EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016IP0064

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Frar 2016 dwar il-bidu tan-negozjati dwar l-FTA mal-Awstralja u New Zealand (2015/2932(RSP))

ĠU C 35, 31.1.2018, p. 136–138 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

31.1.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 35/136


P8_TA(2016)0064

Il-bidu tan-negozjati dwar l-FTA mal-Awstralja u New Zealand

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Frar 2016 dwar il-bidu tan-negozjati dwar l-FTA mal-Awstralja u New Zealand (2015/2932(RSP))

(2018/C 035/23)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Ottubru 2015 bit-titolu “Kummerċ għal kulħadd – Lejn politika aktar responsabbli għall-kummerċ u l-investiment” (COM(2015)0497),

wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet konġunti tal-President tal-Kummissjoni, Jean-Claude Juncker, u tal-President tal-Kunsill Ewropew, Donald Tusk, tad-29 ta' Ottubru 2015 mal-Prim Ministru ta' New Zealand, John Key, u tal-15 ta' Novembru 2015 mal-Prim Ministru tal-Awstralja, Malcolm Turnbull,

wara li kkunsidra l-Qafas ta' Sħubija bejn l-UE u l-Awstralja tad-29 ta' Ottubru 2008 u d-Dikjarazzjoni Konġunta dwar ir-Relazzjonijiet u l-Kooperazzjoni bejn l-UE u New Zealand tal-21 ta' Settembru 2007,

wara li kkunsidra ftehimiet bilaterali oħra bejn l-UE u l-Awstralja, b'mod partikolari l-Ftehim dwar l-għarfien reċiproku fir-rigward tal-valutazzjoni tal-konformità, iċ-ċertifikati u l-immarkar u l-Ftehim dwar il-kummerċ tal-inbid,

wara li kkunsidra ftehimiet bilaterali oħra bejn l-UE u New Zealand, b'mod partikolari l-Ftehim dwar miżuri sanitarji applikabbli għall-kummerċ fl-annimali ħajjin u l-prodotti tal-annimali u l-Ftehim dwar l-għarfien reċiproku fir-rigward tal-valutazzjoni tal-konformità,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, u b'mod partikolari il-pożizzjonijiet tiegħu tat-12 ta' Settembru 2012 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Awstralja li jemenda l-Ftehim dwar l-għarfien reċiproku (1) u dik tat-12 ta' Settembru 2012 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim UE/New Zealand li jemenda l-Ftehim dwar l-għarfien reċiproku (2),

wara li kkunsidra l-istqarrija maħruġa wara l-laqgħa tal-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern tal-G20 li saret fi Brisbane fil-15 u s-16 ta' Novembru 2014,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tat-22 ta' April 2015 tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin Awstraljan bit-titolu “Lejn sħubija aktar mill-qrib bejn l-UE u l-Awstralja” u d-dikjarazzjoni konġunta tal-25 ta' Marzu 2014 tal-President Van Rompuy, il-President Barroso u l-Prim Ministru Key dwar l-approfondiment tas-sħubija bejn New Zealand u l-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra n-natura sensittiva ta' ċerti setturi agrikoli f'dawn in-negozjati,

wara li kkunsidra n-numru diġà sinifikanti ta' ftehimiet li qed jiġu nnegozjati bejn l-UE u s-sħab kummerċjali ewlenin tagħha,

wara li kkunsidra l-Artikoli 207(3) u 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar il-bidu tan-negozjati dwar l-FTA mal-Awstralja u New Zealand (O-000154/2015 – B8-0101/2016),

wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi l-Awstralja u New Zealand huma fost l-eqdem u l-eqreb sħab tal-UE, u lkoll jikkondividu valuri komuni u huma impenjati favur il-promozzjoni globali tal-prosperità u s-sigurtà fi ħdan sistema bbażata fuq ir-regoli;

B.

