Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016JC0024

    KOMUNIKAZZJONI KONĠUNTA LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Elementi għal Strateġija tal-UE fil-konfront tal-Mjanmar/Burma: Sħubija Speċjali għad-Demokrazija, il-Paċi u l-Prosperità

    JOIN/2016/024 final

    Brussell, 1.6.2016

    JOIN(2016) 24 final

    KOMUNIKAZZJONI KONĠUNTA LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    Elementi għal Strateġija tal-UE fil-konfront tal-Mjanmar/Burma: Sħubija Speċjali għad-Demokrazija, il-Paċi u l-Prosperità


    1. MJANMAR/BURMA: IR-RWOL TAL-UE FI TRANŻIZZJONI DEMOKRATIKA TA’ SUĊĊESS

    Il-Mjanmar/Burma rat bidla notevoli minn mindu bdew ir-riformi fl-2011, u l-wasla fil-kariga f’April 2016 ta' gvern ġdid elett demokratikament tipprovdi opportunità storika. Huwa fl-interess strateġiku tal-Unjoni Ewropea li tagħti l-appoġġ sħiħ tagħha għal tranżizzjoni b’suċċess lejn governanza demokratika effikaċi u żvilupp sostenibbli u li timmobilizza l-politiki u l-istrumenti rilevanti kollha tal-UE għal dan l-għan.

    Fit-8 ta’ Novembru 2015, il-poplu tal-Mjanmar/Burma vvota bi ħġaru sabiex iħalli t-tmexxija militari warajh, u pprovda lill-oppożizzjoni tal-Lega Nazzjonali għad-Demokrazija (NLD) b’maġġoranza assoluta fil-Parlament. L-alleat ta' Aung San Suu Kyi, Htin Kyaw, ġie elett fil-15 ta’ Marzu 2016 bħala l-ewwel president mhux militari f’aktar minn ħamsin sena u hija assumiet il-kariga ta’ konsulent tal-istat, il-ministru tal-affarijiet barranin u l-ministru tal-uffiċċju tal-president.

    L-amministrazzjoni l-ġdida, b'esperjenza limitata ta’ tmexxija, qed tiffaċċja sfidi enormi. Dawn jinkludu l-konsolidazzjoni tad-demokrazija, il-promozzjoni tal-paċi u r-rikonċiljazzjoni etniċi, l-avvanz ta’ riformi kostituzzjonali, il-bini ta' istituzzjonijiet u r-riforma tas-settur tas-sigurtà, u l-promozzjoni tal-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem. Il-gvern tal-NLD se jkollu jindirizza l-aspettattivi enormi tal-poplu li jwassal dħul ogħla u servizzi bażiċi ta’ kwalità permezz ta’ tkabbir ekonomiku u żvilupp inklussiv u sostenibbli.

    L-UE kellha rwol kruċjali fit-trasformazzjoni tal-pajjiż

    Matul l-aħħar ħames snin, l-UE kienet fuq quddiem nett fl-involviment tal-komunità internazzjonali fil-Mjanmar/Burma. B’rikonoxximent tar-riformi tal-gvern preċedenti, l-UE ħadet approċċ komprensiv tat-tranżizzjoni kumplessa tal-pajjiż permezz ta’ djalogu ta’ politika flimkien ma’ strumenti oħra finanzjarji u bbażati fuq politika. L-UE ssospendiet is-sanzjonijiet u fetħet uffiċċju fl-2012. Fit-2013 l-UE neħħiet is-sanzjonijiet, fetħet Delegazzjoni sħiħa tal-UE u rrestawrat preferenzi kummerċjali taħt l-iskema Kollox Ħlief Armi. Fl-istess sena, l-UE ddefinixxiet il-prijoritajiet tagħha fl-hekk imsejjaħ Qafas Komprensiv, 1 li kien speċifikament maħsub biex jiggwida l-politika tal-UE fiż-żmien ta’ qabel l-elezzjonijiet ta’ Novembru 2015, li għalihom l-UE skjerat l-akbar Missjoni ta’ Osservazzjoni tal-Elezzjonijiet internazzjonali.

    Fl-2012-2013, l-UE żiedet l-appoġġ tagħha għall-iżvilupp lill-pajjiż b’pakkett inizjali ta’ EUR 150 miljun, filwaqt li f’Diċembru 2014 il-Programm Indikattiv Pluriennali 2014-2020 għall-Mjanmar/Burma 2 taħt l-Istrument ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp ġie adottat b’allokazzjoni indikattiva ta’ EUR 688 miljun. Sabiex jippromwovu l-effikaċja tal-għajnuna, l-UE u l-Istati Membri tagħha ilhom mill-2013 involuti fl-ipprogrammar konġunt tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp 3 li huwa mistenni li jkompli b’konsultazzjoni mill-qrib mal-gvern il-ġdid biex jiġi żgurat rispons koerenti tal-UE għall-isfidi identifikati.

    Bil-wasla ta’ gvern ġdid elett demokratikament, l-UE għandha żżid l-impenn tagħha

    Fl-isfond ta’ demokratizzazzjoni u bidla politika sinifikanti, l-aspettattivi fl-UE huma għolja. L-UE tat ħarsa mill-ġdid lejn l-istrateġija tagħha sabiex tirrevedi l-impenn tagħha dwar id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem, il-proċess ta’ paċi, l-ekonomija u l-iżvilupp sostenibbli.

    L-UE għandha interess ukoll li taħdem mal-gvern il-ġdid f’kuntest reġjonali, speċjalment fl-integrazzjoni tal-ASEAN. It-tranżizzjoni demokratika ta' suċċess fil-Mjanmar/Burma se sservi ta’ eżempju sinifikanti u pożittiv lir-reġjun usa'.

    Huwa ċar li l-UE għandha tkompli bl-irwol distint fil-promozzjoni ta’ dak li huwa eżempju pożittiv ta’ demokratizzazzjoni u riforma f’pajjiż strateġikament importanti fi ħdan l-Asja tax-Xlokk u fir-Reġjun tal-Asja usa’ tal-Paċifiku. Iż-żieda tal-involviment tal-UE fil-Mjanmar/Burma u l-ħidma mill-qrib mal-gvern se jkunu l-aħjar modi sabiex jiġi avvanzati r-riformi soċjoekonomiċi inklussivi u jiġu mmassimizzati l-opportunitajiet għal negozji tal-UE, hekk kif il-pajjiż javvanza fit-triq li qabad favur ir-riforma. Fil-qosor, l-UE għandha interess kbir fis-suċċess ta’ tranżizzjoni li għaddejja u interess li tgħin biex tiżgura li titlesta.

    L-għan ta’ din il-Komunikazzjoni Konġunta huwa li tistabbilixxi viżjoni koerenti tal-UE u impenji konkreti f’termini ta’ appoġġ politiku, ta’ sigurtà u żvilupp u l-impenn ekonomiku għas-snin li ġejjin.

    2. OQSMA TA’ INVOLVIMENT

    2.1. Demokrazija, l-istat tad-dritt u governanza tajba:

    Sabiex il-Mjanmar/Burma tinbidel f’demokrazija sostenibbli b’rispett sħiħ lejn l-istat tad-dritt, l-UE għandha tgħin fil-bini ta’ istituzzjonijiet effikaċi, tappoġġa fir-riforma tas-settur tas-sigurtà u tinvolvi ruħha aktar u b’mod differenti mas-soċjetà kollha – gvernijiet lokali, is-settur tal-ġustizzja, il-parlamenti u s-soċjetà ċivili. L-UE għandha wkoll tikkomunika mal-armata rigward ir-rwol tagħha f’demokrazija moderna u tappoġġa l-modernizzazzjoni u t-trasformazzjoni tal-forzi tal-pulizija.

    Ix-xenarju politiku wara l-elezzjoni ta’ Novembru 2015

    Wara r-rebħa kbira tagħha fl-2015, il-Lega Nazzjonali għad-Demokrazija bbenefikat minn leġittimità demokratika bla preċedent, li tipprovdiha b’mandat b’saħħtu sabiex tressaq riformi estensivi. Aktar minn 400 membru ġdid tal-parlament ħadu posthom fl-1 ta’ Frar 2016 u jeħtieġu jsiru familjari mal-aspetti kollha ta’ parlament modern.

