Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016DC0820

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI dwar rakkomandazzjonijiet ta' riforma għar-regolamentazzjoni tas-servizzi professjonali

    COM/2016/0820 final

    Brussell, 10.1.2017

    COM(2016) 820 final

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    dwar rakkomandazzjonijiet ta' riforma għar-regolamentazzjoni tas-servizzi professjonali

    {SWD(2016) 436 final}


    I.    Ir-regolamentazzjoni tas-servizzi professjonali fil-kuntest tagħha

    I.1.    Il-kuntest politiku

    Suq intern aktar approfondit u ġust huwa waħda mill-10 prijoritajiet tal-Kummissjoni. Il-Kunsill Ewropew jikkunsidra li “Il-kisba ta’ Suq Uniku aktar approfondit u ġust se tkun strumentali fil-ħolqien ta’ impjiegi ġodda, il-promozzjoni tal-produttività u l-iżgurar ta’ klima attraenti għall-investiment u l-innovazzjoni” 1 .

    Fl-Istrateġija tagħha għal Suq Uniku għall-oġġetti u għas-servizzi tat-28 ta’ Ottubru 2015 2 , il-Kummissjoni ħabbret li se toħroġ gwida għall-Istati Membri dwar il-ħtiġijiet ta’ riforma fis-servizzi professjonali. Din il-miżura hija waħda mill-azzjonijiet u mill-istrateġiji dwar is-Suq Uniku li fir-rigward tagħhom il-Kunsill Ewropew appella għal implimentazzjoni rapida sal-2018 3 . Fir-rapport tiegħu dwar l-Istrateġija għal Suq Uniku, il-Parlament Ewropew approva l-inizjattiva tal-Kummissjoni 4 .

    Ir-regolamentazzjoni tas-servizzi professjonali hija prerogattiva tal-Istati Membri. Din għandha l-għan li tiżgura l-ħarsien ta’ għanijiet ta’ interess ġenerali. Il-mod partikolari kif l-Istati Membri jirregolaw professjoni jirriżulta minn għadd ta’ fatturi bħal: l-importanza li s-soċjetà tagħti lill-għanijiet speċifiċi ta’ interess ġenerali li jridu jitħarsu; l-effiċjenza ta’ arranġamenti superviżorji amministrattiva u ġudizzjarji differenti; is-sitwazzjonijiet ekonomiċi; l-importanza ekonomika relattiva tas-settur għall-pajjiż inkwistjoni u s-saħħa tad-drittijiet stabbiliti.

    Taħlita ta’ dawn il-fatturi u l-valutazzjonijiet ta’ politika li jirriżultaw minnha, wasslu biex jiġu adottati mudelli regolatorji differenti. L-eżistenza ta’ diversi mudelli mhijiex kwistjoni. Għaldaqstant, l-għan mhuwiex li jiġi impost direttament jew indirettament xi mudell regolatorju partikolari mal-UE kollha.

    Irrispettivament minn liema qafas regolatorju jintgħażel, ir-regolamentazzjoni toħloq ostakli għall-funzjonament tas-Suq Uniku u żżomm lura l-potenzjal għat-tkabbir u għall-ħolqien tal-impjiegi fl-ekonomiji tal-UE. It-tneħħija ta’ ostakli bħal dawn toħloq opportunitajiet u għandha impatt pożittiv fuq il-produttività u l-kompetittività tal-ekonomija tal-UE. Irrispettivament mill-mudell applikabbli f’kull pajjiż jew reġjun, fejn ir-restrizzjonijiet jistgħu jitneħħew jew isiru aktar proporzjonati, din il-biċċa xogħol għandha titwettaq għall-benefiċċju taċ-ċittadini, tal-konsumaturi u tal-professjonisti. Għal dan l-għan, tkun utli l-esperjenza miksuba minn Stati Membri oħra dwar l-aħjar mod kif wieħed jipproċedi.

    L-ostakli għat-tkabbir u għall-kummerċ jistgħu joriġinaw minn restrizzjonijiet li jidhru inqas importanti, li l-effetti kumulattivi tagħhom jistgħu jkunu ta’ ħsara. L-għan ta’ din il-Komunikazzjoni mhuwiex biss li tgħin lill-Istati Membri fit-tneħħija ta’ restrizzjonijiet sostantivi speċifiċi mhux iġġustifikati, iżda li toħloq għarfien regolatorju “virtuż” mill-Istati Membri.

    Ir-rakkomandazzjonijiet ta’ riforma f’din il-Komunikazzjoni jindirizzaw firxa wiesgħa ta’ rekwiżiti u jagħmlu dan permezz ta’ analiżi komparattiva skont l-ispirtu u l-ħidma mwettqa fl-eżerċizzju ta’ evalwazzjoni reċiproka mal-Istati Membri matul l-aħħar tliet snin 5 . Ir-rakkomandazzjonijiet għandhom l-għan li jappoġġaw lill-Istati Membri fil-ħolqien ta’ ambjent regolatorju li jwassal għat-tkabbir, l-innovazzjoni u l-ħolqien tal-impjiegi. Dawn mhumiex limitati għal każijiet ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni, anke jekk xi wħud mir-rekwiżiti msemmija jistgħu jikkostitwixxu tali ksur.

    Għadd ta’ studji reċenti juru li hemm potenzjal sinifikanti li mhux qed jintuża fl-iżvilupp ta’ servizzi professjonali. Studju riċenti bħal dan mill-Bank Dinji ssuġġerixxa li l-produttività tista’ tiżdied b’madwar 5 %, jekk jitnaqqsu l-ostakli għas-servizzi 6 . Studju ieħor wera li d-dħul u l-ħruġ ta’ ditti jkollhom effett sinifikanti fuq ir-rati tal-qligħ u fl-effiċjenza allokattiva għas-settur tas-servizzi professjonali (dawk legali, tal-kontabilità, tal-arkitettura u tal-inġinerija) 7 . F’valutazzjoni tal-2015 tal-Kummissjoni Ewropea tal-impatt ekonomiku tal-ostakli magħżula f’erba’ servizzi tan-negozju (periti, inġiniera ċivili, kontabilisti u avukati) ġie kkonfermat l-impatt ekonomiku sinifikanti fuq l-intensità tal-kompetizzjoni, il-profittabilità tas-settur u l-effiċjenza tal-allokazzjoni tar-riżorsi 8 .

    Aktar minn hekk, minħabba n-natura tal-għoti tas-servizzi, is-settur għandu interkonnessjonijiet qawwija ma’ setturi oħra tal-ekonomija, bħall-manifattura 9 . Minħabba l-importanza tas-suq tas-servizzi tal-UE għall-ekonomija globali tal-UE, suq tas-servizzi li jiffunzjona tajjeb huwa komponent ewlieni fl-enfasi tal-Kummissjoni biex tingħata spinta lill-ħolqien tal-impjiegi, it-tkabbir u l-investiment.

    Din il-Komunikazzjoni tidentifika l-possibbiltajiet għat-titjib tal-ambjent regolatorju għal għadd ta’ gruppi ekonomikament importanti tas-servizzi professjonali. Ir-rakkomandazzjonijiet ta’ riforma huma mfassla għal kull Stat Membru filwaqt li jitqies l-ambjent regulatorju speċifiku fis-seħħ. Minħabba l-approċċi regolatorji differenti, mhux l-Istati Membri kollha għandhom l-istess ħtieġa li jirrevedu u jimmodifikaw ir-regolamentazzjoni. B’konsegwenza ta’ dan, ir-rakkomandazzjonijiet ivarjaw minn pajjiż għal ieħor, u xi Stati Membri jistgħu ma jirċevux rakkomandazzjonijiet għal wieħed jew għal bosta servizzi professjonali. Barra minn hekk, uħud mill-ħtiġijiet ta’ riforma identifikati jista’ jkollhom implikazzjonijiet aktar serji u anki legali f’każijiet fejn jista’ jiġi stabbilit ksur tad-dritt tal-UE.

    Il-Kummissjoni se timmonitorja l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet f’din il-Komunikazzjoni flimkien mal-Istati Membri u tipproponi miżuri, sabiex fejn xieraq, jiġu indirizzati l-ostakli li jifdal. Dawn jistgħu jinkludu azzjoni ta’ infurzar fir-rigward tal-possibbiltà ta’ ksur tal-liġi tal-UE jew proposti leġiżlattivi biex jiġu indirizzati r-rekwiżiti ta’ piż li jifdal.

    Din il-Komunikazzjoni u r-rakkomandazzjonijiet ta’ riforma tagħha jikkomplementaw l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir aktar vast tal-Kummissjoni, billi jipprovdu analiżi komprensiva u approfondita li tkopri lill-Istati Membri kollha fis-setturi magħżula u gruppi ta’ professjonijiet, u jidentifikaw possibbiltajiet konkreti ta’ riforma fl-Istati Membri kollha f’dawn is-setturi. Hija tipprovdi approċċ aktar speċifiku f’qasam sinifikanti għar-riformi strutturali u, fejn rilevanti, tikkomplementa u tappoġġa l-analiżi tal-Kummissjoni u r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi fi ħdan is-Semestru Ewropew.

    I.2.    Il-kuntest ġuridiku

    Is-servizzi professjonali jikkostitwixxu element importanti ferm fl-ekonomija tal-Istati Membri u tal-UE. Ħafna minnhom jipprovdu input essenzjali għal operaturi oħra tas-suq u għall-ekonomija kollha kemm hi u ħafna minnhom huma attivi f’oqsma sensittivi, spiss ikkaratterizzati minn asimetrija tal-informazzjoni u tal-kunsiderazzjonijiet relatati ma’ għanijiet ta’ politika usa’ bħall-funzjonament tas-sistema ġudizzjarja, is-sikurezza tal-ambjent mibni, eċċ.

    Huwa f’idejn kull Stat Membru li jiddeċiedi jekk ikunx hemm bżonn li jintervjeni u li jimponi regoli u restrizzjonijiet għall-aċċess għal professjoni jew għall-eżerċizzju tagħha, sakemm jiġu rrispettati l-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ proporzjonalità. L-Istati Membri jiddeterminaw l-għan ta’ interess pubbliku li jridu jipproteġu u jagħżlu l-aktar mod xieraq biex jinkiseb dan.

    Ir-rekwiżiti imposti fuq is-servizzi professjonali kienu s-suġġett tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea. Il-Qorti ddeċidiet ripetutament li, anki jekk jiġu applikati mingħajr ebda diskriminazzjoni, ir-regolamentazzjonijiet nazzjonali tal-professjonijiet inklużi r-rekwiżiti fir-rigward tal-kwalifiki jistgħu jfixklu jew jirrendu inqas attraenti l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali miċ-ċittadini u mill-kumpaniji tal-UE, iggarantiti lilhom mit-Trattat 10 . Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat ukoll li l-fatt li Stat Membru wieħed jimponi regoli anqas stretti minn Stat Membru ieħor ma jfissirx li r-regoli ta’ dan tal-aħħar huma sproporzjonati u inkompatibbli mal-dritt tal-Unjoni. Huwa f’idejn l-Istati Membri biex jivvalutaw jekk ikunx meħtieġ li jimponu restrizzjonijiet fuq attivitajiet professjonali fuq bażi ta’ każ b’każ u b’kont meħud tal-kuntest regolatorju kollu kemm hu.

    F’ħafna każijiet, ir-regolamentazzjoni hija ġġustifikata, pereżempju f’dak li għandu x’jaqsam ma’ kwistjonijiet ta’ saħħa u sikurezza. Madankollu, biex ir-regolamentazzjoni tkun adattata għall-iskop tagħha, hija għandha tiġi riveduta b’mod regolari sabiex tqis it-tibdil ambjentali, eż. l-innovazzjoni teknika, sensibilizzazzjoni aħjar tal-konsumaturi, eċċ. Jista’ jkun li r-regoli stabbiliti ma jkunux għadhom dawk l-aktar xierqa u jistgħu jkunu tilfu l-ġustifikazzjoni tagħhom minħabba l-iżviluppi teknoloġiċi, tas-soċjetà jew tas-suq. Dawn tal-aħħar jistgħu wkoll joħolqu l-ħtieġa għal rispons regolatorju, pereżempju fil-qasam tal-evitar u tal-evażjoni tat-taxxa. Madankollu, ir-rispons xieraq ma jikkonsistix neċessarjament fir-regolamentazzjoni ta’ professjoni partikolari u jista’ minflok ikun usa’, bħal regoli dwar l-iżvelar obbligatorju imposti fuq kull intermedjarju fi kwistjonijiet ta’ taxxa.

    Id-Direttiva dwar ir-Rikonoxximent ta' Kwalifiki Professjonali 11 diġà ġiet emendata u introduċiet eżerċizzju ta’ evalwazzjoni reċiproka u ta’ trasparenza li fih l-Istati Membri rrapportaw liema professjonijiet huma jirregolaw u eżaminat l-ostakli rispettivi li jillimitaw l-aċċess għal ċerti professjonijiet 12 . L-għan ta’ dan l-eżerċizzju kien li jiġu riveduti l-professjonijiet regolati kollha f’kull Stat Membru sabiex jinkiseb ambjent regolatorju li jkun proporzjonat u adattat għall-għanijiet reali ta’ protezzjoni tal-interessi ġenerali. F’dan il-kuntest, ġew diskussi għadd ta’ professjonijiet bħala eżempji biex jintwerew l-approċċi regolatorji differenti fost l-Istati Membri sabiex ikollna ħarsa u fehim aħjar tas-soluzzjonijiet regolatorji fis-servizzi professjonali ta’ Stati Membri oħra 13 .

    Waħda mill-konklużjonijiet li jridu jinsiltu mid-diskussjonijiet fl-eżerċizzju tal-evalwazzjoni reċiproka hija li d-differenzi bejn il-kunċetti regolatorji bħala tali ma jindikawx neċessarjament li hemm bżonn ta’ riforma. Madankollu, filwaqt li l-għanijiet ta’ interess pubbliku li suppost jiġu protetti mir-regolamentazzjoni huma simili, il-livell tar-regolamentazzjoni jista’ jkun tant differenti li dan iqajjem mistoqsijiet dwar ir-raġuni għaliex il-livell ta’ intervent mill-Istat huwa partikolarment għoli f’pajjiż wieħed jew aktar. Ir-restrizzjonijiet jistgħu jeżistu wkoll fl-Istati Membri li ma jirregolawx il-professjoni, pereżempju fejn is-sistemi ta’ ċertifikazzjoni għandhom rwol importanti fis-suq.

    L-eżerċizzju ta’ evalwazzjoni reċiproka wassal biex l-Istati Membri jintalbu jippreżentaw pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali (NAPs) lill-Kummissjoni sat-18 ta’ Jannar 2016 fejn jispjegaw u jiġġustifikaw kwalunkwe deċiżjoni li jkunu ħadu b’riżultat ta’ din l-analiżi biex iżommu jew jemendaw ir-regolamentazzjonijiet professjonali 14 . 

    Sal-lum għad hemm seba’ Stati Membri, li huma Ċipru, il-Greċja, l-Ungerija, l-Irlanda, Malta, is-Slovenja u Spanja, li ma ttrażmettewx l-NAP tagħhom. Meta wieħed iħares lejn il-kontenut tal-NAPs li ġew ippreżentati, il-livell ta’ ambizzjoni huwa differenti ħafna, b’xi Stati Membri jiddeskrivu approċċ komprensiv għar-rieżami tal-leġiżlazzjoni jew tar-riformi mmirati fi professjonijiet speċifiċi, filwaqt li oħrajn urew intenzjoni pjuttost limitata fil-konfront tar-riformi. Għal xi Stati Membri, l-azzjonijiet imsemmija fil-pjan tagħhom jirreferu għal miżuri preċedenti minħabba li kienu diġà għaddew minn proċess ta’ riforma, għalkemm dan ma jfissirx neċessarjament li ma hemm l-ebda ambitu għal aktar riformi. F’każijiet oħra, jidher li hemm nuqqas ta’ rieda politika għal involviment f’reviżjoni miftuħa u serja tas-sitwazzjoni attwali.

    L-Istrateġija tas-Suq Uniku tal-Kummissjoni ħabbret għadd ta’ azzjonijiet 15 biex ittejjeb ir-regolamentazzjoni nazzjonali tal-professjonijiet, jiġifieri:

    passaport/kard tas-servizzi;

    proċedura ta’ notifika mtejba skont id-Direttiva dwar is-Servizzi;

    gwida dwar il-ħtiġijiet ta’ riforma speċifiċi għal kull pajjiż u għal kull professjoni;

    l-introduzzjoni ta’ qafas analitiku għall-analiżi tal-proporzjonalità (“it-test tal-proporzjonalità”).

