EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016DC0244

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL L-Implimentazzjoni tal-impenji tal-politika tal-UE dwar is-sigurtà alimentari u n-nutrizzjoni: It-Tieni Rapport Biennali

COM/2016/0244 final

Brussell, 6.6.2016

COM(2016) 244 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

L-Implimentazzjoni tal-impenji tal-politika tal-UE dwar is-sigurtà alimentari u n-nutrizzjoni:
It-Tieni Rapport Biennali

{SWD(2016) 155 final}


1. INTRODUZZJONI

Dan huwa t-tieni rapport 1 dwar il-progress lejn il-kisba tal-għanijiet tal-“qafas ta’ politika tal-UE biex jgħin lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw jindirizzaw l-isfidi fil-qasam tas-sigurtà alimentari”, li ġie adottat fl-2010 2 . Minn dak iż-żmien 'l hawn, ittieħdu iktar impenji ta' politika tal-iżvilupp tal-UE biex jiġu rinforzati prijoritajiet stabbiliti fl-2010; Pjan ta’ Implimentazzjoni 3 ġie ppreżentat u diskuss fil-Kunsill f’April 2013, li talab li l-Kummissjoni Ewropea tistabbilixxi, flimkien mal-Istati Membri, rapporti ta’ progress biennali kkonsolidati mal-UE kollha mill-2014 ’il quddiem.

Għalhekk, f'konformità mal-Artikolu 210(2) TFUE 4 , dan it-tieni rapport huwa kkoordinat mill-Kummissjoni b'kontributi mill-Istati Membri li ġejjin: L-Awstrija, il-Belġju, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, l-Irlanda, l-Italja, in-Netherlands, Spanja u r-Renju Unit. Dan ir-rapport jiddeskrivi kif l-UE u l-Istati Membri tagħha qed iwettqu l-prijoritajiet politiċi għas-sigurtà alimentari u nutrizzjonali, miftiehma fl-2013. Ir-rapport huwa akkumpanjat minn Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, li jipprovdi informazzjoni dwar il-metodoloġija u studji ta’ każijiet dettaljati.

2. ŻVILUPPI TA’ POLITIKA GLOBALI U EWROPEJ

Qed isir progress sostanzjali fit-titjib tas-sigurtà globali alimentari. L-Indiċi Globali tal-Ġuħ juri li l-livell ta’ ġuħ fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw naqas b’ 27 % mis-sena 2000. Madankollu, l-għadd totali ta’ nies vittmi ta’ malnutrizzjoni kronika huwa ta' 795 miljun. It-tibdil fil-klima, l-użu eċċessiv tar-riżorsi naturali, ir-riskji tal-mard, il-volatilità/l-inflazzjoni tal-prezzijiet tal-ikel, id-dieti li jinbidlu u l-konflitti armati jibqgħu jkunu riskji sinifikanti għas-sigurtà alimentari u nutrizzjonali, b'konfluwenza ta' avvenimenti li joħolqu u/jew jirriskjaw xenarji ta’ kriżi fil-livelli nazzjonali, reġjonali u dak globali. Barra minn hekk, kien hemm żieda sostanzjali ta' inugwaljanza soċjoekonomika fil-pajjiżi, u dan iħalli impatt fuq is-sigurtà alimentari u nutrizzjonali.

F’dan l-isfond, fl-2014/2015 kien hemm għadd sinifikanti ta’ ftehimiet internazzjonali u impenji li żammew l-ispinta globali u r-rieda politika għas-sigurtà alimentari u nutrizzjonali, u li fiha l-UE u l-Istati Membri tagħha kellhom rwol ewlieni. Fuq kollox, li neqirdu l-ġuħ saret it-tieni għan fi ħdan l-Aġenda 2030 “Nittrasformaw id-dinja tagħna” 5 . L-UE appoġġat b’mod attiv il-Kumitat dwar is-Sigurtà Alimentari Dinjija, inkluża l-approvazzjoni tal-Prinċipji għal Investiment Agrikolu Responsabbli 6 .

Barra minn hekk, il-mexxejja tal-G7 impenjaw ruħhom fl-2015 biex jgħinu sabiex 500 miljun persuna ma tibqax tbati l-ġuħ u l-malnutrizzjoni sal-2030. Il-G20 adotta fit-tul Qafas dwar is-Sigurtà Alimentari u n-Nutrizzjoni fl-2014, segwit minn Pjan ta’ Azzjoni fl-2015 7 . Dawn l-azzjonijiet huma bbażati fuq l-Aġenda ta’ Azzjoni ta’ Addis Ababa 8 , fejn ġie affermat impenn politiku biex jgħin jiffinanzja l-iżvilupp sostenibbli permezz ta’ sorsi innovattivi.

F’Diċembru 2015, il-partijiet għall-Konvenzjoni Qafas tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima ffirmaw il-Ftehim ta’ Pariġi sabiex titwitta triq ambizzjuża ġdida tal-isforz globali biex jiġi ttrattat it-tibdil fil-klima. Dan għandu implikazzjonijiet sinifikanti fuq is-sigurtà alimentari u nutrizzjonali. Diversi avvenimenti ffukati fuq is-sigurtà alimentari globali saru matul l-EXPO ta' Milan 2015 ospitata mill-Italja.

Id-donaturi rrikonoxxew l-importanza tal-investiment risponsabbli tas-settur privat fl-agrikoltura, inklużi s-sajd u l-akkwakultura sostenibbli u li s-settur agrikolu, b’mod partikolari, huwa forza ewlenija għat-tkabbir inklussiv u l-ħolqien tal-impjiegi f’żoni rurali.

Id-donaturi tal-UE jirrikonoxxu b’mod universali r-rwol kritiku tan-nisa fl-agrikoltura u fis-sigurtà alimentari u nutrizzjonali. Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi 2016–2020 9 jorbot lill-UE u l-Istati Membri tagħha biex jiżguraw li d-drittijiet ekonomiċi u soċjali tal-bniet u tan-nisa jkunu ssodisfati u li jkunu jistgħu jipparteċipaw b’mod ġust u attiv fl-ekonomija.

