Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016DC0626

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW dwar il-kwistjoni tal-effettività ta’ ċessjoni jew surroga ta’ talba kontra partijiet terzi u l-prijorità tat-talba ċeduta jew surrogata fuq dritt ta’ persuna oħra

    COM/2016/0626 final

    Brussell, 29.9.2016

    COM(2016) 626 final

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

    dwar il-kwistjoni tal-effettività ta’ ċessjoni jew surroga ta’ talba kontra partijiet terzi u l-prijorità tat-talba ċeduta jew surrogata fuq dritt ta’ persuna oħra


    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

    dwar il-kwistjoni tal-effettività ta’ ċessjoni jew surroga ta’ talba kontra partijiet terzi u l-prijorità tat-talba ċeduta jew surrogata fuq dritt ta’ persuna oħra

    1.INTRODUZZJONI

    1.1.Iċ-ċessjoni tat-talbiet fil-perspettiva tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali

    Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali 1 kkonkluda li minkejja progress sinifikanti f’dawn l-aħħar deċennji biex ikun żviluppat suq uniku għall-kapital, għad hemm bosta ostakli b’għeruq sodi u li ilhom hemm li huma bsaten fir-rota tal-investimenti transfruntiera. Wieħed mill-ostakli identifikati jirriżulta minn differenzi fit-trattament nazzjonali tal-effetti ta’ partijiet terzi ta’ ċessjoni tat-talbiet ta’ debitu li jikkumplikaw l-użu ta’ dawn l-istrumenti bħala kollateral transfruntier meta s-self mill-banek ikun immobilizzat bħala kollateral finanzjarju f’operazzjonijiet ta’ kreditu tal-banek ċentrali 2 jew fil-kuntest tat-titolizzazzjonijiet, u jagħmilha diffiċli għall-investituri li jagħtu prezz lir-riskju tal-investimenti ta’ dejn. Sabiex jiffaċilita l-investiment transfruntier, il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali jipprevedi li “l-Kummissjoni se tipproponi [...] regoli uniformi biex jiġi determinat b’ċertezza legali liema liġi nazzjonali tapplika għall-effetti tal-parti terza taċ-ċessjoni tat-talbiet” u dik l-azzjoni se tittieħed sal-2017 3 . Dan ir-rapport huwa l-ewwel pass fl-identifikar tal-problemi ewlenin relatati man-nuqqas ta’ regola uniformi fuq il-liġi applikabbli għall-effetti tal-partijiet terzi taċ-ċessjoni u l-ordni ta’ prijorità tat-talba ċeduta u l-approċċi possibbli li jistgħu jittieħdu sabiex dawk il-problemi jkunu indirizzati.

    1.2.Il-kunċett ta’ ċessjoni tat-talbiet

    Iċ-ċessjoni tat-talbiet hija mekkaniżmu legali li jippermetti kemm it-trasferimenti sempliċi ta’ talbiet minn persuna għall-oħra kif ukoll l-operazzjonijiet finanzjarji kumplessi li jintużaw biex jiffinanzjaw l-attività ta’ negozju tad-ditti, bħall-arranġamenti kollaterali finanzjarji, il-fatturament u t-titolizzazzjoni. Hija bbażata fuq it-trasferiment minn kreditur (“iċ-ċedent”) tat-talba tiegħu kontra debitur lil persuna oħra (“iċ-ċessjonarju”). Eżempji ta’ tranżazzjonijiet tipiċi ta’ ċessjoni jinsabu aktar ’l isfel (il-punt 2.1).

    Biż-żieda tal-interkonnettività tas-swieq nazzjonali, iċ-ċessjoni ta’ spiss tinvolvi element transfruntier, li jista’ jwassal għal kunflitt tal-liġijiet applikabbli. Ċertezza legali fir-rigward ta’ liema liġi tapplika għar-relazzjonijiet differenti involuti hija fundamentali għat-tmexxija bla intoppi tal-operazzjonijiet ta’ ċessjoni. Aktar ċertezza legali twassal għal disponibilità akbar ta’ kapital u kreditu bejn il-fruntieri u għal rati li jissodisfaw aktar il-but ta’ kulħadd – ta’ benefiċċju partikolari għall-intrapriżi żgħar u medji (SMEs), u fit-tul, għall-iffaċilitar tal-moviment transfruntier tal-merkanzija, tas-servizzi u tal-kapital.

    1.3.Leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE

    Fl-Unjoni Ewropea, l-objettiv taż-żieda taċ-ċertezza legali fil-qasam taċ-ċessjoni tat-talbiet ġie indirizzat permezz tal-armonizzazzjoni tar-regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet fir-Regolament (KE) Nru 593/2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali (ir-Regolament Ruma I) 4 . Dawn ir-regoli jipprevedu li r-relazzjoni bejn iċ-ċedent u ċ-ċessjonarju fl-ambitu ta’ ċessjoni volontarja jew surroga kuntrattwali ta’ talba kontra d-debitur għandha tkun irregolata mil-liġi li tapplika għall-kuntratt taċ-ċessjoni 5 .. Ir-regoli armonizzati għandhom ukoll l-għan li jipproteġu lid-debitur ċedut billi jiżguraw li ma jkollu xejn dovut liċ-ċessjonarju aktar minn dak li għandu dovut lill-kreditur/liċ-ċedent. 6 . Konsegwentement, il-liġi li tirregola t-talba li magħha hija relatata ċ-ċessjoni, li hija l-unika liġi li d-debitur jista’ raġonevolment jistenna li japplika, se tirregola wkoll ir-relazzjoni bejn iċ-ċessjonarju u d-debitur, iċ-ċessjonabbiltà tat-talba, il-kundizzjonijiet li taħthom iċ-ċessjoni tista’ tiġi invokata kontra d-debitur u l-kwistjoni dwar jekk l-obbligi tad-debitur ġewx illiberati jew le. Madankollu, hemm element importanti nieqes fir-Regolament eżistenti, li jikkonċerna l-kwistjoni ta’ liema liġi tirregola l-effettività ta’ ċessjoni kontra partijiet terzi 7 . Din il-kwistjoni hija kruċjali sabiex tkun żgurata ċertezza legali fl-operazzjonijiet transfruntiera ta’ ċessjoni.

    Dan ir-rapport jissodisfa l-obbligi legali 8 skont l-Artikolu 27(2) tar-Regolament Ruma I li jirrikjedi lill-Kummissjoni li tissottometti rapport dwar il-kwistjoni tal-effettività ta’ ċessjoni jew surroga ta’ talba kontra partijiet terzi u l-prijorità tat-talba ċeduta jew surrogata fuq dritt ta’ persuna oħra.

    1.4.It-tranżazzjonijiet tat-titoli u tat-talbiet

    Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali jindika, apparti l-inċertezza fil-qasam taċ-ċessjoni tat-talbiet, l-inċertezza simili li teżisti fil-kuntest tat-tranżazzjonijiet transfruntiera tat-titoli. Tabilħaqq, kemm it-titoli kif ukoll it-talbiet ikunu ta’ sikwit is-suġġett ta’ tranżazzjonijiet finanzjarji simili, bħall-kollateralizzazzjoni.

