Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016IR3170

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Lejn politika dwar ikel sostenibbli fl-UE li toħloq l-impjiegi u t-tkabbir fir-reġjuni u l-bliet tal-Ewropa

ĠU C 272, 17.8.2017, p. 14–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

17.8.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 272/14


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Lejn politika dwar ikel sostenibbli fl-UE li toħloq l-impjiegi u t-tkabbir fir-reġjuni u l-bliet tal-Ewropa

(2017/C 272/04)

Relatur:

Arno Kompatscher (IT/PPE), President tal-Provinċja Awtonoma ta’ Bolzano u Kunsillier Reġjonali

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI (KtR),

Viżjoni komuni u fit-tul fl-oqsma ta’ politika rilevanti kollha

1.

jitlob għal politika komprensiva u sostenibbli dwar ikel sostenibbli fl-UE, iffurmata b’mod demokratiku, imfassla b’viżjoni komuni u fuq tul ta’ żmien, fuq il-bażi tal-aħħar tagħrif xjentifiku u f’konformità ma’ approċċ ta’ governanza f’diversi livelli li jindirizza l-produzzjoni tal-ikel u tan-nutrizzjoni b’mod aktar komprensiv, bil-promozzjoni ta’ mudelli ta’ produzzjoni u konsum aktar sostenibbli, bit-twaqqif ta’ rabta bejn oqsma ta’ politika differenti, inklużi, fost l-oħrajn, il-produzzjoni tal-ikel, l-agrikoltura, l-ambjent, is-saħħa, il-politika tal-konsumatur, l-impjiegi u l-iżvilupp rurali, u l-ħolqien tal-impjiegi u t-tkabbir fir-reġjuni u l-bliet tal-Ewropa; jistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kummissjoni biex flimkien mal-KtR iniedu proġett pilota konġunt li jiffaċilita l-iżvilupp ta’ politika dwar ikel sostenibbli fl-UE;

2.

jenfasizza il-ħtieġa li jinstab bilanċ bejn iż-żamma tal-flessibbiltajiet neċessarji sabiex jiġu evitati “approċċ ta’ universalità” għall-politika alimentari u n-nazzjonalizzazzjoni tal-politika alimentari. Koerenza regolatorja akbar tgħin biex tiżgura is-sikurezza tal-konsumaturi, il-funzjonament effettiv tas-suq intern u r-rispett tal-prinċipju tas-sussidjarjetà;

3.

jenfasizza l-importanza tal-integrazzjoni vertikali tal-politiki dwar l-ikel ibbażata fuq kriterji ta’ sostenibbiltà biex tiġi żgurata l-konsistenza fil-livell lokali, nazzjonali, reġjonali u internazzjonali. Huwa magħruf sew li s-sistemi tal-ikel u l-kwistjonijiet relatati (ambjentali, soċjali u ekonomiku), ikollhom dimensjoni reġjonali u lokali speċifika. Għalhekk hemm rwol prinċipali li l-bliet u r-reġjuni jista’ jkollhom biex jindirizzaw l-isfidi tas-sistemi alimentari, u dan għandu jitqies meta tkun qed titfassal politika dwar ikel sostenibbli fl-UE;

4.

jenfasizza l-importanza li jiġu stabbiliti viżjoni u strateġija Ewropea soprastanti għall-provvista tal-ikel sigura, sikura u sostenibbli f’termini ta’ kwalità, affordabbiltà u kwantità u bbażata fuq kriterji ta’ sostenibbiltà. Din il-politika tal-UE dwar l-ikel għandha tkun ibbażata fuq approċċ komprensiv, li jirrikonoxxi n-natura globali tal-katini tal-provvista tal-ikel, inkluż l-agrikoltura, l-ipproċessar tal-ikel, l-ambjent u s-saħħa. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-leġislazzjoni kollha u l-inċentivi finanzjarji rilevanti tal-UE jkunu konsistenti ma’ din il-viżjoni u l-istrateġija;

5.

itenni s-sejħa tiegħu għal politika dwar l-ikel tal-UE li tippromwovi modi sostenibbli ta’ produzzjoni għall-agrikoltura Ewropea, b’ħidma lejn l-iżvilupp ta’ sinerġiji bejn is-setturi tal-ikel u l-ambjent, inkluż il-politika agrikola u s-sajd, il-politika dwar it-tibdil fil-klima u l-enerġija, il-politika reġjonali u l-politika tar-riċerka (1);

