Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016DC0041

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Dwar il-progress fir-Rumanija taħt il-Mekkaniżmu għall-Kooperazzjoni u l-Verifika

    COM/2016/041 final

    Brussell, 27.1.2016

    COM(2016) 41 final

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    Dwar il-progress fir-Rumanija taħt il-Mekkaniżmu għall-Kooperazzjoni u l-Verifika

    {SWD(2016) 16 final}


    1.    INTRODUZZJONI

    Il-Mekkaniżmu għall-Kooperazzjoni u l-Verifika (MKV) twaqqaf meta r-Rumanija daħlet fl-Unjoni Ewropea fl-2007 1 . Kien ġie maqbul li kien meħtieġ iktar xogħol f'oqsma kruċjali biex jiġu indirizzati xi nuqqasijiet fir-riforma tas-sistema ġudizzjarja u fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Minn dak iż-żmien 'l hawn, ir-rapporti tal-MKV immarkaw il-progress li għamlet ir-Rumanija, u fittxew li, permezz ta' rakkomandazzjonijiet speċifiċi, jgħinu biex l-isforzi tal-awtoritajiet Rumeni jkunu iktar iffukati.

    Ir-riforma tas-sistema ġudizzjarja u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni għadhom kwistjonijiet importanti għas-soċjetà Rumena, li kapaċi jwasslu għal dimostrazzjonijiet pubbliċi kbar, u għadu meħtieġ iktar sostenn għall-konsolidazzjoni tar-riforma sabiex jiġi żgurat li l-progress li jsir ma jkunx jista' jitreġġa' lura. Il-MKV għad għandu rwol importanti fir-Rumanija bħala mutur għar-riforma, u inċentiv biex ir-riżultati jinżammu konsistenti. Il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni u l-metodoloġija tal-MKV gawdew b'mod konsistenti mill-appoġġ qawwi tal-Kunsill, 2 u bbenefikaw mill-kooperazzjoni u l-kontribut ta' ħafna Stati Membri.

    Ir-rapport tal-2015 tal-MKV innota li kien hemm għadd ta' oqsma fejn qiegħed isir progress kontinwu li qegħdin juru sinjali ta' sostenibbiltà, b'mod partikolari permezz tal-azzjonijiet li ħadu l-istituzzjonijiet ġudizzjarji u ta' integrità biex jindirizzaw il-korruzzjoni fil-livelli għolja u ż-żieda fil-professjonaliżmu fis-sistema ġudizzjarja b'mod ġenerali. Fl-istess waqt, ir-rapport enfasizza li għad fadal sentiment qawwi li l-progress hemm bżonn li jiġi kkonsolidat u żgurat iktar, minħabba li fadal ħafna kwistjonijiet leġiżlattivi pendenti u dubji dwar il-kunsens politiku wara r-riforma. Il-Kunsill ikkonkluda wkoll li l-impenn politiku ġenerali u mingħajr waqfien favur riformi sostnuti, u r-rispett lejn l-indipendenza tal-ġudikatura huma essenzjali sabiex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-progress lejn l-għanijiet tal-MKV 3 .

    Dan ir-rapport jerġa’ lura lejn iż-żewġ xejriet biex jivvaluta kemm qabdet ir-riforma. Dan huwa r-riżultat ta’ proċess ta' bir-reqqa mill-Kummissjoni, li jieħu mill-kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet Rumeni, kif ukoll mill-kontribut tas-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati oħrajn. Dan iħares ukoll lejn numru ta' testijiet importanti fl-2016 biex jiġi muri iktar li hemm sostenibbiltà. Is-sostenibbiltà tal-progress hija waħda mill-kundizzjonijiet li jridu jintlaħqu biex jiġi muri li mekkaniżmu bħall-MKV ma jkunx għadu meħtieġ. Il-Kummissjoni qagħdet attenta b'mod partikolari għal dawn l-aspetti fil-monitoraġġ tagħha din is-sena, u se tkompli tappoġġa lir-Rumanija biex tikseb l-għanijiet tal-MKV. Ir-Rumanija diġà tingħata appoġġ f'bosta oqsma permezz tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej 4 . Barra minn dan, fl-2015 il-Kummissjoni stabbiliet strument ġdid fl-għamla ta' Servizz ta’ Sostenn għar-Riforma Strutturali (SSRS), iddedikat biex jagħti għajnuna teknika lill-isforzi ta' riforma tal-Istati Membri tal-UE f'firxa wiesgħa ta' oqsma. Il-Kummissjoni tħeġġeġ lir-Rumanija tagħmel użu sħiħ mill-possibiltajiet kollha pprovduti.

    2.    IL-QAGĦDA TAL-PROĊESS TAR-RIFORMA FIR-RUMANIJA

    2.1.    L-indipendenza tal-ġudikatura

    Ħatriet

    Rapporti reċenti tal-MKV għarfu r-rwol li kellhom l-istituzzjonijiet ewlenin tal-maġistratura - Il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni, il-Ministeru Pubbliku u d-Direttorat Nazzjonali ta' Kontra l-Korruzzjoni, u l-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura - fil-bini tal-kredibbiltà u l-professjonaliżmu tas-sistema ġudizzjarja permezz bit-twaqqif ta' rekord ta' riżultati tajbin. Huwa ċar li t-tmexxija li taw dawn l-istituzzjonijiet kellha rwol importanti f'dan, xi drabi minkejja kritika qawwija personali fil-konfront tagħhom. Huwa għalhekk li hemm enfasi fuq proċeduri tal-għażla trasparenti u abbażi tal-mertu 5 bħala mod li tingħata tmexxija robusta, li jiġi evitat l-indħil politiku f'ħatriet għoljin u li tiġi appoġġata l-indipendenza ġuridika.

    Ir-rapport tal-2015 qies in-nomina ta' Kap Prosekutur tad-Direttorat għall-Investigazzjoni tal-Kriminalità Organizzata u t-Terroriżmu bħala każ ta' prova importanti. 6 Eventwalment, il-proċedura ġiet finalizzata mingħajr wisq kontroversja: kienet ikkaratterizzata minn iktar trasparenza u prevedibbiltà (il-post vakanti ġie ppubblikat, il-kriterji ġew definiti pubblikament, u isem il-kandidati ġie ppubblikat), u gawdiet minn kooperazzjoni ċara bejn il-Ministeru tal-Ġustizzja (inkarigat mill-għażla tal-kandidat) u l-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura. Għaldaqstant, din tat eżempju tajjeb ta' kif proċeduri ċari u robusti, bl-involviment sħiħ tal-awtoritajiet ewlenin, jistgħu jkunu l-iktar fattur importanti fi proċess ta' ħatra kredibbli (għalkemm il-proċeduri għadhom ikunu wkoll b'saħħithom biżżejjed li jaffaċċjaw sitwazzjoni li fiha l-istituzzjonijiet ewlenin ma jkunux qegħdin jaqblu bejniethom 7 ).

    Fl-2016 se jkun hemm serje ta' ħatriet f'inkarigi ewlenin, kemm ir-riżultat kif ukoll il-proċess se jservu ta' prova ewlenija ta' kemm is-sistema ġudizzjarji hi kapaċi żżomm il-proċess ta' riforma għaddej minn żmien ta' bidla. 8 Il-President tal-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u l-Ġustizzja, il-Prosekutur Ġenerali u l-Kap Prosekutur tad-Direttorat Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni huma kollha inkarigi li għandhom bżonn proċeduri ċari, miftuħa u predefiniti 9 .

    Fuq terminu iktar twil, għandha tiġi stabbilita fil-liġi sistema iktar robusta u indipendenti ta' kif jiġu maħtura l-ogħla prosekuturi: ma jeżisti l-ebda kriterju fil-livell ta' leġiżlazzjoni biex jiġi żgurat l-ogħla livell ta' ħiliet professjonali u integrità, u l-proċedura attwali tinkludi elementi politiċi qawwijin f'dak li għandu x'jaqsam mar-rwol li tagħti lill-Ministru tal-Ġustizzja. Proċeduri ta' ħatra li saru fl-imgħoddi kienu s-suġġett ta' kontroversja konsiderevoli, u kienu suġġetti għal influwenza politika ċara. Bl-użu ta' gwida mill-Kunsill tal-Ewropa, il-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura għandhom imexxu d-dibattitu dwar jekk huwiex xieraq li d-deċiżjoni ewlenija taqa' f'idejn Ministru tal-gvern, 10 b'mod partikolari fejn jidħlu ħatriet f'livelli li jiġu taħt l-ogħla amministrazzjoni tal-istituzzjonijiet.

