Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016JC0031

    KOMUNIKAZZJONI KONĠUNTA LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Elementi għal qafas strateġiku madwar l-UE għall-appoġġ ta' riforma fis-settur tas-sigurtà

    JOIN/2016/031 final

    Strasburgu, 5.7.2016

    JOIN(2016) 31 final

    KOMUNIKAZZJONI KONĠUNTA LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    Elementi għal qafas strateġiku madwar l-UE għall-appoġġ ta' riforma fis-settur tas-sigurtà

    {SWD(2016) 221 final}


    1.    Motivazzjoni u Kamp ta’ applikazzjoni

    Ir-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà (RSS) hija l-proċess ta’ trasformazzjoni tas-sistema tas-sigurtà tal-pajjiż 1 sabiex gradwalment tipprovdi lill-individwi u lill-Istat b’sigurtà aktar effettiva u responsabbli b’mod konsistenti b’rispett għad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-prinċipji ta’ governanza tajba. L-RSS hu proċess politiku fit-tul, li jmur dritt fil-qalba tar-relazzjonijiet tal-poter fil-pajjiż. Jeħtieġ li tkun immexxija mil-livell nazzjonali u tirrikjedi impenn politiku u tmexxija, kooperazzjoni interistituzzjonali u parteċipazzjoni wiesgħa tal-partijiet interessati biex jintlaħaq l-aktar kunsens wiesa’ possibbli.

    Il-konflitt, in-nuqqas ta’ sigurtà u l-instabbiltà huma mifruxa, inkluż f’pajjiżi direttament ġirien tal-UE. 2 Dawn iwasslu għat-tbatija umana, l-ispostament sfurzat u l-eżiti qarsa ta’ żvilupp 3 , kif rikonoxxut permezz tal-politika tal-UE għall-iżvilupp 4 , fil-ħidma dwar is-sigurtà u l-iżvilupp b’mod ġenerali u r-riżoluzzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti "Nittrasformaw id-dinja tagħna: l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli", inkluża l-Mira 16 5 u l-miri tagħha marbuta mas-sigurtà.

    L-insigurtà u l-instabbiltà ta’ spiss huma ġġenerati jew aggravati minħabba nuqqas ta’ sistemi ta’ sigurtà effettivi u li jkunu miżmumin responsabbli. L-għajnuna lill-pajjiżi msieħba biex jirriformaw is-sistemi tas-sigurtà tagħhom tappoġġa l-objettivi tal-UE tal-paċi u l-istabbiltà, l-iżvilupp inklużiv u sostenibbli, il-bini tal-istat u d-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji tad-dritt internazzjonali 6 . Kif rikonoxxut fl-Aġenda Ewropea tal-2015 dwar is-Sigurtà 7 , li tenfasizza r-rabta qawwija bejn is-sigurtà interna u esterna tal-UE, il-kunflitt u l-insigurtà f’pajjiżi msieħba, kultant assoċjati mal-estremiżmu vjolenti, jaffettwaw ukoll is-sigurtà interna tal-UE, u dik taċ-ċittadini tal-UE u l-interessi kummerċjali u ta’ investiment tal-UE barra minn pajjiżhom.

    Il-ħidma tal-UE fl-RSS sal-lum hi vvalutata fid-Dokument Konġunt ta’ Ħidma tal-Persunal 8 li jakkumpanja din il-Komunikazzjoni Konġunta, li jiġbor fil-qosor is-sejbiet minn diversi evalwazzjonijiet, rapporti ta' "lezzjonijiet identifikati", studji u konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati matul dawn l-aħħar 15-il sena. Il-valutazzjoni tikkonkludi li hemm lok għal titjib fil-koerenza, il-komplementarjetà u l-koordinazzjoni tal-kapaċitajiet u l-istrumenti tal-UE. Tissottolinja wkoll li l-RSS fil-fond huwa kumpless u jeħtieġ impenn fit-tul, mingħajr preġudizzju għall-inizjattivi fuq perjodi iqsar li jistgħu jkunu meħtieġa sabiex jiġu indirizzati t-theddidiet għas-sigurtà immedjata.

    L-interventi diplomatiċi u finanzjarji, militari kif ukoll ċivili tal-UE, fuq perjodu ta' żmien qasir u fit-tul jeħtieġ li jkunu ankrati b'mod aktar sikur f’qafas uniku ta’ appoġġ tal-RSS madwar l-UE li jqis ir-rabtiet bejn il-politika, is-sigurtà, il-ġustizzja, ir-rispons umanitarju 9 , l-iżvilupp, il-kunflitt u l-fraġilità. B’mod partikolari f'pajjiżi fraġli, li qegħdin fi tranżizzjoni, l-RSS tirrikjedi appoġġ politiku, finanzjarju u tekniku minn imsieħba internazzjonali. Bil-firxa globali tagħha, il-firxa wiesgħa tal-politiki esterni, l-istrumenti, l-għodod u l-preżenza u l-esperjenza stabbiliti sew, l-UE tinsab f’pożizzjoni tajba biex tappoġġa pajjiżi sħab f’dan ir-rigward, f’koordinazzjoni ma’ atturi internazzjonali oħrajn, inkluż in-NU.

    Din il-Komunikazzjoni Konġunta 10 tipprovdi elementi għal qafas bħal dan, kif stabbilit fil-konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ Mejju 2015 11 , inkluż ukoll biex tiggwida l-ħidma tal-UE dwar it-tisħiħ tal-kapaċitajiet sabiex jiġu appoġġjati s-sigurtà u l-iżvilupp (CBSD) 12 . Dan jirrifletti l-"approċċ komprensiv" għal konflitti u kriżijiet esterni 13 biex jinġabru flimkien il-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża Komuni (PSDK) u l-għodod rilevanti l-oħra kollha tal-politika barranija u tas-sigurtà komuni (PESK), l-istrumenti ta’ azzjoni esterna u l-atturi tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja, u biex b’hekk jingħaqdu u jiġu aġġornati żewġ kunċetti ta’ politika tal-UE li qabel kienu separati għall-appoġġ tal-RSS 14 . Dan ser jikkontribwixxi għall-effettività tal-Istrateġija Globali dwar il-politika barranija u ta’ sigurtà 15 , u tal-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà 16 . Tikkunsidra wkoll id-deċiżjonijiet relevanti tal-OECD-DAC 17 u, fejn applikabbli, d-direttivi OECD-DAC fil-qasam tal-paċi us-sigurtà.

    Dan il-qafas:

    japplika għall-atturi u l-istrumenti kollha tal-UE: l-atturi politiċi/diplomatiċi, tal-istrumenti ta’ azzjoni esterna, tar-rispons għall-kriżijiet 18 u dawk ċivili u militari tal-PSDK fil-livelli kollha. L-Istati Membri tal-UE huma mħeġġa joħolqu l-programmi tar-RSS bilaterali tagħhom fiha, fost l-oħrajn permezz ta’ eżerċizzji ta’ pprogrammar konġunt, f’konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar "it-tisħiħ tal-programmazzjoni konġunta" 19 ;

    se jsuq l-identifikazzjoni, l-ippjanar u/jew l-implimentazzjoni/l-eżekuzzjoni tal-istrumenti/programmi/proġetti tal-azzjoni esterna marbuta mal-RSS kollha tal-UE, inklużi l-għodod tal-PKSD b'mandati speċifiċi u/jew parzjali li jinvolvu l-attivitajiet relatati mal-RSS. Filwaqt li l-enfasi hija fuq l-appoġġ tal-UE għal setturi tas-sigurtà f’pajjiżi oħra, din il-Komunikazzjoni Konġunta tirrikonoxxi l-interdipendenza tas-sigurtà u l-ġustizzja. Il-prinċipji li tistabbilixxi jistgħu jiġu applikati wkoll għal atturi involuti fil-ġustizzja, fejn ir-rwoli u l-funzjonijiet tagħhom għandhom implikazzjonijiet ċari għas-settur tas-sigurtà.

    japplika fil-kuntesti kollha, mhux biss f’sitwazzjonijiet ta’ kunflitt u ta’ wara l-kunflitt 20 , u huwa wiesa' biżżejjed sabiex jippermetti adattament għall-ħtiġijiet ta’ kull sitwazzjoni

    2.    Dak li rridu niksbu

    L-objettiv sottostanti globali ta’ dan il-qafas strateġiku ta' madwar l-UE huwa li jgħin biex l-istati jkunu aktar stabbli u l-individwi jkunu aktar sikuri. Għal dan l-għan, huwa għandu l-għan li jkabbar l-effettività tal-UE fil-promozzjoni u l-appoġġ:

    A.tal-isforzi ta' pajjiżi sħab biex jiżguraw sigurtà tal-individwi u tal-Istat; kif ukoll

    B.tal-leġittimità, il-governanza tajba, l-integrità u s-sostenibbiltà tas-settur tas-sigurtà ta’ pajjiżi sħab.

    A.    L-iżgurar tas-sigurtà tal-individwi u tal-Istat

    Biex ikun effettiv, settur ta’ sigurtà nazzjonali għandu:

    jibbenefika minn qafas ġuridiku ċar u xieraq;

    jiġi ggwidat permezz ta’ politiki u strateġiji xierqa ta' sigurtà u ġustizzja; kif ukoll

    jikkonsisti f’istituzzjonijiet koordinati tajjeb u li jikkooperaw, u li kull waħda minnhom jeħtieġ li tiġi strutturata u organizzata kif suppost, bi rwol iddefinit b’mod ċar, proċeduri xierqa u persunal kwalifikat u riżorsi addattati.

