Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016DC0719

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL li jivvaluta l-impatt tal-liġi nazzjonali eżistenti, li jistabbilixxi bħala reat kriminali l-użu ta' servizzi li huma l-oġġett tal-isfruttament tat-traffikar tal-bnedmin, fuq il-prevenzjoni tat-traffikar tal-bnedmin, skont l-Artikolu 23 (2) tad-Direttiva 2011/36/UE

    COM/2016/0719 final

    Brussell, 2.12.2016

    COM(2016) 719 final

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    li jivvaluta l-impatt tal-liġi nazzjonali eżistenti, li jistabbilixxi bħala reat kriminali l-użu ta' servizzi li huma l-oġġett tal-isfruttament tat-traffikar tal-bnedmin, fuq il-prevenzjoni tat-traffikar tal-bnedmin, skont l-Artikolu 23 (2) tad-Direttiva 2011/36/UE


    1.L-Isfond u l-Għan

    Dan ir-Rapport iwieġeb għar-rekwiżit tal-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2011/36/UE dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/629/ĠAI, skont liema: "Il-Kummissjoni għandha, sas-6 ta' April 2016, tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, fejn tivvaluta l-impatt tal-liġi nazzjonali eżistenti, li tistabbilixxi bħala reat kriminali l-użu ta' servizzi li huma l-oġġett tal-isfruttament tat-traffikar tal-bnedmin, fuq il-prevenzjoni tat-traffikar tal-bnedmin, akkumpanjat, jekk ikun meħtieġ, minn proposti adegwati".

    Referenza għall-kriminalizzajoni tal-użu tas-servizzi tal-vittmi tat-traffikar huwa stabbilit fl-Artikolu 18, (intitolat "il-Prevenzjoni") (1) u (4) tad-Direttiva 2011/36/UE li jiddikjara kif ġej: "1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa, bħall-edukazzjoni u t-taħriġ, biex jiskoraġġixxu u jnaqqsu d-domanda li tħeġġeġ il-forom kollha ta' sfruttament relatat mat-traffikar tal-bnedmin. […] 4. Sabiex il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin isiru aktar effikaċi billi tiġi skoraġġita d-domanda, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw li jieħdu l-miżuri biex jistabbilixxu bħala reat kriminali l-użu ta' servizzi li huma l-oġġett ta' sfruttament kif imsemmi fl-Artikolu 2, bl-għarfien li l-persuna hija vittma ta' reat imsemmi fl-Artikolu 2".

    Dan ir-Rapport jagħti deskrizzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali eżistenti li tikkriminalizza l-użu tas-servizzi tal-vittmi tat-traffikar u valutazzjoni tal-impatt ta’ tali miżuri ġuridiċi. Dan huwa lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 23(2) li jeżamina miżuri oħra mhux leġiżlattivi li jistgħu jeżistu fil-livell nazzjonali jew miżuri leġiżlattivi li ma jmissux mal-kriminalizzazzjoni tal-użu tas-servizzi tal-vittmi tat-traffikar. Ta' min tinnota, dan mhuwiex rapport li jivvaluta l-konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/36/UE. Jinħtieġ li jinqara flimkien mar-“Rapport li jivvaluta l-punt sa fejn l-Istati Membri jkunu ħadu l-miżuri meħtieġa sabiex jikkonformaw mad-Direttiva 2011/36/UE dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu f’konformità mal-Artikolu 23(1), (COM(2016) 722). Huwa jieħu kont ukoll tal-ewwel Rapport tal-Kummissjoni dwar il-progress li sar fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, it-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu (minn hawn ’il quddiem “Rapport ta’ Progress”).

    Fl-abbozzar ta’ dan ir-rapport, il-Kummissjoni użat l-informazzjoni li waslet mingħand l-Istati Membri, permezz ta’ kwestjonarju li ntbagħat f’Mejju 2016, u l-konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili permezz tal-Pjattaforma tas-Soċjetà Ċivili tal-UE kontra t-traffikar tal-Bnedmin 1 kif ukoll permezz tal-Grupp ta’ Esperti tal-Kummissjoni Ewropea dwar it-Traffikar tal-Bnedmin 2 .

    2.Il-liġi nazzjonali eżistenti li tistabbilixxi bħala reat kriminali l-użu ta’ servizzi li huma l-oġġetti ta’ sfruttament tat-traffikar tal-bnedmin

    2.1. Ġabra fil-qosor tat-tweġibiet

    L-analiżi ta’ hawn taħt hija bbażata fuq it-tweġibiet ipprovduti mill-Istati Membri. Il-Kummissjoni ma tistax teskludi li dispożizzjonijiet nazzjonali oħra jew żviluppi jistgħu jeżistu. Fid-dawl ta' din l-analiżi, il-Kummissjoni saqsiet lill-Istati Membri biex jirrappurtaw fuq "Il-liġi nazzjonali eżistenti li tistabbilixxi bħala reat kriminali l-użu ta’ servizzi li huma l-oġġetti ta’ sfruttament tat-traffikar tal-bnedmin; min hu preċiżament kriminalizzat; jekk hi maħsuba l-kriminalizzazzjoni għall-forom kollha ta’ sfruttament; jekk il-leġiżlazzjoni teħtieġ li tingħata prova tal-element ta’ għarfien li l-persuna hija vittma tat-traffikar u kif din tħalli impatt fuq l-applikabbiltà tal-leġiżlazzjoni; x’miżuri ttieħdu sabiex jiġi żgurat illi l-pubbliku huwa konxju mid-dritt biex tiġi żgurata implimentazzjoni aħjar; id-dejta statistika disponibbli dwar prosekuzzjonijiet u kundanni u l-ostakoli li jiltaqgħu magħhom; jekk ma teżisti l-ebda liġi nazzjonali, x’inhuma r-raġunijiet u liema alternattivi huma fis-seħħ biex jissodisfaw l-obbligu li tiġi kkunsidrata l-kriminalizzazzjoni; kif jivvalutaw l-impatt ta’ liġijiet bħal dawn u jekk ikollhom jagħtu suġġerimenti rilevanti; liema proċessi ta' konsultazzjoni huma fis-seħħ u; jekk huma kkummissjonaw kwalunkwe valutazzjoni u riċerka ta’ tali liġijiet."

