EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016IP0292

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ġunju 2016 dwar ir-Rapport dwar il-progress fl-enerġija rinnovabbli (2016/2041(INI))

ĠU C 91, 9.3.2018, p. 16–27 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

9.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 91/16


P8_TA(2016)0292

Rapport ta' progress dwar l-enerġija rinnovabbli

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ġunju 2016 dwar ir-Rapport dwar il-progress fl-enerġija rinnovabbli (2016/2041(INI))

(2018/C 091/03)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari t-Titolu XX dwar l-ambjent u t-Titolu XXI dwar l-enerġija,

wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari t-Titolu IX dwar l-impjiegi u t-Titolu XVIII dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali,

wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Protokoll (Nru 26) dwar is-servizzi ta' interess ġenerali u l-Protokoll (Nru 28) dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni bit-titolu “Rapport dwar il-progress fl-enerġija rinnovabbli” (COM(2015)0293) u l-pjanijiet nazzjonali,

wara li kkunsidra l-21 Konferenza tal-Partijiet (COP 21) għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) u l-11-il Konferenza tal-Partijiet li serviet bħala l-Laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll ta' Kjoto (CMP 11) li saret f'Pariġi, Franza, mit-30 sal-11 ta' Diċembru 2015, kif ukoll il-Ftehim ta' Pariġi,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Lejn Pjan tat-Teknoloġija Enerġetika Strateġika (SET) Integrat: l-Aċċelerazzjoni tat-Trasformazzjoni tas-Sistema tal-Enerġija Ewropea” (C(2015)6317),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Strateġija tal-UE dwar it-Tisħin u t-Tkessiħ” (COM(2016)0051),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Pjan direzzjonali għal ekonomija kompetittiva b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju fl-2050” COM(2011)0112),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-23 u l-24 ta' Ottubru 2014,

wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE (1),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1290/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi r-regoli għal parteċipazzjoni u disseminazzjoni f'“Orizzont 2020 – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020)” u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1906/2006 (2),

wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2015/1513 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Settembru 2015 li temenda d-Direttiva 98/70/KE dwar il-kwalità tal-karburanti tal-petrol u tad-diżil u li temenda d-Direttiva 2009/28/KE dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (3),

wara li kkunsidra l-istudju tal-KESE dwar ir-rwol tas-soċjetà ċivili fl-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-UE dwar l-enerġija rinnovabbli bit-titolu “Inbiddlu l-futur tal-enerġija: is-soċjetà ċivili bħala attur ewlieni fil-ġenerazzjoni tal-enerġija”,

wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni għall-Enerġija Sostenibbli tal-Patt tas-Sindki għall-Klima u l-Enerġija,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Aarhus tal-25 ta' Ġunju 1998 dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta' Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Frar 2014 dwar qafas għall-politika tal-klima u tal-enerġija fl-2030 (4),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Ottubru 2015 dwar “Lejn ftehim internazzjonali ġdid dwar il-klima f'Pariġi” (5),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Diċembru 2015 dwar il-ksib tal-mira ta' 10 % għall-interkonnessjoni elettrika – Inlestu l-grilja elettrika tal-Ewropa għall-2020 (6),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Diċembru 2015 bit-titolu “Lejn Unjoni Ewropea tal-Enerġija” (7),

wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (A8-0196/2016),

A.

billi l-UE kollha kemm hi qiegħda fit-triq it-tajba biex tilħaq il-miri tal-2020 f'dak li għandu x'jaqsam mal-enerġija rinnovabbli iżda xi Stati Membri jeħtieġ jintensifikaw l-azzjoni;

B.

billi l-ispejjeż tal-enerġija rinnovabbli naqsu b'mod sinifikanti f'dawn l-aħħar snin, u dan, flimkien ma' avvanzi teknoloġiċi fil-produzzjoni u l-ħżin, għamel lill-enerġija rinnovabbli dejjem aktar kompetittiva fil-konfront tal-ġenerazzjoni konvenzjonali, u dan joffri opportunità unika biex tinħoloq politika Ewropea ġenwina dwar l-enerġija li tkabbar il-kompetittività u tnaqqas l-emissjonijiet ta' gassijiet serra; billi t-tranżizzjoni lejn sistema ta' enerġija sostenibbli u li tħares lejn il-ġejjieni jeħtieġ tinkludi sforzi fir-rigward tal-effiċjenza enerġetika, l-enerġija rinnovabbli, l-aħjar użu mir-riżorsi tal-enerġija tal-Ewropa, l-iżvilupp teknoloġiku u l-infrastruttura intelliġenti; billi, biex jinħolqu t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi u jiġi żgurat ir-rwol suprem tal-UE f'dawn l-oqsma, hemm bżonn qafas regolatorju stabbli fit-tul;

C.

billi, skont l-Artikolu 194 tat-TFUE, il-politika Ewropea dwar l-enerġija jeħtieġ tiżgura l-funzjonament tas-suq tal-enerġija u s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, kif ukoll il-promozzjoni tal-effiċjenza u l-iffrankar tal-enerġija, l-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli u l-interkonnessjoni tan-netwerks tal-enerġija; billi miri vinkolanti nazzjonali u tal-UE, obbligi ta' ppjanar u rappurtar konkreti u miżuri ta' awtorizzazzjoni kienu l-muturi ewlenin taċ-ċertezza tal-investiment u l-espansjoni tal-kapaċità tal-enerġija rinnovabbli fl-UE, kif ukoll tal-infrastruttura għat-trażmissjoni u d-distribuzzjoni;

D.

billi, f'konformità mal-Ftehim ta' Pariġi tal-COP 21, id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli hemm bżonn tiġi adattata biex tkun konformi mal-għan maqbul li ż-żieda fit-temperatura globali tinżamm fil-livell ta' 1.5 oC ogħla mil-livelli preindustrijali; billi ekonomija bbażata 100 % fuq sorsi rinnovabbli nistgħu naslu għaliha biss billi nnaqqsu l-konsum tal-enerġija tagħna, inżidu l-effiċjenza enerġetika u nagħtu spinta lir-riżorsi ta' enerġija rinnovabbli;

E.

billi politiki ambizzjużi għall-enerġija rinnovabbli, flimkien mal-effiċjenza enerġetika, huma mutur ewlieni fit-tnaqqis tad-dipendenza tal-UE fuq l-importazzjonijiet u n-nefqa globali tal-enerġija esterna tagħha u t-titjib tas-sigurtà tal-enerġija fir-rigward tal-fornituri esterni; billi l-UE timporta aktar minn nofs l-enerġija kollha li tikkonsma, bi spiża ta' aktar minn EUR 1 biljun kuljum, li jammonta għal aktar minn 20 % tal-importazzjonijiet kollha; billi d-dipendenza fuq l-importazzjonijiet hija partikolarment għolja fil-każ taż-żejt mhux raffinat, il-gass naturali u l-faħam; billi l-ispejjeż iffrankati fuq il-fjuwil importat minħabba ż-żieda fl-użu tal-enerġija rinnovabbli jammontaw għal mill-inqas EUR 30 biljun fis-sena;

F.

billi l-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli jista' jgħin biex jiġu żgurati s-sigurtà u s-sovranità tal-enerġija, jiġi eliminat il-faqar enerġetiku u jitrawmu l-iżvilupp ekonomiku u s-supremazija teknoloġika tal-UE, filwaqt li jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima; billi s-sorsi ta' enerġija rinnovabbli jikkontribwixxu biex iċ-ċittadini Ewropej jingħataw enerġija stabbli, sostenibbli u bi prezz raġonevoli, b'enfasi speċjali fuq dawk l-aktar vulnerabbli; billi s-sorsi ta' enerġija rinnovabbli għandhom jippermettu liċ-ċittadini jibbenefikaw mill-awtoġenerazzjoni u minn provvista ta' enerġija prevedibbli;

G.

billi l-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli għandu jikkoinċidi mal-iżvilupp ta' suq intern tal-elettriku li jiffunzjona tajjeb; billi l-Unjoni tal-Enerġija għandha tkun ibbażata fuq tranżizzjoni lejn sistema tal-enerġija sostenibbli u li tħares 'il quddiem, fejn il-pilastri ewlenin ikunu l-effiċjenza u l-iffrankar tal-enerġija, l-enerġija rinnovabbli u l-infrastruttura intelliġenti;

H.