    Il-gwida dwar ir-rakkomandazzjonijiet ta’ riformi u t-test ta’ proporzjonalità jistgħu jitqiesu bħala komplementari: filwaqt li din il-Komunikazzjoni għandha l-għan li tħeġġeġ lill-Istati Membri jagħmlu adattamenti konkreti fil-qafas regolatorju eżistenti ta’ professjonijiet speċifiċi, it-test tal-proporzjonalità għandu l-għan li jaġixxi b’mod preventiv billi jipprovdi sett ġenerali ta’ kriterji li jgħin lill-Istati Membri jwettqu valutazzjoni bir-reqqa tal-ġustifikazzjonijiet u tal-ħtiġijiet għar-regolamentazzjoni futura tal-professjonijiet fis-setturi kollha qabel ma jadottaw leġiżlazzjoni ġdida jew jagħmlu kwalunkwe tibdil fir-regoli eżistenti tagħhom. Kemm ir-rakkomandazzjonijiet ta’ riforma kif ukoll it-test ta’ proporzjonalità għandhom l-għan li jirfinaw l-approċċi tal-Istati Membri għar-regolamentazzjoni, mhux billi jiddettawlhom, iżda pjuttost billi jiżguraw prattiki regolatorji biex jiggarantixxu li r-regolamentazzjoni tkun proporzjonata u li jiġu evitati konsegwenzi ekonomiċi negattivi.

    Dawn l-azzjonijiet jikkostitwixxu l-inizjattivi li jridu jiġu ppreżentati mill-Kummissjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 59(8) u (9) tad-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali. L-għan ta’ dawn iż-żewġ inizjattivi ġie approvat mill-Parlament Ewropew 16 u mill-Kunsill 17 fl-2016. Fil-konklużjonijiet tiegħu tad-29 ta’ Frar 2016, il-Kunsill laqa’ l-gwida speċifika għall-pajjiżi dwar is-servizzi professjonali u saħaq fuq il-ħtieġa għal valutazzjonijiet tal-proporzjonalità aktar konsistenti tar-rekwiżiti regolatorji fir-rigward tal-professjonijiet 18 .

    I.3.    Il-kuntest ekonomiku

    Il-funzjonament aħjar tas-Suq Uniku jagħti vantaġġi lill-Istati Membri tal-UE fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak globali. Is-servizzi totali jammontaw għal 71 % tal-PDG, li jirrappreżentaw ftit aktar minn EUR 10 triljun u 68 % tat-total ta’ impjiegi, jiġifieri madwar 150 miljun ruħ 19 . Madankollu, huwa ġeneralment rikonoxxut li l-potenzjal sħiħ ta’ Suq Uniku fis-servizzi għadu ma ġiex issodisfat.

    Bħalissa, abbażi ta’ dak li l-Istati Membri nnotifikaw fil-bażi tad-dejta tal-professjonijiet regolati, hemm aktar minn 5 500 professjoni regolata fl-UE kollha 20 . Jeżistu differenzi kbar bejn il-pajjiżi, li jvarjaw mil-Litwanja, li rrapportat biss 76, għall-Ungerija b’545 21 . Madankollu, dawn iċ-ċifri jgħidulna ftit dwar l-intensità (jew il-proporzjonalità) tar-regolamentazzjoni, l-impatt ekonomiku tagħha jew il-karatteristiċi tal-persuni affettwati minnha.

    Ir-regolamentazzjoni tas-servizzi professjonali għandha l-għan li tiżgura l-protezzjoni ta’ għadd ta’ għanijiet ta’ interess ġenerali. Ġie żviluppat għadd kbir ta’ metodi u mudelli, ibbażati fuq il-partikolaritajiet tas-suq u l-preferenzi politiċi u nazzjonali. Ir-regolamentazzjoni għandha t-tendenza li tkun komprensiva u tkopri firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet regolatorji, u ta’ spiss tinkludi diversi restrizzjonijiet li jvarjaw minn ftit jew wisq esklużivitajiet wiesa’ dwar l-eżerċizzju ta’ ċerti attivitajiet (ir-riżervi tal-attivitajiet) 22 u l-protezzjoni ta’ titoli professjonali 23 għal restrizzjonijiet fuq il-forom korporattivi jew min jikkontrolla s-sjieda jew il-ġestjoni tal-kumpaniji li jipprovdu servizzi professjonali. Anki meta tali regolamentazzjonijiet jiksbu b’mod sħiħ l-għan ta’ politika tagħhom, ma hemmx dubju li dawn għandhom impatt ekonomiku konsiderevoli.

    Huwa diffiċli li jitkejjel b’mod preċiż l-impatt ekonomiku tar-regolamentazzjoni għas-servizzi professjonali u sa dan l-aħħar lanqas kien hemm ċifri dwar il-prevalenza u l-effetti tar-regolamentazzjoni okkupazzjonali fuq is-suq tax-xogħol tal-UE. B’rispons għal dan in-nuqqas ta’ ċifri, il-Kummissjoni kkummissjonat l-ewwel stħarriġ rappreżentattiv mal-UE kollha, l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu, biex tipprovdi d-dejta meħtieġa sabiex titkejjel il-prevalenza tal-professjonijiet regolati 24 . L-istħarriġ, li twettaq matul l-ewwel kwart tal-2015, ikkuntattja aktar minn 26 600 ċittadin Ewropew u kkonkluda li 22 % tal-forza tax-xogħol Ewropea, jew ’il fuq minn 47 miljun ċittadin, huma direttament affettwati mir-regolamentazzjoni. Il-prevalenza tiegħu tvarja fl-Unjoni, minn 14 % tal-forza tax-xogħol fid-Danimarka għal 33 % fil-Ġermanja (ara ċ-Ċart 1).

    Ċart 1: is-sehem tal-professjonijiet regolati mit-total tal-forza tax-xogħol, 2015

    Sors: Stħarriġ tat-TNS, 2015.

    L-analiżi tal-effetti ekonomiċi tar-regolamentazzjoni turi li skont l-okkupazzjoni, jista’ jkun hemm bejn 3 u 9 % aktar nies jaħdmu fi professjoni partikolari jekk ir-rekwiżiti ta’ aċċess ikunu inqas stretti. L-istudju jistma wkoll li r-regolamentazzjoni timplika primjum tal-pagi aggregati ta’ madwar 4 % iżda b’varjazzjonijiet konsiderevoli skont is-setturi (sa 19,2 % f’ċerti oqsma) 25 . Dan jista’ jsarraf f’żieda fil-prezzijiet tas-servizzi għall-konsumaturi. Dan huwa rifless f’differenzi konsiderevoli fil-pagi fost il-gruppi professjonali u jissuġġerixxi li r-regolamentazzjoni permezz ta’ riżervi ta’ attivitajiet tista’ tfixkel b’mod sinifikanti l-pagi relattivi. Jissuġġerixxi wkoll li r-regolamentazzjoni professjonali tikkontribwixxi għal inugwaljanzi fil-pagi fis-suq tax-xogħol Ewropew, li minnhom jibbenefikaw partikolarment dawk fil-quċċata tad-distribuzzjoni tal-introjtu.

    Barra minn hekk, għadd ta’ studji li ġew ikkummissjonati reċentement mill-Kummissjoni juru li regolamentazzjoni iżjed proporzjonata u adattata għar-realtà tas-suq, pereżempju billi r-rekwiżiti l-aktar restrittivi u mhux ġustifikati jsiru inqas stretti, irriżultat f’titjib fid-dinamika tas-suq, li jwassal b’mod speċifiku għal aktar ftuħ tas-suq, aktar negozji ġodda u servizzi innovattivi ġodda li jitqiegħdu fis-suq minn dawk li għadhom kif daħlu ġodda fis-suq 26 . Barra minn hekk, iwassal għal benefiċċji għall-konsumaturi f’termini ta’ prezzijiet orħos b’riżultat tat-tnaqqis tar-rati ta’ profitt.

    Fl-aħħar nett, l-analiżi kkonfermat li t-tnaqqis tal-ostakli jwassal għal titjib fil-prestazzjoni tas-setturi kkaratterizzati minn effiċjenza allokattiva aktar b’saħħitha 27 . Studji tal-każijiet ta’ riformi fil-livell nazzjonali juru l-impatt li jista’ jkollhom ir-riformi tal-kundizzjonijiet għall-aċċess u għall-eżerċizzju tal-professjonijiet regolati, fuq is-settur. Fil-Greċja, ir-riformi rriżultaw fi prezzijiet aktar baxxi għall-konsumaturi tas-servizzi bħall-professjonijiet legali, il-kontabilisti u l-konsulenti tat-taxxa, li ġew liberalizzati skont ir-riforma mwettqa fl-2011. L-għadd ta’ gwidi turistiċi u esperti tal-kontabilità żdied b’aktar mid-doppju fl-2014 meta mqabbel mal-medja annwali qabel il-liberalizzazzjoni 28 . Fil-Polonja, ir-riforma tar-regolamentazzjoni tas-servizzi legali li seħħet bejn l-2005 u l-2014 wasslet biex l-għadd ta’ avukati u konsulenti legali attivi jiżdied b’aktar mid-doppju, filwaqt li ż-żieda fil-prezzijiet tas-servizzi legali kienet inqas mill-medja. Bl-istess mod, ir-riforma tal-professjonijiet tal-aġenti tal-proprjetà immobbli u tal-maniġers tal-proprjetà immobbli wasslet għall-ħolqien nett ta’ negozji fis-settur 29 .

    I.4.    Analiżi u gwida: indikatur ġdid ta’ restrizzjoni

    Analiżi u gwida għall-professjonijiet fis-setturi ekonomiċi ewlenin

    Din il-Komunikazzjoni u l-annessi tagħha jipprovdu analiżi dettaljata tar-regolamentazzjonijiet li japplikaw għall-periti, l-inġiniera ċivili, il-kontabilisti, l-avukati, l-aġenti tal-privattivi, l-aġenti tal-proprjetà immobbli u l-gwidi turistiċi. Dawn is-seba’ gruppi ta’ professjonijiet intgħażlu għaliex jappartjenu għal erba’ setturi ekonomiċi ewlenin (is-servizzi tan-negozji, il-kostruzzjoni, il-proprjetà immobbli u t-turiżmu). Il-mobbiltà f’dawn il-professjonijiet hija relattivament għolja u l-professjonijiet huma regolati fil-maġġoranza tal-Istati Membri, għalkemm b’regolamentazzjoni differenti. Dan ifisser li hemm potenzjal konsiderevoli għal riformi sinifikanti u ekonomikament rilevanti.

    Indikatur ġdid dwar ir-restrizzjoni tar-regolamentazzjoni okkupazzjonali

    Ġie mfassal indikatur dwar ir-restrizzjoni tar-regolamentazzjoni okkupazzjonali biex jappoġġa l-analiżi kwalitattiva tal-ostakli u jqis il-piż akkumulat ta’ diversi rekwiżiti aktar milli jiffoka fuq miżuri iżolati mir-ramifikazzjonijiet usa’ tagħhom. Dan l-indikatur jipprovdi bażi oġġettiva u li tista’ titkejjel biex tqabbel il-prestazzjoni tal-Istati Membri fis-seba’ gruppi ta’ professjonijiet magħżula.

    Il-gruppi li ġejjin ta’ restrizzjonijiet huma koperti bl-indikatur ta’ restrizzjoni:  30  

    (1) approċċ regolatorju: l-attivitajiet riżervati esklużivi jew kondiviżi, u l-protezzjoni tat-titoli;

    (2) rekwiżiti ta’ kwalifiki: snin ta’ edukazzjoni u taħriġ, eżami tal-Istat obbligatorju, obbligi ta’ żvilupp professjonali kontinwu, eċċ.;

    (3) rekwiżiti ta’ dħul oħra: sħubija jew reġistrazzjoni obbligatorja f’korp professjonali, limitazzjoni tal-għadd ta’ liċenzji maħruġa, rekwiżiti oħra ta’ awtorizzazzjoni, eċċ.;

    (4) rekwiżiti ta’ eżerċizzju: restrizzjoni fuq il-forma korporattiva, rekwiżiti għall-parteċipazzjoni azzjonarja, restrizzjonijiet fuq l-eżerċizzju konġunt tal-professjonijiet, l-inkompatibilitajiet tal-attivitajiet, eċċ..

    L-indikatur ta’ restrizzjoni jibni parzjalment fuq valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-ostakli fis-servizzi tan-negozju li ġiet ippubblikata għall-ewwel darba fl-2015, 31 iżda jmur lil hinn minn hekk billi, pereżempju, ikopri wkoll ir-rekwiżiti ta’ edukazzjoni mhux koperti preċedentement sabiex jipprovdi fehim komparattiv olistiku tar-rekwiżiti regolatorji differenti fis-seħħ, u jinkludi l-firxa sħiħa mill-edukazzjoni u t-taħriġ għar-restrizzjonijiet tal-eżerċizzju u l-inkompatibilitajiet bejn il-professjonijiet. Ikopri l-istess gruppi ta’ professjonijiet bħar-Regolamentazzjoni tas-Suq tal-Prodotti (PMR) 32 tal-OECD filwaqt li magħhom iżid l-aġenti tal-privattivi, l-aġenti tal-proprjetà immobbli u l-gwidi turistiċi. B’differenza mill-indikatur PMR tal-OECD, dan l-indikatur iqis il-firxa ta’ professjonijiet u attivitajiet koperti li jeżistu u jvarjaw minn Stat Membru għal ieħor f’kull wieħed mill-oqsma koperti, jipprevedi ponderazzjoni ta’ kull restrizzjoni fir-rigward tal-impatt tagħha u jinkludi informazzjoni aġġornata, kif derivata minn eżerċizzju ta’ evalwazzjoni reċiproka, filwaqt li juża b’mod estensiv il-bażi tad-dejta tal-professjonijiet regolati tal-UE. Għaldaqstant, l-indikatur il-ġdid jirrifletti l-aktar bidliet regolatorji riċenti fl-Istati Membri, bħal-liġi ta’ Franza dwar it-tkabbir, l-attività u opportunitajiet ekonomiċi ndaqs, adottata fl-2015. Dan inevitabbilment iwassal għal riżultati li jistgħu jkunu differenti minn valutazzjonijiet preċedenti, li kienu bbażati fuq l-indikatur PMR tal-OECD.

    Ir-restrizzjonijiet ma jistgħux jiġu analizzati separatament mingħajr ma jitqiesu l-mekkaniżmi l-oħra fis-seħħ li jikkomplementaw jew jissostitwixxu r-restrizzjoni speċifika. L-approċċ olistiku jagħmilha possibbli li ssir valutazzjoni ta’ kemm il-qafas regolatorju huwa restrittiv għall-professjonisti. Madankollu, f’dan l-istadju l-indikatur mhux se jiżvela l-ostakli mhux regolatorji jew ir-rwol tal-liġijiet jew tal-mekkaniżmi ġenerali speċifiċi fis-seħħ biex jipproteġu l-konsumaturi u l-għanijiet ta’ interess pubbliku. Għalhekk l-indikatur huwa akkumpanjat minn valutazzjoni u analiżi kwalitattivi li jipprovdu informazzjoni addizzjonali dwar ir-realtà fil-prattika.

    Analiżi ekonomika: l-impatt ekonomiku tar-regolamentazzjoni 33  

    L-analiżi ekonometrika li saret mill-Kummissjoni tindika, għas-seba’ gruppi ta’ servizzi professjonali, li l-livelli aktar baxxi ta’ restrizzjonijiet regolatorji jikkoinċidu ma’ riżultati ekonomiċi mtejba, speċifikament kera aktar baxxa għall-operaturi u żieda fit-tkabbir tal-għadd ta’ intrapriżi.

    L-indikatur jista’ jintuża bħala għodda ta’ monitoraġġ biex titkejjel l-evoluzzjoni tal-livell ta’ restrizzjoni tar-regolamentazzjoni maż-żmien. L-analiżi ta’ hawn taħt tippreżenta, għal kull grupp ta’ professjonijiet, il-punteġġi li ntlaħqu mill-indikatur fil-livell tal-UE, kif irreġistrat fl-aħħar ta’ Novembru 2016. Id-dokument ta’ ħidma tal-persunal jipprovdi aktar dettalji għal kull Stat Membru.

    II.    Analiżi skont il-professjoni

    It-taqsimiet li ġejjin jiddeskrivu s-setturi differenti analizzati. Il-kunċetti u t-termini (nazzjonali) użati b’rabta ma’ dawn is-servizzi professjonali jvarjaw, u l-organizzazzjoni u l-ambitu tal-attivitajiet tal-professjonijiet differenti f’dawn is-setturi ta’ spiss ivarjaw bejn l-Istati Membri u għalhekk mhux dejjem jistgħu jitqabblu faċilment. L-analiżi li tkun saret tqis dawn id-differenzi u topera fuq il-bażi ta’ attivitajiet koperti minn settur partikolari aktar milli minn denominazzjoni nazzjonali jew definizzjoni ta’ professjoni partikolari. Dan jirrigwarda, b’mod partikolari, l-inġinerija ċivili, fejn jeżistu varjetà kbira u għadd ta’ subprofessjonijiet, u l-kontabilità, li hija organizzata b’mod differenti ħafna fl-Istati Membri, mhijiex regolata f’xi wħud minnhom jew hija differenzjata ħafna bejn il-professjonijiet differenti, b’oqsma distinti tal-attivitajiet assenjati lil kull waħda minnhom.

