EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016DC0093

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Id-disponibilità u l-istat ta' tħejjija ta' teknoloġija għall-identifikazzjoni ta' persuna abbażi tal-marki tas-swaba' li jinsabu fis-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen tat-Tieni Ġenerazzjoni (SIS II)

COM/2016/093 final

Brussell, 29.2.2016

COM(2016) 93 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Id-disponibilità u l-istat ta' tħejjija ta' teknoloġija għall-identifikazzjoni ta' persuna abbażi tal-marki tas-swaba' li jinsabu fis-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen tat-Tieni Ġenerazzjoni (SIS II)


1.DAĦLA

Qiegħed isir dejjem iżjed diffiċli li tiġi stabbilita l-identità ta’ persuna minħabba t-tibdil fl-ismijiet u l-użu ta’ psewdonimi jew dokumenti foloz. L-użu tal-frodi tad-dokumenti huwa mezz li l-użu tiegħu dejjem qiegħed jikber biex dak li jkun jidħol u jiċċirkola fi ħdan iż-żona ta' Schengen. Fl-analiżi tar-riskju annwali tal-Frontex għall-2015 hemm irrapportat li fl-2014 kien hemm madwar 9 400 skoperta ta' każijiet ta' frodi ta' dokument fil-mument tad-dħul fiż-żona UE/Schengen minn pajjiżi terzi, li jirrappreżenta tnaqqis żgħir meta mqabbel mas-sena ta’ qabel. Min-naħa l-oħra, il-każijiet irrappurtati fejn tidħol iċ-ċirkolazzjoni fi ħdan Schengen fl-UE żdiedu minn 7 867 fl-2013 għal 9 968 fl-2014 (+ 27 %).

Dawk li jagħmlu frodi tad-dokumenti mhux biss jipperikolaw is-sigurtà fil-fruntieri iżda wkoll is-sigurtà interna tal-UE. Ħafna drabi persuni li jkunu mfittxa mill-pulizija ikunu evażivi dwar l-identità tagħhom u jużaw diversi psewdonimi. Xi persuni suġġetti għal projbizzjoni ta’ dħul fiż-żona Schengen jistgħu b'mod legali jibdlu l-identità tagħhom fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom biex jevitaw li jinkixfu. F’dan il-kuntest, jeħtieġ li jkun hemm metodu affidabbli biex tkun stabbilita l-identità. L-użu tal-marki tas-swaba’ ikun mod effiċjenti kemm għall-gwardjani tal-fruntieri kif ukoll għall-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi li jidentifikaw persuni mfittxija mill-awtoritajiet u biex jaqbdu każijiet ta’ frodi ta’ dokumenti.

L-użu frodulenti ta' dokumenti tal-ivvjaġġar f’konnessjoni mal-attakki terroristiċi reċenti f’Pariġi jikkonferma wkoll il-ħtieġa għal għodda li tipprovdi l-possibbiltà tal-identifikazzjoni ta' persuni abbażi tal-marki tas-swaba’. F'dan il-kuntest, il-Konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Novembru 2015 enfasizzaw l-importanza tat-tisħiħ tal-kontrolli u tat-twettiq ta' kontrolli sistematiċi. Sal-lum għad ma hemm l-ebda sistema waħda madwar l-UE kollha li tippermetti li jsiru kontrolli fuq il-persuni fuq il-bażi ta' marki tas-swaba’.

Is-Sistemi ta' Informazzjoni ta' Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) bdiet topera fid-9 ta' April 2013. Karatteristika ġdida hija l-ħażna tal-marki tas-swaba’ fis-sistema ċentrali. Fil-preżent, jintużaw il-marki biex tiġi kkonfermata l-identità ta' persuna li tkun instabet bħala riżultat ta' tfittxija, ġeneralment skont l-isem u d-data tat-twelid. Din hija tfittxija "wieħed ma' wieħed" - il-marki tal-persuna jitqabblu ma' sett wieħed ta' marki maħżun fis-SIS. Madankollu l-possibbiltà li persuna tiġi identifikata abbażi tal-marki tas-swaba’ tiegħu/tagħha teħtieġ evoluzzjoni għall-prassi attwali tal-infurzar tal-liġi: Il-paragun tal-marki ta' persuna mas-settijiet kollha ta' marki – tfittxija "wieħed ma' wieħed" – biex tiġi identifikata l-persuna biss abbażi tal-marki tas-swaba'. Din il-funzjonalità teħtieġ l-implimentazzjoni ta' Sistema Awtomatizzata għall-Identifikazzjoni tal-Marki tas-Swaba’ (Automatic Fingerprint Identification System - AFIS).

L-AFIS intużat b'suċċess f'għadd ta' bażijiet ta' dejta ta' kooperazzjoni kemm nazzjonali kif ukoll transkonfinali. Għall-UE l-eżempji ovvji huma s-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) u l-EURODAC.

L-Artikoli 22 (c) tad-Deċiżjoni SIS II 1 u tar-Regolament SIS II 2 jipprovdu l-bażi ġuridika għall-użu tal-AFIS. Qabel ma' din il-funzjonalità tiġi implimentata, il-Kummissjoni trid tippreżenta rapport dwar id-disponibbiltà u l-istat ta' tħejjija tat-teknoloġija meħtieġa, li dwarha għandu jiġi kkonsultat il-Parlament Ewropew. L-għan ta' dan ir-rapport huwa biex jiġi indirizzat dan ir-rekwiżit u biex tingħata konferma li t-teknoloġija għall-identifikazzjoni tal-marki tas-swaba' hija disponibbli u lesta biex tiġi integrata fis-SIS-II.

