqbula fihom f’oqsma bħall-bijodiversità, it-tibdil fil-klima, id-deżertifikazzjoni, in-nixfa u l-ġestjoni ta’ sustanzi kimiċi.

    4.    Il-kooperazzjoni għandha b’mod partikolari tindirizza:

    (a)    il-konservazzjoni u l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali, tal-bijodiversità u tal-ekosistemi, inklużi l-foresti u s-sajd, kif ukoll is-servizzi li jipprovdu;

    (b)    il-ġlieda kontra t-tniġġis tal-ilma ħelu u tal-baħar, tal-arja u tal-ħamrija, inkluż permezz tal-ġestjoni soda tal-iskart, tal-ilmijiet tad-drenaġġ, tas-sustanzi kimiċi u ta’ sustanzi u materjali perikolużi oħra;

    (c)    kwistjonijiet globali bħat-tibdil fil-klima, it-tnaqqis tas-saff tal-ożonu, id-deżertifikazzjoni u n-nixfa, id-deforestazzjoni, il-protezzjoni ta’ żoni kostali, il-konservazzjoni tal-bijodiversità u l-bijosikurezza.

    5.    F’dan il-kuntest, il-kooperazzjoni għandha tfittex li tiffaċilita inizjattivi konġunti fil-qasam tal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih, inkluż it-tisħiħ tal-politiki biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima.



    6.    Il-kooperazzjoni tista’ tinvolvi miżuri bħalma huma:

    (a)    il-promozzjoni ta’ djalogu politiku u l-implimentazzjoni tiegħu, l-iskambju ta’ informazzjoni u ta’ esperjenza dwar leġiżlazzjoni ambjentali, regoli tekniċi u produzzjoni nadifa u dwar l-aħjar prattiki ambjentali, kif ukoll il-bini ta’ kapaċità bil-għan li jissaħħu s-sistemi ta’ kontroll, ta’ monitoraġġ u ta’ ġestjoni ambjentali fis-setturi kollha fuq kull livell tal-gvern;

    (b)    it-trasferiment u l-użu ta’ teknoloġija nadifa u sostenibbli u kompetenza, inkluż il-ħolqien ta’ inċentivi u mekkaniżmi għall-innovazzjoni u għall-ħarsien tal-ambjent;

    (c)    l-integrazzjoni ta’ kunsiderazzjonijiet ambjentali f’oqsma oħra tal-politika, inkluż il-ġestjoni tal-użu tal-art;

    (d)    il-promozzjoni ta’ mudelli ta’ produzzjoni u ta’ konsum sostenibbli, inkluż permezz tal-użu sostenibbli tal-ekosistemi, is-servizzi u l-merkanzija;

    (e)    il-promozzjoni ta’ għarfien u ta’ edukazzjoni ambjentali kif ukoll il-parteċipazzjoni msaħħa tas-soċjetà ċivili, b’mod partikolari l-komunitajiet lokali, fil-ħarsien tal-ambjent u sforzi għal żvilupp sostenibbli;

    (f)    it-tħeġġiġ u l-promozzjoni ta’ kooperazzjoni reġjonali fil-qasam tal-ħarsien tal-ambjent;

    (g)    assistenza fl-implimentazzjoni u fl-infurzar ta’ dawk il-ftehimiet ambjentali multilaterali li għalihom il-Partijiet huma partijiet.


    ARTIKOLU 48

    Ġestjoni tar-riskju ta’ diżastru

    1.    Il-Partijiet jirrikonoxxu l-ħtieġa li jiġu mmaniġġjati r-riskji kollha ta’ diżastri li jaffettwaw it-territorju ta’ Stat wieħed jew aktar. Il-Partijiet jaffermaw l-impenn komuni tagħhom li jitjiebu l-miżuri ta’ prevenzjoni, ta’ mitigazzjoni, ta’ tħejjija, ta’ rispons u ta’ rkupru bil-għan li tiżdied ir-reżiljenza tas-soċjetajiet u tal-infrastruttura tagħhom, u sabiex jikkooperaw fejn ikun xieraq, fuq livell politiku bilaterali u multilaterali biex jitjiebu r-riżultati tal-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri.

    2.    Il-Partijiet jaqblu li l-għan tal-kooperazzjoni fil-qasam tal-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri għandha tkun li titnaqqas il-vulnerabbiltà u r-riskji, jiżdied il-monitoraġġ u l-kapaċitajiet ta’ twissija bikrija u tiżdied ir-reżiljenza ta’ Kuba għad-diżastri, fost affarijiet oħrajn, permezz ta’ appoġġ għall-isforzi interni, kif ukoll għall-qafas reġjonali għat-tnaqqis tal-vulnerabbiltà u r-rispons għad-diżastri, sabiex tissaħħaħ ir-riċerka reġjonali u jinxterdu l-aħjar prattiki, mibnija fuq lezzjonijiet mitgħallma dwar it-tnaqqis tar-riskju, it-tħejjija, l-ippjanar, il-prevenzjoni, il-mitigazzjoni, ir-reazzjoni u l-irkupru minn diżastri.

    ARTIKOLU 49

    Ilma u sanitazzjoni

    1.    Il-Partijiet jirrikonoxxu l-ħtieġa li tiġi żgurata d-disponibbiltà u l-ġestjoni sostenibbli tal-provvista tal-ilma u ta’ miżuri sanitarji għal kulħadd, u bħala riżultat ta’ dan, jaqblu li jikkooperaw fir-rigward ta’, fost affarijiet oħrajn:



    (a)    il-bini ta’ kapaċità għall-ġestjoni effiċjenti tan-netwerks tal-provvista tal-ilma u tas-sanitazzjoni;

    (b)    l-effetti tal-kwalità tal-ilma fuq l-indikaturi tas-saħħa;

    (c)    l-immodernizzar tat-teknoloġija relatata mal-kwalità tal-ilma, mill-monitoraġġ sal-laboratorji;

    (d)    programmi edukattivi li jippromwovu l-ħtieġa għall-konservazzjoni, għall-użu razzjonali u għall-ġestjoni integrata tar-riżorsi tal-ilma.

    2.    Il-Partijiet jaqblu li jagħtu attenzjoni speċjali lill-azzjonijiet reġjonali u lill-programmi ta’ kooperazzjoni f’dan is-settur.

    TITOLU VI

    ŻVILUPP EKONOMIKU

    ARTIKOLU 50

    L-agrikoltura, l-iżvilupp rurali, is-sajd u l-akkwakultura

    1.    Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw fl-oqsma tal-agrikoltura, tal-iżvilupp rurali, tas-sajd u tal-akkwakultura fir-rigward ta’, fost affarijiet oħrajn:

    (a)    titjib fil-produttività u fil-produzzjoni;



    (b)    żieda fil-kwalità tal-prodotti tal-agrikoltura, tas-sajd u tal-akkwakultura;

    (c)    l-iżvilupp agrikolu urban u suburban;

    (d)    it-tisħiħ tal-ktajjen produttivi;

    (e)    l-iżvilupp rurali;

    (f)    il-promozzjoni ta’ drawwiet tajbin biex jogħla l-livell ta’ nutriment;

    (g)    l-iżvilupp ta’ swieq agrikoli u tas-sajd, ta’ swieq bl-ingrossa u ta’ aċċess għal kreditu finanzjarju;

    (h)    il-promozzjoni ta’ servizzi għall-iżvilupp tan-negozji għall-koperattivi, għall-irziezet żgħar privati u għall-komunitajiet tas-sajd fuq skala żgħira;

    (i)    l-iżvilupp tas-swieq tagħhom u l-promozzjoni ta’ relazzjonijiet kummerċjali internazzjonali;