    Il-valutazzjoni li ġejja hija bbażata prinċipalment fuq:

    l-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri nfushom, permezz tal-bażi tad-dejta dwar il-professjonijiet regolati;

    ir-rapporti dwar is-setturi għad-diskussjoni fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ evalwazzjoni reċiproka;

    ir-riċerka addizzjonali mill-Kummissjoni fil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

    Din l-informazzjoni ġiet ivverifikata u diskussa mal-Istati Membri f’diversi okkażjonijiet. Tqis ukoll l-ilmenti riċevuti jew rispons ieħor mill-partijiet ikkonċernati dwar ir-restrizzjonijiet li jħabbtu wiċċhom magħhom.

    Kull analiżi tinkludi viżwalizzazzjoni grafika tal-indikatur ta’ restrizzjoni Din l-informazzjoni għandha tinqara flimkien mal-analiżi deskrittiva pprovduta għal kull professjoni. L-indikatur huwa maħsub biex jittratta l-intensità relattiva tar-regolamentazzjoni fis-seħħ għal kull waħda mill-professjonijiet f’kull Stat Membru. L-ostakli mhux regolatorji mhumiex riflessi fl-indikatur. Madankollu, dawn huma riflessi fid-deskrizzjoni kwalitattiva sa fejn hu possibbli u skont l-informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni. Għaldaqstant, mhux bilfors hemm korrelazzjoni perfetta bejn il-punteġġi pprovduti mill-indikatur u r-rakkomandazzjonijiet ta’ riforma.

    Abbażi tar-rakkomandazzjonijiet imsemmija hawn fuq, l-Istati Membri għandhom jivvalutaw mill-ġdid u jerġgħu jikkunsidraw ir-restrizzjonijiet imposti fuq il-fornituri tas-servizzi u r-regolamentazzjoni għas-setturi professjonali magħżula, u għandhom b’mod partikolari jikkunsidraw l-effett kumulattiv tad-diversi saffi tal-miżuri regolatorji. Uħud mir-rakkomandazzjonijiet jikkonċernaw l-Istati Membri kollha, filwaqt li oħrajn huma wkoll indirizzati lill-Istati Membri li ma jirregolawx professjoni iżda fejn instab li hemm riskju li jinħolqu ostakli ġodda.

    II.1.    Periti

    Il-professjoni tikkonċerna prinċipalment l-ippjanar, id-disinjar u r-reviżjoni tal-kostruzzjoni tal-bini u tal-ispazju madwaru. Għaldaqstant, is-sigurtà u s-sikurezza pubbliċi, il-ħarsien ta’ min jirċievi s-servizz u l-ambjent huma l-iktar ġustifikazzjonijiet imsemmija għar-regolamentazzjoni ta’ din il-professjoni, meta jitqiesu r-riskji tad-difetti fil-kostruzzjoni. Meta titqies l-informazzjoni kollha miġbura għal din il-Komunikazzjoni, jidher li, għall-miri komuni l-approċċi fis-seħħ huma differenti ħafna.

    Ċart 2: Indikatur ta’ restrizzjoni: Periti

    Sors: Il-Kummissjoni Ewropea, Novembru 2016.

    Iċ-Ċart 2 turi l-pożizzjoni relattiva tal-Istati Membri f’termini ta’ restrizzjoni fir-rigward tal-aċċess għall-professjoni ta’ perit u tal-eżerċizzju tagħha, skont l-indikatur ġdid ta’ restrizzjoni żviluppat mill-Kummissjoni.

    L-edukazzjoni tal-periti fil-biċċa l-kbira tagħha ġiet armonizzata b’tali mod li l-kwalifiki jkunu jistgħu jibbenefikaw minn rikonoxximent awtomatiku skont id-Direttiva dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali. Ir-rekwiżiti minimi armonizzati skont id-Direttiva huma ħames snin ta’ edukazzjoni jew erba’ snin ta’ edukazzjoni flimkien ma’ sentejn ta’ taħriġ prattiku 34 . Fil-fatt, minbarra l-minimu ta’ ħames snin ta’ taħriġ f’livell universitarju, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jirrikjedu aktar perjodi ta’ taħriġ prattiku jew esperjenza biex wieħed jikseb aċċess (eż. l-Awstrija titlob ħames snin ta’ edukazzjoni flimkien ma tliet snin ta’ taħriġ prattiku, ir-Repubblika Ċeka 5+3, ir-Rumanija 6+2, is-Slovakkja 6+3, is-Slovenja 5+3). Il-perjodu ta’ edukazzjoni li l-aktar jiġi applikat huwa seba’ snin b’kollox fuq mudell 5+2. Fi 15-il pajjiż jenħtieġ ukoll eżami Statali.

    B’kuntrast mal-Istati Membri l-oħra li jistipulaw li huma biss il-professjonisti kwalifikati li jkollhom liċenzji, ċertifikazzjonijiet jew reġistrazzjonijiet xierqa ma’ korp rilevanti, li jistgħu jipprattikaw legalment l-arkitettura, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja u l-Iżvezja ma jirregolawx il-professjoni bħala tali iżda pjuttost jiddependu fuq kontrolli oħra tal-kompetenza fl-ambjent tal-kostruzzjoni 35 . Id-differenzi bejn iż-żewġ mudelli jistgħu jkunu inqas sinifikanti milli jistgħu jidhru fejn il-pajjiżi li “ma jirregolawx” jużaw iċ-ċertifikazzjoni tal-kompetenzi tal-periti jew l-evalwazzjoni ad hoc tal-kompetenzi jew tal-esperjenza fuq bażi ta’ każ b’każ bħala kundizzjoni biex il-periti jitħallew jipprovdu servizzi speċifiċi (eż. is-sottomissjoni ta’ pjanijiet jew ta’ permessi tal-bini).

    L-akbar varjazzjoni bejn l-Istati Membri hija fir-riżervi ta’ attivitajiet. Kif inhu wkoll il-każ għall-inġiniera ċivili, ir-riżervi jistgħu jkunu mifruxin fuq diversi regoli u regolamentazzjonijiet, li jistgħu jkopru r-regoli dwar il-kostruzzjoni, ir-restawr, il-protezzjoni kulturali, l-effiċjenza enerġetika u oħrajn.

    Meta l-attivitajiet ikunu riżervati, ħafna drabi jkollhom it-tendenza li jiġu kondiviżi ma’ professjonijiet relatati, b’mod partikolari għall-inġiniera ċivili. Filwaqt li r-Renju Unit u n-Netherlands jiddependu biss fuq il-protezzjoni tat-titoli għall-periti mingħajr ebda riżervi, l-Awstrija, il-Kroazja, l-Irlanda, l-Italja, il-Lussemburgu, il-Portugall, ir-Rumanija u Spanja jirriżervaw firxa wiesgħa ta’ attivitajiet flimkien mal-protezzjoni tat-titoli, pereżempju:

    id-disinn u l-ippjanar arkitettoniċi, l-istudji ta’ fattibbiltà;

    l-eżami tad-disinn u d-dokumentazzjoni relatata miegħu;

    il-preparazzjoni, is-sottomissjoni, l-iffirmar tad-dokumentazzjoni marbuta mal-kontroll tekniku u mal-konformità jew mal-permessi jew iċ-ċertifikazzjoni tal-proġetti;

    il-ġestjoni tal-ispejjeż tal-kostruzzjoni, il-monitoraġġ tal-kostruzzjoni u l-eżekuzzjoni;

    id-disinn ta’ ppjanar territorjali urban.

    Il-Polonja u s-Slovakkja jirriżervaw ukoll bosta attivitajiet iżda mingħajr il-protezzjoni tat-titoli. Il-Bulgarija tirriżerva għall-periti u għall-inġiniera t-tħejjija ta’ pjanijiet tat-territorju u ta’ proġetti ta’ investiment kif ukoll is-sottomissjoni ta’ dawn id-dokumenti u l-pjanijiet lill-awtoritajiet kompetenti. Il-Ġermanja tirriżerva t-tħejjija ta’ dokumenti għall-applikazzjonijiet għall-permessi ta’ bini għall-periti u għall-inġiniera fil-Länder kollu; din l-attività titqies minn xi wħud bħala l-aktar attività importanti 36 . L-Irlanda hija eżempju tal-bidliet reċenti: min-nuqqas ta’ regolamentazzjoni qabel l-2007, il-pajjiż minn dakinhar introduċa l-protezzjoni tat-titoli flimkien mar-riżervi tal-attivitajiet.

    Meta wieħed iqis id-distinzjonijiet fl-akkumulazzjoni ta’ miżuri addizzjonali, wieħed jista’ jara diverġenza fl-intensità regolatorja:

    L-ewwel nett, l-Awstrija, Ċipru, l-Estonja, il-Finlandja, l-Ungerija, Malta u n-Netherlands ma għandhom l-ebda rekwiżit fis-seħħ fil-qasam tal-assigurazzjoni, filwaqt li l-Belġju, il-Bulgarija, il-Kroazja, ir-Repubblika Ċeka, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, l-Irlanda, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, il-Portugall, is-Slovakkja, Spanja, ir-Rumanija, il-Polonja u r-Renju Unit għandhom.

    It-tieni, 16-il Stat Membru jimponu restrizzjonijiet fuq il-forma korporattiva u l-parteċipazzjoni azzjonarja, u kollha, ħlief l-Awstrija, Ċipru u Malta, jagħmlu dan flimkien mar-rekwiżiti fil-qasam tal-assigurazzjoni. Il-Belġju, Ċipru u r-Rumanija jimponu b’mod partikolari restrizzjonijiet kbar fuq il-forma korporattiva u l-parteċipazzjoni azzjonarja. Pereżempju, Ċipru jirrikjedi 100 % tal-ishma minn professjonisti u ma jippermettix li jingħataw servizzi tal-arkitettura permezz ta’ kumpaniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata. Il-Belġju jeżiġi li 60 % tal-ishma u tad-drittijiet tal-vot jinżammu mill-periti filwaqt li Malta tillimita l-forom tal-kumpaniji iżda tirrikjedi wkoll 100 % tal-parteċipazzjoni azzjonarja. Ir-Rumanija teżiġi li n-negozji jkunu proprjetà biss tal-periti; madankollu, tippermetti l-istabbiliment ta’ kumpaniji ta’ disinn kummerċjali li bħala l-għan prinċipali tal-attività tagħhom għandhom id-disinn arkitettoniku, bil-kundizzjoni li l-kumpanija tinkludi tal-inqas perit wieħed. L-Awstrija, ir-Repubblika Ċeka, Franza, il-Ġermanja, is-Slovakkja u Spanja jeżiġu li tal-anqas 50 % tal-ishma jinżammu mill-professjonisti.

    Barra minn hekk, fl-Awstrija l-ambitu esklużiv tal-attività tad-ditti tal-arkitettura jrid ikun l-għoti ta’ servizzi tal-arkitettura, li għalhekk jillimita b’mod sinifikanti l-possibbiltà ta’ eżerċizzju konġunt ma’ professjonijiet oħra.

    Madwar 15-il Stat Membru jimponu l-iżvilupp professjonali kontinwu (CPD) iżda jadottaw firxa wiesgħa ta’ approċċi: Ir-Rumanija teżiġi massimu ta’ 96 siegħa fis-sena (ċikli ta’ ħames snin, sitt ċikli matul il-karriera), filwaqt li l-Ungerija tagħmel dan permezz ta’ ċiklu ta’ eżami ta’ ħames snin u n-Netherlands jeżiġi biss 16-il siegħa fis-sena. Id-Danimarka tobbliga lil min iħaddem li jirriżerva 10 % tas-salarju annwali tal-impjegati għas-CPD tagħhom, filwaqt li l-Awstrija tippermetti lill-periti jippreżentaw ix-xogħol professjonali tagħhom bħala CPD.

    Punt ieħor li jrid jitqies jirrigwarda l-frammentazzjoni tal-aċċess għas-suq, li jista’ jikkawża konfużjoni u livelli ta’ awtorizzazzjoni bla bżonn f’pajjiżi bħal-Latvja u l-Polonja.

    Rakkomandazzjonijiet

    L-Awstrija, il-Kroazja, l-Irlanda, l-Italja, il-Lussemburgu, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja u Spanja għandhom iqisu mill-ġdid l-ambitu wiesa’ tal-attivitajiet riżervati.

    L-Awstrija, il-Belġju, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, Franza, il-Ġermanja, ir-Rumanija, is-Slovakkja u Spanja għandhom jikkunsidraw l-impatt tar-restrizzjonijiet tal-parteċipazzjoni azzjonarja u tal-forma korporattiva li għandhom fis-seħħ flimkien ma’ rekwiżiti oħra.

    L-Awstrija għandha tivvaluta l-proporzjonalità tar-restrizzjonijiet tagħha fuq l-attivitajiet multidixxiplinari.

    Ċipru u Malta jeħtieġ li jirrevedu l-obbligu li 100 % tal-ishma ta’ kumpanija jridu jinżammu mill-professjonisti.

    L-Istati Membri b’sistema frammentata tal-professjoni jew b’diversi rekwiżiti għaċ-ċertifikazzjoni, bħal-Latvja u l-Polonja, għandhom jirriflettu fuq l-effetti tas-sistema tagħhom fuq il-moviment liberu ta’ professjonisti u jekk l-ostakli potenzjali jistgħux jiġu ġġustifikati.

    L-Istati Membri fejn iċ-ċertifikazzjoni professjonali hija obbligatorja għall-professjonijiet mhux regolati jew li jiddependu fuq kontrolli u bilanċi oħra, partikolarment dwar l-għoti ta’ servizzi speċifiċi, għandhom jirrevedu l-koerenza globali u l-effetti prattiċi ta’ dan il-mudell biex jevitaw li dan joħloq ostaklu għall-aċċess għall-professjoni.

    L-Irlanda għandha tqis ukoll l-impatt u l-ħtieġa tat-tibdil riċenti, b’mod partikolari r-riżervi tal-attivitajiet.

    II.2.    Inġiniera

    Hemm bosta similaritajiet bejn l-Istati Membri fejn għandha x’taqsam ir-regolamentazzjoni tal-professjoni tal-inġiniera ċivili. L-istess definizzjonijiet wiesgħa jistgħu jinstabu ripetutament għall-“ambitu tal-attivitajiet” u bosta Stati Membri jirrappurtaw l-istess riskji u għandhom l-istess interessi ġenerali meta jirregolaw il-professjoni. Madankollu, minkejja din il-konverġenza, l-approċċ regolatorju lejn il-professjoni jvarja b’mod konsiderevoli minn Stat Membru għal ieħor.

    Ċart 3: Indikatur ta’ restrizzjoni: Inġiniera ċivili

     

    Sors: Il-Kummissjoni Ewropea, Novembru 2016.

    Iċ-Ċart 3 turi l-pożizzjoni relattiva tal-Istati Membri f’termini ta’ restrizzjoni fir-rigward tal-aċċess għall-professjoni ta’ inġinier ċivili u tal-eżerċizzju tagħha, skont l-indikatur ġdid ta’ restrizzjoni.

    Hemm qbil ġenerali li s-servizzi pprovduti mill-inġiniera jridu jkunu ta’ livell li jiggarantixxi s-sikurezza tal-bini u tal-pubbliku u jiggarantixxu l-kwalità tas-servizz mogħti. Filwaqt li fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, ir-regolamentazzjoni tal-professjoni titqies bħala l-approċċ meħtieġ sabiex tiġi ggarantita s-sikurezza, Stati Membri oħra sabu modi differenti biex jiżguraw il-kwalità jew biex jissalvagwardjaw l-għanijiet rilevanti ta’ interess ġenerali. Pereżempju, fin-Netherlands teżisti regolamentazzjoni dwar l-istandards tal-kostruzzjoni, li tiżgura l-kwalità tax-xogħol imwettaq. Fl-Iżvezja, il-prinċipju tar-responsabbiltà tal-klijent tradizzjonalment kien ta’ importanza kbira, flimkien mal-kontrolli mill-muniċipalitajiet tax-xogħol imwettaq. Bħal fil-każ tal-periti, id-differenzi bejn iż-żewġ mudelli jistgħu jkunu inqas sinifikanti milli jistgħu jidhru fejn il-pajjiżi li “ma jirregolawx” jużaw iċ-ċertifikazzjoni tal-kompetenzi tal-inġiniera 37 jew l-evalwazzjoni ad hoc tal-kompetenzi jew tal-esperjenza fuq bażi ta’ każ b’każ bħala kundizzjoni biex l-inġiniera jitħallew jipprovdu servizzi speċifiċi (eż. is-sottomissjoni ta’ pjanijiet jew ta’ permessi tal-bini eċċ.).