    L-armata għadha tokkupa 25% tas-siġġijiet parlamentari, għandha veto fuq bidliet kostituzzjonali u żżomm tliet karigi ministerjali (l-intern, id-difiża u l-affarijiet tal-fruntieri). Il-kuntest ġdid jitlob li l-armata terġa’ tiddefinixxi r-rwol tagħha f’soċjetà demokratika.

    Il-Missjoni ta’ Osservazzjoni Elettorali tal-UE faħħret 4 l-elezzjonijiet ta' Novembru 2015 bħala ġestjoni effikaċi u kompetittiva iżda indikaw il-ħtieġa għal aktar riformi. It-tneħħija tad-dritt tal-vot ta’ dawk li qabel kienu detenturi ta’ karta ta’ reġistrazzjoni temporanja — l-aktar minn komunitajiet etniċi — kien ta’ tħassib partikolari 5 . Appoġġ elettorali tal-UE għal amministrazzjoni elettorali effiċjenti, indipendenti, trasparenti u responsabbli u t-titjib tal-appartenenza popolari tal-proċess elettorali se tkompli abbażi tar-rakkomandazzjonijiet tar-rapport finali tal-Missjoni ta’ Osservazzjoni Elettorali tal-UE 6 . 

    L-istat tad-dritt u l-governanza tajba huma prijoritajiet ewlenin għall-gvern il-ġdid. L-isfidi huma ħafna, u l-istituzzjonijiet ħafna drabi ma jkollhomx biżżejjed persunal u kompetenza fi proċessi leġiżlattivi. Titjib fl-istat tad-dritt jippromwovi fiduċja fl-istituzzjonijiet tal-istat, iwassal għal aktar trasparenza, jiġġieled il-korruzzjoni u jsaħħaħ ir-rwol u l-indipendenza tal-ġudikatura. Ir-riforma tas-settur tas-sigurtà, inkluża r-riforma tal-pulizija, hija parti integrali mill-proċess.

    Minn qafas istituzzjonali mmexxi mill-armata għal demokrazija sostenibbli: ir-rwol tal-UE

    Ir-riforma kostituzzjonali tibqa’ ċentrali għall-konsolidazzjoni tal-governanza demokratika. Il-Kostituzzjoni tal-2008 kellha rwol kritiku fil-proċess ta’ tranżizzjoni u aktar riformi huma mistennija. L-UE tista’ taqsam l-esperjenza twila tagħha fit-tranżizzjoni minn tmexxija awtoritarja għal demokrazija, b’enfasi fuq sistemi parlamentari pluralistiċi u involviment akbar tas-soċjetà ċivili u l-midja indipendenti.

    Il-proġett ta’ taħriġ tal-pulizija tal-UE (2013–2015) għen il-Forza tal-Pulizija tal-Mjanmar biex taħdem b’mod aktar professjonali, b’mod partikolari fil-komunitajiet lokali tagħhom. Ittieħdu miżuri sempliċi iżda effettivi sabiex titjieb il-ħidma tal-pulizija fuq livell komunitarju u r-relazzjoni tagħhom mal-popolazzjoni lokali. Uffiċjali tal-pulizija b’esperjenza minn Stati Membri tal-UE wrew kif jiġu żgurati u protetti d-drittijiet demokratiċi taċ-ċittadini li jinġabru. 4 000 uffiċjal tal-pulizija ngħataw taħriġ fl-aħjar prattika internazzjonali fil-ġestjoni ta’ folla. Il-proġett indirizza wkoll ir-relazzjonijiet tal-pulizija mal-midja u mas-soċjetà ċivili sabiex jinkoraġġixxi fehim reċiproku aħjar.

    Il-programm MyJustice (2015–2019) isaħħaħ l-aċċess għall-ġustizzja għall-persuni foqra, vulnerabbli u emarġinati madwar il-pajjiż. Jarma l-komunitajiet, il-prattikanti tal-liġi u lill-istituzzjonijiet tal-ġustizzja sabiex jużaw approċċi innovattivi, bħal medjazzjoni komunitarja u servizzi paralegali. MyJustice jadotta approċċ iċċentrat fuq il-persuni li jħeġġeġ it-tagħlim, il-fiduċja u l-kollaborazzjoni bejn l-atturi kollha. Jagħti s-setgħa lill-komunitajiet sabiex jipprovdu soluzzjonijiet adatti għall-isfidi għall-ġustizzja li jiffaċċjaw u jkollhom impatt dejjiemi fuq il-mod li bih tilwim jiġi solvut u ssir ġustizzja.

    L-UE se taħdem mas-soċjetà ċivili dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali tal-UE għall-Involviment mas-Soċjetà Ċivili li tnediet f’Settembru 2015. L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tradizzjonalment kellhom rwol kruċjali fit-twassil ta’ servizzi bażiċi, b’mod partikolari fiż-żoni milquta mill-kunflitt. Huma wkoll il-mutur ċentrali wara l-promozzjoni u l-protezzjoni tad-demokrazija, inkluż l-involviment fl-osservazzjoni elettorali nazzjonali, id-drittijiet tal-bniedem u d-diversità kulturali. Madankollu, is-soċjetà ċivili għadha qed tħabbat wiċċha ma’ bosta restrizzjonijiet.

    Inizjattivi possibbli tal-UE f’dan il-qasam jinkludu:

    Timpenja ruħha f’kollaborazzjoni mal-gvern bl-għan li jissaħħaħ id-djalogu politiku u jitqiesu l-ħtiġijiet emerġenti permezz ta’ djalogu politiku u kooperazzjoni teknika għal istituzzjonijiet tal-gvern bħala parti minn strateġija ta’ bini tal-istat. L-UE għandha taħdem ma’ firxa kbira ta’ sħab, — minn organizzazzjonijiet qrib is-sitwazzjoni sa parlamenti u minn organizzazzjonijiet ta’ promozzjoni sa trejdjunjins u l-midja — sabiex tappoġġja l-isforzi tad-demokrazija lokali;

    Tikkomunika mal-armata sabiex tikkondividi l-esperjenza tal-UE ta’ tranżizzjoni demokratika u r-rwol tal-armata f’demokrazija moderna, inkluż il-promozzjoni tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt;

    Ittejjeb l-aċċess għall-ġustizzja u l-għajnuna legali għal dawk li huma foqra u vulnerabbli, jiżviluppaw il-kapaċità ġuridika ta’ professjonisti tas-settur tal-ġustizzja u ssaħħaħ istituzzjonijiet tal-istat tad-dritt magħżula sabiex iwettqu aħjar tal-mandati tagħhom;

    Tespandi l-appoġġ għall-Forza tal-Pulizija tal-Mjanmar sabiex tinbidel f’organizzazzjoni moderna li sservi l-poplu u tgawdi l-fiduċja tagħhom, inkluża ż-żieda tar-responsabbiltà f’konformità mal-aħjar prattiki internazzjonali, u r-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u sforzi kontinwi biex jissaħħu r-relazzjonijiet tagħha mal-midja u mal-komunitajiet lokali;

    Taħdem favur li tiffinalizza u timplimenta Pjan ta’ Azzjoni għad-Demokrazija flimkien mal-pajjiż sieħeb;

    Tkompli tippromwovi l-kooperazzjoni interparlamentari bejn il-Parlament Ewropew (PE) u l-Parlament tal-Mjanmar sabiex isaħħu l-kapaċitajiet leġiżlattivi, is-sorveljanza tal-gvern u l-partiti politiċi, fost l-oħrajn, permezz tal-Approċċ Komprensiv ta’ Appoġġ għad-Demokrazija tal-PE.

    2.2 Il-proċess ta' paċi

    Il-paċi stabbilit reċentement fil-Mjanmar/Burma huwa fraġli. L-UE, l-uniku xhud mill-Punent għall-Ftehim ta’ Waqfien mill-Ġlied fuq Livell Nazzjonali, għandha taħdem ma’ dawk kollha kkonċernati sabiex timplimenta arkitettura ta’ paċi inklussiv, iżżarma, tiddimobilizza u tirrintegra eks-ġellieda. Sabiex iżżomm il-paċi, l-UE se taqsam l-esperjenza tagħha ta' federaliżmu, u taħdem fuq il-bini ta' fiduċja bejn il-partijiet u t-trawwim ta’ rikonċiljazzjoni.