    Fil-qasam tal-liġi dwar it-titoli ġiet adottata leġiżlazzjoni speċifika għas-settur li tinkludi regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet bl-għan li jitnaqqas ir-riskju sistemiku inerenti fis-sistemi ta’ saldu tal-pagamenti u tat-titoli 9 , li jkun illimitat ir-riskju tal-kreditu fit-tranżazzjonijiet finanzjarji permezz tal-forniment ta’ flus, strumenti finanzjarji u talbiet ta’ kreditu bħala kollateral 10 , jew biex ikunu infurzati d-drittijiet proprjetarji f’każ ta’ organizzazzjoni mill-ġdid jew likwidazzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu 11 . Dawn ir-regoli speċifiċi dwar il-kunflitt japplikaw fl-Istati Membri tal-UE u jindikaw il-liġi tal-Istat li fih jinsabu r-reġistru, il-kont rilevanti jew is-sistema ta’ depożitu ċentralizzat. Madankollu, dawn ir-regoli ġew implimentati jew qegħdin jiġu implimentati b’mod differenti fl-Istati Membri. Dan iwassal għal inċertezza tad-dritt u kostijiet addizzjonali li jistgħu joħolqu ostakli fit-tmexxija bla intoppi tal-operazzjonijiet finanzjarji fis-suq intern.

    Apparti minn hekk, fil-qasam tat-titoli, sa issa ma ġiex stabbilit approċċ ġenerali għall-kwistjoni tal-kunflitt tal-liġijiet 12 . Lanqas ma kien hemm sa issa, armonizzazzjoni tal-liġi sostantiva dwar it-titoli fil-livell tal-UE, minkejja l-iżvilupp reċenti tal-leġiżlazzjoni tal-UE fil-qasam tal-infrastruttura tas-swieq finanzjarji, inklużi r-Regolament dwar l-Infrastruttura tas-Swieq Ewropej (EMIR) 13 , ir-Regolament dwar id-Depożitarji Ċentrali tat-Titoli (CSDR) 14 u l-MiFID II 15 /MiFIR 16 u minkejja l-ħidma li ilha għaddejja għal bosta snin 17 .

    Fid-dawl ta’ objettivi simili li jista’ jkollhom it-tranżazzjonijiet tat-talbiet u tat-titoli, jista’ jkun ta’ siwi li tkun ikkoordinata kwalunkwe ħidma dwar ir-regoli dwar il-kunflitti li jirrigwardaw iż-żewġ tipi ta’ tranżazzjonijiet. Dan aktar u aktar għaliex id-distinzjoni bejn “talba” u “titolu” mhijiex dejjem evidenti fil-prattika.

    1.5.Strumenti internazzjonali

    Il-problemi ta’ kunflitt tal-liġijiet fil-kuntest tat-tranżazzjonijiet tat-talbiet u tat-titoli kien is-suġġett ta’ ħidma fil-livell internazzjonali. Fl-2001 ġiet stabbilita Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar iċ-ċessjoni tar-riċevibbli fil-kummerċ internazzjonali. Sa issa għadha ma daħlitx fis-seħħ. Il-prinċipji tagħha ddaħħlu fil-gwida leġiżlattiva tal-2007 tal-UNCITRAL dwar it-tranżazzjonijiet iggarantiti. Konvenzjoni tal-Aja tal-2006 dwar il-liġi applikabbli għal ċerti drittijiet fir-rigward tat-titoli miżmuma għand intermedjarju wkoll għadha ma daħlitx fis-seħħ sa issa.

    1.6.Studju estern u konsultazzjonijiet

    Sar studju 18 għall-Kummissjoni Ewropea li jeżamina l-kwistjoni tal-effettività ta’ ċessjoni jew surroga ta’ talba kontra partijiet terzi u l-prijorità tat-talba ċeduta fuq id-dritt ta’ persuna oħra (minn issa ’l quddiem “l-istudju”). L-istudju bbaża l-konklużjonijiet tiegħu fuq dejta mill-istatistika, empirika u legali minn tnax-il ġuriżdizzjoni 19 tal-Unjoni Ewropea li jirrappreżentaw firxa ta’ tradizzjonijiet legali, kif ukoll minn sitt Stati ekonomikament importanti li mhumiex Membri 20 .

    2.l-importanza taċ-ċessjoni fil-kummerċ internazzjonali u fis-swieq kapitali

    2.1.Eżempji ta’ tranżazzjonijiet ta’ ċessjoni

    Storikament ċessjoni kienet issir f’rabta ma’ talba unika, li tkun ġiet trasferita mill-kreditur lil ċessjonarju wieħed jew aktar sussegwenti.

    Eżempju 1: Trasferiment dirett ta’ talba unika

    Il-kreditur/iċ-ċedent C iċedi t-talba tiegħu 21 kontra d-debitur liċ-ċessjonarju A. A jista’ jinnotifika lid-debitur dwar iċ-ċessjoni, pereżempju meta dan ikun meħtieġ mil-liġi nazzjonali tal-post tar-residenza abitwali ta’ C 22 . A mbagħad iċedi mill-ġdid l-istess talba liċ-ċessjonarju B. B jista’ jiddeċiedi li ma jinnotifikax iċ-ċessjoni, pereżempju minħabba li dan ma jkunx meħtieġ mil-liġi tat-talba sottostanti meta tali notifika jew reġistrazzjoni ma tkunx neċessarja biex iċ-ċessjoni ssir effettiva. Sussegwentement C isir insolventi u l-amministratur tal-insolvenza tiegħu jipprova jaċċerta jekk B huwiex is-sid validu tat-talba.

    F’dawn l-aħħar żminijiet, it-tranżazzjonijiet ta’ ċessjoni evolvew biex jinkludu ċ-ċessjoni ta’ talbiet f’daqqa u ċ-ċessjoni kemm ta’ talbiet preżenti kif ukoll futuri. Tranżazzjonijiet bħal dawn qegħdin jintużaw ħafna min-negozji sabiex jiksbu kapital u kreditu biex jiffinanzjaw l-operazzjonijiet tan-negozju tagħhom.

    Eżempju 2: Fatturament

    C, fornitur tal-SMEs, jixtieq iċedi t-talbiet f’daqqa tiegħu kurrenti u futuri 23 kontra klijenti f’diversi Stati Membri lill-fattur A li jkun lest li jaqbel li, għal skont fuq il-prezz tax-xiri, jipprovdi finanzjament fi fluss ta’ flus, jiġbor id-dejn u jaċċetta r-riskju tad-djun mitlufa. Biex joħroġ proposta ta’ skont interessanti lil C, A jrid ikun jaf li ċ-ċessjoni se tkun effettiva kontra partijiet terzi fil-każ tal-insolvenza ta’ C.

    A jista’ wkoll ikun inkwetat li filwaqt li taħt il-liġi taċ-ċessjoni li tirregola l-effetti propjetarji bejn A u C, it-talbiet kollha huma ċessjonabbli, jista’ jkun li taħt il-liġi li tirregola xi talbiet inklużi fiċ-ċessjoni, iċ-ċessjonijiet f’daqqa jkunu pprojbiti 24 .

    Iċ-ċertezza legali rigward il-liġi li tirregola l-effettività taċ-ċessjoni kontra partijiet terzi u l-prijorità ta’ ċessjoni kontra ċessjonijiet kompetituri oħrajn saret ta’ importanza kruċjali b’mod partikolari fi tranżazzjonijiet ta’ kreditu li jinvolvu l-SMEs li ta’ spiss ma jkunux kapaċi jiksbu finanzjament minn fruntiera għall-oħra jew li jkunu mġiegħla jaċċettaw termini mhux favorevoli sakemm ma jkunux jistgħu joffru sigurtà, ta’ spiss fl-għamla ta’ talbiet kontra d-debituri tagħhom.

