EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016DC0634

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL EWROPEW U L-KUNSILL It-Tielet Rapport dwar il-Progress li sar fl-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni bejn l-UE u t-Turkija

COM/2016/0634 final

Brussell, 28.9.2016

COM(2016) 634 final

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL EWROPEW U L-KUNSILL

It-Tielet Rapport dwar il-Progress li sar fl-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni bejn l-UE u t-Turkija


Introduzzjoni

Ir-rapporti ta’ progress tal-Kummissjoni 1 dwar l-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni bejn l-UE u t-Turkija 2 mmarkaw tendenza konsistenti, li juru riżultati stabbli fil-konfront ta’ bosta sfidi.

Objettiv ewlieni tad-Dikjarazzjoni huwa li jinkiser il-mudell tan-negozju tal-faċilitaturi tad-dħul klandestin ta' persuni li jisfruttaw il-migranti u r-refuġjati li jieħdu riskju potenzjalment fatali bil-qsim irregolari mit-Turkija lejn il-Greċja. It-tnaqqis sostanzjali kemm fil-qsim kif ukoll fil-fatalitajiet minn meta daħlet fis-seħħ din id-Dikjarazzjoni hu xhieda tar-riżultati effikaċi tagħha. Madankollu, billi xi uħud għadhom qed jaqsmu l-ibħra, filwaqt li r-ritorn mill-Greċja lejn it-Turkija qed jipproċedi b'pass kajman, qed iqiegħed aktar pressjoni fuq il-faċilitajiet ta' akkoljenza fil-gżejjer Griegi. Filwaqt li l-iskala ġenerali tal-flussi lejn il-Greċja għadha ħafna inqas minn dak li kienet qabel id-Dikjarazzjoni, din jixirqilha monitoraġġ mill-qrib.

Sar progress ukoll f'elementi oħra tad-Dikjarazzjoni. Ladarba jiġu konklużi l-proċedimenti tal-ammissibbiltà jew il-meritu tal-applikazzjonijiet għall-ażil, hemm fis-seħħ l-istrutturi li għandhom jippermettu ritorn effettiv lejn it-Turkija. Il-pass tar-risistemazzjoni tar-rifuġjati Sirjani mit-Turkija qed jiżdied. L-UE issa allokat aktar minn EUR 2,2 biljun mit-EUR 3 biljun tal-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija.

Matul il-perjodu kopert minn dan ir-Rapport, it-Turkija theżżet minn attentat ta’ kolp ta’ stat, fil-15-16 ta’ Lulju, li ħalla 241 ruħ mejta u madwar 2 200 ruħ midruba. Il-kolp ta’ stat li falla kien jirrappreżenta attakk dirett fuq id-demokrazija fit-Turkija. L-UE kkundannat bil-qawwa l-kolp ta’ stat u esprimiet l-appoġġ sħiħ u s-solidarjetà tagħha mat-Turkija u mal-istituzzjonijiet demokratiċi tagħha, bħala pajjiż kandidat u sieħeb ewlieni tal-UE kif ukoll stiednet lill-awtoritajiet Torok biex josservaw l-ogħla standards f’dak li jikkonċerna l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali.

F’sensiela ta’ żjarat ta’ livell għoli u b’mod partikolari fl-okkażjoni tad-Djalogu Politiku ta’ Livell Għoli fid-9 ta’ Settembru, l-UE ppreżentat din il-pożizzjoni u kkonfermat id-determinazzjoni tagħha li tkompli taħdem ma' Turkija demokratika, inklużiva u stabbli fuq kull lat. Il-kooperazzjoni fil-qasam tal-migrazzjoni ġiet diskussa b’mod attiv mal-kontropartijiet Torok li affermaw mill-ġdid l-impenn tat-Turkija li tkompli bl-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni UE-Turkija.

Dan l-impenn huwa rifless fl-iżviluppi mniżżlin f’dan ir-Rapport. Huwa jistipula x-xejra kontinwa ta’ progress, u l-miżuri meħtieġa biex jittejbu r-riżultati tad-Dikjarazzjoni u l-ħidma tkompli tiġi kkonsolidata.

1.    Sitwazzjoni attwali

Mit-Tieni Rapport tal-15 ta' Ġunju 2016 'il hawn, l-għadd totali ta’ persuni li jaslu mit-Turkija fil-gżejjer Griegi kien ta’ 9 250 3 – li jirrappreżentaw medja ta’ madwar 81 kuljum. Għalkemm f'Awwissu ġiet irreġistrata żieda, in-numri għadhom baxxi meta mqabbla mas-sajf tal-2015 (bħala medja, bejn Ġunju u Settembru 2015 kienu qed jaslu kważi 2 900 ruħ kuljum), kif ukoll meta mqabbla max-xahar ta' qabel l-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni (meta kienu qed jaslu medja ta' aktar minn 1 700 kuljum). B’rabta ma’ dan, filwaqt li huwa ta' tnikkit li ġew irreġistrati 11-il fatalità fil-Baħar Eġew mid-Dikjarazzjoni 'l hawn, dan jirrappreżenta tnaqqis sostanzjali fl-imwiet, meta wieħed jikkunsidra li matul l-2015 tilfu ħajjithom 270 ruħ.

Koordinazzjoni u kooperazzjoni mtejba:

Il-Koordinatur tal-UE tal-Kummissjoni qed tkompli tiżgura segwitu ta’ kuljum mal-awtoritajiet Griegi u dawk Torok, mal-Aġenziji tal-UE, mal-organizzazzjonijiet internazzjonali, u ma' Stati Membri oħra. L-Aġenziji tal-UE qed jipprovdu appoġġ sostanzjali u kritiku. Madankollu dawn jiddependu ħafna fuq l-Istati Membri biex jipprovdu l-esperti, u dan qed ikun b'mod konsistenti dejjem inqas mill-għadd meħtieġ. Mis-26 ta’ Settembru l-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Ażil immobilizza 83 interpretu fil-Greċja u 70 espert mill-Istati Membri, li minnhom 41 huma mobilizzati fil-hotspots. Minħabba li hemm bżonn ta' 100 espert fil-hotspots, bħalissa hemm nuqqas ta' 59 espert biex jappoġġaw l-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni UE-Turkija Għal dak li jirrigwarda l-appoġġ fil-fruntieri, mill-25 ta’ Settembru l-Frontex immobilizzat 699 uffiċjal fil-Greċja, inkluż total ta’ 675 uffiċjal 4 ikkonċernati fl-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni UE-Turkija. Madankollu, għall-perjodu minn Settembru sa Diċembru 2016, għad hemm in-nuqqas 5 . Irid jittieħed kont tal-ħitġijiet għoljin ta' rotazzjoni, minħabba li ma' kull rotazzjoni jintilef l-għarfien espert u r-riżorsi jridu jiġu ddevjati għat-taħriġ.

L-Europol stazzjonat tmien (8) speċjalisti fil-Greċja sabiex jassistu fl-investigazzjonijiet kontra t-traffikar tal-migranti. Barra minn hekk, 10 uffiċjali mistiedna ġew issekondati dan l-aħħar mill-Istati Membri biex iwettqu verifiki ta’ sigurtà tat-tieni linja fil-hotspots. Filwaqt li dan il-livell ta’ mobilizzazzjoni huwa meqjus suffiċjenti għar-rekwiżiti attwali, il-ħtieġa għal aġġustamenti fuq il-bażi tal-iżvilupp futur tal-flussi se jkollha tiġi mmonitorjata mill-qrib.

L-UE qed tipprovdi assistenza finanzjarja sabiex issostni l-Gwardja tal-Kosta Torka għall-prevenzjoni u u biex tiġġieled aħjar il-flussi ta' migrazzjoni irregolari, inkluż l-akkwist ta’ sitt bastimenti ta’ tiftix u salvataġġ, kif ukoll it-taħriġ relatat. L-ewwel bastimenti għandhom jaslu fi Frar 2017.

