EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016DC0769

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Il-prezzijiet u l-ispejjeż tal-enerġija fl-Ewropa

COM/2016/0769 final

Brussell, 30.11.2016

COM(2016) 769 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Il-prezzijiet u l-ispejjeż tal-enerġija fl-Ewropa

{SWD(2016) 420 final}


Introduzzjoni

L-enerġija hija element indispensabbli tal-ħajja tagħna ta’ kuljum. Għandna bżonnha biex insaħħnu, inkessħu, indawlu u niċċaqalqu; hija essenzjali għall-funzjonament ta' djarna, tal-uffiċċji tagħna, tal-postijiet tax-xogħol tagħna u għall-ekonomija kollha kemm hi. L-importanza tagħha tagħmel l-aċċessibbiltà suġġett politikament sensittiv. Din hija waħda mir-raġunijiet għalfejn il-Kummissjoni pproponiet l-Istrateġija tagħha tal-Unjoni tal-Enerġija. Il-prezz tal-enerġija huwa wkoll sensittiv. Min-naħa, il-prezzijiet baxxi jistgħu jkunu ta’ benefiċċju — isaħħu l-kapaċità tal-akkwist u l-istandard ta’ għajxien u jnaqqsu l-ispejjeż għan-negozji tagħna, u b’hekk iżidu l-kompetittività tagħhom. Fl-istess ħin, minħabba li l-enerġija tiġi kkonsenjata permezz tas-swieq, il-fornituri tal-enerġija jeħtieġu li l-prezzijiet ikopru l-ispejjeż tagħhom u jiffinanzjaw l-investiment ħalli jiżguraw il-provvista futura tal-enerġija. Il-prezzijiet għoljin jibagħtu sinjali biex jitnaqqas l-użu tal-enerġija b'kontenut għoli ta’ karbonju jew biex jitħeġġew l-effiċjenza enerġetika u l-użu ta’ prodotti ekoloġiċi innovattivi u ta' teknoloġiji nodfa.

L-istorja tal-prezzijiet u l-ispejjeż tal-enerġija turi bidliet u impatti kbar. Fis-snin sebgħin u tmenin, ir-restrizzjonijiet mill-fornituri taż-żejt żiedu l-prezzijiet u kkawżaw xokkijiet ekonomiċi. Aktar reċentement, il-provvisti ġodda tal-enerġija u l-użu akbar ta’ sorsi ta’ enerġija alternattivi taw spinta lill-provvista, filwaqt li l-miżuri ta’ effiċjenza enerġetika u t-tkabbir ekonomiku dgħajjef naqqsu d-domanda u l-prezzijiet tal-bejgħ bl-ingrossa. L-UE sabet li iktar ma s-suq tal-enerġija jkun kompetittiv u likwidu, aktar ikunu diversi u numerużi l-provvisti u l-fornituri tal-enerġija, u inqas inkunu esposti għal tali volatilità.

Il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat l-ewwel rapport dwar il-prezzijiet u l-ispejjeż tal-enerġija fl-2014 1 . Dan ta stampa ta’ prezzijiet globali tal-enerġija għoljin, bi prezzijiet li jvarjaw b’mod konsiderevoli fl-Istati Membri kollha tal-UE, u ħafna ogħla għall-Ewropa milli għas-sħab kummerċjali internazzjonali tagħha, b’mod partikolari l-Istati Uniti tal-Amerika. Il-prezzijiet tal-bejgħ bl-imnut għolew aktar mill-prezzijiet tal-bejgħ bl-ingrossa minħabba żidiet fil-komponent tal-prezz tan-netwerk u fit-taxxi u fl-imposti. Ċerti nuqqasijiet fid-dejta wasslu għar-rakkomandazzjoni biex jittejbu d-dettal, it-trasparenza u l-konsistenza tal-ġbir tad-dejta dwar il-prezzijiet tal-enerġija 2 . Il-konklużjonijiet politiċi tar-rapport urew li d-dejta u l-evidenza ppreżentati urew l-iżvilupp parzjali tas-suq intern tal-enerġija u l-ħtieġa għal aktar miżuri biex jitjiebu l-effiċjenza enerġetika tal-Ewropa u s-sigurtà u d-diversità tal-provvisti tal-enerġija b’karbonju baxx. Il-Qafas Strateġiku tal-Unjoni tal-Enerġija u l-Pjan Direzzjonali tiegħu jistabbilixxu l-qafas biex titwettaq din il-ħidma kull sentejn, li tibda fl-2016 3 .

Dan it-tieni rapport jaġġorna l-analiżi b’diversi modi. L-ewwel nett, permezz ta’ ġbir estensiv ta’ dejta ad hoc imwettaq mal-uffiċċji tal-istatistika tal-Istati Membri, id-dejta dwar il-prezzijiet tal-enerġija tjiebet bil-kbir, b’tali mod li wħud mill-konklużjonijiet li issa nistgħu naslu għalihom huma aktar dettaljati u ċari. Id-dejta ġiet aġġornata ulterjorment sabiex turi l-istat l-aktar reċenti tal-prezzijiet tal-enerġija fis-setturi tal-elettriku, tal-gass u l-prodotti taż-żejt. Barra minn hekk, l-analiżi tad-dejta aggregata u tad-dejta tal-istudju tal-każ tjiebet biex b’hekk nistgħu nesploraw f’aktar fond ix-xejriet u l-impatti tal-prezzijiet tal-enerġija, għall-unitajiet domestiċi (speċjalment dawk bi dħul baxx) u l-industrija (b’mod partikolari, l-industriji intensivi fl-enerġija). L-analiżi tal-ispejjeż tal-enerġija tgħinna wkoll nifhmu kif nistgħu nirreaġixxu għall-prezzijiet tal-enerġija, ta’ spiss bl-użu aktar effiċjenti tal-enerġija. Ir-rapport huwa bbażat fuq l-evidenza fid-dokument ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanjah u ta’ studji mħejjija f’isem il-Kummissjoni.


1.Il-kont tal-importazzjoni tal-enerġija tal-UE

Minħabba l-proporzjon kbir tal-enerġija importata, l-impatt tal-prezzijiet u tal-konsum tagħna tal-enerġija jidher b’mod ċar fil-kont tal-importazzjoni
tal-karburanti fossili tal-UE. Dan juri l-esponiment tal-ekonomija tal-UE għax-xejriet globali tal-prezzijiet tal-enerġija u jfakkarna wkoll li biex innaqqsu l-kont tal-importazzjoni, il-konsum tagħna tal-karburanti fossili jista’ jiġi mmitigat permezz ta’ effiċjenza enerġetika akbar u enerġija alternattiva lokali kosteffikaċi.

Il-kont tal-importazzjoni tal-enerġija żdied minn EUR 238 biljun fl-2005 għal EUR 403 biljuni fl-2013. Tnaqqis fil-prezzijiet tal-prodotti tal-enerġija u fil-konsum naqqsu għal EUR 261 biljun fl-2015, madwar 35 % taħt il-livell tal-2013. It-tnaqqis fil-prezz kien l-ixprun ewlieni tar-riduzzjoni, għaliex, anki jekk il-konsum tat-tliet karburanti fossili qed jonqos, il-produzzjoni tal-UE ta’ dawk il-karburanti naqas ukoll, biex b’hekk l-importazzjonijiet netti (u d-dipendenza tal-UE mill-importazzjoni tal-karburanti fossili) żdiedu.

Figura 1:    Stima tal-kont tal-importazzjoni tal-karburanti fossili tal-UE

Sors: Kalkolu tal-Kummissjoni stess

Il-prezzijiet tal-karburanti fossili (b’mod partikolari, iż-żejt) naqsu. Dan kien xprunat minn żidiet fil-provvista (iż-żejt u l-gass tax-shale tal-Istati Uniti, ir-ramel bituminuż Kanadiż, l-produzzjoni robusta tal-OPEC, żieda fil-gass globali (inkluż LNG) u l-produzzjoni tal-faħam) u domanda aktar dgħajfa (tkabbir globali aktar kajman, partikolarment fiċ-Ċina, iżda wkoll tibdil strutturali fuq in-naħa tad-domanda, bħal ngħidu aħna ż-żieda fl-effiċjenza enerġetika u l-użu ta' fjuwils alternattivi fis-setturi tad-djar u t-trasport, xprunati minn politiki ta’ effiċjenzi għall-binjiet u l-karozzi).

Peress li l-prezz tal-karburanti fossili importati raħas meta jinxtara mill-pompa, l-introjtu disponibbli għall-unitajiet domestiċi żdied. Effetti simili jistgħu jiġu osservati għal firxa ta’ setturi, bħat-trasport u l-industriji li jużaw ħafna enerġija. Fi żmien fejn qed jissokta t-tkabbir ekonomiku dgħajjef , dan wassal għal spinta “ta’ darba” lill-ekonomija tal-UE, li ġiet stmata għal żieda potenzjali fil-PGD ta’ 0.8 % fl-2015 u 0.5 % fl-2016 4 .