    Ir-rispett għall-imħallfin u l-proċess ġudizzjarju

    Il-prosekuzzjoni u l-kundanna ta' bosta politiċi prominenti fir-Rumanija għal korruzzjoni fil-livelli għolja hija sinjal li x-xejra sottostanti tal-indipendenza tal-ġudikatura hija pożittiva, u li l-ebda persuna li tikkommetti reat mhija 'l fuq mill-ġustizzja. Iżda kien hemm ukoll reazzjoni għal din ix-xejra; ta' spiss il-politiċi u l-mezzi tax-xandir jikkritikaw il-maġistrati, u n-nuqqas ta' rispett lejn id-deċiżjonijiet ġudizzjarji għadu frekwenti 11 . Din is-sena kien hemm żieda fit-talbiet biex tiġi mħarsa l-indipendenza tal-ġudikatura, wara li saru attakki fil-mezzi tax-xandir u mill-politiċi, inkluż il-Prim Ministru u l-President tas-Senat 12 .żieda Kien għad hemm ukoll każijiet ta' pressjoni fuq imħallfin tal-Qorti Kostituzzjonali 13 . Kif innota r-rapport tal-2015, wara l-elezzjoni tal-President tar-Rumanija, deher li kien hemm ċaqliq lejn approċċ iktar responsabbli. Iżda dan svinta fir-rebbiegħa, b'mod partikolari wara li nfetħet investigazzjoni mid-Direttorat Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni (DNA) fir-rigward tal-Prim Ministru. Kien hemm kritika mmirata personalment lejn il-Kapijiet tad-DNA u l-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u l-Ġustizzja (il-Qorti Għolja) 14 .

    Fl-2015, il-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura (KSM) u l-Ispezzjoni Ġudizzjarja komplew jiddefendu l-indipendenza tal-ġustizzja, kif ukoll ir-reputazzjoni professjonali, l-indipendenza u l-imparzjalità tal-maġistrati 15 . Baqa' jkun hemm bosta eżempji ta' attakki fil-mezzi tax-xandir u minn politiċi li ġew notifikati lill-KSM, u dan kellu joħroġ bosta konklużjonijiet kritiċi bħala riżultat. Iżda l-KSM ma jistax jiżgura li l-istqarrijiet għall-istampa tiegħu jirċievu l-attenzjoni u r-rappurtaġġ li jkunu ġabu l-kritiki tal-bidu, u lil hinn minn dan is-sostenn morali, il-KSM ma joffri l-ebda għajnuna finanzjarja jew legali lill-maġistrati li jkunu qegħdin ifittxu rimedju fil-qorti.

    Hemm ukoll rwol potenzjali għall-awtoritajiet parlamentari, li jimmonitorjaw il-kummenti tal-membri parlamentari. Il-Kummissjoni s-sena l-oħra rrakkomandat li jiġi żgurat li "l-Kodiċi ta’ Kondotta għall-membri parlamentari jkun jinkludi dispożizzjonijiet ċari ħalli l-membri parlamentari u l-proċess parlamentari jirrispettaw l-indipendenza tal-ġudikatura" 16 . Din ir-rakkomandazzjoni ma ġietx segwita. Il-Kummissjoni nnutat ukoll li d-dibattitu dwar tibdil possibbli fil-Kostituzzjoni jista' jagħti lok biex l-indipendenza tal-ġudikatura tiġi konsolidata fil-livell Kostituzzjonali.

    Il-Qorti Kostituzzjonali u r-rispett għad-deċiżjonijiet tal-Qorti

    Il-Qorti Kostituzzjonali (QKR) għandha rwol importanti fl-Istat tad-Dritt u fil-konsolidazzjoni ta' sistema ġudizzjarja indipendenti. Is-sentenzi li qatgħet fl-2015 inkludew 24 deċiżjoni rigward id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Kriminali l-Ġdid u l-Kodiċi tal-Proċeduri Kriminali, u xi sentenzi importanti marbutin mal-bilanċ tas-setgħat u r-rispett għad-drittijiet fundamentali. Dawn inkludew ir-riżoluzzjoni ta' kunflitt bejn is-Senat u l-ġudikatura dwar talba għal arrest preventiv 17 . Ħafna deċiżjonijiet tal-QKR dwar il-Kodiċijiet Kriminali kellhom l-għan li jsaħħu r-rispett għall-proċessi ġusti u l-jeddijiet tal-partijiet, konformi mal-każistika tal-QEDB. Minkejja li l-imħallfin u l-prosekuturi kellhom jadattaw il-prattiki tagħhom għad-deċiżjoni tal-QKR, huwa ġeneralment apprezzat li tali deċiżjonijiet itejbu ċ-ċertezza tad-dritt u l-jeddijiet tal-litiganti. Id-deċiżjonijiet tal-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u l-Ġustizzja (“il-Qorti Għolja”) dwar l-interpretazzjoni tal-liġi wkoll għandhom rwol importanti fis-sistema ta’ kontrokontrolli istituzzjonali 18 .

    2.2. Ir-Riforma ġudizzjarja

    Kodiċijiet ġodda

    Il-Kodiċi Kriminali u l-Kodiċi ta' Proċedura Kriminali l-ġodda daħlu fis-seħħ sentejn ilu, fl-1 ta' Frar 2014. Ir-rapport tal-MKV tal-2015 stenna b'interess li jkun hemm ambjent leġiżlattiv stabbli għall-Kodiċijiet il-ġodda, li kien għan ċar tal-Kodiċijiet meta ġew adottati. Madankollu, kważi sentejn wara, din l-istabbiltà donnha mhijiex eqreb milli kienet.

    Il-proċedimenti parlamentari rikorrenti dwar il-Kodiċijiet kienu sors persistenti ta' instabbiltà. Li jkun hemm xi emendi huwa inevitabbli, u fir-rebbiegħa tal-2014, il-Gvern, wara li kkonsulta mal-ġudikatura, ippropona xi emendi biex jiġu indirizzati problemi li ġew identifikati. Madankollu, dawn l-emendi għadhom ma ġewx adottati mill-Parlament. Fl-istess ħin, l-attenzjoni tal-parlament ingħatat lil numru ta' emendi li qajmu kontroversja. Kien hemm emendi li ġew ikkritikati mill-awtoritajiet ġudizzjarji, is-soċjetà ċivili u l-Istati Membri minħabba li ġew meqjusa li se jagħmlu ħsara lill-ġlieda kontra l-korruzzjoni u li se jnaqqsu l-kapaċità tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u l-qrati li jagħmlu prosekuzzjoni jew sanzjoni. Filwaqt li xi wħud minn dawn jistgħu jitqiesu bħala emendi għal rashom, oħrajn għaddew minn kamra waħda tal-Parlament u ngħataw il-benefiċċju ta' proċeduri ta' urġenza, filwaqt li l-emendi tal-Ministeru tal-Ġustizzja kellhom jistennew. Xi emendi minn tas-sena l-oħra kellhom mill-emendi li għaddew f'Diċembru 2013, għalkemm għandu jiġi nnutat li, b'kuntrast għal dik l-okkażjoni, l-emendi ma ġewx aċċettati mil-leġiżlatura 19 . Kull emenda għandha bżonn tiġi kkunsidrata mill-Kamra tad-Deputati bħala l-kamra li tiddeċiedi. Id-dibattitu għadu ma tkompliex wara l-waqfa tas-sajf, minkejja li għadhom qegħdin jiġu intavolati emendi ġodda, li qegħdin ikomplu jżommu stat ta' inċertezza. Il-Parlament għandu jsolvi s-sitwazzjoni billi jirrispetta l-opinjoni tal-awtoritajiet ġudizzjarji 20 .

    Serje ta' ġudizzji tal-Qorti Kostituzzjonali qajmet kwistjonijiet importanti dwar il-Kodiċijiet u l-emendi li jeħtieġ li jsiru. Xi wħud mill-kwistjonijiet li tqajmu jindirizzaw kwistjonijiet fundamentali fil-Kodiċijiet il-ġodda, bħall-idea li tista' ssir proċedura preliminari biex jinħelsu kwistjonijiet iktar ta' natura teknika mingħajr il-preżenza tal-partijiet. Għalkemm il-ġudikatura u l-gvern mill-ewwel adattaw il-prattika jew ipproponew emendi leġiżlattivi, l-inċertezza tad-dritt ma tistax tiġi evitata ladarba jkun għad hemm emendi pendenti fil-Parlament.

    Fl-istess waqt li kienu qegħdin isiru dawn it-taħdidiet dwar il-qafas legali, tkompla x-xogħol fuq l-implimentazzjoni tal-Kodiċijiet kif adottati. Il-perċezzjoni ġenerali hija li l-imħallfin u l-prosekuturi esprimew is-sodisfazzjon tagħhom bil-qafas legali ġdid, u li l-istituzzjonijiet ġudizzjarji, l-imħallfin, il-prosekuturi, u l-iskrivana tal-qorti, komplew l-isforzi tagħhom biex iħaddmu r-riforma.

