EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016DC0105

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI It-Tmien Rapport dwar l-Istatus tal-Implimentazzjoni u l-Programmi għall-Implimentazzjoni (kif rikjest mill-Artikolu 17) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE dwar it-trattament tal-ilma urban mormi

COM/2016/0105 final

Brussell, 4.3.2016

COM(2016) 105 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

It-Tmien Rapport dwar l-Istatus tal-Implimentazzjoni u l-Programmi għall-Implimentazzjoni (kif rikjest mill-Artikolu 17) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE dwar it-trattament tal-ilma urban mormi

{SWD(2016) 45 final}


It-Tmien Rapport dwar l-Istatus tal-Implimentazzjoni u l-Programmi għall-Implimentazzjoni (kif rikjest mill-Artikolu 17) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE dwar it-trattament tal-ilma urban mormi

1. Il-Kuntest tal-politika    

2. Valutazzjoni ġenerali tal-konformità    

2.1. Sistemi ta’ ġbir u sistemi individwali jew sistemi oħra xierqa (Artikolu 3)    

2.2. Trattament sekondarju jew bijoloġiku (Artikolu 4)    

2.3. Trattament terzjarju jew aktar strett u żoni sensittivi (Artikolu 5)    

2.4. Bliet kbar, rimi kbir    

2.5. Xejriet tal-konformità    

2.6. Informazzjoni dwar il-konformità fil-livell reġjonali    

2.7. L-isfidi li fadal    

3. Azzjoni biex tkun promossa l-konformità    

3.1 Programmi ta' finanzjament    

3.2 Programmi ta' implimentazzjoni (Artikolu 17)    

3.3 Titjib fil-ġestjoni u fit-tixrid tad-dejta    

3.4 Infurzar legali    

4. Il-ħolqien tal-impjiegi u t-tkabbir bl-investimenti f’infrastruttura għas-servizzi tal-ilma    

5.    L-innovazzjoni: ewlenija biex tappoġġa l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u t-tkabbir    

6. Konklużjonijiet    



1. Il-Kuntest tal-politika

L-ilma mormi mhux miġbur u mhux trattat iġġenerat mill-500 miljun abitant tal-UE huwa sors ewlieni tat-tniġġis li jaffettwa l-kwalità tal-ilma ħelu 1 u tal-ilma baħar 2 u joħloq riskju għas-saħħa tal-bniedem u għall-bijodiversità.

 

Id-Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi 3 tistabbilixxi rekwiżiti minimi għall-ġbir u għat-trattament tal-ilma urban mormi u hija waħda mill-istrumenti ewlenin tal-politika fl-acquis tal-ilma tal-UE. L-implimentazzjoni tal-UWWTD sa mill-adozzjoni tagħha fl-1991 naqqset 4 , b'mod partikolari, il-ħruġ ta' sustanzi ewlenin li jniġġsu bħat-tagħbija u n-nutrijenti organiċi, li għandhom rwol ewlieni fl-ewtrofikazzjoni tal-ilma. Madanakollu, l-implimentazzjoni fadlilha ħafna biex titlesta. Xi Stati Membri li ssieħbu fl-UE mill-2004 qed jesperjenzaw distakki mhux żgħar fil-konformità.

L-implimentazzjoni hija diffiċli minħabba aspetti finanzjarji u ta' pjanar marbuta mal-kostruzzjoni tal-infrastruttura tal-ilma mormi. Biex tgħin biex jintlaħqu dawn l-isfidi, l-UE ddedikat ammont sinifkanti ta' finanzjament bħala parti mill-fondi tal-Politika ta' Koeżjoni tal-UE (EUR 17,8 biljun fil-perjodu ta' programmar 2007-2013, li għadu jista' jinbidel). L-investimenti fl-infrastruttura jwasslu, direttament u indirettament, għat-tkabbir ekonomiku u l-impjieg u għaldaqstant jikkontribwixxu għall-waħda mill-prijoritajiet ewlenin tal-Kummissjoni preżenti, jiġifieri dik li tagħti spinta lix-xogħol, lit-tkabbir u lill-investiment 5 .

Dan ir-rapport għall-ewwel darba jgħaqqad id-dejta rrapportata mill-Istati Membri dwar il-ġbir u t-trattament tal-ilma mormi urban 6 mad-dejta dwar l-implimentazzjoni tal-programmi 7 . Dan jagħti stampa ċara tad-distakki fil-konformità u l-azzjoni li beħsiebhom jieħdu l-Istati Membri biex jagħlqu dawn id-distakki, kif ukoll il-ħtiġijiet ta' investiment stmati u l-iskedi ta' żmien biex jintlaħqu.

L-isforzi ssuktati biex titjieb u tinżamm il-konformità mal-UWWTD huma essenzjali, kif huwa rikonoxxut ukoll fis-Seba' Programm ta' Azzjoni Ambjentali 8 , li jistqarr li biex ikun imħares, ikkonservat u msaħħaħ il-kapital naturali tal-UE sal-2020, l-impatt tal-pressjonijiet fuq l-ilma salmastru, l-ilma kostali u l-ilma ħelu għandu jitnaqqas sew f'konformità mar-rekwiżiti tad-WFD.

Tħassib ewlieni ieħor għaċ-ċittadini tal-UE huma s-servizzi sanitarji ta' kwalità għolja, kif rifless fl-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej "Right2Water". Il-Kummissjoni għarfet dan il-fatt 9 u impenjat ruħha li tieħu passi biex tindirizza t-tħassib imqajjem. Fost dawn il-passi nsibu t-tisħiħ tal-implimentazzjoni, azzjonijiet biex tittejjeb it-trasparenza fil-ġestjoni tad-dejta tal-ilma u djalogu aktar strutturat bejn il-partijiet interessati 10 .

2. Valutazzjoni ġenerali tal-konformità

Il-valutazzjoni tal-konformità titwettaq abbażi tal-metodoloġija għall-evalwazzjoni tad-dejta, disponibbli fir-Reportnet tal-EEA 11 .

Kull wieħed mit-28 Stat Membru tal-UE ressaq settijiet tad-dejta bħala parti minn dan l-eżerċizzju ta’ rappurtar. Fil-biċċa l-kbira, din hija dejta għas-sena 2012 u f'każijiet eċċezzjonali u ġustifikati għall-2011 (CY, HU u LT).

