EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016DC0478R(01)

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2007/2/KE ta' Marzu 2007 li tistabbilixxi Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fil-Komunità Ewropea (Inspire) skont l-Artikolu 23

COM/2016/0478 final/2

Brussell, 10.8.2016

COM(2016) 478 final/2

CORRIGENDUM
Concerns all linguistic versions.
Addition of a cross reference on the cover page.

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2007/2/KE ta' Marzu 2007 li tistabbilixxi Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fil-Komunità Ewropea (Inspire) skont l-Artikolu 23

{SWD(2016) 243 final/2}
{SWD(2016) 273 final}


1.Introduzzjoni

Il-problemi ambjentali ma jiqfux fil-fruntieri. Is-soluzzjoni tagħhom ta’ spiss tirrikjedi l-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi, u tkun aktar ta’ suċċess meta jkun faċli li tiġi kondiviża d-dejta bejn il-fruntieri u fost l-organizzazzjonijiet. Hemm benefiċċji assoċjati mal-ġbir effettiv u effiċjenti u mal-kondiviżjoni ta’ dejta marbuta ma’ post partikolari (dejta ġeografika). Minbarra li jiffaċilita l-immaniġġjar ambjentali aħjar, dan jista’ joħloq sinerġiji mal-istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali tal-UE 1  , bħall-iżvilupp ta’ prodotti u servizzi innovattivi li joħolqu impjiegi ta’ kwalità għolja u jtejbu l-kompetittività Ewropea.

Id-Direttiva li tistabbilixxi Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeorgrafika fil-Komunità Ewropea (id-Direttiva INSPIRE) 2 tappoġġa l-applikazzjoni ta’ politiki bbażati fuq l-għarfien u l-monitoraġġ ta’ attivitajiet li għandhom impatt ambjentali. Tistabbilixxi azzjonijiet biex jitneħħew l-ostakli għall-kondiviżjoni ta’ dejta ġeografika bejn il-livelli kollha tal-gvern fl-Istati Membri u bejniethom.

Fl-2013 il-Kummissjoni inkludiet id-Direttiva INSPIRE fil-Programm tagħha dwar l-idoneità u l-prestazzjoni tar-regolamentazzjoni (REFIT) 3 sabiex f'nofs l-implimentazzjoni tiegħu tivvaluta jekk dan l-istrument għadux idoneu għall-għan tiegħu. Dan ir-rapport jippreżenta l-progress li sar fl-implimentazzjoni 4 u jiġbor fil-qasir ir-riżultati tal-evalwazzjoni.

2.Sfond

Qabel l-2007, 5 kien diffiċċli ssib dejta ġeografika online fil-livell nazzjonali u f'dak tal-UE, u ta’ spiss ma kinitx dokumentata tajjeb 6 . Ta’ spiss kienet tinżamm f’formati inkompatibbli, li kien jagħmilha diffiċli biex jingħaqdu flimkien settijiet ta’ dejta ġeografika differenti. Bosta awtoritajiet pubbliċi ma kellhomx servizzi online fis-seħħ biex jippermettu lin-nies jiskopru, jaċċessaw, jużaw u jikkondividu d-dejta ġeografika tagħhom (fil-pajjiżi u bejn fruntiera u oħra). Għaldaqstant ma kien hemm l-ebda infrastruttura ta’ dejta ġeografika tal-UE, biex b'hekk, pereżempju, id-dejta dwar ix-xmajjar transfruntiera ma kinitx relatata ma' xulxin.

Id-dejta ġeografika tal-Annessi I u II hija dokumentata

3/12/2010 (pass 3, Art. 6a)

Is-servizzi ta’ tniżżil tad-dejta ġeografika dokumentata fl-Annessi I u II huma operattivi.

28/12/2012 (pass 4, Art. 11)

09/11/2011 (pass 4, Art. 11)

Is-servizzi ta’ Riċerka u Konsultazzjoni tad-dejta ġeografika fl-Annessi I u II huma operattivi.

Illustrazzjoni1: Pjan direzzjonali għall-implimentazzjoni ta’ INSPIRE 7 – stadji ewlenin

Sabiex tiġi indirizzata din is-sitwazzjoni, id-Direttiva, li hija mirfuda b’diversi regoli implimentattivi (eż. dwar ir-rapportar jew il-metadejta) 8 , tirrikjedi li l-Istati Membri (ara l-Illustrazzjoni 1):

(1)jistabbilixxu strutturi ta’ koordinazzjoni u jadottaw u jimplimentaw miżuri legali biex jitneħħew ostakli proċedurali għall-kondiviżjoni ta’ dejta ġeografika;

(2)jidentifikaw id-dejta ġeografika rilevanti għall-politiki ambjentali u l-politiki u l-azzjonijiet b’impatt ambjentali skont temi elenkati fl-Annessi 9 tad-Direttiva;

(3)jiddokumentaw id-dejta ġeografika sabiex ikun hemm aċċess għaliha fuq l-internet flimkien ma’ informazzjoni dwar aspetti bħas-sors tagħha, il-kopertura ġeografika, il-kwalità u l-kundizzjonijiet tal-użu, f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet tal-metadejta 10 ;

(4)jimplimentaw servizzi online interoperabbli li jippermettu r-riċerka, il-viżwalizzazzjoni u t-tniżżil online ta’ dejta ġeografika;

(5)gradwalment jorganizzaw u jippubblikaw id-dejta ġeografika skont mudelli ta’ dejta komuni 11 għal interoperabilità akbar u aktar produttività.

Id-Direttiva tkopri numru enormi ta’ settijiet ta’ dejta ġeografika potenzjali, mill-bidu, ma seta jiġi identifikat l-ebda limitu massimu jew numru totali. Id-Direttiva teħtieġ li tiġi implimentata bis-sħiħ sal-20217. Din l-evalwazzjoni hija bbażata fuq l-informazzjoni disponibbli f'nofs l-implimentazzjoni (jiġifieri l-2013/2014).