    Irid jikkunsidra l-fornituri eżistenti informali jew dawk mhux governattivi tas-sigurtà u jirrispetta l-istat tad-dritt.

    Sigurtà umana

    L-ewwel objettiv ta’ sistema tas-sigurtà nazzjonali jrid ikun jiżgura s-sigurtà tal-individwi, kif perċepita u esperjenzata minnhom. Dan jinvolvi r-rispett tal-libertajiet fundamentali tagħhom 21 u l-valutazzjoni xierqa, b’mod parteċipattiv, tal-ħtiġijiet tas-sigurtà ta’ gruppi differenti, fosthom dawk l-aktar vulnerabbli. Is-sistema jeħtieġ li tindirizza l-ħtiġijiet speċifiċi ta’ sigurtà tan-nisa, tal-minuri, tal-anzjani u tal-minoranzi.

    L-isforzi tar-riforma jridu jkunu sensittivi għall-ġeneru 22 sabiex jiġi żgurat li n-nisa u l-irġiel ikollhom aċċess effikaċi u ugwali għas-servizzi ġudizzjarji u tas-sigurtà. Għal dan l-għan, il-formulazzjoni tar-rieżami tal-politiki nazzjonali tas-sigurtà jeħtieġ li jiġu informati b’analiżi msejsa fuq il-ġeneri. Barra minn hekk, l-appoġġ għall-vittmi tal-vjolenza jeħtieġ li jkun akkumpanjat minn miżuri preventivi (pereżempju l-leġiżlazzjoni, is-sensibilizzazzjoni tal-ġeneru fi strutturi tal-pulizija u tal-militar, u biex tiġi ttrattata l-impunità tal-awtur).

    Il-prevenzjoni u l-indirizzar tat-theddid għas-sigurtà transnazzjonali

    Is-sistemi ta’ sigurtà nazzjonali jeħtieġ li jkunu effettivi wkoll fil-ġlieda kontra t-theddid transnazzjonali ta’ sigurtà, bħat-terroriżmu u l-kriminalità organizzata fil-forom kollha tagħha. Ir-reazzjonijiet iridu jinkludu l-istabbiliment jew it-tisħiħ tal-kooperazzjoni internazzjonali.

    B.    Leġittimità 23 , governanza tajba, integrità u sostenibbiltà

    Id-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt u l-prinċipji demokratiċi 24

    Atturi tas-sigurtà għandhom jirrispettaw u jħarsu d-drittijiet tal-bnieden, mingħajr diskriminazzjoni, għall-popolazzjoni ġenerali u l-membri tagħhom stess. Is-settur tas-sigurtà għandu jkun suġġett għal kontroll u sorveljanza demokratika effettiva 25 . Jeħtieġ li jopera fi ħdan qafas legali ċar u mhux ambigwu approvat mil-leġiżlatur nazzjonali, inkluż kontroll ċivili effettiv. Il-baġit tiegħu jeħtieġ li jkun parti integrali tal-baġit nazzjonali u jiġi diskuss u approvat mil-leġiżlatur, li jrid ikun kapaċi jeżerċita sorveljanza effettiva. Il-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili jeħtieġ li tkun prattika standard fl-iżvilupp u l-monitoraġġ tal-politiki u l-attivitajiet tas-sigurtà u l-ġustizzja.

    Prinċipji ta’ governanza tajba 26

    It-trasparenza u l-ftuħ jeħtieġ li japplikaw u jitpoġġew fis-seħħ garanziji legali sabiex jiġi evitat it-teħid arbitrarju tad-deċiżjonijiet. Il-proċeduri ta’ reklutaġġ u ta' promozzjonijiet u ħatriet għal pożizzjonijiet għolja fl-istruttura tas-sigurtà jeħtieġ li jkunu ibbażati fuq kriterji definiti b’mod ċar u disponibbli pubblikament. Il-linji uffiċjali ta’ kmand għandhom jiġu rispettati. Il-klassifikazzjoni u d-disseminazzjoni tad-dokumenti tas-settur tas-sigurtà (inklużi l-proċessi tal-akkwist) u l-aċċess għalihom jeħtieġ li jkunu soġġetti għal proċeduri miftiehma u prevedibbli. L-informazzjoni jeħtieġ li tkun pubblika, sabiex tiżdied it-trasparenza u l-għarfien. Il-limitazzjonijiet għal ftuħ u trasparenza jistgħu jkunu ġustifikati għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku definiti b’mod ċar (eż. il-protezzjoni tad-data), iżda dejjem jeħtieġ li jinżammu f’livell minimu.

    Il-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati kollha fil-proċess ta’ riforma timplika li l-politika u l-istrateġiji nazzjonali tas-sigurtà jiġu żviluppati permezz ta’ proċess inklużiv ta’ konsultazzjoni. B’mod partikolari, il-parteċipazzjoni tan-nisa jeħtieġ li tkun żgurata f’konformità mar-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 27 .

    Is-settur tas-sigurtà nnifsu jeħtieġ li jkun inklużiv. Il-forzi ta’ sigurtà jeħtieġ li ma jeskludux jew ma jiddiskriminawx kontra kwalunkwe grupp partikolari. Biex jiġi evitat li tinħoloq tensjoni, l-allokazzjoni tar-riżorsi jeħtieġ li tkun pubblika, ġustifikata u tirrifletti r-rwoli/kompiti definiti legalment. In-nisa jeħtieġ li jkollhom l-istess opportunitajiet u jingħataw is-setgħa fil-forzi tas-sigurtà.

    Is-sistemi ta’ rendikont interni effettivi, bħal servizzi ta’ spezzjoni u ta' awditjar intern, jeħtieġ li jkunu fis-seħħ fi ħdan l-istituzzjonijiet tas-sigurtà individwali, li għandhom ukoll ikunu soġġetti għal kontroll tal-kondotta finanzjarju u operazzjonali estern mill-qorti nazzjonali tal-awdituri u korpi oħra ta’ superviżjoni jew ekwivalenti. Mekkaniżmi bħal l-ivvettjar, il-kodiċijiet ta’ kondotta, il-korpi indipendenti għall-ilmenti u ta’ skrutinju mis-soċjetà ċivili wkoll jikkontribwixxu għall-obbligu ta’ rendikont. Sabiex tiġi evitata l-impunità, huwa importanti li jinżamm il-prinċipju ta’ ugwaljanza quddiem il-liġi, l-evitar ta’ arbitrarjetà, proċedurali u legali u t-trasparenza meta attur tas-sigurtà, jitressaq quddiem il-ġustizzja. Il-mandat ta’ kwalunkwe sistema separata tal-ġustizzja militari jeħtieġ li jkun ċar u ċirkoskritt; fil-każijiet kollha, persuni ċivili jeħtieġ li jiġu pproċessati minn qrati ċivili.

    L-integrità u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni

    Il-fiduċja bejn il-popolazjoni u atturi tas-sigurtà hija kruċjali għall-effikaċja tas-settur tas-sigurtà. Hija mxekkla minn kwalunkwe każ ta’ tixħim, estorsjoni, approprjazzjoni indebita ta’ fondi, favoritiżmu u nepotiżmu. Ir-riżorsi finanzjarji allokati lis-settur tas-sigurtà jeħtieġ li jiġu amministrati fuq il-bażi tal-istess prinċipji ta’ governanza tajba li japplikaw għal setturi pubbliċi oħra. Bħall-proċessi tal-akkwist pubbliku l-oħra, l-akkwist ta’ tagħmir u servizzi militari u tal-pulizija jeħtieġ li jkunu suġġetti għal proċeduri xierqa, limitazzjonijiet u skrutinju. L-istrateġiji kontra l-korruzzjoni fuq livell nazzjonali jeħtieġ li japplikaw ugwalment għal atturi tas-sigurtà.

    Sostenibbiltà

    Biex tkun applikabbli u effettiva, il-leġiżlazzjoni, l-istituzzjonijiet u l-proċeduri tas-sigurtà, jeħtieġ li jiġu żviluppati fuq il-bażi ta’ proċessi b’appartenenza nazzjonali, bl-approġġ ta' "soċjetà sħiħa" 28 . Huwa essenzjali l-impenn tal-partijiet interessati ewlenin politiċi, tas-sigurtà u l-ġustizzja, u l-appoġġ tas-soċjetà ċivili.

    Fil-prinċipju, il-livelli ta’ persunal, riżorsi finanzjarji u ta’ investiment jeħtieġ li jkunu ibbażati fuq ippjanar xieraq u jkunu sostenibbli mil-lat fiskali, ħalli ma jiġix ipperikolat il-forniment ta’ servizzi pubbliċi essenzjali oħra.

    3.    Kif irridu niksbu dan 

    L-involviment tal-UE fis-settur tas-sigurtà hu bbażat fuq ġabra ta’ elementi ewlenin u prinċipji, inklużi l-prinċipji tal-effikaċja tal-għajnuna 29 , li jinvolvu s-sigurtà bl-istess mod għal oqsma oħra ta’ kooperazzjoni.