    (j)    l-iżvilupp ta’ produzzjoni organika;

    (k)    l-iżvilupp ta’    agrikoltura u akkwakultura sostenibbli li jintegraw ir-rekwiżiti u l-isfidi ambjentali;

    (l)    il-promozzjoni tax-xjenza, tat-teknoloġija u tal-innovazzjoni rilevanti għall-agrikoltura u għall-iżvilupp rurali, għas-sajd u għall-akkwakultura, kif ukoll l-ipproċessar industrijali ta’ dawn ir-riżorsi;



    (m)    il-promozzjoni tal-isfruttament sostenibbli u l-ġestjoni tar-riżorsi tal-ħut;

    (n)    il-promozzjoni tal-aħjar prattiki fil-ġestjoni tas-sajd;

    (o)    it-titjib tal-ġbir tad-data sabiex titqies l-aħjar informazzjoni xjentifika disponibbli għall-valutazzjoni u għall-ġestjoni tar-riżorsi tal-istokks ta’ ħut;

    (p)    it-tisħiħ tas-sistema ta’ monitoraġġ, ta’ kontroll u ta’ sorveljanza tal-attivitajiet tas-sajd;

    (q)    il-ġlieda kontra attivitajiet illegali, mhux rapportati u mhux regolati tas-sajd;

    (r)    it-tisħiħ tal-kooperazzjoni biex tiġi żgurata kapaċità akbar għall-iżvilupp ta’ teknoloġiji tal-valur miżjud għall-ipproċessar tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura.

    2.    Il-kooperazzjoni tista’ tinvolvi, fost affarijiet oħrajn, il-provvista ta’ għarfien espert tekniku, il-provvista ta’ appoġġ, il-bini ta’ kapaċità u l-iskambju ta’ informazzjoni u ta’ esperjenzi. Il-Partijiet jaqblu li jippromwovu l-kooperazzjoni istituzzjonali u jsaħħu l-kooperazzjoni fi ħdan l-organizzazzjonijiet internazzjonali u ma’ organizzazzjonijiet interni u reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd.

    3.    Il-Partijiet għandhom iħeġġu, għal żoni suxxettibbli għal diżastri, analiżi tar-riskju u miżuri adegwati sabiex tiżdied ir-reżistenza fil-qafas tas-sigurtà alimentari u l-kooperazzjoni fl-agrikoltura.


    ARTIKOLU 51

    Turiżmu sostenibbli

    1.    Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza tas-settur tat-turiżmu għall-iżvilupp soċjali u ekonomiku tal-komunitajiet lokali u l-potenzjal ekonomiku kbir taż-żewġ reġjuni għall-iżvilupp ta’ negozji f’dan il-qasam.

    2.    Għal dan il-għan jaqblu li jikkooperaw fil-promozzjoni ta’ turiżmu sostenibbli, b’mod partikolari biex jappoġġja:

    (a)    l-iżvilupp ta’ politiki għall-ottimizzazzjoni tal-benefiċċji soċjoekonomiċi tat-turiżmu;

    (b)    il-ħolqien u l-konsolidazzjoni ta’ prodotti turistiċi permezz tal-forniment ta’ servizzi mhux finanzjarji, taħriġ u assistenza u servizzi tekniċi;

    (c)    l-integrazzjoni ta’ kunsiderazzjonijiet ambjentali, kulturali u soċjali fl-iżvilupp tas-settur tat-turiżmu, inklużi kemm il-ħarsien u l-promozzjoni tal-patrimonju kulturali u tar-riżorsi naturali;

    (d)    l-involviment tal-komunitajiet lokali fil-proċess tal-iżvilupp turistiku, b’mod partikolari t-turiżmu u l-ekoturiżmu rurali u tal-komunità;

    (e)    strateġiji ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ promozzjoni, l-iżvilupp tal-kapaċità istituzzjonali u tar-riżorsi umani, u l-promozzjoni ta’ standards internazzjonali;



    (f)    il-promozzjoni tal-kooperazzjoni u tal-assoċjazzjoni pubblika-privata;

    (g)    l-iżvilupp ta’ pjanijiet ta’ ġestjoni għall-iżvilupp tat-turiżmu intern u reġjonali;

    (h)    il-promozzjoni tat-teknoloġija tal-informazzjoni fil-qasam tat-turiżmu.

    ARTIKOLU 52

    Kooperazzjoni fix-xjenza, fit-teknoloġija ufl-innovazzjoni

    1.    Il-Partijiet għandhom ifittxu li jiżviluppaw kapaċitajiet xjentifiċi, teknoloġiċi u ta’ innovazzjoni li jkopru l-attivitajiet kollha li jaqgħu fi ħdan il-mekkaniżmi stabbiliti jew fi ftehimiet ta’ kooperazzjoni ta’ interess reċiproku. Għal dak il-għan, il-Partijiet għandhom irawmu l-iskambju ta’ informazzjoni u l-parteċipazzjoni tal-entitajiet ta’ riċerka tagħhom u l-iżvilupp teknoloġiku fir-rigward tal-attivitajiet ta’ kooperazzjoni li ġejjin, f’konformità mar-regoli interni tagħhom:

    (a)    l-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-politiki rispettivi tagħhom dwar ix-xjenza u t-teknoloġija;

    (b)    attivitajiet konġunti ta’ riċerka u ta’ żvilupp intiżi sabiex jiġi mħeġġeġ il-progress xjentifiku u t-trasferiment tat-teknoloġija u l-għarfien, inkluż fl-użu ta’ teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni.



    2.    Għandu jkun hemm enfasi speċjali fuq il-bini tal-potenzjal tal-bniedem bħala bażi fit-tul għal eċċellenza xjentifika u teknoloġika, u fuq il-ħolqien ta’ rabtiet sostenibbli bejn il-komunitajiet xjentifiċi u teknoloġiċi tal-Partijiet, kemm fil-livelli interni u reġjonali. Għal dak il-għan, għandhom jiġu promossi l-iskambji ta’ riċerkaturi u tal-aħjar prattiki fi proġetti ta’ riċerka.

    3.    Iċ-ċentri ta’ riċerka, l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla u l-partijiet ikkonċernati l-oħra li jinsabu fl-Unjoni Ewropea u f’Kuba għandhom ikunu involuti f’kooperazzjoni fir-rigward tax-xjenza, tat-teknoloġija u tar-riċerka fejn xieraq.

    4.    Il-Partijiet jaqblu li jużaw il-mekkaniżmi kollha sabiex tiżdied il-kwantità u l-kwalità ta’ professjonisti bi kwalifiki għolja, inkluż permezz ta’ taħriġ, riċerka kollaborattiva, boroż ta’ studju u skambji.

    5.    Il-Partijiet għandhom jippromwovu l-parteċipazzjoni tal-entitajiet rispettivi tagħhom fil-programmi xjentifiċi u teknoloġiċi ta’ xulxin fl-insegwiment ta’ eċċellenza xjentifika ta’ benefiċċju reċiproku u skont id-dispożizzjonijiet rispettivi tagħhom li jirregolaw il-parteċipazzjoni ta’ entitajiet minn pajjiżi terzi.


    ARTIKOLU 53

    Trasferiment tat-teknoloġija

    1.    Filwaqt li jirrikonoxxu l-importanza ta’ kooperazzjoni u assistenza teknika fil-qasam tat-trasferiment tat-teknoloġija, inklużi l-proċessi ta’ awtomatizzazzjoni, il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw fil-promozzjoni tat-trasferiment tat-teknoloġija permezz ta’ programmi akkademiċi jew professjonali ddedikati għat-trasferiment tal-għarfien bejniethom.