    Jinħtieġ li jiġi enfasizzat mill-bidu li l-Istati Membri ma elaborawx l-informazzjoni mogħtija dwar kif issodisfaw l-obbligu legali għall-kunsiderazzjoni tal-kriminalizzazzjoni ta' utenti ta' vittmi li tirriżulta mill-Artikolu 18(4) tad-Direttiva 2011/36/UE.

    L-analiżi tat-tweġibiet tal-Istati Membri turi li, fil-mument meta ġie abbozzat dan ir-rapport, hemm 10 Stati Membri li stabbilixxew bħala reat kriminali l-użu ta’ servizzi li huma oġġett għal kull forma ta’ sfruttament ta’ vittmi tat-traffikar tal-bnedmin, u 15-il Stat Membru li jkun stabbilixxa biss kriminalizzazzjoni limitata u selettiva għall-użu ta’ servizzi ta’ vittmi tat-traffikar tal-bnedmin.

    B’mod aktar speċifiku:

    1) L-Istati Membri li stabbilixxew tali reat kriminali għall-forom kollha ta’ sfruttament (BG, EL, HR, CY, LT, MT, PT, RO, SI, UK)

    Għaxar (10) Stati Membri rrappurtaw li kienu eżistenti fil-liġi nazzjonali li jistabbilixxu bħala reat kriminali l-użu ta’ servizzi li huma l-oġġetti ta’ sfruttament tat-traffikar tal-bnedmin (BG, EL, HR, CY, LT, MT, PT, RO, SI, UK 3 ), filwaqt li jindirizzaw il-forom kollha ta’ sfruttament.

    Il-BG infurmat lill-Kummissjoni li, skont il-Kodiċi Penali Bulgara (l-Artikolu 159c) individwu li juża persuna milquta mit-traffikar tal-bnedmin għal debuxxjar, xogħol furzat jew talb għall-elemożina, it-tneħħija tal-organi, tessuti, ċelluli jew fluwidi tal-ġisem jew għaż-żamma tiegħu/tagħha kontra x-xewqa tiegħu/tagħha, irrispettivament mill-kunsens tiegħu/tagħha, għandu jiġi kkastigat b’piena ta’ priġunerija ta’ bejn tlieta u 10 snin u multa ta’ bejn BGN 10 000 u BGN 20 000. Il-HR għandha dispożizzjoni simili iżda anki tmur lil hinn, timponi penalitajiet identiċi fuq kull persuna li konxjament tuża vittma jew is-servizzi tagħha ma’ dawk li huma inkarigati biex jitwettaq ir-reat ta’ traffikar tal-bnedmin. CY jirrapporta li l-Artikolu 17 tal-Liġi 60(I)/2014 jipprovdi li kull persuna li tista’ raġonevolment tassumi li xogħol jew servizzi li huwa/hija j/tuża huma pprovduti minn vittma tat-traffikar tal-bnedmin, ikunu wettqu reat taħt il-liġi ta’ kontra t-traffikar. Il-EL stabbilixxiet tali dispożizzjonijiet legali nazzjonali fl-2013 mal-Liġi 4198/2013, li permezz tagħha persuni li konxjament jaċċettaw xogħol ta’ persuna li hija vittma ta’ traffikar kif ukoll dawk il-persuni li konxjament jagħmlu att sesswali ma’ persuna li hija vittma tat-traffikar. Il-LT irrappurtat li skont l-Artikolu 147-2 tal-Kodiċi Kriminali, kull persuna li tuża servizzi mogħtija lill-vittmi tat-traffikar u li kienet taf jew kellha tkun taf li huma vittmi għandha tiġi punita b’multa, jew b'miżuri ta' restrizzjoni tal-libertà. Ta' min tinnota, persuna li twettaq tali att u sussegwentement tinforma volontarjament l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi u tikkoopera b’mod attiv, qabel ma tiġi ddikjarata persuna suspettata, tista’ tiġi eżentata minn responsabbiltà penali. Barra minn hekk, entitajiet legali għandhom ukoll jinżammu responsabbli għal atti bħal dawn. MT infurmat lill-Kummissjoni li kull persuna imqabbda biex taħdem jew li tagħmel użu minn servizzi jew ħidma bl-għarfien li l-persuna li tipprovdi tali servizzi jew xogħol kienet ittraffikata, tkun ħatja ta’ reat u tinżamm responsabbli, wara li tkun ġiet ikkundannata, għal piena ta’ priġunerija minn tmintax-il xahar sa ħames snin. Dispożizzjonijiet simili jeżistu fil-PT u s-SI (bl-impożizzjoni ta' sentenza ta’ priġunerija sa tliet snin u multa). Ir-RO infurmat lill-Kummissjoni li skont l-Artikolu 216 tal-Kodiċi Kriminali tar-Rumanija kwalunkwe persuna li tuża s-servizzi kif imniżżla fl-Artikolu 182 tal-Kodiċi Kriminali (dwar l-esplojtazzjoni) minbarra t-traffikant, u li tkun taf li s-servizzi huma pprovduti minn vittma tat-traffikar tal-bnedmin, għandha tiġi kkriminalizzata.