billi l-kumpaniji tal-UE fis-settur tal-enerġija rinnovabbli, li ħafna minnhom huma SMEs, jimpjegaw 1,15 miljun ruħ fl-Ewropa u għandhom sehem ta' 40 % tal-privattivi tad-dinja kollha għat-teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli, u dan ipoġġi lill-UE fuq quddiem fix-xena internazzjonali; billi, skont il-Kummissjoni, bejn issa u l-2020 jistgħu jinħolqu 20 miljun impjieg fl-ekonomija ekoloġika, li hija wkoll opportunità kbira għall-ħolqien tal-impjiegi f'żoni rurali; billi l-proġetti tal-SMEs, tal-kooperattivi u tal-individwi għandhom rwol importanti fl-innovazzjoni u l-iżvilupp tas-settur tal-enerġija rinnovabbli;

I.

billi l-Kummissjoni hija impenjata biex l-Ewropa ssir l-aqwa fid-dinja fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli, li huwa kruċjali għall-politika industrijali; billi ċ-Ċina saret l-aktar pajjiż li jinvesti fl-enerġija rinnovabbli fid-dinja, filwaqt li l-investiment fl-Ewropa naqas b'21 %, minn EUR 54,61 biljun (USD 62 biljun) fl-2014 għal EUR 42,99 biljun (USD 48,8 biljun) fl-2015, l-aktar ċifra baxxa f'disa' snin;

J.

billi l-investiment kontinwu fis-sorsi rinnovabbli jeħtieġ kemm tmexxija u impenn pubbliċi u privati ambizzjużi kif ukoll qafas ta' politika affidabbli li jkun konsistenti mal-impenji tal-UE fil-qasam tat-tibdil fil-klima u li jirriżultaw mill-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Klima, li għandu potenzjal kbir f'dak li għandu x'jaqsam mal-ħolqien tal-impjiegi u t-tkabbir fl-Ewropa;

K.

billi objettivi ambizzjużi u realistiċi – parteċipazzjoni pubblika, monitoraġġ u superviżjoni, regoli politiċi ċari u sempliċi u appoġġ fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropew u l-involviment tal-partijiet interessati rilevanti kollha, inklużi s-sħab soċjali (li jġib flimkien ir-rappreżentanti tal-ħaddiema u l-industrija) u organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili – huma ta' importanza fundamentali, u jeħtieġ jissaħħu aktar biex l-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli jkun suċċess;

L.

billi r-rispett għad-drittijiet ta' sjieda huwa importanti fil-promozzjoni tal-enerġija rinnovabbli;

M.

billi l-enerġija rinnovabbli toffri opportunità għal demokrazija enerġetika akbar fis-swieq tal-enerġija billi tagħti s-setgħa lill-konsumaturi jipparteċipaw b'mod attiv u fuq bażi ugwali mal-partijiet interessati l-oħra fis-suq tal-enerġija, biex huma nfushom jiġġeneraw, jaħżnu u jbigħu l-enerġija rinnovabbli li jkunu pproduċew huma stess, individwalment jew f'ġestjoni kollettiva, kif ukoll permezz ta' investiment pubbliku u privat, inklużi forom deċentralizzati ta' produzzjoni tal-enerġija mnedija mill-awtoritajiet pubbliċi lokali, reġjonali u tal-bliet; billi l-proġetti tal-enerġija rinnovabbli għandhom jippermettu kontroll akbar miċ-ċittadini fuq il-konsum tal-enerġija tagħhom u t-tranżizzjoni tal-enerġija u jippromwovu l-parteċipazzjoni diretta tagħhom fis-sistema tal-enerġija, inkluż permezz ta' skemi ta' investiment;

N.

billi r-riħ lil hinn mill-kosta fir-reġjun tal-Baħar tat-Tramuntana għandu l-potenzjal li, sal-2030, jiġġenera aktar minn 8 % tal-provvista tal-enerġija tal-Ewropa;

O.

billi ċerti Stati Membri huma aktar esposti għal fornitur wieħed ta' fjuwils fossili; billi, minħabba l-enerġiji rinnovabbli, ġew iffrankati EUR 30 biljun fi fjuwils fossili impurtati, u l-konsum ta' gass naturali tnaqqas b'7 %, u b'hekk issaħħew l-indipendenza u s-sigurtà tal-enerġija tal-Ewropa, li għadha l-akbar importatur ta' enerġija fid-dinja;

Progress f'dak li għandu x'jaqsam mas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli

1.

Jilqa' l-impenji tal-Kummissjoni fir-rigward tal-enerġija rinnovabbli; iqis, b'rabta mad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli, li t-taħlita attwali ta' miri nazzjonali vinkolanti, Pjanijiet Nazzjonali tal-Enerġija Rinnovabbli u monitoraġġ biennali kienet mutur ewlieni għall-iżvilupp tal-kapaċità tal-enerġija rinnovabbli fl-UE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli għall-2020 u tressaq qafas leġiżlattiv ambizzjuż għal wara l-2020; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li hemm bżonn qafas regolatorju stabbli fit-tul, inklużi miri tal-enerġija rinnovabbli nazzjonali u tal-UE li jkunu konsistenti mal-aktar perkors effiċjenti biex jintlaħqu l-miri tal-Unjoni fit-tul fir-rigward tal-klima (2050);

2.

Jinnota b'sodisfazzjon li l-UE tinsab fit-triq it-tajba biex tilħaq il-mira tagħha għall-2020, iżda jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-għadd kbir ta' pajjiżi (il-Belġju, Franza, il-Lussemburgu, Malta, in-Netherlands, Spanja u r-Renju Unit) li, skont l-estimi għall-2014-2020 tar-Rapport tal-Kummissjoni tal-2015 dwar il-progress fl-enerġija rinnovabbli, jista' jkollhom isaħħu l-politiki u l-għodod tagħhom biex ikun żgurat li jilħqu l-objettivi tagħhom għall-2020, filwaqt li l-kisba tagħhom mhijiex ċerta lanqas fil-każ tal-Ungerija u l-Polonja; jistieden lill-Istati Membri li għadhom lura biex jieħdu miżuri addizzjonali sabiex jerġgħu lura fit-triq it-tajba; jilqa' l-fatt li xi Stati Membri diġà laħqu jew dalwaqt jilħqu l-miri tagħhom għall-2020, ferm qabel iż-żmien, bħalma huma l-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Estonja, il-Kroazja, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, l-Awstrija, ir-Rumanija, il-Finlandja u l-Iżvezja;

3.

Jiddispjaċih li r-Rapport tal-Kummissjoni dwar il-progress fl-enerġija rinnovabbli ma jressaqx rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi biex jaġġustaw il-politiki u l-għodod tagħhom biex jiġi żgurat li jilħqu l-miri tagħhom għall-2020; jenfasizza li l-aċċess għall-kapital huwa ta' importanza ċentrali, iżda qed jiżdied b'mod sinifikanti d-distakk fil-kost tal-kapital fl-UE-28, li qed jirriżulta f'qasma bejn it-Tramuntana-Punent u l-Lvant-Nofsinhar; jinnota li l-eżistenza ta' varjetà ta' politiki differenti għall-promozzjoni tal-enerġija rinnovabbli tirriskja li twessa' aktar id-distakk fil-kompetittività fost il-pajjiżi tal-UE; jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jkun hemm mekkaniżmu finanzjarju tal-UE bil-għan li jitnaqqas ir-riskju għoli tal-kostijiet tal-kapital ta' proġetti tal-enerġija rinnovabbli;

4.

Jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza li jiġu identifikati u skambjati l-aħjar prattiki f'termini ta' politiki nazzjonali għall-enerġija rinnovabbli u li ssir promozzjoni fir-rigward tal-adozzjoni tagħhom fil-qafas ta' mudell Ewropew aktar konverġenti, li jiffavorixxi kooperazzjoni u koordinazzjoni akbar fost l-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni żżomm ir-rwol tagħha fil-monitoraġġ tal-progress u tappoġġja attivament l-iżvilupp tal-enerġiji rinnovabbli; jenfasizza l-importanza li l-enerġiji rinnovabbli jiġu vvalutati fuq il-kompetittività, is-sostenibbiltà, il-kosteffettività u l-kontribut tagħhom għall-objettivi marbuta mat-tibdil fil-klima;

5.