Ġiet ivvalutata d-dejta ta' 25 Stat Membru biss. Il-kwalità tad-dejta rappurtata minn IT u PL ma kinitx tajba biżżejjed. Għal HR, sal-2012 ma kien japplika l-ebda obbligu ta' konformità.

It-Tmien Rapport ta' Implimentazzjoni jkopri aktar minn 19,000 raħal u belt ("agglomerazzjonijiet") li jaqbżu l-2,000 abitant u li jiġġeneraw tniġġis li jikkorrispondi għal 495 miljun ta' hekk imsejħa ekwivalenti tal-popolazzjoni (p.e.) 12 . Meta mqabbel mar-rapport preċedenti, ġie nnutat tnaqqis ta' madwar 100 miljun ekwivalenti tal-popolazzjoni, bl-ikbar raġuni għal dan tkun il-kalkolu mill-ġdid tad-daqs tal-agglomerazzjonijiet abbażi ta' dejta ġdida minn ċensimenti, turisti u industrija f'CZ, ES, HU u RO u n-nuqqas ta' inklużjoni ta' dejta tal-popolazzjoni minn IT u PL.

Kważi 15,000 raħal u belt (86 % tat-tagħbija tat-tniġġis tal-UE) huma fil-15-il Stat Membru li kienu jikkostitwixxi l-UE sal-2004. Il-kumplament qegħdin fit-13-il Stat Membru li ssieħbu fl-UE fl-2004, fl-2007 u fl-2013 13 . Bosta agglomerazzjonijiet f’għadd minn dawn tal-aħħar (BG, CY, LV, HU, RO, SI u SK) iridu jikkonformaw ma' skadenzi li huma aktar tard mill-2011/2012 u għaldaqstant ma ġewx ivvalutati f'dan ir-rapport.

B’mod ġenerali, ir-rati ta’ konformità fil-livell tal-UE-15 instabu li kienu għoljin ferm. Fil-livell tal-Istati Membri individwali, ir-rati ta’ bejn 95 %-100 % huma kemxejn spissi. Ir-riżultati huma ħafna aktar baxxi fl-UE-13, speċjalment f’żoni sensittivi. Madankollu, ġie osservat progress sinifikanti minn meta sar l-aħħar rapport (SWD (2013) 298 final).

Madanakollu, ir-riżultati ġenerali għall-UE-28 għadhom għoljin ħafna minħabba l-kontribut relattivament baxx tat-tagħbija tat-tniġġis annwali mill-UE-13 (14 %).

L-introduzzjoni ta' approċċ ġdid: kemm fadal biex tinkiseb il-konformità?

Biex tinkiseb stampa aktar wiesgħa tas-sitwazzjoni dwar il-mira tal-ġbir u t-trattament tal-ilma mormi fl-Istati Membri, għall-ewwel darba dan ir-rapport jinkludi valutazzjoni tad-distakki f'ilma mormi miġbur, konness u trattat b'mod tajjeb. Dan l-approċċ huwa żieda mal-valutazzjoni uffiċjali tal-konformità li tintuża biex tkun valutata l-konformità mal-obbligi legali li jirriżultaw mill-UWWTD. Il-metodoloġija u r-riżultati huma ppreżentati fl-Anness 14 u jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej 15 :

Għalkemm fadal ħafna xogħol xi jsir biex tkun żgurata konformità sħiħa mal-UWWTD, sar ħafna progress u parti kbira mill-ilma mormi urban tal-Ewropa fil-fatt jiġi trattat sew qabel ma jerġa' jitqiegħed fl-ambjent.

Sabiex tinkiseb konformità sħiħa, hija meħtieġa azzjoni biex jingħelbu d-distakki eżistenti:

11-il miljun ta' ekwivalenti tal-popolazzjoni (2 %) iridu jiġu konnessi u trattati, jew indirizzati permezz ta' IAS;

48 miljun ta' ekwivalenti tal-popolazzjoni (9 %) tal-ilma urban mormi diġà konness irid jilħaq il-prestazzjoni ta' trattament sekondarju; u

39 miljun ta' ekwivalenti tal-popolazzjoni (12 %) tal-ilma urban mormi diġà konness irid jilħaq il-prestazzjoni ta' trattament aktar strett.

2.1. Sistemi ta’ ġbir u sistemi individwali jew sistemi oħra xierqa (Artikolu 3)

Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jiġbru parti konsiderevoli tal-ilmijiet mormija tagħhom, b’rata medja ta’ konformità ta’ 98 % (żieda mill-94 % fir-rapport preċedenti). 20 Stat Membru jilħqu rati ta’ konformità ta’ 100 %. L-Istati Membri kollha għajr għal BG jew żammew inkella tejbu r-riżultati preċedenti. Żewġ Stati Membri biss kienu għadhom juru rati tal-konformità baxxi iktar minn 60 % (BG u SI). Fadal pajjiżi fejn isir ġbir parzjali biss tal-ilma tad-dranaġġ; dawn japplikaw sistemi individwali jew sistemi oħra xierqa (IAS) 16 b'rata relattivament għolja ('il fuq minn 20 %). Dan huwa l-każ għal EL, HU, LV, LT, u SK.

2.2. Trattament sekondarju jew bijoloġiku (Artikolu 4)

92 % tal-ilma mormi fl-UE għadda minn trattament sekondarju f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-UWWTD, żieda ta' 10 % mir-rapport preċedenti. 16-il Stat Membru laħqu konformità ta' bejn id-90 % u l-100 %, ħamsa oħra kellhom livelli ta' konformità ta' bejn il-50 % u d-90 % (CY, CZ, ES, FR u PT) u tlieta oħra (BG, MT, SI) laħqu livelli aktar baxxi. Għalkemm ir-rati ta’ konformità fl-Istati Membri tal-UE-13 għadhom batuti, b'rata ġenerali ta' 68 %, kien hemm titjib sostanzjali meta mqabbel mar-rapport preċedenti, li fih 39 % biss tal-ilma mormi għadda minn trattament sekondarju xieraq.

