Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016DC0505

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENTI NAZZJONALI dwar il-proposta għal Direttiva li temenda d-Direttiva dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema, fir-rigward tal-priniċipju tas-sussidjarjetà, f'konformità mal-Protokoll Nru 2

    COM/2016/0505 final

    Brussell, 20.7.2016

    COM(2016) 505 final

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

    dwar il-proposta għal Direttiva li temenda d-Direttiva dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema, fir-rigward tal-priniċipju tas-sussidjarjetà, f'konformità mal-Protokoll Nru 2


    1.Introduzzjoni

    Fil-Linji Gwida Politiċi 1 tagħha, il-Kummissjoni impenjat ruħha li tippromwovi Suq Intern aktar fond u aktar ġust. L-Unjoni stabbilit u tassigura l-funzjonament ta' Suq Intern li hu bbażat fuq ekonomija tas-suq soċjali kompetittiva ħafna li għandha l-għan li jkollha livell massimu ta' impjiegi u progress soċjali.

    F'dan il-kuntest, u b'konsistenza mal-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2016, fit-8 ta' Marzu 2016, il-Kummissjoni adottat proposta 2 għal reviżjoni mmirata tad-Direttiva 96/71/KE dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema 3 . Ir-raġunijiet għall-azzjoni u għall-għażliet politiċi magħmula fil-proposta huma żviluppati fil-memorandum ta' spjegazzjoni, fil-premessi tad-Direttiva proposta u fir-Rapport ta' Valutazzjoni tal-Impatt 4 li jakkumpanja l-proposta.

    Fi ftit kliem, l-objettiv tal-proposta huwa li jiġi assigurat li l-implimentazzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fl-Unjoni sseħħ skont il-kondizzjonijiet li jiggarantixxu kondizzjonijiet ekwi għan-negozji u r-rispett għad-drittijiet tal-ħaddiema. Għoxrin sena wara l-adozzjoni tagħha, il-Kummissjoni sabet li d-Direttiva 96/71/KE ma għadhiex tassigura dawn il-kondizzjonijiet fl-isfond tal-kondizzjonijiet ekonomiċi u soċjali attwali fl-Istati Membri. Għalhekk, il-Kummissjoni ppreżentat proposta għal azzjoni leġiżlattiva. Il-proposta tal-Kummissjoni għandha l-għan li tirrimedja l-problemi speċifiċi b'numru limitat ta' emendi mmirati lejn id-Direttiva 96/71/KE.

    Il-Protokoll Nru 2 tat-Trattati dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità jippermetti lill-Parlamenti nazzjonali biex joħorġu opinjonijiet motivati meta jqisu li proposta leġiżlattiva ma tikkonformax mal-principju tas-sussidjarjetà 5 . Meta l-opinjonijiet motivati maħruġa mill-Parlamenti nazzjonali jirrappreżentaw ta' mill-anqas terz tal-voti kollha allokati lilhom, 6 il-proposta għandha tiġi eżaminta mill-ġdid mill-Kummissjoni. Abbażi ta' dan l-eżami, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li żżomm, temenda jew tirtira l-proposta, u għandha tagħti r-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha.

    Fl-iskadenza stabbilita fl-Artikolu 6 tal-Protokoll Nru 2, 14-il kamra tal-Parlamenti nazzjonali bagħtu opinjonijiet motivati lill-Kummissjoni li jistqarru li l-proposta tal-Kummissjoni, imressqa fit-8 ta' Marzu 2016, mhix konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, għalhekk skattaw il-proċedura prevista fl-Artikolu 7(2) tal-Protokoll imsemmi hawn qabel. L-iskop ta' din il-Komunikazzjoni hu li jkun hemm rispons għal dan it-tħassib safejn dan għandu x'jaqsam mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

    F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tixtieq tfakkar li t-tisħiħ tar-rabtiet u l-istabbiliment ta' sħubija mal-Parlamenti nazzjonali bħala mod kif l-Unjoni tinġieb eqreb taċ-ċittadini hija waħda mill-prijoritajiet tagħha 7 . Il-Kummissjoni tagħti importanza kbira lill-profodament tal-għarfien speċifiku għall-pajjiż fi ħdan l-istituzzjoni u l-iżvilupp tal-fehim reċiproku u l-kanali effettivi ta' komunkazzjoni bejn il-livell nazzjonali u dak Ewropew 8 .

    2.Proċedura

    Il-proċedura tal-Artikolu 7(2) tal-Protokoll 2 hija ffokata esklussivament fuq il-principju tas-sussidjarjetà kif definit fl-Artikolu 5(3) tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea (TUE) 9 . Għalhekk, fl-opinjonijiet motivati fit-tifsira tal-Artikolu 6 tal-Protokoll Nru 2, il-Parlamenti nazzjonali għandhom bżonn jistqarru għala jqisu li abbozz ta' att leġiżlattiv mhux konformi ma' dak il-prinċipju.

