Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016DC0790

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Pjan ta' Azzjoni għat-tisħiħ tar-reazzjoni Ewropea għall-frodi tad-dokumenti tal-ivvjaġġar

    COM/2016/0790 final

    Brussell, 8.12.2016

    COM(2016) 790 final

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    Pjan ta' Azzjoni għat-tisħiħ tar-reazzjoni Ewropea għall-frodi tad-dokumenti tal-ivvjaġġar


    I.INTRODUZZJONI

    Il-problema dejjem aktar sinifikanti ta’ frodi tad-dokumenti tal-ivvjaġġar tinsab fiċ-ċentru tal-attenzjoni fil-kuntest tal-attakki terroristiċi reċenti fl-Ewropa u tal-flussi attwali tal-migrazzjoni. Il-frodi tad-dokumenti sar xprunatur tat-terroriżmu u tal-kriminalità organizzata u huwa marbut mat-traffikar tal-bnedmin 1 u l-faċilitazzjoni ta' immigrazzjoni illegali. Huwa kruċjali li tissaħħaħ is-sigurtà tad-dokumenti tal-ivvjaġġar, inkluża l-infrastruttura għall-ġestjoni tal-identità sottostanti.

    Fil-Komunikazzjoni dwar It-tisħiħ tas-sigurtà f’dinja ta’ mobbiltà: titjib fl-iskambju tal-informazzjoni fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u t-tisħiħ tal-fruntieri esterni, 2 il-Kummissjoni enfasizzat l-importanza kruċjali ta’ dokumenti sikuri tal-ivvjaġġar u tal-identità kull fejn meħtieġ li tiġi stabbilita mingħajr ebda dubju l-identità ta’ persuna, u ħabbret li se tippreżenta pjan ta’ azzjoni biex jiġi indirizzat il-fenomenu ta’ frodi tad-dokumenti tal-ivvjaġġar. Approċċ imtejjeb se jkun jiddependi minn sistemi robusti biex jiġu evitati l-abbużi u t-theddid għas-sigurtà interna li jirriżultaw minn nuqqasijiet f’dak li jirrigwarda s-sigurtà ta’ dokumenti.

    Ġeneralment, id-dokumenti tal-ivvjaġġar jieħdu l-forma ta’ passaporti, imma jinkludu wkoll karti tal-identità u permessi ta’ residenza għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi (meta jintużaw f’żona mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni). Iċ-ċittadini tal-UE jistgħu jidħlu u joħorġu mill-UE, iż-żona Schengen u ċerti pajjiżi li mhumiex tal-UE b’karta tal-identità nazzjonali maħruġa mill-Istati Membri. Dan ifisser, pereżempju, li l-ġellieda terroristiċi barranin jistgħu jkunu jistgħu jivvjaġġaw bejn l-UE u t-Turkija bl-użu biss tal-karta tal-identità nazzjonali tagħhom.

    Dokumenti tal-ivvjaġġar tal-UE huma f’domanda kbira fost il-frodaturi. Mill-inqas tliet kwarti ta’ dokumenti foloz maqbuda fil-fruntieri esterni, iżda wkoll fiż-żona mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni, jitqiesu li jkunu nħarġu mill-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi assoċjati ta’ Schengen 3 . Skont rapporti reċenti mill-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, karti tal-identità li huma anqas sikuri maħruġa mill-Istati Membri huma l-aktar dokumenti foloz li jiġu skoperti l-aktar spiss u li jintużaw għall-vjaġġi ġewwa Schengen. “Il-frodi bbażata fuq ix-xebh” (meta d-detentur ta’ dokument ikun jixbaħ ħafna lill-proprjetarju veru tiegħu) għadu qed jiżdied u baqa’ l-aktar tip ta’ frodi rrappurtat fit-tieni trimestru tal-2016. Il-kisba ta’ dokumenti awtentiċi fuq il-bażi ta’ dokumenti “oriġinaturi” foloz (ċertifikati tat-twelid, taż-żwieġ u tal-mewt) tibqa’ waħda mill-akbar theddidiet, peress li huwa diffiċli ħafna li jinqabdu.

    F’dan l-isfond, huwa kruċjali li l-UE u b’mod speċjali l-Istati Membri jintensifikaw l-isforzi tagħhom sabiex itejbu s-sigurtà tad-dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġa liċ-ċittadini tal-UE u ta’ pajjiżi terzi. Is-sigurtà tad-dokumenti tal-ivvjaġġar hija fattur importanti fil-protezzjoni aħjar tal-fruntieri u l-ġestjoni aħjar tal-migrazzjoni u l-pass lejn Unjoni tas-Sigurtà effettiva u ġenwina. 4 .

    In-natura ta’ frodi tad-dokumenti ta’ vvjaġġar qed tevolvi b’mod rapidu. In-netwerks kriminali involuti fil-falsifikazzjoni ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar issa huma aktar speċjalizzati u qed ikomplu jiżviluppaw forom ġodda ta’ falsifikazzjoni, bħalma huma l-manipulazzjoni ta’ tagħmir u tekniki kontra l-falsifikazzjoni li jaħarbu l-kontrolli bijometriċi, u modus operandi ġodda.

    L-introduzzjoni ta’ elementi ta’ sigurtà, metodi ta’ produzzjoni tagħhom u sistemi ta’ spezzjoni ta’ dokumenti aktar sofistikati qed tagħmilha aktar diffiċli li jiġu kkontrafatti jew iffalsifikati dokumenti tal-identità u tal-ivvjaġġar. Bi tweġiba, madankollu, il-frodaturi dejjem aktar qed ibiddlu l-orjentazzjoni minn frodi “tradizzjonali” – li tiffoka fuq id-dokument fiżiku, pereżempju permezz ta’ tibdil tad-dejta ta’ validità f’passaport (falsifikazzjoni) jew permezz tal-produzzjoni ta’ dokument kompletament falz (kontrafazzjoni) – għal tipi oħra ta’ frodi ta’ dokumenti, bħal frodi bbażata fuq ix-xebh. Qed jimmiraw lejn tipi oħra ta’ dokumenti, bħad-dokumenti oriġinaturi, (li abbażi tagħhom jinħarġu dokumenti oħra) użati sabiex jappoġġaw l-applikazzjonijiet għal dokumenti tal-ivvjaġġar ġenwini.

