IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 1.12.2016
COM(2016) 525 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
Dwar l-implimentazzjoni, ir-riżultati u l-valutazzjoni ġenerali tas-Sena Ewropea għall-Iżvilupp 2015
{SWD(2016) 286 final}
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
Dwar l-implimentazzjoni, ir-riżultati u l-valutazzjoni ġenerali
tas-Sena Ewropea għall-Iżvilupp 2015
1.INTRODUZZJONI
1.1.Kuntest: L-2015 bħala s-Sena Ewropea għall-Iżvilupp
Is-Sena Ewropea għall-Iżvilupp (minn hawn 'il quddiem"EYD2015") kienet l-ewwel Sena Ewropea li ġiet iddedikata għar-relazzjonijiet esterni. Hija waslet f'mument importanti għad-deċiżjonijiet ewlenin tal-politika internazzjonali: l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (MDGs) ġew sostitwiti bl-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs), bħala parti mill-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti f'Settembru 2015. F'Lulju 2015 kien hemm żvilupp importanti ħafna meta ntlaħaq qbil rigward l-Aġenda ta’ Azzjoni ta’ Addis Ababa dwar qafas globali għall-finanzjament tal-iżvilupp sostenibbli. Finalment, f'Diċembru, fil-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima tal-2015 f'Pariġi (COP21), 195 pajjiż adottaw l-ewwel negozju dwar il-klima globali, universali u legalment vinkolanti.
Huwa f'dan l-isfond li l-Unjoni Ewropea kkoordinat kampanja ta' komunikazzjoni innovattiva dwar l-iżvilupp li kellha l-għan li tqarreb dawn id-deċiżjonijiet globali lejn iċ-ċittadini Ewropew u lejn il-ħajja ta' kuljum tagħhom. Ġew organizzati konferenzi preparatorji biex jagħmlu l-kampanja kemm jista' jkun inklussiva. Is-sħab kollha – inkluż l-Istati Membri, l-istituzzjonijiet tal-UE, l-organizzazzjonijiet internazzjonali, is-soċjetà ċivili, u s-settur privat – qablu li l-kampanja għandha tkun ċelebrazzjoni ta’ diversi partijiet kkonċernati tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp.
1.2.Objettivi u prinċipji
Id-Deċiżjoni Nru 472/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tfassal is-Sena Ewropea għall-Iżvilupp 2015 (minn hawn 'il quddiem "Deċiżjoni EYD2015") identifikat tliet objettivi:
(a) li tinforma liċ-ċittadini dwar il-politiki ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp u l-azzjonijiet tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha, tenfasizza r-riżultati miksuba f'dan il-qasam mill-Unjoni bħala attur globali, u tenfasizza l-impenn biex jibqa' jkollha rwol ewlieni fl-iżvilupp konformi mal-qafas emerġenti għal wara l-2015.
(b) li trawwem involviment dirett, ħsieb kritiku u interess attiv taċ-ċittadini u l-partijiet interessati tal-Unjoni fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp, inkluż fit-tfassil tal-politika u fl-implimentazzjoni; u
(c) li tqajjem kuxjenza dwar il-benefiċċji tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-Unjoni, mhux biss fost il-benefiċjarji iżda wkoll fost iċ-ċittadini tal-Unjoni, biex tikseb fehim aktar wiesa' dwar il-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp, u biex trawwem sens ta’ responsabbiltà konġunta, ta’ solidarjetà u ta’ opportunità fost iċ-ċittadini fl-Ewropa u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw f’dinja li qed tinbidel u interdipendenti.
1.3.Riżorsi tal-EYD2015
Ir-riżorsi finanzjarji li ġew mobilizzati għall-kampanja jammontaw għal total ta' EUR 10 579 345,11.
Il-kontribuzzjonijiet għall-programmi ta' ħidma nazzjonali tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea involuti fil-kampanja ammontaw għal EUR 5 268 613,31; CONCORD (l-Alleanza tas-Soċjetà Ċivili) irċeviet EUR 938 639,50; EUR 170 258,55 ġew investiti biex tiġi żviluppata strateġija ta' kampanja ta' komunikazzjoni fl-2014; EUR 3 451 833,75 ġew allokati għall-implimentazzjoni tal-istrateġija, EUR 500 000 għar-reklutaġġ temporanju ta' persunal ta' appoġġ addizzjonali; u EUR 250 000 marru għal studju ta' evalwazzjoni estern.