Il-livell ta’ tħejjija u ta' disponibbiltà jridu jiġu eżaminati fil-kuntest tas-sitwazzjoni unika u l-karatteristiċi tal-SIS II li jippreżentaw serje ta’ sfidi tekniċi u organizzattivi li jirrekjedu soluzzjonijiet xierqa u mfassla apposta. Dan ir-rapport, sostnut minn studju li sar miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni (JRC) 3 , jiddeskrivi wkoll ir-rekwiżiti tekniċi u organizzattivi fil-kuntest tas-SIS, jiddeskrivi t-tip ta’ xenarji fejn il-marki tas-swaba’ jintużaw b'mod operattiv u jinkludi rakkomandazzjonijiet għal implimentazzjoni b’suċċess tal-funzjonalità tal-AFIS.

2. L-ISTUDJU TAL-JRC U DAK LI ĠIE KKOSTATAT

Orizzont 2020 - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni tal-UE jiddeskrivi l-istat ta' tħejjija u d-disponibilità ta' xi teknoloġija bl-użu ta' skala ta' disa' livelli 4 : il-livell 1 jirrappreżenta l-osservanza ta' prinċipji bażiċi, il-livell 9 sistemi reali ppruvati f'ambjent operattiv. It-teknoloġija tal-AFIS diġà laħqet il-livell 9 b'ħafna sistemi li qed jiffunzjonaw madwar id-dinja.

2.1 Ħarsa ġenerali lejn it-teknoloġija tal-AFIS

2.1.1. Prestazzjoni

Il-JRC ipprovda ħarsa ġenerali lejn il-kampanji indipendenti ta' evalwazzjoni tal-prestazzjoni l-aktar sinifikanti, u identifika l-inizjattivi rilevanti fil-kuntest tas-SIS. Minn dan ħarġu tliet kunċetti ċentrali:

Il-preċiżjoni ta' AFIS hija għal kollox dipendenti fuq id-dejta li tintuża għall-evalwazzjoni tagħha u fuq il-kwalità ta’ dik id-dejta.

Fatturi oħra li jistgħu jaffettwaw il-prestazzjoni ta' AFIS huma d-daqs tal-bażi ta' dejta li fih isiru t-tfittxijiet, l-għadd ta' marki użati fit-tfittxija u l-ħin mistenni ta' reazzjoni.

Meta jkun hemm dejta ta' kwalità tajba u tfittxijiet ta' 10 marki għal 10 marki, il-kampanji ta' evalwazzjoni juru li l-preċiżjoni tat-teknoloġija tal-AFIS hija għolja ħafna, b’rati ta’ żball ta' madwar 0. 1%

2.1.2. Kwalità

Ħafna studji u livelli ta' referenza wrew li l-prestazzjoni tas-sistemi bijometriċi tiddependi fuq il-kwalità tal-kampjuni li jidħlu. It-titjib tal-kwalità jista' jkun tekniku, marbut mal-istandards jew saħansitra marbut mal-metodu ta' kif jinkisbu l-marki, jiġifieri l-iskannjar elettroniku ("live-scan") jew marki meħuda b'mod manwali bil-linka. L-iskannjar elettroniku, taħt is-superviżjoni ta' operatur ta' esperjenza, huwa l-metodu preferut biex tinkiseb l-aqwa kwalità. Madankollu, marki bil-linka li jiġu skannjati għal ġewwa l-bażi ta' dejta għadhom jeżistu. Is-sistemi għandhom jinkorporaw proċessi biex jiġu skoperti marki ta' kwalità baxxa.

Għandu jkun hemm konċentrazzjoni minn tarf sa tarf dwar il-kwalità rigward:

It-teħid tal-marki

Il-valutazzjoni teknika tal-kwalità tagħhom

Soluzzjonijiet ibbażati fuq is-sistema biex jiġi żgurat it-tqabbil

L-użu ta' aħjar kampjuni

Il-monitoraġġ tal-prestazzjoni tas-sistema u ta' dawk li jużawha

Peress li l-istudju kien komprensiv, huwa indirizza wkoll l-aktar qasam ta' sfida rigward il-kwalità: marki li jitħallew fuq ix-xena ta' att kriminali jew ta' inċident (marki "latenti").

Marki latenti jintużaw esklużivament għall-konsultazzjoni. Huwa antiċipat li fis-SIS jiġu maħżuna biss settijiet sħaħ ta' 10 marki minn persuni magħrufa.

Fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri fejn saru żjajjar, il-kwalità tiġi mmaniġġkata wkoll permezz ta' "settijiet tad-dejta multipli". Meta persuna jkunu tteħdulha l-marki tas-swaba' f'diversi okkażżjonijiet, pereżempju kull darba li tiġi arrestata, il-marki jinħażnu. Il-marki individwali fis-settijiet jistgħu jitqabblu skont il-livell ta' kwalità tagħhom u jista' jiġi kkumpilat sett kompost ta' 10 marki tal-ogħla kwalità. Approċċ bħal dan jista’ jintuża wkoll fis-SIS.

Kwistjoni kruċjali hija l-inklużjoni ta' mekkaniżmi ta' kejl tal-kwalità f'AFIS biex tingħata spinta lill-prestazzjoni. Rigward il-kwalità għandhom jiġu kkunsidrati sitt kunċetti ewlenin:

Il-prestazzjoni ta' AFIS hija kompletament dipendenti fuq il-kwalità tad-dejta (jiġifieri l-kampjuni tal-marki) li tiddependi fuqha.

Hemm ħafna fatturi li jistgħu jaffettwaw il-kwalità tal-marki. Xi wħud huma kkontrollati (eż. l-indafa tas-senser), oħrajn le (eż. marki mhux ċari minħabba xogħol manwali).

Il-mekkaniżmi awtomatiċi tal-kwalità tal-marki tas-swaba' għandhom rwol essenzjali fil-kontroll tal-kwalità tad-dejta li tiddaħħal f’AFIS.

