Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016DC0488

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL li jevalwa l-progress irrappurtat mill-Italja lill-Kummissjoni u lill-Kunsill dwar l-irkupru tal-imposta addizzjonali dovuta mill-produtturi tal-ħalib għall-perjodi mill-1995/1996 sal-2001/2002 (skont l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2003/530/KE)

    COM/2016/0488 final

    Brussell, 29.7.2016

    COM(2016) 488 final

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL

    li jevalwa l-progress irrappurtat mill-Italja lill-Kummissjoni u lill-Kunsill dwar l-irkupru tal-imposta addizzjonali dovuta mill-produtturi tal-ħalib għall-perjodi mill-1995/1996 sal-2001/2002

    (skont l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2003/530/KE)


    RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL

    li jevalwa l-progress irrappurtat mill-Italja lill-Kummissjoni u lill-Kunsill dwar l-irkupru tal-imposta addizzjonali dovuta mill-produtturi tal-ħalib għall-perjodi mill-1995/1996 sal-2001/2002

    (skont l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2003/530/KE)

    Dan ir-rapport ta’ evalwazzjoni huwa fformulat b’mod konformi mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/530/KE tas-16 ta’ Lulju 2003 dwar il-kumpatibbiltà mas-suq komuni ta’ għajnuna li r-Repubblika Taljana beħsiebha tagħti lill-produtturi tagħha tal-ħalib (minn hawn 'il quddiem: id-deċiżjoni tal-Kunsill), skont liema l-awtoritajiet Taljani kompetenti għandhom jirrappurtaw kull sena lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar il-progress fl-irkupru ta' imposta addizzjonali dovuta mill-produtturi tal-ħalib għall-perjodi mill-1995/1996 sal-2001/2002.

    Skont l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill, l-għajnuna li r-Repubblika Taljana tagħti lill-produtturi tal-ħalib, billi hi stess tħallas lill-baġit tal-Unjoni Ewropea l-imposta addizzjonali fuq il-ħalib u l-prodotti tal-ħalib dovuta minnhom lill-UE għall-perjodi mill-1995/1996 sal-2001/2002, u billi tippermetti li dawn il-produtturi jħallsu lura d-dejn tagħhom permezz ta' pagament imqassam fuq għadd ta' snin mingħajr imgħax, hija meqjusa eċċezzjonalment kumpatibbli mas-suq komuni, dejjem jekk:

    - il-produtturi jħallsu lura l-ammont kollu, f'pagamenti annwali ndaqs, u

    - il-perjodu ta' ħlas lura, li jibda mill-1 ta' Jannar 2004, ma jaqbiżx l-erbatax-il sena.

    Skont l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill, l-għajnuna tingħata biss jekk l-Italja tiddikjara l-imposta addizzjonali totali għall-perjodi kkonċernati lill-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG) u tnaqqas id-dejn li jifdal permezz ta' tliet pagamenti annwali ndaqs min-nefqa ffinanzjata mill-FAEGG għal Novembru 2003, Novembru 2004 u Novembru 2005 rispettivament. Id-dikjarazzjoni tal-Italja tal-imposta addizzjonali totali għall-perjodi kkonċernati saret kif xieraq permezz ta' ittra tas-26 ta' Awwissu 2003. Id-dejn li jifdal tnaqqas kif xieraq min-nefqa ffinanzjata mill-FAEGG għax-xhur ta' Novembru 2003, 2004 u 2005.

    Skont l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill, l-awtoritajiet kompetenti Taljani huma mitluba biex kull sena jirrappurtaw lill-Kummissjoni u lill-Kunsill dwar il-progress li jkun sar fl-irkuprar tal-imposta addizzjonali dovuta mill-produtturi għall-perjodi mill-1995/1996 sal-2001/2002.

    Skont din id-dispożizzjoni, l-awtoritajiet Taljani ppreżentaw l-għaxar rapport tagħhom dwar il-pagament annwali tal-2014 lill-Kummissjoni, permezz ta' ittra mill-AGEA (Agenzia per le Erogazioni in Agricoltura) datata 27 ta’ Novembru 2015.

    Dan ir-rapport jipprovdi l-evalwazzjoni mill-Kummissjoni tal-progress irrappurtat mill-awtoritajiet Taljani għas-sena 2014 fl-irkupru tal-imposta addizzjonali għas-seba’ perjodi koperti bid-Deċiżjoni tal-Kunsill, kif ukoll għal dawk li mhumiex koperti minnha.