    Il-ftehim jirrappreżenta pass importanti sabiex jintemm passat imqalleb

    Il-Mjanmar/Burma ilu mxekkel minn għexieren ta’ snin ta’ kunflitt armat bejn il-forzi armati tal-Mjanmar (Tatmadaw) u gruppi etniċi b'kulturi distinti li jgħixu f’żoni remoti fuq il-fruntiera b’ħafna riżorsi naturali. Ħafna minn dawn it-territorji qatt ma kienu taħt il-kontroll sħiħ tal-gvern ċentrali u jgawdu minn diversi livelli ta’ amministrazzjoni awtonoma. Hemm interess ekonomiku proprju minn attivitajiet illegali bħall-kuntrabandu, il-kummerċ illegali tal-ġada u tal-injam, il-produzzjoni tal-oppju u t-traffikar tad-droga. Madwar 100 000 persuna ġew spostati mill-2011 f’Kachin u Shan tat-Tramuntana, u l-ġlied kontinwu għadu qed jikkawża spostament intern u mwiet. Xi 106 000 refuġjat, l-aktar Karen u Karenni, jgħixu f'kampijiet fuq in-naħa tal-fruntiera tat-Tajlandja. . Il-ġlied irriżulta wkoll f’abbużi tad-drittijiet tal-bniedem. Vjolazzjonijiet serji u kontinwi tal-liġi umanitarja internazzjonali kellhom effett destabilizzanti fuq il-popolazzjoni affettwata.

    Fl-2011 il-President Thein Sein għamel il-paċi prijorità ewlenija. Fil-15 ta’ Ottubru 2015 il-gvern u tmien gruppi armati etniċi kkonkludew Ftehim ta’ Waqfien mill-Ġlied fuq Livell Nazzjonali, li l-UE ffirmat bħala xhud internazzjonali flimkien man-Nazzjonijiet Uniti, iċ-Ċina, il-Ġappun, l-Indja u t-Tajlandja. Xi gruppi, inklużi l-Kachin, għadhom mhumiex parti mill-Ftehim. Djalogu politiku nazzjonali li jittratta suġġetti sensittivi u importanti tnieda f’Jannar 2016.

    Il-proċess ta’ paċi huwa l-ogħla prijorità għall-gvern il-ġdid. Il-bini ta' fiduċja bejn il-partijiet interessati u ż-żamma tal-impenn tagħhom se jkunu essenzjali. Il-minoritajiet etniċi għandhom aspettattivi għolja għal-Lega Nazzjonali għad-Demokrazija biex jaħdmu għal unjoni federali demokratika u multi-etnika li toffri aċċess aktar ekwu għal opportunitajiet ekonomiċi. Fl-aħħar nett, ftehim ta’ paċi komprensiv se jeħtieġ ukoll emendi fil-kostituzzjoni.

    Il-konsolidazzjoni ta’ paċi dejjiema: ir-rwol tal-UE

    L-UE, bħala waħda mill-ikbar donaturi għall-proċess ta’ paċi, tinsab f’pożizzjoni tajba biex tkompli tikkontribwixxi għal paċi dejjiema. Iċ-Ċentru għall-Paċi tal-Mjanmar, li l-UE appoġġat sa mit-twaqqif tiegħu fl-2012, kellu rwol kruċjali sabiex il-gvern u l-organizzazzjonijiet armati etniċi poġġew madwar il-mejda tan-negozjati u ta pariri esperti lill-partijiet rilevanti kollha. Proċess inklussiv u estensiv, li jinkludi l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili u n-nisa, se jkun kruċjali biex jissokta s-suċċess. L-appoġġ tal-UE kien ta’ benefiċċju għall-kostitwenzi etniċi. L-attivitajiet iffokaw fuq l-iżvilupp tal-komunità f’żoni milquta minn kunflitti, ir-rikonċiljazzjoni, il-bini tal-paċi, l-implimentazzjoni tal-waqfien mill-ġlied u l-monitoraġġ ċivili tal-waqfien mill-ġlied. Proġetti oħra qed jaħdmu sabiex itejbu l-aċċess għall-għajxien, it-tnaqqis tal-faqar u l-iżvilupp f’żoni etniċi. L-UE ħadet l-inizjattiva biex jitwaqqaf Fond Konġunt għall-Paċi ġdid b'diversi donaturi b’appoġġ għall-proċess ta’ paċi f’mod aktar ikkoordinat.

    Il-Fond Konġunt għall-Paċi ġdid jappoġġja sforzi nazzjonali sabiex tinkiseb soluzzjoni dejjiema għall-kunflitt etniku armat b’mod flessibbli, risponsiv u koerenti. Se jaħdem flimkien mal-gvern, kostitwenzi etniċi, is-soċjetà ċivili u l-akkademja u jinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni tan-nisa. Attivitajiet għall-konsolidazzjoni tal-paċi se jservu sabiex tiżdied l-inklużjoni, il-fiduċja u l-parteċipazzjoni fil-proċess ta’ paċi u jikkontribwixxu biex jiżguraw is-sikurezza u s-sigurtà ta’ komunitajiet vulnerabbli. Il-Fond Konġunt għall-Paċi beda jopera f’April 2016 b’aktar minn USD 100 miljun mwiegħda mill-UE u disa’ donaturi oħra.

    L-UE hija determinata li tiżgura li l-attivitajiet appoġġati kollha huma sensittivi għall-kunflitt, skont il-prinċipji li ma ssir ebda ħsara, u implimentati b’mod inklussiv, imparzjali u trasparenti.

    L-UE qed tkompli wkoll tipprovdi għajnuna umanitarja f’żoni b’aċċess ristrett milquta mill-ġlied u l-ispostament. Aċċess umanitarju mingħajr xkiel għall-popolazzjonijiet kollha affettwati minn kunflitti hija essenzjali.

    Inizjattivi possibbli f’dan il-qasam jinkludu:

    Tipprovdi appoġġ politiku u finanzjarju qawwi ta’ arkitettura ta’ paċi inklussiva, inkluż l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Waqfien mill-Ġlied fuq Livell Nazzjonali filwaqt li tinkoraġġixxi sforzi sabiex tinkludi dawk il-gruppi li għadhom ma ffirmawx sabiex jingħaqdu;

    Tinvolvi ruħha fil-prevenzjoni ta’ kunflitti u l-attivitajiet ta’ bini tal-paċi billi tappoġġa, pereżempju, miżuri intiżi li jsaħħu l-fiduċja, ir-responsabbilizzazzjoni tal-komunità, id-djalogu interkulturali, il-parteċipazzjoni tan-nisa, l-iżvilupp inklussiv u għajxien imtejjeb f’żoni etniċi, fejn meħtieġ permezz ta’ kollegament bejn l-għajnuna, ir-riabilitazzjoni u l-iżvilupp;

    Tiżviluppa l-kapaċitajiet tal-partijiet interessati kollha sabiex jiġu indirizzati l-isfidi tal-proċess, inkluż ir-riforma fis-settur tas-sigurtà u d-diżarmament, id-dimobilizzazzjoni u r-riintegrazzjoni;

    Tappoġġa il-kuxjenza dwar il-mini, it-tneħħija tal-mini u attivitajiet relatati;

    Tikkontribwixxi lejn id-dibattitu fil-Mjanmar/Burma dwar id-devoluzzjoni ta’ poteri eżekuttivi u ta’ deċentralizzazzjoni, abbażi tal-esperjenza mid-diversi mudelli prattikati fl-Istati Membri tal-UE;

    Tipprovdi eżempji komparattivi ta’ esperjenzi kemm tal-UE kif ukoll ta’ pajjiżi terzi ta' djalogi nazzjonali wara kunflitt.

    2.3 Drittijiet tal-bniedem

    Il-Mjanmar/Burma se jkollha tindirizza diversi sfidi rigward id-drittijiet tal-bniedem, mhux l-inqas is-sitwazzjoni fl-Istat ta’ Rakhine, fejn il-minoranzi Musulmani jiffaċċjaw diversi forom ta’ diskriminazzjoni. L-UE għandha taħdem mal-gvern sabiex jiġġieldu d-diskors ta’ mibegħda u intolleranza. Riżoluzzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem għandhom jiġu implimentati u l-leġiżlazzjoni tiġi konformi ma' standards internazzjonali.