2.3. Trattament terzjarju jew aktar strett u żoni sensittivi (Artikolu 5)

Kważi 75 % tat-territorju fl-UE issa huwa meqjus bħala żona sensittiva. 15-il Stat Membru nnominaw it-territorju kollu tagħhom bħala tali, filwaqt li 13-il Stat Membru identifikaw biss ċerti korpi tal-ilma bħala “sensittivi”. HU u SI impenjaw ruħhom li fil-futur japplikaw trattament iktar strett fil-parti mit-territorju tagħhom li tinsab fiż-żona idrografika tad-Danubju u ma tqisitx minn tali obbligi tat-trattament skont it-Trattati ta' Adeżjoni rispettivi tagħhom. Id-dettalji taż-żoni sensittivi huma disponibbli mill-portal tad-dejta tal-EEA 17 .

B'rata ta’ konformità ġenerali ta’ 88 %, kien hemm titjib sostanzjali ta’ 11-il punt perċentwali mir-rapport preċedenti. Madanakollu, minħabba dewmien fl-implimentazzjoni ta’ trattament aktar strett fl-Istati Membri tal-UE-13, dawk l-Istati Membri juru rata medja ta’ konformità ta’ 32 %. B’mod ġenerali, 9 Stati Membri laħqu livelli taħt il-50 %, 4 Stati Membri oħra kellhom livelli bejn il-50 % u d-90 % u, fuq nota pożittiva, 12-il pajjiż urew rati ta’ konformità ta’ bejn id-90 % u l-100 %. Fost id-diffikultajiet biex tinkiseb konformità sħiħa hemm ħtiġijiet ogħla ta' investiment, il-mobilizzazzjoni ta' finanzjament meħtieġ, proċeduri twal u kumplessi għall-ħolqien ta' infrastruttura ġdida u biex tittejjeb dik eżistenti.

Stampa 1: Riżultati tal-konformità fil-livelli tal-UE-28, tal-UE-15 u tal-UE-13 fir-rigward tal-Artikoli 3 (ġbir), 4 (trattament sekondarju) u 5 (trattament aktar strett). Il-valuri medji huma murija u mkejla skont it-tagħbija tat-tniġġis iġġenerat minn Stati Membri individwali.

Stampa 2: Riżultati tal-konformità għal kull Stat Membru għall-Artikolu 3 tal-UWWTD (ġbir), 4 (trattament sekondarju) u 5 (trattament aktar strett). L-Istati Membri murija skont il-livelli ta' konformità, bl-Istati Membri bl-aktar livell baxx fuq quddiem. F'LV, ir-riżultati tal-konformità għall-Artikolu 5 kienu ugwali għal 0 % peress li LV irrappurtat li l-ebda wieħed mill-impjanti tat-trattament ma applika trattament aktar strett, anki jekk il-prestazzjoni N u P hija konformi mar-rekwiżiti tal-UWWTD. Rati aktar baxxi ta’ konformità skont l-Artikolu 4 meta mqabbla ma’ dawk tal-Artikolu 5 huma possibbli, peress li l-Artikolu 5 jirreferi biss għal żoni sensittivi. Ir-rati ta’ konformità f’RO ġew ikkalkulati abbażi tal-perċentwali tat-tagħbija totali misjuba konformi għall-Artikoli 3, 4 u 5 rispettivament, f'konformità mar-rekwiżiti fit-Trattat ta’ Adeżjoni, aktar milli abbażi tal-perċentwal ta’ tagħbija assoċjati ma’ agglomerazzjonijiet li huma f’konformità sħiħa (dejta dwar il-lista ta’ agglomerazzjonijiet assoċjati ma’ rati ta’ konformità meħtieġa fit-Trattat tal-Adeżjoni ma kinitx disponibbli).

 

2.4. Bliet kbar, rimi kbir

Dan ir-rapport ikopri 463 belt kbira (> 150,000 abitant). Dan huwa tnaqqis ta' aktar minn 100 mir-rapport preċedenti, l-aktar minħabba li ma ddaħħlitx dejta Taljana u Pollakka. It-tagħbija ta’ tniġġis li hija prodotta minn bliet kbar tirrappreżenta 46 % tat-tagħbija totali ġġenerata. Madwar 89 % ta’ din it-tagħbija tgħaddi minn trattament li huwa aktar strett minn dak li jkun meħtieġ mill-UWWTD. Il-perċentwal ta’ tagħbija li ma nġabritx jew li nġabret imma ma ġietx trattata naqas minn 5 % għal 2,2 % minn mindu ħareġ ir-rapport preċedenti. Madanakollu, il-grad ta’ konformità jvarja b’mod sinifikanti fost l-ibliet il-kbar. Pereżempju, huma biss 14 mit-28 belt kapitali 18 tal-Istati Membri tal-UE li jistgħu jitqiesu li konformaw b'mod sħiħ fl-2011/2012, li minkejja kollox huma tliet bliet kapitali aktar minn ta' żmien ir-rapport preċedenti.

2.5. Xejriet tal-konformità

Ir-riżultati tal-konformità tul is-snin juru xejra pożittiva, bl-eċċezzjoni tat-tnaqqis mis-snin 2005/2006 għas-snin 2007/2008 minħabba l-fatt li xi pajjiżi b'riżultati inqas tajbin ma rrappurtawx id-dejta fl-2005/2006. Ix-xejriet fuq terminu twil għandhom jitqiesu bi prudenza, peress li d-dejta rrappurtata mhux dejjem kopriet l-istess Stati Membri/agglomerazzjonijiet għal għadd ta' raġunijiet, fosthom: sistemi tal-IT sotto-ottimali fl-ewwel eżerċizzji, l-għeluq gradwali ta' skadenzi fil-livell tal-UE-13 jew ir-rappurtar ħażin minn xi Stati Membri.

Dan ir-rapport jinkludi dejta ġdida dwar CY, EE, LV, HU, SI, SK u RO, hekk kif l-iskadenzi l-ġodda għalqu u dan wassal għal obbligi ġodda ta' konformità. Min-naħa l-oħra, id-dejta għal IT, PL u HR ma setgħetx titqies fil-kalkolu tar-riżultati tal-UE.

Stampa 3: L-evoluzzjoni fir-rati ta’ konformità mis-sena ta’ referenza 1998 (abbażi tas-settijiet ta’ dejta mhux kompluti disponibbli).

