Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016IP0038

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' Frar 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mis-sojja ġenetikament modifikata FG72 (MST-FGØ72-2) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill D042684 – 2016/2547(RSP))

    ĠU C 35, 31.1.2018, p. 15–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    31.1.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 35/15


    P8_TA(2016)0038

    Prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mis-sojja ġenetikament modifikata FG72

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' Frar 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mis-sojja ġenetikament modifikata FG72 (MST-FGØ72-2) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill D042684 – 2016/2547(RSP))

    (2018/C 035/03)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mis-sojja ġenetikament modifikata FG72 (MST-FGØ72-2 skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill,

    wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2003 dwar ikel u għalf ġenetikament modifikat (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 7(3) u 19(3) tiegħu,

    wara li kkunsidra l-Artikoli 11 u 13 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (2),

    wara li kkunsidra l-fatt li, fit-18 ta' Novembru 2015, il-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali msemmi fl-Artikolu 35 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 ivvota favur li ma jagħtix opinjoni,

    wara li kkunsidra l-opinjoni mogħtija mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) fis-16 ta' Lulju 2015 (3),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Diċembru 2015 dwar id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2279 tal-4 ta' Diċembru 2015 li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom il-qamħirrum ġenetikament modifikat NK603 × T25 (MON-ØØ6Ø3-6 × ACS-ZMØØ3-2) jew li jikkonsistu jew li jkunu prodotti minnu skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4),

    wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni mressqa mill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 106(2) u (3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    A.

    billi, fl-24 ta' Ġunju 2011, Bayer CropScience AG ressqet applikazzjoni quddiem l-awtorità kompetenti tal-Belġju, skont l-Artikoli 5 u 17 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, għat-tqegħid fis-suq ta' prodotti tal-ikel, ingredjenti tal-ikel, u għalf li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mis-sojja FG72;

    B.

    billi s-sojja ġenetikament modifikata MST-FGØ72-2, kif deskritta fl-applikazzjoni, tesprimi l-proteina 2mEPSPS li tagħti tolleranza għall-erbiċidi tal-glifosat u l-proteina HPPD W336 li tagħti tolleranza għall-erbiċidi tal-isoksaflutol; billi l-Aġenzija Internazzjonali għar-Riċerka dwar il-Kanċer, li hija l-aġenzija tad-WHO speċjalizzata fil-kanċer, fl-20 ta' Marzu 2015 ikklassifikat il-glifosat bħala sustanza x'aktarx karċinoġenika għall-bniedem (5);

    C.

    billi l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni ttieħed vot dwaru fil-Kumitat Permanenti fit-18 ta' Novembru 2015, mingħajr ma ngħatat opinjoni;

    D.

    billi fit-22 ta' April 2015, fil-memorandum ta' spjegazzjoni tal-proposta leġiżlattiva tagħha li temenda r-Regolament (KE) Nru 1829/2003, il-Kummissjoni ddeplorat il-fatt li mindu daħal fis-seħħ ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003, id-deċiżjonijiet ta' awtorizzazzjoni kienu ġew adottati mill-Kummissjoni, b'konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli, mingħajr l-appoġġ tal-opinjonijiet tal-kumitati tal-Istati Membri, u li r-ritorn tad-dossier għand il-Kummissjoni għad-deċiżjoni finali, li kienet deċiżament eċċezzjoni għall-proċedura kollha kemm hi, kienet saret in-norma għat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar awtorizzazzjonijiet rigward ikel u għalf ġenetikament modifikat (ĠM);

    E.

    billi, fit-28 ta' Ottubru 2015, il-proposta leġiżlattiva tat-22 ta' April 2015 li temenda r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 ġiet miċħuda mill-Parlament (6) fuq il-bażi li, filwaqt li l-kultivazzjoni sseħħ neċessarjament fit-territorju ta' Stat Membru, il-kummerċ tal-OĠM hu wieħed transkonfinali, li jfisser li l-infurzar tal-proposta tal-Kummissjoni għal projbizzjoni nazzjonali fuq “il-bejgħ u l-użu” jista' jkun impossibbli mingħajr ma jiġu introdotti mill-ġdid il-kontrolli tal-importazzjonijiet fil-fruntieri; billi l-Parlament ċaħad il-proposta leġiżlattiva li temenda r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 u stieden lill-Kummissjoni tirtira l-proposta tagħha u tressaq waħda ġdida;

    1.

    Iqis li l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni mhuwiex konsistenti mad-dritt tal-Unjoni, għaliex mhuwiex kompatibbli mal-għan tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 u r-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), li, skont il-prinċipji ġenerali stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), huwa li jipprovdi l-bażi biex jiġi żgurat livell għoli ta' protezzjoni għall-ħajja u s-saħħa tal-bniedem, is-saħħa u l-benessri tal-annimali, l-ambjent u l-interessi tal-konsumaturi fir-rigward ta' ikel u għalf ġenetikament modifikati, filwaqt li jiżgura t-tħaddim effettiv tas-suq intern;

    2.

    Jistieden lill-Kummissjoni tirtira l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tagħha;

    3.

    Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta leġiżlattiva ġdida abbażi tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li filwaqt li temenda r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tqis it-tħassib muri ta' sikwit minn diversi pajjiżi u li mhuwiex marbut biss ma' kwistjonijiet dwar kemm l-OĠM huma sikuri għas-saħħa jew għall-ambjent;

    4.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.


    (1)  ĠU L 268, 18.10.2003, p. 1.

    (2)  ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.

    (3)  EFSA GMO Panel (il-bord tal-EFSA dwar organiżmi ġenetikament modifikati), 2015. Opinjoni xjentifika dwar l-applikazzjoni AG (EFSA-GMO-BE-2011-98) għat-tqegħid fis-suq tas-sojja ġenetikament modifikata u tolleranti għall-erbiċidi FG72 għall-użu fl-ikel u fl-għalf, l-importazzjoni u l-ipproċessar skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 mressqa minn Bayer CropScience. AG EFSA Journal 2015; 13(7):4167, 29 pp. doi:10.2903/j.efsa.2015.4167.

    (4)  Testi adottati, P8_TA(2015)0456.

    (5)  Volum 112 tal-Monografiji tal-IARC: valutazzjoni ta' ħames insettiċidi u erbiċidi organofosforiċi, l-20 ta' Marzu 2015 http://www.iarc.fr/en/media-centre/iarcnews/pdf/MonographVolume112.pdf

    (6)  Testi adottati, P8_TA(2015)0379.

    (7)  Ir-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Frar 2005 dwar il-livelli massimi ta' residwu ta' pestiċidi fi jew fuq ikel u għalf li joriġina minn pjanti u annimali u li jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (ĠU L 70, 16.3.2005, p. 1).

    (8)  Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002 tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà tal-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1).


    Top