Minkejja l-bidliet fl-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, u fl-amministrazzjoni militari u pubblika wara l-attentat ta’ kolp ta’ stat – inkluża riorganizzazzjoni tal-Ġendarmerija Torka u tal-Gwardja tal-Kosta li jaqgħu taħt il-kontroll ċivili – l-attivitajiet ta’ pattulja mill-awtoritajiet Torok rilevanti jidhru li għadhom għaddejjin f’livell simili. Il-Gwardja tal-Kosta Torka baqgħet tirrispondi wkoll għal talbiet ta’ assistenza fuq il-baħar li ħarġu mill-awtoritajiet Griegi.

L-Uffiċjali ta’ Kollegament Torok preżenti fil-gżejjer Griegi ssejħu lura mill-gżejjer Griegi wara l-attentat tal-kolp ta’ stat. Ir-ritorn tagħhom għadu ma seħħx. Uffiċjal ta’ Kollegament Tork fil-Pajjiżi l-Baxxi jikkordina wkoll mal-Europol dwar kwistjonijiet li jinkludu l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ persuni.

Il-kooperazzjoni tal-Frontex mal-attività tan-NATO fil-Baħar Eġew

In-NATO tikkontribwixxi għall-isforzi internazzjonali biex jitwaqqaf it-traffikar illegali u l-migrazzjoni irregolari permezz ta’ intelligence, sorveljanza u rikonjizzjoni fil-Baħar Eġew. L-operazzjonijiet tal-Frontex u n-NATO jinkludu attivitajiet ta’ twissija bikrija u sorveljanza u l-qsim ta’ informazzjoni operazzjonali mal-Gwardji tal-Kosta Griegi u Torok. Il-Kmandijiet Marittimi tal-Frontex u n-NATO ffirmaw proċeduri operattivi standard f’Lulju 2016 u qed jiżviluppaw stampa komuni tas-sitwazzjoni. L-għan hu li jsir użu mill-attività tan-NATO fil-Baħar Eġew biex tiżdied aktar din ir-rata għolja ta’ detezzjoni u jkun hemm skambju ta' informazzjoni aktar rapidu dwar l-inċidenti, ir-rotot u l-metodi tat-traffikar tal-migranti.

Inizjattivi ta’ informazzjoni

It-Task Force għall-Istrateġija ta' Informazzjoni tal-Migranti mwaqqfa mill-Kummissjoni qed taħdem biex jiġu identifikati s-sorsi ta' informazzjoni li jużaw ir-rifuġjati u l-migranti, biex jiġu ddefiniti u mmirati messaġġi ewlenin, u biex jitħejja u jinxtered il-kontenut. Flimkien ma’ konsorzju medjatiku bi profil għoli, qed jitħejja "ċentru ta' informazzjoni" onlajn biex jilħaq miljuni ta’ refuġjati madwar id-dinja li se jibda jiffunzjona kmieni s-sena d-dieħla.

F’kooperazzjoni mal-Aġenziji tal-UE, l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni, l-UNHCR u l-awtoritajiet Griegi, il-Kummissjoni organizzat kampanja ta’ informazzjoni bejn il-25 ta’ Lulju u l-5 ta’ Awwissu 2016: ġew organizzati 101 sessjoni fil-ħames gżejjer Griegi li infurmaw aktar minn 2 300 migrant u l-familji tagħhom dwar il-proċeduri tal-ażil fil-Greċja għal dawk li waslu mit-Turkija wara l-20 ta’ Marzu, dwar ir-ritorn lejn it-Turkija skont id-Dikjarazzjoni UE-Turkija, u dwar ir-Ritorn Volontarju Assistit.

Sfidi ewlenin u l-passi li jmiss

L-Istati Membri għandhom iżidu b’mod urġenti l-appoġġ tagħhom lill-Greċja permezz tal-Aġenziji tal-UE. In-nuqqas attwali ta’ 59 espert għall-Uffiċċju ta’ Appoġġ Ewropew fil-Qasam tal-Ażil u nuqqas ta' persunal sal-aħħar tal-2016 (sa 194 espert tul il-perjodu) għall-Frontex irid jimtela qabel il-Kunsill Ewropew tal-20-21 ta’ Ottubru. L-esperti għandhom jiġu mobilizzati għal perjodi itwal biex ikun hemm kontinwità.

Il-kooperazzjoni trid tissaħħaħ biex jiġi ottimizzat l-użu tal-Intelligence tal-UE, in-NATO, l-awtoritajiet Griegi u Torok.

2.    Ir-ritorn tal-migranti irregolari ġodda kollha mill-Greċja lejn it-Turkija

Id-Dikjarazzjoni tipprevedi r-ritorn tal-migranti irregolari ġodda kollha u l-applikanti ġodda għall-ażil li qasmu mit-Turkija għall-gżejjer Griegi li l-applikazzjonijiet tagħhom ġew iddikjarati inammissibbli jew bla bażi. Dawn il-miżuri jitwettqu strettament skont ir-rekwiżiti li joriġinaw mid-dritt tal-UE u dak internazzjonali, u b'rispett sħiħ għall-prinċipju ta' non-refoulement.

Stat preżenti

Mit-Tieni Rapport tal-15 ta' Ġunju 2016 'il hawn, 116-il persuna li daħlu irregolarment fil-Greċja ntbagħtu lura fil-qafas tad-Dikjarazzjoni, 6 inklużi 22 Sirjan, li jġib it-total ta' migranti mibgħutin lura t-Turkija wara d-Dikjarazzjoni UE-Turkija għal 578. Nazzjonalitajiet oħra jinkludu Pakistani, Alġerini, Eġizzjani, Marokkini, Jemeniti, Iraqqini, Lebaniżi u Palestinjani. Il-persuni mibgħutin lura kienu rċevew deċiżjonijiet negattivi għall-ażil (inklużi deċiżjonijiet negattivi fit-tieni istanza), kienu rtiraw l-appikazzjonijiet tagħhom għall-ażil, jew ma kinux applikaw għall-ażil.

L-għan li jiġi żgurat ir-ritorni skont id-Dikjarazzjoni ġie mfixkel l-aktar mir-ritmu kajman tal-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-ażil fl-ewwel istanza mis-Servizz tal-Ażil Grieg (anki bl-għajnuna tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Ażil), u bl-ipproċessar tal-appelli mill-Awtorità Griega għall-Appelli li ġiet stabbilita reċentement. Sar progress fit-twaqqif ta’ korpi xierqa u flussi ta’ xogħol biex jimmaniġġaw l-għadd kbir ta’ applikazzjonijiet għall-ażil li kien inżamm lura minħabba n-nuqqas ta’ riżorsi (inkluż intervistaturi fl-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ għall-Ażil). Hemm bżonn urġenti li jsiru aktar sforzi mill-amministrazzjoni Griega sabiex tinbena kapaċità sostanzjalment miżjuda u u sostnuta għar-ritorn ta' migranti li jkunu qed jaslu, li huwa kkunsidrat deterrent ewlieni għall-migranti irregolari u għat-traffikanti.

Kien hemm interruzzjonijiet fl-attivitajiet ta’ riammissjoni u ta' ritorn fil-perjodu wara l-attentat tal-kolp ta’ stat li sar fit-Turkija iżda dawn reġgħu bdew kmieni f’Settembru. Fin-nuqqas ta’ Uffiċjali ta’ Kollegament Torok fuq il-gżejjer (ara hawn fuq), dan ix-xogħol huwa kkoordinat direttament mal-awtoritajiet Torok.

Ix-xogħol qed ikompli bl-għan li jiżdied ir-ritorn volontarju mill-gżejjer. Bl-appoġġ tal-UE permezz tal-programm tal-Organizzazzjoni Internazzjonali ta' Għajnuna għar-Ritorn Volontarju tal-Migrazzjoni, mill-1 ta’ Ġunju 'l hawn, 1 976 migrant irritornaw volontarjament mill-Greċja lejn il-pajjiż tagħhom ta’ oriġini, b’230 mill-gżejjer Griegi. Total ta’ 4 678 migrant użaw il-programm mill-Greċja fl-2016.

