EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016DC0205

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Sistemi ta' Informazzjoni aktar bsaħħithom u aktar intelliġenti għall-Fruntieri u s-Sigurtà

COM/2016/0205 final

Brussell, 6.4.2016

COM(2016) 205 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Sistemi ta' Informazzjoni aktar bsaħħithom u aktar intelliġenti għall-Fruntieri u s-Sigurtà


1.Introduzzjoni

L-Ewropa hija soċjetà mobbli. Ta' kuljum miljuni ta’ ċittadini tal-UE u ċittadini minn pajjiżi terzi jaqsmu l-fruntieri interni u esterni. Fl-2015, aktar minn 50 miljun ċittadin mhux tal-UE żaru l-UE, u dawn weħidhom wasslu biex l-fruntieri esterni taż-żona Schengen inqassmu aktar minn 200 miljun darba.

Lil hinn minn dawn il-flussi regolari tal-ivvjaġġar, fl-2015 biss, il-kunflitt fis-Sirja u kriżijiet fi bnadi oħra wasslu għal 1.8 miljun qasma irregolari tal-fruntieri esterni tal-Ewropa Iċ-ċittadini tal-UE jippretendu li l-kontrolli fuq il-fruntieri esterni jkunu effettivi, biex ikun hemm ġestjoni effettiva tal-migrazzjoni u biex jikkontribwixxu għas-sigurtà interna. L-attakki terroristiċi f’Pariġi fl-2015 u fi Brussell f’Marzu 2016 urew, bi prezz qares, it-theddida kontinwa għas-sigurtà interna tal-Ewropa.

Iż-żewġ elementi iffukaw aktar fuq il-ħtieġa ta' sħubija biex jissaħħu l-ġestjoni tal-fruntieri tal-UE, l-oqfsa tal-migrazzjoni u l-kooperazzjoni tas-sigurtà u strumenti ta’ informazzjoni b’mod komprensiv. Il-ġestjoni tal-fruntieri, l-infurzar tal-liġi, u l-kontroll tal-migrazzjoni huma interkonnessi b’mod dinamiku. Huma magħruf li ċittadini tal-UE qasmu l-fruntiera esterna biex jivvjaġġaw lejn żoni ta’ kunflitt għal skopijiet terroristiċi u jippreżentaw riskju mar-ritorn tagħhom. Hemm evidenza li t-terroristi użaw rotot ta’ migrazzjoni irregolari biex jidħlu fl-UE u mbagħad iċċaqalqu fiż-żona Schengen mingħajr ma ħadd induna bihom.

L-Aġendi Ewropej dwar is-sigurtà u dwar il-migrazzjoni għandhom jistabbilixxu d-direzzjoni għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politika tal-UE biex tindirizza l-isfidi paralleli tal-ġestjoni tal-migrazzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata. Din il-Komunikazzjoni tibni fuq is-sinerġiji bejn dawn iż-żewġ Aġendi u hija maħsuba bħala punt ta’ tluq għal diskussjoni dwar kif sistemi ta’ informazzjoni eżistenti u futuri jistgħu jtejjbu kemm il-ġestjoni tal-fruntieri esterni kif ukoll is-sigurtà interna fl-UE. Dan jikkumplimenta l-proposta ta' Diċembru 2015 dwar il-ħolqien ta' Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u t-titjib tal-prevenzjoni tal-kriżijiet u l-interventi fuq il-fruntieri esterni.

Hemm għadd ta’ sistemi ta’ informazzjoni fil-livell tal-UE li jipprovdu lill-gwardji tal-fruntieri u lill-uffiċjali tal-pulizija b’informazzjoni rilevanti dwar il-persuni, iżda l-arkitettura għall-ġestjoni tad-dejta mhix perfetta. Din il-Komunikazzjoni tistabbilixxi xi għażliet possibbli biex timmassimizza l-benefiċċji tas-sistemi ta’ informazzjoni eżistenti u, fejn meħtieġ, tiżviluppa azzjonijiet ġodda u komplementari biex tindirizza n-nuqqasijiet. Hija tenfasizza wkoll il-bżonn li titjieb l-interoperabbiltà tas-sistemi ta’ informazzjoni bħala objettiv fit-tul, kif identifikat ukoll mill-Kunsill Ewropew u l-Kunsill 1 , u tippreżenta ideat dwar kif is-sistemi tal-informazzjoni jistgħu jiġu żviluppati fil-ġejjieni biex tiżgura li l-gwardji tal-fruntieri, l-awtoritajiet doganali, l-uffiċjali tal-pulizija u l-awtoritajiet ġudizzjarji jkollhom l-informazzjoni meħtieġa għad-dispożizzjoni tagħhom.

Kwalunkwe inizjattiva futura titħejja fuq il-bażi ta’ prinċipji ta’ regolamentazzjoni aħjar b’konsultazzjoni pubblika u valutazzjoni tal-impatti, inkluż fir-rigward tad-drittijiet fundamentali, u b’mod partikolari d-dritt għall-protezzjoni tad-dejta personali.

   

2.Sfidi li jridu jiġu indirizzati

In-nuqqas ta’ fruntieri interni fiż-żona Schengen jeħtieġ ġestjoni soda u affidabbli tal-moviment tal-persuni minn naħa għall-oħra tal-fruntieri esterni. Dan huwa prerekwiżit biex jiġi żgurat livell għoli ta’ sigurtà interna u l-moviment ħieles tal-persuni f'dik iż-żona. Fl-istess ħin, in-nuqqas ta’ fruntieri interni jfisser li l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi fl-Istati Membri għandhom aċċess ukoll għal dejta rilevanti dwar il-persuni. Hemm għadd ta’ sistemi tal-informazzjoni jew bażijiet tad-dejta fil-livell tal-UE li jipprovdu lill-gwardji tal-fruntieri, lill-uffiċjali tal-pulizijia u awtoritajiet oħrajn, bl-informazzjoni rilevanti fuq il-persuni, skont l-iskopijiet rispettivi tagħhom 2 . 

Madankollu, hemm ukoll nuqqasijiet relatati mas-sistemi tal-informazzjoni li jxekklu l-ħidma ta’ dawn l-awtoritajiet nazzjonali. Għalhekk l-iskambju aħjar tal-informazzjoni ġie enfasizzat bħala prijorità ewlenija fl-aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà. In-nuqqasijiet prinċipali huma: (a) il-funzjonalitajiet subottimali tas-sistemi tal-informazzjoni eżistenti, (b) il-lakuni tal-arkitettura tal-ġestjoni tad-dejta, (c) l-isfond kumpless tas-sistemi tal-informazzjoni li huma rregolati b'modi differenti, u (d) arkitettura frammentata tal-ġestjoni tad-dejta għall-kontroll u s-sigurtà fil-fruntieri.

Is-Sistemi tal-informazzjoni eżistenti fl-UE għall-ġestjoni tal-fruntieri u għas-sigurtà interna jkopru firxa vasta ta’ funzjonalitajiet. Madankollu, għad hemm nuqqasijiet fil-funzjonalitajiet tas-sistemi eżistenti. Meta wieħed iħares lejn il-proċessi tal-kontroll tal-fruntieri applikabbli għall-kategoriji differenti ta’ vjaġġaturi, joħroġ biċ-ċar li hemm nuqqasijiet f’xi wħud minn dawn il-proċessi u bejn is-sistemi tal-informazzjoni rispettivi użati għall-kontroll fil-fruntieri. Bl-istess mod, il-prestazzjoni tal-għodda eżistenti għall-infurzar tal-liġi teħtieġ li tiġi ottimizzata. Dan jitlob għal azzjoni biex jitjiebu s-sistemi eżistenti tal-informazzjoni (taqsima 5).

Barra minn hekk, hemm lakuni fl-arkitettura tal-UE tal-ġestjoni tad-dejta. Il-kontrolli tal-fruntieri jibqgħalhom kwistjonijiet dwar kategoriji speċifiċi ta’ vjaġġaturi, bħal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li għandhom viża għal permanenza twila. Barra minn hekk, hemm nuqqas ta’ informazzjoni qabel il-wasla fil-fruntieri li tikkonċerna ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma eżenti milli jkollhom viża. Għandha tingħata kunsiderazzjoni dwar jekk hemmx ħtieġa li jiġu indirizzati dawn il-lakuni billi fejn meħtieġ tiġi żviluppata sistema ta’ informazzjoni addizzjonali (taqsima 6).

Il-gwardji tal-fruntieri u l-uffiċjali tal-pulizija b’mod partikolari jiffaċċjaw ambjent kumpless ta’ sistemi ta’ informazzjoni rregolati b’mod differenti fil-livell tal-UE. Din il-kumplessità toħloq diffikultajiet prattiċi speċifikament dwar liema bażijiet tad-dejta għandhom jiġu ċċekkjati f’sitwazzjoni partikolari. Barra minn hekk, mhux l-Istati Membri kollha huma mqabbda mas-sistemi kollha eżistenti 3 . Il-kumplessità attwali tal-aċċess għal sistemi tal-informazzjoni fil-livell tal-UE tista’ titnaqqas billi tiġi stabbilita interfaċja unika ta’ tiftix fuq livell nazzjonali li tirrispetta l-għanijiet differenti għall-aċċess (taqsima 7.1).

L-arkitettura attwali tal-ġestjoni tad-dejta tal-UE għall-kontroll tal-fruntieri u s-sigurtà hija kkundizzjonata mill-frammentazzjoni. Dan hu minħabba diversi kuntesti istituzzjonali, legali u politiċi li fihom ġew żviluppati s-sistemi. L-informazzjoni hija maħżuna separatament f’diversi sistemi li rarament huma interkonnessi. Hemm inkonsistenza bejn il-bażijiet tad-dejta u l-aċċess diverġenti għad-dejta għall-awtoritajiet rilevanti. Dan jista’ jwassal għal punti mhux viżibbli, b’mod partikolari għall-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, peress li jista’ jkun diffiċli ħafna li jiġu rikonxxuti r-rabtiet bejn il-frammenti tad-dejta. Għalhekk huwa neċessarju u urġenti li ssir ħidma lejn soluzzjonijiet integrati għal aċċessibilità aħjar għad-dejta għall-ġestjoni tal-fruntieri u s-sigurtà, b’konformità sħiħa mad-drittijiet fundamentali. Għal dan il-għan, jeħtieġ li jinbeda proċess lejn l-interoperabbiltà tas-sistemi tal-informazzjoni eżistenti (taqsima 7).

3.Drittijiet Fundamentali

Ir-rispett sħiħ għad-drittijiet fundamentali u għar-regoli tal-protezzjoni tad-dejta huwa prekundizzjoni essenzjali biex jiġu indirizzati dawn l-isfidi.

Il-konformità mad-drittijiet fundamentali teħtieġ teknoloġija u sistemi ta’ informazzjoni mfassla u użati tajjeb. It-teknoloġija u s-sistemi tal-informazzjoni jistgħu jgħinu lill-awtoritajiet pubbliċi biex jipproteġu d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini. It-teknoloġija bijometrika tista’ tnaqqas ir-riskju ta’ żbalji fl-identitajiet u ta’ diskriminazzjoni u ta’ tfassil ta’ profili razzjali. Dan jista’ jikkontribwixxi wkoll għall-indirizzar ta’ riskji ta’ protezzjoni għat-tfal bħal tfal li għebu jew jisfaw vittmi tat-traffikar, sakemm imur id f’id mas-salvagwardji tad-Drittijiet Fundamentali u l-miżuri tal-protezzjoni. Dan jista’ wkoll inaqqas ir-riskju li nies li jiġu arrestati u detenuti bi żball. Jista’ jikkontribwixxi wkoll għaż-żieda fis-sigurtà taċ-ċittadini li joqogħdu fiż-żona Schengen billi jgħin fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità serja.

L-eżistenza ta’ sistemi ta’ informazzjoni fuq skala kbira timplika wkoll riskji potenzjali għall-privatezza, li għandhom jiġu antiċipati u indirizzati b’mod adatt. Il-ġbir u l-użu ta’ dejta personali f’dawn is-sistemi għandhom impatt fuq id-dritt għall-privatezza u għall-protezzjoni tad-dejta personali, li huma stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Is-sistemi kollha jeħtieġ li jikkonformaw mal-prinċipji tal-protezzjoni tad-dejta u l-kundizzjonijiet tan-neċessità, il-proporzjonalità, il-limitazzjoni tal-iskop u l-kwalità tad-dejta. Għandhom jiġu stabbiliti salvagwardji biex jiġu żgurati d-drittijiet tas-suġġetti tad-dejta f’rabta mal-protezzjoni tal-ħajja privata tagħhom u tad-dejta personali. Id-dejta għandha tinżamm biss għal kemm żmien ikun meħtieġ għall-iskop li għalih tkun inġabret. Jeħtieġ li jiġu previsti mekkaniżmi li jiżguraw ġestjoni preċiża tar-riskju u protezzjoni effettiva tad-drittijiet tas-suġġetti tad-dejta.