2.Il-prezzijiet tal-elettriku fl-Ewropa

2.1    Il-prezzijiet tal-bejgħ bl-ingrossa

Bl-iżvilupp tas-suq intern, is-swieq tal-operaturi tal-elettriku fl-Ewropa għaddew minn bidliet kbar f’dawn l-aħħar snin. Is-swieq tal-kambju tal-operaturi tal-elettriku ġew stabbiliti kważi fl-Istati Membri kollha, biex jipprovdu kummerċ ta’ ġurnata qabel, bil-quddiem u tal-istess ġurnata. Swieq likwidi u flessibbli jistgħu jippermettu rikonċiljazzjoni aktar effiċjenti tal-provvista u d-domanda li tbaxxi l-kostijiet tal-ġenerazzjoni tal-elettriku u għaldaqstant il-prezzijiet. Dawn is-swieq għandhom jorjentaw ukoll il-prezzijiet tal-kuntratti bilaterali “mhux uffiċjali” fis-swieq l-aktar maturi.

Gradwalment, dawn is-swieq tal-operaturi nazzjonali u separati qed ikunu abbinati ma’ swieq ġirien, li — flimkien ma’ aktar interkonnessjonijiet tal-grilja ta’ trażmissjoni — joħolqu swieq aktar likwidi u effiċjenti.

Il-prezzijiet huma xprunati minn fatturi varji, inklużi t-taħlita tal-fjuwil, interkonnessjonijiet transfruntiera, akkoppjament tas-swieq, konċentrazzjoni tal-fornituri tas-suq u l-kundizzjonijiet tat-temp. Bl-istess mod, id-domanda tal-konsumaturi u tal-industrija, il-ġestjoni tad-domanda, l-effiċjenza enerġetika u t-temp jinfluwenzaw in-“naħa tad-domanda” tas-suq.

Figura 2:    Xejriet fil-prezzijiet tal-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku tal-UE

Sors: Platts u l-kambji tal-enerġija fl-Ewropa

Il-prezzijiet tal-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku fl-Ewropa laħqu l-quċċata fit-tielet kwart tal-2008 u, barra minn rkupru żgħir fl-2011, baqgħu jinżlu sa minn dak iż-żmien. Il-prezzijiet waqgħu bi kważi 70 % fl-2008 u b’55 % mill-2011 5 u fl-2016 laħqu livelli mingħajr preċedent għal 12 snin.

Il-pass-through tal-prezzijiet imnaqqsa tal-faħam u tal-gass, flimkien ma’ fatturi oħra, kienu l-muturi ewlenin tal-prezzijiet tal-elettriku:

l-analiżi ekonometrika tissuġġerixxi li żieda ta’ 1 % fis-sehem tal-karburanti fossili (faħam, gass, żejt) fit-taħlita tal-ġenerazzjoni tal-enerġija tirriżulta f’żieda ta’ EUR 0.21.3/MWh fil-prezz tal-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku skont is-suq reġjonali;

akkoppjament tas-suq: il-pajjiżi parteċipanti f’żona waħda abbinata jew aktar għandhom konverġenza aħjar tal-prezzijiet ma’ swieq ġirien u differenza aktar baxxa fil-prezzijiet;

kapaċità tal-interkonnettur dejjem tikber: swieq b’interkonnettività ta’ <10 % ffaċċaw prezzijiet kemxejn ogħla minn dawk b’interkonnettività ta’ > 10 %. Dan juri l-importanza ta’ aktar żvilupp fis-suq intern tal-elettriku u fl-interkonnettività transfruntiera;

f’diversi swieq, iż-żieda fl-elettriku ġġenerat minn enerġija solari u tar-riħ bi spiża marġinali tnaqqas il-prezzijiet tal-bejgħ bl-ingrossa. Analiżi ekonometrika tissuġġerixxi li kull żieda ta’ punt perċentwali fis-sehem tal-enerġija rinnovabbli tnaqqas il-prezz tal-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku b’medja ta’ EUR 0.4/MWh fl-UE; it-tnaqqis reali jiddependi mis-suq reġjonali u mis-sors tal-karburant li jiġu sostitwiti b’enerġija rinnovabbli. L-impatt tal-enerġiji rinnovabbli huwa akbar (EUR 0.60.8/MWh) fl-majjistral tal-Ewropa, fil-Baltiċi u fl-Ewropa ċentrali u tal-lvant;

domanda aktar baxxa marbuta ma’ tkabbir ekonomiku baxx, flimkien ma’ kapaċità ta’ espansjoni, wasslet għal kapaċità żejda f’diversi pajjiżi; kif ukoll

id-domanda mnaqqsa għall-kwoti tas-CO2 u l-provvista qawwija ta’ krediti internazzjonali (CDM) wasslu għal eċċess kbir fis-suq tal-ETS, li rriżulta fi prezzijiet aktar baxxi ta’ CO2 li jiġu riflessi fil-prezzijiet tal-bejgħ bl-ingrossa.

2.2    Il-prezzijiet tal-bejgħ bl-imnut tal-elettriku fl-Ewropa

Fi swieq perfettament kompetittivi, il-bidliet fis-swieq tal-operaturi għandu jkollu pass through u sħiħ fuq is-swieq tal-konsumaturi. Madankollu, fl-Ewropa, fatturi varji jirristrinġu dan il-passthrough 6 . Barra minn hekk, proporzjon kbir ta’ prezzijiet tal-bejgħ bl-imnut huwa r-riżultat tar-regolamentazzjoni, fil-forma ta’ taxxi u imposti jew tariffi regolati tan-netwerk.

Il-prezz medju 7 tal-elettriku tal-unitajiet domestiċi kien EUR  208.7 MWh fl-2015. B’kuntrast mal-prezzijiet tal-bejgħ bl-ingrossa, il-prezz medju żdied b’rata medja annwali ta’ 3.2 % bejn l-2008 u l-2015. Sabiex wieħed jifhem aħjar l-kawżi ta’ din ix-xejra, jeħtieġ li jiġu investigati fid-dettall il-komponenti differenti tal-prezzijiet. Il-Figura 3 turi l-iżvilupp tal-prezz medju peżat tal-elettriku tal-UE għall-unitajiet domestiċi, kategorizzat fi tliet komponenti ewlenin (enerġija, netwerk, u taxxi u imposti).

Figura 3:    Komponenti tal-prezzijiet medji tal-bejgħ bl-imnut tal-elettriku tal-unitajiet domestiċi tal-UE

Sors: L-Istati Membri, il-ġbir tad-dejta mill-Kummissjoni

Il-komponent tal-enerġija (il-parti mill-prezz imħallas lill-bejjiegħ bl-imnut tal-elettriku) naqas bi 15 % mill-2008 għall-2015. Din il-bidla, żgħira meta mqabbla mal-bidliet kbar fil-prezzijiet tal-bejgħ bl-ingrossa, tissuġġerixxi li l-kompetizzjoni fis-swieq tal-konsumaturi ma tistax tkun kompletament effettiva. L-analiżi tissuġġerixxi li l-passthrough tal-komponent tal-enerġija huwa influwenzat mill-grad ta’ kompetizzjoni fis-suq u r-regolamentazzjoni tal-prezzijiet tas-suq. Meta dan jiġi regolat, il-prezzijiet tal-bejgħ bl-imnut kienu (loġikament) anqas reattivi (fid-daqs u fil-ħeffa) għat-tnaqqis fil-prezzijiet tal-bejgħ bl-ingrossa. Barra minn hekk, il-firxa li skontha dan il-komponent tal-enerġija jvarja fost l-Istati Membri naqset b’19 % bejn l-2008 u l-2015, li jindika li l-iżvilupp tas-suq intern kellu impatt ċar fuq il-konverġenza tal-prezzijiet tal-bejgħ bl-ingrossa u fuq it-trasferiment ta' din il-konverġenza lejn il-prezzijiet tal-bejgħ bl-imnut. B’mod ġenerali, dan jissuġġerixxi li, filwaqt li hemm xi passthrough tal-bidliet fil-prezzijiet tas-suq tal-operaturi, il-komponent tal-enerġija tal-prezzijiet jista’ jkun aktar reattiv fis-suq intern.

Madankollu, kif wieħed jista’ jara mill-Figura 3, komponenti oħra kienu soġġetti għal bidliet akbar. Bħala medja, il-komponent tan-netwerk żdied bi 3.3 % kull sena. Il-komponent tat-taxxi u l-imposti żdied ukoll b’mod sinifikanti, bis-sehem tiegħu tal-prezz medju jiżdied minn 28 % għal 38 %.