1.4.Approċċ korporattiv u ta' sħubija
L-EYD2015 kienet prijorità tal-Kummissjoni Ewropea u ta’ istituzzjonijiet oħra tal-UE fl-ambitu tal-komunikazzjoni korporattiva. Twaqqaf Grupp ta' Ħidma Interistituzzjonali biex jgħin lis-Sena tilħaq udjenzi wesgħin, filwaqt li Grupp ta' Ħidma bejn is-Servizzi (fi ħdan il-Kummissjoni) żgura li jitwasslu messaġġi koerenti b'enfasi fuq il-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp. Il-laqgħat ta' koordinazzjoni mal-gruppi ta' ħidma kienu vitali għall-iskambju tal-informazzjoni, għall-produzzjoni ta’ materjal tal-EYD2015 u għall-organizzazzjoni ta’ dibattiti pubbliċi.
Twaqqaf netwerk ġdid bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri parteċipanti. Ġew organizzati sitt workshops fi Brussell biex ilaqqgħu flimkien il-partijiet ta' implimentazzjoni kollha u jiżviluppaw metodi biex jippromwovu l-komunikazzjoni għall-iżvilupp fil-livell Ewropew. Hemm impenn sod mill-partijiet parteċipanti kollha biex isostnu dan in-netwerk.
Is-sħubiji nonistituzzjonali tal-kampanja ipprovdewlha diversità u dinamiżmu. Il-koalizzjoni madwar l-EYD2015 inkludiet organizzazzjonijiet internazzjonali, awtoritajiet lokali, gruppi tas-soċjetà ċivili, is-settur privat, l-akkademja, u organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ.
1.5.Riżultati tal-Ewrobarometru dwar l-iżvilupp
Twettqu żewġ stħarriġiet, wieħed fil-bidu tal-kampanja u wieħed fl-aħħar. L-għan kien li titkejjel l-opinjoni pubblika dwar suġġetti tal-iżvilupp u tiġi intraċċata kull bidla f'dawn l-attitudnijiet matul is-sena. L-istħarriġ tal-Ewrobarometru tal-2016 dwar l-Iżvilupp wera żieda ċara fil-proporzjon ta' ċittadini li jappoġġaw l-iżvilupp (minn 85 % għal 89 %) u kkonferma li l-pubbliku Ewropew kien kiseb aktar għarfien dwar l-SDGs il-ġodda, b'36 % tal-pubbliku jiddikjara li kien sema' jew qara dwarhom. Fir-rigward tal-EYD2015 innifisha, mir-rata ta' rikonoxximent inizjali ta' 12 % f'Jannar 2015, l-istħarriġ tal-Ewrobarometru wera żieda ta' 50 % sa tmiem is-sena.
2.IMPLIMENTAZZJONI F'LIVELL DEĊENTRALIZZAT
Id-Deċiżjoni tal-EYD2015 iddikjarat il-ħtieġa li l-appoġġ wiesa' għall-iżvilupp, peress li r-"responsabbiltà primarja għat-tqajjim ta' kuxjenza taċ-ċittadini dwar kwistjonijiet ta' żvilupp huwa f'idejn l-Istati Membri". Fl-istess waqt, intlaħaq kunsens rigward l-importanza ta' sħubiji multilaterali għall-abilità tal-Istati Membri li jiksbu l-objettivi tas-Sena Ewropea.
2.1.Il-ħidma mal-Istati Membri tal-UE
Il-kooperazzjoni mal-Istati Membri tal-UE saret il-bażi tal-kampanja biex jiġi stabbilit netwerk ta' komunikaturi tal-iżvilupp. Ħamsa u għoxrin Stat Membru implimentaw programm ta' ħidma nazzjonali tal-EYD2015. L-EYD2015 offriet opportunità li jiġu enfasizzati r-riżultati tal-MDGs u l-Aġenda 2030 dwar l-SDGs u biex jiżdied l-interess u l-impenn fil-kwistjonijiet tal-iżvilupp. Fl-Istati Membri kollha tal-UE kombinati, seħħew xi 3 828 avveniment, b'total ta' 1 923 240 parteċipant.
Ġew organizzati varjetà ta' attivitajiet, li jvarjaw minn jiem speċjali tal-iżvilupp, avvenimenti kulturali u programmi tat-TV u tar-radju għal kompetizzjonijiet litterarji, tar-ritratti u tal-vidjow, konferenzi u avvenimenti ta' tagħlim. L-Uffiċċji tal-Informazzjoni tal-Parlament Ewropew organizzaw 35 avveniment, seminar u dibattitu dwar kwistjonijiet ta' żvilupp fl-Istati Membri, fejn f'diversi każijiet kien hemm Membri tal-Parlament Ewropew preżenti.