    Għalkemm sar ħafna progress, id-drittijiet tal-bniedem jibqgħu waħda mill-isfidi ewlenin tal-pajjiż

    It-tranżizzjoni tal-pajjiż bla dubju wasslet għal żviluppi pożittivi f’termini ta’ drittijiet tal-bniedem. Ittieħdu passi sabiex jinħelsu priġunieri politiċi, javvanzaw il-libertà ta’ espressjoni, ta’ assemblea u ta’ assoċjazzjoni u jindirizzaw ix-xogħol sfurzat. Il-pajjiż involva ruħu fi djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem mal-UE, il-Ġappun u l-Istati Uniti, filwaqt li kabbar il-kooperazzjoni man-Nazzjonijiet Uniti 7 , inkluż ir-Rapporteur Speċjali u l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol.

    Minkejja l-progress, attivisti, ġurnalisti u anke ċittadini ordinarji ffaċċjaw arrest u detenzjoni arbitrarji meta eżerċitaw id-drittijiet ċivili u politiċi tagħhom. Komunitajiet Musulmani kienu fil-mira ta' inċitament għal mibegħda u diskors ta’ mibegħda. Minkejja kritika internazzjonali mifruxa, sett ta’ "Liġijiet għall-Protezzjoni tar-Razza u r-Reliġjon" diskriminatorji li jkopru l-konverżjoni reliġjuża, iż-żwieġ interreliġjuż, il-monogamija u l-kontroll tal-popolazzjoni daħlu fis-seħħ fl-2015.

    Huwa meħtieġ aktar progress fl-oqsma kollha, inklużi l-adeżjoni ma’ strumenti internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, ir-riforma legali, il-bini ta’ istituzzjonijiet u ta’ kapaċità, u s-sensibilizzazzjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem ġenerali. Minħabba l-wirt tal-imgħoddi, għandha tingħata attenzjoni partikolari għat-titjib tal-indipendenza tal-ġudikatura u l-aċċess għall-ġustizzja, id-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi, kif ukoll id-drittijiet tat-tfal, speċjalment minħabba l-użu kontinwu ta’ tfal bħala suldati. Ir-rilaxx ta’ ‘l fuq minn 280 priġunier politiku mill-gvern il-ġdid fl-ewwel ġimgħat fil-kariga jibgħat sinjal qawwi ta’ impenn lejn il-libertajiet fundamentali.

    Il-kwistjoni ewlenija fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem fil-Mjanmar/Burma għadha s-sitwazzjoni fl-Istat ta’ Rakhine, fejn il-minoranza Musulmana fil-biċċa l-kbira mingħajr stat li tidentifika bħala Rohingya qed taffaċċja forom multipli ta’ diskriminazzjoni. Dawn il-persuni huma mċaħħda mil-libertà ta’ moviment, u m'għandhomx aċċess għal servizzi bażiċi u għajxien. Madwar 120 000 Musulman għadhom ristretti għal kampijiet wara vjolenza bejn il-komunitajiet fl-2012. Ftit biss tħallew jirritornaw jew jirrilokaw. Komunitajiet għadhom jgħixu f’segregazzjoni. Persuni spostati f’pajjiżhom u popolazzjonijiet vulnerabbli oħra jiddependu fuq l-assistenza umanitarja, inkluż mill-UE.

    Il-prekarjetà tas-sitwazzjoni ġiegħlet lil għexieren ta' eluf jaħarbu mill-pajjiż bil-baħar jew bl-art, b'hekk isiru vittmi tal-kuntrabandu u x-xbieki ta' traffikar. Il-kriżi migratorja tal-2015 fil-Baħar Andaman irriżultat fit-tnedija ta' inizjattiva reġjonali sabiex jinstabu soluzzjonijiet mit-Tajlandja, il-Malasja u l-Indoneżja. Il-Bangladexx jipprovdi kenn għal mhux aktar minn 500 000 Rohingya. Il-gvern il-ġdid se jeħtieġ li juri tmexxija għaqlija billi jġib żvilupp inklussiv lill-Istat sħiħ u jtejjeb is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem. Jekk is-sitwazzjoni ma tiġix riżolta, tirriskja li tipperikola t-tranżizzjoni demokratika u ttabba’ l-immaġni ġdida tal-Mjanmar/Burma.

    Prijorità ewlenija għall-UE: azzjoni għal impatt reali

    Meta tindirizza l-isfidi kumplessi tal-Istat ta’ Rakhine, l-UE ssegwi approċċ komprensiv billi timmobilizza l-istrumenti kollha għad-dispożizzjoni tagħha — id-djalogu politiku, l-għajnuna umanitarja u l-kooperazzjoni għall-iżvilupp, b’koordinazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet u l-komunitajiet lokali.

    L-UE tibqa’ impenjata li ttejjeb is-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet ta’ gruppi vulnerabbli u l-minoranzi u d-drittijiet ekonomiċi u soċjali.

    L-involviment attiv tar-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem jissottolinja l-impenn qawwi tal-UE sabiex tgħin il-pajjiż javvanza r-rekord tiegħu tad-drittijiet tal-bniedem. L-UE ppreżentat riżoluzzjonijiet dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Assemblea Ġenerali tan-NU u fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem.

    Inizjattivi possibbli f’dan il-qasam jinkludu:

    Ħidma mal-gvern dwar l-indirizzar tat-tħassib dwar id-drittijiet tal-bniedem ippreżentat f’Assemblea Ġenerali tan-NU u r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem; dwar l-iffirmar u r-ratifika tal-konvenzjonijiet internazzjonali ewlenin tad-drittijiet tal-bniedem; l-istabbiliment ta' Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem; u l-kooperazzjoni mal-Proċeduri Speċjali tan-NU u l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol;

    Il-kommunikazzjoni mal-Gvern u l-Parlament sabiex idaħħlu leġiżlazzjoni ġdida u eżistenti f’konformità mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u jirrevokaw liġijiet skaduti;

    L-inkoraġġiment lill-gvern biex imexxi sforzi sabiex jindirizza l-faqar u l-iżvilupp inklussiv fl-Istat ta’ Rakhine u żoni etniċi oħra permezz ta’ approċċ komprensiv. Restrizzjonijiet fuq il-libertà tal-moviment u digrieti lokali li jiddiskriminaw kontra l-minoranzi għandhom jitneħħew. L-atturi umanitarji u tal-iżvilupp għandhom jingħataw aktar aċċess għal popolazzjonijiet li dwarhom hemm tħassib;

    It-tkabbir tal-għarfien ġenerali dwar id-drittijiet tal-bniedem, inkluż l-avvanz ta’ drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali, u r-rispett għad-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari l-libertà tal-kelma, tal-espressjoni, ta’ assoċjazzjoni u ta’ assemblea; il-libertà ta' reliġjon u ta' twemmin; u l-kondiviżjoni tal-esperjenzi fil-ġlieda kontra d-diskors ta’ mibegħda u intolleranza kontra l-minoranzi;

    Il-promozzjoni tal-eliminazzjoni tal-apolidija bi drittijiet ugwali għaċ-ċittadini kollha u l-ħruġ ta’ dokumenti ta’ identifikazzjoni.



    2.4. Tnaqqis tal-faqar u żvilupp sostenibbli

    Il-Mjanmar/Burma huwa wieħed mill-ifqar pajjiżi fid-dinja. It-tranżizzjoni twitti t-triq għal intensifikazzjoni tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE f’oqsma bħall-edukazzjoni, l-iżvilupp rurali u l-governanza, inkluż permezz ta’ azzjonijiet ta’ appoġġ baġitarju sostanzjali fl-2016 u lil hinn. Kooperazzjoni teknika mmirata se tiġi imwessa’ wkoll sabiex tappoġġa l-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs), kif ukoll opportunitajiet mill-programm Erasmus+ u l-programm ta’ Riċerka tal-UE Orizzont 2020.

    Pajjiż fi tranżizzjoni li qed ifittex li jkisser in-nassa tal-faqar

    Mjanmar/Burma huwa Pajjiż l-Inqas Żviluppat u jinsab fil-148 post minn 189 pajjiż tal-Indiċi tal-Iżvilupp tal-Bniedem tal-2015, Programm għall-Iżvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti. Ir-rata tal-faqar hija stmata li hija 37.5%, 8 l-ogħla waħda fl-Asja tax-Xlokk. 60% tal-abitanti tagħha jgħixu f’żoni rurali fejn il-faqar huwa kkonċentrat b’mod sproporzjonat. Il-PGD per capita huwa ta’ USD 1 204 9 . Il-Mjanmar/Burma għandu l-inqas stennija tal-għomor u t-tieni l-ogħla rata ta’ mortalità tat-trabi u t-tfal kollha fil-pajjiżi tal-ASEAN. Aktar minn terz tat-tfal huma nieqsa min-nutrizzjoni b’mod regolari. Inqas minn terz tal-popolazzjoni għandha aċċess għall-elettriku.