billi l-UE, l-Awstralja u New Zealand jaħdmu flimkien biex jaffrontaw l-isfidi komuni f'għadd kbir ta' oqsma u jikkooperaw f'diversi fora internazzjonali;

C.

billi l-UE u New Zealand huma firmatarji tal-Ftehim dwar l-Akkwisti Pubbliċi u l-Awstralja qiegħda fil-proċess li tirratifikah;

D.

billi l-UE, l-Awstralja u New Zealand huma impenjati f'negozjati plurilaterali biex ikomplu jilliberalizzaw il-kummerċ fi prodotti ekoloġiċi (Ftehim dwar il-Prodotti Ambjentali) u l-kummerċ fis-servizzi (TiSA);

E.

billi kemm l-Awstralja kif ukoll New Zealand huma involuti fin-negozjati dwar Sħubija Trans-Paċifika (TPP) li ġew konklużi reċentement u fin-negozjati li għaddejjin bħalissa dwar Sħubija Ekonomika Reġjonali Komprensiva (RCEP) fil-Lvant tal-Asja, li tgħaqqad flimkien lill-aktar sħab kummerċjali importanti tal-Awstralja u New Zealand;

F.

billi l-Awstralja u New Zealand huma tnejn mill-uniċi sitt membri tad-WTO li għalihom għad m'hemmx aċċess preferenzjali għas-suq tal-UE jew negozjati għaddejjin f'dan ir-rigward;

G.

billi l-Awstralja u New Zealand huma żewġ pajjiżi li jirrispettaw bis-sħiħ l-istat tad-dritt u li bħalissa joffru protezzjoni qawwija fir-rigward tal-ambjent u d-drittijiet tal-bniedem, dawk soċjali u tax-xogħol;

H.

billi l-konklużjoni tal-ftehimiet ta' kummerċ ħieles tal-UE mal-Awstralja u ma' New Zealand se tapprofondixxi r-relazzjoni kummerċjali u ta' investiment u billi ma setax jiġi eżaminat jekk il-ftehimiet jaffettwawx il-kapaċità tal-partijiet biex jintroduċu, iżommu jew itejbu l-istandards soċjali, ambjentali u tax-xogħol;

I.

billi l-UE kkonkludiet in-negozjati dwar il-Ftehim ta' Sħubija bejn l-UE u New Zealand dwar ir-Relazzjonijiet u l-Kooperazzjoni (PARC) fit-30 ta' Lulju 2014 u dawk dwar il-Ftehim Qafas (FA) bejn l-UE u l-Awstralja fit-22 ta' April 2015;

J.

billi l-UE hija t-tielet l-aktar sieħeb kummerċjali importanti kemm tal-Awstralja kif ukoll ta' New Zealand, li huma l-wieħed u għoxrin u l-wieħed u ħamsin sieħeb kummerċjali tal-UE rispettivament (2014);

K.

billi New Zealand huwa wieħed mill-ftit pajjiżi li l-Kummissjoni tirrikonoxxi li għandhom livell adegwat ta' protezzjoni tad-data privata;

L.

billi l-konklużjoni ta' ftehimiet moderni, ambizzjużi, bilanċjati u komprensivi tieħu r-relazzjonijiet ekonomiċi f'livell ġdid;

M.

billi l-Parlament se jintalab jiddeċiedi jekk għandux jagħti l-kunsens tiegħu għall-FTAs potenzjali bejn l-UE u l-Awstralja u bejn l-UE u New Zealand;

1.

Jenfasizza l-importanza li jiġu approfonditi r-relazzjonijiet bejn l-UE u r-reġjun tal-Asja u l-Paċifiku għat-tkabbir ekonomiku fl-Ewropa u jenfasizza li dan għandu jkun rifless fil-politika kummerċjali tal-Unjoni Ewropea; jirrikonoxxi li l-Awstralja u New Zealand jikkostitwixxu komponent fundamentali ta' din l-istrateġija u li t-twessigħ u l-approfondiment tal-kummerċ ma' dawn is-sħab jistgħu jgħinu biex jintlaħaq dan l-objettiv;

2.

