Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016AR5780

    Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Proposti leġislattivi għal Regolament dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi u Regolament dwar il-LULUCF

    ĠU C 272, 17.8.2017, p. 36–47 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    17.8.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 272/36


    Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Proposti leġislattivi għal Regolament dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi u Regolament dwar il-LULUCF

    (2017/C 272/08)

    Relatur:

    Juri Gotmans (EE/PSE), Sindku tal-Muniċipalità ta’ Haanja

    Dokumenti ta’ referenza:

    Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tnaqqis annwali vinkolanti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-Istati Membri mill-2021 sal-2030 għal Unjoni tal-Enerġija reżiljenti u biex jiġu onorati l-impenji li saru fil-Ftehim ta’ Pariġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar mekkaniżmu għall-monitoraġġ u għar-rapportar ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra u ta’ informazzjoni oħra relatata mat-tibdil fil-klima,

    COM(2016) 482 final

    u

    Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-inklużjoni tal-emissjonijiet u l-assorbimenti ta’ gassijiet serra minn użu tal-art, tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija fil-Qafas ta’ politika għall-klima u l-enerġija għall-2030 u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar mekkaniżmu għall-monitoraġġ u r-rappurtar ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra u għar-rappurtar ta’ informazzjoni oħra relatata mat-tibdil fil-klima

    COM(2016) 479 final.

    IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI (KtR),

    1.

    jilqa’ bi pjaċir il-proposti leġislattivi tal-Kummissjoni Ewropea dwar it-tnaqqis annwali vinkolanti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-Istati Membri mill-2021 sal-2030 f’setturi mhux koperti mill-Iskema għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet (ETS) [COM (2016) 482 final], kif ukoll dwar l-inklużjoni tal-emissjonijiet u l-assorbimenti ta’ gassijiet serra minn użu tal-art, tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija (LULUCF) fil-qafas ta’ politika għall-klima u l-enerġija għall-2030 [COM (2016) 479 final];

    2.

    jenfasizza li huwa importanti li jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra fis-setturi li ma jaqgħux taħt l-ETS sal-2030, sabiex jintlaħaq l-għan fit-tul għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra b’95 % sal-2050;

    3.

    huwa tal-fehma li, sabiex ikun konformi mal-impenji magħmula fil-qafas tal-Ftehim ta’ Pariġi, l-integrazzjoni tal-potenzjal għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ CO2 mill-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija (LULUCF) fi ħdan il-qafas tal-politika tal-UE dwar il-klima jkun innovattiv u kosteffettiv sew;

    4.

    huwa konvint li huwa indispensabbli li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu rikonoxxuti bħala atturi ewlenin fl-implimentazzjoni tal-miżuri inklużi fil-politika l-ġdida dwar il-klima, u f’konformità mal-prinċipji tal-governanza f’diversi livelli, jkunu involuti b’mod attiv fl-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE dwar l-enerġija u l-klima;

    5.

    jenfasizza r-rwol u r-responsabbiltajiet tal-bliet u r-reġjuni fil-ġbir u l-kumpilazzjoni tad-data għall-kalkolu tal-inventarju tal-gassijiet b'effett ta’ serra fis-setturi koperti mir-Regolament LULUCF u r-Regolament dwar il-kondiviżjoni tal-isforzi; huwa jirrakkomanda lill-Istati Membri u l-Kummissjoni, biex jappoġjaw l-awtoritajiet lokali u reġjonali, permezz tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet rispettivi tagħhom, fit-twettiq tal-kompiti bażiċi tagħhom meta jfasslu u jippjanaw l-iżvilupp lokali fil-enerġija, it-trasport, il-ġestjoni tal-iskart, l-użu tal-art u setturi oħra.

    6.

    huwa tal-fehma li, permezz tal-istrumenti ta’ flessibiltà, il-prinċipji tas-suq u l-prattiki tal-użu tal-art kif ukoll ir-riżorsi biex jintlaħaq l-għan tat-tnaqqis tal-emissjonijiet jiġu riflessi fl-azzjoni dwar il-klima, madanakollu jemmen li jridu jsiru bidliet meħtieġa biex ma jiddgħajfux l-għanijiet ambizzjużi tal-politika tal-UE dwar il-bidla fil-klima u biex tiġi evitata l-inflazzjoni tal-kummerċ tal-kwoti. Dan jista’ jsir jekk issir kontabilizzazzjoni tal-emissjonijiet attwali jew it-tendenza lineari għat-tnaqqis tagħhom fl-2020, jitnaqqas it-trasferiment tal-eċċess tal-kwoti mis-setturi koperti mill-ETS tal-UE għal dawk li mhumiex mill-ETS, u jekk jiġu stabbiliti miri aktar ambizzjużi, inklużi għal pajjiżi b’PDG baxx;

    7.

    jitlob l-introduzzjoni ta’ kontrolli intermedji ta’ konformità kull ħames snin bħala mezz effettiv biex jiġi żgurat it-twettiq tal-miri ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet permezz ta’ monitoraġġ aktar regolari;

    8.

    iqis li, fid-dawl tan-nuqqas ta’ miri speċifiċi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet għas-setturi individwali koperti mir-Regolament dwar il-kondiviżjoni tal-isforzi, għandhom isiru dispożizzjonijiet ta’ programmazzjoni, sabiex jippermettu li l-UE, l-Istati Membri, ir-reġjuni u l-awtoritajiet lokali, jkunu jistgħu jiżviluppaw strateġiji u azzjonijiet biex jgħinu biex jiggarantixxu t-tranżizzjoni f’ dawk is-setturi lejn miżuri favur it-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2. Għaldaqstant, għandhom jiġu mfassla miri settorjali sabiex jiġi żgurat li s-setturi kollha koperti mir-Regolament dwar il-kondiviżjoni tal-isforzi jkunu f’armonija mal-għan tat-tnaqqis tal-emissjonijiet globali propost fir-Regolament, u barra minn hekk, il-kontrolli tal-konformità għandhom jissaħħu permezz ta’ reviżjonijiet u karta tal-bilanċ annwali;

    9.

    jenfasizza l-ħtieġa li jiġu sfruttati aħjar u b’mod aktar ambizzjuż l-opportunitajiet f’termini tar-rekwiżiti legali għall-inizjattivi settorjali fis-setturi b’riskju ta’ żieda fl-emissjonijiet (eż. l-effiċjenza tal-karozzi tal-passiġġieri u l-vetturi kummerċjali ħfief fis-settur tat-trasport).

