EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016IP0066

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Frar 2016 dwar is-sitwazzjoni umanitarja fil-Jemen (2016/2515(RSP))

ĠU C 35, 31.1.2018, p. 142–145 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

31.1.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 35/142


P8_TA(2016)0066

Is-sitwazzjoni umanitarja fil-Jemen

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Frar 2016 dwar is-sitwazzjoni umanitarja fil-Jemen (2016/2515(RSP))

(2018/C 035/25)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Jemen, b'mod partikolari dik tad-9 ta' Lulju 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen (1),

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-10 ta' Jannar 2016 tal-Viċi President tal-Kummissjoni / tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Federica Mogherini, u tal-Kummissarju għall-Għajnuna Umanitarja u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet, Christos Stylianides, dwar l-attakk fuq ċentru tas-saħħa tal-Médecins Sans Frontières (Tobba Mingħajr Fruntieri) (MSF) fil-Jemen,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-15 ta' Diċembru 2015 mill-kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) dwar it-tkomplija tat-taħditiet iffaċilitati min-NU dwar il-Jemen, u d-dikjarazzjoni konġunta tat-2 ta' Ottubru 2015 mill-VP/RGħ, Federica Mogherini, u l-Kummissarju għall-Għajnuna Umanitarja u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet, Christos Stylianides, dwar il-Jemen,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin dwar il-Jemen, b'mod partikolari dawk tal-20 ta' April 2015,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar il-Jemen, b'mod partikolari r-riżoluzzjonijiet 2216 (2015), 2201 (2015) u 2140 (2014),

wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-10 ta' Jannar 2016 u tat-8 ta' Jannar 2016 attribwibbli għall-kelliem tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar il-Jemen,

wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi l-kriżi attwali fil-Jemen hija konsegwenza tal-fatt li gvern wieħed wara l-ieħor naqas milli jissodisfa l-aspirazzjonijiet leġittimi tal-poplu Jemenit għad-demokrazija, l-iżvilupp ekonomiku u soċjali, l-istabbiltà u s-sigurtà; billi dan in-nuqqas ħoloq il-kondizzjonijiet ideali biex ifaqqa' kunflitt vjolenti, minħabba l-ineżistenza ta' gvern inklużiv u ta' kondiviżjoni ġusta tal-poter u minħabba l-fatt li t-tensjonijiet numerużi bejn it-tribujiet, l-insigurtà mifruxa u l-paraliżi ekonomika tal-pajjiż ġew injorati b'mod sistematiku;

B.

billi l-intervent militari mmexxi mill-Arabja Sawdija fil-Jemen, mitlub mill-President tal-Jemen Abd Rabbuh Mansur Hadi, inkluż l-użu ta' cluster bombs, li huma pprojbiti internazzjonalment, wassal għal sitwazzjoni umanitarja diżastruża li taffettwa l-popolazzjoni madwar il-pajjiż, għandu implikazzjonijiet serji għar-reġjun u jikkostitwixxi theddida għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali; billi membri tal-popolazzjoni ċivili tal-Jemen, li diġà huma affettwati minn kondizzjonijiet ta' ħajja terribbli, huma l-ewwel vittmi tal-eskalazzjoni militari attwali;

C.

billi r-ribelli Houthi bdew assedju fuq il-belt ta' Taiz, it-tielet l-akbar belt tal-Jemen, b'tali mod li xekklu t-twassil tal-għajnuna umanitarja; billi, skont Stephen O'Brien, is-Sottosegretarju Ġenerali tan-NU għall-Affarijiet Umanitarji u l-Koordinatur tal-Għajnuna ta' Emerġenza, madwar 200 000 ċivili maqbuda hemm kienu fi bżonn serju ta' ilma tax-xorb, ikel, trattament mediku, u assistenza u protezzjoni oħrajn li jsalvaw il-ħajja;

D.

billi sa mill-bidu tal-kunflitt mill-inqas 5 979 persuna ġew maqtula, kważi nofshom ċivili, u 28 208 ġew midruba; billi hemm mijiet ta' nisa u tfal fost il-vittmi; billi l-impatt umanitarju fuq il-popolazzjoni ċivili tal-ġlied kontinwu bejn il-milizzji differenti, il-bumbardamenti u l-interruzzjoni ta' servizzi essenzjali qed jilħaq livelli allarmanti;

E.

billi, skont il-Humanitarian Needs Overview (HNO) tal-2016 maħruġ f'Novembru 2015, bħalissa hemm 21,2 miljun ruħ (82 % tal-popolazzjoni) li jeħtieġu xi forma ta' assistenza umanitarja; billi, bl-istess mod, huwa stmat li kważi 2,1 miljun ruħ bħalissa qegħdin fi stat ta' malnutrizzjoni, inkluż aktar minn 1,3 miljun tifel u tifla jsofru minn malnutrizzjoni severa;

