EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016DC0855

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Sejħa għal Evidenza - Qafas regolatorju tal-UE għal servizzi finanzjarji

COM/2016/0855 final

Brussell, 23.11.2016

COM(2016) 855 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Sejħa għal Evidenza - Qafas regolatorju tal-UE għal servizzi finanzjarji

{SWD(2016) 359 final}


Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-sejħa għal evidenza:
qafas regolatorju tal-UE għal servizzi finanzjarji

1. INTRODUZZJONI

Fid-diskors tal-2016 dwar l-Istat tal-Unjoni, il-President Juncker enfasizza l-impenn tal-Kummissjoni għal rieżami dettaljat tal-leġiżlazzjoni Ewropea kollha eżistenti biex jiġi żgurat li tilħaq valur reali u tagħti riżultati. Is-sejħa għal evidenza dwar il-qafas regolatorju tal-UE għal servizzi finanzjarji hija eżempju importanti ta’ dan l-eżerċizzju. Dan huwa kontribut ewlieni għall-aġenda tal-Kummissjoni għal Regolamentazzjoni Aħjar u l-Programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT), li tiżgura li l-leġiżlazzjoni tal-UE tagħti riżultati liċ-ċittadini u lin-negozji b’mod effettiv, effiċjenti u bi spejjeż minimi.

Is-sejħa għal evidenza hija wkoll l-ewwel eżempju ta’ eżerċizzju bħal dan fuq livell internazzjonali. Ir-regoli dwar is-servizzi finanzjarji għandhom jgħinu joħolqu ambjent li jipproteġi lill-konsumaturi, jippromwovi l-integrità tas-suq u jappoġġja l-investiment, it-tkabbir u l-impjiegi. Il-kriżi finanzjarja skattat l-adozzjoni ta’ aktar minn 40 test ġdid ta’ leġiżlazzjoni tal-UE sabiex jirrestawraw l-istabbiltà finanzjarja u l-fiduċja fis-suq. Dawn jinkludu:

żieda fil-protezzjonijiet għall-konsumaturi u iżjed trasparenza;

titjib fil-qafas regolatorju għall-banek, għall-assigurazzjoni, għas-swieq tat-titoli u għall-maniġers tal-assi;

mekkaniżmu superviżorju uniku għal banek kbar u sistemiċi; kif ukoll

għodod ġodda għal riżoluzzjoni bankarja u protezzjoni tad-depożiti aktar effettiva.

B’mod ġenerali, dawn ir-riformi għamlu s-sistema finanzjarja aktar stabbli u reżiljenti. Fl-istess ħin, huwa importanti li jsir monitoraġġ tal-iżvilupp kontinwu, tal-implimentazzjoni bikrija u tal-funzjonament tar-regoli l-ġodda biex jiġi vverifikat li qed jagħtu r-riżultati intenzjonati, u jqisu bidliet xierqa f'każ li ma jkunux. Din hija parti importanti tar-responsabbiltà demokratika u se tiżgura li dawk affettwati mir-regoli, inklużi l-utenti aħħarin, ikollhom fiduċja fihom. Is-sejħa għal evidenza tinkludi l-valutazzjoni tal-interazzjoni bejn ir-regoli individwali, u l-impatt ekonomiku kollettiv tagħhom. Hija għandha tiżgura li konsegwenzi mhux intenzjonati, inkonsistenzi u lakuni fil-qafas regolatorju attwali jiġu indirizzati. Jeħtieġ li jitqiesu wkoll l-iżviluppi fis-settur finanzjarju u fl-ekonomija b’mod aktar ġenerali, inkluża l-bidla teknoloġika rapida, meta jiġi vverifikat li r-regoli għadhom adattati għar-realtajiet li qed jinbidlu.

Dan l-approċċ huwa appoġġjat mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill. F’konformità mar-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar “Analiżi u Sfidi tar-Regolament tal-UE dwar is-Servizzi Finanzjarji” 1 , is-sejħa għal evidenza tal-Kummissjoni stiednet lill-partijiet ikkonċernati esterni biex jaqsmu l-esperjenzi tagħhom bl-implimentazzjoni tar-regoli finanzjarji tal-UE u biex jipprovdu dejta, evidenza u argumenti li jappoġġjaw il-valutazzjoni tal-impatt ikkombinat tagħhom.

Il-maġġoranza ta’ dawk li wieġbu indikaw appoġġ għal riformi finanzjarji meħuda b’reazzjoni għall-kriżi. Huma kienu tal-fehma li r-regoli tejbu r-reżiljenza tas-sistema finanzjarja u tejbu l-protezzjonijiet għall-investituri u għall-konsumaturi. Madankollu, il-partijiet ikkonċernati identifikaw ukoll eżempji ta’ frizzjoni, duplikazzjoni u forom oħra ta' interazzjoni mhux intenzjonata possibbli bejn regoli differenti. Dawn l-eżempji juru l-importanza li jitqies u jiġi analizzat l-impatt ikkombinat tar-regoli. Xi wħud minn dawk li wieġbu esprimew ukoll tħassib dwar ir-regoli li jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta’ ftehimiet internazzjonali, bħall-impatt ta’ miżuri futuri li qed jitqiesu mill-Kumitat ta’ Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja (BCBS - Basel Committee on Banking Supervision), u kif aspetti minn dawn ir-regoli jinteraġixxu ma’ dawk eżistenti. Il-Kummissjoni wasslet l-aktar reazzjonijiet rilevanti dwar l-istandards globali lill-korpi internazzjonali rilevanti.

F'oqsma oħra fejn il-partijiet interessati qajmu tħassib, l-evidenza ppreżentata ma tiġġustifikax tibdil attwalment. Madankollu, il-Kummissjoni se tkompli tagħmel monitoraġġ tal-iżviluppi u tilqa’ aktar evidenza mill-partijiet ikkonċernati dwar kwistjonijiet li għandhom jiġu analizzati aktar.

Abbażi ta’ rieżami u analiżi dettaljati tat-tweġibiet kollha tas-sejħa għal evidenza u d-diskussjonijiet matul is-smigħ pubbliku li sar fi Brussell f’Mejju 2016, il-Kummissjoni kkonkludiet li b’mod ġenerali l-qafas tas-servizzi finanzjarji fl-UE jaħdem tajjeb. Madankollu, tinħtieġ azzjoni ta’ segwitu f'dawn l-oqsma:

tneħħija ta' limiti regolatorji mhux meħtieġa dwar il-finanzjament tal-ekonomija;

titjib tal-proporzjonalità tar-regoli mingħajr ma jiġu kompromessi l-objettivi prudenzjali;

tnaqqis ta’ piżijiet regolatorji bla bżonn;

ħolqien ta' regoli aktar konsistenti u li jħarsu 'l quddiem.