Tipi differenti ta’ marki jippreżentaw livelli ta’ kwalità differenti. It-tipi ewlenin li AFIS tkun trid tittratta huma: bil-linka/skannjati "live"/irrolljati/ċatti/latenti.

L-aktar dejta li toffri sfida f'termini ta' prestazzjoni ta' AFIS huma l-marki latenti peress li ma hemm l-ebda kontroll fuq il-kwalità tagħhom.

Għalkemm ma hemm l-ebda metodu standard ta' kif titkejjel il-kwalità tal-marki, l-NFIQ u l-NFIQ-II (American National Institute for Standards and Technology (NIST) Fingerprint Image Quality) saru l-istandards de facto minħabba l-prestazzjoni ppruvata għolja mmens tagħhom u d-disponibbiltà tagħhom.

2.2 Użu komuni ta' AFIS nazzjonali

L-istudju espona l-każiijiet tipiċi fejn ikun hemm l-użu tal-marki tas-swaba’. L-aktar każ sinifikanti għal skopijiet tal-SIS huwa fejn persuna tkun preżenti fil-mument tal-akkwist tal-marki, eż. suspettat li jkun għadu kif ġie arrestat. Iridu jiġu ddefiniti żewġ parametri:

Il-preċiżjoni minimi mistennija tal-proċess ta’ tqabbil

Il-ħin massimu permess għar-reazzjoni

Bħala eżempju, persuna arrestata suspettata tittieħed fl-għassa tal-pulizija fejn jittiħdulha l-marki tas-swaba. Jintuża sett ta' 10 marki biex issir tfittxija fil-bażi ta' dejta ċentrali tal-marki tas-swaba’. Jinstab sett speċifiku ta' 10 marki li jaqbel, meħud fil-mument meta l-persuna kienet ġiet arrestata f'okkażjoni preċedenti. Il-persuna kienet preżenti meta kien ittieħed kull sett ta' marki, allura ikun mistenni li jkun hemm kwalità għolja. Peress li l-persuna tkun qed tinżamm x'aktarx għal diversi sigħat, mhux neċessarju li jkun hemm ħin ta' reazzjoni qasir.

Għall-kuntrarju, meta jkun hemm il-ħtieġa ta' kontroll malajr, eż. f'post tal-kontroll f'ajruport, jista' jiġri li żewġt iswaba' biss jiġu skenjati.

Il-preċiżjoni mistennija tal-verifika hija iċken, iżda għal hemm kontroll konsiderevili fuq it-teħid taż-żewġ marki u s-settijiet sħaħ ta' 10 marki użati għall-paragun. Billi l-persuna ma tkunx taħt arrest ikun mistenni ħin qasir ta' reazzjoni, probabbilment ftit sekondi pjuttost milli minuti. Jekk jinstab qbil jista' jsir kontroll ieħor permezz ta' tfittxija sħiħa b'10 marki.

2.3 EURODAC u VIS

Sabiex ikunu jistgħu jittieħdu tagħlimiet potenzjali għas-SIS, ġew studjati ż-żewġ sistemi tal-UE li jeżistu li jużaw l-AFIS.

Kif stabbilit fir-Rapport Annwali għall-2014 tal-Aġenzija tal-UE għal Sistemi tal-IT Fuq Skala Kbira, il-EURODAC kellha 2.7 miljun marka tas-swaba' rreġistrati (10 marki) u saru total ta' 756 368 tranżazzjoni. Minħabba l-proċeduri ta’ kwalità intrinsiċi r-rata ta’ rifjut għal marki ta’ livell inferjuri kienet ta’ 4.49 %, li tkun teħtieġ li l-marki jerġgħu jittieħdu u jerġgħu jiddaħħlu. Id-daqs tal-bażi ta' dejta huwa qrib il-potenzjal għas-SIS iżda l-volum tat-tranżazzjonijiet huwa ħafna iżgħar u l-ħinijiet ta' reazzjoni ħafna aktar bil-mod milli kien ikun meħtieġ għas-SIS – paragun urġenti fil-EURODAC isir fi żmien siegħa, fis-SIS iż-żmien mistenni jkun ta' sekondi minħabba x-xenarji operattivi differenti ħafna.

Il-VIS iżżomm madwar 20 miljun rekonrd ta' marki tas-swaba' (kull wieħed ta' 10 marki). Ġeneralment il-VIS tagħmel verifiki fuq il-fruntieri, jiġifieri l-mistoqsija tkun jekk il-persuna partikolari tkunx l-applikant oriġinali tal-viża. Madankollu, il-VIS tagħmel ukoll tfittxijiet "wieħed ma' ħafna" fuq l-applikanti ġodda għall-viża kif ukoll fit-tieni kontroll li jsir fuq il-fruntiera, bl-użu ta' sett sħiħ ta' 10 marki. Kuljum ikun hemm medja ta' bejn 20 000 u 30 000 identifikazzjoni bħal dawn, b'rata massima ta' 3000 fis-siegħa. Il-ħin mistenni ta' reazzjoni għal identifikazzjoni huwa ta' anqas minn għoxrin minuta (inqas minn tliet sekondi għal verifika wieħed-ma'-wieħed bl-użu ta' minn seba' wieħed sa erbgħa għal kontroll tipiku fuq il-fruntiera).

2.4 L-AFIS tal-Istati Membri u ta' pajjiżi terzi

L-istudju identifika li AFIS nazzjonali kriminali tal-pulizija fl-Istati Membri tista' tkun akbar mid-daqs antiċipat tal-AFIS tas-SIS minħabba li jinżammu rekords estensivi. Iż-żewġ sistemi studjati fl-Istati Uniti fihom għexieren ta’ miljuni ta’ rekords. L-SIS tista' żżomm biss marki rigward persuni li dwarhom ikun hemm allert. Fl-1 ta' Jannar 2015, kien hemm ftit anqas minn 800 000 allert dwar persuni fis-SIS.