Tqiegħdet enfasi speċjali fuq xogħol edukattiv immirat lejn iż-żgħażagħ. Il-Kummissjoni pproduċiet sett ta' strumenti edukattivi dwar l-iżvilupp b'Manwal Għall-Għalliema, 12-il pjan ta' lezzjonijiet u ktejjeb ta' kwizzijiet fi 23 lingwa tal-UE. Dawn il-materjali edukattivi ġew distribwiti permezz ta' Ministeri tal-Edukazzjoni lil istituzzjonijiet edukattivi, l-aktar skejjel sekondarji, iżda wkoll universitajiet u lil unions tal-għalliema permezz tal-ministeri edukattivi rilevanti. Diversi Stati Membri ħatru ambaxxaturi nazzjonali li l-popularità tagħhom kienet strumentali biex iżżid l-ilħuq tal-kampanja.
Il-midja u s-sħubiji tal-istampa ġew stabbiliti fl-Istati Membri kollha; Fejn b'kollox 45 tali sħubija appoġġaw il-kampanja, u – speċjalment fl-Irlanda, Spanja, u l-Awstrija - ipprovdew xi eżempji b'saħħithom immirati lejn udjenzi żgħar fl-età.
Aħbarijiet Tajbin għall-Ewropa – jum speċjali
Il-Kummissjoni ħadmet mill-qrib mal-NGO Daniż World's Best News biex tappoġġa serje ta' Jiem Ewropej tal-Iżvilupp speċjali f'dsatax-il Stat Membru biex ixxerred messaġġi pożittivi dwar il-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE rigward il-progress osservat f'pajjiżi sħab.
Biex tkun immarkata l-okkażjoni, inħolqot gazzetta speċjali fil-lingwi kollha tal-UE, b'numru totali ta' 250 000 kopja stampata. Id-distribuzzjoni tal-gazzetta mill-volontiera u f'diversi każijiet b'kooperazzjoni mas-sħab tas-settur privat tejbet l-estent ta’ kemm tintlaħaq is-Sena. Il-Jiem Ewropej tal-Iżvilupp spiss ġew organizzati fir-rigward tal-jiem internazzjonali, bħall-Jum Globali ta' Azzjoni għall-Għanijiet Globali jew okkażjonijiet nazzjonali oħrajn.
2.2.Il-Ħidma mas-Soċjetà Ċivili u Edukazzjoni u Sensibilizzazzjoni għall-Iżvilupp (DEAR)
L-Alleanza tas-Soċjetà Ċivili Ewropea, immexxija minn CONCORD, użat l-EYD2015 bħala opportunità biex titrawwem diskussjoni kritika u impenn attiv għall-ġustizzja globali fost iċ-ċittadini tal-UE. F'perjodu ta' 15-il xahar, 17-il proġett ingħataw subgħotjiet minn CONCORD u ġew implimentati f'20 pajjiż fl-Ewropa li laħqu madwar 17-il miljun persuna f'livell lokali, nazzjonali, Ewropew u globali. Fi tmiem l-2015, CONCORD ippubblikat ktejjeb ta' Rakkomandazzjonijiet ta' Politika.
Is-soċjetà ċivili kienet involuta wkoll fil-kampanja permezz ta' rekwiżit għal benefiċjarji DEAR fit-28 Stat Membru tal-UE biex jieħdu kont tal-EYD2015 fil-programmi tagħhom għall-2015. L-outputs inkludew esibizzjonijiet ta' ritratti u kompetizzjonijiet, festivals tal-film u tal-mużika, konkorsi tal-kitba, kampijiet tas-sajf għall-iżvilupp, esibizzjonijiet, avvenimenti kulturali u fora tal-għalliema.
2.3.Fil-palk internazzjonali: il-ħidma mal-organizzazzjonijiet internazzjonali
In-Nazzjonijiet Uniti (UN) u l-Bank Dinji kellhom rwol importanti fil-kampanja billi kkontribwew għas-sit web, għall-ġestjoni komuni tal-midja soċjali u biex tinfirex sensibilizzazzjoni tal-kampanja kemm fl-Unjoni kif ukoll barra minnha. Iċ-Ċentru ta' Informazzjoni Reġjonali għall-Ewropa (UNRIC) kellu rwol ta' koordinazzjoni partikolarment utli matul is-Sena kollha. Ħmistax-il aġenzija tan-NU b'posts, stejjer u tħabbir ta' avvenimenti fuq is-sit web tal-EYD2015, u permezz tal-ġestjoni komuni tal-kontijiet tal-midja soċjali tal-EYD2015.