Ifaħħar lill-Awstralja u lil New Zealand għall-impenn b'saħħtu u konsistenti tagħhom favur l-aġenda kummerċjali multilaterali;

3.

Iqis li l-potenzjal sħiħ tal-istrateġiji ta' kooperazzjoni bilaterali u reġjonali tal-Unjoni jista' jintlaħaq biss bil-konklużjoni ta' FTAs ta' kwalità għolja kemm mal-Awstralja kif ukoll ma' New Zealand fi spirtu ta' reċiproċità u benefiċċju reċiproku filwaqt li dan m'għandu, taħt l-ebda ċirkustanza, jipperikola jew jiddevja r-riżorsi u l-attenzjoni mill-ambizzjoni li jinkiseb progress multilaterali jew mill-implimentazzjoni ta' ftehimiet multilaterali u bilaterali diġà konklużi;

4.

Jemmen li n-negozjar ta' żewġ FTAs separati, moderni, ambizzjużi, bilanċjati u komprensivi mal-Awstralja u New Zealand f'konformità mal-karatteristiċi speċifiċi ta' dawn l-ekonomiji huwa mod prammatiku ta' approfondiment tas-sħubijiet bilaterali u tisħiħ ulterjuri tar-relazzjonijiet kummerċjali u ta' investiment eżistenti u diġà maturi, u jgħin biex jittaffew l-effetti diversivi potenzjali tat-TPP konkluża reċentement; jipprevedi li l-eżitu tan-negozjati jista' jservi bħala mudell għal ftehimiet oħra ta' kummerċ ħieles fil-futur;

5.

Jistieden lill-Kummissjoni biex, matul l-eżerċizzju esplorattiv, tistudja bir-reqqa l-opportunitajiet addizzjonali kollha ta' aċċess għas-suq għall-operaturi ekonomiċi Ewropej, speċjalment l-SMEs, offruti mill-FTAs prospettivi mal-Awstralja u ma' New Zealand u tqabbilhom ma' kwalunkwe interess difensiv li jista' jkun hemm, peress li kemm l-Awstralja kif ukoll New Zealand diġà għandhom swieq relattivament miftuħin u tariffi baxxi ħafna meta mqabbla mal-bqija tad-dinja;

6.

Jenfasizza li ftehimiet ambizzjużi bejn dawn it-tliet ekonomiji avvanzati għandhom jindirizzaw, b'mod sinifikattiv, l-investiment, il-kummerċ fi prodotti u servizzi (abbażi tar-rakkomandazzjonijiet reċenti tal-Parlament Ewropew fir-rigward tal-ispazju politiku u s-setturi sensittivi), il-kummerċ elettroniku, l-akkwist pubbliku, l-enerġija, l-intrapriżi tal-Istat, il-kompetizzjoni, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, kwistjonijiet regolatorji bħal ostakli sanitarji u fitosanitarji, ir-riċerka teknoloġika u, b'mod speċjali, il-bżonnijiet tal-SMEs, u jistgħu jkunu ta' benefiċċju għall-governanza tal-ekonomija globali permezz ta' konverġenza u kooperazzjoni akbar dwar standards internazzjonali mingħajr ma jitnaqqsu l-livelli ta' protezzjoni tal-konsumatur (eż. is-sikurezza tal-ikel), ambjentali (eż. is-saħħa u l-benessri tal-annimali, is-saħħa tal-pjanti), soċjali jew tax-xogħol;

7.

Jenfasizza li l-ftehimiet prospettivi għandhom iqisu bis-sħiħ, f'kapitolu separat, il-bżonnijiet u l-interessi tal-SMEs b'rabta ma' kwistjonijiet li jirrigwardaw l-iffaċilitar tal-aċċess għas-suq sabiex jinħolqu opportunitajiet kummerċjali konkreti;

8.