F’Diċembru 2015, il-koleġiżlaturi laħqu ftehim politiku dwar ir-riforma tal-Protezzjoni tad-Dejta. Ladarba jiġu adottati, ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Dejta u d-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Dejta għall-pulizija u l-awtoritajiet tal-ġustizzja kriminali 4 jsiru applikabbli fl-2018 u se jipprovdu qafas armonizzat għall-ipproċessar tad-dejta personali.

Il-limitazzjoni tal-iskop hija prinċipju importanti tad-dritt tal-protezzjoni tad-dejta kif stabbilit fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Minħabba d-diversi kuntesti istituzzjonali, legali u politiċi li fihom ġew żviluppati s-sistemi tal-informazzjoni fil-livell tal-UE, il-prinċipju tal-limitazzjoni tal-iskop kien implimentat permezz ta’ struttura kompartimentalizzata tal-ġestjoni tal-informazzjoni 5 . Din hija waħda mir-raġunijiet għall-frammentazzjoni attwali fl-arkitettura tal-ġestjoni tad-dejta tal-UE għall-kontroll tal-fruntieri u s-sigurtà interna. B’qafas komprensiv ġdid għall-protezzjoni tad-dejta personali fl-UE u bi żviluppi sinifikanti fit-teknoloġija u s-sigurtà tal-IT, il-prinċipju tal-limitazzjoni tal-iskop jista' jiġi implimentat aktar faċilment fil-livell ta’ aċċess u użu ta’ dejta maħżuna, f’konformità sħiħa mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u ma’ ġurisprudenza riċenti tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja. Salvagwardji bħal kompartimentalizzazzjoni tad-dejta fi ħdan sistema waħda u aċċess u regoli speċifiċi ta' aċċess u użu għal kull kategorija ta’ dejta u utent għandhom jiżguraw il-limitazzjoni tal-iskop meħtieġa f’soluzzjonijiet integrati għall-ġestjoni tad-dejta. Dan iwitti t-triq lejn l-interoperabbiltà tas-sistemi tal-informazzjoni akkumpanjat minn regoli stretti neċessarji dwar l-aċċess u l-użu mingħajr ma jaffettwa limitazzjoni tal-iskop eżistenti.

"Protezzjoni tad-dejta bid-disinn" u "protezzjoni tad-dejta b’mod awtomatiku" issa huma l-prinċipji tar-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta. Meta jiġu żviluppati strumenti ġodda li jiddependu fuq l-użu tat-teknoloġija tal-informazzjoni, il-Kummissjoni se tfittex li ssegwi dan l-approċċ. Dan jimplika li l-protezzjoni tad-dejta personali tiġi inserita fil-bażi teknoloġika tal-istrument propost, u hekk l-ipproċessar tad-dejta jiġi limitat għal dak li huwa meħtieġ għal skop partikolari u l-aċċess għad-dejta jingħata biss lil dawk l-entitajiet 'li għandhom bżonn ikunu jafu.' 6

Ir-rekwiżiti tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u, b’mod partikolari, l-istrumenti ġodda ta’ riforma tal-Protezzjoni tad-Dejta se tiggwida lill-Kummissjoni hija u tindirizza n-nuqqasijiet u l-lakuni attwali fl-arkitettura tal-UE tal-ġestjoni tad-dejta għall-kontroll tal-fruntieri u s-sigurtà. Dan se jiżgura li aktar żvilupp tas-sistemi tal-informazzjoni f’dawn l-oqsma jkun konformi mal-ogħla standards ta’ protezzjoni tad-dejta, u li jirrispettaw u jikkontribwixxu lejn id-drittijiet fundamentali kif garantiti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

4.Ħarsa ġenerali lejn is-sistemi tal-informazzjoni għal fruntieri u sigurtà 7

Is-sistemi tal-informazzjoni eżistenti fl-UE għall-ġestjoni tal-fruntieri u s-sigurtà interna kollha għandhom l-objettivi, l-iskopijiet, il-bażijiet legali 8 , il-gruppi ta’ utenti u l-kuntest istituzzjonali tagħhom. Flimkien dawn jippovdu disinn kumpless ta’ bażijiet ta' dejta rilevanti.

It-tliet sistemi ta’ informazzjoni ċentralizzati ewlenin żviluppati mill-UE huma (i) is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) b'firxa wiesgħa ta’ twissijiet dwar persuni u oġġetti, (ii) is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) b'dejta dwar viżi għal permanenzi qosra, u (iii) is-sistema EURODAC b’dejta dwar marki tas-swaba’ tal-applikanti għall-ażil u ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li qasmu l-fruntieri esterni b’mod irregolari. Dawn it-tliet sistemi huma komplementari, u — bl-eċċezzjoni tas-SIS — huma primarjament immirat lejn ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Is-sistemi jappoġġjaw ukoll lill-awtoritajiet nazzjonali fil-ġlieda kontra l-kriminalità u t-terroriżmu 9 . Dan japplika b’mod partikolari għas-SIS bħala l-aktar strument użat illum għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni. L-iskambju tal-informazzjoni f'dawn is-sistemi jsir permezz ta’ infrastruttura ta’ komunikazzjoni dedikata garantita msejħa sTESTA 10 .

Minbarra dawn is-sistemi eżistenti, il-Kummissjoni tipproponi li tistabbilixxi r-raba’ sistema ċentralizzata tal-ġestjoni tal-fruntieri, is-Sistema tad-Dħul/Ħruġ (EES) 11 , li mistennija li tiġi implimentata sal-2020, u tindirizza għal darb’ oħra liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

Tabella 1 Ħarsa ġenerali skematika tas-sistemi tal-informazzjoni ewlenin għall-ġestjoni tal-fruntieri u l-infurzar tal-liġi:

ĠESTJONI TAL-FRUNTIERI

Iċ-ċittadini tal-UE

L-INFURZAR TAL-LIĠI

Prüm

PNR

PNR

Il-bażijiet tad-dejta tal-
Europol

Ċittadini ta’ Pajjiżi Terzi

 


Il-bazijiet tad-dejta tal-
Interpol

PNR

ECRIS

Sistemi doganali

L-istrumenti eżistenti addizzjonali għall-ġestjoni tal-fruntieri huma l-bażi ta' dejta tal-Interpol ta' Dokumenti tal-Ivvjaġġar Misruqa u Mitlufa (SLTD) u Informazzjoni bil-Quddiem dwar il-Passiġġieri (API) li tiġbor informazzjoni dwar passiġġieri fuq titjiriet li jaslu fl-UE. Dawn l-istrumenti huma rilevanti kemm għaċ-ċittadini tal-UE kif ukoll għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

B’mod partikolari għall-iskop tal-infurzar tal-liġi, l-investigazzjoni kriminali u l-kooperazzjoni ġudizzjarja, l-UE żviluppat għodod deċentralizzati għall-iskambju tal-informazzjoni, jiġifieri (i) il-qafas Prüm biex jiġu skambjati d-DNA, il-marki tas-swaba’ u d-dejta ta’ reġistrazzjoni tal-vetturi, u (ii) is-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali (ECRIS) għall-iskambju tal-informazzjoni dwar ir-rekords kriminali nazzjonali. L-ECRIS tippermetti l-iskambju ta’ informazzjoni permezz ta' netwerk sikur, dwar kundanni preċedenti mogħtija kontra persuna speċifika minn qrati kriminali fl-Unjoni Ewropea. It-talbiet huma bbażati prinċipalment fuq informazzjoni tal-identità alfanumerika għalkemm huwa possibbli wkoll l-iskambju ta’ dejta bijometrika.

L-Europol jappoġġja l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-pulizija nazzjonali bħala ċ-ċentru tal-informazzjoni kriminali tal-UE. Is-Sistema ta’ Informazzjoni tal-Europol (EIS) tipprovdi bażi ta’ dejta ta’ informazzjoni kriminali ċentralizzata għall-Istati Membri biex jaħżnu u jfittxu dejta dwar il-kriminalità serja u t-terroriżmu. Punti fokali fl-Europol jipprovdu fajls ta’ ħidma analitika iffokati fuq is-suġġett b’informazzjoni dwar l-operazzjonijiet li għaddejjin fl-Istati Membri. L-Applikazzjoni ta’ Netwerk Sikur għall-Iskambju ta’ Informazzjoni (SIENA) tal-Europol tippermetti lill-Istati Membri biex jiskambjaw informazzjoni ma’ xulxin b’mod mgħaġġel, sigur u faċli għall-utent, mal-Europol, jew ma’ partijiet terzi li jkollhom ftehim ta’ kooperazzjoni mal-Europol. Fl-istess ħin, SIENA tagħmel enfasi qawwija fuq l-interoperabbiltà ma’ sistemi oħra fl-Europol, pereżempju dwar l-iskambju b'mod dirett ta' dejta b’Punti Fokali. Hija tipprovdi l-possibbiltà li talimenta l-bażijiet ta’ dejta tal-Europol b’informazzjoni li tkun qed tiġi skambjata bejn l-Istati Membri. Għalhekk SIENA għandha tkun il-mezz tal-ewwel għażla tal-Istati Membri għall-qsim ta’ informazzjoni dwar l-infurzar tal-liġi madwar l-UE.

Sett addizzjonali ta’ sistemi ta’ pproċessar ta’ dejta personali li ser jiġu żviluppati madwar l-Istati Membri huwa r-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) 12 . Id-dejta tal-PNR tikkonsisti f'informazzjoni dwar il-prenotazzjoni provduta fil-mument tal-prenotazzjoni u ċ-check-in.

Fl-aħħar nett, l-awtoritajiet doganali huma wkoll attur importanti fil-kooperazzjoni bejn l-aġenziji fil-fruntieri esterni. Dawn għandhom diversi sistemi 13 u bażijiet ta' dejta li fihom dejta dwar il-movimenti tal-oġġetti, l-identifikazzjoni tal-operaturi ekonomiċi u l-informazzjoni marbuta mar-riskju li jistgħu jintużaw biex tissaħħaħ is-sigurtà interna. Dawn is-sistemi għandhom ukoll l-infrastruttura kkontrollata, ristretta u sigura tagħhom stess (Netwerk ta’ Komunikazzjoni Komuni), li wriet l-vijabbiltà tagħha. Is-sinerġiji u konverġenza bejn is-sistemi ta’ informazzjoni u l-infrastrutturi korrispondenti tagħhom tal-ġestjoni tal-fruntieri tal-UE u għall-operazzjonijiet doganali għandhom ikomplu jiġu esplorati. 

5.It-titjib ta’ sistemi ta’ informazzjoni eżistenti

Is-Sistemi ta’ informazzjoni eżistenti fl-UE għall-ġestjoni tal-fruntieri u għas-sigurtà interna jkopru firxa vasta ta’ funzjonalitajiet. Madankollu, għad hemm nuqqasijiet fis-sistemi li jeħtieġu li jiġu indirizzati biex titjieb il-prestazzjoni tagħhom.

Sistema ta’ Informazzjoni ta' Schengen (SIS)

Il-kontrolli fil-fruntieri bis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS), bħalissa qed iseħħu fuq il-bażi ta’ tfittxijiet alfanumeriċi (jiġifieri l-isem u d-data tat-twelid). Il-marki tas-swaba’ jistgħu jintużaw biss biex jivverifikaw u jikkonfermaw l-identità ta’ persuna li tkun diġà ġiet identifikata abbażi ta’ ismu/isimha. Dan in-nuqqas ta’ sigurtà jippermetti lil persuni soġġetti għal allert li jużaw dokumenti foloz biex jaħarbu minn qbil preċiż fis-SIS.

Din id-dgħufija kritika se tiġi indirizzata biż-żieda fis-SIS ta’ funzjonalità ta' tfittxija tal-marki tas-swaba’ permezz ta’ Sistema ta’ Identifikazzjoni tal-Marki tas-Swaba' Awtomatizzata (AFIS), kif previst mill-qafas legali eżistenti 14 . L-AFIS għandha tkun operattiva sa nofs l-2017 15 . Ladarba tiġi żviluppata, l-AFIS se tkun aċċessibbli mill-Europol u għalhekk se tikkomplementa s-sistemi tal-Europol għal investigazzjonijiet kriminali u l-ġlieda kontra t-terroriżmu kif ukoll l-iskambji dwar il-marki tas-swaba’ mwettqa skont il-qafas Prüm. Il-Kummissjoni u l-eu-LISA se jeżaminaw il-potenzjal ta’ użu usa’ bħal dan tal-AFIS futuri.

Fuq il-bażi tal-evalwazzjoni li għaddejja bħalissa u ta' studju tekniku, il-Kummissjoni bħalissa qed teżamina l-funzjonalitajiet addizzjonali possibbli tas-SIS bl-għan li tippreżenta proposti biex tirrevedi l-bażi legali tas-SIS. Aspetti li qed jiġu kkunsidrati jinkludu:

il-ħolqien ta’ twissijiet tal-SIS dwar migranti irregolari suġġetti għal deċiżjonijiet ta’ ritorn;

l-użu ta’ immaġni tal-wiċċ għal identifikazzjoni bijometrika, flimkien ma’ marki tas-swaba’;

l-għoti awtomatiku ta’ informazzjoni dwar 'hit' wara kontroll;

il-ħażna ta’ informazzjoni dwar 'hit' dwar twissijiet ta' kontrolli diskreti u speċifiċi fis-Sistema Ċentrali tas-SIS.

il-ħolqien ta’ kategorija ta’ twissija ġdida dwar Persuna Mfittxija Mhux Magħrufa" li għalihom tista' teżisti dejta forensika fil-bażijiet tad-dejta nazzjonali (eż. marka latenti (latent print) li titħalliet fuq ix-xena tad-delitt) 16 .