Id-diversi avvenimenti konġunti li ġew organizzati inkludew il-laqgħa ta' żgħażagħ mas-Segretarju Ġenerali tan-NU, Ban Ki-moon f'Bozar Brussels, il-Jum tan-NU fil-Grand Place fi Brussell, il-promozzjoni tal-iskrinjar ta' Ciné-ONU fi Brussell, u l-Konferenza dwar l-SDGs fil-kuntest tal-"Quinzaine de la Solidarité internationale" fi Brussell. Il-konferenzi internazzjonali dwar il-kooperazzjoni għall-iżvilupp bl-isem "Engage. Cooperate. Share Experience" (il-Litwanja) u "Advancing Women's Economic Empowerment via the Post 2015 Development Framework" (il-Polonja) ġew appoġġati mill-Bank Dinji fil-kuntest tal-kampanja tal-EYD2015.
2.4.Impenn tas-settur privat
Matul is-sena, ġew imwaqqfa tnejn u għoxrin sħubija ġdida mas-settur privat.
Is-settur privat uża elementi viżwali u materjali tal-EYD2015 għall-finijiet ta' komunikazzjoni tiegħu stess, inklużi avvenimenti, magazines, u bullettini, li ġew distribwiti permezz ta' netwerks tal-kumpaniji/assoċjazzjonijiet li jikkollaboraw. Bħala eżempju, l-160 000 intrapriża Ewropea li jifformaw l-assoċjazzjoni tal-agrinegozju "Cooperative Europe" u l-10 000 kumpanija membru tar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva fl-Enerġija kienu kollha reċipjenti tal-messaġġi tal-EYD2015.
3.IMPLIMENTAZZJONI F'LIVELL ĊENTRALIZZAT
Filwaqt li jaġixxu fl-ispirtu tal-inklussività u tal-koproprjetà, il-Kummissjoni Ewropea, f'kollaborazzjoni ma' istituzzjonijiet oħra tal-UE, kellha rwol ta' koordinazzjoni ċentrali fit-tmexxija tal-kampanja.
3.1.Il-materjali tal-kampanja
Sett ta' strumenti għal kampanja komprensiva tqiegħed onlajn għad-dispożizzjoni permezz tas-sit web tal-EYD2015, bil-maġġoranza tal-materjali tradotti fi 23 lingwa tal-UE. Il-materjali kkonsistew fi: żewġ vidjows tal-EYD2015; reklam qasir fuq ir-radju; 52 "Storja tal-ġimgħa"; bullettin ta' kull xahar; skedi informattivi tematiċi u infografika ta' kull xahar; posters tematiċi tal-EYD2015; preżentazzjonijiet PowerPoint; żewġ edizzjonijiet tal-gazzetta EYD2015-World's Best News; set ta' strumenti edukattivi dwar l-EYD2015; sett sħiħ ta' strumenti ta' identità viżwali; photo-bank; "roll-up templates"; għadd limitat ta' materjal li jitqassam b'xejn; u wara tmiem is-sena, pubblikazzjoni b’qoxra iebsa distribwita b'mod wiesa' ta' "Stories of the week" kollha. Il-Parlament Ewropew ħoloq is-sett speċjali tiegħu stess ta' strumenti ta' kampanja għall-EYD2015.
Il-produzzjoni tar-rappreżentazzjoni grafika tal-motto tal-EYD2015 kienet essenzjali biex tinforza l-identità viżwali tal-kampanja. Barra minn hekk, l-approċċ tax-"xhur tematiċi" (b'tema ewlenija waħda assenjata għal kull xahar tas-sena) kien utli biex jgħin lis-sħab jikkomunikaw b'mod effettiv dwar suġġett, avveniment jew qasam ta' interess partikolari għalihom.