    Nifhmu s-settur tas-sigurtà fil-kuntest usa’ tiegħu

    L-involviment tal-UE fis-settur tas-sigurtà ta’ pajjiż jew reġjun sieħeb ser jinvolvi fehim u kunsiderazzjoni tar-regoli formali u informali li jirregolaw kif jaħdmu l-atturi tas-sigurtà u tal-ġustizzja. Hu meħtieġ apprezzament simili għall-interazzjonijiet u r-relazzjonijiet ta' poter bejn l-atturi tas-sigurtà, tal-ġustizzja u dawk li mhumiex tas-sigurtà, u għad-dinamiċi eżistenti ta' kunflitt 30 . Is-sensibilizzazzjoni politika, soċjali, ekonomika, kulturali u storika hija kruċjali.

    Jħtieġ li l-UE tibbaża d-djalogu u l-azzjoni politika tagħha fuq l-analiżi preċedenti tas-settur tas-sigurtà tal-pajjiż u kif tinsab f’dan il-kuntest usa’. Id-delegazzjonijiet tal-UE ngħataw struzzjonijiet biex janalizzaw u jirrappurtaw dwar is-settur tas-sigurtà bl-użu ta’ mekkaniżmi ta’ rappurtar eżistenti. Meta tkun preżenti missjoni tal-PKSD, tali analiżi u rappurtar se jkun konġunt, f’konformità mal- "approċċ komprensiv". L-ambaxxati tal-Istati Membri, b’mod partikolari dawk b’attachés ta' sigurtà u/jew difiża, se jiġu mistiedna jikkontribwixxu b'informazzjoni u kompetenza.

    Fejn huwa previst appoġġ għall-RSS fuq skala kbira, l-UE ser twettaq valutazzjoni strutturata tal-kuntest (eż. analiżi tal-ekonomija politika) li tkopri l-partijiet interessati kollha (e.ż. atturi tas-sigurtà u l-ġustizzja, inklużi sorsi mistennija ta’ reżistenza, muturi tal-bidla u gruppi li tradizzjonalment huma esklużi minn dawn l-istituzzjonijiet tas-sigurtà u l-ġustizzja, bħan-nisa, iż-żgħażagħ u l-minoranzi). Din il-valutazzjoni jeħtieġ li tiffoka fuq il-ħtiġijiet tas-sigurtà kif perċepiti u esperjenzati minn gruppi demografiċi importanti u kif is-settur tas-sigurtà qed jindirizzahom.

    Il-valutazzjoni jeħtieġ li tinkludi analiżi tal-politiki/strateġiji nazzjonali eżistenti u l-baġit, is-sigurtà lokali u l-prattiki ġudizzjarji, sorsi ta’ insigurtà u instabbiltà, il-fatturi ta’ riskju potenzjali, l-osservanza ta’ prinċipji demokratiċi tal-governanza u tas-sigurtà tal-bnedmin, kemm is-sigurtà tal-individwi tiġi protetta b’mod effettiv, kooperazzjoni u koordinazzjoni internazzjonali eżistenti, u opportunitajiet għal appoġġ. Din jeħtieġ li tidentifika problemi speċifiċi ta’ sigurtà li l-assistenza tal-UE tista’ tagħti prijorità u l-proċess ta’ bidla li l-assistenza tista’ tikkontribwixxi għalih. L-UE jeħtieġ li tippromwovi analiżi kondiviża billi tinvolvi lill-atturi lokali u internazzjonali u s-sorsi ta’ għarfien espert. Kull fejn ikun possibbli, l-awtoritajiet nazzjonali ser ikunu involuti u, idealment, imexxu tali valutazzjonijiet. L-għarfien espert ta’ rieżami bejn il-pari jista' jiġi mobilizzat.

    Minbarra li jinformaw t-tfassil tal-appoġġ għall-RSS, dawn il-valutazzjonijiet għandhom iservu sabiex jistabbilixxu linji ta’ bażi li jservu biex jiġi ssorveljat l-impatt tal-involviment tal-UE. Huma se jkunu aġġornati regolarment sabiex jinżamm rekord tal-bidliet u tinżamm l-utilità tagħhom għall-implimentazzjoni tal-appoġġ.

    Kaxxa ta’ Azzjoni 

    Kif indikat, id-Delegazzjonijiet tal-UE ser jinkludu analiżi tas-settur tas-sigurtà fir-rapportar regolari tagħhom (flimkien ma’ missjonijiet tal-PSDK fejn preżenti). L-UE jeħtieġ li tniedi valutazzjonijiet aktar fil-fond tas-settur tas-sigurtà fejn huwa previst involviment sinifikanti.

    Billi jibnu fuq dokumenti metodoloġiċi eżistenti, is-SEAE u s-servizzi tal-Kummissjoni ser jipprovdu gwida dwar kif għandhom iwettqu analiżi tas-settur tas-sigurtà.

    Tkun possibbli appartenenza nazzjonali wiesgħa

    "Appartenenza nazzjonali" tmur lil hinn milli l-gvern jaċċetta l-interventi tal-atturi internazzjonali. L-isforzi ta’ riforma se jkunu effettivi u sostenibbli biss jekk ikunu ġejjin minn istituzzjonijiet tal-pajjiż (inkluż permezz ta’ impenn baġitarju), proprjetà ta’ atturi tas-sigurtà nazzjonali u l-ġustizzja, u kkunsidrati leġittimi mis-soċjetà kollha kemm hi. Dan ifisser li l-atturi nazzjonali jeħtieġ li jmexxu l-proċess u jieħdu r-responsabbiltà ġenerali tar-riżultati tal-interventi, mas-sħab esterni fejn jipprovdu pariri u appoġġ. Tfisser ukoll li l-partijiet kollha interessati (tal-Istat u mhux tal-Istat), inklużi gruppi marġinalizzati, jeħtieġ li jiġu involuti fi sforzi biex gradwalment jinbena kunsens madwar l-intervent fis-settur tas-sigurtà abbażi ta’ strateġiji appoġġjati u aċċettati nazzjonalment, fejn applikabbli. Din hija sfida, billi l-atturi se jkollhom interessi differenti u xi wħud se jopponu r-riforma.

    F’sitwazzjoni ta’ kriżi jew immedjatament wara kunflitt, meta l-istituzzjonijiet tal-Istat jistgħu jkunu dgħajfa jew ineżistenti, fl-istadji bikrija tal-appoġġ tal-UE jeħtieġ li jwittu t-triq għal sjieda nazzjonali fuq il-bażi ta’ proċess parteċipattiv li jinkludi s-soċjetà ċivili.

    Kaxxa ta’ Azzjoni 

    Meta tinvolvi ruħha f’attivitajiet ta’ appoġġ tal-RSS, jetieġ li l-UE:

    -tivvaluta l-impenn politiku għar-riforma, is-sorsi probabbli ta’ reżistenza u l-modi li bihom l-appoġġ tagħha jista' jibni kostitwenzi li jistgħu jwasslu biex jappoġġjaw il-proċess tal-bidla;

    -l-appoġġ tagħha tibbażah fuq il-politiki, pjani, strateġiji u kwistjonijiet ta’ prijorità nazzjonali, u fejn rilevanti tibni fuq proċessi nazzjonali jew azzjoni li tkun għaddejja; kif ukoll

    -tinvolvi lill-partijiet interessati kollha, inklużi l-atturi mhux statali u tas-soċjetà ċivili, mill-istadju tal-identifikazzjoni, biex jinbena l-akbar kunsens possibbli fuq l-interventi.

    Naraw l-istampa sħiħa

    Il-governanza tas-settur tas-sigurtà tirrifletti s-sitwazzjoni ġenerali ta’ governanza tal-pajjiż inkwistjoni u jeħtieġ li tiġi żviluppata fil-kuntest ta’ inizjattivi usa' ta’ governanza. L-UE jeħtieġ li tinkoraġixxi l-gvernijiet sħab u s-soċjetà ċivili biex jinkorporaw kwistjonijiet tas-settur tas-sigurtà fi strateġiji ta’ żvilupp multiannwali nazzjonali u jgħaqqduhom kemm jista’ jkun mal-isforzi ta' governanza kontinwi jew ippjanati f'setturi oħra. Bl-istess mod, id-djalogi politiċi u l-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi u t-trasparenza/sorveljanza baġitarja għandhom jinkludu s-settur tas-sigurtà.

    L-appoġġ għall-RSS jeħtieġ li jantiċipa l-impatt li se jkollha fuq is-settur tas-sigurtà u lil hinn. Il-katina tal-ġustizzja kriminali u l-ġestjoni tal-fruntieri huma eżempji ċari ta’ interazzjoni qawwija bejn id-diversi atturi tas-sigurtà u tal-ġustizzja li jappellaw għal approċċ olistiku. Dan ma jfissirx li l-appoġġ tal-UE għandu jkopri t-totalità ta’ settur tas-sigurtà tal-pajjiż sieħeb; jista' jkun l-aktar effettiv meta jpoġġi fil-mira punti tad-dħul magħżula li huma aktar aċċessibbli, suxxettibbli għal żvilupp pożittiv u/jew li jimassimizzaw l-ingranaġġ.