    2.    L-Unjoni Ewropea għandha tiffaċilita u tippromwovi l-aċċess ta’ Kuba għal programmi ta’ żvilupp u ta’ riċerka li jimmiraw, fost affarijiet oħrajn, lejn l-iżvilupp tat-teknoloġija.

    ARTIKOLU 54

    L-enerġija, inkluża l-enerġija rinnovabbli

    1.    Filwaqt li jirrikonoxxu l-importanza dejjem tikber tal-enerġija rinnovabbli u ta’ soluzzjonijiet ta' effiċjenza fl-użu tal-enerġija għal żvilupp sostenibbli, il-Partijiet jaqblu li l-objettiv konġunt tagħhom għandu jkun li titrawwem il-kooperazzjoni fil-qasam tal-enerġija, b’mod partikolari fir-rigward ta’, fost affarijiet oħrajn, sorsi ta’ enerġija sostenibbli, nadifa u rinnovabbli, effiċjenza enerġetika, teknoloġija li tiffranka l-enerġija, l-elettrifikazzjoni rurali u l-integrazzjoni reġjonali tas-swieq tal-enerġija, kif identifikat mill-Partijiet u f’konformità mal-leġiżlazzjoni interna.



    2.    Il-kooperazzjoni tista’ tinkludi, fost affarijiet oħrajn:

    (a)    djalogu politiku u kooperazzjoni fis-settur tal-enerġija, b’mod partikolari rigward it-titjib u d-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija u t-titjib tas-swieq tal-enerġija, inklużi l-ġenerazzjoni, it-trażmissjoni u d-distribuzzjoni;

    (b)    programmi ta’ bini ta’ kapaċità, it-trasferiment tat-teknoloġija u tal-għarfien, inkluż ħidma fuq standards ta’ emissjonijiet, fis-settur tal-enerġija, b’mod partikulari rigward l-effiċjenza enerġetika u l-immaniġġjar tas-settur;

    (c)    il-promozzjoni tal-iffrankar enerġetiku, l-effiċjenza enerġetika, l-enerġija rinnovabbli u studji dwar l-impatt ambjentali tal-produzzjoni u tal-konsum tal-enerġija, b’mod partikolari fuq il-bijodiversità, il-forestrija u t-tibdil fl-użu tal-art;

    (d)    l-iżvilupp ta’ proġetti pilota ta’ enerġija rinnovabbli u effiċjenti fl-użu tal-enerġija, b’mod partikolari fl-oqsma tal-enerġija solari, eolika, tal-bijomassa, l-idroenerġija, tal-mewġ tal-baħar u tal-marea;

    (e)    programmi biex jitjieb l-għarfien ġenerali u l-għarfien tal-popolazzjoni dwar enerġiji rinnovabbli u effiċjenza enerġetika;

    (f)    ir-riċiklaġġ jew l-użu enerġetiku ta’ skart solidu u likwidu.


    ARTIKOLU 55

    Trasport

    1.    Il-Partijiet jaqblu li l-kooperazzjoni fil-qasam tat-trasport għandha tiffoka fuq ir-ristrutturar u l-immodernizzar tat-trasport u tas-sistemi infrastrutturali relatati, li jiffaċilitaw u jtejbu l-moviment ta’ passiġġieri u ta’ merkanzija u jipprovdu aċċess aħjar għas-swieq tat-trasport urban, marittimu, f’passaġġi fuq l-ilmijiet interni, bil-ferrovija u bit-triq permezz tal-irfinar tal-ġestjoni tat-trasport minn perspettivi operattivi u amministrattivi u permezz tal-promozzjoni ta’ standards operattivi għoljin.

    2.    Il-kooperazzjoni tista’ tinkludi dawn li ġejjin:

    (a)    skambji ta’ informazzjoni dwar il-politiki tal-Partijiet, partikolarment fir-rigward tat-trasport urban u l-interkonnessjoni u l-interoperabbiltà ta’ netwerks multimodali tat-trasport u kwistjonijiet oħra ta’ interess reċiproku;

    (b)    il-ġestjoni tal-passaġġi fuq l-ilmijiet interni, toroq, ferroviji, portijiet u ajruporti, inkluża kooperazzjoni xierqa bejn l-awtoritajiet rilevanti;

    (c)    proġetti għat-trasferiment tat-teknoloġija Ewropea għas-sistema globali ta’ navigazzjoni bis-satellita u għal ċentri ta’ trasport pubbliku urban;

    (d)    it-titjib ta’ standards dwar is-sigurtà u l-prevenzjoni tat-tniġġis, inkluża l-kooperazzjoni fil-fora internazzjonali xierqa bil-għan li jiġi żgurat infurzar aħjar tal-istandards internazzjonali;

    (e)    attivitajiet li jippromwovu l-iżvilupp tat-trasport ajrunawtiku u marittimu.


    ARTIKOLU 56

    Modernizzar tal-mudell ekonomiku u soċjali

    1.    Il-Partijiet jaqblu li jiżviluppaw azzjonijiet ta’ kooperazzjoni b’appoġġ lejn it-tisħiħ u l-immodernizzar tal-amministrazzjoni pubblika Kubana u tal-ekonomija Kubana. Jaqblu li jappoġġjaw l-iżvilupp ta’ intrapriżi u ta’ koperattivi, b’enfasi speċjali fuq l-iżvilupp lokali.

    2.    Din il-kooperazzjoni tista’ tiġi żviluppata f’oqsma ta’ interess reċiproku, bħalma huma:

    (a)    politiki makroekonomiċi, inklużi politiki fiskali;

    (b)    statistika;

    (c)    sistemi ta’ informazzjoni għall-kummerċ;

    (d)    miżuri ta’ faċilitazzjoni tal-kummerċ;

    (e)    sistemi u standards ta’ kwalità;

    (f)    appoġġ għal inizjattivi ta’ żvilupp lokali;

    (g)    żvilupp agroindustrijali;

    (h)    kontroll u sorveljanza mill-Istat;



    (i)    l-organizzazzjoni u l-funzjonament tal-intrapriżi, inklużi intrapriżi pubbliċi.

    3.    Il-Partijiet jaqblu li jippromwovu u jħeġġu l-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet, inklużi l-istituzzjonijiet settorjali, li jippromwovu strumenti li jappoġġjaw lill-SMEs, partikolarment dawk li l-isforzi tagħhom huma mmirati lejn it-titjib tal-kompetittività, l-innovazzjoni teknoloġika, l-integrazzjoni fi ktajjen tal-valur, l-aċċess għall-kreditu u t-taħriġ kif ukoll it-tisħiħ tal-kapaċità istituzzjonali u l-qafas istituzzjonali. Jaqblu wkoll li jippromwovu kuntatti bejn il-kumpaniji miż-żewġ Partijiet insostenn tad-dħul tagħhom fi swieq internazzjonali, tal-investimenti u tat-trasferiment tat-teknoloġija.

    ARTIKOLU 57

    Statistika

    1.    Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw sabiex jiġu żviluppati metodi u programmi statistiċi aħjar skont l-istandards aċċettati internazzjonalment, inkluż il-ġbir, l-ipproċessar, il-kontroll tal-kwalità u t-tixrid ta’ statistika, bil-għan li jiġu ġġenerati indikaturi b’komparabilità mtejba bejn il-Partijiet, biex b’hekk il-Partijiet ikunu jistgħu jidentifikaw ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni statistika fl-oqsma koperti b’dan il-Ftehim. Il-Partijiet jirrikonoxxu l-utilità tal-kooperazzjoni bilaterali insostenn ta’ dawn l-għanijiet.