    10.

    jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tikkunsidra l-kontribut tal-LULUCF b’mod olistiku, bilii jirrikonoxxi li das-settur, b’mod partikolar f’dak li jirrigwarda l-foresti, għandu l-potenzjal li jikkontribwixxi b’mod pożittiv għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima permezz, tas-sekwestru, il-ħżin u s-sostituzzjoni tal-emissjonijiet tas-CO2.

    I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET SABIEX JITRESSQU L-EMENDI

    Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tnaqqis annwali vinkolanti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-Istati Membri mill-2021 sal-2030 għal Unjoni tal-Enerġija reżiljenti u biex jiġu onorati l-impenji li saru fil-Ftehim ta’ Pariġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar mekkaniżmu għall-monitoraġġ u għar-rapportar ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra u ta’ informazzjoni oħra relatata mat-tibdil fil-klima,

    COM(2016) 482 final

    Emenda 1

    Premessa 5

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

    It-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa teħtieġ tibdil fl-aġir tal-investiment u inċentivi fil-firxa kollha tal-politika.

    Fir-rigward tal-kofinanzjament biex jikkumplimenta l-fondi tal-UE, meħtieġa t-tnedija ta’ programmi ta’ investiment lokali u reġjonali biex jappoġġjaw is-setturi li ma jaqgħux taħt l-ETS.

    Raġuni

    Iż-żieda ta’ premessa ġdida hija intiża sabiex tevoka l-idea li għandu jiġi żviluppat l-investiment fir-reġjuni u l-bliet. Mingħajr rikonoxximent fil-forma ta’ mandat jew riżorsi finanzjarji fit-tul, il-livell lokali u reġjonali ma jistax jopera fuq livell ottimali. Għall-awtoritajiet lokali u reġjonali is-sors ta’ finanzjament għall-implimentazzjoni ta’ miżuri sostenibbli fl-oqsma tal-kompetenzi tagħhom, fil-biċċa l-kbira qiegħed f’idejn il-gvernijiet nazzjonali u huma kkumplimentati biss b’mod limitat mill-istrumenti tal-UE. Dan il-finanzjament għandu jkun deċentralizzat. Minbarra l-għoti ta’ finanzjament nazzjonali u Ewropej fil-forma ta’ għotjiet u kofinanzjament, tista’ tiġi kkunsidrata li tittejjeb il-kapaċità tal-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jagħtu jew jiksbu self għall-implimentazzjoni ta’ inizjattivi ambjentali.

    Huwa jipprevedi l-ħolqien ta’ pjattaforma finanzjarja Ewropea kofinanzjati mill-fondi tal-UE, fejn jiltaqgħu l-finanzjaturi u l-investituri, fuq naħa waħda, u l-bliet u r-reġjuni, fuq in-naħa l-oħra, biex jiftehmu dwar il-proġetti applikabbli. Idealment, dan għandu jkun il-forum għas-setturi koperti mir-Regolament dwar il-kondiviżjoni tal-isforzi u r-Regolament LULUCF b’mod partikolari għall-oqsma fejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu jistgħu jużaw b’mod sħiħ il-kompetenza territorjali tagħhom.

    Emenda 2

    Premessa 18

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

    Dan ir-Regolament għandu jkun mingħajr preġudizzju għal għanijiet nazzjonali iktar stretti.

    Dan ir-Regolament għandu jkun mingħajr preġudizzju għal għanijiet nazzjonali iktar stretti , kundizzjoni li hija meħtieġa biex jintlaħqu l-għanijiet fit-tul sal-2050 .

    Raġuni

    Dan huwa abbozz ta’ emenda maħsub biex iħeġġeġ lill-pajjiżi jistabbilixxu objettivi addizzjonali, peress li dawk għall-2030 jimplikaw li għandhom isiru sforzi ħafna akbar biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra fis-snin 2031-2050.

    Emenda 3

    Artikolu 4(3)

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

    […] il-Kummissjoni għandha twettaq analiżi komprensiva tad-dejta tal-inventarju nazzjonali l-aktar riċenti għas-snin 2005 u 2016 sa 2018 […]

    […] il-Kummissjoni għandha twettaq valutazzjoni tad-dejta tal-inventarju nazzjonali l-aktar riċenti għas-snin 2005 u 2018 sa 2020 […]

    Raġuni

    L-għażla tas-sena ta’ referenza, hija ta’ importanza ewlenija u għandha idealment tkun ibbażata fuq il-livelli tal-emissjonijiet l-aktar aġġornati (jiġifieri fl-2020) jew fuq ix-xejra ta’ tnaqqis lineari tul il-perjodu 2018–2020, b’lok għal varjazzjonijiet każwali. Jekk il-bażi tkun għas-snin 2016 sa 2018, dan ikollu effett ta’ inflazzjoni fuq il-bilanċ tal-karbonju, billi jkun mistenni tnaqqis fi snin sussegwenti. Dan imur kontra l-iskop ta’ dan l-istrument u għalhekk jinkoraġġixxi n-nuqqas ta’ konformità mal-impenji, minflok jgħin lill-pajjiżi jikkonformaw ma’ standards ogħla.

    Emenda 4

    Artikolu 5(5)

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

    […] L-Istat Membru riċeventi jista’ juża din il-kwantità għal konformità skont l-Artikolu 9 għal dik is-sena jew għal snin sussegwenti sal-2030.

    […] L-Istat Membru riċeventi jista’ juża din il-kwantità għal konformità skont l-Artikolu 9 għas-sena kurrenti jew għal snin sussegwenti sal-2030.

    Raġuni

    Kjarifika hija meħtieġa biex tiġi evitata l-konfużjoni u ssir distinzjoni bejn is-sena ta’ kalkolu u s-sena ta’ rapputaġġ.

    Emenda 5

    Artikolu 6(1)

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

    L-Istati Membri li jista’ jkollhom kanċellazzjoni limitata ta’ massimu ta’ 100 miljun kwota tal-EU ETS kif iddefinit fl-Artikolu 3(a) tad-Direttiva 2003/87/KE, li jitqiesu kollettivament għall-konformità tagħhom skont dan ir-Regolament huma elenkati fl-Anness II għal dan ir-Regolament.