    Biex jiġu indirizzati l-isfidi identifikati tas-sigurtà, l-UE tista’ tikkunsidra li tadotta approċċ ta’ soluzzjoni tal-problemi permezz tal-iżvilupp ta’ programmi magħmula minn settijiet differenti ta’ interventi. Jista’ jkun li mhux kollha kemm huma jinvolvu l-atturi tas-sigurtà u l-ġustizzja direttament, iżda jfittxu li jinvolvu firxa wiesgħa ta’ partijiet interessati minn setturi differenti. Pereżempju, il-programmi għas-sigurtà urbana jistgħu jinkludu appoġġ għas-servizzi lokali tas-sigurtà, l-ippjanar urban u t-taħriġ vokazzjonali għaż-żgħażagħ.

    Fejn ikun fattibbli jeħtieġ li jiġu inkoraġġuti operazzjonijiet ta' appoġġ għall-baġit effikaċi u kosteffiċjenti, ibbażati fuq politiki jew strateġiji nazzjonali u indikaturi ċari marbuta mas-sigurtà li jistgħu jintlaħqu sabiex tissaħħaħ is-sjieda u l-governanza nazzjonali, b’konformità sħiħa mal-linji gwida ta’ appoġġ baġitarju rilevanti. 31

    Djalogu sistematiku dwar il-politika u l-linji politiċi

    L-intervent marbut mal-RSS jeħtieġ li jkun sistematikament akkumpanjat minn djalogu settorjali wiesa' u sostnut b’involviment politiku ta’ livell għoli. Irid ikun hemm kontroreferenzi ma' djalogi politiċi u linji ta’ politika dwar id-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt, id-demokrazija u l-governanza tajba, u l-konformità mal-obbligi internazzjonali, fosthom fil-qasam tal-liġi umanitarja internazzjonali. Il-progress f’dan ir-rigward se jkun immonitorjat u evalwat matul l-intervent. Djalogu Politiku u ta’ linji ta' politika jistgħu jservu wkoll biex jippromwovu s-sjieda nazzjonali.

    Kaxxa ta’ Azzjoni

    Fejn ikun hemm involviment sinifikanti, l-UE u l-pajjiżi sħab jistgħu jiddiskutu u jiftiehmu dwar punti ta’ riferiment u mekkaniżmi rilevanti għal rieżami regolari sabiex jitkejjel il-progress fil-governanza u l-effikaċja tas-settur tas-sigurtà. Dawn jistgħu jieħdu l-forma ta’ strument mhux vinkolanti li jinvolvi impenji politiċi 32 ; se jsiru arranġamenti speċifiċi każ b’każ.

    Jikkoordina l-appoġġ tal-UE

    F’konformità mal-"approċċ komprensiv" għall-konflitti u l-kriżijiet esterni, l-azzjonijiet kollha ta' appoġġ diplomatiku tal-UE, tal-iżvilupp u tal-PKSD jeħtieġ li jkunu koerenti, koordinati, kumplimentari, b’sekwenza adatta u skont l-oqfsa legali, ta’ politika u istituzzjonali. L-għan huwa li tiġi promossa l-effikaċja ta’ appoġġ tal-UE għall-RSS. Fejn hemm ippjanat intervent sinifikanti tal-UE fis-settur tas-sigurtà, l-UE u l-Istati Membri jeħtieġ li jfasslu attivitajiet tal-RSS, preferibbilment ma’ atturi internazzjonali oħrajn. Dan se jippermetti il-kondiviżjoni tal-informazzjoni sabiex jiġi żviluppat fehim komuni tal-kuntest u jinġabru lezzjonijiet identifikati u rakkomandazzjonijiet biex jiddaħħlu fil-proċess ta’ djalogu politiku u ta’ politika, l-aġġustamenti għal programmi li għaddejjin bħalissa, il-formulazzjoni ta’ intervent ippjanat, u l-proċessi ta’ programmazzjoni.

    Dan l-immappjar jista' wkoll jifforma l-bażi li fuqha l-atturi tal-UE b'mod konġunt jiddefinixxu objettivi komuni u tkun żviluppata "matriċi ta' koordinazzjoni" (koordinata fuq il-post mid-Delegazzjoni tal-UE), li tippermettilhom jidentifikaw ir-rabtiet addattati u s-sekwenzjar bejn id-djalogu politiku, attivitajiet/strumenti ta' koperazzjoni u missjonijiet/operazzjonijiet possibbli tal-PKSD. Il-matriċi ta’ koordinazzjoni tkun dokument ħaj, li tibni, fejn rilevanti, fuq oqfsa politiċi eżistenti għall-approċċ tal-kriżijiet (PFCAs) u/jew oqfsa u strateġiji ta’ programmazzjoni tal-pajjiż, inkluż fil-kuntest ta’ programmazzjoni konġunta.

    L-istrumenti tal-UE huma suġġetti għal proċeduri differenti ta' programmar u teħid tad-deċiżjonijiet u restrizzjonijiet regolatorji li joħorġu mill-bażijiet ġuridiċi rispettivi tagħhom. Il-matriċi ta' koordinazzjoni tal-UE fuq il-livell ta’ pajjiż mhux se temenda dawn ir-regoli, iżda pjuttost tirrifletti intendiment komuni fost l-atturi kollha tal-UE dwar il-prijoritajiet, l-objettivi u r-rwoli possibbli tagħhom.

    Tali 'matriċi ta' koordinazzjoni' se tidentifika r-riskji, il-miżuri ta’ mitigazzjoni u, sa fejn ikun possibbli, strateġija ta’ ħruġ li tkun koerenti mal-pjan nazzjonali tat-tul u l-kapaċità finanzjarja tal-pajjiż sieħeb. Huma se jiffurmaw il-bażi ta' sistema ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni li tippermetti l-kejl tal-progress u l-impatt tal-appoġġ tal-UE. Meta tiġi żviluppata strateġija ta’ appoġġ uniku, dawn l-elementi ser ikunu diskussi direttament u miftiehma f’dak il-livell.

    Kaxxa ta’ Azzjoni

    Se tiġi żviluppata "Matriċi ta' koordinazzjoni" komprensiva tal-UE f’mill-inqas żewġ pajjiżi fis-sentejn ta' wara l-adozzjoni ta’ din il-Komunikazzjoni Konġunta, f’koerenza ma’ kwalunkwe matriċi ta’ donaturi eżistenti ta’ programmazzjoni konġunta.

    Koordinazzjoni ma’ atturi internazzjonali oħra

    L-UE f’koordinazzjoni mal-Istati Membri jeħtieġ li tfittex sinerġiji ma’ atturi internazzjonali oħrajn u tfittex li tibni kunsens magħhom f’konformità mal-Artikolu 210 TFUE. Għal dan l-għan, ser ikun hemm sforz għal kooperazzjoni mill-qrib man-NU, ma' organizzazzjonijiet reġjonali u oħrajn internazzjonali (b’mod partikolari dawk b’mandat tas-sigurtà), ma' sħab bilaterali attivi fi kwistjonijiet relatati mas-sigurtà u, fejn xieraq, ma' NGOs internazzjonali speċjalizzati. Is-settur tas-sigurtà jeħtieġ li jkun parti integrali f’koordinazzjoni fil-pajjiż fost l-atturi/donaturi internazzjonali. Fejn ikun possibbli u applikabbli, l-atturi internazzjonali jeħtieġ li jikkunsidraw li jfasslu l-azzjonijiet tagħhom fuq strateġija ta' appoġġ unika b’responsabbiltà nazzjonali għall-iżvilupp tas-settur tas-sigurtà.

    Kaxxa ta’ Azzjoni

    Filwaqt li tibni fuq "matriċi ta’ koordinazzjoni" l-UE, b’koordinazzjoni mal-Istati Membri u ma’ sħab internazzjonali oħra ser jippromwovu involviment internazzjonali komprensiv madwar strateġija unika ta' appoġġ tas-settur tas-sigurtà li se tiġi żviluppata flimkien mal-pajjiż sieħeb.

    Inkunu flessibbli u nibbilanċjaw il-bidla sistemika u fit-tul u l-ħtiġijiet immedjati ta’ sigurtà

    It-trasformazzjoni tas-settur tas-sigurtà jinvolvi proċess fit-tul li jrid iqis il-kulturi istituzzjonali speċifiċi u s-sensittività għat-tibdil. Dan jirrikjedi viżjoni fit-tul u involviment. F’kull kuntest speċifiku, l-UE teħtieġ li ssib bilanċ xieraq u koerenza bejn sforzi fit-tul bħal dawn u l-ħtieġa li jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet ta’ sigurtà tal-individwi li huma aktar urġenti, u ta' spiss immedjati.

    Peress li l-ambjent operattiv jista' jinbidel malajr, speċjalment fi stati fraġli jew wara kunflitt, xi azzjonijiet jistgħu jieqfu għal kollox, jew jinkisru xi drittijiet tal-bniedem jew prinċipji ta’ governanza. Il-programmi ta’ appoġġ għall-RSS se jkun meħtieġ li jkunu flessibbli.