    2.    Din il-kooperazzjoni tista’ tinkludi, fost affarijiet oħrajn: skambji tekniċi bejn l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika u tal-Informazzjoni ta’ Kuba u uffiċċji tal-istatistika fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u fil-Eurostat, inkluż l-iskambju ta’ xjenzati; l-iżvilupp ta’ metodi mtejba u konsistenti ta’ ġbir, ta’ diżaggregazzjoni, ta’ analiżi u ta’ interpretazzjoni ta’ data; u l-organizzazzjoni ta’ seminars, gruppi ta’ ħidma jew programmi li jikkumplimentaw il-kapaċitajiet statistiċi.


    ARTIKOLU 58

    Governanza tajba fit-tassazzjoni

    1.    Il-Partijiet jirrikonoxxu u jimpenjaw ruħhom li jimplimentaw il-prinċipji ta’ governanza tajba fit-tassazzjoni, jiġifieri trasparenza, l-iskambju ta’ informazzjoni u kompetizzjoni ġusta fil-qasam tat-taxxa.

    2.    Skont il-kompetenzi rispettivi tagħhom, il-Partijiet għandhom itejbu l-kooperazzjoni internazzjonali fit-tassazzjoni, jiffaċilitaw il-ġbir tad-dħul leġittimu tat-taxxa u jiżviluppaw miżuri għall-implimentazzjoni effettiva tal-istandards minimi ta’ governanza tajba fit-tassazzjoni.

    TITOLU VII

    INTEGRAZZJONI U KOOPERAZZJONI REĠJONALI

    ARTIKOLU 59

    Kooperazzjoni reġjonali

    1.    Il-kooperazzjoni għandha tappoġġa attivitajiet marbuta mal-iżvilupp ta’ kooperazzjoni reġjonali bejn Kuba u l-ġirien tagħha fil-Karibew, fil-kuntest ta’ CARIFORUM, b’mod partikolari fl-oqsma ta’ prijorità identifikati fl-Istrateġija ta’ Sħubija Konġunta UE-Karibew. L-attivitajiet jistgħu jikkontribwixxu wkoll għat-tisħiħ tal-proċess ta’ integrazzjoni reġjonali fil-Karibew.



    2.    Il-kooperazzjoni għandha ssaħħaħ l-involviment tas-setturi kollha, inkluża s-soċjetà ċivili, fil-proċess ta’ kooperazzjoni u integrazzjoni reġjonali, skont il-kundizzjonijiet definiti mill-Partijiet, u tinkludi appoġġ għal mekkaniżmi ta’ konsultazzjoni u kampanji ta’ sensibilizzazzjoni.

    3.    Il-Partijiet jaqblu li jużaw l-istrumenti eżistenti kollha ta’ kooperazzjoni biex jippromwovu attivitajiet immirati lejn l-iżvilupp ta’ kooperazzjoni attiva bejn l-Unjoni Ewropea u Kuba, bejn Kuba u pajjiżi u/jew reġjuni oħra fl-Amerika Latina u l-Karibew fl-oqsma kollha ta’ kooperazzjoni soġġetti għal dan il-Ftehim. Ser tingħata attenzjoni speċjali lil programmi ta’ kooperazzjoni reġjonali li jikkonċernaw ir-riċerka u l-innovazzjoni u l-edukazzjoni, u għat-tkomplija tal-iżvilupp taż-Żona tal-Għarfien bejn l-Unjoni Ewropea-Amerika Latina u l-Karibew (UE-LAC) b’inizjattivi bħaż-Żona ta’ Riċerka Komuni u ż-Żona tal-Edukazzjoni Ogħla Komuni. L-attivitajiet ta’ kooperazzjoni reġjonali u bilaterali għandhom ifittxu li jkunu kumplimentari.

    4.    Il-Partijiet għandhom ifittxu li jiskambjaw opinjonijiet u jikkooperaw bil-għan li jintlaħaq ftehim u jiġu żviluppati azzjonijiet konġunti f’fora multilaterali.


    PARTI IV

    KUMMERĊ U KOOPERAZZJONI KUMMERĊJALI

    ARTIKOLU 60

    Objettivi

    1.    Il-Partijiet jaqblu li l-objettivi tal-kooperazzjoni tagħhom fil-qasam tal-kummerċ għandhom jinkludu, b’mod partikolari:

    (a)    it-tisħiħ tar-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi tagħhom, b’mod partikolari permezz tal-promozzjoni ta’ djalogu dwar kwistjonijiet ta’ kummerċ u t-tħeġġiġ ta’ żieda fil-flussi kummerċjali bejn il-Partijiet;

    (b)    il-promozzjoni tal-integrazzjoni ta’ Kuba fl-ekonomija dinjija;

    (c)    it-trawwim tal-iżvilupp u d-diversifikazzjoni tal-kummerċ intrareġjonali kif ukoll il-kummerċ mal-Unjoni Ewropea;

    (d)    it-tisħiħ tal-kontribut tal-kummerċ lejn żvilupp sostenibbli, inklużi aspetti ambjentali u soċjali;

    (e)    l-appoġġ lejn id-diversifikazzjoni tal-ekonomija ta’ Kuba u l-promozzjoni ta’ klima kummerċjali xierqa;



    (f)    it-tħeġġiġ ta’ fluss akbar ta’ investiment permezz tal-iżvilupp ta’ ambjent attraenti u stabbli għall-investiment reċiproku permezz ta’ djalogu konsistenti mmirat lejn it-tisħiħ tal-fehim u l-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet ta’ investiment, u l-promozzjoni ta’ reġim mhux diskriminatorju ta’ investiment.

    TITOLU 1

    KUMMERĊ

    ARTIKOLU 61

    Kummerċ ibbażat fuq ir-regoli

    1.    Il-Partijiet jirrikonoxxu li t-tnaqqis sostanzjali tat-tariffi u ta’ ostakoli oħra għall-kummerċ, kif ukoll l-eliminazzjoni ta’ trattament diskriminatorju fir-relazzjonijiet kummerċjali internazzjonali, iservu bħala mezz għall-promozzjoni tat-tkabbir, għad-diversifikazzjoni tal-ekonomika u għall-prosperità.

    2.    Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid li huwa fl-interess reċiproku tagħhom li jagħmlu l-kummerċ skont sistema kummerċjali multilaterali bbażata fuq ir-regoli li taħtha l-Partijiet huma responsabbli għaż-żamma tas-supremazija tar-regoli u għall-implimentazzjoni effettiva, ġusta u bbilanċjata tagħhom.


    ARTIKOLU 62

    Trattament tan-nazzjon l-aktar iffavorit

    1.    Kull Parti għandha tagħti t-trattament tan-nazzjon l-aktar iffavorit lill-prodotti tal-Parti l-oħra f’konformità mal-Artikolu I tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT 1994) tal-1994 u n-noti interpretattivi tiegħu, li huma inkorporati u integrati f’dan il-Ftehim, mutatis mutandis.

    2.    Il-paragrafu 1 ma għandux japplika fir-rigward ta’ trattament preferenzjali mogħti minn xi waħda mill-Partijiet lill-prodotti ta’ pajjiż ieħor skont il-Ftehimiet tad-WTO.

    ARTIKOLU 63

    Trattament nazzjonali

    Kull Parti għandha tagħti t-trattament tan-nazzjon l-aktar iffavorit lill-prodotti tal-Parti l-oħra f’konformità mal-Artikolu III tal-GATT tal-1994 u n-noti interpretattivi tiegħu, li huma inkorporati u integrati f’dan il-Ftehim, mutatis mutandis.