    Eżempju 3: Ċessjoni bħala garanzija

    SME C trid tuża sal-limitu massimu possibbli l-valur tat-talbiet tagħha kontra x-xerrejja tal-prodotti tagħha biex tikseb kreditu garantit kemm minn ċessjonarju A kif ukoll minn ċessjonarju B, bl-użu tal-istess assi bħala garanzija. Sabiex jestendu l-kreditu lil C, A u B iridu jkunu jafu l-prijorità tad-drittijiet tal-garanzija tagħhom fl-istess assi 25 .

    C tista’ wkoll b’mod frawdolenti ċċedi l-istess talbiet lil A u B mingħajr ma jkunu jafu. Fil-każ tal-insolvenza ta’ C, l-amministratur tal-insolvenza jkollu bżonn jaċċerta l-ordni ta’ prijorità bejn A u B.

    Mekkaniżmu kumpless għall-kisba ta’ kreditu kosteffettiv huwa t-titolizzazzjoni. It-titolizzazzjoni hija teknika ta’ finanzjament li permezz tagħha assi omoġenji li jiġġeneraw id-dħul (ta’ sikwit ikunu talbiet) – li waħedhom jaf ikunu diffiċli li jiġu nnegozjati – jinġabru flimkien u jinbiegħu lil parti terza maħluqa apposta, li tużahom bħala kollateral biex toħroġ it-titoli u tbiegħhom fis-swieq finanzjarji 26 .

    Eżempju 4: Titolizzazzjoni

    Katina kbira ta’ bejgħ bl-imnut, C, iċċedi r-riċevibbli tagħha li jirriżultaw mill-użu min-naħa tal-konsumaturi tal-karta ta’ kreditu azjendali tagħha għal entità bi skop speċjali (A) 27 . A mbagħad toħroġ it-titoli ta’ dejn għall-investituri fis-swieq kapitali. Dawn it-titoli ta’ dejn huma ggarantiti permezz tal-fluss ta’ introjtu dieħel mir-riċevibbli tal-karta ta’ kreditu li kienu ġew trasferiti lil A. Hekk kif isiru l-pagamenti skont ir-riċevibbli, A se tuża r-rikavat li tirċievi biex tħallas il-pagamenti fuq it-titoli tad-dejn.

    Biż-żieda fl-investiment transfruntier, titoli bħal bonds huma spiss ċeduti bħala kollateral biex jiġi ggarantit kreditu mingħand l-investituri. Il-katina taż-żamma bejn l-investituri u l-emittenti hija kumplessa: it-titoli jistgħu jinżammu permezz ta’ aktar minn saff wieħed ta’ intermedjarji, li potenzjalment jinsabu f’pajjiżi differenti, kif jista’ wkoll ikun il-każ fir-rigward tal-investituri. Dan jagħmilha diffiċli biex jiġi vvalutat min jippossjedi xiex, b’konsegwenzi serji possibbli għall-istabbiltà finanzjarja.

    3.problemi

    3.1.Diverġenza attwali bejn ir-regoli dwar il-kunflitti fl-Istati Membri

    Ir-regoli sostantivi applikabbli għal ċessjoni fl-Istati Membri jvarjaw ħafna. Pereżempju, hemm rekwiżiti differenti għall-avviżi għall-effettività taċ-ċessjonijiet 28 , regoli differenti fir-rigward tal-prijorità, regoli differenti li japplikaw għaċ-ċessjoni ta’ talbiet futuri, kif ukoll limitazzjonijiet differenti taċ-ċessjonabbiltà tat-talbiet. Fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni ta’ dawn ir-regoli sostantivi, is-soluzzjonijiet tad-dritt internazzjonali privat huma estremament importanti biex jiġu riżolti l-kunflitti tal-liġijiet.

    Madankollu, fid-determinazzjoni tal-liġi applikabbli għal aspetti ta’ ċessjoni li jolqtu lill-partijiet terzi hemm diversi approċċi differenti fl-Istati analizzati fl-istudju.

    Il-liġi tal-kuntratt bejn iċ-ċedent u ċ-ċessjonarju tirregola l-aspetti proprjetarji kollha taċ-ċessjoni fin-Netherlands. Din is-soluzzjoni tiffavorixxi l-awtonomija tal-partijiet, iżda għandha r-riskju li l-kredituri taċ-ċedent jistgħu jiġu ffrodati. Sabiex jiġu kkoreġuti tali abbużi, jista’ jsir rikors għall-prinċipju ġenerali fraus omnia corrumpit jew għall-eċċezzjoni tal-ordni pubbliku. Fir-rigward tal-kwistjoni tal-prijorità fil-każ ta’ ċessjonijiet kompetituri, il-liġi li tirregola t-tieni ċessjoni tiddeċiedi dwar il-protezzjoni tat-tieni akkwirenti in bona fede. Dan l-approċċ kiseb daqsxejn appoġġ fi Stati Membri oħra, bħall-Ġermanja. Jinsab ukoll fl-Iżvizzera.

    Il-liġi tar-residenza abitwali taċ-ċedent tiddetermina l-aspetti ta’ ċessjoni li jolqtu lill-partijiet terzi fil-liġi Belġjana. Xi akkademiċi Taljani jappoġġjaw l-introduzzjoni tal-liġi tar-residenza abitwali taċ-ċedent għal ċessjonijiet f’daqqa u ċessjonijiet ta’ talbiet futuri. Fil-Lussemburgu, fis-settur speċifiku tat-titolizzazzjoni, il-liġi applikabbli għal aspetti ta’ ċessjoni li jolqtu lill-partijiet terzi għandha tkun il-liġi tal-pajjiż li fih huwa stabbilit iċ-ċedent. Bl-istess mod, skont il-liġi tal-Istati Uniti, il-perfezzjoni ta’ ħafna ċessjonijiet hija rregolata mil-liġi tal-post li fih jinsab iċ-ċedent.

    Il-liġi tat-talba sottostanti ċeduta hija preferuta f’bosta Stati Membri, bħal Spanja u l-Polonja. Fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni statutorja, il-każistika u d-duttrina jappoġġjaw din is-soluzzjoni fir-Renju Unit, fil-Ġermanja u fl-Italja. Dan l-approċċ jinsab ukoll fl-Awstralja, fil-Kanada, fil-Ġappun u fil-Federazzjoni Russa.

    Soluzzjonijiet oħra preżenti fl-Istati Membri huma l-lex rei sitae (ir-Repubblika Ċeka u l-Iżvezja) u l-liġi tar-residenza abitwali tad-debitur (Franza). Fi Stati Membri oħra, pereżempju fil-Finlandja, ma hemm l-ebda regola ċara.

    3.2.Inċertezza tad-dritt

    In-nuqqas ta’ regola uniformi dwar il-kunflitt tal-liġijiet joħloq diversi oqsma ewlenin ta’ inċertezza tad-dritt.