Fejn xieraq u possibbli, ir-riżultati tas-sejħa għal evidenza ġew integrati f’rieżamijiet eżistenti u inizjattivi leġiżlattivi. Ir-reazzjonijiet ippreżentati mill-partijiet ikkonċernati ġew inkorporati fil-proposti leġiżlattivi u l-azzjonijiet li jmiss, inkluż ir-rieżami tar-Regolament u d-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital (CRR/CRD IV) 2 3 li rriżultaw fl-hekk imsejjaħ “pakkett tas-CRR2” 4 propost mill-Kummissjoni fit-23 ta’ Novembru 2016, l-iżvilupp ta’ azzjonijiet futuri li jinsabu fil-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Unjoni tas-Swieq Kapitali (USK) u r-reviżjoni REFIT li ġejja tar-Regolament dwar l-Infrastruttura tas-Suq Ewropew (EMIR) 5 . Ir-reazzjonijiet ipprovduti se jitqiesu wkoll f’kontrolli tal-idoneità u valutazzjonijiet li jmiss li se jsiru ladarba jkun hemm aktar dejta disponibbli dwar ir-riżultati u impatti aktar fit-tul tal-miżuri. Is-sejħa għal evidenza identifikat ukoll għadd ta’ kwistjonijiet oħra li jistgħu jirrikjedu azzjoni politika ġdida. Dawn huma indikati f’din il-Komunikazzjoni.

2. AZZJONI TA' SEGWITU

Fl-istabbiliment tal-azzjonijiet ta’ segwitu elenkata hawn taħt, il-Kummissjoni qieset kif xieraq ir-reazzjonijiet li waslu minn firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati, inkluż gruppi ta’ utenti tas-servizzi finanzjarji, l-awtoritajiet pubbliċi, l-investituri u l-industrija. Deskrizzjoni aktar dettaljata tal-evidenza li daħlet tinstab fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jakkumpanja din il-Komunikazzjoni.

2.1Tneħħija ta' limiti regolatorji mhux meħtieġa dwar il-finanzjament tal-ekonomija

B’konformità mal-prijorità tal-Kummissjoni li tistimula l-investiment, it-tkabbir u l-ħolqien tax-xogħol, jeħtieġ li l-UE tagħti attenzjoni lill-oqsma fejn ir-regoli tal-UE jistgħu jkunu qegħdin ifixklu l-fluss tal-finanzjament fl-ekonomija u tesplora jekk l-istess objettivi prudenzjali jistgħux jinkisbu b’mod aktar favorevoli għat-tkabbir. Kif enfasizzat fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-USK, il-fluss tal-finanzjament tal-SMEs u investimenti ta' terminu twil huma sfidi partikolari ta’ politika. F’dan il-kuntest, ir-reazzjoni mingħand il-partijiet ikkonċernati kopriet l-oqsma segwenti:

Il-kapaċità tal-banek li jiffinanzjaw l-ekonomija usa’

Id-ditti u l-unitajiet domestiċi fl-UE għadhom dipendenti fuq il-kapaċità u r-rieda tal-banek li jiffinanzjaw l-investimenti u l-attivitajiet tagħhom. Il-Kummissjoni qed taħdem mal-koleġiżlaturi biex tiżviluppa l-USK biex iżżid is-sorsi ta’ finanzjament, iżda huwa importanti li l-mezz ta' finanzjament bankarju jiffunzjona kif xieraq ukoll.

Il-biċċa l-kbira ta’ dawk li wieġbu qablu li wara l-kriżi r-riformi kienu kruċjali biex terġa’ tinkiseb ir-reżiljenza tas-settur bankarju. Din ir-reżiljenza hija prekundizzjoni għall-banek biex jaqdu r-rwol tagħhom fil-finanzjament tal-ekonomija. Madankollu, dawk li wieġbu wrew ukoll tħassib dwar l-impatt tal-miżuri prudenzjali li ġejjin li qed jiġu ffinalizzati mill-BCBS, u kif dawn jistgħu jinteraġixxu ma' regoli eżistenti b’mod li jillimitaw il-kapaċità finanzjarja tal-banek. Il-banek għandhom aktar minn EUR 800 biljun f’kapital mill-kriżi finanzjarja sa issa u għaddejjin minn simulazzjonijiet ta' kriżi regolari. L-enfasi tal-Kummissjoni hija fuq l-implimentazzjoni tar-riformi tal-BCBS li fadal biex jiġu indirizzati r-riskji li fadal b’mod li jissalvagwardja l-istabbiltà finanzjarja u jiżgura li l-banek iżommu l-kapaċità tagħhom li jappoġġjaw it-tkabbir tal-ekonomija tal-UE.

Il-finanzjament tal-SMEs

L-SMEs huma l-akbar kontributur għall-impjiegi u għat-tkabbir fl-Ewropa. Il-programm ta' azzjonijiet tal-Kummissjoni biex itejbu l-opportunitajiet ta’ finanzjament tas-suq kapitali għall-SMEs intlaqa’ tajjeb minn dawk li wieġbu. Madankollu, huma nnutaw ukoll li l-SMEs jiddependu fuq is-self bankarju għall-maġġoranza kbira ta’ finanzjament tagħhom u argumentaw li għandu jsir aktar biex jappoġġjaw dan il-mezz ta’ finanzjament li jikkomplemeta l-finanzjament tas-suq kapitali.

L-investiment sostenibbli ta' terminu twil

Il-finanzjament ta' terminu twil jippermetti li l-investituri jgawdu minn redditi ogħla u anqas volatili minħabba l-maturità twila ta’ dawn l-investimenti. Infrastruttura ta’ kwalità għolja ttejjeb il-produttività ekonomika, tippermetti t-tkabbir u tgħin fl-interkonnessjoni tas-suq uniku. It-tweġibiet enfasizzaw xi elementi tar-regolament li kienu meqjusa li jfixklu l-investiment ta' terminu twil. Pereżempju, kien argumentat li l-qafas tar-riskju stabbilit fid-Direttiva Solvibbiltà II 6 jillimita l-abbiltà tal-kumpaniji tal-assigurazzjoni li jiffinanzjaw l-investimenti ta' terminu twil u li l-qafas kapitali għall-banek ma jipprovdix biżżejjed inċentivi għal investimenti ta' terminu twil.

L-appoġġ għal-likwidità fis-suq

Il-likwidità fis-suq hija fundamentali għal sistema finanzjarja li tiffunzjona tajjeb li tappoġġja l-investiment u t-tkabbir billi talloka kapital b’mod effiċjenti. Evidenza riċenti tissuġġerixxi li l-likwidità f’xi swieq, fosthom is-swieq f'bonds korporattivi u ftehimiet ta’ riakkwist, naqset mill-kriżi 'l quddiem. L-evidenza tissuġġerixxi li l-likwidità hija affettwata minn firxa wiesgħa ta’ fatturi. L-identifikazzjoni ta' effetti ta’ bidliet regolatorji hija diffiċli. Il-Kummissjoni se tkompli tagħmel monitoraġġ tal-iżviluppi f’dan il-qasam u tivvaluta bir-reqqa l-impatt li l-miżuri regolatorji jista’ jkollhom fuq il-likwidità tas-suq.