L-għajxien agrikolu u s-sigurtà alimentari u nutrizzjonali huma fatturi sinifikanti li jaffettwaw l-istabbiltà politika, is-sigurtà u l-migrazzjoni. Il-“Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza tal-UE għall-istabbiltà u li jindrizza l-għeruq ta' dak li jikkawża l-migrazzjoni irregolari fl-Afrika” u li jammonta għal EUR 1,9 biljun 10  se jgħin biex joħloq l-opportunitajiet ta' xogħol, l-iktar għaż-żgħażagħ u nisa f'żoni rurali Dan għandu wkoll jibni r-reżiljenza għas-sigurtà alimentari u nutrizzjonali, biex b’hekk jgħin sabiex jiġu indirizzati l-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni.

Il-Kummissjoni hija impenjata lejn ekonomija bbażata fuq l-għarfien u tirrikonoxxi r-rwol essenzjali tar-riċerka u l-innovazzjoni fis-sigurtà alimentari u nutrizzjonali. Fl-2014, fi ħdan il-qafas tas-Sħubija tal-Afrika-UE, il-Kapijiet tal-Istati tal-UE u Afrikani approvaw Sħubija għar-Riċerka u l-Innovazzjoni bejn l-UE u l-Afrika 11 , ffinanzjata b'mod konġunt li tidentifika s-sigurtà alimentari u nutrizzjonali u l-agrikoltura sostenibbli bħala l-prijorità ewlenija.

Konsegwentement, il-qafas tal-politika tal-UE jibqa’ ferm rilevanti. Kif dan ir-rapport jispjega, l-UE u l-Istati Membri tagħha żammew impenn qawwi u xi wħud minnhom, żiedu b’mod sinifikanti l-appoġġ tagħhom 12 .

3. IR-RAPPORTAR U L-PROGRESS

Din it-taqsima tagħti rendikont dwar l-iżborżi għas-sigurtà alimentari u nutrizzjonali u l-progress lejn il-kriterja ta' prestazzjoni ta' prijorità tal-politika mill-ewwel rapport fl-2014.

Żborżi

Meta mqabbla mal-ewwel rapport, in-nefqa tal-UE u tal-Istati Membri tagħha fuq is-sigurtà alimentari u nutrizzjonali żdiedet b’ 9 %, minn EUR 3,365 miljun għal EUR 3,659 miljun 13 , li tirrappreżenta 8 % tat-total ta’ għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp (ODA) 14 .

Dawn l-iżborżi mill-UE u l-Istati Membri tagħha jirriflettu firxa wiesgħa ta’ appoġġ għall-prijoritajiet ewlenin fil-livelli globali, reġjonali u nazzjonali biex tinkiseb is-sigurtà alimentari u nutrizzjonali. L-interventi fil-livell tal-pajjiż jirrappreżentaw żewġ terzi tal-investiment totali. Fl-2014, 25 % tal-għajnuna ġiet żborżata f’livell globali, 9 % fil-livell reġjonali u 66 % fil-livell nazzjonali.

It-Tabella 1 turi li l-Afrika tibqa’ l-ikbar benefiċjarju għas-sigurtà alimentari u nutrizzjonali tal-UE u tal-Istati Membri tagħha b’ 45 % tal-ODA, jew EUR 1,663 miljun. B’mod ġenerali, il-firxa ġeografika ta’ investiment tibqa’ pjuttost simili għall-2012.

Tabella 1. Distribuzzjoni ġeografika ta’ żborżi ta’ għajnuna fl-2012 u l-2014 għal kull kontinent

 Il-kontinent

2012
(f'miljuni ta' EUR)

2012

(%)

2014
(f'miljuni ta' EUR)

2014 ( %)

L-Afrika — sub-Saħarjana

1,439

43 %

1,663

45 %

Globali

958

28 %

899

25 %

Asja

593

18 %

539

15 %

L-Amerika Latina u l-Karibew

231

7 %

225

6 %

Pajjiżi tal-viċinat

88

3 %

231

6 %

Oħrajn 15

56

2 %

102

3 %

Total

3,366

100 %

3,659

100 %

Dan minkejja li bosta Stati Membri qed jesperjenzaw pressjoni ġenerali 'l isfel fuq l-iżborżi tal-ODA. Dan l-investiment sostanzjali kontinwu, flimkien ma’ politiki u programmi ġodda, jirrifletti l-impenn tal-UE u tal-Istati Membri tagħha biex iwettqu l-politika tas-sigurtà alimentari u nutrizzjonali.

Il-progress lejn il-prijoritajiet ta' politika u l-kriterji ta' prestazzjoni

Tabella 2. Il-progress skont il-kriterji ta’ prestazzjoni

Prijoritajiet ta' politika

Għadd ta' programmi

Appoġġ riċevut
(f'miljuni ta' EUR)

Għadd ta’ pajjiżi

Sena

2012

2014

2012

2014

2012

2014

1. Titjib għar-reżiljenza u l-għajxien tal-bdiewa ż-żgħar

1,560

1,822

2,022

60 %

2,137

58 %

108

103

li minnhom programmi ta’ riċerka

149

154

379

300

2. Appoġġ għal governanza effettiva

410

588

395

12 %

535

15 %

84

92

3. Appoġġ għall-agrikoltura reġjonali u s-sigurtà alimentari u nutrizzjonali

98

188

151

4 %

191

5 %

4. Tisħiħ tal-mekkaniżmi ta' protezzjoni soċjali għas-sigurtà alimentari u nutrizzjonali

94

102

209

6 %

133

4 %

40

40

5. Titjib tan-nutrizzjoni

278

341

467

14 %

504

14 %

63

64

6. Tisħiħ tal-koordinazzjoni ta’ atturi umanitarji u ta’ żvilupp biex iżidu r-reżiljenza

63

148

122

4 %

159

4 %

18

37

Total

2,503

3,343

3,366

3,659

 

 

It-Tabella 2 turi l-iżborżi u l-għadd ta’ programmi li jirċievu finanzjament għal prijoritajiet politiċi. Il-finanzjament allokat lejn il-prijorità ta’ politika 1, li rċevew 60 % tal-finanzjament, baqgħet l-istess, iżda kien hemm żieda kbira fl-għadd ta’ programmi. L-għadd ta’ programmi u żborżi taħt il-prijorità ta’ politika 6 żdied b’mod sinifikanti. B’mod ġenerali, ir-riżultati juru progress regolari u sostnut fost il-kriterji kollha.

