Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016DC0116

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL LI TAKKUMPANJA L-PROPOSTA GĦAL REGOLAMENT TAL-KUNSILL DWAR L-GĦOTI TA’ APPOĠĠ TA’ EMERĠENZA FL-UNJONI

    COM/2016/0116 final

    Brussell, 2.3.2016

    COM(2016) 116 final

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

    LI TAKKUMPANJA L-PROPOSTA GĦAL REGOLAMENT TAL-KUNSILL DWAR L-GĦOTI TA’ APPOĠĠ TA’ EMERĠENZA FL-UNJONI


    1.Kuntest

    Illum, aktar minn 60 miljun ruħ sfaw imċaqilqa minħabba l-gwerra, kunflitt fit-tul jew diżastri naturali kbar. Bejn Jannar 2015 u Frar 2016, aktar minn 1,1 miljun ruħ – refuġjati, applikanti għall-ażil u migranti – rħewlha lejn l-Unjoni Ewropea, jew biex jaħarbu l-kunflitt fil-pajjiżi ta’ oriġini tagħhom jew inkella biex ifittxu ħajja aħjar u aktar sikura. Minkejja x-xitwa, l-għadd ta’ refuġjati u migranti li waslu fix-xtut tal-UE fl-2016 kien għaxar darbiet aktar miċ-ċifri rreġistrati matul l-istess perjodu fl-2015. 1

    Il-Kummissjoni Ewropea qiegħda taħdem sabiex tiżgura reazzjoni Ewropea qawwija u kkoordinata 2 . Tfasslet sensiela estensiva ta’ proposti sabiex l-Istati Membri jkollhom f’idejhom l-għodod neċessarji biex inaqqsu l-għadd kbir ta’ wasliet u biex iġestuhom. Saru wkoll sforzi sostanzjali biex il-migrazzjoni tiġi indirizzati mill-għeruq tagħha u biex tingħata għajnuna umanitarja f’żoni mifnija bil-kunflitti u anki lir-refuġjati fil-pajjiżi ġirien ospitanti.

    B’xorti ħażina, sakemm tistenna li dawn il-miżuri jsiru kompletament effettivi, l-Unjoni Ewropea qiegħda tiffaċċja, għall-ewwel darba fl-istorja tagħha, il-potenzjal ta’ konsegwenzi umanitarji mifruxa fit-territorju tagħha stess. Azzjoni koordinata addizzjonali immedjata u ta’ eċċezzjoni hija meħtieġa sabiex timxi id f’id mar-reazzjoni tal-Istati Membri u tappoġġaha u tiżgura li l-UE tkun tista’ tiskansa traġedja umanitarja vera u proprja mill-fruntieri tagħha ’l ġewwa.

    F’dan il-kuntest, fid-19 ta’ Frar 2016, il-Kunsill Ewropew appella għal azzjoni urġenti u għal proposti konkreti mill-Kummissjoni sabiex “tiġi stabbilita l-kapaċità biex l-UE tipprovdi għajnuna umanitarja internament, f’kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet bħall-UNHCR, biex jingħata appoġġ lil pajjiżi li qed jiffaċċjaw għadd kbir ta’ refuġjati u migranti, filwaqt li tibni fuq l-esperjenza tad-dipartiment għall-Għajnuna Umanitarja u l-Protezzjoni Ċivili tal-UE 3 .

    Hemm bżonn ta’ strument ġdid u ta’ baġit emendatorju biex jimtela dan il-vojt fl-għodod għad-disponibbiltà tal-UE. L-Artikolu 214 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE jippermetti li l-hekk imsejħa għajnuna umanitarja tintuża biss għall-bżonnijiet li jfeġġu lil hinn mill-UE. Il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (il-UCPM) li diġà jeżisti mhuwiex mgħammar b’mod adegwat biex jindirizza l-bżonnijiet umanitarji strutturali mifruxa li jirriżultaw mill-kriżi tar-refuġjati u tal-migrazzjoni. L-attivazzjonijiet 4 tal-UCPM għall-kriżi tar-refuġjati u tal-migrazzjoni indikaw li, filwaqt li l-assistenza reċiproka volontarja taħdem sew f’każijiet li fihom Stat Membru jintlaqat għal għarrieda minn diżastru, il-Mekkaniżmu mhuwiex imfassal biex jindirizza sitwazzjonijiet li fihom bosta Stati Membri jistgħu potenzjalment ikunu milquta. Strumenti oħra, bħall-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (il-FSUE), il-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (l-AMIF) u l-Fond għas-Sigurtà Interna (l-ISF), jipprovdu riżorsi finanzjarji sinifikattivi biex jappoġġjaw lill-Istati Membri, iżda mhumiex imfassla għall-bżonnijiet strettament umanitarji ta’ kotriet ta’ refuġjati u ta’ migranti.

    Minħabba f’hekk, hemm bżonn li jiġi żviluppat strument b’baġit apposta li jippermetti lill-UE li tipprovdi appoġġ finanzjarju lis-sħab umanitarji b’kapaċità ta’ implimentazzjoni f’qasir żmien ta’ azzjonijiet ta’ emerġenza bħala appoġġ għall-Istati Membri li jintlaqtu għal għarrieda.

