Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016DC0768

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI dwar l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-promozzjoni ta' attività fiżika favur is-saħħa fis-setturi kollha

    COM/2016/0768 final

    Brussell, 5.12.2016

    COM(2016) 768 final

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    dwar l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-promozzjoni ta' attività fiżika favur is-saħħa fis-setturi kollha


    1.Introduzzjoni u kuntest

    Il-Kunsill talab lill-Kummissjoni biex tirrapporta dwar il-progress fl-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-promozzjoni ta' attività fiżika favur is-saħħa (HEPA) fis-setturi kollha (minn hawn ‘il quddiem imsejħa "ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill"), 1 adottata f'Novembru 2013, kull tliet snin, u fuq il-valur miżjud tagħha. Dan ir-rapport ta’ progress ikopri l-perjodu 2014-2016.

    Il-biċċa l-kbira tal-Ewropej ma laħqux il-livelli minimi ta’ attività fiżika rrakkomandata mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) 2 . B’mod partikolari, il-persuni bi sfond soċjoekonomiku baxx, il-gruppi ta' minorità etnika u l-persuni b’diżabilità mhumiex fiżikament attivi biżżejjed. L-Istati Membri tal-UE għarfu l-ħtieġa li tingħata spinta lill-politiki tal-HEPA fil-livell nazzjonali u rrikonoxxew il-benefiċċji tal-azzjoni fil-livell tal-UE, u dan wassal għall-adozzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-HEPA fl-2013, fuq il-bażi ta’ proposta mill-Kummissjoni. Aktar reċentement, il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar il-promozzjoni tal-ħiliet motorji, l-attivitajiet fiżiċi u sportivi għat-tfal żgħar 3 . Huwa stieden lill-Istati Membri biex iqajmu kuxjenza dwar il-benefiċċji ta’ attività fiżika regolari minn tfulija bikrija ‘l quddiem u biex iħeġġu lit-tfal ikunu aktar attivi billi jimplimentaw politiki transsettorjali, pereżempju fis-setturi tal-edukazzjoni, taż-żgħażagħ u tas-saħħa.

    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE biex jaħdmu fis-setturi kollha u biex jinvolvu oqsma ta’ politika bħall-isport, is-saħħa, l-edukazzjoni, l-ambjent u t-trasport fl-istrateġiji nazzjonali u fil-pjanijiet ta’ azzjoni tagħhom. Hija tħeġġeġ ukoll lill-Istati Membri biex jikkooperaw mill-qrib ma’ xulxin u mal-Kummissjoni billi jiskambjaw informazzjoni u l-aħjar prattiki b’mod regolari. Barra minn hekk, il-Kunsill għaraf li informazzjoni aktar affidabbli u f’waqtha dwar is-sitwazzjoni madwar l-UE kienet essenzjali biex tappoġġja t-tfassil ta’ politika nazzjonali u reġjonali, u għalhekk ippropona qafas ta’ monitoraġġ ibbażat fuq il-Linji Gwida tal-UE għall-Attività Fiżika 4  ("il-qafas ta’ monitoraġġ tal-HEPA").

    2.Metodu

    Il-qafas ta’ monitoraġġ tal-HEPA huwa magħmul minn 23 indikatur li jkopru oqsma tematiċi differenti li huma rilevanti għall-HEPA: rakkomandazzjonijiet u linji gwida internazzjonali dwar l-attività fiżika, l-approċċ transsettorjali, l-isport, is-saħħa, l-edukazzjoni, l-ambjent (inkluż l-ippjanar urban u s-sikurezza pubblika), l-ambjent tax-xogħol, iċ-ċittadini anzjani, l-evalwazzjoni u s-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku.

    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill stiednet lil kull Stat Membru biex jinnomina punt fokali nazzjonali tal-attività fiżika biex jikkoordina l-ġbir ta’ informazzjoni għall-qafas ta’ monitoraġġ tal-HEPA fil-livell nazzjonali. It-28 Stat Membru kollha tal-UE nnominaw il-punti fokali tagħhom sa nofs l-2014 u n-netwerk ta’ punti fokali tal-attività fiżika tnieda f'Ruma f’Ottubru 2014. Fl-2015 inġabret dejta għall-użu fil-qafas ta’ monitoraġġ tal-HEPA, b’kooperazzjoni mad-WHO. Bl-appoġġ tal-Kummissjoni, in-netwerk iltaqa' f’Jannar 2015 u f’Ġunju 2015 biex jaqsam u jiddiskuti d-diffikultajiet li tfaċċaw, u f’April 2016 u f’Settembru 2016 biex jiddiskuti t-tagħlimiet miksuba u s-sensiliet futuri ta’ ġbir ta’ dejta.

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni ħadmet ma’ konsorzju ta’ riċerkaturi mmexxi mill-Università ta’ Erlangen-Nurnberg (il-Ġermanja) biex tipprovdi assistenza lill-punti fokali dwar il-qafas ta’ monitoraġġ tal-HEPA 5 . Il-konsorzju wettaq ukoll valutazzjoni indipendenti tal-qafas ta’ monitoraġġ u tal-proċess (l-istudju tal-HEPA) 6 . Bħala parti minn dan l-istudju, twettqet analiżi ta’ sitwazzjoni speċifika f’diversi pajjiżi, biex jinġabru feedback, tagħlimiet miksuba u suġġerimenti relatati mal-implimentazzjoni tal-qafas ta’ monitoraġġ tal-HEPA, u biex il-Kummissjoni tingħata rakkomandazzjonijiet għat-titjib ta’ elementi differenti tal-qafas ta’ monitoraġġ u tal-appoġġ ipprovdut lill-Istati Membri.

    Dan ir-rapport tal-progress huwa bbażat fuq kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri, li waslu prinċipalment permezz tan-netwerk ta’ punti fokali tal-attività fiżika u mid-WHO. Ir-rapport jibni fuq l-istudju tal-HEPA msemmi hawn fuq.