L-aċċess għall-ikklirjar

Id-derivattivi huma mezz importanti bix il-kumpaniji u d-ditti finanzjarji jappoġġjaw l-iħħeġġjar u l-ġestjoni tar-riskji. L-ikklirjar ċentrali tad-derivattivi, waħda mill-akbar riformi miftiehma bejn il-mexxejja tal-G20, inaqqas b’mod sinifikanti r-riskji involuti fis-suq tad-derivattivi. Madankollu, mhux id-ditti kollha li jkunu kbar biżżejjed biex ikollhom aċċess dirett għall-kmamar tal-ikklirjar tal-kontroparti ċentrali (CCPs - central counterparties), u ħafna minnhom jużaw lill-banek biex jikklirjaw it-tranżazzjonijiet tad-derivattivi f’isimhom. Dawk li wieġbu esprimew tħassib li xi miżuri jipprevjenu lill-banek milli jipprovdu dawn is-servizzi tal-ikklirjar essenzjali lill-utenti finali bi prezz raġonevoli.

Azzjoni ta' segwitu:

Finanzjament bankarju

Fil-pakket tas-CRR2, il-Kummissjoni qed tipproponi aġġustamenti f’oqsma ewlenin sabiex tissalvagwardja l-kapaċità tal-banek li jiffinanzjaw l-ekonomija:

oil-proporzjon ta’ ingranaġġ se jiġi aġġustat biex jirrifletti d-diversità tas-settur finanzjarju tal-UE u biex jissalvagwardja aċċess għall-ikklirjar u għall-finanzjament tal-iżvilupp pubbliku. Il-proporzjon ta’ ingranaġġ se jkompli jservi bħala garanzija ta’ kontinġenza kontra l-ingranaġġ eċċessiv;

ose jkun gradwalment introdott rieżami fundamentali tal-portafoll tan-negozjar sabiex jiġu evitati żidiet kapitali f’salt u sproporzjonati għal xi banek; kif ukoll

oil-proporzjon ta’ ffinanzjar stabbli nett se jiġi introdott gradwalment u rfinat biex jiżgura l-funzjonament xieraq tal-attivitajiet ta' finanzjament tal-kummerċ tal-UE, is-swieq tad-derivattivi u s-swieq fi ftehimiet ta’ riakkwist.

Fid-dawl tal-progress li sar fuq l-Unjoni Bankarja, il-Kummissjoni qed tipproponi miżuri fil-pakkett tas-CRR2 li għandhom il-potenzjal li jrawmu l-integrazzjoni tal-ibbankjar transfruntier fil-qasam tal-Unjoni Bankarja, soġġetti għal salvagwardji xierqa. Dan jista' potenzjalment itejjeb l-abbiltà li l-banek transfruntiera jiġġestixxu l-kapital u l-likwidità fil-grupp, inaqqsu l-frammentazzjoni u jtejbu l-kapaċità tal-banek li jiffinanzjaw l-ekonomija.

Biex tappoġġja l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jaċċessaw finanzjament minn kredituri li mhumiex fl-UE, il-Kummissjoni tipproponi aġġustament għad-Direttiva dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni tal-Banek (BRRD - Bank Recovery and Resolution Directive 7 ) biex tiżgura li r-rekwiżit għal rikonoxximent kuntrattwali ta' dispożizzjonijiet ta' salvataġġ għal kredituri li mhumiex fl-UE jista' jiġi applikat b’mod prammatiku.

Finanzjament tal-SMEs

Attwalment, is-self bankarju taħt EUR 1,5 miljun lill-SMEs huwa soġġett għal rekwiżiti kapitali aktar baxxi mis-self lil intrapriżi kbar. Fil-pakkett tas-CRR2, il-Kummissjoni tipproponi li testendi “fattur ta’ sostenn lill-SMEs” għas-self kollu lill-SMEs, inklużi dawk ta’ aktar minn EUR 1,5 miljun. 

Bħala parti mill-ħidma usa' fuq il-finanzjament u l-elenkar ta' SMEs, il-Kummissjoni se tivvaluta l-implimentazzjoni tar-regoli skont id-Direttiva dwar is-Swieq fl-Istrumenti Finanzjarji (MiFID II) 8 dwar ir-riċerka tal-investiment fir-rigward tal-SMEs. Filwaqt li l-bidliet b'mod ġenerali huma mistennija li jnaqqsu l-kunflitti ta' interess u jtejbu l-funzjonament tas-suq, jeħtieġ li jsir monitoraġġ mill-qrib tal-effett tar-regoli fuq ir-riċerka dwar l-SMEs.

Il-Kummissjoni se ssegwi mill-qrib ukoll l-iżviluppi tas-suq biex tiżgura li l-iskema għal emittenti fis-swieq tat-tkabbir tal-SMEs skont ir-Regolament dwar l-Abbuż tas-Suq (MAR - Market Abuse Regulation) 9 toħloq bilanċ tajjeb bejn li tappoġġja lill-SMEs biex jelenkaw u l-protezzjoni tal-investituri.

Investiment ta' terminu twil

Il-Kummissjoni adottat imposti għar-riskju aktar baxxi għall-assiguraturi skont is-Solvibbiltà II għall-kwalifikazzjoni ta' proġetti tal-infrastruttura u se tipproponi reviżjoni tal-kalibrazzjoni tal-imposti għar-riskju għal korporazzjonijiet tal-infrastruttura biex jirriflettu aħjar ir-riskju aktar baxx ta' dawn l-investimenti. Bħala parti mill-pakkett tas-CRR2, il-Kummissjoni se tnaqqas ukoll ir-rekwiżiti kapitali tar-riskju ta’ kreditu għall-investimenti tal-banek fi proġetti tal-infrastruttura.

Ir-rieżamijiet futuri tas-Solvibbiltà II se jagħtu opportunità biex issir valutazzjoni tal-pakkett ta’ garanziji ta' terminu twil, sabiex jiġu esplorati aktar l-inċentivi għall-investiment ta' terminu twil mill-assiguraturi u biex issir valutazzjoni tal-adegwatezza tat-trattament prudenzjali tal-ekwità privata u tad-dejn bi tqegħid privat.

Likwidità tas-suq

Flimkien mar-rieżami komprensiv tas-swieq tal-bonds koporattivi bħala parti mill-Pjan ta' Azzjoni dwar l-USK, il-Kummissjoni se tivvaluta wkoll il-funzjonament ta' swieq fi ftehimiet ta' riakkwist. 