3.2.Enfasi fuq iż-żgħażagħ
Id-Deċiżjoni tal-EYD2015 irrikonoxxiet liż-żgħażagħ bħala grupp destinatarju ewlieni. Diversi attivitajiet organizzati mill-Kummissjoni Ewropea, istituzzjonijiet oħra tal-UE u Stati Membri ġew immirati direttament lejn iż-żgħażagħ. Fosthom, kien hemm 12-il mexxej żagħżugħ mid-dinja kollha magħżula biex jitkellmu f'bordijiet ta' livell għoli fil-Jiem Ewropej tal-Iżvilupp (European Development Days - EDD) f'Ġunju 2015. Fl-istess spirtu, ġie organizzat dibattitu interattiv f'Bozar Brussels f'Mejju bejn ambaxxaturi żgħażagħ u s-Segretarju Ġenerali tan-NU, Ban Ki-moon dwar l-aġenda ta' wara l-2015 u r-rwol taż-żgħażagħ. L-avveniment ġie strimjat fuq il-web u l-hashtag #AskBanKimoon dehret fit-Twitter feeds ta' aktar minn 10 miljun persuna.
Il-mexxejja globali ewlenin iddiskutew kwistjonijiet tal-iżvilupp fil-qafas tal-"Kapuschinski Development Lectures", organizzati b'mod konġunt mill-Kummissjoni Ewropea u l-Programm ta' Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti (UNDP). Tal-anqas "Kapscinski Development Lecture" waħda seħħet f'kull Stat Membru matul il-kampanja, li kienet tinvolvi universitajiet nazzjonali u kelliema bħal Thomas Piketty, Julia Gillard, Dani Rodrik u Carl Bildt, li taw lekċers affaxxinanti.
Tħejja vidjow speċjali tal-EYD2015 permezz ta' kollaborazzjoni unika bi blogger żagħżugħ popolari. Il-vidjow sar l-aktar output awdjoviżiv li qatt rawh nies tad-Direttorat Ġenerali għall-Kooperazzjoni Internazzjonali u l-Iżvilupp (DĠ DEVCO) b'miljun żjara fuq YouTube; fuq Facebook, il-kampanja b'kollox kisbet 6 073 539 kumment; u f'wirjiet taċ-ċinema, il-vidjow laħaq udjenza ta' 335 389 persuna.
3.3.Avvenimenti ewlenin, viżibilità wiesgħa, diversità ta' miri u ta' attivitajiet
Iċ-ċerimonji tal-ftuħ u tal-għeluq (fil-Latvja u fil-Lussemburgu rispettivament) attendew għalihom il-Kulleġġ tal-Kummissarji u t-tmexxija politika taż-żewġ Presidenzi. F'Marzu 2015, seħħet konferenza dwar il-ġeneru ma' speċjalisti u partijiet ikkonċernati biex janalizzaw l-istat tal-inugwaljanzi fl-Ewropa u lil hinn minnha. Fid-9 ta' Mejju 2015, l-EYD2015 kienet it-tema ewlenija dwar Jum l-Ewropa meta aktar minn 30 000 ċittadin żaru l-Jum għall-Pubbliku fl-istituzzjonijiet tal-UE.
L-EYD2015 ġiet promossa ukoll mill-istituzzjonijiet tal-UE fir-"Run in Brussells" (Ġirja fi Brussell) u l-logo tal-EYD2015 iddekora l-iskywalk plaza tal-Parlament Ewropew bi strixxun kbir matul is-sena. Barra minn hekk, l-EYD2105 ġiet integrata fl-Euroscola tal-Parlament Ewropew li laqgħet eluf ta' studenti minn 16 sa 18-il sena fi Strasburgu fi Frar 2015. Il-kuntest tal-fotografi mistiedna tal-Parlament Ewropew kien ibbażat fuq is-suġġetti ta' kull xahar tal-EYD2015 u r-ritratti li jirbħu ġew karatterizzati f'esibizzjoni fil-Bronsilaw Geremek Agora fi Strasburgu f'Novembru 2015. Bl-istess mod, l-esibizzjoni tar-ritratti "Family Meal" intweriet fil-Parlamentarium bejn Mejju u Novembru.
Il-kampanja tal-EYD2015 kienet preżenti fl-avvenimenti internazzjonali ewlenin tas-sena: twaqqfet stand speċjali tal-EYD2015 fil-konferenza tal-COP21 f'Pariġi; u ġew organizzati lekċers “Kapuscinski” dwar l-iżvilupp fl-okkażjoni tal-adozzjoni tal-Aġenda 2030 mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fi New York.
Il-kampanja kienet preżenti fl-EXPO2015 f'Milan, fejn elementi viżivi tal-EYD2015 kienu kkaratterizzati b'mod qawwi flimkien mat-tema tan-nutrizzjoni tal-Expo (Feeding the Planet: Energy for Life) fil-paviljun tal-UE.