    ARTIKOLU 64

    Trasparenza

    1.    Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid il-prinċipju ta’ trasparenza fl-applikazzjoni tal-miżuri kummerċjali tagħhom u jaqblu li l-politiki u r-regolamenti li jaffettwaw il-kummerċ barrani għandhom jiġu kkomunikati u spjegati b’mod ċar.

    2.    Il-Partijiet jaqblu li l-partijiet ikkonċernati għandu jkollhom l-opportunità li jiġu infurmati dwar ir-regolamenti ta’ kull Parti li jaffettwaw il-kummerċ internazzjonali.

    ARTIKOLU 65

    Iffaċilitar tal-kummerċ

    Il-Partijiet jikkonfermaw l-impenn tagħhom lejn il-Ftehim tal-Iffaċilitar tal-Kummerċ tad-WTO.

    ARTIKOLU 66

    Ostakli tekniċi għall-kummerċ

    1.    Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid id-drittijiet u l-obbligi tagħhom taħt il-Ftehim tad-WTO dwar l-Ostakli Tekniċi għall-Kummerċ (“il-Ftehim dwar l-OTK”).



    2.    Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu għandhom japplikaw għar-regolamenti tekniċi, għall-istandards u għall-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità kif definit fil-Ftehim dwar l-OTK.

    3.    Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza ta’ mekkaniżmi effettivi għan-notifika u għall-iskambju ta’ informazzjoni dwar regolamenti tekniċi, standards u proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità, skont il-Ftehim dwar l-OTK.

    ARTIKOLU 67

    Kwistjonijiet sanitarji u fitosanitarji (SPS)

    1.    Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid id-drittijiet, l-obbligi, il-prinċipji u l-objettivi tal-Ftehim dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri sanitarji u fitosanitarji, il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni tal-Pjanti, il-Kummissjoni CODEX Alimentarius u l-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali.

    2.    Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza ta’ mekkaniżmi effettivi għall-konsultazzjoni, għan-notifika u għall-iskambju ta’ informazzjoni fir-rigward ta’ SPS u ta’ miżuri għall-benessri tal-annimali, fil-qafas ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti.


    ARTIKOLU 68

    Difiża tan-negozju

    Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid l-impenji u l-obbligi tagħhom taħt il-ftehimiet tad-WTO li ġejjin: il-Ftehim dwar is-Salvagwardji, il-Ftehim dwar is-Sussidji u l-Miżuri Kumpensatorji u l-Ftehim dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT tal-1994.

    ARTIKOLU 69

    Klawżola ta’ reviżjoni

    Il-Partijiet jistgħu b’kunsens reċiproku jemendaw u jirrevedu din il-Parti bil-għan li tissaħħaħ ir-relazzjoni kummerċjali u ta’ investiment tagħhom.

    ARTIKOLU 70

    Klawżola dwar eċċezzjonijiet ġenerali

    Il-Partijiet jaffermaw li d-drittijiet u l-obbligi eżistenti tagħhom taħt l-Artikolu XX tal-GATT tal-1994 u n-noti interpretattivi tiegħu huma inkorporati u integrati f’dan il-Ftehim, mutatis mutandis.


    TITOLU II

    KOOPERAZZJONI RELATATA MAL-KUMMERĊ

    ARTIKOLU 71

    Dwana

    1.    Il-Partijiet għandhom jippromwovu u jiffaċilitaw il-kooperazzjoni bejn is-servizzi doganali rispettivi tagħhom sabiex tiġi ggarantita s-sigurtà tal-fruntieri, is-simplifikazzjoni tal-proċeduri doganali u l-iffaċilitar ta’ kummerċ leġittimu filwaqt li jinżammu l-kapaċitajiet ta’ kontroll tagħhom.

    2.    Il-kooperazzjoni għandha twassal, fost affarijiet oħrajn, għal:

    (a)    Skambji ta’ informazzjoni dwar il-leġiżlazzjoni u l-proċeduri doganali, partikolarment fl-oqsma li ġejjin:

    (i)    is-simplifikazzjoni u l-immodernizzar tal-proċeduri doganali,

    (ii)    l-iffaċilitar tal-movimenti ta’ tranżitu,

    (iii)    l-infurzar tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali mill-awtoritajiet doganali,

    (iv)    ir-relazzjonijiet mal-komunità tan-negozju,



    (v)    iċ-ċirkolazzjoni libera tal-merkanzija u l-integrazzjoni reġjonali,

    (vi)    l-organizzazzjoni dwar il-kontroll doganali fil-fruntieri;

    (b)    L-iżvilupp ta’ inizjattivi konġunti f’oqsma miftiehma bejniethom;

    (c)    Il-promozzjoni ta’ koordinazzjoni bejn l-aġenziji kollha rilevanti tal-fruntieri, kemm internament u bejn il-fruntieri.

    3.    Il-Partijiet għandhom jipprovdu assistenza amministrattiva reċiproka fi kwistjonijiet doganali. Għal dak il-għan, jistgħu jistabbilixxu strumenti bilaterali bi ftehim reċiproku.

    ARTIKOLU 72

    Kooperazzjoni fir-rigward tal-iffaċilitar tal-kummerċ

    1.    Il-Partijiet jikkonfermaw l-impenn tagħhom lejn it-tisħiħ tal-kooperazzjoni fil-qasam tal-iffaċilitar tal-kummerċ bil-għan li jiġi żgurat li l-leġiżlazzjoni rilevanti, il-proċeduri rilevanti u l-kapaċità amministrattiva tal-awtoritajiet doganali jikkontribwixxu għat-twettiq tal-objettivi ta’ kontroll effettiv u l-iffaċilitar tal-kummerċ.



    2.    Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw, fost affarijiet oħrajn, fl-oqsma li ġejjin:

    (a)    il-bini ta’ kapaċità u l-provvista ta’ għarfien espert lill-awtoritajiet kompetenti dwar kwistjonijiet doganali, inklużi ċ-ċertifikazzjoni u l-verifika tal-oriġini, u dwar kwistjonijiet tekniċi għat-tisħiħ tal-proċeduri doganali;

    (b)    l-applikazzjoni ta’ mekkaniżmi u ta’ tekniki doganali moderni, inklużi valutazzjoni tar-riskji, deċiżjonijiet vinkolanti bil-quddiem, proċeduri simplifikati għad-dħul u għar-rilaxx ta’ merkanzija, kontrolli doganali u metodi ta’ verifika tal-kumpaniji;

    (c)    l-introduzzjoni ta’ proċeduri u ta’ prattiki li jirriflettu, sakemm ikun prattikabbli, ir-regoli, l-istrumenti u l-istandards internazzjonali applikabbli fil-qasam doganali u f’dak kummerċjali, inklużi, fost affarijiet oħrajn, il-Ftehim dwar l-iffaċilitar tal-Kummerċ tad-WTO, il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Simplifikazzjoni u l-Armonizzazzjoni tal-Proċeduri Doganali, kif emendata (il-Konvenzjoni Riveduta ta’ Kyoto), u l-Qafas ta’ Standards tal-Organizzazzjoni Dinjija Doganali biex Jiġi Żgurat u Ffaċilitat il-Kummerċ Globali;

    (d)    sistemi ta’ informazzjoni u l-awtomatizzazzjoni tal-proċeduri doganali u ta’ proċeduri kummerċjali oħrajn, b’mod partikolari għall-implimentazzjoni ta’ miżuri għall-iffaċilitar tal-kummerċ għall-operaturi awtorizzati u għas-servizzi ta’ informazzjoni.