    L-Istati Membri li jista’ jkollhom kanċellazzjoni limitata ta’ massimu ta’ 50 miljun kwota tal-EU ETS kif iddefinit fl-Artikolu 3(a) tad-Direttiva 2003/87/KE, li jitqiesu kollettivament għall-konformità tagħhom skont dan ir-Regolament huma elenkati fl-Anness II għal dan ir-Regolament.

    Raġuni

    Fl-ETS bħalissa hemm disponibbiltà żejda ta’ ċertifikati u prezz baxx għas-CO2 (5 EUR/t f’Diċembru 2016). F’dan l-isfond, il-limitu massimu ta’ 100 miljun unità propost għall-emissjonijiet mhu tal-ebda għajnuna biex jintlaħaq tnaqqis sostanzjali fl-emissjonijiet ETS, iżda jista’ jfisser li l-emissjonijiet fis-setturi li mhumiex koperti mill-ETS fil-fatt jiżdiedu minħabba l-innettjar. Fl-applikazzjoni ta’ flessibilità bejn is-setturi għandha tintuża piena ta’ 1:2 għall-konverżjoni. Din il-proposta telimina 50 miljun unità, u għalhekk tnaqqis il-valur ta’ tunnellata ta’ CO2. Għandu jiġi nnutat li l-protezzjoni tal-klima fiż-żewġ setturi u fil-miżuri addotati għandha tibqa’ ta’ livell għoli.

    Emenda 6

    Artikolu 8, punti (1) u (2)

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

    Stat Membru li […] jiġi evalwat li ma jkunx qed jagħmel progress suffiċjenti […]

    L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għandha tgħin lill-Kummissjoni fil-ħidma tagħha biex tevalwa l-pjanijiet ta’ azzjoni […]

    Stat Membru li […] jiġi evalwat li mhux f’pożizzjoni li jilħaq l-obbligi tiegħu […]

    Il-Kummissjoni għandha taħdem flimkien mal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, bl-użu ta’ sorsi indipendenti, biex tevalwa l-pjanijiet ta’ azzjoni […]

    Raġuni

    Bidla fil-kliem għal formulazzjoni iktar ċara. It-terminu “progress” huwa definizzjoni ġenerali, waqt li t-terminu “appoġġ” huwa espressjoni ta’ approċċ kawt. Jekk ikun seħħ ksur, huwa essenzjali li ssir valutazzjoni indipendenti tal-pjan ta’ azzjoni tal-Istat Membru.

    Emenda 7

    Artikolu 9(2)

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

    […] għandu jkun hemm tnaqqis mill-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet ta’ dak l-Istat Membru ugwali għall-ammont f’tunnellati ta’ ekwivalenti għas-CO2 ta’ dawk l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra żejda għas-snin rilevanti.

    […] għandu jkun hemm tnaqqis mill-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet ta’ dak l-Istat Membru ugwali għall-ammont f’tunnellati ta’ ekwivalenti għas-CO2 ta’ dawk l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra żejda għas-snin li fihom inqabeż il-limitu.

    Raġuni

    Kjarifika tat-tfassil biex tispeċifika s-snin li għalihom tapplika l-klawżola ta’ tnaqqis u l-kundizzjonijiet rilevanti.

    Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-inklużjoni tal-emissjonijiet u l-assorbimenti ta’ gassijiet serra minn użu tal-art, tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija fil-Qafas ta’ politika għall-klima u l-enerġija għall-2030 u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar mekkaniżmu għall-monitoraġġ u r-rapportar ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra u għar-rapportar ta’ informazzjoni oħra relatata mat-tibdil fil-klima

    COM(2016) 479 final

    Emenda 8

    Premessa 9

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

    L-emissjonijiet u l-assorbimenti mill-foresti jiddependu fuq għadd ta’ ċirkostanzi naturali, l-istruttura tal-klassi tal-età, kif ukoll il-prattiki ta’ ġestjoni tal-passat u tal-preżent. L-użu ta’ sena bażi ma jagħmilhiex possibbli li dawk il-fatturi u l-impatti ċikliċi li jirriżultaw jiġu riflessi fuq l-emissjonijiet u l-assorbimenti jew il-varjazzjoni interannwali tagħhom. Ir-regoli tal-kontabbiltà rilevanti għandhom minflok jipprovdu għall-użu ta’ livelli referenzjarji biex jiġu esklużi l-effetti ta’ karatteristiċi naturali u speċifiċi għall-pajjiż.

    L-emissjonijiet u l-assorbimenti mill-foresti jiddependu fuq diversi ċirkostanzi naturali, l-istruttura tal-klassi tal-età, kif ukoll il-prattiki ta’ ġestjoni. L-għażla ta’ sena bażi ma tagħmilhiex possibbli li dawk il-fatturi u l-impatti ċikliċi li jirriżultaw jiġu riflessi b’mod preċiż fuq l-emissjonijiet u l-assorbimenti jew il-varjazzjoni aleatorja u interannwali tagħhom. Ir-regoli tal-kontabbiltà rilevanti għandhom minflok jipprovdu għall-użu ta’ livelli referenzjarji biex jiġu esklużi l-effetti ta’ karatteristiċi naturali, reġjonali u speċifiċi għall-pajjiż.

    Raġuni

    M’hemmx bżonn ta’ eżami divrenzjat tal-prattiki ta’ ġestjoni, dawn għandhom jiġu kkunsidrati fi kwalunkwe każ. Barra l-fenomeni ċikliċi, il-bidliet naturali għandhom jiġu enfasizzati permezz ta’ kliem ewlieni. Hemm għadd kbir ta’ avvenimenti naturali, li jseħħu b’mod aleatorju. Id-differenzi reġjonali jistgħu jsiru evidenti anke f’pajjiżi iżgħar u għalhekk approċċ speċifiku għall-pajjiżi mhuwiex biżżejjed biex tiġi indirizzata d-diversità naturali kemm fil-pajjiżi kbar kif ukoll fiż-żgħar.

    Emenda 9

    Punt 10

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

    Emenda tal-KtR […] u tagħżel numru suffiċjenti ta’ esperti mill-Istati Membri.

