This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52016IP0490
European Parliament non-legislative resolution of 14 December 2016 on the draft Council decision on the conclusion of a Protocol to the Partnership and Cooperation Agreement establishing a partnership between the European Communities and their Member States, of the one part, and the Republic of Uzbekistan, of the other part, amending the Agreement in order to extend the provisions of the Agreement to bilateral trade in textiles, taking account of the expiry of the bilateral textiles Agreement (16384/1/2010 — C7-0097/2011 — 2010/0323(NLE) — 2016/2226(INI))
Riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Diċembru 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni ta' Protokoll għall-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni li jistabbilixxi sħubija bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Użbekistan, min-naħa l-oħra, li jemenda l-Ftehim sabiex jestendi d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim għall-kummerċ bilaterali fit-tessuti, b'kunsiderazzjoni tal-iskadenza tal-Ftehim bilaterali dwar it-tessuti (16384/1/2010 – C7-0097/2011 – 2010/0323(NLE) – 2016/2226(INI))
Riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Diċembru 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni ta' Protokoll għall-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni li jistabbilixxi sħubija bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Użbekistan, min-naħa l-oħra, li jemenda l-Ftehim sabiex jestendi d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim għall-kummerċ bilaterali fit-tessuti, b'kunsiderazzjoni tal-iskadenza tal-Ftehim bilaterali dwar it-tessuti (16384/1/2010 – C7-0097/2011 – 2010/0323(NLE) – 2016/2226(INI))
ĠU C 238, 6.7.2018, p. 51–54
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
6.7.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 238/51 |
P8_TA(2016)0490
Il-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni KE-Użbekistan u l-kummerċ bilaterali tat-tessuti
Riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Diċembru 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni ta' Protokoll għall-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni li jistabbilixxi sħubija bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Użbekistan, min-naħa l-oħra, li jemenda l-Ftehim sabiex jestendi d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim għall-kummerċ bilaterali fit-tessuti, b'kunsiderazzjoni tal-iskadenza tal-Ftehim bilaterali dwar it-tessuti (16384/1/2010 – C7-0097/2011 – 2010/0323(NLE) – 2016/2226(INI))
(2018/C 238/04)
Il-Parlament Ewropew,
— |
wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (16384/1/2010), |
— |
wara li kkunsidra l-abbozz ta’ Protokoll għall-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Użbekistan, min-naħa l-oħra (16388/2010), |
— |
wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni preżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 207 u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a)(v), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C7-0097/2011), |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni interim tiegħu tal-15 ta' Diċembru 2011 (1) dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill, |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tal-14 ta' Diċembru 2016 (2) dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill, |
— |