    Pagament ta' imposti skont il-faċilità ta' ħlas bin-nifs tal-2003

    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza lill-Italja biex hi stess tħallas lill-baġit Komunitarju l-imposta addizzjonali dovuta mill-produtturi tal-ħalib tagħha kienet tikkonċerna 25 123 produttur fl-2005, meta tħejja l-ewwel rapport lill-Kunsill. Din iċ-ċifra naqset għal 21 657 għall-2014.

    Mill-produtturi kollha fir-rapport li kienu inizjalment soġġetti għall-imposta għas-seba' perjodi koperti mid-Deċiżjoni tal-Kunsill, 15 431 għażlu li jħallsu bl-iskema ta' ħlas bin-nifs tal-2003. Fl-2004, qabel ma sar l-ewwel pagament annwali, il-15 431 produttur li għażlu l-iskema ta' ħlas bin-nifs b'kollox kellhom jagħtu EUR 345 miljun bejniethom, jiġifieri madwar kwart tal-ammont totali li għad irid jitħallas mill-produtturi li rrifjutaw li jissieħbu fl-iskemi ta' ħlas bin-nifs. B'hekk jidher li l-maġġoranza tal-produtturi responsabbli għal-livelli l-aktar baxxi ta' kunsinni individwali eċċessivi għażlu li jidħlu f'din l-iskema. Min-naħa l-oħra, il-produtturi b’livelli ogħla ta' produzzjoni eċċessiva (madwar 8 000 produttur li jridu jagħtu madwar EUR 1 biljun f'imposti dovuti fuq is-seba' perjodi), għażlu minflok li ma jipparteċipawx fl-iskema ta' ħlas bin-nifs. Madankollu, ta' min jippreċiża li, kull sena, l-awtoritajiet Taljani jirċievu applikazzjonijiet ġodda għal ħlas bin-nifs. Fl-2014, tressqu 154 applikazzjoni ġdida, li jikkorrispondu għal total ta' EUR 14,9 miljun. L-ammont totali kopert mill-iskema ta' ħlas bin-nifs għall-2003 huwa ta' EUR 373,80 miljun.

    Il-ħdax-il pagament annwali kellu jsir minn 10 686 produttur, li b'kollox kellhom jagħtu EUR 25 348 650 96 sal-31 ta' Diċembru 2014. Il-verifiki li twettqu mill-awtoritajiet Taljani juru li matul l-2014, 10 418-il produttur ħallsu total ta’ EUR 24 312 190, li jfisser li għall-ħdax-il pagament annwali, 97,5 % tal-produtturi ħallsu 95,9 % tal-imposti dovuti fil-ħin. Il-pagamenti li saru fil-ħin għall-għaxar pagament annwali preċedenti jikkorrispondu għal 99,6 %, 97,9 %, 99,5 %, 99,7%, 96,4 %, 96,2 %, 90,5 %, 98,3 %, 96,9 % u 98,2 % tal-ammonti dovuti rispettivament. Għalhekk, l-imposta totali miġbura fl-ewwel ħdax-il pagament annwali tammonta għal madwar EUR 294 051 830, jiġifieri madwar 97,2 % tal-ammont totali dovut b'rabta ma' dawn il-pagamenti annwali.

    Filwaqt li dawn il-livelli ċertament jindikaw l-impenn min-naħa tal-produtturi parteċipanti fl-iskema ta' ħlas bin-nifs fit-twettiq tal-obbligi tagħhom, il-Kummissjoni tqis li l-azzjoni ta' segwitu meħuda f'dawk il-każijiet fejn il-pagament ma sarx fil-limitu taż-żmien stipulat huwa sinjal ċar tal-livell ta' impenn min-naħa tal-awtoritajiet Taljani sabiex jiżguraw li l-kundizzjonijiet tal-iskema jitħarsu kif suppost u li, fl-aħħar nett, tinġabar l-imposta kollha dovuta.

    Fir-rigward tal-ħdax-il pagament annwali, ma hemmx informazzjoni disponibbli għall-pagamenti tal-268 produttur li fadal, li jirrappreżentaw valur ta' EUR 1 035 351,12.