Sabiex jittaffa t-tħassib speċifiku dwar il-likwidità fis-swieq tal-bonds speċifiċi, il-Kummissjoni pproponiet li l-iskema l-ġdida ta’ trasparenza ta’ qabel il-kummerċ għall-MiFID II tiddaħħal gradwalment għall-istrumenti mhux tal-ekwità, b'hekk tiżgura li l-aktar strumenti likwidi biss jiġu koperti inizjalment.

Il-Kummissjoni se tivvaluta d-definizzjoni tal-eżenzjoni għal “attivitajiet ta’ ġenerazzjoni tas-suq” mir-Regolament dwar Bejgħ bin-Nieqes (RBN) 10 .

Il-Kummissjoni pproponiet li tintroduċi aktar regoli proporzjonati għal strumenti inqas likwidi fl-atti delegati tar-Regolament dwar id-Depożitarji Ċentrali tat-Titoli (CSDR - Central Securities Depositories Regulation) 11 dwar pieni pekunjarji u dixxiplina fir-rigward tas-saldu.

Aċċess għall-ikklirjar

Bħala parti mir-rieżami tal-EMIR, il-Kummissjoni se tivvaluta tħassib dwar l-aċċess għal servizzi tal-ikklirjar u tqis jekk kumpaniji u istituzzjonijiet finanzjarji żgħar għandhomx ikunu koperti b'rekwiżiti ta' kklirjar u ta' proviżjonament ta’ marġni, u kif għandhom ikunu koperti.

2.2Titjib tal-proporzjonalità tar-regoli mingħajr ma jiġu kompromessi l-objettivi prudenzjali

Jeħtieġ li r-Regolament jiġi applikat b’mod proporzjonat għal entitajiet regolati, b'mod li jirrifletti l-mudell kummerċjali, id-daqs, l-importanza sistemika tagħhom, kif ukoll il-kumplessità u l-attività transfruntiera tagħhom. Aktar regoli proporzjonati jgħinu biex jippromwovu l-kompetizzjoni u jtejbu r-reżiljenza tas-sistema finanzjarja billi jissalvagwardjaw id-diversità tagħha mingħajr ma jikkompromettu l-objettivi prudenzjali, l-istabbiltà finanzjarja u r-reżiljenza ġenerali. Inqas ostakli għad-dħul jippermettu li atturi ġodda jissostitwixxu s-servizzi mitlufa meta ditti inqas reżiljenti joħorġu mis-suq. Fl-istess ħin, jenħtieġ li tingħata attenzjoni biex jiġi żgurat li l-miżuri mmirati lejn it-titjib tal-proporzjonalità ma jfixklux il-kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni. Il-Kummissjoni se tħares lejn modi biex issaħħaħ il-proporzjonalità tar-regoli tas-servizzi finanzjarji b'mod xieraq.

Azzjoni ta' segwitu:

Is-settur bankarju

Il-Kummissjoni qed tipproponi, bħala parti mill-pakkett tas-CRR2, li:

otkompli tnaqqas il-piżijiet tar-rappurtar u tipprevedi rekwiżiti differenzjati ta’ divulgazzjoni għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu żgħar u mhux kumplessi; 

ofid-dawl tal-esperjenza mal-applikazzjoni tar-regoli attwali, teżenta lill-istituzzjonijiet żgħar u mhux kumplessi u lill-persunal b’livelli baxxi ta’ rimunerazzjoni varjabbli mir-regoli dwar il-ħlas diferit u l-iżborż fl-istrumenti.

otneħħi l-kumplessità bla bżonn fit-trattament ta’ riskju tas-suq assoċjat mal-ktieb tal-kummerċ u r-riskju ta’ kreditu tal-kontroparti. 

L-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE) beħsiebha tiżviluppa għodda tal-IT li għandha tgħin lill-banek żgħar jiddistingwu bejn ir-regoli li huma rilevanti għad-daqs tagħhom u l-attivitajiet minn dawk ir-regoli li jeħtieġ li japplikaw biss għal banek akbar u iżjed kumplessi.

Fl-2017, il-Kummissjoni se twettaq rieżami tar-REFIT tat-trattament prudenzjali tad-ditti tal-investiment, filwaqt li tqis ir-rakkomandazzjonijiet tal-ABE dwar l-iżvilupp ta’ skema prudenzjali għal ditti iżgħar tal-investiment li ma huma tal-ebda theddida sistemika. F'Novembru 2016 l-ABE nediet konsultazzjoni b'reazzjoni għas-sejħa tal-Kummissjoni għal pariri tekniċi dwar it-tfassil ta' skema prudenzjali ġdida għad-ditti tal-investiment.

Derivattivi

Bħala parti mir-rieżami tal-EMIR 12 , il-Kummissjoni se tqis li taġġusta l-kamp ta' applikazzjoni tal-ikklirjar u tar-rekwiżiti tal-marġni tal-EMIR biex tindirizza l-isfidi differenti li jħabbtu wiċċhom magħhom korporazzjonijiet mhux finanzjarji, fondi ta' pensjoni u kontropartijiet finanzjarji żgħar.

Attwalment, il-fondi ta' pensjoni jibbenefikaw minn eżenzjoni temporanja mill-obbligu tal-ikklirjar tal-EMIR, u r-rieżami tal-EMIR se jivvaluta kif jitratta din il-kwistjoni bl-aktar mod xieraq.

Assigurazzjoni

F’Lulju 2016, il-Kummissjoni ħarġet sejħa għal pariri tekniċi għall-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA - European Insurance and Occupational Pensions Authority) dwar ir-rieżami ta’ 17-il punt speċifiku fir-Regolament Delegat tas-Solvibbiltà II. L-għan huwa li jiġu ssimplifikati l-metodi, is-suppożizzjonijiet u l-kalkoli ta' ċerti moduli fil-formola standard u l-qafas jiġi żviluppat għall-użu ta' valutazzjonijiet ta' kreditu alternattiv. Il-pariri tekniċi se jiġu integrati fir-rieżami futur tas-Solvibbiltà II.

Immaniġġjar tal-assi

Filwaqt li jibnu fuq l-approċċ stabbilit fil-pakkett tas-CRR2, il-Kummissjoni se tivvaluta l-proporzjonalità tar-regoli fid-Direttiva dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi (AIFMD - Alternative Investment Fund Managers Directive) 13 u fid-Direttiva dwar Impriżi ta’ Investiment Kollettiv f’Titoli Trasferibbli (UCITS - Undertakings for Collective Investment in Transferable Securities Directive) 14 , pereżempju fir-rigward tal-allinjament ta' skemi ta' rimunerazzjoni u t-tnaqqis ta' piżijiet ta' rappurtar.