    2) L-Istati Membri li ma stabbilixxewx dispożizzjonijiet legali nazzjonali espliċiti jew li stabbilixxew kriminalizzazzjoni limtata u selettiva tal-użu tas-servizzi tal-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin 4

    Erbatax-il Stat Membru rrapportaw li l-ebda dispożizzjonijiet legali nazzjonali ma huma fis-seħħ biex jistabbilixxu bħala reat kriminali l-użu ta’ servizzi li huma oġġett għal kull forma ta’ sfruttament ta’ vittmi tat-traffikar tal-bnedmin (AT, BE, CZ, DE, EE, ES, FR, HU, IT, LV, LU, NL, PL, SK). Madankollu, xi Stati Membri (FI, IE, SE) wettqu leġiżlazzjoni li timmira l-użu ta’ vittmi tat-traffikar, iżda biss f’dak li għandu x’jaqsam ma’ forma partikolari ta’ sfruttament. B’mod aktar speċifiku, il-FI u l-IE rrappurtaw li l-leġiżlazzjoni nazzjonali eżistenti timmira biss lejn l-użu ta’ vittmi tat-traffikar għall-isfruttament sesswali. L-SE tirrapporta li filwaqt li ma hemm ebda dispożizzjoni speċifika li tikkriminalizza l-użu tas-servizzi għal vittma tat-traffikar, japplikaw id-dispożizzjonijiet skont il-liġi dwar il-projbizzjoni tax-xiri tas-servizzi sesswali, li jistgħu jkopru l-użu ta’ servizzi mill-vittmi tat-traffikar għall-isfruttament sesswali.

    Għal dawk l-Istati Membri li ma stabbilixxewx tali dispożizzjonijiet espliċiti, skont l-informazzjoni pprovduta minnhom, f’ċerti każijiet isir rikors għad-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw reati sesswali jew l-isfruttament sesswali tat-tfal (pereż. IT, ES, NL, u BE). Filwaqt li l-IT ma kellhiex tali dispożizzjonijiet espliċiti, qed tirrapporta li stabbilixxiet bħala reat kriminali skont l-Artikolu 603 bis tal-Kodiċi kriminali Taljana s-senserija illeċita u l-isfruttament tax-xogħol b’mod ġenerali. Filwaqt li l-AT ma għandha l-ebda dispożizzjoni espliċita dwar il-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin, hemm dispożizzjoni adottata riċentement dwar it-twettiq ta’ att sesswali ma’ persuni kontra l-volontà tagħhom, billi jisfruttaw sitwazzjoni diffiċli jew wara intimidazzjoni preċedenti.

    Barra minn hekk, xi Stati Membri jirrapportaw li għandhom fis-seħħ biss miżuri li jittrasponu u jimplimentaw id-Direttiva 2009/52/KE tat-18 ta' Ġunju 2009 li tipprevedi standards minimi għal sanzjonijiet u miżuri kontra min iħaddem lil ċittadini minn pajjiżi terzi b’residenza illegali 5 (l-hekk imsejħa Direttiva dwar sanzjonijiet kontra min iħaddem) (pereż. il-PL jew l-HU). F’dan ir-rigward, il-Komunikazzjoni dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2009/52/KE tat-18 ta’ Ġunju 2009 tinnota li b’mod ġenerali l-Istati Membri b'mod ġenerali kkriminalizzaw l-impjieg illegali fiċ-ċirkostanzni kollha deskritti fl-Artikolu 9 (inklużi każijiet fejn min iħaddem ikun jaf li ħaddiem huwa vittma tat-traffikar tal-bnedmin). Skont din il-Komunikazzjoni, ir-CZ u ES ma kinux speċifikament jippenalizzaw l-impjieg illegali f’sitwazzjonijiet fejn “min iħaddem kien konxju li l-ħaddiem kien vittma tat-traffikar tal-bnedmin” 6 .

    Jinħtieġ li jiġi nnutat, madankollu, li l-kamp ta’ applikazzjoni personali tad-Direttiva 2009/52/KE huwa limitat biss għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jissoġġornaw illegalment fl-UE. Għaldaqstant, hija ma tkoprix vittmi tat-traffikar li jkunu ċittadini tal-UE jew vittmi tat-traffikar li jkunu ċittadini ta’ pajjiżi terzi iżda li joqogħdu legalment fl-UE. Barra minn hekk, filwaqt li d-Direttiva tapplika għal każijiet ta’ xogħol dipendenti 7 , ma tkoprix każijiet fejn il-vittmi huma persuni li jaħdmu għal rashom jew każijiet fejn l-utent mhuwiex ta’ min iħaddem. B’hekk, il-kriminalizzazzjoni stipulata fid-Direttiva 2009/52/KE hija adatta għas-suġġett u l-kamp ta' applikazzjoni tagħha, li huwa limitat u mhux biżżejjed biex tindirizza s-sitwazzjonijiet kollha ta’ traffikar tal-bnedmin. Madankollu, din isservi bħala eżempju tajjeb ta’ miżuri li jkunu jistgħu jintużaw f’din id-direzzjoni għal żvilupp u konsolidament ulterjori tal-qafas legali kontra t-traffikar.