L-EYD2015 kellha wkoll rwol attiv fiċ-ċelebrazzjoni tas-70 sena mill-anniversarju tan-NU tal-25 ta' Ottbubru 2015, bi stand kbir fil-Grand Place fi Brussell li attira madwar 5 000 viżitatur.
3.4.Il-ħidma mad-Delegazzjonijiet tal-UE: Sena ta' rakkonti
Ir-rakkontar tal-istejjer kien fiċ-ċentru tal-kampanja. Id-Delegazzjonijiet tal-UE ħejjew aktar minn 150 storja li juru l-impatt tanġibbli tal-iżvilupp tal-UE fuq il-ħajjiet tal-persuni f'pajjiżi sħab. L-istejjer kkombinaw flimkien lingwaġġ sempliċi, deskrizzjonijiet narrattivi diretti, interessanti, u fatti ewlenin dwar ir-riżultati pożittivi tal-għajnuna għall-iżvilupp tal-UE. L-aqwa stejjer ġew magħżula għat-tema "Story of the Week" tal-kampanja, tradotta fi 23 lingwa, imqiegħda fuq is-sit web u mxerrda permezz tal-midja soċjali. Il-maġġoranza tal-istejjer li baqa' ġew ippubblikati fil-lingwa oriġinali tagħhom.
Minħabba l-kwalità tal-istejjer u l-feedback inkoraġġanti li rċevejna, inħareġ ktieb wieħed li jiġbor "Stories of the Week" f'pubblikazzjoni speċjali. "EYD2015: a Year of Stories" ġiet distribwita fl-avveniment tal-għeluq fil-Lussemburgu, u mir-Rappreżentazzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea, iċ-Ċentri ta' Informazzjoni ta' Europe Direct u d-Delegazzjonijiet tal-UE fi 23 lingwa.
3.5.Sit web ta' kampanja innovattiva
Is-sit web tal-EYD2015 kien pjattaforma li sawret relazzjonijiet ġodda bejn l-UE u s-sħab għall-iżvilupp u ppermettiet komunikazzjoni ġenwinament interattiva. Filwaqt li twaqqfet u ġiet immaniġġjata mill-Kummissjoni, hija tat lill-organizzazzjonijiet sħab il-kontroll editorjali kollu tal-kontenut tagħhom. Aktar minn 200 sieħeb akkreditat kienu ħielsa li jippowstjaw informazzjoni dwarhom stess, avvenimenti, stejjer u informazzjoni oħra fil-lingwa tal-għażla tagħhom. Fosthom kien hemm 24 Stat Membru, 30 organizzazzjoni internazzjonali, 137 soċjetà ċivili/organizzazzjonijiet nongovernattivi/governattivi u 9 kumpaniji fis-settur privat.
Ġestjoni komuni tal-midja soċjali
Il-ħidma bil-midja soċjali – Facebook u Twitter - kienet ta' suċċess għall-EYD2015, kif ukoll investiment fil-kampanji onlajn tal-futur. Ġew irreġistrati aktar minn 330 000 referenza tal-hashtag tal-EYD2015. L-avveniment li ġibed l-aktar attenzjoni għall-hashtag tal-EYD2015 kien l-akkwist miż-żgħażagħ tal-kontijiet tal-midja soċjali ta' DĠ DEVCO f'Ottubru 2015.
Wieħed mis-suċċessi ewlenin kienet il-ġestjoni komuni tal-kontijiet tal-midja soċjali tal-EYD2015 minn sieħeb differenti kull ġimgħa fl-2015. domanda għas-slots tal-ġestjoni komuni qabżet l-għadd ta' ġimgħat fis-sena. Il-kokuraturi ġew minn kull mogħdija tal-ħajja pubblika, minn kumpaniji fis-settur privat sa NGOs. Il-ġestjoni komuni rnexxielha b'suċċess tipproduċi kontenut varju, tingrana n-netwerks attwali u tibni sħubiji ġodda.
