Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016IP0290

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ġunju 2016 dwar il-massakri fil-Lvant tal-Kongo (2016/2770(RSP))

    ĠU C 91, 9.3.2018, p. 2–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    9.3.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 91/2


    P8_TA(2016)0290

    Il-massakri fil-Lvant tal-Kongo

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ġunju 2016 dwar il-massakri fil-Lvant tal-Kongo (2016/2770(RSP))

    (2018/C 091/01)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, b'mod partikolari dawk tal-10 ta’ Marzu 2016 (1) u d-9 ta’ Lulju 2015 (2),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE tal-15 ta' Ġunju 2016 dwar is-sitwazzjoni preelettorali u s-sitwazzjoni tas-sigurtà fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo,

    wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), u tal-portavuċi tagħha, dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo,

    wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tad-Delegazzjoni tal-UE għar-Repubblika Demokratika tal-Kongo dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż,

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo tat-23 ta' Mejju 2016,

    wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja fl-2014, adottat mill-Kunsill fit-22 ta' Ġunju 2015,

    wara li kkunsidra l-ittra miftuħa mibgħuta mill-gruppi tas-soċjetà ċivili fit-territorji ta' Beni, Butembo u Lubero lill-President tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo fl-14 ta' Mejju 2016,

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjonijiet ta' Nairobi ta' Diċembru 2013,

    wara li kkunsidra l-Qafas għall-Paċi, is-Sigurtà u l-Kooperazzjoni għar-Repubblika Demokratika tal-Kongo u r-Reġjun, li ġie ffirmat f'Addis Ababa fi Frar 2013,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, b'mod partikolari r-riżoluzzjoni 2198 (2015) dwar it-tiġdid tar-reġim ta' sanzjonijiet fil-konfront tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo u l-mandat tal-Grupp ta' Esperti, u r-riżoluzzjoni 2277 (2016) li ġeddet il-mandat tal-Missjoni tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Istabbilizzazzjoni tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo (MONUSCO) għal sena,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Grupp ta' Esperti tan-NU dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo tat-23 ta' Mejju 2016,

    wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-attivitajiet tal-Uffiċċju Konġunt tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, tas-27 ta' Lulju 2015,

    wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet u l-ordnijiet mogħtija mill-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja,

    wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa konġunta tat-2 ta' Settembru 2015 tat-Tim ta' Mibgħuta u Rappreżentanti Internazzjonali għar-Reġjun tal-Lagi l-Kbar Afrikani dwar l-elezzjonijiet fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo,

    wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-President tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tad-9 ta' Novembru 2015 dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo,

    wara li kkunsidra r-rapporti tas-Segretarju Ġenerali tan-NU tad-9 ta' Marzu 2016 dwar il-Missjoni tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Istabbilizzazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u dwar l-implimentazzjoni tal-Qafas għall-Paċi, is-Sigurtà u l-Kooperazzjoni għar-Repubblika Demokratika tal-Kongo u r-Reġjun,

    wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija rivedut ta' Cotonou,

    wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli ta' Ġunju 1981,

    wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza,

    wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni Kongoliża tat-18 ta' Frar 2006,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    A.

    billi s-sitwazzjoni tas-sigurtà fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo qed tkompli tiddeterjora fil-parti tal-Grigal tal-pajjiż, fejn għadhom attivi diversi gruppi armati, u billi qed isiru bosta rapporti ta' massakri, reklutaġġ u sfruttament ta' tfal min-naħa ta' gruppi armati, u ta' vjolenza sesswali u vjolenza sessista mifruxa;

    B.

    billi bejn Ottubru 2014 u Mejju 2016, fit-territorji ta' Beni, Lubero u Butembo, aktar minn 1 160 ruħ inqatlu brutalment, 'il fuq minn 1 470 ruħ sparixxew, bosta djar, ċentri tas-saħħa u skejjel ingħataw in-nar u ħafna nisa, irġiel u tfal sfaw vittmi ta' vjolenza sesswali;

    C.

    billi ħafna villaġġi f'dawn it-territorji issa huma okkupati minn gruppi armati;

    D.