    Fost il-pajjiżi li jirregolaw, ċerti Stati Membri bħall-Belġju, Franza u r-Renju Unit jipproteġu biss l-użu tat-titolu professjonali, fejn għandhom x’jaqsmu l-inġiniera kwalifikati (chartered engineers).

    Fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi hemm diversi modi kif tista’ tiġi eżerċitata l-professjoni ta’ inġinier, skont il-limiti tal-awtorizzazzjonijiet/tal-permessi/tat-titoli li jkunu qed jingħataw u/jew il-livelli differenti ta’ responsabblità li jkunu qed jingħataw. Dan huwa l-każ tal-anqas fil-Kroazja, fir-Repubblika Ċeka, fl-Italja, fil-Finlandja, fil-Greċja, fl-Ungerija, fl-Irlanda, fil-Latvja, fil-Litwanja, fil-Lussemburgu, fil-Polonja, fil-Portugall, fir-Rumanija, fis-Slovenja, fis-Slovakkja, fi Spanja u fir-Renju Unit. Pereżempju, il-Latvja għandha l-aktar reġim speċjalizzat, b’madwar 80 tip ta’ ċertifikazzjonijiet possibbli għall-inġiniera ċivili f’diversi oqsma ta’ attivitajiet (ir-riċerka jew id-disinn fl-inġinerija, il-ġestjoni tax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni, is-superviżjoni tal-kostruzzjoni jew l-eżami minn espert tal-kostruzzjoni). Fil-Polonja l-attivitajiet tad-disinjar u tal-kostruzzjoni jitwettqu minn żewġ tipi differenti ta’ inġiniera jew b’mod konġunt mill-istess inġinier, skont il-kwalifika li jkollhom. Barra minn hekk, l-inġiniera ċivili jkunu jistgħu jwettqu attivitajiet ta’ disnjar/kostruzzjoni b’kapaċità sħiħa jew ristretta, skont il-livell tal-kwalifika.

    Dawn id-diverġenzi fl-organizzazzjoni tal-professjoni huma riflessi wkoll fl-attivitajiet riżervati, li għalhekk ivarjaw ukoll minn pajjiż għall-ieħor. B’mod ġenerali, l-attivitajiet riżervati jikkonċernaw prinċipalment id-disinn jew il-kostruzzjoni. L-Awstrija, ir-Repubblika Ċeka, l-Italja, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija u Spanja joperaw b’ambitu wiesa’ ta’ riżerva ta’ attivitajiet, għalkemm għal xi wħud, dawk l-attivitajiet huma kondiviżi ma’ professjonijiet oħra. Malta għandha l-partikolarità li l-attivitajiet riżervati mhumiex elenkati f’att wieħed. Minflok, fl-atti legali differenti jinsabu referenzi għal “Perit” bħala l-uniku professjonist li jista’ jwettaq u jassumi r-responsabbiltà għal ċerti attivitajiet. Fil-Ġermanja r-riżerva hija limitata għas-sottomissjoni ta’ dokumenti tal-ippjanar.

    L-Awstrija, Ċipru, il-Ġermanja, Malta, is-Slovakkja u Spanja jimponu restrizzjonijiet fuq ir-rekwiżiti tal-parteċipazzjoni azzjonarja. Pereżempju, Ċipru u Malta jeżiġu li 100 % tal-parteċipazzjoni azzjonarja tinżamm mill-professjonisti, filwaqt li l-Awstrija, il-Ġermanja u s-Slovakkja jeżiġu li mill-inqas 50 % tal-ishma jinżammu mill-professjonisti.

    Fl-Awstrija l-ambitu esklużiv tal-attività tad-ditti tal-inġinerija ċivili jrid ikun l-għoti ta’ servizzi tal-inġinerija, li għalhekk jillimita b’mod sinifikanti l-possibbiltà ta’ eżerċizzju konġunt ma’ professjonijiet oħra.

    Madwar 14-il Stat Membru jeżiġu sħubija mal-organizzazzjoni professjonali u f’16-il Stat Membru l-assigurazzjoni ta’ indennizz professjonali hija obbligatorja.

    Fir-rigward tal-mobbiltà transfruntiera tal-inġiniera, il-koeżistenza ta’ sistemi unitarji u frammentati tista’ toħloq ostakli għall-inġiniera ċivili li jiċċaqalqu minn pajjiż b’sistema unitarja għal pajjiż b’sistema frammentata. Pereżempju, inġinier li ġej minn pajjiż fejn l-inġiniera ċivili jitħallew iwettqu bosta tipi differenti ta’ xogħol fi kwalunkwe settur isibha diffiċli f’pajjiżi bħal-Latvja jew ir-Rumanija biex jidentifika s-settur tal-inġinerija ċivili li jista’ jkollu aċċess għalih u jista’ jkun diffiċli jew saħansitra impossibbli li jkollu aċċess għas-setturi kollha mingħajr miżuri ta’ kumpens importanti.

    Rakkomandazzjonijiet

    L-Awstrija, ir-Repubblika Ċeka, l-Italja, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija u Spanja għandhom iqisu mill-ġdid l-ambitu wiesa’ tal-attivitajiet riżervati.

    Malta għandha tiċċara liema attivitajiet huma riżervati għall-“Periti”.

    Spanja għandha tivvaluta mill-ġdid ir-rekwiżit biex tinkiseb awtorizzazzjoni minn organizzazzjoni professjonali għal ċerti proġetti/xogħlijiet.

    Ċipru u Malta jeħtieġ li jirrevedu l-obbligu li 100 % tal-ishma ta’ kumpanija jridu jinżammu mill-professjonisti.

    L-Awstrija, il-Ġermanja u s-Slovakkja għandhom jivvalutaw il-proporzjonalità tar-rekwiżiti għall-parteċipazzjoni azzjonarja.

    L-Awstrija għandha tivvaluta r-restrizzjonijiet fuq l-attivitajiet multidixxiplinari.

    L-Istati Membri fejn iċ-ċertifikazzjoni professjonali hija obbligatorja għall-professjonijiet mhux regolati jew li jiddependu fuq kontrolli u bilanċi oħra, partikolarment dwar l-għoti ta’ servizzi speċifiċi, għandhom jirrevedu l-koerenza globali u l-effetti prattiċi ta’ dan il-mudell biex jevitaw li dan joħloq ostaklu għall-aċċess għall-professjoni.

    L-Istati Membri b’sistema frammentata tal-professjoni jew b’diversi rekwiżiti, skont l-attivitajiet speċifiċi mwettqa, bħal-Latvja, għandhom jirriflettu fuq l-effetti tas-sistema tagħhom fuq il-moviment liberu tal-professjonisti u jekk l-ostakli potenzjali jistgħux jiġu ġġustifikati.

    II.3.    Kontabilisti/konsulenti tat-taxxa

    Il-kontabilisti/konsulenti tat-taxxa huma grupp partikolarment varjat ta’ professjonijiet, bħall-kontabilisti, il-kontabilisti ċċertifikati jew il-konsulenti tat-taxxa, b’differenzi kbar bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-organizzazzjoni ta’ professjonijiet f’dan il-qasam u fir-rigward tar-regolamentazzjoni rispettiva. F'19-il Stat Membru, professjoni waħda jew aktar f’dan il-qasam huma regolati, jew:

    permezz ta’ riżervi ta’ attivitajiet u ta’ titolu protett (l-Awstrija, il-Belġju, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, il-Lussemburgu, Malta, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija);

    permezz ta’ riżervi ta’ attivitajiet (il-Bulgarija, il-Kroazja, ir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija, is-Slovakkja); jew

    permezz tal-protezzjoni tat-titolu professjonali biss (il-Greċja, l-Irlanda, in-Netherlands, ir-Renju Unit).

    Fir-Renju Unit pereżempju, il-kontabilità hija settur kompetittiv ferm u għalkemm id-dħul għall-professjoni mingħajr kwalifika professjonali huwa teoretikament possibbli, il-gradwati li jkollhom titolu professjonali għandhom vantaġġ kompetittiv konsiderevoli fuq il-kandidati l-oħra. F’disa’ Stati Membri, jiġifieri f’Ċipru, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, il-Litwanja, il-Latvja, is-Slovenja, Spanja u l-Iżvezja, il-professjoni mhix regolata. B’mod ġenerali l-Istati Membri jiġġustifikaw ir-regolamentazzjoni fis-settur permezz tar-rwol importanti li l-konsulenti tat-taxxa/il-kontabilisti għandhom fis-sistemi fiskali kollha fl-għajnuna li tingħata lill-konsumaturi u l-kontribwenti biex ikunu konformi mal-obbligi tat-taxxa tagħhom.

    Ċart 4: Indikatur ta’ restrizzjoni: Kontabilisti/konsulenti tat-taxxa

    Sors: Il-Kummissjoni Ewropea, Novembru 2016.

    Iċ-Ċart 4 turi l-pożizzjoni relattiva tal-Istati Membri f’termini ta’ restrizzjoni fir-rigward tal-aċċess għall-professjoni ta’ kontabilist jew ta’ konsulent tat-taxxa u għall-eżerċizzju tagħha, skont l-indikatur ta’ restrizzjoni l-ġdid. L-indikatur ma jqisx ir-regolamentazzjoni tal-professjoni ta’ awditur, li hija regolata fl-Istati Membri kollha abbażi tad-Direttiva 2006/43/KE dwar il-verifiki statutorji tal-kontijiet annwali u tal-kontijiet konsolidati.

    Xi Stati Membri jirriżervaw kemm l-attivitajiet ta’ konsulenza dwar it-taxxa kif ukoll dawk ta’ kontabilità (ta’ spiss kondiviżi ma’ professjonisti oħra, pereżempju fir-Repubblika Ċeka, Franza, 38  il-Portugall, ir-Rumanija). Il-Bulgarija u l-Lussemburgu jirriżervaw biss il-kontabilità, jiġifieri ż-żamma tal-kotba/it-tfassil ta’ rapporti finanzjarji konsolidati, filwaqt li l-Ġermanja tirriżerva biss il-konsulenza dwar it-taxxa u r-rappreżentanza quddiem l-awtoritajiet tat-taxxa. Ir-Rumanija għandha tliet tipi differenti ta’ professjonijiet regolati fis-settur, filwaqt li l-Awstrija għandha erba’ professjonijiet.

    L-Italja tirriżerva ċerti attivitajiet relatati mal-pagi li huma pjuttost sempliċi lill-kontabilisti b’mod li jimplika piż addizzjonali għan-negozji ż-żgħar.Bħalissa l-Kroazja qed tirriforma l-professjoni tal-konsulenti tat-taxxa, billi tistabbilixxi firxa wiesgħa ħafna ta’ attivitajiet li huma jew esklussivament riżervati għall-professjoni jew li jinkludu kompiti sempliċi bħall-preparazzjoni tad-dikjarazzjoni tat-taxxa għaċ-ċittadini u għan-negozji ż-żgħar. Filwaqt li Franza tirriżerva ż-żamma tal-kotba għall-esperti tal-kontabilità, qorti nazzjonali reċentement iddeċidiet li d-dħul elettroniku tal-entrati kontabilistiċi qabel ma dawn jiġu approvati ma jaqax taħt l-ambitu tal-attivitajiet riżervati. Madankollu, din is-sentenza ma ġietx implimentata bis-sħiħ.

    Ir-rekwiżiti ta’ kwalifiki wkoll ivarjaw b’mod konsiderevoli bejn l-Istati Membri. It-tul totali tat-taħriġ ivarja bejn tliet snin (il-Greċja, ir-Repubblika Ċeka) u tmien snin (Franza, ir-Rumanija).

    Skont l-informazzjoni fil-bażi tad-dejta tal-professjonijiet regolati, fil-Belġju, il-Ġermanja, l-Ungerija, l-Irlanda, Malta, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija u s-Slovakkja hemm bżonn ta’ żvilupp professjonali kontinwu.

    Ir-reġistrazzjoni obbligatorja ma’ korp professjonali jew f’reġistru professjonali hija prevista fi 15-il Stat Membru, pereżempju fi Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Italja u l-Lussemburgu.

    L-assigurazzjoni ta’ indennizz professjonali hija obbligatorja f’14-il Stat Membru, jiġifieri fl-Awstrija, il-Belġju, il-Kroazja, ir-Repubblika Ċeka, Franza, il-Ġermanja, l-Irlanda, l-Italja, Malta, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja u r-Renju Unit.

    F’ħafna każijiet, ir-regoli ta’ inkompatibbiltà jew ir-restrizzjonijiet multidixxiplinari li jaffettwaw lill-kontabilisti/konsulenti tat-taxxa huma attwalment stabbiliti fir-regolamentazzjoni ta’ professjonijiet oħra, bħal avukati u awdituri.

    Uħud mill-Istati Membri, pereżempju l-Ġermanja u Franza, għandhom projbizzjonijiet fuq l-eżerċizzju konġunt tal-attivitajiet, li jippermettu l-kooperazzjoni ma’ numru limitat ta’ professjonijiet biss, pereżempju f’setturi legali jew tal-kontabilità. Jidher li l-Belġju jimponi regoli ta’ inkompatibbiltà stretti li jipprojbixxu l-attivitajiet multidixxiplinarji u l-eżerċizzju simultanju ta’ kull attività ekonomika oħra għall-professjonisti tal-kontabilità fil-Belġju.

    Diversi Stati Membri (il-Ġermanja, il-Portugall u r-Rumanija) jimponu wkoll rekwiżiti dwar il-forma ġuridika u l-parteċipazzjoni azzjonarja. Filwaqt li l-Ġermanja tippermetti lill-kumpaniji professjonali li jwettqu attivitajiet relatati ma’ konsulenza dwar it-taxxa skont kundizzjonijiet speċifiċi, hemm nuqqas ta’ ċertezza legali fir-rigward tal-kundizzjonijiet li skonthom il-kumpaniji professjonali stabbiliti fi Stati Membri oħra jistgħu legalment jipprovdu servizzi fuq bażi temporanja jew okkażjonali. Il-Belġju, Franza, il-Ġermanja, l-Irlanda, Malta, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija u s-Slovakkja jitolbu li mill-inqas 50 % tal-ishma jinżammu mill-professjonisti.

    Rekwiżiti oħra ta’ awtorizzazzjoni jinkludu reputazzjoni tajba u prova li qatt ma fallew qabel, jew l-obbligu ta’ residenza fit-territorju nazzjonali (il-Kroazja). Ir-restrizzjonijiet li jitolbu residenza fit-territorju nazzjonali jidhru li jikkostitwixxu ksur tal-liġi tal-Unjoni.

    Rakkomandazzjonijiet

    L-Istati Membri kollha li jirregolaw il-professjonijiet fis-settur għandhom jikkunsidraw mill-ġdid li jirriżervaw kompiti sempliċi, bħall-attivitajiet relatati mal-pagi jew il-preparazzjoni tad-dikjarazzjonijiet tat-taxxa, għall-professjonisti bi kwalifiki għoljin.

    Il-Kroazja għandha (i) tivvaluta mill-ġdid il-proporzjonalità tal-ambitu estiż tal-attivitajiet riżervati għall-konsulenti tat-taxxa bħala parti mir-riforma li jmiss, b’mod partikolari fir-rigward tal-ħtieġa li jiġu riżervati attivitajiet bħat-tfassil tad-dikjarazzjoni tat-taxxa; (ii) tqis il-possibbiltà li taqsam l-attività tal-konsulenza dwar it-taxxa ma’ professjonisti oħra fis-settur, skont il-Kawża C-451/03.

    Il-Kroazja jeħtieġ li tneħħi r-restrizzjonijiet li jirrikjedu residenza fit-territorju nazzjonali. 

    Il-Kroazja teħtieġ ukoll li tikkunsidra b’mod sħiħ il-kwalifiki professjonali miksuba barra mill-pajjiż f’konformità mad-Direttiva dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali.

    L-Italja u r-Rumanija għandhom jivvalutaw il-konsistenza tal-attivitajiet riżervati u d-distribuzzjoni bejn id-diversi professjonijiet regolati fis-settur. B’mod partikolari, l-Italja għandha tikkunsidra b’mod sħiħ il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-79/01 meta jiġu definiti l-attivitajiet riżervati għall-professjonisti, b’mod partikolari l-attivitajiet relatati mal-pagi.

    Franza għandha tiċċara l-ambitu tal-attivitajiet riżervati għall-esperti tal-kontabilità, b’mod partikolari fir-rigward ta’ kompiti bħad-dħul ta’ entrati kontabilistiċi b’mod elettroniku, skont il-ġurisprudenza nazzjonali u l-Kawża C-79/01.

    Il-Belġju għandha tivvaluta mill-ġdid ir-regoli ta’ inkompatibbiltà li jipprojbixxu l-eżerċizzju simultanju ta’ kwalunkwe attività ekonomika oħra għat-tipi kollha ta’ professjonisti tal-kontabilità, b’mod speċjali għal dawk fejn il-kunflitti ta’ interess jistgħu jiġu evitati fuq bażi ta’ każ b’każ.