wara li kkunsidra l-osservazzjonijiet l-aktar reċenti tal-Kumitat ta' Esperti dwar l-Applikazzjoni ta' Konvenzjonijiet u Rakkomandazzjonijiet dwar l-Użbekistan b'rabta mal-Konvenzjoni dwar il-Qerda tax-Xogħol Furzat (Konvenzjoni 105) u l-Konvenzjoni dwar l-Agħar Forom ta' Tħaddim tat-Tfal (Konvenzjoni 182), adottati fl-2015 u ppubblikati fl-2016 (3), |
— |
wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-Parlamenti Nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, |
— |
wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità, |
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 99(1), it-tieni subparagrafu, tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0330/2016), |
A. |
billi f'Diċembru 2011, il-Parlament Ewropew iddeċieda li jipposponi d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kunsens għall-Protokoll tat-Tessuti bejn l-UE u l-Użbekistan, u adotta rapport interim biex jindirizza l-allegazzjonijiet dwar l-użu tat-tħaddim tat-tfal u tax-xogħol furzat waqt il-ġbir tal-bjad tal-qoton fl-Użbekistan; |
B. |
billi fir-rapport interim, il-Parlament ikkonkluda li se jikkunsidra jagħti kunsens biss jekk l-osservaturi tal-ILO jkunu ngħataw aċċess mill-awtoritajiet Użbeki biex iwettqu monitoraġġ mill-qrib u mingħajr xkiel, u jkunu kkonfermaw li ġew implimentati riformi konkreti li taw riżultati sostanzjali b'tali mod li l-prattika tax-xogħol furzat u t-tħaddim tat-tfal tkun verament fil-proċess li tinqered fuq livell nazzjonali, provinċjali u lokali; |
C. |
billi l-Parlament stabbilixxa djalogu regolari mal-Kummissjoni, is-SEAE, il-Gvern tal-Użbekistan, l-ILO u s-soċjetà ċivili sabiex jimmonitorja l-iżviluppi matul il-ġbir tal-bjad tal-qoton u jagħmel pressjoni fuq dawk kollha involuti biex jintemm l-użu tat-tħaddim tat-tfal u tax-xogħol furzat fl-Użbekistan; |
D. |
billi fl-2013 il-Gvern tal-Użbekistan awtorizza lill-ILO biex timmonitorja l-ġbir tal-bjad tal-qoton; billi mill-2013, l-ILO f'diversi okkażjonijiet wettqet monitoraġġ, inizjalment iffukat fuq it-tħaddim tat-tfal u aktar tard estiż għax-xogħol furzat u l-kundizzjonijiet ta' reklutaġġ; |
E. |
billi l-kooperazzjoni bejn l-ILO u l-Gvern tal-Użbekistan ġiet estiża gradwalment, u fl-2014 l-Użbekistan sar l-ewwel pajjiż tal-Asja Ċentrali li qabel dwar Programm tal-Pajjiżi għax-Xogħol Deċenti mal-ILO; |
F. |
billi l-aħħar monitoraġġ tal-ILO matul il-ġbir tal-bjad tal-qoton fl-2015 wera li l-użu ta' tfal fil-ġbir tal-bjad tal-qoton sar rari, sporadiku u soċjalment inaċċettabbli, anke jekk hemm bżonn ta' viġilanza kontinwa (4); |
G. |
billi, skont l-ILO, filwaqt li l-għarfien dwar ix-xogħol furzat fl-Użbekistan għadu fi stadju bikri, stħarriġ imwettaq mill-ILO jindika madankollu li kważi l-ħaddiema kollha jiġbru l-bjad tal-qoton b'mod volontarju u jkollhom il-possibbiltà li jirrifjutaw li jagħmlu dan; |
H. |
billi r-rapport finali tal-2016 tal-ILO dwar il-ġbir tal-bjad tal-qoton fl-Użbekistan se jkun disponibbli fi tmiem din is-sena; |
I. |
billi l-eliminazzjoni tax-xogħol furzat u t-tħaddim tat-tfal fl-Użbekistan huwa proċess oġġettiv iżda li għadu għaddej li jirrikjedi sforzi, u li jeħtieġ jiġi appoġġat aktar mill-UE u mill-komunità internazzjonali, inkluż bil-parteċipazzjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jittrattaw id-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet tax-xogħol; |
J. |
billi l-Gvern tal-Użbekistan adotta Pjanijiet ta' Azzjoni biex jinbidel il-proċess ta' reklutaġġ għall-ġbir tal-bjad tal-qoton u, flimkien mal-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema u t-trade unions, ippromwova s-sensibilizzazzjoni u żviluppa mekkaniżmu ta' rispons għall-prevenzjoni tax-xogħol furzat u t-tħaddim tat-tfal; |
K. |