3.Implimentazzjoni

Traspożizzjoni

Id-Direttiva kellha tiġi trasposta sal-15 ta’ Mejju 2009 iżda dewmien politiku , legali u amministrattiv sinifikanti fisser li l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri qabżu l-iskadenza, bid-Danimarka biss li ttrasponietha fil-ħin. Id-dewmien medju fil-komunikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali kien ta’ 12-il xahar – b’varjazzjoni bejn 3 u 24 xahar 12 .

Il-Kummissjoni fittxet lill-Istati Membri talli naqsu milli jittrasponu d-Direttiva b’mod kompletament konformi, u fl-2016 għadha qed tindirizza kwistjonijiet pendenti ta’ traspożizzjoni f’disa’ Stati Membri (CZ, DE, FI, FR, HR, LT, PL, PT, UK).

Il-kwistjonijiet pendenti dwar il-konformità jikkonċernaw kwistjonijiet dettaljati, legali jew tekniċi minuri, u ma jwaqqfux lill-Istati Membri kkonċernati milli jimplimentaw id-Direttiva.

Ir-raġunijiet ewlenin għad-dewmien għandhom x’jaqsmu ma’ kwistjonijiet differenti, inkluż id-determinazzjoni politika, id-dewmien amministrattiv u t-tibdil fil-gvern.

Passi implimentattivi 13

Għalkemm sar progress fl-implimentazzjoni tad-Direttiva sal-2014, l-ebda waħda mill-iskadenzi elenkati fl-Illustrazzjoni 1 ma ġiet rispettata mill-Istati Membri kollha. Ir-rabtiet bejn il-passi differenti jwasslu għal impatt kumulattiv peress li, anki meta l-progress f’pass aktar tard ikun tajjeb, jaffettwa numru iżgħar milli mistenni ta’ settijiet ta’ dejta ġeografika. Id-diversi passi huma dettaljati hawn taħt.

L-Ewwel Pass – Il-ħolqien ta’ strutturi ta’ koordinazzjoni u politiki għall-kondiviżjoni tad-dejta bejn l-awtoritajiet pubbliċi

Id-Direttiva tkopri firxa wiesgħa ta’ dejta ġeografika li hija mmaniġġjata minn numru kbir ta’ awtoritajiet pubbliċi fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali. L-istrutturi ta’ koordinazzjoni u l-politiki għall-kondiviżjoni tad-dejta neċessarji kienu ġeneralment stabbiliti mat-traspożizzjoni (ara aktar 'il fuq).

Madankollu, l-effettività tal-isforzi ta’ koordinazzjoni nazzjonali ma kinux kollha l-istess fl-Istati Membri kollha. F’xi Stati Membri l-kwistjonijiet li kienu jaffettwaw il-kollaborazzjoni bejn l-aġenziji tal-immappjar nazzjonali u l-korpi ta’ informazzjoni ambjentali (eż. il-ministeri u l-aġenziji) kienu partikolarment problematiċi.

Il-politiki dwar id-dejta nazzjonali għall-kondiviżjoni tad-dejta huma varjabbli u eteroġeniċi ħafna u l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri għadhom qed jirrapportaw problemi f’dan il-qasam. B’riflessjoni tal-flessibilità wiesgħa tal-approċċi pprovduti fid-Direttiva (ara l-Artikolu 17.2), il-politiki jvarjaw minn aċċess u użu kompletament miftuħa u mingħajr ħlas, sal-irkupru tal-ispejjeż kollha, il-ġbir ta’ qligħ u diversi tipi ta’ sħubiji pubbliċi privati. Il-Kummissjoni ma għamlitx valutazzjoni dettaljata tal-konformità tal-politiki nazzjonali mad-Direttiva.

It-Tieni Pass – Progress fl-identifikazzjoni tad-dejta ġeografika meħtieġa

Sa Diċembru 2013 s-settijiet ta’ dejta ġeografika diġitali kollha li jaqgħu taħt l-34 tema ġeografika kellhom jiġu identifikati, dokumentati u jkunu disponibbli online permezz tas-servizzi.

Għalkemm huwa diffiċli li jiġu vvalutati r-riżultati minħabba d-diffikultajiet fl-identifikazzjoni tal-limitu massimu jew tan-numru totali ta’ settijiet ta’ dejta li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni sal-2014, in-numru totali ta’ settijiet ta’ dejta kien jaqbeż is-56 220 (Illustrazzjoni 2). Madankollu, madwar 90 % ta’ dawn għandhom x’jaqsmu mas-settijiet ta’ dejta ta’ tmien Stati Membri biss. Wara żieda inizjali, il-volum ta’ settijiet ta’ dejta ġeografika rrapportati għall-Istati Membri (20) li kien baqa’, kien relattivament stabbli jew saħansitra naqas 14 f’xi pajjiżi bejn l-2010 u l-2014 (Illustrazzjoni 2), u kien ġeneralment pjuttost baxx b’inqas minn 120 sett ta’ dejta għal kull pajjiż.

Illustrazzjoni2: Il-volum totali tas-settijiet tad-dejta ġeografika (l-annessi kollha) irrapportat mill-Istati Membri

F’konformità mal-iskadenzi u mal-passi identifikati hawn fuq, l-Istati Membri għamlu progress fil-forniment ta’ temi ta’ dejta ambjentali bħal-lokalizzazzjoni tas-sorsi tal-emissjonijiet u d-dejta dwarhom. Madankollu, l-aktar dejta ambjentali rilevanti (fil-biċċa l-kbira koperta mill-Anness III) f'ħafna każijiet għadha mhux aċċessibbli (il-passi 2, 3 u 4, bi skadenza fl-2013). B'hekk anke l-pass li jmiss, jiġifieri li din id-dejta ssir interoperabbli (il-pass 5, bi skadenza fl-2020), se jkun aktar diffiċli biex jitwettaq.