    Fi żmien limitat stabbilit fl-Artikolu 6 tal-Protokoll Nru 2, 14-il kamra ta' 11-il Stat Membru ħarġu opinjonijiet motivati u għalhekk skattaw il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 7(2) tal-Protokoll Nru 2. Il-kmamar huma dawn li ġejjin (in-numru ta' voti fil-qwies): il-Kamra tad-Deputati Rumena (1), is-Senat Rumen (1), il-Kamra tad-Deputati Ċeka (1), is-Senat Ċek (1), is-Sejm Pollakk (1), is-Senat Pollakk (1), is-Seimas tar-Repubblika tal-Litwanja (2), il-Parlament Daniż (2), il-Parlament Kroat (2), is-Saeima Latvjan (2) l-Assemblea Nazzjonali Bulgara (2), l-Assemblea Nazzjonali Ungeriża (2), il-Parlament Estonjan (2) u l-Kunsill Nazzjonali tar-Repubblika Slovakka (2). Dawn l-opinjonijiet motivati jirrappreżentaw 22 vot 10 .

    Barra minn hekk, sitt Parlamenti nazzjonali (il-Cortes Generales Spanjol, il-Camera dei Deputati Taljana, l-Assembleia da República Portugiża, il-House of Commons tar-Renju Unit, Is-Sénat Franċiż u s-Senato della Repubblica Taljan) bagħtu opinjonijiet fil-qafas tad-djalogu politiku li prinċipalment jikkonsidraw il-proposta bħala kompatibbli mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

    Il-Kummissjoni kkonfermat pubblikament l-iskattar tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 7(2) tal-Protokoll 2 fil-11 ta' Mejju 2016, il-jum wara l-iskadenza taż-żmien limitat stabbilit fl-Artikolu 6 tal-Protokoll Nru 2.

    F'konformità mal-impenn tagħha li tiżgura li l-Parlamenti nazzjonali jkollhom vuċi soda fit-teħid tad-deċiżjonijiet, il-Kummissjoni analizzat b'reqqa l-opinjonijiet motivati. Qabel ma fasslet il-konklużjonijiet, il-Kummissjoni impenjat ruħha b'mod dirett mal-Parlament nazzjonali dwar il-kwistjonijiet imqajma, b'mod partikolari fil-laqgħat tal-Konferenza tal-Kumitati Parlamentari għall-Affarijiet tal-Unjoni tal-Parlamenti tal-UE (COSAC) tat-13 ta' Ġunju 2016, fejn seħħ skambju preliminari ffokat fuq l-aspetti proċedurali, u fil-laqgħa tal-11 ta' Lulju 2016, fejn seħħet diskussjoni sostantiva fil-kuntest ta' dibattitu aktar wiesa' dwar id-dimensjoni soċjali tal-UE.

    3.Il-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva li temenda d-Direttiva dwar l-Istazzjonar ta' Ħaddiema

    Il-proposta tal-Kummisjsoni tat-8 ta' Marzu 2016 għal Direttiva li temenda d-Direttiva dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema tal-1996 hija bbażata fuq bażi legali tas-Suq Intern, jiġifieri l-Artikoli 53(1) u 62 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Skont id-definizzjoni, l-istazzjonar hu ta' natura transfruntiera. Kull attività ta' stazzjonar għandha l-effetti f'ta' mill-anqas żewġ Stati Membri. Ir-regoli dwar l-istazzjonar neċessarjament joħolqu drittijiet u obbligi bejn il-persuni fi Stati Membri differenti - jiġifieri bejn l-impjegatur fl-Istat Membru tal-oriġini u ħaddiem li temporanjament jirresjedi fi Stat Membru ieħor. Taħt ċirkostanzi speċifiċi, ir-riċevitur tas-servizz f'dan l-aħħar Stat Membru ulterjormanet jista' jinżamm responsabbli b'mod konġunt.

    Għalhekk l-istazzjonar tal-ħaddiema għandu rwol essenzjali fis-Suq Intern, b'mod partikolari fil-provvista ta' servizzi transfruntiera. Il-Kummissjoni hija impenjata li ssaħħaħ is-Suq Intern, li tfisser, fost affarijiet oħra, li l-libertà li jiġu pprovduti servizzi b'mod ġenerali u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi tal-ħaddiema tal-istazzjonar tal-impriżi b'mod partikolari għandhom ikunu ffaċilitati. Dan hu possibbli biss jekk il-qafas leġiżlattiv li fi ħdanu l-istazzjonar iseħħ, jipprovdi regoli li huma ċari, ġusti u eżekutorji.