Jirrikonoxxi r-rwol importanti tal-pjanijiet nazzjonali u l-obbligi ta' rappurtar fil-monitoraġġ tal-progress tal-Istati Membri u jemmen li dawn l-obbligi għandhom jinżammu fil-perjodu ta' wara l-2020; jirrikonoxxi li l-għażla tat-taħlita tal-enerġija tal-Istati Membri tibqa' kompetenza nazzjonali fil-kuntest tal-Artikolu 194 tat-TFUE, u kull Stat Membru jippromwovi l-iżvilupp tal-forom ta' enerġija rinnovabbli tiegħu, u għaldaqstant it-taħlitiet tal-enerġija jibqgħu diversifikati ħafna;

6.

Jenfasizza l-importanza ta' proċeduri amministrattivi sempliċi, aċċessibbli, effiċjenti u għall-but ta' kulħadd;

7.

Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi evalwazzjoni tal-impatt tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli fuq l-ispejjeż u l-prezzijiet, speċjalment il-prezzijiet għall-unitajiet domestiċi, fir-rapporti futuri dwar il-progress fl-enerġija rinnovabbli;

8.

Jenfasizza l-importanza ta' proposta leġiżlattiva tal-UE dwar ir-regoli tas-suq tal-enerġija, peress li suq aktar integrat huwa kruċjali għall-iżvilupp tal-enerġiji rinnovabbli, u biex jitnaqqsu l-ispejjeż tal-enerġija għall-familji u l-industrija;

9.

Jenfasizza l-importanza ta' skemi stabbli u kosteffikaċi ta' sostenn għall-enerġija rinnovabbli għall-investiment fit-tul li jibqgħu reattivi u adattabbli fl-immedjat u li jkunu mfassla skont il-bżonnijiet u ċ-ċirkustanzi nazzjonali, u li jippermettu t-tneħħija gradwali tas-sussidji għal teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli maturi; jilqa' l-fatt li għadd ta' teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli malajr qed isiru kost-kompetittivi fil-konfront ta' forom konvenzjonali ta' ġenerazzjoni; jenfasizza li t-tranżizzjoni tal-enerġija tiddependi fuq it-trasparenza, il-konsistenza u l-kontinwità tal-oqfsa ġuridiċi, finanzjarji u regolatorji bil-ħsieb li tissaħħaħ il-fiduċja tal-investituri; jiddeplora l-bidliet retroattivi fi skemi ta' appoġġ rinnovabbli li jbiddlu r-redditu fuq l-investimenti li jkunu diġà saru; jistieden lill-Istati Membri jħabbru kwalunkwe aġġustament għall-iskemi ta' appoġġ rinnovabbli u jikkonsultaw mal-partijiet ikkonċernati minn ħafna qabel; jistieden lill-Kummissjoni tivverifika l-kompatibbiltà tal-iskemi ta' sostenn nazzjonali mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat sabiex jiġi evitat kwalunkwe dewmien bla bżonn fl-implimentazzjoni tagħhom;

10.

Jenfasizza li l-attivitajiet ta' riċerka u żvilupp għandhom rwol essenzjali fl-iżvilupp tal-enerġiji rinnovabbli; ifakkar fil-mira tal-Parlament ta' 85 % tal-finanzjament għal enerġija li ma tkunx ġejja mill-fjuwils fossili fil-qafas tal-kapitolu dwar l-enerġija ta' Orizzont 2020; jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri jkomplu jiffaċilitaw l-użu effikaċi tal-iskemi kollha eżistenti ta' finanzjament u jiżguraw aċċess għall-kapital, b'mod partikolari għall-SMEs, u jappoġġjaw ir-riċerka u l-iżvilupp fl-oqsma tal-enerġija rinnovabbli, il-ħżin tagħha u l-iżvilupp ta' prodotti relatati bil-għan li l-industrija tal-enerġija rinnovabbli tal-UE tkun aktar kompetittiva, u b'hekk jingħata lok għal użu akbar ta' sorsi rinnovabbli u jiġi evitat li d-distakk fil-kompetittività fost il-pajjiżi tal-UE jikber aktar;

11.

Jenfasizza li l-ħżin tal-elettriku jista' jikkontribwixxi biex jipprovdi flessibbiltà lis-sistema tal-elettriku tal-UE u jibbilanċja l-fluttwazzjonijiet li jirriżultaw mill-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli; itenni li d-Direttiva dwar l-Elettriku 2009/72/KE attwali ma ssemmix il-ħżin u jenfasizza li r-reviżjoni li jmiss tad-Direttiva dwar l-Elettriku għandha tqis is-servizzi differenti li l-ħżin tal-enerġija jista' jipprovdi; iqis li jekk tiġi ċċarata l-pożizzjoni tal-ħżin l-operaturi tat-trażmissjoni u tal-grilja jkunu jistgħu jinvestu f'servizzi tal-ħżin tal-enerġija;

12.

Jenfasizza li l-iskemi ta' sostenn fil-livelli kollha għandhom ikunu ffukati fuq it-teknoloġiji li għandhom potenzjal kbir biex inaqqsu l-kostijiet tas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli u/jew iżidu l-użu tas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli fis-suq;

13.

Iqis li l-istrateġija futura dwar ir-R&Ż għandha tiffoka fuq il-faċilitazzjoni tal-iżvilupp ta' grilji intelliġenti u bliet intelliġenti; iqis, barra minn hekk, li l-elettrifikazzjoni tat-trasport, l-iċċarġjar intelliġenti tal-vetturi u t-teknoloġiji tal-elettriku mill-vettura għall-grilja jistgħu jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għat-titjib fl-użu effiċjenti tal-enerġija u fl-utilizzazzjoni potenzjali ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli;

14.

Iqis li l-FEŻR u l-Fond ta' Koeżjoni jistgħu jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-miri previsti fid-Direttiva 2009/28/KE u l-Qafas għall-Klima u l-Enerġija għall-2030, kif ukoll il-finanzjament tar-riċerka u l-innovazzjoni b'rabta mal-ġenerazzjoni ta' enerġija rinnovabbli filwaqt li jingħata appoġġ għall-ħolqien tal-impjiegi u t-tkabbir ekonomiku; jenfasizza l-importanza tal-konċentrazzjoni tematika fil-politika ta' koeżjoni, peress li din għandha tikkontribwixxi biex l-investimenti jiġu diretti lejn ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju, inklużi l-enerġiji rinnovabbli, speċjalment fid-dawl tar-rwol prominenti tal-objettiv tematiku “Appoġġ tal-bidla lejn ekonomija b'livell baxx tal-karbonju fis-setturi kollha”; jistieden lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom u jagħmlu l-aħjar użu mill-opportunitajiet ta' finanzjament eżistenti għal dan il-għan filwaqt li jenfasizzaw l-opportunitajiet għall-iżvilupp u l-ħolqien ta' impjiegi għall-intrapriżi lokali; ifakkar id-dispożizzjonijiet komuni tal-FEŻR u l-Fond ta' Koeżjoni li jappoġġjaw l-eliġibbiltà ta' proġetti relatati mal-effiċjenza fl-enerġija u l-użu ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli fid-djar privati, fil-bini pubbliku u fl-intrapriżi, u jemmen li l-integrazzjoni tas-suq reġjonali tal-enerġija rinnovabbli, li tista' tinkiseb permezz ta' finanzjament bħal dan, tkun tirrappreżenta kontribut importanti tal-politika ta' koeżjoni f'dan ir-rigward;

15.

Jenfasizza l-bżonn ta' aktar kooperazzjoni u koordinazzjoni fi ħdan u bejn l-Istati Membri u r-reġjuni u ta' approċċ integrat lejn l-investiment pubbliku u l-finanzjament f'titjib ta' natura teknika, l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-grilji intelliġenti, l-adattament u l-kapaċità tal-grilja, il-kejl intelliġenti, il-ħżin, il-ġestjoni mil-lat tad-domanda, l-effiċjenza enerġetika u l-produzzjoni innovattiva tal-enerġija rinnovabbli;

16.

Jenfasizza li l-grilji f'ħafna Stati Membri sempliċement ma jistgħux jirċievu l-enerġija ġġenerata minn sorsi rinnovabbli varjabbli; jenfasizza li l-modernizzazzjoni tal-grilji tal-enerġija hija essenzjali biex dawn jakkomodaw bidliet fil-produzzjoni u t-trażmissjoni;

17.

