EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016IP0062

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Frar 2016 dwar ir-rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew fl-2014 (2015/2231(INI))

ĠU C 35, 31.1.2018, p. 125–130 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

31.1.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 35/125


P8_TA(2016)0062

Attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew fl-2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Frar 2016 dwar ir-rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew fl-2014 (2015/2231(INI))

(2018/C 035/21)

Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew fl-2014,

wara li kkunsidra l-Artikolu 228 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikoli 11, 19, 41, 42 u 43 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Marzu 1994 rigward ir-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tal-obbligi tal-Ombudsman (1),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikolu 220(2), it-tieni u t-tielet sentenza, tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet (A8-0020/2016),

A.

billi r-rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew fis-sena 2014 tressaq formalment lill-President tal-Parlament fis-26 ta' Mejju 2015, u l-Ombudsman, Emily O'Reilly, ippreżentat ir-rapport lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet fi Brussell fit-23 ta' Ġunju 2015;

B.

billi Emily O'Reilly ġiet eletta mill-ġdid Ombudsman Ewropew mill-Parlament waqt is-sessjoni plenarja tiegħu fis-16 ta' Diċembru 2014 fi Strasburgu;

C.

billi l-prijorità ewlenija tal-Ombudsman Ewropew hija li tiżgura li d-drittijiet taċ-ċittadini jiġu rispettati bis-sħiħ u li d-dritt għal amministrazzjoni tajba jirrifletti l-ogħla standards kif mistenni mill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni; billi l-Ombudsman Ewropew għandu rwol vitali li jgħin lill-istituzzjonijiet tal-UE jsiru aktar miftuħa, effikaċi u favur iċ-ċittadini bl-għan li tissaħħaħ il-fiduċja taċ-ċittadini fl-UE;

D.

billi skont l-istħarriġ tal-Ewrobarometru ta' Mejju 2015, il-fiduċja taċ-ċittadini fl-Unjoni Ewropea hija ta' 40 % u n-nuqqas ta' fiduċja 46 %; billi l-kapaċità ta' monitoraġġ bejn l-istituzzjonijiet hija essenzjali biex jitjieb il-livell ta' sodisfazzjon fost iċ-ċittadini Ewropej;

E.

billi l-Artikolu 24 tat-TFUE jistipula li “kull ċittadin tal-Unjoni jista' jressaq rikors quddiem l-Ombudsman stabbilit skont l-Artikolu 228”;

F.

billi l-Artikolu 228 tat-TFUE jagħti s-setgħa lill-Ombudsman Ewropew li jmexxi inkjesti dwar amministrazzjoni ħażina fl-attivitajiet tal-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji, u l-aġenziji tal-Unjoni, bl-eċċezzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li taġixxi fir-rwol ġudizzjarju tagħha; billi l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tiddikjara li “Kull persuna għandha d-dritt li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b'mod imparzjali u ġust u fi żmien raġonevoli mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni”;

G.

billi l-Artikolu 43 tal-Karta jgħid li: “Kull ċittadin tal-Unjoni, u kull persuna fiżika jew ġuridika li tirrisjedi jew li jkollha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Stat Membru għandu d-dritt li jirrikorri għand l-Ombudsman Ewropew f'każijiet ta' amministrazzjoni ħażina fl-attivitajiet tal-istituzzjonijiet, tal-korpi jew tal-aġenziji tal-Unjoni, bl-eċċezzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea meta tkun qed taġixxi fir-rwol ġudizzjarju tagħha”;

H.

billi skont l-ewwel Ombudsman Ewropew, “l-amministrazzjoni ħażina tokkorri meta korp pubbliku ma jaġixxix skont regola jew prinċipju li jorbtu” (2); billi dan jitlob lill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni mhux biss li jirrispettaw l-obbligi legali tagħhom, iżda wkoll li jkunu orjentati li joffru servizz tajjeb u jiżguraw li l-membri tal-pubbliku jkunu ttrattati b'mod xieraq u jgawdu bis-sħiħ id-drittijiet tagħhom; billi l-kunċett ta' amministrazzjoni tajba għandu jinftiehem bħala proċess ta' titjib kontinwu li għadu għaddej;

I.