    Kaxxa ta’ Azzjoni

    Meta tinvolvi ruħha f’attivitajiet marbuta mal-RSS, jeħtieġ li l-UE:

    -tistabbilixxi miri inkrementali u li jistgħu jintlaħqu;

    -tinvolvi ruħha f’attivitajiet għal żmien qasir biex tibni fuq il-fiduċja tal-atturi tas-sigurtà u l-ġustizzja, tiftaħ il-bibien għal kooperazzjoni futura u ssostni djalogu politiku u ta’ linji ta' politika;

    -tadatta għal kundizzjonijiet operattivi li qed jinbidlu malajr, speċjalment fi stati fraġli jew li ħerġin minn konflitt. Fejn ikun hemm bżonn l-intervent se jiġi implimentat permezz ta’ flessibbiltà fi ħdan ir-regoli u l-proċeduri finanzjarji tal-Unjoni; kif ukoll

    -tippjana missjonijiet tal-PSDK b’appoġġ għall-RSS biex tirrifletti l-ħtieġa għal involviment fit-tul u sostenibbli fis-settur tas-sigurtà u tinvolvi kooperazzjoni mill-qrib mad-Delegazzjonijiet tal-UE.

    Inkejlu l-progress: monitoraġġ u evalwazzjoni

    Il-prinċipji ġenerali ta' monitoraġġ u evalwazzjoni għall-proġetti u l-programmi kollha japplikaw għall-interventi kollha fis-settur tas-sigurtà; b’mod partikolari, huwa importanti li:

    -jiġu ddefiniti mill-bidu l-linji bażi;

    -jiġu stabbiliti miri definiti b’mod ċar, fattibbli u marbuta biż-żmien u indikaturi tal-impatt marbuta ma’ kriterji ċari biex titkejjel il-kisba tar-riżultati u l-objettivi; kif ukoll

    -jiġu allokati riżorsi umani u finanzjarji suffiċjenti għal monitoraġġ intern.

    L-attivitajiet ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni jeħtieġ li jinkludu ġbir ta’ dejta kwalitattiva u kwantitattiva u analiżi biex jiġu integrati l-perċezzjonijiet individwali u komunitarji ta’ bidla f’konformità ma’ approċċi ta' sigurtà umana mdawra mal-bniedem.

    Evalwazzjonijiet robusti ta’ monitoraġġ u regolari tal-interventi kontinwi se jippermettu lill-UE (u s-sħab attivi non UE) biex jieħdu kont tal-progress, jieħdu tagħlimiet, u jirrieżaminaw l-attività.

    Kaxxa ta’ Azzjoni

    Is-servizzi tal-Kummissjoni/SEAE se jħejju linji gwida konġunti ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni, inklużi indikaturi għall-bini ta' kapaċità tas-sigurtà u attivitajiet marbuta mal-RSS applikabbli għat-tipi kollha ta’ strumenti ta’ azzjoni esterna u missjonijiet.

    Nimmaniġġjaw ir-riskju

    L-appoġġ għall-RSS jinvolvi riskji li jridu jiġu antiċipati u li għalihom iridu jitfasslu miżuri ta’ mitigazzjoni; dawn jinkludu:

    i.    nuqqas ta’ impenn politiku nazzjonali għall-bidla

    L-impenn politiku għar-riforma jista’ tkun insuffiċjenti jew superfiċjali; jista’ tiddeterjora maż-żmien. L-UE għandha tkun mgħammra biex tkejjel il-livell reali ta’ impenn min-naħa tal-pajjiż sieħeb u tippjana l-involviment tagħha skont dan. F’ċerti kuntesti, tista’ tibda bi ftit interventi li jkollhom l-għan li jrawmu l-fiduċja u l-impenn politiku nazzjonali u teskala aktar tard. L-involviment fis-soċjetà ċivili jista' jkun punt ta’ dħul.

    ii.    konsegwenzi negattivi mhux intenzjonati

    L-ebda intervent ma huwa newtrali u l-appoġġ għas-settur tas-sigurtà jitlob approċċ li "ma jagħmilx ħsara" 33 li jagħti każ tas-sorsi sottostanti tal-kunflitt. L-analiżi tal-kuntest se tgħin lill-atturi tal-UE sabiex tevita impatti negattivi mhux intenzjonati fuq id-dinamika tal-kunflitt, pereżempju billi:

    tirreplika jew tamplifika t-tensjonijiet eżistenti b’mod involontarju, p.e. billi tirrinforza tendenzi ta’ dominazzjoni u esklużjoni;

    tintroduċi riformi u riżorsi li jiffavorixxu interessi partikolari jew li jispiċċaw jiċċappsu b’korruzzjoni u sistemi ta' klijenteliżmu li min-naħa tagħhom jiġġeneraw inġurji/instabbiltajiet ġodda.

    iii.    riskju reputazzjonali

    Atturi tas-sigurtà bl-appoġġ tal-UE jistgħu jaġixxu b’mod parzjali, diskriminatorju jew b'mod abbużiv lejn il-popolazzjoni; dan ikollu effett negattiv indirett fuq ir-reputazzjoni tal-UE. Barra minn hekk, l-assi jistgħu jaqgħu f’idejn żbaljati. Il-ħidma ma’ atturi internazzjonali oħra biex jiġi evalwat ir-riskju għar-reputazzjoni u jitfasslu miżuri realistiċi ta’ mitigazzjoni se tkun parti integrali fit-tfassil tal-appoġġ tal-RSS. Fejn applikabbli u fuq il-bażi ta' analiżi bir-reqqa abbażi ta’ analiżi każ b’każ, id-derogi jistgħu jiġu applikati għar-regoli ta’ viżibilità tal-programmi/għodod tal-azzjoni esterna tal-UE.

    iv.    riskju ta’ nuqqas ta’ intervent

    Huwa d-dmir ta’ kull Stat li jipproteġi n-nies ċivili tiegħu. F’xi każijiet, in-nuqqas ta’ dan jista’ jwassal għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem jew il-prinċipji demokratiċi, tbatija umana u telf tal-ħajja, inklużi reati atroċi. Meta jitqies li jkun utli biex jiġu evitati tali avvenimenti estremi u jgħin biex dawn jiġu ttrattati fejn jistgħu jinqalgħu, abbażi ta’ riżoluzzjoni tal-KSNU jew ftehim bilaterali ma’ stat imsieħeb, l-UE tista’ tiddeċiedi li tinvolvi ruħha f’attivitajiet ta’ appoġġ għall-RSS anki fin-nuqqas ta’ kondizzjonijiet importanti, bħalma huma impenn reali għall-bidla.

    Kaxxa ta’ Azzjoni

    Is-servizzi tal-Kummissjoni/SEAE se jħejju metodoloġija dedikata għall-immaniġġjar tar-riskji għall-appoġġ tal-UE. Din se tinkludi miżuri ta' mitigazzjoni li fost l-oħrajn tislet mill-"mekkaniżmu qafas tal-ġestjoni tar-riskju għall-operazzjonijiet tal-appoġġ tal-baġit" 34 . 

    Kif previst fil-Pjan ta’ Azzjoni tagħha għall-2015–2019 dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija 35 , l-UE jeħtieġ li tiżviluppa "politika ta' diliġenza dovuta dwar id-drittijiet tal-bniedem" li tiddeskrivi miżuri biex jiżguraw li l-appoġġ tal-UE u tal-Istati Membri għas-settur ta’ sigurtà jkun konformi/jikkontribwixxi għall-promozzjoni, il-protezzjoni u l-infurzar tad-drittijiet internazzjonali tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali, u jkun konsistenti mal-politika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem.

    Isir l-aħjar użu mill-ħila esperta tar-RSS tal-UE

    L-UE jeħtieġ li timmobilizza l-persunal bil-kompetenza xierqa u l-esperjenza u b’komprensjoni f'saħħitha ta’ kwistjonijiet politiċi u tekniċi dwar ir-RSS. Din trid tislet mill-kompetenza tal-Istati Membri u, f’oqsma speċifiċi fejn dawn iġibu valur miżjud ċar, l-aġenziji rilevanti tal-UE (eż. il-Europol, is-CEPOL, il-FRONTEX) skont il-mandati rispettivi tagħhom, il-prijoritajiet u r-riżorsi.

    Dan il-qafas ta’ politika b’saħħitha tal-UE RSS jipprevedi koordinazzjoni u koperazzjoni bejn l-atturi tal-UE u l-Istati Membri sabiex jitrawmu sinerġiji u komplementarjetajiet bejn strumenti u missjonijiet f’approċċ tal-"UE kollha kemm hi". Jipprovdi wkoll għal koordinazzjoni mal-attivitajiet ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali u l-NGOs rilevanti.

    Fil-kwartieri ġenerali

    Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli se jwaqqfu task force permanenti informali bejn is-servizzi RSS, b’rappreżentanti minn servizzi tematiċi rilevanti tas-SEAE u s-servizzi tal-Kummissjoni, li se jagħtu pariri u appoġġ lid-Delegazzjonijiet tal-UE, is-SEAE u s-servizzi tal-Kummissjoni u l-missjonijiet tal-PSDK. Din se tikkontribwixxi biex tiġi żgurata l-koerenza u l-komplementarjetà tal-attività tal-UE RSS u l-appoġġ fl-ippjanar u t-tfassil ta’ proġetti tal-RSS ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp u ppjanar ta' dokumenti tal-PKSD. Ir-rwol tagħha jeħtieġ li jkun rifless ukoll fl-edizzjoni li jmiss tal-proċeduri tal-imaniġġjar tal-kriżijiet. Se tiżviluppa għodod metodoloġiċi, standards, proċeduri u prattiki għall-attivitajiet tar-RSS tal-UE u tipprovdi taħriġ, fost l-oħrajn bl-appoġġ tal-Kulleġġ Ewropew ta’ Sigurtà u ta’ Difiża (KESD). It-Task Force se tissorvelja l-monitoraġġ, l-evalwazzjoni, il-qafas tat-tagħlim u l-mekkaniżmi ta’ ġestjoni tar-riskju.