    Il-proposta tal-Kummissjoni tintroduċi tliet bidliet prinċipali fid-Direttiva tal-1996:

    - L-ewwel, il-proposta tistabbilixxi li r-regoli mandatorji kollha dwar ir-remunerazzjoni fl-Istat Membru ospitanti japplikaw lill-ħaddiema stazzjonati f'dak l-Istat Membru. Ir-regoli stabbiliti bil-liġi jew bil-ftehimiet kollettivi applikabbli universalment isiru mandatorji għall-ħaddiema stazzjonati fis-setturi ekonomici kollha. F'dawk l-Istati Membri fejn f'konformità mar-regoli u l-prattiki nazzjonali tagħhom jirrikjedu lill-impriżi li jissottokuntrattaw biss ma' impriżi li jagħtu lill-ħaddiema l-istess kondizzjonijiet dwar ir-remunerazzjoni bħal dawk applikabbli lill-kuntrattur, il-proposta tippermetti lill-Istati Membri japplikaw tali regoli b'mod ugwali għal impriżi li jistazzjonaw ħaddiema fit-territorju tagħhom.

    - It-tieni, il-proposta tipprovdi li l-kondizzjonijiet li jridu jiġu applikati lill-aġenziji transfruntiera li jirriklutaw ħaddiema għandhom ikunu dawk li huma, skont l-Artikoli 5 tad-Direttiva 2008/104/KE, applikati lill-aġenziji nazzjonali li jirriklutaw il-ħaddiema.

    - It-tielet, il-proposta tipprovdi li, kull meta d-durata antiċipata tal-istazzjonar tkun aktar minn 24 xahar jew id-durata effettiva tal-istazzjonar taqbeż l-24 xahar, l-Istat Membru ospitanti jitqies bħala l-pajjiż li fih ix-xogħol normalment isir. Għalhekk, fl-applikazzjoni tar-regoli tar-Regolament Ruma I 11 , il-liġi tax-xogħol tal-Istat Membru ospitanti se tapplika għall-kuntratt ta' impjieg ta' tali ħaddiema stazzjonati jekk l-ebda għażla tal-liġi applikabbli oħra ma tkun saret mill-partijiet.

    Il-proposta ma tindirizza ebda kwistjoni trattata mid-Direttiva dwar l-Infurzar tal-2014 li għandha l-għan li ssaħħaħ l-istrumenti li jiġġieldu u jissanzjonaw iċ-ċirkomvenzjonijiet u l-frodi marbuta mal-istazzjonar tal-ħaddiema. Minflok, il-proposta tiffoka fuq kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu mal-qafas regolatorju tal-Unjoni stabbilit bid-Direttiva oriġinali tal-1996. Għalhekk, il-proposta għal reviżjoni mmirata lejn id-Direttiva tal-1996 u d-Direttiva tal-Infurzar huma kumplimentari għal xulxin u jissaħħu b'mod reċiproku.

    4.EŻAMI TAS-SUSSIDJARJETÀ

    4.1. Il-principju tas-sussidjarjetà u l-Protokoll Nru 2

    F'konformità mal-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, 12 l-istħarriġ ġudizzjarju tal-konformità mal-principju tas-sussidjarjetà jirrikjedi determinazzjoni ta' jekk il-leġiżlatur tal-Unjoni kienx intitolat jikkonsidra, abbażi ta' dikjarazzjoni dettaljata, li l-objettiv tal-azzjoni proposta jistax jintlaħaq aħjar fuq il-livell tal-Unjoni. Għalhekk il-Qorti tirrikonoxxi ċerta marġini ta' diskrezzjoni lill-istuzzjonijiet tal-Unjoni fil-valutazzjoni tal-konformità mal-principju tas-sussidjarjetà. L-istess determinazzjoni legali hija meħtieġa meta jsir eżami tal-proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni taħt il-Protokoll Nru 2.

    Fit-tifsira tal-Artikolu 6 tal-Protokoll Nru 2, il-Parlamenti nazzjonali għandhom bżonn jistqarru fl-opinjonijiet motivati tagħhom għala jqisu li abbozz ta' att leġiżlattiv ma jkunx konformi mal-principju tas-sussidjarjetà. Għaldaqstant l-eżami preżenti hu limitat għad-determinazzjoni jekk l-objettiv tad-Direttiva prospota li temenda jistax jintlaħaq aħjar fuq il-livell tal-Unjoni.

    Meta wieħed jikkonsidra li l-argumenti kollha mqajma mill-Parlamenti nazzjonali se jilagħbu rwol fil-kuntest tal-proċess leġiżlattiv, il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tindirizzahom fid-dettall u b'mod separat permezz ta' ittri lill-Parlamenti konċernati, taħt id-"djalogu politiku".

    4.2. Tħassib imqajjem mill-Parlamenti nazzjonali dwar is-sussidjarjetà

    L-argumenti tas-sussidjarjetà mqajma fl-opinjonijiet motivati tal-Parlamenti nazzjonali huma dawn li ġejjin:

    ir-regoli eżistenti huma suffiċjenti u adegwati (il-punt 4.2.1.)

    l-Unjoni mhix il-livell adegwat tal-azzjoni (il-punt 4.2.2.)

    il-proposta tonqos milli tirrikonoxxi b'mod espliċitu l-kompetenzi tal-Istati Membri dwar ir-remunerazzjoni u l-kondizzjonijiet tal-impjieg (il-punt 4.2.3.)

    il-ġustifikazzjoni li hemm fil-proposta fir-rigward tal-prinċipju tas-sussidjarjetà hija konċiża wisq (il-punt 4.2.4.)