billi fl-2014, 23 072 ċittadin talbu lis-servizzi tal-Ombudsman għall-għajnuna; billi 19 170 ingħataw konsulenza permezz tal-gwida interattiva tas-sit tagħha; billi fl-2014 l-Ombudsman irreġistrat 2 079 ilment, filwaqt li rċeviet 1 823 talba għal informazzjoni;

J.

billi mill-għadd totali ta' 2 163 ilment ipproċessat mill-Ombudsman, 736 kienu jaqgħu taħt il-mandat tagħha u 1 427 ma kinux;

K.

billi mill-2 163 ilment ipproċessat, f'1 217-il każ l-Ombudsman tat pariri lill-ilmentatur jew ittrasferiet il-każ, f'621 każ l-ilmentatur ġie infurmat li ma setgħux jingħataw pariri ulterjuri, u fi 325 minnhom infetħet inkjesta;

L.

billi l-Ombudsman fetħet 342 inkjesta, li minnhom 325 kienu bbażati fuq ilmenti u 17 kienu inkjesti fuq inizjattiva proprja; billi għalqet 400 inkjesta, li 13 minnhom kienu inkjesti fuq inizjattiva proprja; billi, mill-inkjesti li ngħalqu, 335 tressqu minn ċittadini individwali u 52 minn kumpaniji, assoċjazzjonijiet jew entitajiet ġuridiċi oħra;

M.

billi l-Ombudsman ittrasferiet 772 ilment lil membri tan-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen, inklużi 86 ilment ittrasferiti lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet, 144 lill-Kummissjoni u 524 lil istituzzjonijiet u korpi oħra; billi l-biċċa l-kbira tal-inkjesti kienu jikkonċernaw il-Kummissjoni (59,6 %), segwiti mill-aġenziji tal-UE (13,7 %), l-EPSO (9,4 %), istituzzjonijiet oħra (8,5 %), is-SEAE (3,8 %), il-Parlament (3,5 %) u l-OLAF (3,2 %);

N.

billi mill-inkjesti li ngħalqu mill-Ombudsman 21,5 % kienu jikkonċernaw talbiet għal informazzjoni u aċċess għal dokumenti, 19,3 % ir-rwol tal-Kummissjoni bħala gwardjana tat-Trattati, 19,3 % il-kompetizzjoni u proċeduri ta' selezzjoni u 16 % kwistjonijiet istituzzjonali u ta' politika, 11,3 % regolamenti dwar l-amministrazzjoni u l-persunal, 8,3 % l-għoti ta' offerti jew għotjiet u 6 % l-eżekuzzjoni tal-kuntratti;

O.

billi mill-inkjesti li ngħalqu, 133 każ ġew solvuti mill-istituzzjoni jew ingħalqu wara li tkun intlaħqet soluzzjoni amikevoli, u f'163 każ l-Ombudsman qieset li l-ebda inkjesta ulterjuri ma kienet ġustifikata;

P.

billi f'76 każ ma nstabet l-ebda amministrazzjoni ħażina; billi f'39 każ instabet amministrazzjoni ħażina, u fi 13-il każ intuża mezz ieħor biex jingħalaq il-każ; billi fil-każijiet fejn instabet amministrazzjoni ħażina l-Ombudsman esprimiet rimarki kritiċi f'27 istanza u abbozz ta' rakkomandazzjonijiet fi 12-il istanza;

Q.

billi t-tul tal-inkjesti li ngħalqu fl-2014 kien bejn 3 xhur u 18-il xahar; billi ż-żmien medju biex tingħalaq inkjesta kien ta' 11-il xahar;

R.

billi l-istituzzjonijiet qed jikkonformaw ma' 80 % tal-proposti tal-Ombudsman; billi għad hemm 20 % tal-proposti li ġew preżentati u li jeħtieġ li jkun hemm konformità magħhom;

S.

billi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet, li fl-2014 biss irċieva 2 714-il talba, huwa parti importanti tal-funzjonament istituzzjonali tal-Unjoni Ewropea, billi jressaq il-Parlament eqreb taċ-ċittadini; billi r-relazzjoni mill-qrib bejn l-Ombudsman u l-Kumitat għall-Petizzjonijiet se ttejjeb il-livell ta' kontroll demokratiku tal-attività tal-istituzzjonijiet Ewropej;

1.