    Il-pajjiż huwa suxxettibbli għal diżastri naturali u huwa vulnerabbli ħafna għall-impatt tat-tibdil fil-klima. Minħabba l-livell baxx attwali ta’ tħejjija għal diżastri, xokkijiet esterni jista’ jkollhom impatt kbir fuq ir-reżiljenza tal-popolazzjoni u fuq l-ekonomija.

    L-ambizzjoni tal-gvern hija li tinkiseb paċi dejjiema u l-ekonomija terġa’ titpoġġa fit-triq it-tajba sabiex tittrasforma l-Mjanmar/Burma għal pajjiż ta’ dħul medju. Il-gvern il-ġdid huwa mistenni jiffoka l-isforzi tiegħu għall-iżvilupp fit-tnaqqis tal-faqar, il-ħolqien tal-impjiegi, is-sostenibbiltà u l-inklużjoni billi jżomm rati għoljin ta’ tkabbir, jibni kapital uman, itejjeb is-servizzi soċjali, filwaqt li jnaqqas l-impatti ambjentali u jsaħħaħ ir-reżiljenza. L-iżvilupp rurali, inklużi s-sigurtà alimentari, ir-riforma tal-art, l-edukazzjoni u s-saħħa huma fost l-ogħla prijoritajiet. It-tnaqqis tar-riskju ta' diżastri fil-livelli kollha għandhom ikunu fuq l-aġenda. It-tisħiħ tad-drittijiet għall-art, b’mod partikolari billi tiġi indirizzata l-inġustizzja mġarrba minħabba l-konfiska tal-art se jkun sfida oħra għall-gvern il-ġdid.

    L-UE għandha tkun minn ta’ quddiem b’aġenda ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp ambizzjuża u ffokata

    L-UE qegħda tmexxi l-ħidma mal-Mjanmar/Burma lejn it-twettiq tal-għanijiet tagħha ta' żvilupp sostenibbli kif definiti fl-Aġenda għal Żvilupp Sostenibbli 2030. 10 Permezz ta' kooperazzjoni bilaterali għal żvilupp skont il-Programm Indikattiv Pluriennali 2014-2020 11 (EUR 688 miljun), l-UE tkompli tappoġġa l-aġenda trasformattiva tal-pajjiż f'erba' setturi: 1) żvilupp rurali — agrikoltura — is-sigurtà alimentari; 2) edukazzjoni; 3) governanza — l-istat tad-dritt — il-bini tal-kapaċità tal-istat; u 4) appoġġ għall-bini tal-paċi 12 . L-UE tista’ tipprovdi kooperazzjoni teknika flessibbli u mmirata addizzjonali lill-gvern dwar politiki ewlenin. Koordinazzjoni effettiva fost id-donaturi tibqa’ vitali sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni u l-frammentazzjoni tal-għajnuna.

    Il-Fond Fiduċjarju għall-Għajxien u s-Sigurtà tal-Ikel (LIFT) 13 ġie stabbilit b’donaturi multipli sabiex jindirizza l-ħtiġijiet ta’ rkupru bikri u ta’ riabilitazzjoni wara d-devastazzjoni li ġab miegħu ċ-ċiklun Nagris (2008). Matul is-snin, LIFT gradwalment espanda l-kamp ta' applikazzjoni tal-attivitajiet tiegħu u adatta għat-tibdil fil-Mjanmar/Burma bl-għan li jtejjeb il-ħajja ta’ bdiewa żgħar u foqra rurali mingħajr art. Madwar EUR 330 miljun, li EUR 115 miljun minnhom huma mill-UE, ġew impenjati sabiex jiġu appoġġati aktar minn tliet miljun persuna permezz ta’ 90 proġett. Il-proġetti LIFT jikkontribwixxu għal ħsad aħjar u aktar aċċess għal kreditu u swieq. B’riżultat ta’ dan, id-dħul ta’ djar fil-mira kiber u s-sigurtà alimentari ttejbet. LIFT huwa l-aħjar prattika għal trasformazzjoni ekonomika rurali inklussiva.

    Pjan nazzjonali ta’ Azzjoni u ta' Strateġija dwar it-Tibdil tal-Klima, appoġġat mill-Alleanza Globali dwar it-Tibdil fil-Klima tal-UE+ permezz tal-Alleanza dwar it-Tibdil fil-Klima tal-Mjanmar, qed jitħejja sabiex l-adattament għall-bidla fil-klima jiġi integrat fl-iżvilupp tal-politika u l-aġenda ta’ riforma tal-Mjanmar/Burma u jippromwovu ppjanar u tfassil ta’ politika bbażati fuq l-evidenza. Dan se jgħin biex jiggwida l-Mjanmar/Burma lejn ekonomija aktar ekoloġika u aktar reżiljenti.

    Permezz tat-taħlit (għotjiet flimkien ma’ riżorsi addizzjonali li mhumiex għotjiet) ta' strumenti, speċjalment il-Faċilità ta’ Investiment għall-Asja, l-UE qed tagħmel iktar użu strateġiku mill-għotjiet tagħha sabiex tisfrutta u timmobilizza l-finanzjament minn banek ta’ żvilupp u istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej u oħrajn, kif ukoll is-settur privat sabiex l-proġetti ta' investiment jingħataw impatt ta’ żvilupp akbar. Il-Bank Ewropew tal-Investiment iffirma Ftehim Qafas mal-Mjanmar/Burma f’Marzu 2015 u diversi proġetti ta’ investiment huma ppjanati.

    Inizjattivi possibbli f’dan il-qasam jinkludu:

    It-tisħiħ tal-effettività tal-għajnuna permezz ta’ koordinazzjoni aħjar tad-donaturi u tal-appoġġ baġitarju bħala espressjoni tal-appoġġ qawwi tal-UE għall-gvern il-ġdid;

    L-iżvilupp ta’ dokument ġdid ta’ programmar konġunt tal-UE mal-Istati Membri li jikkonforma mal-prijoritajiet tal-gvern il-ġdid;

    Il-promozzjoni tal-opportunitajiet offruti mill-programm Erasmus+, b’mod partikolari l-iskambju ta’ studenti, riċerkaturi u staff tal-università, u t-titjib tal-kooperazzjoni mal-ministeru kkonċernat u l-universitajiet sabiex jgħinuhom jimmodernizzaw l-edukazzjoni għolja;

    Ix-xjenza, ir-riċerka u l-innovazzjoni jiġu marbuta mal-ħtiġijiet ta’ żvilupp tal-pajjiż permezz tal-programm ta’ Riċerka tal-UE Orizzont 2020 u t-trawwim tal-kooperazzjoni fir-riċerka fil-livell reġjonali;

    L-integrazzjoni tat-tibdil fil-klima, l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli fl-azzjonijiet ta’ kooperazzjoni l-ġodda kollha għall-iżvilupp.



    2.5. L-impenn ekonomiku

    Jekk il-Mjanmar/Burma jkun jista’ jindirizza l-isfidi importanti li għad fadal, it-tranżizzjoni tiegħu tista' toħloq opportunitajiet ekonomiċi u kummerċjali kbar. L-UE tinsab f’qagħda ideali sabiex tappoġġa din it-tranżizzjoni u tgħinhom jisfruttaw dawn il-possibbiltajiet. L-UE se tfittex li tikkonkludi n-negozjati tal-Ftehim dwar il-Protezzjoni tal-Investimenti, tgħin biex jitjieb il-qafas regolatorju u l-istandards tax-xogħol, u tipprepara għal negozjati ta' Ftehim ta’ Sħubija Volontarju dwar l-Infurzar tal-Liġi tal-Foresti, Governanza u kummerċ (FLEGT VPA).