    Ta’ min jenfasizza li, f’konformità mal-mandat li ngħata mill-Kunsill Ewropew, il-miżuri fir-Regolament propost se jkollhom, l-ewwel u qabel kollox, l-għan li jindirizzaw l-isfidi umanitarji ta’ eċċezzjoni frott is-sitwazzjoni migratorja li teżisti bħalissa, u li x’aktarx li se jissoktaw għal xi żmien.

    Barra minn hekk, l-iżgurar li din l-inizjattiva l-ġdida tkun tista’ tissodisfa l-bżonnijiet f’każ ta’ kwalunkwe emerġenza kbira fil-ġejjieni li jista’ jkollha impatt umanitarju mifrux jikkostitwixxi ppjanar bi prudenza. Il-potenzjal għal diżastri kemm jekk ikkawżati mill-bniedem kif ukoll naturali fl-Unjoni qiegħed jikber dejjem aktar, u jaf ikun tant kbir li minn tali diżastri jinbet għawġ ekonomiku serju fi Stat Membru jew f’diversi Stati Membri. Jistgħu wkoll iseħħu fi Stat Membru jew f’diversi Stati Membri li diġà qegħdin jiffaċċjaw għawġ ekonomiku serju għal raġunijiet oħra, u dan iwassal biex jaggrava u jgħarraq ulterjorment il-qagħda ekonomika kumplessiva tal-Istat Membru kkonċernat. Fiż-żewġ każijiet, il-kapaċità ta’ reazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat tintlaqat ħażin biex imbagħad l-assistenza li tkun qiegħda tingħata lill-persuni fil-bżonn tintlaqat min-naħa tagħha b’mod negattiv ukoll.

    Għaldaqstant, il-proposta tistipula qafas aktar ġenerali għall-għoti ta’ appoġġ ta’ emerġenza f’kull xorta ta’ diżastru naturali jew ikkawżat mill-bniedem fl-UE li jwassal għal impatti umanitarji mifruxa. Abbażi tal-esperjenza li se tinkiseb fl-ambitu tar-Regolament propost, u billi titqies l-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-UCPM li mistennija fl-2017, se jiġu miflija s-sinerġiji bejn iż-żewġ strumenti.

    2.Objettiv u kamp ta’ applikazzjoni

    L-objettiv speċifiku tar-Regolament propost huwa li jistipula miżuri li jippermettu lill-Unjoni tipprovdi appoġġ finanzjarju ta’ emerġenza għal operazzjonijiet ta’ salvataġġ u ta’ sokkors umanitarju li jkunu meħtieġa b’mod urġenti fl-UE. Dan jippermetti lill-Unjoni tipprovdi appoġġ finanzjarju biex tkopri l-kostijiet tal-operazzjonijiet ta’ reazzjoni għal emerġenza li jkunu marbuta direttament mal-kriżi tal-migrazzjoni u tar-refuġjati li tinsab għaddejja. Dawn jinkludu l-operazzjonijiet kollha ta’ assistenza, ta’ sokkors u ta’ protezzjoni bit-tir li jsalvaw il-ħajjiet, itaffu t-tbatija u jissalvagwardjaw id-dinjità tal-bniedem. Operazzjonijiet bħal dawn ikunu, pereżempju, jinkludu l-forniment ta’ oġġetti bażiċi ta’ sokkors, servizzi ta’ saħħa, edukazzjoni u protezzjoni, materjal għall-kenn u servizzi relatati, ilma u faċilitajiet sanitarji, jew tipi oħra ta’ sokkors meħtieġ urġentement.

    Sabiex ikun hemm kemm jista’ jkun effiċjenza, ir-Regolament propost jipprevedi li l-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet ta’ reazzjoni għal emerġenza titwettaq mill-organizzazzjonijiet sħab 5 . B’dan il-mod, il-Kummissjoni se tkun tista’ ssejjaħ immedjatament għall-għajnuna tas-sħab stabbiliti u aċċertati jew tas-servizzi speċjalizzati tal-Istati Membri li jkollhom l-esperjenza meħtieġa 6 .

    B’mod aktar ġenerali, u kif mitlub mill-Kunsill Ewropew, ir-Regolament propost jibbaża fuq l-esperjenza fis-sod li kiseb id-Direttorat Ġenerali għall-Għajnuna Umanitarja u l-Protezzjoni Ċivili tal-Kummissjoni fl-oqsma ta’ kompetenza tiegħu, li tippermettilu jsarraf l-azzjonijiet li s-soltu jwettaq f’pajjiżi terzi f’azzjonijiet fl-Unjoni. B’mod partikolari, billi jeżisti xebh bejn li jingħata appoġġ ta’ emerġenza biex jiġu indirizzati l-bżonnijiet umanitarji bażiċi fl-Unjoni u l-għoti ta’ għajnuna umanitarja lil persuni milquta minn diżastri jew kunflitti f’pajjiżi terzi, fir-Regolament huwa previst li l-operazzjonijiet kollha ffinanzjati fil-qafas tiegħu għandhom jikkonformaw mal-prinċipji umanitarji li dwarhom kien hemm qbil internazzjonali.