    […] u tagħżel numru suffiċjenti ta’ esperti mill-Istati Membri, inkluż mil-livell lokali u reġjonali.

    Raġuni

    Speċifikazzjoni metodoloġika tirrikjedi li jiġu involuti l-esperti lokali u reġjonali, speċjalment fid-dawl tal-fatt li l-għarfien tal-awtoritajiet ċentrali u l-belt kapitali jista’ jvarja b’mod sinifikanti minn dak lokali. L-Ewropa rrikonoxxiet l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja barra mill-bliet kapitali li jittrattaw ix-xjenzi rilevanti, u dan il-potenzjal għandu jintuża b’mod aktar deċiżiv u prijoritarju. Barra minn hekk, l-awtoritjaiet ambjentali ċentrali fil-bliet kapitali jista’ jkollhom tendenza li jikkunsidraw il-kwistjonijiet minn perspettiva nazzjonali, formali u ġeneralizzata jew inkella jħarsu lejn ir-realtajiet tal-ekonomija politika u l-mudelli konvenzjonali, mingħajr ma jikkunsidraw l-iżviluppi lokali u l-bidliet mhux mistennija fid-dinamika.

    Emenda 10

    Punt 16

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda

    L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent se tassisti lill-Kummissjoni, kif xieraq f’konformità mal-programm ta’ ħidma annwali tagħha, bis-sistema ta’ rapportar annwali tal-emissjonijiet u l-assorbimenti ta’ gassijiet serra, il-valutazzjoni ta’ informazzjoni dwar politiki u miżuri u projezzjonijiet nazzjonali, l-evalwazzjoni ta’ politiki u miżuri addizzjonali ppjanati, u l-kontrolli tal-konformità mwettqa mill-Kummissjoni skont dan ir-Regolament.

    L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent se tassisti lill-Kummissjoni, kif xieraq f’konformità mal-programm ta’ ħidma annwali tagħha, bis-sistema ta’ rapportar annwali tal-emissjonijiet u l-assorbimenti ta’ gassijiet serra, il-valutazzjoni ta’ informazzjoni dwar politiki u miżuri u projezzjonijiet nazzjonali, l-evalwazzjoni ta’ politiki u miżuri addizzjonali ppjanati, u l-kontrolli tal-konformità mwettqa mill-Kummissjoni skont dan ir-Regolament, filwaqt li tikkunsidra b’mod komprensiv l-informazzjoni indipendenti provduta mill-istudji u l-esperti fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali .

    Raġuni

    Il-pożizzjonijiet meħuda mill-Kummissjoni u l-valutazzjonijiet ta’ konformità tagħha għandhom jirrikonoxxu u jieħdu abbord esperjenzi u fehmiet nazzjonali u reġjonali b’tali mod li ma jintesiex il-punt reali tal-istabbiliment ta’ sistema pan-Ewropea.

    Emenda 11

    Premessa 17

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

    […] Għall-ġbir ta’ dejta għandu jsir l-aħjar użu ta’ programmi u stħarriġ eżistenti tal-Unjoni u tal-Istati Membri […]

    […] Ir-rwol amministrattiv tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fir-rigward tal-ġbir u l-ġestjoni tad-data u fit-titjib tal-kwalità tad-data għandu jissaħħaħ. Fir-rappurtar għandu jkun hemm mekkaniżmu ta’ kontroll tal-konformità minn esperti lokali. Barra minn hekk, il-bażi metodoloġika u l-istandards għandhom jiġu speċifikati abbażi tal-kundizzjonijiet lokali.

    Raġuni

    Il-kapaċità amministrattiva tal-awtoritajiet lokali u reġjonali għandha tiġi enfasizzata u r-rwol tagħhom fil-politika dwar l-użu tal-art u l-monitoraġġ għandu jissaħħaħ billi jitwaqqfu unitajiet tal-kontabbiltà għall-użu tal-art. Fl-istess ħin, il-kapaċità tal-bliet u r-reġjuni biex jissorveljaw id-data relatata mal-LULUCF u biex jirrappurtaw dwar din id-data għandha tissaħħaħ u l-istandards metodoloġiċi fil-qafas tal-proċeduri u l-miżuri tagħhom għandhom jittejbu (eż. fil-proċess tal-ippjanar). Dan jiżgura konformità mal-prinċipji ewlenin tal-IPCC, bħall-koerenza, il-komparabilità, il-kompletezza, il-preċiżjoni u t-trasparenza.

    Emenda 12

    Premessa 21 ġdida

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

     

    Sabiex ikun hemm ġbir u analiżi aħjar tad-data fis-settur tal-LULUCF il-Kummissjoni għandha tiżgura li jkunu stabbiliti metodoloġiji konsistenti u settijiet ta’ indikaturi għall-fondi rilevanti.

    Raġuni

    Żieda ta’ premessa ġdida li tenfasizza l-bżonn ta’ finanzjament tal-UE għalll-analiżi tal-użu tal-art fid-dwl tal-konformità mar-Regolament, u għall-analiżi ta’ sfond. Għandhom jiġu speċifikati t-tipi ta’ miżuri fis-settur tal-LULUCF li għalihom jista’ jkun hemm fondi addizzjonali taħt il-Fondi Strutturali tal-UE.

    Emenda 13

    Artikolu 5(2)

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

    L-Istati Membri għandhom jipprevjenu kwalunkwe għadd doppju ta’ emissjonijiet jew assorbimenti b’mod partikolari bil-kontabbiltà għal emissjonijiet jew assorbimenti li jirriżultaw minn aktar minn kategorija ta’ kontabbiltà tal-art waħda taħt kategorija waħda biss.

    L-Istati Membri għandhom jipprevjenu kwalunkwe għadd doppju ta’ emissjonijiet jew assorbimenti f’kategoriji differenti ta’ kontabbiltà.

    Raġuni

    Semplifikazzjoni u kjarifika fl-abbozzar permezz ta’ referenza għall-każ ta’ għadd doppju. Huwa importanti li l-prinċipju jiġi fformulat b’mod konkret: għandu jiġi eskluż l-għadd doppju.

    Emenda 14

    Artikolu 5(5)

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

    L-Istati Membri għandhom iżommu rekord komplet u preċiż tad-dejta kollha użata fil-preparazzjoni tal-kontijiet tagħhom.