Is-settur tal-klassifikazzjoni tal-kreditu

Il-Kummissjoni se tivvaluta sa fejn ir-Regolament dwar Aġenziji li Jiggradaw il-Kreditu (CRA - Credit Rating Agencies) 15 jista’ jiġi applikat għal CRAs żgħar b’mod aktar proporzjonat sabiex tittejjeb il-kompetizzjoni fis-settur. Dan jinkludi kjarifikazzjoni ta' ċerti eżenzjonijiet eżistenti għal ditti żgħar u esplorazzjoni ta’ rekwiżiti ta’ rappurtar simplifikati u miżuri oħra ta' proporzjonalità.

2.3Tnaqqis ta’ piżijiet regolatorji bla bżonn

Li żżomm il-piż regolatorju għall-minimu meħtieġ sabiex ir-regoli jiksbu l-objettivi tagħhom, filwaqt li jsir użu sħiħ mis-soluzzjonijiet teknoloġiċi moderni, huwa wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-programm REFIT tal-Kummissjoni skont l-aġenda għal Regolamentazzjoni Aħjar. Il-Kummissjoni impenjat ruħha bil-qawwi għal proċess kontinwu ta’ evalwazzjoni u reviżjoni ta’ leġiżlazzjoni biex tiġi evitata kumplessità jew piżijiet mhux meħtieġa.

L-obbligu ta’ rappurtar jipprovdi lill-awtoritajiet kompetenti u lis-superviżuri b’dejta dwar il-parteċipanti tas-suq u l-attivitajiet tagħhom. L-aċċess għal din id-dejta huwa essenzjali biex titwettaq sorveljanza tas-suq u jiġu żgurati swieq li jiffunzjonaw tajjeb, stabbiltà finanzjarja, protezzjoni tal-investituri u kompetizzjoni ġusta. Dan iwassal ukoll għal trawwim ta' integrazzjoni eqreb tas-suq kapitali. Fl-istess ħin, dawk li wieġbu qiesu ċertu obbligi ta’ rappurtar bħala inkonsistenti u dduplikati fil-leġiżlazzjoni, ferm kumplessi u mhumiex dejjem adattati għall-iskop tagħhom. It-tweġibiet enfasizzaw l-irwol importanti tat-teknoloġija: filwaqt li hemm sfidi biex is-sistemi jinżammu aġġornati bl-aħħar obbligi, żviluppi teknoloġiċi jistgħu jgħinu lid-ditti billi jiffaċilitaw il-proċess ta’ rappurtar.

Ħafna mit-testi ta’ leġiżlazzjoni, inkluż is-CRR u s-Solvibbiltà II, diġà jinkorporaw obbligi ta’ rappurtar eħfef għal ditti iżgħar, iżda l-implimentazzjoni tvarja bejn il-ġuriżdizzjonijiet.

Hemm eżempji ta’ traspożizzjonijiet diverġenti ta' direttivi tal-UE fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u nfurzar inkonsistenti tar-regoli tal-UE. Barra minn hekk, il-prattiki ta' "gold-plating" fil-leġiżlazzjoni nazzjonali jew fis-superviżjoni apparti r-rekwiżiti minii stabbiliti fid-Direttivi tal-UE kultant wasslu għal obbligi addizzjonali u/jew dupplikati, li jistgħu joħolqu ostakli għal attivitajiet transfruntiera ta' ditti finanzjarji.

Azzjoni ta’ segwitu:

Rappurtar

Il-pakkett tas-CRR2 jipproponi tnaqqis fil-frekwenza li biha banek iżgħar u anqas kumplessi jkunu meħtieġa jirrappurtaw. 

Qabel tmiem is-sena, l-ABE se tikkonsulta dwar sett ta' proposti konkreti biex tkompli tnaqqas il-piż li jirriżulta mir-rekwiżiti ta' rappurtar fl-ibbankjar, permezz tal-allinjament tal-obbligi ta' rappurtar superviżorji, statistiċi u makroprudenzjali kif ukoll ittejjeb il-konsistenza fid-definizzjonijiet użati matul testi ta' leġiżlazzjoni differenti.

Fl-2017, ir-rieżami tal-EMIR se jħares lejn modi biex jitnaqqsu, kif xieraq, l-obbligi ta’ rappurtar eżistenti għal korporazzjonijiet mhux finanzjarji, korporazzjonijiet finanzjarji żgħar u fondi ta' pensjoni minħabba r-riskju sistemiku aktar baxx tagħhom.

Sabiex tindirizza t-tħassib dwar l-ispejjeż ta' konformità fit-terminu medju u twil, il-Kummissjoni se twettaq rieżami komprensiv tal-obbligi ta' rappurtar fis-settur finanzjarju, fil-qafas tar-REFIT. F'dan il-kuntest, b'appoġġ mill-programm ISA2 16 , il-Kummissjoni nediet proġett ta' standardizzazzjoni tad-dejta finanzjarja li għandu l-għan li jiżviluppa lingwaġġ komuni dwar id-dejta finanzjarja. Il-proġett se jindirizza l-piż tal-konformità mis-sors u jħejji l-bażi għal approċċ ta' "darba għal kulħadd" għar-rappurtar. Billi jwettaq immappjar dettaljat tal-obbligi ta' rappurtar f'20 test ta' leġiżlazzjoni finanzjarja, il-proġett se jesplora jekk l-entrati tad-dejta u l-mezzi ta' rappurtar jistgħux jitnaqqsu, jiġu kkonsolidati jew issimplifikati, mingħajr ma jiġu kompromessi l-objettivi tagħhom.

L-EIOPA hija mistennija li tirrapporta dwar l-implimentazzjoni tal-obbligi ta’ rappurtar proporzjonati għal assiguraturi żgħar skont is-Solvibbiltà II sa tmiem l-2016.

Il-Kummissjoni se tivvaluta l-possibbiltà li tintroduċi pjattaforma ta' rappurtar unika dwar il-bejgħ ta' pożizzjoni qasira biex issaħħaħ l-informazzjoni pprovduta lir-regolaturi u teżamina mezzi kif tnaqqas il-piżijiet fuq ir-rappurtar ta' pożizzjonijiet qosra netti.

Obbligi ta' divulgazzjoni pubblika

Attwalment il-Kummissjoni qed tevalwa l-miżuri nazzjonali ta’ traspożizzjoni dwar id-Direttiva dwar it-Trasparenza 17 u d-Direttiva dwar il-Kontabbiltà 18 . Dan jinkludi valutazzjoni tat-tħassib li hemm regoli diverġenti dwar in-notifika ta’ detenturi importanti ta’ drittijiet tal-vot.

Spejjeż ta’ konformità

Il-Kummissjoni se tirrieżamina l-għażliet nazzjonali fir-Regolament dwar l-Awditjar 19 , b’enfasi partikulari fuq l-impatt transfruntier ta’ rotazzjoni obbligatorja u l-lista sewda ta’ servizzi mhux tal-awditjar ipprojbiti. Bħala parti mill-inizjattiva REFIT, il-Kummissjoni se tikkonsulta wkoll dwar l-impatt tal-għażliet nazzjonali diverġenti.