    Il-Ġermanja għandha tiżgura segwitu xieraq tal-Kawża C-342/14, sabiex tiżgura t-trasparenza u ċ-ċertezza legali, partikolarment fir-rigward tal-forniment ta’ servizzi ta’ konsulenza dwar it-taxxa minn kumpaniji stabbiliti fi Stati Membri oħra.

    Il-Belġju, Franza, il-Ġermanja, l-Irlanda, Malta, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija u s-Slovakkja għandhom jivvalutaw il-proporzjonalità tar-rekwiżiti għall-parteċipazzjoni azzjonarja.

    II.4.    Avukati

    L-approċċi regolatorji nazzjonali dwar l-avukati huma pjuttost uniformi fl-Istati Membri kollha fis-sens li l-professjoni tiġi regolata permezz ta’ riżervi ta’ attivitajiet u ta’ titolu protett fl-Istati Membri kollha 39 .

    Ċart 5: Indikatur ta’ restrizzjoni: Avukati

    Sors: Il-Kummissjoni Ewropea, Novembru 2016.

    Iċ-Ċart 5 turi l-pożizzjoni relattiva tal-Istati Membri f’termini ta’ restrizzjoni fir-rigward tal-aċċess għall-professjoni ta’ avukat u għall-eżerċizzju tagħha, skont l-indikatur ta’ restrizzjoni l-ġdid.

    Minħabba l-attivitajiet differenti tal-professjoni, eż. ir-rappreżentanza legali, il-pariri legali, it-tfassil ta’ dokumenti legali, l-Istati Membri adottaw approċċi differenti fir-rigward tal-firxa ta’ attivitajiet riżervati għall-avukati.

    L-Istati Membri kollha jirriżervaw għall-avukati l-attivitajiet relatati mar-rappreżentanza ta’ klijenti quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji, għalkemm kif dan effettivament isir ivarja (xi drabi l-attività tiġi kondiviża ma’ professjonijiet legali oħra). Spanja, pereżempju, tirregola żewġ professjonijiet fis-settur: abogados u procuradores. Madankollu, hija tirriżerva ċerti attivitajiet esklussivament għal tal-aħħar, bħar-rappreżentanza teknika ta’ klijenti jew il-komunikazzjoni ta’ dokumenti lill-qrati, billi l-abogados huma ugwalment ikkwalifikati biex iwettqu dawn l-attivitajiet u huma soġġetti għall-istess regoli tal-kondotta professjonali. Fir-Renju Unit, l-Ingilterra u Wales, l-Irlanda ta’ Fuq u l-Iskozja għandhom regoli speċifiċi għall-professjonijiet ta’ solicitor u barrister jew advocates u għal dawn iż-żewġ kategoriji jirriżervaw firxa wiesgħa ta’ attivitajiet bħalma huma d-dritt ta’ udjenza, il-ġestjoni ta’ litigazzjoni, l-attivitajiet ta’ strumenti riżervati, l-attivitajiet dwar wirt, l-attivitajiet nutarili, l-attivitajiet u l-amministrazzjoni ta’ ġuramenti.

    Il-pariri legali huma riżervati għall-avukati f’diversi Stati Membri, bħal Franza, il-Ġermanja, l-Ungerija, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija u s-Slovakkja. F’dak il-kuntest, in-nuqqas ta’ ċarezza dwar il-kontenut preċiż ta’ din l-attività riżervata jista’ jwassal għal diffikultajiet f’oqsma bħall-għoti ta’ konsultazzjonijiet legali online u l-awtomatizzazzjoni diġitali ta’ dokumenti legali online minn persuni li ma jkunux avukati. Għalkemm l-iżviluppi teknoloġiċi naqqsu sa ċertu punt l-asimetrija tal-informazzjoni bejn l-avukati u l-konsumaturi, b’informazzjoni legali bħal-leġiżlazzjoni u l-ġurisprudenza aċċessibbli b’mod mifrux fuq l-internet, fil-Bulgarija abbozz ta’ liġi tal-2015 jissuġġerixxi li l-konsultazzjonijiet legali u r-rappreżentanza quddiem għadd ta’ awtoritajiet amministrattivi għandhom jiġu riżervati għall-avukati.

    Minħabba r-rwol partikolari tagħhom, ir-regoli dwar l-aċċess u t-twettiq tal-professjoni legali huma fost l-aktar stretti fis-settur tas-servizzi tan-negozju. F’termini ta’ kwalifiki, fil-parti l-kbira tal-Istati Membri l-edukazzjoni għolja hija meħtieġa (lawrja fil-liġi hija obbligatorja), segwita minn apprendistat obbligatorju u/jew esperjenza professjonali addizzjonali u l-eżami statali għall-avukati. It-tul totali tat-taħriġ ivarja bejn tliet snin (fl-Irlanda) sa disa’ snin (is-Slovenja). Madankollu, jidher li f’xi Stati Membri (il-Greċja, l-Italja), it-taħriġ u l-esperjenza miksuba barra mill-pajjiż mhumiex meqjusa kif xieraq meta jiġi permess l-aċċess għall-apprendistat legali għall-avukati 40 . Reċentement, Spanja introduċiet regoli ġodda dwar il-kwalifiki tal-avukati, iżda hemm nuqqas ta’ ċarezza fir-rigward tar-reġistrazzjoni ta’ gradwati li bdew l-istudji tagħhom qabel id-dħul fis-seħħ tar-riforma.

    Ċerti Stati Membri jimponu rekwiżiti ta’ kwalifiki professjonali addizzjonali (eż. esperjenza professjonali addizzjonali) sabiex ikunu jistgħu jipprattikaw quddiem l-ogħla qrati (il-Belġju, il-Bulgarija, Franza, il-Ġermanja u l-Greċja). F’xi wħud minn dawn il-pajjiżi, pereżempju l-Belġju, Franza u l-Ġermanja, l-avukati li jipprattikaw quddiem il-qrati supremi huma soġġetti wkoll għal rekwiżiti ta’ awtorizzazzjoni addizzjonali u l-kundizzjonijiet ta’ aċċess għal avukati minn Stati Membri oħra li jipprattikaw taħt it-titolu ta’ pajjiżhom għadhom mhumiex ċari.

    L-iżvilupp professjonali kontinwu obbligatorju huwa previst fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, ħlief fir-Repubblika Ċeka, il-Greċja, Malta, is-Slovakkja, is-Slovenja u Spanja fejn dan huwa volontarju. Minkejja l-ġurisprudenza estensiva dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki, 41 ir-rikonoxximent reċiproku tal-iżvilupp professjonali kontinwu transfruntier tal-avukati jidher li huwa problematiku, b’mod partikolari għall-avukati li jixtiequ jibbenefikaw mid-drittijiet mogħtija lilhom skont iż-żewġ Direttivi dwar l-Avukati.

    L-Istati Membri kollha jimponu r-reġistrazzjoni obbligatorja ma’ korp professjonali jew f’reġistru professjonali. F’dan ir-rigward, f’xi pajjiżi jistgħu jiġu osservati żviluppi riċenti, bħal fl-Irlanda u fir-Renju Unit, li wasslu għas-separazzjoni tar-regolaturi legali u tal-korpi rappreżentattivi.

    Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jimponu regoli dwar l-inkompatibbiltà u restrizzjonijiet multidixxiplinari stretti, 42 kif ukoll ir-rekwiżiti dwar il-forma ġuridika u l-parteċipazzjoni azzjonarja. Dawn ir-rekwiżiti jridu jiġu vvalutati billi jitqies l-ambitu tar-riżervi ta’ attivitajiet. Filwaqt li dawn ir-restrizzjonijiet jistgħu jiġu ġġustifikati għal attivitajiet relatati mar-rappreżentanza fil-qorti, l-effetti kumulattivi tagħhom jidhru aktar stretti meta l-attivitajiet ikunu riżervati wkoll għall-avukati.

    F’dan ir-rigward, l-Istati Membri kollha għandhom jew regola ġenerali biex jiġi evitat il-kunflitt ta’ interess jew ir-regoli dwar l-inkompatibbiltà dettaljati li jipprojbixxu l-eżerċizzju ta’ ċerti attivitajiet bħall-kummerċ jew l-impjiegi bi ħlas, bl-eċċezzjoni ta’ dawk espliċitament permessi (eż. it-tagħlim jew ir-riċerka). Fl-Italja, pereżempju, mhuwiex possibbli għall-avukati li jeżerċitaw fl-istess ħin il-professjoni ta’ aġent tal-privattivi, għalkemm iż-żewġ professjonijiet għandhom regoli ta’ kondotta professjonali u attivitajiet ta’ kondiviżjoni simili.

    Ir-restrizzjonijiet multidixxiplinari jvarjaw minn projbizzjoni totali (il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka) għal permess ta’ ċerti attivitajiet multidixxiplinari b’għadd limitat ta’ professjonijiet (Franza, il-Ġermanja, in-Netherlands). Fl-Estonja, l-avukati jistgħu jipparteċipaw fil-ġestjoni ta’ kumpanija jekk din il-parteċipazzjoni tkun kompatibbli mal-attivitajiet professjonali ta’ “advokaat” u ma tistax tikkomprometti l-indipendenza tal-avukat.

    Għadd limitat ta’ Stati Membri jippermetti l-involviment f’ditti legali ta’ persuni li ma jkunux avukati 43 . Ir-Renju Unit (b’mod speċifiku l-Ingilterra u Wales) introduċa l-possibbiltà għall-avukati li jipparteċipaw fi strutturi kummerċjali alternattivi (ABS), li jippermettu s-sjieda għal persuni li ma jkunux avukati u l-prattiki multidixxiplinari. Is-sjieda għal persuni li ma jkunux avukati ta’ kumpaniji hija wkoll possibbli fi Spanja (sa 25 %) u sa ċertu punt fid-Danimarka. Fil-Ġermanja, aktar minn 50 % tal-ishma tal-kumpanija għandhom jinżammu minn avukati (il-professjonisti tal-kontabilità jew legali oħra biss jistgħu jkunu azzjonisti). Fi Frar 2016, il-Qorti Kostituzzjonali Ġermaniża ddikjarat li l-projbizzjoni ta’ sħubija professjonali ma’ tobba u spiżjara kienet tmur kontra l-kostituzzjoni. Fil-Finlandja, filwaqt li l-ishma f’kumpaniji b’responsabbiltà limitata jridu jkunu jappartjenu lil advocates, il-Kumitat nazzjonali tal-Avukati jista’ jagħti eżenzjoni f’każijiet speċifiċi. Is-soċjetà f’isem kollettiv huma ġeneralment permessi u f’ħafna Stati Membri l-eżerċizzju tal-professjoni huwa wkoll possibbli taħt il-forma ta’ kumpanija professjonali. Għadd ta’ pajjiżi jippermettu wkoll lill-avukati li jużaw il-forma ta’ kumpanija b’responsabbiltà limitata, pereżempju fl-Awstrija, il-Belġju, Ċipru, il-Finlandja, Franza u l-Ġermanja.

    L-assigurazzjoni tar-responsabbiltà professjonali hija obbligatorja fl-Istati Membri kollha, ħlief fil-Greċja u l-Latvja, fejn din hija volontarja. F’ħafna każijiet dan l-obbligu jkopri l-attivitajiet kollha relatati mal-eżerċizzju tal-professjoni, inkluż is-servizzi transfruntiera pprovduti fi Stat Membru ieħor. Għalhekk, polza tal-assigurazzjoni tista’ tkopri t-territorju kollu tal-UE abbażi ta’ primjum wieħed (eż. Franza, Spanja), b’hekk tiġi ffaċilitata l-mobilità tal-professjonisti. Hemm ukoll differenzi fir-rigward tal-kopertura minima kif ukoll dwar it-tariffi korrispondenti. Pereżempju, l-ispejjeż huma ħafna ogħla fir-Renju Unit milli fi Stati Membri oħra, minħabba l-ambitu estensiv tal-attivitajiet riżervati u minħabba n-natura speċifika tas-suq tar-Renju Unit 44 .

    Minbarra r-rekwiżiti elenkati hawn fuq, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jeħtieġu ċ-ċittadinanza tal-UE, kondotta kriminali nadifa u li jittieħed ġurament li se jiġu segwiti r-regoli tal-kondotta professjonali u legali. Għadu mhux ċar jekk is-Slovenja tippermettix liċ-ċittadini tal-UE kkwalifikati fis-Slovenja biex jeżerċitaw il-professjoni taħt it-titolu Sloven, minħabba r-rekwiżit ta’ ċittadinanza Slovena. Ċipru jimponi rekwiżit ta’ residenza sabiex tkun tista’ tiġi eżerċitata l-professjoni, li jidher li jikkostitwixxi ksur tal-liġi tal-Unjoni u jimmina l-effettività tad-Direttivi dwar l-Avukati 45 . Reċentement l-Italja imponiet rekwiżit li mill-inqas ħames każijiet fis-sena huma meħtieġa bħala prova tal-konformità mar-rekwiżit ġenerali tal-eżerċizzju kontinwu u regolari tal-professjoni. Fil-Kroazja avukat li ma jkunx eżerċita l-professjoni għal aktar minn 6 xhur jiġi miċħud mid-dritt li jeżerċita l-professjoni, li hija partikolarment problematika għal avukati li jixtiequ jistabbilixxu jew jipprovdu servizzi barra mill-pajjiż.

    Rakkomandazzjonijiet

    L-Istati Membri kollha li jirriżervaw il-parir legali għandhom jiċċaraw l-ambitu tar-riżervi sabiex jiffaċilitaw il-provvista ta’ servizzi ta’ konsulenza legali minn avukati jew fornituri oħra ta’ servizzi, b’mod partikolari għas-servizzi online.

    L-Istati Membri kollha għandhom jivvalutaw ir-rekwiżiti dwar il-forma ġuridika u l-parteċipazzjoni azzjonarja, ir-regoli dwar l-inkompatibbiltà u r-restrizzjonijiet multidixxiplinari, b’mod partikolari għandhom iqisu l-proporzjonalità ta’ dawn ir-restrizzjonijiet fir-rigward tal-prinċipji ewlenin, bħall-indipendenza tal-professjoni, u tal-arranġamenti superviżorji korrispondenti. Barra minn hekk, għandu jiġi kkunsidrat l-effett kumulattiv ta’ dawn ir-rekwiżiti f’każijiet fejn l-effetti tagħhom jistgħu jiġu aċċentwati fil-każ ta’ riżervi estensivi ta’ attivitajiet (pereżempju, meta l-parir legali jkun ukoll parti mill-attivitajiet riżervati).

    Ċipru għandu jirrevedi r-regola dwar rekwiżit ta’ residenza sa fejn ikun applikabbli għaċ-ċittadini tal-UE li qed ifittxu aċċess għall-professjoni f’Ċipru, filwaqt li s-Slovenja għandha tneħħi r-rekwiżit ta’ nazzjonalità għaċ-ċittadini tal-UE kwalifikati fis-Slovenja.

    Il-Bulgarija għandha tivvaluta mill-ġdid il-ħtieġa li tirriżerva għall-avukati l-pariri legali u r-rappreżentanza taċ-ċittadini quddiem l-awtoritajiet amministrattivi skont l-abbozz il-ġdid tal-liġi.

    L-Italja għandha tiċċara r-rekwiżiti li jirrestrinġu l-eżerċizzju tal-professjoni, bħall-ambitu wiesa’ tar-regola dwar l-inkompatibbiltà, speċjalment għall-professjonijiet b’regoli ta’ kondotta professjonali simili, bħall-aġenti tal-privattivi. Il-ġustifikazzjoni u l-proporzjonalità tar-rekwiżit introdott reċentement li mill-inqas ħames każijiet fis-sena huma meħtieġa, għandhom jiġu vvalutati mill-ġdid.

    Il-Kroazja għandha tirrevedi d-dispożizzjoni li skontha avukat li ma jkunx eżerċita l-professjoni għal aktar minn 6 xhur għandu jiġu miċħud mid-dritt li jeżerċita l-professjoni.

    Il-Belġju, Franza u l-Ġermanja għandhom jintroduċu aktar trasparenza u jirrevedu l-proporzjonalità tar-regoli dwar l-aċċess għal avukati li jixtiequ jeżerċitaw quddiem il-qrati supremi rispettivi tagħhom, u b’mod partikolari għandhom jiċċaraw ir-regoli applikabbli għall-avukati Ewropej.

    Il-Ġermanja għandha tirrevedi l-ħtieġa li żżomm restrizzjonijiet tal-età għal min irid jeżerċita quddiem il-Qorti Federali tal-Ġustizzja (Bundesgerichtshof), b’kuntrast mal-miżuri li jidhru li huma aktar adattati biex jintlaħqu l-għanijiet fil-mira, bħall-esperjenza professjonali.