    L-Istati Membri għandhom iżommu rekord komplet, kontinwu u preċiż tad-dejta kollha użata fil-preparazzjoni tal-kontijiet tagħhom.

    Raġuni

    Żieda tal-kontinwità bħala element importanti tal-kwalità. Jistgħu jseħħu żbalji u jinħolqu problemi f’serje temporali, b’mod partikolari jekk titwaqqaf il-kontinwità jew jinbidel il-metodu.

    Emenda 15

    Artikolu 8(3)

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

    Il-pjan tal-kontabbiltà forestali nazzjonali għandu jsir pubbliku u għandu jkun soġġett għal konsultazzjoni pubblika.

    Il-pjan tal-kontabbiltà forestali nazzjonali għandu jiġi ppubbikat kull sena u għandu jkun soġġett għal konsultazzjoni pubblika fi ħdan l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-partijiet interessati.

    Raġuni

    L-ispeċifikazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ pubblikazzjoni u konsultazzjoni.

    Emenda 16

    Artikolu 10(1)

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

    […] li jirriżultaw minn disturbi naturali li jaqbżu l-emissjonijiet medji kkawżati minn disturbi naturali fil-perjodu ta’ bejn l-2001 u l- 2020 , […]

    […] li jirriżultaw minn disturbi naturali li jaqbżu l-emissjonijiet medji kkawżati minn disturbi naturali fil-perjodu ta’ bejn l-2001 u l- 2019 , […]

    Raġuni

    Għandu jiġi kkunsidrat perjodu itwal għall-entrata fil-kotba. Ghandu jiġi evitat li jiġu kkunsidrati d-disturbi naturali kbar jew danni kumulattivi fil-foresti fl-entrati fil-kotba jew li dawn iseħħu lejn l-aħħar ħafna tal-perjodu tal-kontabbiltà. Hemm ċertu dewmien fir-rappurtar tal-emissjonijiet medji.

    Emenda 17

    Artikolu 12(2)

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

    Il-Kummissjoni għandha twettaq reviżjoni komprensiva tar-rapporti tal-konformità għall-fini tal-valutazzjoni tal-konformità mal-Artikolu 4 .

    Il-Kummissjoni għandha tivvaluta u tikkonferma l-konformità mal-Artikolu 4 (Tnaqqis nett tal-gassijiet b’effett ta’ serra u kundizzjonijiet ta’ flessibbiltà) fir-rapporti ta’ konformità .

    Raġuni

    Il-kundizzjonijiet tar-reviżjoni għandhom jiġu spjegati fid-dettall: hemm bżonn mhux biss ta’ valutazzjoni iżda wkoll ta’ konferma. F’dan il-punt jista’ jkun hemm referenza fil-qosor għall-kontenut tal-Artikolu 4.

    Emenda 18

    Artikolu 16(1)(a) u l-aħħar paragrafu tal-Anness IIIa

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

    […] Mill-2023,[…]

    Anness IIIa, l-aħħar paragrafu: L-Istati Membri huma mħeġġa japplikaw il-metodoloġija tal-Grad 3 li tuża mmudellar mhux parametriku kalibrat għaċ-ċirkostanzi nazzjonali, li tiddeskrivi l-interazzjoni fiżika tas-sistema bijofiżika, skont il-Linji Gwida għall-Inventarji Nazzjonali tal-Gassijiet Serra tal-IPCC tal-2006.

    […] Mill-2021,[…]

    Anness IIIa, l-aħħar paragrafu: L-Istati Membri għandhom japplikaw il-metodoloġija tal-Grad 3 li tuża mmudellar mhux parametriku kalibrat għaċ-ċirkostanzi nazzjonali, li tiddeskrivi l-interazzjoni fiżika tas-sistema bijofiżika, skont il-Linji Gwida għall-Inventarji Nazzjonali tal-Gassijiet Serra tal-IPCC tal-2006.

    Raġuni

    L-entrati fil-kotba għandhom jibdew mill-ewwel fl-2021. Għandu jkun hemm applikazzjoni ta’ metodi aktar preċiżi – formulazzjoni aktar vinkolanti: “għandhom japplikaw il-metodoloġija” u mhux “huma mħeġġa japplikaw il-metodoloġija”.

    II.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA' POLITIKA

    IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI (KtR)

    Kummenti ġenerali

    1.

    jemmen li l-awtoritajiet lokali u reġjonali bla dubju għandhom rwol deċiżiv fis-setturi koperti mir-regolament dwar il-kondiviżjoni tal-isforzi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b'effett ta' serra u tar-Regolament tal-LULUCF, peress li dawn ir-regolamenti jeħtieġu l-inklużjoni tad-dimensjoni territorjali. Fl-istess ħin dawn huma oqsma li fihom l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jaġixxu, fuq il-bażi tar-responsabbiltajiet u s-setgħat legali tagħhom. Għall-implimentazzjoni tal-politika teżisti firxa wiesgħa ta’ strumenti xierqa adegwati, bħalma huma l-ippjanar territorjali, il-promozzjoni tal-SMEs, il-miżuri ta’ politika biex jiġu attirati u promossi investimenti ekoloġiċi, il-bini, it-trasport urban u l-mobilità u l- pjani ta' żvilupp urban;

    2.

    jenfasizza li l-miżuri proposti se jgħinu biex jitnaqqsu l-emissjonijiet f'dawk l-oqsma li mhumiex koperti mill-Iskema tal-UE għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet (ETS) u għalhekk joffru valur miżjud soċjali, ekonomiku u ambjentali. B'hekk il-bliet u r-reġjuni għandhom rwol saħansitra aktar deċiżiv peress li huma pijunieri fit-territorji tagħhom u jixprunaw inizjattivi għad-dekarbonizzazzjoni u jieħdu inkonsiderazzjoni l-fatturi ekonomiċi u soċjali ta’ kull miżura fuq il-post;

    3.

    jisħaq li forestrija moderna u sostenibbli tikkontribwixxi għal użu akbar tar-riżorsi sostenibbli u l-bijoenerġija, li kemm jissostitwixxu l-użu tal-karburanti fossili kif ukoll jiffunzjonaw bħala bir tal-karbonju. Barra minn hekk, il-Kumitat jisħaq fuq l-importanza li jiġi promoss ukoll it-tnaqqis tal-emissjonijiet fi ħdan is-settur LULUCF permezz tal-politika agrikola komuni tal-UE;