2.5 L-isfidi fl-implimentazzjoni tat-teknoloġija tal-AFIS

L-isfidi fl-implimentazzjoni tat-teknoloġija tal-AFIS jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej:

Każijiet ta’ użu

Prestazzjoni

Kwalità

Veloċità (ħin ta’ reazzjoni)

Id-daqs tal-bażi ta' dejta

Il-kapaċità ta' tqabbil

L-għadd ta’ tranżazzjonijiet/tqabbil fil-mumenti tal-akbar domanda

Strateġija għall-immaniġġjar tat-talbiet

Formati ta' skambju

Arkitettura tas-sistema: ċentralizzata jew f'diversi siti

Tip ta' dejta li qed tiġi pproċessata – format tal-marki

Marki latenti (latent prints)

2.6 Konklużjonijiet

Kif ġie indikat fid-daħla ta' dan il-kapitolu, it-teknoloġija hija disponibbli u lesta. Il-Kummissjoni xeħtet dawl ukoll fuq l-isfidi li għandhom jiġu indirizzati. Ir-rakkomandazzjonijiet għal implimentazzjoni b'suċċess u biex jiġu indirizzati dawn l-isfidi huma deskritti fil-kapitolu 4.

3. L-AFIS fis-SIS

L-AFIS fis-SIS għandu jittratta t-tipi kollha ta' rekords tal-marki tas-swaba’ li se jiġu ġġenerati. Dan se jinkludi:

marki ċatti u rrumblati

kontrolli malajr fejn jiġu skannjat, pereżempju, żewġt iswaba’ biss

marki latenti miġburin minn post tad-delitt

3.1 Protezzjoni tad-dejta

Kull ipproċessar ta' marki tas-swaba' fi ħdan is-SIS II, inkluż il-ħażna u l-użu għal finijiet ta' identifikazzjoni irid ikun konformi mad-dispożizzjonijiet rilevanti dwar il-ħarsien tad-dejta tal-istrumenti legali tas-SIS II u mad-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli dwar il-ħarsien tad-dejta li jimplimentaw id-Direttiva 95/46/KE 5 u d-Deċiżjoni Qafas 2008/977/JHA 6 . Iż-żewġ strumenti legali japplikaw għall-ipproċessar ta' marki tas-swaba' ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi kif ukoll ta' ċittadini tal-Unjoni. Kwalunkwe użu ta' marki tas-swaba' għandu jkun awtorizzat mil-liġi tal-Unjoni jew tal-Istat Membru. F'konformità mal-prinċipju ta' speċifikazzjoni tal-għan, l-iskop u l-mezzi tal-użu tal-marki tas-swaba' fis-SIS II għandhom ikunu ddefiniti b’mod ċar. L-ipproċessar tal-marki tas-swaba' ma għandux imur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan ta' interess ġenerali mixtieq, u jekk meħtieġ, ikun suġġett għal salvagwardji xierqa. L-implimentazzjoni ta' tali funzjonalitajiet ġodda fis-SIS II għandha tirrispetta l-protezzjoni tad-dejta b'mod awtomatiku u fil-prinċipji tat-tfassil.

3.2 Xenarji fejn jintużaw il-marki tas-swaba' fis-SIS

Hemm żewġ tipi ta' tranżazzjoni tal-marki tas-swaba' previsti fis-SIS:

Jinħoloq/jiġi aġġornat allert u mehmuża miegħu jkun hemm il-marki

Il-bażi ta' dejta tas-SIS tiġi kkonsultata bl-użu ta' marki minnflok bl-użu tal-isem u tad-data tat-twelid. Din il-konsultazzjoni sseħħ ukoll qabel l-introduzzjoni ta' allert ġdid biex jiġi vverifikati jekk il-persuna tkunx tinsab diġà taħt allert ieħor

Il-marki għandhom ikunu mehmuża mal-allerti tas-SIS meta jkunu disponibbli. Iċ-ċirkostanzi meta jista' jkun hemm l-użu tal-marki fis-SIS huma mfissra fis-sottosezzjonijiet hawn taħt. Kull każ ġie mqabbel ma' "każijiet ta' użu" simili diġà pproċessati fl-AFIS tal-Istati Membri. Skont xi jkun il-kuntest, il-każijiet huma ġeneralment koperti mill-każijiet ta' użu fl-istudju tal-JRC li jiddeskrivi verifiki "10 marki għal 10 marki".

Ħlief fejn xi każ jevidenzja sfida operattiva, b'mod ġenerali l-kwalità tal-marki tkun għolja peress li kemm il-marki akkwistati ġodda mill-persuna kif ukoll is-sett ta' marki maħżuna fil-bażi ta' dejta jkunu meħuda f'ċirkostanzi kkontrollati bl-opzjoni li marki ta' kwalità baxxa jitwarrbu u jerġgħu jittieħdu.

Meta Stat Membru joħloq allert iżda ma jkollux marki biex jinkludihom, Stat Membru ieħor li jkun diġa ttratta mal-persuna jista' jkollu l-marki fl-AFIS nazzjonali tiegħu. Il-Manwal SIRENE 7 jiddeskrivi kif tali marki għandhom jintbagħtu, li jiġu mehmuża mal-allert. Peress li jista' jkun li l-marki jkunu ttieħdu f'sistema oħra għandu jkun żgurat li l-marki jkollhom rekord tal-livell ta' kwalità tagħhom, sabiex kull użu li jsir minnhom isir f'kuntest infurmat.