F.

billi l-UE pprovdiet EUR 52 miljun f'għajnuna umanitarja ġdida għall-kriżi fil-Jemen u l-impatt tagħha fil-Qarn tal-Afrika fl-2015; billi l-UE se tipprovdi sa EUR 2 miljun għall-istabbiliment ta' Mekkaniżmu ta' Verifika u Spezzjoni tan-NU (UNVIM) għat-tbaħħir kummerċjali lejn il-Jemen, b'tali mod li jiġi ffaċilitat il-fluss mingħajr xkiel ta' beni kummerċjali u għajnuna umanitarja lill-Jemen;

G.

billi hemm diversi rapporti li attakki mill-ajru mill-koalizzjoni militari mmexxija mill-Arabja Sawdija fil-Jemen laqtu miri ċivili, inklużi sptarijiet, skejjel, swieq, imħażen tal-qamħ, portijiet u kamp għal persuni spostati, fejn għamlu ħsara kbira lill-infrastruttura essenzjali għat-twassil tal-għajnuna u kkontribwew għall-iskarsezzi gravi tal-ikel u tal-fjuwil fil-pajjiż; billi sptar fit-Tramuntana tal-Jemen appoġġjat mill-Médecins Sans Frontières (Tobba Mingħajr Fruntieri) (MSF) ġie bbumbardjat fl-10 ta' Jannar 2016, li wassal biex inqatlu mill-inqas sitt persuni, indarbu tnax, fosthom persunal tal-MSF, u saret ħsara serja lill-faċilitajiet mediċi; billi dan huwa l-aħħar wieħed f'sensiela ta' attakki fuq faċilitajiet tas-saħħa; billi ħafna monumenti storiċi u siti arkeoloġiċi wkoll saritilhom ħsara irreparabbli jew inqerdu, inklużi partijiet mill-Belt qadima ta' Sanaa, sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO;

H.

billi, minħabba kapaċità mnaqqsa tal-port u l-konġestjoni li tirriżulta mill-ħsara fl-infrastruttura u fil-faċilitajiet, fil-pajjiż qed jidħol biss 15 % tal-volum tal-importazzjonijiet tal-fjuwil ta' qabel il-kriżi; billi, skont il-Klassifikazzjoni Integrata tal-Fażi tas-Sigurtà tal-Ikel (IPC) tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura, bħalissa hemm tmien gvernaturati li huma kklassifikati fil-livell ta' emerġenza fejn għandha x'taqsam is-sigurtà tal-ikel, jiġifieri Sa'ada, Hajjah, Hodeida, Taiz, Al-Dhale, Lahj, Abyan u Hadramaut;

I.

billi, skont Save the Children, sptarijiet f'mill-inqas 18 mit-22 gvernaturat tal-pajjiż ingħalqu bħala riżultat tal-ġlied jew tan-nuqqas ta' fjuwil, jew ġew affettwati b'mod gravi minnhom; billi, b'mod partikolari, 153 ċentru tas-saħħa li preċedentement kienu jfornu nutrizzjoni lil aktar minn 450 000 tifel u tifla f'riskju issa ngħalqu, flimkien ma' 158 klinika outpatient responsabbli milli jipprovdu kura tas-saħħa bażika lil kważi nofs miljun tifel u tifla taħt l-età ta' ħames snin;

J.

billi, skont l-UNICEF, il-kunflitt fil-Jemen kellu wkoll impatt iebes fuq l-aċċess tat-tfal għall-edukazzjoni, li waqfet għal kważi 2 miljun tifel u tifla, bi 3 584 skola – jew waħda minn kull erbgħa – jingħalqu; billi 860 minn dawn l-iskejjel saritilhom ħsara jew qed jilqgħu lill-persuni spostati;

K.

billi fil-15 ta' Diċembru 2015 ġie ddikjarat waqfien mill-ġlied man-nazzjon kollu iżda sussegwentement dan ġie miksur diversi drabi; billi taħditiet ta' paċi, li saru fl-Iżvizzera f'nofs Diċembru 2015 bejn il-partijiet fil-ġlied, naqsu milli jagħmlu xi progress sinifikanti bil-ħsieb li jtemmu l-kunflitt; billi t-tkomplija ta' taħditiet ta' paċi mmexxija min-NU taħt l-awspiċi tal-Mibgħut Speċjali tan-NU għall-Jemen, Ismail Ould Cheikh Ahmed, li kienet skedata għall-14 ta' Jannar 2016, ġiet posposta temporanjament fost vjolenza kontinwa;