    L-eteroġeneità, l-ambigwità jew in-nuqqas ta’ soluzzjonijiet għall-kunflitt tal-liġijiet fir-rigward tal-effetti taċ-ċessjoni li jolqtu lill-partijiet terzi jistgħu jwasslu għal riżultati kontradittorji. Pereżempju, fl-Eżempju 3 hawn fuq, A jista’ jaħseb li l-prijorità tiegħu hija ddeterminata mil-liġi tal-Istat tar-residenza abitwali ta’ C, filwaqt li B jiddependi fuq il-liġi tal-kuntratt taċ-ċessjoni ma’ A. Kull wieħed jemmen li ċ-ċessjoni tiegħu hija effettiva u li għandha prijorità fuq id-drittijiet tal-oħrajn. Ta’ sikwit, dawn mhux se jkunu konxji mid-drittijiet ta’ xulxin iżda jiddependu fuq il-verifiki għan-nuqqas ta’ ċessjonarji oħrajn imwettqa f’konformità mal-liġi li jassumu li hija applikabbli, jiġifieri verifiki abbażi tar-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni li jistgħu jipproteġu ċessjonarji potenzjali skont il-liġi ta’ Stat Membru wieħed iżda mhux skont il-liġi ta’ Stat Membru ieħor.

    Fir-rigward ta’ talbiet skont kuntratti futuri, mhux faċli li wieħed jiddetermina, fil-waqt taċ-ċessjoni, il-liġi li tirregola t-talba ċeduta. Fl-Eżempju 2, A ma jkunx jista’ jiddetermina minn qabel il-liġijiet tat-talbiet sottostanti u, meta jiġi kkonfrontat bir-riskju li jkollu jikkonforma ma’ regoli li għadhom mhumiex magħrufa, A jista’ jew jirrifjuta li jiffinanzja lil C jew jiddebita primjum konsiderevolment ogħla milli kieku kien jiddebita f’sitwazzjoni oħra.

    Minbarra n-nuqqas ta’ regolamentazzjoni, dawk l-aspetti taċ-ċessjoni li diġà huma rregolati jagħtu lok għal ċerti inċertezzi, b’mod partikolari fejn għandhom x’jaqsmu l-istrumenti finanzjarji nnegozjati fis-swieq finanzjarji. Pereżempju, mhuwiex ċar x’inhu l-kamp ta’ applikazzjoni preċiż tal-Artikolu 14 tar-Regolament 593/2008 (Ruma I) 29 . Fil-fatt, filwaqt li t-“titoli” tradizzjonali (pereż. ishma jew bonds) huma ġeneralment meqjusa bħala li mhux koperti minn din id-dispożizzjoni 30 , id-drittijiet f’titoli li huma nnegozjati [elettronikament] fuq xi swieq kapitali huma maħsuba li huma pjuttost inklużi f’din ir-regola dwar il-kunflitti bejn il-liġijiet 31 .

    L-inċertezza tad-dritt meta jiġu stabbiliti l-effetti taċ-ċessjoni kontra partijiet terzi u l-ordni ta’ prijorità tfeġġ bl-akbar urġenza f’każ ta’ insolvenza taċ-ċedent. Għaldaqstant, anke jekk l-Artikolu 14 tar-Regolament Ruma I jiċċara l-liġi applikabbli bejn il-partijiet, f’każ ta’ insolvenza, spiss tkun involuta t-tielet liġi sabiex tkun iddeterminata l-effettività taċ-ċessjonijiet u l-ordni ta’ prijorità tagħhom: il-liġi applikabbli għall-proċedimenti ta’ insolvenza kontra ċ-ċedent.

    Ir-Regolament 2015/848 dwar proċedimenti ta’ insolvenza (riformulazzjoni) (ir-Regolament dwar l-Insolvenza (riformulazzjoni)) 32 jistabbilixxi r-regoli dwar il-kunflitt applikabbli fi proċedimenti ta’ insolvenza. Bħala regola ġenerali, il-proċedimenti ta’ insolvenza jinfetħu fl-Istat fejn ikun jinsab iċ-ċentru ta’ interess ewlieni taċ-ċedent fil-waqt tal-ftuħ tal-proċedimenti. Permezz ta’ deroga minn din ir-regola, meta d-debitur ikollu stabbiliment fi Stat Membru ieħor, proċedimenti sekondarji jistgħu jinfetħu wkoll f’dak l-Istat Membru l-ieħor iżda biss fir-rigward tal-assi li jinsabu hemmhekk 33 . Il-liġi tal-Istat li fih jinfetħu l-proċedimenti ta’ insolvenza (lex concursus) tiddetermina, fost l-oħrajn, l-assi li jifformaw parti mill-patrimonju insolventi, ir-regoli li jirregolaw id-distribuzzjoni ta’ rikavat mit-tisrif tal-assi, il-gradazzjoni ta’ talbiet u r-regoli li għandhom x’jaqsmu ma’ invalidità, invalidabilità jew nuqqas ta’ eżegwibilità ta’ atti ġuridiċi detrimentali għall-korp ġenerali tal-kredituri. Ir-Regolament jiċċara fejn l-assi bħall-ishma reġistrati fil-kumpaniji, it-titoli mniżżla fil-kotba kif ukoll il-flus miżmuma fil-kontijiet huma kkunsidrati li jinsabu għall-iskopijiet tal-iddeterminar tal-ambitu tal-proċedimenti sekondarji 34 . Barra minn hekk, meta l-proċedimenti ta’ insolvenza jinfetħu fi Stat Membru ieħor li ma jkunx dak li fih jinsabu l-assi, id-drittijiet in rem tal-partijiet terzi u r-riserva tat-titolu jkunu protetti 35 .

    Il-liġi applikabbli għall-effetti taċ-ċessjoni fuq il-partijiet terzi tista’ għaldaqstant, f’każ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza li jinfetħu kontra ċ-ċedent, tkun iddeterminata mir-Regolament dwar l-Insolvenza (riformulazzjoni). L-insolvenza hija tabilħaqq sitwazzjoni li fiha l-kwistjonijiet ta’ sjieda bejn detenturi tad-drittijiet f’kompetizzjoni bejniethom jiksbu importanza partikolari. Konsegwentement, ir-regoli armonizzati futuri dwar l-aspetti tal-partijiet terzi taċ-ċessjoni se jkunu jeħtieġu li jiġu allinjati bir-reqqa mal-acquis eżistenti fil-qasam tal-insolvenza.

    3.3.Problemi prattiċi u spejjeż ġuridiċi kbar

    Id-dejta empirika miġbura mill-istudju 36 turi li 47 % tal-partijiet ikkonċernati kkonsultati jiltaqgħu ma’ problemi prattiċi biex jiżguraw l-effettività ta’ ċessjoni kontra partijiet terzi. Kuntrarjament għat-titoli kummerċjabbli li ġeneralment jiġu rreġistrati fil-kontijiet elettroniċi, it-talbiet ta’ kreditu jkunu pprovati biss bi ftehim ta’ kreditu. Minħabba f’hekk, hemm riskju ogħla li l-istess talba ta’ kreditu tista’ titniżżel bħala kollateral għand aktar minn riċevitur wieħed ta’ kollateral mingħajr ma dawn ir-riċevituri ta’ kollateral tal-aħħar ikunu jafu li t-talba ta’ kreditu diġà tkun ġiet allokata fil-konfront ta’ persuna differenti. Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ regoli armonizzati dwar il-kunflitt tal-liġijiet iżid ukoll l-għadd ta’ liġijiet sostantivi potenzjalment applikabbli għall-provvediment ta’ talbiet ta’ kreditu bħala kollateral, li jaf jagħmilha aktar diffiċli biex jiġu ssodisfati l-kriterji ta’ eliġibbiltà tal-Eurosistema 37 .