    Pajjiż mimli potenzjal ekonomiku, jistenna sabiex jiġu realizzati

    Il-Mjanmar/Burma huwa f’pożizzjoni strateġika bejn l-Indja u ċ-Ċina. Huwa miżgħud b’abbundanza ta' riżorsi naturali (art, ilma, foresti, karburanti fossili, minerali u ħaġar prezzjuż) u forza tax-xogħol żagħżugħa (55% tal-popolazzjoni hija taħt it-30 sena). B’popolazzjoni ta’ 51.5 miljun, dan jikkostitwixxi suq ta’ potenzjal sinifikanti għall-esportaturi tal-UE u għall-investituri. Il-Mjanmar/Burma huwa wkoll membru tal-ASEAN, fejn jgħixu aktar minn 600 miljun persuna, u se jibbenefika minn proċess ambizzjuż ta’ integrazzjoni ekonomika. Hemm bosta opportunitajiet sabiex tiġi mmodernizzata, diversifikata u liberalizzata l-ekonomija kważi fis-setturi kollha. Il-pajjiż huwa wkoll l-iktar suq tat-turiżmu li qed jikber malajr fir-reġjun.

    Madankollu l-attrazzjoni tal-Mjanmar/Burma bħala destinazzjoni għall-investiment tippreżenta għadd ta’ sfidi. Il-pajjiż għadu fil-167 post minn 189 pajjiż fl-indiċi "Ease of Doing Business" tal-Bank Dinji għall-2016. Aspetti legali u regolatorji, b’mod partikolari fil-qasam tal-protezzjoni tal-investitur u l-infurzar tal-kuntratti, l-aċċess għas-servizzi finanzjarji u l-ftuħ ta’ negozju ġew identifikati bħala sfidi. Ir-rapport tal-Valutazzjoni tal-Klima tal-Investiment fil-Mjanmar tal-2014 tal-Bank Dinji jqis l-aċċess għall-finanzi, l-art, l-elettriku, u l-ħaddiema kkwalifikati bħala restrizzjonijiet ewlenin għall-operaturi kummerċjali.

    L-esportazzjonijiet huma ddominati mir-riżorsi naturali, b’mod partikolari l-gass (40%), li jipprovdu kamp ta' applikazzjoni limitat għall-ħolqien ta' mpjiegi u rabtiet ma’ setturi domestiċi. Minkejja li l-kostijiet tax-xogħol huma fost l-aktar baxxi fl-Asja 14 l-produttività hija baxxa ħafna wkoll. Ir-ritmu drammatiku tad-deforestazzjoni 15 , prinċiparjament minħabba l-qtugħ illegali tas-siġar, huwa partikolarment ta’ tħassib ambjentali u ekonomiku. Fl-aħħar nett, il-kunflitti etniċi li għaddejjin għadhom inaqqsu b’mod sinifikanti l-opportunitajiet għal żvilupp ekonomiku sostenibbli f’partijiet kbar tal-pajjiż.

    Ittieħdu passi f’dawn l-aħħar sentejn sa tliet snin biex jitwettqu riformi bbażati fuq is-suq u biex jinħoloq ambjent favorevoli għan-negozju, inklużi riformi fiskali u ta’ taxxa, il-liberalizzazzjoni ta’ kontrolli tal-kambju, it-tneħħija ta' rekwiżiti għal-liċenzji ta’ esportazzjoni għal madwar 4 000 prodott, il-permess għal 100% sjieda barranija f’ċerti setturi u l-istabbiliment ta' żoni ekonomiċi speċjali. Bħala riżultat ta’ dawn ir-riformi inizjali l-investiment dirett barrani żdied minn USD 3.2 biljun fl-2013/2014 għal madwar USD 8 biljuni fl-2014/2015 prinċipalment xprunat mis-settur tal-gass, tat-telekomunikazzjoni u l-manifattura. Fl-2014/2015 l-ekonomija kibret b’8.5% u t-tkabbir annwali għall-ħames snin li ġejjin huwa mbassar li jkun ta’ 7.9%. Il-pajjiż jinsab f’pożizzjoni tajba sabiex jespandi s-settur tal-manifattura li jirrikjedi ħafna ħaddiema b’ħiliet baxxi, vitali għat-tkabbir fl-impjiegi, waqt li jista’, kif sar f’pajjiżi oħra Asjatiċi, jilliberalizza l-kummerċ fi swieq agrikoli sabiex jaċċellera t-tnaqqis tal-faqar.

    L-UE tippromwovi qafas għal kummerċ ta’ benefiċċju reċiproku u opportunitajiet ta’ investiment li jħarsu l-istandards tax-xogħol

    L-UE u l-Mjanmar/Burma għandhom ekonomija komplimentari ħafna. L-UE kellha rwol importanti fit-tħeġġiġ tal-kummerċ u l-iżvilupp ekonomiku tal-pajjiż billi neħħiet is-sanzjonijiet 16 u reġgħet daħlet il-preferenzi kummerċjali taħt l-iskema Kollox ħlief Armi fl-2013. Il-kummerċ bilaterali laħaq EUR 1.2 biljun fl-2015 minn EUR 404 miljun fl-2012. Esportazzjonijiet lejn l-UE żdiedu b’erba’ darbiet bejn l-2012 u l-2015, minn EUR 165 miljun għal EUR 675 miljun. Il-ħwejjeġ jirrappreżentaw aktar minn 60% tal-esportazzjonijiet tal-Mjanmar/Burma lejn l-UE. Makkinarju u tagħmir elettriku jikkostitwixxu kważi nofs l-esportazzjonijiet tal-UE. Hekk kif il-pajjiż jiżviluppa, se jirrikjedi aktar beni kapitali għall-infrastruttura u l-manifattura, u joffri aktar opportunitajiet għall-kumpaniji Ewropej. Sa mill-2011, l-esportazzjonijiet ta’ servizzi mill-UE lejn il-Mjanmar/Burma żdiedu b’sitt darbiet — iżda minn bażi baxxi ħafna. Is-settur tas-servizzi huwa mistenni li jespandi malajr.

    Skont l-istatistika uffiċjali tal-pajjiż (sa Jannar 2016), l-UE kienet ir-raba' l-akbar investitur barrani fl-2015 iżda b’inqas minn 10% tal-investiment totali xorta għadha wara ċ-Ċina, Singapor u Ħong Kong. L-UE qed taħdem lejn il-konklużjoni ta’ Ftehim ta’ Protezzjoni tal-Investiment sabiex in-negozji Ewropej ikunu jistgħu jilħqu l-potenzjal sħiħ li toffri l-ekonomija tal-pajjiż.

    Negozjati dwar Ftehim ta’ Protezzjoni tal-Investiment tnedew f’Marzu 2014. Ladarba jidħol fis-seħħ, il-Ftehim se joħloq kundizzjonijiet ekwi għall-investituri kollha tal-UE u jiżgura l-protezzjoni u t-trattament ġust tal-investiment miż-żewġ naħat, kif ukoll il-promozzjoni ta' trasparenza u imġiba amministrattiva tajba għal miżuri li jkollhom impatt fuq l-investiment. Il-Ftehim għandu l-għan ukoll li jħares id-drittijiet tal-ħaddiema u l-ambjent, kif ukoll li jistimula l-imġiba responsabbli tan-negozju. Flimkien ma’ inizjattivi oħra tal-UE fil-governanza, l-istat tad-dritt u l-bini tal-istat, il-Ftehim se jtejjeb iċ-ċertezza ġuridika u l-prevedibbiltà ta’ investimenti, u b’hekk joħloq opportunitajiet ta’ negozju u żvilupp tant meħtieġ. Valutazzjoni tal-Impatt għas-Sostenibbiltà 17 pprovdiet analiżi profonda tal-impatt potenzjali ekonomiku, soċjali, ambjentali u fuq id-drittijiet tal-bniedem tal-Ftehim.