    Spanja jeħtieġ li tirrevedi l-ambitu tal-attivitajiet riżervati għall-procuradores u b’mod partikolari jekk ċerti attivitajiet, bħar-rappreżentanza teknika jew il-komunikazzjoni ta’ dokumenti lill-qrati, jistgħux jiġu kondiviżi mal-abogados. Spanja għandha wkoll toħroġ linji gwida u struzzjonijiet ċari fir-rigward tar-reġistrazzjoni tal-avukati wara d-dħul fis-seħħ tas-sistema l-ġdida ta’ kwalifika.

    Ir-Renju Unit għandu jivvaluta l-possibbiltajiet biex jadotta approċċ aktar flessibbli fir-rigward tal-obbligi tal-assigurazzjoni tar-responsabbiltà professjonali sabiex jitnaqqas il-piż finanzjarju għall-professjonisti.

    Il-Greċja u l-Italja għandhom jiżguraw li t-taħriġ u l-esperjenza miksuba barra mill-pajjiż jiġu debitament meqjusa sabiex l-avukati jkollhom aċċess għall-apprendistat legali skont il-Kawża
    C-313/01.

    II.5.    Aġenti tal-privattivi/tat-trademarks

    Il-professjoni tal-aġenti tal-privattivi/tat-trademarks 46 minnha nfisha hija regolata fi 22 Stat Membru, filwaqt li fi tnejn oħra l-attivitajiet rilevanti huma espressament riżervati għall-avukati. Fil-parti l-kbira tal-pajjiżi l-professjoni hija regolata permezz ta’ riżervi ta’ attivitajiet u ta’ titolu protett (l-Awstrija, il-Bulgarija, l-Estonja, Franza, l-Italja, il-Lussemburgu, in-Netherlands, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja, Spanja, l-Iżvezja u r-Renju Unit). Diversi pajjiżi jipproteġu biss it-titolu tal-professjoni (il-Finlandja, l-Irlanda u l-Iżvezja) filwaqt li seba’ pajjiżi jirregolaw il-professjoni permezz ta’ riżervi ta’ attivitajiet biss (il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, il-Kroazja, il-Ġermanja, l-Ungerija, il-Litwanja, is-Slovakkja) 47 . Fl-aħħar nett, Ċipru u l-Greċja jirriżervaw l-attivitajiet għall-avukati biss.

    Ir-raġunijiet invokati mill-Istati Membri għar-regolamentazzjoni tal-professjoni huma bbażati fuq: (a) il-protezzjoni tal-konsumaturi u tar-riċevituri tas-servizz (eż. id-detenturi tad-dritt) u (b) l-integrità tal-mekkaniżmi ta’ protezzjoni u s-sistemi ġudizzjarji li jittrattaw dawn il-kwistjonijiet. Għalhekk, l-Istati Membri invokaw bħala raġuni għar-regolamentazzjoni il-fatt li l-aġenti tal-privattivi/tat-trademarks jittrattaw ma’ liġijiet dwar il-proprjetà intellettwali u ma’ aspetti tekniċi tal-innovazzjonijiet kumplessi ħafna, u li l-użu ħażin tagħhom jagħmel ħsara lill-pożizzjoni tal-klijenti tagħhom u l-użu u l-protezzjoni ġenerali tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali f’pajjiżhom.



    Ċart 6: Indikatur ta’ restrizzjoni: Aġenti tal-privattivi/tat-trademarks

    Sors: Il-Kummissjoni Ewropea, Novembru 2016.

    Iċ-Ċart 6 turi l-pożizzjoni relattiva tal-Istati Membri f’termini ta’ restrizzjoni fir-rigward tal-aċċess għall-professjoni ta’ aġent tal-privattivi jew tat-trademarks u għall-eżerċizzju tagħha, skont l-indikatur ta’ restrizzjoni l-ġdid.

    L-ambitu tar-riżervi ta’ attivitajiet ivarja bejn l-Istati Membri. Uħud mill-Istati Membri (il-Bulgarija, l-Estonja, l-Ungerija, il-Litwanja, il-Lussemburgu, is-Slovenja u r-Renju Unit) esklussivament jirriżervaw l-attività tal-konsulenza u r-rappreżentanza quddiem l-Uffiċċju tal-Privattivi jew awtoritajiet amministrattivi oħra għall-aġenti tal-privattivi/tat-trademarks. Il-Litwanja tirriżervaha biss għall-persuni barranin li mhumiex residenti permanenti (jew li mhumiex stabbiliti bħala persuni ġuridiċi) fi Stat Membru tal-UE u Spanja għar-rappreżentanza ta’ persuni li mhumiex ċittadini tal-UE. Fil-Polonja, l-attivitajiet ta’ konsulenza riżervati, ir-rappreżentanza quddiem l-Uffiċċju tal-Privattivi u quddiem il-qrati amministrattivi għal aspetti ta’ proprjetà industrijali li mhumiex trademarks huma esklussivament riżervati għall-aġenti tal-privattivi.

    Fil-Ġermanja u l-Ungerija r-rappreżentanza quddiem il-qrati fi kwistjonijiet ta’ proprjetà intellettwali hija esklussivament riżervata għall-aġenti tal-privattivi. Diversi pajjiżi jippermettu li din l-attività tiġi kondiviża ma’ professjonijiet oħra bħal avukati, nutara jew konsulenti legali (l-Awstrija, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, l-Italja, il-Polonja, il-Portugall u s-Slovakkja). B’mod ġenerali, Stati Membri oħra jirriżervaw l-attività ta’ rappreżentanza fil-qorti, inkluż il-kwistjonijiet ta’ proprjetà intellettwali, għall-avukati jew għall-professjonisti legali oħra, iżda mhux għall-aġenti tal-privattivi (pereżempju, il-Belġju, Spanja, Franza, il-Portugall, ir-Rumanija u s-Slovenja).

    L-attività ta’ tfassil ta’ dokumenti legali dwar kwistjonijiet relatati mal-proprjetà intellettwali hija riżervata f’diversi Stati Membri (l-Awstrija, ir-Repubblika Ċeka, ir-Rumanija, is-Slovakkja, il-Polonja) għall-aġenti tal-privattivi u għal professjonisti legali oħra. Madankollu, l-Ungerija tirriżerva din l-attività esklussivament għall-aġenti tal-privattivi.

    L-Ungerija tirriżerva wkoll għall-aġenti tal-privattivi l-attività li jwettqu riċerka jew li jagħtu pariri marbuta mad-drittijiet tal-proprjetà industrijali.

    F’ċerti pajjiżi li fihom il-professjoni tal-aġenti tal-privattivi/tat-trademarks mhix fiha nfisha regolata, jiġifieri f’Ċipru u l-Greċja, l-attivitajiet rilevanti huma, madankollu, riżervati għall-avukati.

    Ir-rekwiżiti ta’ kwalifiki wkoll ivarjaw b’mod konsiderevoli bejn l-Istati Membri. Filwaqt li l-Istati Membri kollha jeħtieġu lawrji universitarji b’tul ta’ bejn tlieta u ħames snin, ċerti Stati Membri, jiġifieri l-Awstrija, il-Kroazja, l-Ungerija u l-Irlanda, jeħtieġu studji speċjalizzati (tekniċi jew ix-xjenzi). Ir-Renju Unit jitlob korsijiet speċjalizzati dwar il-liġi tal-privattivi u tat-trademarks u hemm biss għadd żgħir ħafna ta’ korsijiet approvati mill-awtorità ta’ reġistrazzjoni.

    Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jeħtieġu esperjenza professjonali preċedenti, iżda t-tul ta’ żmien ivarja bejn sentejn (il-Bulgarija), ħames snin (il-Kroazja, il-Litwanja) jew anki seba’ snin u nofs (l-Awstrija). Ċerti Stati Membri (il-Belġju, il-Ġermanja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Lussemburgu, in-Netherlands, il-Polonja u r-Renju Unit) jeħtieġu apprendistat taħt is-superviżjoni ta’ aġent tal-privattivi. Fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri wieħed irid jgħaddi minn eżami.

    Dan ifisser li t-tul totali ta’ edukazzjoni meħtieġa jista’ jvarja bejn tliet snin fil-Portugall (fejn l-ebda apprendistat jew esperjenza preċedenti huma meħtieġa) u seba’ snin (il-Ġermanja), jew anki 12-il sena u nofs (l-Awstrija). Dan għandu jiġi meqjus fid-dawl tal-fatt li l-attivitajiet jistgħu jitwettqu wkoll, pereżempju, minn avukati mingħajr il-ħtieġa li jispeċjalizzaw fil-liġi tal-proprjetà intellettwali.

    L-assigurazzjoni professjonali hija meħtieġa fi 12-il Stat Membru u xi wħud jirrestrinġu wkoll il-kundizzjonijiet li taħthom tiġi pprovduta l-assigurazzjoni (pereżempju r-Renju Unit).

    Diversi Stati Membri jimponu restrizzjonijiet fuq il-forma tal-kumpanija u fuq ir-rekwiżiti għall-parteċipazzjoni azzjonarja. Pereżempju, l-Awstrija tirrikjedi li ditta professjonali għandha tkun 100 % proprjetà ta’ aġenti tal-privattivi/tat-trademarks. Pajjiżi oħrajn, bħar-Rumanija, jippermettu t-twaqqif jew ta’ kumpanija professjonali (li tkun 100 % proprjetà ta’ aġenti tal-privattivi/tat-trademarks) jew ta’ kumpanija regolari (b’persuni mhux professjonisti). L-Ungerija tirregola kemm is-sħubiji professjonali (b’100 % tal-ishma miżmuma minn aġenti tal-privattivi) kif ukoll il-kumpaniji professjonali (b’75 % tal-ishma miżmuma minn aġenti tal-privattivi). Franza ma tistabbilixxix rekwiżit tal-parteċipazzjoni azzjonarja iżda teħtieġ minflok li l-aġenti tal-privattivi/tat-trademarks ikollhom is-setgħa tat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-kumpanija. Il-Greċja u Ċipru jeħtieġu li 100 % tas-sħab ikunu avukati. Il-Ġermanja u l-Polonja jirrikjedu li mill-anqas 50 % tal-ishma jinżammu mill-professjonisti.

    Diversi Stati Membri jipprojbixxu wkoll kompletament l-eżerċizzju tal-professjoni ta’ aġent tal-privattivi flimkien ma’ professjonijiet oħrajn (pereżempju, l-Awstrija u l-Ungerija), filwaqt li oħrajn jippermettu l-eżerċizzju konġunt ma’ professjonijiet legali jew tal-kontabbiltà biss (l-Estonja, il-Ġermanja).

    Dwar il-forniment transfruntier ta’ servizzi, f’għadd ta’ Stati Membri d-Direttiva 2013/55/UE 48 għadha ma ġietx trasposta fil-liġi nazzjonali dwar l-aġenti tal-privattivi/tat-trademarks. Pereżempju, fil-Ġermanja u fir-Renju Unit, bl-istabbiliment ta’ lista limitata ta’ kwalifiki li għandhom jiġu rikonoxxuti, mhuwiex permess ir-rikonoxximent tal-kwalifika professjonali ta’ aġenti tal-privattivi/tat-trademarks minn xi Stati Membri tal-UE.

    Is-Slovakkja teħtieġ proċedura ta’ rikonoxximent speċifika għal persuni li għandhom diplomi minn Stati Membri oħra tal-UE biex ikollhom aċċess għall-professjoni (mhux regolata) ta’ avukat assistent fil-qasam tal-privattivi.

    Rakkomandazzjonijiet

    Is-Slovakkja għandha tiżgura li l-proċedura ta’ rikonoxximent li hija tapplika għall-persuni li għandhom diploma barranija u li jfittxu aċċess għall-professjoni ta’ avukat assistent fil-qasam tal-privattivi tkun konformi mad-dispożizzjonijiet tat-TFUE dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema u ta’ nondiskriminazzjoni u mal-ġurisprudenza rilevanti.

    Il-Ġermanja u r-Renju Unit għandhom jittrasponu mill-aktar fis possibbli d-Direttiva 2013/55/UE u jiżguraw il-konformità mal-liġi tal-UE dwar l-aġenti tal-privattivi.

    L-Awstrija, il-Ġermanja u r-Renju Unit għandhom iqisu mill-ġdid id-diversi livelli tal-miżuri regolatorji, pereżempju li jeħtieġu diversi snin ta’ esperjenza professjonali jew ta’ taħriġ professjonali minbarra r-rekwiżiti bażiċi tat-taħriġ u jippruvaw joffru modi alternattivi biex tinkiseb il-kwalifika.

    Il-Kroazja, l-Estonja, il-Litwanja u l-Iżvezja għandhom jivvalutaw mill-ġdid il-kundizzjoni ta’ esperjenza professjonali preċedenti bħala rekwiżit għall-aċċess għall-professjoni ta’ aġenti tal-privattivi/tat-trademarks.

    Ir-Renju Unit għandu jivvaluta r-rekwiżiti tal-assigurazzjoni biex jiżgura li mhumiex restrittivi żżejjed.

    L-Awstrija, l-Estonja, l-Ungerija, il-Polonja u r-Renju Unit għandhom jivvalutaw l-ambitu tar-riżervi tal-attivitajiet għall-aġenti tal-privattivi/tat-trademarks. Ċipru u l-Greċja għandhom jivvalutaw il-proporzjonalità tal-miżuri li jirriżervaw l-attivitajiet marbuta ma’ proprjetà industrijali għall-avukati biss.

    L-Awstrija u l-Ungerija għandhom jivvalutaw il-proporzjonalità ta’ projbizzjonijiet fuq l-eżerċizzju konġunt tal-professjoni tal-aġenti tal-privattivi/tat-trademarks ma’ professjonijiet oħra.

    L-Awstrija, il-Ġermanja, l-Ungerija u l-Polonja għandhom jivvalutaw il-proporzjonalità tar-rekwiżiti għall-parteċipazzjoni azzjonarja.

    II.6.    Aġenti tal-proprjetà immobbli

    L-approċċi regolatorji fis-settur tal-proprjetà immobbli jvarjaw b’mod sinifikanti bejn il-pajjiżi. Filwaqt li f’xi Stati Membri l-professjoni kienet regolata għal żmien twil (eż. fl-Awstrija ilha regolata mill-1973), f’oħrajn ir-regolamentazzjoni ġiet introdotta aktar reċentement (eż. fl-2011 fl-Irlanda). Tliet pajjiżi jidhru li beħsiebhom jirregolaw l-aċċess għal din il-professjoni (ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja u s-Slovakkja). Għall-kuntrarju, in-Netherlands, il-Polonja u l-Portugall għadhom kif għażlu d-deregolamentazzjoni.

    Ċart 7: Indikatur ta’ restrizzjoni: Aġenti tal-proprjetà immobbli

    Sors: Il-Kummissjoni Ewropea, Novembru 2016.

    Iċ-Ċart 7 turi l-pożizzjoni relattiva tal-Istati Membri f’termini ta’ restrizzjoni fir-rigward tal-aċċess għall-professjoni ta’ aġent tal-proprjetà immobbli u għall-eżerċizzju tagħha, skont l-indikatur ta’ restrizzjoni l-ġdid.

    Il-professjoni hija regolata f’14-il Stat Membru: L-Awstrija, il-Belġju, il-Kroazja, Ċipru, id-Danimarka, il-Finlandja, Franza, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Lussemburgu, is-Slovakkja 49 , is-Slovenja u l-Iżvezja. Il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi jirregolaw permezz tar-riżervi ta’ attivitajiet. Ċipru, il-Belġju, id-Danimarka, il-Finlandja, 50  l-Irlanda, l-Italja, il-Lussemburgu u s-Slovenja jirregolaw permezz tar-riżervi ta’ attivitajiet flimkien mal-protezzjoni tat-titolu. Fi Spanja hemm regolamentazzjoni reġjonali tal-attivitajiet tal-aġenti tal-proprjetà immobbli.