    ARTIKOLU 73

    Proprjetà intellettwali

    1.    Il-partijiet jirrikonoxxu l-importanza ta’ kooperazzjoni teknika fi kwistjonijiet ta’ proprjetà intellettwali, inkluża l-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi, u jaqblu li jikkooperaw fir-rigward tat-termini u l-kundizzjonijiet miftiehma bejniethom dwar il-proġetti speċifiċi ta’ kooperazzjoni riżultanti skont il-leġiżlazzjoni interna tal-Partijiet u skont ftehimiet internazzjonali li għalihom huma partijiet.

    2.    Il-partijiet jaqblu li jippromwovu l-kooperazzjoni istituzzjonali, l-iskambju ta’ informazzjoni, l-assistenza teknika, il-bini ta’ kapaċità u t-taħriġ. Il-partijiet jaqblu li l-kooperazzjoni teknika għandha tiġi segwita skont il-livelli ta’ żvilupp soċjoekonomiku, il-prijoritajiet u l-ħtiġijiet ta’ żvilupp tagħhom.

    3.    Il-Partijiet jaqblu li l-kooperazzjoni għandha tikkontribwixxi għall-promozzjoni tal-innovazzjoni teknoloġika u għat-trasferiment u għad-disseminazzjoni tat-teknoloġija, għall-vantaġġ reċiproku tal-produtturi u tal-utenti ta’ għarfien teknoloġiku u b’mod li jwassal għall-ġid soċjali u ekonomiku, u għal bilanċ tad-drittijiet u tal-obbligi.


    ARTIKOLU 74

    Kooperazzjoni dwar l-ostakoli tekniċi għall-kummerċ

    1.    Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza tal-kooperazzjoni u tal-assistenza teknika fir-rigward ta’ ostakoli tekniċi għall-kummerċ u jaqblu li jippromwovu l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tagħhom responsabbli għall-istandardizzazzjoni, għall-metroloġija, għall-akkreditazzjoni u għall-valutazzjoni tal-konformità.

    2.    Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw, fost affarijiet oħrajn, fir-rigward ta’:

    (a)    il-bini ta’ kapaċità u l-provvista ta’ għarfien espert, inkluż l-iżvilupp u t-tisħiħ tal-infrastruttura rilevanti, kif ukoll jipprovdu taħriġ u assistenza teknika fl-oqsma ta’ regolamenti tekniċi, standardizzazzjoni, valutazzjoni tal-konformità, akkreditazzjoni u metroloġija, fost affarijiet oħrajn bil-ħsieb li jiġi ffaċilitat il-fehim u l-konformità mar-rekwiżiti tal-Unjoni Ewropea;

    (b)    il-promozzjoni tal-kooperazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti fil-qafas ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti;

    (c)    l-iskambju ta’ informazzjoni, ta’ esperjenzi u tal-aħjar prattiki;

    (d)    l-iżvilupp ta’ opinjonijiet komuni;

    (e)    it-tfittix ta’ kompatibilità bejn ir-regolamenti tekniċi u l-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità u l-konverġenza bejniethom;



    (f)    it-tneħħija ta’ ostakoli mhux neċessarji għall-kummerċ.

    ARTIKOLU 75

    Sikurezza alimentari, kwistjonijiet sanitarji u fitosanitarji u kwistjonijiet dwar il-benessri tal-annimali

    1.    Il-Partijiet għandhom jippromwovu l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti, inkluż fil-qafas ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti, fir-rigward tas-sikurezza alimentari, kwistjonijiet sanitarji u fitosanitarji u dwar il-benessri tal-annimali għall-benefiċċju tar-relazzjonijiet kummerċjali bilaterali tagħhom. Għandhom irawmu kooperazzjoni bil-għan li tiġi rikonoxxuta l-ekwivalenza u l-armonizzazzjoni tal-miżuri SPS, u jipprovdu pariri u assistenza teknika dwar l-implimentazzjoni ta’ tali miżuri.

    2.    L-għan tal-kooperazzjoni fir-rigward tas-sikurezza alimentari, tal-miżuri sanitarji u fitosanitarji u tal-benessri tal-annimali għandu jkun li jissaħħu l-kapaċitajiet ta’ kull Parti sabiex jitjieb l-aċċess għas-suq tal-Parti l-oħra filwaqt li jiġi salvagwardjat il-livell ta’ protezzjoni għall-bnedmin, għall-annimali u għall-pjanti kif ukoll il-benessri tal-annimali.

    3.    Il-kooperazzjoni tista’ tinvolvi, fost affarijiet oħrajn:

    (a)    il-provvista ta’ għarfien espert dwar il-kapaċità leġiżlattiva u teknika biex tiġi żviluppata u infurzata l-leġiżlazzjoni kif ukoll sabiex jiġu żviluppati sistemi uffiċjali ta’ kontroll sanitarju u fitosanitarju, inklużi programmi ta’ qerda, sistemi dwar is-sikurezza alimentari u notifika ta’ twissija, u l-provvista ta’ għarfien espert dwar il-benessri tal-annimali;



    (b)    l-appoġġ għall-iżvilupp u għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet istituzzjonali u amministrattivi f’Kuba, inklużi kapaċitajiet ta’ kontroll, sabiex jitjieb l-istatus sanitarju u fitosanitarju tagħha;

    (c)    l-iżvilupp ta’ kapaċitajiet f’Kuba biex jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet sanitarji u fitosanitarji sabiex jitjieb l-aċċess għas-suq tal-Parti l-oħra filwaqt li jiġi salvagwardjat il-livell ta’ protezzjoni;

    (d)    it-tisħiħ tas-sistema ta’ kontroll uffiċjali għall-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni Ewropea permezz ta’ żieda fil-kapaċitajiet analitiċi u l-ġestjoni tal-laboratorji nazzjonali biex jiġu sodisfatti r-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea;

    (e)    il-provvista ta’ pariri u assistenza teknika dwar is-sistema regolatorja sanitarja u fitosanitarja tal-Unjoni Ewropea u l-implimentazzjoni tal-istandards meħtieġa mis-suq tal-Unjoni Ewropea;

    (f)    il-promozzjoni ta’ kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti (Kumitat SPS tal-Ftehim tad-WTO dwar il-Miżuri Sanitarji u Fitosanitarji, il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni tal-Pjanti, l-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali u l-Kummissjoni CODEX Alimentarius) bil-għan li tiżdied l-applikazzjoni ta’ standards internazzjonali.

    ARTIKOLU 76

    Oġġetti tradizzjonali u artiġjanali

    Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza tal-kooperazzjoni fil-promozzjoni tal-produzzjoni ta’ oġġetti tradizzjonali u artiġjanali.



    B’mod aktar speċifiku, il-kooperazzjoni tista’ tiffoka fuq l-oqsma li ġejjin:

    (a)    l-iżvilupp ta’ kapaċitajiet sabiex jiġu ffaċilitati opportunitajiet effettivi għall-aċċess għas-suq għal prodotti artiġjanali;

    (b)    appoġġ għal intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju mis-setturi urbani u rurali li jimmanifatturaw u jesportaw oġġetti artiġjanali, inkluż billi jissaħħu l-istituzzjonijiet kompetenti ta’ sostenn;

    (c)    il-promozzjoni tal-preżervazzjoni ta’ oġġetti tradizzjonali;

    (d)    it-titjib tal-prestazzjoni tan-negozju tal-produtturi ta’ oġġetti artiġjanali.

    ARTIKOLU 77

    Kummerċ u żvilupp sostenibbli

    1.    Il-Partijiet jirrikonoxxu l-kontribut għall-għan ta’ żvilupp sostenibbli li jista’ jsir permezz tal-promozzjoni ta’ politiki ta’ sostenn reċiproku dwar il-kummerċ, l-ambjent u soċjali.