L.

billi s-sitwazzjoni fil-Jemen iġġorr magħha riskji serji għall-istabbiltà tar-reġjun, b'mod partikolari dik tal-Qarn tal-Afrika, tal-Baħar l-Aħmar u tar-reġjun usa' tal-Lvant Nofsani; billi l-Al-Qaeda fil-Peniżola Għarbija (AQAP) approfittat mid-deterjorament tas-sitwazzjoni politika u tas-sigurtà fil-Jemen, u qiegħda tespandi l-preżenza tagħha u tkabbar l-għadd u l-iskala tal-attakki terroristiċi tagħha; billi l-hekk imsejjaħ Stat Iżlamiku (ISIS) / Daesh stabbilixxa l-preżenza tiegħu fil-Jemen u wettaq attakki terroristiċi kontra l-moskej Xiiti, bil-qtil ta' mijiet ta' persuni;

M.

billi Jemen stabbli u sikur, bi gvern li jiffunzjona sew, hu kruċjali għall-isforzi internazzjonali biex jiġu miġġielda l-estremiżmu u l-vjolenza fir-reġjun u lil hinn minnu, kif ukoll għall-paċi u l-istabbiltà fil-Jemen stess;

N.

billi xi Stati Membri tal-UE komplew jawtorizzaw trasferimenti ta' armi u oġġetti relatati lejn l-Arabja Sawdija minn mindu bdiet il-gwerra; billi dawn it-trasferimenti huma bi vjolazzjoni tal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK dwar il-kontroll tal-esportazzjonijiet tal-armi, li teskludi b'mod espliċitu l-awtorizzazzjoni ta' liċenzji tal-armi mill-Istati Membri jekk ikun hemm riskju ċar li t-teknoloġija jew it-tagħmir militari li ser jiġi esportat jista' jintuża biex jitwettqu vjolazzjonijiet serji tad-dritt umanitarju internazzjonali u biex ixekklu l-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà reġjonali;

1.

Jesprimi tħassib serju dwar id-deterjorament allarmanti tas-sitwazzjoni umanitarja fil-Jemen, li hija kkaratterizzata minn insigurtà tal-ikel mifruxa u malnutrizzjoni gravi, l-attakki indiskriminati kontra ċ-ċivili u l-ħaddiema mediċi u umanitarji, il-qerda ta' infrastruttura ċivili u medika bħala riżultat tal-kunflitt domestiku li kien jeżisti qabel, l-intensifikazzjoni tal-attakki mill-ajru mill-koalizzjoni mmexxija mill-Arabja Sawdija, il-ġlied fuq l-art u l-bumbardamenti, minkejja appelli ripetuti għal waqfien imġedded tal-ostilitajiet; jiddispjaċih ħafna għat-telf ta' ħajja kkawżat mill-kunflitt u s-sofferenza ta' dawk maqbuda fil-ġlied, u jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi; ittenni mill-ġdid l-impenn tiegħu li jkompli jappoġġja lill-Jemen u l-poplu Jemenit;

2.

Jesprimi tħassib kbir dwar l-attakki mill-ajru mill-koalizzjoni mmexxija mill-Arabja Sawdija u l-imblokk navali li hija imponiet fuq il-Jemen, li wasslu għal eluf ta' mwiet, komplew jiddestabbilizzaw lill-Jemen, qed jeqirdu l-infrastruttura fiżika tal-pajjiż, ħolqu instabbiltà li ġiet sfruttata minn organizzazzjonijiet terroristiċi u estremisti bħall-ISIS/Daesh u l-AQAP, u qegħdin jaggravaw sitwazzjoni umanitarja diġà kritika; jikkundanna bil-qawwa, barra minn hekk, l-azzjonijiet ta' destabbilizzazzjoni u vjolenti meħuda mill-Houthis, li huma appoġġjati mill-Iran, inkluż l-assedju tal-belt ta' Taiz, li kellu wkoll konsegwenzi umanitarji diżastrużi għall-abitanti tagħha;

3.

Jenfasizza l-ħtieġa ta' azzjoni umanitarja kkoordinata taħt it-tmexxija tan-NU, u jħeġġeġ lill-pajjiżi kollha jikkontribwixxu għall-indirizzar tal-ħtiġijiet umanitarji; iħeġġeġ lill-partijiet kollha biex jippermettu d-dħul u t-twassil ta' ikel, mediċini, fjuwil u assistenza oħra meħtieġa b'mod urġenti permezz ta' kanali tan-NU u internazzjonali umanitarji sabiex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet urġenti taċ-ċivili milquta mill-kriżi, b'konformità mal-prinċipji ta' imparzjalità, newtralità u indipendenza; jappella għal pawża umanitarja sabiex għajnuna li tista' ssalva l-ħajjiet tiġi permessa tilħaq lill-poplu Jemenit b'mod urġenti; ifakkar għalhekk li huwa essenzjali li l-aċċess tat-tbaħħir kummerċjali lejn il-Jemen jiġi ffaċilitat aktar;

4.