    4.2.1. Ir-regoli eżistenti huma suffiċjenti u adegwati

    Diversi Parlamenti nazzjonali jargumentaw li r-regoli li hemm stabbiliti bħalissa huma adegwati għall-anqas għal meta d-Direttiva attwali tagħti lill-Istati Membri l-possibilità li jmorru lil hinn mir-regoli ġenerali (estensjoni tal-ftehimiet kollettivi barra mis-settur tal-kostruzzjoni, ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija). Il-Parlament Estonjan jagħmel argument simili fir-rigward tal-kondizzjonijiet tal-ħaddiema stazzjonati kkonċernati.

    L-objettiv tal-proposta hu li jipprovdi kondizzjonijiet aktar ekwi bejn il-fornituri ta' servizzi nazzjonali u dawk transfruntiera u li jassigura li l-ħaddiema li jwettqu xogħol fl-istess post ikunu protetti bl-istess regoli mandatorji, irrispettivament jekk humiex ħaddiema lokali jew ħaddiema stazzjonati, fis-setturi kollha tal-ekonomija. L-Istati Membri li għandhom l-opzjoni, iżda mhux l-obbligu, li japplikaw dawn ir-regoli fis-setturi kollha barra f'dak tal-kostruzzjoni ma jiksbux b'mod sħiħ l-objettiv. Tabilħaqq, l-Istati Membri taħt dawn iċ-ċirkostanzi jagħżlu li ma jagħmlux hekk, u għalhekk jonqsu li jipprovdu kondizzjonijiet ekwi u protezzjoni adegwata tal-ħaddiema stazzjonati f'dawn is-setturi. L-obbligu għall-Istati Membri kollha li japplikaw ir-regoli fis-setturi kollha tal-ekonomija ma jistax jiġi stabbilit fuq il-livell nazzjonali iżda għandu jiġi stabbilit fuq il-livell tal-Unjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonsidra li l-objettiv tal-proposta f'dan il-punt jista' jintlaħaq aħjar fuq il-livell tal-Unjoni.

    L-istess jgħodd għall-obbligu li għandhom l-Istati Membri li japplikaw l-istess kondizzjonijiet lill-ħaddiema transfruntiera temporanji permezz ta’ aġenzija u lill-ħaddiema nazzjonali temporanji permezz ta’ aġenzija.

    L-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika tal-Bulgarija, is-Senat Ċek, il-Parlament Estonjan, l-Assemblea Nazzjonali Ungeriża, is-Seimas tar-Repubblika tal-Litwanja, is-Saeima Latvjana, il-Kamra tad-Deputati Rumena u l-Kunsill Nazzjonali tar-Repubblika Slovakka jargumentaw li l-allinjament tas-salarji fl-Istati Membri kollha għandu jsir bħala konsegwenza ta' żvilupp ekonomiku ulterjuri u mhux minn azzjoni leġiżlattiva tal-Unjoni. F'dan ir-rigward, għandu jiġi nnutat li l-proposta ma għandhiex l-objettiv li tallinja s-salarji fl-Istati Membri kollha. Il-proposta sempliċiment tistabbilixxi li r-regoli mandatorji dwar ir-remunerazzjoni fl-Istat Membru ospitanti japplikaw ukoll lill-ħaddiema stazzjonati f'dak l-Istat Membru. Barra minn hekk, il-fatt li maż-żmien l-iżvilupp ekonomiku jista' jġib aktar konverġenza fis-salarji ma jeskludix il-bżonn li jiġu assigurati - anke għal żmien temporanju - kondizzjonijiet ekwi għall-kumpaniji u protezzjoni xierqa għall-ħaddiema stazzjonati.

    4.2.2. Livell adegwat ta' azzjoni

    L-opinjonijiet motivati kollha, bl-eċċezzjoni ta' dik tal-Parlament Daniż, jargumentaw li l-objettiv tal-azzjoni jista' jintlaħaq aħjar fuq il-livell tal-Istat Membru jew li l-Kummissjoni ma ppruvatx b'mod suffiċjenti li l-azzjoni għandha tintlaħaq fuq il-livell tal-Unjoni.

    Xi Parlamenti nazzjonali li ressqu l-opinjonijiet motivati jargumentaw li, b'mod partikolari, dan hu l-każ ta' xi regoli proposti: l-estensjoni tal-applikabilità tal-ftehimiet kollettivi ġeneralment vinkolanti barra mis-settur tal-kostruzzjoni (l-Assemblea Nazzjonali Bulgara, il-Kamra tad-Deputati u s-Senat Ċeki) u r-regoli dwar il-katini ta' subkuntrattar u dwar il-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija (is-Sejm u s-Senat Pollakk). L-Assemblea Nazzjonali Ungeriża tqis li, bl-introduzzjoni tal-kunċett "remunerazzjoni" minflok il-kunċett attwali ta' "rati minimi ta' ħlas", il-proposta ma tipprovdix xi valur miżjud, minħabba l-allegat nuqqas ta' ċarezza tal-kunċett ta' remunerazzjoni.