    L-UE wriet l-impenn tagħha biex taħdem mal-gvern, l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol u sħab oħrajn (eż. l-Istati Uniti u l-Ġappun) dwar id-drittijiet tax-xogħol u r-responsabbiltà soċjali korporattiva meta jissieħbu fl-Inizjattiva għall-Promozzjoni tad-Drittijiet u Prattiki Fundamentali tax-Xogħol fil-Mjanmar f’Mejju 2015. Permezz ta’ din l-inizjattiva, l-UE għandha l-għan li tgħin tiżgura rispett għad-drittijiet fundamentali tax-xogħol u xogħol deċenti, u trawwem relazzjonijiet b’saħħithom bejn il-gvern, in-negozji u l-ħaddiema u partijiet interessati oħra. Toħloq ukoll opportunitajiet għan-negozju lokali, u tgħin sabiex tittrasforma l-pajjiż f'sieħeb tal-kummerċ u tal-investiment attraenti. Approċċi b'diversi partijiet interessati bħall-Inizjattiva Ewlenija tal-Ħwejjeġ tal-UE jistgħu jikkontribwixxu għall-aġir responsabbli tan-negozji fis-settur tal-ħwejjeġ. L-UE tħeġġeġ ukoll lill-gvern il-ġdid iqiegħed enfasi fuq ir-riforma tal-art u ttejjeb id-drittijiet tax-xogħol, inklużi l-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ madwar żewġ miljun ħaddiem migrant fit-Tajlandja, u l-ġlieda kontra x-xogħol sfurzat. Il-Mjanmar/Burma qiegħed dejjem iktar isir parti mill-ktajjen tal-provvista globali li tippermetti l-promozzjoni ta’ xogħol diċenti u postijiet tax-xogħol aktar sikuri aktar importanti minn qatt qabel.

    L-UE, permezz tal-appoġġ speċifiku tagħha skont il-programmi UE-ASEAN pereżempju, se żżid l-impenn tagħha fl-iżvilupp tal-kummerċ u tas-settur privat sabiex jissaħħu l-kapaċitajiet fir-rigward tal-ktajjen tal-valur, ir-riforma tal-kummerċ, il-faċilitazzjoni tal-kummerċ u l-promozzjoni, il-ġestjoni tal-kwalità tal-esportazzjoni u l-protezzjoni tal-konsumatur u l-produzzjoni u t-tixrid ta’ statistiki uffiċjali. L-UE għandha l-intenzjoni li tinvolvi ruħha f’taħriġ vokazzjonali sabiex twieġeb għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol. Il-Eurochamber stabbilit reċentement jista' jaqdi rwol importanti fir-rappreżentazzjoni tal-interessi kummerċjali tal-UE fil-pajjiż.

    Inizjattivi possibbli f’dan il-qasam jinkludu:

    L-appoġġ ta’ riformi biex jittejjeb il-qafas legali u regolatorju, li se jħaffef l-investiment dirett barrani u jiffaċilita l-integrazzjoni tal-pajjiż fil-Komunità Ekonomika tal-ASEAN;

    Il-konklużjoni u l-implimentazzjoni ta’ Ftehim ta’ Protezzjoni tal-Investiment, u b’hekk jittejjeb l-ambjent ta' investiment u jissaħħaħ l-impenn għal investiment responsabbli u tkabbir sostenibbli;

    L-inkoraġġiment ta' sforzi fil-liberalizzazzjoni tas-settur agrikolu;

    L-iżvilupp ta’ inizjattivi ta’ komunikazzjoni speċifiċi u effettivi biex titrawwem il-kollaborazzjoni bejn in-negozji;

    L-appoġġ tal-parteċipazzjoni fil-katini ta’ forniment globali billi tippromwovi imġiba responsabbli tan-negozju, responsabbiltà soċjali korporattiva u xogħol diċenti, kif ukoll aderenza għall-konvenzjonijiet internazzjonali dwar ix-xogħol u l-ambjent. Dan se jikkontribwixxi għal ambjent li jippermetti u għal żvilupp sostenibbli;

    It-titjib tal-politiki u l-amministrazzjoni tax-xogħol tal-pajjiż permezz ta’ riforma tal-liġi tax-xogħol, l-iżvilupp tal-kapaċità u konsultazzjoni mal-partijiet interessati, inkluż permezz tal-"Inizjattiva għall-Promozzjoni tad-Drittijiet u l-Prattiki Fundamentali tax-Xogħol fil-Mjanmar";

    Il-ħidma mal-gvern dwar l-iżvilupp ta’ sistema ta' edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali (VET) bil-għan li s-settur privat jingħata rwol b’saħħtu;

    It-tħejjija għal involviment possibbli fi proċess tal-FLEGT VPA għal aktar trasparenza u sostenibbiltà fil-kummerċ ta’ prodotti tal-injam. Is-sensibilizzazzjoni dwar il-governanza tal-foresti u l-attivitajiet ta’ komunikazzjoni mas-soċjetà ċivili u s-settur privat bdew fl-2014. Il-progress se jiddependi fuq l-eżitu tal-proċess ta’ paċi peress li żoni forestali kbar jinsabu fi nħawi etniċi.

    3. IL-MJANMAR/BURMA FL-ASEAN U FIR-REĠJUN

    It-tranżizzjoni tal-pajjiż toffri opportunitajiet ġodda għal kooperazzjoni reġjonali bejn l-UE u l-ASEAN u bejn l-UE u l-pajjiżi tal-Mekong t’Isfel.

    Mill-iżolament għal attur reġjonali attiv

    Il-Mjanmar/Burma malajr sar membru rispettat tal-komunità internazzjonali fil-mixja tiegħu lejn id-demokrazija u terġa' tinvolvi ruħha fil-bqija tad-dinja. Ingħaqad mal-ASEAN f’Lulju 1997 u assuma l-presidenza b’suċċess fl-2014. Matul għexieren ta’ snin ta’ iżolament, l-ASEAN ipprovda pjattaforma importanti għal kuntatti mas-sħab reġjonali u setgħat oħra esterni. L-istabbiliment formali tal-Komunità ASEAN fl-2015 għandu l-potenzjal jgħin iktar l-iżvilupp ekonomiku tal-pajjiż u l-integrazzjoni reġjonali.

    Il-ftuħ tal-pajjiż diġà ġab bilanċ mill-ġdid fir-relazzjonijiet barranin tiegħu bl-effett globali ta’ diversifikazzjoni fir-relazzjonijiet kruċjali tiegħu maċ-Ċina u l-Indja. Huwa mistenni li l-gvern il-ġdid se jagħti spinta ulterjuri lir-riorjentazzjoni tal-pajjiż fix-xenarju usa' tal-Asja tal-Paċifiku li qed jinbidel b’mod rapidu, u jaħtaf l-opportunitajiet filwaqt li jissalvagwardja l-interessi nazzjonali tiegħu u l-awtonomija u ż-żamma ta’ relazzjonijiet tajba mal-pajjiżi ġirien.

    Sħubija aktar mill-qrib se tgħin sabiex jiġu avvanzati l-interessi strateġiċi tal-UE fir-reġjun tal-Asja tal-Paċifiku

    L-UE se taħdem biex timplimenta l-Pjan ta' Azzjoni tal-Komunità Ekonomika ASEAN 2025 bi programm ewlieni ġdid bejn l-UE u l-ASEAN, ARISE+, li jiffoka fuq il-faċilitazzjoni tal-kummerċ, l-istandards, id-dwana u t-trasport, l-avjazzjoni ċivili, id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, l-istatistika u l-monitoraġġ tal-integrazzjoni. L-UE tappoġġa b’mod attiv il-kooperazzjoni fost il-pajjiżi tal-Mekong t’Isfel permezz tad-djalogu politiku u l-kooperazzjoni għall-iżvilupp, b'mod partikolari dwar il-ġestjoni sostenibbli ta’ riżorsi naturali u r-rabta sikurezza alimentari-enerġija-ilma.

     

    Il-Mjanmar/Burma u l-UE huma membri tal-Forum Reġjonali tal-ASEAN (ARF), li joffri l-opportunità għal involviment aktar sħiħ dwar kwistjonijiet relatati b'mod wiesa' mas-sigurtà u d-difiża ġenerali fir-reġjun tal-Asja tal-Paċifiku. L-UE u l-Mjanmar/Burma kopresedew il-Laqgħa Inter-Sessjonali tal-Grupp ta’ Appoġġ tal-ARF dwar il-Miżuri għall-Bini tal-Fiduċja u d-Diplomazija ta’ Prevenzjoni u d-Djalogu tal-Uffiċjali tad-Difiża f’Diċembru 2013 f’Yangon u f’April 2014 fi Brussell. Dan ipprovda opportunità tajba biex issir ħidma mat-tmexxija diplomatika tal-pajjiż kif ukoll mal-uffiċjali tad-difiża, u twittiet it-triq għal ħidma ulterjuri. Il-Laqgħa Asja-Ewropa (ASEM) hija l-forum multilaterali ieħor fejn l-UE u l-Mjanmar/Burma jikkooperaw. Iż-żewġ naħat se jkollhom opportunità biżżejjed sabiex isaħħu l-kooperazzjoni tagħhom fil-futur, b’mod partikolari permezz tad-deċiżjoni tal-pajjiż li jospita t-13-il laqgħa tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-ASEM fl-2017.