Il-Kummissjoni qed tagħmel eżerċiżżju ta' mmappjar ta' miżuri ta' traspożizzjoni nazzjonali biex tidentifika dispożizzjonijiet ta' "gold-plating" li joħolqu spejjeż ta' konformità addizzjonali li mhumiex dovuti. Attwalment, il-Kummissjoni qed tivvaluta t-traspożizzjoni nazzjonali ta’ 17-il direttiva. Hija se tkompli tagħmel monitoraġġ tal-progress ta’ dawk li jiġu trasposti fl-2017/2018.

Il-Kummissjoni qed tirrieżamina wkoll, permezz tal-grupp ta’ esperti tal-Istati Membri dwar l-ostakoli għall-moviment liberu tal-kapital bħala parti mill-pjan ta’ azzjoni tal-USK, dispożizzjonijiet nazzjonali li joħolqu piż mhux ġustifikat jew sproporzjonat għall-moviment transfruntier tal-kapital. L-objettiv huwa li jitħejja pjan direzzjonali konġunt mal-Istati Membri għal azzjonijiet possibbli biex jitneħħew dawn l-ostakli nazzjonali.

Tnaqqis tal-ostakli għad-dħul u l-integrazzjoni tas-suq

Rigward l-ostakoli għad-dħul, f’Ottubru 2016 il-Kummissjoni adottat rapport dwar l-istat tas-suq tas-CRA. Ir-rapport kien jinkludi valutazzjoni preliminari tal-kompetizzjoni fis-suq, ostakli potenzjali u spejjeż sproporzjonati li jiffaċċjaw CRAs iżgħar. Il-Kummissjoni se tkompli tagħmel monitoraġġ tal-iżviluppi f’dan il-qasam.

Il-Kummissjoni se tagħmel monitoraġġ tal-applikazzjoni u tal-impatt tad-dispożizzjonijiet tal-esternalizzazzjoni li jinsabu fir-Regolament dwar il-Parametri Referenzjarji 20 , li bihom l-amministraturi tal-parametri referenzjarji huma obbligati jiggarantixxu li l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jkollhom aċċess effettiv għad-dejta.

Rigward l-ostakli għall-integrazzjoni tas-suq, bħala parti mill-pjan ta’ azzjoni tal-USK, il-Kummissjoni qed tikkonsulta dwar l-ostakli transfruntiera għall-ġestjoni tal-fondi. Abbażi tar-riżultati, tista’ tipproponi tibdil leġiżlattiv, infurzar jew gwida sabiex jitneħħew l-ostakli. Il-Kummissjoni beħsiebha wkoll tesplora l-fattibbiltà li tissimplifika l-firxa ta' awtorizzazzjonijiet meħtieġa biex jipprovdu dawn is-servizzi matul is-suq uniku. 

2.4Qafas regolatorju aktar konsistenti u li jħares’ il quddiem

Is-sejħa għal evidenza enfasizzat ukoll il-ħtieġa li tkun żgurata l-konsistenza f’qafas regolatorju ġenerali; tkompli tittejjeb il-protezzjoni tal-investituri u tal-konsumaturi; tindirizza r-riskji li jifdal fis-sistema finanzjarja u żżomm il-qafas regolatorju aġġornat bi żviluppi teknoloġiċi.

Indirizzar tal-interazzjonijiet inkonsistenti

Is-sejħa għal evidenza żvelat diversi interazzjonijiet mhux intenzjonati bejn it-testi leġiżlattivi individwali. Pereżempju, it-tnaqqis fir-riskju għall-użu ta’ derivattivi wara r-riformi tal-EMIR ma kinux riflessi kif xieraq fir-regoli prudenzjali għall-kumpaniji tal-assigurazzjoni fis-Solvibbiltà II jew ir-regoli għall-UCITS. Jew it-tħassib li l-proporzjon ta’ ingranaġġ jista’ jippenalizza l-banek li jaġixxu bħala membri tal-ikklirjar, billi l-iskoperturi tagħhom ma jqisux l-effett li jnaqqas ir-riskju tal-marġni inizjali (segregati). Fl-istess ħin, mhux l-interazzjonijiet kollha jiġġustifikaw intervent. Pereżempju, ma hemmx biżżejjed evidenza biex wieħed jikkonkludi li l-proporzjon ta’ ingranaġġ jipprevjeni lill-banek milli jżommu l-assi likwidi ta’ kwalità għolja meħtieġa mill-proporzjon tal-kopertura tal-likwidità.

Titjib tal-protezzjoni tal-investituri u tal-konsumaturi

Il-Kummissjoni ħadet passi sinifikanti biex ittejjeb il-protezzjoni tal-investituri u tal-konsumaturi tas-servizzi finanzjarji. Madankollu, il-biċċa l-kbira ta’ dawn il-liġijiet ġodda jew riveduti, daħlu fis-seħħ dan l-aħħar, jew dalwaqt jidħlu fis-seħħ, filwaqt li oħrajn għadhom f’fażi ta’ traspożizzjoni. L-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi enfasizzaw li l-fiduċja tal-konsumaturi f’fornituri tas-servizzi finanzjarji kienet għadha baxxa u stiednet lill-Kummissjoni biex tieħu aktar azzjoni f’dan il-qasam. Din l-opinjoni tal-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi hija konformi mas-sejbiet tat-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumatur fejn is-servizzi finanzjarji ġew ikklassifikati fil-qiegħ għal diversi snin. Fiduċja baxxa tal-konsumaturi fis-servizzi finanzjarji ddgħajjef l-impenn tagħhom f’servizzi finanzjarji, b’mod partikulari fir-rigward tal-bejgħ transfruntier. Biex nerġgħu nibnu din il-fiduċja, huwa importanti li l-politiki tal-Kummissjoni jindirizzaw il-protezzjoni tal-konsumaturi u l-aspetti ta’ infurzar.

Indirizzar ta’ lakuni fil-qafas regolatorju

Il-lakuni fil-qafas regolatorju jistgħu jsiru evidenti, pereżempju, minħabba arbitraġġ regolatorju, innovazzjoni finanzjarja u żvilupp teknoloġiku, hekk kif kemm l-utenti kif ukoll il-fornituri ta’ servizzi finanzjarji jadattaw l-imġiba tagħhom matul iż-żmien. Waħda mill-prijoritajiet iddikjarati tal-Kummissjoni hija li tlesti l-aġenda ta’ riforma finanzjarja billi tindirizza r-riskji li fadal, inklużi dawk marbuta ma’ entitajiet li jkollhom impatt sistemiku.