 

Passi legali

Il-Greċja adottat dispożizzjonijiet ġuridiċi li jistabbilixxu Awtorità ta’ Appell ġdida u Kumitati tal-Appell ġodda, biex jeżaminaw fit-tieni istanza l-appelli mressqa mill-20 ta’ Lulju 'l hawn kontra deċiżjonijiet tas-Servizz tal-Ażil Grieg fl-ewwel istanza. 7 Il-ħidma ta’ dawn il-Kumitati hija essenzjali biex ikun żgurat il-proċess dovut fil-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-ażil skont l-istandards tal-UE u dawk internazzjonali. Il-Kumitati tal-Appell issa jeħtieġ li jkollhom ir-riżorsi meħtieġa biex ikunu jistgħu joperaw bir-rata massima ħalli jitħaffef l-ipproċessar ta’ dawn l-appelli sabiex jintlaħaq l-għan li jiġu ttrattati madwar 500 każ kull xahar (100 għal kull kumitat) filwaqt li għandhom jagħtu prijorità lill-każi tal-ażil fil-gżejjer Griegi li jaqgħu fil-kuntest tad-Dikjarazzjoni UE-Turkija.

L-ewwel deċiżjonijiet dwar appelli nħarġu f’nofs Awwissu. Madankollu l-proċess kien wieħed kajman. Skont l-aħħar ċifri disponibbli 8 , l-għadd totali ta’ appelli kontra d-deċiżjonijiet tal-ewwel istanza dwar l-ammissibbiltà u fuq il-meriti mis-Servizz tal-Ażil kien ta’ 1 013. Mit-311-il deċiżjoni tal-appell sa issa dwar l-ammissibbiltà. sitt deċiżjonijiet tal-appell tat-tieni istanza kkonfermaw 9 id-deċiżjonijiet ta' inammissibbiltà tal-ewwel istanza. Kien hemm 305 deċiżjonijiet tal-appell tat-tieni istanza li qalbu d-deċiżjonijiet ta' inammissabbiltà tal-ewwel istanza. fir-rigward tal-analiżi tal-merti, 40 deċiżjoni tal-appell tat-tieni istanza kkonfermaw id-deċiżjonijiet negattivi tal-ewwel istanza u tnejn qalbu deċiżjonijiet negattivi.

Il-Kumitati tal-Appell il-ġodda sa issa ħarġu 35 deċiżjoni rigward każijiet fil-gżejjer – mill-inqas tlieta dwar l-ammissibbiltà 10 u 32 fuq il-merti 11 . Issa ġie varat appell ta' livell ogħla lill-Kunsill tal-Istat Elleniku minn Sirjan li qed jikkontesta d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-Kumitati tal-Appelli.

Fit-Turkija, l-iżviluppi legali inkludew l-applikazzjoni tar-regoli dwar il-permessi tax-xogħol li wasslu biex għal 10 584 applikazzjoni għall-permessi tax-xogħol minn ċittadini Sirjani. Sa issa ġew approvati aktar minn 8 000, li diġà jirrappreżentaw id-doppju taċ-ċifra għall-2015 kollha.

Rigward il-Ftehim ta’ Riammissjoni bejn l-UE u t-Turkija, ma ġie rreġistrat l-ebda progress fl-implimentazzjoni ta’ dispożizzjonijiet dwar ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Il-Kunsill tal-Ministri Tork għadu ma ħax deċiżjonijiet li jawtorizzaw l-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Kien hemm xi progress fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ Riammissjoni UE-Turkija dwar ir-riammissjoni ta’ ċittadini Torok.

Passi operazzjonali

Il-fluss kostanti tal-wasliet – għalkemm imnaqqas b’mod konsiderevoli – u l-pass kajman tar-ritorn poġġa lill-kapaċitajiet ta’ akkoljenza fil-gżejjer taħt taħt pressjoni dejjem tiżdied. 12 Bħala konsegwenza, il-hotspots Griegi huma dejjem aktar iffullati, u dan joħloq kondizzjonijiet diffiċli u xi kultant perikolużi, kif ġara dan l-aħħar b’nar fil-gżira ta’ Lesvos. L-għadd totali ta’ migranti preżenti fil-gżejjer kien ta' 13 863 fis-27 ta’ Settembru, ferm akbar mill-kapaċità ta’ akkoljenza ta’ 7 450 biss.

 

Is-sitwazzjoni tista’ titnaqqas biss billi jitnaqqas l-għadd ta’ persuni meħtieġa biex jibqgħu fuq il-gżejjer. L-ewwel nett, dan jeħtieġ ipproċessar aktar mgħaġġel tal-applikazzjonijiet għall-ażil skont il-proċedura tal-fruntieri applikabbli għal applikazzjonijiet fil-gżejjer, sabiex ikun hemm aktar ritorni lejn it-Turkija ta’ dawk li l-applikazzjonijiet tagħhom għall-ażil jiġu meqjusa bħala inammissibbli jew miongħajr bażi.

Ir-realtà tal-iffullar żejjed attwali tindika wkoll il-ħtieġa għal espansjoni rapida tal-faċilitajiet ta’ akkoljenza, inkluż il-provvediment ta’ kundizzjonijiet xitwija. Il-Minorenni Mhux Akkumpanjati għandhom ukoll jiġu ttrasferiti f'faċilitajiet apposta: Minorenni Mhux Akkumpanjati huma prijorità ewlenija għall-Kummissjoni poġġiet għad-dispożizzjoni finanzjament biex ikun hemm kapaċità akbar ta’ akkoljenza u ħeġġet lill-Istati Membri biex jirrilokaw għadd akbar ta’ Minorenni Mhux Akkumpanjati.

 

L-awtoritajiet Griegi ħatru l-kap tas-Servizz ta' Akkoljenza u Identifikazzjoni. Iżda fil-livell lokali, il-ġestjoni tal-hotspots għadha mxekkla minħabba li għadhom ma ġew nominati u mobilizzati koordinaturi permanenti tal-hotspots fil-Greċja, kif previst mill-bidu tal-2016. Dan huwa meħtieġ mingħajr aktar dewmien sabiex tiġi żgurata l-ġestjoni ġenerali tal-hotspots, inkluż mil-lat tas-sigurtà. Għandhom ukoll jiġu adottati wkoll b'mod uffiċjali Proċeduri Operazzjonali Standard ġodda għall-hotspots bħala kwistjoni ta’ prijorità, b’kunsiderazzjoni sħiħa tad-Dikjarazzjoni UE-Turkija.

L-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-Qasam tal-Ażil wettaq valutazzjoni komprensiva ta’ sigurtà fl-oqsma tax-xogħol tagħhom fi tliet hotspots sabiex jidentifika l-oqsma prinċipali fejn is-sikurezza u s-sigurtà jistgħu jissaħħu. Ir-riżultati kienu jinkludu l-kiri ta’ kumpanija tas-sigurtà privata, xogħlijiet ta’ infrastruttura biex tiġi ggarantita s-sigurtà tal-perimetru, u l-provvediment ta’ kits mediċi u t-tagħmir għat-tifi tan-nar.

L-awtoritajiet Griegi ddikjaraw il-preżenza ta’ total ta’ aktar minn 60 000 migrant irreġistrati fuq it-territorju tagħhom. Bejn id-9 ta’ Ġunju u t-30 ta’ Lulju, ġew prereġistrati 27 592 migrant preżenti fil-Greċja kontinentali taħt il-proċedura tal-ażil, fosthom 1 225 Minorenni Mhux Akkumpanjati. Dan kien impenn amministrattiv konsiderevoli għall-awtoritajiet Griegi, appoġġat mill-fondi tal-UE u mill-kompetenzi tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-Qasam tal-Ażil, l-UNHCR u l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni. 13

Assistenza finanzjarja mill-UE

Mit-Tieni Rapport tal-15 ta' Ġunju 2016 'il hawn, il-Kummissjoni tat aktar minn EUR 90 miljun f’finanzjament ta’ emerġenza mill-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni u mill-Fond għas-Sigurtà Interna biex tittejjeb il-kapaċità ta’ akkoljenza fil-Greċja u l-assistenza lill-migranti u r-refuġjati. 14  Din l-għajnuna ta’ emerġenza reċenti hija apparti l-fondi ta’ emerġenza mogħtija preċedentement: mill-bidu tal-2015 'il hawn, madwar EUR 352 miljun ġew mogħtija permezz ta’ dawn il-fondi tal-UE biex jappoġġaw azzjonijiet fil-Greċja. Fir-rigward tal-EUR 509 miljun allokati lill-Greċja għall-perjodu 2014-2020 permezz tal-programmi nazzjonali tagħha, dawn il-programmi nazzjonali qed jiġu riveduti biex jiġu adattati aħjar għall-ħtiġijiet attwali tal-Greċja. Qed jiġi pprovdut finanzjament sostanzjali min-naħa tal-UE (madwar EUR 198 miljun) lil imsieħba umanitarji permezz tal-Istrument ta’ Appoġġ għall-Emerġenza tal-UE li nħoloq reċentement. Dan l-appoġġ għandu l-għan li jkopri l-bżonnijiet umanitarji bażiċi tal-migranti u r-refuġjati, inkluż il-kenn, is-sanità, u skemi ta’ vouchers biex jinxtara l-ikel u ħtiġijiet oħra. Dan jinkludi appoġġ speċjali għall-edukazzjoni tat-tfal u ta' Minorenni Mhux Akkumpanjati.