2.6. Informazzjoni dwar il-konformità fil-livell reġjonali

F’dan ir-rapport għall-ewwel darba l-Kummissjoni pproċessat u inkludiet riżultati fil-livell reġjonali. Dan jippermetti li tingħata ħarsa aktar preċiża u affettwata mill-fatti dwar l-implimentazzjoni fl-Istati Membri, fejn iċ-ċifri ġenerali mhux dejjem huma ta' użu.

L-Istati Membri b’rati għolja ta’ konformità fil-livell nazzjonali normalment juru xejriet bħal dawn fir-reġjuni kollha tagħhom. Madankollu, rati aktar baxxi ta’ konformità fil-livell nazzjonali ħafna drabi huma r-riżultat ta' prestazzjoni ħażina f'xi wħud mir-reġjuni tagħhom (pereżempju f'BG, SI, PT, ES, IE).

Ir-reġjuni ġew ikklassifikati bħala “rurali”, “urban” jew “bilanċjati” fejn jidħol it-tqassim tal-popolazzjoni tagħhom rispettivament f'agglomerazzjonijiet li fil-biċċa l-kbira huma "żgħar", li fil-biċċa l-kbira huma "kbar" jew f'għadd bilanċjat tat-tnejn.

Is-sehem ta’ reġjuni b’rati għolja ta’ konformità (90-100 %) għall-Artikoli 3, 4 u 5 (jekk applikabbli) turi li l-hekk imsejħa reġjuni “urbani” jiksbu riżultati aħjar, segwiti mill-qrib minn reġjuni “bilanċjati”, bir-reġjuni “rurali” b'rati aktar baxxi. Dan jista’ jiġi spjegat bi skadenzi tal-konformità itwal għal agglomerazzjonijiet iżgħar.

Stampa 4: Perċentwal ta’ reġjuni (urbani, rurali jew bilanċjati) li fihom jintlaħqu rati ta' konformità ta' bejn id-90 % u l-100 % għall-Artikolu 3, 4 u 5.

2.7. L-isfidi li fadal

Minkejja t-titjib fil-konformità mal-UWWTD, għad fadal xi sfidi:

- L-għoti fil-waqt ta' settijiet tad-dejta sħaħ ta' kwalità tajba mill-Istati Membri kollha, li jippermetti affidabbiltà ogħla tar-riżultati tal-konformità. L-iżvilupp tal-oqfsa strutturati ta' informazzjoni u implimentazzjoni (minn hawn 'il quddiem SIIFs) jista' jkun mod biex ikun faċilitat mod aktar effettiv u simplifikat biex tingħata l-informazzjoni mitluba skont il-UWWTD.

- Xi wħud mill-Istati Membri tal-UE-13 għadhom lura biex jilħqu l-obbligi ta' konformità preżenti tagħhom, speċjalment dwar it-trattament tal-ilma mormi, u b'mod partikolari dwar it-trattament iktar strett. L-Istati Membri tal-UE-13 li għandhom skadenzi pendenti jridu jiżguraw li jittieħdu l-passi meħtieġa biex tinkiseb il-konformità qabel id-data ta' skadenza tal-perjodi tranżizzjonali. Pjannar xieraq dwar il-prijoritajiet tal-infrastruttura u l-iżgurar tal-investiment meħtieġ huma essenzjali.

- It-titjib ta' rati baxxi ta' konformità f'xi Stati Membri u reġjuni tal-UE-15 fejn l-iskadenzi għall-konformità skadew snin ilu jsir prijorità.

- Il-konformità fl-ibliet il-kbar tjiebet, iżda għadd rilevanti minnhom li jarmu f’żoni sensittivi għadhom mhumiex qed japplikaw trattament iktar strett. Dan huwa ta’ tħassib partikolari minħabba li huma ta' piż fuq l-ambjent akkwatiku.

3. Azzjoni biex tkun promossa l-konformità

Biex tgħin lill-Istati Membri jiksbu l-għanijiet tal-UWWTD, qed iseħħu għadd ta' azzjonijiet, bħal djalogi bilaterali, l-iżvilupp ta’ programmi ta’ implimentazzjoni, l-iżgurar ta’ investimenti fl-infrastruttura permezz tal-Fondi Ewropej Strutturali u ta’ Investiment u t-titjib fil-ġestjoni u t-tixrid tad-dejta ta' implimentazzjoni. Meta n-nuqqas ta’ konformità jippersisti, il-Kummissjoni tniedi azzjoni formali ta’ ksur tal-liġi tal-UE.

3.1 Programmi ta' finanzjament

Il-kostruzzjoni ta’ infrastruttura ta’ ġbir u ta’ trattament tal-ilma mormi teħtieġ investimenti maġġuri, li għalihom l-UE toffri opportunitajiet ta’ finanzjament bħala parti mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej. Matul dawn l-aħħar perjodi ta’ programmar, dawn il-fondi kellhom rwol kruċjali biex jippermettu li l-Istati Membri jwettqu investimenti biex jissodisfaw id-dispożizzjonijiet tal-UWWTD. Fil-perjodu ta’ pprogrammar 2007-2013, madwar EUR 17,8 biljun mill-fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni s’issa ġew allokati għal din l-infrastruttura fi 22 Stat Membru. In-negozjati dwar il-programmi operazzjonali għall-perjodu 2014-2020 bħalissa huma fl-istadju finali tagħhom. Għal dan il-perjodu jridu jiġu sodisfatti ċerti kundizzjonijiet ex ante li jinkludu politika ta’ pprezzar tal-ilma għall-investimenti fis-servizzi tal-ilma. Dan il-mekkaniżmu jipprovdi inċentivi xierqa għall-użu effiċjenti tar-riżorsi tal-ilma u għal kontribut xieraq mill-użi differenti tal-ilma għall-irkupru tal-kosti tas-servizzi tal-ilma, b’rata li hija determinata fil-pjanijiet ta’ mmaniġġjar tal-baċini tax-xmajjar elaborati fid-WFD. Dan jiżgura wkoll li l-investimenti jsiru fi ħdan qafas strateġiku u li l-finanzjament jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-liġi ambjentali tal-UE.