    Skont ir-rapport tal-2016 tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta 5 , il-frodi permezz tal-impostura u l-kisba bi frodi ta’ dokumenti ġenwini żdiedu b’4 % u b’76 % rispettivament bejn l-ewwel trimestru tal-2015 u l-ewwel trimestru tal-2016, filwaqt li l-frodi attwata b’dokumenti falsifikati naqset (-8 %).

    Din il-Komunikazzjoni tippreżenta pjan ta’ azzjoni biex ittejjeb is-sigurtà tad-dokumenti tal-ivvjaġġar. L-istandards ta’ sigurtà għad-dokumenti tal-ivvjaġġar u r-rekwiżiti ta’ kontroll fil-fruntieri 6 huma stabbiliti fil-livell tal-UE, iżda l-Istati Membri jżommu r-responsabbiltà sħiħa għad-dokumenti oriġinaturi u għall-produzzjoni u l-ħruġ fattwali ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar. Il-pjan ta’ azzjoni jistabbilixxi miżuri li l-Kummissjoni se tieħu u jagħmel rakkomandazzjonijiet għal azzjoni mill-Istati Membri skont il-politiki nazzjonali dwar l-aspetti kollha tas-sigurtà tad-dokumenti tal-ivvjaġġar.

    Il-Kummissjoni u l-Istati Membri jridu jiżguraw li d-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari d-dritt għall-protezzjoni tad-dejta personali, ikunu garantiti fil-miżuri kollha msemmija f’dan il-pjan ta’ azzjoni.

    Bħala gwardjan tat-Trattati, il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja l-implimentazzjoni korretta tal-liġi tal-UE u tuża s-setgħat tagħha biex tinforza l-implimentazzjoni korretta fejn xieraq u meħtieġ.

    II.    IL-PJAN TA’ AZZJONI

    1.    Reġistrazzjoni ta’ identità

    Dokumenti awtentiċi stabbiliti fuq il-bażi ta’ identità falza huma diffiċli ħafna li jiġu individwati fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri jew fit-territorju ta’ Stat Membru. Jenħtieġ li l-identità tal-individwi tiġi stabbilita, u li d-'dokumenti oriġinaturi' 7 jinħarġu fuq il-bażi tar-reġistri tal-popolazzjoni li jkun fihom dejta storika, soċjali u ġeografika rilevanti. Pajjiżi b’reġistru tal-popolazzjoni bijometriku jew b’bażi ta’ dejta tad-dokumenti tal-ivvjaġġar jistgħu jivverifikaw l-identità ta’ persuna kull darba li hi tapplika għal dokument tal-ivvjaġġar ġdid, għalhekk persuna ma tkunx tista’ tapplika għal dokument awtentiku bl-użu ta’ dokument oriġinatur falz.

    Filwaqt li dan jista’ jkun legali għal persuna li tbiddel isimha, hemm bżonn li tingħata attenzjoni mill-qrib lil dan il-proċess u l-proċeduri jridu jkunu rigorużi. Fejn adulti jirreġistraw jew japplikaw għal passaport għall-ewwel darba (eż. wara n-naturalizzazzjoni) u ma tkun disponibbli l-ebda dejta ta’ reġistrazzjoni, jenħtieġ li l-awtoritajiet responsabbli jwettqu intervisti wiċċ imb’wiċċ u, kif xieraq, ifittxu evidenza addizzjonali li l-persuna effettivament tuża l-identità li qed tiddikjara, pereżempju, fil-listi elettorali jew fir-reġistri tas-sigurtà soċjali.

    Barra minn hekk, jenħtieġ li dokumenti oriġinaturi jkollhom livell minimu ta’ sigurtà għall-prevenzjoni tal-falsifikazzjoni. L-UE kkontribwixxiet total ta’ EUR 16-il miljun għal inizjattivi ta’ riċerka u ta’ żvilupp 8 biex tiżgura dokumenti oriġinaturi aktar sikuri. Il-programmi ta’ ħidma futuri ta’ Orizzont 2020 dwar Soċjetajiet Sikuri 2018-2020 se jappoġġaw ir-riċerka u l-iżvilupp f’dak li għandu x’jaqsam mas-sigurtà tad-dokumenti.

    Lil hinn mill-UE, għaddejjin proġetti fil-qafas il-ġdid tas-Sħubija fl-ambitu tal-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni biex jiġu żviluppati bażijiet tad-dejta tar-reġistrazzjoni bijometriċi f’pajjiżi terzi sħab ewlenin bil-kapaċità li jiżguraw ir-reġistri ċivili u d-diġitalizzazzjoni bijometrika jew tal-marki tas-swaba’.

    L-Europol iffinanzjat l-iżvilupp ta’ manwal dwar il-każ identifikat ta’ dokumenti oriġinaturi foloz. Fih kampjuni u deskrizzjonijiet qosra ta’ dokumenti tal-identità Ewropej u dokumenti oriġinaturi, iżda mhuwiex jintuża daqskemm jenħtieġ.

    L-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għat-tranżazzjonijiet elettroniċi, 9 jistgħu wkoll jgħinu fl-identifikazzjoni ta’ dokumenti foloz u biex itejbu s-sigurtà tad-dokumenti elettroniċi billi jipprovdu l-evidenza tal-identità u l-prevenzjoni ta’ frodi tal-identità permezz tal-validazzjoni reċiproka onlajn tad-dejta dwar l-identità. Huma jsostnu wkoll il-faċilitazzjoni ta’ applikazzjonijiet onlajn sikuri għat-tiġdid ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar.