    Kif issemma' fit-taqsima 3, l-objettivi tal-proposta huma biex jiffaċilitaw il-funzjonament korrett tas-Suq Intern, b'mod partikolari biex jiffaċilitaw il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, filwaqt li jiġu assigurati kondizzjonijiet ekwi bejn il-fornituri ta' servizzi nazzjonali u dawk transfruntiera, protezzjoni adegwata tal-ħaddiema stazzjonati u ċarezza u prevedibilità fil-qafas legali applikabbli għall-ħaddiema stazzjonati. Il-Kummissjoni tikkonsidra li dawn l-objettivi huma interdipendenti u jistgħu jintlaħqu aħjar fuq il-livell tal-Unjoni. Jekk l-Istati Membri jaġixxu unilateralment, fuq il-lvell ta' Stat, dwar il-bidliet immirati proposti mill-abbozz tal-att leġiżlattiv, l-azzjoni tagħhom tista' twassal għal frammentazzjoni tas-Suq Intern fir-rigward tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

    Diġà bl-adozzjoni tad-Direttiva tal-1996 u kif ukoll, b'adozzjoni tad-Direttiva dwar l-Infurzar fl-2014, il-leġiżlatur tal-Unjoni ddeċieda li l-iffaċilitar tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, filwaqt li jiġu żgurati kondizzjonijiet ekwi bejn il-fornituri tas-servizzi nazzjonali u dawk transfruntiera u l-protezzjoni adegwata tal-ħaddiema stazzjonati, jintlaħaq aħjar fuq il-livell tal-Unjoni. Hi stabbilit qafas regolatorju għall-istazzjonar tal-ħaddiema fuq il-livell tal-Unjoni filwaqt li ħadet inkonsiderazzjoni n-natura inerenti trasfruntiera tal-istazzjonar tal-ħaddiema u filwaqt li ħadet inkonsiderazzjoni wkoll li, jekk Stat Membri jaġixxu unilateralment, fuq livell ta' Stat, l-azzjoni tagħhom tista' twassal għal frammentazzjoni tas-Suq Intern fir-rigward tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

    Bil-preżentazzjoni tal-proposta tagħha, il-Kummissjoni tiffaċilita l-eżerċizzju tad-drittijiet ankrati fl-Artikolu 57 tat-TFUE, li skontu kull persuna li tipprovdi servizz tista', sabiex tagħmel dan, issegwi temporanjament l-attività tiegħu jew tagħha fl-Istat Membru fejn is-servizz qed jingħata, taħt l-istess kondizzjonijiet li huma imposti minn dak l-Istat fuq iċ-ċittadini tiegħu.

    L-azzjoni individwali mill-Istati Membri ma tistax tilħaq objettiv importanti ieħor tal-miżuri: li tinġieb konsistenza legali fis-Suq Intern kollu u tingħata ċarezza lill-qafas legali applikabbli lill-ħaddiema stazzjonati peress li l-protezzjoni li tingħatalhom tista' tvarja skont l-approċċ tal-Istat Membru ospitanti. Tabilħaqq, il-fatt li l-qafas fuq il-livell tal-Unjoni mhux armonizzat b'mod suffiċjenti jikkontribwixxi għan-nuqqas ta' għarfien tad-drittijiet kemm mill-ħaddiema, kif ukoll mill-utenti tal-impriżi u mill-aġenziji temporanji.

    Għar-raġunijiet imsemmija hawn qabel, il-Kummissjoni hi tal-opinjoni li l-objettivi tal-proposta tagħha jistgħu jintlaħqu aħjar fuq il-livell tal-Unjoni.

    4.2.3. Nuqqas ta' rikonoxximent espliċitu tal-kompetenzi tal-Istati Membri

    Għall-Parlament Daniż, it-tħassib dwar is-sussidjarjetà huwa minħabba l-fatt li l-proposta, kuntrarjament għad-Direttiva 96/71/KE, ma tkunx qed tagħmel referenza espliċita għall-kompetenza tal-Istati Membri safejn jirrigwarda d-definizzjonijiet tas-salarju u t-termini u l-kondizzjonijiet ta' impjieg konċernati.