Figura 4:    Il-prezzijiet nazzjonali tal-bejgħ bl-imnut tal-elettriku għall-unitajiet domestiċi fl-2015

Sors: L-Istati Membri, il-ġbir tad-dejta mill-Kummissjoni

L-analiżi tal-Kummissjoni tikkategorizza l-komponent tat-taxxi u l-imposti f’10 subkomponenti, 8 li jippruvaw jaqbdu u jittrattaw b’mod konsistenti t-taxxi u l-imposti diversi li l-Istati Membri jimponu fuq il-prezzijiet tal-elettriku għall-unitajiet domestiċi. L-imposti huma mmirati biex isostnu politiki speċifiċi għalkemm ma jirrappreżentawx l-infiq kollu tal-gvern fuq politika partikolari. Normalment, it-taxxi ma jkunux immirati lejn politiki speċifiċi.

Figura 5:    Kategorizzazzjoni tal-komponent tat-taxxi u l-imposti għall-prezzijiet tal-elettriku

Sors: L-Istati Membri, il-ġbir tad-dejta mill-Kummissjoni

Il-VAT hija l-akbar subkomponent, li kienet tammonta għal 37 % tal-komponent tat-taxxi u l-imposti fl-2015, u dan ifisser tnaqqis meta mqabbel mat-48 % fl-2008. Bħala taxxa ad valorem, il-VAT għandha l-vantaġġ li ma xxekkilx is-sinjali tal-prezzijiet għall-operaturi fil-prezzijiet għall-konsumaturi. L-akbar subkomponent irrappurtat ta’ rilevanza għall-politika tal-enerġija hu magħmul minn imposti li jsostnu l-enerġija rinnovabbli u l-“produzzjoni ta' elettriku u sħana fl-istess ħin”. Dan kien jammonta għal 33 % tal-komponent totali fl-2015, u dan ifisser żieda meta mqabbel mal-14 % fl-2008.

Din l-analiżi tal-prezzijiet medji għall-unitajiet domestiċi tal-UE taħbi differenzi kbar fl-UE kollha. Il-prezzijiet huma diverġenti b’fattur ta’ tlieta bejn l-irħas pajjiż u l-ogħla pajjiż. Il-bżonnijiet fiskali u l-imposti marbuta mal-politika tal-Istati Membri jipproduċu varjazzjonijiet ewlenin fis-sehem tat-taxxi u l-imposti fil-prezzijiet finali: għall-VAT u taxxi oħra, dan is-sehem ivarja minn 59 % (DK) sa 5 % (MT); l-imposti RES & CHP jirrappreżentaw 12 % bħala medja, 9 imma jvarjaw minn 22-23 % (PT, DE) għal 0-2 % (HU, IE).

Il-figuri għall-prezzijiet tal-elettriku għall-industrija 10 juru żidiet iżgħar, bil-medja tal-EU tiżdied bejn it-0.8 % u 3.1 % 11 kull sena mill-2008 sal-2015. Il-Figrua 6 tuża marġni ta’ konsum industrijali rappreżentattiv (2 00020 000 MWh/fis-sena). Konsumaturi kbar tal-enerġija, inklużi industriji aktar intensivi fl-elettriku, jistgħu jipproduċu l-enerġija tagħhom stess, ikollhom kuntratti fit-tul għall-provvista tal-enerġija jew ta’ spiss iħallsu tariffi, taxxi u imposti tan-netwerk aktar baxxi, li jistgħu jirriżultaw fi prezzijiet 50 % aktar baxxi minn dawk għal konsumaturi industrijali oħra fl-istess pajjiż.



Figura 6:    Komponenti tal-prezzijiet medji tal-elettriku għall-konsumaturi industrijali tal-UE

Sors: L-Istati Membri, il-ġbir tad-dejta mill-Kummissjoni

Rigward il-prezzijiet tal-elettriku għall-unitajiet domestiċi, għad hemm varjazzjoni kbira fl-Istati Membri kollha, bi prezzijiet li jvarjaw b’fattur ta’ 2.75.



Figura 7:    Il-prezzijiet medji tal-elettriku bl-imnut għall-industrija fl-2015

Sors: L-Istati Membri, il-ġbir tad-dejta mill-Kummissjoni

Il-komponent tal-enerġija tal-prezzijiet medji tal-elettriku industrijali naqsu bi 2.8 % fis-sena bejn l-2008 u l-2015. Id-differenza f’dan il-komponent fl-Istati Membri naqas ukoll, bi 12 %. Din il-konverġenza parzjali tal-prezzijiet timplika li l-politiki tal-UE li jippromwovu aktar kompetizzjoni, li tirriżulta mill-akkoppjament tas-suq u l-kummerċ transfruntier, qed ikollhom impatt pożittiv. Minkejja dan, seba’ Stati Membri 12 fil-fatt raw żieda fil-komponent tal-enerġija matul il-perjodu li, f’xi każijiet, tista’ tkun indikazzjoni ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni fil-prezzijiet fil-livell tal-bejgħ bl-imnut, li tippermetti lill-fornituri jevitaw milli jgħaddu lil konsumaturi t-tnaqqis irreġistrat fil-prezzijiet tal-bejgħ bl-ingrossa.

Il-komponent tan-netwerk tal-industrija żdied bi 3.2 % kull sena matul il-perjodu u s-sehem tal-komponent tat-taxxi u l-imposti żdied b’mod sinifikanti, minn 12 % għal 32 % tal-prezz. Bħala medja, kważi żewġ terzi tal-komponent tal-prezz tan-netwerk huma attribwiti għan-netwerks ta’ distribuzzjoni, iżda d-dejta tibqa’ dgħajfa minħabba l-metodi tal-kalkolu li jvarjaw fost l-Istati Membri. Fir-rigward tal-prezzijiet tal-unitajiet domestiċi, id-dejta tal-komponent tat-taxxi u l-imposti industrijali nqasmet f’subkomponenti.7 Peress li xi subkomponenti (VAT u xi taxxi oħra) huma rimborżati lill-industrija, dan il-komponent għadu aktar baxx b’mod sinifikanti minn dak tal-unitajiet domestiċi: L-industrija tħallas EUR 34/MWh u l-unitajiet domestiċi jħallsu EUR 79/MWh.



Il-prezzijiet internazzjonali tal-elettriku

Filwaqt li huwa ċar li l-prezzijiet tal-elettriku industrijali tal-UE jvarjaw b’mod sinifikanti fl-Istati Membri u s-setturi, xorta waħda huwa importanti li jiġu nnutati xejriet medji differenti fid-dinja kollha.

Figura 8:    Il-prezzijiet medji tal-elettriku għall-industrija fl-UE u s-sħab kummerċjali ewlenin

Sors: Il-Ministeru Brażiljan tal-Minjieri u tal-Enerġija, iċ-Ċentru Ċiniż ta’ Monitoraġġ tal-Prezzijiet, NDRC, il-Kumpanija tal-Elettriku tal-Istat Indoneżjan, is-Servizz tal-Istatistika tal-Istat Federali Russu; Id-dejta tal-EIA għat-Turkija, il-Korea, il-Ġappun, l-Istati Uniti u l-Messiku.

L-analiżi turi li, bħala medja, il-prezzijiet tal-elettriku industrijali fl-UE huma notevolment aktar baxxi minn dawk tal-Ġappun, ftit jew wisq simili għal tal-Brażil, iċ-Ċina u t-Turkija, u ogħla minn tal-Korea, tal-Istati Uniti, tar-Russja u tal-Indoneżja. Bejn l-2008 u l-2015, fl-UE, il-prezzijiet żdiedu bi 17 %, iżda ż-żidiet fil-prezzijiet kienu sinifikattivament ogħla fiċ-Ċina (66 %), fl-Indoneżja (41 %), fil-Ġappun (34 %) u fl-Istati Uniti (32 %). L-analiżi tinkorpora l-effett tar-rati tal-kambju, li huwa sinifikanti f’xi każijiet (eż. l-apprezzament tal-yuan jispjega ż-żieda għaċ-Ċina; il-prezzijiet żdiedu biss marġinalment f’munita nazzjonali). It-Tabella 1 turi l-iżvilupp tal-proporzjonijiet tal-prezzijiet tal-UE ma’ dawk tas-sħab kummerċjali tagħha.

Tabella 1:    Il-prezzijiet tal-elettriku tal-UE għall-industrija meta mqabbla ma’ pajjiżi oħra

Sena

L-Istati Uniti tal-Amerka

Il-Ġappun

Il-Brażil

Iċ-Ċina

It-Turkija

Ir-Russja

2012

2.2

0.4

0.8

1.1

0.9

2.1

2013

1.9

0.4

0.9

1.1

1.0

2.2

2014

1.3

0.4

0.8

1.1

1.1

2.6

2015

1.7

0.5

m.a.