3.2 Programmi ta' implimentazzjoni (Artikolu 17)

Fl-2014 l-Istati Membri rrappurtaw informazzjoni dwar il-programmi ta’ implimentazzjoni tagħhom, skont l-Artikolu 17 tal-UWWTD 19 . Is-segwitu ta’ dan l-artikolu kien “attivat mill-ġdid” bil-"Pjan ta' Azzjoni tal-Ilma" 20 bħala azzjoni biex jittejbu r-rati ta' konformità. Jekk l-informazzjoni dwar il-konformità titgħaqqad mal-informazzjoni dwar programmi ta' implimentazzjoni pjanati u li għadhom għaddejin, tkun possibbli l-valutazzjoni dwar jekk il-miżuri maħsuba humiex biżżejjed biex tintlaħaq il-konformità fi żmien raġonevoli u bil-prijoritajiet it-tajba. Il-programmi ta' implimentazzjoni fihom ukoll informazzjoni siewja dwar l-ippjanar finanzjarju u r-riżorsi meħtieġa.

L-Istati Membri 21 rrappurtaw dwar 8600 proġett 22 relatati mal-infrastruttura għall-ġbir u t-trattament tal-ilma mormi, kif ukoll għal sistemi individwali jew sistemi xierqa oħra, li għandhom jitwettqu bejn l-2014 u l-2027; il-biċċa l-kbira tal-proġetti rrappurtati se jiġu ffinalizzati sal-2018. Il-biċċa l-kbira tal-proġetti (70 %) għandhom l-għan li jnaqqsu jew jeliminaw il-livell ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ rekwiżiti li diġà huma applikabbli, filwaqt li parti iżgħar (30 %) se jgħinu biex tkun żgurata l-konformità sa meta jagħlqu skadenzi pendenti. 37 % tal-proġetti jikkonċernaw investimenti fis-sistemi tal-ġbir filwaqt li 63 % huma marbuta mal-impjanti tat-trattament.

Il-biċċa l-kbira tal-proġetti huma ppjanati fl-UE-13. Il-bqija jikkonċernaw Stati Membri fejn fadal iktar biex jintlaħqu l-għanijiet (pereżempju IT u ES), Stati Membri bi skadenzi pendenti għal żoni sensittivi identifikati riċentement (pereżempju FR) jew b'infrastruttura li kienet konformi iżda li trid tiġġedded. L-infrastruttura ppjanata għat-trattament tkopri 7 % (43 miljun ekwivalenti tal-popolazzjoni) tat-tagħbija tat-tniġġis iġġenerat ġenerali fl-UE.

Stampa 5: Għadd ta’ xogħlijiet ippjanati għal sistemi ta’ ġbir ta’ drenaġġ urban u impjanti ta’ trattament.

It-total tal-investiment imbassar meħtieġ għall-kostruzzjoni ta' proġetti ġodda meħtieġa biex tintlaħaq konformità sħiħa mal-UWWTD huwa stmat għal € 22 biljun 23 , imqassam ugwalment bejn l-infrastruttura tat-trattament u l-ġbir. Il-kofinanzjament pjanat b'rabta mal-UE jirrappreżenta 25 % tal-ħtiġijiet totali ta' investiment.

Il-pjanijiet ta’ investiment 24 imorru lil hinn minn dan u jinkludu wkoll stima inizjali meħtieġa għall-estensjoni u t-tiġdid ta’ sistemi eżistenti. Dawn juru li r-rati ta’ investiment annwali se jkomplu jiżdiedu b’14 % meta mqabbla mas-sitwazzjoni preżenti 25 , u jilħqu medja ta’ kważi EUR 25 biljun fis-sena: bejn l-2015 u l-2018, madwar EUR 100 biljun se jiġu investiti fl-infrastruttura tal-ilma mormi.

Stampa 6: Investimenti preżenti vs. investimenti mistennija f'sistemi tal-ġbir tal-ilma mormi u tal-impjanti tat-trattament.

L-ammonti ta’ investiment jirrappreżentaw EUR 50 għal kull abitant għas-snin li ġejjin.

Stampa 7: L-investiment per capita f’sistemi ta’ ġbir tal-ilma mormi urban u impjanti ta’ trattament

Madankollu, ix-xejriet ivarjaw fost l-Istati Membri: filwaqt li f’xi pajjiżi l-investimenti se jiżdiedu jew jibqgħu stabbli, f’xi oħrajn se jonqsu, kif jidher fl-istampa ta’ hawn taħt.

Stampa 8: Investimenti preżenti vs. investimenti mistennija f'sistemi tal-ġbir tal-ilma mormi u tal-impjanti tat-trattament.

3.3 Titjib fil-ġestjoni u fit-tixrid tad-dejta

Sa mill-2012, il-Kummissjoni Ewropea mexxiet programm pilota skont il-UWWTD biex tgħin lill-Istati Membri jtejbu l-proċessi ta’ rappurtar u t-tixrid tad-dejta fost il-pubbliku bl-iżvilupp ta’ Qafas Strutturat ta’ Informazzjoni u Implimentazzjoni (SIIF). Il-kunċett ġie introdott għall-ewwel darba fil-Komunikazzjoni 26 dwar it-titjib tal-għoti ta’ benefiċċji minn miżuri għall-ambjent tal-UE. Il-ġestjoni mtejba tad-dejta se tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni aħjar tal-UWWTD u għat-tnaqqis tal-piż amministrattiv, anki billi jkun permess l-ilħuq effiċjenti tar-rekwiżiti skont id-Direttiva INSPIRE 2007/2/KE 27 u d-Direttiva 2003/4/KE 28 dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali. S’issa erba’ Stati Membri (CY, LT, SI, u IE) kienu involuti fl-iżvilupp ta’ SIIF nazzjonali, inklużi sistemi tal-IT u websites 29 imtejba dwar id-dejta dwar l-ilma mormi 30 . Fil-fażi li jmiss, tliet Stati Membri oħra se jissieħbu (HR, PL u RO). Il-Kummissjoni qiegħda taħdem mill-qrib ukoll maż-ŻEE biex ittejjeb l-organizzazzjoni u t-tixrid tal-informazzjoni fil-livell tal-UE 31 . Ir-riżultat tal-programm pilota tal-SIIF se jintuża biex jiġi żviluppat SIIF operazzjonali għal Stati Membri oħra u msieħba interessati mill-UE.