billi l-NGOs għadhom jirrappurtaw ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż, b'mod partikolari fil-qasam tal-ġbir tal-bjad tal-qoton, fejn jindikaw mobilizzazzjoni enormi furzata ta' studenti u impjegati pubbliċi fi żmien il-ġbir tal-bjad tal-qoton, kif ukoll ksur tal-libertà ta' assoċjazzjoni u ta' espressjoni, b'mod partikolari interrogazzjonijiet ta' ċittadini li jirrappurtaw dwar il-ġbir, persekuzzjoni regolari u fastidju lil difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u attivisti tas-soċjetà ċivili, u l-imblukkar ta' gruppi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u stabbilimenti tal-midja li joperaw fil-pajjiż; |
L. |
billi l-mewt għal għarrieda tal-President Islom Karimov m'għandhiex ikollha impatt fuq il-kontinwità tal-proċess li għaddej biex jitjiebu l-kundizzjonijiet tax-xogħol fl-għelieqi tal-qoton fl-Użbekistan; |
1. |
Jenfasizza l-importanza tal-azzjoni meħuda mill-Gvern tal-Użbekistan biex jawtorizza lill-ILO timmonitorja l-ġbir tal-bjad tal-qoton u jimpenja ruħu f'kooperazzjoni wiesgħa mal-ILO permezz tal-Programm tal-Pajjiżi għax-Xogħol Deċenti; |
2. |
Jilqa' l-progress sostanzjali li sar fl-Użbekistan mill-2013 'l hawn, inkluża l-adozzjoni ta' liġijiet li jipprojbixxu l-użu tat-tħaddim tat-tfal, u b'hekk inkisbet l-eliminazzjoni kważi totali tat-tħaddim tat-tfal; jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet biex jinvolvu ruħhom ulterjorment f'kampanja ta' sensibilizzazzjoni madwar il-pajjiż għall-eliminazzjoni totali tat-tħaddim tat-tfal; |
3. |
Japprezza l-fatt li sar progress fl-eliminazzjoni tax-xogħol furzat u li dan qed isir mill-Gvern tal-Użbekistan anke f'kooperazzjoni mal-ILO; jisħaq madankollu, li għadhom jeżistu mezzi sottili ta' xogħol involontarju, li dan il-proċess huwa kumpless u li jeħtieġ, fost l-oħrajn, riforma tal-politiki dwar l-impjiegi; |
4. |
Huwa tal-opinjoni li, fid-dawl ta' dawn l-isforzi mill-Gvern tal-Użbekistan, il-Parlament għandu jagħti l-kunsens tiegħu għall-Protokoll tat-Tessuti bejn l-UE u l-Użbekistan; huwa tal-fehma li tali approvazzjoni se tikkostitwixxi sinjal pożittiv ta' inkoraġġament lill-Gvern tal-Użbekistan biex ikompli bl-isforzi tiegħu lejn l-eliminazzjoni totali tat-tħaddim tat-tfal u tal-forom kollha l-oħra ta' xogħol furzat, barra milli tissaħħaħ ulterjorment il-kooperazzjoni mal-UE; |
5. |
Jilqa' favorevolment il-fatt li l-Federazzjoni tat-Trejdjunjins tal-Użbekistan issieħbet mal-Konfederazzjoni tat-Trade Unions Internazzjonali bħala membru assoċjat f'Ottubru 2015; jissottolinja r-rwol li qegħdin jiżvolġu t-trade unions Użbeki biex jiżguraw kundizzjonijiet ta' xogħol deċenti u jipproteġu d-drittijiet tal-ħaddiema; jistieden lill-Gvern tal-Użbekistan jikkoopera bis-sħiħ mat-trade unions f'dan ir-rigward; jinkoraġġixxi lit-trade unions Użbeki jintensifikaw ir-rwol tagħhom fl-isforz biex jeliminaw totalment ix-xogħol furzat; |
6. |
Jinsab imħasseb dwar ir-rapporti tal-osservaturi indipendenti b'rabta mal-mobilizzazzjoni ta' ċittadini mmexxija mill-istat, inkluż ix-xogħol furzat ta' impjegati pubbliċi u studenti, fil-ħidma ta' qabel il-ġbir fl-2016; |
7. |
Jagħmel appell lill-president Użbek sabiex jintroduċi mudell tad-drittijiet tal-bniedem ġdid billi jtemm minnufih l-użu kontinwu tax-xogħol furzat u tat-tħaddim tat-tfal fil-ġbir tal-bjad tal-qoton; |
8. |
Jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jipprovdu lill-Parlament regolarment b'informazzjoni dettaljata dwar is-sitwazzjoni fl-Użbekistan, speċjalment rigward l-eliminazzjoni tat-tħaddim tat-tfal u tax-xogħol furzat; jiddeċiedi li jkompli jissorvelja l-iżviluppi fl-Użbekistan u li jorganizza djalogu regolari mal-ILO, il-Kummissjoni, is-SEAE u partijiet interessati oħra mmirat lejn l-eliminazzjoni totali tax-xogħol furzat u tat-tħaddim tat-tfal fl-Użbekistan; |