1.0

1.0

3.5

Sors: EIA, Platts, il-Ministeru Brażiljan tal-Minjieri u l-Enerġija, iċ-Ċentru Ċiniż ta’ Monitoraġġ tal-Prezzijiet, is-Servizz tal-Istatistika tal-Istat Federali Russu

Pereżempju, il-prezzijiet tal-UE kienu 2.2 darbiet ogħla minn dawk fl-Istati Uniti u waqgħu għal 1.7 darba.



3.Il-prezzijiet tal-gass fl-Ewropa

Il-gass jikkostitwixxi 23 % tal-konsum primarju tal-enerġija tal-UE. Jissupplixxi 15 % tal-elettriku tagħna u kważi terz tal-ħtiġijiet tal-enerġija finali tal-unitajiet domestiċi u tal-industrija. Fl-istess ħin, l-UE jenħtiġilha dejjem aktar li timporta l-gass 13 minn għadd limitat ta’ fornituri. Għal din ir-raġuni, il-prezzijiet huma aktar esposti għal xejriet globali u swieq li jiffunzjonaw tajjeb u l-infrastruttura hija saħansitra aktar importanti.

Figura 9:    Ix-xejriet tal-prezzijiet tal-bejgħ bl-ingrossa tal-gass tal-UE

Sors: Platts

Sal-2013, il-prezzijiet tal-bejgħ bl-ingrossa tal-gass tal-UE kienu qed jiżdiedu iżda naqsu b’aktar minn 50 % minn dak iż-żmien. Aktar milli huwa l-każ bl-elettriku, tnaqqis evidenti ta’ dan l-aħħar fil-prezzijiet tal-gass bl-ingrossa fl-Ewropa huwa kkawżat minn żviluppi globali. Domanda globali dgħajfa li ġejja minn irkupru ekonomiku kajman u l-ftuħ mill-ġdid ta’ ċerti stazzjonijiet Ġappuniżi tal-enerġija nukleari, kuntratti (li jaqgħu) tal-gass indiċjat mal-prezz taż-żejt u żidiet sinifikanti fil-provvista tal-LNG iġġeneraw pressjoni 'l isfel u wasslu għal konverġenza tal-prezzijiet tal-gass bl-ingrossa.

Il-prezzijiet tal-bejgħ bl-imnut tal-gass fl-Ewropa

Fl-UE l-prezzijiet tal-gass għall-unitajiet domestiċi żdiedu mill-2008 bi kważi 2 % kull sena. Il-prezzijiet kkonverġew sostanzjalment f’dak il-perijodu, iżda l-ogħla prezzijiet (SE) għadhom kważi erba’ darbiet ta’ dak l-aktar baxx (RO).



Figura 10:    Il-komponenti tal-prezzijiet medji tal-bejgħ bl-imnut tal-gass tal-unitajiet domestiċi tal-UE

Sors: L-Istati Membri, il-ġbir tad-dejta mill-Kummissjoni



Figura 11:    Il-prezzijiet medji tal-bejgħ bl-imnut tal-gass tal-unitajiet domestiċi fl-2015

Sors: L-Istati Membri, il-ġbir tad-dejta mill-Kummissjoni

Il-komponent tal-enerġija żdied b’0.3 % biss bejn l-2008 u l-2015, minkejja li kien hemm varjazzjonijiet f’dak il-perjodu. Il-komponent tan-netwerk żdied bi 2.5 % kull sena filwaqt li kkontribwixxa b’mod sinifikanti żieda globali fil-prezz. Il-komponent tat-taxxi u l-imposti ra żieda ta’ 4.2 %, EUR 15.6  MWh. Iż-żieda ta’ dan l-aħħar komponent kienet l-aktar xprunata minn taxxi ġenerali. (Subkomponenti mhumiex sinfikanti u huma diskussi fid-dokument ta' Ħidma tal-Persunal).

Il-prezzijiet tal-gass għall-konsumaturi industrijali 14 l-kbar fl-2015 kienu inqas minn dawk fl-2008. Il-komponent tal-enerġija baqa’ bil-bosta l-akbar komponent u għalhekk l-ixprun l-aktar prominenti tal-prezz. L-impatt tat-taxxi u l-imposti huwa baxx u jirrappreżenta biss 8 % tal-prezz. Il-prezzijiet tal-gass industrijali huma aktar iddeterminati mill-prezzijiet internazzjonali tal-prodotti bażiċi milli mit-taxxi u l-imposti nazzjonali diverġenti ħafna, u b’hekk il-prezzijiet għall-konsumaturi industrijali l-kbar juru varjazzjoni relattivament żgħira fl-Ewropa kollha. Il-kompożizzjoni tal-prezzijiet għall-konsumaturi industrijali l-kbar baqgħet stabbli ferm matul iż-żmien. Il-prezz tal-gass industrijali juri l-akbar passthrough tal-prezz tal-bejgħ bl-ingrossa fuq il-prezz tal-bejgħ bl-imnut u kkonverġa fis-swieq nazzjonali kollha bi 58 % mill-2008 li jindika li s-swieq tal-gass fl-UE huma aktar integrati u kompetittivi milli kienu fil-passat.

Figura 12:    Il-komponenti medji fl-UE tal-prezzijiet tal-bejgħ bl-imnut tal-gass tal-konsumaturi industrijali l-kbar

Sors: L-Istati Membri, il-ġbir tad-dejta mill-Kummissjoni



Figura 13:    Il-prezzijiet medji fl-UE tal-prezzijiet tal-bejgħ bl-imnut tal-gass tal-konsumaturi industrijali l-kbar fl-2015

Sors: L-Istati Membri, il-ġbir tad-dejta mill-Kummissjoni

Figura 14:    Il-prezzijiet internazzjonali tal-gass

 

Sors: Platts, ThomsonReuters

Il-prezzijiet internazzjonali tal-gass kienu juru konverġenza notevoli fl-2014 u kmieni fl-2015. Il-proporzjon bejn il-prezzijiet tal-gass tal-UE u l-prezzijiet tal-gass tal-Istati Uniti żviluppa b’mod pożittiv matul l-aħħar sentejn. Il-prezzijiet tal-gass fl-UE kienu fil-medja darbtejn u nofs il-prezzijiet tal-gass tal-Istati Uniti fl-2015 filwaqt li fl-2012 dan il-proporzjon kien bejn 3 u 5. Dan kien ikkawżat minn fatturi bħalma huma provvisti globali dejjem jikbru tal-gass u aċċess Ewropew għal-LNG, domanda Ewropea u Asjatika aktar dgħajfa u prezzijiet tal-gass b’indiċjar taż-żejt. Il-prezzijiet tal-LNG Asjatiku naqsu b’mod sinifikanti fl-2014 tant li kkonverġew mal-prezzijiet Ewropej sa kmieni fl-2015.



Tabella 2:    Il-prezzijiet tal-gass tal-UE għall-industrija meta mqabbla ma’ pajjiżi oħra

Sena

L-Istati Uniti tal-Amerka

Il-Ġappun

Ir-Russja

Iċ-Ċina

Il-Brażil

It-Turkija

2012

3.3

0.6

4.0

1.0

1.0

1.2

2013

2.7

0.6

4.1

1.0

0.8

1.2

2014

1.9

0.6

4.3

0.9

0.9

1.3

2015

2.5

0.9

5.1

0.7

mhux applikabbli

1.2

Sors: EIA, Platts, il-Ministeru Brażiljan tal-Minjieri u l-Enerġija, iċ-Ċentru Ċiniż tal-Monitoraġġ tal-Prezzijiet, is-Servizz tal-Istatistika tal-Istat Federali Russu. Għall-Istati Uniti u l-Ġappun, id-dejta dwar il-prezzijiet tal-bejgħ bl-ingrossa u tal-importazzjoni tal-LNG jitqabblu mal-prezzijiet tal-importazzjoni tal-LNG fl-Ewropa tal-Punent.

Pereżempju, il-prezzijiet tal-UE kienu 3.3 darbiet ogħla minn dawk fl-Istati Uniti u waqgħu għal 2.5 darbiet.



4.Il-prezzijiet tal-prodotti taż-żejt fl-Ewropa

Il-prezzijiet taż-żejt mhux raffinat ilhom jonqsu sa minn nofs l-2014, xprunati minn domanda dgħajfa u tkabbir robust tal-provvista. Minn quċċata ta’ USD 115/bbl f’Ġunju 2014, Brent niżel għal USD 26/bbl fl-20 ta’ Jannar 2016, l-aktar livell baxx li qatt kellu mill-2003. Dan ifisser li l-prezz naqas bi 77 % f’19 -il xahar. Sa Ġunju 2016, il-prezzijiet kienu rkupraw għal USD 50/bbl u minn dak iż-żmien 'l hawn laħqu l-firxa ta’ USD 4050/bbl.