Jitlob b'urġenza sabiex jissaħħu t-trasparenza u l-parteċipazzjoni pubblika, bl-involviment tal-partijiet kollha interessati fi stadju bikri fl-iżvilupp tal-pjanijiet nazzjonali għall-enerġija rinnovabbli; jiddeplora n-nuqqas ta' informazzjoni li hemm bħalissa dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli u jenfasizza l-ħtieġa ta' rapporti biennali aktar dettaljati min-naħa tal-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ ir-rwol tagħha fil-monitoraġġ u l-appoġġ tal-progress fl-enerġiji rinnovabbli; jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb it-trasparenza dwar l-użu tas-setgħa ta' infurzar tagħha;

18.

Jenfasizza l-importanza tal-involviment min-naħa tal-livelli kollha tal-amministrazzjoni, kif ukoll l-assoċjazzjonijiet, fl-implimentazzjoni ta' sistema Ewropea tal-enerġija bbażata kompletament fuq mudell ta' produzzjoni, konsum u awtokonsum ta' enerġija; jistieden lill-Kummissjoni żżid l-appoġġ tagħha għall-Patt tas-Sindki, il-Bliet u l-Komunitajiet Intelliġenti u l-Komunitajiet 100 % RES, li jippermetti l-kondiviżjoni tal-għarfien u tal-aħjar prattika;

19.

Jinnota li kooperazzjoni reġjonali akbar dwar l-enerġija rinnovabbli hija kruċjali biex jiġi żgurat l-iżvilupp ulterjuri tas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli;

20.

Jilqa' l-fatt li fl-2013 l-użu ta' enerġiji rinnovabbli ppermetta li tiġi evitata l-ġenerazzjoni ta' madwar 388 miljun tunnellata gross ta' CO2 u wassal għal tnaqqis ta' 116 Mtoe fid-domanda tal-UE għall-fjuwils fossili;

21.

Jenfasizza l-potenzjal enormi tas-setturi tal-enerġija rinnovabbli għall-ħolqien tal-impjiegi; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-istandards tax-xogħol ma jitbaxxewx b'riżultat tat-tranżizzjoni tal-enerġija, li għandha tkun ibbażata fuq il-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità;

Sorsi ta' enerġija rinnovabbli għall-futur

22.

Jenfasizza li l-miri tar-RES għandhom jiġu ffissati skont il-miri tal-klima maqbula minn 195 pajjiż f'Pariġi, f'Diċembru 2015; jinnota l-proposta tal-Kunsill Ewropew għal mira ta' mill-inqas 27 % ta' enerġija rinnovabbli għall-2030; ifakkar fl-appell tal-Parlament biex jiġu implimentati miri vinkolanti ta' mill-inqas 30 % tal-konsum tal-enerġija rinnovabbli permezz ta' miri nazzjonali sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza meħtieġa mil-lat legali u mil-lat tal-investituri; jemmen li, fid-dawl tal-Ftehim riċenti tal-COP21, tkun rakkomandabbli ambizzjoni ferm ogħla; jinsisti li objettivi ċari u ambizzjużi f'dan ir-rigward jikkostitwixxu għodda li ttejjeb iċ-ċertezza u tiżgura pożizzjoni superjuri għall-UE fil-livell internazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta approċċ aktar ambizzjuż dwar il-klima u l-enerġija għall-2030 li jżid il-mira tal-UE għas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli għal mill-inqas 30 %, li għandha tiġi implimentata permezz ta' miri nazzjonali individwali;

23.

Jenfasizza r-rilevanza tal-leġiżlazzjoni l-ġdida dwar l-enerġija rinnovabbli u d-disinn tas-suq biex jinħoloq qafas ġdid li jkun adatt għall-iżvilupp tal-enerġiji rinnovabbli, abbażi ta' skemi affidabbli ta' sostenn u parteċipazzjoni sħiħa tat-teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli fis-suq;

24.

Jagħraf li t-tnaqqis fit-taxxa huwa inċentiv b'saħħtu biex issir il-bidla mill-enerġija minn fjuwils fossili għall-enerġija rinnovabbli, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tirriforma d-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija u r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, li mhux qed iħallu li dawn l-inċentivi jiġu sfruttati bis-sħiħ;

25.

Jenfasizza li l-miri diġà maqbula għall-2020 jeħtieġ jittieħdu bħala l-linja bażi minima fir-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli, sabiex wara l-2020 l-Istati Membri ma jkunux jistgħux jinżlu taħt il-mira nazzjonali tagħhom għall-2020; jenfasizza li l-mira tal-enerġija rinnovabbli tal-UE għall-2030 tirrikjedi impenn kollettiv; jenfasizza li l-Istati Membri għandhom jiżviluppaw il-pjanijiet nazzjonali tagħhom fil-ħin u li l-Kummissjoni teħtieġ kapaċitajiet ta' sorveljanza msaħħa, inkluż lil hinn mill-2020, mogħnija b'għodda xierqa għal monitoraġġ effikaċi u f'waqtu u l-possibbiltà li tintervjeni f'każ ta' miżuri kontroproduċenti; jemmen li monitoraġġ bħal dan ikun possibbli biss jekk il-Kummissjoni tiddetermina parametri referenzjarji nazzjonali għall-Istati Membri li magħhom ikun jista' jitkejjel il-progress tagħhom fl-użu tal-enerġija rinnovabbli;

26.

Jenfasizza l-potenzjal tal-Ewropa fl-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli u jissottolinja l-importanza ta' kundizzjonijiet favorevoli u għal perjodu twil għall-atturi kollha tas-suq;

27.

Jenfasizza l-kontribut importanti tal-enerġija rinnovabbli fit-tnaqqis globali tal-emissjonijiet tal-karbonju; jenfasizza l-importanza tal-iżvilupp tas-sorsi rinnovabbli sabiex jintlaħqu l-għanijiet miftiehma fil-COP 21;

28.

Jenfasizza li l-Istati Membri għandhom iżidu l-użu ġustifikat ta' dispożizzjonijiet dwar it-trasferimenti tal-istatistika u l-iżvilupp ta' mekkaniżmi ta' kooperazzjoni biex jilħqu l-miri tagħhom, f'konformità mal-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli; jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni fost l-Istati Membri, li tkun ta' benefiċċju għall-ottimizzazzjoni tas-sistemi kif ukoll għal forniment effiċjenti u ffrankar akbar ta' spejjeż fl-enerġija rinnovabbli; jistieden lill-Kummissjoni tagħti lill-Istati Membri aktar inċentivi, informazzjoni, analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji u gwida f'dan ir-rigward;

29.

Jenfasizza l-bżonn li tiġi definita sistema ta' governanza b'saħħitha, robusta u trasparenti biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-mira tal-enerġija rinnovabbli għall-2030 filwaqt li jiġu rispettati l-kompetenzi nazzjonali biex tiġi ddeterminata t-taħlita tal-enerġija, u filwaqt li jingħata lok għal kontroll u skrutinju demokratiku sħaħ tal-politiki tal-enerġija; jappella għal replikazzjoni intensiva tas-sistema attwali ta' suċċess tal-miri nazzjonali vinkolanti, tal-pjanijiet nazzjonali dwar l-enerġija rinnovabbli u tar-rapporti biennali; jemmen li dawn għandhom jiġu integrati fid-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli, li għandha tiżgura monitoraġġ responsabbli, effettiv u trasparenti tal-impenji tal-Istati Membri u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni Ewropea eżistenti, sabiex jinbena l-pedament għal Unjoni tal-Enerġija Ewropea li tiffunzjona tajjeb;

30.

Jirrimarka l-importanza ta' mudelli vinkolanti uniċi għall-pjanijiet nazzjonali dwar l-enerġija u l-klima sabiex tiġi żgurata l-komparabbiltà, it-trasparenza u l-prevedibbiltà għall-investituri; jemmen li t-trajettorji u l-ippjanar tal-politika għal kull Stat Membru jridu jkomplu jiġu mqassma skont is-settur, it-teknoloġija u s-sors;

31.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tikkodifika f'leġiżlazzjoni prinċipju ta' anterjorità għall-impjanti tal-enerġija rinnovabbli sabiex tipprevjeni bidliet retroattivi għall-mekkaniżmi ta' sostenn għall-enerġija rinnovabbli u tiggarantixxi l-vijabbiltà ekonomika tal-assi eżistenti;

32.

jappella għat-tneħħija ta' ostakli burokratiċi bla bżonn u għal investiment li jippermetti li tintlaħaq il-mira ta' 10 % fl-interkonnessjoni elettrika sal-2020; jenfasizza li ż-żieda fil-kooperazzjoni reġjonali tista' tikkontribwixxi biex tiġi żgurata l-ottimizzazzjoni tal-ispejjeż għall-integrazzjoni ta' sorsi rinnovabbli kif ukoll tnaqqas l-ispejjeż għall-konsumaturi; ifakkar l-importanza ta' konsultazzjoni u parteċipazzjoni wiesgħa mill-pubbliku, minn stadju bikri, fl-ippjanar ta' proġetti ġodda ta' infrastruttura enerġetika, filwaqt li jitqiesu l-kundizzjonijiet lokali; ifakkar l-importanza ta' konsulenza teknika u valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali għal proġetti ta' ġenerazzjoni u distribuzzjoni tal-enerġija rinnovabbli;

33.