9. |
Jirrikonoxxi li biex jintlaħaq dan l-għan se jibqa' jkun hemm bżonn ta' taħlita ta' djalogu u kooperazzjoni, kif ukoll pressjoni kontinwa fuq il-Gvern tal-Użbekistan mill-Unjoni, l-ILO u l-Bank Dinji; iżomm id-dritt li jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jattivaw l-Artikoli 2 u 95 tal-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni sabiex jittieħdu l-miżuri ġenerali u speċifiċi neċessarji kollha jekk l-impenn għall-qerda tat-tħaddim tat-tfal u tax-xogħol furzat ma jiġix irrispettat; |
10. |
Jistieden lill-Kummissjoni u lid-delegazzjoni tal-UE f'Tashkent jikkontribwixxu permezz ta' djalogu politiku u programmi ta' assistenza għal riformi strutturali fl-Użbekistan, fosthom iż-żieda fir-rimunerazzjoni għal dawk li jiġbru l-bjad tal-qoton, il-mekkanizzazzjoni, u aktar trasparenza baġitarja fuq id-dħul mill-ġbir tal-bjad tal-qoton; |
11. |
Huwa tal-fehma li l-Programm tal-Pajjiżi għax-Xogħol Deċenti għandu jiġi estiż lil hinn mill-2016 u għandu jiġi approfondit sabiex jitqiesu l-immodernizzar tal-ekonomija Użbeka, it-titjib fil-politika dwar l-impjiegi f'oqsma bħas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol u l-ispezzjonijiet tax-xogħol, filwaqt li jittieħed kont tal-ugwaljanza bejn is-sessi; jilqa' f'dan ir-rigward, id-Digriet Governattiv tal-Użbekistan Nru 909 (bid-data tas-16 ta' Novembru 2015) li għandu l-għan li jtejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol, tal-impjieg u l-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema fis-settur agrikolu fil-perjodu 2016–2018; |
12. |
Jisħaq fuq il-fatt li l-assistenza mogħtija mill-UE matul dawn l-aħħar snin, iffukata fuq l-istat tad-dritt u l-ġudikatura, u li għandha l-għan li tagħti bidu għal riformi u tissemplifika l-operat tal-Parlament Użbek, trid issarraf f'riżultati konkreti; |
13. |
Jemmen li l-għajnuna tal-UE lill-Użbekistan għandha wkoll tkun immirata biex fil-pajjiż tonqos is-sistema fardgħalla tal-qoton u tonqos id-dipendenza tiegħu fuq l-esportazzjoni billi tiġi diversifikata l-ekonomija, fatt li jaf itaffi gradwalment is-sitwazzjoni ambjentali diżastruża, partikolarment fir-rigward ta' dak li fadal mill-Baħar ta' Aral u mit-tributarji tiegħu; |
14. |
Jistieden lill-Kummissjoni biex mill-aktar fis possibbli tippreżenta l-inizjattiva ewlenija tal-UE dwar ġestjoni responsabbli tal-katina tal-provvista fis-settur tal-ilbies, bi proposta biex tissaħħaħ it-trasparenza tal-katina tal-provvista; ifakkar fl-importanza tal-Patt dwar is-Sostenibbiltà mniedi fl-2013 u jissottolinja li din it-tip ta' inizjattiva tista' sservi bħala bażi għall-elaborazzjoni ta' azzjonijiet ġodda bi sħubija ma' pajjiżi terzi bil-ħsieb li jintlaħqu l-objettivi ta' titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol, tas-saħħa u tas-sikurezza fis-settur tal-ħwejjeġ; |
15. |
Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Użbekistan biex jaħdem favur ir-ratifika u l-implimentazzjoni effettiva tas-27 konvenzjoni internazzjonali ewlenin kollha tal-SĠP +, sabiex ikunu jistgħu japplikaw għal preferenzi tariffarji SĠP+; |
16. |
Jenfasizza li fl-2009 u l-2010 l-Kunsill neħħa s-sanzjonijiet tal-UE bil-ħsieb li l-awtoritajiet Użbeki jiġu mħeġġa jieħdu passi sostantivi ulterjuri biex itejbu s-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet tal-bniedem fil-post, u ddikjara wkoll li l-Kunsill ser josserva mill-qrib u kontinwament is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Użbekistan u li s-sustanza u l-kwalità tad-djalogu u l-kooperazzjoni ser jiddependu mir-riformi […] li l-Użbekistan iwettaq; |