3.2.1 Rifju ta' dħul jew soġġorn (ir-Regolament, Artikolu 24)

Dan l-allert ta' persuna huwa bil-bosta l-aktar wieħed komuni. Jekk wieħed jassumi li l-Istat Membru emittenti jkollu aċċess għall-persuna li tkun suġġett ta' allert fis-SIS (suġġett ta' allert), jinġabru 10 marki, jiżdiedu mal-allert u jitqabblu mal-10 marki li diġà jkun jinsabu fis-SIS. Dan jista' jidentifika rabtiet ma' allerti oħrajn.

3.2.2 Arrest għal konsenja jew estradizzjoni (id-Deċiżjoni, Artikolu 26)

Is-suġġett tal-allert jista' ma jkunx aċċessibbli fil-mument tal-ħruġ ta’ twissija u l-marki ma jkunux disponibbli. Madankollu, Stat Membru li joħroġ l-allert jista' jkollu diġà l-marki tal-persuna fl-AFIS nazzjonali tiegħu u jista' jlesti l-allert. Jinġabru 10 marki, jiżdiedi mal-allert u jitqabblu mal-10 marki li diġà jkunu jinsabu fis-SIS għal allerti oħra.

3.2.3 Persuni nieqsa (id-Deċiżjoni, Artikolu 32)

Il-marki ta' tali persuni mhux dejjem ikunu disponibbli meta jinħoloq l-allert. Madankollu, f'ċerti każijiet, jekk ikun jeżisti reġistru nazzjonali u l-leġiżlazzjoni tkun tippermetti, ikunu jistgħu jiġu ttrasferiti marki lejn l-allert.

Matul l-investigazzjoni, il-marki latenti tal-persuna jkunu jistgħu jintużaw għal tfittxija fis-SIS (iżda dawn il-marki la jinżammu u lanqas jinħażnu fil-bażi ta' dejta). Jekk dan iseħħ dan ma jkunx ħolqien ta' allert iżda każ ta' konsultazzjoni.

3.2.4 Persuni mfittxija biex jgħinu fi proċediment ġudizzjarji (id-Deċiżjoni, Artikolu 34)

Mhux dejjem ikunu disponibbli l-marki; madankollu Stat Membru jkun jista' jlesti l-allert b'marki mill-AFIS nazzjonali tiegħu, fejn ikun permissibbli.

3.2.5 Kontrolli diskreti jew speċifiċi (id-Deċiżjoni, Artikolu 36)

Jista’ jkun hemm każijiet fejn il-marki ma jkunux disponibbli. In-natura tal-kontrolli timplika li l-marki x'aktarx li ma jkunux aċċessibbli fi stadju aktar tard. Madankollu, Stat Membru li joħroġ l-allert jista' jkollu diġà l-marki tal-persuna fl-AFIS nazzjonali tiegħu u jista' jlesti l-allert. Il-kontrolli tal-pulizija/tal-fruntieri jistgħu joffru l-possibbiltà li ssir tfittxija abbażi ta' dawn il-marki.

3.2.6 Identità użata ħażin (ir-Regolament, Artikolu 36; id-Deċiżjoni, Artikolu 51)

Bil-kunsens tal-vittma li l-identità tagħha tkun ġiet użata ħażin, l-Istati Membri jistgħu jżidu l-marki tiegħu mal-allert dwar il-persuna li tkun użat l-identità ħażin. Din il-miżura twassal għal allert tat-tip "aġġornament" u mhux "ħolqien". Hija tippermetti lill-awtoritajiet jidentifikaw kemm l-impostur kif ukoll lill-vittma, peress li l-vittma jista' jagħti prova tal-identità tiegħu meta jkun meħtieġ. Wara li jkun hemm riżultat pożittiv rigward l-isem u d-data tat-twelid fl-ewwel kontroll fil-fruntiera, l-identità tal-vittma tkun tista' tiġi vverifikata fit-tieni kontroll.

3.3 Il-kwantifikazzjoni tad-daqs tas-AFIS tas-SIS u n-numru ta’ tranżazzjonijiet

Fil-mument meta sar l-istudju kien hemm madwar 5 500 rekords ta' marki tas-swaba’ fis-SIS. L-Istati Membri kkonfermaw li n-nuqqas ta' funzjonalità tal-AFIS kienet fattur fit-trasferiment tal-marki lis-SIS.

3.3.1. Daqs

L-għadd ta' allerti dwar persuni fis-SIS huwa relattivament stabbli. Dan jista' jiżdied bil-proposti li jiżdiedu l-allerti dwar deċiżjonijiet ta' ritorn u projbizzjonijiet relatati ta' dħul. Anke biż-żieda, id-daqs tal-AFIS tas-SIS mistenni li jkun anqas minn dik ta' Stat Membru kbir u għalhekk ma joħloqx problemi tekniċi dwar id-daqs.

3.3.2 Volum ta' tranżazzjonijiet

Hemm tliet tipi ta' tranżazzjonijiet li għandhom jiġu kkunsidrati:

Talbiet/konsultazzjonijiet. L-akbar domanda fuq is-SIS se tkun ikkawżata minn talbiet/konsultazzjonijiet. Fl-2014 kienu ntbagħatu kważi żewġ biljun talba, fil-kategoriji kollha ta' allert, lis-SIS, kemm f'kopji nazzjonali jew lis-sistema ċentrali. Dan jinkludi konsultazzjonijiet, li diġà ntbagħtu lis-SIS, li se jkunu appoġġjati mill-introduzzjoni ta' AFIS. L-applikazzjonijiet għal viża għandhom jiġu eżaminati mas-SIS. Isir massimu ta' bejn 20 000 sa 30 000 talba għall-identifikazzjoni kuljum. Il-EURODAC ipproċessa 750 000 tranżazzjoni fl-2014. Qabel dawn it-tranżazzjonijiet iridu jiġu kkonsultati l-VIS u s-SIS għall-prevenzjoni, l-iskoperta u l-investigazzjoni ta' reati terrorstiċi u reati kriminali serji oħrajn. Huwa antiċipat li se jitwettqu wkoll kontrolli tal-marki tas-swaba’. Il-kontrolli fuq il-fruntieri ta’ Schengen isiru bl-użu tal-isem u data tat-twelid. Fil-futur, għal ċittadini ta' pajjiżi terzi, huwa previst li se jsiru kontrolli tal-marki tas-swaba'. Mhux l-allerti kollha jkun fihom marki, għalhekk mhux it-talbiet kollha li jikkonċernaw il-persuni jistgħu jsiru b'dan il-mod; ħafna mill-kontrolli se jkomplu jkunu fuq l-isem u d-data tat-twelid. Mhux il-punti kollha ta' aċċess tas-SIS jkunu jistgħu jagħmlu talbiet ibbażati fuq il-marki.

Il-ħolqien/l-aġġornament/it-tħassir (CUD) tal-allerti. Kien hemm 1.4 miljun tranżazzjoni CUD fl-2014. Minn dawn 780 000 kienu jinvolvu l-ħolqien u l-aġġornament ta' allerti dwar il-prsuni u għalhekk setgħu kienu jinvolvu ż-żieda ta' marki. It-tħassir għandu jkun proċess awtomatizzat li jsir hekk kif jitħassar allert iżda naturalment għandhom jiġu akkomodati r-rekwiżiti tal-ipproċessar.

Huwa importanti li jiġi żgurat li tkun disponibbli statistika preċiża tad-daqs korrett tal-AFIS tas-SIS. L-għarfien espert miksub fl-iżvilupp tal-AFIS nazzjonali jista' jintuża fil-kuntest tas-SIS.

3.3.3 Standards għall-iskambju tal-marki tas-swaba'

L-istandards tan-NIST u l-gwida għall-aħjar prassi mill-Interpol jipprovdu bażi prattika għal tali skambju.

3.3.4. Arkitettura

L-arkitettura tas-SIS tinkludi:

Sistema ċentrali li timmaniġġja 20 % tat-tranżazzjonijiet – ħames Stati Membri jużaw is-sistema ċentrali direttament

Kopji nazzjonali (80 % tat-tranżazzjonijiet) li jistgħu jkunu:

o"parzjali" (biss dejta msawra minn kliem u numri - disa’ Stati Membri għandhom tali kopji) jew

o"sħiħa" (dejta msawra minn kliem u numri flimkien ma' ritratti u marki - 16-il Stat Membru għandhom tali kopji)

Hija meħtieġa AFIS ċentrali biex tipprovdi servizz għall-Istati Membri mingħajr kopja nazzjonali, l-Istati Membri b’kopja nazzjonali parzjali jew anke Stati Membri li jkunu qegħdin jaffaċċjaw nuqqas ta' disponibilità tal-kopja nazzjonali sħiħa tagħhom.

It-tranżazzjonijiet kollha ta' allert CUD jinvolvu s-sistema ċentrali. Iż-żieda tal-marki ma' allert tkun tirrekjedi kontroll tal-kwalità AFIS fis-sistema ċentrali.

It-tranżazzjonijiet CUD li jintbagħtu lis-sistema ċentrali jiġu mxandra fi żmien tliet minuti lill-kopji nazzjonali. Tkun neċessarja AFIS ċentrali biex issostni dawn it-tranżazzjonijiet.

Skont l-istrumenti legali tas-SIS II, tfittxija f’kopja nazzjonali għandha tipproduċi riżultat ekwivalenti għal tfittxija fil-bażi tad-dejta tas-SIS. Il-konformità ma' dan il-kunċett ta’ tfittxijiet imwettqa fuq ismijiet u numri trid tkun applikata għal tiftix tal-marki tas-swaba'.

Jekk Stat Membru jimplimenta l-AFIS tiegħu stess bħala parti minn kopja nazzjonali se jkollu joffri l-istess prestazzjoni ta' identifikazzjoni bħall-AFIS ċentrali. Huwa teknikament u legalment possibbli li jkun hemm AFIS bħala parti minn kopja nazzjonali iżda l-ekwivalenza tar-riżultati tkun ta’ sfida.

L-arkitettura ċentralizzata hija eħfef biex tiġi ġestita mil-lat ta' kwalità, iżda trid tkun tali li tiflaħ għad-domanda li ssir fuqha. Arkitettura msawra minn AFIS ċentrali flimkien ma' AFIS oħrajn f'kopjji nazzjonali sħaħ tferrex it-talbiet iżda jkollha quddiema l-isfida deskritta aktar 'l fuq. Din jista' jiġi ġestit permezz tal-AFIS kollha bħal dawn, bl-użu tal-istess softwer.

Ladarba tittieħed deċiżjoni fuq arkitettura globali jrid jiġi kkunsidrat jekk il-każijiet ta' użu għandhomx ikunu ttrattati bl-istess mod jew jekk id-differenzi fil-volumi jew il-ħinijiet ta’ reazzjoni jiffavorixxux flussi ta' xogħol paralleli jew sottosistemi fi ħdan l-AFIS.

Xi operazzjonijiet ta' infurzar tal-liġi jew ta' kontroll tal-fruntieri se jkun jirrekjedi ħin ta' reazzjoni ta' anqas minn 30 sekonda iżda f'uffiċċju konsulari jista' jkun li ma jkunx hemm bżonn li l-ħin tar-reazzjoni jkun anqas minn ħames minuti.