    billi qiegħda dejjem tikber l-iskuntentizza fir-rigward tan-nuqqas ta' azzjoni u s-skiet min-naħa tal-Gvern tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo quddiem dawn l-atroċitajiet, li allegatament qed isiru kemm min-naħa ta' gruppi ta' ribelli armati kif ukoll tal-forzi militari tal-istat;

    E.

    billi f'xi okkażjonijiet twettaq qtil partikolarment vjolenti qrib sew tal-pożizzjonijiet miżmuma mill-armata nazzjonali (FARDC) u ta' bażijiet tal-missjoni għaż-żamma tal-paċi tan-NU fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (MONUSCO);

    F.

    billi dawn il-massakri ġraw bl-indifferenza min-naħa tal-komunità internazzjonali u bi skiet mill-mezzi tal-komunikazzjoni;

    G.

    billi, abbażi tad-dmirijiet assenjati lilu mill-Kostituzzjoni, il-President tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo huwa l-garanti tal-integrità nazzjonali, tal-indipendenza nazzjonali, tas-sikurezza tal-persuni u tal-merkanzija u tal-funzjonament regolari tal-istituzzjonijiet tal-pajjiż, u huwa l-Kap Kmandant tal-forzi armati tal-pajjiż;

    H.

    billi t-tensjoni politika fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo hija għolja peress li l-President Kabila, li ilu fil-poter mill-2001, huwa obbligat mill-Kostituzzjoni li jħalli l-kariga fl-20 ta' Diċembru 2016 u għadu ma ħabbarx l-intenzjoni tiegħu li se jagħmel dan;

    I.

    billi l-armata Kongoliża u l-MONUSCO huma preżenti fir-reġjun biex iżommu l-istabbiltà, jiġġieldu kontra l-gruppi armati u jipproteġu lill-popolazzjoni ċivili;

    J.

    billi l-mandat tal-MONUSCO ġie mġedded u msaħħaħ;

    K.

    billi l-inkapaċità ġenerali li jitressqu quddiem il-ġustizzja dawk responsabbli għall-ksur tad-drittijiet fundamentali spiċċat tħeġġeġ il-ħolqien ta' klima ta' impunità u wasslet biex jiġu kommessi delitti ġodda;

    L.

    billi sfida ewlenija għall-paċi qed ikunu l-isforzi dgħajfa min-naħa tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo biex tiżmobilita lil eluf ta' ġellieda ribelli, jew billi tinkorporahom fl-armata nazzjonali jew billi tiffaċilita t-tranżizzjoni tagħhom fil-ħajja ċivili;

    M.

    billi l-operaturi umanitarji jikkalkulaw li, attwalment, 7,5 miljun ruħ jeħtieġu assistenza; billi l-kunflitt u l-operazzjonijiet militari li għaddejjin kkawżaw ukoll l-ispostament intern ta' 1,5 miljun ruħ, u ġiegħlu lil aktar minn 400 000 ruħ jaħarbu mill-pajjiż;

    N.

    billi l-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Koordinament tal-Affarijiet Umanitarji (OCHA) rrapporta żieda fil-każijiet ta' ħtif u attakki fil-konfront tal-ħaddiema u l-konvojs umanitarji, li ġiegħlu lill-organizzazzjonijiet umanitarji jipposponu t-twassil tal-għajnuna u jissospendu l-attivitajiet tagħhom;

    O.

    billi l-massakri fil-Lvant tal-Kongo huma r-riżultat tar-rabtiet bejn il-politiki reġjonali u nazzjonali, l-istrumentalizzazzjoni tat-tensjonijiet etniċi u l-isfruttament tar-riżorsi;

    1.

    Jesprimi t-tħassib serju tiegħu rigward l-eskalazzjoni tal-vjolenza u s-sitwazzjoni umanitarja allarmanti u li qed tiddeterjora fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, ikkawżata b'mod partikolari mill-kunflitti armati fil-provinċji tal-Lvant, li issa ilhom għaddejjin għal aktar minn 20 sena; jiddeplora t-telf ta' ħajjiet u jesprimi s-solidarjetà tiegħu lill-poplu tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo;

    2.