Bil-fondi tal-UE, il-Kummissjoni se tkompli tappoġġa l-implimentazzjoni ta’ proġetti li jippermettu tiftix fl-istess ħin fis-SIS u f'bażijiet ta’ dejta tal-Interpol dwar Dokumenti tal-Ivvjaġġar Misruqa u Mitlufa (SLTD) u kriminali mfittxija, vetturi jew armi tan-nar (iARMS) li jikkumplimentaw is-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE 17 .

Il-bażi ta' dejta tal-Interpol dwar Dokumenti tal-Ivvjaġġar Misruqa u Mitlufa (STLD)

Huwa ta’ importanza kruċjali għall-ġestjoni effettiva tal-fruntieri li d-dokumenti tal-ivvjaġġar taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi kollha u ċ-ċittadini tal-UE jiġu vverifikati mal-bażi ta' dejta tal-SLTD. L-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi għandhom ukoll jużaw il-bażi ta' dejta tal-SLTD għal mistoqsijiet fi ħdan iż-żona Schengen. Wara l-attakki terroristiċi f’Pariġi fit-13 ta’ Novembru 2015, il-Kunsill appella għal konnessjonijiet elettroniċi għall-bażijiet ta' dejta rilevanti tal-Interpol fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri esterni kollha u skrining awtomatiku tad-dokumenti tal-ivvjaġġar minn Marzu 2016 18 . L-Istati Membri kollha għandhom jistabbilixxu l-konnessjonijiet elettroniċi rilevanti u jimplimentaw sistemi li jippermettu l-aġġornament awtomatiku ta’ dejta dwar dokumenti misruqa jew mitlufa fil-bażi ta' dejta tal-SLTD.

Informazzjoni bil-Quddiem dwar il-Passiġġieri (API)

B’konformità mal-aħjar prattika li teżisti, l-Istati Membri għandhom ukoll iżidu l-valur miżjud ta’ Informazzjoni bil-Quddiem dwar il-Passiġġieri (API) billi jistabbilixxu kontroverifika awtomatika ta’ din id-dejta mas-SIS u mal-bażi ta' dejta tal-SLTD tal-Interpol. Il-Kummissjoni se tivvaluta l-ħtieġa li tirrevedi l-bażi legali għall-ipproċessar tad-dejta API biex tiżgura l-implimentazzjoni usa’, u biex tinkludi obbligu għall-Istati Membri li jeħtieġu u jużaw id-dejta tal-API għat-titjiriet kollha li deħlin u dawk li ħerġin. Dan huwa partikolarment rilevanti fil-kuntest tal-implimentazzjoni futura tad-Direttiva dwar ir-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri, peress li l-użu konġunt ta’ dejta tal-API u tal-PNR ikompli jtejjeb l-effettività tad-dejta tal-PNR fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u reati kriminali serji 19 .

Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS)

Il-Kummissjoni tinsab ukoll fil-proċess li twettaq evalwazzjoni globali tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS), li hija mistennija li tiġi konkluża fl-2016. L-evalwazzjoni fost l-oħrajn teżamina kif il-VIS tintuża għal kontrolli fuq fruntieri esterni u fit-territorju tal-Istati Membri, u fuq kif din tikkontribwixxi għall-ġlieda kontra l-frodi tal-identità u l-viżi. Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni se teżamina l-possibilitajiet li jissaħħu l-funzjonalitajiet tal-VIS, inkluż permezz ta’:

it-titjib tal-kwalità ta’ immaġnijiet tal-wiċċ li jippermetti tqabbil bijometriku;

l-użu tad-dejta bijometrika tal-applikanti għal viżi għal tiftix fis-Sistema ta’ Identifikazzjoni tal-Marki tas-Swaba’ Awtomatizzata tal-futur li għandha tiġi żviluppata għas-SIS;

jitnaqqas il-limitu tal-età għall-ġbir tal-marki tas-swaba’ ta’ tfal bejn l-età ta’ 6 u 12-il sena, filwaqt li jipprovdu għal salvagwardji b’saħħithom għad-Drittijiet Fundamentali u miżuri ta’ protezzjoni 20 ;

tiġi ffaċilitata l-verifika tal-bażi ta’ dejta tal-SLTD tal-Interpol matul l-applikazzjoni tal-viża.

Fir-rigward tal-possibbiltajiet skont il-qafas legali eżistenti biex ikun hemm aċċess għad-dejta tal-VIS għall-għall-iskopijiet tal-infurzar tal-liġi, l-Istati Membri japplikaw dawn il-possibbiltajiet b’mod mhux uniformi. F’dan il-kuntest, l-Istati Membri rrappurtaw problemi prattiċi fil-proċeduri tal-aċċess għall-VIS minn awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi. Bl-istess mod, l-implimentazzjoni ta’ aċċess għall-EURODAC għall-iskopijiet tal-infurzar tal-liġi għadha limitata ħafna. Il-Kummissjoni se teżamina jekk hemmx il-ħtieġa li jiġi kkunsidrat mill-ġdid il-qafas legali għal aċċess tal-infurzar tal-liġi għall-VIS u l-EURODAC.

EURODAC 

Kif stipulat fil-Komunikazzjoni lejn riforma tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil u t-Titjib Legali ta’ Migrazzjoni lejn l-Ewropa 21 , il-Kummissjoni se tippreżenta proposta għal riforma tal-EURODAC biex ittejjeb aktar funzjonalitajiet rigward il-migrazzjoni irregolari u r-ritorn. Dan se jindirizza vojt li jeżisti bħalissa dwar il-kapaċità li jiġu segwiti l-movimenti sekondarji ta’ migranti irregolari bejn l-Istati Membri. Barra minn hekk, il-proposta tfittex li ttejjeb l-effettività tal-proċeduri ta’ ritorn u riammissjoni billi tipprovdi mezzi biex ikunu identifikati u dokumentati mill-ġdid migranti irregolari għal skopijiet ta’ ritorn. F’dan il-kuntest, il-proposta se tkopri wkoll skambju ta’ informazzjoni li tinsab fl-EURODAC ma’ pajjiżi terzi, filwaqt li wieħed iżomm f’moħħu s-salvagwardji meħtieġa għall-protezzjoni tad-dejta.

L-Europol

L-UE tat aċċess lill-Europol għal bażijiet ta' dejta ċentrali prinċipali, iżda l-Aġenzija għadha ma għamlitx użu sħiħ minn din l-opportunità. L-Europol għandu d-dritt ta’ aċċess għal, u li jfittex direttament, dejta mdaħħla fis-SIS għal arresti, għal kontrolli diskreti u speċifiċi u għal oġġetti għall-qbid. S'issa l-Europol wettaq biss numru relattivament limitat ta’ tiftix fis-SIS. L-aċċess għall-VIS għal konsultazzjoni ilu legalment possibbli għall-Europol sa minn Settembru 2013. Minn Lulju 2015, il-bażi legali tal-EURODAC tippermetti aċċess mill-Europol. L-Aġenzija għandha taċċellera l-ħidma li għaddejja biex tiġi stabbilita konnessjoni mal-VIS u l-EURODAC. B’mod aktar ġenerali, il-Kummissjoni se tevalwa jekk ikunx meħtieġ li tipprovdi aktar aċċess għal aġenziji oħra tal-UE fil-qasam tal-affarijiet interni għal sistemi ta’ informazzjoni, b’mod partikolari għall-Gwardja Ewropea tal-Fruntieri u tal-Kosta tal-futur.

Il-qafas Prüm

Il-potenzjal tal-qafas Prüm bħalissa mhux qed jintuża kollu. Dan huwa minħabba li mhux l-Istati Membri kollha implimentaw l-obbligi legali tagħhom f’termini ta’ integrazzjoni tan-netwerk bis-sistemi tagħhom. L-Istati Membri rċevew appoġġ finanzjarju u tekniku sinifikanti għall-implimentazzjoni tiegħu, u issa għandhom jimplimentaw il-qafas Prüm bis-sħiħ. Il-Kummissjoni qed tuża s-setgħat mogħtija lilha biex tassigura l-implimentazzjoni sħiħa tal-obbligi legali tal-Istati Membri u f'Jannar 2016 bdiet djalogu strutturat (EU Pilot) mal-Istati Membri kkonċernati. Jekk ir-risposti tal-Istati Membri ma jkunux sodisfaċenti, il-Kummissjoni mhux se toqgħod lura milli tniedi proċeduri ta’ ksur.

Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali (ECRIS)

Is-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali  l-ECRIS tippermetti skambju ta’ informazzjoni dwar il-kundanni kriminali rigward ċittadini ta’ pajjiżi terzi u persuni mingħajr stat, iżda m’hemm l-ebda proċedura fis-seħħ biex dan isir b’mod effiċjenti. F’Jannar 2016, il-Kummissjoni adottat proposta legali biex tiġi indirizzata din il-lakuna 22 . F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni ipproponiet li l-awtoritajiet nazzjonali jitħallew ifittxu ċittadini ta’ pajjiżi terzi abbażi tal-marki tas-swaba’ għal identifikazzjoni aktar siguri. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jadottaw it-test leġiżlattiv fl-2016.

Kwistjonijiet orizzontali

Tħassib ġenerali fir-rigward ta’ sistemi tal-informazzjoni huwa l-livell ta’ implimentazzjoni mill-Istati Membri. L-implimentazzjoni mhux l-istess tal-qafas Prüm u n-nuqqas ta’ konnessjonijiet elettroniċi tal-bażi ta' dejta tal-SLTD huma eżempji tajba ta’ dan. Biex jittejjeb il-livell ta’ implimentazzjoni fir-rigward ta’ sistemi ta’ informazzjoni, il-Kummissjoni se timmonitorja mill-qrib il-prestazzjoni ta’ kull Stat Membru 23 . Il-monitoraġġ m’għandux biss jeżamina jekk l-Istati Membri jissodisfawx l-obbligi legali tagħhom fil-qasam ta’ sistemi ta’ informazzjoni, iżda wkoll kif dawn qed jagħmlu użu mill-istrumenti eżistenti u jekk isegwux l-aħjar prassi. Il-Kummissjoni se tibbaża ruħha fuq sorsi varji waqt il-monitoraġġ u l-promozzjoni tal-livell ta’ implimentazzjoni, inklużi notifiki mill-Istati Membri u ż-żjajjar skont il-Mekkaniżmu ta’ Evalwazzjoni u Monitoraġġ ta’ Schengen.

Tħassib ġenerali ieħor fir-rigward ta’ sistemi tal-informazzjoni huwa l-kwalità tad-dejta mdaħħla. Jekk l-Istati Membri ma jirrispettawx ir-rekwiżiti minimi tal-kwalità, l-affidabbiltà u l-valur tad-dejta maħżuna jkunu limitati ħafna, u r-riskju ta’ diskrepanzi u 'non-hits' jostakola l-valur tas-sistemi nnifisha. Biex tittejjeb il-kwalità tad-dejta mdaħħla, eu-LISA se tiżviluppa l-kapaċità ta’ monitoraġġ ċentrali għall-kwalità tad-dejta għas-sistemi kollha li jaqgħu taħt il-kompetenza tagħha.

Il-biċċa l-kbira tas-sistemi ta’ informazzjoni fil-qasam tal-kontroll tal-fruntieri u s-sigurtà jimmaniġġjaw dejta ta’ identifikazzjoni li tkun ġejja minn dokumenti tal-ivvjaġġar u tal-identità. Biex jitjiebu l-fruntieri u s-sigurtà, lil hinn mis-sistemi bi prestazzjoni tajba, id-dokumenti tal-ivjaġġar u tal-identità għandhom jiġu awtentikati mod faċli u sigur. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni se tippreżenta miżuri biex issaħħaħ is-sigurtà tad-dokumenti u l-ġestjoni tal-identità elettronika u biex issaħħaħ il-ġlieda kontra frodi tad-dokumenti. Il-livelli interoperabbli ta' identifikazzjoni sigura li jistgħu jinkisbu permezz tar-Regolament eIDAS 24 jistgħu jipprovdu mezz possibbli għal dan.

Azzjonijiet li jtejjbu s-sistemi ta’ informazzjoni eżistenti

Sistema ta’ Informazzjoni ta' Schengen (SIS)

Il-Kummissjoni u l-eu-LISA għandhom jiżviluppaw u jimplimentaw funzjonalità tas-Sistema ta’ Identifikazzjoni tal-Marki tas-Swaba’ Awtomatizzata (AFIS) fis-SIS sa nofs l-2017.

Il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposti sal-aħħar tal-2016 biex tirrevedi l-bażi legali tas-SIS biex tkompli tittejjeb il-funzjonalità tagħha.