Japprova r-rapport annwali għall-2014 ippreżentat mill-Ombudsman Ewropew;

2.

Jifraħ lil Emily O'Reilly għall-ħatra mill-ġdid tagħha bħala l-Ombudsman Ewropew u għall-ħidma eċċellenti tagħha; jappoġġja l-għan tagħha li tgħin lill-istituzzjonijiet tal-UE fl-isforz tagħhom li jipprovdu l-aħjar servizz possibbli liċ-ċittadini u r-residenti tal-Ewropa; iqis li l-enfasi tal-Ombudsman fuq it-trasparenza bħala garanzija ta' amministrazzjoni tajba kienet kruċjali;

3.

Jilqa' u jagħti appoġġ sħiħ għall-fatt li l-Ombudsman qed tagħmel użu akbar mis-setgħa tagħha li tiftaħ investigazzjonijiet strateġiċi fuq inizjattiva tagħha stess; jilqa' l-ħatra, fl-uffiċċju tagħha, ta' Koordinatur tal-Investigazzjoni fuq Inizjattiva Proprja u l-introduzzjoni ta' regoli interni ġodda dwar il-whistleblowing; ifaħħar lill-Ombudsman għall-isforzi li għamlet fl-organizzazzjoni mill-ġdid tal-uffiċċju tagħha, li diġà ħolqu titjib sinifikanti fl-effiċjenza; jilqa' u jappoġġja l-approċċ tal-Ombudsman orjentat lejn il-futur u l-adozzjoni ta' strateġija għal ħames snin ġdida “Lejn l-2019”, li tintroduċi approċċ aktar strateġiku biex jiġu indirizzati kwistjonijiet sistemiċi u għall-promozzjoni tal-amministrazzjoni tajba;

4.

Jilqa' l-inkjesti li nbdew mill-Ombudsman fl-2014, li fihom jistgħu jiġu identifikati t-temi ewlenin li ġejjin: it-trasparenza fi ħdan l-istuzzjonijiet tal-UE, it-trasparenza fil-lobbying u l-provi kliniċi, id-drittijiet fundamentali, il-kwistjonijiet etiċi, il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fit-teħid ta' deċiżjonijiet tal-UE, il-proġetti u l-programmi ffinanzjati mill-UE, u l-politika tal-kompetizzjoni tal-UE;

5.

Ifakkar li, tul is-snin, 20-30 % tal-ilmenti kienu jikkonċernaw it-trasparenza u li l-aktar kwistjonijiet ta' trasparenza komuni li tqajmu huma ċ-ċaħda tal-istituzzjonijiet milli jagħtu aċċess għal dokumenti u/jew informazzjoni; iqis li l-ftuħ u l-aċċessgħad-dokumenti huma, f'konformità mal-Artikolu 15 tat-TFUE u mal-Artikolu 42 tal-Karta, parti essenzjali mis-sistema ta' kontrolli u bilanċi istituzzjonali; jappoġġja kwalunkwe inizjattiva mill-Kummissjoni u mill-istituzzjonijiet tal-UE l-oħrajn biex jiġi żgurat aċċess ġust, rapidu u sempliċi għad-dokumentazzjoni kollha tal-UE; jinnota b'apprezzament it-trasparenza mtejba li tirriżulta mir-Reġistru Pubbliku tad-dokumenti fuq l-internet; jistieden lill-Ombudsman tinvestiga l-kwistjonijiet tat-trasparenza rigward l-aċċess f'waqtu tal-Parlament għad-dokumenti relevanti tal-Kummissjoni dwar il-proċeduri ta' ksur u tal-EU Pilot, b'mod speċjali meta dawn ikunu relatati ma' petizzjonijiet eżistenti; iqis li jeħtieġ li jiġu identifikati u mdaħħla fis-seħħ mekkaniżmi xierqa sabiex jiġi żgurat djalogu interistituzzjonali leali;

6.