    3.Il-bażi ta’ dejta tad-WHO dwar in-Nutrizzjoni, l-Obeżità u l-Attività Fiżika (NOPA) u l-iskedi informattivi tal-pajjiżi dwar l-HEPA

    Id-dejta kollha miġbura permezz tal-qafas ta’ monitoraġġ tal-HEPA li ddaħħlet fil-bażi ta’ dejta eżistenti Ewropea tad-WHO dwar in-nutrizzjoni, l-obeżità u l-attività fiżika (NOPA) 7 . Il-komponenti ewlenin ta’ NOPA huma dejta epidemjoloġika u ta’ prevalenza, azzjonijiet ta’ politika u prattiki tajbin relatati man-nutrizzjoni, l-obeżità u l-attività fiżika. Il-Kummissjoni appoġġjat l-iżvilupp ulterjuri tad-WHO tal-partijiet tal-bażi ta’ dejta dwar l-attività fiżika, biex tadattahom fil-qafas ta’ monitoraġġ tal-HEPA u biex ittejjeb l-interfaċċa tal-utent.

    Il-Kummissjoni appoġġjat u kkooperat mill-qrib mal-Uffiċċju Reġjonali tad-WHO għall-Ewropa biex tiġbor il-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri fl-iskedi informattivi tal-pajjiżi dwar l-HEPA 8 . Dawn l-iskedi informattivi nħarġu f’Settembru 2015, fl-okkażjoni tal-Ġimgħa Ewropea tal-Isport. Huma jippreżentaw ħarsiet ġenerali speċifiċi għall-pajjiż dwar l-HEPA (inklużi prattiki tajbin), u jinkludu analiżi tax-xejriet tal-HEPA u tas-sitwazzjoni fl-UE. L-Uffiċċju Reġjonali tad-WHO għall-Ewropa rrapporta li f’Mejju 2016 l-iskedi informattivi tal-pajjiżi kklassifikaw fost l-ewwel 20 prodott ikkonsultati fuq is-sit web tad-WHO.

    4.L-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politika tal-HEPA fil-livell nazzjonali

    F’din l-ewwel sensiela ta’ ġbir ta’ dejta taħt il-qafas ta’ monitoraġġ tal-HEPA, 27 mit-28 pajjiż tal-UE 9 ħadu sehem fl-istħarriġ dwar l-implimentazzjoni tat-23 indikatur. Id-dejta miġbura tippreżenta ħarsa ġenerali tajba tas-sitwazzjoni attwali tal-promozzjoni tal-HEPA fl-UE. Din tista’ tiġi kkonsultata fil-bażi ta’ dejta NOPA tad-WHO. Ħarsa ġenerali hija pprovduta fl-iskedi informattivi tal-pajjiżi dwar l-attività fiżika ppubblikati mill-Uffiċċji Reġjonali tad-WHO għall-Ewropa u l-Kummissjoni.

    Wara l-adozzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill f’Novembru 2013, is-27 pajjiż li wieġbu kollha żviluppaw politiki nazzjonali jew pjanijiet ta’ azzjoni f’wieħed jew aktar mis-setturi koperti mill-qafas ta’ monitoraġġ tal-HEPA. B'mod partikolari, l-Istati Membri adottaw politiki ġodda fis-settur tal-isport (13-il Stat Membru), is-settur tas-saħħa (10 Stati Membri), is-settur tal-edukazzjoni (8 Stati Membri), fis-setturi tal-ambjent, l-ippjanar urban u s-sikurezza pubblika (inkluż it-trasport; tliet Stati Membri) u fis-settur taċ-ċittadini anzjani (3 Stati Membri). Madankollu, mill-152 politika u pjanijiet ta’ azzjoni rrapportati, ħafna minnhom kienu diġà bdew qabel ma ġiet adottata r-Rakkomadazzjoni tal-Kunsill.

    Indikatur jitqies implimentat meta Stat Membru jkun introduċa politika jew programm li jiġi ntraċċat bl-użu tal-indikatur. Fil-qafas ta’ monitoraġġ hemm 23 indikatur; 23 pajjiż implimentaw 10 indikaturi jew aktar, filwaqt li ħames pajjiżi implimentaw 20 jew aktar. Pajjiż wieħed biss indirizza u implimenta bis-sħiħ it-23 indikatur kollha tal-qafas ta’ monitoraġġ. Ta’ min jinnota li seba’ pajjiżi biss implimentaw politiki li jkopru l-oqsma tematiċi kollha tal-qafas ta’ monitoraġġ.

    Iċ-ċifra t’hawn taħt turi n-numru ta’ indikaturi implimentati mis-27 Stat Membru tal-UE.

    Ħarsa ġenerali lejn ir-riżultati tal-qafas ta’ monitoraġġ tal-HEPA skont il-qasam tematiku hija ppreżentata hawn taħt 10 .

    Rakkomandazzjonjiet tal-politika nazzjonali dwar l-attività fiżika għas-saħħa ġew stabbiliti minn 19-il pajjiż. Minn dawn, 18 huma mmirati lejn l-adulti, 17 jindirizzaw liż-żgħażagħ u 16 huma mmirati lejn adulti akbar fl-età. F’10 pajjiżi, ir-rakkomandazzjonijiet nazzjonali kienu bbażati fuq ir-rakkomandazzjonijiet tad-WHO. Ir-rakkomandazzjonijiet ta’ pajjiż wieħed segwew il-linji gwida tal-UE għall-attività fiżika. Tmien pajjiżi segwew rakkomandazzjonijiet internazzjonali oħrajn jew kombinazzjoni tagħhom.

    Total ta’ 16-il pajjiż irrapportaw li kellhom mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni nazzjonali għall-promozzjoni tal-HEPA speċifiku, żviluppat u implimentat bis-sħiħ. Pajjiż wieħed irrapporta kooperazzjoni b’saħħitha bejn il-ministeri li kellha l-istess effett bħal mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni, u erba’ pajjiżi oħra għandhom il-pjan li jintroduċu mekkaniżmu fi żmien sentejn.