Il-prijorità ta’ politika 1 hija l-punt fokali ewlieni tal-UE u l-Istati Membri tagħha. Din tinkludi miżuri li jappoġġaw il-bdiewa żgħar b’intensifikazzjoni sostenibbli, itejbu l-provvista ta’ servizzi, jippromwovu r-riċerka u l-innovazzjoni favur il-foqra, jipprovdu opportunitajiet għal impjiegi barra l-irziezet u biex tinħoloq rabta bejn bdiewa żgħar fis-suq billi jiżviluppaw il-katina tal-valur. L-Ewropa baqgħet sostenitur ewlieni tar-riċerka u l-innovazzjoni, inkluż fir-rigward tal-Grupp Konsultattiv dwar ir-Riċerka Agrikola Internazzjonali (CGIAR) (EUR 169 miljun), u kienet donatur bilaterali importanti (EUR 69 miljun) għall-istituzzjonijiet tas-CGIAR. L-Inizjattiva Ewropea għar-Riċerka Agrikola u l-Iżvilupp tibqa’ pjattaforma effettiva għall-koordinazzjoni tad-donaturi u tipprovdi lil Ewropa b’vuċi qawwija fir-riforma CGIAR.

Kaxxa tat-test 1: Riċerka Agrikola Integrata għall-Iżvilupp (IAR4D)

Il-Programm tal-Isfida tal-Afrika sub-Saħarjana mmexxi mill-Forum għar-Riċerka Agrikola fl-Afrika u appoġġat mill-UE u minn diversi Stati Membri wera li l-IAR4D hija approċċ tajjeb u effettiv għar-riċerka agrikola b’reazzjoni għall-ħtiġijiet tal-bdiewa. Il-persuni li qed jieħdu sehem fi pjattaformi ta’ innovazzjoni IAR4D laħqu medja ta’ dħul ta’ EUR 99 fis-sena, 231 % ogħla mil-linja bażi ta’ EUR 44 fis-sena.

Taħt il-prijorità ta’ politika 2, l-UE u l-Istati Membri tagħha kienu attivi fl-appoġġ tal-politiki fil-livell reġjonali u nazzjonali. Fuq il-livell Pan-Afrikan, huma komplew jappoġġaw b’mod sostanzjali l-proċess tal-Programm Komprensiv għall-Iżvilupp Agrikolu tal-Afrika. Barra minn hekk, l-UE u diversi Stati Membri taw appoġġ għal proċessi ta’ deċentralizzazzjoni, li huma kruċjali għat-trasformazzjoni rurali, u appoġġaw l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida Volontarji dwar il-Governanza Responsabbli tal-Pussess tal-Art, is-Sajd u l-Foresti.

L-UE u l-Istati Membri tagħha komplew jiżguraw il-Koerenza tal-Politika għall-Iżvilupp fil-qasam tas-sigurtà alimentari u nutrizzjonali. Ir-rapport tal-UE tal-2015 dwar il-Koerenza Politika għall-Iżvilupp 16 jiskrutinizza l-inizjattivi tal-politika agrikola u tas-sajd tal-UE u l-Istati Membri tagħha biex jidentifika l-impatt tagħhom fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw u jiġbor fil-qosor il-progress kontinwu li sar mill-2013.

Il-Prijorità ta’ Politika 3 rat appoġġ kontinwu għal programmi reġjonali fl-indirizzar ta’ kummerċ, miżuri sanitarji u fitosanitarji u kooperazzjoni reġjonali għas-sigurtà tal-alimentazzjoni u governanza tas-sajd, bi ftit żieda fil-finanzjament u kważi rdoppja l-għadd ta’ programmi.

Il-Prijorità ta’ Politika 4 rat tnaqqis fl-iżborżi minn EUR 209 miljun għal EUR 133 miljun. Madankollu, 102 programmi ta’ protezzjoni soċjali, 8 aktar milli fl-aħħar rapport, għadhom qed jiġu implimentati madwar 40 pajjiż.

Taħt il-prijorità ta’ politika 5, l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom portafolli sostanzjali,bi 341 programm f’ 64 pajjiż. Il-progress f’dan il-qasam ta’ prijorità huwa kopert f’Taqsima 5.

Il-Prijorità ta’ Politika 6 rat aktar enfasi ħafna akbar fuq programmi li jippromwovu r-reżiljenza li qed jiġu implimentati  fis-Saħel u fil-Qarn tal-Afrika bl-għan li jiffaċilitaw l-aġendi ta’ reżiljenza tal-pajjiżi u l-organizzazzjonijiet reġjonali. Fl-Afrika tal-Punent, l-UE u l-Istati Membri tagħha huma involuti b’mod qawwi fl-indirizzar tal-kawżi sottostanti tal-kriżijiet tal-ikel permezz ta’ ħidmiethom fi ħdan l-Alleanza Globali tal-UE għall-Inizjattiva tar-Reżiljenza (AGIR) u l-Klabb tas-Saħel. Barra minn hekk, fit-42 sessjoni tiegħu, il-Kumitat dwar is-Sigurtà Alimentari Dinjija approva “Qafas għal Azzjoni dwar is-Sigurtà Alimentari u n-Nutrizzjoni fi Kriżijiet Imtawla 17 ”.

Koordinazzjoni, Komplementarjetà u Koerenza (3Ks)

Il-Koordinazzjoni għad għandha rwol importanti fl-iżgurar li l-għajnuna tal-UE u tal-Istati Membri tagħha hija effettiva fuq livell ta’ pajjiż, għaliex f’45 pajjiż qed jingħata appoġġ minn ħames donaturi jew aktar. L-għadd ta’ proġetti li ġew irrapportati żdied b’mod sinifikanti minn 2,503 fl-2012 għal 3,343 fl-2014. B’kollox, 109 pajjiż huma appoġġjati. Ħamsa u tletin pajjiż jirċievu kważi 80 % tal-finanzjament.

L-UE u l-Istati Membri tagħha huma impenjati għal approċċ skont il-pajjiżi għall-iżvilupp u jallinjaw l-istrateġiji u l-pjanijiet ta’ investiment tagħhom ma’ dawk tal-pajjiżi sħab. L-Istati Membri u l-UE huma involuti b’mod attiv fil-koordinazzjoni tas-settur u d-djalogi. Hemm ħafna eżempji ta’ kif l-UE u l-Istati Membri tagħha jikkofinanzjaw il-programmi u jwettqu ħidma konġunta fuq l-analiżi, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni. Fuq il-livell Pan-Afrikan, l-UE u l-Istati Membri tagħha jipparteċipaw fit-Tim Operattiv tas-Sħab għall-Iżvilupp tal-Programm Komprensiv ta’ Żvilupp Agrikolu Afrikan, flimkien mal-Ġermanja li fl-2016 tieħu f’idejha l-Presidenza mill-Kummissjoni.