3.4 Infurzar legali

Il-Kummissjoni żgurat il-konformità tal-Istati Membri mal-UWWTD prinċipalment permezz tad-djalogu kontinwu u tal-azzjoni tal-promozzjoni tal-konformità iżda wkoll, fejn meħtieġ, billi tidħol fi djalogu bilaterali u tniedi proċeduri ta’ ksur kontra Stati Membri li ma jikkonformawx. Fil-biċċa l-kbira dan sar permezz ta' każi "orizzontali", li jkopru għadd ta' agglomerazzjonijiet li jaqgħu taħt l-istess obbligi ta' konformità 32 , għall-Istati Membri "il-qodma" mill-għeluq tal-iskadenzi relevanti fil-UWWTD, u għall-Istati Membri "il-ġodda" gradwalment hekk kif l-iskadenzi għall-konformità jagħlqu.

Rigward l-ewwel grupp, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE ħarġet seba’ sentenzi sa mill-bidu tal-2013, li tlieta minnhom kienu bbażati fuq l- Artikolu 260 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE, li jfisser li l-Qorti imponiet somma f’daqqa u penali lil tliet Stati Membri (BE 33 , LU 34 u EL 35 ) għan-nuqqas ta’ konformità ma’ sentenzi preċedenti tal-2004, l-2006 u l-2007. Dawn huma l-ewwel każijiet li fihom il-Qorti imponiet multi minħabba n-nuqqas ta’ konformità mal-UWWTD. Bħalissa ħames każijiet huma pendenti quddiem il-Qorti.

Mill-2012 il-Kummissjoni nediet ukoll għadd ta’ każijiet orizzontali li jkopru mijiet ta’ agglomerazzjonijiet fi Stat Membru wieħed.

Fl-aħħar nett, għall-Istati Membri “l-ġodda” ġew stabbiliti skadenzi speċifiċi interim fit-Trattati ta' Adeżjoni rispettivi tagħhom li diġà bdew jagħlqu. Il-Kummissjoni tivverifika l-konformità tal-Istati Membri ma’ dawn l-iskadenzi interim l-aktar permezz tal-eżerċizzji ta’ rappurtar regolari.

Abbażi tas-seba' rapport (2009-2010), il-Kummissjoni bdiet djalogi bilaterali ma' għaxar Stati Membri. Il-ksur suspettat ivarja minn Stat Membru għall-ieħor, hekk kif mhux l-iskadenzi interim kollha huma l-istess.

4. Il-ħolqien tal-impjiegi u t-tkabbir bl-investimenti f’infrastruttura għas-servizzi tal-ilma

Il-bini ta’ infrastruttura biex ikunu provduti servizzi għall-ilma mormi ta' kwalità jeħtieġ ammont għoli ta’ investimenti u operazzjonijiet, li min-naħa tagħhom jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għall-impjiegi u għat-tkabbir fis-settur tal-industrija tal-ilma.

Jekk jitqies is-settur industrijali biss 36 , dan jirrappreżenta valur miżjud ta’ madwar EUR 15-il biljun fis-sena.

Stampa 9: L-evoluzzjoni tal-valur miżjud tal-industrija tad-drenaġġ tal-UE-28 mill-2008 sal-2012

Meta wieħed iqis l-istampa l-kbira, għandu jiġi nnutat li l-ġestjoni tal-ilma mormi fis-settur tal-oġġetti u tas-servizzi 37 tirrappreżenta aktar minn 600.000 impjieg, valur ta' produzzjoni annwali ta' aktar minn EUR 100 biljun u valur miżjud annwali ta' madwar EUR 42 biljun (investimenti, manutenzjoni, tħaddim, esportazzjoni tat-teknoloġija u tal-għarfien).

Stampa 10: L-evoluzzjoni tal-impjieg ekwivalenti full-time u tal-valur tal-produzzjoni fil-ġestjoni tal-ilma mormi fl-UE-28 mill-2003 sal-2012.

Kif jidher hawn fuq, is-settur tal-ilma mormi se jkompli jikber.

Għaldaqstant, l-implimentazzjoni tal-UWWTD tikkontribwixxi mhux biss biex jinkisbu l-għanijiet ambjentali iżda tikkontribwixxi wkoll biex tagħti spinta lill-impjiegi, lit-tkabbir u lill-investiment 38 . Skont il-Pjan ta’ Investiment tal-Kummissjoni 39 , bosta proġetti magħżulin għall-appoġġ huma relatati ma’ investimenti f’infrastruttura tal-ilma mormi u tal-ilma tax-xorb.

5.    L-innovazzjoni: ewlenija biex tappoġġa l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u t-tkabbir

Biex ikunu żgurati servizzi tal-ilma ta' kwalità għolja għaċ-ċittadini bl-aktar mod kost effettiv huwa essenzjali li jkun hemm investiment fl-iżvilupp u fl-implimentazzjoni fuq skala kbira ta’ soluzzjonijiet innovattivi biex tiżdied l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi, bħal soluzzjonijiet għall-irkupru tal-enerġija, l-irkupru ta’ nutrijenti u tal-ipproċessar fi prodotti kummerċjabbli u l-użu mill-ġdid tal-ilma. L-innovazzjoni hija wkoll fattur importanti li jżid il-kompetittività, il-ħolqien tal-impjiegi u t-tkabbir ekonomiku.

Is-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni (EIP) għall-Ilma 40 għandha l-għan li tħaffef l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet innovattivi u li toħloq opportunitajiet tas-suq, kemm fl-UE kif ukoll barra minnha. Ġew identifikati tmien oqsma ta’ prijorità, jiġifieri l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ tal-ilma, it-trattament tal-ilma u tal-ilma mormi inkluż l-irkupru tar-riżorsi, ir-rabta ta' bejn l-ilma u l-enerġija, il-ġestjoni tar-riskju tal-għargħar u tan-nixfa, is-servizzi tal-ekosistemi, il-governanza tal-ilma, il-monitoraġġ u s-sistemi ta’ appoġġ għad-deċiżjonijiet, it-teknoloġiji intelliġenti u l-iffinanzjar għall-innovazzjoni. Fil-qalba tal-EIP għall-Ilma hemm id-29 Grupp ta’ Azzjoni volontarji tagħha b'għadd ta' partijiet interessati. L-imsieħba tagħhom jiżviluppaw, jittestjaw, jaġġornaw, ixerrdu u jistimulaw l-użu tal-innovazzjonijiet mis-suq u mis-soċjetà għal sfidi maġġuri b'rabta mal-ilma. Diġà tnedew għadd ta' proġetti. Dawn huma l-elementi ċentrali tal-fażi ta’ implimentazzjoni tal-EIP għall-Ilma. Huma essenzjali wkoll soluzzjonijiet innovattivi biex jitnaqqas l-impatt negattiv fuq l-ambjent f’żoni b’densità tal-popolazzjoni għolja u biex dawn jinbidlu fi “bliet intelliġenti”.