    Fi 22 pajjiż ġew implimentati politiki nazzjonali dwar “l-isport għal kulħadd”. Seba’ pajjiżi implimentaw politiki li ma kinux dedikati esklużivament għall-“isport għal kulħadd”, iżda inkludew “l-isport għal kulħadd” bħala wieħed mis-suġġetti.

    Il-programmi dwar “Klabbs tal-Isport għas-saħħa” (li jħeġġu lil klabbs tal-isport jinvestu f’attivitajiet sportivi relatati mas-saħħa u fil-promozzjoni tas-saħħa bħala marbuta mal-attivitajiet sportivi) ġew implimentati f’seba’ pajjiżi. Żewġ pajjiżi oħrajn għandhom il-pjan li jimplimentaw tali programmi fil-futur qrib.

    Xi pajjiżi indirizzaw il-ħtiġijiet ta’ aktar minn grupp fil-mira wieħed b’mod integrat, filwaqt li oħrajn indirizzaw gruppi fil-mira partikolari skont is-settur tal-HEPA. B’mod partikolari, 10 pajjiżi rrapportaw li implimentaw oqfsa speċifiċi biex jappoġġjaw l-aċċess għal faċilitajiet ta’ rikreazzjoni jew ta’ eżerċizzju għal gruppi soċjalment żvantaġġati (immigranti jew persuni li huma soċjalment vulnerabbli). Żewġ Stati Membri ffukaw aktar fuq l-użu tal-isport bħala komponent integrali ta’ programmi ta’ riabilitazzjoni u ta’ riintegrazzjoni għal persuni b’diżabilità.

    Il-politiki tal-HEPA ġew implimentati fis-settur tas-saħħa fi 22 pajjiż. Taħriġ dwar l-attività fiżika ġie inkluż fil-kurrikuli għall-professjonisti tas-saħħa fi 17-il pajjiż. L-attività fiżika ġiet inkluża fil-moduli ta’ taħriġ għat-tobba u għall-fiżjoterapisti, f’14-il pajjiż; din ġiet inkluża fil-moduli ta’ taħriġ għall-infermiera fi tmien pajjiżi. Barra minn hekk, 13-il pajjiż implimentaw programmi biex jippromwovu konsulenza dwar l-attività fiżika minn professjonisti tas-saħħa. Dawn il-programmi kienu relatati l-aktar mal-prevenzjoni ta’ mard li ma jitteħidx u pprovdew gwida lill-professjonisti tas-saħħa, xi drabi fil-forma ta’ korsijiet onlajn mingħajr ħlas.

    Il-politiki tal-HEPA ġew implimentati f'19-il pajjiż b’rabta mal-ambjent, l-ippjanar urban, u s-sikurezza pubblika (inkluż it-trasport). Il-mixi ġie rrapportat bħala wieħed mill-mezzi ta’ trasport ewlenin għall-attivitajiet ta’ kuljum f’20 pajjiż; iċ-ċikliżmu kien fost l-ewwel tlieta fi tmien pajjiżi. Barra minn hekk, xi pajjiżi introduċew miżuri bħal inċentivi fiskali (pereżempju rifużjonijiet tal-VAT fuq roti mixtrija, eżenzjonijiet mit-taxxa u/jew kumpens għall-impjegati jekk jimxu jew jużaw ir-rota biex imorru għax-xogħol), tariffi għall-parkeġġ għaljin u ħlasijiet għall-konġestjoni.

    14-il pajjiż irrapportaw li implimentaw skemi ta’ vvjaġġar attiv lejn ix-xogħol (pajjiż ieħor għandu l-pjan li jagħmel dan fil-futur qrib), filwaqt li 12-il pajjiż implimentaw skemi biex iħeġġu l-attività fiżika fuq il-post tax-xogħol (sitt pajjiżi oħrajn għandhom il-pjan li jagħmlu dan fil-futur qrib).

    Erba’ pajjiżi rrapportaw li implimentaw il-linji gwida Ewropej għat-titjib tal-infrastruttura għal attività fiżika matul il-ħin liberu 11 fil-livell nazzjonali, u sitt pajjiżi oħrajn għandhom il-pjan li jagħmlu dan fil-futur qrib.

    Il-politiki tal-HEPA ġew implimentati fis-settur tal-edukazzjoni f’19-il pajjiż. Filwaqt li l-Istati Membri kollha implimentaw miżura li teħtieġ ċertu numru ta’ sigħat obbligatorji ta’ edukazzjoni fiżika fl-iskejjel (li jvarjaw minn kważi siegħa sa ħames sigħat skont il-grad u l-pajjiż/ir-reġjun), sitt pajjiżi ppermettew kombinazzjoni ta’ lezzjonijiet ta’ edukazzjoni fiżika obbligatorji u fakultattivi fl-iskejjel primarji, u ħamsa ppermettew dan fl-iskejjel sekondarji. Diversi pajjiżi rrapportaw ukoll li implimentaw diversi programmi ta’ promozzjoni tal-HEPA relatati mal-iskola: brejks attivi bejn il-lezzjonijiet (tmien pajjiżi), brejks attivi matul il-lezzjonijiet tal-iskola (erba’ pajjiżi), u attivitajiet extrakurrikulari (11-il pajjiż). Sabiex jiġi mħeġġeġ l-ivvjaġġar attiv lejn l-iskola, disa’ pajjiżi rrapportaw li implimentaw programmi b’miżuri sabiex iċ-ċikliżmu u l-mixi lejn l-iskola jsiru aktar sikuri. L-HEPA ġiet inkluża fit-taħriġ tal-għalliema tal-edukazzjoni fiżika f’20 pajjiż.