6.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-valuri tal-ekosistemi ma jitqisux kif xieraq f’deċiżjonijiet li jikkonċernaw ir-riżorsi naturali. L-ispejjeż ambjentali tal-produzzjoni tal-ikel bħalissa huma esternalizzati, u dan iwassal għal sitwazzjoni fejn l-ikel prodott b'mod aktar sostenibbli jidher iktar għoli, prinċipalment minħabba l-ispejjeż ogħla tal-manifattura; minflok, il-kunċett tas-servizzi tal-ekosistemi joffri opportunità sinifikanti għall-iżvilupp ta’ qafas ta’ politika sabiex jissaħħaħ l-użu bis-sens tal-bijodiversità u riżorsi naturali oħrajn. Attwalment, l-ispejjeż assoċjati ma’ mard relatat mad-dieta, u d-danni għall-ilma, il-ħamrija, il-fawna u flora selvaġġa u l-klima, huma meqjusa bħala esternalitajiet. Bħala tali, dawn l-ispejjeż huma inklużi fil-prezz finali tal-prodotti tal-ikel, għalkemm huma mħallsa indirettament (u spiss inkonxjament) mis-soċjetà kollha kemm hi. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni Ewropea għandha tippromwovi l-implimentazzjoni ta’ miżuri li jippermettu li jkun rifless il-prezz reali tal-ikel, sabiex tiġi stimolata ekonomija sostenibbli;

7.

itenni l-ħtieġa għat-tisħiħ tar-rabtiet bejn setturi differenti relatati mal-ikel bħall-enerġija, il-forestrija, ir-riżorsi tal-baħar, l-ilma, l-iskart, l-agrikoltura, it-tibdil fil-klima, ix-xjenza u r-riċerka u aspetti tal-użu tal-art, peress li lkoll jaqdu rwol kruċjali fl-iżvilupp ta’ tkabbir sostenibbli (2). Dan l-approċċ għandu jqis l-Ekonomija Ċirkolari tal-UE u oqfsa internazzjonali oħrajn simili fejn l-opportunitajiet għall-innovazzjoni jistgħu jiġu massimizzati;

8.

jenfasizza l-importanza ta’ territorji speċifiċi fi ħdan l-UE għall-preservazzjoni u l-iżvilupp ulterjuri ta’ sistemi alimentari sostenibbli, bħal pereżempju reġjuni muntanjużi bi tradizzjoni twila ta’ produzzjoni tal-ikel f’ambjent naturali diffiċli tagħhom;

9.

jisħaq fuq l-importanza li jkompli r-rieżami tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) tal-UE sabiex jiġu inċentivati mhux biss il-bdiewa iżda anke l-manifatturi tal-ikel biex jipproduċu b’mod sostenibbli, jiġifieri permezz tal-garanzija ta’ implimentazzjoni konsistenti tal-mekkaniżmu ta’ kundizzjonalità tal-UE li jistabbilixxi l-appoġġ għad-dħul għall-produtturi li jsegwu l-istandards ambjentali u tal-benessri tal-annimali;

10.

jemmen li, bħala parti mill-iżvilupp ta’ politika dwar l-ikel aktar komprensiva bbażata fuq il-kriterju tas-sostenibbiltà, huwa importanti li tiġi inkluża l-politika tal-enerġija rinnovabbli attwali. F’dan ir-rigward, huwa importanti li jiġu żviluppati miżuri li jinkoraġġixxu l-produzzjoni ta’ dawk il-bijokarburanti li ma jikkompetux mal-għelejjel tal-ikel, u, fl-istess ħin, fuq medda twila ta’ żmien u b’mod prevedibbli, jiskoraġġixxu lill-kumpaniji u ’l-ħaddiema mill-produzzjoni ta’ bijofjuwils tal-ewwel ġenerazzjoni insostenibbli u li jkunu magħmula minn għalf tajjeb għall-ikel, bħaż-żjut veġetali;

11.

sabiex jiġi sostnut it-tkabbir tal-UE, jirrakkomanda l-iżvilupp ta’ ftehimiet ta’ kummerċ ħieles ma’ pajjiżi terzi u reġjuni oħra fid-dinja li huma konformi mal-produzzjoni agroekoloġiċi domestika fl-UE u, għalhekk, iffukati sew fuq aspetti ta’ sostenibbiltà u ambjentali. Din il-miżura tiżgura li l-applikazzjoni ta’ rekwiżiti stretti għall-katina alimentari tal-UE ma twassalx għas-sempliċi rilokazzjoni tal-produzzjoni tal-ikel;