It-tnaqqis f’daqqa fil-prezzijiet taż-żejt għadda fis-swieq tal-konsumaturi, imma l-effetti tiegħu huma mitigati mid-deprezzament tal-euro u mid-dazji tas-sisa fuq il-prodotti taż-żejt li jirrapreżentaw proporzjon kbir tal-prezz għall-konsumatur. Madankollu, il-prezzijiet għall-konsumatur tal-petrol u tad-diżil (inklużi t-taxxi u l-imposti) naqsu b’24 % u 28 % rispettivament bejn l-aħħar ta’ Ġunju 2014 u nofs Frar 2016, meta l-prezzijiet tal-bejgħ bl-imnut missew il-qiegħ u l-medja tal-prezzijiet Ewropej għall-konsumatur f'dak li għandu x'jaqsam mal-fjuwils tal-karozzi kienu fil-livell l-aktar baxx tagħhom mill-2009.

It-taxxi u l-imposti fuq il-petrol u d-diżil tal-karozzi huma għoljin, iżda ftit li xejn varjaw matul iż-żmien. Id-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija tal-UE 15 tistabbilixxi rati minimi ta’ dazju tas-sisa iżda kważi l-Istati Membri kollha jagħżlu li jistabbilixxu rati ogħla. Id-dazji tas-sisa fuq il-petrol ivarjaw minn EUR 0.36/litru fil-Bulgarija (ir-rata minima) sa EUR 0.77/litru fil-Pajjiżi l-Baxxi. Għal għadd ta’ raġunijiet ambjentali, ekonomiċi u fiskali, il-petrol u d-diżil huma bażi fiskali sinifikanti għall-Istati Membri. Fl-2015, it-taxxi ammontaw għal 63 % tal-medja tal-prezzijiet tal-bejgħ bl-imnut tal-petrol u 57 % tal-prezz tad-diżil.

Figura 15:    Kategorizzazzjoni tal-prezzijiet tal-petrol skont l-Istat Membru (2015)

Sors: Il-Kummissjoni Ewropea

5.L-ispejjeż tal-enerġija fl-Ewropa

Mid-diskussjoni ta’ hawn fuq, huwa ċar li l-prezzijiet tal-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku, tal-gass u tal-petrol naqsu minħabba għadd ta’ fatturi (pereżempju, żieda fil-provvista kif ukoll tnaqqis fid-domanda). Dan irriżulta fi tnaqqis tal-prezzijiet bl-imnut tal-prodotti tal-petroleum. Madankollu, il-prezzijiet tal-bejgħ bl-imnut tal-elettriku u tal-gass baqgħu kostanti jew għolew xi ftit hekk kif żieda fl-ispejjeż tan-netwerk, it-taxxi u l-imposti assorbew tali tnaqqis fil-prezzijiet bl-ingrossa. Dawn it-tendenzi tal-prezzijiet, flimkien mal-konsum tagħna tal-enerġija, huma importanti biex jiġi analizzat l-impatt fuq l-ispejjeż tal-enerġija tal-unitajiet domestiċi u l-industrija.

5.1    In-nefqa tal-unitajiet domestiċi fuq l-enerġija

Għall-unitajiet domestiċi, il-konsum finali tal-enerġija tal-elettriku, tal-gass u taż-żejt għat-tisħin naqas jew żdied biss bi ftit mill-2008 'l hawn. Madankollu, iż-żieda fil-prezzijiet tal-bejgħ bl-imnut tal-elettriku u tal-gass fissret li n-nefqa tal-enerġija tal-unitajiet domestiċi tal-UE (eskluż it-trasport (petrol), li hu rrappurtat separatament) żdiedet minn 5.3 % tan-nefqa tal-unitajiet domestiċi fl-2008 għal 5.8 % fl-2014. Fl-istess ħin t-tnaqqis fil-prezzijiet tal-bejgħ bl-imnut tal-prodotti tal-petroleum kkontribwixxa għat-tnaqqis fl-infiq fuq il-fjuwil għat-trasport, li naqas minn 4.3 % għal 3.9 % tan-nefqa ta’ kull unità domestika.

Figura 16:    Prodotti differenti għall-konsumatur fin-nefqa tal-konsum tal-unitajiet domestiċi (2014)

Sors: Il-Kummissjoni Ewropea, l-istituti nazzjonali tal-istatistika u kalkolu proprju.

Il-valur medju tan-nefqa tal-enerġija tal-unitajiet domestiċi (separati mit-trasport) jaħbi varjazzjonijiet kbar bejn l-Istati Membri (aktar sinjuri u inqas sinjuri, isħan u iksaħ) u fil-kategoriji kollha ta' dħul fl-Istati Membri. Is-sehem ivarja minn 3 % f’Malta għal 14.5 % fis-Slovakkja. Analiżi tat-tipi differenti tal-unitajiet domestiċi turi li unitajiet domestiċi aktar fqar jonfqu sehem akbar tad-dħul tagħhom fuq l-enerġija mill-unitajiet domestiċi aktar sinjuri.



Figura 17: Is-sehem tan-nefqa tal-enerġija tal-unitajiet domestiċi skont il-kategorija ta' dħul (2014)

Sors: Il-Kummissjoni Ewropea, l-Istituti Nazzjonali tal-Istatistika u kalkolu proprju.

Bħala medja, is-sehem tan-nefqa tal-unitajiet domestiċi li jkopri l-enerġija huwa 8.6 % għall-ifqar unitajiet domestiċi (b’kuntrast ma’ 5.7 % fl-2004), 6.2 % għall-unitajiet domestiċi ta’ dħul medju u 4.3 % għal dawk ta’ dħul għoli. Dan juri li fi żmenijiet ta’ tkabbir ekonomiku baxx, il-konsumaturi vulnerabbli meta mqabbla mal-unitajiet domestiċi medji huma relattivament aktar affettwati minn żidiet fil-prezzijiet u dan jissottolinea l-bżonn ta’ miżuri soċjali li jimmiraw lejn konsumaturi vulnerabbli biex jiġi indirizzat il-faqar marbut mal-enerġija.

L-analiżi turi wkoll li l-unitajiet domestiċi f’xi Stati Membri rreaġixxew għall-prezzijiet u l-kostijiet tal-enerġija li dejjem qed jiżdiedu billi naqqsu l-konsum tal-enerġija tagħhom (ara l-Figura 18). Il-konsum tal-enerġija tal-unitajiet domestiċi tal-UE (għajr it-trasport) naqas matul il-perjodu b’madwar 4 %, minkejja ż-żieda fin-numru u d-daqs tal-unitajiet domestiċi. Dan kien dovut l-aktar għall-iffrankar enerġetiku. F’ħafna każijiet, dan kien ir-riżultat ta’ titjib fl-effiċjenza tal-użu tal-enerġija fid-djar, iżda jista' jkun li f’xi pajjiżi r-restrizzjonijiet fil-kapaċità tal-akkwist ikkaġunaw it-tnaqqis drammatiku fil-konsum.



Figura 18:    Bidliet fil-konsum tal-elettriku f’xi Stati Membri (20042013)

Sors: Il-bażi tad-dejta ODYSSEE

5.2    L-ispejjeż tal-enerġija għall-industrija

L-iżviluppi fil-prezzijiet tal-enerġija f’dawn l-aħħar snin ma żidux is-sehem tal-ispejjeż tal-produzzjoni tal-enerġija għan-negozji Ewropej, li huma inqas minn 2 %. Madankollu, biex jitnaqqsu l-ispejjeż tal-enerġija għall-industrija, ħafna gvernijiet tal-Istati Membri jipprovdu sussidji permezz ta’ eżenzjonijiet u tnaqqis fit-taxxi u l-imposti fuq l-enerġija (pereżempju, imposti fuq l-enerġija rinnovabbli jew l-effiċjenza enerġetika, jew tariffi tan-netwerk). Skont il-karatteristiċi ta’ negozju u l-Istat Membru li fih hu bbażat, in-negozju jista’ jgawdi minn prezzijiet tal-enerġija ta’ 50 % aktar baxxi fl-istess settur.

Madankollu, għal xi industriji fejn l-ispejjeż tal-enerġija huma aktar sinifikanti u huma esposti ħafna għall-kompetizzjoni internazzjonali, hemm bżonn li jiġu eżaminati mill-qrib l-ispejjeż tal-enerġija. Dawn huma l-industriji intensivi fl-enerġija ta’ ċertu sinifikat ekonomiku u skopertura kummerċjali (fejn l-ispejjeż tal-enerġija jammontaw għal ta’ mill-anqas 3 % tal-ispejjeż totali tal-produzzjoni u sa 40 % bħala medja jew aktar f’xi każijiet). L-analiżi li saret għall-Kummissjoni turi li, għal 14-il settur magħżula, l-ishma tal-ispiża tal-enerġija u l-ispejjeż assoluti tal-enerġija naqsu f’ħafna mill-każijiet bejn l-2008 u l-2013. Dan hu riżultat ta’ tnaqqis fil-prezzijiet tal-enerġija, ta’ eżenzjonijiet u tnaqqis fit-taxxa, ta’ konsum aktar baxx tal-enerġija marbut ma’ livelli mnaqqsa ta’ enerġija, ta’ bidla fil-produzzjoni għal prodotti anqas intensivi fl-enerġija, tal-adozzjoni ta’ miżuri ta’ effiċjenza enerġetika u tnaqqis aktar kajman fil-fatturi l-oħra tal-ispiża ta’ produzzjoni.