Il-programmazzjoni konġunta kibret mis-sena 2014, b' 14-il pajjiż li għandhom Strateġija Konġunta ġdida. L-Etjopja hija eżempju ewlieni fil-kuntest ta’ analiżi konġunta u pprogrammar konġunt fejn l-UE u l-Istati Membri tagħha qed jiksbu riżultati sinifikanti flimkien.

Kaxxa tat-test 2: Il-programmazzjoni konġunta tal-UE fis-settur tan-nutrizzjoni fl-Etjopja

Fil-bidu tal-2013, l-UE u l-20 Stat Membru tal-UE rrappreżentati fl-Etjopja u n-Norveġja (UE+) approvaw l-Istrateġija ta’ Kooperazzjoni Konġunta UE+ għall-Etjopja. L-għan ta’ din l-istrateġija kien li jiġi żgurat rispons koerenti u koeżiv għall-isfidi fl-iżvilupp tal-Etjopja, biex jiġi allinjat aħjar l-appoġġ għal-politiki dwar in-nutrizzjoni tal-Gvern Etjopan, jitjiebu l-armonizzazzjoni, l-approċċ ibbażat fuq ir-riżultati, il-prevedibbiltà u t-trasparenza, filwaqt li tiġi evitata d-duplikazzjoni jew l-interventi frammentati.

L-UE waqqfet grupp ewlieni ta’ seba’ Stati Membri biex jindirizzaw il-kwistjoni ta’ nuqqas ta’ nutrizzjoni. Il-grupp stabbilixxa pjan direzzjonali, iffinalizza eżerċizzju ta’ mmappjar ta’ interventi ta’ nutrizzjoni, ikkummissjona u wettaq “Analiżi tas-Sitwazzjoni tas-Settur tan-Nutrizzjoni fl-Etjopja 2000–2015” (SITAN) u żviluppa l-istrateġija UE+ dwar in-nutrizzjoni. Il-konstatazzjonijiet ta' SITAN intużaw mill-imsieħba kollha fl-iżvilupp.

Dan huwa eżempju eċċellenti ta’ kif l-Istrateġija ta’ Kooperazzjoni Konġunta UE+ ġiet armonizzata biex tappoġġa l-politika dwar in-nutrizzjoni u l-ippjanar tal-Etjopja. Permezz tal-istrateġija, l-Istati Membri jitkellmu b’vuċi waħda meta juri azzjoni dwar l-impenji rigward l-effikaċja tal-għajnuna.

4. RAPPURTAR TAR-RIŻULTATI

Osservazzjoni sinifikanti mill-Kunsill fir-rigward tal-ewwel rapport biennali 18 kienet “l-importanza tal-iżvilupp u l-armonizzazzjoni ta’ miżuri sabiex isegwu l-progress fuq l-impenji dwar is-sigurtà alimentari u nutrizzjonali.

Ir-Renju Unit, in-Netherlands, Franza u l-Kummissjoni 19 kienu kapaċi jipprovdu dejta aggregata mill-programmi kollha tagħhom (Tabella 4). Madankollu, jintużaw metodoloġiji differenti, li tagħmilha diffiċli biex jitqabblu u jiġu aggregati r-riżultati.

Hemm ukoll ħafna eżempji ta' riżultati li jiġu rrappurtati għal programmi u interventi speċifiċi. It-Tabella 5 tippreżenta tlieta minn dawn.

Dawn it-tabelli juru wkoll it-tip ta’ qisien li jistgħu jintużaw biex jittejjeb il-mod li bih jiġu rrappurtati r-riżultati.

Tabella 4: Rappurtar korporattiv tar-riżultati

ir-Renju Unit

3,500,000 ruħ kisbu s-sigurtà tal-ikel, inklużi 1,800,000 mara;

Programmi ta’ nutrizzjoni laħqu 28,500,000 tifel u tifla taħt il-5 snin, nisa li qed ireddgħu u tqal;

Id-drittijiet tal-art tjiebu għal 5,800,000 persuna.

In-Netherlands

8,000,000 persuna nieqsa mill-ikel sustanzjuż milħuqa madwar id-dinja;

4,500,000 bdiewa fuq skala żgħira tejbu l-produzzjoni u l-aċċess għas-swieq;

Id-drittijiet garantiti għal 1, 400, 000 ettari ta’ art madwar id-dinja b’nofs iċ-ċertifikati ta' proprjetà maħruġa lin-nisa.

Kummissjoni

4,544,000 mara u tfal, ibbenefikaw minn programmi marbuta man-nutrizzjoni;

51,000 ruħ għandhom pussess sigur tal-art;

528,000 persuna rċiviet servizzi ta’ konsulenza:

2,883,000 ettaru ta’ ekosistemi agrikoli u pastorali bi prattiki ta’ ġestjoni tal-art imtejba;

988,000 persuna bi problema ta’ sigurtà alimentari rċevew għajnuna permezz ta’ trasferimenti soċjali.

Franza

800,000 farm tal-familji bbenefikaw minn proġetti fl-Afrika sub-Saħarjana.

Tabella 5: Rappurtar tar-riżultati — eżempji speċifiċi ta’ interventi

L-Awstrija

Fl-Armenja, 1,400 bidwi żgħir kienu marbuta ma’ attivitajiet kooperattivi, li jwassal biex jiġu stabbiliti negozji tal-ipproċessar fuq skala żgħira u żieda ta’ 33 % fl-għadd tan-nisa fil-bordijiet kooperattivi.

L-Irlanda

Fil-Malawi,’il fuq minn 13,000,000 pjanta ta’ patata ħelwa b'ġilda oranġjo inbiegħu lil 44,200 dar b'multiplikaturi individwali li jaqilgħu medja ta' EUR 118 mill-bejgħ ta' dwieli. L-introjtu reali domestiku aktar milli rdoppja minn EUR 199 fl-2010 għal EUR 384 fl-2014. L-interventi għenu wkoll biex titnaqqas ilmalnutrizzjoni minn medja ta’ 47 % fl-2010 għal 42 % fl-2014.