    Apparti minn hekk, il-medja tal-ispejjeż ġuridiċi għal tranżazzjonijiet transfruntieri li jinvolvu ċessjonijiet, li proporzjon importanti minnhom huma frott il-bżonn li titwettaq id-diliġenza dovuta fir-rigward ta’ diversi sistemi legali, f’ħafna każijiet hija għolja ħafna u tista’ tammonta għal diversi mijiet ta’ eluf ta’ euro. Pereżempju, negozju ta’ fatturament irrapporta spejjeż ġuridiċi li jvarjaw minn GBP 350,000 għal miljun GBP għal kull tranżazzjoni.

    4.l-approċċi possibbli

    4.1.Kunsiderazzjonijiet ġenerali

    L-istudju 38 juri li, kif stipulat ukoll fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali, regola armonizzata dwar il-kunflitt tal-liġijiet li tirregola l-aspetti ta’ ċessjoni li jolqtu lill-partijiet terzi hija meħtieġa sabiex jiġu żgurati ċ-ċertezza legali u l-ibbilanċjar tal-interessi tal-partijiet kollha kkonċernati f’ċessjoni transfruntiera. Regola bħal din tkun tappoġġja wkoll il-kummerċ transfruntier, b’mod partikolari billi tnaqqas l-ispejjeż ġuridiċi u d-diliġenza dovuta u billi tiffaċilita d-disponibbiltà tal-kapital u tal-kreditu b’rati li l-SMEs jifilħu jħallsu għalihom.

    L-istudju jindika wkoll li fattur uniku ta’ konnessjoni jaf ma jkunx adattat għat-tipi kollha ta’ operazzjonijiet ta’ ċessjoni; taħlita ta’ fatturi ta’ konnessjoni li jkunu jissodisfaw l-interessi ta’ diversi partijiet ikkonċernati jaf tkun aktar adattata. Madankollu, billi r-regoli speċifiċi għas-settur għandhom ir-riskju ta’ kumplessità inerenti u problemi ta’ karatterizzazzjoni, jenħtieġ li l-użu tagħhom ikun limitat kemm jista’ jkun.

    Minn fost il-fatturi ta’ konnessjoni kollha possibbli, il-liġi tal-kuntratt ta’ ċessjoni, il-liġi tar-residenza abitwali taċ-ċedent u dak tal-liġi tat-talba ċeduta ġew appoġġjati mill-maġġoranza tal-partijiet ikkonċernati kif ukoll minn għadd sinifikanti ta’ Stati Membri.

    Xi materji relatati jistgħu wkoll jibbenefikaw minn kjarifika ulterjuri, bħall-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 14 tar-Regolament Ruma I 39 .

    Fid-dawl ta’ dan, feġġew tliet approċċi possibbli 40 .

    4.2.Il-liġi tal-kuntratt bejn iċ-ċedent u ċ-ċessjonarju

    Bħalissa l-aspetti proprjetarji ta’ ċessjoni bejn iċ-ċedent u ċ-ċessjonarju huma rregolati mil-liġi tal-kuntratt ta’ ċessjoni 41 . Dan l-approċċ jqiegħed l-aspetti proprjetarji kollha ta’ ċessjoni — inkluża l-effettività ta’ talba ċeduta jew surrogata kontra partijiet terzi u l-kwistjoni ta’ prijorità bejn iċ-ċessjonarju u d-detenturi tad-drittijiet f’kompetizzjoni bejniethom — soġġetti għal-liġi magħżula miċ-ċedent u miċ-ċessjonarju għall-kuntratt tagħhom ta’ ċessjoni. Madankollu, biex tiġi evitata kull possibbiltà ta’ ħsara lil partijiet terzi, din l-għażla għandha tkun limitata, f’dak li jikkonċerna l-effetti taċ-ċessjoni 42 , jew għal-liġi tal-pajjiż li fih iċ-ċedent ikollu r-residenza abitwali tiegħu jew għal-liġi li tirregola t-talba ċeduta jew surrogata.

    Fin-nuqqas ta’ għażla ta’ liġi, jew jekk il-liġi magħżula ma tkunx tikkorrispondi għaż-żewġ soluzzjonijiet maħsuba, l-aspetti proprjetarji kollha ta’ ċessjoni jkunu rregolati mil-liġi tal-pajjiż tar-residenza abitwali taċ-ċedent 43 . Din is-soluzzjoni tevita l-użu ta’ regoli speċifiċi għas-settur u tnaqqas l-għadd ta’ liġijiet applikabbli għall-istess ġabra ta’ ċessjonijiet 44 .

    Il-kwistjonijiet ta’ prijorità bejn iċ-ċessjonarji f’kompetizzjoni bejniethom jistgħu jiġu solvuti billi jiġu analizzati l-effetti ta’ kull tranżazzjoni f’sekwenza, skont il-liġi applikabbli tagħha stess. L-analiżi tkun issegwi l-prinċipju tal-liġi dwar il-proprjetà ta’ “l-ewwel fil-waqt, l-ewwel fid-dritt u fil-grad”, li huwa kkwalifikat biss skont regoli dwar l-akkwiżizzjoni in bona fede fit-tranżazzjonijiet sussegwenti.

    Il-vantaġġi ewlenin ta’ din is-soluzzjoni huma li din tiżgura li l-aspetti proprjetarji kollha ta’ ċessjoni jkunu rregolati bl-istess liġi kif ukoll flessibbiltà għall-atturi f’setturi differenti tas-suq fl-għażla ta’ liġi li tissodisfa l-ħtiġijiet partikolari tagħhom. Fl-istess ħin, id-debitur jibqa’ jkun protett taħt ir-regoli eżistenti. Din is-soluzzjoni tista’ tissodisfa wkoll każijiet ta’ ċessjonijiet f’daqqa ta’ talbiet attwali u futuri, peress li tista’ tiġi applikata l-liġi tad-domiċilju taċ-ċedent kemm bħala riżultat tal-għażla tal-partijiet kif ukoll b’mod awtomatiku.

    L-iżvantaġġ possibbli ewlieni ta’ din is-soluzzjoni huwa r-riskju tal-evitar tar-rekwiżiti ta’ pubbliċità f’xi Stati Membri. Madankollu, dan ir-riskju jitnaqqas minħabba l-fatt li l-għażla tal-liġi hija limitata għal żewġ liġijiet, it-tnejn li huma marbuta mill-qrib maċ-ċessjoni inkwistjoni.

    4.3. Il-liġi dwar ir-residenza abitwali taċ-ċedent

    L-aspetti ta’ ċessjoni li jolqtu lill-partijiet terzi jistgħu jiġu ddeterminati mil-liġi dwar ir-residenza abitwali taċ-ċedent 45 . Ċerti talbiet finanzjarji jistgħu ma jkunux moqdija sew minn din ir-regola, partikolarment it-talbiet skont kuntratt eżistenti konkluż fl-ambitu tat-tip ta’ sistema li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4(h) tar-Regolament Ruma I jew fl-ambitu ta’ sistema multilaterali għas-saldu ta’ pagamenti jew għal tranżazzjonijiet oħra bejn il-banek u l-istituzzjonijiet finanzjarji, jew talba fil-qafas ta’ strument finanzjarju. Dan l-iżvantaġġ jista’ jittaffa billi r-regola ġenerali tiġi ssupplementata b’regola speċifika dwar l-effetti ta’ ċessjoni ta’ ċerti talbiet finanzjarji li jolqtu lill-partijiet terzi, li tindika l-liġi li tirregola t-talba ċeduta jew surrogata fid-data rilevanti.