    Fuq il-post

    Ir-responsabbiltà għall-koordinazzjoni ta’ appoġġ għas-settur tas-sigurtà fuq il-post tkun tal-Kap tad-Delegazzjoni tal-UE fil-pajjiż jew ir-reġjun sieħeb ikkonċernat. Fejn fil-pajjiż ikun hemm preżenti missjoni tal-PKSD, il-Kunsill huwa mistieden jiżgura li l-mandat tiegħu jippermettilu li jgħin lid-delegazzjoni tal-UE dwar kwistjonijiet marbuta mal-RSS. F’dan ir-rigward, il-Kap tal-Missjoni ser ikun disponibbli biex jagħti l-pariri lill-kap ta’ delegazzjoni.

    Id-delegazzjonijiet tal-UE u l-missjonijiet diplomatiċi tal-Istati Membri jeħtieġ li jikkondividu l-informazzjoni u l-analiżi, jipparteċipaw f’analiżi konġunta u jikkontribwixxu għall-formulazzjoni tal-matriċi ta' koordinazzjoni tal-RSS.

    Fejn l-UE jkollha involviment partikolarment sinifikanti u diversifikat fis-settur tas-sigurtà u l-istrutturi ta’ koordinazzjoni rilevanti ma jkunux f’posthom, hi tfittex li tistabbilixxi task forces ta’ koordinazzjoni għall-appoġġ tas-settur tas-sigurtà fil-livell tal-pajjiż (mat-taqsimiet politiċi u operattivi ta’ Delegazzjonijiet tal-UE, il-missjonijiet tal-PSDK, l-Istati Membri u, meta jkun possibbli, is-sħab rilevanti bħalma huma n-Nazzjonijiet Uniti, il-Bank Dinji u l-pajjiżi li mhumiex fl-UE involuti fis-settur tas-sigurtà).

    Kaxxa ta’ Azzjoni

    Se tiġi stabbilita task force permanenti informali bejn is-servizzi tal-RSS biex tissorvelja l-attivitajiet tal-RSS tal-UE.

    Il-kurrikula tat-taħriġ tal-RSS tal-KESD jeħtieġ li jiġu aġġornati biex jieħdu kont ta’ dan il-qafas strateġiku mal-UE kollha. Barra minn dan, jeħtieġ li tissaħħaħ il-koperazzjoni bejn il-KESD u s-servizzi rilevanti ta’ taħriġ tal-Kummissjoni biex jiġi rifless l-approċċ tal-UE kollha.

    L-istruzzjonijiet lill-Kapijiet tad-Delegazzjoni se jinkludu l-kompitu li tiġi żgurata l-koordinazzjoni lokali mal-partijiet interessati kollha tal-UE fi djalogu u appoġġ tas-settur tas-sigurtà. Dan mhux ser ikollu impatt fuq il-missjoni tal-linja ta’ kmand tal-PSDK.

    Il-mandat tal-missjonijiet tal-PSDK jeħtieġ li jinkludi l-għoti ta’ pariri tekniċi lid-Delegazzjonijiet tal-UE.

    F’pajjiżi fejn l-UE għandha impenn sinifikanti tal-RSS, jeħtieġ li jkun żgurat li d-Delegazzjoni jkollha għarfien espert xieraq fil-qasam tas-sigurtà.

    4.    Oqsma ta’ involviment

    L-UE tista’ tappoġġa l-komponenti kollha tas-settur tas-sigurtà, inkluż il-militar, fi ħdan il-limiti tal-leġiżlazzjoni tal-UE permezz tal-attivitajiet li ġejjin (lista mhux eżawrjenti):

    Appoġġ istituzzjonali

    L-appoġġ għas-sigurtà u l-istituzzjonijiet tal-ġustizzja jinkludi l-assistenza fil-pajjiżi sħab li qed jiżviluppaw politiki u strateġiji tad-difiża nazzjonali, tas-sigurtà u tal-ġustizzja, mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni nazzjonali, proċeduri amministrattivi, ta’ komunikazzjoni u dawk operazzjonali, mekkaniżmi interni ta’ rendikont, ippjanar u immaniġġar tar-riżorsi umani, informazzjoni u data, u sistemi ta' bbaġitjar u ta’ ġestjoni finanzjarja, f’konformità sħiħa mal-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali.

    L-appoġġ istituzzjonali jista’ jinkludi assistenza fl-ippjanar ta’ riformi li jeħtieġ li jiġu mfassla apposta u sensittivi għall-kuntest u jimmiraw li jgħinu l-istati sħab jivvalutaw il-bżonnijiet tagħhom u jesprimu l-viżjoni tagħhom billi jiffissaw u jiksbu eżiti realistiċi fuq medda qasira, medja u twila ta' żmien. Dan jeħtieġ li jgħinhom jallokaw riżorsi umani, tekniċi u finanzjarji kif xieraq. B’dan il-mod, l-UE se tinvolvi ruħa wkoll ma’ atturi mhux statali u tas-soċjetà ċivili.

    L-UE jeħtieġ li tiżgura li l-isforzi tagħha biex jissaħħu l-istituzzjonijiet jiġġeneraw benefiċċji diretti fuq medda qasira ta' żmien għall-popolazzjoni f’termini ta’ provvista ta' servizz imtejjeb ta'sigurtà.

    Taħriġ

    L-għajnuna tal-UE tinkludi l-bini tal-kapaċità tal-istituzzjonijiet ta’ taħriġ nazzjonali jew reġjonali. Dan jista’ jinkludi assistenza teknika u gwida, valutazzjoni tal-ħtiġijiet ta’ taħriġ, żvilupp ta’ kurrikula ġodda u "taħriġ ta’ min iħarreġ". L-assistenza tal-UE għat-taħriġ tispeċifika l-għarfien, il-ħiliet u/jew l-attitudnijiet li hu maħsub li jingħaddew, sabiex jitħeġġeġ tibdil fl-imġiba tal-persunal, l-unitajiet u l-istituzzjonijiet tas-settur tas-sigurtà. L-għan huwa wkoll li jiġi żgurat li t-taħriġ ikun ivvalutat f’termini ta’ perspettivi tal-karriera u li l-persunal iwettaq id-dmirijiet li għalihom ġie mħarreġ.

    L-appoġġ jista’ jkun marbut ma’ djalogu dwar sistemi ta’ ġestjoni tar-riżorsi umani nazzjonali u appoġġ għalihom, li jinvolvi l-identifikazzjoni tal-profili meħtieġa mill-istituzzjonijiet tas-sigurtà u l-ġustizzja, reklutaġġ u promozzjoni ġusti u trasparenti, eċċ.

    Fejn ikun hemm il-ħtieġa li terġa’ tinkiseb malajr ġustizzja bażika u servizzi ta’ sigurtà, l-UE tista’ tipprovdi taħriġ direttament, b’mod partikolari permezz tal-missjonijiet tal-PSDK. Sa fejn huwa possibbli, se tagħmel dan f’kooperazzjoni ma’ istituzzjonijiet ta’ taħriġ nazzjonali, bil-ħsieb li ssaħħaħhom u eventwalment tikkonsenjalhom ir-responsabbiltà għat-taħriġ.

    Tagħmir

    L-UE tista’ tipprovdi tagħmir mhux letali 36 lill-atturi tas-settur tas-sigurtà. Dan se jsir fi ħdan qafas usa’ ta’ appoġġ tas-sigurtà fil-pajjiż. L-UE se jkollha bżonn titlob garanziji xierqa li t-tagħmir ma jintużax biex jinkisru d-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali u l-istat tad-dritt. Sabiex jiġi evitat ir-riskju li t-tagħmir jitlaq, jiġi abbandunat, mitluf jew użat ħażin, se tiġi vvalutata l-eżistenza u l-funzjonament ta' ktejjen ta' appoġġ loġistiku dawk ta' reġistrazzjoni/traċċar, u fejn meħtieġ, jingħata appoġġ biex titjieb l-effettività tagħhom. L-iżvilupp ta’ prattika tajba bażika fil-qasam tal-ġestjoni tat-tagħmir se tkun parti integrali minn kwalunkwe pakkett ta' tagħmir biex tiġi żgurata l-manutenzjoni, il-forniment mill-ġdid u r-rimi.

    Appoġġ għal mekkaniżmi ta’ sorveljanza

    L-UE jeħtieġ li tappoġġa l-istabbiliment jew it-tisħiħ ta’ sistemi effettivi għall-kontroll u għall-sorveljanza ċivili, fost l-oħrajn permezz ta’:

    il-promozzjoni u l-appoġġ tal-formulazzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni u l-proċeduri rilevanti; u

    ż-żieda fil-kapaċità tal-ilmenti indipendenti u l-istituzzjonijiet u l-mekkaniżmi tas-sorveljanza ċivili.