12.

itenni t-talba tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-NU biex it-tnaqqis u t-tisħiħ ta’ reżiljenza għar-riskju ta’ diżastri jiġu integrati aktar fi ħdan is-setturi agrikoli, speċjalment fir-reġjuni li jiffaċċjaw diżastri rikorrenti u fejn l-agrikoltura taqdi rwol importanti;

Ekosistemi b’saħħithom li jappoġġjaw il-produttività u r-reżiljenza tal-agrikoltura

13.

jenfasizza l-importanza ta’ ħamrija b’saħħitha u ħajja, li hi kruċjali biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-ikel u l-preservazzjoni tal-bijodiversità. B’mod partikolari, għandhom jiġu kkunsidrati passi biex jippromwovu d-diversifikazzjoni tal-ispeċijiet ikkultivati, l-agrikoltura estensiva u integrata u organika u standards ogħla tal-benessri tal-annimali bħala punti ewlenin tal-politika dwar ikel sostenibbli fl-UE. Permezz tal-kisba ta’ miri ewlenin bħal dawn, ikun possibbli wkoll li ngħinu biex terġa’ tinkiseb il-fiduċja taċ-ċittadini fil-proġett Ewropew;

14.

jenfasizza l-ħtieġa li jiġi stimulat u sostnut, anke finanzjarjament, l-iżvilupp ta’ sistemi ta’ biedja fuq skala żgħira, speċjalment dawk li jinsabu f’żoni vulnerabbli u fil-periferija tal-bliet. Il-biedja fuq skala żgħira tikkostitwixxi għodda sempliċi u aċċessibbli għall-awtoritajiet lokali meta jkunu qed jittrattaw ħafna kwistjonijiet prattiċi, inklużi l-inugwaljanza soċjali, l-isfidi ambjentali u problemi tas-saħħa. Barra minn hekk, sistemi bħal dawn jistgħu jipprovdu ż-żoni periferiċi tal-bliet bi produzzjoni sostenibbli ta’ prodotti friski staġjonali lokali ta’ ikel tajjeb għas-saħħa, li jkun aċċessibbli wkoll għal familji bi dħul baxx. Is-sistemi ta’ biedja fuq skala żgħira kienu rikonoxxuti bħala mudell b’kuxjenza soċjali li jirrispetta l-ambjent, inaqqas l-iskart mill-imballaġġ u tal-ikel, jillimita l-emissjonijiet tas-CO2 u jappoġġja prattiki ta’ produzzjoni sostenibbli (3). F’dan ir-rigward, is-sistemi tal-biedja żgħar, speċjalment katini tal-provvista alimentari qosra għall-prodotti agrikoli, għandhom effett pożittiv fuq l-ekonomiji lokali u l-impjiegi;

15.

itenni l-importanza ta’ ktajjen tal-provvista qosra sabiex tissaħħaħ is-sostenibbiltà ambjentali tat-trasport bejn postijiet diversi ta’ konsum. Fil-fatt, meta tikber id-distanza, jiżdied l-impatt negattiv f’termini ta’ tniġġis mill-mezzi tat-trasport;

16.

itenni l-appell għall-iffrankar fl-użu tal-ilma, l-enerġija, il-fjuwils fossili, il-fertilizzanti u l-prodotti fitosanitarji fil-produzzjoni agrikola (4);

17.

itenni li n-nuqqas ta' żgħażagħ li qed ifittxu karriera fil-biedja qed jipperikola s-sostenibbiltà ekonomika taż-żoni rurali. L-appoġġ lill-bdiewa żgħażagħ huwa prerekwiżit għall-preservazzjoni tal-agrikoltura madwar l-UE u biex tinżamm nisġa rurali ħajja (5);

18.

jenfasizza li l-ktajjen tal-provvista reġjonali u lokali jippermettu li titmexxa politika tal-ikel sostenibbli li tippremja l-kwalità tipika, it-tradizzjoni, il-wirt ekonomiku u kulturali. B’mod partikolari, fi ħdanhom, l-impriżi artiġjanali jaqdu rwol fundamentali għal ħafna realtajiet lokali u reġjonali u jirrappreżentaw fattur ta’ promozzjoni u ta’ suċċess fis-swieq barranin;

19.