    Għall-għaxar perjodu ta’ pagament annwali, ir-rapport preċedenti juri li 199 produttur ma għamlux il-pagament tagħhom sal-31 ta’ Diċembru 2013, li jikkorrispondi għal valur ta' EUR 500 948. Skont informazzjoni li waslet mill-awtoritajiet Taljani, dawn il-każijiet kollha ġew innotifikati mill-awtoritajiet ċentrali lill-awtoritajiet reġjonali rilevanti sabiex il-pagament tal-ammont sħiħ dovut jiġi infurzat b'rata tal-imgħax li mhijiex parti mill-iskema ta' ħlas bin-nifs. Mill-199 produttur li għall-ewwel kienu maħsuba li ma ħallsux, wara ntwera li, fil-fatt, 101 minnhom kienu ħallsu. Min-naħa l-oħra, it-98 produttur li ma kinux ħallsu l-għaxar pagament annwali tilfu l-intitolament tagħhom li jagħmlu ħlasijiet bin-nifs, u nbdew proċeduri ta' rkupru infurzat kontrihom.

    Stabbilimenti li għalihom il-possibbiltà ta’ ħlas bin-nifs ġiet irrevokata

    Jekk produttur jonqos milli jħallas xi wieħed mill-pagamenti jiġi eskluż mill-iskema ta' ħlas bin-nifs u, konsegwentement, jesponi lilu nnifsu għall-irkupru f'daqqa tal-ammont kollu dovut u tal-imgħax.

    Ħdax-il sena mit-tnedija tal-iskema għall-ħlas bin-nifs tal-2003, b’kollox 718 azjenda tilfu d-dritt li kellhom li jħallsu bi ħlas bin-nifs, li jikkorrispondi għal dejn totali maqsum fi ħlasijiet bin-nifs li jammonta għal EUR 24 890 674,25.

    Madankollu, minn dan l-ammont, EUR 8 532 777,28 kienu tħallsu qabel ma ġie rrevokat dan id-dritt u EUR 3 745 496,41 ġew irkuprati wara r-revoka, u dan ippermetta li d-dejn ta' 223 azjenda tħallas bis-sħiħ, li jfisser li d-dejn totali pendenti li jifdal huwa ta' EUR 12 588 110,95, li jikkonċerna 495 azjenda.

    Dawn iċ-ċifri juru li d-diliġenza li wriet l-amministrazzjoni Taljana fil-ġbir tal-imposta mill-produtturi li ġew esklużi mill-iskema wara li naqsu milli jħallsu pagamenti annwali, ma hija sodisfaċenti xejn. Barra minn hekk, il-produtturi tal-ħalib kellhom jirtiraw l-azzjonijiet legali tagħhom quddiem il-qrati Taljani sabiex ikunu intitolati li jidħlu fl-iskema ta’ ħlas bin-nifs. Filwaqt li wieħed għandu jżomm f’moħħu dan il-fatt, in-nuqqas ta’ rkupru ma jidhirx li ġej mit-tul potenzjali tal-proċedimenti fil-qorti, iżda pjuttost jista’ jkun ibbażat fuq l-inkapaċità tal-amministrazzjoni Taljana li tirkupra dawn l-ammonti b’mod effettiv.

    Differiment tal-ħlas b'sitt xhur u l-konsegwenzi tiegħu fuq l-għajnuna mill-Istat

    Skont l-Artikolu 2(12)(k) tad-Digriet tal-Liġi Taljana Nru 225 tad-29 ta' Diċembru 2010, li sar il-Liġi Nru 10 tas-26 ta' Frar 2011, l-Italja awtorizzat id-differiment sat-30 ta' Ġunju 2011 tal-pagament annwali tal-2010 li, fil-prinċipju, kien dovut sal-31 ta' Diċembru 2010 skont l-iskema ta' ħlasijiet bin-nifs tal-2003 approvata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/530/KE.

    Skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2013) 4046 final tas-17 ta' Lulju 2013, il-Kummissjoni ddikjarat li d-differiment tal-ħlas bin-nifs tal-imposta tal-ħalib dovut sal-31 ta' Diċembru 2010 kien jikkostitwixxi għajnuna mhux kompatibbli mas-suq intern. Barra minn hekk, hija kkunsidrat li din l-għajnuna ma rrispettatx il-kundizzjonijiet tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2003/530/KE, u ħolqot, għal dawk li bbenefikaw minnha u li b'hekk ħarġu mill-qafas stabbilit mill-Kunsill, għajnuna ġdida mill-Istat. Din l-għajnuna hija kontra l-liġi skont it-tifsira tal-Artikolu 1(f) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, u lanqas mhi kompatibbli mas-suq intern.