    Il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u l-Ġustizzja, il-Prosekutur Ġenerali, il-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura, l-Istitut Nazzjonali tal-Maġistratura u l-Ministeru tal-Ġustizzja kollha kemm huma għamlu sforzi speċifiċi biex joffru sostenn intensiv lill-qrati u l-uffiċċji tal-prosekuturi li huwa mmirat li jgħin fit-tranżizzjoni u li jiġu megħluba l-ostakli 21 . Il-Ministeru tal-Ġustizzja kompla jieħu passi biex iżid mal-għadd ta' pożizzjonijiet, partikolarment ta' srkivana tal-qorti u investigaturi. Ix-xogħol ġie appoġġat ukoll permezz ta' programmi dettaljati ta' taħriġ mill-Istitut Nazzjonali tal-Maġistratura u l-Iskola Nazzjonali tal-Iskrivana.

    B'mod ġenerali, dan huwa l-każ ukoll għall-implimentazzjoni tal-kodiċijiet ċivili, fejn il-perjodu ta' tranżizzjoni meħtieġ biex jiġu indirizzati każijiet li ġew qabel il-kodiċijiet il-ġodda b'mod parallel ma' każijiet ġodda issa huwa fil-maġġor parti tiegħu lest. Hemm evidenza li l-għan ta' iktar effettività fil-provvediment tal-ġustizzja nkiseb 22 . Madankollu, l-arranġamenti loġistiċi meħtieġa biex jiġu implimentati dispożizzjonijiet li suppost daħlu fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2016 għadhom lura, 23 u tlesta inqas minn kwart mill-bini li huwa meħtieġ. Ir-riżultat huwa li d-dħul fis-seħħ ta' dawn l-aspetti tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili ġie ttardjat b'sena. Se jkun importanti li jkun hemm pjan ċar stabbilit u implimentat, sabiex jiġi evitat li jkun hemm iktar posponimenti.

    Il-konsistenza tal-ġurisprudenza

    B'mod konformi mar-rwol kostituzzjonali tagħha, il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u l-Ġustizzja (il-Qorti Għolja) għandha r-responsabbiltà primarja li tiżviluppa l-konsistenza tal-ġurisprudenza u li tinforza l-interpretazzjoni uniformi tal-liġi u l-prattika. Dan sar aspett tax-xogħol tal-Qorti Għolja li kulma jmur qiegħed isir iktar importanti, li ġie skattat permezz ta' mekkaniżmi legali definiti, iżda wkoll imħeġġeġ permezz ta' passi maniġerjali bħal laqgħat u taħditiet fil-livell nazzjonali ma' rappreżentanti ta' qrati tal-appell, il-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura u l-Istitut Nazzjonali tal-Maġistratura. Dawn il-laqgħat jiffukaw fuq kwistjonijiet fejn jeżistu interpretazzjonijiet diverġenti, u soluzzjonijiet komuni jiġu komunikati lill-qrati kollha permezz ta' linji gwida.

    Il-Qorti Għolja għandha żewġ mekkaniżmi legali għad-dispożizzjoni tagħha biex tiżviluppa l-konsistenza tal-ġurisprudenza u tipprovdi interpretazzjoni unitarja: id-deċiżjoni preliminari u l-appell fl-interess tal-liġi. L-għadd ta' talbiet għal deċiżjonijiet preliminari qiegħed ikompli jiżdied, u sehem dejjem jikber tax-xogħol tat-taqsimiet tal-Qorti Għolja huwa ddedikat biex jiġu riżolti deċiżjonijiet preliminari 24 . Dan jagħti x'jifhem li l-mekkaniżmu jaħdem tajjeb ħafna u li l-imħallfin fil-qrati inferjuri jużawh. Il-mekkaniżmu ta' konsistenza l-ieħor, appelli fl-interess tal-liġi, ukoll qiegħed ikompli jagħti kontribuzzjoni sinifikanti għall-unifikazzjoni 25 . L-użu tad-deċiżjoni preliminari għandu jkompli jiġi inkoraġġut biex jiġu riżolti dispożizzjonijiet li mhumiex ċari fil-Kodiċijiet il-ġodda.

    Minkejja dawn il-miżuri kollha u sinjali ta' ċaqliqa kulturali favur il-konsistenza, deċiżjonijiet inkonsistenti xorta għadhom qegħdin jiġu rrapportati spiss. Filwaqt li xi kwistjonijiet relatati mal-Kodiċijiet il-ġodda għandhom jiġu riżolti mal-mogħdija taż-żmien, xi problemi iktar strutturali jeħtieġu iktar attenzjoni mill-amministraturi tal-qrati u kull maġistrat, u t-tkomplija tat-taħriġ, li jinvolvi wkoll lill-avukati.

    Finalment, id-disponibbiltà ta' aċċess miftuħ u li wieħed jista' jfittex fih tad-deċiżjonijiet tal-qorti kollha kien rakkomandazzjoni tar-rapporti tal-MKV, bħala mezz biex jgħin il-maġistrati u l-partijiet kollha jirreferu għal każijiet u deċiżjonijiet simili 26 . Fl-aħħar, ġie stabbilit proġett (biex id-deċiżjonijiet tal-qorti jiġu ppubblikati kollha onlajn, li kien qiegħed jiġi diskuss għal xi snin).

    Strateġija għall-Iżvilupp tal-Ġudikatura 2015-2020

    Il-pjan ta' azzjoni 2015-2020 għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija huwa kważi lest, u ġew organizzati konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati kollha. Se jkun importanti li dan il-pjan ta' azzjoni tassew ikollu sjieda komuni bejn l-atturi ewlenin kollha jekk dan se jservi bħala għodda operattiva: il-proċess biex jintlaħaq dan il-pjan ta' azzjoni kien wieħed twil, u jeżisti sentiment li jinħtieġ momentum ġdid. Pereżempju, se jkun importanti li jkun ċar sa kemm il-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura jqisha bħala pjan għall-azzjoni tiegħu stess.

    B'mod iktar ġenerali, l-elezzjonijiet għall-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura (KSM) jistgħu jintużaw biex jagħtu iktar momentum għar-riforma 27 . Anki jekk xi wħud mill-membri preżenti tal-Kunsill ikomplu fl-inkarigu, ikun importanti li l-Kunsill il-ġdid ikollu filosofija kollettiva ċara msejsa fuq programm ġdid. Il-kandidati għandhom ikunu mistennija jagħtu viżjoni ċara ta' kif jaraw ir-rwol tagħhom, u għandhom jistennew li jinżammu responsabbli għar-riżultati - il-proċess tal-elezzjoni għandu jagħti l-opportunità lill-kandidati biex jiddibattu kif jaraw il-ġejjieni tar-riforma. Il-Kunsill il-ġdid għandu jindirizza t-tħassib li urew bosta maġistrati li l-KSM huwa divorzjat mill-professjoni 28 . Iktar minn elf maġistrat kellhom jiffirmaw petizzjoni biex jipperswadixxu lill-KSM jorganizza konsultazzjoni mal-qrati kollha dwar sistema ġdida biex jinħatru, jiġu evalwati u jiġu promossi l-maġistrati. Il-KSM li jmiss jista' jkompli juri l-impenn tiegħu favur it-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont billi pereżempju jkun lest li jistipula u jispjega l-politiki u d-deċiżjonijiet tiegħu f'laqgħat miftuħa regolari ma' assemblej ta' mħallfin u prosekuturi f'kull livell, kif ukoll mas-soċjetà ċivili u organizzazzjonijiet professjonali. Li jsir qbil dwar rapport annwali biex jiġi diskuss fl-assemblej ġenerali tal-qrati u tal-prosekuturi jkun ukoll wirja prattika ta' iktar trasparenza fix-xogħol tal-Kunsill.

    Il-ġestjoni tar-riżorsi, u l-effiċjenza

    Il-Ministeru tal-Ġustizzja għamel b'suċċess l-argument favur l-importanza tar-riforma tas-sistema ġudizzjarja u l-gvern, pereżempju, ta s-sostenn tiegħu għal 390 pożizzjoni ġdida, filwaqt li l-baġit żdied b'46 % mill-2013.

    L-użu effettiv ta' dawn ir-riżorsi se jkun megħjun bl-iżvilupp ta' għodda tal-ġestjoni utli għas-sistema ġudizzjarja. Ġew installati għodod tal-informazzjoni statistika fil-qrati kollha, u qegħdin jintużaw biex itejbu t-twassil tal-prodott. Għodod elettroniċi oħrajn, bħal fajls elettroniċi għall-partijiet u l-imħallfin qegħdin jiġu ppilotati f'bosta qrati. Ir-riforma strutturali tas-sistema ġudizzjarja jeħtiġilha tkun akkompanjata bl-immodernizzazzjoni tal-binjiet u s-sistemi tal-IT: bħalissa għaddejjin bosta xogħlijiet ta' bini jew riabilitazzjoni fil-qrati bis-sostenn ta' self mill-Bank Dinji.