17. |
Jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jimmonitorjaw it-tranżizzjoni politika fl-Użbekistan u jipprovdu lill-Parlament fuq bażi regolari, b'informazzjoni dwar dan il-proċess; |
18. |
Jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), lis-SEAE u lill-Istati Membri jużaw il-perjodu ta' tranżizzjoni bħala okkażjoni biex issir pressjoni favur titjib konkret u li jista' jitkejjel fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem matul ix-xhur li ġejjin; jissottolinja li fost it-titjib konkret għandu jkun hemm il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-UE fl-2010; |
19. |
Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li s-settur tat-tessuti, partikolarment il-produzzjoni tal-qoton, huwa s-settur prinċipali tal-kummerċ bejn l-UE u l-Użbekistan; jenfasizza f'dan ir-rigward, li l-UE għandha tisfrutta bis-sħiħ l-estensjoni tal-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) sabiex tiżgura li l-awtoritajiet Użbeki jkunu impenjati fi proċess ta' tranżizzjoni, wara l-mewt għal għarrieda tal-president, li jwassal għal governanza aħjar, tisħiħ tal-istat tad-dritt, riformi demokratiċi u titjib sostanzjali fis-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem; |
20. |
Itenni l-impenn tal-Unjoni li tkompli u tapprofondixxi r-relazzjonijiet mal-Użbekistan, u li dan jirrikjedi rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt; jistieden lill-Gvern tal-Użbekistan joħloq aktar spazju għas-soċjetà ċivili indipendenti, jieħu aktar inkunsiderazzjoni t-tħassib tal-NGOs Użbeki u internazzjonali, u jissodisfa l-impenji tiegħu skont il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Konvenzjoni kontra t-Tortura; |
21. |
Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Użbeki jirrispettaw bis-sħiħ l-impenji internazzjonali tagħhom fir-rigward tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem; jilqa' b'sodisfazzjon it-tħabbira ta' proposta għal amnestija fl-okkażjoni tal-24 anniversarju tal-Kostituzzjoni Użbeka; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Użbeki biex f'dan il-ġest jinkludu l-ħelsien mill-ħabs ta' dawk kollha li ntbagħtu l-ħabs fuq akkużi politikament motivati, it-titjib tal-kundizzjonijiet tagħhom fil-kustodja u t-tmiem taċ-ċiklu ta' repressjonijiet, arresti u kundanni; jinkoraġġixxi lill-Gvern tal-Użbekistan jintensifika l-involviment tiegħu fl-istituzzjonijiet internazzjonali, anki bis-saħħa tal-11-il proċedura speċjali stabbiliti mill-Kunsill tan-Nazzjonijiet Uniti tad-Drittijiet tal-Bniedem (UNHRC) (5); |
22. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tiegħu lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri kif ukoll lill-gvern u l-parlament tal-Repubblika tal-Użbekistan. |
(1) ĠU C 168 E, 14.6.2013, p. 195.
(2) Testi adottati, P8_TA(2016)0489.
(3) Rapport tal-Kumitat ta' Esperti dwar l-Applikazzjoni ta' Konvenzjonijiet u Rakkomandazzjonijiet – Applikazzjoni ta' Standards Internazzjonali tax-Xogħol 2016 – RAPPORT III (Taqsima 1A)
(4) Rapport tal-Kumitat ta' Esperti dwar l-Applikazzjoni ta' Konvenzjonijiet u Rakkomandazzjonijiet – Applikazzjoni ta' Standards Internazzjonali tax-Xogħol 2016 – RAPPORT III (Taqsima 1A), p. 218.
(5) Il-11-il proċedura speċjali huma deskritti f'dan l-indirizz http://spinternet.ohchr.org/_Layouts/SpecialProceduresInternet/ViewCountryVisits.aspx?Lang=en&country=UZB. Għal ħarsa ġenerali tal-proċeduri speċjali tal-UNHRC, ikkonsulta l-indirizz http://www.ohchr.org/en/HRBodies/SP/Pages/Welcomepage.aspx.