    Il-benefiċjarji jistgħu jkunu korpi leġiżlattivi nazzjonali u korpi indipendenti jew kważi independenti bħall-ombudsman, istituzzjonijiet jew kummissjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, kummissjonijiet kontra l-korruzzjoni, kummissjonijiet indipendenti għall-ilmenti dwar il-pulizija u awtoritajiet ġudizzjarji fir-rwol tagħhom ta’ superviżjoni ta’ aġenziji tal-infurzar tal-liġi, eċċ.

    L-UE jeħtieġ li tippromwovi l-parteċipazzjoni attiva tas-soċjetà ċivili f’dawn il-mekkaniżmi ta’ sorveljanza u, fejn rilevanti, tappoġġja l-inizjattivi tas-soċjetà ċivili biex tissorvelja l-imġiba tal-forzi tas-sigurtà. Hija se tippromwovi wkoll il-libertà tal-media u ssaħħaħ il-kapaċità tagħha li tirrapporta b’mod responsabbli dwar is-settur tas-sigurtà.

    Sigurtà tal-Komunità

    Fejn il-vjolenza u l-kunflitti jkunu marbuta ma’ kwistjonijiet politiċi, soċjali u ekonomiċi li huma strettament lokali jew nazzjonali u l-forzi tas-sigurtà ma jkunux kapaċi li jipprovdu servizzi vitali ta’ sigurtà, l-UE tista’ tiffinanzja l-inizjattivi ta’ appoġġ fejn il-popolazzjoni tkun ipprovduta b’benefiċċji ta' sigurtà u ġustizzja permezz ta’ approċċ ta’ sigurtà tal-komunità, li jinvolvi awtoritajiet lokali (uffiċjali u/jew tradizzjonali), fejn possibbli, ir-residenti tal-komunitajiet lokali u l-viċinati inkwistjoni u l-forzi tas-sigurtà. L-għan se jkun li titjieb is-sigurtà tal-komunitajiet lokali, jiġu riżolti l-kunflitti lokali u jiġu indirizzati l-kawżi primarji tal-vjolenza, u fl-aħħar mill-aħħar biex jiġi żgurat li l-awtoritajiet nazzjonali jkunu jistgħu jindirizzaw problemi ta’ sigurtà u kunflitt fil-livell lokali.

    Rabtiet bejn l-RSS u l-oqsma l-oħra tal-involviment

    Id-diżarm, id-demobilizzazzjoni u r-reintegrazzjoni tal-ex ġellieda

    Id-diżarm, id-demobilizzazzjoni u r-reintegrazzjoni (DDR) jirreferu għal sett ta’ interventi fil-proċess ta’ demilitarizzazzjoni ta’ gruppi armati uffiċjali u mhux uffiċjali bid-diżarm u ż-żarmar ta’ gruppi non-statali jew it-tnaqqis fin-numru tal-forzi armati tagħhom u r-reintegrazzjoni tagħhom fil-ħajja ċivili 37 . Il-proċessi tad-DDR jeħtieġ li jirrispondu għall-ħtiġijiet immedjati ta’ sigurtà u jgħinu fil-bini tal-pedamenti għal stabbiltà fit-tul f’pajjiż jew reġjun. Għalhekk huma jeħtieġ li jkollhom rabta mal-proċess globali tal-paċi u preferibbilment mal-RSS aktar wiesa'. F’kuntesti ta’ kunflitt u wara l-kunflitt, l-appoġġ tal-RSS tal-UE u tad-DDR se jibbilanċja l-ħtieġa li jerġa’ jkun hemm servizzi bażiċi tas-sigurtà bħala miżura ta’ urġenza ta’ stabilizzazzjoni mal-ħtieġa li jiġi evitat tfixkil għall-istabbiltà fit-tul billi, pereżempju, li jiġu leġittimizzati l-forzi tas-sigurtà li ma jkunux inklużivi.

    Ġustizzja tranżizzjonali;

    Il-ġustizzja tranżitorja tħaddan il-“firxa sħiħa ta’ proċessi u mekkaniżmi assoċjati mat-tentattivi tas-soċjetà biex taċċetta legat ta’ abbużi tal-passat fuq skala kbira, sabiex tiġi żgurata r-responsabbiltà, li ssir ġustizzja u li tinkiseb rikonċiljazzjoni” 38 . Il-miżuri tal-ġustizzja tranżizzjonali fl-aħħar mill-aħħar jeħtieġ li jgħinu fl-istabbiliment mill-ġdid u t-tisħiħ tal-istat tad-dritt.

    F’pajjiżi ta' wara kunflitt u dawk ta’ tranżizzjoni, l-RSS bħala komponent ta’ riforma istituzzjonali għandha tikkontribwixxi għall-prevenzjoni tal-konflitt milli jerġa' jħeġġeġ; għaldaqstant, tikkontribwixxi sabiex tiġi żgurata r-responsabbiltà u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u jiġu evitati vjolazzjonijiet fil-futur. Il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar appoġġ għal ġustizzja tranżizzjonali 39 jenfasizzaw l-importanza tal-ippjanar tal-RSS.

    Armi ħfief u ta' kalibru żgħir (SALWs)

    Id-disponibbiltà tas-SALWs spiss tkun fattur prinċipali fit-tfaqqigħ u l-firxa tal-insigurtà. Il-"konflitti residwi" sostnuti mit-tixrid illeċitu tas-SALWs qed itappnu l-linja ta' separazzjoni bejn il-konflitti armati u l-kriminalità 40 . Il-kontroll tas-SALW hu marbut b’mod intrinsiku mal-isforzi tal-RSS, mhux l-inqas biex jillimita l-ħtieġa perċepita jew reali jew it-tendenza ta’ individwi jew komunitajiet li jipprovdu għad-difiża tagħhom stess.

    5.    Il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-politika

    L-implimentazzjoni ta’ dan il-qafas ta’ politika ser jiġi mmonitorjat u evalwat regolarment. Kull sena grupp ta’ bejn is-servizzi magħmul minn rappreżentanti tas-SEAE u tal-Kummissjoni, bl-appoġġ ta’ konsulenti esterni fejn meħtieġ, se jirrieżaminaw l-involviment kollu tal-UE fis-settur tas-sigurtà f’tal-inqas wieħed mill-pajjiżi prijoritarji.

    Il-kriterji tal-evalwazzjoni se jkunu bbażati fuq l-għanijiet u l-prinċipji deskritti fil-qosor f’din il-Komunikazzjoni Konġunta, dwar linji gwida kondiviżi ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni u dwar l-implimentazzjoni effettiva tal-qafas ta’ ġestjoni tar-riskju rilevanti.

    Ir-rilevanza tal-involviment tal-UE se tiġi evalwata wkoll fuq il-bażi ta’ kriterji bħalma huma:

    -il-kwalità u l-komprensività tal-analiżi tagħha tas-settur tas-sigurtà;

    -l-abbiltà tagħha li tirrispondi għall-kriżijiet urġenti u għall-opportunitajiet li jixirfu; kif ukoll

    -konsistenza bejn l-appoġġ tal-UE, is-sigurtà usa’ tal-UE u l-għanijiet ta’ żvilupp u l-miri ta’ sigurtà tal-pajjiżi sħab.

    L-evalwazzjonijiet għandhom isiru disponibbli pubblikament. Ir-rakkomandazzjonijiet ser jiġu abbozzati u se tiġi mmonitorjata l-azzjoni ta' segwitu. L-evalwazzjonijiet se jintużaw ukoll biex jinġabru l-aħjar prattiki u l-lezzjonijiet identifikati, li jiddaħħlu fis-sistema tat-taħriġ tal-persunal tal-UE u fir-riflessjonijiet dwar strumenti finanzjarji tal-UE. Dan se jgħin biex jitjiebu l-proċeduri interni u l-effiċjenza tal-appoġġ.

    Il-prestazzjoni globali ta’ dan il-qafas strateġiku se tiġi evalwata fi żmien ħames snin.

    Il-Kummissjoni Ewropea u r-Rappreżentant Għoli jistiednu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sabiex jappoġġjaw l-approċċ stabbilit f’din il-Komunikazzjoni Konġunta u sabiex jinvolvu ruħhom bi sħiħ fil-mixja lejn involviment aktar koerenti u effettiv tal-UE biex tiġi assistita l-RSS u l-pajjiżi sħab tagħha.

    (1)

         Skont il-linji gwida tal-RSS tal-OECD-DAC, is-settur tas-sigurtà nazzjonali hu meqjus li jinkludi istituzzjonijiet tal-infurzar tal-liġi (il-pulizija, il-ġendarmerija, id-dwana, il-gwardji tal-fruntieri, eċċ), is-sistema tal-ġustizzja kriminali (jiġifieri l-qrati penali, l-uffiċċju tal-prosekutur, dak korrettiv), u l-forzi armati, is-servizzi tal-intelliġenza, l-istituzzjonijiet li jipprovdu appoġġ politiku, finanzjarju u s-superviżjoni ġudizzjarja (il-ministeri, il-kumitati parlamentari, il-qorti tal-awdituri, il-ġudikatura, eċċ.) u atturi mhux statali, inklużi l-awtoritajiet konswetudinarji, il-qrati tradizzjonali, l-armati tal-gwerrillja u dawk tal-liberazzjoni, u l-kumpaniji privati militari u tas-sigurtà. Ara L-manwal tal-OECD DAC dwar ir-riforma tas-sistema ta’ sigurtà: appoġġ għas-sigurtà u l-ġustizzja (Pubblikazzjoni tal-OECD, Pariġi);

    (2)

         JOIN(2015) 50, Rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat

    (3)

         43% ta’ dawk li jgħixu f’faqar assolut jgħixu f’pajjiżi fraġli u affettwati mill-kunflitti.