    Skont id-Deċiżjoni C(2013) 4046 final, il-Kummissjoni ordnat lill-Italja biex iġġiegħel lill-benefiċjarji tad-differiment tal-pagament iħallsu lura l-ammont tal-għajnuna inkumpatibbli, flimkien mal-imgħax.

    L-awtoritajiet Taljani nedew il-proċeduri amministrattivi meħtieġa biex jirkupraw l-għajnuna. Madankollu, fit-8 ta' Novembru 2013, l-Italja fetħet każ kontra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni quddiem il-Qorti Ġenerali (Kawża T-527/13). Fl-24 ta' Ġunju 2015, din tat sentenza li annullat, b'mod parzjali, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni: is-sentenza kkonfermat l-approċċ tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna inerenti fid-differiment tal-ħlas bin-nifs tal-imposta dovuta fil-31 ta' Diċembru 2010, iżda rrifjutat il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna l-ġdida maħluqa għal dawk li bbenefikaw minn dan id-differiment, u li b'hekk ħarġu mill-qafas tad-deċiżjoni tal-Kunsill. Il-Kummissjoni appellat is-sentenza tal-Qorti Ġenerali quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li għadha ma ħarġitx deċiżjoni.

    Imposta addizzjonali dovuta għall-perjodu 2002/2003

    Għall-perjodi mill-1995 sal-2002, l-Italja stess ħallset lill-baġit tal-Unjoni Ewropea l-imposta addizzjonali dovuta mill-produtturi skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2003/530/KE.

    Mill-2004, l-Istati Membri ħallsu l-imposta addizzjonali direttament lill-baġit tal-Unjoni, skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1788/2003 tad-29 ta' Settembru 2003.

    Madankollu, il-perjodu 2002/2003 la huwa kopert mid-Deċiżjoni tal-Kunsill u lanqas mill-iskema l-ġdida stabbilita fl-2004. Jekk wieħed iqis li l-kwota nazzjonali attribwita għall-Italja nqabżet, il-produtturi tal-ħalib Taljani responsabbli għal dik il-qabża kellhom jagħtu EUR 227,77 miljun lill-baġit tal-UE għall-perjodu 2002/2003.

    Minn dan l-ammont,

    - EUR 40,46 miljun ġew annullati b’deċiżjoni tal-qorti,

    - EUR 9,97 miljun ġew irkuprati mis-sistema tar-rimborż tal-2009 (li minnhom EUR 2 miljun kienu diġà tħallsu) u

    - EUR 59,18 miljun ġew irkuprati barra mis-sistema ta’ ħlas bin-nifs.

    Dan ifisser li, mill-perjodu 2002/2003, fadal EUR 118,15 miljun ta’ imposta addizzjonali dovuta lill-baġit tal-UE bħala parti mill-imposta addizzjonali għall-produtturi tal-ħalib li ma daħlux fis-sistema ta’ ħlas bin-nifs tal-2009.

    Imposti dovuti għall-perjodi 1995/96 sal-2008/2009, li mhuma koperti ma mill-iskema ta’ ħlas bin-nifs tal-2003 u lanqas mis-sistema tar-rimborż tal-2009

    Fir-rapporti preċedenti, diġà kienet inġibdet l-attenzjoni għall-fatt li l-iskema ta' ħlas bin-nifs tal-2003 u s-sistema ta’ rimborż tal-2009 (b’rata ta’ mgħax daqs rata ta’ referenza għall-Unjoni miżjuda b’bosta punti perċentwali) fir-realtà jkopru biss parti żgħira mill-ammont tal-imposta li jrid jiġi rkuprat.

    Fil-fatt, l-ammont totali tal-imposta implikat għall-perjodi mill-1995/96 sal-2008/09, kif notifikat mill-Italja, huwa ta' EUR 2,305 biljun. Minn dan l-ammont, EUR 613,54 miljun kienu rkuprati mill-Italja bejn l-2003 u l-2014, li minnhom EUR 294,05 miljun ġew mill-iskema ta' ħlas bin-nifs tal-2003, EUR 6,65 miljun mill-iskema ta' rimborż tal-2009 u EUR 312,84 miljun barra l-iskemi ta' ħlas bin-nifs.