    3) Alternattivi għan-nuqqas ta’ kriminalizzazzjoni

    Kif imsemmi hawn fuq, skont l-Artikolu 18(4) tad-Direttiva, l-Istati Membri għandhom obbligu li talinqas jikkunsidraw li jikkriminalizzaw lil dawk li konxjament jużaw is-servizzi ta’ vittmi ta’ traffikar. Madankollu, l-Istati Membri pprovdew informazzjoni limitata lill-Kummissjoni dwar alternattivi meta ma jkunx hemm miżuri nazzjonali li jikkriminalizzaw lil dawk li jużaw is-servizzi ta’ vittmi ta’ traffikar. Mir-risposti għall-kwestjonarju jidher li huma biss in-NL u ES li pprovdew informazzjoni f’dan ir-rigward. In-NL irrappurtat kampanji ta’ informazzjoni dwar r-rapportar anonimu ta’ kriminalità, it-tqajjim ta' kuxjenza u promozzjoni dwar prosekuzzjonijiet ta’ abbuż sesswali tat-tfal fejn isir rikors għal ħlas, ftehim ma’ setturi tan-negozju fuq il-promozzjoni tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem. ES irrappurtat li minkejja n-nuqqas ta’ dispożizzjoni espliċita dwar il-kriminalizzazzjoni tal-użu ta’ servizzi sesswali minn vittma ta’ traffikar tal-bnedmin, fejn hemm għarfien dwar l-istat ta’ vulnerabbiltà tal-vittma, kull att bħal dan li seta’ jitqies bħala reat kontra l-libertà sesswali u l-integrità ta’ persuna, u l-artikoli relevanti tal-Kodiċi Penali għandhom ikunu applikabbli.

    4) Evalwazzjonijiet

    Numru limitat ta’ Stati Membri rrappurtaw li kienu kkummissjonati evalwazzjonijiet ta’ tali liġijiet jew ta’ riċerka rilevanti (pereż. FI, SE). L-SE rrappurtat lill-Kummissjoni li r-rapport ta’ investigazzjoni dwar il-Projbizzjoni kontra x-Xiri ta’ Servizzi Sesswali ġie ppubblikat fl-2010. Fost is-sejbien ewlenin kien hemm: (a) il-prostituzzjoni tat-triq tnaqqset bin-nofs; (b) l-internet sar arena ġdida għall-prostituzzjoni; (c) il-projbizzjoni tax-xiri ta' servizzi sesswali ġġieldet it-twaqqif ta' kriminalità organizzata; u (d) żdied l-appoġġ pubbliku għall-projbizzjoni. Barra minn hekk, Inkjesta kontra t-Traffikar hi mistennija li se tevalwa l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni tal-liġi kriminali dwar it-traffikar tal-bnedmin, u li se twettaq ukoll skrutinju kif l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jinvestigaw u jittrattaw kwistjonijiet ta’ traffikar tal-bnedmin.

    Il-FI kkummissjonat riċerka wara sentenza storika tal-Qorti Suprema dwar l-hekk imsejħa kriminalizzazzjoni parzjali tax-xiri ta’ servizzi sesswali mingħand prostituti akkwistati u vittmi tat-traffikar tal-bnedmin. Ir-riċerka kkonkludiet li l-problema ewlenija fl-applikazzjoni tal-liġi kienet li ftit każijiet ta’ abbuż ta’ vittma tal-kummerċ tas-sess kienu ġew skoperti, investigati, imħarrka u kkastigati. Ir-rekwiżit ta’ mens rea fil-kriminalizzazzjoni parzjali ta’ xerrejja tas-sess ġie rrappurtat bħala problematiku. Ir-rapport jgħid li s-sitwazzjoni li kienet tiffavorixxi x-xerrejja tas-sess li jevitaw milli jiksbu kwalunkwe għarfien dwar iċ-ċirkostanzi tal-prostitut/a iżda kienu strettament familjari mal-interpretazzjoni letterali tal-liġi. Ir-riċerkaturi proponew il-kriminalizzazzjoni sħiħa għax-xiri tas-sess. Wara dan ir-rapport, il-Gvern ippropona emenda tar-reat li jistabbilixxiha fuq in-negliġenza tal-utent 8 .

    Ir-UK (l-Irlanda ta’ Fuq) jistenna evalwazzjoni fl-2018 u rrapporta li l-Iskozja kkummissjonat riċerka dwar is-suġġett matul l-iskrutinju tal-Att tat-Traffikar tal-Bnedmin u l-Isfruttament (2015).

    Ġeneralment, id-dejta statistika pprovduta lill-Kummissjoni mill-Istati Membri kollha huwa skars b’numru limitat ta’ prosekuzzjonijiet u kundanni kkomunikati. Barra minn hekk, huwa dubjuż jekk tali dejta diżaggregata dwar dan ir-reat hijiex disponibbli fil-livell nazzjonali. Pereżempju, l-IT tenfasizza li fil-preżent ma hemm ebda dejta separata dwar l-użu ta’ servizzi pprovduti mill-vittmi tat-traffikar. Dan huwa qasam li l-Kummissjoni se tkompli teżamina fil-kuntest tal-ħidma mogħtija biex titjieb il-kwalità u l-komparabbiltà tad-dejta dwar it-traffikar tal-bnedmin miġbura fil-livell tal-UE.