Sfidi ewlenin u l-passi li jmiss

It-tħaffif tal-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-ażil mir-reġistrazzjoni sal-appell, f’konformità mal-liġi tal-UE u dik internazzjonali;

Jiżdied b’mod urġenti r-ritmu ta’ ritorn lejn it-Turkija;

Jiżdiedu u jsir aġġistament għall-kapaċitajiet ta’ akkoljenza tax-xitwa fil-gżejjer Griegi;

Jiġu adottati l-Proċeduri Operattivi Standard mill-awtoritajiet Griegi għall-hotspots u jiġu nnominati l-koordinaturi permanenti fil-hotspots;

Jiġi żgurat it-trasferiment ta’ Minorenni Mhux Akkumpanjati f’faċilitajiet apposta;

It-Turkija tawtorizza l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta' Riammissjoni UE-Turkija rigward ċittadini ta' pajjiżi terzi.

3.    Risistemazzjoni "Wieħed għal Wieħed" mit-Turkija lejn l-UE

Stat preżenti

Skont l-aħħar ċifri, fis-26 ta' Settembru, 1 614-il Sirjan ġew risistemati fl-UE fil-qafas ta’ 1:1. li permezz tiegħu l-UE tipprovdi risistemazzjoni lil Sirjan mit-Turkija għal kull Sirjan li jintbagħat lura t-Turkija mill-gżejjer Griegi. Minn dawn, mit-Tieni Rapport tal-15 ta' Ġunju 2016 'il hawn, 1 103 Sirjani ġew risistemati mit-Turkija lejn 12-il Stat Membru (il-Belġju, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Portugall, Spanja u l-Iżvezja) 15 . Dan iwassal l-għadd ta’ Stati Membri li jirċievu skont l-iskema ta’ risistemazzjoni għal 13. 16 Barra minn hekk, filwaqt li r-risistemazzjoni ġiet interrotta f’nofs Lulju wara l-attentat tal-kolp ta’ stat, din reġgħet bdiet f’Awwissu. L-għadd ta' persuni li għaddew mill-proċeduri meħtieġa u jinsabu lesti għal risistemazzjoni jlaħħaq il-509. Bħala riżultat ta’ dan, il-pass ta’ risistemazzjoni huwa konsiderevolment avvanzat meta mqabbel mar-ritorni mill-gżejjer Griegi. U r-ritmu jeħtieġ li jinżamm.

L-Istati Membri huma lesti li jagħmlu aktar risistemazzjoni. Fit-2 ta’ Settembru, l-awtoritajiet Torok ippreżentaw lill-UNHCR lista ta’ 5 700 rifuġjat Sirjan riferuti għal risistemazzjoni possibbli (għalkemm mhux dawn il-fajls kollha se jkunu effettivi, pereżempju minħabba duplikazzjonijiet jew kanċellazzjonijiet possibbli). Hu mistenni li sa tmiem Settembru l-UNHCR jippreżenta l-ewwel 300 każ lill-Istati Membri. L-importanza li jkun hemm provvista kontinwa ta’ riferimenti ġodda tqajmet mal-awtoritajiet Torok, li wieġbu li qegħdin jaħdmu fuq il-lista ta' riferimenti li jmiss.

Passi legali

Bħala appoġġ għall-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni, f’Marzu 2016 il-Kummissjoni ppreżentat proposta li tippermetti li l-Istati Membri jissodisfaw l-obbligi tagħhom ta’ rilokazzjoni tal-54 000 post mhux allokat permezz tal-ammissjoni ta’ ċittadini Sirjani fi bżonn ċar ta’ protezzjoni internazzjonali preżenti fit-Turkija, permezz ta' risistemazzjoni jew ta' forom oħra ta’ ammissjoni legali. 17 Il-proposta tipprevedi wkoll li l-Istati Membri li jagħmlu użu minn din l-opzjoni jirċievu kontribuzzjoni finanzjarja fil-forma ta’ somma f’daqqa ta’ EUR 6 500 għal kull Sirjan ammess legalment fit-territorju tagħhom mit-Turkija. Wara opinjoni mill-Parlament Ewropew fil-15 ta’ Settembru 2016, il-Kunsill wasal biex jadotta l-proposta 18 .

 

Passi operazzjonali

It-Tim ta' Risistemazzjoni tal-UE, filwaqt li jaħdem fid-Delegazzjoni tal-UE f'Ankara, qed ikompli jikkoordina u jassisti l-operazzjonijiet tal-Istati Membri u jżomm kuntatt mal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni, il-UNHCR u d-Direttorat Ġenerali Tork għall-Ġestjoni tal-Migrazzjoni. Il-partijiet kollha qed jaħdmu flimkien biex jindirizzaw kull kwistjoni teknika li tirriżulta matul proċess li jista’ jirriżulta f’dewmien ta’ operazzjonijiet ta’ risistemazzjoni u jkollu impatt fuq l-għadd totali ta’ refuġjati risistemati fl-UE. Iċ-ċentru tal-intervisti komuni f’Ankara jiffaċilita l-intervisti ma’ kandidati Sirjani għar-risistemazzjoni.

Sfidi ewlenin u l-passi li jmiss

Jinżamm l-istess ritmu ta’ risistemazzjoni.

L-adozzjoni mill-Kunsill tal-proposta tal-Kummissjoni rigward 54 000 post mhux alokat.

4.    Il-prevenzjoni ta’ rotot tal-baħar jew tal-art ġodda għall-migrazzjoni irregolari

L-isforzi biex jiġu kkontrollati l-flussi fil-Baħar Eġew sa issa għadhom ma wasslux għal żvilupp kbir ta’ rotot alternattivi mit-Turkija. Madankollu, il-fatt li għad hemm fluss sinifikanti ta’ persuni li jaslu fi Stati Membri bħall-Awstrija u l-Ġermanja iqajjem il-possibbiltà li n-nies qed ikomplu jsibu soluzzjoni biex joħorġu mit-Turkija. Xi dgħajjes għamlu l-vjaġġ itwal lejn Stati Membri oħra: Matul il-perjodu ta’ rapportar 24 dgħajsa li telqu mit-Turkija waslu l-Italja. Fuq l-art, kien hemm żieda fid-detezzjoni ta’ qsim irregolari tal-fruntieri fuq l-art tat-Turkija mal-Bulgarija u l-Greċja.

Għalhekk huwa importanti li jsir monitoraġġ kontinwu tas-sitwazzjoni, u biex jittiedu miżuri preventivi. It-tisħiħ tal-komunikazzjoni u l-iskambju tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet Torok u l-kontropartijiet tagħhom fl-UE se jkun fattur importanti sabiex jiġi indirizzat kull riskju li jinqala'. Fl-UE, ittieħdu miżuri biex jipproteġu l-fruntieri vulnerabbli. Pereżempju, wara talba mill-awtoritajiet Bulgari għal appoġġ addizzjonali, il-Frontex qed issaħħaħ il-preżenza tagħha gradwalment fil-fruntieri Bulgari mat-Turkija (kif ukoll mas-Serbja). Sas-26 ta’ Settembru, ġew mobilizzati 177 espert fil-Bulgarija iżda għad hemm nuqqas konsiderevoli meta mqabbla mat-345 espert li kien maqbul li huma meħtieġ. Il-Kummissjoni qed tkompli tħeġġeġ lill-Istati Membri kollha biex jikkontribwixxu biex jissodisfaw sejħiet tal-Frontex. Barra minn hekk, il-Kummissjoni dan l-aħħar tat EUR 108 miljun f'assistenza għall-emerġenza lill-Bulgarija għat-tisħiħ tas-sorveljanza tal-fruntieri u l-ġestjoni tal-migrazzjoni fil-fruntieri esterni ta' dan l-Istat Membru mat-Turkija, mas-Serbja u ma' dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja. Applikazzjonijiet ulterjuri mill-Bulgarija għal assistenza addizzjonali għall-emerġenza sa EUR 52 miljun għadhom qed jiġu eżaminati. It-tnedija imminenti tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta għandha taġixxi bħala appoġġ ewlieni għall-effikaċja u l-konsistenza fil-fruntieri esterni tal-UE.