    Madankollu, l-isfidi għall-ġestjoni effettiva tar-riżorsi ġew sottolinjati meta proposta (pjuttost modesta) biex jingħalqu xi qrati żgħar weħlet fil-Parlament. Il-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura u l-Ministeru tal-Ġustizzja qegħdin jesploraw soluzzjonijiet alternattivi, bħal li jinbidlu l-konfini tal-ġurisdizzjonijiet biex il-piż tal-każijiet jinfirex aħjar, li hija deċiżjoni li tista' ssir fil-livell tagħhom. F'Ottubru, il-Gvern approva deċiżjoni li jiġu riassenjati l-lokalitajiet ta' ġurisdizzjoni fil-qasam ta' ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Appell ta' Cluj. Fil-livell tal-prosekuzzjoni, il-Prosekutur Ġenerali ppropona li l-prosekuturi jiġu raggruppati fil-livell ta' Tribunal (it-tieni istanza) u li jingħalqu l-uffiċċji tal-prosekuturi fl-ewwel istanza, li jiġu miflija uffiċċji li huma żgħar wisq jew għandhom ammont ta' xogħol baxx, u ffinalizza studju dwar l-impatti f'Diċembru 2015 biex jiġi kkonsultat mas-sistema. Madankollu, il-finalizzazzjoni tal-proċess u l-iskadenza għall-implimentazzjoni mhumiex ċari.

    L-emendi li saru fil-kodiċi ċivili s-sena li għaddiet iddisponew li s-sentenzi tal-qrati jistgħu jiġu infurzati direttament mill-bailiffs, bil-mira li titħaffef il-proċedura. Madankollu, dawn ġew annullati mill-Qorti Kostituzzjonali f'Diċembru. Fil-fatt, il-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura rrapporta żieda fl-għadd ta' każijiet ta' infurzar nonkontenzjużi pendenti fil-qorti. Qegħdin jiġu ppjanati passi fil-qafas tal-pjan ta' azzjoni għall-2015-2020 biex jittejjeb l-infurzar tas-sentenzi, bħat-twaqqif ta' bażi ta’ dejta elettronika biex timmonitorja każi ta' eżekuzzjoni tal-kawżi, iżda hemm evidenza ċara li l-infurzar tas-sentenzi, inklużi d-deċiżjonijiet finali tal-qrati kontra l-istat (awtoritajiet ċentrali jew lokali), bosta drabi jibqa' problematiku. Dan huwa qasam li jista' jkun iktar relevanti fil-kuntest ta' sforzi usa' mill-Gvern Rumen biex jimmodernizza l-amministrazzjoni pubblika.

    2.3. L-Integrità

    L-Aġenzija Nazzjonali għall-Integrità u l-Kunsill Nazzjonali għall-Integrità

    F'Marzu 2015, il-President tal-Aġenzija Nazzjonali għall-Integrità (ANI) irriżenja wara li tnediet investigazzjoni min-naħa tad-Direttorat Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni (DNA) 29 . Il-Viċi President tal-ANI kien President interim sakemm f'Diċembru nħatar President wara li saret kompetizzjoni organizzata mill-Kunsill Nazzjonali għall-Integrità (KNI). Għalkemm il-proċedura kienet waħda twila, dehret miftuħa u trasparenti.

    Il-KNI huwa l-korp sorveljatorju għall-ANI. Il-mandat tiegħu skada f'Novembru 2014. Il-proċess inizjali biex jinħatar KNI ġdid kien soġġett għal numru ta' kontroversji 30 . Dawn il-kontroversji tal-bidu eventwalment ġew solvuti, u l-Kunsill beda xogħlu fi Frar 2015. Il-KNI eleġġa r-rappreżentant tas-soċjetà ċivili bħala l-President tiegħu, messaġġ inkoraġġanti fejn tidħol l-indipendenza. Il-kompitu ewlieni tal-KNI fl-2015 kien il-proċess tal-għażla tal-President tal-ANI l-ġdid.

    Minkejja r-riżenja tal-President tagħha, l-ANI kompliet tipproċessa numru għoli ta' każijiet waqt il-perjodu ta' rapportar 31 . L-ANI kompliet tagħti bidu għal għadd sostanzjali ta' każi dwar kunflitt ta’ interess u kwistjonijiet ta' inkompatibilità, li ħafna minnhom kienu jikkonċernaw politiċi lokali 32 . Dan juri aspett problematiku ta' aċċettazzjoni baxxa u saħansitra reżistenza għal regoli ta' integrità f'għadd sostanzjali ta' awtoritajiet lokali, b'implikazzjonijiet għall-akkwist pubbliku 33 .

    Perċentwal għoli tad-deċiżjonijiet tal-ANI jiġu kkontestati fil-qorti - l-ANI għandha madwar 3 000 fajl x'tiddefendi fil-qorti - iżda r-rata ta' konferma tad-deċiżjonijiet tal-ANI fil-qorti xorta għadha 'l fuq minn 80 %. It-taqsima amministrattiva tal-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u l-Ġustizzja għamlet sforzi biex tħaffef it-trattament tal-fajls ANI (li jsarrfu għal madwar 10 % tat-tagħbija tagħha) u naqqset l-iskadenzi għas-soluzzjonijiet minn 18 għal madwar disa' xhur. Fejn jidħlu kunflitti ta’ interess kriminali, l-ANI kompla jiżviluppa l-kooperazzjoni mal-prosekuzzjoni biex jgħinu sabiex l-investigazzjonijiet jiġu simplifikati u jiskambjaw l-informazzjoni.

    Is-segwitu tad-deċiżjonijiet finali tal-ANI u l-konferma tagħhom permezz ta' deċiżjonijiet finali tal-qrati baqgħu kwistjoni fl-2015. Żewġ każijiet fil-Parlament raw dewmien sinifikanti qabel deċiżjonijiet finali dwar l-inkompatibilità baqgħu jinġarru sa tmiem il-mandat ta' membru parlamentari 34 . L-ANI kellha ddur għall-multi ta' kontravvenzjoni jew tinnotifika 'l-prosekuzzjoni 35 . Għaldaqstant, ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-2015 biex jerġa' jkun hemm ħarsa "lejn kif tista' tiżgura li d-deċiżjonijiet tal-qrati li jeħtieġu s-sospensjoni mill-kariga tal-parlamentari jiġu applikati awtomatikament mill-Parlament" tibqa' valida.

    Is-sistema tal-IT "Prevent" għall-verifika ex ante tal-kunflitti ta' interess fl-akkwist pubbliku tmexxiet 'il quddiem u meta tiġi implimentata, għandha tikkontribwixxi b'mod tanġibbli biex jiġu evitati l-kunflitti ta' interess billi b'mod awtomatiku tidentifika kunflitti ta' interess fl-akkwist pubbliku qabel il-proċedura tal-għażla u l-għoti tal-kuntratt. Sabiex tkun żgurata l-konformità mal-obbligi tad-Direttivi l-ġodda dwar l-akkwist pubbliku tal-UE, huwa meħtieġ li jittieħdu iktar passi leġiżlattivi u istituzzjonali biex jiġi żgurat li l-verifika tapplika għal kull min jieħu d-deċiżjonijiet, b'konformità mad-definizzjoni tal-kunflitti ta' interess fid-Direttivi. 36 Id-Direttivi jeħtieġu wkoll li l-istituzzjonijiet relevanti jkollhom is-setgħa li jipprevjenu l-iffirmar tal-kuntratti fil-każ li jkun hemm suspett dwar kunflitt ta’ interess. L-ANI tistima li kważi l-każijiet kollha ta' kunflitt ta’ interess li taħdem fuqhom huma relattivament sempliċi li jistgħu jiġu evitati bl-użu ta' din is-sistema. Għalkemm l-implimentazzjoni damet iktar milli mistenni, il-liġi kienet adottata mill-Gvern f'Settembru u qiegħda tiġi diskussa fil-Parlament. Se jkun importanti li l-liġi żżomm il-prinċipju li l-awtoritajiet kontraenti jkunu obbligati li jaġixxu meta jiġu notifikati dwar kunflitt potenzjali ta' interess. Il-"Prevent" għandha tkun lesta biex tibda topera malli l-liġi tiġi adottata 37 . Għall-bidu se tapplika għall-akkwist pubbliku li jinvolvi fondi tal-UE, imma malajr se tiġi estiża għall-akkwist pubbliku elettroniku kollu.