    2.2.Il-valutazzjoni tal-impatt u l-applikazzjoni

    L-informazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni turi li l-Istati Membri jsegwu approċċi u prattiki pjuttost differenti. Fl-Istati Membri kollha fejn hemm miżuri nazzjonali li jistabbilixxu bħala reat kriminali l-użu ta’ servizzi li huma l-oġġetti ta’ sfruttament tat-traffikar tal-bnedmin, il-kamp ta’ applikazzjoni personali ta’ dawn id-dispożizzjonijiet huwa limitat biss għal dawk li direttament jużaw servizzi jew ħidma pprovduti mill-vittmi.

    Fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri fejn hemm leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi bħala reat kriminali l-użu ta’ servizzi li huma l-oġġetti ta’ sfruttament tat-traffikar tal-bnedmin, l-Istati Membri jirrapportaw li għadu kmieni wisq biex jiġi vvalutat l-impatt tagħhom. Dan huwa minħabba li l-miżuri daħlu fis-seħħ wara l-iskadenza tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2011/36/UE fl-2013 minħabba l-perjodu qasir għall-implimentazzjoni tad-Direttiva.

    Dawk l-Istati Membri li għandhom dispożizzjonijiet bħal dawn, kollha jeħtieġu li l-utent ikollu għarfien preċedenti li l-persuna li s-servizzi tagħha qed jintużaw hija vittma tat-traffikar tal-bnedmin. F’dawn il-każijiet, diġà ġiet irrapportata diffikultà ġenerali fir-rigward tal-evidenza. F’ħafna mill-Istati Membri kkonċernati, l-oneru tal-prova jaqa’ primarjament mal-prosekutur: is-suspettat / il-konvenut jibbenefika mill-preżunzjoni ta’ innoċenza u ma għandux obbligu li juri prova tal-innoċenza tiegħu. Biss, fil-każ ta’ l-IE l-oneru tal-prova jkun trasferit u dan jaqa’ fuq il-konvenut biex juri li hu jew hi ma kinux jafu, u li ma kellhom l-ebda raġuni raġonevoli biex wieħed jemmen li l-persuna li kontriha jkun sar ir-reat kien vittma tat-traffikar tal-bnedmin.

    F’dan ir-rigward, ir-Rapport ta’ Spjegazzjoni tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar Azzjoni kontra t-Traffikar tal-Bnedmin jinnota li "[...] Prova ta' għarfien tista’ tkun kwistjoni diffiċli għall-awtoritajiet ta’ prosekuzzjoni. Tinqala’ diffikultà simili ma’ diversi tipi oħra ta’ dispożizzjoni tal-liġi kriminali li teħtieġ evidenza ta’ xi ingredjent mhux materjali ta’ reat. Madankollu, id-diffikultà biex tinġabar l-evidenza mhijiex neċessarjament argument konklużiv għal tip ta’ aġir partikolari bħala reat kriminali". F’dan il-kuntest, diffikultajiet fil-bini ta’ evidenza għal reat ma jinħtiġux iwasslu biex ċerta mġiba ma tiġix kriminalizzata.

    Filwaqt li l-għadd ta’ investigazzjonijiet, prosekuzzjonijiet u kundanni b’suċċess bla dubju kellhom effett dissważiv, huwa dubjuż kif tali statistika tista’ tiġi interpretata, b’mod partikolari b’rabta mal-valutazzjoni tal-impatt u s-suċċess ta’ miżuri rilevanti. Minħabba li l-akbar effett ta’ tali miżuri tinsab fil-prevenzjoni li r-reat qabelxejn isseħħ, l-istatistika dwar prosekuzzjonijiet u kundanni ma tistax tagħti indikazzjoni sikura tal-effikaċja tal-miżuri. Kif iddikjarat hawn fuq, id-dejta statistika pprovduta għal dan ir-rapport hi skarsa. Għall-2014 u l-2015, il-BG tirrapporta li kien hemm rispettivament erba’ (4) atti ta' akkuża u kundanna waħda (1) u ħames (5) atti ta' akkuża u żewġ (2) kundanni. Il-EL irrappurtat li skont l-istatistika tal-Pulizija Ellenika kien hemm prosekuzzjoni waħda (1) minn meta daħlet fis-seħħ il-Liġi l-ġdida. Ir-RO tinforma ulterjorment li fl-2015 ġew rapportati l-ewwel każijiet tad-Direttorat għall-Investigazzjoni tal-Kriminalità Organizzata u t-Terroriżmu u disa’ (9) persuni ġew mħarrka għar-reat li użaw is-servizzi tal-vittmi tat-traffikar. Skont il-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura, sa Mejju 2016, 15-il persuna ġew ikkundannati għar-reat li użaw is-servizzi ta’ persuna sfruttata. Dawn is-sentenzi ma kinux definittivi madankollu, u jistgħu jiġu appellati quddiem il-Qorti Suprema.

    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tixtieq tfakkar is-sejbiet tar-Rapport ta’ Progress “L-informazzjoni miġbura mill-Kummissjoni turi b’mod ċar li huwa importanti li l-Istati Membri jsaħħu l-isforzi biex jiżdied in-numru ta’ investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet, u sabiex jitnaqqas il-piż fuq il-vittmi u x-xhieda tagħhom waqt il-proċedimenti għal ġbir ta’ evidenza. Jistgħu jagħmlu dan billi jiżviluppaw taħriġ regolari u mfassal apposta għal investigaturi, prosekuturi u imħallfin u billi jużaw b’mod sistematiku l-investigazzjonijiet finanzjarji (kif rakkomandat mit-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja) u għodod investigattivi effettivi oħra mmexxija mill-intelligence, li jistgħu jipprovdu diversità ta’ evidenza biex jintużaw minbarra x-xhieda tal-vittmi. Għandhom ukoll jiddedikaw biżżejjed riżorsi finanzjarji u umani biex jindirizzaw kif xieraq dan ir-reat".