L-Istati Membri għandhom jimmassimizzaw l-użu tagħhom tas-SIS, kemm billi jdaħħlu l-informazzjoni relevanti kollha kif ukoll billi jikkonsultaw is-sistema kull meta jkun meħtieġ.

Il-bażi ta' dejta tal-Interpol dwar Dokumenti tal-Ivvjaġġar Misruqa u Mitlufa (STLD)

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu konnessjonijiet elettroniċi mal-għodod tal-Interpol fil-punti tal-qsim ta’ fruntieri esterni kollha tagħhom.

L-Istati Membri għandhom jirrispettaw l-obbligu tagħhom li jaċċessaw u jikkonsultaw id-dejta dwar dokumenti misruqa jew mitlufa fil-bażi ta' dejta tas-SIS u tas-SLTD fl-istess ħin.

Informazzjoni bil-Quddiem dwar il-Passiġġieri (API)

L-Istati Membri għandhom jawtomatizzaw l-użu tad-dejta tal-API għal kontrolli mas-SIS u mal-bażi ta' dejta tal-Interpol dwar Dokumenti tal-Ivvjaġġar Misruqa u Mitlufa (SLTD), f'konformità mal-aħjar prattika.

Il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-ħtieġa li tirrevedi l-bażi legali għall-ipproċessar tad-dejta tal-API.

Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS)

Il-Kummissjoni għandha teżamina titjib ulterjuri tal-VIS qabel tmiem l-2016.

EURODAC

Il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposta biex tirrevedi l-bażi legali tal-EURODAC biex tkompli ssaħħaħ il-funzjonalitajiet tagħha rigward il-migrazzjoni irregolari u r-ritorn.

L-Europol

L-Europol għandu jagħmel użu sħiħ mid-drittijiet ta’ aċċess eżistenti tiegħu għal skopijiet ta’ konsultazzjoni mal-SIS, il-VIS u l-Eurodac.

Il-Kummissjoni u l-Europol għandhom jesploraw u jippromwovu sinerġiji bejn is-Sistema ta’ Informazzjoni tal-Europol (EIS) u sistemi oħrajn, b’mod partikolari s-SIS.

Il-Kummissjoni u l-eu-LISA għandhom jeżaminaw jekk is-Sistema Awtomatizzata għall-Identifikazzjoni tal-Marki tas-Swaba' (AFIS) li għandha tiġi żviluppata għas-SIS tistax tikkomplimenta s-sistemi tal-Europol għal skopijiet ta’ investigazzjoni kriminali u l-ġlieda kontra t-terroriżmu.

Il-qafas Prüm

L-Istati Membri għandhom jimplimentaw u jużaw bis-sħiħ il-qafas Prüm.

Jekk meħtieġ, il-Kummissjoni għandha tniedi proċedimenti ta’ ksur kontra l-Istati Membri li ma jkunux konnessi mal-qafas Prüm.

Il-Kummissjoni u l-eu-LISA għandhom jeżaminaw jekk is-Sistema Awtomatizzata għall-Identifikazzjoni tal-Marki tas-Swaba' (AFIS) li għandha tiġi żviluppata għas-SIS tistax tikkomplimenta skambji ta' dejta dwar il-marki tas-swaba' skont il-qafas Prüm .

Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali (ECRIS)

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, fl-2016 għandhom jadottaw proposta leġiżlattiva li tippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali li jfittxu għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi fl-ECRIS abbażi tal-marki tas-swaba’.

Kwistjonijiet orizzontali

Il-Kummissjoni għandha timmonitorja u tippromwovi l-livell ta’ implimentazzjoni fir-rigward tas-sistemi tal-informazzjoni.

L-eu-LISA għandha tiżviluppa kapaċità ta’ monitoraġġ ċentrali għall-kwalità tad-dejta għas-sistemi kollha li jaqgħu taħt il-kompetenza tagħha.

Il-Kummissjoni għandha tippreżenta miżuri biex issaħħaħ is-sigurtà tad-dokumenti u l-ġestjoni tal-identità elettroniċi u biex issaħħaħ il-ġlieda kontra frodi tad-dokumenti.

Il-Kummissjoni għandha tesplora sinerġiji u konverġenza bejn is-sistemi ta’ informazzjoni u l-infrastrutturi korrispondenti tagħhom għall-ġestjoni tal-fruntieri tal-UE u għall-operazzjonijiet doganali.

6.L-Iżvilupp ta’ Sistemi ta’ Informazzjoni Addizzjonali u l-Indirizzar tan-Nuqqasijiet

Filwaqt li s-sistemi ta’ informazzjoni eżistenti jkopru firxa wiesgħa ħafna ta’ dejta li hija meħtieġa fil-qafas tal-ġestjoni tal-fruntieri u tal-infurzar tal-liġi, jeżistu wkoll nuqqasijiet importanti. Xi wħud minn dawn in-nuqqasijiet ġew indirizzati mill-Kummissjoni bi proposti leġislattivi, jiġifieri l-proposti għal sistema tad-Dħul/Ħruġ u għal Skema tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri tal-UE (PNR). Għal nuqqasijiet oħra li ġew identifikati, hemm bżonn valutazzjoni bir-reqqa dwar jekk hemmx il-ħtieġa ta’ għodod addizzjonali tal-UE.

1.Sistema tad-Dħul u Ħruġ

Il-Kummissjoni ppreżentat il-proposti leġiżlattivi riveduti dwar l-istabbiliment ta’ Sistema tad-Dħul/Ħruġ (EES) flimkien ma’ din il-Komunikazzjoni. Wara l-adozzjoni mill-koleġiżlaturi, se jkun f'idejn l-eu-LISA li tiżviluppa u timplimenta s-sistema, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri ta’ Schengen.

L-EES se tirreġistra l-qsim tal-fruntiera (dħul u ħruġ) għaċ-ċittadini kollha ta’ pajjiżi terzi li jżuru ż-żona Schengen għal permanenza qasira ( perjodu massimu ta’ 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum), kemm għal vjaġġaturi li jeħtieġu l-viża visa kif ukoll dawk eżenti, jew permanenzi abbażi tal-viża itineranti l-ġdida (sa massimu ta' sena). L-għanijiet tas-sistema tal-EES huma (a) biex ittejjeb il-ġestjoni tal-fruntieri esterni, (b) biex tnaqqas il-migrazzjoni irregolari, billi tindirizza l-fenomenu ta’ soġġorni mtawlin u (c) biex tikkontribwixxi għall-ġlieda kontra t-terroriżmu u r-reati serji, u b’hekk tikkontribwixxi għall-iżgurar ta' livell għoli ta’ sigurtà interna.

L-EES se tirreġistra l-identitajiet ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi (dejta alfanumerika, erba’ marki tas-swaba’ u ritratt tal-wiċċ) flimkien ma’ dettalji tad-dokumenti tal-ivvjaġġar tagħhom, u se torbothom ma’ reġistri tad-dħul u l-ħruġ elettroniċi. Il-prattika attwali ta’ ittimbrar ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar se titwaqqaf. L-EES se tippermetti għal ġestjoni effikaċi ta' permanenzi qosra awtorizzati, awtomazzjoni akbar fuq il-fruntiera, u detezzjoni aħjar tal-frodi tad-dokumenti u tal-identità. Ir-reġistrazzjoni ċentrali se tippermetti li jiġu identifikati dawk li jdumu aktar u l-identifikazzjoni ta’ persuni mhux dokumentati fiż-żona Schengen. Għalhekk l-EES proposta tindirizza nuqqas importanti fix-xenarju ta’ sistemi ta’ informazzjoni eżistenti.

2.Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri

Id-dejta tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) tikkonsisti minn informazzjoni ta' bbukkjar bid-dettalji ta’ kuntatt, dettalji kompluti tal-vjaġġ u tar-riżervazzjoni, rimarki speċjali, informazzjoni dwar is-sits u l-bagalji, mezzi ta’ pagament. Id-dejta tal-PNR hija ta' għajnuna u neċessarja biex jiġu identifikati vjaġġaturi b’riskju għoli fil-kuntest tal-ġlieda kontra terroriżmu, it-traffikar tad-droga, it-traffikar tal-bnedmin, l-isfruttament sesswali tat-tfal u reati serji oħrajn. Id-Direttiva proposta dwar il-PNR se tiżgura kooperazzjoni aħjar bejn is-sistemi nazzjonali u se tnaqqas id-differenzi ta’ sigurtà bejn l-Istati Membri. Id-Direttiva proposta dwar il-PNR għalhekk tindirizza lakuna importanti fid-disponibbiltà ta’ dejta meħtieġ għall-ġlieda kontra l-kriminalità serja u t-terroriżmu. Id-Direttiva dwar il-PNR għandha tkun adottata u implimentata bħala kwistjoni ta’ urġenza.

Id-Direttiva futura ser tipprovdi li l-Istati Membri jridu jistabbilixxu Unitajiet tal-Informazzjoni dwar il-Passiġġieri (PIU) li se jirċievu dejta PNR mit-trasportaturi. Din mhux se tinvolvi l-ħolqien ta’ sistema ċentrali jew bażi ta' dejta, iżda se tibbenefika minn ċertu grad ta’ standardizzazzjoni ta’ soluzzjonijiet tekniċi u l-proċeduri nazzjonali. Dan se jiffaċilita l-iskambju tad-dejta tal-PNR bejn il-PIUs kif previst fid-Direttiva proposta. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni se tappoġġa lill-Istati Membri billi tanalizza xenarji differenti għall-interkonnettività bejn il-PIUs, bl-għan li joffru soluzzjonijiet u proċeduri standardizzati. Ladarba d-Direttiva tiġi adottata, il-Kummissjoni se taċċellera l-ħidma fuq protokolli komuni u formati aċċettati tad-dejta għat-trasferiment tad-dejta tal-PNR mit-trasportaturi bl-ajru għall-PIUs. Il-Kummissjoni ser tipprepara abbozz ta’ att ta’ implimentazzjoni fi żmien tliet xhur wara l-adozzjoni ta’ din id-Direttiva.

3.Nuqqas ta’ informazzjoni qabel il-wasla ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi eżentati mill-viża

Filwaqt li l-identità, il-kuntatti u l-informazzjoni ta’ sfond ta’ detenturi ta’ viża huma rreġistrati fil-VIS, l-unika informazzjoni dwar persuni eżentati mill-viża tiġi mid-dokument tal-ivvjaġġar tagħhom. Għall-vjaġġaturi li jaslu bl-ajru jew bil-baħar, din tista’ tiġi supplimentata qabel il-wasla bid-dejta tal-API. Taħt id-Direttiva proposta dwar il-PNR, id-dejta tal-PNR tagħhom se tinġabar ukoll jekk jaslu fl-UE bl-ajru. Għal persuni li jidħlu fl-UE permezz tal-fruntieri fuq l-art, mhijiex disponibbli l-ebda informazzjoni qabel il-wasla tagħhom fuq il-fruntiera esterna tal-UE.

Filwaqt li l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jistgħu jiksbu informazzjoni dwar id-detenturi ta’ viża mill-VIS jekk ikun meħtieġ għall-ġlieda kontra l-kriminalità serja u t-terroriżmu, mhijiex disponibbli l-ebda dejta komparabbli dwar persuni eżentati mill-viża. Dan in-nuqqas ta’ informazzjoni huwa partikolarment rilevanti għall-ġestjoni tal-fruntieri tal-art tal-UE, f’sitwazzjoni fejn għadd sostanzjali ta’ vjaġġaturi eżenti mill-viża jaslu bil-karozza, karozza tal-linja jew ferrovija. Bosta pajjiżi ġirien tal-UE diġà huma ħielsa mill-viża, u qed jipproċeu djalogi dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża bejn l-UE u pajjiżi ġirien oħra. Dan x’aktarx li jwassal għal żieda ta’ vjaġġaturi eżenti mill-viża fil-futur qrib.

Il-Kummissjoni se tivvaluta jekk għodda ġdida tal-UE biex tindirizza din il-kwistjoni hijiex meħtieġa, vijabbli u proporzjonali. Għażla li tista’ titqies hija Sistema tal-UE dwar l-Informazzjoni u l-Awtorizzazzjoni tal-Ivvjaġġar (ETIAS), fejn il-vjaġġaturi eżentati mill-viża jirreġistraw l-informazzjoni rilevanti dwar il-vjaġġ li biħsiebhom jagħmlu. L-ipproċessar awtomatiku ta’ din l-informazzjoni jista’ jgħin lill-gwardji tal-fruntiera fil-valutazzjoni tagħhom ta' viżitaturi minn pajjiżi terzi li jidħlu għal soġġorn qasir. Pajjiżi bħall-Istati Uniti tal-Amerka, il-Kanada u l-Awstralja diġà waqqfu sistemi simili, inkluż għaċ-ċittadini tal-UE.