5.    Skema Volontarja ta’ Ammissjoni Umanitarja

Qed isiru diskussjonijiet fil-Kunsill dwar il-Proċeduri Operattivi Standard għall-Iskema ta' Ammissjoni Umanitarja Volontarja f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni, l-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-Qasam tal-Ażil, il-UNHCR u l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni. Il-kummenti li pprovdiet it-Turkija f'Ġunju dwar il-Proċeduri Operattivi Standard ġew diskussi fil-Kunsill u segwiti b’laqgħa teknika f’Ankara. Se jsiru aktar skambji ma’ Stati Membri u t-Turkija biex jiġu ffinalizzati l-Proċeduri Operattivi Standard.

Ladarba jkun hemm qbil dwar il-Proċeduri Operattivi Standard, għandha ssir valutazzjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet li jiskattaw l-implimentazzjoni ta' din l-Iskema ġewx issodisfati. Id-Dikjarazzjoni UE-Turkija tistipula li l-Iskema se tiġi attivata ladarba l-qsim irregolari tal-fruntieri bejn it-Turkija u l-UE jkun qed jieqaf jew għall-anqas ikun tnaqqas sostanzjalment u b’mod sostenibbli. Id-dħul fis-seħħ tal-Iskema għandu jsaħħaħ l-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni, filwaqt li jipprovdi lis-Sirjani b’alternattiva sikura u legali għall-migrazzjoni irregolari lejn l-UE.

6.    Liberalizzazzjoni tal-viża

F’dak li jirrigwarda l-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali għal-Liberalizzazzjoni tal-Viża, it-Tieni Rapport tal-15 ta' Ġunju 2016 iddeskriva seba’ punti ta’ riferiment li għad iridu jiġu ssodisfati:

il-ħruġ ta' dokumenti tal-ivvjaġġar biometriċi kompletament kompatibbli mal-istandards tal-UE;

l-adozzjoni tal-miżura biex għall-prevenzjoni tal-korruzzjoni prevista fil-Pjan Direzzjonali;

il-konklużjoni ta' ftehim ta’ kooperazzjoni operazzjonali mal-Europol;

ir-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni u l-prattiki dwar it-terroriżmu f’konformità mal-istandards Ewropej;

l-allinjament tal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali mal-istandards tal-UE;

tiġi offruta kooperazzjoni ġudizzjarja effettiva fi kwistjonijiet kriminali lill-Istati Membri kollha tal-UE;

l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Riammissjoni UE - Turkija fid-dispożizzjonijiet kollha tiegħu.

Il-Kummissjoni inkoraġġixxiet l-isforzi tat-Turkija biex tiffinalizza x-xogħol fuq il-punti ta’ riferiment pendenti kollha dwar il-Pjan Direzzjonali għal-Liberalizzazzjoni tal-Viża malajr kemm jista’ jkun. 19 Il-Kummissjoni u t-Turkija komplew bid-djalogu impenjat sabiex isibu soluzzjonijiet, inkluż dwar il-bidliet leġiżlattivi jew proċedurali meħtieġa fuq il-punti ta’ riferiment kollha li għadhom pendenti.

B'mod parallel, komplew id-diskussjonijiet bejn il-koleġiżlaturi dwar il-proposta tal-Kummissjoni 20 biex jissaħħaħ il-mekkaniżmu ta’ sospensjoni eżistenti, li jistabbilixxi ċ-ċirkustanzi li jwasslu għal sospensjoni possibbli ta’ vjaġġar mingħajr viża għaċ-ċittadini tal-pajjiżi kollha li jgawdu mil-liberalizzazzjoni tal-viża.

7.    Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija

Mit-Tieni Rapport tal-15 ta' Ġunju 2016 'il hawn, l-ammont totali allokat skont il-Faċilità għal għajnuna kemm umanitarja u mhux laħaq l-EUR 2,239 biljun għall-perjodu 2016–2017. Dan jirrappreżenta sehem kbir mit-EUR 3 biljun totali. Mill-flus allokati, l-ammonti kkuntrattati żdiedu għal EUR 1,252 biljun. Mill-flus ikkuntrattati, il-Kummissjoni qed tagħmel kull sforz meħtieġ biex tiżgura aċċellerazzjoni fl-iżborżamenti skont il-Faċilità, li laħqu l-EUR 467 miljun. 21

Mit-Tieni Rapport tal-15 ta' Ġunju 2016 'il hawn, il-Kummissjoni kompliet bl-isforzi tagħha biex jiġu indirizzati l-aktar bżonnijiet kritiċi għar-refuġjati u għall-komunitajiet ospitanti fit-Turkija.

Fil-kuntest tal-Faċilità għall-għajnuna umanitarja, 22 sa issa ġew allokati EUR 595 miljun, li minnhom EUR 512-il miljun ġew ikkuntrattati. Minn dan l-ammont ġew żborżati EUR 407 miljun. F’Ġunju, il-Kummissjoni ppubblikat Pjan ta’ Implimentazzjoni Umanitarja. Skont dan il-Pjan, b’żieda mal-EUR 74 miljun ikkuntrattati sal-aħħar ta’ Lulju biex jiżdiedu l-attivitajiet fil-qasam tal-protezzjoni, it-tħejjija għax-xitwa, is-saħħa u l-edukazzjoni, ġie ffirmat kuntratt ta’ EUR 348 miljun mal-Programm Dinji tal-Ikel, li se jaħdem fi sħubija ma’ organizzazzjonijiet tat-Turkija biex tiġi implimentata s-"Sistema ta’ Protezzjoni Soċjali ta’ Emerġenza" – l-akbar programm umanitarju li qatt kellha l-UE. 23 Dan se jipprovdi karti elettroniċi sabiex miljun refuġjat li huma l-iżjed vulnerabbli jkunu jistgħu jkopru l-ħtiġijiet bażiċi tagħhom f’termini ta’ ikel, kenn u edukazzjoni permezz ta’ top ups prevedibbli ta’ kull xahar, sistema li hija kost-effettiva u effiċjenti kif ukoll aktar dinjituża għall-individwi kkonċernati. L-implimentazzjoni ta’ dan il-programm hija prijorità għax-xhur li ġejjin f’dan il-qasam, flimkien mat-tħejjija għax-xitwa, il-protezzjoni u l-edukazzjoni mhux formali u s-saħħa.