    Il-qafas tal-integrità

    Ir-rapport tal-MKV tal-2015 innota li azzjonijiet biex jiġi kodifikat il-qafas legali għall-integrità fl-interess tal-koerenza u ċ-ċarezza ġew sospiżi minħabba tħassib li r-regoli eżistenti jistgħu jiddgħajfu 38 . Li dan huwa pass mixtieq ġie kkonfermat minn bosta membri parlamentari u mill-President tar-Rumanija. Madankollu, il-fatt li kamra waħda tal-Parlament adottat emenda li effettivament tneħħi l-projbizzjoni mill-elezzjoni ta' tliet snin għal uffiċjali eletti li nstabu li huma inkompatibbli saħħaħ dan it-tħassib.

    Każ ta' prova ewlieni għandu jiġi mal-elezzjonijiet lokali li ġejjin (Ġunju 2016) u l-elezzjonijiet Parlamentari (Novembru 2016). Il-liġi elettorali l-ġdida tgħid b'mod ċar li persuni esklużi mill-elezzjoni permezz ta' deċiżjoni ġudizzjarja ma jistgħux joħorġu għall-elezzjoni. L-ANI għandha r-responsabbiltà speċifika li tipproċessa d-dikjarazzjonijiet tal-assi tal-kandidati kollha. L-aġenzija qed tippjana li jkollha laqgħat fil-livelli lokali ma' dawk li xogħolhom huwa li jittrattaw id-dikjarazzjonijiet tal-assi, u li tagħti gwida u informazzjoni dwar żbalji rikorrenti. Beħsiebha wkoll tiskala l-kampanji ta' sensibilizzazzjoni tagħha sabiex kull kandidat ikun konxju tal-inkompatibilitajiet u kunflitti ta' interess potenzjali. Il-kandidati huma wkoll meħtieġa jippreżentaw dikjarazzjoni li huma jissodisfaw ir-rekwiżiti legali biex jiġu nominati. Sussegwentement, hemm verifiki kif ukoll il-possibbiltà għar-rikors legali għall-kumitati elettorali, għall-partiti politiċi kif ukoll għaċ-ċittadini. Huwa ċar li l-korpi inkarigati mill-ġestjoni elettorali kemm fil-livell nazzjonali u dak lokali għandhom responsabbiltà li jaħdmu mal-ANI biex jiżguraw li ksur potenzjali tal-liġi jiġi evitat jew identifikat kemm jista' jkun kmieni.

    Fl-istess ħin, is-sistema ġudizzjarji kienet qed taħdem biex ittejjeb l-interpretazzjoni uniformi tal-qafas legali eżistenti. Bir-rikonoxximent li kien hemm kwistjonijiet partikolari ta' konsistenza f'tali każijiet, inkluż fil-Qorti nnifisha, il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u l-Ġustizzja varat mekkaniżmi speċifiċi biex jindirizzaw il-kwistjoni 39 . Dan għen lill-qrati inferjuri kif ukoll lill-ANI fl-interpretazzjoni tagħha tal-liġijiet. L-ANI qiegħda wkoll iddomm kodiċi bid-deċiżjonijiet relevanti kollha tal-qorti.

    2.4 Il-ġlieda kontra l-korruzzjoni

    It-trattament tal-korruzzjoni f'livell għoli

    Ir-rekord ta' riżultati tal-istituzzjonijiet involuti fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni fil-livelli għolja jibqa' b'saħħtu, b'akkużi u konklużjonijiet ta' kawżi li jikkonċernaw politiċi u impjegat taċ-ċivil anzjani regolari. Id-Direttorat Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni (DNA) irrapporta żieda ta' sinjali mill-pubbliku: dan donnu jirrifletti l-fiduċja tal-pubbliku fl-istituzzjoni, li hija riflessa wkoll fl-istħarriġ dwar l-opinjonijiet 40 . Is-sostenn pubbliku għall-azzjoni kontra l-korruzzjoni ġie rikonoxxut bħala fattur b'saħħtu fid-dimostrazzjonijiet li wasslu għar-riżenja tal-Prim Ministru f'Novembru 2015. Id-DNA akkuża 'l fuq minn 1 250 konvenut fl-2015, fosthom il-Prim Ministru, eks-Ministri, Membri tal-Parlament, sindki, presidenti tal-kunsilli tal-kontej, imħallfin, prosekuturi, u varjetà wiesgħa ta' uffiċjali għoljin. Barra min dan, żied il-miżuri interim ta' ffriżar tal-assi b'rabta ma' dawn il-każijiet, b'ċifra li issa laħqet EUR 452 miljun.

    Kien hemm xejra partikolari li tiġi identifikata l-korruzzjoni fil-livell lokali. Mill-2013 'l hawn, l-għadd totali ta' uffiċjali lokali mressqin il-qorti għall-korruzzjoni jinkludi 100 sindku, 'il fuq minn 20 president tal-kunsill tal-kontea u tużżani uffiċjal lokali oħra. L-arrest tas-Sindku ta' Bucharest fl-2015 kien l-ikbar illustrazzjoni ta' din il-problema.

    Fir-rigward tal-fażi tal-proċess, il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u l-Ġustizzja żammet ir-rekord tagħha f'dak li għandu x'jaqsam ma' każijiet ta' korruzzjoni li ġew konklużi. Fl-2015, l-Awla Penali qatgħet, fl-ewwel istanza, 11-il każ ta' korruzzjoni fil-livelli għolja u l-bordijiet ta' ħames imħallfin qatgħu, fl-aħħar istanza, 11-il każ ta' korruzzjoni fil-livelli għolja. Anke f'każijiet b'għadd kbir ta' xhieda u evidenza kumplessa, l-imħallfin tal-Qorti Għolja ssottolinjaw l-isforzi tagħhom biex jiżguraw ir-rispett lejn id-drittijiet proċedurali tal-partijiet kollha. Il-proċedimenti nżammew relattivament qosra: il-maġġoranza tal-każijiet finalizzati ġew irreġistrati fl-2014 u l-2015, filwaqt li l-iktar każ antik imur lura sal-2011. Fost il-konvenuti ta' profil għoli kkundanati kien hemm min serva fil-pożizzjoni ta' ministru, membru parlamentari, sindku, imħallef u prosekutur.

    Fl-2015, il-Parlament irrifjuta madwar terz tat-talbiet mid-DNA biex titneħħa l-immunità tal-membri parlamentari biex tippermetti li jinfetħu l-investigazzjonijiet jew l-applikazzjoni ta' miżuri ta' detenzjoni preventiva - kwistjoni mmonitorjata f'rapporti tal-MKV preċedenti. Filwaqt li l-maġġoranza tat-talbiet ġew ammessi, għadu l-każ li r-rispons tal-Parlament għat-talbiet tad-DNA m'għandux kriterji oġġettivi li fil-konfront tagħhom wieħed jista' jagħti motivazzjoni ċara u konsistenti f'kull każ, b'mod partikolari għaċ-ċaħdiet. Sa issa, għad m'hemmx hemm regoli ċari stabbiliti biex jittieħdu azzjonijiet ta' segwitu għar-rakkomandazzjoni tal-MKV biex tkun żgurata applikazzjoni malajr tar-regoli Kostituzzjonali dwar is-sospensjoni ta’ Ministri hekk kif jiġu akkużati u biex il-membri parlamentari soġġetti għal deċiżjonijiet negattivi ta’ integrità jew għal kundanni dwar korruzzjoni jiġu sospiżi 41 . Il-fatt li, kif innutat fir-rapport tal-2015, il-Ministri baqgħu fl-inkarigu tagħhom wara li ġew imressqin fuq akkużi kriminali, u membri parlamentarji b'kundanni finali għall-korruzzjoni baqgħu fl-inkarigu tagħhom ukoll, jibqa' wieħed kurrenti. Passi li ttieħdu hawn, ittieħdu min-naħa ta' xi partiti politiċi, u mhux mill-Parlament.

    Il-ġlieda kontra l-prattiki korrotti fil-ġudikatura kienet prijorità għad-DNA u l-awtoritajiet ġudizzjarji. L-għadd ta' każijiet li ġew mikxufa żdied fis-snin imgħoddija 42 u hawn sentiment li qiegħed jikber li l-ġudikatura tixtieq turi li għandha standards għoljin ta' integrità. F'dan ir-rigward, huwa importanti li l-ġerarkija ġudizzjarji tkun attenta għal kwalunkwe riskju għall-integrità tal-imħallfin u l-prosekuturi, u li l-maġistrati jirċievu gwida tajba fir-rigward tal-imparzjalità, il-kunflitti ta' interess jew l-inkompatibilitajiet.

    L-integrità tal-membri parlamentari u tal-imħallfin u l-prosekuturi kienet it-tema tar-raba' ċiklu ta' evalwazzjoni tal-Grupp ta' Stati kontra l-Korruzzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa (Greco). L-azzjonijiet ta' segwitu fir-rigward tar-rakkomandazzjonijiet tal-Greco se jkunu importanti biex il-kwistjonijiet t'hawn fuq jitmexxew 'il quddiem 43 .