    Madankollu, il-proposta tal-Kummissjoni tirrispetta b'mod sħiħ u mingħajr ekwivoku l-kompetenza tal-Istati Membri li jistabbilixxu r-remunerazzjoni u termini u kondizzjonijiet oħrajn, f'konformità mal-liġi nazzjonali u l-prattika tagħhom, u tistqarr dan b'mod espliċitu. Il-premessa Nru 12 tikkonferma li "huwa fil-kompetenza tal-Istati Membri li jistabbilixxu regoli dwar ir-remunerazzjoni f'konformità mal-liġi u l-prassi tagħhom". Barra minn hekk, it-test propost biex jemenda l-Artikolu 3(1), fl-ewwel paragrafu tiegħu, jagħmilha ċara li t-termini u l-kondizzjonijiet ta' impjieg li jridu jiġu applikati għall-ħaddiema stazzjonati huma dawk li huma stabbiliti permezz tal-liġi jew permezz tal-ftehimiet kollettivi universalment applikabbli fl-Istat Membru fejn jitwettaq ix-xogħol. Il-bidla fil-proposta tiddefinixxi remunerazzjoni bħala li tifisser: "l-elementi kollha tar-remunerazzjoni magħmula obbligatorji b' liġi, regolament jew dispożizzjoni amministrattiva, ftehim kollettiv jew sentenza ta’ arbitraġġ nazzjonali li kienu ddikjarati universalment applikabbli u/jew, fl-assenza ta’ sistema biex tiddikjara ftehim kollettiv jew sentenzi ta’ arbitraġġ bħala universalmment applikabbli, ftehimiet kollettivi jew sentenzi ta’ arbitraġġ oħra fit-tifsira tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 8, fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-ħaddiem huwa stazzjonat."

    Għaldaqstant il-proposta ma tirregolax ir-remunerazzjoni, lanqas ma tiddefinixxi remunerazzjoni jew l-elementi kostitwenti tar-remunerazzjoni fuq il-livell tal-Unjoni. Din sempliċiment tipprovdi li r-regoli mandatorji dwar ir-remunerazzjoni, stabbiliti mill-Istati Membri, għandhom japplikaw b'mod mhux diskriminatorju għall-fornituri tas-servizzi lokali u transfruntiera u għall-ħaddiema lokali u stazzjonati.

    Il-Parlament Daniż qed jargumenta wkoll li l-proposta tqajjem dubji dwar il-kompetenza tal-Istati Membri li jiddeterminaw it-termini u l-kondizzjonijiet li japplikaw lill-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija. Il-Parlament Daniż ma jikkontestax il-possibilità għall-Unjoni li taġixxi fuq din il-kwistjoni jew il-fatt li l-opzjoni li qed tingħata bħalissa mid-Direttiva tal-1996 issir madatorja fil-proposta. Huwa l-approċċ magħmul mill-fatt li qed issir referenza espressa għall-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/104/KE li, skont il-Parlament Daniż, jista' jimmina l-komptenza nazzjonali.

    Biex tiġi ffaċilitata l-provvista tas-servizzi transfruntiera permezz tal-aġenzija tax-xogħol temporanju, filwaqt li jiġu assigurati kondizzjonijiet ekwi u protezzjoni adegwata lill-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija, hu adegwat li jiġi pprovdut li l-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija transfruntiera jingħataw l-istess drittijiet bħal dawk provduti bid-Direttiva 2008/104/KE għall-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija nazzjonali. Dak il-prinċipju jħalli mhux mimsusa l-kompetenza ta' kull Stat Membru li jiddetermina dawk id-drittijiet.

    4.2.4. Nuqqas ta' ġustifikazzjoni

    Diversi Parlamenti nazzjonali jargumentaw li l-Kummissjoni naqset milli tikkonforma mar-rekwiżit tal-Artikolu 5 tal-Protokoll Nru 2 tat-Trattat, 13 li jipprovdi li l-abbozzi ta' atti leġiżlattivi għandhom ikunu ġġustifikati fir-rigward tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità wara li jitqies li l-ġustifikazzjoni fil-memorandum ta' spjegazzjoni tal-proposta hija konċiża wisq.

    Dan il-punt sar mill-Assemblea Nazzjonali Bulgara, il-Kamra tad-Deputati Ċeka, is-Senat Ċek, il-Parlament Kroat, l-Assemblea Nazzjonali Ungeriża, is-Saeima Latvjana, is-Sejm Pollakk, is-Senat Rumen u l-Kunsill Nazzjonali tar-Repubblika Slovakka.

    Skont il-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja 14 , l-obbligu skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 296 tat-TFUE li jingħataw raġunijiet li jirfdu l-atti legali jirrikjedi li l-miżuri konċernati għandhom ikun fihom stqarrija tar-raġunijiet li wasslu l-istituzzjoni biex tadottahom, sabiex l-Qorti tkun tista' teżerċita s-saħħa tal-eżami u sabiex l-Istati Membri u ċ-ċittadini konċernati jkunu jafu l-kondizzjonijiet li skonthom l-Istituzzjonijiet tal-Unjoni applikaw it-Trattat. Fl-istess sentenza, il-Qorti aċċettat raġunament impliċitu u kemxejn limitat bħala suffiċjenti biex tiġi ġġustifikata l-konformità mal-principju tas-sussidjarjetà. F'sentenza aktar reċenti, il-Qorti għamlitha ċara li l-konformità mal-obbligu li tiddikjara r-raġunijiet fir-rigward tar-rispett tal-principju tas-sussidjarjetà għandha tiġi vvalutata mhux biss b'referenza għall-kliem tal-att ikkontestat, iżda wkoll b'referenza għall-kuntest u ċ-ċirkostanzi tal-każ individwali tiegħu 15 . B'mod partikolari, il-Qorti teżamina jekk il-proposta tal-Kummissjoni u l-valutazzjoni tal-impatt tagħha tinkludix informazzjoni suffiċjenti li turi b'mod ċar u mingħajr ekwivoku li l-vantaġġi tat-teħid tal-azzjoni fuq il-livell tal-Unjoni huma akbar milli kieku tittieħed fuq il-livell tal-Istati Membri 16 .