    Regolament adottat dan l-aħħar li jissimplifika ċ-ċirkolazzjoni ta’ dokumenti pubbliċi fl-Unjoni 10 , jistabbilixxi li ċertifikati tat-twelid u taż-żwieġ maħruġa fi Stat Membru wieħed jistgħu jiġu aċċettati bħala awtentiċi fi Stat Membru ieħor mingħajr it-timbru ta’ awtentikazzjoni.  Dan isaħħaħ il-ġlieda kontra l-frodi bl-introduzzjoni tal-kooperazzjoni amministrattiva li permezz tagħha l-Istati Membri jikkomunikaw ma’ xulxin, permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (IMI), f’każ ta’ dubju dwar l-awtentiċità ta’ dokument pubbliku, pereżempju, sabiex tiġi verifikata l-awtentiċità ta’ dokumenti oriġinaturi.

    Azzjonijiet speċifiċi

    Jenħtieġ li l-Istati Membri:

    -iqisu kif l-aħjar li jiġi evitat il-ħruġ ta’ dokumenti awtentiċi bbażati fuq identitajiet foloz, pereżempju permezz tat-tisħiħ ta’ proċeduri f’każijiet ta’ reġistrazzjoni tal-identità/applikazzjonijiet tal-ewwel darba jew isem li jinbidel;

    -jeżaminaw kif id-dokumenti oriġinaturi tagħhom jistgħu ikunu magħmula aktar reżistenti għall-frodi, pereżempju biż-żieda ta’ karatteristiċi ta’ sigurtà;

    -jiżguraw distribuzzjoni wiesgħa tal-manwal ta’ Europol dwar dokumenti oriġinaturi lill-awtoritajiet emittenti kollha tad-dokumenti u jippromwovu l-użu kontinwu tiegħu; kif ukoll

    -jimplimentaw mingħajr dewmien ir-Regolament dwar il-promozzjoni tal-moviment liberu taċ-ċittadini permezz tas-simplifikazzjoni tar-rekwiżiti għall-preżentazzjoni ta’ ċerti dokumenti pubbliċi fl-UE u jisfruttaw il-potenzjal tiegħu biex titjieb is-sigurtà tad-dokumenti pubbliċi permezz tal-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern.

    Il-Kummissjoni se:

    -tivvaluta s-sitwazzjoni attwali fl-Istati Membri, u tiffaċilita d-diskussjoni dwar l-identifikaturi bijometriċi (xbieha tal-wiċċ u/jew marki tas-swaba’) fir-reġistri tal-popolazzjoni, b’rispett sħiħ tal-liġi tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta u filwaqt li jitqies il-kuntest nazzjonali fl-Istati Membri;

    -tiffaċilita d-diskussjoni dwar kif dokumenti oriġinaturi jistgħu jsiru aktar siguri, mit-tieni trimestru tal-2017;

    -taħdem ma’ pajjiżi terzi sħab ewlenin biex tippromwovi u tappoġġa l-introduzzjoni ta’ identifikaturi bijometriċi fir-reġistri tal-popolazzjoni tagħhom;

    -issaħħaħ l-attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp fil-qasam ta’ dokumenti oriġinaturi u verifikazzjoni tad-dokumenti, inkluża l-evalwazzjoni tat-teknoloġiji mobbli, fil-qafas tal-programm Orizzont 2020 għal Soċjetajiet Sikuri 2018-2020; kif ukoll

    -tissorvelja l-implimentazzjoni tar-Regolament dwar il-promozzjoni tal-moviment liberu taċ-ċittadini permezz tas-simplifikazzjoni tar-rekwiżiti għall-preżentazzjoni ta’ ċerti dokumenti pubbliċi u tivvaluta l-potenzjal tagħha biex tkompli tissaħħaħ is-sigurtà tad-dokumenti pubbliċi elettroniċi.

    2.    Il-ħruġ tad-dokumenti

    Fil-laqgħa tal-Kunsill f’Diċembru 2005, l-Istati Membri kollha tal-UE adottaw konklużjonijiet 11 dwar standards minimi li jirrelataw mas-sigurtà ta’ proċessi ta’ ħruġ ta’ karti tal-identità għall-Istati Membri. Din il-laqgħa kienet segwita minn Riżoluzzjoni fl-2006 12 . Ir-rakkomandazzjonijiet jindirizzaw il-ħruġ ta’ karti tal-identità li jridu jintużaw bħala dokumenti tal-ivvjaġġar, iżda huma rilevanti għad-dokumenti tal-ivvjaġġar kollha. Madankollu, xi wħud minnhom (pereżempju, li jeħtieġu li l-applikanti japplikaw personalment u l-monitoraġġ tal-proċess tal-ħruġ kollu) għadhom mhumiex implimentati għal kollox.

    Huwa importanti li l-Istati Membri jiskambjaw l-aħjar prattiki fir-rigward kemm tar-reġistrazzjoni bijometrika kif ukoll tal-proċeduri tal-għoti u l-ħruġ ta’ dokumenti, sabiex tinkiseb aktar koerenza bejn il-prattiki nazzjonali. Il-Kummissjoni se tiffaċilita dan billi torganizza gruppi ta’ ħidma u laqgħat ad hoc.

    Huwa magħruf li l-proċessi tal-ħruġ deċentralizzati jagħmluha aktar faċli għall-awturi tal-frodi li jisirqu u jużaw mill-ġdid dokumenti vojta. Il-proċessi ta’ ċentralizzazzjoni u monitoraġġ/u ta’ awditjar, ta’ ħruġ u ta’ personalizzazzjoni (mili ta’ dokumenti vojta), jipprevjenu ċ-ċirkolazzjoni ta’ dokumenti misruqa (b’mod partikolari dokumenti vojta).