It-Tielet Pass – Id-dokumentazzjoni ta’ dejta ġeografika (metadejta)

Id-dokumentazzjoni ta’ dejta ġeografika identifikata tagħmilha aktar faċli biex tinstab online. Għalkemm in-numru ta’ settijiet ta’ dejta ġeografika dokumentati kiber b’mod stabbli, fl-2013 12-il Stat Membru biss ikkonformaw aktar minn 80 % tad-dokumentazzjoni tagħhom, meta mqabbel mal-għan ta’ 100 % għall-Istati Membri kollha (Illustrazzjoni 4).  

Grafika 4: Xejriet 2010-2013 - Il-perċentwal tas-settijiet ta’ dejta ġeografika b’metadejta konformi

Ir-Raba' Pass– Il-ħolqien ta’ servizzi tal-internet li jipprovdu aċċess biex id-dejta ġeografika tiġi kkonsultata u titniżżel

Sa Diċembru 2013, l-Istati Membri kellhom jistabbilixxu wkoll servizzi online għar-riċerka, il-konsultazzjoni u t-tniżżil tas-settijiet ta’ dejta ġeografika dokumentata tagħhom kollha.

Sar aktar progress f’dan il-pass, bi15-il Stat Membru li sal-iskadenza pprovda servizzi ta’ riċerka għal bejn 80 u 100 % tas-settijiet ta’ dejta ġeografika dokumentata tagħhom (Illustrazzjoni 5).

Grafika 5: Xejriet 2010-2013 - Perċentwal ta’ settijiet ta’ dejta ġeografika b’servizzi ta’ riċerka

L-aċċessibilità ġenerali tas-settijiet ta’ dejta b'servizzi ta’ konsultazzjoni u ta' tniżżil hija saħansitra aktar baxxa, b'nofs l-Istati Membri biss li ppubblikaw bejn 60 u 100 % tas-settijiet ta’ dejta ġeografika rapportata tagħhom permezz ta’ servizzi ta’ konsultazzjoni (Illustrazzjoni 6).

Grafika 6: Xejriet 2010-2013 - Il-perċentwal tas-settijiet ta’ dejta ġeografika b’servizzi ta’ konsultazzjoni

Is-servizzi tat-tniżżil ukoll ma ssodisfawx l-aspetattivi b'madwar kwart tal-Istati Membri biss li kellhom bejn 60 u 100 % tad-dejta ġeografika rapportata tagħhom aċċessibbli għat-tniżżil (Illustrazzjoni 7).

Grafika 7: Xejriet 2010-2013 - Il-perċentwal tas-settijiet ta’ dejta ġeografika b’servizzi ta’ tniżżil

Il-Ħames Pass – Disponibbiltà ta’ dejta ġeografika f’mudelli ta’ dejta komuni

It-trasformazzjoni tad-dejta ġeografika biex tikkonforma ma’ mudelli ta’ dejta komuni hija l-aktar kompitu diffiċli. L-Istati Membri għandhom sa mhux aktar tard mill-2020 biex iwettqu dan il-pass. F’dan l-istadju bikri ta’ implimentazzjoni, il-livell ta’ konformità tad-dejta ġeografika huwa pjuttost baxx (Illustrazzjoni 8).

Grafika 8: Xejriet 2010-2013 - Perċentwal ta’ settijiet ta’ dejta ġeografika konformi skont mudelli ta’ dejta komuni – obbligatorji mill-2017 ‘il quddiem (l-Annessi kollha)

4.Idoneità regolatorja

Din it-taqsima tipprovdi sommarju tal-evalwazzjoni. Aktar dettalji huma disponibbli fid-dokument ta’ ħidma tal-persunal relatat 15 .

Effettività

Qabel ma d-Direttiva saret effettiva, ġie dokumentat biss numru limitat ta’ settijiet ta’ dejta ġeografika (1 384 identifikati fl-2007 16 ), is-servizzi online kienu jkopru biss frazzjoni żgħira tas-settijiet ta’ dejta ġeografika identifikata u l-politiki dwar id-dejta kienu jippreżentaw ostakli konsiderevoli għall-użu mifrux tagħhom.

Sal-2013, l-effettività kienet żdiedet fl-Istati Membri kollha skont l-isforzi ta’ implimentazzjoni (u l-investiment) tagħhom, kif jidher mis-settijiet ta' dejta rrapportati għall-2013 li jammontaw għal aktar minn 56 000. Ir-rekwiżiti u ż-żminijiet tad-Direttiva ma ppreżentawx problemi fundamentali għat-tmien Stati Membri li identifikaw aktar minn 90 % tas-settijiet ta’ dejta totali 17 . Madankollu, għal bosta Stati Membri l-progress li sar rigward il-passi definiti u l-iskedi taż-żmien ma kienx jikkorrispondi għall-aspettattivi. Il-politiki tad-dejta nazzjonali kumplessi u eteroġeniċi u n-nuqqas ta’ politika tad-dejta pan-Ewropea jfixklu l-fluss ħieles tad-dejta – tħassib rikonoxxut ukoll fis-Suq Uniku Diġitali usa’. Il-parti l-inqas effettiva tal-proċess ta’ implimentazzjoni għandha x’taqsam mal-politiki tad-dejta. Bosta settijiet ta’ dejta u servizzi għadhom mhumiex aċċessibbli faċilment (jiġifieri mingħajr ostakli legali jew finanzjarji), li huwa prerekwiżit għall-ħolqien ta’ valur miżjud minn din id-dejta fis-suq intern. Dawn il-politiki tad-dejta kumplessi u diversi joħolqu wkoll piż amministrattiv addizzjonali u bla bżonn meta mqabbel ma’ politika tad-dejta miftuħa u usa’.