    Mill-ammont li jifdal, jiġifieri EUR 1,691 biljun:

    - parti żgħira (EUR 142,28 miljun) hija koperta mill-iskemi ta' ħlas bin-nifs implimentata mill-Italja fl-2003 u l-2009, li għażlu li jsegwu xi produtturi tal-ħalib li għandhom iħallsu l-imposta;

    - EUR 211.18 miljun ġew iddikjarati bħala li ma jistgħux jiġu rkuprati wara l-falliment tal-produttur jew l-annullament tal-imposta mill-qrati;

    - għad fadal EUR 1,338 biljun dovuti mill-produtturi li rrifjutaw li jidħlu fl-iskemi ta' ħlas bin-nifs, li ħafna minnhom ikkontestaw l-imposta addizzjonali fil-qrati Taljani. Għalhekk, mill-ammonti totali dovuti bħala parti mill-imposta għall-perjodu 1995/96 sal-2008/09 (EUR 1,48 biljun) madwar 90% mhumiex koperti minn xi waħda mill-iskemi ta’ ħlas bin-nifs.

    L-ammont totali miġbur barra l-iskemi ta' ħlas bin-nifs s’issa jammonta biss għal EUR 312,84 miljun. Skont ir-rapport mibgħut mill-awtoritajiet Taljani, din ir-rata baxxa ħafna tista' tkun ir-riżultat tal-għadd kbir ta' kawżi li tressqu mill-produtturi li għandhom iħallsu l-imposta u li ġew sospiżi mill-proċess tal-irkupru.

    Il-Kummissjoni laqgħet l-informazzjoni fir-rapport tal-awtoritajiet Taljani dwar il-ħdax-il pagament annwali fir-rigward tas-sitwazzjoni globali attwali tal-irkupru tal-imposti fl-iskema ta' ħlas bin-nifs implimentata fl-2003.

    Madankollu, iċ-ċifri mogħtija mill-amministrazzjoni Taljana juru li ftit li xejn sar progress fil-ġbir tal-ammonti li mhumiex inklużi fl-iskemi ta' ħlas bin-nifs. B'mod partikolari, ftit li xejn sar progress fl-irkupru tal-ammonti infurzabbli li qatt ma ġew ikkontestati jew li ġew ikkontestati iżda kkonfermati mill-qorti relevanti, jew li għalihom il-każijiet għadhom għaddejjin iżda qatt ma nħarġu ordnijiet ta' sospensjoni.

    Fil-31 ta' Diċembru 2014, EUR 262,18 miljun minn dawn l-ammonti infurzabbli kienu tabilħaqq inġabru, u l-ammont infurzabbli li kien għad baqa' jinġabar kien ta’ EUR 871,76 miljun. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li, mill-ammont ta' EUR 1,48 biljun li għadu dovut għall-perjodi 1995/96 sal-2008/09, EUR 466 miljun għadhom mhumiex infurzabbli billi huma s-suġġett ta' tilwima legali u nħarġet ordni mill-qorti biex l-irkuprar jiġi sospiż. Madankollu, dawn ikollhom jiġu rkuprati ladarba tinħareġ deċiżjoni ġudizzjarja favur l-ammnistrazzjoni.

    Fir-rigward tal-perjodu kopert bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (mill-1995/96 sal-2001/2002), sal-lum ġew irkuprati 31 % tal-ammonti infurzabbli. Rigward l-ammonti infurzabbli dovuti għall-perjodu kollu 1995/96 sal-2008/2009, 23 % biss inġabru effettivament.

    Mill-ammonti infurzabbli għall-perjodu kollu, wieħed għandu jiddistingwi bejn:

    - l-ammonti li ma ġewx ikkontestati: mill-EUR 174,18 miljun infurzabbli, EUR 96,05 miljun ġew irkuprati, li jikkorrispondi għal rata ta’ rkupru ta’ 55 %;

    - l-ammonti li kienu s-suġġett ta' kawża legali, iżda li għalihom ma nħarġitx ordni ta' sospensjoni tal-irkupru: mill-EUR 191,74 miljun infurzabbli, EUR 19,86 miljun (10.35 %) ġew irkuprati.

    - l-ammonti li ġew ikkonfermati mill-qorti: mill-EUR 768,03 miljun infurzabbli, EUR 146,27 miljun (19 %) ġew irkuprati.