    2.    Biex jiġu kumplimenti l-attivitajiet stabbiliti fit-Titoli III u IV tal-Parti III, il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw fir-rigward ta’, fost affarijiet oħrajn:

    (a)    l-iżvilupp ta’ programmi u ta’ azzjonijiet dwar l-implimentazzjoni u l-infurzar ta’ aspetti ta’ ftehimiet ambjentali multilaterali u ta’ liġijiet ambjentali relatati mal-kummerċ;



    (b)    l-appoġġ għall-iżvilupp ta’ qafas li jippermetti l-kummerċ fi prodotti u servizzi li jikkontribwixxi għall-iżvilupp sostenibbli, inkluż permezz tat-tixrid ta’ prattiki dwar ir-responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji;

    (c)    il-promozzjoni ta’ kummerċ fi prodotti derivati minn riżorsi naturali ġestiti b’mod sostenibbli, inkluż permezz ta’ miżuri effettivi fir-rigward tal-konservazzjoni u l-ġestjoni sostenibbli ta’ annimali selvaġġi, tas-sajd u tal-forestrija kif ukoll l-iżvilupp ta’ miżuri għall-ġlieda kontra l-kummerċ illegali b’rilevanza ambjentali, inkluż permezz ta’ attivitajiet ta’ infurzar u kooperazzjoni doganali;

    (d)    it-tisħiħ tal-kapaċità istituzzjonali għall-analiżi u għal azzjoni dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli.

    ARTIKOLU 78

    Kooperazzjoni fir-rigward tad-difiża tan-negozju

    Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw fil-qasam tad-difiża tan-negozju permezz tal-iskambju ta’ esperjenzi, assistenza teknika u l-bini ta’ kapaċità.


    ARTIKOLU 79

    Regoli tal-oriġini

    Il-Partijiet jirrikonoxxu li r-regoli tal-oriġini għandhom rwol importanti fil-kummerċ internazzjonali u jaqblu li jikkooperaw billi jipprovdu assistenza teknika u l-bini ta’ kapaċità u billi jiskambjaw esperjenzi f’dak il-qasam.

    ARTIKOLU 80

    Investiment

    Il-Partijiet għandhom iħeġġu fluss akbar ta’ investiment permezz ta’ għarfien reċiproku tal-leġiżlazzjoni rilevanti u l-iżvilupp ta’ ambjent attraenti u prevedibbli għal investiment reċiproku billi jinħoloq djalogu mmirat lejn it-tisħiħ tal-fehim u tal-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet ta’ investiment u l-promozzjoni ta’ reġim kummerċjali u ta’ investiment stabbli, trasparenti u mhux diskriminatorju.


    PARTI V

    DISPOŻIZZJONIJIET ISTITUZZJONALI U FINALI

    ARTIKOLU 81

    Kunsill Konġunt

    1.    Bil-preżenti qiegħed jiġi stabbilit Kunsill Konġunt. Għandu jissorvelja t-twettiq tal-objettivi ta’ dan il-Ftehim u jissorvelja l-implimentazzjoni tiegħu. Għandu jiltaqa’ fuq livell ministerjali f’intervalli regolari, li ma jaqbżux perjodu ta’ sentejn, u fuq bażi straordinarja kull meta ċ-ċirkostanzi jeħtieġu hekk, jekk il-Partijiet jaqblu dwar dan.

    2.    Il-Kunsill Konġunt għandu jeżamina kwalunkwe kwistjoni maġġuri li tinqala’ fi ħdan il-qafas ta’ dan il-Ftehim, kif ukoll kwalunkwe kwistjoni bilaterali, multilaterali jew internazzjonali oħra ta’ interess komuni.

    3.    Il-Kunsill Konġunt għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Partijiet fil-livell ministerjali, skont l-arranġamenti interni rispettivi tal-Partijiet u filwaqt li jitqiesu l-kwistjonijiet speċifiċi li għandhom jiġu indirizzati.

    4.    Il-Kunsill Konġunt għandu jwaqqaf ir-regoli tiegħu ta’ proċedura.

    5.    Il-Kunsill Konġunt għandu jkun presedut b'mod alternat, minn laqgħa waħda għal dik suċċessiva, minn rappreżentant tal-Unjoni Ewropea u minn rappreżentant tar-Repubblika ta’ Kuba, skont id-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-regoli ta’ proċedura tiegħu.



    6.    Sabiex jintlaħqu l-objettivi ta’ dan il-Ftehim, il-Kunsill Konġunt għandu jkollu s-setgħa li jieħu deċiżjonijiet. Dawn id-deċiżjonijiet għandhom ikunu vinkolanti fuq il-Partijiet, li għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji għall-implimentazzjoni tagħhom.

    7.    Il-Kunsill Konġunt jista’ wkoll jagħmel rakkomandazzjonijiet xierqa.

    8.    Il-Kunsill Konġunt għandu jadotta deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet bi ftehim reċiproku bejn il-Partijiet. Din il-proċedura għandha tapplika għall-korpi l-oħra kollha ta’ tmexxija maħluqa minn dan il-Ftehim.

    ARTIKOLU 82

    Kumitat Konġunt

    1.    Il-Kunsill Konġunt għandu jkun megħjun minn Kumitat Konġunt fit-twettiq ta’ dmirijietu, li għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Partijiet fuq livell uffiċjali għoli, filwaqt li jitqiesu l-kwistjonijiet speċifiċi li għandhom jiġu indirizzati.

    2.    Il-Kumitat Konġunt għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni ġenerali ta’ dan il-Ftehim.

    3.    Il-Kunsill Konġunt għandu jistabbilixxi r-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Konġunt.

    4.    Il-Kumitat Konġunt għandu jkollu s-setgħa li jieħu deċiżjonijiet fejn din is-setgħa tkun ġiet delegata lilu mill-Kunsill Konġunt.



    5.    Normalment il-Kumitat Konġunt għandu jiltaqa’ darba fis-sena għal reviżjoni ġenerali tal-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim, b'mod alternat fi Brussell u f’Kuba, f’data u b’aġenda miftiehma bil-quddiem mill-Partijiet. Bi ftehim reċiproku, fuq talba minn waħda mill-Partijiet jistgħu jissejħu laqgħat speċjali. Il-Kumitat Konġunt għandu jkun presedut b'mod alternat, minn laqgħa waħda għal dik suċċessiva, minn rappreżentant tal-Unjoni u minn rappreżentant tar-Repubblika ta’ Kuba.

    ARTIKOLU 83

    Sottokumitati

    1.    Il-Kumitat Konġunt jista’ jiddeċiedi li jwaqqaf sottokumitati sabiex jgħinuh fil-qadi ta’ dmirijietu. Jista’ jiddeċiedi li jbiddel il-kompitu assenjat jew ixolji xi sottokumitat.

    2.    Is-sottokumitati għandhom jiltaqgħu darba fis-sena jew fuq talba ta’ waħda mill-Partijiet jew tal-Kumitat Konġunt, f’livell xieraq. Meta jsiru wiċċ imb wiċċ, il-laqgħat għandhom isiru b'mod alternat fi Brussell jew f’Kuba. Il-laqgħat jistgħu jsiru wkoll permezz ta’ kwalunkwe mezz teknoloġiku disponibbli għall-Partijiet.

    3.    Is-sottokumitati għandhom ikunu ppreseduti, b'mod alternat minn rappreżentant tal-Partijiet, għal perjodu ta’ sena.