Raġunijiet oħra għal-lakuni fl-implimentazzjoni:

Dewmien fit-traspożizzjoni u fl-istabbiliment ta’ strutturi amministrattivi effettivi minħabba sfidi politiċi, legali u ekonomiċi fil-livell nazzjonali (ara t-taqsima 3, l-ewwel pass). Bosta Stati Membri rrapportaw li l-kriżi ekonomika u l-pressjoni fuq il-baġits nazzjonali kellhom ukoll impatt fuq l-allokazzjoni tal-investiment meħtieġ bil-quddiem (eż. f’infrastruttura tal-IT u l-iżvilupp ta’ kompetenzi tekniċi fl-amministrazzjonijiet);

Koordinazzjoni, kjarifika u stipular tal-prijoritajiet insuffiċjenti bejn l-awtoritajiet rilevanti fil-livell nazzjonali, b’mod partikolari bejn dawk responsabbli mid-dejta ambjentali (eż. l-identifikazzjoni tas-settijiet tad-dejta minimi meħtieġa);

Koordinazzjoni insuffiċjenti fil-livell tal-UE (il-Kummissjoni Ewropea u l-EEA) li tiggwida lill-Istati Membri lejn prijoritajiet għall-identifikazzjoni tas-settijiet tad-dejta ġeografika għal politiki ambjentali u politiki relatati oħra (eż. għar-rapportar);

Sett ambizzjuż ta’ skadenzi li kien validu meta kienet adottata d-Direttiva jista’ ma jkunx aktar pertinenti għall-Istati Membri kollha, eż. minħabba l-kumplessità teknika tar-regoli u l-linji gwida implimentattivi tal-interoperabilità li jirrikjedu l-applikazzjoni ta’ għodda tal-IT u kompetenzi li ta’ spiss ikunu neqsin. Flimkien ma’ dan hemm il-livelli differenti ta’ tħejjija tal-Istati Membri fir-rigward tar-rispett tal-iskadenzi stabbiliti mid-Direttiva.

Xi wħud mill-Istati Membri inqas avvanzati rrapportaw ukoll kompetizzjoni ma’ politiki nazzjonali paralleli dwar dejta miftuħa u gvern elettroniku għal raġunijiet amministrattivi (awtoritajiet kompetenti differenti), u r-rilevanza baxxa ta’ kwistjonijiet ambjentali f’kuntest ta’ politika usa’. Oħrajn (inklużi xi wħud minn dawk aktar avvanzati) urew li l-kompetizzjoni hi bla bżonn – hemm kamp ta' applikazzjoni wiesa’ għall-ħolqien ta’ approċċi fejn kulħadd jiggwadanja u fejn INSPIRE ssir il-pedament li fuqha jinbnew l-attivitajiet tal-gvern elettroniku.

L-Istati Membri ddubitaw ukoll mill-effettività tal-armonizzazzjoni tad-dejta futura (il-ħames pass) minħabba l-isforz u l-ispejjeż sinifikanti involuti fit-trasformazzjoni ta’ settijiet ta’ dejta eżisteni biex jissodisfaw ir-rekwiżiti l-ġodda (skadenzi fl-2017 u l-2020). Bosta għarfu li hemm bżonn ta' aktar interoperabilità biex jinkisbu l-gwadanni tal-effiċjenza. Huma esprimew ukoll tħassib fir-rigward tal-kumplessità u l-fattibilità tal-adattament tad-dejta ġeografika kollha għal mudelli ta’ dejta komuni sal-2017 (Anness I) jew l-2020 (l-Annessi II u III). Huma appellaw għal applikazzjoni flessibbli, pragmatika u xprunata mill-utent tal-ispeċifikazzjonijiet tad-dejta eżistenti.

Effiċjenza

L-evalwazzjoni kwantitattiva tal-ispejjeż u tal-benefiċċji kienet diffiċċli biex issir minħabba n-nuqqas ta’ dejta komprensiva u kumparabbli. Minħabba l-istadju ta’ implimentazzjoni, il-biċċa l-kbira tal-istudji attwalment disponibbli huma bbażati fuq stimi jew previżjonijiet, u d-dejta kwantifikata dwar il-benefiċċji hija skarsa.

L-ispejjeż ta’ implimentazzjoni rrapportati kienu jvarjaw minn EUR 0.5 miljun sa EUR 13.5-il miljun fis-sena bil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri li rrapportaw bejn EUR 2 miljun sa EUR 3 miljun fis-sena. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet dan huwa taħt l-istimi oriġinali li kienu jvarjaw minn EUR 4 miljun sa EUR 8 miljun fis-sena fil-valutazzjoni tal-impatt inizjali 18 , u x’aktarx għandu x’jaqsam mal-progress inqas tajjeb milli mistenni.

L-informazzjoni pprovduta dwar il-benefiċċji, li kienet fil-biċċa l-kbira kwalitattiva u bbażata fuq stimi, inkludiet il-punti li ġejjin:

Aċċess aktar effiċjenti għall-informazzjoni 19 li jwassal għal servizzi tal-gvern elettroniku aħjar u irħas għaċ-ċittadini u għan-negozji, u b’hekk tittejjeb it-trasparenza u jinħolqu opportunitajiet ta’ negozju bl-użu tad-dejta ambjentali. Dan jagħti spinta lill-potenzjal ta’ riċerka u innovazzjoni.

Bażi ta’ evidenza aħjar għall-iżvilupp tal-politika, it-teħid tad-deċiżjonijiet u l-implimentazzjoni, b’hekk jitnaqqsu l-ispejjeż u titjieb il-kwalità tal-valutazzjonijiet (eż. fil-qasam tal-valutazzjonijiet (tal-impatt) ambjentali u tal-immaniġġjar (tar-riskju) 20 .

Kooperazzjoni aħjar bejn l-awtoritajiet pubbliċi u bejn setturi differenti (eż. l-ippjanar tal-ispazju, it-trasport, l-agrikoltura u l-ambjent) 21 , u ffrankar tal-ispejjeż amministrattivi (b'inqas duplikazzjoni tax-xogħol) filwaqt li jittejbu l-aċċessibilità u l-kwalità tad-dejta.

It-tisħiħ tal-ħiliet teknoloġiċi, il-kompetenzi u l-bini tal-kapaċità fl-amministrazzjonijiet pubbliċi.