itenni t-talba għall-implimentazzjoni ta’ “pjan dwar il-proteini” fil-livell Ewropew bħala appoġġ għall-produzzjoni tal-għelejjel bil-legumi u l-proteini fl-Ewropa, sabiex titnaqqas id-dipendenza fuq l-importazzjonijiet tas-sojja bħala materja prima, sabiex tiġi assigurata l-awtonomija tal-proteini għall-irziezet Ewropej, jitnaqqas l-użu tal-fertilizzanti tan-nitroġenu u tittejjeb il-fertilità tal-ħamrija (6);

20.

jenfasizza l-importanza tad-dakkara, u jitlob li jittieħdu miżuri biex jiżguraw il-ħarsien tal-insetti dakkara, bħat-tnaqqis tal-użu ta’ pestiċidi perikolużi u ż-żamma tad-diversità tal-għelejjel;

21.

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex issaħħaħ l-appoġġ tagħha għall-benesseri tal-annimali u għall-metodi agrikoli u ta’ produzzjoni favur l-ambjent, permezz tal-iżvilupp ta’ miżuri mmirati lejn l-iskoraġġiment mill-produzzjoni tad-demel u l-emissjonijiet tat-trasport bla bżonn; fl-istess ħin, huwa wkoll importanti li jkunu inkoraġġuti s-sistemi li jirrispettaw il-benesseri tal-annimali permezz tal-akkwist pubbliku favorevoli u miżuri rilevanti oħrajn. B’mod ġenerali, hemm bżonn l-appoġġ għall-aħjar prattiki tal-ġestjoni tal-bhejjem tal-irziezet b’inqas użu ta’ antibijotiċi, filwaqt li jitqies il-benesseri tal-annimali;

22.

iqis il-biedja organika bħala għodda biex tiżgura aktar karbonju fil-ħamrija, tnaqqas il-ħtiġijiet tal-ilma għall-irrigazzjoni u biex tillimita t-tniġġis minn sustanzi kimiċi bħalma huma l-pestiċidi fil-ħamrija, fl-arja u l-ilma;

23.

jippromwovi l-iżvilupp ta’ netwerks alimentari alternattivi, inklużi s-swieq tal-bdiewa, is-swieq lokali tal-ikel, il-prodotti organiċi u l-prodotti Fair Trade. B’mod partikolari, is-swieq tal-bdiewa huma mmexxija minn swieq li jikkostitwixxu punt ta’ inkontru importanti mil-lat soċjali, fejn il-produtturi lokali joffru ikel sigur u ta’ kwalità direttament lill-konsumaturi bi prezzijiet ġusti u jiggarantixxu metodi ambjentalment sostenibbli. Barra minn hekk, huma jippreżervaw il-kultura tal-ikel tal-komunità lokali u jgħinu biex jipproteġu l-bijodiversità;

L-aċċess għal dieti tajbin għas-saħħa, speċjalment għall-familji bi dħul baxx

24.

jisħaq dwar il-ħtieġa biex jiġu stabbiliti programmi tas-saħħa fit-tul li jimmiraw l-obeżità u l-mard relatat mal-ikel, billi jippromwovu d-disponibilità tal-ikel staġjonali aċċessibbli, lokali u frisk. Tali programmi jistgħu jkunu partikolarment effettivi jekk jiġu indirizzati lill-istituzzjonijiet pubbliċi (bħall-iskejjel u l-isptarijiet) u f’dawk iż-żoni urbani fejn l-obeżità, in-nuqqas ta’ swieq rurali u l-aċċess limitat għal ikel frisk huwa ta’ tħassib kbir. Ta’ min jinnota li dawn il-programmi joffru l-opportunità doppja li jinkoraġġixxu mhux biss lill-konsumaturi biex jibdlu l-imġiba tagħhom lejn dieti nutrittivi u tajbin għas-saħħa, iżda wkoll biex jidderieġu l-għażliet tal-konsumaturi lejn ikel lokali staġjonali u frisk;

25.