Taħt il-pakkett ta’ għajnuna mhux umanitarja, f’Lulju 2016 il-Kummissjoni adottat Miżura Speċjali dwar l-Edukazzjoni, is-Saħħa, l-Infrastruttura Muniċipali u s-Sostenn Soċjoekonomiku lir-refuġjati fit-Turkija, li talloka ammont totali ta’ EUR 1,415 biljun. Issa ġew iffirmati żewġ kuntratti importanti mal-Ministeru tas-Saħħa Tork u mal-Ministeru Tork tal-Edukazzjoni Nazzjonali għal total ta' EUR 600 miljun. 24 Dawn se jipprovdu aċċess sostenibbli għall-edukazzjoni u s-saħħa għar-rifuġjati. Dawn iż-żewġ kuntratti huma b'żieda ma’ żewġ kuntratti oħra li ġew iffirmati f’Awwissu: ftehim dirett mad-Direttorat Ġenerali Tork għall-Ġestjoni tal-Migrazzjoni – għall-valur ta’ EUR 60 miljun – b'sostenn għall-migranti mal-wasla lura tagħhom mill-Greċja lejn it-Turkija; 25 u l-kuntratt mal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni – għall-valur ta' EUR 20 miljun – biex jiġu żviluppati l-kapaċitajiet tal-Gwardja tal-Kosta Torka għal operazzjonijiet ta’ tiftix u salvataġġ (ara hawn fuq). Proġetti oħra li jgħinu biex jinbnew skejjel, sptarijiet u s-servizzi pubbliċi se jiġu ffirmati matul il-ftit xhur li ġejjin. B'kollox, madwar EUR 1,6 biljun ġew allokati għal assistenza mhux umanitarja, li minnhom EUR 740 miljun ġew ikkuntrattati. Minn dawn, EUR 60 miljun diġà ġew żborżati, filwaqt li l-ħlasijiet bil-quddiem taħt il-kuntratti l-ġodda għas-saħħa u l-edukazzjoni se jżidu din is-somma għal EUR 240 miljun sal-aħħar ta' Ottubru. 26 Il-passi li jmiss se jinkludu tħejjijiet biex jiġu kuntratti għadd ta’ ftehimiet ta’ delega ma’ Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali b’sostenn għall-infrastruttura muniċipali u soċjali, kif ukoll għal proġetti minn isfel għal fuq taħt il-Fond Fiduċjarju Reġjonali tal-UE b’Reazzjoni għall-Kriżi Sirjana f’oqsma ġodda bħal aċċess akbar għar-refuġjati għall-edukazzjoni ogħla, għat-taħriġ vokazzjonali u għas-suq tax-xogħol.

Sfidi ewlenin u l-passi li jmiss

Jiġi żgurat l-ipproċessar rapidu tal-programmi kollha fil-mira;

Tiġi żgurata l-implimentazzjoni effikaċi u finanzjarjament soda tagħhom b'kooperazzjoni sħiħa mal-awtoritajiet Torok.

8.    Aġġornar tal-Unjoni Doganali

L-Unjoni Doganali bejn l-UE u t-Turkija kienet s-sies tar-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali mill-qrib li wasslet biex it-Turkija ssir il-ħames sieħeb kummerċjali ewlieni tal-UE fid-dinja, filwaqt li l-UE hija l-akbar sieħeb kummerċjali tat-Turkija bil-bosta. Madankollu, l-ewwel Djalogu Ekonomiku ta’ Livell Għoli bejn l-UE u t-Turkija f’April li għadda, enfasizza l-potenzjal jsir aktar sabiex ikun hemm ħakma aħjar tal-potenzjal mhux sfruttat fir-relazzjonijiet kummerċjali preferenzjali bilaterali u jittejjeb il-funzjonament tal-Unjoni Doganali. Ħidma preparatorja li tħejji t-triq għal negozjati dwar l-immodernizzar u l-estensjoni tal-unjoni doganali qed tagħmel progress tajjeb. Fil-konsultazzjoni riċenti kien hemm appoġġ qawwi għall-aġġornament tal-Unjoni Doganali u għat-titjib tal-funzjonament tagħha, 27 u dan se jiġi inkluż f’valutazzjoni tal-impatt li tikkunsidra alternattivi għall-ġejjieni fid-dawl tal-possibbiltà ta’ abbozz ta’ direttiva ta’ nnegozjar li se tiġi ppreżentata mill-Kummissjoni sa tmiem l-2016.

9.    Il-proċess ta’ adeżjoni

In-negozjati ta' adeżjoni dwar il-Kapitolu 33 (dispożizzjonijiet finanzjarji u baġitarji) bdew fit-30 ta’ Ġunju b'konformità mad-Dikjarazzjoni UE-Turkija. Ix-xogħol ta' tħejjija qed ikompli jagħmel progress fuq ħames Kapitoli oħra, mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet tal-Istati Membri b'konformità mar-regoli eżistenti.

Fl-oqsma ewlenin tad-drittijiet ġudizzjarji u fundamentali u ġustizzja, libertà u sigurtà (il-Kapitoli 23 u 24), il-Kummissjoni qed taġġorna d-dokumenti biex jiġu kkunsidrati l-aħħar żviluppi. Dawn il-kapitoli jkopru firxa ta’ kwistjonijiet kritiċi li jinkludu drittijiet fundamentali bħall-libertà tal-espressjoni, il-ġudikatura, il-politika kontra l-korruzzjoni, il-migrazzjoni u l-ażil, ir-regoli tal-viża, il-ġestjoni tal-fruntieri, il-kooperazzjoni tal-pulizija u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u kontra t-terroriżmu. L-UE tistenna li t-Turkija tirrispetta l-ogħla standards f'dak li jirrigwarda d-demokrazija, l-istat tad-dritt, ir-rispett tal-libertajiet fundamentali, inkluża l-libertà tal-espressjoni. Il-Kummissjoni se tagħmel monitoraġġ tal-iżviluppi u teżaminhom fid-dettall fir-Rapport li jmiss dwar it-Turkija, li għandu joħroġ f’Novembru bħala parti mill-pakkett tat-Tkabbir.

Dan jibni fuq il-ħidma preparatorja mwettqa mill-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna dwar l-enerġija (il-Kapitolu 15), l-edukazzjoni u l-kultura (il-Kapitolu 26), u l-politika barranija, tas-sigurtà u d-difiża (il-Kapitolu 31).

10.    Kundizzjonijiet umanitarji fis-Sirja

Is-sitwazzjoni umanitarja fis-Sirja għadha mwiegħra. Skont iċ-ċifri tan-NU, 4,8 miljun Sirjan ħarbu mill-pajjiż, u 6,1 miljun persuna ġew spostati internament, filwaqt li huwa stmat li 13,5 miljun ruħ jeħtieġu assistenza fis-Sirja llum. Minn dawn, madwar 5,5 miljun persuna jinsabu f’żoni li diffiċli jintlaħqu u aktar min-nofs miljun jinsabu f’żoni li attwalment huma taħt assedju, inkluż fil-Lvant ta’ Aleppo. L-appoġġ tal-ħtiġijiet umanitarji ta’ dawn in-nies jiddependi ħafna fuq il-ħidma konġunta tal-UE u t-Turkija u fuq l-għajnuna transfruntiera li ġejja mill-pajjiżi ġirien bħat-Turkija u l-Ġordan.

L-UE kienet partikolarment attiva biex tagħti assistenza transfruntiera mit-Turkija lejn is-Sirja tat-Tramuntana: Fl-2015, aktar minn EUR 43 miljun ġew allokati għal operazzjonijiet transfruntieri mit-Turkija lejn żoni li huma assedjati u diffiċli jintlaħqu. Fl-2016, EUR 140 miljun oħra kienu allokati għal attivitajiet ta’ salvataġġ tal-ħajja fis-Sirja għal attivitajiet ta’ organizzazzjonijiet sħab f’setturi bħas-saħħa, il-protezzjoni, l-edukazzjoni u r-rispons tal-ewwel linja, b'attenzjoni fuq iż-żoni l-iktar vulnerabbli. Il-Kummissjoni tipprovdi fondi lil sistema ta’ rispons ta’ emerġenza tal-ewwel linja, li tippermetti lis-sħab sabiex jimmobilizzaw malajr stokkijiet prepożizzjonati biex titwassal l-għajnuna f’żoni li jkunu għadhom kif saru aċċessibbli jew sabiex jirreaġixxu għal ċaqliq għal għarrieda tal-popolazzjoni, inkluż b'konvojs ta’ twassil tal-għajnuna.

Avvenimenti reċenti enfasizzaw b’mod akut li t-tama ta’ waqfien dejjiemi mill-ġlied fis-Sirja għadha 'l bogħod u li l-aċċess umanitarju għadu diffiċli u sporadiku, minkejja li l-aċċess sikur huwa normalment garantit bħala parti mill-Pjan ta' Settembru tal-konvojs interaġenzijali approvat mill-Gvern tas-Sirja. Agħar minn hekk, l-attakk dirett fuq konvoj umanitarju NU / Nofs Qamar l-Aħmar Sirjan viċin ta' Aleppo fid-19 ta’ Settembru, bi ksur sfaċċat tad-dritt umanitarju internazzjonali, jistabbilixxi preċedent inaċċettabbli u jipperikola it-twassil sikur ta’ għajnuna umanitarja kullimkien. L-UE u t-Turkija se jkomplu jaħdmu flimkien biex jiżguraw li jingħata aċċess immedjatament minn kull rotta possibbiltà.