Iwissi li mhux id-dispożizzjonijiet kollha relatati mal-Konvenzjoni ta' Aarhus u r-Regolamenti relatati magħha ((KE) Nru 1367/2006 u (KE) Nru 1049/2001) qed jiġu osservati b'mod effettiv kif xieraq; iqis li għad hemm opportunità kbira għal titjib fil-qasam tat-trasparenza min-naħa tal-Kummissjoni, b'mod partikolari dwar id-disponibilità f'termini ta' kwantità u kwalità tal-informazzjoni mogħtija liċ-ċittadini individwali u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fuq talba tagħhom għall-aċċess għad-dokumenti; jistieden lill-Ombudsman biex twettaq investigazzjoni fuq il-bażi tal-petizzjoni estensiva 0134/2012 dwar dawn il-kwistjonijiet, fid-dawl tal-identifikazzjoni u l-korrezzjoni ta' kwalunkwe amministrazzjoni ħażina possibbli li tikkonċerna l-implimentazzjoni ta' dawn ir-Regolamenti mill-istituzzjonijiet ikkonċernati tal-UE;

7.

Jilqa' l-investigazzjonijiet tal-Ombudsman f'każijiet li jikkonċernaw uffiċjali għoljin tal-UE li jmorru jaħdmu mas-settur privat f'qasam relatat (“revolving door”); jinnota li l-Ombudsman investigat ilmenti minn ħames NGOs u eżaminat 54 fajl tal-Kummissjoni; iħeġġeġ lill-Ombudsman tgħin biex jiġu żviluppati, u introdotti, kriterji u mekkaniżmi ta' infurzar ċari u dettaljati sabiex jiġu identifikati, investigati u, fejn ikun possibbli, evitati kunflitti ta' interess fi kwalunkwe livell tal-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-UE;

8.

Iqis li l-kunċett ta' kunflitt ta' interess imur lil hinn minn sempliċi kwistjoni ta' trasparenza u li l-iżgurar ta' amministrazzjoni pubblika Ewropea mingħajr kunflitt ta' interess huwa ta' tħassib ewlieni meta jkun hemm tentattiv li tinbena demokrazija vera Ewropea u li tiġi ssalvagwardjata l-fiduċja taċ-ċittadini Ewropej, fost impjegati taċ-ċivil u fi ħdan l-istituzzjonijiet; jirrakkomanda lill-Ombudsman, fl-investigazzjonijiet tagħha, biex tqis id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Korruzzjoni (UNCAC), il-Linji Gwida tal-OECD “Managing Conflict of Interest in the Public Service” (Il-Ġestjoni ta' Kunflitt ta' Interess fis-Servizz Pubbliku), u r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi ta' Transparency International;

9.

Jinnota li bħala riżultat tal-inkjesti tal-Ombudsman il-Kummissjoni ppubblikat dokumenti dwar id-dħul tal-Greċja fiż-żona euro, li l-Bank Ċentrali Ewropew iddivulga ittra lill-Gvern Irlandiż dwar il-kriżi finanzjarja, u li l-Kummissjoni segwiet ir-rakkomandazzjoni tal-Ombudsman biex tirrilaxxa dokumenti dwar ir-riforma fil-Politika Komuni tas-Sajd, għalkemm dan sar wara li ntlaħaq ftehim dwar ir-riforma;

10.

Jilqa' l-progress fil-trasparenza fin-negozjati tat-TTIP li jinsabu għaddejjin b'segwitu għall-inkjesti tal-Ombudsman dwar it-trasparenza f'dawn il-laqgħat; jinnota li l-Kunsill minn dak iż-żmien ippubblika d-direttivi li l-UE qed tuża biex tinnegozja t-TTIP u li l-Kummissjoni ħabbret pjanijiet biex iżżid it-trasparenza fil-lobbying u twessa' l-aċċess għad-dokumenti tat-TTIP; jinnota t-tħassib taċ-ċittadini dwar it-trasparenza fin-negozjati tat-TTIP;

11.

Ifakkar li l-Kumitat għall-Petizzjonijiet jirċievi bosta lmenti anonimi minn gruppi u ċittadini dwar in-nuqqas ta' trasparenza fin-negozjati tat-TTIP, u dan juri tħassib pubbliku profond dwar il-kwistjoni fil-livell Ewropew;

12.