    Itenni l-appell tiegħu biex il-partijiet kollha involuti fil-kunflitt itemmu minnufih il-vjolenza, iċedu l-armi, jeħilsu lit-tfal kollha li jinsabu fl-armata tagħhom u jippromwovu d-djalogu lejn riżoluzzjoni paċifika u sostenibbli tal-kunflitt; jitlob, b'mod partikolari, li titkompla malajr u b'mod attiv il-kollaborazzjon bejn il-MONUSCO u l-forzi armati tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo (FARDC), abbażi tal-ftehim ta' kooperazzjoni militari ffirmat fit-28 ta' Jannar 2016 f'Kinshasa, bil-għan li jiġu stabbiliti mill-ġdid u jiġu kkonsolidati l-paċi u s-sigurtà kemm fil-Lvant tal-pajjiż kif ukoll fil-pajjiż b'mod ġenerali;

    3.

    Ifakkar li n-newtralizzazzjoni tal-gruppi armati kollha fir-reġjun tikkontribwixxi bil-qawwa għall-paċi u l-istabbiltà, u jitlob lill-Gvern tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo biex din issir prijorità u biex terġa' tiġi stabbilita s-sikurezza għaċ-ċittadini kollha tiegħu u l-istabbiltà fit-territorji ta' Beni, Lubero u Butembo;

    4.

    Jitlob, b'urġenza, li jingħata bidu għal inkjesta komprensiva, indipendenti u trasparenti mill-komunità internazzjonali dwar il-massakri, b'kollaborazzjoni sħiħa mal-gvern tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo u l-MONUSCO; jitlob li ssir laqgħa ta' emerġenza tat-Tim ta' Mibgħuta u Rappreżentanti Internazzjonali għar-Reġjun tal-Lagi l-Kbar Afrikani rigward l-elezzjonijiet fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo bil-għan li tittieħed azzjoni xierqa f'din id-direzzjoni, bħall-mobilizzazzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU;

    5.

    Jinsisti li din is-sitwazzjoni m'għandhiex timpedixxi milli jsiru l-elezzjonijiet kif ippjanati mill-Kostituzzjoni; jisħaq li l-organizzazzjoni b'suċċess u f'waqtha tal-elezzjonijiet se tkun kruċjali għall-istabbiltà fit-tul u l-iżvilupp tal-pajjiż;

    6.

    Jitlob lill-prosekutur tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) jiġbor informazzjoni u jeżamina l-abbużi bil-għan li jiddetermina jekk hijiex iġġustifikata inkjesta tal-QKI fl-allegati delitti fiż-żona ta' Beni;

    7.

    Itenni li ma jista' jkun hemm l-ebda impunità għal min ikkommetta ksur tad-drittijiet tal-bniedem, delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità u vjolenza sesswali kontra n-nisa u l-bniet, jew għal dawk responsabbli għar-reklutaġġ ta' suldati tfal; jenfasizza li l-persuni responsabbli għal tali atti jridu jiġu rrappurtati, identifikati, imressqa quddiem il-ġustizzja u kkastigati skont id-dritt kriminali nazzjonali u internazzjonali;

    8.

    Jitlob li jsir rapport ta' evalwazzjoni dwar l-azzjonijiet tal-MONUSCO u li jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku; jilqa' r-riżoluzzjoni 2277 (2016) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, li ġeddet il-mandat tal-MONUSCO u saħħet il-kompetenzi tagħha fil-qasam tal-protezzjoni ċivili u d-drittijiet tal-bniedem, inkluża l-vjolenza sessista u l-vjolenza fuq it-tfal;

    9.

    Iħeġġeġ lill-MONUSCO tagħmel użu sħiħ minn dan il-mandat biex tipproteġi l-popolazzjoni ċivili, permezz tat-“trasformazzjoni tal-forza” tagħha, sabiex tiżgura li tkun tista' teżerċita kapaċità operattiva akbar għall-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili permezz ta' mekkaniżmi ta' intervent rapidu u r-rikonjizzjoni mill-ajru fil-Lvant tal-Kongo, fosthom permezz ta' pattulji u bażijiet operattivi mobbli;

    10.

    Jappella lill-UA u lill-UE biex jiżguraw djalogu politiku permanenti bejn il-pajjiżi tar-reġjun tal-Lagi l-Kbar sabiex jipprevjenu kwalunkwe destabbilizzazzjoni ulterjuri; jiddispjaċih li sar biss progress limitat fl-implimentazzjoni tal-Ftehim Qafas għall-Paċi, is-Sigurtà u l-Kooperazzjoni ta' Frar 2013, u jappella lill-partijiet kollha biex jikkontribwixxu b'mod attiv għall-isforzi ta' stabbilizzazzjoni;

    11.