    Azzjonijiet speċifiċi

    Jenħtieġ li l-Istati Membri:

    -jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa tar-Riżoluzzjoni tal-2006 dwar l-istandards minimi f’dak li għandu x’jaqsam mas-sigurtà tal-proċessi ta’ ħruġ;

    -jiskambjaw informazzjoni dwar l-aħjar prattiki rigward ir-reġistrazzjoni tal-bijometrika u l-proċeduri tal-għoti tad-dokumenti u ta’ ħruġ; kif ukoll

    -isaħħu l-monitoraġġ tal-personalizzazzjoni/tal-ħruġ ta’ dokumenti tal-identità u tal-ivvjaġġar sabiex jillimitaw l-għadd ta’ dokumenti vojta misruqa.

    Il-Kummissjoni se:

    -tiffaċilita l-iskambju tal-aħjar prattiki dwar il-proċeduri ta’ ħruġ u l-ġestjoni tal-identità bl-organizzazzjoni ta’ gruppi ta’ ħidma mill-ewwel trimestru tal-2017.

    3.    Il-produzzjoni tad-dokumenti

    3.1    Il-karatteristiċi ta’ sigurtà fid-dokumenti tal-ivvjaġġar

    Ġiet adottata leġiżlazzjoni tal-UE dwar standards għall-karatteristiċi ta’ sigurtà u għall-bijometriċi f’passaporti u dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġa mill-Istati Membri 13 kif ukoll dwar formati uniformi għal viżi 14 u għall-permessi ta’ residenza għal ċittadini mhux tal-UE 15 . Dawn l-istandards huma wkoll użati għal permessi lokali fil-fruntieri 16 u permessi maħruġa fil-qafas tal-acquis tal-migrazzjoni legali. L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi rilevanti għal dokumenti jiġu aġġornati kontinwament biex jipprevjenu l-frodi u għalhekk huwa importanti li d-dokumenti jinġiebu f’konformità sħiħa mal-aħħar verżjoni ta’ dawn l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi.

    Il-Kummissjoni ppreżentat żewġ proposti 17 biex taġġorna l-karatteristiċi ta’ sigurtà u tistabbilixxi disinn ġdid għal viżi u permessi ta’ residenza għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi. L-adozzjoni rapida ta’ dawn il-proposti se tgħin biex jitnaqqas l-użu ta’ dokumenti ffalsifikati li jidħlu fiż-żona mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni.

    Bħalissa, il-livelli ta’ sigurtà tal-karti tal-identità nazzjonali ppreżentati mill-Istati Membri u tad-dokumenti ta’ residenza għaċ-ċittadini tal-UE li jgħixu fi Stat Membru ieħor u għall-familji tagħhom ivarjaw b’mod sinifikanti, dan iżid ir-riskju ta’ falsifikazzjoni u l-frodi ta’ dokumenti u jwassal ukoll għal diffikultajiet prattiċi għaċ-ċittadini meta jfittxu li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għall-moviment liberu. B’segwitu għar-Rapport tal-2013 dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE u kif imsemmi fil-Komunikazzjoni tal-2016 “It-Titjib tas-sigurtà f’dinja ta’ mobilità”, il-Kummissjoni nediet studju 18 biex tkompli tivvaluta l-kwistjonijiet ta’ sigurtà, inkluża l-armonizzazzjoni possibbli ta’ karatteristiċi ta’ sigurtà biex tissaħħaħ ir-reżistenza tagħhom kontra r-riskji tal-frodi tad-dokumenti. It-tisħiħ tal-karatteristiċi ta’ sigurtà ta’ dokumenti tal-identità u ta’ residenza jista’ jgħin ukoll biex tiġi indirizzata l-problema osservata f’rapporti reċenti tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta li l-karti tal-identità b’livell ta’ sigurtà aktar baxx huma l-aktar dokumenti foloz li ta’ sikwit qed jiġu identifikati.

    Fil-kuntest tad-dritt għal protezzjoni konsulari liċ-ċittadini tal-UE li l-Istati Membri tagħhom ma għandhomx rappreżentanza diplomatika jew konsulari f’pajjiż terz, Stat Membru ieħor jista’ jkollu l-ħtieġa li joħroġ Dokumenti Provviżorji tal-Ivvjaġġar lil dawn iċ-ċittadini. Deċiżjoni mill-1996 19 stabbiliet format komuni għal tali Dokumenti Provviżorji tal-Ivvjaġġar biex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jivvjaġġaw lura lejn pajjiżhom. Il-ħruġ ta’ Dokumenti Provviżorji tal-Ivvjaġġar jikkostitwixxi l-aktar tip komuni ta’ assistenza konsulari. Wara 20 sena, din id-deċiżjoni hija skaduta 20 . Xi Stati Membri ma jagħmlux użu mid-Dokument Provviżorju tal-Ivvjaġġar minħabba l-fatt li dan jitqies li ma għandu l-ebda garanzija kontra l-frodi tad-dokumenti. Fil-kuntest ta’ din ir-reviżjoni, il-Kummissjoni se tesplora il-possibbiltajiet li jiġu mmodernizzati wkoll il-karatteristiċi ta’ sigurtà tad-Dokumenti Provviżorji tal-Ivvjaġġar.

    3.2.    Ir-Reġistrazzjoni tal-bijometrika

    Ġew adottati linji gwida fil-Livell tal-UE għall-awtoritajiet li jirreġistraw identifikaturi bijometriċi fil-passaporti u fil-permessi ta’ residenza għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi 21 . Dan huwa kompitu importanti ħafna, billi l-parti l-kbira ta’ nuqqas ta' korrispondenza (non-matches) fil-kontrolli fil-fruntiera hija kkawżata minn reġistrazzjoni ħażina ta’ dejta fil-ħin tal-ħruġ tad-dokument. Il-kwalità bijometrika hija l-aktar parametru importanti li jaffettwa l-preċiżjoni tas-sistemi bijometriċi awtomatiċi. Jenħtieġ ukoll li l-vulnerabbiltajiet bijometriċi bħall-"morphing tal-wiċċ” u l-"ispoofing tal-marki tas-swaba'” 22 jiġu wkoll indirizzati.

    Azzjonijiet speċifiċi

    Jenħtieġ li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill:

    -jadottaw kemm jista’ jkun malajr il-proposti f’format uniformi aktar sikur għall-viżi u għall-permessi ta’ residenza għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi biex jiġi evitat aktar frodi.