Diversi pajjiżi inkluż in-Netherlands jidhru li segwew xejra pjuttost prevedibbli, fejn fil-bidu l-ispejjeż annwali qabżu l-benefiċċji, iżda mbagħad żdiedu l-benefiċċji fit-tieni fażi ta’ implimentazzjoni (wara l-2013). Filwaqt li kien mistenni investiment bikri (fl-infrastruttura tal-IT, it-trasformazzjoni tad-dejta u l-iżvilupp tal-kompetenzi), ftit Stati Membri biss irrapportaw li kienu għamlu dan l-investiment. Bosta Stati Membri rrapportaw sinerġiji 22 bejn l-istrateġiji tal-UE u dawk nazzjonali dwar id-Dejta Miftuħa 23 (inkluża d-Direttiva riveduta dwar l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku) 24 li kienet għenet biex jiżdiedu l-benefiċċji filwaqt li jiġu kondiviżi l-ispejjeż tal-implimentazzjoni mal-investiment meħtieġ, fi kwalunkwe każ, għall-politiki tad-dejta miftuħa aktar wesgħin. L-Istrateġija tar-Renju Unit għar-Realizzazzjoni tal-Benefiċċji 25 tal-2012 stmat li l-benefiċċji kwantifikabbli annwali fid-dipartimenti tal-gvern tar-Renju Unit kienu jammontaw għal GBP 470-510 miljun fis-sena.

Kif imsemmi taħt il-pass 5, l-armonizzazzjoni tad-dejta hija l-aktar pass għali u diffiċċli. Għalkemm l-Istati Membri jridu jikkonformaw ma’ dawn id-dispożizzjonijiet sal-2017 jew sal-2020 biss (skont id-dejta kkonċernata), f’diskussjonijiet reċenti tal-grupp ta’ esperti 26 ġie previst li l-armonizzazzjoni simultanja ta’ ammont daqstant enormi ta’ dejta tkun tinvolvi spejjeż għoljin u diffikultajiet prattiċi. Biex tingħeleb din l-isfida futura ġie ssuġġerit li jiġu stabbiliti prijoritajiet ċari, jiġifieri jiġu identifikati l-aktar settijiet ta’ dejta importanti għal applikazzjonijiet tal-utent aħħari fost it-temi tad-dejta, b’mod partikolari dawk tal-Anness III.

Il-finanzjament mill-UE kien kapaċi jtaffi xi wħud minn dawn il-kwistjonijiet u bosta proġetti ġew appoġġati minn programmi tal-UE (eż. ISA 27 , Orizzont 2020, LIFE+). Dawn il-proġetti 28 jistgħu jgħinu biex jiġu żviluppati soluzzjonijiet u għodda li jistgħu jintużaw mill-Istati Membri kollha (komponenti li jistgħu jerġgħu jintużaw), li jistgħu jtejbu l-effiċjenza f’setturi ta’ politika multipli. Madankollu, dawn l-opportunitajiet ma jintużawx sistematikament mill-Istati Membri.

Rilevanza

Il-konsultazzjoni pubblika 29 wriet appoġġ sostanzjali għall-għanijiet tad-Direttiva, fejn kienu kkunsidrati li għadhom rilevanti biex jitneħħew l-ostakli għall-kondiviżjoni tad-dejta li jfixklu l-implimentazzjoni effettiva u effiċjenti tal-politika ambjentali. Barra minn hekk, żviluppi fil-politika tal-UE juru li l-għanijiet tad-Direttiva INSPIRE maż-żmien saru dejjem iżjed rilevanti, u huma inklużi fil-prijoritajiet tal-Kummissjoni fir-rigward tal-istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali tal-UE 2015. Hija identifikat il-ħtieġa li tiżdied l-interoperabilità fis-settur pubbliku (bir-reviżjoni tal-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà) fejn INSPIRE hija ta’ rilevanza kbira. Il-promozzjoni tas-servizzi tal-gvern elettroniku u l-ħtieġa li jiġu applikati l-prinċipji “awtomatikament diġitali” u “uża darba biss” kollha minquxa fid-Direttiva INSPIRE.

Is-7 Programm ta’ Azzjoni Ambjentali tenna l-ħtieġa li titjieb il-bażi ta’ evidenza għall-politika ambjentali. Barra minn hekk, l-applikazzjoni tad-Direttiva INSPIRE hija potenzjalment importanti għall-kisba tal-għanijiet tal-Kontroll tal-Idoneità 30 li għaddej bħalissa għall-monitoraġġ u r-rapportar ambjentali mwettqa bħala parti mill-aġenda ta’ Regolamentazzjoni Aħjar 31 . 

Koerenza

Il-koerenza interna tad-Direttiva tat prova li hi tajba għaliex l-Istati Membri fil-biċċa l-kbira segwew il-passi tagħha.

Fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni ambjentali oħra, id-Direttiva timmira li tikkontribwixxi għall-interoperabilità transfruntiera u dik legali u teknika tal-UE. Madankollu, il-progress fl-adattament tal-immaniġġjar tad-dejta fil-qasam ambjentali kien parzjali biss. Filwaqt li r-referenza għad-Direttiva INSPIRE saret komuni wara l-2007, l-applikazzjoni prattika tagħha għadha qed tibda issa, eż. fil-qasam tar-rapportar.

L-applikazzjoni konsistenti tar-regoli INSPIRE flimkien mad-Direttiva dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali 32 , b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet dwar it-tixrid attiv (ara l-Artikolu 7), jipprovdu l-potenzjal li tkun faċilitata l-kondiviżjoni tad-dejta u li ċ-ċittadini jkunu informati aħjar u mogħtija s-setgħa.

Fir-rigward tas-sett usa’ ta’ politiki tal-UE, id-Direttiva INSPIRE hija ġeneralment konsistenti mal-għanijiet tal-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà u l-għanijiet usa’ tas-Suq Uniku Diġitali Ewropew. Barra minn hekk, ġew stabbiliti rabtiet mal-inizjattivi l-ġodda tal-Cloud Ewropew tax-Xjenza Miftuħa u tal-Infrastruttura tad-Dejta Ewropea, taħt l-Inizjattiva Ewropea dwar il-Cloud 33 u l-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-gvern elettroniku 34 . Fost il-kwistjonijiet speċifiċi li jistgħu jeħtieġu attenzjoni hemm il-konsistenza tal-aċċess għall-politiki tad-dejta, stabbiliti wkoll fid-Direttiva dwar l-Informazzjoni tas-Settur Pubbliku. Dan għandu x’jaqsam ukoll ma’ kwistjonijiet usa’ dwar il-fluss ħieles tad-dejta, identifikat bħala kwistjoni ta’ prijorità għas-Suq Uniku Diġitali.