Sistemi ta' awtorizzazzjoni tal-ivvjaġġar huma bbażati f’applikazzjonijiet onlajn fejn l-applikant jipprovdi dettalji dwar l-identità tiegħu/tagħha, id-dettalji ta’ kuntatt, l-iskop tal-vjaġġ, l-itinerarju, eċċ. qabel it-tluq. Ladarba tinkiseb l-awtorizzazzjoni, il-proċeduri fuq il-fruntiera mal-wasla jsiru aktar mexxejja u b’inqas intoppi. Minbarra l-benefiċċji tas-sigurtà u tal-ġestjoni tal-fruntieri, u l-potenzjal tagħha ta’ rilevanza fil-kuntest ta’ reċiproċità tal-viża, sistema bħall-ETIAS għalhekk se sservi wkoll bħala għodda ta’ faċilitazzjoni tal-ivvjaġġar.

4.Sistema ta’ Informazzjoni Ewropea ta’ Rekords tal-Pulizija (EPRIS)

Kif indikat fl-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà, id-disponibbiltà f’ħin reali ta’ dejta tal-pulizija eżistenti madwar l-Istati Membri hija qasam għal ħidma futura dwar l-iskambju tal-informazzjoni. Il-Kummissjoni se tevalwa l-ħtieġa, il-fattibilità teknika u l-proporzjonalità ta’ Sistema ta’ Indiċi Ewropea tar-Rekords tal-Pulizija (EPRIS) biex jiġi faċilitat l-aċċess transfruntier għall-informazzjoni miżmuma f’bażijiet tad-dejta nazzjonali tal-infurzar tal-liġi. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tappoġġa b’finanzjament mill-UE, l-implimentazzjoni ta’ proġett pilota minn grupp ta’ ħames Stati Membri biex jistabbilixxu l-mekkaniżmi għal tfittxijiet transfruntiera awtomatizzati f’indiċijiet nazzjonali fuq bażi ta’ ‘hit’/‘no hit’ 25 . Il-Kummissjoni se tqis ir-riżultati tal-proġett fil-kuntest tal-valutazzjoni tagħha.

Azzjonijiet biex jiġu żviluppati aktar sistemi ta’ informazzjoni u biex jiġu indirizzati l-lakuni fl-informazzjoni

Is-Sistema tad-Dħul u Ħruġ (EES)

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jittrattaw il-proposti leġislattivi dwar l-EES bħala kwistjoni ta’ prijorità assoluta, bl-għan li jadottaw il-proposti sa tmiem l-2016.

Ir-Reġistrazzjoni ta’ Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR)

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jadottaw id-Direttiva dwar il-PNR minn April 2016.

L-Istati Membri għandhom jimplimentaw id-Direttiva dwar il-PNR, ladarba tiġi adottata, bħala kwistjoni ta’ urġenza.

Il-Kummissjoni għandha tappoġġa l-iskambju tad-dejta bejn l-Unitajiet tal-Informazzjoni dwar il-Passiġġieri permezz ta’ soluzzjonijiet u proċeduri standardizzati.

Il-Kummissjoni għandha tħejji abbozz ta’ Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni dwar protokolli komuni u formati aċċettati tad-dejta għat-trasferiment tad-dejta tal-PNR mit-trasportaturi bl-ajru lill-Unitajiet ta’ Informazzjoni dwar il-Passiġġieri fi żmien tliet xhur wara l-adozzjoni tad-Direttiva dwar il-PNR.

Lakuna fl-informazzjoni ta’ qabel il-wasla ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi eżentati mill-viża

Fl-2016 il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-ħtieġa, il-fattibilità teknika u l-proporzjonalità tal-istabbiliment ta’ għodda ġdida tal-UE bħal Sistema tal-UE tal-informazzjoni u l-Awtorizzazzjoni tal-ivvjaġġar.

Sistema ta’ Informazzjoni Ewropea ta’ Rekords tal-Pulizija (EPRIS)

Fl-2016 il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-ħtieġa, il-fattibilità teknika u l-proporzjonalità tal-istabbiliment ta’ EPRIS.

7.Lejn l-Interoperabbiltà tas-Sistemi ta’ Informazzjoni

L-interoperabbiltà hija l-abbiltà ta’ sistemi tal-informazzjoni li jiskambjaw id-dejta u li jippermettu l-kondiviżjoni ta' informazzjoni. Wieħed jista’ jiddistingwi erba’ dimensjonijiet ta’ interoperabbiltà, li kull waħda tqajjem kwistjonijiet legali 26 , tekniċi u operazzjonali inkluż dwar il-protezzjoni tad-dejta:

interfaċċja ta' tfittxija waħda biex tfittex diversi sistemi ta’ informazzjoni fl-istess ħin u biex tipproduċi riżultati kkumbinati fuq skrin wieħed;

l-interkonnettività tas-sistemi tal-informazzjoni fejn id-dejta rreġistrata f’sistema waħda awtomatikament tiġi kkonsultata minn sistema oħra;

l-istabbiliment ta’ servizz kondiviż ta’ tqabbil bijometriku b’appoġġ ta’ diversi sistemi ta’ informazzjoni;

repożitorju komuni ta’ dejta għal sistemi ta’ informazzjoni differenti (modulu ewlieni).

Sabiex jinbeda proċess lejn l-interoperabbiltà tas-sistemi ta’ informazzjoni fil-livell tal-UE, il-Kummissjoni se twaqqaf Grupp ta’ Esperti dwar Sistemi ta’ Informazzjoni u l-Interoperabbiltà fil-livell ta’ uffiċjali anzjani mal-aġenziji tal-UE, esperti nazzjonali u partijiet interessati tal-istituzzjonali rilevanti. Il-Grupp ta’ Esperti ser jingħata l-kompitu li jindirizza l-aspetti legali, tekniċi u operattivi tal-għażliet differenti biex tinkiseb l-interoperabilità tas-sistemi tal-informazzjoni, inklużi l-ħtieġa, il-fattibilità teknika u l-proporzjonalità tal-ispiża ta’ għażliet disponibbli u l-implikazzjonijiet tagħhom fir-rigward tal-protezzjoni tad-dejta. Dan għandu jindirizza n-nuqqasijiet u l-lakuni tal-għarfien ikkawżati mill-kumplessità u l-frammentazzjoni tas-sistemi ta’ informazzjoni fil-livell Ewropew. Il-grupp ta’ esperti se jieħu perspettiva wiesgħa u komprensiva dwar il-ġestjoni tal-fruntieri u l-infurzar tal-liġi, billi jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll ir-rwoli tal-awtoritajiet doganali, ir-responsabbiltajiet u s-sistemi f’dan ir-rigward. Il-metodu ta’ ħidma tal-grupp se jimmira li joħloq sinerġija bejn l-esperjenzi kollha rilevanti, li fil-passat kienu wisq ta’ spiss żviluppati f’iżolament.

L-għan ta’ dan il-proċess huwa li jipprovdi viżjoni strateġika ġenerali tal-arkitettura tal-UE tal-ġestjoni tad-dejta għall-kontroll fuq il-fruntieri u s-sigurtà, kif ukoll biex jipprovdi soluzzjonijiet biex jimplimentawha.

Dan il-proċess ta’ konsultazzjoni għandu jkun iggwidat mill-għanijiet li ġejjin:

Is-sistemi tal-informazzjoni għandhom ikunu komplementari. Għandhom jiġu evitati duplikazzjonijiet u dawk eżistenti għandhom jiġu eliminati. In-nuqqasijiet għandhom jiġu indirizzati kif xieraq.

Għandu jiġi adottat approċċ modulari, bl-użu sħiħ tal-iżviluppi teknoloġiċi u li jibni fuq il-prinċipji ta’ privatezza permezz tad-disinn.

Rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali kollha, kemm taċ-ċittadini tal-UE u taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, għandhom ikunu assigurati mill-bidu f’konformità mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

Fejn ikun meħtieġ u possibbli, is-sistemi ta’ informazzjoni għandhom ikunu interkonnessi u interoperabbli. Għandhom jiġu ffaċilitati tfittxijiet simultanji tas-sistemi, biex jiżguraw li l-informazzjoni rilevanti kollha tkun disponibbli għall-gwardi tal-fruntieri u l-uffiċjali tal-pulizija meta u fejn dan ikun meħtieġ għall-kompiti rispettivi tagħhom, mingħajr ma jiġu mmodifikati d-drittijiet tal-aċċess eżistenti.

1.Interfaċċja ta' tfittxija waħda

L-ewwel dimensjoni ta’ "interoperabbiltà" hija l-abbiltà ta' tiftix f'diversi sistemi ta’ informazzjoni b’mod simultanju, u l-produzzjoni ta' riżultati kkumbinati fuq skrin wieħed għall-gwardji tal-fruntieri u uffiċjali tal-pulizija, b’rispett sħiħ tad-drittijiet tagħhom għall-aċċess, skont l-iskopijiet rispettivi. Dan jeħtieġ pjattaformi b’interfaċċja ta' tfittxija waħda li kapaċi jikkonsultaw sistemi ta’ informazzjoni b’mod simultanju bi tiftixa waħda. Pereżempju, permezz tal-qari ta' ċippa ta’ dokument tal-ivvjaġġar jew bl-użu ta’ dejta bijometrika, din il-pjattaforma tista’ tfittex diversi bażijiet ta' dejta differenti fl-istess ħin. L-approċċ ta’ tiftix uniku japplika għall-awtoritajiet kollha li jkollhom bżonn aċċess għal u użu tad-dejta (jiġifieri l-gwardji tal-fruntieri, l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, is-servizzi dwar l-ażil) skont il-limitazzjoni tal-iskop u r-regoli stretti tal-kontroll tal-aċċess. Jista’ jintuża wkoll ma’ tagħmir mobbli. L-istabbiliment ta’ interfaċċja ta' tfittxija waħda inaqqas il-kumplessità tas-sistemi tal-informazzjoni fil-livell Ewropew, peress li jippermetti li gwardji tal-fruntieri u uffiċjali tal-pulizija jfittxu diversi sistemi ta’ informazzjoni simultanjament permezz ta’ proċedura waħda, u skont id-drittijiet ta’ aċċess tagħhom.

Diversi Stati Membri diġà installaw dawn il-pjattaformi b'interfaċċja ta' tfittxija waħda. Fuq il-bażi ta’ din l-aħjar prattika eżistenti, il-Kummissjoni flimkien mal-eu-LISA se taħdem għall-istabbiliment ta’ soluzzjoni standardizzata ta’ interfaċċa ta' tiftix waħda. L-Istati Membri għandhom jużaw il-finanzjament tal-UE taħt il-programm nazzjonali tagħhom tal-Fond għas-Sigurtà Interna biex jiffinanzjaw l-installazzjoni ta’ dawn il-funzjonalitajiet. Il-Kummissjoni se tissorvelja mill-qrib kif l-Istati Membri jużaw il-funzjonalità ta’ interfaċċja ta' tfittxija waħda fuq livell nazzjonali.

Figura 2 interfaċċja ta' tfittxija waħda

It-tiftix multiplu ċentralizzat jew is-sistemi nazzjonali (kif muri) huwa aktar faċli li jintlaħaq milli jiġu mfittxija sistemi deċentralizzati. Il-Kummissjoni u l-eu-LISA se jesploraw jekk l-interfaċċja ta' tfittxija waħda tistax tintuża wkoll biex twettaq tfittxijiet simultanji ta' punt ta' kuntatt waħdieni fuq sistemi deċentralizzati bħall-Prüm u l-ECRIS. Il-Kummissjoni u l-eu-LISA se jwettqu din l-analiżi flimkien mal-Grupp ta’ Esperti dwar Sistemi ta’ Informazzjoni u Interoperabbiltà, mingħajr ma jiġu mmodifikati d-drittijiet tal-aċċess eżistenti.

2.L-interkonnettività tas-sistemi tal-informazzjoni

It-tieni dimensjoni tal-interoperabbiltà hija l-interkonnettività tas-sistemi tal-informazzjoni. Dan ifisser li s-sistemi jew il-bazijiet ta' dejta differenti jistgħu "jitkellmu ma’ xulxin" b'mod tekniku. Id-dejta rreġistrata f’sistema waħda tista’ tiġi kkonsultata minn sistema oħra awtomatikament f’livell ċentrali. Dan jeħtieġ il-kompatibbiltà teknika bejn is-sistemi, u l-elementi tad-dejta maħżuna f’dawk is-sistemi (eż. marki tas-swaba’) għandhom ikunu interoperabbli. L-interkonnettività tista' tnaqqas l-ammont ta’ dejta li tiċċirkola fuq in-netwerks ta’ komunikazzjoni u li tgħaddi minn sistemi nazzjonali.

L-interkonnettività teħtieġ salvagwardji xierqa għall-protezzjoni tad-dejta u regoli stretti tal-kontroll tal-aċċess. Il-ftehim politiku milħuq mill-koleġiżlaturi f’Diċembru 2015 dwar ir-riforma tal-Protezzjoni tad-Dejta se joħloq qafas modern għall-protezzjoni tad-dejta madwar l-UE li se jipprovdi għal dawn is-salvagwardji. Huwa importanti li l-koleġiżlaturi jadottaw ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Dejta u d-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Dejta mingħajr dewmien.