jirrakkomanda t-tnaqqis taż-żieda fl-obeżità permezz tal-promozzjoni ta’ kampanji ta’ informazzjoni sostnuti b’approċċ f’diversi livelli, immirati biex jidderieġu l-imġiba tal-konsumaturi lejn dieta bbażata fuq il-pjanti, b’konsum għoli ta’ frott u ħaxix, bi tnaqqis globali fil-konsum tal-laħam, ix-xaħam u z-zokkor, kif ukoll lejn ix-xiri ta’ ikel staġjonali u frisk, lokali/reġjonali prodott permezz ta’ metodi ta’ produzzjoni sostenibbli. Din l-azzjoni hija ta’ importanza notevoli, speċjalment fil-bliet Ewropej li qegħdin jiffaċċjaw nuqqas ta’ sigurtà tal-ikel. In-nuqqas ta’ sigurtà tal-ikel u l-obeżità jikkoeżistu fil-bliet (il-piż doppju tal-malnutrizzjoni), kif juru l-għadd dejjem jikber ta’ persuni li jaċċessaw il-banek tal-ikel u r-ristoranti soċjali;

26.

jilqa’ dawn l-inizjattivi u l-ambjenti li jnaqqsu l-burokrazija żejda li xxekkel l-irkupru u d-distribuzzjoni mill-ġdid tal-ikel tajjeb għas-saħħa għal dawk li l-aktar għandhom bżonn;

Definizzjonijiet standardizzati, metodoloġiji u miżuri prattiċi

27.

iħeġġeġ li jkun hemm definizzjoni komprensiva tat-terminoloġija dwar sistemi tal-ikel sostenibbli li jinkludu l-produzzjoni tal-ikel agrikolu, l-ipproċessar tal-ikel u d-dieti. Dan huwa l-punt kruċjali li minnu niddefinixxu l-passi li jmiss għal politika tal-UE olistika u komuni dwar l-ikel; l-istrumenti xierqa għandhom ikunu disponibbli biex jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva tal-miżuri politiki;

28.

jenfasizza l-ħtieġa għal metodoloġija standardizzata għall-ġbir u r-rappurtar ta’ data dwar l-impatt ambjentali tal-prodotti tal-ikel, inkluż l-iskart tal-ikel, sabiex tiġi żgurata l-komparabbiltà tad-data fost l-Istati Membri u tinkoraġġixxi li l-ispejjeż ambjentali u soċjali assoċjati mal-prodotti tal-ikel jew id-dieti jitkejlu f’termini ekonomiċi;

29.

jenfasizza l-importanza li jiġi promoss l-iskambju tal-prattika tajba, tal-kondiviżjoni tad-data dwar l-impatt ambjentali tal-prodotti tal-ikel, u tiġi pprovduta informazzjoni aktar trasparenti u aċċessibbli għall-katina tal-ikel kollha, inklużi l-konsumaturi. L-użu tal-prattika tajba u ta’ linji gwida huma kruċjali biex tiġi promossa l-adozzjoni ta’ miżuri sostenibbli adatti, billi l-amministrazzjonijiet lokali jingħataw informazzjoni adegwata biex jimplimentaw tali programmi;

30.

jisħaq fuq il-bżonn li titjieb it-trasparenza tat-tikketti tal-ikel, inkluża informazzjoni komparabbli dwar l-impatt tal-ikel fuq l-ambjent. Għandu jiġi rikonoxxut li l-informazzjoni attwali dwar il-kontenut tal-kaloriji u tan-nutrijenti fuq it-tikketti mhix biżżejjed biex tindirizza r-relazzjoni kumplessa bejn l-ikel u s-saħħa u li t-tikketti attwali huma totalment nieqsa minn informazzjoni dwar l-impatt ta’ prodotti tal-ikel fuq l-ambjent. Għalkemm il-maġġoranza tal-konsumaturi huma konxji li l-għażliet tagħhom ikollhom ċertu impatt fuq l-ambjent, mhi disponibbli l-ebda informazzjoni fuq it-tikketta tal-prodott biex tiggwida l-preferenzi tal-konsumaturi dwar l-għażliet sostenibbli; Jemmen li t-tikkettar għandu jkun ċar u rilevanti, iżda m’għandux ikun ikkumplikat iżżejjed u ta’ piż għall-produtturi tal-ikel;

31.

Jistieden lill-Kummissjoni biex twettaq azzjonijiet favur żieda fil-viġilanza u l-kontrolli fis-settur tal-ikel, li jippermettu li jkun hemm ikel ta’ kwalità u tiġi miġġielda l-kompetizzjoni mhux ġusta, u b’hekk il-konsumatur ikollu iżjed fiduċja u l-prodotti jkunu iżjed kredibbli.