    Il-Kummissjoni tenfasizza l-progress batut ħafna li sar fl-ikupru tal-ammonti tal-aħħar żewġ kategoriji. Bl-istess mod, mill-EUR 174,18 miljun li qatt ma kienu kkontestati u li, għalhekk, setgħu jinġabru minnufih, għad hemm EUR 78,13 miljun li jridu jiġu rkuprati.

    Il-Kummissjoni tesprimi dispjaċir kbir li ma sarx biżżejjed progress fil-ġbir tal-parti tal-imposta li mhux koperta mill-iskema ta' ħlas bin-nifs tal-2003 jew mis-sistema ta' rimborż tal-imposti tal-2009.

    Il-Kummissjoni qed tkompli ssegwi mill-qrib il-proċess ta' rkupru fl-Italja, b’mod partikolari l-irkupru tal-imposta li mhijiex koperta mill-iskema tal-faċilità ta' ħlas bin-nifs. F'diversi okkażjonijiet, is-servizzi tal-Kummissjoni esprimew l-osservazzjonijiet tagħhom (inklużi rimarki negattivi) lill-awtoritajiet Taljani u talbu informazzjoni dettaljata dwar aspetti differenti li jikkonċernaw l-irkupru tal-imposta tal-ħalib.

    Madankollu, minkejja t-talbiet numerużi ripetuti tal-Kummissjoni, il-maġġoranza tal-ammonti dovuti għadhom ma ġewx irkuprati mill-awtoritajiet Taljani. 

    Il-Kummissjoni bagħtet avviż lill-Italja b’dan f’Ġunju 2013 u opinjoni motivata f’Lulju 2014. Peress li fir-risposti li bagħtet l-Italja ma ġie rrappurtat l-ebda progress sinifikanti fl-irkupru, il-Kummissjoni ddeċidiet fis-26 ta’ Frar 2015 tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 tat-TFUE. Għalhekk fis-6 ta’ Awwissu 2015, il-Kummissjoni ressqet rikors kontra l-Italja minħabba li naqset milli twettaq l-obbligu tagħha li tieħu miżuri sodisfaċenti biex tiggarantixxi rkupru effettiv tal-imposti fuq ammonti eċċessivi tal-produtturi tal-ħalib li jaqbżu l-kwota individwali tagħhom matul is-snin meta l-Italja qabżet il-kwota nazzjonali tagħha tal-ħalib (Kawża C-433/15).

    Konklużjoni

    Il-Kummissjoni tqis li, safejn għandu x'jaqsam it-twettiq tal-kundizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-iskema ta' ħlas bin-nifs approvata mill-Kunsill fl-2003, il-progress li għamlu l-awtoritajiet Taljani fl-irkupru tal-ammont dovut mill-produtturi li għażlu li jipparteċipaw fl-iskema ta' ħlas bin-nifs għall-perjodi tal-1995/1996 sal-2001/2002 juri li l-iskema ġiet ġestita b'mod sodisfaċenti.

    Fir-rigward tal-ammonti mhux irkuprati mill-iskemi ta' ħlas bin-nifs, il-Kummissjoni diġà qalet, fir-rapporti tal-evalwazzjoni tagħha ppreżentati lill-Kunsill mill-2010 'l hawn, u mbagħad f’avviż formali mibgħut lill-Italja fl-20 ta’ Ġunju 2013 u fl-opinjoni motivata tal-10 ta’ Lulju 2014, li mhijiex sodisfatta bin-nuqqas ta' progress sinifikanti fl-irkuprar tal-imposta marbuta mal-kwoti tal-ħalib.

    Skont l-informazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet Taljani fir-rapport tagħhom dwar il-ħdax-il pagament annwali, f'dan il-każ, ma hemmx żviluppi maġġuri ġodda x'jiġu rrappurtati fil-ġbir effettiv tal-imposta mhux koperta mill-iskemi ta' ħlas bin-nifs. Fid-dawl tal-ammont ta’ imposta mhux imħallsa u t-tul ta’ żmien kemm ilha għaddejja din is-sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ rkupru ta’ ammonti mhux imħallsa, għandu jiġi konkluż li l-awtoritajiet Taljani jinsabu 'l bogħod milli jiżguraw l-effiċjenza u l-effettività tal-liġijiet tal-UE.

    Għal din ir-raġuni, fis-6 ta' Awwissu 2015 il-Kummissjoni ressqet rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 tat-TFUE quddiem il-Qorti tal-Ġustizza tal-Unjoni Ewropea (Kawża C-433/15).

    Top