EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016IP0128

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' April 2016 dwar il-Pakistan, b'mod partikolari l-attakk f'Lahore (2016/2644(RSP))

ĠU C 58, 15.2.2018, p. 151–154 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

15.2.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 58/151


P8_TA(2016)0128

Il-Pakistan, b'mod partikolari l-attakk f'Lahore

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' April 2016 dwar il-Pakistan, b'mod partikolari l-attakk f'Lahore (2016/2644(RSP))

(2018/C 058/16)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Pakistan,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Federica Mogherini, tas-27 ta' Marzu 2016 dwar l-attakk f'Lahore fil-Pakistan,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, Stavros Lambrinidis, tad-29 ta' Ottubru 2014,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tas-Segretarju Ġenerali tan-NU, Ban Ki-moon, tas-27 ta' Marzu 2016 dwar l-attakk bil-bombi fil-Pakistan u tal-21 ta' Jannar 2016 dwar l-attakk fl-Università ta' Bacha Khan,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tat-28 ta' Marzu 2016 dwar l-attakki terroristiċi f'Lahore, fil-Pakistan,

wara li kkunsidra r-rapporti tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin,

wara li kkunsidra r-rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-Kwistjonijiet tal-Minoranzi, Rita Izsák-Ndiaye, dwar id-diskors ta' mibegħda u l-inċitament għall-mibegħda kontra l-minoranzi fil-midja, tal-5 ta' Jannar 2015,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-rebbieħa tal-Premju Nobel għall-Paċi u tal-Premju Sakharov, Malala Yousafzai, tas-27 ta' Marzu 2016,

wara li kkunsidra r-rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar l-indipendenza tal-imħallfin u l-avukati, Gabriela Knaul, tal-4 ta' April 2013, u r-rapport tal-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar l-Għajbien Furzat jew Involontarju tas-26 ta' Frar 2013 dwar il-missjoni tiegħu lejn il-Pakistan,

wara li kkunsidra l-Artikolu 18 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali,

wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar il-piena tal-mewt, kif riveduti fit-12 ta' April 2013,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Pakistan, tal-20 ta' Lulju 2015,

wara li kkunsidra l-Pjan ta' Impenn fuq ħames snin ta' Marzu 2012 bejn l-UE u l-Pakistan, li jinkludi prijoritajiet bħal governanza tajba u djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll it-Tieni Djalogu Strateġiku UE-Pakistan tal-25 ta' Marzu 2014, li hu relatat mill-qrib ma' dan il-Pjan ta' Impenn,

wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-libertà tar-reliġjon jew twemmin,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2015 dwar ir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja għall-2014 u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni (1),

wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi fis-27 ta' Marzu 2016, f'żona tal-logħob tat-tfal fil-Ġnien ta' Gulshan-e-Iqbal f'Lahore, attakk suwiċida bil-bombi kkawża l-mewt ta' aktar minn 73 persuna u darab aktar minn 300, inklużi ħafna nisa u tfal; billi l-grupp Iżlamist terroristiku Jamaat-ul-Ahrar ħa r-responsabbiltà għall-attakk, u qal li l-Insara kienu l-mira intenzjonali tiegħu; billi madanakollu l-parti l-kbira tal-persuni midruba u maqtula kienu Musulmani u kollha kienu Pakistani;

B.

billi fil-ħin tal-attakk terroristiku kienu qed isiru dimostrazzjonijiet vjolenti f'Islamabad, fejn il-partitarji ta' Mumtaz Qadri, il-qattiel ikkundannat tal-Gvernatur Salam Taseer, kienu qed jeżiġu li tiġi ġġustizzjata Asia Bibi, il-mara akkużata bi blasfemja u kkundannata għall-mewt, li l-Gvernatur Taseer kien iddefenda l-każ tagħha; billi għexieren ta' eluf ta' nies attendew il-funeral ta' Qadri wara li ngħata l-forka, waqt li sellmulu bħala eroj, u ġew iċċirkolati ritratti fuq il-midja soċjali; billi l-imħallef li ta l-ewwel kundanna lil Qadri kellu jaħrab mill-pajjiż minħabba theddid ta' mewt;

C.