Spanja

Fi programm ta’ nutrizzjoni fil-Mali, 56,000 tifel u tifla rċievew supplimenti ta’ vitamina A u t-terapija antielmintika, 520 mara kienu appoġġati b’agrikoltura sensittiva għan-nutrizzjoni u 12-il villaġġ kienu pprovduti b’ilma li jiffunzjona.

L-UE u l-Istati Membri tagħha huma konxji sew mill-bżonn li jittejjeb il-mod li bih jiġu rrappurtati r-riżultati u qed jaħdmu biex isaħħu l-kapaċitajiet u s-sistemi għall-ġenerazzjoni tad-dejta li juru riżultati minn ħdan il-programmi tagħhom u ma’ istituzzjonijiet sħab. Madankollu, id-donaturi kollha nnotaw l-isfidi ta' riżultati ta' dejta aggregati u sintetizzati madwar portafoll ta' interventi diversi u kumplessi. Jeħtieġ aktar kollaborazzjoni bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha, biex jiġi rfinat il-qafas ta’ rapportar sod u realistiku.

5. ENFASI TEMATIKA

Kif mitlub mill-Kunsill, dan ir-rapport jeżamina żewġ temi aktar fil-fond — in-nutrizzjoni mtejba u sistemi u katini agroalimentari inklusivi.

Nutrizzjoni mtejba

Li tiġi żgurata aħjar il-produzzjoni tal-ikel u d-disponibbiltà waħedha mhix biżżejjed: din għandha timxi id f’id mal-iżgurar ta’ aċċess għal, u konsum ta’ ikel affordabbli, sikur u sustanzjuż. In-nuqqas ta’ nutrizzjoni huwa l-kawża prinċipali tal-mewt ta’ aktar minn 3,1 miljun tifel u tifla kull sena. Aktar minn 159 miljun tifel u tifla ġew irrappurtati li waqqfu jiżviluppaw fl-2015.

L-inizjattiva tal-2013 Nutrizzjoni għat-Tkabbir matul il-Presidenza tar-Renju Unit tal-G8 wasslet għal attenzjoni akbar fuq in-nutrizzjoni u rriżultat f’impenji għal investiment akbar. L-importanza tan-nutrizzjoni ġiet imsaħħa permezz tad-Dikjarazzjoni ta' Ruma dwar in-Nutrizzjoni maqbula fit-Tieni Konferenza Internazzjonali tal-2014 dwar in-Nutrizzjoni, u permezz tal-Qafas għas-Sigurtà tal-Ikel u n-Nutrizzjoni tal-G20 tal-2014. Sussegwentement, li jintemm il-ġuħ saret it-tieni mill-għanijiet sostenibbli tal-NU għall-iżvilupp bil-mira li jintemmu l-forom kollha ta' malnutrizzjoni sal-2030.

L-Istati Membri u l-UE kienu minn ta’ quddiem fil-promozzjoni u l-finanzjament tal-aġenda globali għal nutrizzjoni mtejba. L-UE impenjat lilha nnifisha biex tgħin lill-pajjiżi sħab biex inaqqsu n-nuqqas ta’ żvilupp b’ 7 miljun tifel u tifla sal-2025 u allokat EUR 3,5 biljun fuq il-perjodu 2014–2020 biex jintlaħaq dan l-għan ambizzjuż. Il-Gvern tar-Renju Unit ikkommetta ruħu li sal-2020 itejjeb in-nutrizzjoni ta' 50 miljun ruħ li kieku jbatu l-ġuħ u li jieħu miżuri, flimkien mal-firmatarji kollha tan-Nutrizzjoni għat-Tkabbir, biex jipprevjenu 20 miljun tifel u tifla milli jiefqu jiżviluppaw sal-2020.

Fl-2014, il-Gvern Ġermaniż iddikjara s-sigurtà tal-ikel u n-nutrizzjoni bħala prijoritajiet ewlenin u nieda inizjattiva speċjali “Dinja Waħda — L-Ebda Ġuħ”. In-Netherlands poġġiet il-qerda tal-ġuħ u l-malnutrizzjoni eżistenti bħala l-ewwel waħda mit-tliet prijoritajiet tal-politika tagħha dwar is-sigurtà alimentari u nutrizzjonali 20 u intensifikat ix-xogħol tagħha dwar in-nutrizzjoni. L-Irlanda identifikat l-indirizzar tan-nutrizzjoni materna u tat-tfal bħala prijorità fir-Rapport tal-2008 tat-Task Force dwar il-Ġuħ u qed tissokta bl-impenji li għamlet fl-2013 biex tirdoppja l-investiment tan-nutrizzjoni tal-Irish Aid sal-2020.

L-UE u l-Istati Membri tagħha qegħdin isegwu approċċ multisettorjali għall-indirizzar tan-nuqqas ta' nutrizzjoni, li jinkludi ħidma biex ikun żgurat li l-agrikoltura tikkontribwixxi dejjem iżjed biex tittejjeb in-nutrizzjoni.

Kaxxa tat-test 3. L-integrazzjoni ta' edukazzjoni agrikola u nutrittiva għal nutrizzjoni aħjar ta' tfal żgħar.

L-interventi fis-sigurta alimentari u l-edukazzjoni nutrittiva partiċipatorja jtejbu bil-kbir id-dieta tat-tfal u jista’ jkollhom impatt fuq twaqqif tal-iżvilupp. L-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-NU, finanzjarjament appoġġata mill-Belġju, l-UE u l-Ġermanja, wettqet proġetti fil-Malawi u l-Kambodja li tejbu s-sigurtà tal-ikel, id-dieta u l-istatus nutrizzjonali ta’ 49,500 familja vulnerabbli u 11,100 tifel u tifla żgħar fl-eta ta’ bejn 6 xhur-23 xahar. Dan l-approċċ laqqa' flimkien id-diversità tas-sistemi agrikoli u alimentari lokali u l-forniment ta' edukazzjoni alimentari rigward prattiki ta' nutrizzjoni tat-trabi u tfal żgħar u rriżulta fi programmi ta' lezzjonijiet.