Jistaqsi jekk id-dewmien twil fit-teħid tad-deċiżjonijiet ta' xi inizjattivi leġiżlattivi fil-Kunsill, bħad-direttiva kontra d-diskriminazzjoni orizzontali li ġiet iffriżata għal aktar minn sitt snin, jew ir-ratifika tat-Trattat ta' Marrakech dwar l-eċċezzjonijiet tad-dritt tal-awtur għall-persuni b'vista batuta, jaqax taħt il-kategorija ta' amministrazzjoni ħażina, peress li dan joħloq ħafna frustrazzjoni fuq iċ-ċittadini kkonċernati fir-rigward tal-istituzzjonijiet Ewropej; iħeġġeġ lill-Kunsill u b'mod partikolari lill-minoranzi li jimblokkaw fih, biex jieħdu l-passi meħtieġa biex jindirizzaw dawn is-sitwazzjonijiet intollerabbli; jissuġġerixxi lill-Ombudsman biex tesplora din il-kwistjoni fil-kamp ta' applikazzjoni tal-kompetenzi tagħha;

13.

Jilqa' l-enfasi miżjuda u meħtieġa fuq it-trasparenza tal-attivitajiet tal-lobbying mill-Ombudsman u l-ħidma tagħha biex jinkiseb Reġistru dwar it-Trasparenza obbligatorju, sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jafu min qed jipprova jinfluwenza lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet tal-UE; jilqa' l-inkjesta tagħha fil-kompożizzjoni u t-trasparenza ta' gruppi ta' esperti fil-Kummissjoni, b'mod partikolari dawk li qed jagħtu konsulenza dwar il-Politika Agrikola Komuni (PAK) fejn l-UE tonfoq aktar minn terz tal-baġit tagħha; jappoġġja l-approċċ tagħha u jħeġġiġha tkompli tissorvelja t-trasparenza fil-kompożizzjoni ta' dawn il-gruppi sabiex tiggarantixxi rappreżentanza bilanċjata, u bilanċ bejn is-sessi, fil-firxa wiesgħa ta' gruppi ta' interess ekonomiċi u mhux ekonomiċi fl-oqsma kollha ta' politika;

14.

Jinnota li aktar minn 7 000 istituzzjoni volontarjament irreġistraw fir-Reġistru ta' Trasparenza, u dan jirrifletti l-varjetà ta' partijiet interessati pubbliċi u privati li qed jaħdmu magħhom l-istituzzjonijiet Ewropej; japprova l-appoġġ tal-Ombudsman għall-pjan tal-Viċi President Timmermans biex jagħmel ir-Reġistru obbligatorju; jilqa' d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta' Diċembru 2014 li tobbliga lill-membri kollha tal-Kummissjoni u l-persunal f'livell għoli biex jippubblikaw il-kuntatti kollha u l-laqgħat kollha mal-partijiet interessati u mal-lobbisti; jilqa' l-fatt li r-Reġistru għandu jinkludi informazzjoni dwar ir-riżorsi umani u finanzjarji disponibbli għall-organizzazzjonijiet tal-lobbying, biex jikkonformaw aktar mad-dispożizzjonijiet dwar il-ftuħ u l-governanza tajba fl-istituzzjonijiet tal-UE;

15.

Iħeġġeġ lill-Ombudsman tibqa' viġilanti u determinata, u tkompli tħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħti trasparenza sħiħa lill-membri u lil-laqgħat tal-gruppi esperti, il-pjattaformi tat-teknoloġija u l-aġenziji kollha; ifakkar fil-kundizzjonijiet li fl-2012 il-Parlament Ewropew kien stabbilixxa meta neħħa l-iffriżar tal-baġits tal-gruppi ta' esperti;

16.

Jinnota li l-Ombudsman fl-2014 kellha rwol ewlieni fil-qasam tat-trasparenza tad-data dwar il-provi kliniċi billi għenet fit-tiswir tal-politika dwar it-trasparenza proattiva tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA); jinnota li f'Ottubru 2014 l-EMA iddeċidiet li tippubblika r-rapporti dwar l-istudji kliniċi minn jeddha; iħeġġeġ lill-Ombudsman tkompli tissorvelja kif l-EMA tagħmel id-data dwar il-provi kliniċi disponibbli u tiżgura li din tilħaq l-ogħla standards ta' trasparenza;

17.

Jistieden lill-Istati Membri jkunu aktar diliġenti fil-kollaborazzjoni obbligatorja tagħhom mal-Ombudsman;

18.