    4.    Il-ħolqien jew l-eżistenza ta’ sottokumitat ma għandux iwaqqaf lill-Partijiet milli jressqu kwalunkwe kwistjoni direttament quddiem il-Kumitat Konġunt.



    5.    Il-Kumitat Konġunt għandu jadotta regoli ta’ proċedura li jiddeterminaw il-kompożizzjoni u d-dmirijiet ta’ dawn is-sottokumitati u l-mod kif għandhom jiffunzjonaw, sakemm dawn ma jkunux stabbiliti f’dan il-Ftehim.

    6.    B'dan qiegħed jiġi stabbilit Sottokumitat ta’ Kooperazzjoni. Għandu jassisti lill-Kumitat Konġunt fit-twettiq ta’ dmirijietu fir-rigward tal-Parti III ta’ dan il-Ftehim. Għandu wkoll:

    (a)    jieħu ħsieb kwalunkwe kwistjoni relatata mal-kooperazzjoni b’mandat mill-Kumitat Konġunt;

    (b)    isegwi l-implimentazzjoni ġenerali tal-Parti III ta’ dan il-Ftehim;

    (c)    jiddiskuti kwalunkwe kwistjoni relatata ta’ kooperazzjoni li tista’ taffettwa l-operat tal-Parti III ta’ dan il-Ftehim.

    ARTIKOLU 84

    Definizzjoni ta’ “il-Partijiet”

    Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, it-terminu “il-Partijiet” jfisser l-Unjoni Ewropea jew l-Istati Membri tagħha, jew l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, skont il-kompetenzi rispettivi tagħhom, fuq naħa waħda, u r-Repubblika ta’ Kuba, fuq l-oħra.


    ARTIKOLU 85

    Twettiq tal-obbligi

    1.    Il-Partijiet għandhom jadottaw kwalunkwe miżura ġenerali jew speċifika meħtieġa biex huma jkunu jistgħu jwettqu l-obbligi tagħhom skont dan il-Ftehim, u għandhom jiżguraw li jkunu konformi mal-għanijiet stipulati f'dan il-Ftehim.

    2.    Jekk Parti tikkunsidra li Parti oħra tkun naqset milli twettaq obbligu skont dan il-Ftehim, din tista’ tirrikorri għal miżuri xierqa. Qabel ma tagħmel hekk, ħlief f’każijiet ta’ urġenza speċjali, fi żmien 30 jum għandha tissottometti lill-Kunsill Konġunt l-informazzjoni kollha rilevanti meħtieġa għal eżami bir-reqqa tas-sitwazzjoni bil-għan li tinstab soluzzjoni aċċettabbli għall-Partijiet. Fl-għażla ta’ liema miżuri għandhom jiġu adottati, għandha tingħata prijorità lil dawk li jikkawżaw l-inqas xkiel għall-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim. Miżuri bħal dawn għandhom jiġu nnotifikati minnufih lill-Parti l-oħra u għandhom ikunu s-suġġett ta’ konsultazzjonijiet fil-Kumitat Konġunt jekk il-Parti l-oħra titlob li jsir dan.

    3.    Il-Partijiet jaqblu li t-terminu “każijiet ta’ urġenza speċjali” fil-paragrafu 2 jfisser każ ta’ ksur materjali ta’ dan il-Ftehim minn waħda mill-Partijiet. Il-Partijiet jaqblu wkoll li t-terminu “miżuri xierqa” imsemmi fil-paragrafu 2 jfisser miżuri meħuda skont id-dritt internazzjonali. Huwa mifhum li s-sospensjoni hija miżura li tittieħed fejn ma jkunx hemm għażla oħra. Ksur materjali ta’ dan il-Ftehim jikkonsisti f'dawn li ġejjin:

    (a)    repudjazzjoni ta’ dan il-Ftehim kollu jew ta’ parti minnu li ma tkunx sanzjonata bir-regoli ġenerali tad-dritt internazzjonali;



    (b)    ksur tal-elementi essenzjali ta’ dan il-Ftehim, kif deskritt fl-Artikolu 1(5) u fl-Artikolu 7.

    4.    Jekk Parti tirrikorri għal miżura f'każ ta’ urġenza speċjali, il-Parti l-oħra tista’ titlob li ssir laqgħa urġenti li tlaqqa' flimkien lill-Partijiet fi żmien 15-il jum.

    ARTIKOLU 86

    Id-dħul fis-seħħ, l-applikazzjoni provviżorja, id-durata u t-terminazzjoni

    1.    Dan il-Ftehim għandu jiġi approvat mill-Partijiet f'konformità mal-proċeduri legali interni tagħhom.

    2.    Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara d-data li fiha l-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin dwar it-tlestija tal-proċeduri legali interni msemmija fil-paragrafu 1.

    3.    Minkejja l-paragrafu 2, l-Unjoni Ewropea u Kuba għandhom japplikaw dan il-Ftehim, totalment jew parzjalment, fuq bażi provviżorja, kif stabbilit f’dan il-paragrafu, sakemm jidħol fis-seħħ u skont il-proċeduri interni u leġiżlazzjoni rispettivi tagħhom, kif applikabbli.



    L-applikazzjoni provviżorja tibda fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara d-data li fiha l-Unjoni Ewropea u Kuba jinnotifikaw lil xulxin dwar dawn li ġejjin:

    (a)    Għall-Unjoni, it-tlestija tal-proċeduri interni meħtieġa għal dan l-iskop, li jindikaw il-partijiet tal-Ftehim li għandhom ikunu applikati b’mod proviżorju; u

    (b)    Għal Kuba, it-tlestija tal-proċeduri interni meħtieġa għal dan l-iskop, li jikkonfermaw il-qbil tagħha mal-partijiet tal-Ftehim li għandhom ikunu applikati b’mod proviżorju.

    4.    Dan il-Ftehim għandu jkun validu b’mod indefinit. Kwalunkwe Parti tista’ tinnotifika lill-Parti l-oħra bil-miktub dwar l-intenzjoni tagħha li ttemm dan il-Ftehim. It-terminazzjoni tidħol fis-seħħ sitt xhur wara d-data tan-notifika.

    5.    In-notifiki li jsiru skont dan l-Artikolu għandhom jintbagħtu, fil-każ tal-Ewropea Unjoni, lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u, fil-każ tar-Repubblika ta’ Kuba, lill-Ministeru Kuban tal-Affarijiet Barranin, li għandhom ikunu d-depożitarji ta’ dan il-Ftehim.

    ARTIKOLU 87

    Emenda

    Dan il-Ftehim jista’ jiġi emendat bi ftehim bil-miktub bejn il-Partijiet. Dawn l-emendi għandhom jidħlu fis-seħħ f’data li tista’ tiġi miftiehma bejn il-Partijiet u mat-tlestija tar-rekwiżiti u l-proċeduri legali rispettivi tagħhom.


    ARTIKOLU 88

    Applikazzjoni territorjali

    Dan il-Ftehim għandu japplika, min-naħa waħda, għat-territorji li fihom japplika t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dawk it-Trattati, u, min-naħa l-oħra, għat-territorju tar-Repubblika ta’ Kuba.

    ARTIKOLU 89

    Testi awtentiċi

    Dan il-Ftehim huwa magħmul b’żewġ kopji fil-lingwa Bulgara, Ċeka, Daniża, Estonjana, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ingliża, Kroata, Latvjana, Litwanjana, Maltija, Netherlandiża, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka, Slovena, Spanjola, Taljana, Ungeriża u Żvediża, b’kull test ugwalment awtentiku.

    B’XHIEDA TA’ DAN, il-Plenipotenzarji hawn taħt iffirmati, awtorizzati għal dan l-għan, iffirmaw dan il-Ftehim.

    Top