    L-interventi tal-komunità biex tippromwovi l-attività fiżika fost iċ-ċittadini anzjani ġew irrapportati fi 13-il pajjiż, fosthom żewġ pajjiżi li għandhom il-pjan li jimplimentaw tali proġetti fil-futur qrib (pereżempju programmi għat-tisħiħ tal-bilanċ u l-koordinazzjoni tal-adulti akbar fl-età, inkluż l-edukazzjoni dwar il-fraġilità u l-prevenzjoni tal-waqgħat u l-konsulenza dwar l-eżerċizzju).

    Kampanji ta’ komunikazzjoni ta’ suċċess biex titqajjem kuxjenza pubblika tal-benefiċċji tal-attività fiżika u biex jiżdied in-numru ta’ persuni li huma fiżikament attivi ġew irrapportati minn 18-il pajjiż. Pajjiż wieħed irrapporta mhux inqas minn 14-il kampanja differenti. Filwaqt li xi kampanji kienu mmirati lejn iċ-ċittadini kollha, oħrajn kellhom fil-mira gruppi vulnerabbli, bħat-tfal jew ċittadini anzjani. Is-sensibilizzazzjoni tal-kampanji xi drabi kienet fil-livell nazzjonali, filwaqt li xi drabi oħrajn din kienet limitata għal reġjun jew belt.

    5.Il-kejl tal-prevalenza tal-attività fiżika

    Il-monitoraġġ tax-xejriet u l-bidliet fil-livell tal-attività fiżika tal-popolazzjoni maż-żmien huwa importanti għall-iżvilupp, l-evalwazzjoni u t-titjib ta’ politiki nazzjonali dwar l-attività fiżika. Fi ħdan il-qafas ta’ monitoraġġ tal-HEPA, il-livelli ta’ attività fiżika fl-Istati Membri tal-UE ġew irrapportati bħala perċentwali ta’ adulti, tfal u adolexxenti li kienu qegħdin jilħqu l-livelli minimi ta’ attività fiżika rrakkomandati mid-WHO 12 .

    Sistemi għall-monitoraġġ tal-livelli ta’ attività fiżika tal-popolazzjoni ġew irrapportati li huma stabbiliti fi 17-il Stat Membru (5 oħra huma mistennija fi żmien sentejn). Madankollu, dawn is-sistemi kienu bbażati fuq varjetà ta’ strumenti ta’ stħarriġ u kwestjonarji differenti. Barra minn hekk, diversi pajjiżi rrapportaw dejta dwar livelli ta’ attività fiżika minn iżjed minn sors jew strument wieħed. 12-il pajjiż ipprovdew dejta dwar il-livelli ta’ attività fiżika tal-adulti minn studji nazzjonali indipendenti. Ġiet irrapportata wkoll dejta minn stħarriġ tal-UE (sitt pajjiżi rrapportaw dejta tal-Ewrobarometru 13 u żewġ pajjiżi użaw ir-riżultati tal-Istħarriġ Ewropew dwar is-Saħħa permezz ta’ Intervisti 14 bħala d-dejta nazzjonali tagħhom dwar il-livelli ta’ attività fiżika). Pajjiż wieħed irrapporta wkoll dejta mill-kejl oġġettiv tal-attività fiżika, bl-użu ta’ apparati bħall-aċċelerometri. Id-dejta għat-tfal u l-adolexxenti ġiet l-aktar mill-istħarriġ dwar l-Imġiba marbuta mas-Saħħa fi Tfal tal-Età tal-Iskola, 15 li jipprovdi sors ta’ dejta standardizzat aċċettat b’mod ġenerali għal paraguni u osservazzjonijiet ta’ xejriet internazzjonali, jew minn studji rappreżentattivi nazzjonali. Meta l-ebda dejta nazzjonali ma kienet disponibbli, ittieħdu stimi ta’ livelli ta’ attività fiżika mill-Global Health Observatory (l-Osservatorju Globali tas-Saħħa) tad-WHO 16 .

    Id-dejta rrapportata żvelat differenzi kbar fi ħdan u bejn il-pajjiżi, skont l-istrumenti u l-metodoloġiji ta’ stħarriġ li ntużaw. B'mod partikolari, kien hemm differenzi kbar bejn id-dejta li nkisbet permezz ta’ xi stħarriġ nazzjonali, stħarriġ tal-UE bħall-Ewrobarometru u l-Istħarriġ Ewropew dwar is-Saħħa permezz ta’ Intervisti, u speċjalment l-istimi tal-Osservatorju Globali tas-Saħħa tad-WHO. L-Istati Membri rrapportaw li huma kienu konxji ta’ din il-kwistjoni u tad-diffikultajiet relatati fir-rigward tal-iżgurar tal-validità u l-komparabbiltà tad-dejta dwar l-attività fiżika fl-UE. Il-pubblikazzjoni ta’ dejta kontradittorja minn strumenti ta’ stħarriġ differenti ġiet identifikata bħala tħassib għall-promozzjoni ta’ attività fiżika, u bħala kwistjoni li għandha tiġi indirizzata.

    6.Kooperazzjoni fuq l-HEPA bejn l-Istati Membri u mal-Kummissjoni

    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tħeġġeġ lill-Istati Membri jikkooperaw mill-qrib bejniethom u mal-Kummissjoni fuq il-promozzjoni tal-HEPA, billi jinvolvu ruħhom fi proċess ta’ skambju regolari tal-informazzjoni u l-aħjar prattiki. Il-Kummissjoni ġiet mistiedna biex tiffaċilita dawn l-iskambji u biex tappoġġja lill-Istati Membri fil-ħidma tagħhom f’dan il-qasam.