Jinnota d-diskrepanza bejn il-ħiliet disponibbli u l-bidliet fid-domandi tas-suq tax-xogħol li jirriżultaw mill-iżvilupp ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli; jenfasizza li l-istrateġiji attivi ta' edukazzjoni/taħriġ u ħiliet huma kruċjali fit-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi; jisħaq fuq l-importanza tas-sħab soċjali, kif ukoll tal-awtoritajiet pubbliċi, fl-iżvilupp ta' skemi ta' ħiliet u programmi ta' taħriġ;

34.

Jenfasizza l-ħtieġa ta' finanzjament adegwat fil-livell tal-UE, li għandu jinkiseb fost l-oħrajn billi b'mod komprensiv jitneħħa r-riskju fuq l-investimenti sabiex jiġi inċentivizzat użu wiesa' tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli;

Enerġija taċ-Ċittadini u tal-Komunità

35.

Jemmen li l-awtoritajiet lokali, il-komunitajiet, il-familji u l-individwi għandhom jiffurmaw is-sinsla tat-tranżizzjoni tal-enerġija u għandhom jingħataw appoġġ attiv sabiex jiġu megħjuna jsiru produtturi u fornituri tal-enerġija fuq livell ugwali ma' atturi oħrajn fis-suq tal-enerġija; f'dan il-kuntest jappella għal definizzjoni komprensiva komuni tal-kunċett ta' “prosumatur” fil-livell tal-UE;

36.

Iqis li huwa ta' importanza kbira li jiġi stabbilit dritt bażiku għall-awtoġenerazzjoni u l-awtokonsum kif ukoll id-dritt li wieħed jaħżen u jbigħ l-elettriku żejjed bi prezz ġust;

37.

Ifakkar li l-Istati Membri għandhom, abbażi tal-parteċipazzjoni tal-pubbliku, jiżviluppaw strateġija tal-Enerġija taċ-Ċittadini u tal-Komunità u jiddeskrivu fil-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali tagħhom kif se jippromwovu proġetti tal-enerġija rinnovabbli u kooperattivi tal-enerġija żgħar u ta' daqs medju u kif se jiffatturizzawhom fil-qafas leġiżlattiv, il-politiki ta' sostenn u l-aċċessibbiltà tas-suq tagħhom;

38.

Jappella għall-introduzzjoni ta' kapitolu ġdid għall-Enerġija taċ-Ċittadini u tal-Komunità fil-qafas tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli riveduta biex jiġu indirizzati l-ostakli prinċipali tas-suq u dawk amministrattivi u jinħoloq ambjent ta' investiment li jista' jwassal aktar għall-awtoġenerazzjoni u l-awtokonsum ta' enerġija rinnovabbli;

39.

Jinnota li għad m'hemmx fis-seħħ proċeduri amministrattivi u ta' liċenzjar xierqa għat-teknoloġiji kollha fil-pajjiżi kollha; jitlob lill-Istati Membri jneħħu l-ostakli amministrattivi u tas-suq għal kapaċità ġdida ta' awtoġenerazzjoni, jissostitwixxu l-proċeduri twal ta' awtorizzazzjoni b'rekwiżit ta' notifika sempliċi u jistabbilixxu punti uniċi ta' servizz effiċjenti għall-permessi ta' proġetti, aċċess għall-grilja u appoġġ b'kompetenza finanzjarja u teknika, kif ukoll jiggarantixxu l-aċċess tal-prosumaturi għal mekkaniżmi ta' soluzzjoni alternattiva tat-tilwim; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura implimentazzjoni u kontinwità sħaħ – lil hinn mill-2020 – tal-Artikolu 13 (proċeduri amministrattivi) u 16 (aċċess għall-grilji u t-tħaddim tagħhom) tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli attwali;

40.

Jenfasizza l-importanza li jiġu kkunsidrati d-differenzi bejn il-produtturi mikro, żgħar u kbar; jinnota l-ħtieġa li jiġu żviluppati kundizzjonijiet u għodod adatti għall-“prosumaturi” (konsumaturi tal-enerġija attivi, bħall-unitajiet domestiċi, kemm is-sidien kif ukoll il-kerrejja, istituzzjonijiet u negozji żgħar involuti fil-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli jew waħedhom jew kollettivament permezz ta' kooperattivi, intrapriżi soċjali oħra jew aggregazzjonijiet) biex jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni enerġetika u jiffaċilitaw l-integrazzjoni tagħhom fis-suq tal-enerġija; jirrakkomanda li jitnaqqsu għal minimu assolut l-ostakli amministrattivi għal kapaċità ġdida ta' awtoġenerazzjoni, b'mod partikolari billi jitneħħew ir-restrizzjonijiet fuq l-aċċess għas-swieq u għall-grilji; jissuġġerixxi t-tqassir u s-simplifikazzjoni tal-proċeduri ta' awtorizzazzjoni billi jibda jintalab sempliċi rekwiżit ta' notifika; jissuġġerixxi li r-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli tista' tinkludi dispożizzjonijiet speċifiċi biex jitneħħew l-ostakli u jiġu promossi skemi ta' enerġija tal-komunitajiet/kooperattivi permezz ta' “one-stop shops” li jiittrattaw il-permessi tal-proġetti u jipprovdu l-għarfien espert finanzjarju u tekniku; iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħmlu użu mill-eżenzjonijiet de minimis previsti mil-Linji Gwida Ewropej dwar l-Għajnuna mill-Istat għall-Enerġija u l-Ambjent, sabiex il-proġetti żgħar u ta' daqs medju jkomplu jibbenefikaw minn tariffi feed-in dinamiċi, filwaqt li jiġu eżentati minn proċessi ta' rkantar kumplessi;

41.

Jenfasizza l-importanza tal-parteċipazzjoni tal-pubbliku minn stadju bikri biex tingħata spinta lil proġetti ta' enerġija rinnovabbli li jirrispettaw l-ambjent, filwaqt li jitqiesu l-kundizzjonijiet lokali;

42.

Jenfasizza l-ħtieġa li, permezz ta' regolamentazzjoni adegwata tas-suq, jinstab bilanċ bejn l-iżvilupp ta' produzzjoni tal-enerġija ċentralizzata u deċentralizzata sabiex jiġi żgurat li ma ssirx diskriminazzjoni fil-konfront tal-konsumaturi li m'għandhomx il-possibbiltà jsiru “prosumaturi”; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu pprovduti faċilitajiet tekniċi u amministrattivi għall-ġestjoni kollettiva tal-produzzjoni tal-enerġija; jenfasizza li l-awtoġenerazzjoni u s-sorsi rinnovabbli mhumiex il-kawża ewlenija tal-ispejjeż tal-enerġija Ewropej ogħla;

43.

Jenfasizza li żieda fl-enfasi fuq l-implimentazzjoni tal-effiċjenza enerġetika fis-setturi kollha tassisti lill-UE biex tagħti spinta lill-kompetittività tagħha u tiżviluppa soluzzjonijiet innovattivi u kosteffikaċi għall-iffrankar tal-enerġija;

44.

Jenfasizza l-benefiċċji ambjentali, ekonomiċi u soċjali ta' approċċ integrat għall-enerġija u l-bżonn li jiġu promossi s-sinerġiji fis-setturi tal-elettriku, tat-tisħin u t-tkessiħ u dawk tat-trasport, kif ukoll bejniethom; jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, tivvaluta kif sorsi flessibbli tal-enerġija rinnovabbli jistgħu jikkomplementaw sorsi tal-enerġija varjabbli u kif dan għandu jkun ikkunsidrat fl-ippjanar tal-enerġija kif ukoll fit-tfassil ta' skemi ta' sostenn;

Elettriku

45.