billi xi gruppi estremisti jitħallew jiżviluppaw l-ideoloġiji u l-attivitajiet tagħhom mingħajr tfixkil, bħal ċerti għaqdiet tal-istudenti fl-universitajiet u l-Forum tal-Avukati Khatm-e-Nubuwwat, li allegatament huwa l-moħħ wara ż-żieda fil-prosekuzzjonijiet għal akkużi ta' blasfemja fil-qrati tal-Pakistan u li jopponi kwalunkwe tentattiv ta' riforma tal-liġi rilevanti min-naħa tal-leġiżlaturi;

D.

billi l-Insara u minoranzi oħra mhux biss iħabbtu wiċċhom ma' persekuzzjoni min-naħa tal-estremisti, iżda wkoll diskriminazzjoni legali, b'mod partikolari permezz tal-liġijiet tal-Pakistan dwar il-blasfemja, li huma diskriminatorji u li b'mod ġenerali jintużaw ħażin minn persuni b'motivi politiċi u personali; billi l-Musulmani nfushom għadhom qed jitressqu skont dawn il-liġijiet;

E.

billi għal bosta snin, it-terroriżmu u l-estremiżmu Iżlamisti kellhom effett negattiv fuq il-poplu tal-Pakistan, b'mod partikolari fuq il-minoranzi reliġjużi, in-nisa u t-tfal; billi, mill-adozzjoni tal-aktar riżoluzzjoni reċenti tal-Parlament dwar il-Pakistan tal-15 ta' Jannar 2015 (2), seħħew għexieren ta' attakki terroristiċi u vjolenti oħra kontra minoranzi reliġjużi f'kuntest ta' liġijiet diskriminatorji u nuqqas ta' nfurzar;

F.

billi bosta gruppi terroristiċi fil-Pakistan għandhom fil-mira tagħhom lil minoranzi reliġjużi bħall-Ahmadi, l-Insara, ix-Xiiti u l-Ħindu, kif ukoll lis-Sunni b'opinjonijiet diverġenti; billi, fir-rapport annwali tagħha tal-2015, il-Kummissjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Pakistan osservat li fil-parti l-kbira tal-każijiet l-awturi tar-reati gawdew impunità;

G.

billi t-tfal qattiela suwiċidi bil-bombi allegatament għadhom qed jintużaw minn gruppi estremisti; billi l-gvern naqas milli jgħaddi leġiżlazzjoni li tistabbilixxi l-Kummissjoni Nazzjonali dwar id-Drittijiet tat-Tfal, korp indipendenti biex jipproteġi u jinforza d-drittijiet tat-tfal;

H.

billi, wara l-massakru tal-iskola minn ribelli Talibani f’Diċembru 2014, il-Gvern tal-Pakistan reġa' introduċa l-piena tal-mewt wara moratorju ta' sitt snin: l-ewwel għal attivitajiet terroristiċi biss, iżda iktar tard għad-delitti kapitali kollha; billi sa tmiem l-2015 fil-Pakistan ġew iġġustizzjati 326 persuna, l-ogħla għadd li qatt ġie rreġistrat u t-tielet l-ogħla fid-dinja;

I.

billi l-ġlied bejn il-forzi militari tal-Pakistan u gruppi armati mhux statali wassal biex aktar minn miljun persuna ġew spostati internament;

J.

billi nisa minn minoranzi reliġjużi fil-Pakistan qed jiġu maħtufa u mġiegħla jiżżewġu u jikkonvertu għall-Iżlam, fenomenu li fil-parti l-kbira jiġi injorat mill-pulizija u mill-awtoritajiet ċivili;

K.

billi l-Pakistan jiżvolġi rwol importanti fit-trawwim tal-istabilità fin-Nofsinhar tal-Asja u għandu għaldaqstant imexxi bl-eżempju fit-tisħiħ tal-istat tad-dritt u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem;

L.

billi l-UE tibqa' impenjata għalkollox li tkompli d-djalogu u l-involviment tagħha mal-Pakistan fil-qafas tal-Pjan ta' Impenn fuq ħames snin;

1.

Jinsab ixxukkjat profondament bl-attakk li seħħ fis-27 ta' Marzu 2016 f'Lahore u jikkundanna bil-qawwa dawn l-atti ta' vjolenza bla sens kontra tant persuni innoċenti;

2.

Jesprimi s-simpatija profonda u l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi u jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-poplu u l-Gvern tal-Pakistan;

3.

Jissottolinja l-bżonn assolut li l-awturi tal-attakk ta' Lahore jitressqu quddiem il-ġustizzja; jistieden lill-awtoritajiet Pakistani, b'mod partikolari l-awtoritajiet lokali u provinċjali, jiżguraw li dawn l-atti jkunu investigati u pproċessati b'mod effettiv;

4.