    Il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi għandhom attivitajiet simili riżervati għall-aġenti tal-proprjetà immobbli. Dawn jikkonsistu essenzjalment li jaġixxu bħala intermedjarju bejn ix-xerrejja u l-bejjiegħa tal-proprjetà immobbli, inkluż l-għoti ta’ pariri. Madankollu, f’xi każijiet l-aġenti tal-proprjetà immobbli jwettqu kompiti oħrajn minbarra li jgħaqqdu flimkien il-partijiet fit-tranżazzjoni u jagħtuhom pariri u wħud minn dawn l-attivitajiet huma pjuttost kumplessi. Pereżempju, fil-pajjiżi Nordiċi l-aġenti tal-proprjetà immobbli liċenzjati jipprovdu parir legali skont il-livell ta’ għarfien tagħhom (eż. fl-Iżvezja l-aġenti tal-proprjetà immobbli liċenzjati jassistu fit-tfassil ta’ dokumentazzjoni xierqa jew jagħtu parir dwar klawżoli kuntrattwali. Fil-Finlandja, il-biċċa l-kbira tat-tranżazzjonijiet li jinvolvu aġent tal-proprjetà immobbli tikkonċerna l-bejgħ u x-xiri ta’ ishma f’kooperattiva tad-djar mingħajr l-approvazzjoni separata ta’ nutar uffiċjali. L-evalwazzjoni/l-istima tal-proprjetà hija msemmija għad-Danimarka u l-Italja 51 , filwaqt li fl-Awstrija r-rappreżentanza quddiem l-awtoritajiet pubbliċi/il-qrati (sakemm din ma tkunx riżervata għall-avukati) kif ukoll it-twettiq ta’ rkanti pubbliċi ta’ proprjetajiet huma riżervati għall-aġenti tal-proprjetà immobbli. Fil-Belġju u fi Franza, l-aġenti tal-proprjetà immobbli huma involuti fl-attivitajiet tal-ġestjoni tal-koproprjetà u tal-ġestjoni tal-proprjetà taħt ir-rwol ta’ syndic.

    F’ħafna każijiet, l-attivitajiet tal-aġenti tal-proprjetà immobbli huma kondiviżi ma’ avukati u/jew nutara. Madankollu, tal-anqas f’xi każijiet ċerti attivitajiet ta’ senserija ta’ proprjetà immobbli jidhru li huma riżervati għall-aġenti tal-propjetà kwalifikati (l-Awstrija, Ċipru, l-Irlanda, il-Lussemburgu, l-Iżvezja u s-Slovenja).

    Il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi jeħtieġu edukazzjoni ta’ madwar sentejn u tliet snin li jista’ jkun hemm bżonn li tiġi ssupplimentata minn apprendistat u/jew esperjenza ta’ xogħol u/jew eżami. Fi wħud mill-aktar każijiet stretti, din ir-regolamentazzjoni tista’ tiġi parzjalment spjegata billi ċerti kompiti aktar kumplessi jiġu fdati lill-aġenti tal-proprjetà immobbli (eż. fl-Awstrija, id-Danimarka u l-Iżvezja). Dan huwa f’kuntrast ma’ pajjiżi bħall-Kroazja, il-Finlandja, l-Ungerija u l-Italja, li għadhom rekwiżiti ta’ kwalifiki relattivament baxxi. Pereżempju, fl-Ungerija t-tul ta’ żmien tal-programm edukattiv huwa biss ta’ sitt xhur, filwaqt li fil-Finlandja hemm biss eżami, iżda mhu meħtieġ l-ebda taħriġ speċifiku jew esperjenza preċedenti. Fil-Kroazja u l-Italja hemm eżami obbligatorju miftuħ għall-persuni li għandhom diploma tal-iskola sekondarja għolja u għall-Italja, it-tlestija ta’ kors ta’ taħriġ ta’ 80 siegħa.

    Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet hemm modi alternattivi biex jinkisbu l-kwalifiki meħtieġa. Fil-Belġju, il-Kroazja, Ċipru, l-Italja, il-Finlandja u l-Iżvezja biss jidher li hemm mod wieħed biss biex tinkiseb il-kwalifika bħala aġent tal-proprjetà immobbli

    Kemm il-pajjiżi b’livell relattivament baxx ta’ regolamentazzjoni kif ukoll dawk b’rekwiżiti ogħla għandhom mezzi addizzjonali biex jiżguraw il-protezzjoni tal-konsumaturi u l-prevenzjoni tal-frodi. Filwaqt li ħafna mill-pajjiżi jeħtieġu r-reġistrazzjoni obbligatorja f’korpi statali jew professjonali u l-assigurazzjoni tar-responsabbiltà professjonali obbligatorja, oħrajn jeħtieġu wkoll lill-professjonisti biex jipprovdu evidenza tal-kondotta tajba u/jew tal-karattru tajjeb, 52 jew jipprovdu kapaċità finanzjarja/garanzija finanzjarja 53 . Ir-rekwiżiti ta’ żvilupp professjonali kontinwu obbligatorju mhumiex sinifikanti f’termini ta’ tul ta’ żmien u nstab li jeżistu biss f’ħames pajjiżi 54 .

    Ftit pajjiżi li jipprojbixxu b’mod speċifiku l-eżerċizzju ta’ ċerti attivitajiet inkompatibbli. Madankollu, f’xi każijiet din il-projbizzjoni tmur lil hinn mis-sempliċi projbizzjoni ġenerali dwar il-kunflitt ta’ interess (eż. l-Italja u l-Iżvezja). Pereżempju, fl-Italja, l-aġenti tal-proprjetà immobbli huma pprojbiti minn kwalunkwe impjieg pubbliku (ħlief jekk part-time) jew attivitajiet oħra bħala persuna li taħdem għal rasha jew imprenditur. Fis-Slovenja l-eżerċizzju tal-attivitajiet marbuta mal-proprjetà immobbli huma soġġetti għal rekwiżit ta’ ċittadinanza 55 . 

    Min-naħa l-oħra, f’pajjiżi li ma jirregolawx il-professjoni, l-interessi tal-konsumaturi jiġu mħarsa permezz ta’ mezzi oħra, bħal-leġiżlazzjoni ġenerali dwar il-protezzjoni tal-konsumatur, il-liġi ċivili u kriminali u r-regoli tal-kondotta professjonali. L-awtoregolamentazzjoni u s-sistemi volontarji ta’ ċertifikazzjoni jservu bħala alternattiva oħra għar-regolamentazzjoni. Dawn huwa l-każ, pereżempju, fir-Repubblika Ċeka, il-Litwanja, in-Netherlands, il-Polonja u r-Renju Unit.

    Rakkomandazzjonijiet

    L-Awstrija, Ċipru, l-Irlanda, il-Lussemburgu, is-Slovenja u l-Iżvezja għandhom iqisu l-possibbiltà li jiftħu l-attivitajiet li attwalment huma esklussivament riżervati għall-aġenti tal-proprjetà immobbli lill-professjonijiet oħra.

    L-Awstrija, il-Belġju, Ċipru, id-Danimarka, Franza, l-Irlanda, is-Slovakkja u l-Iżvezja għandhom jevalwaw sa liema punt it-tul ta’ żmien tar-rekwiżiti ta’ kwalifiki obbligatorji huwa indispensabbli fid-dawl tal-kompiti fil-mira tal-aġenti tal-proprjetà immobbli u tal-għanijiet tar-regolamentazzjoni.

    Il-Belġju, il-Kroazja, Ċipru, il-Finlandja, l-Italja u l-Iżvezja għandhom iqisu l-possibbiltà ta’ modi alternattivi għall-aċċess għall-professjoni.

    Il-Belġju għandu jevalwa l-ħtieġa għal restrizzjonijiet tad-drittijiet tal-parteċipazzjoni azzjonarja u tal-votazzjoni.

    Is-Slovenja għandha tikkunsidra mill-ġdid ir-rekwiżit ta’ ċittadinanza tagħha għall-aġenti tal-proprjetà immobbli.

    Bħala parti mir-riforma li jmiss, ir-Repubblika Ċeka għandha tevita livelli differenti ta’ regolamentazzjoni u tivvaluta fid-dettall jekk l-għan tal-protezzjoni tal-konsumatur jistax jiġi żgurat permezz ta’ miżuri inqas restrittivi, bħall-introduzzjoni ta’ titolu protett.

    Il-Ġermanja għandha timmonitorja d-dibattiti li għaddejjin biex tintroduċi regolamentazzjoni ġdida u tibbaża kwalunkwe bidla fir-regolamentazzjoni fuq valutazzjonijiet tal-proporzjonalità solidi.

    L-Italja għandha tevalwa l-ħtieġa u l-proporzjonalità tal-projbizzjonijiet fuq attivitajiet inkompatibbli.

    Spanja għandha tirrevedi r-regolamentazzjonijiet reġjonali eżistenti, peress li jistgħu jwasslu għal konfużjoni fir-rigward tal-aċċess għall-professjoni u l-eżerċizzju tagħha u jistgħu joħolqu ostakoli għall-mobilità.

    Is-Slovakkja għandha tneħħi r-rekwiżit għall-persuni li għandhom kwalifiki minn Stati Membri oħra tal-UE li jgħaddu minn proċedura għar-rikonoxximent akkademiku tad-diplomi.

    II.7.    Gwidi turistiċi

    Il-professjoni tal-gwidi turistiċi hija regolata f’14-il Stat Membru, jiġifieri l-Awstrija, il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, Franza, il-Greċja, l-Ungerija, l-Italja, il-Litwanja, Malta, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja u Spanja, b’xi differenzi sinifikanti fir-rigward tal-intensità tar-regolamentazzjoni. Ir-regolamentazzjoni hija aktar prevalenti fil-parti tan-Nofsinhar tal-Ewropa u madwar il-Mediterran. Ġeneralment hija bbażata fuq kunsiderazzjonijiet tal-patrimonju kulturali, storiku, arkeoloġiku u artistiku u l-apprezzament tiegħu.

    Kemm l-industrija tat-turiżmu kif ukoll l-imġiba tal-konsumaturi evolvew fis-snin reċenti u llum il-ġurnata l-għarfien dwar is-siti ta’ patrimonju u kulturali jinsab dejjem aktar disponibbli permezz ta’ sorsi oħra ta’ informazzjoni, inkluż dik diġitali. Il-ġustifikazzjoni għar-regolamentazzjoni tal-gwidi turistiċi u l-proporzjonalità tagħha jeħtieġ li jiġu vvalutati bir-reqqa sabiex ikun żgurat li r-restrizzjonijiet ikunu limitati għal dak li huwa meħtieġ biex tiġi evitata ħsara lir-rikkezzi kulturali ta’ Stat Membru.

    Ċart 8: Indikatur ta’ restrizzjoni: Gwidi turistiċi

    Sors: Il-Kummissjoni Ewropea, Novembru 2016.

    Iċ-Ċart 8 turi l-pożizzjoni relattiva tal-Istati Membri f’termini ta’ restrizzjoni fir-rigward tal-aċċess għall-professjoni ta’ gwida turistika u għall-eżerċizzju tagħha, skont l-indikatur ta’ restrizzjoni l-ġdid.

    Anki bejn l-Istati Membri li jirregolaw hemm differenzi sinifikanti. Filwaqt li l-Bulgarija, Malta, Spanja u s-Slovenja jipprovdu għar-riżerva tal-attivitajiet flimkien mal-protezzjoni tat-titolu, ħafna mill-Istati Membri jirregolaw il-professjoni b’riżerva tal-attivitajiet biss 56 . 

    L-ambitu tal-attivitajiet riżervati jvarja konsiderevolment bejn l-Istati Membri. Fl-Awstrija u l-Bulgarija hemm firxa wiesgħa ħafna ta’ attivitajiet riżervati għall-persuni li għandhom kwalifiki professjonali speċifiċi, li jkopru wkoll gwida għal persuni biex turi u tispjegalhom is-sitwazzjoni soċjali u politika f’kuntesti nazzjonali u internazzjonali, gwida għal persuni f’avvenimenti sportivi u soċjali u takkumpanja lit-turisti mill-ajruport sal-lukanda tagħhom. Madankollu, irid jiġi enfasizzat li riżerva ta’ attività hija restrizzjoni li għandha tkun limitata għal dak li huwa strettament neċessarju għall-protezzjoni tal-interess pubbliku ġenerali.

    Barra minn hekk, il-ħolqien ta’ riżervi ta’ attivitajiet, meta jiġu regolati fil-livell reġjonali fi stati federali jew reġjonali, jistħoqqlu attenzjoni partikolari jekk l-ambitu tal-attivitajiet ikun ġeografikament limitat għal Stat Membru wieħed, bħal fil-Kroazja, l-Italja u Spanja. B’riżultat ta’ dan, il-professjonisti jistgħu jkollhom jiksbu kwalifiki u awtorizzazzjonijiet differenti fi Stat Membru wieħed jekk ikunu jridu jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom f’aktar minn reġjun wieħed. Dawn id-differenzi jagħmlu l-aċċess għall-professjoni u l-eżerċizzju tagħha iktar ikkumplikati 57 u jistgħu joħolqu kwistjonijiet ta’ kompatibbiltà mal-liġi tal-Unjoni.

    Il-kwalifiki professjonali meħtieġa jvarjaw bejn l-Istati Membri li jirregolaw. Il-livell tal-kwalifika jvarja minn taħriġ vokazzjonali għal kwalifika akkademika, li jvarjaw fit-tul minn sena f’Ċipru għal ħames snin fl-Italja.

    Fil-Greċja, filwaqt li fil-bidu kienet tintalab diploma minn skola tal-gwidi turistiċi, reċentement persuni li għandhom diplomi ġeneriċi speċifiċi, bħal diplomi fl-arkeoloġija, l-istorja, l-antropoloġija soċjali, l-etnoloġija, eċċ., jistgħu jiksbu liċenzja ta’ gwida turistika ladarba jkunu temmew b’suċċess kors ta’ taħriġ speċifiku ta’ xahrejn. Fl-Italja l-eżami ta’ kwalifika jinkludi test bil-miktub, li jkopri l-patrimonju storiku u artistiku ta’ żona speċifika ta’ reġjun u intervista. Fl-Italja u fi Spanja, jeżistu diversi regolamentazzjonijiet differenti skont ir-reġjun jew ir-reġjun awtonomu li jirregola l-professjoni u r-rekwiżiti. Ħafna Stati Membri indikaw il-ħtieġa għal għarfien speċifiku ħafna marbut mal-pajjiż, bħall-għarfien dwar l-istorja u l-arti tiegħu (eż. Ċipru, is-Slovenja).

    Il-Kroazja, is-Slovenja u Spanja jorganizzaw eżamijiet tal-Istat għall-professjoni ta’ gwida turistika.

    Ma teżisti ebda restrizzjoni dwar il-forma ġuridika jew il-parteċipazzjoni azzjonarja jew tal-kontroll tal-ġestjoni għal din il-professjoni.

    Lista ta’ siti fejn ix-xogħol ta’ gwida huwa riżervat għall-persuni li għandhom kwalifiki speċifiċi u l-istabbiliment ta’ regoli dwar kif jinkisbu dawn il-kwalifiki speċifiċi jistgħu wkoll joħolqu restrizzjonijiet mhux ġustifikati jekk ir-raġunijiet reali li jiġġustifikaw l-elenkar għal kull sit ma jkunux ġew ivvalutati u jekk l-eżamijiet jiġu organizzati biss kull sentejn, kif jidher li huwa l-każ fl-Italja. Fi Stati Membri oħra, bħal Franza, il-gwidi turistiċi kwalifikati biss huma ammessi minn ċertu numru ta’ monumenti storiċi. Fil-Kroazja, il-liġi tistipula b’mod speċifiku li servizzi ta’ gwida esperta f’mużew, gallerija, żona naturali protetta, sit arkeoloġiku, eċċ., ma għandhomx jitqiesu bħala attivitajiet ta’ gwidi turistiċi. Dan jista’ jwassal għal frammentazzjoni tas-suq u jpoġġi piż sinifikanti fuq il-fornituri ta’ servizzi minn Stat Membru ieħor li jakkumpanjaw it-turisti f’partijiet differenti ta’ pajjiż u li ma jillimitawx il-forniment tagħhom ta’ servizz għal sit partikolari.

    Rakkomandazzjonijiet

    L-Istati Membri kollha li jirregolaw għandhom iqisu l-ġustifikazzjoni u l-proporzjonalità tar-regolamentazzjoni tal-professjoni.

    L-Awstrija, il-Bulgarija, Malta u s-Slovenja għandhom iqisu l-introduzzjoni ta’ definizzjoni aktar preċiża tal-attivitajiet riżervati fid-dawl tal-ambitu wiesa’ ħafna jew mhux definit tal-attivitajiet riżervati.

    Il-Kroazja u l-Italja għandhom: (i) jiċċaraw il-qafas regolatorju li jirregola l-gwidi turistiċi minħabba r-regolamentazzjonijiet reġjonali diverġenti li jidhru li qed ixekklu l-aċċess għas-suq u li jaffettwaw lill-fornituri ta’ servizzi nazzjonali kif ukoll lil dawk li jipprovdu servizzi temporanji; (ii) jirrevedu l-lista ta’ siti riżervati għall-persuni li għandhom kwalifiki speċifiċi u jqisu l-proporzjonalità ta’ kull riżerva.

    Spanja għandha: (i) tirrevedi l-aċċess għall-attività tal-gwidi turistiċi, li attwalment ivarja bejn ir-reġjuni awtonomi, li jillimita l-aċċess għall-professjoni u l-eżerċizzju tagħha għall-fornituri ta’ servizzi stabbiliti kif ukoll għal dawk li jipprovdu servizzi temporanji; (ii) tiżgura l-validità tal-awtorizzazzjonijiet tal-pajjiż kollu.