    Il-Kummissjoni se:

    -tiffinalizza, fl-ewwel trimestru tal-2017, l-istudju dwar l-għażliet ta’ politika tal-UE biex titjieb is-sigurtà tal-karti ta’ identità taċ-ċittadini tal-UE u tad-dokumenti ta’ residenza ta’ ċittadini tal-UE li jirrisjedu fi Stat Membru ieħor u tal-membri tal-familja tagħhom li mhumiex mill-UE sabiex jiġi limitat ir-riskju ta’ frodi u ta’ falsifikazzjoni. Il-Kummissjoni se tevalwa l-passi li jmiss, l-għażliet u l-impatti tagħhom, fid-dawl ta’ inizjattiva leġiżlattiva possibbli sa tmiem l-2017.

    -teżamina jekk hemmx bżonn li r-Regolament (KE) Nru 1931/2006 jiġi emendat biex ikun żgurat li l-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ permessi ta’ traffiku lokali tal-fruntiera, u l-karatteristiċi ta’ sigurtà tal-permessi, jiggarantixxu l-valutazzjonijiet tar-riskju tas-sigurtà xierqa filwaqt li ma jiġux ippreġudikati bl-ebda mod il-benefiċċji tar-Regolament u l-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen għad-detenturi tal-permessi.

    -tiżviluppa iktar gwida/taħriġ għar-reġistrazzjoni korretta ta’ identifikaturi bijometriċi, b’mod partikolari biex jiġu indirizzati l-kwalità tad-dejta bijometrika u l-vulnerabbiltajiet mit-tielet trimestru tal-2017 u

    -timmonitorja l-konformità ta’ karatteristiċi ta’ sigurtà ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġa mill-Istati Membri fir-rigward tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-UE.

    4.    Kontroll tad-dokumenti

    Il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen 23 tistabbilixxi proċeduri għal verifiki fuq ċittadini tal-UE u ċittadini mhux tal-UE fil-fruntieri esterni. Il-gwardji tal-fruntieri jridu jwettqu dawn il-kontrolli malajr u jiddependu fuq teknoloġiji/bażijiet ta’ dejta, taħriġ u għodda ta’ gwida sabiex ikunu jistgħu jivverifikaw id-dokumenti tal-ivvjaġġar.

    4.1    Kontrolli elettroniċi ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar ta’ ċittadini li mhumiex tal-UE

    Il-verifika elettronika tal-awtentiċità ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar ta’ ċittadini li mhumiex tal-UE hija komponent essenzjali tas-sistema futura ta’ Dħul/Ħruġ 24 ; din tikkontribwixxi għas-sigurtà, billi tgħin biex jinkixfu u jiġu miġġielda l-frodi tal-identità u l-użu ħażin tad-dokumenti tal-ivvjaġġar. Barra minn hekk, is-sistema tiġġieled il-frodi tal-identità billi timmaniġġja l-identità bijometrika taċ-ċittadini li mhumiex tal-UE, bl-istess mod bħalma s-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża tagħmel għad-detenturi tal-viża. Iż-żewġ sistemi huma interkonnessi mill-qrib għal dan l-għan.

    Il-kisba ta’ ċertifikati minn pajjiżi li mhumiex tal-UE (l-awtoritajiet nazzjonali ta’ ċertifikazzjoni) biex jiġu awtentikati d-dokumenti tal-ivvjaġġar huwa proċess sensittiv li jieħu ħafna ħin, iżda jservi biex jiggarantixxi l-integrità tal-katina ta’ fiduċja mill-“produttur” taċ-ċertifikat sal-“konsumatur” (l-utent). Il-Kummissjoni bdiet proġett pilota fl-2015 biex tesplora kif tista’ tiġbor iċ-ċertifikati ta’ pajjiżi li mhumiex tal-UE, tivvalida l-livell ta’ fiduċja tagħhom u mbagħad taqsamhom f’forma ta’ “indiċi” b’konformità mal-ispeċifikazzjoni tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali 25 . Mill-2017, dan l-“indiċi” jista’ jissimplifika u jkompli jippromwovi l-awtentikazzjoni elettronika ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar minn pajjiżi li mhumiex tal-UE għall-Istati Membri kollha.

    4.2    Verifiki tal-bażi ta’ dejta

    Jenħtieġ li d-detenturi tad-dokumenti jirrapportaw minnufih it-telf jew is-serq tad-dokumenti tagħhom. Jekk l-Istati Membri jdaħħlu l-informazzjoni minnufih fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) u fil-bażi ta’ dejta tal-Interpol għad-dokumenti tal-ivvjaġġar misruqa u mitlufa, f’konformi mal-obbligu ġuridiku tagħhom, għandhom jonqsu sew il-possibbiltajiet ta’ frodi tal-identità. Fl-24 ta’ Novembru 2016, kien hemm aktar minn 52 miljun twissija fis-SIS għal dokumenti maħruġin u miljun (1) twissija għal dokumenti vojta. Fl-2015, kien hemm madwar 18 500 hit għal dokumenti maħruġa.

    Jenħtieġ ukoll li l-Istati Membri jgħaddu d-dejta lill-Interpol dwar dokumenti tal-ivvjaġġar mitlufa, misruqa jew miżapproprjati maħruġa minn pajjiżi li mhumiex fl-UE sabiex idaħħal id-dejta fil-bażi tad-dejta tad-dokumenti tal-ivvjaġġar misruqa u mitlufa fejn dan ikun possibbli. Dan huwa partikolarment importanti fir-rigward ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar Sirjani miksuba bi frodi, pereżempju. Il-bażi ta’ dejta tad-dokumenti tal-ivvjaġġar misruqa u mitlufa fiha aktar minn 68 miljun entrata, li ġew mistħarrġa iktar minn 1 243 biljun darba bejn Jannar u Settembru 2016, li rriżulta f’aktar minn 115 000 hit.