    Il-kwistjonijiet ta’ prijorità jkunu solvuti b’referenza għad-data tal-aħħar ċessjoni jew avveniment ieħor li jagħti lok għal dritt kompetitur.

    Il-vantaġġi ewlenin ta’ din il-proposta huma li tipprovdi fattur wieħed ta’ konnessjoni li jippromwovi ċertezza fost kredituri ggarantiti u ordinarji u, f’każijiet ta’ ċessjonijiet f’kompetizzjoni bejniethom, li tipprovdi soluzzjoni adattata u prevedibbli fl-iddeterminar ta’ min għandu l-aqwa titolu tad-dejn ċessjonat. Il-liġi dwar ir-residenza abitwali taċ-ċedent hija faċli biex wieħed jiddeterminaha u probabbli li tkun il-post li fih jinfetħu l-proċedimenti prinċipali ta’ insolvenza fir-rigward taċ-ċedent. Bħala riżultat, il-kunflitti bejn it-tranżazzjonijiet iggarantiti u l-liġijiet tal-insolvenza jkunu eħfef biex jiġu indirizzati. Il-proposta hija wkoll partikolarment adattata għal ċessjonijiet f’daqqa u għal ċessjonijiet ta’ riċevibbli skont kuntratti futuri li huma sors importanti ta’ akkwist ta’ finanzi għall-SMEs. Il-proposta tkun barra minn hekk koerenti mal-Konvenzjoni tan-NU tar-Riċevibbli kif ukoll mal-Gwida Leġiżlattiva UNCITRAL dwar it-Tranżazzjonijiet Iggarantiti 46 , fir-rigward ta’ dawn it-tipi ta’ ċessjonijiet fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn l-istrumenti 47 .

    L-iżvantaġġi jinkludu żieda fil-kostijiet tat-tranżazzjonijiet u fil-kumplessità, peress li din il-proposta tista’ potenzjalment twassal biex jiġu applikati żewġ liġijiet fuq l-aspetti proprjetarji ta’ ċessjoni: il-liġi tal-kuntratt ta’ ċessjoni bħal bejn iċ-ċedent u ċ-ċessjonarju, u l-liġi dwar ir-residenza abitwali taċ-ċedent għal aspetti li jolqtu lill-partijiet terzi. Potenzjalment hemm ukoll kunflitt ta’ fatturi ta’ konnessjoni f’każijiet ta’ ċedenti konġunti li jinsabu fi Stati differenti u f’każijiet ta’ ċessjonijiet sussegwenti, fejn l-istess talba tiġi ċeduta diversi drabi minn ċedenti li jinsabu fi Stati differenti.

    4.4.Il-liġi applikabbli għat-talba ċeduta

    Skont din il-proposta, l-istess liġi li tirregola r-relazzjoni bejn iċ-ċessjonarju u d-debitur tirregola wkoll l-aspetti proprjetarji ta’ ċessjoni fir-rigward ta’ partijiet terzi. Din ir-regola ġenerali teħtieġ li tkun akkumpanjata minn regola speċifika li tindika l-liġi dwar il-pajjiż tar-residenza abitwali taċ-ċedent fir-rigward ta’ ċessjoni ta’ talbiet skont kuntratti futuri, fejn il-liġi tat-talba ma tkunx tista’ tiġi ddeterminata fil-waqt taċ-ċessjoni. Din ir-regola speċifika tkun takkomoda wkoll lill-industrija tal-fatturament u tal-fatturar skontat, li fihom iċ-ċessjonijiet f’daqqa jistgħu nkella jiskattaw l-applikazzjoni ta’ bosta liġijiet differenti għall-istess portafoll ta’ talbiet.

    Il-kwistjonijiet ta’ prijorità jkunu solvuti b’referenza għad-data tal-aħħar ċessjoni jew avveniment ieħor li jagħti lok għal dritt f’kompetizzjoni.

    Il-vantaġġi ewlenin ta’ din is-soluzzjoni huma l-istabbiltà tal-fattur ta’ konnessjoni li x’aktarx ma jinbidilx maż-żmien u għaldaqstant it-tnaqqis fir-riskju ta’ kunflitti bejn fatturi ta’ konnessjoni fil-każ ta’ kompetizzjoni bejn iċ-ċessjonarji jew detenturi oħra ta’ drittijiet. Fil-każ ta’ bidla fil-liġi applikabbli għat-talba ċeduta, il-partijiet terzi ma jintlaqtux b’mod negattiv. Il-proposta twassal għal tnaqqis fl-għadd ta’ liġijiet applikabbli għal ċessjoni, li jwassal għall-evitar ta’ problemi ta’ karatterizzazzjoni bejn kwistjonijiet ta’ “debitur” u kwistjonijiet ta’ “partijiet terzi” u għat-tnaqqis tal-ispejjeż ġuridiċi assoċjati maċ-ċessjoni. Il-proposta hija partikolarment adattata għal ċerti talbiet finanzjarji.

    L-iżvantaġġi ewlenin jinkludu l-inċertezza potenzjali f’każijiet ta’ insolvenza taċ-ċedent meta l-lex concursus ma tikkoinċidix mal-liġi applikabbli għaċ-ċessjoni. Bħal fil-każ tal-approċċ preċedenti, hemm ukoll skonnessjoni potenzjali bejn l-effetti proprjetarji taċ-ċessjoni bejn iċ-ċedent u ċ-ċessjonarju u fir-rigward tal-partijiet terzi. Hemm ukoll inċertezza dwar il-liġi applikabbli meta ma jkunx hemm għażla tal-liġi evidenti fil-kuntratt oriġinali jew meta t-talba ċeduta ma tkunx ta’ natura kuntrattwali. F’sitwazzjonijiet bħal dawn, il-liġi applikabbli tkun teħtieġ li tiġi ddeterminata skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Ruma I jew inkella skont l-Artikolu 10 tar-Regolament Ruma II.

    5.Konklużjonijiet

    Regoli uniformi dwar il-kunflitt tal-liġijiet li jirregolaw l-effettività taċ-ċessjonijiet kontra partijiet terzi kif ukoll kwistjonijiet ta’ prijorità bejn ċessjonarji f’kompetizzjoni bejniethom jew bejn ċessjonarji u detenturi oħrajn tad-drittijiet itejbu ċ-ċertezza legali u jnaqqsu l-problemi prattiċi inerenti u l-ispejjeż ġuridiċi marbuta mad-diversità attwali tal-approċċi fl-Istati Membri.

    F’dan ir-rapport, il-Kummissjoni tippreżenta tliet soluzzjonijiet possibbli. L-ewwel waħda hija bbażata fuq il-liġi tal-kuntratt bejn iċ-ċedent u ċ-ċessjonarju. It-tieni waħda hija bbażata fuq il-liġi dwar ir-residenza abitwali taċ-ċedent. It-tielet waħda hija bbażata fuq il-liġi applikabbli għat-talba ċeduta. Magħqudin mal-proposti kollha hemm regoli ta’ sostituzzjoni jew regoli speċifiċi sabiex jitqiesu d-diversi interessi jew sitwazzjonijiet involuti.

    Fil-futur, jenħtieġ li meta tkun qiegħda tiġi żviluppata soluzzjoni biex tiżgura ċ-ċertezza legali fiċ-ċessjoni ta’ tranżazzjonijiet tat-talbiet, titqies kif dovut kwalunkwe soluzzjoni parallela jew simili żviluppata biex tiżgura ċ-ċertezza legali fit-tranżazzjonijiet tat-titoli. Għal dan l-għan, sa nofs l-2017 se jitlesta studju dwar il-liġi applikabbli għat-titoli kif ukoll għat-talbiet innegozjati fis-swieq finanzjarji 48 .