    Il-proċeduri ta’ żborż huma wkoll imfassla skont in-natura tal-appoġġ ta’ emerġenza sabiex ikun żgurati l-flessibilità u l-ħeffa neċessarji. Barra minn hekk, ir-Regolament propost se jippermetti li l-għotjiet u l-kuntratti ta’ akkwist pubbliku jingħataw direttament u jkopru sa 100 % tal-kostijiet eliġibbli. Huwa previst ukoll ċertu grad ta’ retroattività.

    3. Baġit u skedar

    Abbażi tad-dejta disponibbli 7 , u tas-suppożizzjoni raġonevoli li xi wħud minn dawn il-bżonnijiet se jkunu koperti minn entitajiet oħra, il-Kummissjoni kkonkludiet li EUR 700 miljun se jkunu meħtieġa matul it-tliet snin li ġejjin, sabiex jiġu indirizzati l-bżonnijiet umanitarji dejjem joktru fl-Ewropa waqt din il-kriżi tal-migrazzjoni u tar-refuġjati, b’mod partikolari fil-pajjiżi tal-UE tul ir-rotta tal-Balkani tal-Punent. Allokazzjoni ta’ EUR 300 miljun se tkun meħtieġa biex tikkumplementa u tappoġġja l-azzjonijiet tal-Istati Membri biex jindirizzaw il-bżonnijiet umanitarji notevoli tar-refuġjati u tal-migranti fl-2016 u biex tkopri kwalunkwe diżastru mhux previst. Għandhom jiġu allokati EUR 200 miljun oħra biex jintużaw fl-2017 u fl-2018 rispettivament billi jaf ifeġġu bżonnijiet umanitarji ulterjuri, speċjalment jekk il-flussi tar-refuġjati jibqgħu deħlin bl-istess livelli ta’ bħalissa.

    Sakemm jidħol fis-seħħ ir-Regolament propost, il-Kummissjoni se tkompli tagħmel l-almu tagħha biex tindirizza l-bżonnijiet umanitarji possibbli fl-Istati Membri bħala konsegwenza tal-influss għoli ta’ refuġjati u ta’ migranti, billi sserraħ fuq l-AMIF u l-ISF. Minkejja li primarjament ġew imfassla biex jappoġġjaw miżuri fuq terminu twil u strutturali bit-tir li jissaħħu l-kapaċitajiet permanenti tal-Istati Membri tal-UE fil-qasam tal-migrazzjoni u tas-sigurtà, f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza l-fondi tal-AMIF u tal-ISF jistgħu jintużaw ukoll sabiex ikopru bżonnijiet fuq terminu qasir b’firxa wiesgħa (inklużi ta’ natura umanitarja).

    4. Konklużjoni

    Il-Kummissjoni hija konxja mill-fatt li l-użu tal-AMIF u tal-ISF jista’ biss ikun soluzzjoni temporanja sakemm jiġi adottat ir-Regolament propost. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni tisħaq dwar l-importanza li l-proposta tiġi adottata mill-aktar fis, l-aktar fid-dawl tar-rebbiegħa li tinsab fuq l-għatba u ż-żieda probabbli fil-bżonnijiet umanitarji, u ssejjaħ lill-Kunsill biex jaġixxi fl-iqsar żmien possibbli. Hemm bżonn li tittieħed azzjoni issa biex tiġi indirizzata l-kriżi umanitarja li qiegħda tiżvolġi fl-Unjoni tagħna.

    (1) Il-UNHCR
    (2) Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-10 ta’ Frar dwar is-Sitwazzjoni Attwali rigward l-Implimentazzjoni tal-Azzjonijiet Prijoritarji fl-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni – COM(2016) 85 final
    (3) Ara l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tad-19 ta’ Frar 2016, EUCO 1/16.
    (4) L-Ungerija, is-Slovenja, il-Kroazja, il-Greċja u s-Serbja talbu għall-assistenza
    (5) Dawn jinkludu l-aġenziji tan-NU, l-organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-Federazzjoni Internazzjonali tas-Soċjetajiet Nazzjonali tas-Salib l-Aħmar u tan-Nofs Qamar l-Aħmar, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi mingħajr skop ta’ qligħ, kif ukoll is-servizzi speċjalizzati tal-Istati Membri.
    (6) Il-Kummissjoni kkonkludiet ftehimiet qafas ta’ sħubija ma’ bosta minn fost dawn l-organizzazzjonijiet li jistgħu jintużaw ukoll skont dan ir-Regolament propost.
    (7) Din id-dejta nġabret mill-Kummissjoni matul il-kriżi tar-refuġjati u saret disponibbli mis-sħab umanitarji b’esperjenza attivi fil-post (pereż. ir-rapport tal-IOM/UNHCR tal-2016 dwar “pjan reġjonali ta’ reazzjoni għar-refuġjati u għall-migranti għall-Ewropa”, li jiddikjara li USD 550 miljun huma meħtieġa abbażi ta’ xenarju ta’ tranżitu).
    Top