Jesprimi tħassib serju dwar ksur sistemiku u gravi tal-libertà tar-reliġjon u tat-twemmin fil-Pakistan; jenfasizza l-importanza tar-rispett tad-drittijiet fundamentali tal-minoranzi reliġjużi u etniċi kollha li jgħixu fil-Pakistan b'tali mod li jkunu jistgħu jkomplu jgħixu b'dinjità, ugwaljanza u sikurezza, u jipprattikaw ir-reliġjon tagħhom bil-libertà kollha mingħajr l-ebda forma ta' koerċizzjoni, diskriminazzjoni, intimidazzjoni jew fastidju, skont il-prinċipji fundamentali tal-Pakistan;

5.

Jilqa' l-inizjattivi ta' riforma min-naħa tal-gvern, bħall-abbozz ta' liġi li tikkriminalizza ż-żwieġ tat-tfal, u l-att għall-protezzjoni tan-nisa minn vjolenza u fastidju, l-iżblukkar ta' YouTube, id-deċiżjoni li tiddikjara Holi, Diwali u l-Għid bħala btajjel għall-minoranzi reliġjużi, u l-isforzi personali tal-Prim Ministru Nawaz Sharif li jżur okkażjoni reliġjuża Ħindi; iħeġġeġ lill-Gvern sabiex ikompli jżid l-isforzi tiegħu biex joħloq ambjent soċjali li jilqa' l-minoritajiet u d-diversità tal-ħsieb; ifakkar f'dan il-kuntest il-Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali, ir-riformi mwiegħda u urġentement meħtieġa tal-madrassas, b'mod partikolari l-azzjoni tal-gvern kontra d-diskors ta' mibegħda, u r-riforma tal-pulizija u r-riforma ġudizzjarja li għadhom pendenti; jinnota li fil-ġejjieni għandhom jittieħdu miżuri aktar ambizzjużi, b'mod partikolari fil-qasam tal-edukazzjoni (mingħajr xaqlibiet negattivi u preġudizzji fil-kurrikuli u l-kotba tal-iskola) u fil-prosekuzzjoni ta' dawk li jinċitaw il-vjolenza;

6.

Jilqa' l-impenn tal-Gvern tal-Pakistan fil-ġlieda kontra t-theddida kkawżata mill-estremiżmu reliġjuż; iħeġġeġ djalogu kontinwu bejn l-UE u l-Istati Membri fuq naħa u l-Pakistan fuq in-naħa l-oħra, dwar l-assigurazzjoni tal-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari fir-rigward tal-isforzi tagħhom kontra t-terroriżmu u permezz tal-implimentazzjoni ta' liġijiet fil-qasam tas-sigurtà;

7.

Jemmen li, filwaqt li l-operazzjoni militari mħabbra fil-Punjab hija vitali fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, rebħa fil-gwerra ideoloġika kontra l-estremiżmu li tiżgura ambjent tolleranti u progressiv għall-futur tal-Pakistan hija ugwalment importanti;

8.

Jistieden lill-awtoritajiet Pakistani biex jindirizzaw l-esklużjoni soċjali u ekonomika, fosthom dik tal-biċċa l-kbira tal-Insara u ta' minoranzi reliġjużi oħra, li għandhom eżistenza prekarja;

9.

Huwa mħasseb dwar l-użu kontinwu ta' liġijiet dwar il-blasfemja fil-Pakistan u jemmen li dan qed jiggrava l-klima ta' intolleranza reliġjuża; jistieden, għalhekk, lill-Gvern tal-Pakistan biex jirrieżamina dawn il-liġijiet u l-applikazzjoni tagħhom; jistieden lill-awtoritajiet jiżguraw it-twettiq xieraq u rapidu tal-ġustizzja fil-kawżi kollha dwar il-blasfemja; jinnota, b'mod partikolari, il-kawża ta' Asia Bibi u jħeġġeġ lill-Qorti Suprema biex tieħu deċiżjoni dwar din il-kwistjoni;

10.