    4.

    jara rwol importanti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-forniment ta’ informazzjoni diretta liċ-ċittadini u l-implimentazzjoni ta’ kampanji dwar kwistjonijiet ta' enerġija. Il-proposti tal-Kummissjoni jappoġġjaw l-implimentazzjoni tal-istrateġiji reġjonali tal-klima u tal-enerġija u jippromovu d-dekarbonizzazzjoni tas-setturi u l-użu ppjanat tal-art fil-kuntest tal-iżvilupp reġjonali u urban u l-ippjanar spazjali. Proċessi reġjonali u lokali huma mqegħdin f’qafas ta’ eżempji konkreti u miri ta’ tnaqqis mill-Patt tas-Sindki;

    5.

    iqis li r-Regolamenti proposti ma jqajmu ebda kwistjoni rigward il-konformità tagħhom mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, peress li l-indirizzar tat-tibdil fil-klima u l-effetti tiegħu huwa mingħajr dubju kwistjoni transkonfinali u għalhekk l-għanijiet ta’ dawn ir-Regolamenti jistgħu jinkisbu biss permezz ta’ azzjoni fil-livell tal-UE. Barra dan, ir-Regolamenti proposti ma jmorrux lil hinn minn dak li hu neċessarju fil-forma jew kontenut sabiex jintlaħaq l-għan tal-implimentazzjoni tal-mira għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gass b'effett ta' serra tal-UE għall-2030 b’mod kosteffettiv u b’hekk f’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità;

    Tifsira u interrelazzjonijiet tal-politiki settorjali

    6.

    iqis li huwa neċessarju li t-tranżizzjoni għal ekonomija b'karbonju baxx u l-enerġija nadifa tkompli, li jibqgħu jiġu adottati miżuri klimatiċi fuq sisien wesgħin, anki f'setturi li mhumiex soġġetti għall-ETS. Fil-kuntest ta’ kondiviżjoni tal-isforzi qed jiġi propost sett ġenerali ta’ regoli għas-setturi li mhumiex fl-ETS;

    7.

    jirrimarka li l-Kummissjoni ma stabbiliet l-ebda miri konkreti u vinkolanti legalment għal dawn is-setturi, iżda pjuttost valutazzjoni globali tal-kontribuzzjoni tagħhom li f’dan il-kuntest, l-Istati Membri għandhom libertà relattivament kbira biex jiddeċiedu liema miżuri speċifiċi beħsiebhom japplikaw biex jilħqu l-miri tagħhom għat-tnaqqis ta' emissjonijiet ta’ gassijiet b'effett ta' serra. Il-prospetti għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta’ serra jvarjaw minn settur għal ieħor u fil-livell nazzjonali jistgħu anki jirriżultaw f’żidiet – bħal fil-każ tal-emissjonijiet imbassra mit-trasport rurali irrispettivament mill-implimentazzjoni tal-miżuri biex tiżdied l-effiċjenza tal-fjuwil;

    8.

    jitlob li jkun hemm implimentazzjoni flessibbli tal-miri ġenerali tul is-setturi kollha, fejn jiġu evalwati u meqjusa l-kapaċitajiet reġjonali u lokali rispettivi; madankollu, il-frammentazzjoni tal-mira għas-setturi individwali mhijiex possibbli b'mod prattiku;

    Kemm huma flessibbli jew riġidi l-mekkaniżmi ta’ flessibilità?

    9.

    Jenfasizza li l-Istati Membri u s-setturi kollha tal-ekonomija jikkontribwixxu għall-kisba tat-tnaqqis fl-emissjonijiet tas-CO2 u li kollha kemm huma għandhom jipparteċipaw f’dan l-isforz biex tintlaħaq il-mira hawn fuq imsemmija bil-bilanċ ta' kunsiderazzjonijiet ta’ ġustizzja u ta' solidarjetà, u l-adattament tal-miri nazzjonali fi ħdan il-grupp tal-Istati Membri b’PDG per capita ’l fuq mill-medja tal-Unjoni biex jirriflettu l-kosteffikaċja b’mod ġust u bilanċjat.

    10.

    jinnota li l-kisba ta’ dan it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra għandha tagħti spinta lill-effiċjenza u l-innovazzjoni fl-ekonomija Ewropea, u b’mod partikolari għandha tippromovi t-titjib, speċifikament fil-bini, fl-agrikoltura, fil-ġestjoni tal-iskart u fit-trasport, sa fejn dawn jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament;

    11.

    jiġbed l-attenzjoni li r-Regolament dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi jipprovdi ħafna opportunitajiet għall-flessibilità u l-kummerċ, li huma mmirati biex jgħinu lill-Istati Membri jiksbu l-miri tagħhom għat-tnaqqis tal-emissjonijiet sa l-2030. Miżuri ta’ dan it-tip inaqqsu l-ispiża ta' tnaqqis tal-emissjonijiet, għalkemm huma meħtieġa realiżmu u prudenza u għandha tingħata attenzjoni għall-fatt li l-flessibilità ma tirriżultax f'xi Stati Membri li jżidu l-emissjonijiet jew jiġu stabbiliti miri aktar baxxi permezz ta’ manipulazzjoni, kemm qabel l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet jew fl-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ flessibbiltà, peress li mekkaniżmi differenti ta' flessibbiltà jistgħu finalment iwasslu għal nuqqas li jintlaħqu l-miri ta' tnaqqis tal-emissjonijiet. Huwa importanti li jinżamm kont mhux biss tal-problemi ekonomiċi u strutturali temporanji tal-Istati Membri u l-istandard tagħhom tal-għajxien, iżda wkoll li jitqiesu d-differenzi reġjonali fi ħdan l-Istati Membri biex b’hekk ikunu jistgħu jintlaħqu l-miri ambizzjużi;

    12.