Jappella lin-naħat kollha biex jikkonformaw mad-dritt umanitarju internazzjonali u mad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, sabiex jiżguraw il-protezzjoni taċ-ċivili u biex iżommu lura milli jimmiraw direttament lejn infrastruttura ċivili, b'mod partikolari l-faċilitajiet mediċi u s-sistemi tal-ilma; jitlob li ssir investigazzjoni indipendenti dwar l-allegazzjonijiet kollha ta' abbuż, tortura, qtil immirat ta' ċivili u vjolazzjonijiet oħra tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali;

5.

Ifakkar lill-partijiet kollha li l-isptarijiet u l-persunal mediku huma espliċitament protetti taħt id-dritt umanitarju internazzjonali u li t-tqegħid fil-mira intenzjonat ta' ċivili u infrastruttura ċivili jammonta għal delitt tal-gwerra; jappella għal investigazzjoni imparzjali u indipendenti dwar il-vjolazzjonijiet allegati tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali, inklużi l-aħħar attakki mmirati fuq infrastruttura u persunal umanitarji; jappella lill-partijiet kollha jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet taċ-ċittadini Jemeniti kollha, u jenfasizza l-importanza li titjieb is-sigurtà ta' dawk kollha li jaħdmu f'missjonijiet ta' paċi u umanitarji fil-pajjiż, inklużi ħaddiema umanitarji, tobba u ġurnalisti;

6.

Jistieden lill-UE tippromwovi b'mod effikaċi l-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali, kif previst fil-linji gwida rilevanti tal-UE; jenfasizza, b'mod partikolari, il-ħtieġa li l-UE tqajjem, fid-djalogu politiku tagħha mal-Arabja Sawdija, il-ħtieġa ta' konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali, u, f'każ li dan id-djalogu ma jagħti ebda riżultati, biex tikkunsidra miżuri oħra f'konformità mal-linji gwida tal-UE dwar il-promozzjoni tal-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali;

7.

Jistieden lill-VP/RGħ tniedi inizjattiva bil-għan li timponi embargo fuq l-armi tal-UE kontra l-Arabja Sawdija, minħabba l-allegazzjonijiet serji ta' ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali mill-Arabja Sawdija fil-Jemen u l-fatt li l-bejgħ kontinwu tal-liċenzjar tal-armi lill-Arabja Sawdija jkun għaldaqstant ksur tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta' Diċembru 2008;

8.

Jemmen li l-Arabja Sawdija u l-Iran huma strumentali biex tiġi solvuta l-kriżi, u jħeġġeġ liż-żewġ naħat jaħdmu b'mod pragmatiku u b'rieda tajba sabiex jintemm il-ġlied fil-Jemen;

9.

Jenfasizza li hija biss soluzzjoni politika, inklużiva u nnegozjata għall-kunflitt li tista' ġġib lura l-paċi u żżomm l-unità, is-sovranità, l-indipendenza u l-integrità territorjali tal-Jemen; iħeġġeġ lill-partijiet kollha biex, b'rieda tajba u mingħajr prekondizzjonijiet, jimpenjaw ruħhom f'ċiklu ġdid ta' negozjati ta' paċi mmexxija min-NU malajr kemm jista' jkun, inkluż billi jsolvu d-differenzi tagħhom permezz ta' djalogu u konsultazzjonijiet, jirrifjutaw atti ta' vjolenza biex jintlaħqu għanijiet politiċi, u jżommu lura minn provokazzjoni u mill-azzjonijiet kollha li jxekklu s-soluzzjoni politika; jappoġġja l-isforzi tal-Mibgħut Speċjali tan-NU, Ismail Ould Cheikh Ahmed, biex isiru taħditiet ta' paċi ffaċilitati min-NU f'konformità mal-inizjattiva tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf, l-eżiti tal-Konferenza Nazzjonali għad-Djalogu, u r-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, b'mod partikolari r-riżoluzzjonijiet 2140 (2014) u 2216 (2015);

10.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf, lis-Segretarju Ġenerali tal-Lega tal-Istati Għarab, u lill-Gvern tal-Jemen.


(1)  Testi adottati, P8_TA(2015)0270.


Top