Jenfasizza li l-produzzjoni tal-elettriku mill-enerġija rinnovabbli għandha tiġi integrata fis-sistemi ta' distribuzzjoni tal-elettriku fil-livelli kollha, kif ukoll fis-sistemi ta' trażmissjoni tal-elettriku, meta wieħed iqis il-bidliet favur mudell aktar flessibbli u deċentralizzat għal produzzjoni tal-enerġija li tieħu inkunsiderazzjoni s-suq;

46.

Jinnota li forom mhux varjabbli ta' produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli, pereżempju l-enerġija idroelettrika, li jistgħu jiġu mobilizzati malajr u li huma ambjentalment responsabbli, joffru mezz kif jappoġġjaw l-integrazzjoni ta' sorsi varjabbli fis-suq;

47.

Jappella għal approċċ integrat għall-politika tal-enerġija li jinkludi l-iżvilupp u r-regolamentazzjoni tal-grilji, il-ġestjoni tad-domanda u t-titjib fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, kif ukoll iż-żieda fis-sehem ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi evitat lock-in f'teknoloġiji li mhumiex kompatibbli mad-dekarbonizzazzjoni;

48.

Jinnota li l-integrazzjoni fis-suq tal-ġenerazzjoni ta' elettriku rinnovabbli teħtieġ swieq flessibbli, kemm fuq in-naħa tal-provvista kif ukoll fuq in-naħa tad-domanda, u li dan se jeħtieġ il-bini, il-modernizzazzjoni u l-adattament tal-grilji u l-iżvilupp ta' teknoloġiji ġodda ta' ħżin;

49.

Jenfasizza li l-elettrifikazzjoni tas-sistemi tat-tisħin u t-tkessiħ, kif ukoll tat-trasport u ta' setturi oħra, hija kruċjali sabiex jiġi żgurat li jkun hemm tranżizzjoni rapida u effiċjenti għal sorsi tal-enerġija rinnovabbli;

50.

Jenfasizza li sakemm is-sistema tal-elettriku tibqa' inflessibbli, l-aċċess u r-rilaxx prijoritarji għall-enerġiji rinnovabbli huma meħtieġa għall-promozzjoni tat-titjib tal-grilja u sabiex jitrawwem l-użu tal-ħżin u tar-rispons għad-domanda; jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti għat-tisħiħ u l-kjarifika tar-regoli dwar l-aċċess u r-rilaxx prijoritarji għall-enerġija rinnovabbli għall-perjodu ta' wara l-2020; jenfasizza li l-possibbiltà ta' tneħħija gradwali tal-aċċess u r-rilaxx prijoritarji għandha tiġi evalwata fl-okkażjoni tar-reviżjoni ta' nofs it-terminu tad-Direttiva RES futura, li mistennija ssir sal-2024;

51.

Jenfasizza li l-aċċess ta' prijorità għall-grilja u r-rilaxx prijoritarju għall-enerġija rinnovabbli fid-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli attwali għandhom jinżammu u jissaħħew; jappella għal qafas regolatorju għal wara l-2020 li jiżgura kumpens xieraq għat-tnaqqis tal-elettriku rinnovabbli;

52.

Jinnota l-istrateġija tal-Kummissjoni biex jiżdiedu l-mekkaniżmi ta' rispons għad-domanda; jenfasizza li dan m'għandux joħloq piż addizzjonali jew iżid l-ispejjeż tal-enerġija għall-konsumaturi; jenfasizza li l-mekkaniżmi ta' rispons għad-domanda jistgħu jipprovdu opportunità għal tnaqqis fl-ispejjeż tal-enerġija, filwaqt li jenfasizza li l-parteċipazzjoni f'mekkaniżmi ta' rispons għad-domanda jew ta' pprezzar dinamiku għandhom dejjem jibqgħu strettament fuq bażi ta' inklużjoni fakultattiva biss;

53.

Jemmen li l-iżvilupp ta' soluzzjonijiet għall-ħżin tal-elettriku se jkun element indispensabbli għall-iżvilupp u l-integrazzjoni ta' livelli għolja ta' enerġija rinnovabbli, li jgħin fl-ibbilanċjar tal-grilja u jipprovdi mezz għall-ħżin tal-eċċess tal-enerġija rinnovabbli ġġenerata; jappella għal reviżjoni tal-qafas regolatorju eżistenti sabiex jitrawwem l-użu ta' sistemi tal-ħżin tal-enerġija u jitneħħew l-ostakli eżistenti;

54.

Jenfasizza li l-kwistjoni tal-konġestjonijiet tal-elettriku qed tkompli xxekkel il-fluss ħieles tal-enerġija rinnovabbli milli jaqsam il-fruntieri tal-Istati Membri u qed tkarkar il-progress fir-rigward tal-ħolqien ta' Suq tal-Enerġija Intern reali fl-Unjoni Ewropea;

55.

Jenfasizza li l-konsumaturi għandhom jingħataw is-setgħa u l-inċentivi xierqa biex jipparteċipaw fis-swieq tal-enerġija; jinnota li għandhom jitfasslu prezzijiet dinamiċi u orjentati lejn is-suq, biex jiġġeneraw rispons xieraq għad-domanda mill-konsumaturi u jattivaw il-produzzjoni neċessarja, kif ukoll jiffaċilitaw il-konsum intelliġenti u effiċjenti; jirrakkomanda li l-Kummissjoni tanalizza aktar l-impatt tagħhom fuq id-diversi gruppi ta' konsumaturi;

56.

Jenfasizza li ċerti konsumaturi għandhom xejriet riġidi ta' konsum u jistgħu jintlaqtu b'mod negattiv minn mekkaniżmi ta' effiċjenza msaħħa bbażati fuq il-prezzijiet; jenfasizza l-importanza, f'dan ir-rigward, li l-Istati Membri jkollhom politiki ta' effiċjenza enerġetika li jkunu ffukati fuq il-konsumaturi f'sitwazzjoni ta' vulnerabbiltà;

57.

Iqis li għandu jkun hemm qafas regolatorju tal-UE ċar għall-awtokonsum ta' enerġija rinnovabbli u għal komunitajiet/kooperattivi tal-enerġija rinnovabbli li jqis il-benefiċċji kollha meta jkunu qed jitfasslu l-mekkaniżmi tal-ħlas għall-bejgħ tal-produzzjoni żejda, l-aċċess u l-użu tal-grilja; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu l-awtoproduzzjoni tal-enerġija u l-implimentazzjoni u l-interkonnessjoni tal-grilji lokali tal-enerġija rinnovabbli, biex dawn jikkumplimentaw il-politiki nazzjonali tagħhom dwar l-enerġija; jenfasizza l-fatt li l-“prosumaturi” għandhom jingħataw aċċess għall-grilja tal-enerġija u għas-suq bi prezz ġust u m'għandhomx jiġu penalizzati b'taxxi jew ħlasijiet addizzjonali; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-inizjattivi li ħadu xi Stati Membri biex joħolqu ostakli għall-eżerċizzju tad-drittijiet għall-awtokonsum u l-awtoproduzzjoni;

58.

Jinnota li l-konsumaturi attwalment ftit li xejn jikkontribwixxu għall-bini maħsub ta' kapaċitajiet ġodda għall-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli meta jagħżlu t-tariffi tal-elettriku li huma kkummerċjalizzati b'taħlita ta' fjuwil li turi użu 100 % ta' sorsi tal-enerġija rinnovabbli; jappella għal mekkaniżmu ta' traċċar preċiż, affidabbli u trasparenti sabiex dikjarazzjonijiet “ħodor” ikunu marbuta ma' kriterji li jistgħu jitkejlu rigward benefiċċji ambjentali addizzjonali;

59.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħmlu użu aħjar mit-tisħin u t-tkessiħ ta' oriġini ġeotermika;

Tisħin u tkessiħ

60.

Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-istrateġija għat-tisħin u t-tkessiħ ta' Frar 2016, iżda jenfasizza n-nuqqas ta' progress u l-miri baxxi stabbiliti għall-użu ta' sorsi rinnovabbli fit-tisħin u t-tkessiħ, b'mod partikolari fil-bini; jenfasizza l-potenzjal kbir għal progress kontinwu fl-użu ta' sorsi tal-enerġija rinnovabbli fit-tisħin u t-tkessiħ; jinnota li s-settur tat-tisħin u t-tkessiħ jirrappreżenta nofs il-konsum tal-enerġija finali tal-UE u għalhekk għandu rwol ewlieni fil-kisba tal-objettivi tal-UE dwar il-klima u r-riżorsi tal-enerġija rinnovabbli; jirrikonoxxi l-benefiċċji taż-żieda fl-enerġija rinnovabbli fis-settur tat-tisħin u t-tkessiħ; jenfasizza ż-żieda fil-flessibbiltà tal-infrastruttura u l-ħżin termali biex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni ta' sorsi rinnovabbli varjabbli billi l-enerġija tinħażen fil-forma ta' sħana, li joffri prospetti eċċellenti dwar l-investiment u jipprovdi opportunitajiet għat-titjib tal-kwalità tal-impjiegi lokali; jistieden lill-Kummissjoni tindirizza l-lakuni regolatorji fil-pakkett leġiżlattiv dwar l-enerġija rinnovabbli għal wara l-2020; itenni li l-isforzi fis-settur tat-tisħin u t-tkessiħ għandhom potenzjal kbir għal żieda fis-sigurtà tal-enerġija (peress li 61 % tal-gass importat fl-Unjoni Ewropea jintuża fil-bini, l-aktar għal skopijiet ta' tisħin), pereżempju permezz tal-iżvilupp ta' netwerks distrettwali ta' tisħin/tkessiħ, li jikkostitwixxu mezz effiċjenti għall-integrazzjoni tas-sħana sostenibbli fil-bliet fuq skala kbira, għaliex jistgħu simultanjament jagħtu s-sħana miksuba minn firxa ta' sorsi u ma jiddependux intrinsikament fuq xi sors wieħed;

61.

Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-istrateġija tat-tisħin u t-tkessiħ, li tenfasizza l-ħtieġa tat-tneħħija gradwali tal-fjuwils fossili, li għadhom jirrappreżentaw 75 % tal-fjuwil użat fis-settur, u li dawn jiġu sostitwiti kompletament b'miżuri għall-effiċjenza fl-enerġija, li huwa l-akbar ċans tagħna li nnaqqsu l-użu ta' fjuwils fossili, u b'sorsi ta' enerġija rinnovabbli;

62.

Jitlob li jkun hemm aktar miżuri biex jiġi sfruttat il-potenzjal sinifikanti li fadal tal-enerġija rinnovabbli fis-setturi tat-tisħin u t-tkessiħ sabiex jinkisbu bis-sħiħ l-għanijiet tal-2020; jistieden lill-Kummissjoni tindirizza l-lakuni regolatorji f'dawk is-setturi fil-pakkett leġiżlattiv dwar l-enerġija rinnovabbli għal wara l-2020;

63.

Jinnota li l-bijomassa hija l-aktar enerġija rinnovabbli użata għat-tisħin llum, u tirrappreżenta madwar 90 % tat-tisħin b'enerġija rinnovabbli; din għandha rwol importanti fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, b'mod partikolari fit-tisħiħ tas-sigurtà tal-enerġija b'mod sostenibbli;

64.

Jenfasizza l-bżonn li tiġi ffaċilitata tranżizzjoni lejn apparat għat-tisħin li jaħdem b'mod effiċjenti b'enerġija rinnovabbli, filwaqt li jiġi żgurat appoġġ adegwat u informazzjoni u assistenza aħjar għaċ-ċittadini li qegħdin f'sitwazzjoni ta' faqar enerġetiku;

65.

Jenfasizza l-ħtieġa ta' definizzjoni komprensiva u effikaċi ta' tkessiħ b'enerġija rinnovabbli;

66.

Jenfasizza l-ħtieġa li tiġġedded u tittejjeb il-prestazzjoni tas-sistemi tat-tisħin u t-tkessiħ distrettwali, billi n-netwerks tat-tisħin u t-tkessiħ distrettwali jistgħu jużaw u jaħżnu l-elettriku mill-enerġija minn sorsi rinnovabbli u mbagħad jgħadduh lill-binjiet u lis-siti industrijali, li jsaħħaħ il-livell tat-tisħin u t-tkessiħ rinnovabbli;

67.

Jenfasizza l-potenzjal tal-gruppi ta' prosumaturi, inklużi unitajiet domestiċi, negozji mikro u żgħar, kooperattivi u awtoritajiet lokali, sabiex jiġu stabbiliti sistemi kollettivi ta' enerġija – pereżempju tisħin distrettwali – li jipprovdu tisħin u tkessiħ b'enerġija rinnovabbli kosteffiċjenti kif ukoll il-ħafna sinerġiji bejn l-effiċjenza enerġetika u l-enerġija rinnovabbli;

68.

Iqis li s-sinerġiji bejn id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli, id-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika u d-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija għandhom jissaħħew sabiex jiżdied l-użu tal-enerġija rinnovabbli fit-tisħin u t-tkessiħ;

69.

Jinnota li l-proġetti ta' effiċjenza enerġetika relatati kemm mat-tisħin kif ukoll mat-tkessiħ huma għodod importanti sabiex jiġu żgurati xejriet ta' konsum tal-enerġija stabbli u prevedibbli u jiġi miġġieled il-faqar enerġetiku;

Trasport

70.

Jinnota li l-mira ta' 10 % ta' sorsi rinnovabbli sal-2020 fis-settur tat-trasport għadha lura b'mod sinifikanti, parzjalment minħabba l-isfidi għal strateġija tal-enerġija rinnovabbli għat-trasport ibbażata fuq il-bijofjuwils; ifakkar li t-trasport huwa l-uniku settur fl-UE fejn l-emissjonijiet tal-gassijiet serra żdiedu mill-1990 'l hawn; jirrimarka li l-enerġiji rinnovabbli huma kruċjali għal mobbiltà sostenibbli; jistieden lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom biex jużaw miżuri sostenibbli għas-settur tat-trasport bħat-tnaqqis fid-domanda, bidla modali lejn modi aktar sostenibbli, effiċjenza aħjar u l-elettrifikazzjoni tas-settur tat-trasport; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa qafas għall-promozzjoni tal-użu ta' vetturi tal-elettriku fornuti minn enerġija rinnovabbli u ttejjeb il-qafas leġiżlattiv sabiex toffri prospetti għal bijokarburanti b'effiċjenza għolja fil-gassijiet serra, filwaqt li tqis it-tibdil indirett fl-użu tal-art (ILUC) għall-perjodu ta' wara l-2020;

71.

Jappella sabiex l-użu parzjali tal-PAK jinżamm u jitkabbar sabiex jiġi appoġġjat l-investiment fil-produzzjoni u l-użu ta' enerġija rinnovabbli fis-settur agrikolu;

72.

Jistma li t-trasport jirrappreżenta aktar minn 30 % tal-konsum finali tal-enerġija fl-Ewropa u li 94 % tat-trasport jiddependi fuq il-prodotti taż-żejt; iqis, għalhekk, li sforz lejn użu akbar tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli fis-settur tat-trasport jeħtieġ ikun ambizzjuż, b'rabta ċara mad-dekarbonizzazzjoni tas-settur tat-trasport;

73.

Jitlob lill-Kummissjoni tipproponi miżuri ambizzjużi biex taċċelera d-dekarbonizzazzjoni tat-trasport, inkluż permezz ta' fjuwils rinnovabbli, aktar elettrifikazzjoni kif ukoll effiċjenza msaħħa, u żżid l-isforzi biex tippromwovi l-iżvilupp tat-teknoloġija u l-innovazzjoni f'dawn l-oqsma;

74.

Jinnota l-importanza tal-elettrifikazzjoni tas-settur tat-trasport għad-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija u jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa qafas għall-promozzjoni tal-użu tal-vetturi elettriċi fornuti b'elettriku rinnovabbli, bħala punt importanti biex jintlaħqu l-miri tal-2030;

75.

Jistenna l-istrateġija tal-Kummissjoni Ewropea f'Ġunju 2016 għad-dekarbonizzazzjoni tas-settur tat-trasport u jenfasizza, f'dan il-kuntest, li għandu jiġi promoss użu akbar tal-enerġiji rinnovabbli sabiex jiġi żgurat li t-trasport jikkontribwixxi b'mod attiv biex jintlaħqu l-miri tal-2020;

76.