Tqabbil internazzjonali tal-ispejjeż tal-enerġija

L-ekonomija globali tal-Ewropa mhix ekonomija ta’ intensità enerġetika kbira. Għal għexieren ta’ snin, l-UE ilha tirristruttura l-ekonomija tagħha fid-dawl ta’ tibdil fis-swieq domestiċi u globali u d-domanda għal prodotti differenti u, dejjem aktar, tas-servizzi. Ir-ristrutturar ġej ukoll mid-disponibbiltà tar-riżorsi li qed jinbidlu, is-sinjali tal-prezzijiet u l-iżviluppi teknoloġiċi. Madankollu, kif ġie innutat hawn fuq, ċerti industriji intensivi fl-enerġija qed jiffaċċaw kompetizzjoni internazzjonali. Għal din ir-raġuni, huwa importanti li jiġi eżaminat kif il-prezzijiet tal-enerġija u l-iżviluppi fl-ispejjeż fl-UE jikkomparaw mal-iżviluppi internazzjonali.

Kif irrimarkat fit-taqsimiet preċedenti, il-medja tal-prezzijiet tal-elettriku u tal-gass għall-industrija fl-UE żdiedet relattivament b’mod moderat bejn l-2008 u l-2015 u dik fil-pajjiżi Asjatiċi (iċ-Ċina, il-Korea ta’ Isfel u l-Ġappun b’mod partikolari) żdiedet b’mod ħafna aktar mgħaġġel.

Id-dejta (limitata) disponibbli għat-tqabbil tal-kostijiet tal-enerġija tal-industrija u l-intensitajiet enerġetiċi 16 madwar id-dinja tissuġġerixxi li l-industriji intensivi fl-enerġija huma ħafna aktar intensivi mill-industriji fl-Istati Uniti u fl-UE 17 . B’kuntrast, ċerti setturi tal-industrija tal-UE jidhru li huma aktar intensivi fl-enerġija mill-kontropartijiet tagħha fl-Istati Uniti. Minkejja dan, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, l-enerġija tidher li tammonta għal proporzjonijiet iżgħar tal-ispejjeż ta’ produzzjoni tal-industriji intensivi fl-enerġija fl-UE minn dawk fl-Istati Uniti u proporzjonijiet akbar minn dawk fil-Ġappun. Madankollu, mill-2008, l-ishma tal-ispejjeż għall-enerġija naqsu aktar malajr fl-Istati Uniti milli fl-UE, u dan jindika li, lil hinn mill-prezzijiet aktar baxxi tal-enerġija fl-Istati Uniti, l-industrija intensiva fl-enerġija tal-Istati Uniti jista’ jkun ukoll li “m’għadhiex lura u qiegħda tlaħħaq”. Mill-2008, evidenza dwar titjib 18 fl-effiċjenza enerġetika f’ċerti industriji intensivi fl-enerġija tindika li dan jidher li naqqas mir-ritmu jew saħansitra waqaf. Fatturi bħal ambitu possibbilment limitat għat-titjib tekniku, rati mnaqqsa ta’ użu tal-kapaċità kif ukoll disponibilità insuffiċjenti ta’ kapital għall-investiment jistgħu jispjegaw dan.

6.Sussidji fuq l-enerġija u d-dħul tal-gvern

Suq tal-enerġija kompetittiv u li jiffunzjona tajjeb hu mistenni li jforni l-enerġija li l-unitajiet domestiċi u l-industrija għandhom bżonn b’mod l-aktar kosteffikaċi. Aktar ma s-sinjali tal-prezzijiet ikunu ċari u l-allinjament bejn il-prezzijiet u l-ispejjeż ta’ produzzjoni ikun qrib, aktar se jkun hemm effiċjenza enerġetika fil-produzzjoni u fil-konsum. Madankollu, f’diversi aspetti, is-suq tal-enerġija mhuwiex qed jiffunzjona kif suppost. Sensiela ta’ fallimenti tas-suq u tar-regolamentazzjoni wasslu lill-gvernijiet biex jintervjenu b’ħafna modi matul is-snin biex imexxu l-iżvilupp ta’ dan is-settur. Iddaħħlu miżuri regolatorji jew finanzjarji li jaffettwaw il-produtturi jew l-konsumaturi biex jintlaħqu l-għanijiet tal-politika bħalma huma t-tnaqqis fit-tniġġis u l-emissjonijiet tal-gassijiet serra, it-titjib tas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija jew it-tnaqqis fil-piż tal-ispejjeż tal-enerġija fuq l-unitajiet domestiċi fqar jew fuq in-negozji vulnerabbli. Dawn il-miżuri spiss jissussidjaw il-produzzjoni u l-konsum tal-enerġija u jistgħu jikkoreġu s-sinjali tal-prezzijiet biex jirriflettu l-fallimenti tas-suq. Dawn jinkludu miżuri espliċiti riflessi fil-prezzijiet, kif illustrati fis-subkomponenti tat-taxxi u l-imposti tal-enerġija diskussi hawn fuq. Madankollu, xi wħud minn dawn il-miżuri (pereżempju, xi miżuri marbuta mad-domanda tal-enerġija jew prezzijiet regolati inqas mill-valur reali) jistgħu jostru wkoll is-sinjali tal-prezzijiet li atrimenti jistgħu jorjentaw il-konsum u l-produzzjoni tal-enerġija, l-effiċjenza enerġetika u l-investiment. Is-sussidji fuq il-karburanti fossili huma partikolarment problematiċi, peress li jiżvantaġġaw l-enerġiji nodfa u jfixklu t-tranżizzjoni għal ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju.

Fl-2014, il-Kummissjoni pproduċiet studju estensiv dwar in-natura tal-ispejjeż tal-enerġija u s-sussidji fl-Ewropa 19 . Dan wera li l-firxa wiesgħa ta’ interventi tal-gvern ikkonstitwixxiet sussidji sinifikanti lis-settur tal-enerġija (it-trasport eskluż) li, fl-2012, kienu jammontaw għal EUR 113-il biljun li minnhom EUR 17.2-il biljun kienu għal sussidji diretti fuq il-karburanti fossili għall-elettriku u t-tisħin 20 ; karburanti fossili għat-trasport kienu stmati separatament għal EUR 24.7 biljun. Jekk jiġu applikati definizzjonijiet internazzjonali (IMF) usa’, spejjeż esterni inklużi, is-sussidji fuq il-karburanti fossili jitilgħu għal EUR 300 biljun 21 , kemm fl-UE kif ukoll fir-Russja, EUR 250 biljun fl-Indja, aktar minn EUR 2 050 biljun fiċ-Ċina u EUR 630 biljun fl-Istati Uniti. L-UE hija impenjata li tneħħi sussidji fuq il-karburanti fossili u sussidji li huma ta’ ħsara għall-ambjent, sabiex is-suq tal-enerġija isir iktar kompetittiv u s-sinjali tal-prezzijiet jissaħħu sabiex jgħinu ħalli jkun hemm allokazzjoni aktar effiċjenti tar-riżorsi f’konformità mal-impenji tal-UE immirati lejn it-tibdil fil-klima. It-tnaqqis relattiv reċenti fil-prezzijiet tal-enerġija għandu jagħmilha eħfef għall-gvernijiet biex ineħħu l-eżenzjonijiet fiskali u sussidji oħra fuq il-prezz u d-domanda tal-enerġija. Barra minn hekk, dan se jikkontribwixxi wkoll għall-konsolidazzjoni fiskali.

Forma aktar komuni ta’ intervent fis-swieq tal-enerġija hija t-tassazzjoni tal-enerġija. Kif indikat hawn fuq, din tista’ tintuża biex tikkoreġi fallimenti tas-suq, iżda l-gvernijiet spiss ifittxu wkoll bażijiet fiskali wiesgħa u stabbli biex iwettqu dħul pubbliku stabbli biex jiffinanzjaw l-infiq tal-gvern. Il-konsum tal-enerġija ilu jipprovdi din il-bażi. Fl-2014, it-taxxi fuq l-enerġija 22 miġbura mill-Istati Membri tal-UE ammontaw għal EUR 263 biljun, ekwivalenti għal 1.88 % tal-PDG tal-UE. Id-dazji tas-sisa huma l-akbar parti tat-taxxi fuq l-enerġija. Fl-2015, id-dħul mid-dazji tas-sisa biss jammonta għal EUR 227 biljun. Tnaqqis fil-konsum tal-prodotti tal-enerġija ma wassalx għal tnaqqis fid-dħul tat-taxxa tas-sisa, iżda l-Istati Membri spiss żiedu r-rata tad-dazju tas-sisa. Għalhekk, il-konsum tal-elettriku jkompli jipprovdi bażi fiskali importanti għad-dħul pubbliku, u dan jgħin jgħin lill-Istati Membri jikkonsolidaw pożizzjonijiet fiskali diffiċli. B’mod aktar ġenerali, it-tassazzjoni fuq l-enerġija jista’ jkollha impatt pożittiv fuq it-tkabbir imqabbel mat-tassazzjoni fuq ix-xogħol u l-investiment.