Iħeġġeġ lill-Ombudsman tkompli tippromwovi trasparenza akbar fil-provi kliniċi, speċjalment fil-valutazzjoni tal-kwalità tar-riżultati mill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini; ifakkar li din il-valutazzjoni għandha tkun ibbażata fuq il-valur miżjud ta' mediċini innovattivi u l-ispiża reali tar-riċerka sabiex jiġu ffaċilitati l-mudelli ta' pprezzar u finanzjament tal-Istati Membri;

19.

Jistieden lill-Ombudsman tkompli tappoġġja l-inizjattiva għal trasparenza akbar fir-R&Ż, biex ikun garantit aċċess għas-servizzi tas-saħħa fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni tas-setgħat tal-mandat tal-Ombudsman;

20.

Jilqa' r-Regolament dwar il-Provi Kliniċi l-ġdid tal-UE li jitlob li l-informazzjoni dwar il-provi kliniċi ssir disponibbli; jinnota li l-“Jum Internazzjonali tad-Dritt għall-Informazzjoni” 2014 tal-Ombudsman ġie ddedikat għat-trasparenza tad-data dwar il-provi kliniċi;

21.

Jilqa' l-investigazzjoni tal-Ombudsman dwar il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fil-każijiet kollha tal-politika ta' koeżjoni tal-UE, li twaqqfet biex jinħolqu t-tkabbir u l-impjiegi, biex jiġu indirizzati t-tibdil fil-klima u d-dipendenza fuq l-enerġija, u biex jitnaqqsu l-faqar u l-esklużjoni soċjali;

22.

Jinnota li Orizzont 2020 huwa t-tielet l-aktar pakkett importanti ta' investimenti tal-baġit wara l-PAK u l-Fondi Strutturali, b'baġit ta' kważi EUR 80 000 miljun, u li huwa fundamentali għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-futur; jistieden lill-Ombudsman biex tkompli tiggarantixxi t-trasparenza fil-proċess ta' analiżi kollu u fl-għoti ta' proġetti taħt Orizzont 2020;

23.

Jistieden lill-Frontex tiżgura r-rispett għall-benesseri tal-persuni rimpatrijati matul it-titjiriet ta' ritorn u l-implimentazzjoni korretta tal-Kodiċi ta' Kondotta għal Operazzjonijiet Konġunti ta' Ritorn; jilqa' l-appell tal-Ombudsman lill-Frontex biex tistabbilixxi mekkaniżmu individwali ta' lmenti għal ksur potenzjali tad-drittijiet fundamentali; jistedinha tinvestiga din il-kwistjoni ulterjorment fl-isfond tas-sitwazzjoni attwali tan-numru dejjem jiżdied ta' refuġjati fil-fruntieri tal-UE;

24.

Jilqa' l-investigazzjoni tal-Ombudsman dwar jekk l-Istituzzjonijiet tal-UE humiex qegħdin jirrispettaw l-obbligu tagħhom li jintroduċu regoli interni għall-whistleblowing; ifakkar lid-disa' istituzzjonijiet tal-UE indirizzati mill-Ombudsman, inklużi l-Kummissjoni, il-Parlament u l-Kunsill, jinfurmawha dwar ir-regoli li għandhom fis-seħħ jew li għandhom l-intenzjoni li jintroduċu;

25.

Ifaħħar lill-Ombudsman dwar l-investigazzjonijiet tagħha rigward id-dritt taċ-ċittadini biex jipparteċipaw fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE, u b'mod partikolari rigward il-funzjonament tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (ECI); jinnota li fl-2014 stiednet lill-organizzaturi tal-ECI, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u partijiet oħra interessati biex jipprovdu rispons dwar l-ECI bil-għan li tittejjeb; jinnota bi tħassib li rappreżentanti ta' pjattaformi promoturi jitolbu armonizzazzjoni aħjar u biex il-metodi amministrattivi għall-ġbir u r-reġistrar tal-firem jittejbu; jistenna suġġerimenti ulterjuri għat-titjib, b'mod partikolari f'dak li jikkonċerna limitazzjonijiet eżistenti tekniċi u dawk relatati mal-protezzjoni tad-data fil-proċess tal-ġbir ta' firem; jistieden lill-Ombudsman biex taqsam l-esperjenzi tagħha u tikkontribwixxi għar-reviżjoni li jmiss tar-Regolament dwar l-ECI;

26.