    L-emenda proposta fil-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen 26 tagħmilha obbligatorja li d-dokumenti tal-ivjaġġar jiġu vverifikati kollha, tkun xi tkun in-nazzjonalità tad-detentur, u jitqabblu mas-SIS u mal-bażi ta’ dejta tad-dokumenti tal-ivvjaġġar misruqa u mitlufa. Dan jagħmilha aktar faċli li jiġu identifikati dokumenti mitlufa, misruqa, misapproprjati jew invalidati u li jinħatfu jew jinżammu bħala evidenza. Barra dan, jenħtieġ li s-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) 27 tagħmilha possibbli li jiġu vverifikati dokumenti tal-ivvjaġġar ta’ persuni eżenti mill-viża mhux ċittadini tal-UE mas-SIS u mal-bażi ta’ dejta ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar misruqa u mitlufa qabel il-wasla tagħhom fil-fruntieri esterni. Il-Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli dwar is-Sistemi ta’ Informazzjoni u l-Interoperabbiltà 28 qiegħed iħares lejn kif l-interoperabbiltà tista’ tikkontribwixxi għal verifiki mtejba ta’ dokumenti u ta’ identità. 

    4.3    Taħriġ

    L-Istati Membri, l-aġenziji tal-UE kompetenti u l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (fost l-oħrajn) żviluppaw taħriġ għall-gwardji tal-fruntieri dwar l-identifikazzjoni ta’ frodi ta’ dokumenti. Dan jeħtieġ aġġornament kostanti, notevolment biex jiffoka fuq forom ġodda ta’ frodi, bħal frodi bbażata fuq ix-xebh, u biex jindirizza lil dawk kollha involuti fil-verifika ta’ dokumenti, bħat-trasportaturi, il-persunal konsulari u l-amministrazzjonijiet lokali.

    Id-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà tat-Trasportaturi, tipprovdi għal pieni finanzjarji għal trasportaturi li jittrasportaw persuni mhux ċittadini tal-UE mingħajr id-dokumenti meħtieġa għad-dħul fl-UE. Għandha tingħata kunsiderazzjoni ulterjuri biex jiġu inklużi dispożizzjonijiet xierqa dwar it-taħriġ għat-trasportaturi sabiex jitjiebu l-każi identifikati ta’ frodi ta’ dokumenti.

    4.4    Għodod

    Għodod disponibbli biex jgħinu lill-uffiċjali tal-pulizija, lill-gwardji tal-fruntiera u oħrajn fid-detezzjoni ta’ frodi ta’ dokumenti jinkludu l-bażi ta’ dejta onlajn tad-dokumenti foloz u awtentiċi (FADO), li hija bażi ta’ dejta Ewropea ta’ immaġnijiet b’deskrizzjonijiet standardizzati, fl-24 lingwa uffiċjali tal-UE, ta’ karatteristiċi ta’ sigurtà u tekniki ta’ falsifikazzjoni ta’ dokumenti u diversi funzjonijiet ta’ ħoloq li jipprovdu għal aċċess dirett għal bażijiet ta’ dejta oħra relatati mad-dokumenti, kif ukoll applikazzjonijiet nazzjonali u kummerċjali.

    FADO twaqqaf f’kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u jenħtieġ li jiġi inkluż f’qafas legali tal-UE. Fil-preżent, l-Istati Membri ma għandhom ebda obbligu legali li jtellgħu dokumenti (kemm jekk dawn ikunu dokumenti proprji awtentiċi kif ukoll jekk ikunu foloz li jkunu ġew identifikati bħala tali) u dan jirriżulta f’varjetà kbira fil-livell ta’ kontribuzzjonijiet kemm rigward id-dokumenti tagħhom stess kif ukoll rigward dokumenti ta’ pajjiżi li mhumiex tal-UE. Barra minn hekk, l-użu effettiv tal-bażi ta’ dejta għadha limitata. Jenħtieġ li ssir analiżi dwar il-valur miżjud tas-sistema u dwar jekk hemmx lok għal titjib.

    Minbarra l-pulizija u l-awtoritajiet tal-fruntieri, l-entitajiet ċivili u privati 29 li jkollhom il-bżonn li jwettqu kontrolli ta’ identità għal bosta raġunijiet jiddependu wkoll mill-użu ġenwin ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar u tal-identità. Jenħtieġ ukoll li l-komunità ta’ “non-esperti tad-dokumenti” tkun tista’ sserraħ fuq mekkaniżmi ta’ awtentikazzjoni sempliċi li ma jeħtiġux kompetenzi jew tagħmir speċjalizzat. Il-persuni li mhumiex esperti u l-pubbliku inġenerali għandhom aċċess għal subsistema ta’ FADO li tipprovdi informazzjoni inqas dettaljata. Jenħtieġ li jiġu esplorati mezzi li joffru aċċess usa’ għal twissijiet ta’ dokument mitlufa jew misruqa, bażijiet ta’ dejta dwar dokumenti ġenwini u informazzjoni dwar it-twissija reċenti f'dak li għandu x’jaqsam ma’ xejriet ta’ frodi.

    4.5    Il-bijometrika fid-dokumenti tal-ivvjaġġar

    L-identifikaturi bijometriċi huma għodda importanti biex jinkixfu każijiet ta’ frodi. L-uffiċjali ta’ kontroll fil-fruntieri jistgħu jużawhom biex jistabbilixxu l-identità, b’mod partikolari billi jqabblu d-dejta fuq iċ-ċippa mad-dejta ta’ fuq id-dokument.

    Sabiex jivverifikaw il-komponenti elettroniċi ta’ passaporti elettroniċi u l-permessi ta’ residenza elettroniċi, l-awtoritajiet jeħtieġu li l-Istat Membru li ħareġ id-dokument jipprovdilhom iċ-ċertifikati meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jaċċessaw il-marki tas-swaba’ maħżuna fuq iċ-ċippa. Il-verifika elettronika sistematika tad-dejta taċ-ċippa twassal biex jinkixfu l-aktar każijiet komuni ta’ frodi ta’ dokumenti, bħall-manipulazzjoni tar-ritratt tad-detentur. Sfortunatament, mhux l-Istati Membri kollha jiskambjaw iċ-ċertifikati tagħhom.