    It-trattament tal-korruzzjoni fil-livelli kollha

    L-isfida li tiġi indirizzata l-korruzzjoni fis-soċjetà Rumena kollha kemm hi hija waħda magħrufa. In-nar traġiku f'Bucharest f'Ottubru kixef, f'għajnejn bosta, il-konsegwenzi tal-korruzzjoni lokali, u l-evidenza tal-problema hija mifruxa 44 . Oqsma ta' riskju li ġew identifikati jinkludu l-edukazzjoni, is-saħħa u l-akkwist pubbliku lokali, li jinvolvu deċiżjonijiet b'konsegwenzi finanzjarji diretti. Fost il-każijiet kien hemm tbagħbis f'eżamijiet, frodi tal-assigurazzjoni medika, u tbagħbis fi proċeduri ta' akkwist, li xi drabi kienu jinvolvu għadd kbir ta' uffiċjali.

    L-Istrateġija Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni 45 hija l-istrument ewlieni biex tiġi inkoraġġita l-prijoritizzazzjoni tal-azzjoni preventiva mill-amministrazzjoni pubblika fil-livell nazzjonali u dak lokali. Proġetti ta' prevenzjoni konkreti f'ministeri, xi wħud bl-appoġġ ta' fondi tal-UE u NGOs, ikomplu jagħtu kontribuzzjoni utli biex tiġi miġġielda l-korruzzjoni fl-amministrazzjoni 46 . Madankollu, anke jekk il-miżuri għall-prevenzjoni tal-korruzzjoni tal-istrateġija ġew stipulati, l-applikazzjoni tagħhom hija pjuttost imraqqa', minħabba l-kapaċità insuffiċjenti tal-istituzzjonijiet, in-nuqqas ta' għarfien u speċjalizzazzjonijiet tal-istaff u n-nuqqas ta' rieda politika mill-qċaċet tal-istituzzjonijiet. Ir-riżultati limitati tal-istrateġija, b'mod partikolari fil-livell lokali, huma mihxuda mill-għadd konsiderevoli ta' każijiet ta' korruzzjoni li jikkonfermaw il-perċezzjonijiet ta' korruzzjoni sistemika. L-għadd żgħir ta' sinjali rċevuti mid-DNA minn dik li kienet l-awtorità dwar l-akkwist pubbliku, l-ANRMAP, ukoll irrefletta nuqqas ta' kooperazzjoni interistituzzjonali. Bħalissa qiegħda titħejja estensjoni tal-Istrateġija Nazzjonali kontra l-Korruzzjoni għas-sentejn li ġejjin. Hi se jkollha bżonn tirrimedja d-dgħufijiet misjuba fl-eżami, u b'mod partikolari tiffoka fuq it-twaqqif ta' korpi ta' kontroll bir-riżorsi umani u materjali neċessarji.

    Ir-riforma amministrattiva ġenerali ppjanata mill-Gvern se tkun ukoll opportunità biex jiġu implimentati b'mod effettiv il-miżuri biex tiġi miġġielda l-korruzzjoni fl-amministrazzjoni kollha.

    Il-progress osservat fir-rapport tal-2015 47 , fit-termini tal-insegwiment u l-prosekuzzjoni tal-korruzzjoni fil-livelli baxxi kompla, b'mod notevoli fil-ħidma tal-Prosekutur Ġenerali u Direttorat Ġenerali ta' Kontra l-Korruzzjoni tal-Ministeru tal-Affarijiet Interni 48 . Il-Prosekutur Ġenerali ta' prijorità lix-xogħol kontra l-korruzzjoni, u se jkun importanti li jkun hemm riżorsi disponibbli biex dan ix-xogħol jitkompla.

    Fir-rigward tal-irkupru tal-assi, f'Ġunju l-Gvern Rumen intavola abbozz ta' liġi biex iwaqqaf aġenzija biex tiġġestixxi assi kriminali li ġew maqbuda u konfiskati. Dan ġie approvat mill-Parlament u promulgat f'Diċembru. Dan huwa pass importanti lejn li ssir risposta għar-rakkomandazzjoni li ilha li saret mill-Kummissjoni li jittejjeb l-infurzar tal-ordnijiet ta' konfiska (jidher li 10 % biss tal-valur tal-ordnijiet ta' konfiska jinġabar, u b'hekk l-effett disswasiv tas-sanzjoni jonqos). Wieħed jista' jistenna riżultati effettivi mill-aġenzija l-ġdida biss fit-tieni nofs tal-2016, l-iktar kmieni.

    L-awtoritajiet Rumeni, bis-sostenn tal-Kummissjoni 49 , fasslu strateġija biex itejbu b'mod strutturali s-sistema tal-akkwist pubbliku u jadattawha għar-regoli l-ġodda tal-UE, u waqqfu aġenzija ġdida għall-kontrolli ex-ante. L-istrateġija tinkludi li jiġu indirizzati r-riskji għall-integrità u tal-korruzzjoni, u l-implimentazzjoni tagħha jkun pass sinifikanti favur li jiġi indirizzat l-akkwist pubbliku bħala qasam ewlieni ta' riskju għall-korruzzjoni 50 . 

    3. KONKLUŻJONI U RAKKOMANDAZZJONIJIET

    Ir-rapporti MKV tal-2014 u 2015 tal-Kummissjoni kienu kapaċi jiġbdu l-attenzjoni lejn għadd ta' oqsma li fihom ir-riforma kienet qiegħda tiġi konsolidata permezz ta' rekord ta' riżultati b'saħħtu. Il-fatt li din ix-xejra għadha għaddejja huwa fih innifsu sinjal li qiegħda tiżviluppa sostenibbiltà f'dan il-qasam. Ir-rekord ta' riżultati tal-istituzzjonijiet ewlenin ġudizzjarji u ta' integrità huma u jindirizzaw il-korruzzjoni fil-livelli għolja baqa' impressjonanti. Is-sistema ġudizzjarja, b'mod ġenerali, kompliet turi l-professjonaliżmu tagħha, inkluża kapaċità li tadatta għal bidliet sinifikanti fil-kodiċijiet kriminali u ċivili, sforzi biex il-ġurisprudenza tiġi unifikata u rieda li tiddefendi l-indipendenza tal-ġudikatura. Ir-Rumanija kompliet tagħmel iktar progress lejn il-punti ta’ riferiment tal-MKV.

    Fl-istess waqt, il-fatt li bosta rakkomandazzjonijiet tar-rapport MKV tal-2015 baqgħu validi juri li r-riforma ma tgawdix il-kunsens sħiħ meħtieġ biex jiġi żgurat il-progress sostenibbli. L-indipendenza ġudizzjarja u r-rispett għad-deċiżjonijiet tal-qorti jkomplu jaffaċċjaw sfidi. Ir-riforma tal-Kodiċijiet Kriminali qiegħda tiġi ddubitata fil-Parlament. Deċiżjonijiet fil-Parlament dwar jekk il-prosekuzzjoni għandhiex titħalla tittratta lill-parlamentari bħaċ-ċittadini l-oħra għadhom neqsin minn kriterji oġġettivi. Hemm passi mtejba biex il-korruzzjoni ġenerali tiġi indirizzata, iżda mhux fuq l-iskala u mhux bir-rieda politika meħtieġa biex tindirizza dik li hija ġeneralment rikonoxxuta bħala problema sistemika. Ir-riforma tas-sistema ġudizzjarja u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni għadhom kwistjonijiet importanti għas-soċjetà Rumena, li kapaċi jwasslu għal dimostrazzjonijiet pubbliċi kbar, u huwa meħtieġ iktar sostenn għall-konsolidazzjoni tar-riforma sabiex jiġi żgurat li l-progress li jsir ma jkunx jista' jitreġġa' lura.

    Il-Kummissjoni tilqa' l-kooperazzjoni kostruttiva li kellha mal-awtoritajiet Rumeni tul is-sena li għaddiet, kif ukoll l-impenn politiku tal-Gvern li jaħdem għar-riforma u jiġġieled il-korruzzjoni. L-2016 se tkun sena ta' prova f'bosta rispetti. Il-punt sa fejn il-kwistjonijiet ta' nuqqas ta' integrità jipprevalu fil-ħatriet għall-pożizzjonijiet anzjani fil-ġudikatura u l-iskrutinju tal-kandidati għall-elezzjonijiet li ġejjin se jkunu sinjali ewlenin ta' kemm ir-riforma qiegħda taqbad. It-tkomplija tax-xejra ta' riforma wkoll se tkun sinjal tas-sostenibbiltà. Il-Kummissjoni tistenna b'interess li tkompli taħdem mill-qrib mar-Rumanija biex tiżgura l-objettivi tal-MKV.