L-importanza tar-riċerka u tal-innovazzjoni għall-ilma ġiet rikonoxxuta wkoll f’Orizzont 2020, il-programm ta’ finanzjament tal-UE 2014-2020 għar-riċerka u l-innovazzjoni. Fil-kuntest tal-Programm ta' Ħidma 2014-2015 ta' Orizzont 2020, l-ilma ġie identifikat bħala qasam ta’ prijorità bil-ħsieb li fis-suq jinġiebu soluzzjonijiet innovattivi fis-settur tal-ilma, u li tkun appoġġata l-implimentazzjoni tal-EIP u tal-Inizjattiva għall-Ipprogrammar Konġunt dwar l-ilma mill-Istati Membri. Fost l-oħrajn ingħatat attenzjoni lil proġetti ta’ dimostrazzjoni u ta' replikazzjoni tas-suq biex jingħalaq id-distakk bejn is-soluzzjonijiet innovattivi għall-ilma u r-replikazzjoni tas-suq. Barra minn hekk, fil-Programm ta’ Ħidma 2016-2017 ta' Orizzont 2020, il-kwistjonijiet tal-ilma ġew indirizzati fl-istruttura kollha ta’ Orizzont 2020 bil-ħsieb li jitkomplew l-isforzi li saru fl-2014-2015. Azzjonijiet li jagħtu spinta lill-innovazzjoni fil-qasam tal-ilma fl-Ewropa u lil hinn minnha huma indirizzati b’mod partikolari fl-oqsma tal-ekonomija ċirkolari, bliet sostenibbli, servizzi klimatiċi, reżiljenza territorjali, u l-bqija. B'mod partikolari, l-Isfida Soċjetali "Azzjoni klimatika, ambjent, effiċjenza tar-riżorsi u materja prima" ta' Orizzont 2020 tippromwovi l-kunċett ta' approċċ sistematiku permezz ta' proġetti ta' dimostrazzjoni jew ta' proġetti pilota fuq skala kbira b'livell suffiċjenti ta' novità u progress fir-rigward tal-livell mill-aqwa u bl-għan li jkunu implimentati u ttestjati soluzzjonijiet ġodda teknoloġiċi u mhux teknoloġiċi. Dawn il-proġetti għandhom jaġixxu wkoll bħala mod biex ikun attirat aktar interess mill-innovaturi u mill-utenti tal-innovazzjoni (pereżempju l-industrija, l-atturi finanzjarji, l-akkademja, ir-riċerka, l-entitajiet privati jew pubbliċi, ir-reġjuni, l-ibliet, iċ-ċittadini u l-organizzazzjonijiet tagħhom, u l-bqija), u b’hekk jgħinu biex ikunu lliberati investimenti pubbliċi u privati addizzjonali fis-settur tal-ilma u jissaħħu s-sinerġiji ma’ mekkaniżmi ta’ finanzjament tal-UE rilevanti oħrajn bħall-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE), b’mod partikolari bħala parti mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR).

Is-soluzzjonijiet innovattivi għall-użu mill-ġdid tal-ilma u l-kontribut potenzjali li dawn jistgħu jagħtu għall-effiċjenza fir-riżorsi huma kemxejn rilevanti għas-settur tal-ilma mormi. B’segwitu tal-Pjan ta' Azzjoni tal-Ilma 41 il-Kummissjoni bħalissa qed teżamina l-possibbiltà li jinħoloq strument fil-livell tal-UE biex tħeġġeġ l-użu mill-ġdid tal-ilma, li huwa rekwiżit skont l-Artikolu 12 tal-UWWTD.

6. Konklużjonijiet

L-implimentazzjoni tal-UWWTD naqqset b’mod sinifikanti r-rimi tat-tagħbija tat-tniġġis organiku u tan-nutriejnti fl-UE u għaldaqstant għandha rwol ewlieni biex jinkiseb status ambjentali tajjeb tal-ilma baħar u tal-ilma ħelu.

Fl-UE-15 jintlaħqu rati għolja ta' konformità minkejja sfidi bħalma huma l-bżonnijiet ta’ investiment sostanzjali u l-ippjanar fit-tul. Fl-UE-13 għad hemm nuqqasijiet sinifikanti ta’ konformità, speċjalment dwar it-trattament. Hemm bżonn ta’ azzjoni msaħħa biex tinkiseb konformità sħiħa fi żmien raġonevoli.

Il-programmi ta’ implimentazzjoni juru li l-Istati Membri qed jippjanaw investimenti sinifikanti biex inaqqsu d-distakki fil-konformità billi jibnu infrastruttura għall-ilma mormi. L-Istati Membri għandhom ikomplu jiġbru l-informazzjoni meħtieġa biex jidentifikaw fil-waqt il-ħtiġijiet futuri ta’ investiment u l-ispejjeż operazzjonali, u sabiex itejbu jew iżommu l-prestazzjoni tas-sistemi preżenti tagħhom.

Huma meħtieġa sforzi addizzjonali biex tittejjeb il-kwalità u l-puntwalità tad-dejta rrappurtata dwar l-implimentazzjoni tal-UWWTD. Għal dan l-għan il-Kummissjoni, f'ħidma maż-ŻEE u mal-Istati Membri, qed tirrevedi u tiżviluppa l-proċessi u l-għodod.

Is-settur tal-industrija tal-ilma huwa kontributur ewlieni għat-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi. L-investimenti biex tinkiseb konformità sħiħa mal-leġiżlazzjoni tal-UE għandhom potenzjal sinifikanti li joħolqu impjiegi ġodda u tkabbir.