F'sitwazzjonijiet ikkontrollati f'għassa tal-pulizija jista' jkun li jkun hemm bżonn ta' ħin ta' reazzjoni ta' anqas minn 10 minuti. Huwa importanti li jiġi vvalutat il-piż ta' xogħol f'dawn il-każijiet ta' użu u d-definizzjoni tal-prijorità fil-ġestjoni tat-talbiet. L-użu ta' filtri, bħall-età u l-ġeneru jistgħu jnaqqsu n-numru ta' rekords li magħhom isiru l-paraguni biex b'hekk jitqassar il-ħin ta’ reazzjoni.

Fl-aħħar nett, l-AFIS tas-SIS ikollha ddaħħal il-proċeduri ta' evalwazzjoni u ta' rappurtar kif stabbiliti fl-istrumenti legali tas-SIS II.

4. RAKKOMANDAZZJONIJIET

Il-kapitoli preċedenti jikkonfermaw l-istat ta' preparazzjoni u d-disponibilità tat-teknoloġija AFIS. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li għandha tiġi kkunsidrata l-implimentazzjoni tad-19-il rakkomandazzjoni li ġejjin biex isostnu l-iskjerament u l-użu b'suċċess ta' AFIS fis-SIS.

1.Il-ħtieġa għal statistika kumplimentari - dwar in-numru ta’ konsultazzjonijiet fis-sena fuq persuni u l-kuntest operattiv tagħhom sabiex jiġi stmat korrettement id-daqs u l-qawwa tal-ipproċessar tal-AFIS

2.Il-promozzjoni tal-aħjar prattiki - għall-AFIS tas-SIS ibbażata fuq l-għarfien espert akkwistat matul l-iżvilupp u l-ġestjoni tal-AFIS nazzjonali

3.Standard komuni ta' skambju - Il-kontenituri NIST jipprovdu bażi xierqa għall-iskambju ta’ dejta dwar il-marki tas-swaba’. Għandu jiġi żviluppat kontroll awtomatiku dwar l-implimentazzjoni.

4.Il-komplementarjetà bejn is-SIS II u Prüm - in-natura komplimentari tal-mekkaniżmu ta’ Prüm u l-AFIS tas-SIS għandha tiġi ċċarata biex tiġi evitata d-duplikazzjoni 8

5.Sottosistemi dedikati – minħabba l-każi ta' użu differenti, speċjalment fejn jidħlu l-volum u l-ħin ta’ reazzjoni, għandu jkun hemm konsiderazzjoni ta' flussi paralleli ta' xogħol jew sottosistemi ddedikati

6.Proċess ta’ reġistrazzjoni ta’ kwalità għolja - il-fażi tar-reġistrazzjoni għandha tiffavorixxi l-użu ta’ apparat live-scan u ta' operaturi b’esperjenza

7.Ħażna ta’ diversi settijiet ta’ dejta - biex tiġi sostnuta strateġija kompsta ta' tqabbil

8.Trasferiment ikkontrollat ta’ settijiet tad-dejta – l-AFIS tas-SIS għandha taċċetta l-marki prodotti f'sistemi oħra, sakemm il-parametri ta' dawn is-sistemi jinżammu fis-sett tad-dejta inkluż fl-allert.

9.Kwalità tal-punti ta’ ġbir 

a.Superviżjoni minn operatur - taħriġ xieraq għal reġistrazzjoni

b.Sensur adegwat - għandu jkun preferut apparat live-scan

c.Interfaċċa tal-utenti bil-grafika mtejba (GUI) – biex tipprovdi rispons f’ħin reali tad-dejta miksuba

d.Interazzjoni xierqa għall-utenti - il-proċess ta’ reġistrazzjoni għandu jkunu faċli għall-utent biex jużah

e.Ambjent xieraq - fejn jidħlu l-illuminazzjoni, it-temperatura u l-isfond

f.Manutenżjoni tas-senser - trid tkun regolari u sistematika

10.Algoritmi ta’ valutazzjoni tal-kwalità 

a.Żamma ta' standards – l-użu ta’ parametri ta’ kwalità rikonoxxuti 

b.Azzjonijiet korrettivi – biex tinkiseb kwalità sodisfaċenti tal-marki

11.Kwalità tas-sistemi ta’ identifikazzjoni 

a.Ipproċessar ibbażat fuq il-kwalità — inkluż l-użu ta’ strumenti supplementari bħal funzjonijiet ta’ estrazzjoni ta’ karatteristiċi alternattivi u algoritmi għat-tqabbil li jkunu speċifiċi għall-proċess

b.Kwalità bbażata fuq il-fużjoni - il-kombinazzjoni ta’ kampjuni differenti sabiex ikunu jistgħu jsiru kontrolli kompost

c.Sostituzzjoni tal-mudell/aġġornament – l-użu tal-aħjar kampjuni meta jiġu ġġenerati mudelli ta’ AFIS

d.Monitoraġġ – il-produzzjoni ta' statistika għal kull tip ta' applikazzjoni; siti, apparati u operaturi

12.Każijiet li jinvolvu t-tfal – speċjalment fir-rigward ta’ persuni neqsin, l-AFIS tas-SIS għandha tkun tista’ tirfina l-proċess ta’ tqabbil fejn ikun ċar li t-tfal ikunu kibru minn mindu jkunu ttieħdu l-marki

13.Servizzi ċentrali tal-verifika tal-kwalità - għall-kontroll tal-kwalità tal-marki skont il-metriċi tal-kwalità tal-AFIS tas-SIS

14.Rappurtar dwar karta tal-marki tas-swaba’ ta’ kwalità inferjuri - meta sett tad-dejta, propost għar-reġistrazzjoni jew żieda ma’ allert, ma jkollux il-livell ta’ kwalità meħtieġa għall-AFIS tas-SIS jew f'allert jew fis-sett tad-dejta stess

15.Integrità tal-bażi ta' dejta - l-użu tal-aħjar prassi sabiex jitnaqqas ir-riskju ta’ inkonsistenza jew ta' dejta żbaljata, inklużi marki, irreġistrati fil-bażi tad-dejta