    Ir-restrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali biss għas-sitwazzjoni fejn l-utent ikollu għarfien dirett u attwali li l-persuna hija vittma ta’ traffikar ta’ bnedmin, toħloq limitu għoli ħafna għall-kisba ta’ prosekuzzjonijiet. F’dan ir-rigward, konsiderazzjoni tal-livell ta’ għarfien li għandu jintalab għal dan ir-reat għandha tkun is-suġġett ta’ eżaminazzjoni dettaljata.

    3.Żgurar ta' prevenzjoni effettiva tat-traffikar tal-bnedmin

    Dan il-kapitolu jirrifletti d-deliberazzjonijiet 9 mill-Kummissjoni dwar il-kwistjoni, iggwidata minn Strateġija tal-UE kontra t-Traffikar 10 u strumenti ta’ politika ewlenin oħrajn 11 , u jipprovdi sinsla għall-analiżi tiegħu. L-analiżi msemmija hawn fuq uriet qafas legali inkomplet u differenti fil-livell nazzjonali dwar it-trattament legali tal-utenti tal-vittmi tat-traffikar, li jħalli impatt fuq il-prevenzjoni effettiva tal-kriminalità. Huwa f’dan l-ambjent, li t-traffikar tal-bnedmin għadu mifrux minkejja l-isforzi li saru, mingħajr ebda indikazzjoni li dan ir-reat serju qiegħed jonqos.

    F’dan ir-rigward, pedament għal kull azzjoni deċiżiva ta’ deterrent għat-traffikar tal-bnedmin huwa d-dover ta' rendikont ta’ dawk li wettqu r-reat. Dan huwa rifless ukoll fi strumenti internazzjonali ewlenin oħra u strumenti legali Ewropej 12 . Kien trattat ulterjorment mill-Parlament Ewropew 13 u l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa 14 u mis-Soċjetà Ċivili 15 . 

    Il-Kummissjoni stipulat fl-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà u kemm-il darba saħqet fir-rapporti u studji tagħha li t-traffikar tal-bnedmin, bħala reat serju, transfruntier u organizzat, għandu konsegwenzi umani, soċjali u ekonomiċi kbar 16 . Huwa xprunat mid-domanda għall-forom kollha ta’ sfruttament u bi profitti għoljin. Il-profitti, fl-ekonomiji legali u illegali, jirriżultaw f'relazzjoni kumplessa bejn il-provvista u d-domanda li jridu jiġu indirizzati sabiex ir-reat jiġi eradikat 17 . L-indirizzar ta’ din id-domanda u t-tnaqqis tagħha huwa obbligu legali fid-Direttiva 2011/36/UE u għandha l-għan li jipprevjeni l-ħsara milli sseħħ, bit-tibdil tal-ambjent usa’ sabiex jitnaqqsu l-inċentivi għat-traffikar tal-bnedmin.

    3.1. L-identifikar tal-utent ta’ servizzi minn vittmi tat-traffikar tal-bnedmin

    F’dan il-kuntest, id-domanda tkopri dawk l-individwi, gruppi jew persuni ġuridiċi, li huma mmexxija mill-objettiv li jisfruttaw il-vittmi sabiex jagħmlu profitt fuq ħafna livelli lil dawk li direttament jużaw u jabbużaw il-vittmi, kif ukoll għal dawk li jaġixxu bħala promoturi jew faċilitaturi u ġeneralment dawk li joħolqu u jikkontribwixxu għall-ħolqien ta’ ambjent favorevoli għal dan.

    Negozji li jagħmlu użu minn vittmi ta’ traffikar u li jużaw il-profitti mit-traffikar mhumiex ristretti għall-organizzazzjonijiet kriminali u t-traffikar ta’ spiss jinvolvi katina ta’ negozji leġittimi. Dawk li jieħdu l-profitti huma mifruxa mill-qraba tal-vittmi, għal aġenziji informali jew formali ta’ reklutaġġ, intermedjarji tas-suq tax-xogħol li jipprovdu xogħol f’ċerti setturi speċifiċi jew sottokuntratturi f'katini tal-provvista globali, kif ukoll aġenziji tal-ivvjaġġar u intrapriżi tat-trasport, kif ukoll kumpaniji tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni.

    Sors ieħor ta’ domanda huma konsumaturi, li jistgħu jkunu individwi li jixtru prodotti manifatturati minn vittmi iżda mingħajr ebda għarfien ta’ kif ġew prodotti jew bl-għarfien li l-utenti kienu vittmi tat-traffikar, u jinjoraw sinjali ovvji ta’ traffikar u ta’ sfruttament sesswali / tax-xogħol, bħal pereżempju prezzijiet baxxi ħafna jew sinjali ta’ vjolenza u intimidazzjoni. F’dan ir-rigward, dan ir-rapport jevita li jintużaw termini bħal “klijent” fil-kuntest ta’ traffikar għal sfruttament sesswali jew adulti jew tfal vittmi, billi din it-terminoloġija tgħatti t-tbatija, l-abbuż u l-ksur li l-vittmi tat-traffikar ikunu għaddew minnhom.