Valur miżjud tal-UE

L-adozzjoni ta' dan ir-rapport f'din il-fażi tal-proċess ta’ implimentazzjoni tad-Direttiva INSPIRE, fil-fatt ma tippermettix li ssir analiżi tal-valur miżjud tal-UE effettivament maħluq. It-titjib potenzjali fl-immaniġġjar tad-dejta ġeografika fil-livell tal-UE u f'dak transfruntier offrut mid-Direttiva INSPIRE jibqa’ sinifikanti, mhux biss fil-qasam ambjentali. Kemm jekk hija l-kondiviżjoni ta’ dejta dwar il-kwalità tal-arja jew dwar l-immaniġġjar tar-riskju ta’ għargħar, is-soluzzjonijiet ambjentali ta’ spiss jeħtieġu kollaborazzjoni transfruntiera. Għalkemm dan għadu ma ġiex ipprovdut b’mod konsistenti, hemm evidenza li l-kwistjonijiet li jirriżultaw minn approċċi nazzjonali differenti (aktar bikrin u attwali) jipprevjenu milli jiġri dan. L-użi differenti tad-dejta koperta bid-Direttiva INSPIRE jistgħu jiġi sfruttati ulterjorment fil-livell tal-UE permezz tar-rapportar, l-appoġġ ta’ valutazzjonijiet jew ta' evalwazzjonijiet tal-impatt, ir-riċerka u l-innovazzjoni. B’mod partikolari, il-possibbiltà li jiġi sfruttat il-potenzjal tad-dejta riċevuta permezz tal-programm Copernicus hija importanti peress li dan it-telerilevament tad-dejta ta’ spiss jeħtieġ tingħaqad mad-dejta ġeografika biex jiżdiedu l-valur u l-kuntest.

Attwalment hemm ftit applikazzjonijiet tal-utent aħħari 35 li jippermettu li jsir użu mill-potenzjal ta’ dejta bl-użu tal-approċċ INSPIRE fil-livell tal-UE. Fir-rigward tar-rapportar, tlestew xi proġetti pilota, bħal dak li jirrapporta dwar il-kwalità tal-arja, iżda l-ebda proġett ma’ laħaq il-maturità operattiva sħiħa. L-istabbiliment ta’ prijoritajiet nazzjonali huwa differenti ħafna f’termini tal-identifikazzjoni ta’ dawk is-settijiet tad-dejta ġeografika meħtieġa għal applikazzjonijiet transfruntiera jew għal attivitajiet ta’ rapportar fil-livell tal-UE (jiġifieri, xi wħud jiffukaw fuq il-kwalità tal-arja 36 , oħrajn fuq id-dejta marittima 37 ). Fl-aħħar nett, il-kollaborazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri ġeneralment kienet ikkunsidrata pożittiva iżda tista’ tissaħħaħ ulterjorment billi, pereżempju, jiġu żviluppati għodda u komponenti implimentattivi flimkien minflok kull Stat Membru jerġa’ joħloq kollox mill-ġdid.

5.Konklużjonijiet

L-evalwazzjoni tad-Direttiva INSPIRE tikkonferma li r-rilevanza ġenerali tad-Direttiva biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet politiki b’mod effiċjenti tibqa’ għolja, u hija mistennija li tiżdied maż-żmien, minħabba l-ixprunar lejn ekonomija diġitali kif stabbilit mill-istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali li tinkludi elementi importanti tad-Direttiva.

Il-progress tajjeb fl-implimentazzjoni sar biss fil-ftit Stati Membri fejn saru l-investimenti meħtieġa u fejn l-implimentazzjoni tad-Direttiva kienet allinjata ma’ azzjoni nazzjonali usa’ dwar politiki ta’ dejta miftuħa u servizzi ta’ gvern elettroniku aħjar. Il-lakuni fl-implimentazzjoni identifikati huma sinifikanti u jirriżultaw minn dewmien akkumulat fil-proċess, li jenfasizzaw id-differenzi fil-veloċità u fil-kwalità tal-implimentazzjoni.

B’hekk, batiet l-effettività ġenerali. B’mod partikolari, l-ostakli sinifikanti pendenti maħluqa mill-politiki tad-dejta f’bosta pajjiżi jfixklu l-progress effettiv u jipperpetwaw il-piż amministrattiv minħabba li d-dejta ma tistax tiġi kondiviża faċilment bejn l-amministrazzjonijiet. Minkejja dan, xi Stati Membri wrew li l-proċess huwa possibbli u jirrapportaw b’mod pożittiv dwar il-benefiċċji li jirriżultaw, anki jekk biss f’termini kwalitattivi.

Dan huwa kkonfermat mill-evalwazzjoni tal-effiċjenza mill-Istati Membri ta’ quddiem nett li investew fl-implimentazzjoni mill-bidu, żviluppaw aktar politiki tad-dejta miftuħa u allinjaw id-Direttiva INSPIRE mal-prijoritajiet nazzjonali tagħhom dwar dejta miftuħa u l-ixprunar għal gvern elettroniku. Madankollu l-ispejjeż tal-bidu huma ogħla mill-benefiċċji peress li għall-ewwel id-dejta se jkollha tkun disponibbli bil-modi rikjesti qabel ma tintuża għal applikazzjonijiet tal-utent aħħari. Ħafna Stati Membri għamlu investimenti insuffiċjenti, probabbli minħabba l-kriżi ekonomika.

L-evalwazzjoni tal-koerenza kixfet oqsma li jeħtieġu attenzjoni, b’mod partikolari l-iżvilupp tal-politiki tad-dejta biex hekk jinħolqu ostakli fis-suq (diġitali) intern li huwa wkoll ta’ rilevanza għall-inizjattiva “fluss ħieles tad-dejta”.