    Il-Grupp Espert dwar l-Attività Fiżika Favur is-Saħħa, li twaqqaf taħt il-Pjan ta’ Ħidma tal-UE għall-Isport 2014-2017, 17 kien inkarigat mill-koordinazzjoni tal-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill. Preżentazzjonijiet ta’ prattiki tajbin fil-promozzjoni tal-HEPA (inkluża riċerka ffinanzjata mill-UE 18 ), mill-Istati Membri u l-organizzazzjonijiet ta’ osservaturi, ġew inklużi b’mod sistematiku fil-laqgħat, 19 biex jiffaċilitaw l-iskambju ta’ esperjenza u tagħlimiet miksuba. Barra minn hekk, il-grupp espert ġabar sett ta’ prattiki tajbin mill-Istati Membri kollha u mill-organizzazzjonijiet sportivi li attendew il-laqgħat bħala osservaturi 20 . Dan kellu jipprovdi ispirazzjoni lil dawk il-pajjiżi li jinsabu fil-proċess li jiżviluppaw jew jimmodifikaw l-istrateġiji u l-politiki nazzjonali tagħhom. In-netwerk ta’ punti fokali ħoloq ukoll opportunitajiet għall-iskambju ta’ informazzjoni u għat-tagħlim bejn il-pari (diversi preżentazzjonijiet mill-Istati Membri ġew inklużi wkoll b’mod sistematiku fil-laqgħat tan-netwerks).

    Il-Kummissjoni appoġġjat lid-WHO fl-għoti ta’ assistenza teknika lil diversi Stati Membri li kienu qegħdin jiżviluppaw u jimplimentaw linji gwida nazzjonali għall-attività fiżika. B’mod aktar speċifiku, din appoġġjat l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ sett ta’ miżuri li għandu l-għan li jtejjeb il-promozzjoni tal-HEPA f’postijiet tal-kura tas-saħħa primarja fil-Kroazja, u l-iżvilupp ta’ strateġija nazzjonali dwar l-attività fiżika f’Malta u fil-Portugall.

    Barra minn hekk, il-kapitlu tal-isport tal-Programm Erasmus+, 21 li jkopri l-perjodu 2014-2020, jinkludi fl-objettivi tiegħu, il-promozzjoni ta’ sensibilizzazzjoni dwar l-importanza tal-HEPA, permezz ta’ aktar parteċipazzjoni fl-isport u aċċess ugwali għall-isport għal kulħadd. Fl-2014 u l-2015, l-UE kkofinanzjat total ta’ 26 sħubija kollaborattiva li għandhom l-għan li jħeġġu l-parteċipazzjoni fl-isport u fl-attività fiżika. Dawn il-proġetti ġew implimentati f’għadd sinifikanti ta’ Stati Membri, u b’hekk jilħqu liċ-ċittadini Ewropej fl-ambjenti lokali tagħhom, u jimmiraw lejn diversi sezzjonijiet tal-popolazzjoni, fosthom it-tfal, l-anzjani u l-persuni b’diżabilità. Il-programm Erasmus+ appoġġja l-isforzi ta’ diversi partijiet ikkonċernati li ġejjin mill-akkademja, l-awtoritajiet pubbliċi, l-NGOs u l-klabbs tal-isport fl-implimentazzjoni tal-linji gwida tal-UE għall-attività fiżika fl-Istati Membri.

    Finalment, l-Istati Membri u l-Kummissjoni jaħdmu wkoll flimkien fil-kuntest tal-Ġimgħa Ewropea tal-Isport, li hija inizjattiva madwar l-Ewropa kollha li tnediet fl-2015 u li għandha l-għan li tqajjem kuxjenza dwar il-benefiċċji tal-isport u l-attività fiżika, irrispettivament mill-età, l-isfond u l-livell ta’ idoneità. Fl-2015, ġew ikkofinanzjati ħames sħubiji fil-kuntest tal-Ġimgħa Ewropea tal-Isport, u tmienja fl-2016. L-ewwel żewġ edizzjonijiet kienu suċċess. Kienu involuti 31 pajjiż Ewropew, u l-inizjattiva kienet organizzata fi sħubija ma’ organizzazzjonijiet kbar sportivi u oħrajn relatati mal-isport, li impenjaw ruħhom biex jorganizzaw avvenimenti u b’mod aktar ġenerali biex jippromowvu l-attività fiżika. Il-Federazzjoni tal-Bliet u l-Bliet Kapitali Ewropej tal-Isport, li tiddeċiedi dwar il-premji tal-Bliet u tal-Bliet Kapitali Ewropej tal-Isport kull sena, kienet waħda minn dawn is-sħab.

    7.Statistika Ewropea dwar l-attività fiżika

    Peress li l-isport kiseb post importanti fl-istrateġiji u l-programmi Ewropej, hemm ħtieġa dejjem akbar għal statistika armonizzata u komparabbli biex jissaħħu l-politiki bbażati fuq l-evidenza f'dan il-qasam. Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill stiednet lill-Kummissjoni biex teżamina l-possibbiltà li tipproduċi statistika Ewropea dwar il-livelli ta’ attività fiżika fuq il-bażi ta’ dejta miġbura taħt il-qafas ta’ monitoraġġ tal-HEPA.

    Fl-2016, il-Eurostat u l-Kummissjoni bdew ixerrdu statistika armonizzata dwar il-prestazzjoni tal-attività fiżika, fuq il-bażi ta’ stħarriġ diġà eżistenti tal-UE 22 . B’mod partikolari, il-programm Ewropew tal-istatistika għall-2013-2017 23 jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet li skonthom għandha tiġi pprovduta l-istatistika dwar l-attività fiżika. Fl-2016, se tinxtered dejta dwar il-livelli ta’ attività fiżika u l-prattika tal-isport, l-idoneità u l-attivitajiet ta’ rikreazzjoni mit-tieni edizzjoni tal-Istħarriġ Ewropew dwar is-Saħħa permezz ta’ Intervisti 24 (EHIS) u l-Istħarriġ dwar l-Użu tal-Ħin 25 . Skont ir-Regolament qafas attwali tal-istatisika tas-saħħa pubblika, it-tielet edizzjoni tal-istħarriġ EHIS huwa ppjanat għall-2019; se jitwettaq stħarriġ sussegwenti skont ir-regolament li jmiss dwar il-ġbir ta’ stħarriġ dwar mikrodejta soċjali, li se jżid il-frekwenza tiegħu minn ħames għal sitt snin. Il-Eurostat, il-Kummissjoni u l-Istati Membri qegħdin jaħdmu flimkien biex jiftiehmu dwar l-istrumenti tal-istħarriġ.