    Jinsisti li s-soċjetà ċivili trid tkun involuta f'kull azzjoni biex tiġi protetta l-popolazzjoni ċivili u jiġu solvuti l-kunflitti, u li d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem iridu jiġu protetti u offruti pjattaforma mill-Gvern tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo u l-komunità internazzjonali;

    12.

    Jirrikonoxxi l-isforzi li għamlu l-awtoritajiet Kongoliżi fil-ġlieda kontra l-impunità u fil-prevenzjoni tal-vjolenza sesswali u tal-vjolenza kontra t-tfal, iżda jqis li l-progress qed isir bil-mod;

    13.

    Ifakkar lill-UE li jrid ikun hemm koerenza bejn il-politiki tagħha, inkluż fil-kummerċ tal-armi u l-kummerċ tal-materja prima, u li n-negozjati għal ftehimiet fir-reġjun iridu jippromwovu l-paċi, l-istabbiltà, l-iżvilupp u d-drittijiet tal-bniedem;

    14.

    Jitlob lill-UE tikkunsidra li timponi sanzjonijiet immirati, inklużi projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u ffriżar tal-assi, kontra dawk responsabbli għall-massakri fil-Lvant tal-Kongo u r-repressjoni vjolenti fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, sabiex tgħin fil-prevenzjoni ta' aktar vjolenza;

    15.

    Jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jibqgħu jagħtu l-assistenza tagħhom lill-poplu tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo b'mod li jittejbu l-kundizzjonijiet ta' għajxien tal-aktar partijiet vulnerabbli tal-popolazzjoni, b'mod partikolari min ikun ġie spostat internament;

    16.

    Jikkundanna l-attakki kollha kontra l-operaturi umanitarji u x-xkiel għall-aċċess umanitarju; iħeġġeġ lill-partijiet kollha fil-kunflitt biex jirrispettaw l-indipendenza, in-newtralità u l-imparzjalità tal-operaturi umanitarji;

    17.

    Jafferma mill-ġdid li l-attivitajiet tal-impriżi għandhom ikunu konformi bis-sħiħ mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-Istati Membri, għaldaqstant, jiżguraw li l-impriżi taħt il-ġurisdizzjoni nazzjonali tagħhom ma jinjorawx id-drittijiet tal-bniedem u l-istandards internazzjonali marbuta mal-attivitajiet tagħhom f'pajjiżi terzi;

    18.

    Jilqa' l-isforzi tal-awtoritajiet Kongoliżi biex jimplimentaw il-leġiżlazzjoni li tipprojbixxi l-kummerċ u l-ipproċessar ta' minerali fiż-żoni fejn hemm sfruttament illegali ta' minerali, bħal dawk ikkontrollati mill-gruppi armati; jistieden lill-awtoritajiet Kongoliżi jsaħħu l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni u jippermettu li jsir skrutinju b'aktar reqqa fir-rigward tal-ftehimiet b'rabta mal-estrazzjoni minerarja u l-użu ħażin tad-dħul mill-estrazzjoni minerarja; jistieden lill-UE tappoġġa l-isforzi tal-pajjiż f'dan ir-rigward permezz tal-politiki ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp; jilqa' l-ftehim Ewropew li ntlaħaq dan l-aħħar fir-rigward tal-kontrolli ta' diliġenza dovuta obbligatorji fuq il-fornituri ta' minerali ta' kunflitt bħala l-ewwel pass biex jiġu indirizzati r-responsabilitajiet tal-impriżi Ewropej f'din il-kwistjoni, u jħeġġeġ lill-UE ssarraf dan il-ftehim f'leġiżlazzjoni ambizzjuża biex tiġi adottata malajr;

    19.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Unjoni Afrikana, lill-Kunsill AKP-UE, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Kunsill tan-NU tad-Drittijiet tal-Bniedem u lill-President, il-Prim Ministru u l-Parlament tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo.


    (1)  Testi adottati, P8_TA(2016)0085.

    (2)  Testi adottati, P8_TA(2015)0278.


    Top