L-Istati Membri qegħdin jagħmlu progress tajjeb fl-appoġġ ta’ programmi dwar in-nutrizzjoni f’pajjiżi sħab. Spanja u l-Belġju qed jappoġġaw programmi ta’ nutrizzjoni fil-Mali. In-Netherlands, ir-Renju Unit, Franza, il-Ġermanja, l-Irlanda u l-UE qed jappoġġaw b’mod attiv il-moviment Inżidu n-Nutrizzjoni (SUN) u qed iwettqu l-investimenti tagħhom fin-nutrizzjoni b'mod pubblikament viżibbli permezz tal-moviment Sun u r-Rapport Globali dwar in-Nutrizzjoni.

Il-Kummissjoni żviluppat qafas ta’ politika b’saħħtu 21 u Pjan ta’Azzjoni dwar in-Nutrizzjoni 22 madwar l-impenn tagħha tal-2012 biex tindirizza n-nuqqas ta’ żvilupp u l-impenn tagħha tal-2013 biex tittejjeb in-nutrizzjoni. Mit-tnedija tal-pjan, 40 delegazzjoni tal-UE identifikaw in-nutrizzjoni bħala objettiv fl-appoġġ tagħhom lill-pajjiżi sħab permezz ta’ firxa ta’ setturi fokali, notevolment l-iżvilupp agrikolu/rurali u s-saħħa.

L-UE u l-Istati Membri tagħha jagħrfu li ż-żieda tal-obeżità, inkluż f’pajjiżi li qed jiżviluppaw, qed toħloq piż doppju għall-pajjiżi kkonċernati..

Katini u sistemi agroalimentari inklużivi

L-UE u l-Istati Membri tagħha jirrikonoxxu li s-sigurtà alimentari u nutrizzjonali inadegwati huma kkawżati l-iktar mill-faqar u għalhekk li jitjieb l-aċċess għall-ikel permezz ta’ żieda fl-introjtu hija prijorità politika. Kif ġie nnutat, pereżempju mir-Renju Unit, ħafna mis-soluzzjoni għall-ġuħ tiddependi għalhekk fuq it-tkabbir ekonomiku inklużiv, b’mod partikolari fis-settur tal-agrikoltura. Dan jallinja mad-Dikjarazzjoni Malabo tal-Unjoni Afrikana fejn it-tkabbir agrikolu u t-trasformazzjoni huwa rikonoxxut bħala vitali biex jinkisbu s-sigurtà alimentari u nutrizzjonali u l-prosperità rurali.

Kaxxa tat-test 4: Negozju sostenibbli tal-kawkaw u l-Programm Cocoa-Food Link

Fl-Afrika tal-Punent, fejn il-kawkaw huwa sors ta’ introjtu għal 3 miljuni ta’ familji ta' bdiewa żgħar, l-UE u l-Ġermanja waqqfu flimkien il-Programm SSAB (Sustainable Smallholder Agri-Business Cocoa-Food Link Programme). Huma bdew Skola tan-Negozju tal-Bdiewa biex jiżviluppaw il-ħiliet tal-bdiewa dwar in-negozju u stabbilixxew ċentri tas-servizzi kummerċjali biex jgħinu lill-bdiewa u lil proprjetarji żgħar biex ikollhom aċċess għal konsulenza teknika, informazzjoni dwar is-suq u mikrofinanzjament. 17,000 bidwi li ggradwaw minn Skola tan-Negozju tal-Bdiewa, b’ 90 % li żiedu l-produzzjoni tal-kawkaw tagħhom b’iktar minn 33 %.

Il-Ġermanja tindirizza l-katini u s-sistemi agroalimentari inklusivi b'manjiera olistika permezz ta' erbgħa minn sitt prijoritajiet fl-inizjattiva speċjali tagħha "Dinja Waħda - L-Ebda Ġuħ." Franza għamlet ir-rata ta' impjieg għolja u l-ktajjen tal-valur tal-agrikoltura sostenibli oqsma ta' prijorità għall-intervenzjoni fl-Akrika Sub-Saħarjana. Għan-Netherlands, il-promozzjoni ta' tkabbir inklussiv u sostenibbli fis-settur agrikolu hija t-tieni prijorità fil-politika tagħha dwar is-sigurtà alimentari u nutrizzjonali. L-Irlanda inkludiet il-funzjonament aħjar ta' sistemi u ta' swieq alimentari reżiljenti għall-klima bħala wieħed mill-għaxar riżultati ta' livell għoli tagħha u bosta Stati Membri qed jappoġġaw l-iżvilupp ta' sħubijiet bejn is-setturi agroalimentari fil-pajjiż ta' oriġini tagħhom u fl-Afrika. Fl-2015, l-UE nediet l-Inizjattiva għall-Finanzjament tal-Agrikoltura, li twieġeb għan-nuqqas ta’ mekkaniżmi ta’ finanzjament adattati għall-bdiewa u l-intraprendituri agrikoli.

B’1,822 programm taħt il-prijorità ta’ politika 1, l-UE u l-Istati Membri donaturi tagħha għandhom portafolli sostanzjali fl-attivitajiet tal-ktajjen ta’ valur agroalimentari.

Kaxxa tat-test 5: Inizjattiva għal Kummerċ Sostenibbli (IDH — Initiatief Duurzame Handel)

L-IDH taċċellera ż-żjieda ta’ kummerċ sostenibbli billi tibni koalizzjonijiet ta’ kumpaniji pijuniera, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, gvernijiet u partijiet ikkonċernati oħra. Sa tmiem l-2013, IDH żiedet EUR 56 miljun ta’ finanzjament mis-settur privat. L-IDH b'mod ċar qed ikollha impatt. Pereżempju, il-bdiewa tat-te fuq skala żgħira tar-Rainforest Alliance fil-Kenja imħarrġa permezz ta’ interventi tal-IDH żiedu l-produzzjoni tagħhom b’medja ta’ 30 %.

6. KONKLUŻJONIJIET ĠENERALI U RAKKOMANDAZZJONIJIET

Dan ir-rapport juri li l-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE qed tagħmel kontribut sostanzjali għas-sigurtà globali alimentari u nutrizzjonali permezz ta’ EUR 3,7 biljun f’investimenti. L-UE u l-Istati Membri tagħha kienu strumentali biex jinfluwenzaw qbil globali importanti u impenji, u permezz ta' programmar tas-sigurtà alimentari u nutrizzjonali tagħhom issa jinsabu f'pożizzjoni aħjar biex jappoġġaw l-implimentazzjoni tagħhom. Dan ir-rapport jindika allinjament sinifikanti mal-qafas ta’ politika tal-UE. L-UE u l-Istati Membri tagħha ġeddew l-impenji ta’ politika għas-sigurtà alimentari u nutrizzjonali u f’għadd ta’ każijiet tejbu sostanzjalment l-iffokar u l-finanzjament tagħhom.