3.6.Ħidma tal-midja
Li l-kooperazzjoni għall-iżvilupp tinġieb għall-attenzjoni tal-midja kienet parti importanti mill-kampanja. L-EYD2015 żgurat kopertura ewlenija ta' midja ta' kwalità għolja fl-UE kollha. Ġie ppubblikat għadd tajjeb ta' artikli informati tajjeb, fejn xi wħud minnhom jużaw il-motto tas-Sena fir-rapportar tagħhom. B'kollox issemmew 3 914-il artikolu fl-EYD2015. DĠ DEVCO informa regolarment lill-ġurnalisti dwar il-kampanja billi waqqaf seminars u tgħarrif għall-istampa. Ġie organizzat vjaġġ għat-Tanzanija bħala parti mill-kampanja sabiex jiffoka fuq it-tibdil fil-klima qabel il-Konferenza COP21.
4.LEGAT U SEGWITU TAL-EYD2015
Il-kampanja tal-EYD2015 irriżultat fi sħubiji aktar b'saħħithom fil-komunikazzjoni għall-iżvilupp. Il-Kummissjoni se tkompli tqarreb is-suġġett tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp lejn iċ-ċittadini Ewropej.
4.1.Legat tal-EYD2015
Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni ffirmaw Dikjarazzjoni Konġunta dwar is-Sena Ewropea għall-Iżvilupp f'ċerimonja speċjali fil-Lussemburgu fid-9 ta' Diċembru 2015. Id-Dikjarazzjoni Konġunta kienet tinkludi l-elementi li ġejjin:
Il-bini fuq is-sħubiji u l-involviment tal-partijiet ikkonċernati ġodda barra mill-komunità għall-iżvilupp:
In-netwerks stabbiliti mill-Istati Membri, il-parlamenti, ir-reġjuni, is-soċjetà ċivili, is-settur privat, l-awtoritajiet reġjonali/lokali, l-esperti akkademiċi, u l-istituzzjonijiet ta' riċerka/edukattivi matul l-EYD2015, urew li kienu effiċjenti ħafna sabiex jinbnew sinerġiji, isir qbil fuq attivitajiet konġunti u biex jiġu xxerjati t-tagħlimiet mgħallma.
Indirizzar lejn iż-żgħażagħ:
L-isforzi fis-settur edukattiv se jkompli jkollhom rwol importanti fit-tħejjija għall-2030, filwaqt li jiżguraw li dawk kollha li jitgħallmu jiksbu l-għarfien u l-ħiliet meħtieġa sabiex jiġi promoss l-iżvilupp sostenibbli.
It-tqegħid tan-nies fiċ-ċentru:
L-approċċ tar-rakkontar tal-istejjer kien wieħed mill-mezzi l-aktar popolari ta' komunikazzjoni dwar l-sfidi globali tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp u l-isforzi li jaffettwaw il-ħajja ta' kuljum tan-nies.
L-interattività:
Il-bini b'mod parteċipatorju li fih ġiet żviluppata l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-interazzjoni fost il-partijiet ikkonċernati u magħhom se jibqa' jkun importanti ħafna.
L-ibbażar fuq il-fatti:
Kampanja ta' komunikazzjoni bbażata fuq ir-riżultati se tkun kontribut importanti għas-suċċess tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli.
Iż-żamma fl-ispirtu tal-EYD:
Il-motto tal-EYD2015– our world, our dignity, our future (id-dinja tagħna, id-dinjità tagħna, il-futur tagħna) – jista' jkun strument sabiex jintbagħtu messaġġi dwar l-Aġenda 2030.
4.2.Konklużjoni
Il-Kummissjoni tilqa' s-sejbiet ġenerali pożittivi tal-evalwazzjoni indipendenti tal-EYD2015, filwaqt li tirrikonoxxi li xi konklużjonijiet jeħtieġ li jiġu kkunsidrati fid-dawl tal-limitazzjonijiet tal-ġbir tad-dejta li jiltaqgħu magħhom, u tal-fatt li l-evalwazzjoni tibbaża estensivament fuq stħarriġ ta' partijiet ikkonċernati li huma stess implimentaw attivitajiet ta' kampanji, li jimplika riskju potenzjali ta' preġudizzju pożittiv.