    Wara l-adozzjoni ta’ dan ir-rapport, il-Kummissjoni se tniedi, sa tmiem l-2016, konsultazzjoni pubblika mifruxa dwar il-kwistjonijiet identifikati f’dan ir-rapport. Kull soluzzjoni leġiżlattiva proposta biex tindirizza n-nuqqas ta’ ċertezza legali f’dan ir-rapport se tkun akkumpanjata minn valutazzjoni tal-impatt, inkluża kwantifikazzjoni adegwata tal-problema.

    (1) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni, “Pjan ta’ Azzjoni għall-Bini ta’ Unjoni tas-Swieq Kapitali” (il-Pjan ta’ Azzjoni tal-USK”), COM(2015) 468 final, p. 26.
    (2)  Ara r-Rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar l-adegwatezza tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2002/47/EC dwar arranġamenti finanzjarji kollaterali (“ir-rapport FCD”), COM(2016) 430 final.
    (3)  Ara l-Pjan ta’ Azzjoni tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali, l-Anness 1: Lista ta’ azzjonijiet u skeda indikattiva, p. 30.
    (4) Ara l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 593/2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (ir-Regolament Ruma I).
    (5) L-Artikolu 14(1) tar-Regolament Ruma I.
    (6) L-Artikolu 14(2) tar-Regolament Ruma I.
    (7) Minkejja li l-premessa (38) tar-Regolament Ruma I tistipula li t-terminu “relazzjoni” fl-Artikolu 14(1) jestendi għall-aspetti proprjetarji ta’ ċessjoni bħal bejn iċ-ċedent u ċ-ċessjonarju f’ordinamenti ġuridiċi li fihom tali aspetti huma trattati separatament mill-aspetti fl-ambitu tal-liġi tal-obbligi, in-negozjati fit-tħejjija għall-adozzjoni tar-Regolament Ruma I kienu konklużivi dwar il-fatt li l-ebda qbil ma seta’ jintlaħaq dwar regola komuni dwar l-effetti tal-partijiet terzi taċ-ċessjoni.
    (8)  L-adozzjoni ta’ dan ir-rapport ġiet posposta fl-istennija tal-opportunità politika biex il-pubblikazzjoni tiegħu tkun segwita bi proposta leġiżlattiva, li issa ttieħdet fil-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Unjoni tas-Swieq Kapitali.
    (9) Id-Direttiva 98/26/KE dwar il-finalità ta’ settlement fis-sistemi ta’ settlement ta’ pagamenti u titoli (DFS).
    (10) Id-Direttiva 2002/47/KE dwar arranġamenti finanzjarji kollaterali (DKF).
    (11) Id-Direttiva 2001/24/KE fuq ir-riorganizzazzjoni u l-istralċ ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu, ĠU L 125, 2001.
    (12) Il-Kummissjoni rtirat proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tikkonċerna l-iffirmar tal-Konvenzjoni tal-Aja dwar il-Liġi applikabbli għal ċerti drittijiet fir-rigward tat-titoli miżmuma għand intermedjarji.
    (13) Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet.
    (14) Ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 dwar titjib fis-saldu tat-titoli fl-Unjoni Ewropea u dwar depożitorji ċentrali tat-titoli.
    (15) Id-Direttiva 2014/65/UE dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji.
    (16)  Ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji.
    (17) Il-Valutazzjoni tal-Impatt li takkumpanja l-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar iċ-ċertezza legali taż-żamma u t-tranżazzjonijiet tat-titoli, 23.09.2009
    (18) L-istudju twettaq mill-British Institute of International and Comparative Law fl-2011 u huwa disponibbli fuq: http://ec.europa.eu/justice/civil/document/index_en.htm.
    (19) Dawn huma: il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, il-Lussemburgu, in-Netherlands, il-Polonja, Spanja, l-Iżvezja u l-Ingilterra.
    (20) Dawn huma: l-Awstralja, il-Kanada, il-Ġappun, il-Federazzjoni Russa, l-Iżvizzera u l-Istati Uniti.
    (21) It-talba tista’ tirriżulta minn kuntratt jew minn delitt, arrikkiment indebitu, negotiorum gestio, culpa in contrahendo jew relazzjonijiet legali oħra.
    (22) Ħafna Stati Membri ma jirrikjedux avviż jew xi tip ta’ reġistrazzjoni sabiex ċessjoni tkun effettiva kontra partijiet terzi (pereżempju l-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, il-Polonja, Spanja u l-Ingilterra), filwaqt li oħrajn jirrikjedu avviż lid-debitur (pereż. Franza, il-Lussemburgu) jew l-aċċettazzjoni mid-debitur permezz ta’ att awtentiku (pereż. l-Italja).
    (23) Iċ-ċessjoni ta’ talbiet futuri hija soġġetta għal reġimi differenti fl-Istati Membri: ġeneralment huwa aċċettat li jistgħu jiġu ċeduti imma taħt il-liġijiet tal-Belġju, tal-Finlandja u tal-Ġermanja pereżempju, it-talbiet futuri jkunu jenħtieġu li jiġu identifikati jew ikunu identifikabbli biex jiġu ċeduti, filwaqt li l-liġi Żvediża tipprevedi li t-talbiet futuri jkunu obbligi kkontemplati biċ-ċar mid-dokument rilevanti tas-sigurtà.
    (24) Jista’ wkoll jiġri li C iċedi talba li tikser projbizzjoni statutorja jew kuntrattwali fuq iċ-ċessjonijiet. Projbizzjonijiet statutorji jikkonċernaw pereżempju d-dejn personali bħalma huma l-pagi u l-pensjonijiet (pereż. il-Belġju, in-Netherlands, il-Polonja) jew ċessjonijiet f’daqqa (il-Polonja). F’xi Stati Membri, klawżoli ta’ non-ċessjonabilità jingħataw effett sħiħ (pereż. in-Netherlands), filwaqt li f’oħrajn isiru eċċezzjonijiet għal talbiet ta’ flus (pereż. il-Ġermanja). Iċ-ċessjoni hija soġġetta għal kunsens tad-debitur fir-Repubblika Ċeka, fil-Finlandja u fil-Polonja. Is-sitwazzjoni mhijiex ċara fl-ambitu tal-liġi Belġjana.
    (25) Fil-liġijiet nazzjonali, ir-regola hija ġeneralment li tingħata prijorità lill-ewwel ċessjonarju (pereżempju l-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, il-Finlandja, il-Ġermanja, l-Italja, il-Polonja, in-Netherlands, l-Ingilterra). Fl-Ingilterra u fin-Netherlands, il-waqt rilevanti huwa n-notifika taċ-ċessjoni lid-debitur. Fl-Ingilterra, ċessjoni ta’ djun bħala garanzija permezz ta’ imposta jew ipoteka tkun teħtieġ li tiġi rreġistrata mar-Reġistratur tal-Kumpaniji.
    (26) Understanding Securitisation, Background − benefits – risks (Il-Komprensjoni tat-Titolizzazzjoni, Sfond – benefiċċji – riskji), Is-Servizz ta’ Riċerka tal-Parlament Ewropew (PE 569.017), Jannar 2016, p. 1.