11.    Konklużjoni

Minkejja ċirkostanzi diffiċli, l-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni UE-Turkija kompliet tapprofondixxi u taċċellera. It-tnaqqis fl-attentati ta' qsim tal-Baħar Eġew u tal-imwiet fil-baħar mid-Dikjarazzjoni UE-Turkija 'l hawn ikkonfermaw l-istrateġija filqalba tad-deċiżjoni tal-UE u tat-Turkija li jiffirmaw id-Dikjarazzjoni.

Sar ukoll progress dwar elementi oħra. L-awtoritajiet kemm fit-Turkija kif ukoll fl-Istati Membri rnexxielhom idaħħlu fis-seħħ sistema li qed tirriżulta f'rata għolja ta’ risistemazzjoni ta’ Sirjani mit-Turkija. Il-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija allokat il-parti l-kbira tat-EUR 3 biljun tagħha u ta’ somom konsiderevoli huma diġà kkuntrattati u anki mħallsa. Is-sistema għall-implimentazzjoni tar-regoli dwar ir-ritorn mill-Greċja lejn it-Turkija tal-migranti irregolari u ta' dawk li qed ifittxu l-ażil, issa hija stabbilita, anki jekk iż-żmien meħtieġ biex jiġu konklużi l-proċeduri u l-appelli tal-ażil kien ifisser dewmien sinifikanti fil-bidu tar-ritorni ta’ dawk il-persuni li l-applikazzjonijiet tagħhom huma inammissibbli jew infondati.

Madankollu, is-sitwazzjoni umanitarja fis-Sirja u l-kundizzjonijiet diffiċli li jiffaċċjaw il-migranti fil-gżejjer Griegi jfakkru fil-ħtieġa assoluta li d-Dikjarazzjoni titħaddem, li tiġi aċċellerata l-implimentazzjoni tagħha u li jiġu żgurati r-riżultati. Għaldaqstant huwa essenzjali li:

Jiġi pprovduti immedjatament ir-riżorsi biex jiżguraw l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-ażil fil-gżejjer Griegi, bl-Istati Membri jwieġbu bis-sħiħ għal talbiet mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Ażil biex jappoġġaw il-ħidma tagħhom fl-ewwel istanza, filwaqt li l-awtoritajiet Griegi jiżguraw li l-Kumitati tal-Appell ikunu jistgħu jaħdmu b’mod rapidu, kif ukoll iħaffu l-pass tar-ritorni;

Il-pass mgħaġġel tal-kuntratti skont il-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija u l-implimentazzjoni ta’ proġetti li jappoġġaw lir-refuġjati għadu qed ikompli;

It-Turkija għandha tieħu l-miżuri meħtieġa biex tissodisfa l-punti ta' riferiment li fadal għal-liberalizzazzjoni tal-viża, malajr kemm jista' jkun, sabiex l-UE tkun tista' tneħħi r-rekwiżiti tal-viża għaċ-ċittadini Torok.

Il-Kummissjoni se tkompli tmexxi l-ħidma 'l quddiem u se tippreżenta r-Raba’ Rapport tagħha dwar il-progress li sar f’Diċembru 2016.

(1)

     COM(2016) 231 final tal-20 ta’ April 2016 (“l-Ewwel Rapport”) u COM(2016) 349 final tal-15 ta’ Ġunju 2016 (“it-Tieni Rapport”).

(2)

     http://www.consilium.europa.eu/mt/press/press-releases/2016/03/07-eu-turkey-meeting-statement/

(3)

     Data disponibbli mill-Frontex, għall-perjodu mill-1 ta' Ġunju sat-22 ta' Settembru.

(4)

     Il-kompiti jinkludu t-teħid tal-marki tas-swaba’ u r-reġistrazzjoni, il-ġbir ta' informazzjoni, l-iskrinjar, l-interpretazzjoni, il-verifika tad-dokumenti fl-ewwel linja u fil-livell avvanzat, is-sorveljanza tal-fruntieri (il-pattulji fuq l-art), is-sigurtà u l-Uffiċjali tal-Frontex għall-Appoġġ, preżenti fil-hotspots ta' Lesvos, Chios, Samos, Leros u Kos, kif ukoll l-esperti u l-iskorti tar-rijammissjoni preżenti f'Lesvos u Chios.

(5)

     Għal Settembru 2016 għad hemm bżonn total ta' 17-il espert tar-riammissjoni/skorta tal-pulizija, l-istess bħal ma kien meħtieġ f'Ottubru 2016. Għal Novembru u Diċembru 2016, għad hemm bżonn total ta' 80 espert tar-riammissjoni / skorta tal-pulizija għal kull xahar.

(6)

     B'kollox, aktar minn 1 600 migrant irregolari ntbagħtu lura mill-Greċja lejn it-Turkija matul l-2016, li minnhom 70 persuna ġew irritornati fis-26 ta' Settembru mill-gżira ta' Lesvos.

(7)

     Kull Kumitat tal-Appell jinkludi tliet membri: żewġ Imħallfin tal-Qorti Amministrattiva u ċittadin Grieg li għandhom bi sfond legali, politiku, umanitarju jew fix-xjenzi soċjali u b’esperjenza rilevanti (proposta mill-UNHCR jew mill-Kumitat Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem).

(8)

     Mit-18 ta' Settembru.

(9)

     Mill-inqas tlieta minn dawn id-deċiżjonijiet ġew appellati quddiem il-Qorti Amministrattiva Griega.

(10)

     Li kkonferma id-deċiżjonijiet ta’ inammissibbiltà fl-ewwel istanza.

(11)

     Li kkonfermaw id-deċiżjonijiet negattivi tal-ewwel istanza f’31 każ u qalbu d-deċiżjoni f’każ wieħed.

(12)

     Filwaqt li l-miżuri kollha ta’ deportazzjoni, riammissjoni jew ritorn tal-applikant ikunu sospiżi bil-liġi bejn meta jiġi ppreżentat l-appell kontra d-deċiżjoni tal-ewwel istanza u n-notifika ta’ deċiżjoni tat-tieni istanza, appell quddiem il-Qorti Amministrattiva Griega ma jkollux effett sospensiv awtomatiku.

(13)

     Is-Sirjani kienu jirrappreżentaw 54 % ta’ dawk li jfittxu l-ażil prereġsitrati, l-Afgani 27 % u l-Iraqini 13 %.

(14)

     Dan il-finanzjament tal-UE appoġġa pereżempju proġetti fil-kostruzzjoni, fil-kenn u fil-kura tas-saħħa ma’ sħab oħra, inkluż il-Ministeru tal-Intern u r-Riforma Amministrattiva, il-Ministeru tad-Difiża u l-Ministeru tas-Saħħa.

(15)

     Dan it-Tielet Rapport ikopri persuni risistemati bejn l-14 ta' Ġunju u s-26 ta' Settembru 2016.

(16)

     Il-Lussemburgu kien ipparteċipa fil-perjodu ta’ rappurtar ta’ qabel.

(17)

     COM(2016) 171 final.

(18)

     L-adozzjoni hija prevista għall-Kunsill tal-Kompetittività fid-29 ta' Settembru.

(19)

     B’mod partikolari f’laqgħat ta’ livell għoli inkluż fit-30 ta’ Ġunju mal-Ewwel Viċi President Timmermans, fl-1 ta’ Settembru mal-Kummissarju Avramopoulos u fid-9 ta’ Settembru bħala parti mid-Djalogu Politiku ta’ Livell Għoli bejn l-UE u t-Turkija mmexxi mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà / Viċi President Mogherini u l-Kummissarju Hahn.

(20)

     COM(2016) 279 final tal-4 ta' Mejju 2016.

(21)

     Bħala parti minn attivitajiet ta’ viżibilità tal-Faċilità, mappa interattiva tippermetti viżwalizzazzjoni diretta tal-post u r-riżultati mistennija tal-proġetti differenti: http://ec.europa.eu/enlargement/news_corner/migration/index_en.htm .  