Il-prezzijiet tal-enerġija għandhom impatt ieħor fuq aspetti makroekonomiċi usa’ tal-ekonomija tal-UE, permezz tal-inflazzjoni. L-enerġija għandha rwol ċar fin-nefqa tal-unitajiet domestiċi u l-ispejjeż tal-industrija, kif ukoll rwol permezz tal-prezzijiet taż-żejt mhux raffinat, b’mod partikolari fis-settur tat-trasport. Bħala tali, il-prezzijiet tal-enerġija huma fattur sinifikanti li jaffettwa l-inflazzjoni. Il-qċaċet fil-prezzijiet tal-enerġija li dehru fl-2008 u fl-2011, dak iż-żmien ikkontribwixxew għal 1 % tal-inflazzjoni tal-UE, hekk kif bħalissa l-prezzijiet aktar baxxi qed ikollhom impatt deflazzjonarju fuq l-ekonomija tal-UE.



Figura 19:    L-impatt tal-prezzijiet tal-enerġija fuq l-inflazzjoni fl-UE

Sors: L-Eurostat

Konklużjoni

It-tnaqqis mgħaġġel fil-prezzijiet tal-prodotti tal-enerġija f’dawn l-aħħar snin, b’mod partikolari għaż-żejt kif ukoll għall-gass, ġej mill-bidla teknoloġika kif ukoll mill-iżviluppi ġeopolitiċi u tas-suq. Dan biddel ix-xenarju tal-enerġija b’mod drammatiku. Fl-Ewropa, importatur ewlieni tal-enerġija, kien hemm solliev temporanju li l-unitajiet domestiċi u n-negozji ħadu pjaċir bih fil-kundizzjonijiet ekonomiċi diffiċli u li ta spinta “ta’ darba” lill-ekonomija. Dan juri l-importanza li s-swieq globali jiġu żviluppati għall-enerġija, speċjalment għal reġjun li jimporta l-enerġija bħalma hi l-UE, u jċekken d-differenzi fil-prezz vis-à-vis reġjuni oħra. Dan huwa speċjalment rilevanti għall-gass, fejn l-iżvilupp globali tas-swieq tal-LNG u ta' sorsi ġodda ta’ provvista qegħdin joħolqu opportunitajiet għall-Ewropa: dan l-iżvilupp jista’ jgħin biex inaqqas id-differenza fil-prezzijiet tal-gass ma’ partijiet oħra tad-dinja bħall-Istati Uniti u, minn perspettiva ta’ dekarbonizzazzjoni, itejjeb is-sitwazzjoni kompetittiva tal-gass versus il-faħam.

Madankollu, prezzijiet orħos jistgħu itellfu l-attenzjoni minn fuq l-isfidi tal-enerġija li qed niffaċċjaw fis-sigurtà tal-enerġija, fil-kompetittività u t-tibdil fil-klima. Dawn għadhom hemm. Fil-fatt, id-dejta u l-analiżi f’dan ir-rapport juru stampa ħafna iktar sottili u jistgħu jgħinu biex jiġu identifikati l-aħjar approċċi u politiki filwaqt li niżviluppaw l-Unjoni tal-Enerġija f’ambitu tal-enerġija li qed jinbidel. Il-prezzijiet baxxi ma għandhomx jiġu injorati. Id-dejta f’dan ir-rapport turi kif il-provvista u d-domanda jistgħu jinbidlu malajr. Dan huwa aktar il-każ fir-rigward tar-riżorsi l-ġodda hekk kif il-gass tax-shale u l-bjar taż-żejt jiġu eżawriti malajr u jeħtieġuinvestiment ta’ sostituzzjoni kostanti biex tinżamm il-produzzjoni.

Filwaqt li ħafna mill-attività tan-negozju tinkorpora l-ispejjeż tal-enerġija bħala sehem mill-ispejjeż totali tal-produzzjoni, l-industriji intensivi fl-enerġija tal-Ewropa jibqgħu jkunu sensitivi għaż-żidiet fil-prezzijiet. Meta titkejjel mil-lat ta’intensità enerġetika, l-evidenza disponibbli tissuġġerixxi li l-industrija intensiva fl-enerġija tal-Istati Uniti tal-Amerika, f’xi setturi, qiegħda tlaħħaq mal-UE f’termini ta’ effiċjenza enerġetika. Aktar investiment fl-effiċjenza enerġetika jista’ jgħin fir-rimdeju ta’ dan, flimkien ma’ bidla għal prodotti innovattivi b’valur miżjud ogħla. B’differenzi kbar bejn l-Istati Membri, jeżistu tnaqqis u eżenzjonijiet sinifikanti fit-taxxa għal ċerti industriji intensivi fl-enerġija. Dawn is-sussidji għandhom jingħataw biss fejn huma meħtieġa biex jappoġġaw l-industrija Ewropea f’każ ta’ nuqqas ta’ ugwaljanza fil-kompetizzjoni internazzjonali filwaqt li jimminimizzaw id-distorzjonijiet fil-prezzijiet. B’mod aktar ġenerali, l-Istati Membri għandhom jieħdu vantaġġ mill-prezzijiet tal-enerġija li bħalissa huma aktar baxxi biex ineħħu sussidji u eżenzjonijiet fiskali mhux xierqa li jfixklu s-sinjali tal-prezzijiet u jipposponu t-tranżizzjoni għal ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju.

Għadd kbir ta’ fatturi jiffurmaw ix-xejriet tal-prezzijiet u l-ispejjeż tal-enerġija fl-Ewropa. Sejba waħda ċara ta’ dan ir-rapport hija d-diverġenza bejn l-iżviluppi tal-prezzijiet tal-bejgħ bl-ingrossa u bl-imnut tal-elettriku. Filwaqt li fl-2016 il-prezzijiet tal-bejgħ bl-ingrossa laħqu l-aktar livelli baxxi tagħhom fi 12-il sena, il-prezzijiet għall-unitajiet domestiċi żdiedu b’medja ta’ 2-3 % kull sena 23 . Dan jirriżulta minn funzjonament imtejjeb tas-suq imħallat ma’ fallimenti tas-suq, u żieda fit-taxxi u fl-imposti.

It-tnaqqis fil-prezzijiet tal-bejgħ bl-ingrossa hu marbut mal-prezzijiet tal-prodotti tal-enerġija, id-domanda imnaqqsa u l-funzjonament tas-suq imtejjeb, permezz tal-akkoppjament tas-swieq. Skont is-suq reġjonali, hemm kapaċità żejda fil-produzzjoni tal-enerġija u m’hemmx ħtieġa ta’ kapaċità ġdida sakemm kapaċità eqdem tirtira mis-suq. Anke miżuri nazzjonali bħal mekkaniżmi ta’ kapaċità u appoġġ għall-enerġija rinnovabbli jnaqqsu l-prezzijiet tal-bejgħ bl-ingrossa, ikomplu jnaqqsu d-dħul u jopponu r-riekwilibriju awtomatiku tas-sinjali tal-prezzijiet tas-suq Minħabba l-investiment ewlieni fil-kapaċità tal-ġenerazzjoni li se jkun hemm bżonn fit-terminu twil biex jinkisbu l-objettivi tas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, tal-kompetittività u tad-dekarbonizzazzjoni, l-UE għandha bżonn qafas ta’ politika dwar it-tfassil tas-suq u l-enerġija li jistrieħ fuq mekkaniżmi tas-suq, li jippermetti investiment fi produzzjoni flessibbli u b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju flimkien mal-ġestjoni tad-domanda, il-ħżin u l-konnettività transfruntiera.