Il-kunċett tal-interkonnettività huwa inkorporat fis-sistema futura ta’ dħul u ħruġ. L-EES tal-futur se tkun tista' tikkomunika direttament mal-VIS fil-livell ċentrali u viċi versa. Din huwa pass importanti fl-indirizzar tal-frammentazzjoni attwali fl-arkitettura tal-ġestjoni tad-dejta tal-UE għall-kontroll tal-fruntieri u s-sigurtà interna, kif ukoll għall-problemi relatati. Il-kontroverifika awtomatizzata ser teħles lill-Istati Membri mill-bżonn li jikkonsultaw il-VIS waqt il-kontrolli fuq il-fruntiera, tnaqqas ir-rekwiżiti ta’ manutenzjoni u ttejjeb il-prestazzjoni tas-sistema.

Figura 3 L-interkonnettività tas-sistemi: l-eżempju tal-EES/VIS

Bħala l-pass li jmiss, il-Kummissjoni u l-eu-LISA se janalizzaw jekk fil-livell ċentrali, l-interkonnettività bejn l-EES futura u l-VIS tistax tiġi estiża għas-SIS, u jekk tistax tiġi stabbilita l-interkonnettività bejn l-EURODAC u s-SIS. Il-Kummissjoni u l-eu-LISA se jwettqu din l-analiżi flimkien mal-Grupp ta’ Esperti dwar Sistemi ta’ Informazzjoni u Interoperabbiltà.

3.Servizz kondiviż ta' tqabbil bijometriku

It-tielet dimensjoni tal-interoperabbiltà hija fil-qasam tal-identifikaturi bijometriċi. Pereżempju, meta jittieħdu l-marki tas-swaba’ f’konsulat ta’ Stat Membru wieħed b'tagħmir speċifiku, huwa ta’ importanza kruċjali li dawn il-marki jkunu jistgħu jitqabblu permezz tal-VIS fuq il-fruntiera ta’ Stat Membru ieħor, billi jintuża tagħmir ta’ tip ieħor. L-istess rekwiżit japplika għal mistoqsijiet dwar marki tas-swaba’ f’sistemi oħra: il-kampjuni bijometriċi għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti minimi tal-kwalità u l-format, sabiex tinkiseb din it-tip ta’ interoperabilità mingħajr diffikultà.

Fuq il-livell tas-sistema l-interoperabbiltà tal-identifikaturi bijometriċi tippermetti l-użu ta’ servizz kondiviż ta’ tqabbil bijometriku għal diversi sistemi ta’ informazzjoni, li jirrispettaw ir-regoli dwar il-protezzjoni tad-dejta personali billi d-dejta tiġi kompartimentalizzata, b’regoli separati tal-kontroll tal-aċċess għal kull kategorija ta’ dejta 27 . Servizzi kondiviżi bħal dawn jiġġeneraw benefiċċji finanzjarji, ta' manutenzjoni u operattivi serji.

Figura 4 Servizz kondiviż ta' tqabbil bijometriku

Il-Kummissjoni u l-eu-LISA se janalizzaw jekk l-istabbiliment ta’ servizz kondiviż ta' tqabbil bijometriku għal sistemi ta’ informazzjoni rilevanti kollha huwiex meħtieġ u teknikament fattibbli. Il-Kummissjoni u l-eu-LISA se jwettqu din l-analiżi flimkien mal-Grupp ta’ Esperti dwar Sistemi ta’ Informazzjoni u Interoperabbiltà.

4.Repożitorju komuni tad-dejta

L-aktar approċċ ambizzjuż u fit-tul biex l-interoperabilità tkun repożitorju komuni tad-dejta fil-livell tal-UE għal sistemi differenti ta’ informazzjoni. Ir-repożitorju komuni jikkostitwixxi modulu ċentrali li fih id-dejta bażika (dejta alfanumerika u bijometrika), filwaqt li elementi oħra ta’ informazzjoni u karatteristiċi speċifiċi tad-diversi sistemi ta’ informazzjoni (eż. id-dejta dwar il-viża) jkunu maħżuna f’moduli speċifiċi. Il-modulu ewlieni u l-moduli speċifiċi se jkunu konnessi ma’ xulxin biex jorbtu s-settijiet tad-dejta rispettivi. Dan iwassal għal ġestjoni tal-identità modulari u integrata għall-fruntieri u s-sigurtà. Jeħtieġ li l-konformità mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-dejta tkun żgurata, pereżempju permezz tat-tqassim tad-dejta, b’regoli ta' kontrolli tal-aċċess separati għal kull kategorija ta’ dejta.

L-istabbiliment ta' repożitorju komuni tad-dejta jegħleb il-frammentazzjoni attwali fl-arkitettura tal-ġestjoni tad-dejta tal-UE għall-kontroll tal-fruntieri u s-sigurtà interna. Din il-frammentazzjoni tmur kontra l-prinċipju tal-minimizzazzjoni tad-dejta, minħabba li l-istess dejta tirriżulta li tiġi maħżuna diversi drabi. Fejn meħtieġ, ir-repożitorju komuni jippermetti r-rikonoxximent ta’ konnessjonijiet u jipprovdi stampa ġenerali billi jgħaqqad elementi ta’ dejta individwali maħżuna f’diversi sistemi ta’ informazzjoni. Għalhekk, se jindirizza d-differenzi attwali fl-għarfien u jitfa’ dawl fuq il-punti mhux viżibbli għall-gwardji tal-fruntieri u għall-uffiċjali tal-pulizija.



Figura 5 Repożitorju komuni tad-dejta

 

L-għażla li jiġi stabbilit repożitorju komuni ta’ dejta fuq il-livell tal-UE tqajjem kwistjonijiet importanti ta’ definizzjoni ta’ skop, neċessità, fattibilità teknika u proporzjonalità tal-ipproċessar tad-dejta involuti. Dan ikun jirrikjedi reviżjoni sħiħa tal-qafas legali li jistabbilixxi diversi sistemi ta’ informazzjoni u jista’ jkun biss objettiv li għandu jintlaħaq fuq perjodu ta’ żmien twil. Il-Grupp ta’ Esperti dwar Sistemi ta’ Informazzjoni u l-Interoperabbiltà se jindirizza kwistjonijiet legali, tekniċi u operattivi marbuta ma’ repożitorju komuni ta’ dejta, inklużi kwistjonijiet ta’ protezzjoni tad-dejta.

Għall-erba’ dimensjonijiet ta’ interoperabilità msemmija hawn fuq (l-interfaċċja ta' tfittxija waħda, l-interkonnettività tas-sistemi, is-servizz uniku ta’ tqabbil bijometriku u r-repożitorju komuni tad-dejta), huwa meħtieġ li d-dejta maħżuna f’diversi sistemi ta’ informazzjoni jew moduli tkun kompatibbli. Sabiex jinkiseb dan, huwa importanti li l-ħidma dwar Format Universali ta’ Messaġġ (UMF) titmexxa ’l quddiem biex jinħoloq standard komuni għas-sistemi ta’ informazzjoni rilevanti kollha 28 .

Azzjonijiet lejn l-interoperabbiltà tas-sistemi ta’ informazzjoni

Il-Kummissjoni waqqfet Grupp ta’ Esperti dwar Sistemi ta’ Informazzjoni u l-Interoperabbiltà ma’ Aġenziji tal-UE, ma’ Stati Membri u partijiet interessati relevanti biex jesploraw l-aspetti legali, tekniċi u operattivi tat-tisħiħ tal-interoperabbiltà tas-sistemi tal-informazzjoni, inklużi l-ħtieġa, il-fattibilità teknika u l-proporzjonalità tal-ispiża ta’ għażliet disponibbli u l-implikazzjonijiet tagħhom fir-rigward tal-protezzjoni tad-dejta.

Interfaċċja ta' tfittxija waħda

Il-Kummissjoni u l-eu-LISA għandhom jappoġġjaw l-Istati Membri biex jinstallaw interfaċċja ta' tfittxija waħda għal verifiki tas-sistemi ċentrali.

Il-Kummissjoni u l-eu-LISA għandhom jesploraw, flimkien mal-Grupp ta' Esperti, jekk l-interfaċċji ta' tfittxija waħda jistgħux jintużaw biex issir tfittxija simultanja ta' punt ta' kuntatt waħdieni għas-sistemi rilevanti kollha mingħajr ma timmodifika d-drittijiet tal-aċċess eżistenti.

Interkonnettività tas-sistemi tal-informazzjoni

Il-Kummissjoni u l-eu-LISA għandhom janalizzaw, flimkien mal-Grupp ta' Esperti, jekk l-interkonnettività bejn is-sistemi ta’ informazzjoni tistax tiġi promossa aktar mill-interkonnettività li diġa' ġiet proposta bejn is-sistema ta’ Dħul-Ħruġ u s-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża.    

Servizz ta' tqabbil bijometriku

Il-Kummissjoni u l-eu-LISA għandhom janalizzaw, flimkien mal-Grupp ta' Esperti, l-ħtieġa u l-fattibilità teknika għat-twaqqif ta’ servizz kondiviż ta’ tqabbil bijometriku għas-sistemi ta’ informazzjoni rilevanti kollha.

Repożitorju komuni tad-dejta (modulu ċentrali)

Il-Kummissjoni u l-eu-LISA għandhom jesploraw, flimkien mal-Grupp ta' Esperti, l-implikazzjonijiet legali, tekniċi, operattivi u finanzjarji tal-iżvilupp fuq terminu twil ta’ repożitorju komuni tad-dejta.

Il-Kummissjoni u l-eu-LISA għandhom jimpenjaw ruħhom f'ħidma kontinwa biex jinħoloq Format Universali ta’ Messaġġ għas-sistemi ta’ informazzjoni rilevanti kollha.

8.Konklużjoni

Din il-komunikazzjoni tniedi diskussjoni dwar kif sistemi ta’ informazzjoni fl-UE jistgħu jtejbu aktar il-ġestjoni tal-fruntieri u s-sigurtà interna, filwaqt li jibnu fuq sinerġiji sinifikanti bejn Aġendi Ewropej dwar is-Sigurtà u l-Migrazzjoni. Għadd ta’ sistemi tal-informazzjoni diġà jipprovdu lill-gwardji tal-fruntieri u uffiċjali tal-pulizija b’informazzjoni rilevanti, iżda dawn is-sistemi mhumiex perfetti. L-UE qed tiffaċċja l-isfida li tibni arkitettura ta’ ġestjoni tad-dejta aktar b’saħħitha u intelliġenti, f’konformità sħiħa mad-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari l-protezzjoni tad-dejta personali u l-prinċipju tal-limitazzjoni tal-iskop.

Fejn hemm lakuni fl-arkitettura tal-UE tal-ġestjoni tad-dejta, dawn iridu jiġu indirizzati. Flimkien ma’ din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni ppreżentat proposta għal Sistema ta’ Dħul/Ħruġ li għandha tiġi adottata bħala kwistjoni ta’ urġenza. Id-Direttiva dwar ir-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri jeħtieġ ukoll li tiġi adottata fil-ġimgħat li ġejjin. Il-proposta għall-Gwardja Ewropea tal-Fruntieri u tal-Kosta għandha tiġi adottat qabel is-sajf. B’mod parallel il-Kummissjoni se tkompli taħdem biex issaħħaħ u fejn meħtieġ tissimplifika s-sistemi eżistenti, bħalma huma l-iżvilupp tal-funzjonalità tas-Sistema Awtomatizzata tal-Identifkazzjoni tal-Marki tas-Swaba’ għas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen.

Jeħtieġ li l-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ mis-sistemi ta’ informazzjoni eżistenti u jistabbilixxu konnessjonijiet tekniċi meħtieġa mas-sistemi kollha tal-informazzjoni u bażijiet ta’ dejta, f’konformità mal-obbligi legali tagħhom. In-nuqqasijiet eżistenti, partikolarment fil-qafas Prüm, jeħtieġ li tinstab soluzzjoni għalihom mingħajr dewmien. Filwaqt li din il-Komunikazzjoni tniedi diskussjoni u tibda proċess li jindirizza l-lakuni u n-nuqqasijiet sistemiċi, huwa f’idejn l-Istati Membri biex jindirizzaw b’urġenza n-nuqqasijiet persistenti fid-dħil ta' informazzjoni fil-bażijiet tad-dejta tal-UE u tal-iskambju ta’ informazzjoni madwar l-Unjoni. 

Sabiex tittejjeb strutturalment l-arkitettura għall-ġestjoni tad-dejta tal-UE għall-kontroll fuq il-fruntieri u s-sigurtà, din il-Komunikazzjoni qiegħda tniedi proċess lejn l-interoperabbiltà tas-sistemi ta’ informazzjoni. Il-Kummissjoni se twaqqaf Grupp ta’ Esperti dwar Sistemi ta’ Informazzjoni u l-Interoperabbiltà biex tindirizza l-modalitajiet legali, tekniċi u operazzjonali ta’ għażliet biex tinkiseb l-interoperabbiltà tas-sistemi ta’ informazzjoni u jindirizzaw kwalunkwe nuqqas u lakuni. Wara s-sejbiet tal-Grupp ta’ Esperti, il-Kummissjoni Ewropea se tippreżenta aktar ideat konkreti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bħala bażi għal diskussjoni konġunta dwar it-triq ’il quddiem. Il-Kummissjoni se tfittex ukoll is-sehem tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta u awtoritajiet nazzjonali għall-protezzjoni tad-dejta miġbura fil-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29.