    (1)

    Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-28 ta’ Ġunju 2016 u tal-20 u tal-21 ta’ Ottubru 2016. Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-24 u tal-25 ta’ Ottubru 2013 il-Kunsill Ewropew saħaq fuq l-importanza tal-evalwazzjoni reċiproka tal-professjonijiet regolati mnedija mill-Kummissjoni u appella għal progress rapidu. Dan l-eżerċizzju għandu jidentifka l-ostakli li għad fadal fl-aċċess għall-professjonijiet fl-Istati Membri, jivvaluta l-effett kumulattiv tar-restrizzjonijiet kollha imposti fuq l-istess professjoni u jissuġġerixxi azzjoni xierqa.

    (2)

    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Naġġornaw is-Suq Uniku: opportunitajiet aktar għaċ-ċittadini u għan-negozji, COM(2015) 550 final .

    (3)

    Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Kompetittività tad-29 ta’ Frar 2016 fejn jilqa’ l-gwida perjodika speċifika għall-pajjiżi dwar il-professjonijiet regolati, anke fid-dawl tal-potenzjal tagħha li tiżgura li r-regolamentazzjoni minn kull Stat Membru tkun proporzjonata, u jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi żgurat segwitu effettiv u konsistenti. Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-1 u tat-2 ta’ Marzu 2012, il-Kunsill saħaq fuq l-importanza li jsir progress fit-tisħiħ tar-rikonoxximent reċiproku ta' kwalifiki professjonali, billi jitnaqqas l-għadd ta' professjonijiet regolati u jitneħħew l-ostakli regolatorji mhux ġustifikati.

    (4)

    2015/2354(INI).

    (5)

    Għal deskrizzjoni ta’ dan l-eżerċizzju ara l-punt I.2 ta’ hawn taħt.

    (6)

    EU Regular Economic Report, Fall 2016, Grupp tal-Bank Dinji.

    (7)

    “Product Market Review 2013 — Financing the real economy”; European economy, 8/2013, il-Kummissjoni Ewropea.

    (8)

      http://ec.europa.eu/DocsRoom/documents/13405?locale=en .

    (9)

    Ara, pereżempju E. Fernández Corugedo u E. Pérez Ruiz, “The EU Services Directive: Gains from Further Liberalisation’, Dokument ta’ Ħidma tal-FMI, 2014. Ir-riżultati ta’ dan l-istudju huma bbażati fuq l-impatt ta’ liberalizzazzjoni ulterjuri fuq l-ekonomija Franċiża. L-istudju juri b’mod partikolari li ż-żieda fil-produttività totali tal-fatturi fis-settur tal-attivitajiet tan-negozju l-oħra (inklużi l-aktar is-servizzi tan-negozju) twassal għal riperkussjonijiet sinifikanti fuq l-ekonomija kollha.

    (10)

    Ara l-Kawża storika C-340/89 Vlassopoulou, il-Kawża C-313/01 Morgenbesser, il-Kawża C-345/08 Peśla.

    (11)

    Id-Direttiva 2005/36/KE, kif emendata mid-Direttiva 2013/55.

    (12)

    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Ottubru 2013 (COM(2013)676) tistabbilixxi pjan ta’ ħidma biex titjieb it-trasparenza dwar ir-regolamentazzjonijiet professjonali nazzjonali u biex tivvaluta u tiddiskuti l-ġustifikazzjoni u l-proporzjonalità tar-regoli eżistenti (evalwazzjoni reċiproka). Dan il-proċess, li beda fl-2014, kien jirrikjedi li l-Istati Membri l-ewwel nett jintroduċu l-professjonijiet kollha regolati minnhom fil-bażi tad-dejta dwar il-professjonijiet regolati flimkien mal-miżuri regolatorji kollha li huma implimentaw għal kull professjoni nnotifikata. Imbagħad, bl-użu ta’ din l-informazzjoni, huma kienu meħtieġa janalizzaw l-impatt ta’ dawn il-miżuri u jikkunsidraw il-valur tagħhom fil-protezzjoni tal-interessi pubbliċi leġittimi.

    (13)

    Ir-rapporti li tfasslu wara dawn id-diskussjonijiet jinsabu f’ http://ec.europa.eu/growth/single-market/services/free-movement-professionals/transparency-mutual-recognition_mt .

    (14)

    Il-pjan ta’ azzjoni nazzjonali huwa parti mill-obbligi legali li l-Istati Membri jridu jissodisfaw meta jittrasponu d-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali. Jekk l-Istati Membri jonqsu milli jwettqu kwalunkwe pjan, jistgħu jitressqu proċedimenti ta’ ksur kontrihom. Il-pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali huma disponibbli pubblikament — ara http://ec.europa.eu/DocsRoom/documents/17943 .

    (15)

    Fit-22 ta’ Novembru 2016 ġew adottati azzjonijiet li jinkludu l-iffaċilitar ta’ operazzjonijiet transfruntiera ta’ negozji ġodda permezz tal-portal uniku diġitali, ara http://europa.eu/rapid/press-release_IP-16-3882_mt.htm.

    (16)

      Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Mejju 2016 dwar l-Istrateġija għal Suq Uniku .

    (17)

      Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar “L-Istrateġija tas-Suq Uniku għas-servizzi u l-oġġetti” tad-29 ta’ Frar 2016 .

    (18)

      Konklużjonijiet tal-Kunsill  tad-29 ta’ Frar 2016.

    (19)

    Sors: L-istatistika tal-kontijiet nazzjonali.

    (20)

    Ara l-mappa interattiva fil-bażi tad-dejta tal-professjonijiet regolati fl-UE għal rappreżentazzjoni viżwali tar-regolamentazzjoni okkupazzjonali fil-pajjiżi kollha tal-UE ( https://ec.europa.eu/growth/single-market/services/free-movement-professionals/regulated-professions-database_mt °). Il-bażi tad-dejta tinkludi informazzjoni dwar il-professjonijiet regolati koperti mid-Direttiva 2005/36/KE u turi li madwar 600 “ professjoni ġenerika ” differenti huma affettwati mir-regolamentazzjoni okkupazzjonali. Għal kull professjoni ġenerika, normalment hemm ħafna aktar professjonijiet koperti mit-terminoloġija nazzjonali. Dan minħabba li taħt kull professjoni ġenerika hemm diversi subprofessjonijiet, biex b’hekk l-għadd ta’ professjonijiet regolati fl-UE jammonta għal madwar 5 500.

    (21)

    Il-bażi tad-dejta tal-professjonijiet regolati fl-UE, Novembru 2016.

    (22)

    Il-kunċett ta’ attivitajiet riżervati mhux dejjem jirreferi għall-attivitajiet regolati bil-liġi. “riżerva tal-attivitajiet” tista’ tinftiehem bħala kwalunkwe rekwiżit li jirriżerva l-eżerċizzju tal-attività ta’ servizz għad-detenturi ta’ kwalifika professjonali speċifika.

    (23)

     Il-protezzjoni tat-titoli tirreferi għal-leġiżlazzjoni li tikkonferixxi d-dritt ta’ titolu professjonali (bħal avukat, perit, gwida turistika) fuq dawk li jissodisfaw rekwiżiti partikolari, ħafna drabi fuq id-detenturi ta’ kwalifika partikolari.

    (24)

    M. Koumenta u M. Pagliero (2016), "Measuring Prevalence and Labour Market Impacts of Occupational Regulation in the EU". Ara: http://ec.europa.eu/DocsRoom/documents/20362 .

    (25)

    Il-primjums tal-pagi u l-marġnijiet tal-profitt għoljin huma indikatur komuni ta’ kirjiet ta’ monopolju, li min-naħa tagħhom iwasslu għal prezzijiet ogħla għall-konsumaturi u nuqqas ġenerali ta’ kompetizzjoni fil-professjoni.

    (26)

    L-effetti tar-riformi tar-rekwiżiti regolatorji biex jinkiseb aċċess għall-professjonijiet: studji tal-każ skont il-pajjiż http://ec.europa.eu/growth/tools-databases/newsroom/cf/itemdetail.cfm?item_id=8525&lang=mt .

    (27)

    Il-Kummissjoni Ewropea: “Business Services — Assessment of Barriers and their Economic Impact”; disponibbli fuq: https://ec.europa.eu/growth/single-market/services/economic-analysis_mt .

    (28)

      The effects of liberalisation of professional requirements in Greece , E. Athanassiou, N. Kanellopoulos, R. Karagiannis, A. Kotsi, Centre for Planning and Economic Research (KEPE), Ateni, 2015.

    (29)

    Rojek M., Masior M., “The effects of reforms liberalising professional requirements in Poland”, Warsaw School of Economics, 2016

    (30)

     Ara l-ispjegazzjonijiet iddettaljati fl-anness metodoloġiku (Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal, it-Taqsima V).

    (31)

    Il-Kummissjoni Ewropea: “Business Services — Assessment of Barriers and their Economic Impact”; disponibbli fuq: https://ec.europa.eu/growth/single-market/services/economic-analysis_mt .

    (32)

     L-aħħar aġġornament tal-indikatur PMR tal-OECD, li ġie żviluppat għall-ewwel darba fl-1988, sar fl-2013. Ara: http://www.oecd-ilibrary.org/economics/the-2013-update-of-the-oecd-s-database-on-product-market-regulation_5js3f5d3n2vl-en .

    (33)

    Ara t-Taqsima VI tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal mehmuż.

    (34)

    Dan għandu jiġi applikat flimkien mar-riżultati tat-tagħlim deskritti fl-Artikolu 46 tad-Direttiva.

    (35)

    Fl-Estonja, pereżempju, it-twettiq ta’ ċerti attivitajiet professjonali jirrikjedi ċertifikat professjonali (jiġifieri ċertifikat f’ċertu livell maħruġ mill-Awtorità tal-Kwalifiki).

    (36)

    Il-varjazzjoni fir-regolamentazzjoni fil-Länder kollu ma tirrigwardax biss ir-riżervi iżda wkoll ir-rekwiżiti marbuta mal-parteċipazzjoni azzjonarja u mal-esperjenza professjonali preċedenti. Ir-reġistrazzjoni hija meħtieġa wkoll fil-livell reġjonali u minħabba f’hekk tvarja.

    (37)

    Fl-Estonja, pereżempju, ċerti modalitajiet ta’ eżerċizzju tal-attivitajiet professjonali jirrikjedu ċertifikat professjonali (jiġifieri ċertifikat f’ċertu livell maħruġ mill-Awtorità tal-Kwalifiki).

    (38)

    Fi Franza, il-konsulenza dwar it-taxxa li tinvolvi kwistjonijiet kumplessi hija riżervata għall-avukati, iżda l-esperti tal-kontabilità jistgħu jipprovdu konsulenza dwar it-taxxa lill-klijenti tagħhom. L-awdituri u n-nutara jistgħu jipprovdu wkoll konsulenza dwar it-taxxa jekk tkun marbuta mal-attivitajiet tagħhom.

    (39)

    Abbażi tas-similaritajiet fir-regolamentazzjoni tal-professjoni, b’mod partikolari billi jiġi protett it-titolu professjonali, l-avukati jibbenefikaw minn żewġ Direttivi speċifiċi, jiġifieri fir-rigward tal-possibbiltà li jipprovdu servizzi fuq bażi temporanja jew okkażjonali skont it-titolu professjonali tal-pajjiż ta’ oriġini (id-Direttiva 77/249/KEE), jew fir-rigward tal-possibbiltà li jkunu stabbiliti fuq bażi permanenti fi Stat Membru ieħor skont it-titolu professjonali tal-pajjiż ta’ oriġini (id-Direttiva 98/5/KE). Filwaqt li dawn iż-żewġ Direttivi ma jiddefinixxux l-attivitajiet, riżervati għall-professjoni b’mod ġenerali, dawn jirreferu għall-“attivitajiet tal-avukati”, bħall-attivitajiet relatati mar-rappreżentanza ta’ klijent fi proċedimenti ġuridiċi jew quddiem l-awtoritajiet pubbliċi, kif ukoll pariri legali.

    (40)

    Ara l-Kawża C-313/01 Morgenbesser, li tippermetti lill-gradwati fil-liġi li jwettqu apprendistati legali fi kwalunkwe Stat Membru, wara li jiġu vvalutati l-kwalifiki miksuba barra mill-pajjiż.

    (41)

    Il-Kawża C-340/89 Vlassopoulou.

    (42)

    Ara l-Kawża C-309/99 Wouters.

    (43)

    F’dan ir-rigward, id-Direttiva 98/5/KE tippermetti lill-Istati Membri li jimponu ċerti limitazzjonijiet fuq il-forma tar-raggruppament jew tar-rekwiżiti għall-parteċipazzjoni azzjonarja ta’ ditti legali, iżda biss sa fejn ikunu ġġustifikati, meħtieġa u proporzjonati, wara li ssir valutazzjoni każ b’każ. Dan ifisser li dawn ir-rekwiżiti għandhom jinqraw flimkien mal-Artikolu 59 tad-Direttiva dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali, li jkopri l-professjonijiet regolati kollha.

    (44)

    Ir-restrizzjoni ta’ dan ir-rekwiżit intgħażlet fl-istudju dwar l-Evalwazzjoni tal-Qafas Legali dwar il-Moviment Liberu tal-Avukati, ara http://ec.europa.eu/internal_market/qualifications/docs/studies/2013-lawyers/report_en.pdf .

    (45)

    Skont il-ġurisprudenza stabbilita, il-metodi moderni ta’ trasport u ta’ telekomunikazzjonijiet jippermettu lill-avukati sabiex iżommu l-kuntatti meħtieġa mal-klijenti u mal-awtoritajiet ġudizzjarji. Dan l-objettiv fil-mira jista’ jintlaħaq billi jiġu imposti obbligi fuq l-avukat li sa ċertu punt jirrestrinġu l-eżerċizzju tal-attivitajiet tiegħu, billi jobbligaw lill-avukat li jipprovdi s-servizzi li jkollu indirizz tas-servizz fl-uffiċċji ta’ avukat lokali, fejn in-notifiki mill-awtorità ġudizzjarja inkwistjoni jkunu jistgħu jiġu debitament innotifikati.

    (46)

    F’għadd ta’ Stati Membri l-aġenti tal-privattivi huma msejħa avukati tal-privattivi (pereżempju, f’AT u DE “Patentanwälte”).

    (47)

    L-eżistenza tal-kwalifika ta’ Aġent tal-Privattivi Ewropej ibbażata fuq il-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Privattivi ffirmata mill-Istati Membri kollha tal-UE għandha tissemma wkoll. Din il-kwalifika tippermetti lill-professjonisti sabiex jużaw it-titolu msemmi meta jkunu qed jirrappreżentaw quddiem l-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi. Madankollu, din il-kwalifika ma tippermettix l-eżerċizzju tal-professjoni ta' aġent tal-privattivi f’dawk il-pajjiżi firmatarji li jirregolaw il-professjoni.

    (48)

    Id-Direttiva 2013/55/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Novembru 2013 li temenda d-Direttiva 2005/36/KE dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali u r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (“ir-Regolament tal-IMI”)

    (49)

     Is-Slovakkja ma tqisx din il-professjoni regolata peress li l-attivitajiet kummerċjali biss huma regolati. Għal aktar informazzjoni jekk jogħġbok irreferi għad-Dokument ta’ ħidma tal-persunal mehmuż ma’ din il-Komunikazzjoni.

    (50)

    Filwaqt li fil-Finlandja t-titolu huwa protett, il-liġi tesiġi wkoll li l-maniġers responsabbli u mill-inqas nofs dawk involuti fil-ħidma tal-aġenzija jkollhom il-kwalifiki meħtieġa.

    (51)

    Fl-Ungerija, il-Latvja u l-Litwanja, l-evalwaturi/l-istimaturi tal-proprjetà immobbli huma regolati bħala professjonijiet għalihom.

    (52)

    L-Awstrija, is-Slovenja, l-Ungerija u l-Italja.

    (53)

    L-Awstrija, il-Belġju, id-Danimarka, Franza, il-Finlandja u l-Ungerija.

    (54)

    Il-Belġju, Franza, l-Irlanda, l-Iżvezja u s-Slovenja.

    (55)

    Ir-rikonoxximent reċiproku ta’ kwalifiki miksuba fi Stati Membri oħra huwa previst, iżda ċ-ċittadini barranin li kisbu l-kwalifiki fis-Slovenja ma jidhirx li huma koperti minn dawn ir-regoli.

    (56)

    Għal aktar tagħrif dwar ir-regolamentazzjoni ta’ din il-professjoni u ta’ professjonijiet relatati magħha bħal maniġer tat-turs jew aġent tal-ivvjaġġar, ara r-rapport imħejji bħala parti minn eżerċizzju ta’ evalwazzjoni reċiproka.

    (57)

    Ara wkoll id-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni dwar ir-riżultat tal-verifiki tal-prestazzjoni tas-suq intern għas-servizzi SWD(2012)147 mehmuż mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi (COM(2012)261.

    Top