    jistieden b’urġenza lill-Kummissjoni biex tipproponi soluzzjonijiet konkreti għall-problemi ta’ dawk ir-reġjuni li jistgħu jsibu ruħhom f'diffikultà jew tnaqqis partikolari fil-kuntest tat-tranżizzjoni meħtieġa lejn ekonomija b'karbonju baxx; jisħaq dwar il-ħtieġa li jiġu żviluppati soluzzjonijiet realistiċi għal reġjuni li jiddipendu ħafna mill-użu tal-fjuwils fossili jew għal industriji b’intensità enerġetika għolja, jew li inkella jintlaqtu b’mod sproporzjonat mill-applikazzjoni tar-Regolamenti proposti; jenfasizza l-importanza tal-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-iżvilupp ta’ rotot ta’ żvilupp sostenibbli li jistgħu fl-istess ħin jistimulaw l-ekonomija ta' dawn ir-reġjuni;

    13.

    jinnota li, minħabba l-provvista eċċessiva ta’ kwoti tal-ETS u l-prezz baxx għas-CO2, il-limitu massimu ta’ 100 miljun unità ffissat għall-emissjonijiet mhu se jkun ta’ ebda għajnuna għal tnaqqis qawwi ta' emissjonijiet, iżda jista’ jaħdem kontra l-għanijiet ta' protezzjoni tal-klima u jista’ saħansitra jikkawża żieda fl-emissjonijiet fis-setturi li mhumiex soġġetti għall-ETS, bħala riżultat ta’ tnaqqis ta' żbilanċi;

    14.

    jistieden lill-Kummissjoni biex tipprovdi xi flessibbiltà fl-allokazzjoni tal-penali billi jiġu applikati rati aktar baxxi ta’ skambu u valutazzjoni fir-riallokazzjoni tal-kwoti tal-emissjonijiet bejn is-setturi;

    Regoli ta’ kontabbiltà tal-LULUCF u l-arranġamenti ta' flessibilità

    15.

    jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jużaw total ta’ 280 miljun unità tal-LULUCF għall-kontabbiltà, li jirrikonoxxi l-fatt li das-settur, b’mod partikolari l-foresti, għandu l-potenzjal jikkontribwixxi b’mod pożittiv għall-qafis tal-UE dwar il-klima. Josserva li hemm problemi fl-eżattezza tal-monitoraġġ tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra fil-qafas tal-LULUCF, u bl-appoġġ għal-livell lokali fil-ġbir tad-data;

    16.

    jinnota li l-assorbiment tas-CO2 fil-qafas tal-LULUCF għandu jkun limitat għal dawk l-oqsma ta-Regolament dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi, li fih ir-regoli tal-kontabilità huma xjentifikament sodi u ġustifikati, u ġew ikkontrollati fi proġetti pilota. B'dan il-mod, l-ispekulazzjoni u t-tnaqqis tal-prinċipji ġenerali dwar l-aspetti tal-ispiża pura għandhom jiġu evitati. Fil monitoraġġ tal-attivitajiet fil-qasam tal-LULUCF u fir-rappurtar relevanti għandu jiġi evitat, bl-użu tal-aħjar għarfien u l-implimentazzjoni tal-aħjar prattiki, l-għadd doppju; dan japplika speċjalment għall-bidliet fil-kategoriji tal-użu tal-art, kif ukoll meta jiġu kkunsidrati l-prodotti tal-injam u d-disturbi naturali;

    17.

    jipproponi li jiġi awtorizzat tnaqqis kull ħames snin, biex ikun jista’ jitqies il-kontribut potenzjali minn art deforestata, minn art forestali, minn raba’ ġestita u minn bwar ġestiti. B’dal mod ikun hemm kumpens għall-varjabilità tan-natura u l-impatt tal-avvenimenti każwali u l-proċessi ċikliċi;

    18.

    jirrakkomanda li l-Kummissjoni taħdem mal-Istati Membri biex tistabbilixxi regoli definiti għar-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-ġestjoni tad-data u l-monitoraġġ tal-kontabbiltà tal-LULUCF;

    Kontabbiltà u kontroll

    19.

    iqis li huwa importanti li r-rapportar robust u ċ-ċiklu ta’ konformità skont l-ESD jinżammu skont il-proposta. L-Istati Membri għandhom obbligu li jikkonformaw mal-limiti annwali tal-emissjonijiet u trajettorja lineari fil-perjodu ta’ bejn l-2021 u l-2030 għalkemm il-kontroll tal-konformità attwali se jkun organizzat kull 5 snin.

    20.

    jenfasizza li, sabiex jiġi żgurat li l-kontrolli tal-konformità jseħħu abbażi ta’ data preċiża, il-Kummissjoni teżamina u tevalwa b’mod kontinwament u sistematikament, fejn xieraq u bl-għajnuna ta’ esperti indipendenti, l-inventarji tal-gassijiet b'effett ta’ serra ppreżentati mill-Istati Membri;

    21.

    jemmen li l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għandha tkompli tikkoordina l-kontroll tat-trasparenza, tal-preċiżjoni, tal-konsistenza, tal-komparabbiltà u tal-kompletezza tal-informazzjoni ppreżentata. Huwa importanti li jsaħħu l-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-attivitajiet ta’ kontabbiltà u rappurtar tagħhom sabiex ikun żgurat li l-karatteristiċi speċifiċi lokali u territorjali jitqiesu b’mod aktar effettiv minn qatt qabel;

    22.

    iqis li huwa importanti li l-amministrazzjonijiet nazzjonali, reġjonali u lokali kif ukoll kumpaniji, SMEs u mikrointrapriżi ma jitgħabbewx bi dmirijiet ta’ rappurtaġġ immedjat jew piżijiet amministrattivi minħabba din il-proposta;

    Il-kwalità tal-informazzjoni fil-qasam tal-LULUCF

    23.

    ifakkar li d-diversità u l-varjabilità tal-użu tal-art fl-Ewropa iwasslu b’mod naturali għal trattament differenti u inkonsistenti li jirrikjedi armonizzazzjoni determinata u koordinata u standardizzazzjoni tal-kwalità tad-data tal-Istati Membri, f’dan il-kuntest, għandhom jitqiesu mhux biss kundizzjonijiet u tendenzi nazzjonali iżda wkoll dawk reġjonali u lokali, inkluża d-dinamika tagħhom; jissuġġerixxi, f’dan il-kuntest, li jsir użu tal-esperjenza miġbura permezz ta’ għodod bħall-metodoloġija għall-inventarji tal-emissjonijiet taħt l-inizjattiva tal-Patt tas-Sindki, u li tingħaqad mal-isforzi li għaddejjin biex jiġu stabbiliti indikaturi flessibbli, faċli biex jintużaw u affidabbli għall-kejl tal-emissjonijiet lokali u reġjonali fil-kuntest tal-Patt tas-Sindki Globali;