    (27) Dan l-eżempju huwa adattament tal-illustrazzjoni użata fil-Gwida Leġiżlattiva UNCITRAL dwar it-Tranżazzjonijiet Iggarantiti, pp. 16-17.
    (28) Ara l-Eżempju 1. Id-differenzi fir-rekwiżiti formali f’rabta mat-talbiet ta’ kreditu huma mfassla fir-rapport FCD reċenti, COM(2016) 430 final.
    (29) Ara R. Plender, M. Wilderspin, The European Private International Law of Obligations, it-tielet edizzjoni, Thomas Reuters 2009, paragrafi 13-019 u 13-020.
    (30) Din hija fehma komuni għall-“ishma” (ara R. Plender, M. Wilderspin, op. cit., para. 13-020; H. van Houtte (ed.), The Law of Cross-border Securities Transactions, Sweet & Maxwell 1999, p. 7; Dicey, Morris and Collins on the Conflict of Laws, vol. 2, il-15-il edizzjoni, Thomson Reuters 2012, para 24-066; BIICL Study, p. 244 u 347) u għall-“bonds” (H. van Houtte (ed.), op. cit., p. 31–32).
    (31) Din hija l-fehma prevalenti għad-“drittijiet f’titoli”, jiġifieri l-“Gutschrift in Wertpapierrechnung” skont M. Born, Europäisches Kollisionsrecht des Effektengiros. Intermediatisierte Wertpapiere im Schnittfeld von Internationalem Sachen-, Schuld- und Insolvenzrecht, Mohr Siebeck 2014, p. 63. Anke R. Plender, M. Wilderspin, op. cit., p. 375 jissuġġerixxu li t-trasferimenti ta’ “interessi ekwi” ġeneralment jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 14 tar-Regolament Ruma I. Madankollu, Dicey, Morris and Collins on the Conflict of Laws, op. cit., para. 24-067 jassumu li l-“interessi fi trust” jaqgħu barra l-Artikolu 14.
    (32) Ir-Regolament (KE) Nru 2015/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar proċedimenti ta’ insolvenza (riformulazzjoni), ĠU 2015 L 141/19, iħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000 tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar proċedimenti ta’ falliment, ĠU 2000 L 160/1.
    (33) Ara l-Artikolu 3(2) tar-Regolament dwar l-Insolvenza (riformulazzjoni).
    (34)  Ara l-Artikolu 2(9) tar-Regolament dwar l-Insolvenza (riformulazzjoni).
    (35) Ara l-Artikoli 8 u 10 rispettivament tar-Regolament dwar l-Insolvenza (riformulazzjoni).
    (36) L-analiżi empirika tenfasizza l-problemi prattiċi li nqalgħu f’setturi differenti tas-suq f’każijiet transfruntieri ta’ ċessjoni u ta’ surroga u hija bbażata fuq it-tweġibiet għal kwestjonarju li wieġbu għalih 36 parti kkonċernata li jirrappreżentaw negozji, korpi u assoċjazzjonijiet tal-kummerċ, istituzzjonijiet tas-swieq finanzjarji, għaqdiet tal-avukati, ġuristi, akkademiċi u partijiet interessati oħra.
    (37) Il-Linja Gwida (UE) 2015/510 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-19 ta’ Diċembru 2014 dwar l-implimentazzjoni tal-qafas tal-politika monetarja tal-Eurosistema (BĊE/2014/60) (id-“Dokumentazzjoni Ġenerali tal-BĊE”). L-Artikolu 97 tad-Dokumentazzjoni Ġenerali tal-BĊE jirrikjedi mhux aktar minn żewġ liġijiet applikabbli għal(a) il-kontroparti; (b) il-kreditur; (c) id-debitur; (d) il-garanti (jekk rilevanti); (e) il-ftehim tat-talba ta’ kreditu; (f) il-ftehim dwar il-mobilizzazzjoni.
    (38) Daqs 80 % tal-partijiet ikkonċernati li pparteċipaw fl-istudju esprimew il-ħtieġa ta’ regola komuni biex tiġi ddeterminata l-liġi applikabbli għall-effetti ta’ ċessjoni li jolqtu lill-partijiet terzi. Bħala soluzzjoni, 44 % ta’ dawk li wieġbu huma favur il-liġi dwar ir-residenza abitwali taċ-ċedent, 30 % jiffavorixxu l-liġi tat-talba sottostanti ċeduta u 11 % jagħżlu l-liġi li tintgħażel miċ-ċedent u miċ-ċessjonarju.
    (39)  Dwar il-kwistjoni rigward liema liġi tirregola l-irkupru tar-rikavat minn talba jew il-valur tagħhom, jista’ jiġi ċċarat li din il-kwistjoni hija rregolata mil-liġi ddeterminata mill-Artikolu 14 tar-Regolament Ruma I. Tista’ ssir ukoll kjarifika ulterjuri sabiex ikun żgurat li l-kwistjonijiet kollha li għandhom impatt dirett fuq id-debitur ikunu rregolati mill-liġi applikabbli għat-talba ċeduta, inkluża l-kwistjoni dwar jekk iċ-ċessjonarju għandux jew le d-dritt li jressaq talba diretta kontra d-debitur jew jekk iridx jingħaqad maċ-ċedent bħala parti għal tali proċedimenti legali.
    (40) Tliet soluzzjonijiet oħra, il-liġi ta’ fejn jinsab id-debitur, il-liġi tal-post taċ-ċessjoni u l-liġi tal-forum ma tantx huma appoġġjati mill-partijiet ikkonċernati, joħolqu inċertezza, mhumiex addattati għall-mezzi elettroniċi ta’ tranżazzjonijiet jew jinkoraġġixxu l-għażla opportunistika tal-ġurisdizzjoni (ara l-istudju pp. 384-385).
    (41)  Ara l-Premessa 38 tar-Regolament Ruma I.
    (42) Liġi oħra tista’ tkompli tirregola l-aspetti kuntrattwali taċ-ċessjoni.
    (43) Fin-nuqqas ta’ għażla, il-liġi applikabbli hija normalment stabbilita b’referenza għall-prestazzjoni karatteristika tal-kuntratt li hija dik taċ-ċessjonarju, kif previst fl-Artikolu 4 tar-Regolament Ruma I. Din is-soluzzjoni awtomatika twassal għall-applikazzjoni ta’ liġi oħra għal darb’oħra għal ċessjoni partikolari, dik tar-residenza abitwali taċ-ċessjonarju.
    (44) Għal din ir-raġuni, il-proposta A titbiegħed f’dan ir-rigward mill-istudju, li jissuġġerixxi regola ta’ sostituzzjoni abbażi tal-liġi applikabbli għat-talba ċeduta, flimkien ma’ regola settorjali għal talbiet skont kuntratti futuri.
    (45) Għall-finijiet ta’ din id-dispożizzjoni, l-Artikolu 19(2) u (3) tar-Regolament Ruma I jaf ikun hemm bżonn li ma jibqax jiġi applikat.
    (46) Adottata fl-14 ta’ Diċembru 2007.
    (47) Kemm il-Konvenzjoni tan-NU kif ukoll il-Gwida UNCITRAL jeskludu mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom iċ-ċessjoni ta’ riċevibbli li jirriżultaw minn titoli, garanziji indipendenti, depożiti bankarji, derivattivi u tranżazzjonijiet ta’ kambju, u sistemi ta’ ħlas. Il-Konvenzjoni tan-NU teskludi ulterjorment ittri ta’ kreditu.
    (48) Sejħa għall-offerti Nru JUST/2016/JCOO/PR/CIVI/0062.
    Top