Finalment, il-valur miżjud tal-UE tal-futur jista’ jkun sinifikanti. L-indirizzar tal-kwistjonijiet imsemmija hawn fuq u l-iffukar fuq il-ħtiġijiet tal-utent aħħari u fuq l-applikazzjonijiet f’kuntest transfruntier u tal-UE, jistgħu jgħinu l-implimentazzjoni u jgħinu biex jiġu prijoritizzati r-riżorsi u l-investimenti.

6. Rakkomandazzjonijiet u l-passi li jmiss

Abbażi tar-riżultati tal-evalwazzjoni, jidher biċ-ċar li fil-futur se jkun meħtieġ sforz akbar fil-livelli kollha u mill-atturi kollha. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni tipproponi numru ta’ azzjonijiet kemm għall-Istati Membri kif ukoll fil-livell tal-UE.

Bħala prerekwiżit, l-Istati Membri kollha jeħtieġ li jżidu l-isforzi tagħhom fl-implimentazzjoni (eż. fl-attivitajiet ta’ koordinazzjoni tagħhom) u janalizzaw l-effettività tal-politiki tad-dejta tagħhom b’mod kritiku. Dan japplika b’mod partikolari għal dawk l-Istati Membri li waqgħu l-aktar lura, jekk iridu jirrispettaw l-iskadenzi ta’ implimentazzjoni futuri. Barra minn hekk, l-Istati Membri, f’konsultazzjoni mal-Kummissjoni, huma rrakkomandati li:

1)jagħtu prijorità lil settijiet ta’ dejta ġeografika ambjentali 38 , b’mod partikolari dawk marbuta mal-monitoraġġ u r-rapportar,  u dawk identifikati fi proċessi globali rilevanti 39 . 

2)itejbu l-koordinazzjoni bejn l-implimentazzjoni nazzjonali ta’ INSPIRE u l-gvern elettroniku, id-dejta miftuħa u proċessi rilevanti oħra fil-livell nazzjonali.

Biex tikkumplimenta l-isforzi nazzjonali, il-Kummissjoni se:

A.tevalwa f’iktar dettall in-nuqqasijiet tal-politiki tad-dejta nazzjonali fir-rigward tal-Artikolu 17 tad-Direttiva u tesplora sinerġiji mal-inizjattiva “fluss ħieles tad-dejta” 40 taħt is-Suq Uniku Diġitali bil-ħsieb li ssolvi dawn il-kwistjonijiet;

B.tanalizza, u possibilment tirrevedi, ir-regoli tad-Direttiva INSPIRE 41 , b’mod partikolari dwar l-armonizzazzjoni tad-dejta ġeografika, biex tqis ir-riskji implimentattivi u l-kumplessitajiet bil-ħsieb li tnaqqashom (rekwiżiti ta’ simplifikazzjoni);

C.tassisti lill-Istati Membri fl-applikazzjoni u fl-implimentazzjoni tad-Direttiva INSPIRE (simplifikazzjoni tal-użu), pereżempju bl-użu ta’ għodda komuni, u l-promozzjoni tal-istabbiliment ta’ prijoritajiet flimkien mal-Istati Membri.

D.taħdem mill-qrib mal-Istati Membri biex tesplora l-opportunitajiet li jirriżultaw mill-użu ta’ programmi ta’ finanzjament eżistenti fil-livell tal-UE biex ikun megħjun il-bini tal-kapaċità u biex jingħalqu l-lakuni fl-implimentazzjoni ta’ INSPIRE (pereżempju permezz tal-Amministrazzjonijiet ta’ Soluzzjonijiet ta’ Interoperabilità).

Azzjonijiet oħra fil-kuntest tas-Suq Uniku Diġitali se jikkontribwixxu wkoll għall-implimentazzjoni tad-Direttiva INSPIRE (pereżempju il-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-gvern elettroniku u l-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà). Il-Kummissjoni flimkien mal-Istati Membri se tippromwovi wkoll l-inklużjoni tas-servizzi INSPIRE u l-armonizzazzjoni tad-dejta fl-inizjattivi tal-UE rilevanti (pereżempju Copernicus, Orizzont 2020), fid-dipartimenti tal-Kummissjoni, fl-aġenziji Ewropej u fis-sħab internazzjonali tal-UE.

Dawn u azzjonijiet rilevanti oħra se jiġu diskussi bejn id-dipartimenti tal-Kummissjoni, bl-assistenza tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u l-Istati Membri fil-kuntest tal-Qafas ta’ Manutenzjoni u Implimentazzjoni (MIF, Maintenance and Implementation Framework) ta’ INSPIRE 42 li għaddej bħalissa wara l-adozzjoni ta’ dan ir-rapport.