Jistieden lill-awtoritajiet Pakistani jiggarantixxu l-indipendenza tal-qrati, l-istat tad-dritt u proċess ġust f'konformità mal-istandards internazzjonali dwar il-proċedimenti ġudizzjarji; jistieden, barra minn hekk, lill-awtoritajiet Pakistani jipprovdu protezzjoni suffiċjenti għal dawk kollha involuti f'kawżi dwar il-blasfemja, partikolarment il-professjoni legali tal-pajjiż, u li jipproteġu lill-akkużati, lix-xhieda, lill-familji tagħhom u lill-komunitajiet tagħhom mill-vjolenza tal-marmalja, inklużi dawk li jiġu lliberati iżda li ma jkunux jistgħu jmorru lura fil-komunità tagħhom; jistieden lill-Gvern tal-Pakistan jiżgura li rimedji legali xierqa u rimedji xierqa oħra applikabbli skont id-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem ikunu disponibbli għall-vittmi ta' vjolenza u persekuzzjoni immirati;

11.

Ifakkar fl-oppożizzjoni konsistenti tiegħu għall-piena tal-mewt, ikunu x'ikunu ċ-ċirkustanzi; jinnota bi tħassib serju ż-żieda qawwija fl-użu tal-piena tal-mewt fil-Pakistan, fosthom, sfortunatament, kontra trasgressuri tfal, u jitlob biex moratorju fuq il-piena kapitali jerġa' jiġi stabbilit bil-ħsieb li tiġi abolita l-piena tal-mewt fil-Pakistan;

12.

Jenfasizza li fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-estremiżmu reliġjuż, huwa kruċjali li jiġu indirizzati l-kawżi fundamentali tiegħu permezz tal-indirizzar tal-faqar, l-iżgurar tat-tolleranza reliġjuża u tal-libertà tat-twemmin u l-garanzija ta' aċċess xieraq u sikur għall-edukazzjoni għat-tfal, b'mod partikolari għall-bniet;

13.

Jistieden lill-Gvern tal-Pakistan jestendi stedina miftuħa lir-rapporteurs speċjali tan-NU, b’mod partikolari r-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-promozzjoni u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali waqt il-ġlieda kontra t-terroriżmu, ir-Rapporteur Speċjali dwar l-eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji, sommarji jew arbitrarji u r-Rapporteur Speċjali dwar il-libertà ta’ reliġjon jew twemmin, u biex jappoġġa l-ħidma tal-Kummissjoni Nazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem b’kull mod;

14.

Jistieden lill-Gvern tal-Pakistan biex jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li l-istabbilimenti edukattivi, il-postijiet ta' rikreazzjoni u l-postijiet fejn jinġabru l-komunitajiet ta' minoranza f'żoni kkaratterizzati mill-insigurtà u l-kunflitt jiġu protetti b'mod xieraq, u sabiex jitnaqqas ir-riskju ta' ripetizzjoni ta' ksur u abbużi simili tad-drittijiet tal-bniedem;

15.

Iħeġġeġ lill-atturi reġjonali kollha biex itejbu b'mod sinifikanti l-kooperazzjoni kontra t-terroriżmu; itenni l-importanza ta' impenn internazzjonali inkundizzjonali għall-ġlieda kontra t-terroriżmu, inkluż it-tfixkil tal-forom kollha ta' appoġġ finanzjarju għan-netwerks terroristiċi u l-indottrinazzjoni ideoloġika li tħeġġeġ l-estremiżmu u t-terroriżmu;

16.

Jilqa' r-ratifika mill-Pakistan tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal u jfaħħar il-miżuri meħuda mill-awtoritajiet Pakistani biex jiġu indirizzati d-drittijiet tat-tfal; jistieden lill-Pakistan jirratifika l-Protokoll Fakultattiv għall-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal dwar l-involviment tat-tfal f'kunflitti armati u sabiex jistabbilixxi Kummissjoni Nazzjonali dwar id-Drittijiet tat-Tfal;

17.

Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Viċi President / Rappreżentant Għoli Federica Mogherini, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u lill-Kunsill jikkommettu ruħhom bis-sħiħ mal-Gvern tal-Pakistan biex jindirizzaw it-theddida kkawżata mit-terroriżmu u biex jagħtu assistenza ulterjuri lill-Gvern u lill-poplu tal-Pakistan huma u jissoktaw bl-isforzi tagħhom biex jeqirdu t-terroriżmu; jistieden lill-Viċi President / Rappreżentant Għoli Federica Mogherini żżomm lill-Parlament regolarment infurmat dwar il-progress milħuq f'dawn l-isforzi bilaterali;

18.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, lill-Presidenza tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Rifuġjati u lill-Gvern u l-Parlament tal-Pakistan.


(1)  Testi adottati, P8_TA(2015)0470.

(2)  Testi adottati, P8_TA(2015)0007.


Top