Jilqa' r-rata ta' konformità ta' 80 % tal-istituzzjonijiet tal-UE mas-suġġerimenti tal-Ombudsman; huwa mħasseb rigward l-20 % persistenti ta' nuqqas ta' konformità; huwa konxju li s-suġġerimenti tal-Ombudsman mhumiex legalment vinkolanti; iħeġġeġ l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji biex jirreaġixxu fil-pront, b'mod effettiv u responsabbli għal rimarki kritiċi u abbozzi ta' rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman; jappoġġja l-Ombudsman f'inkjesti futuri fi ħdan il-mandat tagħha biex jiġu identifikati lakuni possibbli fit-trasparenza fl-eżekuzzjoni tal-baġit tal-UE, b'kooperazzjoni mal-Qorti tal-Awdituri, l-OLAF u l-Kumitat Parlamentari għall-Kontroll tal-Baġit meta dan ikun meħtieġ;

27.

Ifakkar li l-Ombudsman għandu wkoll il-kapaċità, u għaldaqstant id-dmir, ta' skrutinju tal-Parlament fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni tal-ksib ta' amministrazzjoni tajba għaċ-ċittadini tal-UE;

28.

Ifaħħar lill-Ombudsman għall-inizjattiva tagħha, li ħadet fil-preparazzjoni tal-elezzjonijiet Ewropej, biex torganizza avveniment interattiv “Your wish list for Europe” (Il-lista tax-xewqat tiegħek għall-Ewropa) bl-għan li ċ-ċittadini jkunu protagonisti fit-teħid tad-deċiżjonijiet;

29.

Iħeġġeġ lill-Ombudsman tkompli tippromwovi n-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen bl-għan li tinforma liċ-ċittadini tal-UE aħjar dwar it-tqassim tar-responsabilitajiet bejn l-Ombudsman Ewropew, l-ombudsmen nazzjonali u reġjonali u l-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-Parlament; jirrikonoxxi l-kontribut importanti tan-Netwerk fit-trawwim tal-iskambju tal-aħjar prattiki u l-informazzjoni dwar il-mandati u l-kompetenzi tal-membri tiegħu; jinnota li 59,3 % tal-ilmenti proċessati fl-2014 kienu jaqgħu taħt il-mandat ta' membru tan-Netwerk; jistieden lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet biex ikun membru aktar attiv tan-Netwerk u jsaħħaħ il-kollaborazzjoni man-Netwerk dwar politiki komuni li jaqgħu fil-qasam tal-attivitajiet tal-Unjoni Ewropea; jinnota li fl-2014 l-Ombudsman ittrasferiet 86 ilment lil dan il-kumitat;

30.

Iħeġġeġ lill-Ombudsman biex tinvestiga f'koordinazzjoni mal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, il-programmi u l-proġetti finanzjati mill-Unjoni Ewropea, b'attenzjoni partikolari għall-finanzjament ta' proġetti maħsuba biex inaqqsu d-disparitajiet fl-iżvilupp;

31.

Jaqbel mal-Ombudsman li l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom jiżguraw li s-servizzi tagħhom ikunu aċċessibbli għall-persuni b'diżabilità u li tali persuni jkollhom aċċess għall-informazzjoni u l-mezzi ta' komunikazzjoni; iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet biex jiżguraw li l-ambjenti tax-xogħol ikunu miftuħa, inklużivi u aċċessibbli għall-persuni b'diżabilità sabiex ikunu jistgħu jipparteċipaw b'mod effettiv u sħiħ fil-ħajja politika u pubblika;

32.

Jitlob li l-baġit annwali tal-Uffiċċju tal-Ombudsman jiżdied;

33.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni u dan ir-rapport lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Ombudsman Ewropew, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-ombudsmen tagħhom u lill-korpi kompetenti simili.


(1)  ĠU L 113, 4.5.1994, p. 15.

(2)  "L-Ombudsman Ewropew – Rapport Annwali 1999 (ĠU C 260, 11.9.2000, p. 1).


Top