    Kif mistqarr fid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja d-dokument Rapport dwar il-progress li sar fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu: “L-objettiv finali tal-eradikazzjoni tat-traffikar tal-bnedmin jista' jinkiseb biss jekk l-ewwel nett ir-reat jitwaqqaf milli jsir u bl-użu ta' firxa wiesa' ta' għodod disponibbli f'livell tal-UE u nazzjonali […] Dan ifisser mhux biss l-indirizzar tal-kawżi primarji fejn persuni jsiru iktar vulnerabbli għat-traffikar – bħall-faqar, l-inugwaljanza tas-sess u l-vjolenza kontra n-nisa, id-diskriminazzjoni etnika, il-marġinalizzazzjoni tas-soċjetà, il-migrazzjoni rregolari – iżda wkoll l-iżgurar li dawk li japprofittaw mir-reat u jisfruttaw il-vittmi jitressqu quddiem il-ġustizzja” 18 .

    Huwa ċar li t-traffikar tal-bnedmin u kull aspett tiegħu hu dejjem illegali. Ma hemm xejn leġittimu dwar it-traffikar tal-bnedmin. L-isfruttament ta’ persuna f’ċirkustanzi ta’ koerċizzjoni minn persuna oħra hu aġir mhux xieraq f’kull sistema ġudizzjarja. It-traffikar tal-bnedmin ma għandu l-ebda wiċċ legali jew morali. Huwa reat serju u ksur gravi tad-dinjità tal-bniedem, skont il-projbizzjoni fl-Artikolu 5(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. In-nuqqas ta’ kriminalizzazzjoni tal-użu tas-servizzi ta’ persuna ttraffikata, speċjalment bl-għarfien li hu jew hi tkun il-vittma ta’ traffikar tal-bnedmin, jirrendi l-ġlieda globali kontra t-traffikar tal-bnedmin inqas effettiva u tfixkel il-ksib tal-objettivi tad-Direttiva 2011/36/UE. Anki jekk il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali ma jistabbilixxux bħala reat kriminali l-użu ta’ servizzi li huma l-oġġetti ta’ sfruttament tat-traffikar tal-bnedmin, il-fatt hu li tibqa' l-kwistjoni: li vittmi ta' spiss ġew ripetutament abbużati sesswalment, mentalment u fiżikament, reati esperjenzati mhux inqas kontra l-libertà, id-dinjità, l-awtodeterminazzjoni sesswali tagħhom u l-integrità ta' ġisimhom.

    4. Kummenti konklużivi u t-triq ’il quddiem

    Kif stipulat fl-Artikolu 18(4) tad-Direttiva 2011/36/UE, sabiex il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin tkun iktar effettiva, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw li jieħdu l-miżuri biex jistabbilixxu bħala reat kriminali l-użu ta’ servizzi li huma oġġett ta’ sfruttament ta’ vittmi ta’ traffikar. L-analiżi magħmula f’dan ir-Rapport, fil-kuntest ta’ valutazzjoni tal-impatt tal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti eżistenti, skont l-Artikolu 23(2) tad-Direttiva, turi xenarju ġuridiku b'kwalitajiet differenti li tonqos milli tikkontribwixxi b’mod effettiv biex tiskoraġġixxi d-domanda ta’ dawn is-servizzi.

    Fin-nuqqas ta' kriminalizzazzjoni sħiħa jew inadegwata tal-użu ta’ dawn is-servizzi fil-kuntest tat-traffikar tal-bnedmin, l-attività ta’ traffikanti li b'definizzjoni tinkludi l-isfruttament tal-vittmi tagħhom, tista' mhux biss tkun inqas skoraġġuta, iżda b’mod negattiv tista’ wkoll tkun promossa permezz ta’ kultura ta’ impunità. Naturalment, l-isfida li tiġi skoraġġuta d-domanda timplika enfasi iktar fuq dawk li verament jużaw is-servizzi ta’ forom differenti ta’ traffikar, bl-għarfien li l-persuna hija vittma ta’ reat.

    Attwalment, bosta sistemi legali tal-Istati Membri ma jipprojbixxux, jew huma hekk biss parzjalment, lil dawk li jagħmlu użu minn dawn is-servizzi bl-għarfien rilevanti, li għandhom impatt fuq l-inċertezza legali rigward, pereżempju, ir-responsabbiltà kriminali marbuta mar-relazzjoni tal-utent mal-vittma, it-trattament legali ta’ dawk li jibbenefikaw minn jew li jippermettu u jiffaċilitaw sfruttament bħal dan, id-distinzjoni bejn l-utent u l-esplojtatur, ir-responsabbilità ta’ intermedjarji, kif ukoll il-ktajjen ta’ provvista aktar wiesa’.

    L-Istati Membri għandhom iżidu l-isforzi tagħhom biex jiżguraw azzjoni aktar unifikata u dissważiva kontra dan l-element ta’ kriminalità transfruntier ta’ traffikar tal-bnedmin. L-għan aħħari ta’ dan ir-Rapport hu li jikkontribwixxi sabiex jintlaħqu l-objettivi tad-Direttiva 2011/36/UE dwar it-tnaqqis tad-domanda u għall-prevenzjoni tat-traffikar tal-bnedmin, sabiex jiġi żgurat li l-gruppi kriminali mhux qed jibbenefikaw minn trattament legali differenti mill-utenti tal-vittmi tat-traffikar. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tiġbed konklużjonijiet importanti minn monitoraġġ tas-sitwazzjoni fl-Istati Membri u se tkompli teżamina għażliet potenzjali u tikkunsidra fil-futur, jekk ikun meħtieġ, proposti leġiżlattivi xierqa, skont l-Artikolu 23 (2) tad-Direttiva 2011/36/UE.