    Fil-każ preżenti, fir-rigward tas-sussidjarjetà, il-memorandum ta' spjegazzjoni jgħid: “Emenda ta' Direttiva eżistenti tista’ tinkiseb biss permezz tal-adozzjoni ta' Direttiva ġdida.” Filwaqt li din l-istqarrija hija konċiża, issir kompluta bil-premessi tal-abbozz tad-Direttiva u bir-Rapport tal-Valutazzjoni tal-Impatt li jakkumpanjaha.

    Il-premessi tal-abbozz tad-Direttiva jagħmluha ċara għaliex azzjoni fuq il-livell tal-Unjoni hi meħtieġa biex jittejjeb il-qafas regolatorju tal-Unjoni li jikkonċerna l-istazzjonar tal-ħaddiema f'ċerti rigwardi.

    Kif intqal diġà, il-premessa Nru 12 tiċċara li tibqa' "fil-kompetenza tal-Istati Membri li jistabbilixxu regoli dwar ir-remunerazzjoni f'konformità mal-liġi u l-prattika tagħhom".

    Barra minn hekk, ir-Rapport tal-Valutazzjoni tal-Impatt, li jakkumpanja l-proposta, jagħti valutazzjoni aktar dettaljata tar-rispett għall-principju tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità tal-proposta 17 .

    Il-Kummissjoni tikkonsidra li l-informazzjoni hija suffiċjenti biex tippermetti lil-leġiżlatur tal-Unjoni u lill-Parlamenti nazzjonali jiddeterminaw jekk l-abbozz tal-att leġiżlattiv inkwistjoni jikkonformax mal-principju tas-sussidjarjetà.

    5.KONKLUŻJONI

    Fid-dawl ta' dan hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-proposta tagħha tat-8 ta' Marzu 2016 għal reviżjoni mmirata tad-Direttiva 96/71/KE dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema tikkonforma mal-principju tas-sussidjarjetà ankrat fl-Artikolu 5(3) tat-TUE u li l-irtirar jew l-emendar ta' dik il-proposta mhux meħtieġ. Għaldaqstant il-Kummissjoni żżommha.

    Il-Kummissjoni se tkompli bid-djalogu politiku tagħha mal-Parlamenti nazzjonali dwar l-argumenti li jmorru lil hinn mill-konformità mal-priniċipju tas-sussidjarjà u lesta li timpenja ruħha f'diskussjonijiet mal-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar dan it-tħassib sabiex tadotta d-direttiva proposta.