Rakkomandazzjonijiet għat-triq ’il quddiem

1.Iż-żamma tas-sigurtà alimentari u nutrizzjonali fuq quddiem fl-aġenda politika globali u nazzjonali għall-appoġġ tal-implimentazzjoni tal-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli. Is-sigurtà alimentari u nutrizzjonali hija kwistjoni fit-tul li teħtieġ attenzjoni ta' politika u investimenti sostnuti. It-tfassil tal-politika u l-ipprogrammar għandu jkun ibbażat fuq approċċ ta' sistema tal-ikel u jikkonsidra r-rabtiet bejn in-nutrizzjoni, is-saħħa, il-ħolqien tal-impjiegi, it-tkabbir, il-produzzjoni sostenibbli u l-protezzjoni soċjali. Enfasi kontinwu huwa bżonnjuż fuq it-trasformazzjoni tar-rwol tan-nisa u fuq il-bini tar-reżiljenza ta’ komunitajiet vulnerabbli. L-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom bżonn jaħdmu b’mod proattiv ma' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, mas-settur privat u ma’ sħab oħrajn biex iżommu l-attenzjoni fuq/jippromwovu kwistjonijiet ekonomiċi u żviluppi sabiex jinkisbu investimenti kontinwi u riżultati dejjiema.

2.It-tisħiħ ta' approċċ multi-settorjali konġunt biex jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ nutrizzjoni. Sabiex tiżdied l-effettività tal-interventi ta’ nutrizzjoni, l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jagħtu iktar attenzjoni lill-koordinazzjoni meta jimpenjaw lilhom nfushom ma' gvernijiet sħab fi djalogu ta' politika biex jittejbu l-implimentazzjoni ta' inizjattivi ta' nutrizzjoni. Dan għandu jinvolvi li l-UE u lill-Istati Membri tagħha joħolqu tqassim aħjar tax-xogħol f’setturi differenti.

3.Jingħaqdu l-isforzi għall-appoġġ lil pajjiżi sħab biex jindirizzaw l-impatt tat-tibdil fil-klima, filwaqt li jiġu implimentati l-aħjar għażliet biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gass b’effett ta’ serra mill-biedja u ż-żoni rurali. L-UE u l-Istati Membri tagħha se jappoġġaw lil pajjiżi sħab biex ifasslu, jiffinanzjaw u jimplimentaw is-sigurtà alimentari u nutrizzjonali reżiljenti għall-klima u l-pjanijiet ta’ azzjoni f'konformità mal-Kontribut Determinat fil-Livell Nazzjonali fil-UNCC-COP 21. Se tingħata attenzjoni lil programmi li jipprovdu l-bdiewa tal-familja fuq skala żgħira b’diversi benefiċċji f’termini tas-sigurtà alimentari u nutrizzjonali u l-adattament u l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima.

4.Ir-rikonoxximent ta' trasformazzjoni rurali bħala proċess kritiku għall-ħolqien ta' impjiegi, żieda fl-introjtu u l-kisba tas-sigurtà alimentari u nutrizzjonali fuq żmien twil. L-UE u l-Istati Membri tagħha jirrikonoxxu l-importanza tat-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien ta’ impjiegi diċenti, b’mod partikolari għaż-żgħażagħ u n-nisa f’żoni rurali. Dan għandu rabtiet sinifikanti biex jiġu indirizzati l-inugwaljanza u l-migrazzjoni ekonomika, li huma fatturi sottostanti tan-nuqqas ta' sigurtà u ta' stabbiltà tal-ikel. Hija meħtieġa aktar ħidma biex jinħolqu l-kundizzjonijiet għal investiment u żvilupp ekonomiku fiż-żoni rurali, pereżempju permezz tad-deċentralizzazzjoni, approċċi territorjali, l-implimentazzjoni tal-politiki u titjib tal-infrastruttura.

5.It-titjib ta' mekkaniżmi biex jissaħħaħ l-involviment tas-settur privat responsabbli u biex wieħed jitgħallem minn mudelli ta’ negozju inklużivi. L-UE u l-Istati Membri tagħha qegħdin dejjem iktar jaħdmu fi sħubija mas-settur privat sabiex jgħinu biex tinħoloq bidla sinifikanti għall-bdiewa tal-familja fuq skala żgħira. Servizzi finanzjarji innovativi, inklussivi huma meħtieġa biex jagħmlu l-investimenti sostenibbli fattibbli għall-partijiet ikkonċernati lokali. Għad baqa’ ħafna xogħol xi jsir biex jinħolqu sħubijiet pubbliċi-privati effettivi li jiżguraw mekkaniżmi ta’ governanza li fihom l-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jkollhom vuċi, biex jiġu applikati l-prinċipji għal investiment agrikolu responsabbli u biex jiġu implimentati l-Linji Gwida Volontarji dwar il-Governanza Responsabbli tal-Pussess tal-Art, is-Sajd u l-Foresti. Hemm ukoll ħtieġa għal aktar tagħlim u skambju dwar l-effettività ta' approċċi ta' “negozju inklużiv” biex jiġi żgurat li l-bdiewa fuq skala żgħira jibbenefikaw minn ktajjen domestiċi, reġjonali u ta' valur globali.

6.Jiġi żgurat investiment kontinwu fir-riċerka u l-innovazzjoni u jiżied l-impatt tal-investiment. L-UE u l-Istati Membri tagħha jkomplu jiffukaw fuq l-effettività globali, reġjonali u speċjalment tas-sistemi nazzjonali tar-riċerka u l-innovazzjoni u jagħmlu investimenti li jsaħħaħhom. B’hekk, ikun hemm bżonn li jiġi mmobilizzat l-għarfien espert Ewropew u r-riżorsi ta’ riċerka u jissaħħu s-sħubijiet bejn l-istituzzjonijiet ta’ riċerka Ewropej u tan-Nofsinhar, inkluż permezz ta’ riċerka ffinanzjata b’mod konġunt tas-Sħubija UE-Afrika. Tinħtieġ aktar ħidma wkoll biex nifhmu aħjar ix-xejriet tal-futur dwar is-sigurtà alimentari u nutrizzjonali u riskji u risponsi possibbli għalihom.