(22)

     Il-provvista ta' assistenza umanitarja taħt il-Faċilità tkompli tiġi implimentata skont id-dritt tal-UE dwar l-għajnuna umanitarja u skont il-prinċipji stabbiliti fil-Kunsens Ewropew dwar l-Assistenza Umanitarja.

(23)

     Ara http://europa.eu/rapid/press-release_IP-16-2971_en.htm .

(24)

     Il-Faċilità se ssostni l-ispejjeż operazzjonali, billi jiġu rimborżati biss l-ispejjeż reali mġarrba, fuq il-bażi tal-evidenza ppreżentata bħala parti minn rendikont tal-entrati sod. Il-kuntratti kollha mal-awtoritajiet Torok huma kompatibbli mar-regoli u r-regolamenti tal-UE u ma jinvolvux li l-awtoritajiet Torok jiġu fdati b’responsabbiltajiet ta’ implimentazzjoni tal-baġit; il-Kummissjoni se tkompli tkun responsabbli matul il-proċess kollu.

(25)

     Li jkopru l-ispejjeż imġarrba mill-4 ta’ April 'il hawn għall-provvista tal-ikel, il-kura tas-saħħa u l-akkomodazzjoni.

(26)

     Għal deskrizzjoni dettaljata tal-proġetti ffinanzjati: http://ec.europa.eu/enlargement/news_corner/migration/20160913-frit-table.pdf  

(27)

      http://trade.ec.europa.eu/consultations/index.cfm?consul_id=198 .

Top

Brussell, 28.9.2016

COM(2016) 634 final

ANNESS

għal

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL EWROPEW U L-KUNSILL

It-Tielet Rapport dwar il-Progress li sar fl-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni bejn l-UE u t-Turkija


Żieda ta’ finanzjament taħt il-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija wara d-Dikjarazzjoni tat-18 ta’ Marzu

Il-Fergħa ta’ Finanzjament skont l-Approċċ Rapidu

Assistenza Umanitarja

Miżura Speċjali dwar Sostenn għal Migranti li Jirritornaw

Miżura speċjali ta’ Lulju 2016 dwar Edukazzjoni & Saħħa

Miżura speċjali ta’ Lulju 2016 Infrastruttura & Sostenn Soċjoekonomiku

Fond Fiduċjarju Reġjonali tal-UE b’Reazzjoni għall-Kriżi Sirjana (EUTF)

Il-passi li jmiss

Ottubru - Diċembru

L-introduzzjoni ta’ Pjan ta’ Implimentazzjoni Umanitarja (HIP) miftiehem f’Ġunju, inkluż l-implimentazzjoni ta’ sistema ta’ trasferiment ta’ flus – is-Sistema ta’ Protezzjoni Soċjali ta’ Emerġenza (ESSN) – minn Ottubru 2016 biex tilħaq sa 1 miljun rifuġjat vulnerabbli fl-2017.

Minn Awwissu 'l hawn

L-implimentazzjoni tal-Miżura Speċjali dwar is-sostenn għal migranti li jirritornaw

Minn Ottubru

L-implimentazzjoni tal-għotjiet diretti għall-edukazzjoni u s-saħħa ta’ EUR 300 miljun kull wieħed

Minn Awwissu 'l hawn

It-tħejjija tal-ftehimiet ta’ delega ma' Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali (IFI)

Minn Ġunju 'l hawn

It-tħejjija ta' proġetti ġodda taħt il-Fond Fiduċjarju tal-UE (EUTF) f’oqsma mhux koperti minn elementi oħra: aċċess għas-suq tax-xogħol, azzjonijiet komunitarji, inizjattivi għal għotjiet iżgħar, miżuri oħrajn ta’ integrazzjoni u mhux vinkolanti. Għad jonqos l-approvazzjoni tat-Turkija għal proġett addizzjonali ta’ EUR 30 miljun.

Kisbiet

kmieni f'Settembru

L-iffirmar tal-kuntratt tal-ESSN b’valur ta’ EUR 348 miljun.

31 ta' Lulju

L-iffirmar ta’ EUR 74 miljun fil-qasam tas-saħħa, l-edukazzjoni, il-protezzjoni u t-tħejjija għax-xitwa.

3 ta' Ġunju

Il-pubblikazzjoni tal-Pjan ta’ Implimentazzjoni Umanitarja ta’ DĠ ECHO inkluż l-ewwel allokazzjoni (EUR 505,65 miljun)

Marzu/April

DĠ ECHO jiffirma proġetti ma' 17-il sieħeb umanitarju b’valur ta’ EUR 90 miljun.

08 Awwissu

Ftehim dirett għall-implimentazzjoni tal-Miżura Speċjali dwar is-sostenn għal migranti li jirritornaw iffirmat mill-awtoritajiet Torok fit-8 ta' Awwissu 2016.

Ħlas bil-quddiem ta’ EUR 12-il miljun fit-18 ta’ Awwissu 2016.

19 ta' April

Il-Miżura Speċjali ta’ EUR 60 miljun impenjati biex jiġi pprovdut ikel, kenn u kura tas-saħħa għal migranti li jirritornaw mill-Greċja.

Fl-aħħar ta’ Settembru

Iffinalizzat in-negozjar tal-għotjiet diretti għall-edukazzjoni u s-saħħa għall-ammont ta' EUR 300 miljun kull wieħed.
Firem pendenti.

28 ta' Lulju

Adottata Miżura Speċjali ta’ EUR 1,4 biljun għall-edukazzjoni, is-saħħa, l-infrastruttura muniċipali u sostenn soċjoekonomiku inkluża żieda ta’ EUR 250 miljun għal proġetti minn isfel għal fuq iffinazjati mill-EUTF.

Ġunju

Diskussjonijiet madwar mejda tal-IFIs fl-24 u d-29 ta’ Ġunju, iddiskutew u approvaw il-Miżura Speċjali

Ġunju

Erba’ proġetti Ammont addizzjonali minn isfel għal fuq għal total ta’ EUR 59 miljun adottati mill-EUTF f’April u Ġunju biex jipprovdi iktar sostenn għall-edukazzjoni u l-infrastruttura, l-edukazzjoni ogħla, it-taħriġ tas-snajja, l-appoġġ soċjali.

Mejju

Erba’ proġetti kkuntrattati għal ammont totali ta’ EUR 60 miljun, inkluż il-kuntratt reġjonali tal-UNICEF b'EUR 37 miljun komponent għat-Turkija ffirmat fl-4 ta’ Marzu



Governanza tal-Faċilità

Skeda ta’ żmien minn April

April

Approċċ rapidu ppreżentat lit-Turkija u elaborat li rriżulta f'Nota ta’ Kunċett Strateġiku għall-implimentazzjoni tal-faċilità.

   

12 ta' Mejju

It-Tieni Kumitat ta' Tmexxija approva n-Nota ta' Kunċett Strateġiku u rċieva preżentazzjoni tal-valutazzjoni tal-ħtiġijiet indipendenti. Huwa qabel fuq sitt oqsma ta’ prijorità tal-Faċilità: l-assistenza umanitarja, il-ġestjoni tal-migrazzjoni, l-edukazzjoni, is-saħħa, l-infrastruttura muniċipali, u s-sostenn soċjoekonomiku.

13 ta' Ġunju

Waslu ċ-ċertifikati tal-kontribuzzjoni tal-Istati Membri kollha, li jkopru l-ammont sħiħ ta’ EUR 2 biljun imwiegħda għall-2016-2017.

30 ta' Ġunju

It-3 Kumitat ta' Tmexxija analizza l-implimentazzjoni u ddiskuta Miżuri Speċjali dwar l-edukazzjoni, is-saħħa, l-infrastruttura muniċipali u soċjali, u s-sostenn soċjoekonomiku, qabel l-approvazzjoni tal-maniġment tal-IPA tal-Miżura f’Lulju.

4 ta' Ottubru

Ir-Raba' Kumitat tat-Tmexxija

Kontinwu

Rappurtar dwar l-implimentazzjoni u l-komunikazzjoni fuq ir-riżultati miksuba ikluża mappa interattiva 1 .

(1)

Għal aktar informazzjoni dwar kif taħdem il-faċilità u ħarsa ġenerali dettaljata lejn il-proġetti ffinanzjati: http://ec.europa.eu/enlargement/news_corner/migration/index_en.htm

Top