    Il-potenzjal tas-SIS li tittratta l-frodi fid-dokumenti se jikber bl-implimentazzjoni tal-funzjonalità tat-“tiftixa tal-marki tas-swaba”. L-ewwel elementi (il-mekkaniżmu ta’ kontroll tal-kwalità tad-dejta) se jkunu lesti sa nofs l-2017 u l-ħidma fuq livell ċentrali se titlesta fl-aħħar trimestru tal-2017. Il-funzjonalità se tippermetti l-identifikazzjoni b’suċċess (permezz tal-marki tas-swaba’) ta’ persuni mfittxija mill-awtoritajiet. Is-sistema awtomatizzata għall-identifikazzjoni tal-marki tas-swaba’ (AFIS) se twettaq verifiki tal-identità u tikkontribwixxi b’mod sinifikanti biex tikxef il-frodi tad-dokumenti u tal-identità. L-Istati Membri se jdaħħlu din is-sistema gradwalment mill-bidu tal-2018.

    Passaporti, karti tal-identità, liċenzji tas-sewqan, permessi ta’ residenza u dokumenti tal-ivvjaġġar misruqa, miżapproprjati, mitlufa, jew invalidati diġà jistgħu jiddaħħlu fis-SIS, iżda l-Kummissjoni qed tikkunsidra li tipproponi (bħala parti mir-reviżjoni tal-bażi ġuridika tas-sistema) li dokumenti ffalsifikati jiddaħħlu wkoll. Dan jippermetti approċċ aktar komprensiv lejn id-detezzjoni u l-konfiska ta’ dokumenti bħal dawn.

    Azzjonijiet speċifiċi

    Jenħtieġ li l-Istati Membri:

    -jirreġistraw sistematikament kull dokument misruq, mitluf, miżapproprjat jew invalidat fis-SIS u fil-bażi ta’ dejta tad-dokumenti tal-ivvjaġġar misruqa u mitlufa biex jiżguraw li dawn jiġu sekwestrati u/jew miżmuma bħala evidenza għal proċedimenti kriminali jekk jiġu ppreżentati mill-ġdid mid-detentur, biex b’hekk effettivament jinħarġu miċ-ċirkolazzjoni;

    -idaħħlu l-informazzjoni sistematikament fil-bażijiet ta’ dejta tal-Interpol dwar dokumenti tal-ivvjaġġar mitlufa, misruqa, misapproprjati jew invalidati maħruġa minn pajjiżi li mhumiex tal-UE, fejn dan ma jsirx minn dawn il-pajjiżi.

    -jiżguraw li l-gwardji tal-fruntieri jkollhom aċċess aħjar għas-sistemi ta’ informazzjoni rilevanti;

    -itejbu l-ġbir tad-dejta u l-iskambju ta’ informazzjoni dwar frodi ta’ dokumenti, speċjalment f’dak li għandu x’jaqsam ma’ frodi bbażata fuq ix-xebh, dokumenti ġenwini miksuba b’mod frodulenti u l-frodi tal-identità; kif ukoll

    -jaċċelleraw l-implimentazzjoni tal-funzjonalità tat-tfittxija tal-marki tas-swaba’ fis-SIS.

    Il-Kummissjoni se:

    -tipproponi li l-bażi ġuridika tas-SIS tiġi riveduta b’tali mod li l-Istati Membri jkunu jistgħu jdaħħlu dokumenti tal-ivvjaġġar iffalsifikati fis-sistema minn Diċembru 2016;

    -tiddiskuti mal-Istati Membri dwar kif jista’ jitjieb l-użu tal-bażi ta’ dejta onlajn tad-dokumenti foloz u awtentiċi (FADO), inkluż l-eżami ta’ għażliet għall-iżvilupp tagħha fil-ġejjieni, is-sinerġiji u l-valur miżjud mill-ewwel trimestru tal-2017;

    -tipprovdi għal lista aġġornata regolarment ta’ ċertifikati meħtieġa għall-awtentikazzjoni elettronika ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar matul it-tielet trimestru tal-2017;

    -taħdem flimkien mal-aġenziji kompetenti tal-UE biex tingħata spinta lill-attivitajiet ta’ taħriġ f’oqsma ġodda ta’ frodi ta’ dokumenti;

    -tesplora l-possibbiltà li jiġu inklużi rekwiżiti ta’ taħriġ fid-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà tat-Trasportaturi;

    -teżamina kif tista’ tittejjeb id-disponibilità ta’ informazzjoni dwar dokumenti ġodda u foloz għall-komunità ta’ “non-esperti tad-dokumenti” matul l-aħħar trimestru tal-2017; 

    -tkompli tissorvelja l-implimentazzjoni tal-liġi tal-UE dwar l-użu ta’ applikazzjonijiet bijometriċi għas-sigurtà tad-dokumenti u l-iskambju taċ-ċertifikati bejn l-Istati Membri; kif ukoll

    -timplimenta l-funzjonalità tat-“tiftixa tal-marki tas-swaba’” fuq livell ċentrali fis-SIS fl-aħħar trimestru tal-2017.

    III.    SEGWITU

    Il-Kummissjoni tappella lill-Istati Membri biex jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jiżguraw l-implimentazzjoni rapida ta’ dan il-pjan ta’ azzjoni. Hija se tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sa tmiem l-ewwel trimestru tal-2018 dwar il-progress miksub.

    (1)

         Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal SWD(2016) 159 final li jakkumpanja Ir-Rapport tal-Kummissjoni dwar il-progress li sar fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin (2016).

    (2)

         COM(2016) 602 final, 14.9.2016.