Kont meħud tal-iżviluppi teknoloġiċi

It-teknoloġija qed tbiddel il-mudelli kummerċjali tal-parteċipanti fis-suq finanzjarju, u l-interazzjoni tagħhom mal-klijenti u mal-investituri. Din tippreżenta opportunitajiet importanti għall-parteċipanti stabbiliti fis-suq, iżda anke għal dawk li jidħlu ġodda fis-suq. Jeħtieġ li l-klijenti wkoll jibbenefikaw minn servizzi finanzjarji aktar diversi u effiċjenti. Fl-istess ħin, hemm tħassib dwar ir-riskji potenzjali li dan jista’ joħloq għall-funzjonament ordinat u l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji. Jeħtieġ li jsir monitoraġġ ta' dawn ir-riskji u jitnaqqsu. B’mod partikulari, ir-regolament finanzjarju għandu jkun flessibbli biżżejjed biex irawwem minflok ixekkel il-progress teknoloġiku, filwaqt li fl-istess ħin jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur.

Azzjoni ta’ segwitu:

Indirizzar tal-interazzjonijiet u tal-inkonsistenzi

Sabiex tissalvagwardja l-kapaċità tal-banek li jipprovdu servizzi ta’ kklirjar lill-klijenti skont l-EMIR, fil-pakkett tas-CRR2 il-Kummissjoni tipproponi li taġġusta l-proporzjon ta’ ingranaġġ biex tippermetti li l-banek jikkumpensaw l-iskopertura futura potenzjali tat-tranżazzjonijiet derivattivi rilevanti b'marġni inizjali.

Il-Kummissjoni se tirrieżamina l-qafas ta' mitigazzjoni tar-riskju ta’ kreditu tal-kontroparti tas-Solvibbiltà II biex tagħmel tajjeb għall-adozzjoni tal-EMIR fir-rieżami futur tal-Att Delegat tas-Solvibbiltà II. Il-Kummissjoni talbet lill-EIOPA biex tipproponi aġġornament tal-qafas tas-Solvibbiltà II biex tqis ir-riskju mnaqqas tal-att delegat introdott mill-EMIR. Ir-rieżami futur se jindirizza wkoll l-inkonsistenzi bejn is-Solvibbiltà II u s-CRR rigward it-trattament tal-gvernijiet reġjonali u l-awtoritajiet lokali. 

Il-konsultazzjoni tal-Kummissjoni biex tinġabar evidenza dwar jekk il-qafas regolatorju attwali tad-Direttiva dwar il-Konglomerati Finanzjarji (FICOD) 21 huwiex proporzjonat u adattat għal-iskop għalqet f’Settembru 2016. Bħala parti mill-pjan ta’ ħidma ta’ REFIT 2017, il-Kummissjoni se tevalwa r-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza, il-koerenza u l-valur miżjud qafas attwali tal-FICOD.

Bħala parti mill-pakkett tas-CRR2, il-Kummissjoni tipproponi li gradwalment tintroduċi l-effetti fuq il-kapital prudenzjali li jirriżultaw mill-mudell ġdid ta’ indeboliment fl-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS 9) riveduti biex jiġi evitat impatt f’daqqa fuq is-self mill-banek.

Il-Kummissjoni talbet lill-ESMA biex tanalizza l-evidenza mressqa dwar ir-restrizzjonijiet tal-UCITS rigward l-użu tad-derivattivi barra l-Borża. 

Titjib tal-protezzjoni tal-investituri u tal-konsumaturi

Bħala segwitu għall-Green Paper dwar is-servizzi finanzjarji għall-konsumatur, kmieni fl-2017 il-Kummissjoni se tippubblika Pjan ta’ Azzjoni li jistabbilixxi passi biex jinbena suq uniku iktar integrat għas-servizzi finanzjarji għall-konsumatur. L-objettiv tal-Pjan ta’ Azzjoni se jkun li jgħin lill-konsumaturi jingħataw tranżazzjoni aktar ġusta u jippermetti li l-konsumaturi u l-fornituri jieħdu aktar vantaġġ tal-potenzjal tas-suq uniku.

Il-Pjan ta’ Azzjoni tas-Servizzi Finanzjarji għall-Konsumaturi se jqis, fost affarijiet oħra, mezzi biex:

(i) titjieb il-protezzjoni tal-konsumaturi meta jiġu biex jixtru s-servizzi finanzjarji transfruntiera u onlajn. B’mod partikolari, il-Pjan se jtejjeb l-għarfien ta’ possibilitajiet li jissolva tilwim transfruntier barra mill-qorti;

(ii) jitnaqqsu l-ostakli legali u regolatorji li d-ditti jħabbtu wiċċhom magħhom meta jipprovdu servizzi finanzjarji barra minn pajjiżhom, inkluż meta jieħdu vantaġġ tad-diġitalizzazzjoni dejjem akbar tas-servizzi finanzjarji għall-konsumaturi; kif ukoll

(iii) ir-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni adattati għall-iskop fid-dinja diġitali.

Bħala parti mill-Pjan ta’ Azzjoni tal-USK, il-Kummissjoni qed tniedi valutazzjoni komprensiva tas-swieq Ewropej għall-prodotti ta’ investiment għall-konsumaturi li se tagħti ħarsa lejn il-mezzi ta’ distribuzzjoni, il-pariri dwar l-investiment u l-possibbiltajiet offruti mit-teknoloġija.

Indirizzar ta’ lakuni fil-qafas regolatorju

Bħala parti mill-Pjan ta' Azzjoni dwar is-Servizzi Finanzjarji għall-Konsumatur, il-Kummissjoni tista' tqis il-merti li ttejjeb il-protezzjonijiet skont id-Direttiva dwar Skemi ta' Kumpens għall-Investitur 22 , u tqis l-esperjenza miksuba fil-passat f'dan il-qasam.

Il-Kummissjoni dalwaqt se tippreżenta proposta għal qafas ta’ rkupru u riżoluzzjoni għas-CCPs.

Ir-rieżami li ġej tal-qafas makroprudenzjali tal-UE se jivvaluta kull inkonsistenza fil-kaxxa tal-għodda makroprudenzjali, u meta l-istrumenti jirkbu fuq xulxin f’termini ta’ mira tar-riskju, kalibrazzjoni u akkumulazzjoni. Kif rifless fid-dokument ta’ konsultazzjoni, ir-rieżami se jivvaluta wkoll il-merti tal-espansjoni tal-qafas makroprudenzjali lil hinn mill-banek. 

Kont meħud tal-iżviluppi teknoloġiċi

Twaqqfet task force ta' FinTech interna biex tagħmel monitoraġġ tal-iżviluppi teknoloġiċi li jaffettwaw is-settur finanzjarju u biex jiżviluppaw reazzjonijiet adattati fejn meħtieġ.