L-għan għandu jkun l-iżvilupp ta’ strateġija konġunta biex tagħmel il-ġestjoni tad-dejta fl-UE aktar effikaċi u effiċjenti, b’osservanza sħiħa tar-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-dejta, biex tipproteġi l-fruntieri esterni tagħha u ssaħħaħ is-sigurtà interna, għall-benefiċċju taċ-ċittadini kollha.



Anness 1: Taqsiriet    

API

Informazzjoni minn Qabel dwar il-Passiġġieri

AFIS

Sistema ta’ Identifikazzjoni Awtomatizzata tal-Marki tas-Swaba’: sistema kapaċi taqbad, taħżen, tqabbel u tivverifika l-marki tas-swaba’.

CIS

Sistema ta’ Informazzjoni Doganali

ECRIS

Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali

EES

Sistema tad-Dħul-Ħruġ (proposta)

EIXM

Mudell Ewropew għall-Iskambju ta' Informazzjoni

EIS

Sistema ta’ Informazzjoni tal-Europol

EPRIS

Sistema ta’ Informazzjoni Ewropea ta’ Rekords tal-Pulizija

EURODAC

Dattiloskopija Ewropea

EUROPOL

Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (l-aġenzija tal-infurzar tal-liġi tal-Unjoni Ewropea)

ETIAS

Sistema tal-UE tal-Informazzjoni u l-Awtorizzazzjoni tal-Ivvjaġġar (possibbli);

eu-LISA

Aġenzija Ewropea għall-ġestjoni operazzjonali tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fil-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja.

FIND

Bażi ta' Dejta tal-Interpol f’Netwerk Fiss

FRONTEX

Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Kooperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea

iARMS

Sistema ta’ Ġestjoni tar-Reġistrar u t-Traċċar ta’ Armi Illeċiti (tal-Interpol)

INTERPOL

Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Pulizija Kriminali

MIND

Bażi ta' Dejta Netwerkjata Mobbli tal-Interpol

PIU

Unità tal-Informazzjoni dwar il-Passiġġieri: unità li għandha tiġi stabbilita f’kull Stat Membru biex tirċievi dejta tal-PNR mit-trasportaturi.

PNR

Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri

Prüm

Mekkaniżmu ta' kooperazzjoni tal-pulizija għall-iskambju ta’ informazzjoni dwar id-DNA, il-marki tas-swaba’ u d-dejta ta’ reġistrazzjoni tal-vetturi

SafeSeaNet

Pjattaforma Ewropea għal skambju ta' dejta marittima bejn l-awtoritajiet marittimu tal-Istati Membri.

SBC

Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen

SIENA

Applikazzjoni ta' Netwerk għall-Iskambju Sikur ta' Informazzjoni

SIS

Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (xi kultant imsejħa t-2 Ġenerazzjoni — SIS II)

SLTD

Il-bażi ta' dejta (tal-Interpol) dwar Dokumenti tal-Ivvjaġġar Misruqa u Mitlufa 

sTESTA

Servizzi Trans-Ewropej sikuri tat-Telematika bejn l-Amministrazzjonijiet (li għandhom jiġu aġġornati għal TESTA-NG (tal-ġenerazzjoni li jmiss))

UMF

Format Universali ta' Messaġġ: Format Universali ta' Messaġġ li jippermetti kompatibilità bejn sistemi ta’ informazzjoni

VIS

Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża

VRD

Dejta dwar ir-Reġistrazzjoni tal-Vetturi



Anness 2: Inventarju ta' sistemi eżistenti ta’ informazzjoni għall-ġestjoni tal-fruntieri u l-infurzar tal-liġi

1.Sistema ta’ Informazzjoni ta' Schengen (SIS)

Is-SIS hija l-akbar u l-aktar pjattaforma ta’ skambju ta’ informazzjoni dwar l-immigrazzjoni u l-infurzar tal-liġi li tintuża. Hija sistema ċentralizzata użata minn 25 Stat Membru tal-UE 29 u erba’ pajjiżi assoċjati ma’ Schengen 30 , li attwalment fiha 63 miljun twissija. Dawn jiddaħħlu u jiġu kkonsultati mill-awtoritajiet kompetenti, bħall-pulizija, l-awtoritajiet responsabbli għall-kontroll tal-fruntieri u l-immigrazzjoni. Din il-pjattaforma fiha rekords dwar ċittadini ta’ pajjiż terz li jkunu pprojbiti milli jidħlu jew jibqgħu fiż-żona Schengen kif ukoll dwar l-UE u ċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi li jkunu mfittxija jew nieqsa (inklużi t-tfal) u dwar oġġetti mfittxija (armi tan-nar, vetturi, dokumenti tal-identità, tagħmir industrijali, eċċ.). Il-karatteristika distintiva tas-SIS meta mqabbla ma’ strumenti oħrajn ta’ kondiviżjoni ta’ informazzjoni hija li l-informazzjoni tagħha hija kkompletata minn struzzjoni għal azzjoni konkreta li għandha tittieħed minn uffiċjali fuq il-post, bħal arrest jew konfiska.

Il-kontrolli tas-SIS huma obbligatorji għall-ipproċessar ta’ viżi għal soġġorn qasir, għall-kontrolli fuq il-fruntieri ta' ċittadini ta’ pajjiżi terzi u, fuq bażi mhux sistematika, 31 għaċ-ċittadini tal-UE u persuni oħra li jgawdu d-dritt ta’ moviment liberu. Barra minn hekk, kull kontroll tal-pulizija fit-territorju għandu jinkludi verifika awtomatika fis-SIS.

2.Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS)

Il-VIS hija sistema ċentralizzata għall-iskambju tad-dejta dwar viżi għal żjajjar qosra bejn l-Istati Membri. Hija tipproċessa dejta u deċiżjonijiet dwar applikazzjonijiet għal viżi għal żjarat qosra, jew it-tranżitu miż-żona Schengen. Il-konsulati kollha tal-Istati Schengen (madwar 2000) u l-punti ta’ qsim tal-fruntieri esterni kollha tagħhom (madwar 1800 b'kollox) ġew imqabbda mas-sistema.

Il-VIS fiha dejta dwar l-applikazzjonijiet u deċiżjonijiet għall-viża, kif ukoll jekk il-viżi humiex maħruġa, annullati, revokati jew estiżi. Bħalissa tinkludi dejta dwar 20 miljun applikazzjoni għall-viża u fl-eqqel tax-xogħol, titratta aktar minn 50.000 tranżazzjoni kull siegħa. Kull applikant tal-viża jipprovdi informazzjoni bijografika dettaljata, ritratt diġitali u għaxar marki tas-swaba’. Bħala tali, huwa mezz affidabbli biex tiġi vverifikata l-identità tal-applikanti għal viża, li jivvaluta każijiet possibbli ta’ migrazzjoni irregolari u r-riskji għas-sigurtà, u biex jevita “visa shopping”.

Fil-punti ta' qsim tal-fruntieri jew fi ħdan it-territorji tal-Istati Membri, il-VIS tintuża biex tivverifika l-identità tad-detenturi tal-viża billi tqabbel il-marki tas-swaba' tiegħu/tagħha mal-marki tas-swaba' merfugħa fil-VIS. Dan il-proċess jiggarantixxi li l-persuna li applikat għall-viża hija l-istess persuna li qed taqsam il-fruntiera. Tfittxija għall-marki tas-swaba’ fil-VIS tista’ wkoll tippermetti l-identifikazzjoni ta’ persuna li applikat għal viża f’dawn l-aħħar ħames snin u li tista' ma tkunx qed iġġorr dokumenti ta' identità.

3.EURODAC

(Dattiloskopija Ewropea) EURODAC fiha l-marki tas-swaba’ tal-applikanti għall-ażil u taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaqsmu l-fruntieri esterni ta’ Schengen b’mod irregolari. L-iskop primarju tagħha attwalment huwa biex jiġi determinat liema pajjiż tal-UE huwa responsabbli għall-ipproċessar ta’ applikazzjoni għall-ażil skont ir-Regolament ta’ Dublin. Hija tinsab disponibbli f’punti tal-qsim tal-fruntieri, iżda għall-kuntrarju tas-SIS u l-VIS m'hijiex sistema ta’ ġestjoni tal-fruntieri.

Marki tas-swaba’ ta’ migranti irregolari li jidħlu fl-UE b’mod illegali jittieħdu fil-punti ta’ qsim tal-fruntiera. Dawn huma maħżuna fl-EURODAC biex tiġi vverifikata l-identità tal-persuna f’każ ta’ applikazzjoni għall-ażil futura. L-immigrazzjoni u l-awtoritajiet tal-pulizija jistgħu wkoll iqabblu d-dejta tal-marki tas-swaba’ ta' migranti irregolari li nstabu fl-Istati Membri tal-UE biex jivverifikaw jekk dawn ikunux applikawx għall-ażil fi Stat Membru ieħor. L-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u l-Europol huma intitolati wkoll li jfittxu fl-EURODAC biex jipprevjenu, jidentifikaw jew jinvestigaw reati serji jew reati terroristiċi.

Ir-reġistrazzjoni tal-marki tas-swaba’ ta’ dawk li jfittxu l-ażil jew tal-migranti irregolari f’sistema ċentralizzata jippermettu l-identifikazzjoni u l-monitoraġġ tal-movimenti sekondarji tagħhom 32 fl-UE, sakemm l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tkun ġiet ippreżentata jew tkun ġiet maħruġa deċiżjoni ta' ritorn (fil-futur, bi twissija korrispondenti fis-SIS). B’mod aktar ġenerali, l-identifikazzjoni u l-monitoraġġ tal-migranti irregolari hija meħtieġa biex tiżgura d-dokumentazzjoni mill-ġdid mill-awtoritajiet fil-pajjiż tal-oriġini tagħhom u b’hekk tiffaċilita r-ritorn tagħhom.

4.Dokumenti tal-Ivvjaġġar Misruqa u Mitlufa (STLD)

Il-bażi ta' dejta tad-Dokumenti tal-Ivvjaġġar Misruqa u Mitlufa tal-Interpol (SLTD) hija bażi tad-dejta ċentrali dwar passaporti u dokumenti oħra tal-ivvjaġġar li ġew rapportati misruqa jew mitlufa mill-awtoritajiet emittenti lill-Interpol. Din tinkludi informazzjoni dwar passaporti vojta misruqa. Dokumenti tal-ivvjaġġar irappurtati mitlufa jew misruqa lill-awtoritajiet tal-pajjiżi li jipparteċipaw fis-SIS jiddaħħlu kemm fl-SLTD kif ukoll fis-SIS. L-SLTD għandha wkoll dejta dwar id-dokumenti tal-ivvjaġġar imdaħħla minn pajjiżi li mhux qed jipparteċipaw fis-SIS (l-Irlanda, il-Kroazja, Ċipru u pajjiżi terzi).

Kif iddikjarat fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-9 u l-20 ta’ Novembru 2015, kif ukoll fil-proposta tal-Kummissjoni tal-15 ta’ Diċembru 2015 għal regolament dwar programm immirat ta’ modifika tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen 33 , id-dokumenti tas-safar taċ-ċittadini kollha tal-pajjiżi terzi u persuni li jgawdu mid-dritt ta’ moviment liberu għandhom jiġu vverifikai mal-SLTD. Il-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera kollha għandhom ikunu konnessi mal-SLTD. Barra minn hekk, it-tfittxijiet fl-SLTD tal-infurzar tal-liġi fil-pajjiżi jiġġeneraw benefiċċji tas-sigurtà addizzjonali.

5.Informazzjoni bil-Quddiem dwar il-Passiġġieri (API)

L-għan tal-API huwa li tiġbor l-informazzjoni dwar l-identità ta’ persuna qabel jitilgħu abbord titjiriet li jaslu fl-UE u li tidentifika migranti irregolari mal-wasla tagħhom. Id-dejta tal-API tikkonsisti f’informazzjoni miżmuma f’dokument tal-ivvjaġġar, u hija marbuta ma’ isem sħiħ, data tat-twelid, nazzjonalità, numru u t-tip ta’ dokument tal-ivvjaġġar, kif ukoll informazzjoni dwar il-punt ta’ qsim tal-fruntiera ta’ ħruġ u dħul kif ukoll dettalji tat-trasport tal-vjaġġatur. Id-dejta tal-API relatata mal-passiġġier attwalment tinġabar waqt iċ-check in.

Informazzjoni ta’ qabel it-tluq dwar it-trasport bil-baħar għandha tiġi trasmessa skont il-Konvenzjoni dwar il-Faċilitazzjoni tat-Traffiku Marittimu Internazzjonali 24 siegħa qabel id-data tal-wasla tal-bastiment. Id-Direttiva 2010/65/UE 34 tipprovdi għal sistema ta’ trażmissjoni elettronika ta’ dejta permezz ta’ tieqa unika, li tgħaqqad is-SafeSeaNet, l-e-Customs u sistemi elettroniċi oħrajn.