    (3)

         Fit-tieni trimestru tal-2016, 74,33 % ta’ karti tal-identità foloz, 60,46 % ta’ permessi ta’ residenza foloz u 17,11 % ta’ passaporti foloz kienu dokumenti tal-UE (skont ir-rapport trimestrali dwar l-analiżi tar-riskju tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta).

    (4)

         Komunikazzjoni mill-Kummissjoni Azzjoni fuq l-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà biex jiġi miġġieled it-terroriżmu u titwitta t-triq lejn Unjoni ta' Sigurtà effettiva u ġenwina (COM(2016) 230 final, 20.4.2016).

    (5)

          http://frontex.europa.eu/publications  

    (6)

         Rigward ir-rekwiżiti tal-kontroll fil-fruntieri ara t-Titolu V, il-Kapitolu 2 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

    (7)

         Dokumenti oriġinaturi huma ċertifikati tat-twelid, taż-żwieġ u tal-mewt, użati biex jappoġġaw l-applikazzjonijiet għall-identità, għar-residenza u għad-dokumenti tal-ivvjaġġar.

    (8)

         Żewġ proġetti ffinanzjati mit-Tema ta’ Sigurtà FP7 jirrelataw speċifikament mas-sigurtà tad-dokumenti u l-ġestjoni tal-identità: “Fast and trustworthy identity delivery and check with e-passports leveraging traveller privacy” (Fidelity) u “Recommendations for reliable breeder documents restoring e-passport confidence and leveraging extended border security” (Origins). L-Isfida ta’ Soċjetajiet Siguri ta’ Orizzont 2020 qed tiffinanzja l-proġett “l-ekosistema tal-identità Ewropea Affidabbli” (Aries).

    (9)

         Ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 73–114).

    (10)

         Ir-Regolament (UE) 2016/1191 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Lulju 2016 dwar il-promozzjoni tal-moviment liberu taċ-ċittadini permezz tas-simplifikazzjoni tar-rekwiżiti għall-preżentazzjoni ta' ċerti dokumenti pubbliċi fl-Unjoni Ewropea u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 (ĠU L 200, 26.7.2016, p. 1–136).

    (11)

         Il-konklużjonijiet tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri f'dak li għandu x’jaqsam ma’ standards minimi komuni ta’ sigurtà għall-karti ta’ identità nazzjonali (1-2 ta’ Diċembru 2005).

    (12)

         Ir-Riżoluzzjoni tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, li ltaqgħu fil-Kunsill fl-4 u l-5 ta’ Diċembru 2006, dwar standards minimi ta’ sigurtà tal-karti tal-identità validi għall-ivvjaġġar maħruġa mill-Istati Membri.

    (13)

         Ir-Regolament (KE) Nru 2252/2004 (ĠU L 385, 29.12.2004, p. 1). Ir-Renju Unit u l-Irlanda mhumiex parti minn din il-miżura.

    (14)

         Ir-Regolament (KE) Nru 1683/95 (ĠU L 164, 14.7.1995, p. 1).

    (15)

         Ir-Regolament (KE) Nru 1030/2002 (ĠU L 157, 15.6.2002, p. 1).

    (16)

    Ir-Regolament (KE) Nru 1931/2006 (ĠU L 405, 30.12.2006, p. 1).

    (17)

         Proposta għal Regolament li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1683/1995 tad-29 ta’ Mejju 1995 li jistabbilixxi format uniformi għall-viża (COM(2015) 303 final); Proposta għal Regolament li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1030/2002 li jippreskrivi format uniformi għall-permessi ta’ residenza għaċ-ċittadini ta’ pajjiż terz (COM(2016) 434 final).

    (18)

         Studju biex jgħin fit-tħejjija ta’ valutazzjoni tal-impatt dwar l-inizjattivi ta’ politika tal-UE fir-rigward tar-residenza u tad-dokumenti tal-identità għall-faċilitazzjoni tal-eżerċizzju tad-dritt tal-moviment liberu.

    (19)

         Id-Deċiżjoni tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri li ltaqgħu fis-seduta tal-Kunsill tal-25.06.1996; ĠU L168 tas-6.7.1996.

    (20)

         Ukoll minħabba d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2015/637/UE dwar il-miżuri ta' koordinazzjoni u ta’ kooperazzjoni biex tiġi ffaċilitata l-protezzjoni konsulari għal ċittadini mhux rappreżentati tal-Unjoni f'pajjiżi terzi.

    (21)

         Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2011) 5499 tal-4 ta’ Awwissu 2011.

    (22)

         Morphing tal-wiċċ: it-taħlit ta’ żewġ immaġnijiet tal-wiċċ f’waħda bl-għajnuna ta’ programmi diġitali; spoofing tal-marki tas-swaba': l-użu ta’ marki tas-swaba’ foloz permezz tal-kopja tal-marki tas-swaba’ fuq il-gomma.

    (23)

         Ir-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen) (ĠU L 77, 23.3.2016, p. 1).

    (24)

         COM(2016) 194 final, 6.4.2016.

    (25)

         L-indiċi jiġbor iċ-ċertifikati tad-diversi awtoritajiet nazzjonali taċ-ċertifikazzjoni u jiġi ppubblikat minn pajjiż wieħed li jkun ivverifika u ffirma l-lista. Il-proċedura hi stabbilita fid-dokument 9303 tal-ICAO.

    (26)

         Il-proposta għal emenda tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen (COM(2015) 670 final, 15.12.2015) se tiġi adottata formalment fl-ewwel trimestru tal-2017.

    (27)

         Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 515/2014, (UE) 2016/399, (UE) 2016/794 u (UE) Nru 2016/1624 (COM(2016) 731 final).

    (28)

         Dan ġie stabbilit b’segwitu għall-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Sistemi ta’ informazzjoni aktar sodi u intelliġenti għall-fruntieri u għas-sigurtà (COM(2016) 205 final, 6.4.2016).

    (29)

         Pereżempju s-servizzi tal-posta, il-banek, in-nutara, l-aġenziji tal-ivvjaġġar, il-kumpaniji tal-kiri tal-karozzi, l-aġenziji tat-trasferiment tal-flus.

    Top