Il-Kummissjoni tilqa' l-konklużjonijiet tal-evalwatur rigward ir-relevanza u l-komplimentarjetà tal-objettivi u tal-attivitajiet. L-EYD2015 ikkombinat l-input tal-UE u tal-Istati Membri biex tiżgura kampanja issettjata b’mod xieraq li għenet biex iżżid is-sensibilizzazzjoni, l-għarfien u l-fehim fost il-pubbliku ġenerali u ż-żgħażagħ b’mod partikolari. Il-fatt li kellhom sett wiesa’ ta’ objettivi u ta’ gruppi fil-mira għen lill-Istati Membri u lil sħab oħra jfasslu aħjar it-twassil ta'messaġġi għall-prijoritajiet u l-interessi proprji, għalkemm komunikazzjoni aktar ċara dwar messaġġi politiċi speċifiċi setgħet kienet utli għall-mitigazzjoni tal-attenwazzjoni tad-dimensjoni Ewropea f’xi każijiet. Il-Kummissjoni tinnota b’sodisfazzjoni li l-approċċ ta’ rakkontar ta’ stejjer għamel il-komunikazzjoni dwar l-iżvilupp aktar rilevanti għall-udjenzi differenti, u li l-attivitajiet ta’ kampanji - inklużi dawk li jinvolvu organizzazzjonijiet internazzjonali - kienu kumplimentari fil-livell nazzjonali u f’dak Ewropew.
Il-Kummissjoni tirrikonoxxi l-konklużjonijiet interkonnessi rigward l-effikaċja u l-impatt. Filwaqt li ma ġiet stabbilita ebda rabta kawżali bejn il-kampanja u ż-żieda fil-proporzjon ta’ ċittadini favur l-iżvilupp li ntweriet fl-istħarriġ tal-Ewrobarometru 2016, minħabba l-volum ta’ attività u ta’ evidenza tal-udjenzi l-ġodda li ntlaħqu, huwa raġonevoli li nassumu li l-EYD2015 ikkontribwiet biex ittejjeb l-appoġġ politiku għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp. L-istrateġija online u tal-midja soċjali kellha suċċess partikolari biex tipproġetta l-UE bħala attur globali u biex tinforma liċ-ċittadini dwar l-attivitajiet ta’ żvilupp tal-UE u l-Istati Membri tagħha. Il-Kummissjoni tinnota li l-ftuħ ta’ sit web u kontijiet tal-midja soċjali għas-sħab kien mod effettiv biex jinbnew is-sħubiji, li setgħu seħħew b’mod utli anki qabel. L-evalwazzjoni tenfasizza wkoll kopertura tajba mill-istampa tal-kampanja u koordinazzjoni effettiv mill-atturi ewlenin kollha.
Rigward l-effiċjenza, il-koerenza u l-valur miżjud tal-UE tal-attivitajiet tal-EYD2015, il-mudell ta’ sħubija kien perċepit bħala mezz effiċjenti biex il-komunità tal-iżvilupp tintlaħaq mill-multiplikaturi, il-pubbliku inġenerali u ż-żgħażagħ b’mod partikolari. Il-Kummissjoni tinnota li xi sħab ikkunsidraw ir-rekwiżiti ta’ monitoraġġ u ta’ rapportar bħala ta’ piż. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi wkoll is-suġġeriment tal-evalwatur li setgħu ġew allokati riżorsi aktar umani u finanzjarji għall-EYD2015, u tressaq dan ir-rapport abbażi tar-riżorsi disponibbli għall-proġett, filwaqt li tikkunsidra l-kuntest aktar wiesa’ tar-restrizzjonijiet tar-riżorsi finanzjarji u umani.
Dwar is-sostenibbiltà tal-attivitajiet tal-EYD2015, l-evalwazzjoni tikkonkludi li l-kampanja pprovdiet il-partijiet ikkonċernati b’opportunità li jiżviluppaw forom ġodda ta’ impenn, speċjalment permezz ta’ forom ta’ rakkontar ta’ stejjer, l-użu ta’ strumenti ġodda, jew it-tagħlim dwar il-komunikazzjoni ma’ udjenzi ġodda. Tqiegħdu l-pedamenti għal eżiti sostenibbli, inkluż permezz tad-Dikjarazzjoni Konġunta; l-isfida se tkun li jiġi żgurat li l-motivazzjoni u l-momentum iġġenerati mill-EYD2015 jinżammu u jitqiegħdu għad-dispożizzjoni r-riżorsi finanzjarji u umani.
Il-qafas globali l-ġdid tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, inkluż l-SDGs se jirrikjedu kampanji innovattivi u inklużivi. Kampanji futuri se jibbenefikaw mil-lezzjonijiet mitgħallma matul l-EYD2015, u n-netwerks ta’ kooperazzjoni u l-prattiki tajbin żviluppati u implimentati. Grazzi għall-EYD2015, l-UE tejbet b’mod sinifikanti l-kapaċità tagħha li tikkomunika ma’ ċittadini Ewropej dwar l-iżvilupp.