    Fil-kuntest tal-qafas ta’ monitoraġġ tal-HEPA, żewġ Stati Membri biss użaw dejta mill-EHIS biex jirrapportaw dwar il-livelli ta’ attività fiżika. Il-limitazzjoni prinċipali ta’ dan l-istħarriġ hija li dan ma jinkludix attivitajiet rikreattivi bil-mod. Barra minn hekk, dan ma jivvalutax sa liema punt ir-rakkomandazzjonijiet tad-WHO dwar l-attività fiżika huma ssodisfati mill-popolazzjoni, kif inhu meħtieġ skont il-qafas ta’ monitoraġġ tal-HEPA. Tali limitazzjonijiet għandhom jiġu indirizzati jekk l-istħarriġ tal-EHIS ikollu jintuża bħala għodda ta’ monitoraġġ uniformi tal-attività fiżika madwar l-UE.

    8.Evalwazzjoni tal-valur miżjud tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill

    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill ipprovdiet lill-Istati Membri b’impetu biex tiġi indirizzata l-inattività fiżika fil-politika pubblika. Mill-152 politika u pjanijiet ta’ azzjoni totali rrapportati mill-Istati Membri fis-setturi kollha rilevanti għall-promozzjoni tal-HEPA, 37 ġew adottati wara li ġiet adottata r-Rakkomandazzjoni f’Novembru 2013. Jista’ jkun mistenni li l-Istrateġija tal-Attività Fiżika għar-Reġjun Ewropew 2016-2025 tad-WHO se tkompli ssaħħaħ l-inċentiv għall-Istati Membri li jaġixxu f'dan il-qasam 26 .

    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill ikkontribwiet ukoll biex ittejjeb il-monitoraġġ ta’ attività fiżika favur is-saħħa fl-Istati Membri tal-UE, minn dejta epidemjoloġika għal żviluppi ta’ politika. Bħala riżultat, diversi pajjiżi wessgħu, intensifikaw jew anke fformalizzaw in-netwerks transsettorjali nazzjonali tagħhom, jew għandhom il-pjan li jagħmlu dan fil-futur.

    Id-dejta miġbura taħt il-qafas ta’ monitoraġġ tal-HEPA pprovdiet, għall-ewwel darba, ħarsa ġenerali lejn l-implimentazzjoni tal-politiki relatati mal-HEPA u l-azzjonijiet madwar l-UE. Din l-informazzjoni ppermettiet li jsir paragun bejn is-sitwazzjoni attwali tal-implimentazzjoni tal-politika tal-HEPA bejn l-Istati Membri tal-UE u ffaċilitat l-iskambju ta’ prattika tajba, filwaqt li tipprovdi ispirazzjoni lil dawk il-pajjiżi li jinsabu fil-proċess li jiżviluppaw jew li jimmodifikaw l-istrateġiji u l-politiki nazzjonali tagħhom. L-eżiti se jkunu ta' benefiċċju għall-awtoritajiet nazzjonali u għall-partijiet ikkonċernati fl-identifikazzjoni tagħhom tal-ħtiġijiet ta’ politika u l-progress. Id-dejta miġbura fi ħdan il-qafas ta’ monitoraġġ tal-HEPA hija utli wkoll għal xi wħud mill-indikaturi ta’ monitoraġġ dwar l-attività fiżika fil-Pjanijiet ta’ Azzjoni tal-Istati Membri dwar L-Obeżità fit-Tfal 27 . L-ewwel sensiela ta’ monitoraġġ tikkostitwixxi linja bażi li fuqha se jiġu vvalutati sensiliet ta’ monitoraġġ sussegwenti biex jitkejlu l-evoluzzjoni u l-progress.

    L-użu ta’ pjanijiet ta’ evalwazzjoni biex jiġu vvalutati l-impatt u l-effettività tal-politiki u l-pjanijiet ta’ azzjoni fil-livell nazzjonali huwa kruċjali. Minn 152 politika jew pjanijiet ta’ azzjoni rrapportati, ħafna minnhom (116) kien fihom pjan ta’ evalwazzjoni. Madankollu ma kien hemm l-ebda informazzjoni rrapportata dwar jekk twettqux dawn l-evalwazzjonijiet.

    B’mod ġenerali, il-kontribuzzjonijiet tal-punti fokali lill-qafas ta’ monitoraġġ tal-HEPA kienu tajbin, li għandu jitqies bħala pożittiv ħafna għall-ewwel sensiela ta’ monitoraġġ. Għal sensiliet ta’ ġbir ta’ dejta futuri, ikun utli li jiġi modifikat l-istrument tal-istħarriġ għal diversi indikaturi u li jiġu definiti xi indikaturi b’mod aktar preċiż sabiex jitnaqqas il-marġni għall-interpretazzjoni (pereżempju liema linji gwida dwar l-istatus għandhom jiġu rrapportati). Dan se jippermetti li jsiru paraguni aħjar tad-dejta bejn il-pajjiżi.