    (4)

         COM(2011) 637 u l-konklużjonijiet tal-Kunsill Inżidu l-impatt tal-Politika tal-Iżvilupp tal-UE Aġenda għall-Bidla, it-3166 Laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Barranin, Brussell, l-14 ta' Mejju 2012

    (5)

         Nittrasformaw id-dinja tagħna: l-aġenda tal-2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli (Riżoluzzjoni adottata mill-Assemblea Ġenerali fil-25 ta’ Settembru 2015; UNGA A/RES/70/1); Mira 16: "il-promozzjoni ta’ soċjetajiet paċifiċi u inklużivi għall-iżvilupp sostenibbli, l-għoti ta’ aċċess għal ġustizzja għal kulħadd u l-bini ta’ istituzzjonijiet effettivi, responsabbli u inklużivi fil-livelli kollha"

    (6)

         F’konformità mad-dispożizzjonijiet tat-Trattati tal-UE għall-azzjoni esterna tal-UE b’mod ġenerali (l-Artikoli 21–22 TUE), PESK/PSDK (l-Artikoli 23–46 TUE), politika ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp (l-Artikoli 208–211 TFUE) u politiki oħra ta’ kooperazzjoni (l-Artikoli 212–213 TFUE).

    (7)

         Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà, Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni (COM(2015) 185);

    (8)

         SWD(2016) 221

    (9)

         F’konformità mal-JOIN(2013) 30 final, l-għajnuna umanitarja trid tingħata b’konformità mal-modus operandi speċifiku tagħha, b’rispett lejn il-prinċipji tal-umanità, in-newtralità, l-imparzjalità u l-indipendenza, biss fuq il-bażi tal-ħtiġijiet ta’ popolazzjonijiet milquta.

    (10)

         Inizjattiva Nru 21 fl-Anness I tal-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni għall-2016 (COM(2015) 610 final);

    (11)

         Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-PSDK, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (dokument 8971/15, Mejju 2015).

    (12)

         JOIN(2015) 17 finali, Il-bini tal-kapaċitajiet sabiex jiġu appoġġjati s-sigurtà u l-iżviluppL-għoti tas-setgħa lis-sħab sabiex jipprevjenu u jiġġestixxu l-kriżijiet

    (13)

         JOIN(2013) 30 final, L-approċċ komprensiv tal-UE għall-kunflitti u l-kriżijiet esterni.

    (14)

         Kunċett ta’ Appoġġ tal-Komunità Ewropea għar-riforma tas-settur tas-sigurtà, Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew (SEC(2006) 658) u l-kunċett tal-UE għal appoġġ tal-PESD għall-RSS (id-dokument tal-Kunsill 12566/4/05), li ġie prodott fuq il-bażi tal-Istrateġija Ewropea ta’ Sigurtà — Ewropa sikura f’dinja aħjar, adottat mill-Kunsill Ewropew f’Diċembru 2003

    (15)

         Viżjoni Kondiviża, Azzjoni Komuni: Ewropa aktar b’saħħitha – Strateġija Globali tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, Ġunju 2016

    (16)

         COM(2015) 185 final, L-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà 

    (17)

         Pereżampju l-ftehim biex "jiġu aġġornati u mmodernizzati d-direttivi dwar ir-rappurtar tal-ODA dwar in-nefqiet fuq il-paċi u s-sigurtà"; ara l-komunikat finali tal-laqgħa ta’ livell għoli (OECD DAC, id-19 ta’ Frar 2016)

    (18)

         Għall-finijiet ta’ din il-Komunikazzjoni, ir-reazzjoni għall-kriżijiet ma tinkludix għajnuna umanitarja.

    (19)

         Ara d-dokument tal-Kunsill 8831/16

    (20)

         Filwaqt li l-prinċipji deskritti f’din il-Komunikazzjoni Konġunta japplikaw ukoll għal pajjiżi fil-proċess ta’ tkabbir, il-proċess tal-adeżjoni jinvolvi miżuri u proċeduri differenti biex jiġi żgurat li l-pajjiżi jissodisfaw il-kriterji tal-adeżjoni.

    (21)

         Nibdew mill-libertà tar-rieda, il-libertà mill-biża’ u l-libertà li wieħed jaġixxi f'ismu stess.

    (22)

         Ara l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar Pjan ta’ Azzjoni dwar il-ġeneru 2016–2020 (dokument 13201/15)

    (23)

         Għall-finijiet ta’ dan id-dokument, settur ta' sigurtà jitqies leġittimu meta: i. jirrispetta d-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt u prinċipji demokratiċi aċċettati internazzjonalment; ii. japplika l-prinċipji ta’ governanza tajba u ta’ trasparenza u ta' ftuħ, ta' parteċipazzjoni u ta' inklużività u ta' responsabbiltà; u iii. jiġġieled il-korruzzjoni.

    (24)

         Dan huwa konformi mal-Artikoli 3 u 21c tat-TUE, li jirrikjedi li l-Unjoni, fir-relazzjonijiet tagħha mal-bqija tad-dinja, tirrispetta u tippromwovi l-valuri u l-interessi tagħha, inklużi d-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali. It-Trattat ta’ Lisbona jirrikjedi li l-linji politiċi tal-UE, inklużi dawk dwar ir-relazzjonijiet esterni, jkunu f’konformità mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE.

    (25)

         Fil-każ speċifiku tal-ġudikatura, is-separazzjoni tas-setgħat jeħtieġ li tkun żgurata sabiex l-indipendenza ġudizzjarja tkun garantita u l-qrati ma jkunux soġġetti għal influwenza mhux xierqa minn fergħat oħra tal-gvern jew minn interessi privati jew partiġjani.

    (26)

         Ara European Governance: White Paper (COM(2001) 428); żewġ prinċipji ta’ governanza tajba (effettività u koerenza) huma deskritti taħt l-objettiv A u fil-kapitolu 3 rispettivament.

    (27)

         UNSC S/RES/1325 (2000); UNSC S/RES/2242 (2015) dwar in-nisa u l-paċi u s-sigurtà

    (28)

         Kif spjegat f’ORIZZONT 2020Programm ta’ Ħidma 2016–2017, Sfida għas-Soċjetà 7: Soċjetajiet siguri — Protezzjoni tal-libertà u s-sigurtà tal-Ewropa u ċ-ċittadini tagħha u l-Isfida tas-Soċjetà 6: L-Ewropa f'dinja li qed tinbidel - Soċjetajiet inklużivi, innovattivi u riflessivi;

    (29)

         Ara l-OECD-DAC id-Dikjarazzjoni ta’ Pariġi dwar l-Effettività tal-Għajnuna (2005) u l-Aġenda ta’ Accra għall-Azzjoni (2008); Is-Sħubija ta’ Busan għal Kooperazzjoni Effettiva għall-Iżvilupp; Ir-raba’ Forum ta’ Livell Għoli dwar l-Effettività tal-Għajnuna (Busan, Repubblika tal-Korea, 29 ta’ Novembru — 1 ta’ Diċembru 2011);

    (30)

         Ara s-servizzi konġunti bejn is-SEAE u l-Kummissjoni Nota ta’ Gwida dwar l-użu tal-Analiżi tal-Konflitt bħala appoġġ għall-azzjoni esterna tal-UE.

    (31)

         Linji gwida dwar l-appoġġ baġitarju. Ipprogrammar, Tfassil u Ġestjoni - Approċċ Modern għall-Appoġġ Baġitarju, Dokument ta' Ħidma, Direttorat-Ġenerali għall-Iżvilupp u l-Koperazzjoni – EuropeAid, il-Kummissjoni Ewropea, Settembru 2012

    (32)

    Pereżempju memoranda ta’ qbil, dikjarazzjonijiet konġunti, arranġamenti, eċċ.

    (33)

         COM(2010) 126, Għajnuna Alimentari Umanitarja

    (34)

         Linji Gwida dwar l-Appoġġ Baġitarju. Ipprogrammar, Tfassil u Ġestjoni - Approċċ Modern għall-Appoġġ Baġitarju, Dokument ta' Ħidma, Direttorat-Ġenerali għall-Iżvilupp u l-Koperazzjoni – EuropeAid, il-Kummissjoni Ewropea, Settembru 2012

    (35)

         JOIN(2015) 16

    (36)

         JOIN(2015) 17 final

    (37)

         Il-kunċett tal-UE għall-appoġġ tad-diżarm, id-demobilizzazzjoni u r-reintegrazzjoni (DDR), approvat mill-Kummissjoni fl-14 ta' Diċembru 2006 u mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fil-11 ta' Diċembru 2006

    (38)

         Dokument tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU S/2004/616

    (39)

         Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-appoġġ tal-UE għall-ġustizzja tranżizzjonali, is-16 ta’ Novembru 2015 (13576/15);

    (40)

         L-istrateġija tal-UE biex tiġġieled l-akkumulazzjoni illeċita u t-traffikar tas-SALW u l-munizzjon tagħhom, Konklużjonijiet tal-Kunsill (5319/06)

    Top