Jilqa' l-progress magħmul fl-iżvilupp ta' bijofjuwils u magni ġodda mill-proġetti kkompletati fil-qafas tal-Impriża Konġunta “Clean Sky” tal-UE;

77.

Jenfasizza l-importanza li jiġu żviluppati l-bijofjuwils tal-ġenerazzjoni li jmiss, bl-użu ta' bijomassa jew skart;

78.

Jirrimarka l-ħtieġa ta' titjib fl-ambjent regolatorju u l-kundizzjonijiet fit-tul sabiex jiġi appoġġjat l-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli fis-settur tal-avjazzjoni u f'dak marittimu;

79.

Jenfasizza l-ħtieġa ta' bidla modali fis-settur tat-trasport biex takkomoda r-regolamentazzjoni u l-politika tal-mobbiltà sostenibbli, inklużi l-intermodalità, sistemi ta' loġistika sostenibbli, politiki ta' ġestjoni tal-mobbiltà u politiki urbani sostenibbli li jibdlu l-konsum tal-enerġija fit-trasport għal sorsi rinnovabbli u/jew inaqqsu kemm jista' jkun il-konsum globali tal-enerġija, l-inkoraġġiment ta' mudelli ta' vvjaġġar aktar attivi, l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' soluzzjonijiet ta' Bliet Intelliġenti, u l-appoġġ għal ekomobbiltà urbana u ppjanar urban xieraq; jistieden lill-Istati Membri u lill-UE jippromwovu bidla modali tal-passiġġieri u l-merkanzija mit-trasport fuq it-toroq u bl-ajru għat-trasport bil-ferroviji u bil-baħar; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan il-kuntest, tivvaluta l-potenzjal tat-teknoloġiji tat-trolley-truck;

80.

Iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE biex, bħala mod li bih juru l-impenn qawwi tagħhom lejn l-enerġiji rinnovabbli, jiżviluppaw il-kapaċitajiet tal-enerġija rinnovabbli tagħhom stess biex ikopru d-domanda tal-enerġija tal-binjiet tagħhom; jenfasizza li sa meta jiġu żviluppati dawn il-kapaċitajiet, l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom jixtru enerġija ekoloġika sabiex jissodisfaw il-ħtiġijiet tagħhom;

81.

Jenfasizza li sehem modali akbar tal-mixi, l-użu tar-rota, il-car sharing u l-car pooling, flimkien ma' sistemi tat-trasport pubbliku, huwa kruċjali għat-tnaqqis u l-evitar tad-dipendenza tal-UE fuq iż-żejt u b'hekk jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra;

82.

Jenfasizza l-potenzjal tas-sistemi u l-infrastrutturi għar-roti biex titjieb is-sostenibbiltà tat-trasport fiż-żoni urbani;

83.

Jenfasizza l-potenzjal għat-tnaqqis tal-emissjonijiet u għal kontribut għal ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju biż-żieda fl-elettrifikazzjoni tas-sistemi ta' trasport;

Kriterji ta' sostenibbiltà għall-bijokarburanti u l-bijolikwidi

84.

Jistieden lill-Kummissjoni, fid-dawl tal-ħtieġa ta' sinerġija u konsistenza akbar fil-politiki Ewropej, tiffissa kriterji ta' sostenibbiltà għall-bijoenerġija, filwaqt li tqis valutazzjoni bir-reqqa tal-funzjonament tal-politiki tal-UE diġà eżistenti dwar is-sostenibbiltà u dawk dwar l-ekonomija ċirkolari; ifakkar li t-tisħiħ tas-sigurtà tal-enerġija tal-UE għandu jintlaħaq permezz tal-użu sostenibbli tar-riżorsi proprji, skont l-objettiv li tittejjeb l-effiċjenza tar-riżorsi;

85.

Iħeġġeġ kawtela fir-rigward tax-xejra li qed tiżdied tal-użu tal-bijomassa forestali bħala sors ewleni ta' enerġija rinnovabbli tal-UE peress li potenzjalment dan jista' jkollu effetti negattivi fuq il-klima u l-ambjent jekk il-bijomassa ma tinkisibx b'mod sostenibbli u ma titqiesx kif xieraq; jinnota li l-impatti klimatiċi tal-bijoenerġija jeħtieġ jiġu kkunsidrati fuq perjodu ta' żmien fit-tul, minħabba l-perjodi twal meħtieġa sabiex il-foresti maħsuda jirkupraw mill-ġdid;

86.

Jinnota li l-bijoenerġija diġà tammonta għal 60 % tal-enerġija rinnovabbli fl-Ewropa u l-użu tagħha mistenni jkompli jikber; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu ċċarati b'urġenza l-impatti b'effett ta' serra tal-użi differenti tal-bijomassa forestali għall-enerġija, u li jiġu identifikati l-użi li jistgħu jiksbu l-akbar benefiċċji ta' mitigazzjoni fil-qafas ta' kalendarji rilevanti għall-politika;

87.

Jenfasizza li l-produzzjoni tal-bijofjuwils ma għandhiex tinterferixxi mal-produzzjoni tal-ikel jew tikkomprometti s-sigurtà tal-ikel; jemmen, madankollu, li politiki bbilanċjati li jippromwovu ż-żieda fil-produzzjoni Ewropea tal-materja prima f'uċuħ tar-raba' bħall-qamħ, il-qamħirrum, il-pitrava zokkrija u l-ġirasol jistgħu jinkludu dispożizzjoni għall-produzzjoni tal-bijofjuwils, filwaqt li jitqies l-ILUC, b'mod li jistgħu jipprovdu lill-bdiewa Ewropej bi fluss ta' dħul sigur, jattiraw l-investiment u l-impjiegi f'żoni rurali u jgħinu biex jiġi indirizzat in-nuqqas kroniku ta' għalf tal-annimali b'ħafna proteini (u mingħajr OĠM), jirrendu lill-Ewropa inqas dipendenti fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili; jemmen li fil-każijiet ta' provvista eċċessiva fis-suq tal-prodotti agrikoli msemmija, il-produzzjoni ta' bijofjuwils u bijoetanol tirrappreżenta punt ta' ħruġ temporanju li jżomm il-prezzijiet tax-xiri sostenibbli, iħares id-dħul tal-bdiewa waqt kriżijiet, u jservi bħala mekkaniżmu ta' stabbiltà tas-suq; jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm inċentiv biex ir-raba' mhux ikkultivat li ma jkunx qed jintuża għall-produzzjoni tal-ikel jiġi integrat fil-produzzjoni tal-bijoenerġija, bil-ħsieb li jintlaħqu l-objettivi tal-enerġija rinnovabbli nazzjonali u Ewropej;

88.

Jemmen li d-demel tal-annimali jista' jkun sors prezzjuż ta' bijogass bl-użu ta' metodi tekniċi ta' pproċessar tad-demel bħall-fermentazzjoni, filwaqt li jenfasizza wkoll l-importanza li dan isir alternattiva ekonomikament vijabbli għall-bdiewa;

89.

Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jippromwovu l-importanza tal-ġestjoni sostenibbli tal-foresti, u għalhekk ir-rwol ewlieni tal-bijomassa forestali bħala materja prima rinnovabbli tal-UE li hi essenzjali sabiex jintlaħqu l-miri tal-enerġija tagħha; jiġbed l-attenzjoni għad-domanda li qed tiżdied għall-bijomassa forestali, li jfisser li l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti, f'konformità mal-istrateġija tal-UE dwar il-foresti, għandha tkun imsaħħa u promossa saħansitra aktar, peress li dan huwa kruċjali għall-bijodiversità u l-funzjoni ta' ekosistema tal-foresti, inkluż l-assorbiment tas-CO2 mill-atmosfera; jenfasizza l-ħtieġa, għalhekk, li jkun hemm sfruttament bilanċjat tar-riżorsi mkabbra fl-UE kif ukoll dawk importati minn pajjiżi terzi, b'kont meħud taż-żmien twil meħtieġ għar-riġenerazzjoni tal-injam;

o

o o

90.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri.


(1)  ĠU L 140, 5.6.2009, p. 16.

(2)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 81.

(3)  ĠU L 239, 15.9.2015, p. 1.

(4)  Testi adottati, P7_TA(2014)0094.

(5)  Testi adottati, P8_TA(2015)0359.

(6)  Testi adottati, P8_TA(2015)0445.

(7)  Testi adottati, P8_TA(2015)0444.


Top