7.It-tisħiħ tar-Rappurtar ta' riżultati. B'impenji ġodda ta' sigurtà alimentari u nutrizzjonali fis-seħħ, l-attenzjoni għandha tkun fuq implimentazzjoni effettiva u li jkollha impatt fuq fil-prattika. Dan imbagħad jeħtieġ titjieb sostanzjali fil-ġbir tad-dejta, fil-mekkaniżmi ta’ monitoraġġ u fil-valutazzjoni tal-impatt fuq il-livelli kollha. Madankollu, rapportar bħal dan huwa bla dubju kumpless u diffiċli. Il-Kummissjoni għandha l-għan li tikkoordina mal-Istati Membri tal-UE biex toħloq indikaturi komuni u tiżviluppa metodoloġiji li jfisser li r-riżultati rrappurtati jistgħu jiġu aggregati aktar faċilment f'livell Ewropew.

8.It-tisħiħ ta’ programmar konġunt. It-tkomplija tad-distribuzzjoni tal-appoġġ minn madwar 109 pajjiż, flimkien mal-ħtieġa ta’ approċċ ta' sistemi alimentari transsettorjali, ifissru li l-ipprogrammar konġunt huwa prijorità importanti, kemm għall-UE kif ukoll għall-Istati Membri tagħha u għall-koerenza fil-pajjiż. Matul il-perjodu ta’ rapportar li jmiss għandhom jittieħdu inizjattivi ta' programmar konġunt imtejba f'minn tal-inqas tliet pajjiżi.

(1)

COM(2014) 712 Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill - L-implimentazzjoni tal-impenji tal-politika tal-UE dwar is-sigurtà alimentari u nutrizzjonali: l-ewwel rapport biennali.

(2)

COM(2010) 127 Rapport finali tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill - Qafas ta’ politika tal-UE biex jgħin lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw jindirizzaw l-isfidi fil-qasam tas-sigurtà alimentari.

(3)

SWD (2013) 104 azzjoni finali biex tingħata spinta lis-sigurtà alimentari u nutrizzjonali permezz tal-azzjoni tal-UE: nimplimentaw l-impenji tagħna. 

(4)

 Artikolu 210 (2) TFUE jgħid: "Il-Kummissjoni tista’ tieħu kull inizjattiva utli sabiex tippromwovi l-koordinazzjoni msemmija fil-paragrafu 1."

(5)

 Nittrasformaw id-dinja tagħna: l-aġenda 2030 għall-iżvilupp sostenibbli, tan-Nazzjonijiet Uniti.

(6)

Bl-appoġġ tal-Gwida għal Ktajjen tal-Provvista Agrikola Responsabbli tal-FAO-OECD mnedija f’Marzu 2016

(7)

 Grupp ta’ Ħidma tal-G20għall-Iżvilupp dwar is-Sigurtà Alimentari u Nutrizzjonali: Pjan ta’ Implimentazzjoni tal-Qafas għas-Sigurtà Alimentari u n-Nutrizzjoni tal-G20

(8)

 L-Aġenda ta’ Azzjoni ta’ Addis Ababa tat-Tielet Konferenza Internazzjonali dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp (l-Aġenda ta’ Azzjoni ta’ Addis Ababa).

(9)

 SWD(2015)182 l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-Emanċipazzjoni tan-Nisa: It-Trasformazzjoni tal-Ħajja tal-Bniet u n-Nisa permezz tar-Relazzjonijiet Esterni tal-UE 2016–2020 u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi 2016–2020, 26 ta’ Ottubru 2015.

(10)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015) 7293 final dwar l-istabbiliment ta’ Fond Fiduċjarju ta’ Emerġenza tal-Unjoni Ewropea għall-istabbiltà u li jindirizza l-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni irregolari u l-persuni spostati fl-Afrika.

(11)

  http://ec.europa.eu/research/iscp/index.cfm?pg=africa

(12)

Pereżempju: Il-Ġermanja bl-inizjattiva speċjali tagħha “Dinja Waħda — L-ebda Ġuħ”.

(13)

Spanja bdiet tirrapporta din is-sena u tirrappreżenta 20 % taż-żieda.

(14)

Id-dejta tal-OECD DAC ppubblikata f’Diċembru 2014 intużat għal dan it-tieni rapport. Il-kodiċijiet DAC użati huma usa’ mill-kodiċijiet ta’ sigurtà tal-agrikoltura u alimentari. L-assistenza ta’ emerġenza u l-għajnuna umanitarja relatati mas-sigurtà alimentarja mhumiex inklużi fil-valutazzjoni.

(15)

“Oħrajn” tkopri l-programmi fil-Lvant Nofsani, fil-Paċifiku jew aktar minn reġjun jew kontinent wieħed.

(16)

SWD (2015), 159 "Policy Coherence for Development - 2015 EU Report", (Il-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp — Rapport 2015 tal-UE).

(17)

 http://www.fao.org/fileadmin/templates/cfs/Docs1415/FFA/CFS_FFA_Final_Draft_Ver2_EN.pdf

(18)

 COM(2014) 712 Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill - L-Implimentazzjoni tal-impenji tal-politika tal-UE dwar is-sigurtà alimentari u nutrizzjonali: l-ewwel rapport biennali u l-Konklużjoni tal-Kunsill tas-26 ta’ Mejju. 

(19)

 Ir-riżultat ta' aggregazzjoni tal-Kummissjoni huwa bbażat fuq il-Qafas tal-UE tar-riżultati tal-Kooperazzjoni u l-Iżvillup Internazzjonali SWD(2015)80 final

(20)

 Ittra ta’ politika: Il-kontribuzzjoni Olandiża għas-sigurtà dinjija tal-ikel, Diċembru 18, 2014.

(21)

 SWD(2013) 72 Intejbu n-Nutrizzjoni Materna u dik tat-Tfal fl-Assistenza Esterna: Qafas Politiku tal-UE.

(22)

 SWD (2014) 234 Pjan ta’ Azzjoni dwar in-Nutrizzjoni.

Top