Ma teżistix sistema ċentrali tal-UE biex tirreġistra d-dejta tal-API.

6.Sistema ta’ Informazzjoni tal-Europol

Is-Sistema ta’ Informazzjoni tal-Europol (EIS) hija bażi ta’ dejta ċentralizzata tal-informazzjoni kriminali għal skopijiet investigattivi. Din tista’ tintuża mill-Istati Membri u mill-Europol biex jaħżnu u jfittxu dejta dwar il-kriminalità serja u t-terroriżmu. L-informazzjoni maħżuna f’din l-EIS tikkonċerna dejta dwar persuni, dokumenti tal-identità, vetturi, armi tan-nar, numri tat-telefon, posta elettronika, marki tas-swaba’, DNA u informazzjoni marbuta maċ-ċiberkriminalità, li jistgħu jkunu konnessi ma’ xulxin b’modi differenti biex tinħoloq stampa aktar dettaljata u strutturata fil-każ ta’ reat. L-EIS jappoġġja l-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi u m'huwiex disponibbli għall-awtoritajiet ta’ kontroll tal-fruntieri.

L-iskambju tal-informazzjoni huwa indirizzat permezz tal-pjattaforma SIENA 35 , li huwa netwerk ta’ komunikazzjoni elettronika sigur bejn l-Europol u l-Uffiċċji ta’ Kollegament, l-Unitajiet Nazzjonali tal-Europol, l-awtoritajiet kompetenti maħtura (bħad-dwana, l-uffiċċji għall-irkupru tal-assi, eċċ.) u partijiet terzi konnessi.

F’Mejju 2017 se jidħol fis-seħħ qafas legali ġdid għall-Europol. Dan il-qafas ser jippermetti li jkun hemm kapaċità operattiva mtejba biex l-Europol iwettaq analiżi, u biex jidentifika aħjar ir-rabtiet bejn l-informazzjoni disponibbli.

7.Il-qafas Prüm

Il-qafas Prüm huwa bbażat fuq ftehim multilaterali 36 bejn l-Istati Membri li jippermetti l-iskambju ta’ DNA, marki tas-swaba’ u tad-Dejta dwar ir-Reġistrazzjoni tal-Vetturi (VRD). Il-kunċett huwa bbażat fuq l-interkonnessjoni ta’ sistema nazzjonali mas-sistemi nazzjonali tal-Istati Membri l-oħra kollha tal-UE, sabiex jippermettu kontroverifika b'mod remot. Meta tiftixa tiġġenera tqabbil pożittiv fil-bazijiet ta' dejta ta’ Stati Membri oħra, id-dettalji tat-taqbila pożittiva jiġu skambjati permezz ta’ mekkaniżmi ta’ skambju bilaterali.

8.Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali (ECRIS)

L-ECRIS hi sistema elettronika għall-iskambju ta’ informazzjoni dwar kundanni preċedenti li ngħataw kontra persuna speċifika mill-qrati kriminali fl-UE għall-iskopijiet ta’ proċedimenti kriminali kontra persuna u jekk tkun tippermetti l-liġi nazzjonali, għal skopijiet oħra. Stat Membru li joħroġ kundanna għandu jinnotifika l-kundanni mogħtija kontra ċittadin ta’ Stat Membru lill-Istat Membru taċ-ċittadinazza. L-Istat Membru taċ-ċittadinazza jrid jaħżen din l-informazzjoni u b’hekk jista’ jipprovdi informazzjoni aġġornata dwar ir-rekords kriminali taċ-ċittadini tiegħu meta jintalab, irrispettivament minn fejn fl-UE jkunu ngħataw il-kundanni.

L-ECRIS tippermetti wkoll l-iskambju ta’ informazzjoni dwar kundanni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi u ta’ persuni apolidi. Awtoritajiet ċentrali nominati f’kull Stat Membru huma l-punti ta’ kuntatt fin-netwerk ECRIS li jieħdu ħsieb il-kompiti kollha bħal pereżempju n-notifika, l-ħażna, it-talba u l-għoti ta’ informazzjoni dwar rekords kriminali.

(1)  Il-Konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tas-17 u t-18 ta’ Diċembru 2015; Dikjarazzjoni Konġunta tal-Ministri tal-UE għall-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni u r-rappreżentanti tal-istituzzjonijiet tal-UE dwar l-attakki terroristiċi fi Brussell fit-22 ta’ Marzu 2016 (l-24 ta’ Marzu 2016); Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-UE u tal-Istati Membri mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill dwar il-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu (l-20 ta’ Novembru 2015).
(2)  Ara t-taqsima 4 għal ħarsa ġenerali tas-sistemi tal-informazzjoni u s-sigurtà tal-fruntieri, u anness 2 għal inventarju iżjed dettaljat.
(3)  Suġġett għat-termini speċifiċi tal-Protokoll 22 li jikkonċerna d-Danimarka u l-Protokolli 21 u 36 għal dak li jikkonċerna r-Renju Unit u l-Irlanda u l-Atti ta' Adeżjoni rispettivi.
(4)  Ara http://ec.europa.eu/justice/data-protection/reform/index_en.htm.
(5)  COM(2010) 385 finali.
(6) Għal deskrizzjoni komprensiva tal-'privatezza bit-tfassil,' irreferi għall-Opinjoni tas-Superviżur Ewropew għall-Ħarsien tad-Dejta dwar il-Promozzjoni tal-Fiduċja fis-Soċjetà tal-Informazzjoni bit-Trawwim tal-Ħarsien tad-Dejta u l-Privatezza, is-Superviżur Ewropew għall-Ħarsien tad-Dejta, 18.3.2010.
(7)  Ara l-Anness 2 għal inventarju tas-sistemi eżistenti tal-informazzjoni għall-ġestjoni tal-fruntieri u l-infurzar tal-liġi.
(8)  Suġġett għat-termini speċifiċi tal-Protokoll 22 li jikkonċerna d-Danimarka u l-Protokoll 21 u 36 għal dak li jikkonċerna r-Renju Unit u l-Irlanda.
(9)  L-aċċess tal-infurzar tal-liġi għall-VIS u l-EURODAC jista' jiġi eżerċitat taħt kundizzjonijiet limitati minħabba l-fatt li l-infurzar tal-liġi huwa objettiv anċillari ta’ dawk is-sistemi. Dwar il-VIS, l-Istati Membri għandhom jaħtru awtorità responsabbli biex jikkontrollaw l-aċċess tal-infurzar tal-liġi filwaqt li l-pulizija jridu jipprovdu evidenza li l-aċċess tagħhom huwa meħtieġ għal investigazzjonijiet kriminali. Rigward l-EURODAC, l-awtorità investigattiva għandha tfittex l-AFIS u l-Prüm nazzjonali u l-VIS qabel ma tingħata aċċess għall-EURODAC.
(10) Dalwaqt se tiġi sostitwita bit-TESTA-NG.
(11)  COM(2016)194 finali.
(12)  Ara t-taqsima 6.2.
(13)  Is-sistemi ta’ informazzjoni doganali jinkludu s-sistemi kollha maħluqa taħt il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ir-Regolament 2913/92) u l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni tal-futur (Regolament 952/2013), id-Deċiżjoni dwar ambjent mingħajr karti għad-dwana u l-kummerċ (id-Deċiżjoni 70/2008/KE) u s-Sistema ta’ Informazzjoni tad-Dwana ġiet stabbilita skont il-Konvenzjoni SID tal-1995. L-għan tagħha huwa li tgħin fil-ġlieda kontra l-kriminalità relatata mad-dwana billi tiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali Ewropej. 
(14) L-Artikolu 22(c) tar-Regolament (KE) Nru 1987/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni u tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 533/2007/ĠAI tat-12 ta’ Ġunju 2007 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-sistema ta’ informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) (ĠU L 381, 28.12.2006, p. 4 u ĠU L 2015, 7.8.2007 p.63).
(15)   F’Marzu 2016, il-Kummissjoni ppreżentat rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar id-disponibbiltà u t-tlestija tat-teknoloġija biex tiġi identifikata persuna abbażi tal-marki tas-swaba’ miżmuma fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II).
(16)  Il-ħolqien ta’ din it-twissija ġdida se tiġi vvalutata bil-ħsieb li jiġu mfittxija l-komplementarjetà u tiġi evitata duplikazzjoni mal-Qafas Prüm eżistenti għat-tiftix ta’ marki tas-swaba’ f’diversi bażijiet tad-dejta nazzjonali tal-Istati Membri tal-UE.
(17)  Għodod ta’ tiftix ta’ informazzjoni żviluppati mill-Interpol, bħalma huma l- Bażi ta' Dejta tal-Interpol fissa mqabbda ma' netwerk (FIND) u l-bażi ta' Dejta tal-Interpol mobbli mqabbda ma' netwerk (MIND), għandhom l-għan li jiffaċilitaw tiftix simultanji fis-SIS u s-sistemi tal-Interpol.
(18)  Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-UE u tal-Istati Membri mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill dwar il-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu, l-20 ta’ Novembru 2015.
(19)  Ara t-taqsima 6.2 dwar id-Direttiva dwar ir-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri proposta.
(20)  Kif indikat bħala teknikament fattibbli fl-istudju tal-JRC "Rikonoxximent tal-Marki tas-Swaba’ għat-tfal"; EUR 26193 EN; ISBN 978-92-79-33390-3Children', 2013.
(21)  COM(2016)197 finali.
(22)  COM(2016) 7 finali, 19.1.2016.
(23)  Suġġett għat-termini speċifiċi tal-Protokoll 22 li jikkonċerna d-Danimarka u l-Protokoll 21 u 36 għal dak li jikkonċerna r-Renju Unit u l-Irlanda.
(24)  Ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal transazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE
(25)  Il-proġett pilota tal-Proċess ta’ Skambju Awtomatizzat tad-Dejta (ADEP) għandu l-għan li joħloq sistema teknika li tippermetti, permezz ta’ indiċi, biex tara jekk jeżistux rekords tal-pulizija fuq investigazzjoni individwali jew investigazzjoni kriminali tal-pulizija fi Stat Membru jew f’diversi Stati Membri. It-tweġiba awtomatizzata għal tfittxija fl-indiċi turi biss jekk hijiex disponibbli d-dejta; l-hekk imsejħa tweġiba "hit" jew "no hit". Dejta personali addizzjonali tintalab fit-tieni pass f’każ ta’ "hit" permezz tal-kanali normali għall-koperazzjoni tal-pulizija.
(26)  Suġġett għat-termini speċifiċi tal-Protokoll 22 li jikkonċerna d-Danimarka u l-Protokoll 21 u 36 għal dak li jikkonċerna r-Renju Unit u l-Irlanda.
(27)  Komparabbli mal-kondiviżjoni ta' server tal-fajls fiżiku wieħed b’għadd kbir ta’ utenti, li kull wieħed minnhom għandu drittijiet speċifiċi ta’ aċċess għal ċerti fowlders biss.
(28)  Il-Kummissjoni appoġġat l-iżvilupp kontinwu tal-UMF fil-Komunikazzjoni tal-2012 dwar il-Mudell Ewropew ta’ Skambju ta’ Informazzjoni (EIXM) u attwalment qed tiffinanzja t-tielet proġett pilota tal-UMF, bl-għan li jinħoloq standard komuni għall-bażijiet tad-dejta rilevanti kollha, biex jintużaw fil-livell nazzjonali (tal-Istati Membri), fil-livell tal-UE (għas-sistemi ċentrali, u mill-Aġenziji) u fil-livell internazzjonali (Interpol).
(29)   Kollha, ħlief l-Irlanda, Ċipru, u l-Kroazja.
(30)   l-Isvizzera, l-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżlanda. 
(31)  Din ir-regola hija soġġetta għal tibdil kif previst mill-proposta tal-Kummissjoni COM/2015/0670 dwar l-emenda tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen.
(32)   Pereżempju, r-refuġjati li qed jaslu fil-Greċja mingħajr intenzjoni li jagħmlu applikazzjoni għall-ażil fil-Greċja, iżda jkomplu jivvjaġġaw lejn Stati Membri oħra fuq l-art.
(33)  COM(2015) 670 finali Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament Nru 562/2006 (KE) dwar it-tisħiħ tal-kontrolli fil-fruntieri esterni abbażi ta' bażijiet tad-dejta rilevanti
(34)  Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2010/65/UE tal- 20 ta’ Ottubru 2010 dwar il-formalitajiet ta’ rappurtar għal bastimenti li jaslu fi u/jew jitilqu minn portijiet tal-Istati Membri u li tħassar id-Direttiva 2002/6/KE:
(35)   L-Applikazzjoni tan-Netwerk ta' Skambju tal-Informazzjoni Sigur.
(36)  Il-Konvenzjoni ta’ Prüm tal-2005. Il-Konvenzjoni ġiet integrata fil-Leġiżlazzjoni tal-UE fl-2008 permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI.
Top