Linji gwida tal-akkwist pubbliku favur l-ambjent

32.

jenfasizza li l-akkwist pubbliku, li jammonta għal madwar 14 % tal-PDG tal-UE, joffri potenzjal ta’ lieva b’saħħitha għall-iżgurar ta’ provvista alimentari aktar sostenibbli (lokali u organika) permezz tal-kuntratti ta’ forniment tal-ikel tas-settur pubbliku fil-kantins tal-iskejjel u tal-isptarijiet. Dawn l-eżempji jistgħu jsaħħu r-rabta bejn iż-żoni urbani u rurali u huma espressi fl-Aġenda Urbana Ġdida Habitat III (NUA);

33.

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tiċċara l-limitazzjonijiet eżistenti fi ħdan ir-regoli tagħha dwar l-akkwist pubbliku sabiex jiġu applikati l-kriterji ta’ sostenibbiltà; Il-leġislazzjoni tal-UE dwar il-kompetizzjoni tipprojbixxi li preferenzi territorjali (bħall-ikel lokali) ikunu speċifikati fil-kuntratti tal-akkwisti pubbliċi;

Approċċ ta’ governanza f’diversi livelli marbut mal-kunċett ta’ politika dwar ikel sostenibbli fl-UE

34.

jappoġġja l-ħolqien ta’ kunsilli tal-ikel lokali fil-livell lokali għall-proċessi ta’ ppjanar, li jinkludu attivitajiet bħall-miżuri biex jgħaqqdu l-produtturi u l-konsumaturi, l-identifikazzjoni ta’ deżerti u żoni tal-ikel għal-lok ta’ swieq ġodda fil-livell reġjonali u fuq kollox jiżguraw li l-pubbliku jkollu vuċi fit-tfassil tal-politika;

35.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-ippjanar strateġiku fil-livell reġjonali u lokali huwa kruċjali biex jitnaqqas l-impatt ambjentali kumplessiv tas-sistema alimentari. Minn perspettiva ta’ produzzjoni, ta’ spiss ikun il-każ li s-servizzi (tekniċi, kreditu, fatturi produttivi, riżorsi) m’humiex disponibbli bl-istess mod għall-produtturi f’żoni urbani u periurbani meta mqabbla ma’ dawk f’żoni rurali;

36.

jenfasizza l-ħtieġa li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jingħataw is-setgħa jniedu u jiġġestixxu miżuri ambjentali mmirati, u jkunu jistgħu jintroduċu kuntratti territorjali ffirmati b’mod konġunt mal-bdiewa jew ir-rappreżentanti tagħhom (7);

37.

jemmen li approċċ minn isfel għal fuq tal-politika dwar is-sostenibbiltà tal-ikel għandu l-ewwel u qabel kollox jiġi indirizzat permezz ta’ sħubijiet b’saħħithom għall-iżvilupp lokali u tal-awtoritajiet lokali (reġjonali u urbani) (8), ukoll fil-kuntest tal-Aġenda Urbana Ġdida (9).

38.

jirrakkomanda l-appoġġ tal-inizjattivi tal-bliet bħall-Patt ta' Milan dwar il-Politika Alimentari Urbana adottat fl-Expo 2015 f’Milan dwar “Ikel għall-Pjaneta. Enerġija għall-Ħajja”, għall-promozzjoni ta’ sistemi tal-ikel ġusti, sostenibbli u reżiljenti.

Brussell, it-22 ta’ Marzu 2017.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Markku MARKKULA


(1)  Proposti leġislattivi dwar ir-riforma tal-Politika Agrikola Komuni u l-iżvilupp rurali wara l-2013 – CdR 65/2012.

(2)  Riżoluzzjoni dwar ikel sostenibbli, CDR 3306/2015.

(3)  Riżoluzzjoni dwar ikel sostenibbli, CDR 3306/2015.

(4)  Opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar Il-ġejjieni tal-PAK wara l-2013, CdR 127/2010.

(5)  Opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar l-appoġġ għall-bdiewa żgħażagħ Ewropej COR-2016-05034-00-00-AC-TRA.

(6)  Proposti leġislattivi dwar ir-riforma tal-Politika Agrikola Komuni u l-iżvilupp rurali wara l-2013 — CdR 65/2012.

(7)  CdR 65/2012 fin – Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Proposti leġislattivi dwar ir-riforma tal-politika agrikola komuni u l-iżvilupp rurali wara l-2013”

(8)  Opinjoni ta’ prospettiva dwar “Is-sistemi tal-ikel lokali”, CdR 341/2010 REV.

(9)  NUA: dokument ta' eżitu tal-Habitat III.


Top