F’Lulju 2016, il-Kummissjoni ppubblikat proposta biex tiġi emendata Direttiva dwar il-Ġlieda kontra l-Ħasil tal-Flus 23 biex tipproteġi teknoloġiji innovattivi emerġenti, bħal muniti virtwali, minn użi illeċiti.

Is-servizzi tal-Kummissjoni se jaqsmu wkoll l-opinjonijiet tagħhom mal-partijiet interessati dwar kif jikkondividu l-informazzjoni dwar theddid ċibernetiku.

Il-Pjan ta’ Azzjoni dwar is-Servizzi Finanzjarji għall-Konsumaturi se jqis modi biex iħeġġeġ ir-rikonoxximent tal-ID u l-iffirmar tal-kuntratti b'mod remot, sigur u mingħajr periklu.



3. IL-PASSI LI JMISS

L-input li nġabar bħala parti mis-sejħa għal evidenza kien importanti biex jitfasslu l-inizjattivi politiċi li għaddejjin bħalissa. Filwaqt li l-qafas ġenerali għadu sod, ċerti aġġustamenti se jimxu ‘l quddiem permezz ta’:

Kontrolli tal-idoneità u rieżamijiet leġiżlattivi bħala parti mir-REFIT, inklużi obbligi ta' rappurtar fis-settur finanzjarju;

L-ikkalibrar tal-miżuri kemm fil-livell leġiżlattiv kif ukoll dak ta’ implimentazzjoni;

Ħidma ta’ politika li għaddejja bħalissa, pereżempju biex jirfinaw u jħaffu l-miżuri skont il-Pjan ta’ Azzjoni tal-USK; kif ukoll

il-kontribuzzjonijiet tal-Kummissjoni għall-ħidma fil-livell globali biex tkejjel u tevalwa l-effett ikkombinat tar-riformi.

Din il-Komunikazzjoni tistipula għadd ta’ miżuri ta’ politika speċifiċi li l-Kummissjoni beħsiebha tieħu biex issegwi dan l-eżerċizzju. Il-Kummissjoni se tagħmel monitoraġġ tal-progress fl-implimentazzjoni tal-oqsma rispettivi u se tippubblika s-sejbiet tagħha u l-passi possibbli li jmiss qabel tmiem l-2017.

Is-sejħa għal evidenza ma għandhiex titqies bħala eżerċizzju ta’ darba. Il-prinċipji ta’ Regolamentazzjoni Aħjar se jkomplu jiġu applikati b’mod rigoruż meta jkunu qed jiġu żviluppati proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni, billi jiġi vvalutat l-impatt tagħhom, u b'hekk jitnaqqsu l-ispejjeż ta’ konformità u tiġi żgurata l-proporzjonalità. Il-Kummissjoni se tkompli timpenja ruħha mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha permezz tad-diversi mekkaniżmi ta’ konsultazzjoni, u tagħtihom l-opportunità li jipprovdu aktar evidenza u jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-politika. Il-Kummissjoni hija partikolarment ħerqana li tirċievi evidenza kwantitattiva li turi l-impatt tal-leġiżlazzjoni tal-UE fuq il-konsumaturi, l-operaturi ekonomiċi u l-ekonomija b’mod ġenerali. Dan għandu jsaħħaħ l-abbiltà tal-Kummissjoni li ssaħħaħ il-kapaċità analitika tagħha biex tkejjel l-effiċjenza, l-effettività u l-valur miżjud tar-riformi tal-UE u tikkontribwixxi għal-linji ta’ ħidma rilevanti fil-livell globali.

Is-sejħa għal evidenza turi l-impenn tal-Kummissjoni għar-REFIT u għar-Regolamentazzjoni Aħjar. Ikkonfermat li l-iżvilupp u l-kalibrazzjoni tal-politiki bbażati fuq evidenza fattwali, il-kunsiderazzjoni ta' interazzjonijiet possibbli ma’ leġiżlazzjoni eżistenti, monitoraġġ robust, evalwazzjoni u valutazzjoni tal-impatt, l-iżgurar tat-trasparenza, l-involviment tal-partijiet ikkonċernati u l-konsultazzjoni pubblika miftuħa jistgħu joħolqu regolamentazzjoni aħjar u aktar effettiva, u jevitaw piżijiet mhux meħtieġa — filwaqt li jintlaħqu l-objettivi fundamentali fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja, il-protezzjoni tal-konsumaturi/investituri u t-trawwim tal-impjiegi, tat-tkabbir u tal-investiment. Prinċipji ta’ Regolamentazzjoni Aħjar għandhom jiġu promossi wkoll fil-livell globali. Għaldaqstant, huwa ta’ inkoraġġiment li korpi internazzjonali, bħall-G20, il-Bord għall-Istabilità Finanzjarja u l-BCBS bdew jivvalutaw il-koerenza ġenerali tar-riformi. Il-Kummissjoni tistenna bil-ħerqa l-kontribuzzjonijiet għal din il-ħidma.

(1)

  http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?pubRef=-//EP//NONSGML+REPORT+A8-2015-0360+0+DOC+PDF+V0//MT  

(2)

Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013

(3)

Id-Direttiva 2013/36/UE

(4)

Il-"pakkett tas-CRR2" jiddeskrivi t-taħlita ta' miżuri tat-tnaqqis tar-riskji fil-proposti segwenti: "Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 u r-Regolament (UE) Nru 648/2012", "Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva emendatorja tal-Kunsill 2013/36/UE", "Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2014/59/UE" u "Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 806/2014".

(5)

Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012

(6)

Id-Direttiva 2009/138/KE

(7)

Id-Direttiva 2014/59/UE

(8)

Id-Direttiva 2014/65/UE

(9)

Ir-Regolament (UE) Nru 596/2014

(10)

Ir-Regolament (UE) Nru 236/2012

(11)

Ir-Regolament (UE) Nru 909/2014

(12)

Ara r-rapport tar-rieżami tal-EMIR tat-22 ta’ Novembru 2016 għal aktar dettalji

(13)

Id-Direttiva 2011/61/UE. L-Artikolu 69 jtenni li "Sat-22 ta’ Lulju 2017, il-Kummissjoni għandha, abbażi ta’ konsultazzjoni pubblika u fid-dawl tad-diskussjonijiet ma’ awtoritajiet kompetenti, tirrivedi l-applikazzjoni u l-ambitu ta’ din id-Direttiva"

(14)

Id-Direttiva 2014/91/UE

(15)

Ir-Regolament (UE) Nru 462/2013

(16)

Id-Deċiżjoni (UE) Nru 2015/2240/UE

(17)

Id-Direttiva 2013/50/UE

(18)

Id-Direttiva 2013/34/UE

(19)

Ir-Regolament (UE) Nru 537/2014

(20)

Ir-Regolament (KE) Nru 2016/1011

(21)

Id-Direttiva 2002/87/KE

(22)

Id-Direttiva 97/9/KE

(23)

Id-Direttiva (UE) 2015/849

Top