    24.

    huwa mħasseb li l-Protokoll ta’ Kyoto se jiskadi fl-aħħar tal-2020. Konsegwentement, il-governanza għas-settur tal-LULUCF teħtieġ li tiġi żviluppata aktar fi ħdan l-UE. Konsegwentement, il-governanza għas-settur tal-LULUCF jeħtieġ li tiġi żviluppata aktar fi ħdan l-UE; bħalissa din hija pprovduta mid-Deċiżjoni dwar il-LULUCF (529/2013/UE). Din id-deċiżjoni diġà ġiet implementata, u għandha tipprovdi sistemi ta' kontabilità tejba sal-2020. Mingħajr qafas legali li jikkonsolida din l-implimentazzjoni u li jiddefinixxi r-regoli applikabbli għall-perjodu ta’ wara l-2020, il-mod li bih il-LULUCF ikun inkluż fil-qafas globali jista’ jkun eteroġenu madwar l-UE kollha. Id-differenzi fir-regoli ta’ rapportar u dawk kontabilistiċi minn Stat Membru għall-ieħor jistgħu jaffettwaw il-funzjonament ottimu tas-suq uniku b’mod negattiv;

    L-importanza tal-awtoritajiet lokali u reġjonali għall-inventarji tal-LULUCF

    25.

    jirrikonoxxi li r-regoli ta’ kontabbiltà għall-inventorju LULUCF abbażi tal-proċedura IPCC tal-2006, ma jagħmlux użu mill-metodi l-aktar aġġornati disponibbli. L-UE għandha tiżviluppa b’mod sostanzjali, l-proċedura tal-inventarju, sabiex jittejbu l-preċiżjoni u l-veloċità tiegħu, filwaqt li jinżammu s-sempliċità u t-trasparenza tas-sistema. F’dan ir-rigward, il-bliet u r-reġjuni se jkollhom rwol importanti jekk mhux deċiżiv fit-trażmissjoni tat-tagħrif meħtieġ għall-inventarji tal-LULUCF kemm għall-evalwazzjoni ex post kif ukoll għat-tħejjija tal-previżjonijiet;

    26.

    jenfasizza li, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, l-użu ta’ strutturi ta’ appoġġ bl-għan li jiġi appoġġjat titjib gradwali jidher bħala żvilupp promettenti. Il-KtR jista’ jikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ ambjent favorevoli għal aktar żvilupp tal-kapaċità tal-bliet u r-reġjuni biex jiġbru, janalizzaw u jaggregaw data tal-LULUCF, f’konformità mal-prinċipji ewlenin tal-proċedura IPCC ta’ konsistenza, komparabbiltà, kompletezza, preċiżjoni u trasparenza;

    27.

    huwa tal-fehma li l-Kummissjoni Ewropea, flimkien mal-KtR, għandha tiżviluppa linji gwida sabiex tingħata għajnuna proċedurali lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jiġbru d-data, kif ukoll standards metodoloġiċi komuni għall-integrazzjoni u l-kunsiderazzjoni ta’ tagħrif lokali, b’kont meħud tal-bilanċ bejn il-preċiżjoni u l-kosteffettività, kif ukoll li jiġi limitat il-piż amministrattiv. Livell ogħla ta’ preċiżjoni jista’ naturalment jintlaħaq biss permezz tal-involviment ta’ esperti lokali u reġjonali;

    L-involviment ta’ firxa wiesgħa ta’ partijiet interessati

    28.

    jinnota li approċċ li jinvolvi diversi partijiet interessati mhux biss huwa xieraq, sabiex jintlaħaq qbil dwar il-kwistjonijiet tat-tibdil fil-klima u t-tfassil ta’ LULUCF, iżda jikkontribwixxi wkoll sabiex tiżdied it-trasparenza u l-obbligi ta’ rappurtar, titjieb il-valutazzjoni tal-impatt soċjali u ekonomiku fil-livell lokali u reġjonali, tiġi faċlitata l-identifikazzjoni tal-aħjar soluzzjonijiet biex tiġi indirizzata l-kumplessità li dejjem tikber ta’ dawn il-kwistjonijiet permezz ta’ approċċ trasversali;

    29.

    huwa tal-fehma li, fir-rigward tal-inklużjoni tal-LULUCF fil-qafas ta’ politika dwar il-klima, prinċipalment għandhom jitqiesu l-agrikoltura u l-forestrija, iżda wkoll il-kontribuzzjoni tal-akkomodazzjoni, l-immaniġġjar tal-iskart u l-industriji ż-żgħar kemm fl-adozzjoni tal-aħjar prattiki fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ trasparenza u sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-mekkaniżmi ta’ kontroll. Reazzjonijiet ta’ malajr u konkreti fl-oqsma differenti, kemm waqt id-diskussjonijiet dwar ir-Regolament kif ukoll fl-istadju ta’ eżekuzzjoni huma kruċjali u essenzjali;

    Finanzjament

    30.

    jenfasizza li l-opportunitajiet ta’ finanzjament għandhom jiġu estiżi gradwalment, b’mod iktar deċiż minn qatt qabel, u b’mod aktar deċentralizzat, għal-livell lokali u reġjonali, bħala addizzjonijiet attraenti għall-finanzjament privat u għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu. Minbarra l-għoti ta’ finanzjament nazzjonali u Ewropew fil-forma ta’ għotjiet u kofinanzjament, għandu jiġi kkunsidrat – bi tħejjija għall-implimentazzjoni ta’ inizjattivi ambjentali –titjib tal-kapaċità ta’ self tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-kapaċità tagħhom li jagħtu għotjiet finanzjarja. Dan jista’ jinkiseb permezz ta’ bidliet fil-leġislazzjoni jew billi jiġu ffurmati assoċjazzjonijiet ta’ bliet, li waħidhom mhumiex kbar biżżejjed biex jixtru bonds, pereżempju.

    Brussell, it-23 ta’ Marzu 2017.

    Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

    Markku MARKKULA


    Top