It-tnaqqis fil-prezzijiet tal-bejgħ bl-ingrossa jidher li jgħaddi biss bil-mod u parzjalment għal għand il-konsumaturi tal-bejgħ bl-imnut, għalkemm b’rata iktar mgħaġġla għal klijenti industrijali. Dan jissuġġerixxi li l-kompetizzjoni fis-swieq tal-konsumaturi jistgħu jitjiebu aktar. Barra minn hekk, iż-żidiet fit-tariffi tan-netwerk, fit-taxxi u fl-imposti kienu fil-biċċa l-kbira ikbar mit-tnaqqis tal-prezzijiet tal-bejgħ bl-ingrossa. Tali żidiet jistgħu jkunu r-riżultat ta’ investimenti tassew meħtieġa f’interkonnessjonijiet transfruntieri u netwerks intelliġenti tal-enerġija, li jagħtu benefiċċji f’termini ta’ effiċjenza, ta' suq intern u ta' sigurtà tal-enerġija. Jistgħu jiddaħħlu żidiet fit-taxxi u l-imposti biex jikkoreġu fallimenti tas-suq, għal raġunijiet fiskali ġenerali jew direttament għall-finanzjament ta’ investiment fil-ġenerazzjoni tal-enerġija. (Huwa essenzjali li l-ispejjeż tas-sistema tal-enerġija jiġu koperti kompletament fi ħdan is-settur mill-konsumaturi, u li d-defiċit fit-trariffi ma jitħalliex jakkumula.) Madankollu, ma għandhomx inaqqsu l-inċentiv lill-produtturi tal-enerġija biex jinvestu. Il-pass-through dgħajjef tal-prezzijiet tal-bejgħ bl-ingrossa fuq il-prezzijiet tal-bejgħ bl-imnut u r-rispons tal-unitajiet domestiċi u l-industrija għall-prezzijiet jimplikaw li l-UE għandha tkompli tagħti spinta 'il quddiem lill-iżvilupp tas-suq intern tal-enerġija, b’mod partikolari bi tfassil tas-suq tal-elettriku li jiffunzjona. Is-swieq kompetittivi għandhom jiżviluppaw fl-UE kollha, fejn kemm l-konsumaturi kif ukoll il-produtturi jkunu jistgħu jirrispondu b’mod flessibli għas-sinjali tal-prezzijiet tal-bejgħ bl-ingrossa kif ukoll bl-imnut. Hemm bżonn ta’ prezzijiet tal-bejgħ bl-ingrossa tal-enerġija li jkopru bis-sħiħ l-ispejjeż tal-investiment u l-kostijiet operatorji jekk l-investiment fis-settur tal-enerġija għandu jkun immexxi mill-forzi tas-suq.

Fuq dawn l-aspetti kollha, il-proposti tal-Kummissjoni li ġejjin fuq it-tfassil tas-suq, is-swieq tal-konsumaturi, l-enerġija rinnovabbli u l-governanza huma essenzjali sabiex jiġi stabbilit settur tal-enerġija kompettitiv u innovattiv li jista’ jforni enerġija affordabbli lill-unitajiet domestiċi u lill-industrija tal-Ewropa filwaqt li jkun possibbli għall-industrija Ewropea li tikkompeti b’mod effettiv fl-ekonomija globali.

(1)

.    COM(2014) 21/2

(2)

   Dan wassal għall-proposta tal-Kummissjoni u l-adozzjoni tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatistika Ewropea tal-prezzijiet tal-gass naturali u tal-elettriku, ir-Regolament (UE) 2016/1952 tas-26 ta’ Ottubru 2016.

(3)

   Ara r-referenzi fil-Punt ta’ Azzjoni 8 tal-Qafas Strateġiku għall-Unjoni tal-Enerġija (Frar 2015) u l-pjan direzzjonali aġġornat għall-Unjoni tal-Enerġija (Novembru 2015).

(4)

   Simulazzjonijiet ta’ previżjoni tax-xitwa tal-2015 tal-Kummissjoni Ewropea.

(5)

     Il-prezz medju tal-elettriku Ewropew peżat skont Platts.

(6)

Pereżempju: Il-poter fis-suq tal-operaturi diġà stabbiliti, l-ostakli għad-dħul, il-prezzijiet regolati amministrattivament

(7)

     Il-prezzijiet medji jirreferu għall-prezzijiet medji peżati tal-UE28

(8)

     1. L-enerġija rinnovabbli u l-produzzjoni ta' elettriku u sħana fl-istess ħin;    
2. Soċjali (konsumaturi vulnerabbli, tariffi soċjali, tariffi bilanċjati tas-sistema tal-gżejjer, provvista tal-aħħar għażla, fondi tal-pensjonijiet, politiki dwar l-impjiegi);
   
3. Sostenn lis-settur nukleari;
   
4. Effiċjenza enerġetika;
   
5. Sigurtà tal-provvista (politiki ta’ sigurtà tal-provvista, sostenn għall-ġenerazzjoni lokali tal-elettriku/produzzjoni tal-fjuwil, tariffi ta’ ħażniet ta’ emerġenza);
   
6. It-tariffi ta’ konċessjoni (l-aktar għall-okkupazzjoni ta’ art pubblika);
   
7. L-Awtorità Regolatorja Nazzjonali (ARN) u s-suq (finanzjament tar-regolatur nazzjonali jew l-operatur tas-suq);
   
8. Imposti oħrajn (tinkludi R&D, annwalitajiet tad-defiċit, miżati tat-televiżjoni pubblika);
   
9. VAT;
   
10. Taxxi oħra (dazji tas-sisa (elenkati minn xi Stati Membri bħala taxxa fuq l-elettriku, taxxa fuq il-gass naturali, taxxa fuq l-enerġija, taxxa finali fuq il-konsum tal-enerġija, taxxa speċjali fuq l-enerġija, taxxa ambjentali) u taxxi bħal taxxi fuq id-distribuzzjoni, fuq it-trażmissjoni u fuq l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra).

(9)

     Fl-2015, 28 % tal-elettriku tal-UE ġie ġġenerat minn sorsi rinnovabbli.

(10)

     Fil-każ tal-konsumaturi industrijali, il-prezzijiet tal-bejgħ bl-imnut finali jeskludu l-VAT, peress li hija rimborsabbli.

(11)

     Fl-industrija, il-prezzijiet għall-konsumaturi l-kbar tal-enerġija (70 000-150 000 Mwh/fis-sena; jiġifieri, il-marġni tal-konsum tal-Eurostat IF) żdied b’ 0.8 %/fis-sena; il-konsumaturi medji (2 000-20 000 MWh/fis-sena; jiġifieri l-marġni ID) bi 2.3 %/fis-sena; u għal konsumaturi żgħar (20–500 MWh/fis-sena; jiġifieri marġni IB) bi 3.1 %. Dejta aggregata ma tirriflettix il-bidliet kollha fil-prezzijiet għall-kumpaniji individwali.

(12)

     HR, FR, IE, LV, PL, PT u UK.

(13)

     Fl-2015, id-dipendenza mill-importazzjoni tal-gass kienet 69 %.

(14)

     Dan jirreferi għall-konsumaturi industrijali b’konsum annwali ta’ bejn miljun u 4 miljuni GJ (il-Faxxa I5)

(15)

     Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta' Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta' enerġija u elettriku (ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51).

(16)

L-intensità enerġetika hija definita bħala l-enerġija użata għal kull Valur Miżjud Gross. L-intensità enerġetika tista’ tintuża bħala indikatur għall-effiċjenza enerġetika teknika iżda se tkun influwenzata minn fatturi ekonomiċi li jaffettwaw l-evoluzzjoni tal-Valur Miżjud Gross.

(17)

Id-dejta disponibbli ma tirrappreżentax kimiċi bażiċi, l-azzar jew l-aluminju.

(18)

L-enerġija użata għal kull unità fiżika ta’ produzzjoni

(19)

http://ec.europa.eu/energy/sites/ener/files/documents/ECOFYS%202014%20Subsidies%20and%20costs%20of%20EU%20energy_11_Nov.pdf

(20)

 Dan jinkludi sussidji fuq il-faħam ta’ EUR 9.7 biljuni u sussidji fuq il-gass ta’ EUR 6.6 biljuni; is-sussidji ġejjin minn passat marbut ma’ sussidji storiċi għall-investiment, sovvenzjonijiet ta’ investiment ta’ karburanti fossili, tariffi "feed-in", eżenzjonijiet mit-taxxa fuq il-fjuwil, produzzjoni tal-elettriku, dekummissjonar u rimi tal-iskart. (Sors: 2014 study on energy costs and subsidies, for transport (petroleum subsidies), quoting OECD inventory 2013.  https://ec.europa.eu/energy/sites/ener/files/documents/ECOFYS%202014%20Subsidies%20and%20costs%20of%20EU%20energy_11_Nov.pdf )

(21)

 2015 estimates ( https://www.imf.org/external/pubs/ft/wp/2015/wp15105.pdf )

(22)

     Taxxi ambjentali relatati mal-enerġija kif definiti skont ir-Regolament (UE) Nru 691/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kontijiet ekonomiċi ambjentali; dawn ma jinkludux il-VAT fuq il-prodotti tal-enerġija.

(23)

     Il-prezzijiet tal-elettriku industrijali żdiedu b’madwar 2 %; Il-prezzijiet tal-gass industrijali kienu stabbli jew naqsu.

Top