16.Konsultazzjoni 

a.Riżoluzzjoni mtejba (1000dpi 9 ) - tingħata l-possibilità li jinħażnu marki b'riżoluzzjoni ogħla fejn l-Istati Membri jkunu tejbu l-livell tal-iskanners tagħhom

b.Marki ċatti u rrumblati - l-Istati Membri għandhom jitħallew, għall-fini ta' konsultazzjoni biss, jillimitaw il-ġbir tal-marki tas-swaba’ għal marki ċatti biss

c.Kontroll malajr b'żewġ marki - il-possibilità li jsiru konsultazzjonijiet malajr

17.Ħinijiet adegwati ta' reazzjoni – sabiex ikunu jistgħu jiġu ġestiti tliet ħinijiet indikattivi ta' reazzjoni abbażi ta' xenarji operattivi differenti: (a) qasir ħafna (jiġifieri anqas minn 30 sekonda); (b) medju (jiġifieri anqas minn ħames minuti); (c) itwal (jiġifieri sa għaxar minuti)

18.Prijorità għat-talbiet - id-definizzjoni ta’ livelli ta’ prijorità għall-ipproċessar tat-talbiet sabiex l-AFIS tas-SIS tkun tista' tiġġestixxi aħjar il-piż ta' xogħol fuq is-sistema

19.Livell referenzjarju tal-prestazzjoni – konsiderazzjoni bikrija tal-iskedar tal-evalwazzjonijiet ta' prestazzjoni tal-AFIS tas-SIS

5. IL-PASSI LI JMISS — PJAN TA’ AZZJONI

It-tlestija tal-istudju u l-preżentazzjoni ta' dan ir-rapport ta' konsultazzjoni għall-Parlament Ewropew huma l-ewwel passi lejn il-provvediment ta' funzjonalità tal-AFIS fl-ambjent tas-SIS. F'termini prattiċi, id-deskrizzjoni ta' livell għoli tal-attivitajiet li issa jeħtieġ li jseħħu, mal-Aġenzija tal-UE għal Sistemi tal-IT Fuq Skala Kbira u l-Istati Membri, jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej:

(1)L-istabbiliment tar-rekwiżiti għall-kontroll speċjali ta' kwalità għolja biex tiġi żgurata l-kisba ta' standard minimu ta' kwalità tad-dejta. L-ispeċifikazzjonijiet għandhom ikunu inklużi f'Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni

(2)Jiġu ffinalizzati r-rekwiżiti tal-utent u d-daqs tas-sistema meħtieġa

(3)Tiġi ddefinita l-arkitettura tas-sistema meħtieġa. Dan għandu jkun inkluż f'Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni

(4)Jiġu ddefiniti l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u l-iskeda ta' żmien għall-implimentazzjoni

(5)Jitwettaq il-proġett li jwassal għall-implimentazzjoni tal-AFIS tas-SIS

6. KONKLUŻJONI

Il-funzjonalità tal-AFIS diġà ġiet marbuta b'mod intrinsiku mal-bażijiet ta' dejta tal-infurzar tal-liġi u tal-fruntieri. L-SIS tikkostitwixxi waħda minn dawn il-bażijiet ta' dejta u l-allerti relatati mal-persuni mhux se jipprovdu riżultati bil-kapaċità u l-utilità sħiħa tagħhom mingħajr l-appoġġ ta' AFIS.

Fid-dawl tal-analiżi u l-osservazzjonijiet miġbura fil-qosor f'dan ir-rapport, il-Kummissjoni tikkonkludi li t-teknoloġija tal-AFIS laħqet livelli suffiċjenti ta' tħejjija u disponibbiltà sabiex tkun tista' tiġi integrata fis-SIS. Dan ir-rapport jipprovdi wkoll ħarsa ġenerali lejn is-suġġerimenti tal-Kummissjoni li ser jiġu indirizzati waqt l-implimentazzjoni u l-użu tal-AFIS tas-SIS f’ambjent operattiv.

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI tat-12 ta’ Ġunju 2007 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu
tas-sistema ta’ informazzjoni ta’ Schengen Tat-Tieni Ġenerazzjoni (SIS II)

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 1987/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20
ta' Diċembru 2006 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-sistema ta’ informazzjoni ta’ Schengen Tat-Tieni Ġenerazzjoni
(SIS II).

(3)

http://publications.jrc.ec.europa.eu/repository/handle/JRC97779

(4)

 https://ec.europa.eu/research/participants/portal/doc/call/h2020/common/1617621-
part_19_general_annexes_v.2.0_en.pdf

http://ec.europa.eu/research/participants/data/ref/h2020/other/wp/2016-2017/annexes/h2020-wp1617-annex-
ga_en.pdf

(5)

 Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni
ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta

(6)

Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI tas-27 ta' Novembru 2008 dwar il-protezzjoni ta’ data personali pproċessata
fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali.

(7)

L-Anness għad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/115/UE dwar il-Manwal SIRENE u miżuri
oħra ta' implimentazzjoni għas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II).

(8)

 Il-marki tas-swaba' maħżuna fis-SIS II huma mehmuża mal-allerti u l-aċċess għas-SIS II isir waqt kontrolli
tal-fruntiera u kontrolli minn awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi. Abbażi tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI, il-mekkaniżmu ta' Prüm
jipprovdi l-possibilità li jsir tiftix fl-AFIS nazzjonali kriminali. Kuntrarju għas-SIS II, il-mekkaniżmu ta' Prüm ma jipprovdix għal
aċċess f'ħin reali ta' rekonds tal-marki tas-swaba' u jista' jintuża biss f'każijiet individwali ta' investigazzjoni.

(9)

Dots per inch.

Top