Iqis li kapitolu solidu u ambizzjuż dwar l-iżvilupp sostenibbli, li jkopri, fost affarijiet oħra, l-istandards fundamentali tax-xogħol, l-erba' konvenzjonijiet prijoritarji tal-ILO dwar il-governanza kif ukoll il-ftehimiet ambjentali multilaterali, huwa komponent indispensabbli ta' kwalunkwe ftehim ta' kummerċ ħieles prospettiv; iqis li l-ftehim għandu jinkludi wkoll it-twaqqif ta' forum konġunt tas-soċjetà ċivili li jissorvelja u jikkummenta fuq l-implimentazzjoni tiegħu u kif il-partijiet jirrispettaw l-impenji u l-obbligi tagħhom fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem, l-istandards tax-xogħol u l-protezzjoni ambjentali;

9.

Jinnota li l-agrikoltura tikkostiwixxi settur sensittiv ħafna u li eżitu finali u bilanċjat fil-kapitoli tal-agrikoltura u s-sajd għandu jqis kif dovut l-interessi tal-produtturi Ewropej kollha, pereżempju l-produtturi tal-laħam, tal-ħalib, taz-zokkor, taċ-ċereali u tat-tessuti u dawk fir-reġjuni ultraperifeċriċi, pereżempju billi jiġu introdotti perjodi ta' tranżizzjoni jew kwoti xierqa, jew billi ma jittiħdux impenji fl-aktar setturi sensittivi; jemmen li dan b'hekk biss jista' jagħti spinta lill-kompetittività u jkun ta' benefiċċju kemm għall-konsumaturi kif ukoll għall-produtturi; jappella biex jiddaħħlu miżuri ta' salvagwardja bilaterali effikaċi sabiex tiġi evitata żieda fl-importazzjonijiet li tista' tikkawża, jew thedded li tikkawża, dannu serju lill-produtturi Ewropej f'setturi sensittivi u biex jiġu implimentati miżuri speċifiċi li jipproteġu prodotti sensittivi mir-reġjuni ultraperiferiċi, b'mod partikolari l-esklużjoni ta' tipi speċjali ta' zokkor;

10.

Jenfasizza li n-negozjati għandhom iwasslu għal dispożizzjonijiet b'saħħithom u infurzabbli li jkopru r-rikonoxximent u l-protezzjoni tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali, inklużi l-indikazzjonijiet ġeografiċi (IĠ);

11.

Jistieden lill-Kummissjoni biex, malajr kemm jista' jkun, twettaq valutazzjonijiet tal-impatt komprensivi dwar is-sostenibbiltà tal-ftehimiet prospettivi bil-għan li tkun tista' ssir evalwazzjoni profonda tal-gwadann u t-telf li jista' jkun hemm mit-tisħiħ tar-relazzjonijiet kummerċjali u ta' investiment tal-UE mal-Awstralja u New Zealand għall-benefiċċju taċ-ċittadini u tan-negozji fuq iż-żewġ naħat, inklużi r-reġjuni ultraperiferiċi u l-pajjiżi u t-territorji lil hinn mill-baħar;

12.

Jistieden lill-Kummissjoni torbot it-tnedija tan-negozjati mal-Awstralja u New Zealand mal-impenn tal-partijiet kollha li jikkommettu ruħhom mill-bidu nett biex in-negozjati jitwettqu bl-aktar mod trasparenti possibbli u b'rispett sħiħ tal-aħjar prattika – kif stabbilit f'negozjati oħra – u permezz ta' djalogu kostanti mas-sħab soċjali u s-soċjetà ċivili, u li tinkludi l-livell ta' ambizzjoni mistenni f'dan ir-rigward fl-eżerċizzju esplorattiv;

13.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Awstralja u New Zealand.


(1)  ĠU C 353 E, 3.12.2013, p. 210.

(2)  ĠU C 353 E, 3.12.2013, p. 210.


Top