L-investimenti f’teknoloġiji innovattivi huma essenzjali biex l-industrija tal-ilma ssir aktar effiċjenti fl-użu tar-riżorsi filwaqt li tikkontribwixxi wkoll għall-ħolqien tal-impjiegi u għat-tkabbir ekonomiku.

(1) Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma
(2) Id-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 li tistabbilixxi Qafas ghal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika tal-Ambjent Marin (Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina)
(3) Id-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE dwar it-trattament tal-ilma urban mormi, minn hawn ’il quddiem "UWWTD"
(4) http://www.eea.europa.eu/soer-2015/synthesis/report/3-naturalcapital   
(5) http://ec.europa.eu/index_mt.htm Linji Gwida politiċi għall-Kummissjoni li jmiss:
(6) L-Artikolu 15 tal-UWWTD.
(7) L-Artikolu 17 tal-UWWTD.
(8) Id-Deċiżjoni Nru 1386/2013/U; paragrafu 28
(9) COM(2014) 177 final
(10) http://ec.europa.eu/dgs/secretariat_general/followup_actions/citizens_initiative_mt.htm   
(11) http://rod.eionet.europa.eu/obligations/613  Ara .
(12)

“Ekwivalenti tal-popolazzjoni” huwa terminu użat fil-UWWTD li jkopri t-tniġġis organiku ġġenerat mill-abitanti ta’ villaġġ/raħal, u sorsi oħra bħall-popolazzjoni mhux residenti u l-industriji agroalimentari.

(13) It-termini UE-13, UE-15 u UE-28, li għandhom tifsira ċara fil-livell tal-UE, se jintużaw fit-Tmien Rapport anki jekk, b'referenza għaċ-ċifri ta' implimentazzjoni, huma marbuta ma' 11-il, 14-il u 25 Stat Membru rispettivament hekk kif id-dejta ta' HR, IT u PL ma ġietx proċessata.
(14) Ara l-Anness
(15) PL u HR mhumiex inklużi u IT hija inkluża biss parzjalment fil-kalkolu. Il-perċentwali jirrigwardaw it-tagħbija tal-ekwivalenti tal-popolazzjoni ġġenerata u l-iskadenzi magħluqa u pendenti rispettivi huma suġġetti għall-iskadenzi.
(16)

 Sistemi individwali jew sistemi oħra xierqa li jiksbu l-istess livell ta’ ħarsien ambjentali bħas-sistemi ta’ ġbir

(17) http://www.eea.europa.eu/data-and-maps/uwwtd/interactive-maps/urban-waste-water-treatment-maps
(18) Mingħajr l-inklużjoni ta' Żagreb (għadha mingħajr obbligi ta' konformità) u Varsavja (mhux possibbli li tkun ivvalutata).
(19) http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?qid=1405007191767&uri=CELEX:32014D0431
(20) http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:52012DC0673  
(21) EL, HU u RO użaw il-mudell l-antik tal-Artikolu 17 biex jirrappurtaw u għaldaqstant ma ħtiġilhomx li jagħtu informazzjoni dettaljata dwar il-proġetti.
(22) 2014/431/EU: Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Ġunju 2014 dwar formati għar-rappurtar dwar il-programmi nazzjonali għall-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE (notifikata bid-dokument C(2014) 4208) It-tabelli 2 u 3 tad-Deċiżjoni  
(23) EL, HU u RO mhumiex ikkunsidrati f’dan il-kalkolu.
(24) Tabella 4 tal-Artikolu 17 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni
(25) Kull Stat Membru rrapporta informazzjoni li tikkorrispondi ma' perjodi differenti ta’ żmien. Ġiet ikkalkulat medja annwali għal kull sena biex titqabbel is-sitwazzjoni ta’ kull Stat Membru. “Sitwazzjoni preżenti” tista’ titqies bħala l-investiment annwali medju bejn l-2009 u l-2013 u “sitwazzjoni mistennija” bħala l-medja annwali ta’ investimenti bejn l-2014 u l-2018.
(26) Komunikazzjoni (2012)95 final
(27) http://inspire.ec.europa.eu/  
(28) http://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/?uri=CELEX:32003L0004  
(29) Ibbażata fuq softwer disponibbli "b’xejn"
(30) http://uwwtd.oieau.fr/ http://uwwtd.oieau.fr/cyprus/ http://uwwtd.oieau.fr/lithuania/ http://uwwtd.oieau.fr/Slovenian/  IE: CY: - LT: - SI:
(31) http://www.eea.europa.eu/data-and-maps/uwwtd/interactive-maps/urban-waste-water-treatment-maps  
(32) Lista tal-aktar każijiet ta’ ksur rilevanti sal-lum u sentenzi sa minn tmiem l-2012 tingħata fl-Anness.
(33) C-533/11: il-Qorti ordnat lil BE li jħallas somma f’daqqa ta' EUR 10 miljun kif ukoll EUR 859.404 għal kull perjodu ta’ sitt xhur sa ma jkun hemm konformità sħiħa mas-sentenza.
(34) C-576/11: il-Qorti ordnat lil LU li jħallas somma f’daqqa ta' EUR 2 miljun kif ukoll EUR 2.800 għal kull jum sa ma jkun hemm konformità sħiħa mas-sentenza.
(35) C-167/14: il-Qorti ordnat lil EL li tħallas somma f’daqqa ta' EUR 10 miljun kif ukoll EUR 3.640.000 għal kull semestru sa ma jkun hemm konformità sħiħa mas-sentenza.
(36)

Eurostat (NACE Rev. 2, B-E) http://ec.europa.eu/eurostat/data/database

(37)

Eurostat http://ec.europa.eu/eurostat/web/environment/environmental-goods-and-services-sector/database

(38) Linji Gwida politiċi għall-Kummissjoni li jmiss: http://ec.europa.eu/index_mt.htm
(39)  COM/2014/0903 finali: http://ec.europa.eu/priorities/jobs-growth-investment/plan/index_mt.htm
(40) http://www.eip-water.eu/about
(41) http://ec.europa.eu/environment/water/blueprint/follow_up_en.htm   
Top