(1)   COM(2015) 192
(2)  Id-Direttiva 2007/2/KE.
(3)  SWD(2013)401.
(4)  Kif mitlub mill-Artikolu 23 tad-Direttiva 2007/2/KE.
(5)  Kif dokumentat fil- Valutazzjoni tal-Impatt .
(6)  Jiġifieri, permezz ta’ metadejta li tipprovdi informazzjoni dwar aspett wieħed jew aktar tad-dejta ġeografika.
(7)  http://inspire.ec.europa.eu/index.cfm/pageid/44
(8)   http://inspire.ec.europa.eu/index.cfm/pageid/3
(9)  It-tliet Annessi tad-Direttiva jkopru 34 tema ta’ dejta ġeografika. L-Anness I fih temi ta’ dejta bażika, eż. sistemi ta’ referenza ta’ koordinati, indirizzi, parċelli kadastrali u netwerks tat-trasport; l-Anness II fih temi ta’ dejta ġeografika, eż. elevazzjoni u kopertura tal-art; l-Anness III jkopri temi ta’ dejta ambjentali, tas-saħħa u tal-enerġija, eż. faċilitajiet ta’ monitoraġġ, faċilitajiet industrijali, agrikoli jew tal-akkwakultura, żoni ta’ riskju naturali, ħabitats jew riżorsi tal-enerġija.
(10)   Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1205/2008
(11)  F’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1089/2010 kif l-aħħar emendat bir-Regolament (UE) Nru 1312/2014.
(12)  Ara wkoll il-kapitolu 4.1 tal-" Mid-term evaluation report on INSPIRE implementation" – Rapport konġunt EEA-JRC (bħala r-Rapport tekniku tal-EEA Nru 17/2014 )
(13)  Nota: id-dejta kollha hija bbażata fuq ir-rapporti nazzjonali minn Mejju 2013 jew fuq ir-rapporti annwali dwar is-sitwazzjoniattwali tal-2014. L-Istati Membri għamlu progress minn dak iż-żmien ‘l hawn u huma mitluba jaġġornaw is-sitwazzjoni fir-rapporti tagħhom tal-2016.
(14)  Tnaqqis ta’ dejta jista’ jirrifletti sitwazzjonijiet fejn il-pajjiżi jkunu kkonsolidaw bosta settijiet ta’ dejta mferrxa f’sett ta’ dejta nazzjonali wieħed (jew fi ftit), li jista’ jkun ta’ benefiċċju għall-implimentazzjoni.
(15)  SWD(2016)243
(16)   Infrastrutturi ta’ Dejta Ġeografika fl-Ewropa: Is-sitwazzjoni fl-2007
(17)  Il-konformità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali għadha qed tiġi diskussa f’xi wħud minn dawn l-Istati Membri, iżda dan ma jaffettwax il-ħila tagħhom li jimplimentaw sew id-Direttiva (ara t-taqsima 3 dwar “it-traspożizzjoni”).
(18)   Kontribut għall-valutazzjoni tal-impatt estiż ta’ INSPIRE .
(19)   The Basic Data Programme — A Danish Infrastructure Model for Public Data (Il-Programm ta’ Dejta Bażika – Mudell ta’ Infrastruttura Daniż għad-Dejta Pubblika) , 2014.
(20)  Pereżempju fir-rigward tal-valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali mwettqa fil-leġiżlazzjoni tal-UE, studju indika li jista' jkun hemm iffrankar potenzjali ta’ 15 % fil-ħin u madwar EUR 150 miljun fis-sena fi spejjeż fil-livell tal-UE (Rapport Tekniku tal-JRC – EUR24327 EN — 2010 ).
(21)  Pereżempju s-Sistema ta’ Informazzjoni dwar Roqgħa Art fir-Rumanija użat id-Direttiva INSPIRE biex timmaniġġja s-sussidji agrikoli u tidentifika t-titjib ambjentali. Stati Membri oħra rrapportaw proġetti simili.
(22)  Pereżempju: fil-Finlandja 57 % tad-dejta INSPIRE hija MIFTUĦA u moqdija bis-servizzi ta’ INSPIRE jew bid-dejta INSPIRE u Miftuħa ; Il-Kunsill tad-Distrett ta' Ashfield fir-Renju Unit ippubblika dejta skont id-Direttiva Ewropea INSPIRE u bħala Dejta Miftuħa.
(23)   COM(2011) 882
(24)   Id-Direttiva 2013/37/UE
(25)  Kif ġie diskuss fil- Grupp ta’ Esperti dwar il-Manutenzjoni u l-Implimentazzjoni ta’ INSPIRE f’Diċembru 2015.
(26)   Soluzzjonijiet ta’ Interoperabilità għall-Amministrazzjonijiet Pubbliċi Ewropej
(27)  Fost l-eżempji nsibu: l-inizjattiva EULF (European Union Location Framework) ) u l-Pjattaforma ARE3NA (Reusable INSPIRE Reference Platform), l-Infrastruttura EGDI (European Geological Data Infrastructure) , is-sit web tal-Iskozja dwar l-Ambjent .
(28)  94 % jaqblu – 1 % ma jaqblux – 5 % l-ebda opinjoni: paġna 28 tar-Rapport fil-Qosor dwar il-Konsultazzjoni Pubblika tal-2013 dwar id-Direttiva INSPIRE .
(29)  Ara l- Pjan Direzzjonali
(30)  Ara l-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni 2016 (COM(2015) 610, l-Anness 2)
(31)   Id-Direttiva 2003/4/KE
(32)  COM(2016) 178
(33)  Ara l-azzjoni 19 fid-dokument COM(2016) 179
(34)  Pereżempju l- Pjattaforma ta' Informazzjoni għall-Monitoraġġ tas-Sustanzi Kimiċi) li tuża l-karatteristiċi bażiċi tad-Direttiva INSPIRE biex tikseb aċċess għal għadd kbir ta’ sorsi ta’ dejta. Għal eżempji oħra, ara n-nota f'qiegħ il-paġna 28.
(35)   Geodateninfrastruktur Deutschland: storja ta’ suċċess ta’ INSPIRE - L-implimentazzjoni tar-rapportar elettroniku tal-kwalità tal-arja abbażi ta’ INSPIRE fil-livell nazzjonali .
(36)   L-Infrastruttura Ġermaniża tad-Dejta dwar il-Baħar u d-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina , 2015
(37)  u jagħmluhom aċċessibbli mill-inqas “kif inhuma” għal awtoritajiet pubbliċi oħra u għall-pubbliku permezz ta’ servizzi diġitali f’konformità mad-Direttiva INSPIRE.
(38)  Pereżempju fil-kuntest tal-programm Copernicus, il-Ġestjoni tal-Informazzjoni Ġeospazjali Globali (UN-GGIM, Global Geospatial Information Management) u l-Grupp dwar l-Osservazzjonijiet tad-Dinja.
(39)  Ara l-Inizjattiva Valutazzjoni tal-Impatt Inizjali ta’ Fluss Ħieles tad-Dejta
(40)  Ara t-taqsima 2 u n-nota f'qiegħ il-paġna 8
(41)      Qafas ta’ Manutenzjoni u Implimentazzjoni (MIF) ta’ INSPIRE
Top