    Il-valutazzjoni tal-ewwel sensiela ta’ monitoraġġ tiżvela kuntesti nazzjonali speċifiċi u problemi li rriżultaw meta l-parteċipanti wieġbu għall-istħarriġ. L-ewwel nett, in-natura transsettorjali tal-qafas ta’ monitoraġġ tal-HEPA tibqa’ sfida possibbli. Il-punti fokali setgħu ma kisbux xi informazzjoni fil-livell nazzjonali peress li huma ma kellhomx il-kuntatti jew ir-riżorsi tan-netwerk rilevanti barra mis-settur tagħhom stess. It-tieni nett, xi skemi u politiki mhumiex implimentati mill-gvernijiet nazzjonali iżda l-aktar fil-livell reġjonali jew lokali (pereżempju fil-pajjiżi federalisti), jew għandhom jiġu implimentati mill-partijiet ikkonċernati li ma jirrapportawx lura lill-gvernijiet. L-eżerċizzju ta’ monitoraġġ ma esplora l-ebda kisba fid-dettall fil-livell reġjonali u lokali. Sensiliet ta’ monitoraġġ futuri fi ħdan il-qafas ta’ monitoraġġ tal-HEPA jistgħu jitjiebu biex jiġu identifikati aħjar l-isforzi f'dawn il-livelli. It-tielet nett, l-Istati Membri pprovdew xi informazzjoni dwar il-finanzjament tal-HEPA iżda, peress li l-appoġġ finanzjarju għall-HEPA ġej minn politiki u linji baġitarji differenti fil-livell nazzjonali jew minn diversi livelli tal-gvern, f'dan l-istadju ma kienx possibbli rapportar bir-reqqa dwar dan l-indikatur.

    Il-kooperazzjoni strutturata mad-WHO fil-kuntest tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill wriet li hija ta’ benefiċċju reċiproku, u kienet tinkludi attivitajiet ta’ disseminazzjoni konġunti u titjib tal-bażi ta’ dejta NOPA. B’mod partikolari, il-punti fokali sabu utli l-appoġġ ipprovdut mill-Kummissjoni, mid-WHO u mill-esperti xjentifiċi.

    Il-Kummissjoni rċeviet feedback pożittiv dwar l-iskedi informattivi tal-pajjiżi mill-punti fokali u l-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar l-Isport. Il-kontenut u l-format tal-iskedi informattivi t-tnejn li huma tqiesu bħala xierqa. Ġie ssuġġerit li l-iskedi informattivi jiġu riveduti kull tliet snin, peress li dan jippermetti s-segwitu ta’ skemi u politiki ppjanati fi żmien xieraq.

    9.Konklużjonijiet

    Dan ir-rieżami tal-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill għall-2014-2016 juri diversi żviluppi pożittivi, fosthom: l-adozzjoni ta’ bosta politiki ġodda u pjanijiet ta’ azzjoni fil-livell nazzjonali; it-tisħiħ ta’ kooperazzjoni transsettorjali fil-livell nazzjonali; it-titjib ta’ monitoraġġ fil-livell nazzjonali; l-għoti ta’ ħarsa ġenerali lejn il-politiki u l-azzjonijiet relatati mal-HEPA fl-UE li sservi bħala sors ta’ dejta rikk ħafna għal analiżi ulterjuri; u kooperazzjoni transettorjali mtejba bbażata fuq skambju tal-aħjar prattiki.

    Fl-aħħar nett, is-suċċess tal-promozzjoni tal-HEPA jiddependi ħafna fuq il-kapaċità tal-Istati Membri li jimplimentaw ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill b’mod effettiv fis-setturi, u biex joffru liċ-ċittadini qafas li jiffavorixxi stil ta’ ħajja attiva. Madankollu, il-Kummissjoni se tkompli ssaħħaħ ukoll il-kooperazzjoni tagħha mal-partijiet ikkonċernatiinteressati ewlenin fl-Istati Membri.

    Id-dejta miġbura tippermetti li jiġu identifikati lakuni fil-politiki pubbliċi fil-livell nazzjonali. Madankollu, il-valutazzjoni tal-impatt u l-effettività tal-politiki eżistenti u l-pjanijiet ta’ azzjoni fil-livell nazzjonali tibqa’ kruċjali. Dan jeħtieġ dejta affidabbli dwar il-livelli ta’ attività fiżika fil-popolazzjoni. Il-pubblikazzjoni ta’ dejta kontradittorja minn strumenti ta’ stħarriġ differenti ġiet identifikata bħala kwistjoni li għandha tiġi indirizzata.

    Il-Kummissjoni tilqa’ l-fatt li l-Istati Membri jkomplu jinvestu fil-monitoraġġ u fis-sorveljanza tal-HEPA. Sensiliet ta’ monitoraġġ futuri ser jibnu fuq l-ewwel sensiela ta’ ġbir ta’ dejta u dan għandu jkun aktar faċli. Il-ġbir ta’ dejta mhuwiex għan fih innifsu; il-valur tiegħu jiddependi fuq kemm id-dejta tkun tista’ tipprevedi xejriet epidemjoloġiċi u jekk tkunx tista’ tidentifika ħtiġijiet u lakuni tal-politika, u prattiki tajbin li jistgħu jiġu kondiviżi.

    Billi tibni fuq prattiki tajbin identifikati madwar l-UE u lil hinn minnha, u fuq netwerks, strutturi u strumenti ta’ finanzjament eżistenti, il-Kummissjoni se tkompli l-ħidma tagħha biex tappoġġja lill-Istati Membri. Hija se tesplora l-possibbiltà li tipprovdi aktar assistenza teknika u xjentifika matul sensiliet ta’ monitoraġġ futuri. Il-Kummissjoni tqis li jkun utli li ssaħħaħ aktar il-kooperazzjoni tagħha mad-WHO u mal-komunità tar-riċerka, b’mod partikolari sabiex ittejjeb il-komparabbiltà tad-dejta miġbura madwar l-UE.

    Il-Kummissjoni se tissottometti r-rapport li jmiss dwar l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill u l-valur miżjud tagħha fi żmien tliet snin. Hija se tippreċedi dan l-eżerċizzju b’sensiela ġdida ta’ ġbir ta’ dejta fi ħdan il-qafas ta’ monitoraġġ tal-HEPA u t-tieni rilaxx ta’ skedi informattivi tal-pajjiżi dwar l-attività fiżika.