    (1)  http://ec.europa.eu/priorities/publications/president-junckers-political-guidelines_mt
    (2)  Id-Dokument COM(2016) 128 final, http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:52016PC0128&qid=1459769597959&from=MT  
    (3)  Id-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 1996 dwar l-istazzjonar ta' ħaddiema fil-qafas ta' prestazzjoni ta' servizzi, ĠU L 18, 21.01.97, p. 1.
    (4)  Id-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni SWD (2016) 52 final.
    (5)  Il-Parlamenti nazzjonali għandhom tmien ġimgħat biex matulhom joħorġu opinjoni motivata dwar abbozz ta' att leġiżlattiv mid-data tat-trasmissjoni tiegħu fil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni.
    (6)  Kull Parlament nazzjonali għandu żewġ voti. Fil-każ ta' sistema parlamentari bikamerali, kull kamra għandha vot wieħed.
    (7)  Il-Linji Gwida Politiċi tal-Kummissjoni, il-punt 10 "Unjoni ta' Tibdil Demokratiku", l-aħħar paragrafu: "Ir-relazzjoni mal-Parlamenti nazzjonali hija ta' importanza kbira għalija, b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda l-infurzar tal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Se nesplora modi kif intejbu l-interazzjoni mal-Parlamenti nazzjonali bħala mod kif inġibu l-Unjoni Ewropea aktar qrib taċ-ċittadini."
    (8)  Fl-Ittri ta' Missjoni lill-Membri tal-Kummissjoni, il-President tal-Kummissjoni indika li "Irrid lill-Kummissarji kollha jimpenjaw ruħhom għal sħubija ġdida mal-Parlamenti nazzjonali: jixirqilhom attenzjoni partikolari u rrid (...) li proposti jew inizjattivi importanti jitressqu u jiġu spjegati fil-Parlamenti Nazzjonali mill-Membri tal-Kummissjoni. Din il-Kummissjoni għandha tippermettilna napprofondixxu l-għarfien speċifiku għall-pajjiż fi ħdan l-istituzzjoni tagħna u nibnu l-fehim reċiproku u l-kanali effettivi ta' komunkazzjoni bejn il-livell nazzjonali u dak Ewropew. 
    (9)  L-Artikolu 5(3) TUE: "Skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà, fl-oqsma li ma jaqgħux fil-kompetenza esklussiva tagħha, l-Unjoni għandha taġixxi biss jekk u sa fejn, l-objettivi tal-azzjoni prevista ma jkunux jistgħu jinkisbu biżżejjed mill-Istati Membri, la fil-livell ċentrali u lanqas fil-livell reġjonali u lokali, iżda jkunu jistgħu, minħabba l-iskala jew l-effetti tal-azzjoni prevista, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni."
    (10)  Il-livell limitu meħtieġ biex tiġi skattata l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 7(2) tal-Protokoll 2 hu 19-il vot.
    (11)  Ir-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I), ĠU L 177, 4.7.2008, p. 6.
    (12)  Il-Kawża C-547/14, Philip Morris, UE:C:2016: 325, il-paragrafu 218.
    (13)  L-Artikolu 5 tal-Protokoll Nru 2 jipprovdi li "l-abbozz ta' atti leġiżlattivi għandhom jiġu ġustifikati fir-rigward tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità. Kull abbozz ta' att leġiżlattiv għandu jinkludi fih dikjarazzjoni bl-elementi dettaljati li tippermetti l-valutazzjoni tar-rispett tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità. Din id-dikjarazzjoni għandha tinkludi xi elementi li jagħmlu possibbli l-valutazzjoni tal-impatt finanzjarju tal-abbozz u, fil-każ ta' liġi kwadru Ewropea, tal-implikazzjonijiet tagħha għar-regoli li għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri, inkluża, fejn ikun neċessarju, il-leġiżlazzjoni reġjonali.
    (14)  Il-Kawża C-233/94, il-Ġermanja v il-Parlament u l-Kunsill, UE: C:1997:231, il-paragrafu 25.
    (15)  Il-Kawża C-547/14, Philip Morris, UE:C:2016: 325, il-paragrafu 225. Ara wkoll is-sentenza fl-Estonja v il-Parlament u l-Kunsill, C508/13, UE: C:2015:403, il-paragrafu 61.
    (16)  Il-Kawża C-547/14, Philip Morris, UE:C:2016: 325, il-paragrafu 226.
    (17)  Il-Punt 2.6 ta' dan ir-Rapport jistqarr dan li ġej: "Qafas regolatorju għall-istazzjonar tal-ħaddiema bejn l-Istati Membri jista' jiġi stabbilit biss fuq il-livell tal-UE. L-għanijiet huma biex tiġi ffaċilitata l-provvista tas-servizzi transfruntiera permezz tal-istazzjonar tal-ħaddiema billi tittejjeb iċ-ċarezza u t-trasparenza tar-regoli applikabbli tas-suq tax-xogħol fl-Istat(i) Membru/i ospitanti tal-ħaddiema stazzjonati; biex jiġu assigurati kondizzjonijiet ekwi għall-kompetizzjoni fil-provvista ta' servizzi bejn kumpaniji stazzjonati u kumpaniji lokali fl-Istat Membru opsitanti, filwaqt li jiġi assigurat li l-ħaddiema stazzjonati għandhom livell adegwat ta' protezzjoni waqt li qed jaħdmu fl-Istat Membru ospitanti. L-azzjoni tal-UE fil-forma ta' Direttiva hija xierqa biex tħeġġeġ il-libertà li jiġu pprovduti servizzi bejn il-fruntieri abbażi tal-Artikolu 56 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFEU). Bħalissa d-Direttiva tipprovdi qafas regolatorju uniformi u fl-UE kollha li jistabbilixxi regoli protettivi essenzjali tal-Istat Membru ospitanti li jridu jiġu applikati għall-ħaddiema stazzjonati, irrispettivament mis-sustanza tagħhom. Għalhekk, b'rispett sħiħ tal-prinċipju tas-sussidjarjetà, l-Istati Membri u s-sħab soċjali fil-livell xieraq jibqgħu responsabbli għat-twaqqif tal-leġiżlazzjoni tagħhom dwar ix-xogħol, għall-organizzazzjoni tas-sistemi li jiffissaw is-salarji u għad-determinazzjoni tal-livell ta' remunerazzjoni, f'konformità mal-liġi u l-prattiki nazzjonali. L-inizjattiva prevista ma tbiddilx dan l-approċċ. Għalhekk, din tirrispetta l-principji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità u ma tinterferixxix fil-kompetenza tal-awtoritajiet nazzjonali u tas-sħab soċjali".
    Top