    (1) Għal iktar informazzjoni, ara l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill, Rapport dwar il-progress li sar fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin (2016) kif meħtieġ skont l-Arikolu 20 tad-Direttiva 2011/36/UE dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, COM(2016) 267 final.
    (2) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (2011/502/UE) tal-10 ta’ Awwissu 2011 dwar it-twaqqif ta’ Grupp ta’ Esperti fit-Traffikar tal-Bnedmin u li tħassar id-Deċiżjoni 2007/675/KE.
    (3) Ir-UK bagħat lill-Kummissjoni li l-Ingilterra u Wales għandhom tali miżuri eżistenti għat-traffikar tal-bnedmin, filwaqt li l-Iskozja ma għandhiex tali miżuri fis-seħħ u l-Irlanda ta’ Fuq għamlet tali miżuri mmirati biss lejn it-traffikar għall-iskop ta’ sfruttament sesswali.
    (4)  FI, IE, SE stabbilixxew dispożizzjonijiet legali biss għall-isfruttament sesswali u AT, BE, DE, EE,FR, HU, IT, LV, LU, NL, PL, SK biss fil-kuntest tad-Direttiva tas-sanzjonijiet kontra min iħaddem.
    (5) Id-Direttiva 2009/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tipprevedi standards minimi għal sanzjonijiet u miżuri kontra min iħaddem lil ċittadini minn pajjiżi terzi b’residenza illegali, http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A32009L0052
    (6) Meta wieħed iżomm f’moħħu l-perjodu li skada mill-adozzjoni tal-Kummissjoni tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2009/52/KE, ma jistax jiġi eskluż li sadattant il-leġiżlazzjoni rilevanti ġiet adottata. Għal aktar informazzjoni ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2009/52/KE tat-18 ta’ Ġunju 2009 li tipprevedi standards minimi għal sanzjonijiet u miżuri kontra min iħaddem lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’residenza illegali COM(2014), 286 finali.
    (7)  Id-definizzjoni ta’ impjieg tkopri l-eżerċizzju ta’ attivitajiet ta' kwalunkwe forma ta’ xogħol jew impjieg skont il-liġi nazzjonali jew skont prattika stabbilita għal jew taħt id-direzzjoni u / jew is-superviżjoni ta’ min iħaddem (Artikolu 2(c) id-Direttiva 2009/52/EC); il-preambolu jippreċiża li din jinħtieġ li tkun irrispettivament mir-relazzjoni legali (il-Premessa 7).
    (8) Għal aktar informazzjoni ara Johanna Niemi & Jussi Aaltonen, “Abuse of a victim of sex trade: Evaluation of the Finnish http://ec.europa.eu/anti-trafficking/publications/abuse-victim-sex-trade_en sex purchase ban", il-Ministeru tal-Ġustizzja tal-Finlandja, 2014, jinsab fuq  
    (9) Bħall-studji tal-Kummissjoni jiġifieri dwar inizjattivi dwar il-prevenzjoni tat-traffikar tal-bnedmin u dwar id-dimensjoni tal-ġeneri tat-traffikar tal-bnedmin, li kienu r-riżultati tal-Istrateġija tal-UE kontra t-Traffikar.
    (10) Komunikazzjoni dwar l-Istrateġija tal-UE lejn il-Qerda tat-Traffikar tal-Bnedmin 2012-2016, (COM(2012) 286 finali).
    (11) Bħall-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà, l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni, l-Impenn Strateġiku tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi, id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Pjan ta’ Azzjoni għal Demokrazija tal-UE.
    (12) Pereżempju, il-Protokoll tan-Nazzjonijiet Uniti tas-sena 2000 dwar il-Prevenzjoni, it-Trażżin u l-Ikkastigar tat-Traffikar tal-Persuni, speċjalment Nisa u Tfal (l-Artikolu 9) u l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa tal-2005 dwar l-Azzjoni kontra t-Traffikar tal-Bnedmin (l-Artikoli 6 u 19).
    (13) Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta’ Mejju 2016 dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2011/36/UE tal-5 ta’ April 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu minn perspettiva tal-ġeneru (2015/2118(INI)), ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta’ Lulju 2016 dwar il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin fir-relazzjonijiet esterni tal-UE (2015/2340(INI)), ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-isfruttament sesswali u l-prostituzzjoni u l-impatt tagħhom fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi (2013/2103(INI).
    (14) Ir-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa ta’ Prostituzzjoni, Traffikar tal-Bnedmin u Skjavitù Moderna fl-Ewropa tal-1983 (2014). http://assembly.coe.int/nw/xml/XRef/X2H-Xref-ViewPDF.asp?FileID=20716&lang=en Tinsab fuq:  
    (15) L-organizzazzjonijiet li qed jieħdu sehem fil-pjattaforma tas-soċjetà ċivili tal-UE kontra t-traffikar tal-bnedmin innotaw li l-leġiżlazzjoni hija l-aktar miżura importanti li l-Istati Membri jinħtieġ li jieħdu biex jiżguraw il-prevenzjoni u t-tnaqqis tad-domanda. Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja d-dokument Rapport dwar il-progress li sar fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, it-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, COM(2016) 267 final, SWD(2016) 159 finali, p. 64.
    (16) Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, “L-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà”, COM(2015) 185 finali.
    (17) Rapport tal-Progress.
    (18) Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja d-dokument Rapport dwar il-progress li sar fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, it-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, COM(2016) 267 final, SWD(2016) 159 final, p. 39.
    Top