    Il-Kummissjoni tistieden lir-Rumanija tieħu azzjoni fl-oqsma li ġejjin:

    1. L-Indipendenza tal-Ġudikatura

    Il-fiduċja pubblika fil-ġudikatura hija, parzjalment, rifless tar-rieda tagħha li taqdi r-rwol tagħha ta' attur indipendenti fil-governanza tar-Rumanija. Proċeduri ta' ħatra miftuħa u bbażati fuq il-mertu se jkollhom rwol partikolarment importanti fl-2016. Għandhom jittieħdu passi wkoll biex tiġi indirizzata t-tendenza li għadha preżenti li l-maġistrati jkunu soġġetti għal kritika personali fil-konfront tagħhom meta jkunu qegħdin jaqdu l-funzjonijiet tagħhom kif suppost.

    Tiżgura li proċeduri ċari u robusti jkunu hemm meta jkunu se jsiru l-ħatriet għall-pożizzjonijiet anzjani fil-maġistratura li huma previsti għall-2016. Dan ikun jimplika li bosta xhur qabel kull proċedura, jiġu stipulati l-passi differenti u l-kriterji li se jiggvernaw id-deċiżjonijiet. Tuża approċċ differenti għall-ħatriet taħt it-tmexxija ta' fuq nett tas-servizzi ta' prosekuzzjoni, bil-Kapijiet li jkunu għadhom kemm ġew imlaħħqa jilgħabu rwol importanti fl-għażla tat-tim tagħhom. Tiżgura trasparenza fil-proċeduri kollha;

    Sussegwentement, għandha tiġi stabbilita fil-liġi sistema ta' kif jinħatru l-ogħla prosekuturi iktar robusta u indipendenti, bl-appoġġ tal-Kummissjoni ta' Venezja;

    Kif ġie rrakkomandat fl-2015, tiżgura li l-Kodiċi ta’ Kondotta għall-membri parlamentari jkun jinkludi dispożizzjonijiet ċari ħalli l-membri parlamentari u l-proċess parlamentari jirrispettaw l-indipendenza tal-ġudikatura;

    Il-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura l-ġdid għandu jiddetermina jekk jistax isir iktar biex jingħata appoġġ adegwat lil maġistrati individwali li qegħdin jaffaċċjaw kritika li timmina l-indipendenza tal-ġudikatura.

    2. Ir-Riforma ġudizzjarja

    Għandha titkompla l-ħidma biex jiġu promossi r-riformi li wieħed ikun jista' jara li jkunu kkonsolidaw il-professjonaliżmu tal-maġistratura. Dan ikun megħjun minn qafas leġiżlattiv stabbli. Ir-rakkomandazzjonijiet preċedenti dwar ir-razzjonalizzazzjoni tal-qrati u t-titjib ta' dak li jsir b'segwitu tal-ġudizzji tal-qorti għadhom validi.

    Kif ġie rrakkomandat is-sena l-oħra, il-fażi attwali fir-riforma tal-kodiċijiet legali tar-Rumanija għandha tiġi konkluża malajr minn qbil fil-Parlament biex il-kodiċijiet jiġu emendati, u jgħaddu biss dawk l-emendi li jirrispettaw il-fehma tal-istituzzjonijiet ġudizzjarji, kif ippreżentati mill-Gvern;

    Il-Gvern u l-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura għandhom jistabbilixxu pjan ċar biex jiżguraw li l-iskadenza l-ġdida għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jkun fadal tal-Kodiċi tal-Proċeduri Ċivili jkunu jistgħu jiġu rrispettati;

    Il-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura li jkun għadu kemm inħatar għandu jistipula miżuri ċari biex jiġu promossi t-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont, inkluż billi jiżguraw li jkun hemm programm regolari ta' laqgħat miftuħa ma' assemblej ta' mħallfin u prosekuturi f'kull livell, djalogu kontinwu mas-soċjetà ċivili, u rapport annwali.

    3. L-Integrità

    L-integrità għandha tkun prinċipju ta' gwida fil-ħajja pubblika, u l-qafas legali u l-istituzzjonijiet ta' integrità huma mfassla biex iġibu 'l quddiem dan l-għan. Huwa importanti li jittejbu l-aċċettazzjoni pubblika u l-implimentazzjoni effettiva tar-regoli dwar l-inkompatibilità, u li ssir enfasi fuq il-prevenzjoni eqreb lejn ras il-għajn tal-inkompatibilità u l-kunflitt ta’ interess.

    Li tagħmel sforz li jkun hemm konsistenza fil-ġurisprudenza dwar deċiżjonijiet dwar l-integrità u li tagħmel il-ġurisprudenza konsolidata disponibbli għall-qrati inferjuri;

    Kif ġie rrakkomandat qabel, terġa’ tħares lejn kif tista' tiżgura li d-deċiżjonijiet tal-qrati li jeħtieġu s-sospensjoni mill-kariga tal-parlamentari jiġu applikati awtomatikament mill-Parlament;

    Timplimenta l-kontroll ex ante tal-kunflitti ta’ interess fl-akkwist pubbliku permezz tal-programm "Prevent";

    Tieħu passi biex tiżgura li jiġu rrispettati r-regoli dwar l-integrità fl-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet lokali u ġenerali fl-2016.

    4. Il-ġlieda kontra l-korruzzjoni

    Iż-żamma tal-isforz tal-istituzzjonijiet ġudizzjarji li qegħdin jindirizzaw il-korruzzjoni fil-livelli għolja tibqa' l-iktar sinjal importanti li l-ġlieda kontra l-korruzzjoni qiegħda tiġi konsolidata. Il-liġijiet dwar il-korruzzjoni għandhom jiġu applikati l-istess għal kulħadd u fuq kull livell.

    Tuża l-fondi tal-UE sal-massimu biex tifrex miżuri preventivi effettivi kontra l-korruzzjoni fil-livelli baxxi permezz tal-Istrateġija Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni u permezz ta' riformi ġenerali fl-amministrazzjoni pubblika;

    Tiżgura li l-Aġenzija ta' Rkupru tal-Assi l-ġdida tiġi mwaqqfa bi tmexxija b'saħħitha, biżżejjed riżorsi u s-sostenn tal-istituzzjonijiet l-oħra kollha biex jittejjeb l-irkupru effettiv. Partijiet oħra tal-amministrazzjoni pubblika għandhom jinżammu responsabbli għan-nuqqas li jaħdmu fuq dawn il-kwistjonijiet;

    Timplimenta l-istrateġija u l-pjan ta' azzjoni tal-akkwist pubbliku l-ġodda, tiżgura li jkun hemm qafas kontra l-korruzzjoni robust fit-termini tal-qafas legali, l-arranġamenti istituzzjonali, u l-kapaċità amministrattiva, li tapplika l-miżuri biex tipprevjeni u tidentifika kunflitti ta' interess, u turi li l-ksur ikollu segwitu sħiħ.

    Tadotta kriterji oġġettivi biex tiddeċiedi dwar u timmotiva t-tneħħija tal-immunità tal-Membri tal-Parlament u tiżgura li l-immunità ma tintużax biex tiġi evitata l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' reati ta' korruzzjoni.

    (1)

    Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Ministri, is-17 ta’ Ottubru 2006 (13339/06); Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li twaqqaf mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verifika tal-progress fir-Rumanija sabiex jiġu indirizzati punti ta' riferiment speċifiċi fl-oqsma tar-riforma ġudizzjarja u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, it-13 ta' Diċembru 2006 (C(2006) 6569 final).

    (2)

         http://ec.europa.eu/cvm/key_documents_en.htm.

    (3)

    http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-7281-2015-INIT/mt/pdf

    (4)

      Fil-perjodu 2007-2013, ir-Rumanija implimentat għadd ta' proġetti fil-qasam ta' kontra l-korruzzjoni u l-riforma tas-sistema ġudizzjarja. L-ammont totali ta' finanzjament mill-Fond Soċjali Ewropew (FSE) huwa ta' EUR 16-il miljun. Il-benefiċjarji ewlenin kienu l-Ministeri tal-Amministrazzjoni Pubblika, tal-Ġustizzja, tal-Edukazzjoni u tas-Saħħa. Ġew investi Fondi Ewropej għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) f'azzjonijiet marbuta ma' proġetti tal-kontroll tal-integrità (inkluża s-sistema ex ante ta' kontroll Prevent), il-kapaċità ta' aġenzija tal-akkwist pubbliku għal baġit ta' madwar EUR 15-il miljun. Fil-perjodu 2014-2020, il-Programm tal-Kapaċità Amministrattiva (FSE) se jipprovdi finanzjament ta' madwar EUR 103 miljun għal proġetti ta' riforma tas-sistema ġudizzjarja, fosthom EUR 35 miljun speċifikament għal kontra l-korruzzjoni, u EUR 35 miljun biex jiġi appoġġat it-titjib fl-akkwist pubbliku. Se jiġu investiti sa EUR 15-il miljun ta' riżorsi tal-FEŻR fil-bini ta' kapaċità u l-assistenza teknika fl-akkwist pubbliku, fil-prevenzjoni tal-frodi għall-Awtoritajiet Maniġerjali u fid-Dipartiment tal-Ġlieda Kontra l-Frodi (DLAF).