    Ir-ripożizzjonament ulterjuri tal-Mjanmar/Burma taħt il-gvern il-ġdid fi ħdan l-ASEAN u lil hinn se joffri opportunitajiet tajbin għal kooperazzjoni aktar profonda mal-UE. Pereżempju hemm kamp ta' applikazzjoni wiesa’ għall-pajjiż sabiex ikollu rwol aktar attiv fit-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn l-UE u l-ASEAN f’oqsma ta’ prijorità u billi jgħolli l-profil tiegħu u s-sinifikat strateġiku.

    Jekk il-Mjanmar/Burma jkun aktar stabbli u għani jservi wkoll bħala eżempju tajjeb ta’ tranżizzjoni politika ta' suċċess u jsaħħaħ iktar il-proċess ta’ integrazzjoni tal-ASEAN, f’konformità mal-prijoritajiet stabbiliti fil-Komunikazzjoni Konġunta tal-UE tal-2015 dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-ASEAN 18 u fil-konklużjonijiet sussegwenti tal-Kunsill 19 u l-prijoritajiet strateġiċi tal-UE fir-reġjun tal-Asja tal-Paċifiku.

    Inizjattivi possibbli f’dan il-qasam jinkludu:

    L-involviment tal-Mjanmar/Burma dwar il-ħidma flimkien fuq is-sustanza ta’ possibilità ta’ sħubija strateġika bejn l-UE u l-ASEAN, inkluż irwol akbar għall-UE fil-fora reġjonali kollha mmexxija mill-ASEAN;

    Appoġġ kontinwu b’saħħtu għall-integrazzjoni tal-ASEAN, li jikkontribwixxi għal aktar tkabbir ekonomiku u żvilupp fil-Mjanmar/Burma b’fokus speċjali fuq l-għeluq tad-distakk intern tal-ASEAN fejn jidħlu l-pajjiżi tal-Mekong t’Isfel, inkluż il-ġestjoni tar-riżorsi naturali.

    4. KONKLUŻJONI

    Din il-Komunikazzjoni Konġunta tistabbilixxi prijoritajiet ċari u elementi ewlenin għal involviment ambizzjuż u progressiv tal-UE mal-Mjanmar/Burma sabiex tkompli l-appoġġ effettiv lill-gvern ġdid elett demokratikament hekk kif tfittex li tikkonsolida d-demokrazija, tittrasforma l-ekonomija u ssaħħaħ il-ġustizzja soċjali. L-UE għandha tagħmel użu sħiħ mill-istrumenti kollha għad-dispożizzjoni tagħha sabiex tindirizza l-isfidi li fadal fil-proċess ta’ tranżizzjoni inkluż l-apolidija, id-diskriminazzjoni u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem li, jekk jiġu injorati, jista’ jipperikola l-progress. Oqsma ġodda ta’ involviment jinkludu l-ħidma diretta mal-gvern dwar ir-riforma u l-formulazzjoni tal-politika permezz ta’ inizjattivi għall-bini tal-istat. L-UE biħsiebha tikkomunika mal-armata, li tibqa’ attur influwenti, permezz ta' skambju ta’ esperjenzi fit-tranżizzjoni demokratika u r-rwol tal-armata f’demokrazija moderna. Bħala parti mill-proċess ta’ paċi, id-djalogu politiku nazzjonali joffri l-opportunità li jkunu nvoluti l-partijiet interessati dwar il-kwistjonijiet ta' federaliżmu, id-devoluzzjoni tas-setgħat eżekuttivi u d-deċentralizzazzjoni. Mhux se jkun hemm paċi dejjiema mingħajr ftehim fuq dawn il-prinċipji. L-appoġġ tagħha għall-paċi, permezz tal-Fond Konġunt għall-Paċi, se jippermetti lill-UE sabiex taħdem flimkien mal-gvern u r-rappreżentanti etniċi sabiex jindirizzaw il-ħtiġijiet tal-komunitajiet affettwati minn kunflitt, inkluż dwar kwistjonijiet ġodda bħar-riforma tas-settur tas-sigurtà. Il-konklużjoni ta’ Ftehim ta’ Protezzjoni tal-Investiment bejn l-UE u l-Mjanmar/Burma se jistimula interess kummerċjali f’reġjun strateġiku u jikkontribwixxi għal tkabbir inklussiv u sostenibbli. Id-demokratizzazzjoni u s-suċċess tal-Mjanmar/Burma se jsaħħu l-integrazzjoni tal-ASEAN u javvanzaw ir-rwol strateġiku tal-UE fir-reġjun tal-Asja tal-Paċifiku.

    Ir-Rappreżentant Għoli u l-Kummissjoni jistiednu lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew sabiex jappoġġaw l-inizjattivi ppreżentati f’din il-Komunikazzjoni Konġunta u sabiex jaħdmu flimkien biex isaħħu l-impenn tal-UE fit-tranżizzjoni demokratika storika tal-Mjanmar/Burma.

    (1) https://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_data/docs/pressdata/EN/foraff/138272.pdf   
    (2) http://eeas.europa.eu/delegations/myanmar/documents/eu_myanmar/eu-multi-annual-indicative-programme-2014-2020_en.pdf  
    (3) http://eeas.europa.eu/delegations/myanmar/documents/eu_myanmar/joint-eu-development-partners-transitional-strategy-for-myanmar-2014-2016_en.pdf   
    (4) http://www.eueom.eu/files/dmfile/101115-ps-myanmar_en.pdf  
    (5) Dawn jinkludu restrizzjonijiet mhux raġonevoli fuq id-dritt tal-vot u d-dritt li wieħed joħroġ għall-politika, kif ukoll l-indipendenza tal-Kummissjoni Elettorali tal-Unjoni.
    (6) http://eeas.europa.eu/eueom/missions/2015/myanmar/index_en.htm   
    (7) Iffirmat il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali u l-Protokoll Fakultattiv għall-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal dwar l-involviment tat-tfal f’kunflitti armati fl-2015. Il-progress fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni 2012 sabiex jintemm ir-reklutaġġ u l-użu ta’ suldati tfal mill-forzi armati irriżulta fir-rilaxx ta’ madwar 700 rekluta taħt l-età sa mill-2012.
    (8) http://www.worldbank.org/content/dam/Worldbank/document/EAP/Myanmar/WBG_SCD_Full_Report_English.pdf  
    (9) http://data.worldbank.org/indicator/NY.GDP.PCAP.CD   
    (10) https://sustainabledevelopment.un.org/post2015/transformingourworld   
    (11) http://eeas.europa.eu/delegations/myanmar/documents/eu_myanmar/eu-multi-annual-indicative-programme-2014-2020_en.pdf   
    (12) Il-programmi u l-istrumenti reġjonali u tematiċi tal-UE jikkumplimentaw dan f’oqsma inklużi l-kummerċ, l-infrastruttura, l-ambjent, it-tibdil fil-klima, it-tnaqqis tar-riskju ta' diżastri, l-iżvilupp tas-settur privat u l-governanza.
    (13) www.lift-fund.org   
    (14) USD 100 meta mqabbel ma’ USD 181 fix-xahar għall-Vjetnam skont il-Bank Asjatiku għall-Iżvilupp.
    (15) Żoni forestali naqsu minn 59% fl-1992 għal 48% fl-2012 u dan irriżulta f’telf ta’ abitati rikki fl-ispeċi bħalma huma l-foresti tal-mangrovja, artijiet mistagħdra u mergħat, b'theddida għall-ħajja selvaġġa u l-ekosistemi.
    (16) L-UE żżomm embargo fuq l-armi u t-tagħmir li jista’ jintuża għal ripressjoni interna.
    (17) http://www.eu-myanmarsia.com/guide.php?id=6   
    (18) "L-UE u l-ASEAN: sħubija bi skop strateġiku", JOIN(2015)22 tat-18.05.2015
    (19) http://www.consilium.europa.eu/mt/press/press-releases/2015/06/22-fac-asean-conclusions/
    Top