    (1)  ĠU C 354, 4.12.2013, p. 1.
    (2)  Ċifri mill-Ewrobarometru Speċjali dwar l-Isport u l-Attività Fiżika 2014 jindikaw li 6 minn kull 10 persuni li għandhom aktar minn 15-il sena qatt jew rari jagħmlu eżerċizzju jew jipprattikaw sport, u aktar minn nofshom qatt jew rari jinvolvu ruħhom f'tip ta’ attività fiżika oħra, bħaċ-ċikliżmu jew il-mixi, il-faċendi tad-dar jew ix-xogħol tal-ġnien. Bl-istess mod, skont id-WHO, 34 % biss ta’ żgħażagħ ta’ bejn it-13-15-il sena huma attivi biżżejjed biex jissodisfaw ir-rakkomandazzjoni attwali tad-WHO għat-tfal jew għaż-żgħażagħ.
    (3)  ĠU C 417, 15.12.2015, p.46
    (4)  Linji Gwida tal-UE għall-Attività Fiżika. Azzjonijiet Politiċi Rakkomandati b’Appoġġ għall-Attività Fiżika Favur is-Saħħa. Brussell: il-Kummissjoni Ewropea; 2008.
    (5)  Ġew ipprovduti sessjonijiet ta’ taħriġ permezz ta’ webinar, kif ukoll appoġġ kontinwu permezz tat-telefon u hotline tal-email.
    (6) http://bookshop.europa.eu/en/study-on-the-implementation-of-the-eu-physical-activity-guidelines-pbNC0116019/?CatalogCategoryID=CdcKABstHUgAAAEjBJEY4e5L  Studju dwar l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida tal-UE għall-Attività Fiżika — Rapport Finali — Università Friedrich-Alexander , Erlangen-Nürnberg ().
    (7) http://www.whonopa.eu/  .
    (8) http://www.euro.who.int/en/health-topics/disease-prevention/physical-activity/country-work  .
    (9)  Promoting physical activity for health in the European Union:
    (10)  Promoting physical activity for health in the European Union: current state of surveillance, policy development and implementation (Il-promozzjoni tal-attività fiżika għas-saħħa fl-Unjoni Ewropea: l-istat attwali tas-sorveljanza, tal-iżvilupp tal-politika u tal-implimentazzjoni): Jelena Jakovljevic, Joao Breda, Olivier Fontaine, Susanne Hollmann, Alfred Rutten, Gauden Galea [għadu mhux ippubblikat].
    (11)  Għal aktar informazzjoni dwar il-proġett iffinanzjat mill-Kummissjoni “Improving infrastructure for leisure time physical activity in the local arena” (“Titjib tal-infrastruttura għal attività fiżika matul il-ħin liberu fl-arena lokali”) IMPALA ara http://www.impalaeu.org/fileadmin/user_upload/IMPALA_guideline_draft.pdf. Proġett ta’ segwitu tal-Erasmus+ huwa implimentat fl-2015-2017 (IMPALA.net).
    (12) http://www.who.int/dietphysicalactivity/factsheet_recommendations/en/  .
    (13)  http://ec.europa.eu/health/nutrition_physical_activity/docs/ebs_412_en.pdf.
    (14) http://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php/Glossary:European_health_interview_survey_%28EHIS%29  .
    (15) http://www.hbsc.org/  .
    (16) http://www.who.int/gho/en/  .
    (17) http://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/ALL/?uri=CELEX:42014Y0614 %2803 %29  (2014/C 183/03) .
    (18) Is-seba’ Programm Qafas u l-proġetti tal-Orizzont 2020
    (19) http://ec.europa.eu/sport/policy/cooperation/expert-groups-2014-2017_en.htm  Ara r-rapporti tal-laqgħat: .
    (20) http://ec.europa.eu/sport/policy/cooperation/expert-groups-2014-2017_en.htm  .
    (21) https://ec.europa.eu/programmes/erasmus-plus/node_en  .
    (22)  http://ec.europa.eu/eurostat/documents/4031688/7203321/KS-04-15-823-EN-N.pdf/b911c74d-c336-421e-bdf7-cfcba4037f94.
    (23)  Ir-Regolament (UE) Nru 99/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2013 dwar il-programm statistiku Ewropew tal-2013-17 (ĠU L 39, 9.2.2013, p. 12).
    (24) http://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php/Glossary:European_health_interview_survey_%28EHIS%29  L-EHIS huwa stħarriġ tal-popolazzjoni ġenerali li jipprovdi informazzjoni dwar l-istatus tas-saħħa, id-determinanti tas-saħħa (bħall-attività fiżika) u l-attivitajiet tal-kura tas-saħħa fl-UE. Attwalment dan isir kull ħames snin, skont ir-Regolament 1338/2008 dwar l-istatistika Komunitarja dwar is-saħħa pubblika u s-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol ( ).
    (25) http://ec.europa.eu/eurostat/en/web/products-manuals-and-guidelines/-/KS-RA-08-014  .
    (26) Din l-istrateġija ta’ attività fiżika, adottata f’Settembru 2015, tħejjiet fid-dawl tal-miri globali volontarji eżistenti stabbiliti fil-pjan ta’ azzjoni globali tad-WHO għall-prevenzjoni u l-kontroll ta’ mard li ma jitteħidx 2013-2020, approvat mis-Sitta u sittin Assemblea Dinjija tas-Saħħa f’Mejju 2013. Tnaqqis relattiv ta’ 10 % fil-prevalenza ta’ attività fiżika insuffiċjenti sal-2025 huwa wieħed mid-disa’ miri globali tagħha.
    (27)  http://ec.europa.eu/health/nutrition_physical_activity/docs/childhoodobesity_actionplan_2014_2020_mt.pdf
    Top