    (5)

         COM(2015) 35 final; COM(2014) 37 final; COM(2013) 47 final; COM(2012) 410 final.

    (6)

         Dak li kien il-kap prosekutur tad-Direttorat (DIICOT) qiegħed f'detenzjoni preventiva minħabba akkużi ta' korruzzjoni, li ġibed iktar attenzjoni lejn il-ħtieġa li kwalunkwe kwistjonijiet ta' integrità jitilgħu fil-wiċċ.

    (7)

         Pereżempju, il-ħatriet fil-pożizzjonijiet anzjani tal-prosekuzzjoni fl-2012-2013 kienu sors ta' kontroversja.

    (8)

         Il-Prosekutur Ġenerali u l-Kap Prosekutur tad-DNA: F'Mejju 2016, il-President tal-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u l-Ġustizzja: F'Settembru 2016, il-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura: elezzjonijiet fir-raba' trimestru tal-2016.

    (9)

    Il-proċedura ta' nominazzjoni għall-Kap Prosekutur tad-DIICOT tapplika wkoll għall-prosekuturi anzjani, id-deputati tagħhom, u tinkludi l-livell tal-kapijiet tat-taqsimiet fil-Ministeru Pubbliku u d-DNA. B'kollox, hemm 15-il pożizzjoni ta' prosekuzzjoni x'jintgħażlu mill-Ministeru tal-Ġustizzja din is-sena.

    (10)

         Il-Kummissjoni ta' Venezja għamlet xogħol speċifiku f'dan il-qasam biex issib il-bilanċ it-tajjeb (ara r-rapport tekniku, it-taqsima 2.1, pp. 6 - 8).

    (11)

         Kif kien irrappurtat f'rapporti tal-MKV preċedenti: COM(2013) 47 final, p. 4; COM(2014) 37 final, p. 3; COM(2015) 35 final, p. 2.

    (12)

         Rapport tekniku, it-taqsima 2.1, p. 5.

    (13)

         Pereżempju, fil-kuntest ta' każ li għadu għaddej dwar il-mod li bih il-Qorti Kostituzzjonali ħadet deċiżjoni rigward l-organizzazzjoni tar-referendum tal-2012 dwar id-denunzja tal-President tar-Rumanija ta' dak iż-żmien. Rapport tekniku, it-taqsima 2.1, p. 5.

    (14)

         Pereżempju, f'ittra pubblika indirizzata lill-President tar-Rumanija, il-President tas-Senat, filwaqt li jirreferi għal każ ta' persuna li ġiet meħlusa fl-ewwel istanza iżda li kienet taħt arrest preventiv għal sitt xhur, talab it-tneħħija tal-President tal-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u l-Ġustizzja u l-Kap Prosekutur tad-DNA. Rapport tekniku, it-taqsima 2.1, p. 5.

    (15)

         Ir-Rapport tekniku, it-taqsima 2.1, pp. 5 - 6.

    (16)

         COM(2015) 35 final, p. 13; COM(2014) 37 final.

    (17)

    Rapport tekniku, it-taqsima 2.1, p. 4.

    (18)

    Pereżempju, deċiżjonijiet dwar jekk it-tobba fl-isptarijiet pubbliċi humiex uffiċċjali pubbliċi.

    Rapport tekniku, it-taqsima 2.1, p. 4.

    (19)

         Emendi li għadda l-Parlament f'Diċembru 2013 ġibdu kritika mill-awtoritajiet ġudizzjarji u l-komunità internazzjonali, b'mod partikolari fir-rigward ta' kemm kellhom l-effett li jeżentaw lill-membri parlamentari mill-ambitu tal-leġiżlazzjoni li tkopri r-reati ta' korruzzjoni bħat-tixħim, l-eżerċitar ta' influwenza, u l-abbuż tal-uffiċċju (ara COM(2014) 37 pp. 10 - 11).

    (20)

         Rapport tekniku, it-taqsima 2.2, p. 10.

    (21)

         Rapport tekniku, it-taqsima 2.2, p. 10.

    (22)

    Rapport tekniku, it-taqsima 2.2, p. 12.

    (23)

         B'mod partikolari l-provvediment ta' bini biex jippermetti li jiġu solvuti każi fil-kamra tal-Kunsill.

    (24)

         F'materji kriminali, kien hemm 35 domanda preliminari mressqa u 33 riżolti fl-2015, imqabblin ma' 31 domanda preliminari mressqa u 28 riżolti fl-2014. Kien hemm żieda qawwija f'materji ċivili u amministrattivi: kien hemm 51 domanda preliminari mressqa u 47 riżolti fl-2015, imqabblin ma' 17 il-domanda preliminari mressqa u 13 riżolti fl-2014.

    (25)

         Fl-2015, saru 18-il appell u ġew riżolti 19 f'materji ċivili; saru sitt appelli u ġew riżolti sebgħa f'materji kriminali. Dan il-mekkaniżmu jista' wkoll jintuża għal domandi proċedurali, li mhux il-każ għad-deċiżjonijiet preliminari.

    (26)

         COM(2014) 37, p. 13.

    (27)

    L-elezzjonijiet tal-KSM huma ppjanati għall-ħarifa tal-2016, u l-Kunsill il-ġdid huwa mistenni li jibda jaħdem f'Jannar 2017. Mhuwiex ċar jekk l-elezzjonijiet humiex se jġeddu lill-membri kollha jew inkella dawk li spiċċaw il-mandat tagħhom ta' sitt snin.

    (28)

    Rapport tekniku, it-taqsima 2.5, p. 21.

    (29)

         Dak li kien il-President tal-ANI ġie akkużat f'każ ta' abbuż tal-uffiċċju meta kien membru tal-Kummissjoni għar-Restituzzjoni tal-Proprjetajiet. Il-kawża mhijiex marbuta mal-mandat tiegħu fl-Aġenzija Nazzjonali għall-Integrità. Hu rriżenja dritt malli bdiet l-investigazzjoni.

    (30)

         COM(2015) 35, p. 9.

    (31)

         Ir-Rapport tekniku, it-taqsima 3.1, p. 22 - 23. Ir-rekord ta' riżultati tal-ANI kien stabbli meta mqabbel mal-2014.

    (32)

         Fl-2015, 84 % tal-każijiet ta' inkompatibilità, 66 % tal-każijiet ta' kunflitt ta' interess amministrattivi u 66 % tal-każijiet ta' kunflitt ta’ interess kriminali jikkonċernaw sindki, viċisindki, kunsillieri lokali jew kunsillieri tal-kontea.

    (33)

         Din ix-xejra hija kkonfermata fix-xogħol tad-Direttorat Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni.

    (34)

         Rapport tekniku, it-taqsima 3.4, p. 25.

    (35)

         L-Aġenzija Nazzjonali għall-Integrità imponiet multi fuq membri tal-Kumitat Legali tal-Kamra tad-Deputati talli naqsu milli jagħmlu segwitu fuq deċiżjoni ta' inkompatibilità li ma kinitx ġiet kontestata fil-qrati.

    (36)

    Rapport tekniku, it-taqsima 5.4, p. 37.

    (37)

         Ġie previst baġit ta' RON 23 miljun (EUR 5,1 miljun), li huwa parzjalment iffinanzjat minn fondi tal-UE.

    (38)

         COM(2015) 35, p. 9.

    (39)

         Ir-Rapport Tekniku, it-taqsima 3.2, p. 23.

    (40)

    Id-DNA jirrapporta li bejn 85 % u 90 % tal-każijiet joriġinaw minn ilmenti taċ-ċittadini, 5 % sa 10 % huma ex officio jew ilmenti minn istituzzjonijiet oħrajn, u inqas minn 5 % tal-każijiet jorġinaw minn notifika min-naħa tas-servizzi tal-intelligence.

    (41)

         COM(2013) 47 final, p. 7.

    (42)

         Rapport tekniku, it-taqsima 2.4, p. 20.

    (43)

    http://www.coe.int/t/dghl/monitoring/greco/default_en.asp

    (44)

         Rapport tekniku, it-taqsima 5.1, p. 30.

    (45)

         http://sna.just.ro

    (46)

         Rapport tekniku, it-taqsima 5.2, p. 31.

    (47)

         COM(2015) 35, p. 11.

    (48)

         Rapport tekniku, it-taqsima 5.3, p. 33.

    (49)

    Fil-kuntest tal-implimentazzjoni tad-Direttivi l-ġodda tal-UE u li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej.

    (50)

    Din l-istrateġija wkoll tibbenefika mill-implimentazzjoni tal-programm "Prevent", ara l-paġna 9 hawn fuq.

    Top